Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2206(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0194/2018

Testi mressqa :

A8-0194/2018

Dibattiti :

PV 02/07/2018 - 17
CRE 02/07/2018 - 17

Votazzjonijiet :

PV 03/07/2018 - 11.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0279

Testi adottati
PDF 211kWORD 74k
It-Tlieta, 3 ta' Lulju 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-ksur tad-drittijiet tal-popli indiġeni fid-dinja
P8_TA(2018)0279A8-0194/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Lulju 2018 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-popli indiġeni fid-dinja, inkluż il-ħtif tal-art (2017/2206(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) u trattati u strumenti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP), adottata mill-Assemblea Ġenerali fit-13 ta' Diċembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 169 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Popli Indiġeni u Tribali, adottata fis-27 ta' Ġunju 1989,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21, 22 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija kif adottat mill-Kunsill Affarijiet Barranin fil-25 ta' Ġunju 2012, u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019 adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1998,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-Guarani-Kaiowá fl-Istat Brażiljan ta' Mato Grosso do Sul(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar il-Honduras: is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar it-Tanzanija, b'mod partikolari l-kwistjoni tal-approprjazzjoni tal-art(3),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2016, u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(4),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 69/2 tat-22 ta' Settembru 2014 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li adottat d-dokument ta' eżitu tal-Konferenza Dinjija dwar il-Popli Indiġeni 2014(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 71/178 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-19 ta' Diċembru 2016 dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni, b'mod partikolari l-paragrafu 13 tagħha, li pproklamat l-2019 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Lingwi Indiġeni(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-8 ta' Awwissu 2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU(7),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 26/9 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-26 ta' Ġunju 2014, li tistabbilixxi grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ bl-għan li jfassal strument internazzjonali ġuridikament vinkolanti dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi tan-negozju oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem(8),

–  wara li kkunsidra l-proċess tal-grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ li jfassal Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tar-Raħħala u ta' Nies Oħra li Jaħdmu f'Żoni Rurali, stabbilit mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fit-13 ta' Ottubru 2015(9),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli kif adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika adottata fit-22 ta' Mejju 1992,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Durban u l-Pjan ta' Azzjoni adottati mill-Ħames Kungress Dinji tal-Parks tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) fl-2003(10),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ottubru 2004 dwar Linji ta' gwida tal-UE biex jappoġġjaw l-ippjanar tal-politika agrarja u l-proċessi ta' riforma f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (COM(2004)0686),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida Volontarji tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti fil-kuntest tas-Sigurtà Alimentari Nazzjonali, approvati mill-Kumitat tan-NU dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija fil-11 ta' Mejju 2012(11),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT) approvat fl-2003 (COM(2003)0251), u l-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarji (VPA) bilaterali dwar il-FLEGT bejn l-UE u l-pajjiżi sħab,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Globali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Maastricht li nħarġu fit-28 ta' Settembru 2011, li jiċċaraw l-obbligi extraterritorjali tal-istati abbażi tad-dritt internazzjonali permanenti(12),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2017 dwar il-popli indiġeni(13),

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem inklużi fil-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-9 ta' Awwissu 2017 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Popli Indiġeni tad-Dinja(14),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu li jinnomina lil Aura Lolita Chavez Ixcaquic għall-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb fl-2017, bħala l-ewwel difensur tad-drittijiet tal-bniedem tal-popli indiġeni li jiġi nominat għall-premju,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi tat-12 ta' Diċembru 2015 dwar it-tibdil fil-klima,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-21 ta' Settembru 2015 bit-titlu "Gender Equality and Women's Empowerment: Transforming the Lives of Girls and Women through EU External Relations 2016-2020"(L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw Ħajjet il-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020) (SWD(2015)0182),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 64/292 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-3 ta' Awwissu 2010 dwar id-dritt tal-bniedem għall-ilma u l-infrastruttura sanitarja(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar azzjoni tal-UE għas-sostenibbiltà(18),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0194/2018),

A.  billi l-popolazzjoni totali tal-popli indiġeni hija stmata li hija ta' aktar minn 370 miljun ruħ li jgħixu f'aktar minn 70 pajjiż madwar id-dinja, li jirrappreżentaw madwar 5 % tal-popolazzjoni totali dinjija, u billi hemm tal-inqas 5 000 poplu indiġenu distint; billi minkejja d-dispersjoni ġeografika tagħhom dawn il-popli jiffaċċjaw theddidiet u sfidi simili;

B.  billi l-popli indiġeni jgawdu relazzjoni unika mal-art u mal-ambjent li jgħixu fih, bl-użu tar-riżorsi naturali disponibbli sabiex jiġu stabbiliti sistemi uniċi ta' għarfien, innovazzjonijiet u prattiki, li minn naħa jifformaw parti fundamentali mill-identità u l-ispiritwalità tagħhom u huma ta' importanza kbira għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità; billi l-għarfien tradizzjonali tal-popli indiġeni kien fattur sinifikanti li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-umanità; billi l-kummerċjalizzazzjoni u/jew il-marġinalizzazzjoni tal-għarfien tal-popli indiġeni jheddu r-rwol tagħhom bħala detenturi u kustodji tradizzjonali ta' dan l-għarfien;

C.  billi d-drittijiet komunali tal-popli indiġeni jirriżultaw minħabba l-okkupazzjoni tradizzjonali tat-territorji tagħhom u billi s-sens ta' appartenenza li jgħaqqadhom flimkien ma' dawn it-territorji ma jaqbilx mal-kunċett ta' sjieda kif normalment ikkonċepit fis-soċjetajiet oċċidentali;

