Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2087(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0165/2018

Testi mressqa :

A8-0165/2018

Dibattiti :

PV 30/05/2018 - 29
CRE 30/05/2018 - 29

Votazzjonijiet :

PV 31/05/2018 - 7.11
CRE 31/05/2018 - 7.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0241

Testi adottati
PDF 170kWORD 58k
Il-Ħamis, 31 ta' Mejju 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn
P8_TA(2018)0241A8-0165/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2018 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn (2009/125/KE) (2017/2087(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija(1) (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva dwar l-Ekodisinn") u r-regolamenti ta' implimentazzjoni u l-ftehimiet volontarji adottati skont din id-Direttiva,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Ħidma tal-Kummissjoni dwar l-Ekodisinn 2016-2019 (COM(2016)0773) adottat f'konformità mad-Direttiva 2009/125/KE,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE(2) (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija),

–  wara li kkunsidra l-objettivi tal-Unjoni dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u l-effiċjenza fl-enerġija,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) għall-UNFCCC,

–  wara li kkunsidra r-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi mill-UE u mill-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra l-objettiv fit-tul stabbilit f'dan il-Ftehim, jiġifieri li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm sew taħt 2°C 'il fuq mil-livelli preindustrijali u li jissoktaw l-isforzi biex tiġi llimitata għal 1,5°C,

–  wara li kkunsidra l-Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 (Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013(3)),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Diċembru 2015 bit-titolu "Pjan ta' azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari" (COM(2015)0614),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 dwar Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari (COM(2018)0028),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll id-dokument ta' ħidma tal-persunal tas-16 ta' Jannar 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari; alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart (COM(2018)0032 – SWD(2018)0020));

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-lista tal-2017 tal-materja prima kritika għall-UE (COM(2017)0490),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ekoinnovazzjoni: biex tkun tista' ssir it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, adottati fit-18 ta' Diċembru 2017(4),

–  wara li kkunsidra l-Emissions Gap Report (ir-Rapport dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet) maħruġ mill-Programm Ambjentali tan-NU f'Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari(5),

–  wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji(6),

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni Ewropea (EIA) imfassla mid-Direttorat Ġenerali tal-Parlament għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari biex takkumpanja l-iskrutinju tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0165/2018),

A.  billi l-objettiv tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn huwa li jiżdiedu l-effiċjenza fl-enerġija u l-livell ta' protezzjoni tal-ambjent permezz ta' rekwiżiti armonizzati li jiżguraw il-funzjonament tas-suq intern u jippromwovu t-tnaqqis kontinwu tal-impatt ambjentali ġenerali ta' prodotti relatati mal-enerġija; billi dawn il-miżuri għandhom ukoll impatt pożittiv fuq is-sigurtà tal-enerġija billi jnaqqsu l-konsum tal-enerġija;

B.  billi d-Direttiva dwar l-Ekodisinn tipprovdi miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jitnaqqas l-impatt ambjentali fuq iċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodotti relatati mal-enerġija; billi, s'issa, id-deċiżjonijiet fl-ambitu tad-Direttiva fil-parti l-kbira kkonċentraw fuq it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija matul il-fażi tal-użu;

C.  billi l-implimentazzjoni tad-Direttiva tista' tikkontribwixxi aktar għall-isforzi tal-UE biex titjieb l-effiċjenza fl-enerġija u għat-twettiq tal-għanijiet tal-azzjoni klimatika;

D.  billi t-tnaqqis tal-impatt ambjentali tal-prodotti tal-enerġija fil-fażi tal-ekodisinn, permezz tal-provvediment ta' kriterji minimi dwar it-tul ta' ħajja tagħhom u dwar il-potenzjal ta' titjib fil-kwalità, tiswija, riċiklaġġ u użu mill-ġdid tagħhom, jista' jiġġenera opportunitajiet konsiderevoli f'termini ta' ħolqien ta' postijiet tax-xogħol;

E.  billi, sal-bidu tal-2018, kien hemm fis-seħħ 29 regolament speċifiku dwar l-Ekodisinn li jkopru gruppi ta' prodotti differenti u, flimkien ma' dawn, kienu ġew adottati tliet ftehimiet volontarji rikonoxxuti skont id-direttiva;

F.  billi d-Direttiva dwar l-Ekodisinn tirrikonoxxi ftehimiet volontarji jew miżuri ta' awtoregolamentazzjoni oħra bħala alternattivi għall-miżuri ta' implimentazzjoni ġaladarba jiġu ssodisfati ċerti kriterji; billi mhux il-ftehimiet volontarji kollha li hemm fis-seħħ bħalissa wrew li kienu aktar effiċjenti minn miżuri regolatorji;

