Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2211(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0184/2018

Testi mressqa :

A8-0184/2018

Dibattiti :

PV 12/06/2018 - 19
CRE 12/06/2018 - 19

Votazzjonijiet :

PV 13/06/2018 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0254

Testi adottati
PDF 392kWORD 62k
L-Erbgħa, 13 ta' Ġunju 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-politika ta' koeżjoni u l-ekonomija ċirkolari
P8_TA(2018)0254A8-0184/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar il-politika ta' koeżjoni u l-ekonomija ċirkolari (2017/2211(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 4, 11, 174 sa 178, 191 u 349 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21 u l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) tal-UNFCCC, kif ukoll il-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11) li saru f'Pariġi, fi Franza, mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 7(2) u 11(2) tal-Ftehim ta' Pariġi li jirrikonoxxu d-dimensjonijiet lokali, sottonazzjonali u reġjonali tat-tibdil fil-klima u l-azzjoni klimatika,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli l-ġodda tan-NU, u b'mod partikolari l-għan 7: li "jiġi żgurat l-aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd" u l-għan 11: li "l-bliet isiru inklużivi, siguri, reżiljenti u sostenibbli",

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1) (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 bit-titolu "Qafas ta' monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari" (COM(2018)0029),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2017 bit-titolu "Ir-rwol tal-enerġija mill-iskart fl-ekonomija ċirkolari" (COM(2017)0034),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari (COM(2017)0033),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej" (COM(2015)0639),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta' azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari" (COM(2015)0614),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: Programm ta' skart żero għall-Ewropa" (COM(2014)0398),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Pjan ta' azzjoni ekoloġiku għall-SMEs: Għajnuna għall-SMEs biex isarrfu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet tan-negozju" (COM(2014)0440),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu: "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2012 bit-titolu "Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa" (COM(2012)0060),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Lulju 2012 bit-titolu "Bliet u Komunitajiet Intelliġenti – Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni" (C(2012)4701),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Diċembru 2017 ikkummissjonat mill-Kummissjoni bit-titolu "Integration of environmental concerns in Cohesion Policy Funds (ERDF, ESF, CF) – Results, evolution and trends through three programming periods (2000-2006, 2007-2013, 2014-2020)" (L-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali fil-Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni (FEŻR, FSE, FK) – Riżultati, evoluzzjoni u xejriet matul tliet perjodi ta' programmazzjoni (2000-2006, 2007-2013, 2014-2020)),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-investiment f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: evalwazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea – l-aħjar prattiki u miżuri innovattivi(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar sinerġiji għall-innovazzjoni: il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej u programmi tal-UE oħra(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar opportunitajiet ta' tkabbir ekoloġiku għall-SMEs(12),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Gżejjer Intelliġenti tat-28 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0184/2018),

A.  billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma l-aktar familjari ma' kwistjonijiet lokali u reġjonali u huma atturi ewlenin għal implimentazzjoni effikaċi tal-politika ta' koeżjoni, huma wkoll fuq quddiem tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; billi l-mudell ta' governanza Ewropea f'diversi livelli, li huwa mibni fuq kooperazzjoni attiva u kostruttiva bejn il-livelli differenti ta' governanza u l-partijiet ikkonċernati, flimkien ma' informazzjoni adegwata u involviment attiv taċ-ċittadini, huwa kruċjali għall-kisba ta' din il-bidla;

B.  billi l-bliet jirrappreżentaw biss 3 % tas-superfiċje tad-dinja iżda jilqgħu fihom aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja, jikkonsmaw aktar minn 75 % tar-riżorsi globali, u jipproduċu 60-80 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, u billi sal-2050, 70 % tal-popolazzjoni globali hija mistennija li tiċċaqlaq lejn il-bliet;

C.  billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar b'saħħitha u aktar ċirkolari hija kemm opportunità tajba kif ukoll sfida għall-UE, l-Istati Membri tagħha u ċ-ċittadini tagħha, biex tiġi mmodernizzata l-ekonomija Ewropea u tiġi ggwidata lejn direzzjoni aktar sostenibbli; billi din hija, b'mod partikolari, opportunità għar-reġjuni Ewropej kollha u l-awtoritajiet lokali, li huma l-livell governattiv l-eqreb tal-komunitajiet lokali; billi ġġib magħha possibbiltajiet għall-iżvilupp u t-tkabbir fir-reġjuni Ewropej u tista' tgħinhom jibnu mudell sostenibbli li jikseb żvilupp ekonomiku, jittrasforma setturi eżistenti, itejjeb il-bilanċi kummerċjali u l-kompetittività industrijali bi produttività mtejba, joħloq impjiegi ġodda, ta' kwalità għolja u mħallsin tajjeb u joħloq ktajjen ta' valur ġodda;