D.  billi t-territorji tradizzjonalment abitati minn popli indiġeni jinkludu madwar 22 % tal-wiċċ tal-art tad-dinja, u huwa stmat li għandhom 80 % tal-bijodiversità tal-pjaneta; billi r-riżervi indiġeni jikkostitwixxu ostaklu importanti kontra d-deforestazzjoni; billi l-foresti tropikali abitati minn popli indiġeni u komunitajiet lokali jikkontribwixxu għall-ħżin tal-karbonju fl-ekosistemi tal-foresti tropikali, li jagħmluhom prezzjużi fi kwalunkwe strateġija biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima; billi l-popli indiġeni huma fost l-aktar vulnerabbli għall-impatt negattiv iġġenerat mit-tibdil fil-klima minħabba l-istil ta' ħajja tagħhom u r-relazzjoni mill-qrib mal-art, li jiddependu direttament fuq id-disponibbiltà kostanti tar-riżorsi naturali;

E.  billi l-art hija fundamentali, limitata u riżorsa naturali mhux rinnovabbli li hi parti integrali mill-ġid naturali ta' kull pajjiż;

F.  billi t-trattati dwar id-drittijiet tal-bniedem jirrikonoxxu d-dritt tal-popli indiġeni għall-artijiet u għar-riżorsi tagħhom li ġejjin mill-antenati, u jipprevedu li l-istati jeħtiġilhom jikkonsultaw mal-popli indiġeni in bona fide sabiex jiksbu l-kunsens liberu, minn qabel u infurmat tagħhom b'rabta ma' proġetti li jista' jkollhom impatt fuq l-istili tal-ħajja tradizzjonali tagħhom, li jistgħu jheddu r-riżorsi naturali li kkultivaw tradizzjonalment, u li jkompli jiddependu fuqhom, jew li jistgħu jwasslu għaċ-ċaqliq sforzat tal-popolazzjonijiet tagħhom u għal telf konsegwenti ta' wirt kulturali distint, kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli; billi dawn il-konsultazzjonijiet għandhom isiru qabel jiġu adottati jew applikati miżuri leġislattivi u amministrattivi, skont id-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-popli indiġeni, li jimplika d-dritt tagħhom li jkunu l-propjetarji, jużaw, jiżviluppaw, u jikkontrollaw l-artijiet, it-territorji, l-ilmijiet, l-ibħra kostali u riżorsi oħra tagħhom; billi l-popli indiġeni għandhom id-dritt li jiddeterminaw liberament l-istatus politiku tagħhom, isegwu liberament l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom u jużaw liberament il-ġid u r-riżorsi naturali tagħhom, u fl-ebda każ ma għandhom jiġu mċaħħda mill-mezzi ta' sussistenza;

G.  billi d-UNDRIP tirrikonoxxi d-drittijiet kollettivi u individwali tal-popli indiġeni, b'mod partikolari d-dritt tagħhom għall-artijiet, il-beni, ir-riżorsi naturali, it-territorji, il-kultura, l-identità u l-lingwa, l-impjiegi, is-saħħa u l-edukazzjoni, u biex jiddeterminaw liberament l-istatus politiku tagħhom u l-iżvilupp ekonomiku;

H.  billi d-drittijiet kollettivi u individwali tal-popli indiġeni għadhom qed jinkisru f'diversi reġjuni tad-dinja minn atturi statali u mhux statali, u bħala riżultat ta' dan, dawn għadhom jiffaċċjaw vjolenza fiżika, psikoloġika u sesswali kif ukoll razziżmu, esklużjoni, diskriminazzjoni, żgumbramenti furzati, insedjament distruttiv, esproprjazzjoni illegali jew furzata tad-dominji tradizzjonali tagħhom jew ċaħda ta' aċċess għar-riżorsi, l-għajxien u l-għarfien tradizzjonali tagħhom; billi skont in-NU, il-popli indiġeni qed jiffaċċjaw aktar ksur tad-drittijiet tagħhom minn 10 snin ilu;

I.  billi n-nisa indiġeni jiffaċċjaw ostakoli għas-saħħa u għad-drittijiet sesswali u riproduttivi, inkluż in-nuqqas ta' konsulenza dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva, in-nuqqas ta' aċċess għal faċilitajiet u provvisti kif ukoll leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-abort saħansitra f'każijiet ta' stupru, li jistgħu jwasslu għal livelli għoljin ta' mortalità materna, tqala waqt l-adolexxenza u ta' mard trażmess sesswalment;

J.  billi n-nisa indiġeni jiffaċċjaw impunità mifruxa fir-rigward tal-ksur ta' drittijiethom, speċjalment minħabba li jiġu miċħuda mid-dritt tagħhom għal rimedju u minħabba n-nuqqas ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ u ta' data diżaggregata skont is-sessi;

K.  billi l-istati huma fl-aħħar mill-aħħar responsabbli li jiggarantixxu s-sigurtà, is-sikurezza u d-drittijiet tal-popli indiġeni, inklużi dawk tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ambjentali tal-popli indiġeni;

L.  billi il-lingwi indiġeni madwar id-dinja għadhom qed jisparixxu b'rata allarmanti, minkejja l-fatt li l-lingwi huma komponent bażiku tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u huma essenzjali għat-twettiq tal-iżvilupp sostenibbli; billi t-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-għarfien indiġenu hija essenzjali sabiex jiġu indirizzati sfidi ambjentali globali; billi rapport tan-NU ppublikat fl-2016(19) jistima li 95 % ta' kważi 6 700 lingwa mitkellma fid-dinja llum huma f'riskju li jisparixxu sa tmiem is-seklu, il-maġġoranza l-kbira ta' dawk li jinsabu mhedda huma l-lingwa indiġeni; billi l-istati għandhom obbligu li jipproteġu u jippromwovu l-lingwi tal-popli indiġeni biex jiżguraw li dawn il-popli jgawdu mid-drittijiet kulturali tagħhom; billi l-istati għandhom jinvestu f'miżuri biex jibdlu l-isterjotipi ankrati fis-soċjetà;