G.  billi l-ekodisinn iġib benefiċċji ekonomiċi għall-industrija u għall-konsumaturi u jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-politiki tal-Unjoni dwar il-klima, l-enerġija u l-ekonomija ċirkolari;

H.  billi l-leġiżlazzjoni dwar l-Ekodisinn hija marbuta mill-qrib mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tikkettar tal-enerġija u l-miżuri li ttieħdu fl-ambitu ta' dawn iż-żewġ direttivi huma mistennija li sal-2020 jiġġeneraw EUR 55 biljun fi dħul addizzjonali fis-sena għas-setturi industrijali, tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, u huwa stmat li sal-2020 iġibu 175 Mtoe f'iffrankar tal-enerġija primarja fis-sena, li b'hekk jikkontribwixxu għal daqs nofs l-objettiv tal-Unjoni għall-iffrankar tal-enerġija u għat-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija għall-2020; billi l-leġiżlazzjoni tikkontribwixxi b'mod sinifikanti wkoll għall-objettivi klimatiċi tal-UE bit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ekwivalenti għal madwar 320 miljun tunnellata ta' emissjonijiet ta' CO2 fis-sena; billi l-potenzjal għall-iffrankar tal-enerġija huwa akbar fit-tul;

I.  billi, skont ir-Rapport dwar il-Kontabbiltà tal-Impatt tal-Ekodisinn (Kummissjoni Ewropea, 2016), huwa stmat li sal-2020, il-konsumaturi tal-UE se jiffrankaw sa total ta' EUR 112-il biljun, jew madwar EUR 490 fis-sena għal kull unità domestika;

J.  billi aktar minn 80 % tal-impatt ambjentali tal-prodotti relatati mal-enerġija huwa identifikat fil-fażi tad-disinn;

K.  billi għal maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati, jistgħu jiġu identifikati tliet ostakli ewlenin għall-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni: in-nuqqas ta' appoġġ u direzzjoni politiċi ċari, il-pass kajman tal-proċessi regolatorji u l-inadegwatezza tas-sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri;

L.  billi huwa stmat li 10-25 % tal-prodotti fis-suq mhumiex konformi mad-Direttivi dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija, li jwassal għal telf ta' madwar 10 % tal-iffrankar tal-enerġija previst u għal kompetizzjoni inġusta;

M.  billi l-eżenzjoni eżistenti għal tidwil fit-teatri mir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 244/2009(7) u (UE) Nru 1194/2012(8) kienet mezz adegwat u effettiv għar-rispett tal-ħtiġijiet speċjali u ċ-ċirkostanzi tat-teatri u l-industrija tad-divertiment sħiħa u għandha tkompli;

N.  billi, filwaqt li fl-2009 il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn twessa' biex ikopri l-prodotti kollha relatati mal-enerġija (esklużi l-mezzi tat-trasport), l-ebda prodott li ma jużax l-enerġija s'issa ma ġie kopert mir-rekwiżiti għall-ekodisinn;

O.  billi l-prodotti kollha fl-UE għandhom ikunu ddisinjati, immanifatturati, u mibjugħa bl-inqas użu possibbli ta' sustanzi perikolużi, filwaqt li tiġi żgurata s-sikurezza tal-prodott sabiex jiġi ffaċilitat ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tiegħu u fl-istess ħin jinżammu livelli għolja ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent;

P.  billi d-Direttiva dwar l-Ekodisinn tiddikjara li l-komplementarjetà tagħha mar-Regolament REACH dwar sustanzi kimiċi għandha tikkontribwixxi għal żieda fl-impatti rispettivi tagħhom u għall-bini ta' rekwiżiti koerenti li għandhom japplikaw il-manifatturi; billi r-rekwiżiti li huma relatati mal-użu ta' sustanzi kimiċi perikolużi u r-riċiklaġġ tagħhom s'issa kien limitat;

Q.  billi qiegħda tiġi żviluppata bażi ta' data ġdida skont ir-Regolament il-ġdid dwar it-Tikkettar tal-Enerġija u l-bażi ta' data għas-sorveljanza tas-suq ICSMS qiegħda tintuża f'xi Stati Membri, iżda mhux fl-Istati Membri kollha;

