Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2756(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0292/2018

Dibattiti :

PV 14/06/2018 - 4.3
CRE 14/06/2018 - 4.3

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2018 - 7.3

Testi adottati :

P8_TA(2018)0261

Testi adottati
PDF 285kWORD 56k
Il-Ħamis, 14 ta' Ġunju 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Rohingya, b'mod partikolari l-qagħda mwiegħra tat-tfal
P8_TA(2018)0261RC-B8-0292/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Rohingya, b'mod partikolari l-qagħda mwiegħra tat-tfal (2018/2756(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladesh,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar l-istrateġija tal-UE għall-Myanmar/Burma,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2018 dwar il-Myanmar/Burma,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, adottati mill-Kunsill fis-6 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-30 ta' Marzu 2016 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogherini dwar l-assunzjoni tal-kariga tal-Gvern il-ġdid tal-Unjoni tal-Myanmar,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa konġunta dwar ir-raba' Djalogu bejn l-UE u l-Myanmar dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-5 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi tal-1954 u l-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija tal-1961,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Globali 2014-24 biex Tintemm l-Apolidija, ta' Novembru 2014, tal-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine ta' Awwissu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Karta tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza sessista relatata mal-kunflitti, li ġie ppubblikat fit-23 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi 720 000 tifel u tifla Rohingya fil-Bangladesh u fil-Myanmar għandhom bżonn urġenti ta' assistenza u protezzjoni umanitarja;

B.  billi l-Istat ta' Rakhine fil-Myanmar ospita lil madwar 1,3 miljun Rohingya, minoranza fil-biċċa l-kbira Musulmana li qed tħabbat wiċċha ma' ripressjoni u ma' ksur serju u kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom theddid għall-ħajja u s-sigurtà, iċ-ċaħda tad-drittijiet għas-saħħa u l-edukazzjoni, ix-xogħol furzat, il-vjolenza sesswali u l-limitazzjoni tad-drittijiet politiċi tagħhom; billi l-Musulmani Rohingya huma meqjusa bħala l-aktar minoranza ppersegwitata fid-dinja u l-akbar grupp apolidu;

C.  billi minn Awwissu 2017, aktar minn 900 000 Rohingya, 534 000 minnhom tfal, ħarbu mill-vjolenza kontrihom u fittxew rifuġju fil-Bangladesh, peress li beżgħu li se jinqatlu; billi huwa stmat li madwar 1 000 tifel u tifla Rohingya taħt l-età ta' ħames snin inqatlu fil-vjolenza fil-Myanmar; billi, skont Deputati tal-ASEAN għad-Drittijiet tal-Bniedem (APHR), 28 300 tifel u tifla Rohingya tilfu tal-anqas ġenitur wieħed, filwaqt li 7 700 oħra rrappurtaw li tilfu ż-żewġ ġenituri, biex b'hekk l-għadd ta' ġenituri li mietu tela' għal 43 700;

D.  billi aktar minn 14 000 tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin qed ibatu minn malnutrizzjoni akuta severa; billi tfal Rohingya esperjenzaw jew kienu xhieda ta' sitwazzjonijiet trawmatiċi, inklużi, f'ħafna każijiet, il-mewt ta' wieħed mill-ġenituri jew tat-tnejn li huma, is-separazzjoni mill-familji tagħhom, l-abbuż fiżiku, it-tbatija psikoloġika, il-malnutrizzjoni, il-mard u l-isfruttament sesswali, u kienu xhieda ta' delitti kontra l-umanità fl-Istat ta' Rakhine, fosthom il-ħruq ta' djar, l-attakki fiżiċi u l-istupru ta' Rohingya;

E.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad al-Hussein, iddeskriva l-operazzjonijiet tal-gvern tal-Myanmar bħala "eżempju klassiku ta' tindif etniku" u "manuvra ċinika biex numri kbar ta' nies jiġu ttrasferiti bil-forza mingħajr possibbiltà ta' ritorn";