M.  billi f'xi pajjiżi, għadd kbir ta' nies indiġeni emigraw lejn iċ-ċentri urbani l-kbar, fejn ħoloq sens ta' stakkament u telf ta' valuri kulturali; billi l-għarfien u l-prattiki tradizzjonali tagħhom mhumiex adatti għall-kuntesti urbani u għad-dinamika kontemporanja tas-suq tax-xogħol, b'hekk ikunu esposti għall-faqar u forom ġodda ta' esklużjoni u diskriminazzjoni;

N.  billi l-popli indiġeni jiffaċċjaw rati allarmanti ta' faqar, mard u illitteriżmu, aċċess insuffiċjenti għal ilma sikur u nadif, is-sanità, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjiegi u d-drittijiet ċivili, inkluż l-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza politika, u rati għolja ta' abbuż mid-droga u ta' suwiċidju fost iż-żgħażagħ;

O.  billi n-nisa f'komunitajiet indiġeni huma partikolarment emarġinati minħabba nuqqas ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali u l-opportunitajiet ekonomiċi, huma diskriminati minħabba l-ġeneru, l-oriġini etnika u l-isfondi soċjoekonomiċi tagħhom, li jwassal għal rati ogħla ta' mortalità, u huma suġġetti għal vjolenza distinta bbażata fuq il-ġeneru u femminiċidju; billi skont in-NU, tal-anqas waħda minn kull tliet nisa indiġeni hija stuprata f'xi punt f'ħajjitha u r-rati ta' mortalità materna, it-tqala fl-adolexxenti u l-mard trażmess mis-sess, inkluż l-HIV/AIDS, huma ogħla mill-medja; billi n-nisa spiss jiffaċċjaw theddid u ostakoli speċifiċi bbażati fuq il-ġeneru, li għandhom jinftiehmu minn perspettiva intersezzjonali;

P.  billi t-traffikar illegali tad-droga jaffettwa b'mod sproporzjonat il-komunitajiet indiġeni peress li d-domanda għad-drogi għadha tiżdied u l-produtturi tad-drogi qed jimbuttaw dejjem aktar lill-komunitajiet indiġeni biex iħallu l-art tradizzjonali tagħhom; billi l-popolazzjonijiet indiġeni huma ħafna drabi mġiegħla jipparteċipaw fiżikament jew ekonomikament fil-kummerċ tad-drogi, b'mod partikolari fl-operazzjonijiet tat-trasport; billi l-kunflitti armati jżidu l-militarizzazzjoni tal-artijiet indiġeni u jwasslu għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u għall-użu ta' forza eċċessiva fuq il-komunitajiet indiġeni;

Q.  billi d-domanda li qed tiżdied u l-kompetizzjoni li qed tikber għar-riżorsi naturali qed tixpruna "ġlieda għall-art globali" li f'diversi pajjiżi qed tpoġġi t-territorji tradizzjonalment abitati u użati minn popli indiġeni u komunitajiet lokali taħt pressjoni mhux sostenibbli; billi l-isfruttament ta' dawn ir-riżorsi naturali mis-setturi tan-negozju agrikolu, l-enerġija, l-injam u l-minjieri, fost industriji estrattivi oħra, il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, il-proġetti kbar ta' infrastruttura u żvilupp, il-gvernijiet u l-popolazzjoni lokali jikkostitwixxi wieħed mill-kawżi ewlenin ta' kunflitt dejjiemi fuq il-pussess tal-art u l-kawża ewlenija għall-kontaminazzjoni tal-ilma u l-ħamrija;

R.  billi l-iżvilupp ma jistax jitkejjel skont indikaturi ta' tkabbir iżda għandu primarjament jikkunsidra t-tnaqqis tal-faqar u tal-inugwaljanza;

S.  billi r-regolamentazzjoni dgħajfa fil-qasam tat-turiżmu jista' jkollu impatt negattiv kulturali u ekoloġiċi fuq dawn il-komunitajiet u, f'xi każijiet, fattur li jinstiga l-ħtif tal-art;

T.  billi l-ħtif tal-art bil-forza minn kumpaniji privati ġeneralment ikun akkumpanjat bil-preżenza ta' forzi tas-sigurtà privati jew militari, li jwassal fost l-oħrajn għal żieda fil-vjolenza diretta u indiretta fit-territorji tal-popli indiġeni, li tolqot b'mod dirett lill-komunitajiet, u b'mod partikolari, lill-mexxejja soċjali u lin-nisa;

U.  billi llum hemm tendenza lejn il-militarizzazzjoni ta' xi riżervi u żoni protetti, li xi drabi jikkoinċidu mal-artijiet tal-indiġeni u l-komunitajiet lokali, u b'hekk tikkawża ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

V.  billi l-kunflitti ċivili f'xi pajjiżi huma relatati mad-drittijiet tal-art u huma l-kawża taċ-ċaqliq sfurzat tal-komunitajiet indiġeni u lokali, u b'hekk jiftħu l-bieb għall-ħtif tal-art u għall-konċentrazzjoni tal-proprjetà agrikola;

W.  billi l-ħtif tal-art hija kwistjoni kumplessa li tirrikjedi soluzzjoni internazzjonali komprensiva; billi l-protezzjoni tan-nisa u tal-bniet indiġeni għandha tingħata enfasi partikolari;

X.  billi l-ħtif tal-art mhuwiex neċessarjament ir-riżultat ta' investiment barrani, u l-ħtif tal-art jista' jiġi mwettaq ukoll minn gvernijiet u minn komunitajiet lokali;

Y.  billi kien hemm żieda f'forom privati ta' kumpens li permezz tagħhom l-impriżi privati joffru kumpens finanzjarju lin-nisa li jkunu vittmi ta' vjolenza bħala skambju għal firma ta' ftehim biex l-impriża ma tkunx tista' tiġi mħarrka; billi l-istati għandhom ir-responsabbiltà primarja biex jiżguraw konformità mal-impenji internazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-popli indiġeni u għalhekk iridu jkunu responsabbli primarjament biex jevitaw każijiet ta' ksur u jippromwovu l-verità, il-ġustizzja kif ukoll ir-riparazzjoni għall-vittmi;