R.  billi wieħed mill-objettivi prijoritarji tal-Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 (is-seba' EAP) huwa li l-Unjoni tinbidel f'ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, ekoloġika u kompetittiva b'livell baxx ta' karbonju; billi l-EAP jiddikjara li l-qafas tal-politika tal-Unjoni għandu jiżgura li prodotti prijoritarji mqiegħda fis-suq tal-Unjoni jkunu "imfassla b'mod ekoloġiku" bl-għan li tiġi ottimizzata l-effiċjenza fir-riżorsi u l-effiċjenza tal-materjali;

S.  billi l-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari jinkludi l-impenn li jiġu enfasizzati l-aspetti tal-ekonomija ċirkolari fir-rekwiżiti futuri tad-disinn tal-prodott skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn billi jiġu analizzati sistematikament kwistjonijiet bħalma huma t-tiswija, id-durabbiltà, it-titjib fil-kwalità, ir-riċiklabbiltà, jew l-identifikazzjoni ta' ċerti materjali jew sustanzi;

T.  billi l-Ftehim ta' Pariġi jistabbilixxi għan fit-tul f'konformità mal-objettiv li ż-żieda fit-temperatura globali tinżamm sew taħt 2°C ogħla mil-livelli preindustrijali u biex jitkomplew l-isforzi biex tinżamm sal-1,5°C ogħla mil-livelli preindustrijali; billi l-UE hija impenjata li tikkontribwixxi s-sehem ġust tagħha lejn dawn l-għanijiet permezz ta' tnaqqis fl-emissjonijiet fis-setturi kollha;

U.  billi l-miżuri tal-ekodisinn għandhom ikopru ċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodotti sabiex itejbu l-effiċjenza fir-riżorsi fl-Unjoni, billi jqisu l-fatt li aktar minn 80 % tal-impatt ambjentali tal-prodott huwa ddeterminat fil-fażi tad-disinn, li għalhekk għandu rwol importanti ħafna fil-promozzjoni tal-aspetti tal-ekonomija ċirkolari, id-durabbiltà, it-titjib fil-kwalità, il-possibbiltà ta' tiswija, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta' prodott;

V.  billi, minbarra li jagħmlu prodotti aktar sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi, il-prinċipji tal-ekonomija kollaborattiva u l-ekonomija tas-servizzi jeħtieġ li jissaħħu, filwaqt li l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-unitajiet domestiċi bi dħul baxx, inklużi dawk f'riskju ta' faqar enerġetiku, meta jippreżentaw programmi li jinkoraġġixxu l-adozzjoni tal-aktar prodotti u servizzi effiċjenti fir-riżorsi;

W.  billi l-Unjoni hija parti mill-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (POPs), u għalhekk hija meħtieġa tieħu azzjoni fir-rigward tal-eliminazzjoni gradwali ta' dawk is-sustanzi perikolużi, inkluż billi tillimita l-użu tagħhom fl-istadju tad-disinn tal-prodott;

Għodda effettiva għal iffrankar tal-enerġija kosteffiċjenti.

1.  Jikkunsidra li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn kienet għodda ta' suċċess għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija, irriżultat fi tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra u f'benefiċċji ekonomiċi għall-konsumaturi;

2.   Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tkompli tinkludi aktar gruppi ta' prodotti magħżula abbażi tal-potenzjal tal-ekodisinn tagħhom, inkluż kemm il-potenzjal tal-effiċjenza tal-enerġija u tal-effiċjenza materjali kif ukoll aspetti ambjentali oħra, billi tuża l-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 15 tad-Direttiva, u żżomm l-istandards eżistenti aġġornati, sabiex tisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-kamp ta' applikazzjoni u tal-objettivi tad-Direttiva;

3.   Jissottolinja li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn ittejjeb il-funzjonament tas-suq intern tal-UE permezz tad-definizzjoni ta' standards tal-prodotti komuni; jenfasizza li l-adozzjoni kontinwa ta' rekwiżiti tal-prodott armonizzati fil-livell tal-UE tappoġġa l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-kompetittività tal-manifatturi tal-UE u tiżgura l-kompetizzjoni ġusta, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn;

4.  Ifakkar li d-Direttiva tirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta miżuri ta' implimentazzjoni fejn prodott jissodisfa l-kriterji, jiġifieri volumi sinifikanti ta' prodotti mibjugħa, impatt ambjentali sinifikanti u potenzjal ta' titjib; jenfasizza r-responsabbiltà imposta fuq il-Kummissjoni biex tirrispetta dan il-mandat u tiżgura li l-benefiċċji għall-konsumaturi, għall-ekonomija ċirkolari u għall-ambjent jinkisbu b'mod effikaċi, filwaqt li tirrikonoxxi li tali standards tal-prodott jistgħu jiġu applikati biss fil-livell tal-UE u li l-Istati Membri għalhekk jiddependu fuq il-Kummissjoni biex tieħu l-azzjoni meħtieġa;

