Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2120(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0191/2018

Testi mressqa :

A8-0191/2018

Dibattiti :

PV 11/06/2018 - 20
CRE 11/06/2018 - 20

Votazzjonijiet :

PV 12/06/2018 - 5.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0243

Testi adottati
PDF 150kWORD 56k
It-Tlieta, 12 ta' Ġunju 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni attwali tas-sajd rikreattiv fl-Unjoni Ewropea
P8_TA(2018)0243A8-0191/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2018 dwar is-sitwazzjoni attwali tas-sajd rikreattiv fl-Unjoni Ewropea (2017/2120(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar il-promozzjoni tal-koeżjoni u l-iżvilupp fir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE: l-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 TFUE(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 77 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta' qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008(5), b'mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' riċerka bl-isem "Marine recreational and semi-subsistence fishing – its value and its impact on fish stocks" (Is-sajd rikreattiv fil-baħar u semisussistenzjarju – il-valur tiegħu u l-impatt tiegħu fuq l-istokkijiet tal-ħut), ippubblikat mid-Dipartiment Tematiku tiegħu għall-Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni f'Lulju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0191/2018),

A.  billi d-definizzjoni pprovduta mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) fl-2013 tiddeskrivi s-sajd rikreattiv bħala "l-qabda jew it-tentattiv tal-qabda ta' riżorsi akwatiċi ħajjin l-aktar għall-pjaċir u/jew għall-konsum personali. Dan ikopri l-metodi tas-sajd attiv inkluż bix-xlief, bil-foxxni, u l-qbid bl-idejn u l-metodi tas-sajd passiv inkluż bix-xbieki, bin-nases u bil-konzijiet"; billi hemm bżonn ta' definizzjoni ċari ta' sajd rikreattiv u sajd rikreattiv fil-baħar, b'kont meħud tal-Artikolu 55(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, li jgħid li "il-kummerċjalizzazzjoni tal-qabdiet mis-sajd rikreattiv għandha tkun projbita";

B.  billi huwa importanti li wieħed jifhem id-differenza bejn sajd rikreattiv u sajd semisussistenzjarju, minħabba li t-tnejn għandhom jiġu evalwati u rregolati b'mod separat, u għandu jkun ċar li s-sajd rikreattiv mhuwiex sajd semisussistenzjarju; billi r-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd ma jagħmel l-ebda referenza għal dan tal-aħħar; billi għaldaqstant it-tnejn għandhom jiġu evalwati u regolati b'mod separat;

C.  billi l-leġiżlazzjoni tal-UE topera biss b'sistema b'żewġ livelli ta' kategoriji tas-sajd, li tkopri s-sajd rikreattiv u s-sajd kummerċjali, u b'hekk ma tirrikonoxxix is-sajd semisussistenzjarju u s-sajd semikummerċjali;

D.  billi s-sajd rikreattiv, minħabba d-daqs tiegħu, jista' jkollu impatt sinifikanti fuq l-istokkijiet tal-ħut, iżda r-regolamentazzjoni tal-kwistjoni taqa' primarjament fl-isfera ta' kompetenza tal-Istati Membri;

E.  billi l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU ddefiniet is-sajd sussistenzjarju bħala "sajd ta' annimali akkwatiċi li jikkontribwixxi b'mod sostanzjali biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet nutrizzjonali ta' individwu";

F.  billi jekk ma jkunx hemm distinzjoni legali ċara bejn is-sajd rikreattiv, is-sajd semisussistenzjarju u s-sajd semikummerċjali, ċertu sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) jista' ma jiġix individwat minħabba li ma jingħaddx jew ma jkunx regolat b'mod xieraq;

G.  billi m'hemm l-ebda definizzjoni unika, ċara u li hemm qbil dwarha tas-sajd rikreattiv fil-livell tal-UE, u billi dan jagħmilha diffiċli ħafna biex is-sajd rikreattiv jiġi kkontrollat, biex tinġabar data dwar dan it-tip ta' sajd u biex jiġu vvalutati l-impatt tiegħu fuq l-istokkijiet tal-ħut u l-ambjent jew l-importanza ekonomika tiegħu;

