Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2118(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0186/2018

Testi mressqa :

A8-0186/2018

Dibattiti :

PV 11/06/2018 - 19
CRE 11/06/2018 - 19

Votazzjonijiet :

PV 12/06/2018 - 5.6
CRE 12/06/2018 - 5.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0248

Testi adottati
PDF 208kWORD 79k
It-Tlieta, 12 ta' Ġunju 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Lejn settur Ewropew tal-akkwakultura sostenibbli u kompetittiv: is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri
P8_TA(2018)0248A8-0186/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2018 dwar Lejn settur Ewropew tal-akkwakultura sostenibbli u kompetittiv: is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri (2017/2118(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE" (COM(2013)0229),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 304/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta' annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 710/2009 tal-5 ta' Awwissu 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, f'dak li għandu x'jaqsam mal-iffissar ta' regoli ddettaljati dwar il-produzzjoni organika tal-annimali tal-akkwakultura u tal-alka tal-baħar(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta' Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(9),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta' qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Diċembru 2008 dwar l-adozzjoni ta' Pjan Ewropew ta' Kontroll tal-Istokkijiet tal-Marguni sabiex jitnaqqas l-effett dejjem jiżdied tal-marguni fuq l-istokkijiet tal-ħut, is-sajd u l-akkwakultura(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar is-sistema ta' importazzjoni fl-UE ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fid-dawl tar-riforma futura tal-PKS(13),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-23 ta' Novembru 2010 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 bit-titolu: Nisfruttaw il-potenzjal ta' riċerka u innovazzjoni fl-ekonomija blu biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar it-traċċabilità ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fir-restorazzjoni u l-bejgħ bl-imnut(16),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD) u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MFSD) fir-rigward tal-akkwakultura (SWD(2016)0178),

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni tal-2015 bit-titolu "Rapport ta' ħarsa ġenerali: L-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-akkwakultura tal-ħut bil-pinen" (DG(SANTE) 2015-7406 - MR),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2017 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (RAM)" (COM(2017)0339),

–  wara li kkunsidra r-rapport ekonomiku tas-settur tal-akkwakultura tal-UE tal-2016 mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Ewrobarometru dwar "EU consumer habits regarding fishery and aquaculture products" (Id-drawwiet tal-konsumaturi rigward il-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura) (2017) u l-analiżi komplementari mill-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u l-Akkwakultura (EUMOFA),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika bit-titolu "Food from the Oceans" (Ikel mill-Oċeani) maħruġa mill-Grupp ta' Livell Għoli ta' Konsulenti Xjentifiċi f'Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO għal Sajd Responsabbli,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Akkwatiċi tal-OIE,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar il-promozzjoni tal-koeżjoni u l-iżvilupp fir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE: l-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 tat-TFUE(17),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0186/2018),

A.  billi s-settur tal-akkwakultura, inkluża t-trobbija ta' ħut tal-baħar u ħut tal-ilma ħelu, kif ukoll it-trobbija tal-molluski, il-krustaċji, l-algi u l-ekinodermi, huwa settur ekonomiku innovattiv, li hija l-attività ta' produzzjoni tal-ikel li qiegħda tikber l-aktar malajr, u, potenzjalment, settur tat-teknoloġija avvanzata li jirrikjedi investiment strutturali u riċerka u ppjanar operattiv u finanzjarju fit-tul;

B.  billi l-industriji tat-trobbija tal-ħut u l-industriji tal-frott tal-baħar bil-qoxra għandhom rwol importanti u prezzjuż f'dak li għandu x'jaqsam mal-ekonomija, l-impjiegi u kwistjonijiet soċjali u ambjentali bl-għan li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja fiż-żoni kostali u interni tal-Unjoni u tar-reġjuni ultraperiferiċi u jikkontribwixxu għas-sigurtà nutrizzjonali u alimentari tal-Ewropej; billi hemm ċerti fatturi li jaffettwaw b'mod ħażin il-produzzjoni tal-akkwakultura, inklużi l-fatturi ambjentali u dawk relatati mal-klima, iżda, fuq kollox, l-annimali predaturi; billi, kif intwera minn għadd ta' studji, dawn il-problemi ta' predazzjoni qed ikollhom impatt sinifikanti fuq il-produzzjoni;

C.  billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE" tenfasizza erba' oqsma ta' prijorità li jridu jiġu indirizzati sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-akkwakultura tal-UE: il-proċeduri amministrattivi, l-ippjanar spazjali koordinat, il-kompetittività, b'mod partikolari billi dan is-settur jintrabat max-xjenza, u kundizzjonijiet ekwi;

D.  billi l-istess Komunikazzjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jħejju pjanijiet strateġiċi nazzjonali pluriennali għall-akkwakultura li janalizzaw in-nuqqasijiet ewlenin u l-problemi li jeħtieġu soluzzjoni, l-għanijiet komuni u, meta jkun possibbli, jistabbilixxu indikaturi biex jivvalutaw il-progress li jkun sar lejn l-ilħuq ta' dawn l-għanijiet;

E.  billi ż-żamma tal-ekosistemi u tal-istokkijiet lokali għandhom ikunu għan ta' prijorità ewlenija, peress li jipprevjenu l-ispostament u l-qerda tas-sajd u l-biedja lokali;

F.  billi minkejja l-intenzjonijiet tajba u l-isforzi, l-akkwakultura tal-UE qed tistaġna, b'kuntrast maż-żieda fit-tkabbir f'reġjuni oħra tad-dinja;

G.  billi huwa stmat li l-produzzjoni tal-akkwakultura fl-UE tkopri biss 10 % tad-domanda domestika għall-ħut u billi aktar minn nofs id-domanda għall-prodotti tas-sajd ġejja minn importazzjonijiet minn pajjiżi terzi;

H.  billi l-akkwakultura għandha tiġi meqjusa u trattata bħala forma ta' agrikoltura, speċjalment fil-każ ta' dik tat-trobbija fl-għadajjar;

I.  billi huwa sinifikanti kemm għadhom lura r-reġjuni ultraperiferiċi fl-iżvilupp tal-akkwakultura;

J.  billi l-opinjoni riċenti tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Konsulenti Xjentifiċi dwar il-mistoqsija magħmula lil dan il-grupp mill-Kummissarju Vella, jiġifieri "Kif jistgħu jinkisbu aktar ikel u bijomassa mill-oċeani b'mod li ma jċaħħadx lill-ġenerazzjonijiet futuri mill-benefiċċji tagħhom?" tinkludi r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin: "Għandha tiġi integrata paradigma ta' "ikel mill-oċeani" ta' kultura responsabbli ... fl-aġendi tal-politika wiesgħa fil-livell tas-sistemi tal-UE u globali"; kif ukoll: "L-iżvilupp tal-marikultura fl-Ewropa għandu jitpoġġa f'livell ogħla u aktar strateġiku permezz ta' qafas tal-politika komprensiv u miftiehem – dan jinkludi l-ħruġ ta' gwida dwar l-inklużjoni tar-rekwiżiti tal-marikultura fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE tal-2014 dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu u l-estensjoni tal-kooperazzjoni teknoloġika għall-marikultura taħt il-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli (SFPAs) bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tan-Nofsinhar";

K.  billi l-istabbiliment jew l-espansjoni ta' farm tal-akkwakultura fl-UE jirrikjedu l-ksib ta' diversi permessi u awtorizzazzjonijiet, u billi l-proċedura biex jinkisbu dawn id-dokumenti uffiċjali mhijiex armonizzata fil-livell tal-UE u, b'mod ġenerali, timxi bil-mod, hija kumplessa u nieqsa miċ-ċertezza legali u mill-prevedibilità ekonomika; billi din is-sitwazzjoni qed tissogra li tfixkel l-iżvilupp tas-settur u tista' tiskoraġġixxi l-investiment tan-negozji u tirriżulta fi spejjeż eċċessivi għas-settur, minbarra li indirettament tinkoraġġixxi l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi;

L.  billi l-aktar proċeduri kumplessi għall-operazzjoni ta' akkwakultura huma dawk relatati mar-rekwiżiti ambjentali (valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u proċeduri ta' sorveljanza), iżda, paradossalment, il-fatt li dawn il-proċeduri amministrattivi jimxu bil-mod u huma kumplessi mhux dejjem jiżgura l-protezzjoni ambjentali, anzi, kuntrarjament, xi drabi jagħmluha diffiċli li jiġu stabbiliti farms tal-akkwakultura soċjoekonomiċi, ambjentalment sostenibbli u ta' kwalità; billi hemm differenzi bejn l-akkwakultura tal-ilma ħelu u tal-baħar; billi d-differenzi fis-sottosetturi tal-akkwakultura jesiġu prattiki differenti f'termini tal-ġestjoni tal-istokkijiet, tal-għalf u tar-riproduzzjoni; billi trid tingħata l-kunsiderazzjoni meħtieġa lill-dawn id-differenzi meta jitfasslu r-regolamenti għall-akkwakultura tal-UE u, b'mod partikolari, standards ambjentali sostenibbli;