D.  billi madwar 60 % tal-iskart tal-UE fil-preżent mhuwiex riċiklat u billi l-esplorazzjoni u l-introduzzjoni ta' mudelli ta' negozju ċirkolari ġodda jistgħu joħolqu kost-benefiċċji kbar u opportunitajiet ta' negozju għall-benefiċċju tal-SMEs tal-UE;

E.  billi l-ilħuq tal-miri tal-Ftehim ta' Pariġi jirrikjedu bidla lejn ekonomija aktar ċirkolari u huwa kontribut vitali għall-iżvilupp ta' mudell ekonomiku li għandu bħala l-għan tiegħu, mhux biss il-profitt, iżda anke l-protezzjoni tal-ambjent;

F.  billi l-politika ta' koeżjoni toffri mhux biss opportunitajiet ta' investiment b'reazzjoni għall-ħtiġijiet lokali u reġjonali permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE), iżda toffri wkoll qafas ta' politika integrat biex jitnaqqsu d-disparitajiet tal-iżvilupp bejn ir-reġjuni Ewropej u biex jiġu megħjuna jindirizzaw il-ħafna sfidi għall-iżvilupp tagħhom, inkluż permezz tal-appoġġ għall-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll il-kooperazzjoni territorjali u l-bini ta' kapaċità, u anke biex jiġi attirat u promoss l-investiment privat;

G.  billi l-qafas leġiżlattiv kurrenti għall-politika ta' koeżjoni ma jsemmix it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari bħala objettiv, u billi l-iżvilupp sostenibbli huwa prinċipju orizzontali għall-użu tal-Fondi SIE, kif definit fl-Artikolu 8 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni kif ukoll fil-Qafas Strateġiku Komuni (Anness I) li jippermettu t-tisħiħ tar-rabta bejn l-istrumenti eżistenti bħala appoġġ tal-proġetti tal-ekonomija ċirkolari;

H.  billi ħafna mill-objettivi tematiċi stabbiliti għall-Fondi SIE li jridu jikkonformaw mal-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, kif ukoll il-kundizzjonalitajiet ex ante relatati, huma rilevanti għall-objettivi ta' ekonomija ċirkolari;

I.  billi l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għamilha obbligatorja li l-operazzjonijiet appoġġjati mill-Fondi SIE jkunu konformi mad-dritt applikabbli tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali relatat mal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inkluż speċjalment id-dritt ambjentali;

J.  billi wieħed mill-għanijiet tal-ekonomija ċirkolari huwa li jitnaqqas l-iskart li jintbagħat fil-landfills u billi l-iżgurar u r-riabilitazzjoni ta' landfills legali u illegali fl-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala prijorità assoluta;

K.  billi ċ-Ċina pprojbiet, mill-1 ta' Jannar 2018, l-importazzjonijiet ta' fdal tal-plastik u ta' skart tal-karti mhux isseparat, u billi din il-projbizzjoni se toħloq sfidi ta' riċiklaġġ għall-Unjoni, li se jinħtieġ li jiġu ttrattati fil-livelli reġjonali u lokali;

Ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni fil-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari

1.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tappoġġja l-ekonomija ċirkolari permezz ta' politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari permezz ta' attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni biex jgħinu lill-Istati Membri u lir-reġjuni tal-UE jużaw il-fondi tal-politika ta' koeżjoni għall-ekonomija ċirkolari;

2.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, l-appoġġ tal-UE għall-perjodu 2014-2020 għall-innovazzjoni, l-SMEs, l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u l-protezzjoni ambjentali jammonta għal EUR 150 biljun u ħafna minn dawn l-oqsma qed jikkontribwixxu għall-kisba ta' ekonomija ċirkolari;

3.  Jinnota li l-analiżi dwar ir-riżultat tan-negozjati rigward il-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi operattivi tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għall-perjodu ta' programmazzjoni kurrenti wriet li l-FSE ntuża biex jappoġġja azzjonijiet biex jiġu introdotti mudelli ta' organizzazzjoni tax-xogħol aktar ekoloġiċi u azzjonijiet fis-settur ekoloġiku;

