Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2255(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0169/2018

Testi mressqa :

A8-0169/2018

Dibattiti :

PV 13/06/2018 - 22
CRE 13/06/2018 - 22

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2018 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0262

Testi adottati
PDF 412kWORD 67k
Il-Ħamis, 14 ta' Ġunju 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
L-Ostakli Strutturali u Finanzjarji fl-aċċess għall-kultura
P8_TA(2018)0262A8-0169/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar l-ostakli strutturali u finanzjarji fl-aċċess għall-kultura (2017/2255(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 27 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 15 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 22 u 25 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej bħala sorsi ta' tkabbir ekonomiku u impjiegi(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali tal-artisti(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar id-dimensjonijiet kulturali tal-azzjonijiet esterni tal-UE(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2004 dwar ir-rwol tal-iskejjel u tal-edukazzjoni skolastika sabiex ikun massimizzat l-aċċess għall-kultura(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titlu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali"(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 bit-titlu "Lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa"(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar aġenda Ewropea għall-kultura fl-era tal-globalizzazzjoni(11),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE, dwar ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud li japplikaw għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar il-komunikazzjoni "Europeana - il-passi li jmiss"(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Marzu 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE(16),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà (UNCRPD), u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tagħha dwar il-parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali, ir-rikreazzjoni, id-divertiment u l-isport,

–   wara li kkunsidra l-għan 11 tal-Aġenda tan-NU 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli ffirmata f'Settembru 2015 li tipproponi li l-bliet u l-insedjamenti umani jsiru inklużivi, siguri, dejjiema u sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, adottata mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) fl-20 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà (il-Konvenzjoni ta' Faro) tas-27 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE(17),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura(18),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Diċembru 2014 dwar Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2015–2018)(19),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura tal-UE għall-perjodu 2015-2018,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 u 19 ta' Mejju 2015 dwar kollegamenti kulturali u kreattivi sabiex jiġu stimulati l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà ekonomika u l-inklużjoni soċjali(20),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2016 dwar ir-rwol tal-Europeana għall-aċċess diġitali, il-viżibbiltà u l-użu tal-wirt kulturali Ewropew(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2003 dwar l-aċċessibilità tal-infrastruttura kulturali u tal-attivitajiet kulturali għall-persuni b'diżabilità(22),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tat-8 ta' Ġunju 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titlu "Lejn strateġija tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali" (JOIN(2016)0029),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura (COM(2010)0390),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2010 bl-isem "L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi" (COM(2010)0183),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (2018) (COM(2016)0543),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2012 bit-titlu "Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE" (COM(2012)0537),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2012 dwar il-kontenut fis-Suq Uniku Diġitali (COM(2012)0789),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Lulju 2014 bit-titlu "Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali" (COM(2014)0477),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2012 mill-grupp ta' ħidma tal-esperti tal-Istati Membri tal-UE dwar l-aċċess għall-kultura,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru Nru 399 "L-aċċess u l-parteċipazzjoni fil-kultura" u Nru 466 "Il-wirt kulturali",

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-istħarriġ statistiku tal-Eurostat ("Statistika kulturali") għall-2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0169/2018),

A.  billi l-Artikolu 27 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jiddikjara li "kulħadd għandu d-dritt li jipparteċipa liberament fil-ħajja kulturali tal-komunità, li jgawdi l-arti u li jkollu sehem mill-avvanz xjentifiku u l-benefiċċji tiegħu"; billi l-aċċess għall-kultura u għall-opportunitajiet ta' espressjoni kreattiva huwa importanti għall-eżistenza ta' soċjetà demokratika msejsa fuq il-libertà ta' espressjoni u l-ugwaljanza;

B.  billi l-Konvenzjoni ta' Faro tirrikonoxxi d-dritt għall-wirt kulturali u tħeġġeġ il-promozzjoni tal-iżvilupp ta' metodi innovattivi ta' ġestjoni tal-wirt, sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jikkooperaw ma' atturi oħra, inklużi assoċjazzjonijiet u individwi privati;

C.  billi l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jitlob ir-rispett għad-diversità kulturali u l-Artikolu 25 jirrikonoxxi d-dritt tal-anzjani li jipparteċipaw fil-ħajja kulturali;

D.  billi l-kultura għandha impatt qawwi fuq il-promozzjoni, il-fehim u l-iżvilupp tas-solidarjetà bejn il-komunitajiet Ewropej u trans-Ewropej;

E.  billi l-kostituzzjonijiet tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE jirreferu direttament jew indirettament għall-kultura u l-aċċess għaliha;

F.  billi, filwaqt li l-UE tista' tikkomplementa u tħeġġeġ politiki kulturali skont l-Artikolu 167 tat-TFUE, l-awtoritajiet fil-livell reġjonali jew nazzjonali għadhom il-korpi ewlenin inkarigati mill-politiki kulturali fl-UE, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

G.  billi kwalunkwe ostakolu li jipprevjeni l-aċċess u l-parteċipazzjoni sħiħa għal persuni jew komunitajiet fil-proċessi kulturali u fl-ekosistemi kulturali jnaqqas l-iżvilupp ta' soċjetà tassew demokratika u inklużiva;

H.  billi l-kultura tagħti liċ-ċittadini Ewropej possibilitajiet akbar fl-iżvilupp tal-ħiliet personali, soċjali, kreattivi u interkulturali;

I.  billi, skont l-istimi tan-NU, nofs il-popolazzjoni dinjija, jiġifieri 3,5 biljun ruħ, illum il-ġurnata jgħixu fil-bliet; billi, sal-2030, kważi 60 % tal-popolazzjoni dinjija se tkun qed tgħix f'żoni urbani; billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stabbiliti strateġiji b'politiki effettivi għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet li għadhom preżenti u li jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed żmien biex isiru bidliet sabiex jinħolqu spazji urbani tassew inklużivi;