M.  billi l-kumplessità u d-dewmien burokratiċi, speċifikament dawk relatati mal-liċenzjar u l-ippjanar, jirrappreżentaw nuqqas ta' azzjoni li inevitabbilment tirriżulta fi spejjeż ekonomiċi u soċjali tax-xogħol għall-investituri potenzjali fl-oqsma li fihom il-farms tal-akkwakultura jkunu stabbiliti, b'impatt partikolari fuq l-impjieg taż-żgħażagħ u tan-nisa;

N.  billi jrid jiġi kkunsidrat l-ippjanar spazjali adegwat għall-ħtiġijiet differenti tal-utenti varji, flimkien mal-bżonn li tiġi protetta n-natura, u jridu jsiru sforzi biex dawn jiġu rikonċiljati; billi n-nuqqas ta' disponibilità ta' postijiet, in-nuqqas ta' ppjanar spazjali adegwat u l-kunflitt ma' attivitajiet ekonomiċi oħra għandhom effett konsiderevoli fuq l-iżvilupp tal-akkwakultura tal-UE f'xi reġjuni, peress li s-settur tal-akkwakultura jista' inqas importanza minn setturi oħrajn "b'saħħithom";

O.  billi l-ippjanar spazjali huwa wieħed mill-prerekwiżiti għall-iżvilupp fit-tul tal-akkwakultura u l-mezzi neċessarji sabiex jiġi żgurat ippjanar adatt għas-siti tal-akkwakultura, b'kont meħud ta' attivitajiet oħra fiż-żoni kkonċernati;

P.  billi l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE hija bbażata fuq direttivi (id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, id-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats), u billi huwa f'idejn l-Istati Membri u l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali li jittrasponuhom u japplikawhom b'ċertu livell ta' diskrezzjoni; billi, għaldaqstant, m'hemmx implimentazzjoni uniformi fl-UE kollha, u dan iwassal għal inċertezza legali għall-impriżi u l-farms u nuqqas ta' prevedibilità għall-investituri, u joħloq kundizzjonijiet mhux ekwi;

Q.  billi skont l-opinjoni xjentifika "Ikel mill-Oċeani", l-uniku mod kif jinkisbu ħafna aktar ikel u bijomassa mill-oċean f'perjodu qasir huwa li jinħasdu l-organiżmi tal-qiegħ tal-katina tal-ikel, bħall-makroalgi u l-molluski bivalvi;

R.  billi oqfsa legali nazzjonali jew reġjonali differenti għall-akkwakultura jistgħu jwasslu biex in-negozji jkollhom rekwiżiti legali differenti, anki jekk huma jkunu attivi fl-istess baċir tal-baħar, li konsegwentement iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni;

S.  billi l-eżempji ta' kooperazzjoni tajba abbażi ta' ftehimiet volontarji u ftehimiet oħra bejn il-konservazzjonisti u s-settur huma ħaġa pożittiva ferm; billi, filwaqt li l-eżempji pożittivi tal-kontributi mill-akkwakultura għaż-żamma tal-kwalità tajba tal-ilma u tas-servizzi tal-ekosistemi akkwatiċi huma ħaġa pożittiva ferm, huwa importanti wkoll li jiġu rikonoxxuti u mnaqqsa kemm jista' jkun l-impatti negattivi li jista' jkollha l-akkwakultura fuq l-ambjent lokali u l-kwalità tal-ilma; jinkoraġġixxi, għaldaqstant, aktar innovazzjoni u inizjattivi biex jiġi żgurat settur sostenibbli u vijabbli fit-tul;

T.  billi t-trobbija tal-molluski bivalvi u l-kultivazzjoni tal-makroalgi jeħtieġu provvista ekwilibrata ta' mluħat nutrittivi fl-ambjent;

U.  billi, fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, dan it-tip ta' trobbija ta' ħut tal-ilma ħelu jikkwalifika wkoll bħala servizz ta' protezzjoni ambjentali li jħares il-kwalità u l-kwantità tal-ilma u jistħoqqlu ferm aktar rikonoxximent u appoġġ mingħand dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE milli huwa l-każ bħalissa;

V.  billi l-prodotti tal-UE jridu jikkonformaw ma' sensiela ta' regoli u standards stretti tal-ambjent, tas-saħħa tal-annimali, tal-benesseri tal-annimali u tal-protezzjoni tal-konsumatur li jkopru l-operazzjonijiet tal-produzzjoni, l-għalf, il-benesseri, it-trasport, l-ipproċessar u l-kundizzjonijiet soċjali tal-impjieg li direttament jaffettwaw il-kostijiet tal-produzzjoni; billi r-riżultat huwa kwalità eċċellenti u prodotti sostenibbli li possibilment jiswew aktar u għaldaqstant ikunu anqas kompetittivi minn dawk importati, li sikwit jaslu fis-suq tal-UE bi prezzijiet baxxi minħabba prattiki li mhumiex sostenibbli mil-lat ambjentali, soċjali u tax-xogħol u li l-produzzjoni tagħhom tinvolvi standards baxxi ta' benesseri u saħħa tal-annimali;

W.  billi xi kumpaniji tal-akkwakultura jiddependu ħafna fuq ir-riżorsi tal-enerġija, u dan iżid l-ispejjeż ta' produzzjoni tal-akkwakultura;

X.  billi l-konsum tal-ħut – prodott tal-ikel li fih proteini, aċidi grassi, vitamini, minerali u mikronutrijenti essenzjali li jibbenefikaw is-saħħa tal-bniedem – għandu jiżdied, u billi l-kwalità eċċellenti tal-prodotti tal-baħar tal-UE għandha tikkostitwixxi vantaġġ kompetittiv kbir tal-akkwakultura tal-UE;

Y.  billi l-konsum globali tal-ħut qed jiżdied b'mod kostanti, b'mod parallel mat-tkabbir globali tal-popolazzjoni;

Z.  billi barra minn hekk, mhux dejjem ikun hemm koerenza fost il-politiki tal-UE dwar il-kummerċ, il-politiki soċjali u dawk dwar l-ambjent: pereżempju, l-UE tagħti status ta' Skema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP u SĠP+) lil pajjiżi vulnerabbli li qed jiżviluppaw, bl-għan li tippermettilhom iħallsu inqas dazji, jew saħansitra l-ebda dazju, fuq l-esportazzjonijiet lejn l-UE, b'mod li jagħtihom aċċess vitali għas-suq tal-UE u jikkontribwixxi għat-tkabbir tagħhom; billi, fl-istess ħin, uħud minn dawn il-pajjiżi, pereżempju għadd żgħir ta' pajjiżi Asjatiċi, jipproduċu prodotti tal-akwakultura li ma jħarsux l-istandards ambjentali, tal-benesseri tal-annimali, tas-saħħa, soċjali u tax-xogħol li l-operaturi tal-UE jkollhom jissodisfaw u li, f'ċerti każijiet, huma bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

AA.  billi l-UE hija wkoll dipendenti ħafna fuq l-importazzjoni ta' prodotti tas-sajd minn pajjiżi terzi għall-għalf għall-akkwakultura, u billi l-għalf alternattiv aktar sostenibbli sa issa ma saritx riċerka suffiċjenti dwaru u ma ġiex promoss biżżejjed;

AB.  billi l-kummerċ estern tal-UE fl-akkwakultura hu f'defiċit u qed isseħħ kompetizzjoni inġusta bejn prodotti tal-akkwakultura importati minn pajjiżi terzi u minn pajjiżi tal-UE u prodotti tal-UE għad-detriment tal-kwalità tal-ikel u tas-saħħa tal-konsumatur;

AC.  billi l-akkwakultura f'pajjiżi terzi toffri opportunitajiet lill-investiment tal-UE;

AD.  billi d-differenzi bejn il-prodotti tal-akkwakultura Ewropea meta mqabbla ma' dawk ta' pajjiżi terzi f'termini ta' kwalità, impronta ambjentali, imġiba soċjali u rispett għall-benesseri tal-annimali ma jistgħux jiġu pperċepiti mill-konsumaturi Ewropej meta l-informazzjoni li jirċievu dwarhom tkun insuffiċjenti jew ineżatta (speċjalment fir-rigward tal-pajjiż ta' oriġini, l-iskonġelar jew l-identifikazzjoni tal-ispeċi);

