Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2259(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0162/2018

Testi mressqa :

A8-0162/2018

Dibattiti :

PV 30/05/2018 - 28
CRE 30/05/2018 - 28

Votazzjonijiet :

PV 31/05/2018 - 7.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0240

Testi adottati
PDF 192kWORD 70k
Il-Ħamis, 31 ta' Mejju 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
L-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ
P8_TA(2018)0240A8-0162/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ (2017/2259(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 14, 15, 21, 24 u 32 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, irratifikata mill-UE fl-2010,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi 'Erasmus+': il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar Pjan ta' Ħidma għall-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-2016-2018(2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7-8 ta' Frar 2013 biex tinħoloq Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018)(5),

–  wara li kkunsidra l-Evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("ET 2020")(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 dwar il-futur tal-programm Erasmus+(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi 'Erasmus+': il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE(9),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni, adottata fil-laqgħa informali tal-ministri għall-edukazzjoni tal-UE fis-17 ta' Marzu 2015 f'Pariġi,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (mill-2010 sal-2018), adottat mill-Kunsill fit-23 ta' Novembru 2015(10),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali(11),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Awwissu 2015 bit-titolu "Abbozz tar-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ (ET2020) - Prijoritajiet Ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ" (COM(2015)0408),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "EWROPA 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Jannar 2018, bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali" (COM(2018) 0022),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar il-valutazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ 2013-2015(12),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2014 dwar Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships(13),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-25 ta' Novembru 2008 dwar il-politika taż-żgħażagħ tal-Kunsill tal-Ewropa (CM/Res(2008)23),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-31 ta' Mejju 2017 dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ (CM/Rec(2017)4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar it-tagħlim tal-UE fl-iskejjel(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ(15),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018)(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE(17),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Parallel dwar il-Politika dwar iż-Żgħażagħ ippubblikat mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ dwar l-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ(18),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' pożizzjoni bit-titolu "Engage. Inform. Empower" (Involvi. Informa. Agħti s-setgħa) tal-Aġenzija Ewropea għall-Informazzjoni u l-Konsulenza taż-Żgħażagħ (ERYICA),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) ta', u l-Anness 3 għad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0162/2018),

A.  billi l-impatt negattiv tar-reċessjoni fuq il-prospetti taż-żgħażagħ biex jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom għadu jinħass madwar l-Unjoni Ewropea;

B.  billi bosta Stati Membri, b'mod partikolari dawk fin-Nofsinhar tal-Ewropa, għad fadlilhom ftit biex jilħqu l-livelli tagħhom ta' qabel il-kriżi f'numru ta' indikaturi taż-żgħażagħ, bħall-impjiegi, il-benesseri u l-protezzjoni soċjali;

C.  billi t-tnaqqis tad-disparitajiet huwa evidenti fil-livell reġjonali madwar l-UE; billi bosta reġjuni għad għandhom rati ta' impjieg aktar baxxi mil-livelli tagħhom ta' qabel il-kriżi;

D.  billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ kien qiegħed jonqos gradwalment f'dawn l-aħħar snin, għalkemm, skont il-Eurostat, ir-rata kienet ta' 16,1 % f'Jannar 2018, u saħansitra aktar minn 34 % f'xi Stati Membri; billi, jekk inqabblu ċ-ċifri mill-2008 (15,6 %), nistgħu nikkonstataw li r-rata żdiedet; billi dawn iċ-ċifri jipprevjenu li jkun hemm soluzzjoni waħda li tgħodd għal kulħadd jekk irridu nilħqu l-potenzjal sħiħ taż-żgħażagħ; billi hemm rati għolja b'mod preokkupanti ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fir-reġjuni ultraperiferiċi, b'uħud minn dawk ir-reġjuni jirreġistraw rati ta' aktar minn 50 %, bħalma huwa l-każ ta' Mayotte;

E.  billi l-gruppi żvantaġġati, bħal minoranzi etniċi, persuni bi bżonnijiet speċjali, nisa, LGBTIQ, migranti u rifuġjati – li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' ostakli biex jidħlu fis-suq tax-xogħol, u jaċċessaw il-kultura, is-servizzi soċjali u l-edukazzjoni – huma dawk li jiġu affettwati l-aktar mill-kriżi soċjoekonomika;

F.  billi l-edukazzjoni tgħin fit-tnaqqis tal-effett ta' inugwaljanzi soċjoekonomiċi, filwaqt li tipprovdi l-ħiliet u l-kompetenzi li huma meħtieġa sabiex titnaqqas it-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-iżvantaġġi;

G.  billi n-nuqqas ġenerali ta' investiment fiż-żgħażagħ u d-drittijiet taż-żgħażagħ se jipprevjeni liż-żgħażagħ milli jitolbu, jeżerċitaw u jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u se jikkontribwixxi biex jiggravaw fenomeni bħal popolazzjonijiet li qegħdin jonqsu, it-tluq bikri mill-iskola, in-nuqqas ta' kwalifiki professjonali u vokazzjonali, id-dħul tardiv fis-suq tax-xogħol, in-nuqqas ta' indipendenza finanzjarja, il-funzjonament potenzjalment ħażin tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, il-prekarjetà u l-esklużjoni soċjali;

H.  billi l-problemi li jaffaċċjaw iż-żgħażagħ fl-impjieg, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, kif ukoll fl-involviment soċjali u politiku mhumiex uniformi, filwaqt li xi gruppi huma affettwati b'mod aktar sproporzjonat minn oħrajn; billi huwa meħtieġ aktar sforz biex jiġu appoġġati dawk li huma l-aktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol jew kompletament separati minnu;

I.  billi l-konservazzjoni tal-iskejjel lokali u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni fir-reġjuni kollha Ewropej hija essenzjali għat-titjib tal-edukazzjoni taż-żgħażagħ u jekk l-UE trid toffri lir-reġjuni l-appoġġ sħiħ tagħha f'din l-isfida;