J.  billi r-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja(23) tinkludi l-għarfien u l-espressjoni kulturali fost il-kompetenzi bażiċi li huma meħtieġa għas-sodisfazzjon u l-iżvilupp personali, iċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u l-impjiegi;

K.  billi l-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha tal-10 ta' Mejju 2007 bit-titlu "Aġenda Ewropea għal Kultura f'Dinja li qed tiġi Gglobalizzata" (COM(2007)0242), enfasizzat il-ħtieġa li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kultura u x-xogħlijiet kulturali, kif ukoll li tiġi promossa d-diversità kulturali;

L.  billi l-futur tal-innovazzjoni kulturali tal-UE jiddependi fuq l-investiment fir-riżorsi, l-għarfien u t-talenti kreattivi;

M.  billi l-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2015-2018) adottat mill-Kunsill f'Diċembru 2014, jidentifika l-kultura aċċessibbli u inklużiva u l-promozzjoni tad-diversità kulturali bħala prijoritajiet;

N.  billi wieħed mill-objettivi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha għandu jkun it-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi sabiex tiġi promossa soċjetà inklużiva fejn kulħadd ikun jista' jipparteċipa; billi settur kulturali, dinamiku u ddiversifikat huwa fundamentali f'soċjetà inklużiva;

O.  billi l-parteċipazzjoni f'attivitajiet kulturali hija mezz biex jinħoloq sens ta' appartenenza f'soċjetà; billi l-bini ta' identità soċjali huwa marbut mill-qrib mal-parteċipazzjoni kulturali; billi l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet kulturali tista' tikkontribwixxi għaż-żieda fl-awtostima u tal-kwalità tal-ħajja, prinċipalment tal-persuni li jkunu qed iġarrbu xi forma ta' emarġinazzjoni minħabba qgħad, mard jew għal xi raġuni oħra;

P.  billi settur kulturali inklużiv huwa wieħed li jippermetti li kulħadd igawdi mill-istess opportunitajiet ta' parteċipazzjoni u ta' żvilupp tal-ħiliet kreattivi tiegħu, indipendentement mill-isfond soċjoekonomiku, kulturali jew reliġjuż, kif ukoll minn kwalunkwe diżabilità;

Q.  billi, f'ħafna reġjuni, il-libreriji pubbliċi u l-istituzzjonijiet kulturali huma miżjura ta' spiss miċ-ċittadini u, ħafna drabi, huma l-uniċi punti ta' aċċess għall-informazzjoni u għall-kultura, prinċipalment fir-reġjuni rurali jew remoti;

R.  billi t-teknoloġiji diġitali ġodda jista' jkollhom inflwuenza fil-ġestjoni tas-settur kulturali, fid-djalogu u fil-ħolqien ta' pubbliku ġdid u fid-disseminazzjoni tal-attivitajiet kulturali;

S.  billi t-teknoloġiji diġitali ġodda u l-pjattaformi online joffru opportunitajiet kruċjali biex jiżdiedu l-livelli ta' parteċipazzjoni u ta' ħolqien kulturali;

T.  billi persuni minn pajjiżi terzi mhumiex rappreżentati biżżejjed f'diversi oqsma kulturali fl-UE; billi dan jaffettwa wkoll lil persuni li jbatu minn xi forma ta' diżabilità;

U.  billi r-rapport tal-grupp ta' ħidma tal-esperti tal-Istati Membri tal-UE dwar l-aċċess għall-kultura(24) jiddefinixxi l-aċċess f'termini li jippermetti lil udjenzi ġodda jibbenefikaw mill-offerta kulturali disponibbli; billi dan jimplika l-ilħiq ta' udjenzi jew ċittadini ġodda u t-tqarrib tagħhom lejn il-patrimonju kulturali u r-riżorsi kulturali oħra;

V.  billi t-teknoloġiji diġitali biddlu l-mod kif il-persuni jkollhom aċċess għall-kontenut kulturali, u kif jipproduċuh, ixerrduh u jużawh;

W.  billi l-pjattaforma Europeana, li ġiet imnedija fl-2008, saret proġett kulturali Ewropew komuni li jiffaċilita l-aċċess diġitali għall-wirt kulturali tal-Ewropa;

X.  billi wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-programm Ewropa Kreattiva huwa li jilħaq udjenzi ġodda u li jtejjeb l-aċċess għax-xogħlijiet kreattivi u kulturali fl-Unjoni u lil hinn minnha, b'enfasi partikolari fuq it-tfal, iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilità u l-gruppi sottorappreżentati;

Y.  billi jeżistu inizjattivi fil-livell tal-Komunità u fl-Istati Membri li għandhom l-għan li jipprovdu aċċess aħjar lill-persuni b'diżabilità għall-infrastruttura kulturali u l-attivitajiet kulturali;

Z.  billi d-diversità tal-proċeduri u tas-sistemi tat-tassazzjoni fi ħdan l-UE tagħmel diffiċli l-mobilità tal-artisti u tal-ħaddiema kulturali b'mod ġenerali, billi toħloq burokrazija żejda, li ta' spiss ma tkunx proporzjonata għad-dħul reali u modest li jirriżulta mill-attivitajiet tagħhom;

AA.  billi l-iżvilupp ta' statistika kulturali affidabbli, komparabbli u aġġornata, li hija l-bażi tat-tfassil ta' politika kulturali tajba, huwa waħda mill-prijoritajiet trażversali tal-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2015-2018 li jgħin sabiex iservi ta' bażi għall-potenzjal ekonomiku tal-industriji kulturali u kreattivi u għall-impatt tagħhom fuq il-benessri soċjali;

AB.  billi l-aċċess għal riċerka kwalitattiva u r-riżorsi tad-data komparattiva jippermettu monitoraġġ u analiżi effettivi tal-impatt kulturali, ekonomiku u soċjali tal-politiki kulturali;