AE.  billi l-leġiżlazzjoni tal-UE rigward informazzjoni dwar prodotti akkwatiċi għall-konsumatur hija ċara u billi l-kontroll tagħha hija r-responsabilità tal-awtoritajiet tal-Istati Membri; billi, madankollu, huwa fatt magħruf b'mod ġenerali li kemm il-bejjiegħa tal-ħut kif ukoll ir-ristoranti mhux dejjem jipprovdu din l-informazzjoni essenzjali lill-konsumatur; billi din is-sitwazzjoni ta' implimentazzjoni insuffiċjenti timmina l-kompetittività tal-akkwakultura tal-UE;

AF.  billi t-trobbija tal-ħut sostenibbli hija bbażata fuq it-trobbija ta' annimali b'saħħithom, u għal dan l-għan huwa essenzjali li jiġu żviluppati għodod veterinarji speċifiċi u innovattivi, speċjalment vaċċini u antibijotiċi, li għandhom jintużaw b'mod responsabbli u restrittiv li jiżgura s-saħħa u l-benesseri tal-annimali u tal-konsumatur, u prodotti tal-akkwakultura sikuri u nutrittivi, mingħajr ħsara għall-ambjent u l-ispeċijiet selvaġġi; billi r-regolamenti tal-UE dwar is-saħħa tal-annimali jridu jqisu wkoll il-partikolaritajiet tal-akkwakultura u l-ispeċifiċitajiet tal-ispeċijiet tal-ħut meta jkollhom x'jaqsmu mat-trattament tal-infezzjonijiet u l-mard u l-impatt fuq il-kwalità tal-prodott;

AG.  billi l-pjan ta' azzjoni "Saħħa Waħda" Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (AMR) josserva li l-immunizzazzjoni permezz tat-tilqim tikkostitwixxi intervent ta' saħħa pubblika kosteffikaċi fi sforzi biex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antimikrobiċi(18), u dan japplika għall-akkwakultura wkoll;

AH.  billi l-immaġini tal-akkwakultura li għandhom is-soċjetà u l-konsumaturi Ewropej tvarja minn Stat Membru għal ieħor, iżda b'mod ġenerali jidher ċar li hemm lok għal titjib;

AI.  billi, minkejja li dejjem hemm lok għal titjib permezz ta' prattiki aħjar, l-immaġni ħażina ta' din l-attività mhix dejjem dovuta għal problemi reali (aspetti ambjentali, tal-kwalità jew tas-sikurezza), iżda għall-idea prestabbilita li għandhom il-konsumaturi tal-akkwakultura; billi parti sinifikanti minn din is-sitwazzjoni hija dovuta għat-twemmin li l-impatti reali tal-akkwakultura f'ċerti pajjiżi terzi (pajjiżi li qed jiżviluppaw) jeżistu anke fl-UE, li mhuwiex il-każ;

AJ.  billi l-prattiki li jvarjaw ħafna fir-rigward tal-akkwakultura jwasslu għal differenzi sinifikanti fil-kwalità tal-prodotti, fl-impatt ambjentali u fil-kundizzjonijiet sanitarji, fost oħrajn, li ta' spiss iħallu lill-konsumatur inċert dwar il-prodott li jirriżulta;

AK.  billi r-reputazzjoni ħażina tal-akkwakultura tolqot il-governanza tagħha mill-amministrazzjonijiet pubbliċi (il-ħruġ ta' liċenzji, l-ippjanar, eċċ.), iżda wkoll il-kundizzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tagħha;

AL.  billi huwa importanti li wieħed jinnota l-potenzjal tal-akkwakultura tal-ilma ħelu, l-akkwakultura kontinentali bl-ilmijiet magħluqa, l-akkwakultura integrata multitrofika u s-sistemi ta' riċirkolazzjoni jew l-akkwaponika f'żoni urbani għat-titjib tas-sigurtà tal-ikel u l-iżvilupp taż-żoni rurali;

AM.  billi l-krustaċji, il-molluski u l-pjanti akkwatiċi, bħall-algi, huma wkoll riżorsa importanti għall-akkwakultura;

AN.  billi r-riċerka u l-innovazzjoni għandhom rwol fundamentali x'jaqdu fit-twettiq tal-potenzjal tal-akkwakultura sostenibbli; billi l-produzzjoni tista' tiżdied b'mod sostenibbli permezz tal-espansjoni mmexxija mill-innovazzjoni, ir-riġenerazzjoni u t-tindif tal-ilmijiet, l-użu tal-enerġiji rinnovabbli, u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi, filwaqt li jitnaqqsu l-impatti ambjentali u jiġu pprovduti servizzi ambjentali;

AO.  billi l-protokolli standard fil-livell tal-UE ta' data xjentifika li tippermetti s-superviżjoni u t-titjib tal-prattiki ta' ġestjoni u ta' produzzjoni, kif ukoll l-impatt ambjentali u tas-saħħa tagħhom, huma ta' importanza konsiderevoli;

AP.  billi t-trobbija ta' speċijiet nattivi jew endemiċi għandhom jingħataw preferenza sabiex jitnaqqas l-impatt ambjentali u l-akkwakultura ssir aktar sostenibbli;

AQ.  billi d-diffikultajiet fl-aċċess għall-kreditu u d-dewmien konsiderevoli bejn l-investiment u l-ewwel bejgħ (b'mod ġenerali tliet snin jew aktar) huma fir-riskju li jiskoraġġixxu lill-investituri;

AR.  billi l-kundizzjonijiet tal-prefinanzjament li joffru l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji kulma jmur huma aktar stretti;

AS.  billi l-proċeduri, li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet mhumiex ċari biżżejjed għall-utenti, u l-għadd kbir ta' dokumenti li jridu jiġu ppreżentati sabiex jinkiseb finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) iservu biex jiskoraġġixxu lill-applikant; billi l-madwar EUR 1 280 miljun disponibbli għall-perjodu ta' programmazzjoni attwali (2014-2020) mhuwiex biżżejjed biex jiġi żviluppat settur tal-akkwakultura Ewropew; billi, barra minn hekk, hemm rata baxxa ħafna ta' assorbiment mill-Istati Membri;

AT.  billi l-akkwakultura sostenibbli trid tqis l-impatti potenzjali fuq l-istokkijiet ta' ħut selvaġġ u l-kwalità tal-ilma, iżda, għall-kuntrarju, teħtieġ ukoll stokkijiet ta' ħut b'saħħithom u ilma ta' kwalità eċċellenti;

AU.  billi d-data disponibbli turi distakk dejjem jikber – li hu stmat li hu ta' 8 miljun tunnellata – bejn il-livell ta' konsum ta' frott tal-baħar fl-UE u l-volum ta' qabdiet mis-sajd; billi l-akkwakultura sostenibbli, flimkien mas-sajd sostenibbli, tista' tiggarantixxi s-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni fit-tul, inklużi l-provvisti tal-ikel, kif ukoll it-tkabbir u l-impjiegi għaċ-ċittadini tal-Unjoni, u tissodisfa d-domanda dinjija dejjem tikber għall-ikel akkwatiku dment li sorsi sostenibbli tal-għalf jintużaw għall-attivitajiet tal-akkwakultura u tiġi evitata d-degradazzjoni ambjentali; billi għaldaqstant tista' tikkontribwixxi għall-għan ġenerali li timla l-lakuna bejn il-konsum u l-produzzjoni tal-frott tal-baħar fl-UE;

AV.  billi fl-akkwakultura, kilo ħut b'valur baxx jista' jiġi ttrasformat f'kilo ħut b'valur għoli (bħal fil-każ tal-kapelin għall-barbun imperjali, fejn il-valur jiżdied minn EUR 0,10 għal EUR 7 għal kull kilo);

AW.  billi ż-żgħażagħ huma anqas interessati li jaħdmu fis-settur tal-akkwakultura jew li jinvestu fih u jiżviluppawah minħabba komunikazzjoni ħażina u nuqqas ta' prospetti finanzjarji u ta' stabilità, li jagħmel dan ix-xogħol inqas attraenti għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ;

AX.  billi l-akkwakultura sostenibbli proprjetà tal-komunità u ġestita mill-komunità tista' tkun ta' benefiċċju soċjoekonomiku għar-reġjuni periferiċi kostali u tiżvolġi rwol pożittiv fl-ekonomija blu;

AY.  billi l-akkwakultura tal-ilma ħelu tammonta għal 20 % tar-rendiment tas-settur fl-Ewropa kollha, u billi l-appoġġ tal-UE għandu jirrifletti dan il-proporzjon; billi n-natura diverġenti tal-akkwakultura tal-ilma ħelu tfisser li teħtieġ regoli speċjali u kapitolu separat fil-leġiżlazzjoni dwar il-politika komuni tas-sajd tal-UE;