5.  Jemmen li l-koordinazzjoni ma' inizjattivi marbuta mal-ekonomija ċirkolari tkompli ttejjeb l-effettività tad-Direttiva; jitlob, għaldaqstant, għal pjan ambizzjuż dwar l-ekodisinn u l-ekonomija ċirkolari, li jipprovdi kemm benefiċċji ambjentali u opportunitajiet għat-tkabbir sostenibbli u għall-impjiegi, anke fis-settur tal-SMEs, kif ukoll għal vantaġġi għall-konsumaturi; jinnota li effiċjenza ogħla tar-riżorsi u l-użu tal-materja prima sekondarja fil-manifattura tal-prodotti joffru potenzjal konsiderevoli, f'termini ta' tnaqqis tal-iskart u ta' ekonomija fir-riżorsi;

6.  Jissottolinja li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn hija parti minn sett akbar ta' għodod u li l-effikaċja tagħha tiddependi fuq sinerġiji ma' strumenti oħrajn, b'mod partikolari dwar it-tikkettar tal-enerġija; jikkunsidra li għandhom jiġu evitati regolamenti sovrapposti;

Tisħiħ tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet

7.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-Forum Konsultattiv sabiex ilaqqa' flimkien l-industrija, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u jikkunsidra li din l-entità qiegħda taħdem sew;

8.  Huwa mħasseb bid-dewmien xi drabi sinifikanti fl-iżvilupp u fl-adozzjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni, li joħloq inċertezza għall-operaturi ekonomiċi, irriżulta f'opportunitajiet mitlufa sinifikanti għall-iffrankar tal-enerġija għall-konsumaturi u t-tnaqqis assoċjat tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u jista' jwassal biex miżuri adottati jibqgħu lura mill-iżviluppi teknoloġiċi;

9.  Jinnota li d-dewmien fl-implimentazzjoni huwa attribbwibbli għar-riżorsi limitati disponibbli fi ħdan il-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tuża biżżejjed riżorsi għall-proċess tal-ekodisinn minħabba l-valur miżjud tal-UE sinifikanti tal-leġiżlazzjoni;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevita dewmien fl-adozzjoni u fil-pubblikazzjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni u jirrakkomanda d-definizzjoni ta' skadenzi u stadji importanti ċari għall-finalizzazzjoni tagħhom u għar-reviżjoni tar-regolamenti eżistenti; jikkunsidra li l-miżuri tal-ekodisinn għandhom jiġu adottati b'mod individwali u ppubblikati eżatt kif jitlestew;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi osservat il-perjodu ta' żmien previst fil-Programm ta' Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa li r-rekwiżiti tal-ekodisinn ikunu bbażati fuq analiżi teknika solida u valutazzjonijiet tal-impatt, li jqisu l-prodotti jew it-teknoloġiji li jagħtu l-aħjar prestazzjoni fis-suq u l-iżvilupp teknoloġiku f'kull settur bħala referenza; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-implimentazzjoni u r-rieżami tal-miżuri għall-prodotti li għandhom l-akbar potenzjal f'termini ta' ffrankar tal-enerġija primarja u tal-ekonomija ċirkolari;

13.  Jirrikonoxxi li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn tippermetti l-użu ta' ftehimiet volontarji; jissottolinja li l-ftehimiet volontarji jistgħu jintużaw minflok il-miżuri ta' implimentazzjoni fejn dawn ikopru l-maġġoranza kbira tas-suq u huma kkunsidrati bħala kapaċi li jiggarantixxu minn tal-inqas l-istess livell ta' prestazzjoni ambjentali, u li dawn għandhom jiggarantixxu proċess iktar mgħaġġel ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jikkunsidra li għandha tissaħħaħ l-effikaċja tas-sorveljanza ta' ftehimiet volontarji u jiġi żgurat l-involviment xieraq tas-soċjetà ċivili; jilqa', f'dan ir-rigward, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2125 dwar il-linji gwida għall-miżuri ta' awtoregolamentazzjoni konklużi mill-industrija, u jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja b'mod strett kwalunkwe ftehim volontarju rikonoxxut skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn;