H.  billi sabiex tiġi ġestita kif xieraq kwalunkwe forma ta' attività tas-sajd, inkluż is-sajd rikreattiv, hemm bżonn ta' ġbir ta' data regolari u robust u fuq serje taż-żmien sabiex jiġi vvalutat l-impatt fuq l-istokkijiet tal-ħut u organiżmi tal-baħar oħrajn u fuq l-ambjent; billi fil-preżent tali data hija nieqsa jew mhux kompleta; billi, minbarra l-impatt dirett fuq l-istokkijiet tal-ħut, l-impatt ambjentali addizzjonali tas-sajd rikreattiv ukoll għadu ma ġiex studjat biżżejjed;

I.  billi, skont l-istudji, ammont sostanzjali ta' fdalijiet ta' skart tal-plastik traċċabbli fl-ibħra, il-lagi u x-xmajjar oriġina minn attivitajiet rekreattivi bbażati fl-ilma bħat-tbaħħir, it-turiżmu u s-sajd; jinnota li l-iskart fil-forma ta' rkaptu mitluf tas-sajd rikreattiv jista' jikkawża degradazzjoni serja tal-ħabitat kif ukoll ħsara ekoloġika;

J.  billi l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS) jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-ġbir ta' data, inkluż fir-rigward tas-sajd rikreattiv;

K.  billi l-objettivi elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jirreferu għall-ħtieġa li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ta' impjieg, u li l-istokkijiet tal-ħut u organiżmi tal-baħar oħrajn jiġu ripristinati u jinżammu 'l fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli;

L.  billi, skont studju reċenti kkummissjonat mill-Parlament, l-impatt tas-sajd rikreattiv jista' jvarja skont l-istokkijiet tal-ħut, u jirrappreżenta 2 % (kavalli) - 43 % (pollakkju) tal-qabda totali;

M.  billi sabiex jinkisbu l-objettivi tal-PKS, l-istokkijiet tal-ħut u l-attività tas-sajd għandhom jiġu ġestiti u bbilanċjati; billi dawn l-objettivi ma jistgħux jinkisbu jekk parti mid-data dwar il-qabdiet u dwar l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd, inkluż is-sajd rikreattiv, tkun nieqsa;

N.  billi l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiġbru d-data, inklużi l-estimi ta' kemm kien hemm qbid u rilaxx fir-rigward tal-ispeċijiet elenkati fir-Regolament (UE) 2017/1004 u eventwalment jinkluduha fil-pjanijiet ta' ġestjoni pluriennali; billi, f'dan ir-rigward, ftit Stati Membri biss għandhom data komprensiva dwar is-sajd rikreattiv prattikat fit-territorju tagħhom;

O.  billi, għalkemm hemm firxa wiesgħa ta' speċijiet li jinqabdu permezz tas-sajd rikreattiv fil-baħar, il-ġbir ta' data obbligatorju japplika għal ftit speċijiet biss, u għalhekk huma meħtieġa stħarriġ u analiżi li jinkludu speċijiet varji speċifiċi għall-pajjiżi; billi l-qabdiet mis-sajd rikreattiv għandhom ikunu inklużi fl-estimi tal-mortalità totali mis-sajd u tal-bijomassa;

P.  billi d-disponibilità tad-data dwar is-sajd rikreattiv tvarja minn reġjun għall-ieħor, u nsibu informazzjoni aħjar disponibbli dwar is-sajd rikreattiv fil-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku, milli fil-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed jew fl-Atlantiku;

Q.  billi n-numru stmat ta' dawk li jipprattikaw is-sajd rikreattiv fil-baħar fl-Ewropa huwa bejn 8,7 u 9 miljun persuna, jew 1,6 % tal-popolazzjoni Ewropea, li jistadu għal madwar 77 miljun ġurnata fis-sena;

R.  billi, skont l-Artikolu 3(2)(6) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 dwar il-FEMS, "sajjied" tfisser kwalunkwe persuna involuta f'attivitajiet tas-sajd kummerċjali, kif rikonoxxut mill-Istat Membru, u billi huwa għalhekk meħtieġ li tinstab definizzjoni oħra biex jiġu koperti dawk involuti f'attivitajiet tas-sajd rikreattiv, kif imsemmi fil-Premessa A;

S.  billi l-impatt ekonomiku stmat tas-sajd rikreattiv fil-baħar Ewropew (mingħajr il-valur tas-sajd turistiku) huwa ta' EUR 10,5 biljun, u dan huwa magħmul minn EUR 5,1 biljun infiq dirett, EUR 2,3 biljun infiq indirett u EUR 3,2 biljun infiq indott; billi fl-UE biss, l-impatt ekonomiku tas-sajd rikreattiv fil-baħar huwa stmat li jammonta għal EUR 8,4 biljun (magħmul minn EUR 4,2 biljun f'infiq dirett, EUR 1,8 biljun f'infiq indirett u EUR 2,5 biljun f'infiq indott);