F.  billi l-kriżijiet spiss ikollhom impatt ferm akbar fuq in-nisa u l-bniet u b'modi differenti milli fuq l-irġiel u s-subien, peress li jirrinfurzaw, jipperpetwaw u jħarrxu l-inugwaljanzi bejn is-sessi, il-vjolenza sessista u d-diskriminazzjoni preeżistenti u persistenti;

G.  billi s-suldati tal-Myanmar qed jużaw l-istupru bħala arma fil-kampanja tagħhom ta' tindif etniku fl-Istat ta' Rakhine; billi l-vjolenza sesswali tintuża biex tifred lil komunitajiet sħaħ u biex twaqqaf lin-nisa u lill-bniet milli jirritornaw lejn djarhom; billi l-vittmi ta' stupru fil-kampijiet jista' jkollhom iħabbtu wiċċhom mal-esklużjoni soċjali mill-komunitajiet tagħhom; billi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU talab informazzjoni dwar ir-responsabbiltà tas-suldati tal-Myanmar fir-rigward ta' stupru mifrux ta' nisa u bniet Rohingya;

H.  billi ħafna rifuġjati huma nisa tqal jew li għandhom tfal żgħar u li vvjaġġaw għal bosta mili bil-mixi u jaslu morda fil-kampijiet tal-persuni spostati minħabba stress mentali u fiżiku, malnutrizzjoni u feriti;

I.  billi disa' xhur wara l-bidu tal-attakki fuq ir-Rohingya min-naħa tas-suldati u l-milizji tal-Myanmar, l-aġenziji tal-għajnuna jipprevedu li huwa mistenni li jitwieldu madwar 48 000 tarbija fil-kampijiet tar-rifuġjati;

J.  billi hemm aċċess limitat ħafna għall-kura tas-saħħa għan-nisa u għat-tfal fil-kampijiet tar-rifuġjati fil-Bangladesh; billi n-nisa tqal u l-ommijiet għandhom jingħataw is-servizzi tal-kura tas-saħħa materna li għandhom bżonn, inklużi l-kura qabel it-twelid, ħlas sikur, il-kura tat-tarbija, l-appoġġ għat-treddigħ u kura tas-saħħa riproduttiva kontinwa;

K.  billi t-tfal u n-nisa Rohingya huma esposti ferm għar-riskju li jiġu ttraffikati għall-prostituzzjoni, kif ukoll għar-riskju ta' fastidju u vjolenza sesswali fil-kampijiet tar-rifuġjati fil-Bangladesh; billi t-tfal Rohingya mitlufa fil-kampijiet tar-rifuġjati huma l-aktar vulnerabbli u x'aktarx li jsiru vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;

L.  billi t-tfal Rohingya m'għandhomx biżżejjed aċċess għal edukazzjoni formali; billi tfal Rohingya żgħar ħafna biss qed jingħataw edukazzjoni bażika permezz ta' klassijiet informali fil-kampijiet tar-rifuġjati, filwaqt li tfal akbar għandhom ftit aċċess jew m'għandhom ebda aċċess għal edukazzjoni formali;

M.  billi l-istaġun tal-monsuni beda fil-Bangladesh u s-sitwazzjoni mistennija tiddeterjora b'mod sinifikanti; billi tal-anqas 200 000 ruħ fil-kampijiet tar-rifuġjati jinsabu f'riskju immedjat ta' għargħar u uqigħ tal-art; billi jeżisti theddid serju għall-ħajja, għar-rifuġju u għall-provvisti tal-ikel u l-ilma; billi jeżisti riskju kbir li matul l-għargħar minħabba l-monsuni jinfirex mard bħall-kolera u l-epatite; billi huma ftit wisq ir-rifuġjati Rohingya li kellhom aċċess għal assistenza medika jew għal tilqim qabel ma waslu l-Bangladesh;