AC.  billi l-kultura tikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' soċjetà bbażata fuq l-għarfien u l-qsim tal-esperjenzi u tal-istorja universali;

AD.  billi kważi 8,4 miljun persuna huma impjegati fis-settur kulturali tal-UE (u b'hekk jirrappreżentaw 3,7 % tal-impjiegi totali)(25), u billi l-potenzjal tagħhom f'termini ta' tkabbir ekonomiku għadu ma twettaqx għalkollox;

AE.  billi dawk li jaħdmu permezz ta' produzzjoni kulturali biex jikkontribwixxu għall-espressjoni tal-identità tagħhom u jwessgħu u jiżviluppaw b'mod sostenibbli l-aċċess għall-kultura jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet u sfidi;

L-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha

1.  Jenfasizza li huwa jirrikonoxxi l-aċċess għall-kultura bħala dritt fundamentali taċ-ċittadini kollha, f'konformità mal-Artikolu 27 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jirrikonoxxi l-parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali bħala wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem; ifakkar, barra minn hekk, li dan id-dritt huwa stabbilit mill-Konvenzjoni ta' Faro, li tirrikonoxxi d-dritt għall-parteċipazzjoni għall-ħajja kulturali u tenfasizza r-rwol tal-wirt kulturali fil-bini ta' soċjetà paċifika u demokratika; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri firmatarji sabiex iħaffu l-proċess ta' ratifika u lill-Istati Membri l-oħra li ma jagħmlux parti sabiex jiffirmaw il-Konvenzjoni, filwaqt li japprofittaw mill-opportunità unika tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali;

2.  Ifakkar l-importanza ta' applikazzjoni olistika tal-kunċett ta' aċċessibbiltà u l-valur tagħha bħala l-mezz biex jiġi ggarantit li kull persuna li tibbenefika minn kultura, postijiet u inizjattivi kulturali titqies fis-sens aktar wiesa' u sħiħ tagħha u li, bħala konsegwenza, jitqiesu, b'mod partikolari, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni b'diżabilità, bil-għan li jiġu ggarantiti opportunitajiet indaqs, inklużjoni soċjali reali u parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà;

3.  Jenfasizza l-importanza inkontestabbli ta' settur kulturali attiv u aċċessibbli għall-iżvilupp ta' soċjetà inklużiva u t-tisħiħ ta' bażi komuni ta' valuri universali u ċittadinanza Ewropea attiva, li huma fundamentali biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw b'suċċess u b'mod sinifikanti fil-ħajja pubblika, filwaqt li, fl-istess ħin, jiġi promoss il-wirt kulturali tal-Ewropa u tiġi żviluppata d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Unjoni, fl-isfera ta' kompetenza tagħha, jiżviluppaw u jimplimentaw il-miżuri speċifiċi meħtieġa sabiex jiggarantixxu l-aċċess għall-ħajja kulturali kif ukoll il-parteċipazzjoni fiha;

4.  Iħeġġeġ li l-inklużjoni u d-diversità bħala parti integrali mill-ippjanar, l-iżvilupp organizzattiv u r-reklutaġġ fis-settur kulturali fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jissorveljaw sistematikament il-miżuri mmirati lejn dan l-objettiv;

5.  Ifakkar fl-importanza tar-rwol tal-UE fil-promozzjoni u l-iffaċilitar ta' koordinazzjoni aħjar tal-politiki kulturali fil-livelli kollha; jinnota li huwa biss fuq din il-bażi li jkun possibbli għall-operaturi minn madwar l-UE kollha li jiżviluppaw politika effettiva u komprensiva li tippromwovi l-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha u li tiżviluppa l-kultura bħala element essenzjali tal-proġett tal-integrazzjoni Ewropea;

6.  Iqis l-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni kulturali bħala kwistjoni trażversali u, għalhekk, jenfasizza l-importanza li l-politika kulturali tiġi kkoordinata ma' oqsma ta' politika oħrajn, bħall-politiki edukattivi, soċjali, ekonomiċi, reġjonali, barranin, diġitali u tal-midja;

7.  Jirrakkomanda lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija ta' aċċess kulturali mmirata lejn it-tfal jew iż-żgħażagħ;

8.  Jirrikonoxxi l-promozzjoni u l-kisba ta' aċċess inklużiv u siewi għall-kultura bħala waħda mill-prijoritajiet fuq l-aġenda politika u jitlob li l-aspetti tal-aċċessibbiltà u tal-parteċipazzjoni kulturali jiġu integrati f'oqsma ta' politika oħrajn, billi dawn mhux biss jagħmlu kontribut pożittiv għal dawn l-oqsma, iżda se jkollhom ukoll impatt fuq il-kooperazzjoni sinerġistika u transettorjali, skont l-ispirtu tal-Artikolu 167 TFUE;

9.  Jiddikjara li l-kompendju ta' politiki kulturali nazzjonali kif imfassal u ġestit mill-Kunsill tal-Ewropa u pjattaforma ta' esperti kien għodda utli ħafna għal politiki kulturali fl-Ewropa u lil hinn minnha; jiddispjaċih, madankollu, li mill-2011 sar ftit progress b'rabta mal-ġbir tad-data u speċjalment fir-rigward tal-analiżi tad-data, u jirrakkomanda, għalhekk, li l-Kunsill jagħmel reviżjoni tal-kontenut attwali, inklużi wkoll il-livelli lokali u reġjonali tal-politiki kulturali;