Z.  billi xi popli indiġeni madwar id-dinja ddeċidew li jirrifjutaw kuntatt mad-dinja ta' barra, iżda jgħixu f'iżolament volontarju, ma jkunux kapaċi jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u għalhekk huma partikolarment vulnerabbli meta jinkisru d-drittijiet tagħhom; billi dawn il-komunitajiet huma l-aktar vulnerabbli fid-dinja u l-eżistenza tagħhom qed tiġi pperikolata, b'mod partikolari minħabba t-tiftix għaż-żejt, id-deforestazzjoni, it-traffikar tad-drogi u l-infrastrutturi assoċjati ma' dawk l-attivitajiet;

AA.  billi bosta popli indiġeni għadhom qed ikunu vittmi ta' omiċidju, eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, mutilazzjoni, tortura, stupru, detenzjonijiet arbitrarji, attakki fiżiċi, fastidju u intimidazzjoni għax jiddefendu d-dritt għat-territorji tagħhom li ġejjin mill-antenati u r-riżorsi naturali tagħhom, inkluż l-aċċess tagħhom għall-ilma u l-ikel, u għas-siti spiritwali u għall-oqbra sagri tagħhom;

AB.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem huma fost l-aktar aġenti ċentrali u kruċjali tal-iżvilupp sostenibbli, speċjalment rigward il-bini tar-reżiljenza tas-soċjetà, u huma fost l-atturi ewlenin fil-governanza demokratika inklużiva; billi dawn id-difensuri jaħdmu biex jiżguraw mhux biss id-drittijiet tal-popli tagħhom iżda wkoll is-sostenibbiltà ambjentali u l-wirt naturali tal-umanità kollha; billi d-difensuri u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem tal-popli indiġeni jaħdmu biex il-komunitajiet tagħhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċessi politiċi, l-inklużjoni soċjali u l-emanċipazzjoni ekonomika u biex b'mod demokratiku u paċifiku jsemmgħu leħinhom fil-pajjiżi rispettivi tagħhom u fil-komunità internazzjonali;

AC.  billi fis-snin reċenti kien hemm żieda inkwetanti fl-omiċidji, attakki u forom oħra ta' vjolenza kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti, li huma fost l-atturi ewlenin fl-iżvilupp sostenibbli, fil-kuntest tad-difiża tad-drittijiet tal-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali, tad-drittijiet ambjentali u tad-drittijiet fuq l-art; billi skont il-Front Line Defenders, fl-2017 inqatlu madwar id-dinja 312 difensur tad-drittijiet tal-bniedem, li minnhom 67 % kienu qed jiġġieldu għall-art tal-popli indiġeni u jiddefendu d-drittijiet ambjentali kontra proġetti ta' estrazzjoni; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-popli indiġeni spiss jiffaċċjaw impunità sistemika ta' dawk li jwettqu l-attakki fuqhom;

AD.  billi minkejja li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa indiġeni jaqdu rwol importanti fil-protezzjoni tan-nisa fil-komunitajiet indiġeni, l-attivitajiet tagħhom ġew meqjusa bħala reat u ġew soġġetti għal forom differenti ta' vjolenza inkluż fastidju, stupru u qtil;

AE.  billi jeħtieġ li l-implimentazzjoni tar-responsabbiltà soċjali korporattiva mhux vinkolanti u l-iskemi ta' regolamentazzjoni volontarja jitjiebu biex jipproteġu l-komunitajiet indiġeni u lokali mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, jipprevjenu l-ħtif tal-art u jiżguraw r-responsabbiltà korporattiva effettiva; billi n-nuqqas ta' kontroll u l-mekkaniżmi ta' responsabbiltà jikkostitwixxu impediment kbir għal rimedju effikaċi u adegwat;

AF.  billi għadd kbir ta' investituri u kumpaniji bbażati fl-UE, fost ħafna oħrajn, huma involuti f'mijiet ta' operazzjonijiet ta' akkwist tal-art fl-Afrika, l-Asja, u l-Amerika Latina, li f'xi każijiet iwasslu għal ksur tad-drittijiet tal-komunitajiet indiġeni u lokali; billi l-atturi bbażati fl-UE jistgħu jiġu implikati fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-ħtif tal-art b'modi differenti, pereżempju permezz ta' kumpaniji privati u finanzjarji bbażati fl-UE, li jiffinanzjaw il-ħtif tal-art direttament jew indirettament, jew permezz ta' sħubijiet pubbliċi-privati; billi f'bosta każijiet, id-diversi ramifikazzjonijiet barranin jistgħu jagħmluha diffiċli biex l-oriġini tagħhom tiġi attribwita direttament lill-pajjiżi tal-oriġini; billi anke meta dawk l-għeruq jiġu attribwiti, għad hemm ostakli legali u prattiċi sinifikanti fl-aċċess għall-ġustizzja u r-responsabbiltà permezz tal-qrati tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, inkluż bħala riżultat tal-limitazzjonijiet ta' ġuriżdizzjoni fir-rigward ta' każijiet li jikkonċernaw proprjetà immobbli (inklużi l-art u r-riżorsi naturali), restrizzjonijiet severi fuq il-valur tar-rimedju disponibbli u fuq id-disponibilità ta' għajnuna legali, u diffikultajiet biex tintwera responsabbiltà tal-kumpanija omm;