J.  billi l-edukazzjoni, id-djalogu interkulturali, il-komunikazzjoni strateġika u kooperazzjoni eqreb bejn l-Istati Membri b'mod partikolari, għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fil-prevenzjoni tal-emarġinazzjoni u tar-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ u fit-tiżjid tar-reżiljenza tagħhom;

K.  billi ż-żgħażagħ għandhom jiġu involuti b'mod attiv fl-ippjanar, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-politiki kollha li għandhom impatt fuq iż-żgħażagħ; billi 57 % tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-UE jqisu li l-kompetenzi tagħhom ma jitqisux fil-proċess tat-tfassil tal-politiki dwar iż-żgħażagħ(19);

L.   billi huwa importanti li l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jiggarantixxu livell adegwat ta' rappreżentanza u inklużività taż-żgħażagħ sabiex ikunu kompletament leġittimi;

M.  billi l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ hija strateġija ta' kontinwità, fi stat kontinwu ta' perfezzjonament, bl-objettivi tagħha għadhom vasti u ambizzjużi ħafna; billi jirriżulta li hemm nuqqas ta' parametri ta' referenza debitament stabbiliti;

N.  billi l-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ (EYS) 2010-2018 tenfasizza l-ħtieġa għal djalogu strutturat bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet;

O.  billi l-EYS għandha bħala objettiv massimu li żżid in-numru ta' opportunitajiet u tiżgura l-ugwaljanza tal-opportunitajiet għaż-żgħażagħ Ewropej kollha;

P.  billi ż-żgħażagħ għandhom jiġu megħjuna u mogħtija s-setgħa sabiex jindirizzaw il-problemi tassew serji li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom bħalissa u biex jindirizzaw l-isfidi li se jħabbtu wiċċhom magħhom fil-futur permezz ta' politiki dwar iż-żgħażagħ iktar rilevanti, effettivi u kkoordinati aħjar, edukazzjoni mtejba u aċċessibbli u l-użu mmirat tal-politiki ekonomiċi, tal-impjieg u soċjali fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE;

Q.  billi fis-snin reċenti l-UE nediet għadd ta' inizjattivi bħall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-qafas tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ bil-għan li jinħolqu aktar opportunitajiet u opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ kollha fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol u jiġu promossi l-inklużjoni, l-emanċipazzjoni u l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fis-soċjetà;

R.  billi hemm ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-azzjoni tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ permezz tal-inklużjoni ta' dimensjoni taż-żgħażagħ fil-politiki u programmi ta' finanzjament attwali u futuri u li din tiġi stabbilita fl-oqsma ta' politika kollha essenzjali, bħall-ekonomija, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, il-koeżjoni, is-saħħa, in-nisa, il-parteċipazzjoni, il-migrazzjoni, il-kultura, il-midja u l-edukazzjoni;

S.  billi hemm ħtieġa għal koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-EYS futura fis-setturi ta' politiki u l-istituzzjonijiet differenti;

T.  billi perspettiva tas-sessi trid tiġi inkluża fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar politiki dwar iż-żgħażagħ li tqis l-isfidi u ċ-ċirkostanzi speċifiċi li b'mod partikolari jħabbtu wiċċhom magħhom it-tfajliet u l-bniet li ġejjin minn sfondi kulturali u reliġjużi differenti; billi l-miżuri speċifiċi marbuta mal-ugwaljanza bejn is-sessi għandhom jiġu inklużi fil-politika dwar iż-żgħażagħ bħall-prevenzjoni ta' vjolenza kontra n-nisa u t-tfajliet, l-edukazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-edukazzjoni sesswali; billi l-probabilità li n-nisa jkunu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) hija 1.4 darbiet ogħla meta mqabbla ma' dik tal-irġiel(20), u huma meħtieġa sforzi kontinwi sabiex jiżdiedu l-livelli ta' parteċipazzjoni fis-swieq tax-xogħol fost iż-żgħażagħ nisa – b'mod partikolari wara l-liv tal-maternità u fil-każ ta' ommijiet waħedhom – u żgħażagħ li jitilqu mill-iskola kmieni, żgħażagħ b'livell baxx ta' kwalifiki, żgħażagħ b'diżabilità u dawk iż-żgħażagħ kollha f'riskju ta' diskriminazzjoni;

U.  billi huma meħtieġa sforzi sostenibbli li jżidu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà, b'mod partikolari għall-persuni b'diżabilità, il-migranti, ir-rifuġjati, NEET u dawk f'riskju ta' esklużjoni soċjali;

V.  billi l-edukazzjoni hija fattur ewlieni fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u l-investiment fil-ħiliet u l-kompetenzi huwa kruċjali biex tiġi indirizzata r-rata għolja ta' qgħad, speċjalment fost l-NEET;

W.  billi l-Artikolu 9 tat-TFUE jistabbilixxi li meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tqis ir-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli tal-impjiegi, protezzjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;

X.  billi l-EYS stabbiliet bażi tajba għal kooperazzjoni utli u sinifikanti fil-qasam taż-żgħażagħ;

Y.  billi l-ilħuq tal-objettivi tal-aħħar ċiklu ta' tliet snin tal-EYS (2010-2018) ma jistax jiġi vvalutat b'mod xieraq u preċiż u huwa diffiċli ħafna li jiġi evalwat it-tqabbil tas-sitwazzjonijiet rispettivi tal-Istati Membri differenti minħabba nuqqas ta' valuri komparattivi u indikaturi, u minħabba strumenti ta' implimentazzjoni mrikkba;

Z.  billi l-orjentazzjoni tal-karriera u l-aċċess kemm għall-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' impjiegi kif ukoll dwar il-perkorsi edukattivi huma essenzjali għall-iżvilupp edukattiv futur u t-tranżizzjoni għas-suq tax-xogħol;

AA.  billi l-Unjoni Ewropea, fid-definizzjoni tal-għanijiet ta' din l-istrateġija u fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tagħha, trid taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

Sfidi u tagħlimiet għaż-żgħażagħ mill-proċess attwali ta' tfassil ta' politika tal-UE relatata maż-żgħażagħ