10.  Jenfasizza li l-kunċetti tal-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha huma marbuta mill-qrib; jinnota li jeħtieġ li jiġu implimentati strateġiji għat-tisħiħ tal-aċċess kulturali u l-parteċipazzjoni permezz tal-identifikazzjoni tal-gruppi sottorappreżentati u t-tfassil u l-implimentazzjoni ta' inizjattivi jew programmi li għandhom l-għan li jżidu l-parteċipazzjoni tagħhom u jneħħu l-ostakoli eżistenti;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' ġbir ta' data dwar il-parteċipazzjoni tal-persuni b'diżabilità fl-attivitajiet kulturali;

12.  Jiddispjaċih li l-ostakoli finanzjarji għadhom jimpedixxu liċ-ċittadini, speċjalment lil dawk li jagħmlu parti mill-aktar gruppi żvantaġġati, milli jgawdu bis-sħiħ mid-dritt fundamentali tagħhom li jipparteċipaw fil-ħajja kulturali u minn aċċess għall-kultura, u b'hekk dan ixekkel it-twettiq effettiv ta' tali dritt fundamentali;

13.  Ifakkar li huwa importanti li jiġu żviluppati pjattaformi għall-qsim u l-iskambju ta' esperjenzi f'livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew;

14.  Jenfasizza l-importanza li tiġi ggarantita offerta kulturali ta' kwalità għaċ-ċittadini kollha bħala bażi għall-promozzjoni ta' ċittadinanza attiva, demokratika u inklużiva;

Ostakoli finanzjarji

15.  Jenfasizza li finanzjament pubbliku sod u kontinwu jaqdi rwol fundamentali biex tiġi żgurata xena kulturali vibranti u jibqa' strument indispensabbli għall-appoġġ ta' attivitajiet kulturali fl-UE sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal ekonomiku tagħhom, biex jingħata kontribut lit-tkabbir sostenibbli u l-koeżjoni soċjali u biex jiġu ffinanzjati infrastrutturi kulturali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jiddedikaw parti xierqa mill-baġits tagħhom għall-appoġġ pubbliku għall-kultura u biex isaħħu s-sinerġiji mal-FEŻR u fondi ta' appoġġ kulturali oħra, inklużi programmi li jiffaċilitaw ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-għodod tal-politika ta' koeżjoni disponibbli;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-finanzjament pubbliku tal-kultura ma jonqosx, irrispettivament mid-diffikultajiet ekonomiċi futuri possibbli li Stat Membru jista' jkun qed iħabbat wiċċu magħhom;

17.  Jiddispjaċih li r-rallentamenti ekonomiċi normalment irriżultaw, u għadhom spiss wisq jirriżultaw, l-ewwel u qabel kollox fi tnaqqis tan-nefqa pubblika fuq il-kultura u għandhom impatt negattiv fuq il-baġits għal attivitajiet kulturali;

18.  Ifakkar li l-investiment fis-setturi kulturali u kreattivi huwa mezz ta' kif jiġi sfruttat il-potenzjal sinifikanti u li għadu sottovalutat ta' dawk is-setturi bil-għan li jitrawmu d-diversità kulturali u l-innovazzjoni soċjali, filwaqt li jiġu ġġenerati l-prosperità ekonomika sostenibbli u impjiegi ta' kwalità, u li dan l-investiment għandu wkoll impatt dirett fuq l-iżvilupp ta' ħiliet ġodda, id-diġitizzazzjoni, l-intraprenditorija, l-innovazzjoni u l-formulazzjoni ta' mudelli kummerċjali ġodda, kif ukoll it-tisħiħ tal-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej, filwaqt li jinħatfu opportunitajiet u jinkiseb aċċess għal opportunitajiet, swieq u udjenzi internazzjonali ġodda; iqis, għalhekk, li s-settur privat għandu rwol deċiżiv u komplementari għall-investiment pubbliku u jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta' miżuri leġiżlattivi li jipprevedu kreditu ta' taxxa għall-ħruġ ta' flus lil partijiet privati li jappoġġja l-kultura;

19.  Jirrimarka li l-frammentazzjoni, il-valur miżjud baxx u l-attivitajiet ta' bosta irġiel u nisa li jaħdmu għal rashom u ta' nisa fis-settur kreattiv, filwaqt li jfakkar li dawn l-attivitajiet b'mod ġenerali jitqiesu bħala interessanti, m'għandhomx iwasslu biex l-industrija kulturali u kreattiva ssir mudell ta' impjiegi mħallsa b'pagi baxxi u b'sigurtà soċjali dgħajfa; jipproponi, għalhekk, l-iżvilupp ta' proċessi ta' reviżjoni b'saħħitha għal xogħol ta' kwalità fis-settur kreattiv;

20.  Jenfasizza li l-aċċess tal-popolazzjoni għall-beni u s-servizzi kulturali, kif ukoll l-appoġġ għall-produzzjoni u l-espressjoni kulturali, isaħħu l-ekonomija kreattiva, filwaqt li jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp ta' pajjiż;

21.  Jirrimarka li n-nuqqas ta' finanzjament tal-industriji kulturali għandu jitnaqqas permezz ta' inċentivi fiskali għall-patronċinju privat;

22.  Jiġbed l-attenzjoni għall-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-artisti ġejjin mill-Ewropa kollha fir-rigward tal-ġbir tat-taxxi fuq l-introjtu transkonfinali, u għalhekk jirrakkomanda mudelli armonizzati li jistgħu jintużaw faċilment mill-impjegati u minn dawk li jaħdmu għal rashom u li permezz tagħhom tkun tista' tiġi evitata t-tassazzjoni doppja;

23.  Jitlob li jsir investiment fil-mikrointrapriżi, sabiex tingħata spinta lill-kreattività u l-innovazzjoni, filwaqt li jiġi promoss ukoll l-iżvilupp reġjonali u lokali;