14.  Iħeġġeġ l-integrazzjoni tal-kurvi tat-tagħlim tat-teknoloġija fil-Metodoloġija għall-Ekodisinn tal-Prodotti relatati mal-Enerġija (MEERP) sabiex it-titjib fit-teknoloġija jiġi antiċipat sa meta r-regolamenti jidħlu fis-seħħ u jiġi żgurat li r-regolamenti jibqgħu aġġornati;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi valutazzjonijiet dwar ir-rilaxx ta' mikroplastiċi fl-ambjent akkwatiku fil-miżuri tal-ekodisinn fejn xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi rekwiżiti obbligatorji għall-filtri tal-mikroplastik fir-rieżami tal-miżuri tal-ekodisinn għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u l-magni li jaħslu u jnixxfu l-ħwejjeġ tal-unitajiet domestiċi;

Minn iffrankar tal-enerġija għal effiċjenza fir-riżorsi

16.  Itenni s-sejħa tiegħu għal impetu ġdid fuq l-aspetti tal-ekonomija ċirkolari tal-prodotti u jikkunsidra li d-Direttiva dwar l-Ekosidinn tipprovdi potenzjal sinifikanti biex tittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi li s'issa għadu ma ġiex sfruttat;

17.  Jemmen, għalhekk, li l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn – flimkien mal-isforzi kontinwi sabiex tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija – issa trid tindirizza b'mod sistematiku ċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta' kull grupp ta' prodotti fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tagħha, bl-istabbiliment ta' kriterji minimi tal-effiċenzja tar-riżorsi li jkopru, fost oħrajn, id-durabbiltà, ir-robustezza, il-possibbiltà li jissewwew u li jiġu aġġornati, iżda anke l-potenzjal ta' kondiviżjoni, użu mill-ġdid, skalabbiltà, possibbiltà ta' riċiklaġġ, il-possibbiltà ta' manifattura mill-ġdid, il-kontenut ta' materjal riċiklat jew materja prima sekondarja, u l-użu ta' materja prima kritika;

18.  Iqis li l-għażla tal-kriterji tal-ekonomija ċirkolari għal kull grupp ta' prodotti trid tiġi speċifikata sew u definita b'mod ċar u oġġettiv, filwaqt li fl-istess ħin il-kriterji jkunu jistgħu jitkejlu faċilment u jiġu implimentati bi spejjeż proporzjonati, sabiex jiġi żgurat li d-Direttiva tibqa' implimentabbli;

19.  Jitlob li jsiru analiżijiet fil-fond b'mod sistematiku tal-potenzjal tal-aspetti relatati mal-ekonomija ċirkolari fil-fażi tal-istudji preparatorji tal-miżuri speċifiċi tal-ekodisinn għal kull kategorija ta' prodotti;

20.  Jinsisti fuq l-importanza li l-manifatturi għandhom jipprovdu struzzjonijiet ċari u oġġettivi li jippermettu lill-utenti u lill-persuni li jsewwu li jaħdmu għal rashom biex isewwu l-prodotti b'mod aktar faċli, mingħajr materjal speċifiku; jenfasizza wkoll l-importanza li tiġi pprovduta informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta' parts tal-bdil u dwar it-tul tal-ħajja tal-prodotti, meta dan ikun possibbli;

21.  Jenfasizza l-benefiċċji potenzjali li wieħed jikkonċentra fuq aspetti ambjentali oħra lil hinn mill-użu tal-enerġija, bħall-użu ta' sustanzi kimiċi perikolużi, ir-rilaxx ta' mikroplastiċi, il-ġenerazzjoni ta' skart u l-input ta' materjal, u jappella biex jintużaw l-għodod skont id-Direttiva sabiex tissaħħaħ it-trasparenza għall-konsumaturi;

22.  Iqis li peress li aktar minn 80 % tal-impatt ambjentali ta' prodott huwa ddeterminat fil-fażi tad-disinn, huwa f'dik il-fażi li, fil-biċċa l-kbira, sustanzi ta' tħassib jistgħu jiġu evitati, sostitwiti jew limitati; jenfasizza li l-użu ta' materjali u sustanzi ta' importanza kritika, bħall-elementi terrestri rari (REE), jew sustanzi ta' natura tossika jew sustanzi ta' tħassib, bħal POPs u interferenti endokrinali, irid jitqies speċifikament skont il-kriterji tal-ekodisinn imwessgħin sabiex jirrestrinġu l-użu tagħhom jew jiġu sostitwiti, fejn xieraq, jew tal-inqas tiġi żgurata l-possibbiltà li jiġu estratti/separati fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti legali armonizzati oħra dwar dawn is-sustanzi stabbiliti fil-livell tal-Unjoni;