AZ.  billi r-riċerka u l-innovazzjoni huma kruċjali biex jinkisbu aktar sostenibilità u kompetittività għas-settur tal-akkwakultura fis-suq tal-UE;

BA.  billi proġetti tal-akkwakultura tal-ilma ħelu jistgħu jitwettqu wkoll b'finanzjament ex post, u billi dan ta' spiss jeħtieġ sforzi sproporzjonati mingħand l-investituri, bir-riżultat li f'ħafna każijiet dawk li jrabbu l-ħut ma jkollhomx il-kuraġġ li jimbarkaw fuq proġetti; billi l-intensità tal-appoġġ f'ħafna każijiet hija inadegwata;

Nisfruttaw il-potenzjal tal-akkwakultura tal-UE

1.  Jirrikonoxxi l-effetti pożittivi li l-akkwakultura sostenibbli, inklużi kemm is-setturi marittimi kif ukoll tal-ilma ħelu, jista' jkollha fuq l-impjiegi u l-ekonomija tal-Unjoni, b'mod ġenerali, billi ttejjeb il-produttività u l-kwalità tal-għajxien fiż-żoni kostali u interni; jenfasizza l-bżonn li tingħata spinta 'l quddiem lill-iżvilupp, id-diversifikazzjoni u l-innovazzjoni tagħha, billi tippromwovi livelli ogħla ta' produzzjoni ta' ħut, krustaċji, molluski, algi u ekinodermi, mill-akkwakultura, u ttejjeb il-kompetittività ta' tali prodotti (biex ittejjeb il-produzzjoni tal-akkwakultura tal-UE b'tali mod li tilħaq mill-inqas rata ta' tkabbir tal-akkwakultura globali attwali fi żmien ħames snin u biex tinkoraġġixxi l-investiment f'tagħmir aktar effiċjenti fl-enerġija u ekonomiku), u żżid il-konsum u l-kontribut tagħhom għas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali għaċ-ċittadini tal-UE; jinsisti li dan għandu jsir filwaqt li jitħares il-funzjonament tajjeb tal-ekosistemi tal-baħar sabiex jippermetti l-prattika kontinwa ta' akkwakultura vijabbli, sajd kummerċjali, u użi sostenibbli oħra tal-ambjent tal-baħar;

2.  Jemmen li l-UE jeħtieġ li żżid il-produzzjoni fis-settur tal-akkwakultura, b'mod partikolari bl-għan li titnaqqas il-pressjoni fuq żoni tas-sajd naturali; huwa tal-fehma li l-għalf ibbażat fuq il-ħut għandu jkollu sors sostenibbli u ma għandux jipperikola l-objettivi tar-rendiment massimu sostenibbli tal-politika komuni tas-sajd u li t-tagħbijiet ta' nutrijenti għandhom jiġu kkontrollati; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn ir-riċerkaturi, l-industrija tal-akkwakultura, il-produtturi tal-għalf, u l-organizzazzjonijiet u l-amministrazzjonijiet ambjentali; jenfasizza li l-akkwakultura tal-UE għandha tqis il-kwalità, is-sostenibilità, is-sikurezza tal-ikel, l-aspetti ambjentali, u s-saħħa tal-annimali u tal-bniedem, u għandha tkun mudell f'dan ir-rigward; jinnota b'mod pożittiv l-inizjattivi ġodda fl-akkwakultura bbażata fuq l-art, speċjalment f'ibħra sensittivi u f'żoni tal-UE b'ibħra magħluqa u jemmen li huma meħtieġa miżuri aktar b'saħħithom biex l-akkwakultura tkun settur aktar effiċjenti, ekonomikament vijabbli, soċjalment responsabbli u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, filwaqt li jissodisfa sehem akbar tad-domanda Ewropea għall-ħut u jnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq l-importazzjonijiet;

3.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE" u l-identifikazzjoni tagħha ta' oqsma li fihom l-isforzi jeħtieġ li jkunu ffokati sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-akkwakultura tal-UE sabiex din, flimkien mas-sajd sostenibbli, tkun tista' tikkontribwixxi lejn l-għan li timla l-lakuna bejn il-konsum u l-produzzjoni tal-frott tal-baħar fl-UE b'mod li jkun ambjentalment, soċjalment u ekonomikament sostenibbli;

4.  Jenfasizza li l-akkwakultura tal-ilma ħelu għadha opportunità mhux esplorata biżżejjed għat-titjib fis-sikurezza tal-ikel u l-iżvilupp ta' żoni rurali;

5.  Jenfasizza li t-tkabbir sostenibbli jeħtieġ li jkun imsejjes fuq: il-prevedibilità tal-investiment kummerċjali u ċ-ċertezza legali, li jistgħu jiġu stabbiliti permezz ta' oqfsa amministrattivi aktar effiċjenti, titjib fit-trasparenza tal-governanza, kriterji ċari u omoġeni u simplifikati għall-għoti tal-liċenzji madwar l-UE, proċeduri komuni tal-ġestjoni tal-mard u aċċess għat-trattamenti veterinarji xierqa li ma jkunux dannużi għas-saħħa tal-annimali u tal-bnedmin, ippjanar spazjali effikaċi, id-disponibilità ta' dokumenti ta' gwida, l-iskambju tal-aħjar prattiki, l-appoġġ tal-Kunsill Konsultattiv għall-Akkwakultura, u appoġġ finanzjarju adegwat; jirrimarka li dawn il-fatturi kollha jistgħu jikkontribwixxu għal tkabbir sostenibbli;

6.  Japprezza l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-opinjoni xjentifika dwar "Ikel mill-Oċeani" ta' Novembru 2017 rigward l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika marittima, tas-sajd u tal-akkwakultura fis-snin li ġejjin biex tiżdied il-kwantità ta' ikel sostenibbli mill-oċeani;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-industrija fl-isforzi tagħha biex tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-istokkijiet ta' ħut selvaġġ għall-produzzjoni tal-għalf tal-ħut, inkluż permezz ta' użu akbar tal-algi tal-baħar u algi oħrajn;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iżvilupp ulterjuri tas-settur emerġenti tal-akkwakultura tal-algi;

9.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-akkwakultura biex tikkontribwixxi għas-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni għaċ-ċittadini tal-UE, u l-ħtieġa ta' dieti sostenibbli u tajbin għas-saħħa, sistemi alimentari intelliġenti mil-lat klimatiku, li ma jagħmlux ħsara lill-benesseri tal-annimali u sostenibbli mil-lat ambjentali, u ċ-ċirkolarità u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tas-sistemi alimentari, li jħeġġu l-innovazzjoni u jsaħħu l-pożizzjoni tal-komunitajiet;

10.  Itenni li l-iżvilupp tal-akkwakultura Ewropea irid ikun marbut mal-ħtieġa bażika u vitali tal-produzzjoni awtosuffiċjenti, sikura, nutrizzjonali u sostenibbli tal-ikel, u jrid jingħata pożizzjoni aktar prijoritarja fuq l-aġenda globali tal-UE;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu fir-riċerka, fi studji u fi proġetti pilota għal prattiki tal-akkwakultura innovattivi, orjentati lejn il-futur u ambjentalment responsabbli, fosthom Sistemi ta' Akkwakultura Multitrofika Integrata (IMTA), l-Akkwaponika, u Sistemi ta' Riċirkolazzjoni fl-Akkwakultura (RAS), li jnaqqsu l-impatt tal-farms tal-akkwakultura fuq il-ħabitats, il-popolazzjonijiet tal-annimali selvaġġi u l-kwalità tal-ilma, u għaldaqstant jikkontribwixxu għal approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel analiżi bir-reqqa u tiżgura segwitu xieraq ta' kull waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Konsulenti Xjentifiċi;

13.  Jenfasizza li kwalunkwe politika tal-akkwakultura Ewropea sostenibbli trid tqis il-karatteristiċi u l-bżonnijiet u l-isfidi differenti tad-diversi tipi ta' produzzjoni tal-akkwakultura u tiżviluppa miżuri mfassla apposta li jqisu wkoll id-differenzi ġeografiċi u l-effetti potenzjali tat-tibdil fil-klima; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni, biex fil-politika komuni tas-sajd wara l-2020, tistabbilixxi regoli individwali mfassla skont il-karatteristiċi ta' kull subsettur;