T.  billi hemm rabta diretta bejn minn naħa l-istruttura/l-abbundanza tal-istokkijiet tal-ħut u l-aċċess għall-opportunitajiet ta' sajd u min-naħa l-oħra l-impjiegi u l-impatti ekonomiċi u soċjoekonomiċi li jirriżultaw; billi huwa importanti li jiġi evalwat l-impatt tas-sajd kollu fuq stokk speċifiku, kif ukoll il-valur ekonomiku tiegħu, sabiex jiġu adottati miżuri ta' ġestjoni li jgħinu biex jinkisbu l-objettivi ambjentali kif ukoll dawk ekonomiċi;

U.  billi s-sajd rikreattiv fil-baħar jappoġġja madwar 99 000 impjieg ekwivalenti għal full time (FTE) fl-Ewropa, li huma magħmula minn 57 000 impjieg dirett, 18 000 impjieg indirett u 24 000 impjieg indott, u li jiġġeneraw valur ekonomiku medju ta' EUR 49 000 fis-sena għal kull FTE; billi, fl-UE biss, huwa stmat li ċ-ċifra hija ta' 84 000 FTE (50 000 impjieg dirett, 15 000 impjieg indirett u 20 000 impjieg indott);

V.  billi jidher li s-sajd rikreattiv fil-baħar turistiku, kif ukoll sajd turistiku ieħor, huwa importanti ħafna għall-ekonomija ta' ħafna reġjuni u pajjiżi, u għalhekk għandu jiġi analizzat sabiex jiġi vvalutat aħjar il-valur, l-impatt u l-potenzjal ta' żvilupp tiegħu;

W.  billi t-tipi kollha ta' sajd rikreattiv għandhom impatt ekonomiku u soċjali ikbar fil-livell lokali u reġjonali milli fil-livell nazzjonali minħabba li jappoġġjaw il-komunitajiet lokali u kostali permezz tat-turiżmu, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-kiri ta' tagħmir u servizzi oħrajn relatati mas-sajd rikreattiv;

X.  billi, f'xi każijiet, il-qabdiet rikreattivi jikkostitwixxu porzjon sinifikanti tal-mortalità totali mis-sajd tal-istokk, u għalhekk dawn għandhom jiġu kkunsidrati meta jkunu qed jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd; billi, skont studju riċenti kkummissjonat mill-Parlament, il-perċentwal stmat tal-kontribuzzjoni għall-qabdiet totali mis-sajd rikreattiv fil-baħar jista’ jvarja ħafna, skont l-ispeċijiet fil-mira – minn 2 % għall-kavalli għal 43 % għall-pollakkju;

Y.  billi huwa importanti li jiġu evalwati individwalment id-diversi metodi ta' sajd rikreattiv, jew is-segmenti deskritti fid-definizzjoni tal-ICES tal-2013;

Z.  billi l-evalwazzjoni tal-impatt tas-sajd rikreattiv fuq l-istokkijiet tal-ħut tinkludi ż-żamma tal-qabdiet u r-rati ta' mortalità tal-ħut rilaxxat; billi r-rata ta' sopravivenza tal-ħut maqbud bil-qasba u x-xlief (sajd tal-qbid u r-rilaxx), hija, fil-maġġoranza tal-każijiet, ogħla mir-rati ekwivalenti għall-ħut maqbud bi rkaptu ieħor u permezz ta' prattiki oħra u għalhekk din għandha titqies f'dawn il-każijiet; billi hemm bżonn ta' informazzjoni ulterjuri dwar l-irkaptu prinċipali użat għas-sajd rikreattiv fil-baħar sabiex ikun jista' jsir tqabbil bejn iċ-ċans ta' sopravivenza tal-qabdiet skartati fis-sajd kummerċjali u tal-ħut li jintrema lura fil-baħar waqt is-sajd rikreattiv;

AA.  billi s-sajd rikreattiv jinkludi varjetà ta' rkapti u tekniki b'impatt differenti fuq l-istokkijiet u fuq l-ambjent, u għalhekk għandu jiġi evalwat u rregolat kif xieraq;