23.  Jitlob li r-rekwiżiti tal-ekodisinn, fil-każ ta' prodotti relatati mal-enerġija, ma joħolqux objettivi li diffiċli jintlaħqu mill-produtturi tal-UE, b'mod partikolari mill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, li l-kapaċità tagħhom b'rabta mat-teknoloġiji protetti bi privattivi hija konsiderevolment iżgħar minn dik ta' kumpaniji ewlenin tas-suq;

24.  Jilqa', f'dan ir-rigward, il-programm ta' ħidma tal-Ekodisinn 2016-2019, li jinkludi impenji għall-iżvilupp ta' rekwiżiti u standards għall-effiċjenza tal-materjali, filwaqt li jiġi appoġġat l-użu tal-materja prima sekondarja, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tlesti din il-ħidma bħala kwistjoni ta' prijorità; jikkunsidra li dawn il-kriterji għandhom ikunu speċifiċi għall-prodott, ibbażati fuq analiżijiet robusti, li jiffukaw fuq oqsma li għandhom potenzjal ċar għal titjib u jkunu jistgħu jiġu infurzati u verifikati minn awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq; iqis li, meta jiġu ddefiniti l-aħjar prattiki, għandu jiġi promoss l-użu tar-riżultati ta' attivitajiet ta' riċerka tal-imgħoddi u li għaddejjin bħalissa, ta' innovazzjonijiet l-aktar avvanzati fir-riċiklaġġ tal-iskart ta' tagħmir elettriku u elettroniku;

25.  Jemmen li l-iżvilupp ta' "approċċ ta' sistema" sabiex ma jitqiesx biss il-prodott iżda s-sistema kollha meħtieġa għall-funzjonament tiegħu fil-proċess tal-Ekodisinn qiegħed isir dejjem aktar fattur kritiku għas-suċċess lejn l-effiċjenza fir-riżorsi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi aktar minn dawn l-opportunitajiet fil-livell ta' sistema fil-Programm ta' Ħidma tal-Ekodisinn li jmiss;

26.  Jemmen li trid tingħata attenzjoni partikolari għall-prodotti li jużaw l-ilma fejn jistgħu jintlaħqu benefiċċji ambjentali sinifikanti u ffrankar importanti għall-konsumaturi;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-irkupru ta' materja prima kritika anke mill-iskart tal-minjieri;

28.  Jinnota li l-Kummissjoni pposponiet azzjoni fuq teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), bħal mowbajls u smartphones, peress li qiegħda tistenna valutazzjonijiet ulterjuri u minħabba l-bidliet teknoloġiċi rapidi f'dan il-grupp ta' prodotti; jikkunsidra, madankollu, li dawn il-prodotti, li jinbiegħu f'ammonti kbar u jinbidlu ta' spiss, għandhom potenzjal ċar għal titjib, b'mod partikolari f'termini ta' effiċjenza fir-riżorsi, u għandhom għalhekk jiġu applikati kriterji tal-ekodisinn għalihom u jsiru sforzi biex il-proċess regolatorju jiġi ssimplifikat; jenfasizza l-ħtieġa li ssir valutazzjoni bir-reqqa dwar kif jista' jitjieb l-ekodisinn għall-gruppi ta' prodotti li għalihom il-possibbiltà ta' tiswija u s-sostituzzjoni ta' parts tal-bdil huma parametri ewlenin tal-ekodisinn;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-possibbiltà ta' tiswija tkun iffaċilitata bid-disponibbiltà ta' parts tal-bdil bi prezz diċenti meta mqabbel mal-prezz totali tal-prodott tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-oġġett,

30.  Ifakkar fl-appell tiegħu għal rieżami wiesa' tal-qafas tal-politika tal-Unjoni dwar il-prodotti sabiex jiġu indirizzati aspetti fir-rigward tal-effiċjenza fir-riżorsi; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tivvaluta jekk il-metodoloġija tal-ekodisinn attwali tistax tintuża għal kategoriji ta' prodotti oħrajn minbarra prodotti relatati mal-enerġija, u tippreżenta proposti għal leġiżlazzjoni ġdida fejn meħtieġ;

31.  Jenfasizza li, sabiex jiġi żgurat l-użu ta' materjali riċiklati/sekondarji, id-disponibbiltà ta' materjali sekondarji ta' kwalità għolja hija importanti ħafna, u għandu jiġi stabbilit suq organizzat tajjeb għal dawk il-materjali sekondarji;