14.  Jirrileva l-potenzjal tal-akkwakultura tal-ilma ħelu kif ukoll tal-akkwakultura kontinentali b'ilmijiet magħluqa, l-akkwakultura multitrofika integrata u s-sistemi ta' riċirkolazzjoni u l-akkwaponika f'żoni urbani; jenfasizza li l-akkwakultura tal-ilma ħelu hija opportunità li għadha ma ġietx esplorata biżżejjed għat-titjib tas-sigurtà alimentari u taż-żoni rurali li qed jiżviluppaw iżda li taqdi rwol soċjali importanti billi tipprovdi impjieg rurali fl-ifqar żoni, kif ukoll taqdi rwol ambjentali fiż-żamma ta' artijiet mistagħdra ta' valur u fil-provvista ta' firxa wiesgħa ta' servizzi tal-ekosistema, li jmorru ferm lil hinn mill-valur ekonomiku tagħha;

15.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu mnedija strumenti ta' koordinazzjoni, gruppi ta' studju u attivitajiet tal-UE, bil-ħsieb li jiġu ddeterminati l-każijiet meta l-produzzjoni tal-molluski tkun ippreġudikata b'mod sinifikanti mill-azzjoni predatorja tal-awrata (Sparus aurata), u biex jitfittxew soluzzjonijiet sostenibbli u favur l-ambjent;

16.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-akkwakultura u tal-ipproċessar komplementari u l-esportazzjoni ta' prodotti tal-ħut bħala industrija indiġena għall-benefiċċji ekonomiċi u tal-impjieg, speċjalment għaż-żoni rurali kostali u l-komunitajiet tal-gżejjer;

17.  Jissottolinja kemm huwa importanti li d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD) u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD) għandhom jipprovdu protezzjoni għall-produzzjoni tal-molluski, kif stabbilit fid-"Direttiva dwar il-Molluski" li ġiet imħassra;

18.  Jirrimarka li, f'ambjent li fih għandhom jiġu prodotti makroalgi jew molluski bivalvi, it-tnaqqis tal-kontributi ta' nutrijenti sabiex jinkiseb status ambjentali tajjeb għandu jqis il-kapaċità tat-tnaqqis naturali tal-organiżmi li jkunu qed jiġu mrobbija jew ikkultivati;

Simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi

19.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp tal-akkwakultura Ewropea, inkluż fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet strateġiċi pluriennali żviluppati mill-Istati Membri;

20.  Jenfasizza li t-tkabbir sostenibbli tal-akkwakultura jeħtieġ li jkun ibbażat fuq il-prevedibilità tal-investiment kummerċjali u ċ-ċertezza legali, li b'mod partikolari jirrikjedu:

   (a) is-simplifikazzjoni u l-aċċelerazzjoni tal-proċeduri amministrattivi – inqas burokrazija – fil-livell tal-UE, dak nazzjonali u dak reġjonali, waqt li jsir l-akbar użu possibbli tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li l-ambjent marittimu ma jiġix degradat aktar;
   (b) trasparenza mtejba u ppjanar xieraq;
   (c) koordinazzjoni aħjar rigward kompetenzi kondiviżi tal-UE, l-Istati Membri u, fejn xieraq, l-awtoritajiet reġjonali u lokali;
   (d) proċeduri ta' liċenzjar rapidi, ċari u trasparenti, flimkien ma' skedi ta' żmien limitati għall-ftehim, biex l-investituri ma jiġux skoraġġiti;
   (e) monitoraġġ mill-qrib mill-Kummissjoni tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali pluriennali tal-Istati Membri;
   (f) il-linji gwida tal-Kummissjoni għall-pjanijiet strateġiċi nazzjonali għal applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-UE (speċjalment ambjentali u għall-protezzjoni tas-saħħa u jiġi żgurat li la l-ekosistemi u lanqas l-attivitajiet tas-sajd ma ssirilhom ħsara);
   (g) qafas legali koordinat bejn ir-reġjuni differenti u l-Istati Membri li jikkondividu l-istess ilmijiet sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u politiki ambjentali effiċjenti;
   (h) kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti (nazzjonali, iżda wkoll lokali u reġjonali) fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE (prinċipalment dik sanitarja u ambjentali) kif ukoll l-appoġġ tal-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew reġjonali meta jkun meħtieġ;
   (i) mekkaniżmi għall-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, permezz ta' metodu miftuħ ta' koordinazzjoni tal-miżuri nazzjonali dwar is-sigurtà tan-negozju, l-aċċess għall-ilmijiet u l-ispazju tal-Unjoni, u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' liċenzjar;
   (j) appoġġ finanzjarju pubbliku adegwat fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali għall-produzzjoni tal-akkwakultura sostenibbli u responsabbli, l-innovazzjoni u l-iżvilupp;
   (k) inkorporazzjoni aħjar tal-perspettiva tas-sajd u tal-akkwakultura fil-ftehimiet kummerċjali tal-Unjoni;

21.  Jissuġġerixxi, fir-rigward tas-sistema amministrattiva, il-ħolqien, mill-aktar fis possibbli, ta' "punt uniku ta' servizz" li jassumi u jeżerċita r-responsabilitajiet kollha, li jagħmilha possibbli li d-dokumenti rilevanti jitressqu quddiem korp amministrattiv wieħed; jemmen li dan għadu jtejjeb ir-relazzjoni bejn l-utent finali u l-livelli differenti tal-amministrazzjoni pubblika;

22.  Jissuġġerixxi l-istabbiliment ta' sistema ta' liċenzjar simplifikata jew "rapida", li permezz tagħha l-amministrazzjoni kompetenti toħroġ ċertifikat proviżorju li jippermetti lil dawk l-operaturi li jissodisfaw ċerti kriterji predefiniti li jibdew l-attivitajiet tagħhom; jirrimarka li dawn il-kriterji jistgħu jiġu bbażati fuq il-passat tal-applikanti jew fuq il-fatt li dawn ikunu ppreżentaw proġett tal-akkwakultura li jkun pijunier mil-lat tal-innovazzjoni u/jew is-sostenibilità, jew fuq l-istabbiliment ta' żoni ta' servitù riżervati għall-akkwakultura fejn użi inkompatibbli mal-akkwakultura jiġu definiti bil-quddiem;

L-ekwità f'interazzjoni ma' setturi oħra

23.  Jissottolinja li l-ippjanar spazjali xieraq għandu jqis is-setturi kollha (approċċ olistiku), il-kwistjonijiet ta' sostenibilità u ta' sigurtà tal-ikel, mingħajr ma jiffavorixxi setturi ekonomiċi b'saħħithom għad-detriment tal-akkwakultura; jenfasizza li l-ippjanar spazjali ma għandux neċessarjament jinvolvi s-segregazzjoni tal-attivitajiet f'ċerti żoni, iżda pjuttost il-kompatibilità ekwilibrata bejniethom, u li dan jista' potenzjalment iġib benefiċċji għal kulħadd;

24.  Jissuġġerixxi l-appoġġ ta' rwol aktar attiv u importanti u l-implikazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-akkwakultura u l-gruppi ta' azzjoni lokali tas-sajd (FLAGs) fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, permezz tar-reġjonalizzazzjoni, sabiex jiġi żgurat l-aħjar approċċ għal kull reġjun speċifiku;

25.  Jirrimarka li jridu jitqiesu sewwa l-interessi tas-settur tal-akkwakultura u li dan is-settur irid jiġi ttrattat b'mod ġust meta jinteraġixxi ma' setturi oħra, pereżempju fl-ippjanar spazjali;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu mapep ta' ppjanar spazjali sabiex jiġu identifikati żoni possibbli fejn l-akkwakultura u attivitajiet oħra jistgħu jikkoeżistu;

27.  Jirrimarka li l-ippjanar spazjali u l-kundizzjonijiet tal-liċenzjar huma l-aktar raġuni probabbli għalfejn setturi oħra importanti jew b'saħħithom ma jridux jikkondividu l-ispazju;

28.  Jirrimarka li, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fl-aċċess għar-riżorsi tal-baħar, studji dwar l-impatt soċjoekonomiku u ambjentali rikjesti għall-akkwakultura għandhom ukoll jaffettwaw lis-setturi kollha li jikkompetu magħha, bħalma huma, it-turiżmu jew l-estrazzjoni ta' materja prima;

29.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet nazzjonali jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilmijiet u r-riġenerazzjoni u t-tindif taż-żoni kkontaminati;

30.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni, fuq bażi ugwali, mal-partijiet ikkonċernati kollha;

Nadattaw il-leġiżlazzjoni għall-ħtiġijiet tal-akkwakultura

31.  Jenfasizza li s-sostenibilità ambjentali trid timxi id f'id mas-sostenibilità soċjali u ekonomika (is-sostenibilità għandha tliet pilastri), u li għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-kontribut attwali u potenzjali tal-akkwakultura għas-sigurtà tal-ikel fl-Unjoni;