1.  Jinnota b'dispjaċir li miżuri ta' awsterità fit-tul, b'mod partikolari tnaqqis fil-finanzjament għal politiki dwar l-edukazzjoni, il-kultura, u ż-żgħażagħ, kellhom impatt negattiv fuq iż-żgħażagħ u l-kondizzjonijiet ta' ħajja tagħhom; iwissi li ż-żgħażagħ, speċjalment l-aktar żvantaġġati, bħal żgħażagħ b'diżabilità, żgħażagħ nisa, minoranzi, dawk bi bżonnijiet speċjali, jiġu affettwati ħafna minn inugwaljanza li dejjem tiżdied, ir-riskju ta' esklużjoni, insigurtà u diskriminazzjoni;

2.  Jilqa' l-kisbiet tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, li wriet il-ħila tagħha li tindirizza l-problemi li jaffaċċjaw ħafna mill-Ewropej u li tappoġġa dawk li jfasslu l-politika fil-livell nazzjonali, li tipprovdilhom għarfien espert, rakkomandazzjonijiet u leġittimità, u li timmobilizza b'suċċess aktar finanzjament mill-UE;

3.  Iqis il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni bħala mezz xieraq iżda insuffiċjenti bħala mezz ta' qafas għall-politiki dwar iż-żgħażagħ li jeħtieġ li jiġi kkomplementat b'miżuri oħra; itenni s-sejħa tiegħu għal kooperazzjoni eqreb u skambju tal-aħjar prattiki dwar il-kwistjonijiet taż-żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaqblu dwar indikaturi u parametri referenzjarji ċari sabiex ikun jista' jiġi mmonitorjat il-progress miksub;

4.  Jirrikonoxxi l-kisbiet pożittivi tal-EYS permezz tal-iżvilupp ta' xogħol transsettorjali u l-implimentazzjoni ta' djalogu strutturat sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, jemmen li l-livell ġenerali ta' sensibilizzazzjoni dwar l-objettivi u l-istrumenti tal-EYS min-naħa tal-atturi u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti jeħtieġ li jittejjeb; jinnota, b'mod partikolari, li l-approċċ minn isfel għal fuq li ntuża għad-djalogu strutturat huwa valur miżjud u għandu jiġi ppreservat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, iqisu r-riżultati taċ-Ċiklu VI tad-djalogu strutturat li jiffoka fuq il-futur tal-EYS meta jiżviluppaw l-istrateġija l-ġdida;

5.  Jissuġġerixxi l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qasam tal-politika dwar iż-żgħażagħ, speċjalment f'dawk l-Istati Membri fejn għandhom kompetenza f'dan il-qasam;

6.  Jilqa' l-inizjattivi tal-politika mmirati lejn l-appoġġ għaż-żgħażagħ tal-UE, b'mod partikolari Ninvestu fiż-żgħażagħ tal-Ewropa, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI); jemmen, madankollu, li dawn l-istrumenti għandhom jiġu marbuta aħjar mal-EYS u li jsegwu approċċ minn isfel għal fuq; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex torbot b'mod sistematiku l-proposti ta' politika kollha rilevanti għaż-żgħażagħ mal-istrateġija globali u li tinvolvi l-partijiet ikkonċernati kollha, bħas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, billi ssegwi approċċ olistiku fit-tul b'objettivi speċifikati sew fil-pjan orizzontali;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta' ħidma transsettorjali għal koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-EYS futura bil-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż il-Parlament, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili, b'mod partikolari t-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi għodod ta' koordinazzjoni bejn is-servizzi effettivi u tassenja r-responsabilità għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ bħala grupp lil viċi president tal-Kummissjoni;

9.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jużaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala bażi għall-abbozzar tal-leġiżlazzjoni għaż-żgħażagħ;

10.  Jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni ta' stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa għall-prevenzjoni tal-mard, u jqis li jeħtieġ li ż-żgħażagħ jingħataw informazzjoni korretta u assistenza fir-rigward ta' problemi serji fil-qasam tas-saħħa mentali, bħall-użu u d-dipendenza fuq it-tabakk, l-alkoħol u d-droga;

11.  Jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni tal-EYS fl-Istati Membri bil-ħsieb li tippermetti aktar kontrolli u monitoraġġ fuq il-post; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi objettivi tal-EYS li jistgħu jiġu vvalutati b'mod kwalitattiv u kwantitattiv, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' kull Stat Membru jew reġjun; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament għal programmi u azzjonijiet li jħejju liż-żgħażagħ għad-dinja tax-xogħol;

Nagħtu leħen liż-żgħażagħ fl-EYS

12.  Jirrakkomanda li l-EYS futura għandha tkun parteċipattiva u ċċentrata madwar iż-żgħażagħ, ittejjeb il-benesseri, tirrifletti l-ħtiġijiet, l-ambizzjonijiet u d-diversità taż-żgħażagħ kollha fl-Ewropa, filwaqt li twessa' l-aċċess tagħhom għal għodod kreattivi li jinvolvu teknoloġiji ġodda;

13.  Jemmen li l-UE għandha tesprimi solidarjetà maż-żgħażagħ u tkompli tagħtihom is-setgħa biex jipparteċipaw fis-soċjetà billi tiżviluppa miżuri speċifiċi, bħas-simplifikazzjoni tal-volontarjat, l-għoti ta' sostenn lill-ħidma fost iż-żgħażagħ, l-iżvilupp ta' għodod ġodda – speċjalment dawk li jinvolvu teknoloġiji ġodda – u l-promozzjoni ta' skambji bbażata fuq is-solidarjetà, l-involviment tal-komunità, l-ispazju ħieles u d-djalogu demokratiku; jirrikonoxxi, għalhekk, l-importanza tal-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ bħala spazju ta' trawwim tal-karattru u ta' żvilupp tas-sens ta' ċittadinanza attiva; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-involviment attiv taż-żgħażagħ fl-organizzazzjonijiet volontarji; jisħaq fuq il-punt li ż-żieda fil-parteċipazzjoni soċjali taż-żgħażagħ, minbarra li hija kisba importanti fiha nnifisha, taġixxi bħala pass 'il quddiem lejn żieda fil-parteċipazzjoni politika;