AB.  billi, minħabba l-istat ħażin tal-istokkijiet tal-ispnott tat-Tramuntana u tal-bakkaljaw tal-Punent tal-Baltiku, ġew introdotti restrizzjonijiet fuq is-sajd rikreattiv fil-livell tal-UE, billi ġew stabbiliti limiti tal-qabdiet jew projbizzjonijiet ta' żamma (għall-ispnott), sabiex jgħinu l-irkupru ta' dawn l-istokkijiet; billi l-miżuri għall-ġestjoni ta' emerġenza adottati meta jkun maħsub li l-istatus tal-istokk qed jiġi affettwat mis-sajd rikreattiv ma jipprovdux lis-settur il-viżibilità neċessarja;

AC.  billi ċerti sajjieda rikreattivi qed jimmiraw għall-ispeċijiet migratorji bejn l-ilma mielaħ u l-ilma ħelu bħas-salamun, it-troti u s-sallura; billi l-ġbir ta' data dwar dawn l-ispeċijiet għandu jitwettaq kemm fl-ilma ħelu kif ukoll fl-ilma mielaħ sabiex jiġi evalwat kif l-istokkijiet tal-ħut jinbidlu maż-żmien;

AD.  billi ż-żoni li huma l-iktar aċċessibbli għall-maġġoranza tas-sajjieda rikreattivi huma żoni kostali fejn, minbarra l-ispeċijiet ta' ħut, spiss jinqabdu wkoll invertebrati u alka; billi dawn għandhom rwol ewlieni fl-ekoloġija ta' tali żoni; billi l-impatt tal-qabdiet ta' dawn l-ispeċijiet ukoll se jeħtieġ li jiġi vvalutat, mhux biss fir-rigward tal-istokkijiet ikkonċernati iżda wkoll fir-rigward tal-ekosistemi li jifformaw parti minnhom;

AE.  billi s-salamun jirritorna fl-ilmijiet fejn ikun twieled, u billi idealment is-salamun għandu jiġi mmirat biss fis-sistemi tax-xmajjar fejn huwa possibbli li jsir kontroll u infurzar effiċjenti; billi s-sajd tas-salamun fil-baħar iwassal biex dan jitneħħa b'mod indiskriminat minn popolazzjonijiet b'saħħithom kif ukoll minn popolazzjonijiet vulnerabbli;

AF.  billi s-sajd rikreattiv jista' jirrappreżenta sors sinifikanti ta' mortalità mis-sajd, u filwaqt li l-ogħla stima tal-impatt ambjentali għas-sajd rikreattiv fl-ilma ħelu hija assoċjata mal-possibilità li jiġu introdotti speċijiet mhux indiġeni fl-ekosistema, ftit li xejn insibu impatt simili fis-sajd rikreattiv fil-baħar;

AG.  billi l-PKS ġiet stabbilita għall-ġestjoni tas-sajd kummerċjali, mingħajr ma ingħatat ebda kunsiderazzjoni għas-sajd rikreattiv, il-pekuljaritajiet tiegħu u l-ħtieġa ta' strumenti speċifiċi ta' ġestjoni u ppjanar;

AH.  billi l-impatti ambjentali tas-sajd rikreattiv jinkludu tipi oħrajn għajr it-tneħħija tal-ħut, iżda n-nuqqas ta' data ċara jagħmilha diffiċli li dawn jiġu separati minn sorsi antropoġeniċi oħrajn;

AI.  billi għandu jitqies il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni għall-ġestjoni futura tas-sajd rikreattiv fil-baħar, fid-dawl tal-importanza ta' din l-attività fir-Renju Unit u s-sinifikat tagħha għall-istokkijiet tal-ħut kondiviżi;

AJ.  billi s-sajd rikreattiv għandu ħafna benefiċċji soċjali u tas-saħħa pubblika, pereżempju isaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tal-parteċipanti, jinkoraġġixxi l-interazzjoni fost iż-żgħażagħ u jeduka lin-nies fir-rigward tal-ambjent u l-importanza tas-sostenibilità tiegħu;

1.  Jisħaq fuq l-importanza li tinġabar data suffiċjenti dwar is-sajd rikreattiv, u b'mod partikolari dwar is-sajd rikreattiv fil-baħar, sabiex jiġu evalwati kif xieraq il-livelli totali tal-mortalità mis-sajd għall-istokkijiet kollha;