24.  Jenfasizza li l-prezz għoli tal-prodotti u s-servizzi kulturali huwa wieħed mill-ostakoli għall-parteċipazzjoni fil-kultura, kif enfasizzat mir-rispondenti fl-istħarriġ tal-Ewrobarometru u f'dak tal-Eurostat(26); jirrakkomanda bil-qawwa, f'dan il-kuntest, li l-Istati Membri u r-reġjuni jieħdu azzjonijiet immirati għal udjenzi speċifiċi, b'mod speċjali għall-istudenti, familji kbar u anzjani, bil-għan li jitneħħew l-ostakoli finanzjarji għall-aċċess;

25.  Jenfasizza li l-ispejjeż għolja ta' assigurazzjoni għall-oġġetti tal-wirjiet u l-prestazzjonijiet huma responsabbli wkoll għall-biljetti ta' dħul jew biljetti bi prezzijiet għoljin għal mużewijiet, teatri u wirjiet u ta' spiss jagħmluha diffiċli għal strutturi iżgħar biex jiżviluppaw il-programmi tagħhom skont l-udjenzi u l-ambizzjonijiet tagħhom, sitwazzjoni li tirriżulta f'diskrepanza dejjem akbar bejn strutturi iżgħar, li huma qrib l-udjenza tagħhom, u istituzzjonijiet akbar, li huma rikonoxxuti internazzjonalment;

26.  Jenfasizza r-rwol li jista' jkollhom il-politiki fiskali xierqa għas-setturi kreattivi u kulturali fit-titjib tal-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fil-kultura; jinnota, madankollu, li l-appoġġ indirett għall-wirt kulturali permezz tal-introduzzjoni ta' rati mnaqqsa tal-VAT ma jistax jieħu post is-sussidji diretti; jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aħjar tal-politiki kulturali nazzjonali u tar-rati tal-VAT bħala għodda li tistimula l-parteċipazzjoni kulturali;

27.  Ifakkar fl-importanza li l-Istati Membri jikkunsidraw politika tat-tassazzjoni aktar koerenti rigward id-dħul, għall-ħaddiema fis-settur kulturali u l-artisti li jivvjaġġaw f'pajjiżi differenti għal perjodi qosra ta' żmien u għalhekk jistgħu jkunu soġġetti għal regoli u proċeduri amministrattivi ġodda għal kull prestazzjoni individwali, sessjonijiet ta' ħidma jew residenza; jissuġġerixxi li armonizzazzjoni minima b'appoġġ għall-mobilità tal-artisti u tal-ħaddiema fis-settur kulturali għandha titqies bħala prijorità biex tħeġġeġ id-diversità tal-ħolqien u tal-kultura madwar l-UE u lil hinn minnha, minflok ma jinħolqu ostakoli fil-forma ta' burokrazija mhux proporzjonali għad-dħul reali mix-xogħol kulturali;

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet pubbliċi biex jinvestu fid-deċentralizzazzjoni ta' wirjiet ta' attivitajiet kulturali, kemm permezz tal-ħolqien ta' infrastrutturi f'reġjuni remoti, kif ukoll permezz ta' wirjiet kulturali temporanji differenti; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kulturali privati jinvestu wkoll fid-deċentralizzazzjoni ġeografika;

29.  Jilqa' l-proposta li tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT, li tippermetti lill-Istati Membri japplikaw l-istess rata tal-VAT għall-pubblikazzjonijiet elettroniċi u għall-pubblikazzjonijiet stampati; huwa tal-fehma li d-distinzjoni bejn ir-rati tal-VAT applikati għall-pubblikazzjonijiet fiżiċi u għal dawk elettroniċi hija anakronistika u mhux sostenibbli fl-era diġitali; jistieden lill-Kunsill jadotta l-proposta tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni mingħajr dewmien żejjed;

30.  Jenfasizza l-importanza li jinsab bilanċ bejn il-ħajja privata u dik tax-xogħol permezz tal-aċċess, it-tgawdija u l-parteċipazzjoni f'diversi attivitajiet kulturali;

Ostakoli u sfidi edukattivi

31.  Jenfasizza li l-livell ta' edukazzjoni huwa wieħed mill-aktar fatturi importanti li għandhom impatt sinifikanti fuq il-livell tal-parteċipazzjoni fil-kultura; jenfasizza li livell ogħla ta' edukazzjoni jissarraf f'livell ogħla ta' parteċipazzjoni f'avvenimenti kulturali(27); jenfasizza li s-suġġetti mużikali, it-taħriġ fil-lingwi fl-iskejjel u l-edukazzjoni kulturali informali jiffurmaw parti integrali mill-edukazzjoni ġenerali, li huma adatti biex inaqqsu d-differenzi soċjali u b'hekk jeħtieġu l-istess appoġġ bħas-suġġetti STEM;

32.  Jenfasizza li l-għarfien huwa kkonċepit bħala prodott tal-interazzjonijiet kulturali li jaġixxu u jirreaġixxu fuq l-individwu li jifforma impronta kulturali;

33.  Iħeġġeġ approċċ interattiv u inklużiv ibbażat fuq il-komunità fl-iżvilupp ta' politiki kulturali u edukattivi sabiex jiżdiedu l-interess u l-parteċipazzjoni kulturali, jiġi promoss il-wirt kulturali tal-Ewropa u tiġi żviluppata d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea;

34.  Jinnota li n-nuqqas ta' interess huwa wieħed mill-ostakoli għall-parteċipazzjoni kulturali msemmija l-aktar ta' spiss minn fost ir-rispondenti fl-istħarriġ tal-Eurostat u f'dak tal-Ewrobarometru(28); jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-appoġġ għad-domanda, li jinftiehem bħala t-tiswir ta' interess u għarfien tal-kultura permezz tal-edukazzjoni formali, mhux formali u informali, għandu jkun kompitu ta' prijorità f'termini taż-żieda tal-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha;