N.  billi sal-lum il-Myanmar irrifjuta d-dħul fil-pajjiż ta' missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u pprojbixxa lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, Yanghee Lee, filwaqt li ċaħad kważi l-allegazzjonijiet kollha ta' atroċitajiet imwettqa mill-forzi tas-sigurtà tiegħu f'Rakhine;

O.  billi l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) jafferma li l-aktar delitti serji ta' tħassib għall-komunità internazzjonali inġenerali, b'mod partikolari l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, m'għandhomx jibqgħu impuniti; billi f'April 2018 il-prosekutur tal-QKI talab lill-qorti tiddeċiedi dwar jekk il-QKI tistax teżerċita ġurisdizzjoni fuq l-allegati deportazzjonijiet ta' Rohingya mill-Myanmar għall-Bangladesh; billi deċiżjoni li tafferma l-ġurisdizzjoni tal-QKI tista' twitti t-triq biex tinvestiga lill-Myanmar għal delitti kontra l-umanità jew għal dawn id-deportazzjonijiet;

P.  billi f'Marzu 2017 iċ-Ċina u r-Russja imblukkaw l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni tal-minoranza Rohingya fil-Myanmar;

Q.  billi n-nuqqas ta' kwalunkwe prospettiva realistika ta' ritorn sikur u volontarju u n-nuqqas ta' progress politiku fis-soluzzjoni tal-kriżi fil-Myanmar ifissru li din is-sitwazzjoni mhijiex se tiġi solvuta malajr u għalhekk tirrikjedi approċċ sostenibbli, speċjalment l-indirizzar tad-drittijiet u l-bżonnijiet tat-tfal;

R.  billi fis-6 ta' Ġunju 2018 ġie ffirmat memorandum ta' qbil tripartitiku bejn il-Myanmar, il-UNHCR u l-Programm ta' Żvilupp tan-NU (UNDP); billi l-UNHCR iddikjara li l-kundizzjonijiet għadhom mhumiex favorevoli għal ritorn volontarju;

S.  billi f'Mejju 2018 il-Kummissjoni rrilaxxat EUR 40 miljun f'għajnuna umanitarja biex tipprovdi appoġġ li jsalva l-ħajja għal ċivili Rohingya vulnerabbli u għal komunitajiet ospitanti fil-Bangladesh u madwar l-Istat ta' Rakhine; billi dan l-ammont jiżdied mal-EUR 51 miljun li ġew mobilizzati fl-2017;

T.  billi f'Marzu 2018 in-NU appellaw għal USD 951 miljun bħala għajnuna għar-rifuġjati Rohingya għall-bqija tal-2018, iżda sal-lum inġabru biss madwar 20 % ta' dak l-ammont mitlub;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kontra r-Rohingya fil-Myanmar, li, skont il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, jikkostitwixxu tindif etniku; huwa mħasseb ferm dwar iż-żieda fil-gravità u l-iskala tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-qtil, il-ġlied vjolenti, il-qerda ta' proprjetà ċivili u l-ispostament ta' mijiet ta' eluf ta' ċivili; iħeġġeġ lis-suldati u lill-forzi tas-sigurtà tal-Myanmar iwaqqfu immedjatament il-qtil, il-fastidju u l-istupru tal-persuni Rohingya, u l-ħruq ta' djarhom;

2.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jippermetti aċċess sħiħ u bla xkiel fl-Istat ta' Rakhine għall-osservaturi internazzjonali u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tal-għajnuna umanitarja, inklużi l-NGOs internazzjonali u tan-NU, b'mod partikolari l-Missjoni ta' Ġbir ta' Informazzjoni tan-NU stabbilita mill-UNHCR f'Marzu 2017, sabiex jiġu żgurati investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali dwar allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet kollha;