4.  Jinnota, madankollu, li kif issottolinjat fi studju kkummissjonat mill-Kummissjoni, il-qafas ta' politika kurrenti ma jippermettix li jiġi kopert il-kontribut sħiħ tal-politika ta' koeżjoni għall-ekonomija ċirkolari; jinnota l-fatt, f'dan ir-rigward, li d-definizzjoni tal-kategoriji tal-"Qasam ta' Intervent" eżistenti użati għall-allokazzjonijiet finanzjarji ma tkoprix l-ekonomija ċirkolari bħala tali;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta l-miżuri ppjanati tal-ekonomija ċirkolari u tosserva prattiki regolatorji tajbin, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ssorveljati l-miżuri ta' implimentazzjoni;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi implimentat l-impenn tal-Kummissjoni għal qafas ta' monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari(13) bil-għan li jiżdied u jiġi evalwat il-progress miksub fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, filwaqt li jitnaqqas il-piż amministrattiv;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni straordinarja biex tirranġa ż-żoni użati għar-rimi illegali u r-rimi ta' skart perikoluż fil-landfills, li qed jaffettwaw b'mod negattiv is-saħħa u l-benesseri ekonomiku u soċjali tal-popolazzjonijiet ikkonċernati;

8.  Jissottolinja r-rwol tal-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020 u tal-Programm LIFE 2014-2020 biex jiffinanzjaw proġetti innovattivi u jappoġġjaw it-tnaqqis tal-iskart, il-proġetti ta' riċiklaġġ u l-proġetti ta' użu mill-ġdid li jkunu rilevanti għall-ekonomija ċirkolari;

9.  Japprezza li diversi reġjuni użaw l-istrateġiji tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom biex jistabbilixxu prijoritajiet relatati mal-ekonomija ċirkolari u jiggwidaw l-investimenti tagħhom fir-riċerka u l-innovazzjoni permezz tal-politika ta' koeżjoni lejn dan l-objettiv, filwaqt li jwettqu rwol fundamentali biex jappoġġjaw l-investimenti u l-infrastruttura li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-SMEs; jistieden lill-awtoritajiet reġjonali jużaw din il-prattika tajba bħala modus operandi komuni u jimplimentaw dawn l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti;

10.  Jilqa' l-ħolqien ta' Ċentru Ewropew tal-Eċċellenza fl-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi għall-SMEs, kif ukoll il-Pjattaforma ta' Appoġġ Finanzjarju tal-Ekonomija Ċirkolari;

11.  Itenni l-fehma tiegħu li l-ekonomija ċirkolari tmur lil hinn mill-ġestjoni tal-iskart u tinkludi oqsma bħalma huma l-impjiegi ekoloġiċi; l-enerġija rinnovabbli; l-użu effiċjenti tar-riżorsi; il-bijoekonomija; il-politiki fil-qasam tal-agrikoltura u tas-sajd, bl-industriji b'bażi bijoloġika tagħhom maħsuba biex jieħdu post il-fjuwils fossili; il-ġestjoni tal-ilma; l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; il-ħela tal-ikel; l-iskart fil-baħar; it-titjib tal-kwalità tal-arja; ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni f'oqsma relatati; jirrikonoxxi, madanakollu, li l-infrastruttura tal-iskart hija element kruċjali għat-tnaqqis ta' xejriet lineari ta' produzzjoni u ta' konsum u li hemm bżonn li jiġu appoġġjati l-innovazzjonijiet fil-qasam tal-ekodisinn sabiex jitnaqqsu l-livelli ta' skart tal-plastik;

12.  Ifakkar li l-problema bażika li trid tiġi solvuta l-ewwel hija s-suq tal-materja prima sekondarja, peress li jekk l-ispiża tal-materja prima tkun inqas minn dik tal-materja riċiklata, huwa ċar li l-ispinta lejn l-ekonomija ekoloġika tonqos b'mod konsiderevoli u li l-użu tal-fondi strutturali jista' jintilef f'ċirku vizzjuż; iqis, f'dan il-kuntest, li ċerti liġijiet ad hoc (bħall-proposta li ġejja tal-Kummissjoni dwar l-użu uniku tal-prodotti tal-plastik) u tassazzjoni xierqa fil-livell tal-UE bħala parti mir-riżorsi proprji tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, jistgħu jagħtu kontribut deċiżiv għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari;

13.  Jenfasizza l-fatt li, bħala medja, il-materjali riċiklati jissodisfaw biss madwar 10 % tad-domanda tal-UE għal materjali; jirrikonoxxi, fir-rigward ta' żviluppi ġodda fis-swieq globali, speċjalment il-projbizzjoni riċenti fiċ-Ċina ta' fdal ta' plastiks u skart tal-karti mhux isseparat, il-potenzjal il-ġdid għal reġjuni u komunitajiet lokali li jinvestu f'infrastruttura ta' riċiklaġġ, joħolqu impjiegi ekoloġiċi ġodda u jindirizzaw l-isfidi kurrenti li qed tiffaċċja l-UE;