32.  Jilqa' l-aħjar prattiki tal-industrija u l-eżempji ta' kooperazzjoni tajba abbażi ta' ftehimiet volontarji u ftehimiet oħra bejn il-konservazzjonisti u l-industrija, inkluż fiż-żoni Natura 2000; jilqa' l-ħafna eżempji ta' kontributi mill-akkwakultura għaż-żamma tal-kwalità tajba tal-ilma; jirrikonoxxi s-servizzi tal-ekosistemi akkwatiċi mwassla mill-industrija u jitlob inċentivi biex jissaħħu; jenfasizza li l-introduzzjoni ta' kumplikazzjonijiet legali ulterjuri li jaffetwaw lill-akkwakultura mhijiex mixtieqa mill-perspettiva tas-sostenibilità u tal-iżvilupp soċjoekonomiku;

33.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tkun adattata aħjar għar-realtajiet tal-akkwakultura, l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd u b'mod koerenti, inter alia, mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, f'konformità mal-għan li jinkiseb status ambjentali tajjeb għall-ibħra kollha sal-2020 u b'kont meħud tal-importanza tal-impjieg taż-żgħażagħ u tan-nisa fis-settur;

34.  Jenfasizza li, meta l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE tkun problematika jew inkonsistenti, għandhom jinħarġu linji gwida dwar l-interpretazzjoni u l-aħjar prattiki tagħha;

35.  Itenni li s-settur għandu jkun involut aktar mill-qrib fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

36.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-kontribut limitat tal-produzzjoni tal-akkwakultura lejn id-domanda domestika għall-ħut, stmata li hi ta' 10 %, u treġġa' lura l-fatt li aktar minn nofs id-domanda tal-Unjoni għall-ħut ġejja minn prodotti importati;

Insaħħu l-kompetittività tal-akkwakultura fl-UE fi ħdan u lil hinn mill-fruntieri tagħna

37.  Jitlob li jkun hemm rekwiżit li l-prodotti importati tal-akkwakultura jissodisfaw l-istess standards ambjentali, tas-sikurezza tal-ikel u soċjali tax-xogħol u li l-operaturi tal-UE jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jiddeplora l-fatt li għad ma hemmx kundizzjonijiet ekwi f'dan il-qasam, u li d-distorsjonijiet perikolużi tal-kompetizzjoni huma problema serja għall-operaturi tal-UE;

38.  Jirrileva s-sitwazzjoni attwali tal-pixxikulturi tal-għadajjar Ewropej, billi dawn qed jitħabtu ma' telf sostanzjali li jaffettwa l-istokk kollu tagħhom minħabba predaturi bħal-lontri, l-agretti u l-marguni; jenfasizza li dawn il-predaturi joqtlu wkoll iż-żgħar tal-pike-perch u tal-karpjun, u b'riżultat jillimitaw b'mod sinifikanti t-trobbija u r-riproduzzjoni tal-ħut tal-ilma ħelu; jistieden għalhekk lill-Istati Membri japplikaw id-derogi eżistenti fil-każ tal-agretti u l-marguni u jitlob lill-Kummissjoni tagħmel rieżami dwar l-istatus ta' konservazzjoni tal-lontra u fejn ikun hemm bżonn tippermetti li dawk il-predaturi jitneħħew u jiġu kkontrollati;

39.  Jitlob aktar kontrolli tal-oriġini fil-fruntiera li jkunu aħjar għall-prodotti importati u, fil-livell intern, miżuri biex jiġu miġġielda l-prattiki illegali jew "moħbijin" tal-akkwakultura li jaffettwaw l-iżvilupp intern tas-settur;

40.  Jindika li l-UE għandha tesporta l-istandards u l-għarfien espert tagħha fir-rigward tas-sostenibilità; jemmen li dan huwa partikolarment rilevanti fil-każ ta' reġjuni ġirien li jipproduċu speċijiet simili għal dawk prodotti fl-UE u speċjalment għal pajjiżi terzi li jikkondividu l-istess ilmijiet bħall-UE;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li, taħt il-ftehimiet kummerċjali ma' sħab terzi, l-aċċess preferenzjali għas-suq ikun kundizzjonali għar-rispett tal-istandards ta' sostenibilità u tal-benesseri tal-annimali li jkunu ekwivalenti għal dawk applikabbli fl-UE;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tisponsorja, bħala parti mill-politika tal-UE ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, miżuri ta' appoġġ u ta' taħriġ maħsuba biex jgħinu l-promozzjoni tal-akkwakultura sostenibbli u biex jorjentaw il-kuxjenza tal-produtturi tal-akkwakultura f'dawk il-pajjiżi lejn politika dwar il-kwalità u standards ogħla ta' produzzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-istandards ambjentali, soċjali u tal-iġjene;

43.  Iħeġġeġ li jittieħdu passi biex l-investiment tal-UE fi proġetti tal-akkwakultura f'pajjiżi terzi jiġi inkoraġġit;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżgura li r-regoli tal-importazzjoni tal-UE jiġu rispettati, inkluż fir-rigward tal-proċeduri tat-trobbija li jikkonformaw mal-istandards ambjentali, soċjali u tal-iġjene, fil-pajjiżi terzi li jesportaw, biex ikunu jistgħu jiġu implimentati kundizzjonijiet ekwi fil-livell internazzjonali; iqis, fl-istess ħin, li r-riżultati tal-monitoraġġ ta' proċessi tal-akkwakultura f'pajjiżi terzi għandu jkollhom influwenza deċiżiva fuq it-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet ta' esportazzjoni tal-prodotti lejn l-UE;

45.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-effetti tal-Brexit fuq il-qasam tal-akkwakultura;

Intejbu l-informazzjoni għall-konsumatur

46.  Jinsisti fuq implimentazzjoni sħiħa u kompluta tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tikkettar u l-informazzjoni għall-konsumaturi, kemm fis-swieq tal-ħut kif ukoll fis-settur tal-lukandi, ristoranti u catering (HORECA); jemmen li dan huwa importanti għall-prodotti kollha tas-sajd (u mhux biss il-prodotti tal-akkwakultura), kemm dawk importati kif ukoll prodotti fl-UE; iqis li r-Regolament ta' Kontroll għandu jiġu adattat u rinforzat għal dan il-għan;

47.  Jitlob li jkun hemm l-istabbiliment ta' tikketta speċifika għar-rikonoxximent ta' prodotti minn akkwakultura sostenibbli tal-UE u jenfasizza l-ħtieġa għal trasparenza għall-konsumaturi anki b'rabta mal-prodotti tal-akkwakultura importati minn pajjiżi terzi, billi tissaħħaħ it-traċċabilità;

Niżguraw il-Benesseri tal-Annimali

48.  Huwa tal-fehma li l-istrateġija dwar il-qtil għandha tinkludi proposti li jiżguraw il-proċessi għall-iżvilupp ta' parametri effikaċi għal metodi ta' qtil aktar umani tal-ħut, f'konformità mal-Linji Gwida tal-OIE u tal-EFSA, u li jiġi żgurat li t-tagħmir użat għall-qtil tal-ħut jaħdem f'konformità ma' dawk il-parametri, u li qtil uman effikaċi tal-ħut imrobbi jiġi implimentat, ivvalutat, evalwat u ċċertifikat fl-UE kollha;

Id-disponibilità ta' prodotti veterinarji

49.  Jirrimarka li l-leġiżlazzjoni veterinarja tal-UE trid tkun adattata aħjar għar-realtajiet u l-ħtiġijiet tal-akkwakultura, filwaqt li tqis l-ispeċijiet differenti u d-differenzi operattivi;

50.  Jenfasizza li huwa meħtieġ suq komuni ġenwin tal-UE għat-tilqim u għal prodotti veterinarji oħra li jipproteġi s-saħħa tal-annimali u tal-bnedmin, speċjalment għal speċijiet "minuri";

51.  Josserva li, sfortunatament, l-ispejjeż relattivament ogħla tad-dijanjożi, tal-alternattivi għall-antimikrobiċi u tat-tilqim, meta mqabbla mal-antibijotiċi użati komunement, huma ostakolu għal użu akbar u rata ogħla ta' tilqim, kif mixtieq mill-pjan ta' azzjoni(19); jilqa' l-fatt li, fil-pjan ta' azzjoni, il-Kummissjoni tħabbar inċentivi biex jiżdied l-użu tad-dijanjostika, l-alternattivi għall-antimikrobiċi u t-tilqim(20);

52.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-obbligu li tingħata informazzjoni dwar l-użu ta' tilqim u antibijotiċi fl-akkwakultura fid-dawl ta' riskji possibbli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ekosistema;