35.  Jirrakkomanda li tinħareġ "Kard Ewropea tal-Istudenti" fuq bażi ġenerali u li l-aċċess b'xejn għall-istituzzjonijiet kulturali tal-UE għandu jiżdied mal-benefiċċji li tagħti;

36.  Ifakkar fir-rwol fundamentali tal-iskejjel u tal-familji bħala pjattaformi ewlenin sabiex iż-żgħażagħ jinġiebu f'kuntatt mal-kultura u sabiex isawru l-ħtiġijiet u l-kompetenzi kulturali; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu passi 'l quddiem lejn l-integrazzjoni akbar tal-edukazzjoni kulturali u artistika fil-programmi u l-kurrikuli tal-iskejjel, kemm fl-edukazzjoni formali kif ukoll dik informali;

37.  Jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, u permezz ta' finanzjament u/jew sussidji, jiżguraw li jingħata tagħlim mużikali fl-istituzzjonijiet tat-tagħlim pubbliku;

38.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jqisu l-edukazzjoni bħala waħda mill-iktar attivitajiet kulturali importanti, peress li l-promozzjoni tad-domanda tfisser, qabel kollox, li n-nies jingħataw il-ħiliet u l-għarfien biex ikunu jistgħu japprezzaw l-arti; ifakkar li l-kultivazzjoni tal-interess fil-kultura hija aktar effettiva jekk issir f'età bikrija, u jqis għalhekk li l-kultura għandha tingħata iktar spazju fil-kurrikuli tal-iskejjel u li għandhom ikunu disponibbli iktar riżorsi umani u materjali biex jintlaħaq dan l-objettiv; jitlob li jingħata finanzjament lill-iskejjel għal żjarat f'mużewijiet u istituzzjonijiet kulturali oħrajn, peress li dan jippromwovi fl-istess ħin l-interess fil-kultura u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, u jipprovdi riżorsi addizzjonali għall-istituzzjonijiet kulturali;

39.  Jenfasizza l-importanza tas-sistemi ta' tagħlim pubbliku fl-introduzzjoni tat-tfal għad-diversità tax-xena kulturali, biex b'hekk jingħata wkoll kontribut għall-ħolqien ta' udjenzi ġodda u għad-disseminazzjoni kulturali; jenfasizza wkoll l-importanza tad-diversi istituzzjonijiet kulturali li jiżviluppaw sħubijiet mal-iskejjel fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali;

40.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jappoġġjaw programmi ta' edukazzjoni kulturali "barra mill-iskola" għal kulħadd, u b'mod partikolari għat-tfal u ż-żgħażagħ żvantaġġati, permezz ta' programmi li għandhom l-objettiv li jintroduċuhom għal diversi forom ta' espressjoni artistika jew li jiffaċilitawlhom il-familjarizzazzjoni mal-wirt kulturali eżistenti;

41.  Jenfasizza r-rwol tal-istituzzjonijiet kulturali, inkluż taċ-ċentri kulturali lokali u tal-libreriji bħala atturi ewlenin sabiex jingħelbu l-ostakoli għall-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fil-kultura; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jappoġġjaw attivament lil dawn l-istituzzjonijiet kulturali;

42.  Isejjaħ għal apprezzament u fehim akbar tar-rwol soċjali li jaqdu l-libreriji pubbliċi u l-istituzzjonijiet kulturali tal-komunità, prinċipalment fir-reġjuni rurali jew imbiegħda, mhux biss bit-tisħiħ tal-finanzjament pubbliku, iżda wkoll bil-ħolqien ta' sħubijiet, billi jingħataw mezzi adegwati fil-livell tal-ICT u r-riżorsi umani b'aċċess għal taħriġ, u b'hekk jiġu ttrasformati f'istituzzjonijiet li kapaċi jtejbu l-ħajjiet tal-persuni u jikkontribwixxu għall-iżvilupp lokali;

43.  Jinnota li l-istabbiliment ta' sħubijiet huwa fundamentali biex jiġu attirati udjenzi potenzjali għall-attivitajiet artistiċi u li dan jista' jsir, pereżempju, permezz ta' kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-istudenti, il-migranti jew il-persuni b'diżabilità, sabiex jiġu indirizzati b'mod adegwat l-interessi u l-ħtiġijiet tagħhom;

44.  Jenfasizza l-importanza li jiġu promossi inizjattivi fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali li jippromwovu l-kuntatt, il-kollaborazzjoni u l-iskambju ta' esperjenzi bejn l-arti tradizzjonali, l-istituzzjonijiet kulturali u diversi organizzazzjonijiet multikulturali jew ta' minoranzi, kif ukoll bejn is-setturi kulturali professjonali u tad-dilettanti;

45.  Jirrakkomanda l-iżvilupp ta' strateġija koerenti li tappoġġja l-proġetti edukattivi proposti mill-istituzzjonijiet kulturali; jenfasizza li dawn il-proġetti huma għodod li jappoġġjaw u jibnu s-sensibilizzazzjoni u l-kompetenzi kulturali kif ukoll l-għarfien interkulturali, biex b'hekk iservu bħala punt tat-tluq għall-involviment fit-tul tal-pubbliku f'attivitajiet kulturali;

46.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri joħolqu programmi għall-ħin liberu taż-żgħażagħ fl-istituzzjonijiet kulturali;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jiżguraw aċċess aktar mifrux għal istituzzjonijiet kulturali u jiżviluppaw strateġija Ewropea komprensiva dwar l-aċċess għal spazji pubbliċi, partikolarment relatati mal-kultura fl-ambjent urban mibni, bħal fil-każijiet ta' mużewijiet, teatri, swali taċ-ċinema, libreriji, swali tal-kunċerti, eċċ;

48.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinċentivaw il-ħolqien ta' boroż ta' studju jew ta' apprendistat għall-istudenti b'rabta man-netwerks edukattivi pubbliċi jew privati fl-istituzzjonijiet kulturali jew ta' ġestjoni kulturali;