14.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti tat-tagħlim mhux formali u informali, kif ukoll tal-parteċipazzjoni f'attivitajiet sportivi u ta' volontarjat, fl-istimulazzjoni tal-iżvilupp tal-kompetenzi u l-ħiliet ċiviċi, soċjali u interkulturali fost iż-żgħażagħ Ewropej;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jipprevedu oqfsa legali nazzjonali u riżorsi finanzjarji adegwati għall-volontarjat;

16.  Iħeġġeġ ħafna lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ, partikolarment dawk li għandhom inqas opportunitajiet u dawk li jinsabu barra mill-istrutturi organizzazzjonali formali, ikollhom rwol attiv u kritiku fil-ħajja pubblika, u jadottaw approċċ parteċipatorju fit-tfassil tal-politika bil-għan li jippermettu liż-żgħażagħ jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet li jkollhom impatt fuq ħajjithom billi joffrulhom għodod ta' demokrazija online u offline filwaqt li jqisu l-limiti u r-riskji relatati mal-midja soċjali sabiex jinvolvu ruħhom maż-żgħażagħ, u billi jinvolvu l-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħas-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-politiki dwar iż-żgħażagħ;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu liż-żgħażagħ sabiex jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċess elettorali;

18.  Jesprimi l-ħtieġa li jitkompla d-djalogu strutturat bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet skont il-qafas Ewropew ta' kooperazzjoni li jmiss fil-qasam taż-żgħażagħ; jemmen li l-proċess ta' djalogu strutturat għandu jżid b'mod sistematiku n-numru u d-diversità ta' gruppi ta' żgħażagħ li jindirizza, u jenħtieġ li jingħata appoġġ finanzjarju suffiċjenti lil gruppi ta' ħidma nazzjonali u Ewropej sabiex dan jiġi żgurat; jistieden lill-Istati Membri jħeġġu l-parteċipazzjoni ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali fid-djalogu strutturat maż-żgħażagħ;

19.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu b'mod trasparenti meta jagħtu rendikont u japplikaw il-fondi maħsuba għall-promozzjoni ta' opportunitajiet sostenibbli ta' impjieg għaż-żgħażagħ; jisħaq fuq l-importanza, konsegwentement, li l-Istati Membri jippreżentaw data ddettaljata dwar is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ tagħhom, meta din tkun mitluba;

20.  Jenfasizza li hemm nuqqas ta' komunikazzjoni ta' informazzjoni sistematika u ta' data affidabbli dwar l-eżekuzzjoni tal-EYS; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu kooperazzjoni akbar tas-servizzi nazzjonali u reġjonali tal-istatistika, bil-preżentazzjoni ta' data statistika rilevanti u aġġornata dwar iż-żgħażagħ, li hija importanti sabiex jiġi vvalutat il-livell ta' suċċess tal-istrateġija implimentata; iqis li r-rapporti ta' kull tliet snin ippreżentati għandhom ikunu akkumpanjati minn dik id-data statistika;

21.  Ifakkar li hemm tendenza ta' tnaqqis fil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-elezzjonijiet nazzjonali u lokali u li ż-żgħażagħ jeħtieġu impenn politiku u jeħtieġ li jkunu kapaċi jaraw ir-riżultat tal-kontribut tagħhom; ifakkar li l-opportunitajiet sabiex jesperjenzaw parteċipazzjoni politika fl-ambjent u fil-komunitajiet lokali tagħhom stess minn età bikrija huma pass kruċjali lejn it-tisħiħ ta' sentiment ta' ċittadinanza Ewropea u biex iż-żgħażagħ isiru ċittadini attivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, iħeġġu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jiżguraw li ż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ u b'mod effikaċi u jiġu involuti fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fil-proċess ta' segwitu;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jinkorporaw lill-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ fil-kumitati ta' monitoraġġ u ta' implimentazzjoni tal-EYS;

23.  Jenfasizza l-potenzjal tat-teknoloġija għall-konnessjoni maż-żgħażagħ u jistieden lill-UE ssaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fis-soċjetà permezz ta' pjattaformi elettroniċi;

24.  Jinnota b'dispjaċir li minkejja l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex tikkomunika l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ appoġġati mid-diversi programmi tal-Unjoni, bosta żgħażagħ jemmnu li għandhom aċċess limitat għal dawn l-opportunitajiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb l-għodod ta' komunikazzjoni tagħha;

Opportunitajiet indaqs għall-iżgurar ta' inklużjoni sostenibbli fis-suq tax-xogħol

25.  Hu mħasseb ħafna bir-rati għoljin persistenti ta' qgħad fost iż-żgħażagħ madwar l-UE, speċjalment fin-Nofsinhar tal-Ewropa; jiftakar li l-ħolqien ta' xogħlijiet ta' kwalità u l-impjieg għandhom jiġu ggarantiti u jibqgħu impenji ewlenin lejn iż-żgħażagħ u jitlob li, f'dan ir-rigward, il-miżuri jiffaċilitaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għax-xogħol billi jiżguraw internships u apprendistati ta' kwalità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu r-riformi strutturali tas-suq tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol u remunerazzjoni ġusti bil-għan li jiżguraw li ż-żgħażagħ ma jiġux diskriminati fir-rigward tal-aċċess tagħhom għad-dinja tax-xogħol; jenfasizza l-importanza li jiġu definiti d-drittijiet soċjali għal forom ġodda ta' impjiegi u traineeships professjonali ġusti u li jiġi żgurat id-djalogu soċjali;

26.  Jissottolinja l-importanza tal-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jadottaw miżuri mfassla apposta u jipprovdu appoġġ personalizzat sabiex jilħqu lill-NEET kollha; ifakkar il-ħtieġa li jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati lokali bħalma huma s-sħab soċjali, it-trejdjunjins, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

27.  Jargumenta li għandhom jittieħdu miżuri speċjali biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni prekarja taż-żgħażagħ nisa fis-suq tax-xogħol, b'attenzjoni speċjali għad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u r-rappreżentazzjoni żejda tagħhom f'forom atipiċi ta' impjieg li huma nieqsa mill-protezzjoni soċjali;