53.  Jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ifasslu inċentivi u miżuri prattiċi, inkluż implimentazzjoni mtejba tad-Direttiva 2006/88/KE jew, jekk meħtieġ, emendi għaliha, biex jiġi promoss approċċ ta' katina integrata għar-RAM u jiżdied l-użu ta' alternattivi għall-antimikrobiċi, dijanjostiċi u tilqim fl-akkwakultura u b'hekk jiġu promossi il-prevenzjoni, il-kontroll u l-qirda tal-mard u tar-reżistenza għall-antibijotiċi fl-annimali akkwatiċi b'mod kosteffikaċi u jiġu massimizzati s-sopravvivenza, it-tkabbir u l-effiċjenza tal-produzzjoni tal-annimali akkwatiċi;

54.  Jissottolinja l-ħtieġa li niffavorixxu r-riċerka xjentifika, fi programmi Ewropej u nazzjonali, dwar is-saħħa tal-ħut u tal-frott tal-baħar bil-qoxra u l-iżvilupp ta' prodotti veterinarji ġodda għall-ispeċijiet akkwatiċi;

55.  Jinnota, f'dan ir-rigward, li r-reżistenza għall-antibijotiċi hija problema serja fil-mediċina tal-bnedmin u tal-annimali, u jistieden lill-Kummissjoni tillimita l-użu tal-antibijotiċi għal sitwazzjonijiet fejn ikun hemm riskju ta' epiżootija fl-istabbiliment tal-akkwakultura u mhux sempliċiment bħala miżura preventiva u li jiġi vvalutat l-impatt tagħhom fuq ir-riskju tat-trasferiment tar-reżistenza lill-konsumaturi;

Kampanji ta' promozzjoni u komunikazzjoni aħjar

56.  Jirrimarka li kampanji promozzjonali u ta' komunikazzjoni aħjar fil-livell tal-UE dwar il-benefiċċji tal-akkwakultura u tal-konsum tal-ħut huma meħtieġa;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ kampanji ġeneriċi tal-UE li jkunu sodi u dejjiema u li jispjegaw il-merti tas-sostenibilità tal-prodotti tal-akkwakultura tal-UE, li jiffokaw fuq il-livell għoli tal-kwalità tagħhom u fuq l-istandards tal-benesseri tal-annimali u ambjentali tagħhom meta jitqabblu ma' dawk importati minn pajjiżi terzi, bħal fil-każ tat-tikketta "Farmed in the EU";

58.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mħeġġa u ffinanzjati kampanji promozzjonali għal skemi ta' kwalità reġjonali, koperti mir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, bħalma huma d-denominazzjonijiet ta' oriġini protetta; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tibda kampanja informattiva għall-konsumaturi u n-negozji fl-UE kollha dwar l-akkwakultura b'mod ġenerali, u b'mod partikolari dwar id-differenzi bejn l-istandards stretti u komprensivi fis-suq Ewropew u l-istandards ta' livell aktar baxx applikabbli għal prodotti importati minn pajjiżi terzi, b'enfasi partikolari fuq il-problemi kkawżati għas-sikurezza tal-ikel u s-saħħa pubblika bl-introduzzjoni ta' mikroorganiżmi partikolarment reżistenti u r-RAM fl-Unjoni; jenfasizza l-valur tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benesseri tal-ħut waqt it-trobbija, it-trasport u l-qtil biex jintlaħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi u r-reklamar ta' prodotti ta' kwalità garantita mill-istandards tal-UE meta mqabbla mal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni twarrab ammont xieraq tal-baġit promozzjonali tal-UE għall-promozzjoni tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura; jemmen li kampanja ta' kummerċjalizzazzjoni fuq firxa wiesgħa bbażata fuq prinċipji komuni u li tkopri lill-Istati Membri kollha, stabbilita bħala miżura ta' appoġġ kollettiv b'intensità tal-appoġġ ta' 80-100 %, għandha tinbeda sabiex jiżdiedu l-għarfien u l-aċċettazzjoni tal-prodotti tal-akkwakultura tal-UE;.

60.  Jappoġġja l-FLAGs tal-akkwakultura tan-netwerk FARNET fil-promozzjoni tal-attivitajiet tagħhom fil-livelli lokali, nazzjonali u Ewropej;

Nappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni

61.  Jirrimarka li l-FEMS, li jalloka EUR 1,2 biljun għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE, u sorsi oħra ta' finanzjament, bħal Orizzont 2020, jipprovdu opportunità għall-innovazzjoni;

62.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza tal-FLAGs, li qed jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-sajd u tal-akkwakultura f'żoni partikolari permezz tat-tisħiħ tar-riżorsi tas-sajd lokali u l-inkoraġġiment tal-innovazzjoni u d-diversifikazzjoni fis-sajd u l-akkwakultura;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa r-riċerka dwar l-ostreid herpesvirus u l-ġlieda kontrih;

64.  Huwa mħasseb dwar l-impatt ta' ċerti speċijiet aljeni invażivi fuq l-akkwakultura Ewropea; jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni bbażata fuq ix-xjenza, effettiva u proporzjonata tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi sabiex jiġu protetti kemm is-settur tal-akkwakultura Ewropea kif ukoll l-ispeċijiet indiġeni u l-ekosistemi Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni bil-ħsieb li jiġu miġġielda l-aktar speċijiet aljeni invażivi problematiċi;

65.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-ġlieda kontra t-taqqab tal-gajdra Ġappuniż;

66.  Jenfasizza li l-Orizzont 2020 u l-Programm Qafas 9 (FP9) għandhom ikomplu jappoġġaw l-attivitajiet tar-riċerka fl-akkwakultura li jtejbu l-kompetittività tas-settur u jindirizzaw il-kwistjonijiet enfasizzati fil-konferenza tal-Kummissjoni tal-2016, "FOOD 2030", u fl-opinjoni tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Konsulenti Xjentifiċi, "Ikel mill-Oċeani";

67.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni (EATiP) u mal-Kunsill Konsultattiv tal-Akkwakultura dwar suġġetti ta' prijorità għall-inklużjoni fil-pjanijiet strateġiċi nazzjonali;

68.  Iħeġġeġ li jsiru investimenti fir-riċerka, l-istudji u l-proġetti pilota dwar prattiki tal-akkwakultura bbażati fuq l-ekosistema, b'mod partikolari għar-reġjuni ultraperiferiċi u dawk bi żvantaġġi demografiċi;

69.  Jirrimarka li għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-komunità xjentifika, minn naħa waħda, u l-produtturi tal-akkwakultura u partijiet ikkonċernati oħra upstream u downstream mill-produtturi min-naħa l-oħra;

70.  Jitlob li, fuq il-bażi tal-aħjar rakkomandazzjonijiet xjentifiċi, jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE protokolli standard għall-ġbir ta' data bil-għan li jimmonitorjaw u jtejbu l-ġestjoni tal-akkwakultura u l-prattiki ta' produzzjoni u l-impatt soċjali, ekonomiku, ambjentali, u fuq is-saħħa ta' tali prattiki, kemm għall-farms tal-ħut tal-baħar kif ukoll tal-ilma ħelu;

71.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu teknoloġiji innovattivi u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent fl-akkwakultura, bħall-akkwaponika, sabiex jipproduċu l-ikel b'mod sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u biex jiġu evitati impatti negattivi fuq l-ambjent;

72.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-esplorazzjoni ta' opportunitajiet biex tkompli tiġi żviluppata l-akkwakultura tal-algi, settur b'valur ekoloġiku u ekonomiku, b'kunsiderazzjoni xierqa għas-sostenibilità soċjali u ambjentali;

Inħeġġu t-taħriġ u l-impjiegi

73.  Jistieden lill-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni meta dan ikun benefiku, jiggarantixxu taħriġ vokazzjonali xieraq fil-qasam tal-akkwakultura u jieħu nota tal-possibilità ta' taħriġ mill-ġdid tas-sajjieda professjonali f'metodi alternattivi ta' ġestjoni tal-ambjenti akkwatiċi, biex b'hekk jgħinu wkoll fil-ħolqien tal-impjiegi għan-nisa u ż-żgħażagħ fiż-żoni rurali u kostali u fir-reġjuni ultraperiferiċi, fil-gżejjer, u, b'mod ġenerali, f'reġjuni li jiddependu ħafna fuq is-sajd u l-attivitajiet tal-akkwakultura;

Inżidu s-sostenibilità tas-settur tal-akkwakultura tal-UE

74.  Jenfasizza r-rwol importanti tan-nisa fis-settur tal-akkwakultura u l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni tiġi adattata għal din ir-realtà, u l-ħtieġa li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-attivitajiet l-oħra marbuta mal-akkwakultura stess, bħal dawk żviluppati, fost affarijiet oħra, min-nissieġa tax-xbieki tas-sajd jew minn min jippakkja;