AG.  billi l-biċċa l-kbira tal-art fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw hija abitata, b'hekk l-investimenti u r-reputazzjoni tal-kumpaniji huma esposti għar-riskji u jżidu b'mod sinifikanti l-ispejjeż tal-operat tagħhom meta jsiru t-trasferimenti tal-art f'kuntest ta' kunflitt, mingħajr il-kunsens minn qabel tal-komunitajiet indiġeni u lokali u f'qagħda ta' disprezz tad-drittijiet tagħhom;

AH.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, Michael Frost, identifika l-Amerika Latina bħala reġjun ta' tħassib, fejn "il-gvern u l-atturi korporattivi huma involuti fil-qtil ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tad-drittijiet ambjentali";

AI.  billi l-obbligu għall-protezzjoni u l-għoti tal-aċċess għal rimedju skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem japplika kemm għal attivitajiet extraterritorjali kif ukoll għal attivitajiet nazzjonali b'impatt extraterritorjali; billi l-grad ta' impenn tal-UE u l-Istati Membri tagħha għall-obbligi extraterritorjali tagħhom għandu jiżdied b'mod konsiderevoli;

AJ.  billi l-UE tipprovdi għajnuna għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja permezz tal-EIDHR, li jikkomplementa strumenti oħra ta' għajnuna esterna tiegħu u jitwettaq l-aktar permezz tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; billi permezz tal-mekkaniżmu tagħha protectdefenders.eu, l-UE tipprovdi għajnuna rapida lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'riskju, tgħinhom jilħqu l-ħtiġijiet l-aktar urġenti u ssaħħaħ il-kapaċità tagħhom biex iwettqu xogħolhom fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul;

AK.  billi l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali għandhom rwol ċentrali biex jiżguraw li l-proġetti li jiffinanzjaw ma jinvolvux jew ma jikkontribwixxux għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ambjentali tal-popli indiġeni; billi l-korporazzjonijiet multinazzjonali għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw li l-operazzjonijiet tagħhom u/jew il-ktajjen ta' provvista tagħhom ma jkunux implikati fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ambjentali, speċifikament id-drittijiet tal-popli indiġeni;

AL.  billi l-UE hija l-akbar fornitur ta' għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja, li l-biċċa l-kbira minnha tmur għall-Afrika; billi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Kummissjoni għandhom iwettqu kontrolli komprensivi tal-użu tal-fondi mid-destinatarji tal-pajjiżi terzi, billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jitpoġġa fuq quddiem nett tal-politika tagħhom dwar l-għoti tal-għajnuna;

AM.  billi l-popli indiġeni fl-Ewropa għadhom ibatu minn marġinalizzazzjoni, diskriminazzjoni, u esklużjoni soċjali, u li għandhom jiġu miġġielda u rimedjati bl-użu ta' approċċ ibbażat fuq id-drittijiet;

1.  Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lis-sħab tagħhom fil-komunità internazzjonali biex jadottaw l-miżuri kollha meħtieġa għar-rikonoxximent, għall-protezzjoni u għall-promozzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-popli indiġeni, inklużi l-artijiet, it-territorji u r-riżorsi tagħhom; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tas-soċjetà ċivili u tal-NGOs fuq dawn il-kwistjonijiet;

2.  Jistieden lill-UE biex tiżgura li l-politiki kollha tagħha tal-iżvilupp, tal-investiment u tal-kummerċ jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem tal-popli indiġeni kif stabbilit fit-trattati u l-konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u fl-istrumenti legali li b'mod partikolari jindirizzaw id-drittijiet tal-popli indiġeni;

3.  Jistieden lill-istati kollha, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, biex isegwu l-passi kollha meħtieġa ħalli jikkonformaw b'mod effettiv mad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO dwar il-Popli Indiġeni u Tribali(20) u jfakkar li l-istati kollha li rratifikaw huma obbligati li jiżviluppaw azzjoni koordinata u sistematika biex jipproteġu d-drittijiet tal-popli indiġeni;

4.  Jappella lill-istati kollha li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO dwar il-Popli Indiġeni u Tribali, u b'mod partikolari lill-Istati Membri tal-UE, biex jagħmlu dan; jiddeplora l-fatt li s'issa ftit Stati Membri biss irratifikaw il-Konvenzjoni; jitlob li l-UE tagħmel kull sforz, permezz tad-djalogi tagħha politiċi u tad-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi, biex tinkoraġġixxi r-ratifika tal-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, l-adozzjoni tal-protokolli fakultattivi tagħhom, u r-rispetttad-UNDRIP;

5.  Jirrikonoxxi l-passi 'l quddiem li saru fir-rikonoxximent tad-drittijiet tal-popli indiġeni u li s-soċjetà ċivili hija dejjem aktar konxja tas-sitwazzjoni tagħhom; jirrikonoxxi l-kontribut tal-UE f'dan ir-rigward; iwissi, madankollu, li l-preżenza ta' din il-kwistjoni fil-politiki tal-UE għadha minima, inkluż fin-negozjar ta' ftehimiet kummerċjali u ta' koperazzjoni;

6.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha joħolqu l-kundizzjonijiet għar-realizzazzjoni tal-objettivi stabbiliti fid-UNDRIP u jinkoraġġixxi lis-sħab internazzjonali tiegħu biex jadottawha u jimplimentawha kompletament;

7.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol li d-dijaspori jiżvolġu bħala interfaċċa mal-popli indiġeni u mezz ta' trażmissjoni tal-għarfien għalihom;

Drittijiet tal-bniedem tal-popli indiġeni

8.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw u jivvotaw favur id-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tar-Raħħala u ta' Nies Oħra li Jaħdmu f'Żoni Rurali, li se jsir vot dwarha fl-2018 fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; jinnota b'interess l-enfasi fuq in-nisa fiż-żoni rurali tas-sessjoni tal-2018 tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa;