14.  Jenfasizza l-eżistenza u l-importanza tal-kundizzjonalitajiet ex ante dwar il-Fondi SIE relatati, b'mod partikolari, mal-objettiv tal-ħarsien u l-protezzjoni l-ambjent u tal-promozzjoni tal-użu effiċjenti tar-riżorsi; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għal dik dwar "il-promozzjoni ta' investimenti ekonomikament u ambjentalment sostenibbli fis-settur tal-iskart"; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-negliġenza tal-ġerarkija tal-iskart u n-nuqqas ta' valutazzjoni ambjentali soda tal-eżiti fit-tul tal-investimenti taħt il-Fondi SIE;

15.  Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni u kooperazzjoni akbar bejn ir-reġjuni, SMEs u entitajiet pubbliċi/privati oħrajn sabiex jitnedew pjattaformi tematiċi ġodda ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, b'mod partikolari bejn is-settur agroalimentari, dak tal-enerġija u dak industrijali;

16.  Jenfasizza l-importanza li tkun applikata l-ġerarkija tal-iskart bħala prerekwiżit biex tinkiseb ekonomija ċirkolari, kif ukoll il-bżonn ta' trasparenza akbar fil-katina tal-provvista, sabiex il-prodotti u l-materjali li jkunu waslu fi tmiem il-ħajja jkunu jistgħu jiġu mmonitorjati u rkuprati b'mod effiċjenti; barra minn hekk, jirrikonoxxi xejra negattiva fl-investiment tal-Fondi SIE f'livelli aktar baxxi tal-ġerarkija tal-iskart, b'mod partikolari fil-faċilitajiet ta' trattament bijoloġiku mekkaniku (MBT) u fl-inċinerazzjoni, li f'ċerti każijiet tista' twassal għal kapaċitajiet żejda u lock-in teknoloġiku fit-tul, u li b'hekk tipperikola l-ilħuq tal-miri ta' riċiklaġġ tal-UE; ifakkar li t-tħeġġiġ tal-komunità tan-negozju biex issegwi l-ġerarkija għandu jiġġenera materjali addizzjonali fil-fluss tar-riżorsi, u għandu joffri wkoll opportunitajiet potenzjali għall-użu tagħhom fil-manifattura;

17.  Ifakkar fil-miri l-ġodda dwar l-iskart għall-2025, l-2030 u l-2035 stabbiliti fir-rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart u jissottolinja li l-ilħuq ta' dawn il-miri jirrikjedi impenn politiku fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll investimenti ekonomiċi; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-fondi tal-Unjoni disponibbli b'appoġġ għal tali investimenti u jissottolinja li dawn se jiġġeneraw redditi sinifikanti f'termini ta' tkabbir ekonomiku u ħolqien tal-impjiegi;

18.  Jissottolinja l-importanza tal-proġetti reġjonali għall-ipproċessar tal-iskart residwu li huwa kompletament mhux riċiklabbli sabiex jiġu prodotti bijokarburanti sostenibbli tat-tieni ġenerazzjoni, wara separazzjoni bir-reqqa jew ġbir separat f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-definizzjonijiet kollha relatati mal-iskart jikkonformaw mad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u li tkun disponibbli data komparabbli dwar il-progress li jsir mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

20.  Jenfasizza l-importanza tal-inizjattiva Azzjonijiet Innovattivi Urbani, li s'issa approvat tmien proġetti innovattivi tal-ekonomija ċirkolari tal-awtoritajiet urbani għal finanzjament tal-FEŻR u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tevalwa l-implimentazzjoni tagħhom sabiex tifformula politiki usa' tal-ekonomija ċirkolari;

L-ekonomija ċirkolari bħala mutur għall-iżvilupp sostenibbli u reġjonali

21.  Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tas-sħubija u r-rwol importanti tal-partijiet ikkonċernati kollha, b'mod partikolari l-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-settur mhux governattiv, inklużi l-SMEs u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, waqt it-tfassil ta' ftehimiet ta' sħubija u programmi operattivi; jitlob li jkun hemm involviment ġenwin tas-sħab fil-proċessi ta' politika, bil-ħolqien ta' sħubijiet trasversali u li fid-dokumenti ta' programmazzjoni jiġu inkorporati adegwatament objettivi relatati mal-ekonomija ċirkolari; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom stess f'dan il-qasam f'koordinazzjoni mal-approċċ tal-UE għal ekonomija ċirkolari; jenfasizza r-rwol ewlieni li jista' jkollu l-gvern lokali fil-kisba tal-ekonomija ċirkolari;