Ostakoli strutturali

49.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rati ta' parteċipazzjoni kulturali spiss aktar baxxi fost il-popolazzjoni rurali, li huma kkundizzjonati strutturalment(29), u f'dan il-kuntest, għar-rwol ta' ċentri kulturali lokali żgħar, l-infrastruttura tat-trasport u l-appoġġ għat-turiżmu kulturali sostenibbli fl-iffaċilitar tal-aċċess għal istituzzjonijiet kulturali;

50.  Jenfasizza li l-wirt kulturali Ewropew huwa uniku fid-dinja għad-diversità u r-rikkezza tiegħu u jissottolinja li t-turiżmu kulturali għandu potenzjal kbir biex jikkontribwixxi għal ekonomija sostenibbli kif ukoll biex irawwem il-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jqawwu l-isforzi u l-investimenti tagħhom sabiex jiżviluppaw politika tat-turiżmu kulturali sostenibbli u fit-tul;

51.  Iħeġġeġ investiment akbar fis-settur kulturali sabiex tingħata spinta lill-ekonomiji lokali u biex jinġieb 'il quddiem it-turiżmu kulturali; jinnota li t-turiżmu kulturali, f'sinerġija max-xjenza, is-settur primarju, u ċ-ċentri artiġjanali u industrijali, kif ukoll il-mobilità, huma fatturi deċiżivi għal Ewropa aktar qrib taċ-ċittadini u aktar umanistika;

52.  Jissuġġerixxi investiment akbar fl-aċċess għall-kultura għar-reġjuni ultraperiferiċi, ir-reġjuni muntanjużi u mbiegħda, b'mod li jinħolqu opportunitajiet kulturali deċentralizzati;

53.  Jinnota l-ħtieġa ta' azzjoni ulterjuri sabiex jittejjeb l-aċċess tal-persuni b'diżabilità għal infrastruttura kulturali mingħajr ostakoli teknoloġiċi jew fiżiċi kif ukoll għal attivitajiet kulturali u għall-midja; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom, sabiex ikomplu jaħdmu lejn l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità permezz tal-kultura u jagħmlu sforzi sabiex jitneħħew l-ostakoli eżistenti;

54.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' regoli ta' parteċipazzjoni fil-ġestjoni tal-wirt kulturali bbażati fuq approċċ li jiffoka fuq il-komunitajiet lokali b'tali mod li jinterċettaw id-domanda u jinvolvu aktar partijiet tal-pubbliku, filwaqt li jikkunsidraw b'mod partikolari ż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilità u l-gruppi sottorappreżentati u marġinalizzati;

55.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet kulturali li jiddependu minnhom biex jiżguraw prodott kulturali li jkun aċċessibbli għal kulħadd, flimkien ma' miżuri speċifiċi għal ċerti gruppi tal-popolazzjoni, bħat-tfal u ż-żgħażagħ, l-anzjani, il-persuni b'diżabilità jew il-migranti, fost oħrajn;

56.  Jissottolinja l-ħtieġa għal investiment akbar, min-naħa tal-Istati Membri, fl-implimentazzjoni tal-kodiċi universali tal-qari bis-sens tal-mess u ta' kitba (is-sistema Braille) f'varjetà wiesgħa ta' infrastrutturi u teknoloġiji kulturali; isejjaħ għal investiment akbar fil-produzzjoni ta' kotba, rivisti u ġurnali f'format awdjo, kif ukoll l-użu tal-lingwa tas-sinjali fil-produzzjonijiet teatrali;

57.  Jirrimarka dwar l-ħtieġa li jitneħħew l-ostakoli għall-mobilità tal-artisti u tal-professjonisti kulturali, prinċipalment dawk fiskali; jenfasizza l-impatt ta' dawn l-attivitajiet fuq l-espansjoni tal-offerta kulturali tal-Ewropa; jilqa' l-programm Ewropa Kreattiva biex jikkontribwixxi għas-suċċess tal-mobilità kulturali u tal-professjonisti tas-settur kif ukoll biex jingħata inċentiv għad-disseminazzjoni ta' avvenimenti u proġetti kulturali ta' kwalità;

58.  Ifakkar li l-ostakoli fl-aċċess għall-kultura jimmanifestaw ruħhom b'mod aktar ċar fuq livell lokali, u għalhekk l-investiment fi proġetti ta' mobilità kulturali ddifferenzjati għandu jissaħħaħ sabiex jippermetti l-iżvilupp u l-koeżjoni tal-lokalitajiet lokali;

59.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-mobilità tal-artisti Ewropej u minn pajjiżi terzi bħala assi fil-promozzjoni tal-paċi, l-iskambju ta' opinjonijiet u d-dikostruzzjoni ta' sterjotipi soċjali u kulturali;

60.  Ifakkar li l-ostakoli tal-lingwa jista' jkollhom effett negattiv fuq id-domanda kulturali, u jitlob għalhekk it-tisħiħ tal-multilingwiżmu fil-produzzjonijiet kulturali;

61.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiffaċilitaw it-trasport u l-aċċess għall-istituzzjonijiet kulturali għal persuni b'diżabilità u persuni b'mobilità mnaqqsa;

Ostakoli u sfidi diġitali

62.  Huwa konvint li l-għodod diġitali, meta jintużaw u jiġu implimentati kif xieraq u meta jkunu akkumpanjati minn livell konsistenti ta' litteriżmu diġitali, jistgħu jgħinu biex jingħelbu ostakoli għall-aċċess għall-kultura kkawżati minn fatturi li jinkludu pożizzjoni ġeografika żvantaġġata, diżabilità, sfond soċjali, lingwa u nuqqas ta' ħin jew ta' riżorsi finanzjarji; jirrimarka li, mingħajr ma dan ikun ifisser diżinvestiment fid-deċentralizzazzjoni ġeografika tal-attivitajiet kulturali, l-għodod diġitali jistgħu jkunu wkoll għodda sabiex jingħelbu l-ostakoli soċjali jew mentali;; iqis, għalhekk, li f'dan il-kuntest, l-edukazzjoni diġitali għandha tidħol fil-proċess tat-tagħlim minn età żgħira sabiex jiġu żviluppati l-għarfien u l-ħiliet ix-xierqa;