2.  Jissottolinja li s-sajd rikreattiv qed isir iktar popolari fil-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej u li dan it-tip ta' sajd jirrappreżenta attività importanti b'effetti soċjali, ekonomiċi, ambjentali u fuq l-impjiegi, u jinnota wkoll b'mod partikolari l-impatt sinifikanti li dan jista' jkollu fuq ir-riżorsi tal-ħut; jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri għandhom, għalhekk, jiżguraw li tali attivitajiet jitwettqu b'mod sostenibbli li jkun kompatibbli mal-objettivi tal-PKS;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi protetta l-flotta tas-sajd artiġjanali u jiġu żgurati s-sopravivenza tagħha u s-sostituzzjoni ġenerazzjonali fid-dawl tal-espansjoni tal-attività rikreattiva marbuta mal-portijiet turistiċi u t-turiżmu staġjonali;

4.  Iqis li għandha tinġabar data dwar in-numru ta' sajjieda rikreattivi, il-volum tal-qabdiet tagħhom u l-valur miżjud li jistgħu jiġġeneraw fil-komunitajiet kostali;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi u ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar is-sajd rikreattiv fir-regolament il-ġdid dwar il-kontroll;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa, u jekk ikun neċessarju, tespandi l-ġbir tad-data fir-rigward tas-sajd rikreattiv sabiex jiġu koperti aktar stokkijiet ta' ħut u organiżmi tal-baħar oħrajn, tfassal studju dwar il-fattibilità dwar il-ġbir uniformi ta' data relatata mal-impatt soċjoekonomiku tiegħu u tagħmel obbligatorju l-ġbir ta' tali data;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitjiebu r-rappurtar u l-monitoraġġ tal-qabdiet konnessi mas-sajd rikreattiv; ifakkar li fl-adozzjoni tal-baġit tal-UE għall-2018, il-Parlament approva proġett pilota li kellu l-għan li jintroduċi skema ta' rappurtar ta' kull xahar għall-qabdiet tal-ispnott, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffinanzjaw aktar proġetti ta' monitoraġġ għall-ispeċijiet li huma l-iktar vulnerabbli għas-sajd rikreattiv; ifakkar fl-importanza tat-traċċabilità u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi u ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar is-sajd rikreattiv fir-regolament il-ġdid dwar il-kontroll;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar is-sajd rikreattiv fl-UE; iqis li l-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' ġestjoni li jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sajd rikreattiv għandhom ukoll jiġu inkorporati fir-rapport finali tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tal-impatt;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-passi tekniċi meħtieġa biex jimplimentaw ir-regolament attwali dwar il-ġbir ta' data u jespanduh sabiex jinkludu iktar stokkijiet u aspetti tas-sajd rikreattiv;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-data kollha neċessarja dwar is-sajd rikreattiv tinġabar b'mod regolari sabiex tiġi pprovduta evalwazzjoni kompleta tal-istokkijiet tal-ħut u organiżmi tal-baħar oħrajn sabiex tingħata iktar viżibilità lis-settur; iwissi li jekk ma ssirx tali evalwazzjoni komprensiva u ma jittieħdux azzjonijiet xierqa abbażi tagħha, il-pjanijiet ta' ġestjoni tas-sajd u l-miżuri tekniċi jafu ma jiksbux l-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, u lanqas bilanċ bejn is-sajd rikreattiv u dak kummerċjali;

11.  Iqis li meta l-qabdiet mis-sajd rikreattiv ikollhom impatt sinifikanti fuq l-istokk, dawn għandhom jiġu inklużi bħala parti integrali tal-ekosistema u fil-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-pjanijiet ta' ġestjoni pluriennali, bl-iskop li jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd u jiġu adottati l-miżuri tekniċi rilevanti; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex, fejn ikun neċessarju, tinkludi s-sajd rikreattiv fil-pjanijiet ta' ġestjoni pluriennali li diġà ġew adottati jew li waslu biex jiġu adottati;

12.  Jissottolinja l-fatt li l-ġbir ta' data huwa obbligu tal-Istati Membri; jirrimarka, madankollu, li sabiex tissaħħaħ il-kwalità tad-data, għandu jkun hemm definizzjoni xierqa tas-sajd rikreattiv; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi definizzjoni uniformi tas-sajd rikreattiv fil-livell tal-UE li tiddistingwi b'mod ċar bejn is-sajd rikreattiv u s-sajd kummerċjali u semisussistenzjarju, abbażi tal-prinċipju li l-qabdiet mis-sajd rikreattiv m'għandhom qatt jinbiegħu;