22.  Jenfasizza l-importanza tar-rwol tas-sħubijiet pubbliċi-privati fit-tfassil u l-ippjanar ta' prodotti u servizzi ġodda li jieħdu kont taċ-ċiklu tal-ħajja, bil-ħsieb li jiġu implimentati erba' mudelli tad-disinn li jkunu jistgħu jintużaw taħt ekonomija ċirkolari: it-tfassil għal-lonġevità; it-tfassil għal kiri/servizz; it-tfassil għall-użu mill-ġdid fil-manifattura; it-tfassil għall-irkupru ta' materjali;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinbidlu u jiġu adattati l-istrateġiji u l-mudelli tas-suq kurrenti biex jakkumpanjaw lir-reġjuni fit-tranżizzjoni lejn din il-forma ta' ekonomija aktar sostenibbli, filwaqt li fl-istess ħin tingħata spinta lill-kompetittività ekonomika, industrijali u ambjentali;

24.  Jitlob li tiġi implimentata l-ekonomija ċirkolari fil-qafas tal-governanza kkoordinata f'diversi livelli u l-prinċipju tas-sħubija, bi trasparenza sħiħa, l-involviment tal-komunitajiet lokali u l-parteċipazzjoni pubblika wiesgħa;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa aktar kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati kollha involuti fil-proċessi ta' ekonomija ċirkolari;

26.  Jinnota li l-proġetti relatati mal-ekonomija ċirkolari li rċevew l-appoġġ tal-politika ta' koeżjoni ġabu magħhom benefiċċji akbar għal reġjuni aktar żviluppati; jirrikonoxxi l-kapaċità amministrattiva limitata ta' reġjuni anqas żviluppati, u għalhekk jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jużaw il-possibbiltajiet kollha eżistenti sabiex jipprovdu għajnuna esperta u jsaħħu l-kapaċità ta' dawn ir-reġjuni biex jgħinuhom iżidu l-isforzi tagħhom, u biex joħolqu kundizzjonijiet għall-kisba ta' qabża teknoloġika billi jimplimentaw aktar proġetti li jissodisfaw il-prinċipji ta' ekonomija ċirkolari u billi jiżviluppaw sħubijiet u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati bħal esperti tal-materjali, kimiki, manifatturi u riċiklaturi, partikolarment fil-qafas tal-inizjattiva "Industrija 2020 fl-ekonomija ċirkolari";

27.  Jisħaq fuq l-istimi li bidla lejn materja prima bijoloġika u metodi ta' pproċessar bijoloġiku tista' tiffranka sa 2,5 biljun tunnellata ta' CO2 fis-sena sal-2030, biex b'hekk jiżdiedu ferm is-swieq għall-materja prima b'bażi bijoloġika u prodotti ġodda tal-konsumatur; jenfasizza l-importanza assoluta ta' ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-preservazzjoni tal-bijodiversità filwaqt li r-riżorsi jiġu ttrasformati fi prodotti, materjali u fjuwils b'bażi bijoloġika;

28.  Iqis li l-bijoekonomija hija essenzjali għall-iżvilupp reġjonali u lokali, peress li żżid il-koeżjoni bejn ir-reġjuni permezz tal-potenzjal tagħha li toħloq l-impjiegi u t-tkabbir fiż-żoni rurali; jitlob li jsir aktar użu mill-Fondi SIE għall-implimentazzjoni ta' innovazzjonijiet eżistenti, permezz ta' politiki li jħeġġu l-partijiet ikkonċernati, filwaqt li tkompli titrawwem l-innovazzjoni fl-iżvilupp ta' materjali b'bażi bijoloġika, bijodegradabbli, riċiklabbli u kompostabbli prodotti minn stokkijiet tal-għalf bijoloġiku mmaniġġjati b'mod sostenibbli; ifakkar li l-implimentazzjoni konsistenti tal-bijoekonomija tista' wkoll issolvi l-problema tal-ħela tal-ikel; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fil-ħolqien ta' sistemi u pjattaformi li jgħaqqdu l-atturi differenti mis-setturi tal-produzzjoni tal-ikel, tat-trasport, tal-bejgħ bl-imnut, tal-konsumaturi u tal-iskart, kif ukoll partijiet ikkonċernati oħrajn, biex b'hekk jinkisbu sinerġiji akbar biex joħolqu soluzzjonijiet effiċjenti;

29.  Jinnota li, barra l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, l-inċentivi għandhom jingħataw ukoll lill-konsumaturi nfushom, li għandhom jiġu infurmati b'mod kostanti u mħeġġa jibdlu l-imġiba tal-konsumaturi fir-rigward tal-ġestjoni u l-produzzjoni tal-iskart, ir-riċiklaġġ u kwistjonijiet li jinvolvu soluzzjonijiet sostenibbli fil-ħajja tagħhom ta' kuljum;