28.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu promossi kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni soċjali adegwata għall-ħaddiema fl-hekk imsejħa forom ġodda ta' impjieg fejn iż-żgħażagħ huma rrappreżentanti żżejjed;

29.  Jemmen li għandhom jittieħdu miżuri sabiex il-migranti żgħażagħ jiġu integrati fis-suq tax-xogħol b'rispett sħiħ tal-prinċipju ta' trattament indaqs;

30.  Jisħaq fuq il-punt li politika inklużiva favur iż-żgħażagħ għandha tiddefendi u tippromwovi programmi soċjali li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni politika u kulturali; jemmen, barra minn hekk, li x-xogħol diċenti u regolat, ibbażat fuq ftehimiet kollettivi tax-xogħol, relazzjonijiet tax-xogħol mhux prekarji, pagi u salarji adegwati, u servizzi pubbliċi universali u ta' kwalità għolja huwa importanti għall-benessri soċjetali taż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni soċjali adegwata, inkluż fir-rigward ta' forom ġodda ta' impjiegi;

31.  Ifakkar li l-impjiegi u l-intraprenditorija jikkostitwixxu waħda mit-tmien prijoritajiet identifikati fl-EYS (2010-2018); jisħaq fuq il-punt li l-ħidma fost iż-żgħażagħ u t-tagħlim mhux formali, b'mod partikolari kif żviluppati fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-potenzjal taż-żgħażagħ, inklużi ħiliet intraprenditorjali, u jippermettulhom jiżviluppaw sett wiesa' ta' kompetenzi li jistgħu jkabbru l-opportunitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu l-opportunitajiet professjonali u vokazzjonali transfruntiera, jespandu u jżidu l-investiment fis-settur tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV) u jippreżentawh bħala għażla edukattiva attraenti;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-awtoritajiet reġjonali u lokali u biex jinvestu f'opportunitajiet tal-ħajja ġodda għaż-żgħażagħ, sabiex jiżviluppaw il-kreattività u l-potenzjal sħiħ tagħhom, jappoġġaw l-intraprenditorija taż-żgħażagħ u jrawmu l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ għall-benefiċċju tal-komunitajiet tagħhom;

34.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għaż-żgħażagħ u għall-impjiegi; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess għal impjiegi u internships ta' kwalità li jsostnu d-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt għal impjieg stabbli li joffri paga li tiggarantixxi l-għajxien, il-protezzjoni soċjali u tiżgura ħajja ta' dinjità u awtonomija;

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissorveljaw lill-entitajiet li jippromwovu ripetutament apprendistati suċċessivi, mhux akkumpanjati minn integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, bil-ħsieb li tiġi evitata s-sostituzzjoni ta' kuntratti ta' impjiegi mill-hekk imsejħa internships;

36.  Jilqa' l-fatt li l-miżuri tal-YEI pprovdew appoġġ għal aktar minn 1.6 miljun żagħżugħ(21); jisħaq fuq il-punt li huma meħtieġa aktar sforzi u impenji finanzjarji; jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu kemm l-attivitajiet ta' komunikazzjoni maż-żgħażagħ fis-sitwazzjonijiet NEET li jħabbtu wiċċhom ma' diversi ostakli kif ukoll il-kwalità tal-offerti fl-ambitu tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, billi jiġu ddefiniti kriterji u standards ta' kwalità ċari li jinkludu l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, id-dħul minimu u d-drittijiet tal-impjieg; jistieden lill-Istati Membri biex b'mod effikaċi jtejbu s-sistemi ta' monitoraġġ, rappurtar u prestazzjoni u jiġi żgurat li l-fondi YEI jintużaw bħala suppliment għall-fond nazzjonali u mhux bħala sostituzzjoni;

37.  Jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kwalità f'termini ta' mentoraġġ u ta' kkowċjar, il-kwalità u l-adegwatezza tat-taħriġ, it-traineeships jew l-impjiegi individwali attwali, kif ukoll il-kwalità tal-eżitu skont l-objettivi stabbiliti; jissottolinja f'dan ir-rigward il-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-oqfsa ta' kwalità eżistenti, bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalità, skont il-YEI; huwa tal-fehma li ż-żgħażagħ għandhom ikunu involuti wkoll fil-monitoraġġ tal-kwalità tal-offerti;

38.  Jiftakar li miżuri li jrawmu l-integrazzjoni ta' żgħażagħ barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ fis-suq tax-xogħol, inklużi internships, traineeships jew apprendistati mħallsa ta' kwalità, iridu jkunu appoġġati finanzjarjament mill-YEI jew minn għodod Ewropej futuri, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe forma ta' sostituzzjoni tal-imġjieg jew abbuż ta' ħaddiema żgħażagħ;

39.  Jinnota li t-trawwim ta' mentalità intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ huwa prijorità u li s-sistemi ta' edukazzjoni formali u mhux formali huma l-aktar interventi effettivi li jippromwovu l-intraprenditorija taż-żgħażagħ; jissottolinja li l-intraprenditorija hija għodda li tiġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-esklużjoni soċjali u tistimola l-innovazzjoni; jemmen, għaldaqstant, li l-EYS għandha tappoġġa l-ħolqien ta' ambjent sostenibbli għall-intraprenditorija taż-żgħażagħ;

40.  Ifakkar li l-objettiv ewlieni tal-YEI huwa li tilħaq lill-NEET, u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jinvestu sforz akbar fl-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-popolazzjoni kollha ta' NEET, speċjalment l-aktar żgħażagħ vulnerabbli, bħal dawk b'diżabilità filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom;

41.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistabbilixxu għotjiet innovattivi u flessibbli għat-trawwim tal-ħiliet artistiċi u sportivi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ; jappoġġa lill-Istati Membri li qed jistinkaw biex jintroduċu skemi ta' boroż ta' studju għall-istudenti b'ħiliet edukattivi, sportivi u artistiċi ppruvati;