75.  Jinnota li sistemi innovattivi mmirati lejn it-trobbija tal-ħut kemm jista' jkun mill-qrib tal-ekosistema u bl-użu tal-għalf naturali s'issa għad ma kellhomx preżenza suffiċjenti fis-suq Ewropew; jitlob li jittejbu l-kundizzjonijiet ta' qafas għal dawn is-sistemi;

76.  Jemmen li hemm bżonn isiru investimenti sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal u tiġi żgurata s-sostenibilità tas-settur tal-akkwakultura, kif ukoll għall-ħarsien tal-ambjent u l-provvista ta' beni pubbliċi, u jitlob, għaldaqstant, żieda fil-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni u għal proġetti ta' produzzjoni sostenibbli u orjentati lejn il-kwalità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jissimplifikaw u jnaqqsu l-piż burokratiku fuq is-settur tal-akkwakultura, inklużi l-pixxikulturi tal-għadajjar;

77.  Jenfasizza li t-tħeġġiġ tal-kooperazzjoni bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tal-akkwakultura u programmi universitarji speċifiċi se jġibu ideat ġodda u jistimolaw l-interess f'dan is-settur ekonomiku;

Niżguraw finanzjament adegwat permezz tal-FEMS u fondi strutturali oħra

78.  Jilqa' l-promozzjoni ta' akkwakultura sostenibbli u kompetittiva bħala waħda mill-prijoritajiet tal-FEMS; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, li, skont il-konklużjonijiet tal-istudju li ġie ppubblikat fl-2014 mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-predeċessur tiegħu, il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES), ma appoġġax l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura b'mod effettiv; jinnota li fil-livell Ewropew, il-miżuri ta' appoġġ kienu meqjusa li ma tfasslux tajjeb u lanqas ma ġew sorveljati kif jixraq, u li ma pprovdewx qafas ċar biżżejjed għall-iżvilupp tal-akkwakultura; jinnota wkoll li, fil-livell nazzjonali, il-miżuri ta' appoġġ la tfasslu b'mod korrett u lanqas ma ġew applikati kif suppost, u li l-pjanijiet strateġiċi nazzjonali u l-programmi operattivi tagħhom ma pprovdewx bażi ċara biżżejjed għall-promozzjoni tal-akkwakultura, u li s-sitwazzjoni ma kinitx tjiebet bl-appoġġ tal-FEMS;

79.  Jirrimarka li l-edukazzjoni u l-komunikazzjoni tajba se jattiraw liż-żgħażagħ lejn dan is-settur, jiżguraw il-futur u l-kompetittività tiegħu, u jwasslu għal teknoloġija ġdida u innovazzjoni fl-iżvilupp tiegħu;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill iżidu l-intensità tal-appoġġ għall-appoġġ għal investiment fl-akkwakultura tal-ilma ħelu għal 75 % fil-politika tas-sajd ta' wara l-2020 sabiex tingħata spinta lir-rieda għall-investiment u biex tiġi pprovduta l-għajnuna tant meħtieġa lil dawk li jrabbu l-ħut; jitlob, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tħejji, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment, skema ta' appoġġ tar-rata ta' finanzjament għall-investimenti fl-akkwakultura u l-assi likwidi fuq livell tal-UE;

81.  Jipproponi wkoll iż-żieda tal-appoġġ tal-UE fil-futur għal-Innovazzjoni tar-Riċerka u l-Iżvilupp marbuta mal-akkwakultura, b'mod partikolari fir-rigward ta' oqsma li jaffettwaw is-sostenibilità ekonomika u l-kompetittività internazzjonali bħalma huma l-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi, l-iżvilupp ta' materjali bijoloġiċi għall-finanzjament, it-tnaqqis tal-piż fuq l-ambjent, il-provvediment ta' servizzi ambjentali ta' livell ogħla, eċċ.;

82.  Jinnota li, minħabba d-dewmien fl-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEMS u l-approvazzjoni tal-programmi operattivi tal-Istati Membri, l-operaturi fil-fatt ma setgħux jibdew jibbenefikaw mill-fondi tal-FEMS qabel tmiem l-2016, u dan ifisser dewmien ta' kważi tliet snin;

83.  Jitlob simplifikazzjoni tal-proċedura u tad-dokumenti li jridu jiġu ppreżentati sabiex jinkiseb finanzjament mill-FEMS;

84.  Jitlob li l-iskemi kollha li jipprevjenu l-promozzjoni tal-akkwakultura, inkluż permezz ta' strumenti finanzjarji oħra tal-UE (bħal pereżempju l-FEŻR), jiġu rieżaminati b'mod orjentat lejn is-sussidju;

85.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforzi ulterjuri u tipprovdi għajnuna addizzjonali meħtieġa biex tippermetti lill-utenti tal-FEMS jiksbu aċċess għall-finanzjament;

86.  Jenfasizza li huwa meħtieġ appoġġ aktar qawwi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u dawk interprofessjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru pilastri tal-OKS;

Simbjożi armonjuża mas-sajd

87.  Jirrimarka li m'għandux ikun hemm antagoniżmu bejn is-sajd u l-akkwakultura u li ż-żewġ setturi jistgħu jkunu perfettament kompatibbli u komplementari, b'mod speċjali fir-reġjuni kostali jew il-gżejjer li huma dipendenti ħafna fuq dawk l-attivitajiet u li fihom jiġi pprattikat is-sajd artiġjanali; jappella, għalhekk, għal installazzjonijiet offshore tal-akkwakultura li għandhom jiġu żviluppati aktar;

88.  Jenfasizza li l-akkwakultura tal-baħar hija kompatibbli u komplementari mas-sajd kostali fir-reġjuni ultraperiferiċi, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp ta' tekniki tat-trobbija u tal-għażla tal-varjetajiet fl-ilmijiet sħan taż-żoni tropikali jew subtropikali; jistieden lill-Kummissjoni tirrileva r-rwol moqdi min-nisa fis-sajd kostali mhux industrijali u fl-attivitajiet assoċjati kollha;

89.  Jistieden lill-Kummissjoni talloka aktar finanzjament għal metodi ta' produzzjoni tal-akkwakultura ambjentalment responsabbli bħal sistemi tal-akkwakultura tal-baħar ta' konteniment magħluq (CCS) u sistemi ta' ċirkolazzjoni mill-ġdid ibbażati fuq l-art (RASs) sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv tal-akkwakultura fuq il-ħabitats, il-popolazzjonijiet tal-ħut selvaġġ u tal-kwalità tal-ilma;

90.  Itenni l-fehmiet li diġà esprima fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-adozzjoni ta' Pjan Ewropew ta' Kontroll tal-Istokkijiet tal-Marguni, u jindika li t-tnaqqis fil-ħsarat ikkawżati mill-marguni u minn tajr ieħor tal-priża lill-azjendi tal-akkwakultura huwa fattur importanti għall-ispejjeż tal-produzzjoni u għaldaqstant għas-sopravvivenza u l-kompetittività tagħhom; jistieden lill-Istati Membri japplikaw l-eċċezzjonijiet attwali fil-każ tar-russetti u l-marguni u lill-Kummissjoni biex jirrieżaminaw l-istat ta' konservazzjoni tal-lontra;

91.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, tieħu azzjoni biex jitnaqqsu b'mod drastiku l-istokkijiet tal-marguni bl-użu tal-metodi kollha sabiex, minn naħa, l-eżistenza tal-istokkijiet tal-marguni tiġi assigurata u, min-naħa l-oħra, ma tinħoloq l-ebda theddida għal speċijiet oħra u tiġi evitata kwalunkwe ħsara lill-akkwakulturi kkonċernati;

o
o   o

92.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 88, 4.4.2011, p. 1.
(2) ĠU L 221, 8.8.1998, p. 23.
(3) ĠU L 204, 6.8.2009, p. 15.
(4) ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1.
(5) ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1.
(6) ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.
(7) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(8) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1.
(9) ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.
(10) ĠU L 157, 20.6.2017, p. 1.
(11) ĠU C 21 E, 28.1.2010, p. 11.
(12) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 132.
(13) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 119.
(14) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 177.
(15) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 64.
(16) ĠU C 76, 28.2.2018, p. 40.
(17) Testi adottati, P8_TA(2017)0316.
(18) Il-Kummissjoni Ewropea (29 ta' Ġunju 2017), ‘Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (RAM)’, p. 10.
(19) ‘Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (RAM)’, p. 15.
(20) Ibid, p. 12.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Jannar 2019Avviż legali