30.  Jitlob għal aċċess aħjar, eħfef u aktar trasparenti biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu ffinanzjati, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi tagħhom u permezz ta' aktar kooperazzjoni mal-BEI, fil-qafas taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investiment, sabiex ikunu jistgħu jiżdiedu l-investimenti f'impjiegi ekoloġiċi, il-ġestjoni tal-iskart, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, żvilupp ulterjuri ta' żoni rurali inkluż fir-rigward tal-infrastruttura meħtieġa u teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, il-bidla minn fjuwils fossili għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli u t-tranżizzjoni tal-enerġija lokali, inkluża l-effiċjenza fl-enerġija, distribuzzjoni deċentralizzata tal-enerġija, l-innovazzjoni għal enerġija nadifa u l-ekonomija ċirkolari; jilqa' l-fatt li l-BEI pprovda, matul l-aħħar ħames snin, madwar EUR 2,4 biljun f'kofinanzjament għal proġetti tal-ekonomija ċirkolari għall-ġestjoni tal-iskart, il-ġestjoni tal-ilma jew ir-riċerka u l-iżvilupp agrikoli; jenfasizza l-importanza ta' koordinazzjoni aħjar tal-Fondi SIE u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari, anke bil-ħsieb li jiġu żgurati programmi li jinkludu approċċ reġjonali u li jużaw aħjar il-potenzjal reġjonali għal sorsi tal-enerġija sostenibbli;

31.  Jistieden lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-awtoritajiet lokali biex jinkoraġġixxu l-istabbiliment u l-appoġġ ta' netwerks għall-użu mill-ġdid u għat-tiswija, partikolarment dawk li joperaw bħala intrapriżi tal-ekonomija soċjali, biex jestendu l-ħajja ta' prodotti permezz tal-użu mill-ġdid, it-tiswija u r-riutilizzazzjoni, u billi jħaffu l-aċċess ta' tali netwerks għal punti ta' ġbir tal-iskart, u billi jippromwovu l-użu tal-Fondi SIE, l-istrumenti ekonomiċi, il-kriterji ta' akkwist pubbliku, jew miżuri oħra f'dan is-sens;

32.  Jenfasizza li s-sostenibbiltà taċ-ċiklu tal-ħajja tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ tiddependi mill-konsum tal-enerġija fit-trasport; jissottolinja li dan japplika b'mod partikolari għal żoni rurali fejn id-distanzi bejn il-punti ta' ġbir u s-siti tal-ipproċessar huma itwal; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jikkunsidraw l-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja fl-istrateġiji tagħhom tal-ekonomija ċirkolari għal żoni rurali sabiex jevitaw impatti ambjentali u klimatiċi li jkunu b'mod ġenerali negattivi;

33.  Jirrimarka li, minn kampjun ta' 32 programm operattiv rivedut għal studju dwar l-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali fil-fondi tal-politika ta' koeżjoni, disgħa jindirizzaw l-ekonomija ċirkolari u sitta l-impjiegi ekoloġiċi; jilqa' l-isforzi eżistenti li saru mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali iżda fl-istess ħin jistieden lill-Istati Membri jintegraw aħjar l-ekonomija ċirkolari fil-programmi operattivi u reġjonali tagħhom u fil-ftehimiet ta' sħubija tagħhom; iħeġġeġ li jingħata appoġġ lir-reġjuni biex jiżguraw tranżizzjoni li tkun kemm jista' jkun bla xkiel għall-ekonomija ċirkolari;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ekonomija ċirkolari tkun inkorporata b'mod xieraq fil-programmi edukattivi u t-taħriġ vokazzjonali u t-taħriġ mill-ġdid bħala suġġett interdixxiplinari sabiex tifforma attitudnijiet ġodda li mbagħad jgħinu sabiex jiġu ddefiniti mudelli ta' negozju ġodda u joħolqu impjiegi ġodda;

35.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali responsabbli għat-tħejjija tal-programmi operattivi biex jintegraw aktar mill-qrib l-ekonomija ċirkolari fi programmi ta' kooperazzjoni territorjali, b'mod partikolari l-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera, bil-għan li jimplimentaw soluzzjonijiet transfruntieri li jistgħu jiġġeneraw riżultati aktar effiċjenti u orħos;