42.  Jissottolinja li 38 % taż-żgħażagħ isibu diffikultà biex jaċċessaw l-informazzjoni; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat approċċ kollettiv li jiggwida, jappoġġa u jinforma liż-żgħażagħ dwar id-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom;

43.  Ikompli jisħaq fuq il-ħtieġa li l-YEI mhux biss tiffoka fuq NEET żgħażagħ b'livell ta' edukazzjoni għoli ħafna, iżda wkoll fuq dawk b'livell baxx ta' kwalifiki, inattivi u mhux irreġistrati mas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi;

44.  Jisħaq fuq il-punt li l-mobilità tax-xogħol fi ħdan l-UE għadha limitata minkejja r-rati għoljin ta' qgħad; jiġbed l-attenzjoni, għalhekk, għall-importanza tal-mobilità tal-ħaddiema għal suq tax-xogħol kompetittiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu opportunitajiet professjonali u vokazzjonali transfruntiera għal dan il-għan;

45.  Itenni l-importanza li għandhom l-adulti ta' 'l fuq minn 55 sena fit-taħriġ taż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol; jargumenta, flimkien mal-Kummissjoni, favur il-ħolqien ta' programmi li jippermettu ħruġ gradwali mis-suq tax-xogħol sal-età tal-irtirar, b'mod partikolari billi jgħaddu għal xogħol part-time, fejn jagħtu taħriġ u jakkumpanjaw ukoll id-dħul gradwali taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

46.  Jindika r-rwol importanti tal-intrapriżi fi kwistjonijiet relatati mal-akkwist tal-ħiliet u l-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ; jinnota li l-edukazzjoni u t-taħriġ f'oqsma relatati mal-promozzjoni tal-intraprenditorija jistgħu jikkontribwixxu biex jinkiseb żvilupp fit-tul, tiġi promossa l-kompetittività Ewropea u jiġi miġġieled il-qgħad;

47.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippreżentaw, fil-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom, l-impatti mistennija tal-miżuri li għandhom jiġu adottati; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza li l-Istati Membri jagħtu garanziji li l-miżuri tagħhom effettivament jippromwovu l-impjieg sostnut; jisħaq dwar il-ħtieġa li titkejjel is-sostenibilità tal-politiki li għandhom jiġu implimentati;

Żvilupp sostenibbli: il-futur għaż-żgħażagħ

48.  Jemmen ħafna li edukazzjoni formali, mhux formali u informali ta' kwalità u taħriġ ta' kwalità huma dritt fundamentali; jikkunsidra, għaldaqstant, li l-aċċess għal-livelli kollha ta' edukazzjoni ta' kwalità għandu jiġi ggarantit għall-Ewropej kollha, irrispettivament mill-istatus soċjoekonomiku, l-etniċità, il-ġeneru u d-diżabilità fiżika jew konjittiva tagħhom; jenfasizza r-rwol importanti li għandha l-edukazzjoni formali, mhux formali u informali biex tipprovdi liż-żgħażagħ l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi biex isiru ċittadini impenjati u jieħdu sehem fil-proġett Ewropew; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki speċifiċi u f'dan ir-rigward iħeġġeġ li l-edukazzjoni artistika u kreattiva titqies bl-istess mod li jitqiesu s-suġġetti xjentifiċi u teknoloġiċi (STEM) fil-kurrikula tal-iskejjel;

49.  Jenfasizza l-importanza tal-immodernizzar tal-edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistimulaw l-inklużjoni ta' ħiliet u kompetenzi ġodda fl-edukazzjoni, bħaċ-ċittadinanza, il ħsieb kritiku u l-ispirtu intraprenditorjali, u jippromwovu l-iżvilupp ta' għodod edukattivi ġodda li jżidu l-parteċipazzjoni u l-aċċessibilità tal-edukazzjoni;

50.  Hu mħasseb ħafna dwar il-problema partikolarment akuta ta' faqar fost it-tfal, li jolqot sa 25 miljun tifel u tifla fl-UE (aktar minn 26.4 % tal-Ewropej kollha taħt it-tmintax-il sena) minn familji li qegħdin ibatu kuljum minn nuqqas ta' introjtu u servizzi bażiċi suffiċjenti; jemmen li l-politiki dwar iż-żgħażagħ jistgħu jikkontribwixxu f'oqsma bħall-politika dwar it-tfal u l-familja;

51.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fenomenu ta' tluq bikri mill-iskola u jitlob għalhekk li jinstabu soluzzjonijet xierqa sabiex jindirizzawh fid-dawl tal-ilħuq tal-miri tal-Ewropa 2020;

52.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġa inizjattivi bil-għan li jrawmu ċittadinanza attiva u kritika, ir-rispett, it-tolleranza, il-valuri u t-tagħlim interkulturali u jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol kruċjali tal-programmi tal-UE bħal Erasmus+, Ewropa Kreattiva u Ewropa għaċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu spazji għal djalogu maż-żgħażagħ dwar firxa ta' temi, bħal sess, ġeneru, politika, solidarjetà u l-ambjent kif ukoll il-liġi, l-istorja u l-kultura;

53.  Jemmen ħafna li l-litteriżmu, inkluż il-litteriżmu diġitali u tal-midja, in-numeriżmu, kif ukoll il-ħiliet bażiċi li jaġixxu bħala strumenti ewlenin biex jiżguraw l-awtonomija u futur promettenti għaż-żgħażagħ, irid ikun prijorità fil-livelli Ewropew, nazzjonali u lokali; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-isforzi tagħhom fl-għoti ta' ħiliet ta' tagħlim u kompetenzi bażiċi għal kulħadd;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ inizjattivi b'edukazzjoni formali u tagħlim informali sabiex jiġu appoġġati l-innovazzjoni, il-kreattività u l-intraprenditorija taż-żgħażagħ u jiġu promossi l-koeżjoni u l-fehim bejn iż-żgħażagħ ta' gruppi differenti;