9.  Jistieden lill-istati kollha, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, biex jirrikonoxxu u jaċċettaw legalment l-awtonomija territorjali u l-awtodeterminazzjoni tal-popli indiġeni, li jimplikaw id-dritt tagħhom li jkunu l-propjetarji, jużaw, jiżviluppaw, u jikkontrollaw l-artijiet, it-territorji, l-ilmijiet, l-ibħra kostali u riżorsi oħra li jkollhom minħabba sjieda tradizzjonali jew xi forma oħra ta' okkupazzjoni jew użu tradizzjonali, kif ukoll dawk li jkunu kisbu b'xi mod ieħor;

10.  Jistieden lill-istati kollha, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, biex jadottaw jew jipparteċipaw fi strateġiji għar-rikostruzzjoni taż-żoni ta' kunflitt sabiex jippromwovu u jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-popli indiġeni;

11.  Jieħu nota tas-sejbiet allarmanti tal-istudju ppubblikat min-NU fl-2010, li jindika li hemm inċidenza ogħla ta' vjolenza u stupru fost in-nisa membri ta' popli indiġeni minn dik għan-nisa b'mod globali; jappella, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-UE jikkundannaw b'mod ċar l-użu ta' vjolenza, inkluża l-vjolenza sesswali, kontra nisa indiġeni; iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa u l-bniet li jkunu vittmi tal-vjolenza, u għandu jiġi żgurat li jkollhom aċċess għal appoġġ mediku u psikoloġiku ta' emerġenza;

12.  Jitlob l-irtirar tal-forzi ta' sigurtà privati kif ukoll militari skjerati fit-territorji ta' popli indiġeni bi ksur tad-drittijiet tagħhom;

13.  Jappella lill-istati kollha jiżguraw li l-popli indiġeni, b'mod partikolari n-nisa, ikollhom aċċess għal mekkaniżmi ġudizzjarji f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet tagħhom min-naħa ta' korporazzjonijiet, u li ma jiġux leġittimizzati forom privati ta' rimedju li ma jiżgurawx aċċess effettiv għall-ġustizzja; jappella lill-istati kollha biex jirreklutaw aktar nisa fis-sistemi ġudizzjarji tagħhom sabiex ikissru s-sistema patrijarkali li normalment tkun preżenti f'dawn l-istrutturi; jisħaq fuq il-bżonn li jiddaħħlu fis-seħħ il-mekkaniżmi meħtieġa biex jiġi żgurat li nisa indiġeni ma jiġux trattati b'mod diskriminatorju, inklużi servizzi ta' interpretazzjoni adegwati kif ukoll assistenza legali;

14.  Jilqa' l-fatt li l-Kunsill Ewropew għamel il-protezzjoni tad-drittijiet tal-popli indiġeni prijorità, kif stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Mejju 2017;

15.  Jistieden lill-pajjiżi sħab jiżguraw li l-popli indiġeni jkollhom aċċess universali għar-reġistri nazzjonali tal-popolazzjoni tagħhom bħala l-ewwel pass lejn ir-rikonoxximent tad-drittijiet individwali u kollettivi tagħhom; jitlob li l-UE tappoġġa lill-pajjiżi sħab fl-istabbiliment ta' uffiċċji tar-reġistru ċivili u fil-ġestjoni xierqa tagħhom;

16.  Jinnota bi tħassib li r-riskji għad-drittijiet tal-bniedem assoċjati mat-tħaffir fil-minjieri, l-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass jaqgħu b'mod sproporzjonat fuq il-popli indiġeni; jistieden lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp iwettqu valutazzjonijiet obbligatorji tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem qabel l-attivitajiet ġodda kollha f'dawn is-setturi u biex jiżvelaw ir-riżultati li jkollhom; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni li tirregola l-għoti ta' konċessjonijiet tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kunsens liberu, minn qabel u infurmat; jirrakkomanda li l-istandards tal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi jitwessgħu biex jinkludu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-komunitajiet lokali u indiġeni;

17.  Jistieden lill-istati kollha, b'mod partikolari l-UE u l-Istati Membri, biex jinkludu lill-popli indiġeni u lill-komunitajiet rurali fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward ta' strateġiji biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, li għandhom ikopru wkoll id-danni irreparabbli li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima li jista' jġegħelhom jemigraw u b'hekk dan iwassal għal diskriminazzjoni doppja bħala spostati minħabba raġunijiet ambjentali u popli indiġeni;

18.  Jistieden lill-istati kollha, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, biex jirrikonoxxu l-importanza li jikkonsultaw lill-popli indiġeni f'kull diskussjoni dwar kwistjonijiet li jistgħu jaffettwawhom, u b'hekk jiġi garantit id-dritt tagħhom għal konsultazzjoni minn qabel, libera u infurmata; jitlob, f'dan ir-rigward, li jiġu stabbiliti mekkaniżmi fil-livell tal-UE għall-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-popli indiġeni b'mandat li jikkonsisti fi djalogu dwar il-politika u monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politika, l-impenji u l-pjanijiet ta' azzjoni tal-UE relatati mal-popli indiġeni; jistieden lill-istati kollha, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, biex joħolqu kundizzjonijiet għall-preżenza effettiva ta' rappreżentanti u mexxejja tal-popli indiġeni fis-soċjetà ċivili u fl-ispazju pubbliku, kif ukoll għal aktar parteċipazzjoni viżibbli fis-sistema politika u fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet rilevanti għalihom, inklużi r-riformi kostituzzjonali;

19.  Jistieden lill-istati kollha, inkluż l-UE u l-Istati Membri tagħha, biex jadottaw u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tad-dokument ta' eżitu tal-Konferenza Dinjija tal-Popli Indiġeni 2014 lin-NU kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet mill-Forum Permanenti tan-NU dwar Kwistjonijiet Indiġeni u dawk imressqa mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni;

20.  Jirrimarka li fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni, l-Assemblea Ġenerali tan-NU pproklamat is-sena 2019 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Lingwi Indiġeni; jenfasizza li l-kultura hija fattur għall-iżvilupp;