36.  Jemmen li l-ippjanar futur tal-Fondi SIE fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss għandu jkun ikkoordinat aħjar mal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima għall-2030, billi juża, fejn ikun possibbli, indikaturi simili għal dawk li jinsabu fir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija; jappella għal strateġija ambizzjuża u koerenti għall-Istati Membri sabiex jilħqu l-miri mandatorji diġà eżistenti fil-livell tal-UE dwar il-mitigazzjoni tal-klima;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jaħtfu l-opportunità biex jintegraw aktar l-ekonomija ċirkolari fil-programmi operattivi kurrenti tagħhom matul il-perjodu ta' reviżjoni; jemmen li l-Kummissjoni għandha tiffaċilita dan il-proċess filwaqt li tipprovdi assistenza għall-Istati Membri fir-rigward tal-analiżi tas-sitwazzjoni kurrenti u l-oqsma possibbli fejn l-ekonomija ċirkolari u l-prinċipji tagħha jkunu jistgħu jiġu applikati u miżjuda;

38.  Iqis li r-rwol tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) fl-indirizzar tal-isfidi relatati mal-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari għandu jkun imsaħħaħ aktar; jistieden lill-Istati Membri jrawmu l-kooperazzjoni transfruntiera, b'mod partikolari permezz tal-ETC, biex jiġu implimentati proġetti tal-ekonomija ċirkolari; barra minn hekk, jenfasizza l-importanza li jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli permezz ta' ftehimiet ta' qabel l-adeżjoni ma' pajjiżi li mhumiex Stati Membri biex jindirizzaw l-isfidi preżenti, speċjalment fil-qasam tat-tniġġis tal-arja;

39.  Jisħaq fuq il-potenzjal mhux sfruttat tal-istrateġiji makroreġjonali kurrenti biex jgħinu fl-indirizzar ta' sfidi relatati mal-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari, mhux biss fl-Istati Membri iżda wkoll f'pajjiżi terzi li jinstabu fl-istess żona ġeografika; jenfasizza li dawk l-istrateġiji għandhom jiffukaw fuq prijoritajiet li jappoġġjaw il-ħolqien ta' suq għal materja prima sekondarja għall-Unjoni; jitlob li jiġu żviluppati inizjattivi ta' kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi ġirien;

40.  Itenni l-fehmiet tiegħu dwar l-importanza tal-bini u ż-żamma adegwati tal-kapaċitajiet fl-awtoritajiet pubbliċi lokali, reġjonali u nazzjonali, li hija wkoll rilevanti ħafna għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; jindika r-rwol importanti li l-assistenza teknika jista' jkollha f'dan il-qasam; jirrikonoxxi li r-reġjuni u ż-żoni urbani għandhom rwol essenzjali fil-promozzjoni tas-sjieda tat-tranżizzjoni tal-enerġija minn isfel għal fuq (bottom-up) u huma l-aktar adattati għall-ittestjar u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet tal-enerġija integrati f'rabta diretta maċ-ċittadini; jisħaq fuq ir-rwol li jista' jkollhom l-inizjattivi "bliet intelliġenti" fl-ekonomija ċirkolari billi jippromwovu mudelli ta' teknoloġija ekoloġika bħala parti minn strateġiji ta' żvilupp urban sostenibbli; jissottolinja li bliet sostenibbli u "ċirkolari" huma strument għal ekonomija ċirkolari effettiva;

41.  Jenfasizza l-importanza tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku bħala mutur tal-ekonomija ċirkolari, b'suq potenzjali li jammonta għal EUR 1,8 triljun kull sena u li jipprovdi xogħlijiet pubbliċi, prodotti u servizzi(14);

42.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' qafas regolatorju tal-enerġija li jinkoraġġixxi liċ-ċittadini u l-komunitajiet tal-enerġija jipparteċipaw fit-tranżizzjoni tal-enerġija permezz tad-dritt tal-awtoproduzzjoni u l-awtokonsum, kif ukoll permezz ta' skemi għal appoġġ kontinwu, l-aċċess prijoritarju ggarantit għall-grilja u dispaċċ ta' prijorità għall-enerġija rinnovabbli;

43.  Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jkomplu jinvestu fi programmi edukattivi, f'taħriġ vokazzjonali u biex il-ħaddiema jerġgħu jiġu kkwalifikati, kif ukoll f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji u l-vantaġġi tal-azzjonijiet kollha bil-għan li tiġi implimentata l-ekonomija ċirkolari permezz ta' proġetti ta' politika ta' koeżjoni, biex b'hekk tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tiġi influwenzata l-imġiba tal-konsumaturi; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-potenzjal tal-FSE; jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li l-intraprendituri żgħażagħ jitħeġġu jersqu lejn ekonomija ċirkolari, speċjalment f'reġjuni b'livelli baxxi ta' introjtu u tkabbir; jissottolinja wkoll li l-ekonomija ċirkolari hija opportunità biex iż-żoni rurali jiġġieldu d-depopolazzjoni, jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom u jiksbu sigurtà kontra r-riskji; jindika, f'dan ir-rigward, li ż-żoni rurali għandhom bżonn ta' inċentivi għat-tranżizzjoni lejn katini ta' valur sostenibbli; jisħaq fuq l-importanza li tiġi żviluppata strateġija speċifika għal reġjuni insulari;