55.  Jinnota bi tħassib kbir, f'dan ir-rigward, in-numru persistentement għoli ta' ċittadini Ewropej li għandhom ħiliet baxxi fil-litteriżmu jew diffikultajiet ta' litteriżmu, inkluż illitteriżmu funzjonali, diġitali u tal-midja, li joħolqu tħassib serju f'dak li jikkonċerna parteċipazzjoni adegwata fil-ħajja pubblika u fis-suq tax-xogħol;

56.  Ifakkar li l-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni ta' kwalità u inklużiva, għal taħriġ u għal tagħlim tul il-ħajja sabiex wieħed iżomm u jakkwista ħiliet li jippermettulu jipparteċipa bis-sħiħ fis-soċjetà u jiġġestixxi b'suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza li fil-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid tal-QFP għall-2021-2027, jingħata prijorità u jiġi żgurat l-investiment soċjali fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

57.  Jemmen ħafna li t-tabella ta' valutazzjoni soċjali, li ġiet introdotta fi ħdan il-qafas tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għandha tintuża biex tissorvelja l-EYS; jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta sett speċifiku ta' indikaturi biex tissorvelja l-EYS, bħall-edukazzjoni, il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja, l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, l-aċċess diġitali, il-kondizzjonijiet tal-ħajja u l-faqar;

58.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-familja u l-għalliema fl-appoġġ għaż-żgħażagħ li jesperjenzaw bullying fl-iskola u bullying fuq l-internet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħu azzjoni biex jindirizzaw dawn it-tipi ta' mġiba, li jaffettwaw il-benesseri mentali taż-żgħażagħ, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali adegwati mill-edukazzjoni primarja, kif previst fil-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali;

59.  Jargumenta li sabiex tiżdied l-effettività tal-azzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport, iridu jiġu żviluppati għanijiet u strumenti konġunti sabiex jitkejjel l-impatt tal-politika, abbażi ta' studji internazzjonali;

60.  Jissottolinja l-impatt ta' ħsara li għandu l-istress fuq il-benesseri taż-żgħażagħ, kemm fis-suq tax-xogħol u fil-ħajjiet personali kif ukoll fl-iskejjel u fit-tagħlim tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvestu fi programmi tas-saħħa mentali u biex iħeġġu lill-atturi rilevanti biex jgħinu liż-żgħażagħ f'dan ir-rigward;

61.  Jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat il-benesseri mentali u fiżiku taż-żgħażagħ Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu attivitajiet sportivi extrakurrikulari u jipprovdu tagħrif permezz ta' kampanji dwar in-nutrizzjoni;

62.  Jissottolinja l-importanza li jiġi promoss djalogu interkulturali fl-isport, fosthom billi jinħolqu pjattaformi li jinvolvu liż-żgħażagħ, lir-rifuġjati u lill-migranti;

63.  Jemmen li fid-dawl tal-kumplessità tal-politiki taż-żgħażagħ u l-impatt tagħhom, trid tiġi stimulata l-kollaborazzjoni tar-riċerka bil-ħsieb li jiġu żviluppati reazzjonijiet ġustifikati b'mod empiriku u soluzzjonijiet ta' intervent u preventivi li se jżidu l-benessri u r-reżiljenza taż-żgħażagħ;

64.  Jenfasizza l-importanza tal-kultura mhux biss fil-ġlieda kontra l-vjolenza, ir-razziżmu, ir-radikalizzazzjoni u l-intolleranza, iżda wkoll fl-iżvilupp ta' identità Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu u jinvestu fil-kultura u biex jiżguraw aċċess ugwali;

65.  Jenfasizza li l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għandhom rwol kruċjali għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri biex jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u jirrikonoxxu r-rwol tagħhom fl-iżvilupp ta' kompetenzi u fl-inklużjoni soċjali, u jappoġġaw it-twaqqif ta' kunsilli taż-żgħażagħ fil-livelli kollha, li jaħdmu flimkien maż-żgħażagħ;

66.  Jinsisti fuq l-importanza li jiġi vvalidat it-tagħlim mhux formali u informali biex min ikun qed jitgħallem jiġi awtonomizzat, peress li dan huwa essenzjali għall-iżvilupp ta' soċjetà bbażata fuq il-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs, u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' ħiliet taċ-ċittadinanza u r-realizzazzjoni personali; jiddispjaċih li l-impjegaturi u l-fornituri tal-edukazzjoni formali ma jirrikonoxxux biżżejjed il-valur u r-rilevanza tal-ħiliet, il-kompetenzi u l-għarfien miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u informali; jinnota li n-nuqqas ta' komparabilità u koerenza bejn l-approċċi ta' validazzjoni tal-pajjiżi tal-UE jirrappreżenta ostaklu addizzjonali; jistieden lill-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom sabiex jimplimentaw sistema nazzjonali ta' rikonoxximent u ta' validazzjoni, u jiżguraw finanzjament adegwat għal kompetenzi akkwistati permezz tal-edukazzjoni mhux formali, filwaqt li jfakkar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali;

Allinjament u approċċ aktar b'saħħtu minn strumenti ta' finanzjament għall-EYS

67.  Jemmen li l-EYS għandha ssegwi l-QFP u tikkonforma mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-inizjattivi, il-programmi u l-istrateġiji ta' politika ewlenin rilevanti kollha, billi jiġi stabbilit djalogu sistematiku bejn il-korpi rispettivi, jiġu ddefiniti għanijiet u miri ċari u jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' koordinazzjoni rilevanti;

68.  Ifakkar li fil-qasam taż-żgħażagħ, l-UE tista' twettaq biss azzjonijiet ta' appoġġ, tikkoordina u tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jinnota l-importanza tal-koerenza tal-finanzjament tal-UE u nazzjonali u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilità sinerġiji mal-inizjattivi nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jiġu evitati d-duplikazzjoni, s-sovrappożizzjoni u r-ripetizzjoni tal-attivitajiet;

69.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżidu l-investiment pubbliku fl-edukazzjoni u fi kwistjonijiet relatati maż-żgħażagħ;