21.  Jistieden lill-istati kollha, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni u r-realizzazzjoni tas-Sena Internazzjonali tal-Lingwi Indiġeni fl-2019;

22.  Iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jaħdmu ħalli jiżguraw l-integrità fiżika u l-għajnuna legali għad-difensuri tad-drittijiet ambjentali, tal-proprjetà intellettwali u tal-artijiet għall-popli indiġeni, partikolarment permezz tat-tisħiħ tal-EIDHR u tad-diversi strumenti u mekkaniżmi eżistenti bħal protectdefendeurs.eu, sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u ambjentali tal-attivisti, b'enfasi speċifika fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u involviment akbar fl-inizjattivi proposti minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU; jitlob li l-UE tagħti istruzzjonijiet lid-delegazzjonijiet tagħha biex tissorvelja u tappoġġa lid-difensuri tad-drittijiet, filwaqt li tqis b'mod partikolari l-protezzjoni tan-nisa, it-tfal u l-persuni b'diżabilità, u biex tirrapporta l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem b'mod sistematiku u b'saħħtu; jappella lis-SEAE biex jieħu sehem fil-pjan imfassal mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) u mill-Uffiċċju tan-NU tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) sabiex jipproteġu d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Amerika Latina;

23.  Jiddenunzja l-penalizzazzjoni kontinwa ta' dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-popli indiġeni u d-dritt tal-art madwar id-dinja; jistieden lill-istati kollha, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, sabiex jevitaw l-impunità għal kwalunkwe reat imwettaq kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-popli indiġeni permezz ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni xierqa;

24.  Jistieden lill-istati kollha, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, sabiex jiżguraw li l-istrateġiji politiċi tagħhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet rurali sabiex tiġi żgurata dejjem il-konformità ma' dawn id-drittijiet kemm waqt il-ħolqien kif ukoll fl-espansjoni ta' żoni protetti u rigward żoni protetti diġà eżistenti, li l-ħolqien tagħhom preċedentement żgumbra, eskluda jew inkella ostakola b'mod sproporzjonat id-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet rurali;

25.  Jappoġġa t-talbiet tal-popli indiġeni għal ripatrijazzjoni internazzjonali u l-istabbiliment ta' mekkaniżmu internazzjonali fil-ġlieda kontra l-bejgħ ta' artefatti indiġeni li tteħdilhom illegalment; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa sforzi bħal dawn, inkluż permezz ta' għajnuna finanzjarja taħt l-Istrument Ewropew għad-EIDHR;

26.  Jenfasizza li l-komunità internazzjonali, inklużi l-UE u l-Istati Membri, għandha tagħmel impenji serji biex tinkludi lill-persuni indiġeni b'diżabilità, b'mod partikolari t-tfal, fl-oqsma kollha tal-politika, biex tippromwovi d-drittijiet u l-bżonnijiet tal-persuni indiġeni b'diżabilità fil-qafas legali internazzjonali, u li tiżgura li jiġi kkunsidrat il-kunsens liberu, minn qabel u infurmat tan-nies b'diżabilità, speċjalment tat-tfal;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar imġiba kummerċjali responsabbli biex tindirizza l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż fir-rigward tad-diliġenza dovuta u l-aċċess għar-rimedju; jistieden lill-Kummissjoni tagħti mandat lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) biex tiġbor informazzjoni dwar il-mekkaniżmi ġudizzjarji u mhux ġudizzjarji fl-Istati Membri dwar l-aċċess għar-rimedju għall-vittmi ta' ksur relatat man-negozju, inklużi l-popli indiġeni; huwa tal-fehma li s-sħab tal-UE fis-settur privat u dak pubbliku għandhom jipprovdu informazzjoni kompluta u aċċessibbli dwar il-konformità tagħhom mal-kunsens liberu, minn qabel u infurmat tal-popli indiġeni;

Ħtif tal-art

28.  Jilqa' t-tħabbira tal-Qorti Kriminali Internazzjonali tal-2016 li l-ħtif tal-art u l-qerda ambjentali huma l-kawżi ewlenin ta' ħafna ksur tad-drittijiet tal-bniedem u minn issa 'l quddiem jistgħu jwasslu għal akkużi ta' reati kontra l-umanità;

29.  Għadu mħasseb bis-sitwazzjoni tal-ħtif tal-art bħala konsegwenza tal-prattiki korrotti ta' kumpaniji, investituri barranin, atturi statali nazzjonali u internazzjonali, uffiċjali u awtoritajiet; jitlob li l-UE u l-Istati Membri jagħmlu enfasi akbar fuq il-kwistjoni tal-ħtif tal-art fl-aġendi tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem;

30.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jinkoraġġixxu stati sħab involuti fil-bini tal-paċi wara kunflitt li jinvolvu d-drittijiet tal-art biex jiżviluppaw miżuri li jippermettu lill-komunitajiet indiġeni u lokali spostati jirritornaw fit-territorji tradizzjonali tagħhom, bħala fattur kruċjali fil-ksib tal-paċi u stabbilizzazzjoni soċjali sostenibbli;