44.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu tal-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) u l-Investiment Territorjali Integrat (ITI) biex tgħin lill-partijiet ikkonċernati lokali jikkombinaw flussi ta' fondi u jippjanaw inizjattivi lokali mmirati lejn l-ekonomija ċirkolari;

45.  Jinnota li 80 % tal-iskart fil-baħar jiġi minn sorsi bbażati fuq l-art; għalhekk jenfasizza l-importanza tal-indirizzar tal-art u r-rimi tal-iskart fil-baħar permezz ta' azzjoni lokali u reġjonali li għandha kemm il-benefiċċji ambjentali kif ukoll is-saħħa tal-bniedem; jistieden lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-awtoritajiet lokali jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq il-prevenzjoni ta' skart iġġenerat fuq l-art;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, l-impatt fuq il-kalkolu ta' żbilanċi tal-gvern tal-investimenti reġjonali u nazzjonali kkofinanzjati permezz tal-Fondi SIE fi proġetti relatati mal-ekonomija ċirkolari;

47.  Jilqa' l-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva 98/83/KE dwar l-Ilma tax-Xorb, li se tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari billi tnaqqas l-iskart tal-plastik mill-ilma fil-fliexken, u li tinvolvi ffrankar kbir tal-enerġija u ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma tax-xorb;

L-ekonomija ċirkolari fil-politika ta' koeżjoni wara l-2020

48.  Jistieden lill-Kummissjoni, għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, timplimenta metodoloġija ta' rintraċċar rilevanti b'indikaturi xierqa li jippermettu monitoraġġ aħjar tal-kontribut tal-politika ta' koeżjoni għall-kisba ta' ekonomija ċirkolari sabiex toffri stampa aktar preċiża tal-kundizzjonijiet ambjentali u soċjoekonomiċi;

49.  Jindika li appoġġ konsiderevoli għat-tkomplija tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari qed tiġi pprovduta wkoll minn programmi oħrajn, bħal LIFE, COSME u Orizzont 2020; jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu s-sinerġiji bejn dawn l-istrumenti msemmija hawn fuq sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proposti leġiżlattivi l-ġodda għall-qafas ta' politika ta' koeżjoni futur, tiżviluppa kundizzjonalitajiet ex ante xierqa relatati mal-kisba ta' ekonomija ċirkolari; iqis li għandhom jiġu żviluppati strateġiji ta' ekonomija ċirkolari fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u mas-sħab ekonomiċi u soċjali;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-programm Orizzont 2020 jagħti ferm aktar attenzjoni u finanzjament lill-proġetti ta' innovazzjoni u riċerka fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari;

52.  Jenfasizza l-importanza li jiżdied l-appoġġ tal-politika ta' koeżjoni għall-iżvilupp urban u rurali sostenibbli, u jitlob li jingħata rwol aktar prominenti lil objettivi relatati mal-ekonomija ċirkolari f'dan il-kuntest; jitlob li jitkomplew azzjonijiet urbani u rurali innovattivi f'dan il-qasam u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu massimu mit-tagħlimiet meħuda fil-perjodu 2014-2020 meta tħejji l-proposti għall-futur; jitlob li jkun hemm approċċ flessibbli u mfassal apposta fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana, u li jipprovdi inċentivi u gwida biex jiġu sfruttati għalkollox il-potenzjali tal-bliet fl-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Ekonomija Ċirkolari post fejn jiġu skambjati l-aħjar prattiki sabiex isir l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari;

54.  Jenfasizza l-interdipendenza tal-ekonomija ċirkolari u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u għaldaqstant jitlob infiq akbar f'investimenti relatati mal-ekonomija ċirkolari u mal-klima fil-politika ta' koeżjoni wara l-2020; barra minn hekk jenfasizza li fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (QFP) in-nefqa relatata mal-klima għandha b'mod ġenerali tiżdied meta mqabbla ma' dik kurrenti;

o
o   o

55.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
(5) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.
(6) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.
(7) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0053.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0321.
(10) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 111.
(11) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 65.
(12) ĠU C 353, 27.9.2016, p. 27.
(13) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 bit-titolu "Qafas ta' monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari" (COM(2018)0029).
(14) "Buying green! – A handbook on green public procurement" (Ixtri b'mod ekoloġiku! - Manwal dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku) , it-3 edizzjoni, il-Kummissjoni Ewropea, 2016.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Jannar 2019Avviż legali