63.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni tfassal strateġija diġitali konsistenti, immirata lejn l-infrastrutturi u l-attivitajiet kulturali, sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom;

64.  Jinnota l-problema tal-esklużjoni diġitali u jenfasizza l-ħtieġa li din tiġi miġġielda; ifakkar, f'dan il-kuntest, li d-diġitalizzazzjoni tirrikjedi li l-istituzzjonijiet edukattivi u kulturali, kif ukoll il-benefiċjarji nfushom, jiksbu kompetenzi, ħiliet u għarfien ġodda; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li tinbena kapaċità għall-użu ta' teknoloġiji diġitali ġodda fl-istituzzjonijiet kulturali u biex jadattawhom għall-isfidi tal-bidla teknoloġika;

65.  Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà online tal-wirt kulturali fl-Ewropa għandhom jiġi implimentati abbażi ta' rispett sħiħ għad-drittijiet tal-ħallieqa u tal-proprjetà intellettwali; iqis f'dan ir-rigward li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma għandhomx ixekklu l-għan pubbliku ġenerali li jiżdied l-aċċess għal kontenut kreattiv, informazzjoni u għarfien u jiġi appoġġjat it-tixrid tagħhom; jinsisti wkoll fuq il-ħtieġa urġenti li jinħoloq ambjent diġitali sigur biex l-artisti u l-ħallieqa jkunu jistgħu jiġu rimunerati kif xieraq għax-xogħol tagħhom u tiġi żgurata rimunerazzjoni ġusta għal aċċess transkonfinali;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tkompli tagħti prijorità lill-approċċi innovattivi għall-iżvilupp u l-involviment tal-udjenza, inkluż permezz ta' teknoloġiji ġodda, fil-qafas tal-programmi tal-UE, b'mod partikolari l-programm Ewropa Kreattiva u l-iterazzjonijiet sussegwenti tiegħu;

67.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-iżvilupp tal-udjenza fl-istrateġiji kulturali u diġitali tagħhom u jappoġġjaw l-użu ta' teknoloġiji diġitali sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għall-kontenut kulturali;

68.  Jirrikonoxxi l-kontribut li sar mill-pjattaforma Europeana u mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri għad-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà tal-kontenut kulturali; jitlob, fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, li jingħata appoġġ sostenibbli għall-proġett u li dan jitfassal aħjar u li ssir promozzjoni tal-aċċess pubbliku għas-servizzi u r-riżorsi tal-wirt kulturali diġitali; jitlob ristrutturar reali tas-sit sabiex jikkonforma aħjar ma' teknoloġiji avvanzati kif ukoll politika ta' komunikazzjoni ġenwina li tkun konformi mar-rikkezza tal-kontenut miġbur fuq is-sit;

69.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar u tiġi ġestita data kulturali fil-kuntest ta' riċevituri tad-data sabiex l-organizzazzjonijiet kulturali jkunu jistgħu jifhmu aħjar il-ħtiġijiet tar-riċevituri u jiżviluppaw approċċ koerenti għall-udjenza diġitali;

70.  Jinnota li l-kontenut kulturali jaqdi rwol essenzjali fir-rigward tal-aċċettazzjoni tat-teknoloġiji ġodda kkonċernati mill-pubbliku inġenerali, kif ukoll fl-iżvilupp ta' ħiliet diġitali u ta' livelli ta' litteriżmu medjatiku taċ-ċittadini Ewropej;

o
o   o

71.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 142.
(2) ĠU C 93, 9.3.2016, p. 95.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0486.
(4) ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 25.
(5) ĠU C 125 E, 22.5.2008, p. 223.
(6) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 135.
(7) ĠU C 98 E, 23.4.2004, p. 179.
(8) ĠU C 11, 12.1.2018, p. 55.
(9) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 88.
(10) ĠU C 11, 12.1.2018, p. 16.
(11) ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 32.
(12) Testi adottati, P8_TA(2017)0233.
(13) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 16.
(14) ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 9.
(15) Testi adottati, P8_TA(2017)0474.
(16) Testi adottati, P8_TA(2017)0062.
(17) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221.
(18) ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1.
(19) ĠU C 463, 23.12.2014, p. 4.
(20) ĠU C 172, 27.5.2015, p. 13.
(21) ĠU C 212, 14.6.2016, p. 9.
(22) ĠU C 134, 7.6.2003, p. 7.
(23) ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
(24) Rapport bit-titlu 'Policies and good practices in the public arts and cultural institutions to promote better access to and wider participation in culture' (Politiki u prassi tajba fl-istituzzjonijiet artistiċi u kulturali pubbliċi sabiex jippromwovu aċċess aħjar għall-kultura u parteċipazzjoni usa' fiha), Ottubru 2012.
(25) Eurostat, Culture statistics - cultural employment (Statistika kulturali - Impjiegi kulturali - 2017), http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Culture_statistics_-_cultural_employment
(26) Ewrobarometru 399.
(27) Statistika Kulturali tal-Eurostat, edizzjoni tal-2016, paġni 116-136; Eurostat (data mill-Istħarriġ tal-UE dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) tal-2015).
(28) Ewrobarometru 399, Eurostat (data mill-Istħarriġ tal-UE dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) tal-2015).
(29) Eurostat (data mill-Istħarriġ tal-UE dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) tal-2015).

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Jannar 2019Avviż legali