13.  Iqis li, abbażi tad-data u r-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt, u b'kont meħud tal-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tas-sajd rikreattiv, il-Kummissjoni għandha tevalwa r-rwol tas-sajd rikreattiv fil-PKS futura, sabiex iż-żewġ tipi ta' sajd marittimu – kummerċjali u rikreattiv – ikunu jistgħu jiġu ġestiti b'mod ibbilanċjat, ġust u sostenibbli bl-għan li jintlaħqu l-objettivi mixtieqa;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja, inkluż permezz ta' appoġġ finanzjarju, l-iżvilupp tas-sajd rikreattiv fis-settur tat-turiżmu, bħala kontributur importanti għall-iżvilupp tal-ekonomija blu fil-komunitajiet iż-żgħar, il-komunitajiet kostali u l-gżejjer, b'mod partikolari fir-reġjuni ultraperiferiċi; iqis li dan għandu jkollu impatt pożittiv fuq l-isforzi biex l-istaġun tat-turiżmu jittawwal lil hinn mix-xhur tas-sajf; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tuża s-sajd rikreattiv bħala tema tal-inizjattiva EDEN favur it-turiżmu sostenibbli u tniedi proġetti li jippromwovu t-turiżmu tas-sajd rikreattiv fil-komunitajiet kostali żgħar taħt il-Fond tal-COSME;

15.  Jirrimarka li, barra mill-kuntest tal-ġestjoni normali tar-riżorsi tas-sajd abbażi ta' data xjentifika sostantiva, l-iżvilupp ta' attivitajiet ta' sajd rikreattiv m'għandux ifisser tnaqqis fl-opportunitajiet tas-sajd professjonali jew kondiviżjoni tar-riżorsi skarsi bejn l-attivitajiet professjonali u dawk ta' rikreazzjoni, speċjalment fil-każ tas-sajd fuq skala żgħira u artiġjanali;

16.  Jirrikonoxxi li s-sajd rikreattiv ilu jiġi prattikat għal sekli sħaħ madwar l-UE u huwa parti integrali mill-kultura, it-tradizzjonijiet u l-wirt ta' għadd kbir ta' komunitajiet kostali u tal-gżejjer; jinnota li t-tipi differenti ta' sajd rikreattiv ivarjaw daqs il-kulturi tal-UE stess u li dan irid jiġi rikonoxxut fi kwalunkwe tentattiv li tiġi stabbilita leġiżlazzjoni f'dan il-qasam;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri xierqa sabiex tiżgura li d-dispożizzjonijiet futuri għar-regolamentazzjoni tas-sajd rikreattiv ikunu xierqa u ma jkunux ta' ħsara għall-attivitajiet tas-sajd professjonali;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli bażiċi għall-ġestjoni tas-sajd rikreattiv u jissuġġerixxi li jitfassal ukoll katalogu tal-attivitajiet tas-sajd rikreattiv, li għandu jinkludi informazzjoni dwar l-irkaptu u l-operazzjonijiet tas-sajd u deskrizzjoni taż-żoni tas-sajd, l-ispeċijiet fil-mira u l-qabdiet aċċessorji;

19.  Jenfasizza l-importanza li l-FEMS jgħin fl-iżvilupp tal-kapaċità xjentifika u jiggarantixxi valutazzjonijiet sħaħ u affidabbli tar-riżorsi marittimi għall-attivitajiet tas-sajd rikreattiv; ifakkar li l-FEMS jipprovdi fondi għall-ġbir tad-data, u jistieden lill-Kummissjoni twessa' l-ambitu futur tal-FEMS sabiex jipprovdi appoġġ finanzjarju għar-riċerka u l-analiżi tad-data miġbura;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa qawwija u essenzjali li d-data tiġi kondiviża u jirrimarka li l-FEMS u s-Sajd jappoġġja l-ġbir tad-data, inkluż fir-rigward tas-sajd rikreattiv; jitlob, għalhekk, li l-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jiġbru d-data u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tiżviluppa wkoll bażi ta' data komuni li jkun fiha data komprensiva u affidabbli disponibbli għar-riċerkaturi biex ikunu jistgħu jimmonitorjaw u jivvalutaw l-istat tar-riżorsi tas-sajd; jissuġġerixxi li dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-użu ta' finanzjament mill-FEMS.

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0316.
(2) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(3) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.
(4) ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.
(5) ĠU L 157, 20.6.2017, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Jannar 2019Avviż legali