3.  Ifakkar fil-ħtieġa li tingħata assistenza medika u psikoloġika fil-kampijiet tar-rifuġjati, imfassla b'mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa u t-tfal; jappella għal aktar servizzi ta' appoġġ għall-vittmi ta' stupru u attakki sesswali; jinsisti li n-nisa u l-bniet kollha għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni u servizzi dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi l-kontraċezzjoni u l-abort sikur;

4.  Jilqa' l-appoġġ ta' qabel u wara t-twelid li qed jingħata minn aġenziji u organizzazzjonijiet; ifakkar fl-importanza li jiġu stabbiliti faċilitajiet ta' reġistrazzjoni u ċertifikati għat-trabi, sabiex jiġi żgurat li jkollhom dokumentazzjoni, drittijiet legali u aċċess għal servizzi bażiċi, u appoġġ għat-tiftix tal-membri tal-familja, bi qbil mal-impenji meħuda mill-Gvern tal-Bangladesh biex jiżgura li t-trabi kollha li jitwieldu fit-territorju tiegħu jiġu rreġistrati; ifakkar li ż-żamma tal-unità tal-familji hija kruċjali biex dawn it-tfal ikollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom;

5.  Jinnota bi tħassib kbir in-nuqqas ta' biżżejjed edukazzjoni għat-tfal Rohingya fil-kampijiet tar-rifuġjati; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jiggarantixxu lit-tfal Rohingya aċċess sħiħ u suffiċjenti għal edukazzjoni ta' kwalità bil-lingwa tagħhom stess; jirrimarka dwar ir-riskju ta' ġenerazzjoni mitlufa għall-komunità sħiħa jekk ma jittiħdux il-miżuri meħtieġa biex tkun żgurata edukazzjoni xierqa tat-tfal; jissottolinja l-importanza li jiġi permess aċċess sħiħ għall-edukazzjoni peress li din tista' tiġi pprovduta minn aġenziji tan-NU u minn NGOs, sabiex it-tfal kollha jkunu jistgħu jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom;

6.  Huwa estremament imħasseb dwar l-inċidenza għolja fil-kampijiet tal-prostituzzjoni furzata, tat-traffikar tal-bnedmin u tal-vjolenza sesswali, inklużi ż-żwiġijiet prekoċi, il-vjolenza konjugali u l-isfruttament u l-abbuż sesswali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladesh u tal-Myanmar biex, f'kooperazzjoni mal-UNHCR, jiżguraw is-sigurtà tar-rifuġjati Rohingya fit-territorju tagħhom, b'mod partikolari billi jħarrxu l-ġlieda kontra t-traffikar u l-prostituzzjoni tat-tfal u billi jkissru n-netwerks eżistenti;

7.  Ifaħħar l-isforzi tal-gvern u l-poplu tal-Bangladesh biex jipprovdu rifuġju u sigurtà lir-rifguġjati Rohingya, u jħeġġiġhom ikomplu jipprovdu assistenza umanitarja lir-rifuġjati li jiġu mill-Myanmar; jappella għal aktar appoġġ internazzjonali għal dawk il-komunitajiet li jospitaw ir-rifuġjati, anke billi jiġu indirizzati l-isfidi domestiċi soċjali, edukattivi, ekonomiċi u tal-kura tas-saħħa; jinsisti fuq l-importanza li n-nisa jinstemgħu u jiġu involuti fit-tfassil ta' miżuri umanitarji u ta' bini tar-reżiljenza min-naħa tal-partijiet ikkonċernati kollha;

8.  Jinsisti li l-Gvern tal-Myanmar għandu jiggarantixxi r-ritorn sikur, volontarju u dinjituż, fuq bażi ta' sorveljanza sħiħa min-NU, għal dawk li jridu jirritornaw f'arthom; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Myanmar u tal-Bangladesh jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju ta' non-refoulement;