70.  Jemmen ħafna li l-fondi disponibbli għall-appoġġ ta' diversi inizjattivi u politiki relatati maż-żgħażagħ bħall-programm Erasmus+, il-YEI u l-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini" għandhom jiżdiedu konsiderevolment fil-QFP li jmiss sabiex iż-żgħażagħ jingħataw aktar opportunitajiet u sabiex tiġi evitata l-esklużjoni;

71.  Jilqa' l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà – programm biex irawwem is-solidarjetà fost żgħażagħ Ewropej, il-volontarjat u l-iżvilupp ta' ċittadinanza solidali; ifakkar il-pożizzjoni tal-Parlament favur il-finanzjament xieraq tal-inizjattiva l-ġdida permezz ta' riżorsi ġodda u kontra l-użu tal-programm bħala opzjoni għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

72.  Jemmen ħafna li l-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini" għandu jkompli jistimula ċittadinanza attiva, edukazzjoni u djalogu ċiviku u joħloq sens ta' identità Ewropea; jinnota r-rata baxxa ta' suċċess tal-programm minħabba nuqqas ta' finanzjament; jitlob li jkun hemm żieda sostanzjali fl-allokazzjoni ta' finanzjament tiegħu;

73.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm il-Programm Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffokaw fuq il-promozzjoni ta' dan il-programm b'mod konġunt mal-kmamar tal-kummerċ, l-impriżi u ż-żgħażagħ, filwaqt li ma jittraskurawx l-oqsma ewlenin tal-attività tagħhom;

74.  Itenni l-appoġġ tiegħu għat-tisħiħ tal-programm Ewropa Kreattiva, li jipprovdi skemi ta' mobilità speċifiċi għal artisti żgħażagħ u professjonisti li jaħdmu fis-setturi tal-kultura u dawk kreattivi;

75.  Jenfasizza l-importanza ta' Erasmus+: għodda essenzjali għall-ħolqien ta' ċittadini żgħażagħ attivi u impenjati; jemmen ħafna li l-Erasmus+ għandu jkollu fil-mira tiegħu ż-żgħażagħ kollha, inklużi dawk b'inqas opportunitajiet, u li aspirazzjonijiet ikbar għall-perjodu ta' programmazzjoni ta' Erasmus+ li jmiss iridu jitqabblu ma' finanzjament addizzjonali konsiderevoli sabiex jinfetaħ il-potenzjal sħiħ tal-programm, li tiġi prevista simplifikazzjoni tal-proċeduri permezz tal-ħolqien ta' sistemi elettroniċi għall-aċċess għal servizzi transfruntiera u għad-data dwar l-istudenti, bħall-proġett "e-card";

76.  Jitlob li jkun hemm allinjament aħjar bejn l-EYS u l-Erasmus+, li jallinja l-iskedi ta' żmien mal-implimentazzjoni, jemenda r-Regolament tal-Erasmus+ sabiex jappoġġa b'mod ċar l-objettivi tal-Istrateġija permezz ta' "għanijiet taż-żgħażagħ" komuni u jiddefinixxi l-Azzjoni Ewlenija 3 bħala l-għodod ewlenin ta' implimentazzjoni tal-Istrateġija;

77.  Jenfasizza li l-baġit tal-YEI mhuwiex biżżejjed biex jiżgura li l-programm jilħaq il-miri tiegħu; jitlob, għalhekk, li, ikun hemm żieda konsiderevoli fl-allokazzjoni tal-YEI taħt il-QFP li jmiss u li l-Istati Membri jagħmlu provvedimenti għal skemi favur l-impjieg taż-żgħażagħ fil-baġits nazzjonali tagħhom; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-limitu tal-età eleġibbli jiġi estiż minn 25 sena għal 29 sena sabiex jirrifletti aħjar ir-realtà li bosta persuni li ggradwaw reċentement u persuni deħlin għall-ewwel darba fis-suq tax-xogħol għandhom ftit inqas minn tletin sena;

78.  Jargumenta favur l-uniformità, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, tal-kunċett ta' żgħażagħ f'termini tal-limiti tal-età fl-UE kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jikkontribwixxu għal din l-uniformità, billi jeliminaw l-ostakli għall-kejl tar-riżultati u għad-definizzjoni tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu;

79.  Iħeġġeġ il-promozzjoni tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE futur għall-iżvilupp ta' tweġibiet integrati u bbażati fuq l-evidenza, u soluzzjonijiet ta' intervent u ta' prevenzjoni li jippromwovu l-benesseri u r-reżiljenza taż-żgħażagħ;

80.  Jieħu nota tas-sejbiet u r-riskji li jissuġġerixxu li l-azzjonijiet ġestiti mill-Kummissjoni (inklużi l-programmi ta' skambju ta' studenti) jitqiesu mill-awtoritajiet nazzjonali bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ, u jinnota l-fatt li xi Stati Membri qed jirtiraw ir-riżorsi tagħhom minn oqsma ta' politika li huma sostnuti mill-baġit tal-UE(22);

o
o   o

81.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.
(2) ĠU C 417, 15.12.2015, p. 1.
(3) ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.
(4) EUCO 37/13
(5) ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.
(6) http://ec.europa.eu/assets/eac/dgs/education_culture/more_info/evaluations/docs/youth/youth-strategy-2016_en.pdf
(7) ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0359.
(9) Testi adottati P8_TA(2017)0018.
(10) ĠU C 417, 15.12.2015, p.17.
(11) ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
(12) Testi adottati, P8_TA(2016)0426.
(13) ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1.
(14) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 57
(15) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 76.
(16) ĠU C 120, 5.4.2016, p. 22.
(17) ĠU C 11, 12.1.2018, p. 16.
(18) https://www.youthforum.org/resolution-eu-youth-strategy-0
(19) Rapport Parallel dwar il-Politika dwar iż-Żgħażagħ ippubblikat mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ.
(20) Society at a Glance 2016 – OECD Social Indicators (Daqqa t'Għajn lejn is-Soċjetà 2016 – Indikaturi Soċjali tal-OECD).
(21) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Jannar 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-Istati Membri (P8_TA(2018)0018).
(22) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2018/615645/EPRS_STU(2018)615645_EN.pdf

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Lulju 2019Avviż legali