32.  Jenfasizza l-importanza li tiġi attribwita r-responsabbiltà fuq il-produtturi u li jiġu estiżi l-perjodi u l-kundizzjonijiet tal-garanzija, li l-manifatturijiġu obbligati jerfgħu r-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-fażi tal-iskart tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodott skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevantili tingħata spinta lill-possibbiltà ta' tiswija, lit-titjib fil-kwalità, lill-modularità u l-possibbiltà ta' riċiklaġġ, u li jiġi żgurat li l-immaniġġjar tal-materja prima u tal-iskart jibqa' fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

33.  Jappella biex jiġu estiżi l-garanziji minimi għall-oġġetti tal-konsum durabbli;

Titjib fis-sorveljanza tas-suq

34.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sorveljanza tal-prodotti li jitqiegħdu fis-suq intern permezz ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri u bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali, u billi jiġu pprovduti riżorsi finanzjarji xierqa lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-potenzjal li tiġi stabbilita skeda informattiva diġitali dwar il-prodott ("passaport tal-prodott"), kif issuġġerit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2017 dwar l-ekoinnovazzjoni, bħala għodda biex jiġu divulgati l-materjali u s-sustanzi li jkunu jinsabu fil-prodott, li tiffaċilita wkoll is-sorveljanza tas-suq;

36.  Jappella għal sistema ta' sorveljanza tas-suq aktar koerenti u kosteffiċjenti fl-Unjoni sabiex tiġi żgurata konformità mad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

   li l-awtoritajiet nazzjonali jintalbu jużaw il-bażi ta' data tal-ICSMS biex jikkondividu r-riżultati kollha tal-kontrolli tal-konformità u tal-ittestjar tal-prodotti mwettqa għall-prodotti kollha koperti mir-regolamenti dwar l-Ekodisinn; din il-bażi ta' data għandha tinkludi l-informazzjoni kollha relevanti għal prodotti konformi u mhux konformi sabiex jiġi evitat l-ittestjar mhux meħtieġ fi Stat Membru ieħor u għandha tkun faċli għall-utent u faċilment aċċessibbli;
   li l-bażi ta' data ġenerali għar-reġistrazzjoni tal-prodotti għal prodotti b'tikketta tal-enerġija tiġi estiża għall-prodotti kollha koperti mir-regolamenti dwar l-Ekodisinn;
   li l-awtoritajiet nazzjonali jintalbu jfasslu pjanijiet speċifiċi għall-attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq tagħhom fil-qasam tal-ekodisinn, li għandhom jiġu nnotifikati lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni kif previst fir-Regolament (KE) Nru 765/2008(9); L-Istati Membri għandhom jinkludu spezzjonijiet għal għarrieda f'dawn il-pjanijiet;
   li jiġu applikati metodi ta' skrinjar rapidi sabiex jiġu identifikati prodotti li ma jikkonformawx mar-regolamenti, u li dawn jiġu elaborati f'kooperazzjoni ma' esperti tal-industrija u kondiviżi mal-korpi pubbliċi;
   li l-Kummissjoni tikkunsidra li tiddefinixxi perċentwal minimu ta' prodotti fis-suq biex jiġu ttestjati, kif ukoll, tiżviluppa mandat għat-twettiq tas-suq indipendenti tagħha stess u tagħmel proposti, kif meħtieġ;
   li jiġu adottati miżuri repressivi, inklużi: sanzjonijiet għal manifatturi mhux konformi proporzjonati mal-impatt tan-nuqqas ta' konformità fuq is-suq Ewropew kollu u kumpens għall-konsumaturi li jkunu xtraw prodotti mhux konformi, anki lil hinn mill-perjodu tal-garanzija legali, inkluż permezz tar-rimedju kollettiv;
   li tingħata attenzjoni partikolari lill-importazzjonijiet minn barra l-UE u lill-prodotti mibjugħa online;
   li tiġi żgurata konformità mal-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi regoli u proċeduri għall-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni fuq il-prodotti u għall-infurzar tagħha (COM(2017)0795), il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu jinkludi prodotti regolati mid-Direttiva dwar l-Ekodisinn; jappoġġa, f'dan il-kuntest, l-iffaċilitar fil-livell tal-UE ta' ttestjar konġunt;