9.  Jilqa' l-memorandum ta' qbil miftiehem bejn il-Myanmar, il-UNHCR u l-UNDP, tas-6 ta' Ġunju 2018, bħala l-ewwel pass konkret lejn l-involviment sħiħ tal-aġenziji tan-NU fil-proċess ta' rimpatriju; jenfasizza, madankollu, l-importanza li l-ftehim ikun disponibbli pubblikament mill-aktar fis possibbli;

10.  Jenfasizza l-importanza li jkun żgurat li l-atturi umanitarji jistgħu jipprovdu servizzi ta' emerġenza, anke għall-mard trażmess sesswalment u għall-vjolenza sesswali; iħeġġeġ lid-donaturi kollha jżidu l-għajnuna finanzjarja tagħhom sabiex tkun disponibbli l-firxa sħiħa ta' servizzi tal-kura tas-saħħa materna;

11.  Jilqa' l-kampanja tan-NU biex l-apolidija tintemm sa l-2024; ifakkar li r-Rohingya huma parti integrali mill-popolazzjoni tal-Myanmar u għalhekk għandhom jiġu rikonoxxuti bħala tali fil-liġi, kif rakkomandat mill-Kummissjoni Konsultattiva;

12.  Ifakkar li r-responsabbiltà finanzjarja għall-assistenza tal-popolazzjoni tar-rifuġjati hija sproporzjonata għall-Bangladesh; jistieden lill-komunità internazzjonali u lid-donaturi internazzjonali jżidu b'mod urġenti l-impenn tagħhom u jqiegħdu għad-dispożizzjoni l-fondi meħtieġa sabiex tibqa' tingħata l-għajnuna u l-assistenza umanitarja meħtieġa, għall-benefiċċju tan-nisa u tat-tfal Rohingya, b'mod partikolari n-nisa tqal, it-tfal u l-vittmi ta' stupru, kif ukoll tal-komunitajiet lokali li jospitawhom fil-Bangladesh;

13.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill, fis-26 ta' April 2018, ta' qafas għal miżuri mmirati kontra uffiċjali responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u għat-tisħiħ tal-embargo tal-UE fuq l-armi; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinfurzaw il-miżuri kollha mingħajr aktar dewmien; jistieden ukoll lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jimponi embargo globali u komprensiv fuq l-armi fil-konfront tal-Myanmar, jissospendi l-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment kollu, kemm jekk dirett kif ukoll jekk indirett, inklużi t-tranżitu u t-trasbord ta' armi, munizzjon u tagħmir militari u ta' sigurtà ieħor kollu, kif ukoll il-forniment ta' taħriġ jew assistenza militari jew ta' sigurtà oħra;

14.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-konsegwenzi fil-kuntest tal-preferenzi kummerċjali li jgawdi l-Myanmar, fosthom li tikkunsidra li tvara investigazzjoni fl-ambitu tal-mekkaniżmi previsti fid-dispożizzjoni "Kollox ħlief Armi";

15.  Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri biex f'fora multilaterali jappellaw biex dawk responsabbli għat-twettiq ta' delitti fil-Myanmar jagħtu rendikont ta' għemilhom; jieħu nota tat-talba tal-Kap Prosekutur tal-QKI lill-imħallfin tal-qorti biex jikkonfermaw il-ġurisdizzjoni tal-QKI fuq id-delitt tad-deportazzjoni ta' Rohingya mill-Myanmar għall-Bangladesh; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tal-UE jieħdu l-inizjattiva fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u jressqu riżoluzzjoni speċifika li tirreferi s-sitwazzjoni kollha fil-Myanmar/fl-Istat ta' Rakhine quddiem il-QKI; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jieħdu l-inizjattiva fl-Assemblea Ġenerali tan-NU u fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u jiggarantixxu l-istabbiliment urġenti ta' mekkaniżmu internazzjonali, imparzjali u indipendenti biex jappoġġa investigazzjonijiet dwar allegati atroċitajiet;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar, lill-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Jannar 2019Avviż legali