37.  Jenfasizza l-importanza ta' standards ta' ttestjar armonizzati, xierqa u ddefiniti b'mod ċar, u jenfasizza li għandhom jiġu żviluppati protokolli ta' ttestjar li jkunu qrib kemm jista' jkun tal-kundizzjonijiet reali; jissottolinja li l-metodi ta' ttestjar għandhom ikunu robusti u ddisinnjati u mwettqa b'tali mod li jeskludu l-manipulazzjoni u t-titjib intenzjonat jew mhux intenzjonat tar-riżultati; iqis li t-testijiet ma għandhomx jagħtu lok għal piż oneruż fuq in-negozji, b'mod partikolari għall-SMEs, li ma għandhomx l-istess kapaċità bħal kompetituri kbar tagħhom; jilqa' r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/2282 dwar l-użu tat-tolleranzi fil-proċeduri ta' verifika;

38.  Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fil-ħidma ta' infurzar tagħhom u għal kooperazzjoni msaħħa meta prodott jinstab li ma jkunx konformi; jenfasizza l-ħtieġa għal gwida għall-manifatturi u l-importaturi dwar ir-rekwiżiti ddettaljati tad-dokumenti meħtieġa għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq;

Rakkomandazzjonijiet oħra

39.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata konsistenza u konverġenza bejn regolamenti dwar l-ekodisinn u regolamenti orizzontali bħal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi u l-iskart, inklużi d-Direttivi dwar REACH, WEEE u RoHS, u jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu s-sinerġiji mal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku u mal-Ekotikketta tal-UE;

40.  Jissottolinja r-rabta bejn id-Direttiva dwar l-Ekodisinn u d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija; jistieden lill-Istati Membri jinċentivaw l-adozzjoni ta' prodotti u servizzi effiċjenti fis-suq u jintensifikaw l-attivitajiet ta' spezzjoni u ta' konsulenza tagħhom; jemmen li t-titjib tal-ekodisinn tal-prodotti relatati mal-enerġija jista' mbagħad jaffettwa b'mod pożittiv ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija;

41.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-pubbliku ġenerali u b'mod partikolari l-midja jingħataw informazzjoni ċara dwar il-benefiċċji tal-ekodisinn qabel it-tnedija ta' miżura, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkomunikaw b'mod proattiv dwar il-benefiċċji tal-miżuri tal-ekodisinn bħala parti integrali tal-proċess ta' adozzjoni ta' dawn il-miżuri tal-ekodisinn u jikkomunikaw aktar mal-partijiet ikkonċernati sabiex in-nies jifhmu aħjar il-leġiżlazzjoni;

42.  Jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u ċirkolari se tippreżenta mhux biss bosta opportunitajiet iżda wkoll sfidi soċjali; iqis, peress li ħadd ma għandu jitħalla barra, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-familji b'introjtu baxx li jinsabu f'riskju ta' faqar enerġetiku meta jippreżentaw programmi li jħeġġu l-użu tal-aktar prodotti effiċjenti fir-riżorsi; jemmen li tali programmi ma għandhomx jostakolaw l-innovazzjoni iżda għandhom ikomplu jippermettu lill-manifatturi joffru lill-konsumaturi firxa wiesgħa ta' prodotti ta' kwalità għolja, u li huma għandhom jiffavorixxu wkoll id-dħul fis-suq ta' prodotti relatati mal-enerġija u li jużaw l-ilma li jkunu kapaċi jiksbu effiċjenza ikbar fir-riżorsi u aktar iffrankar għall-konsumaturi;

43.  Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE jagħtu eżempju tajjeb billi jistabbilixxu u jagħmlu użu sħiħ mill-ekonomija ċirkolari u mill-istrateġiji tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku sabiex jipprijoritizzaw prodotti li wrew li huma sostenibbli, bħall-prodotti bl-Ekotikketta, u l-ogħla standards dwar l-effiċjenza fir-riżorsi fl-investimenti kollha, u jippromwovu użu mifrux ta' akkwist ekoloġiku, inkluż fis-settur privat;

o
o   o

44.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.
(2) ĠU L 198, 28.7.2017, p. 1.
(3) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.
(4) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-15811-2017-INIT/mt/pdf
(5) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 65.
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0287.
(7) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 244/2009 tat-18 ta' Marzu 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodiżinn għal bozoz tad-dar li ma jitfgħux id-dawl f’direzzjoni waħda (ĠU L 76, 24.3.2009, p. 3).
(8) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1194/2012 tat-12 ta’ Diċembru 2012 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar- rekwiżiti tal-ekodisinn għal lampi direzzjonali, lampi b'dajowd li jemetti d-dawl u t-tagħmir relatat (ĠU L 342, 14.12.2012, p. 1).
(9) Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Lulju 2019Avviż legali