31.  Jiddeplora l-fatt li f'ħafna pajjiżi milquta mill-ħtif tal-art, l-aċċess effettiv għall-ġustizzja u r-rimedju għall-popli indiġeni u pastorali huwa limitat minħabba governanza dgħajfa u minħabba li d-drittijiet tal-art tagħhom spiss mhumiex formalment rikonoxxuti fl-oqfsa legali lokali jew nazzjonali; jinnota, pereżempju, li d-drittijiet għall-mergħat u l-mergħat komuni huma drittijiet tal-użu tal-art tradizzjonali bbażati fuq id-dritt komuni u mhux fuq drittijiet akkwiżiti tas-sjieda; iħeġġeġ lill-pajjiżi sħab jirrikonoxxu u jipproteġu d-drittijiet tal-popli pastorali u indiġeni, b'mod partikolari għas-sjieda konswetudinarja u l-kontroll tal-artijiet u r-riżorsi naturali tagħhom, kif stipulat fid-UNDRIP u l-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO, jiġifieri billi tkun tista' ssir reġistrazzjoni kollettiva tal-użu tal-art u billi jiġu stabbiliti politiki mmirati biex jiżguraw aktar aċċess ekwitabbli għall-art; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex b'mod attiv jappoġġaw lill-pajjiżi sħab f'dan u fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' kunsens liberu u infurmat minn qabel għal akkwisti tal-art fuq skala kbira, kif stabbilit fil-Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti u f'konformità mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jitlob li l-UE, barra minn hekk, tappoġġa lill-pajjiżi sħab fit-titjib tal-leġiżlazzjoni tagħhom dwar is-sjieda tal-art billi jirrikonoxxu d-dritt universali tan-nisa li jkollhom aċċess għall-art bħala proprjetarji sħaħ;

32.  Jitlob li l-UE ssaħħaħ il-Linji Gwida tal-Politika tal-UE dwar l-Art u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fi ftehimiet u trattati internazzjonali, kif ukoll biex tippromwovi l-valuri tagħha fir-rigward tal-protezzjoni tan-nisa u l-bniet, speċjalment tan-nisa u l-bniet f'żoni rurali, li ġeneralment huma aktar vulnerabbli meta jiltaqgħu ma' tibdiliet tal-art u li ġeneralment għandhom anqas aċċess u drittijiet għall-art;

33.  Jappella lill-istati kollha jinvestu fir-riċerka biex jitnaqqas id-distakk fl-għarfien dwar l-impatt tal-ħtif tal-art fuq in-nisa u biex tiġi prodotta analiżi aktar profonda tal-implikazzjonijiet tal-fenomenu għas-sessi, li jwassal għal linji gwida infurzabbli biex jiġu rregolarizzati t-tranżazzjonijiet ta' artijiet;

34.  Iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jitolbu l-iżvelar tal-akkwisti tal-art li jinvolvu korporazzjonijiet u atturi bbażati fl-UE jew proġetti għall-iżvilupp iffinanzjati mill-UE sabiex jiżdiedu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont ta' dawn l-akkwisti; jitlob li l-UE tissorvelja l-kunsens liberu, minn qabel u infurmat indispensabbli tal-komunitajiet indiġeni, sabiex jiżdiedu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont ta' akkwisti futuri, billi tagħti struzzjonijiet u setgħa lid-delegazzjonijiet u lill-ambaxxati tal-UE biex jagħmlu dan, f'assoċjazzjoni mal-NGOs relevanti; jistieden lill-UE tkun partikolarment viġilanti fir-rigward ta' proġetti appoġġati minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u Ewropej sabiex tiżgura li dan il-finanzjament ma jinvolvix jew ma jikkontribwixxix għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ambjentali tal-popli indiġeni;

35.  Jappella lill-istati kollha jipprovdu regolamenti adegwati li jżommu lill-mexxejja komunitarji responsabbli għad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tagħhom fil-qasam tal-governanza tal-art bil-parteċipazzjoni tal-operaturi pubbliċi, statali u komunitarji u biex iħeġġu tibdil fil-prattiki legali u abitwali li jiddiskriminaw lin-nisa fir-rigward tas-sjieda tal-art u wirt;

36.  Jistieden lill-istati kollha, speċjalment lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, biex jadottaw u jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti, u biex jiffirmaw VPA dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresta, governanza u kummerċ bl-akbar numru possibbli ta' pajjiżi rilevanti; jitlob li l-Kummissjoni tiżgura l-konformità u l-implimentazzjoni stretti tar-Regolament dwar l-Injam(21) u tissanzjona lill-Istati Membri li jonqsu milli jkunu konformi mar-regolament fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni;

37.  Jitlob li l-pajjiżi kollha, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, jippermettu lill-komunità indiġena tiżvolġi żvilupp ekonomiku skont il-politiki ta' protezzjoni ambjentali globali; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu u jappoġġaw l-organizzazzjonijiet tal-popli indiġeni li għandhom aġenda ta' żvilupp soċjali li tinvolvi t-tfassil u l-iżvilupp ta' qafas legali u istituzzjonali għad-demarkazzjoni u għall-għoti ta' titoli tat-territorji indiġeni; jenfasizza li r-rikonoxximent u l-formalizzazzjoni tal-artijiet tal-popli indiġeni u l-għoti tas-setgħa lill-awtoritajiet tal-popli indiġeni u tal-membri tal-komunitajiet jiżguraw is-sostenibbiltà u r-responsabbiltà soċjali, u jikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni ta' tilwimiet dwar l-art u kunflitti fi ħdan l-Istat ikkonċernat;

38.  Jappella lill-istati kollha jwettqu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet statali joqogħdu lura milli jagħmlu stqarrijiet jew dikjarazzjonijiet pubbliċi li jistigmatizzaw u jimminaw ir-rwol leġittimu mwettaq min-nisa indiġeni fil-protezzjoni tat-territorju tagħhom fil-kuntest tal-ħtif tal-art u tal-estrazzjoni tar-riżorsi, u jinkoraġġixxi r-rikonoxximent pubbliku tar-rwol importanti li huma jwettqu f'soċjetajiet demokratiċi;

39.  Jistieden lill-istati kollha biex jirrispettaw, jipproteġu u jiddefendu d-drittijiet tal-art ta' sidien żgħar u d-dritt ta' individwu għal riżorsi oħra bħall-ilma, foresti, annimali ħajjin u s-sajd; jirrikonoxxi li l-esproprjazzjoni diskriminatorja tal-art u l-iżgumbramenti furzati, li jaffettwaw b'mod ħażin lill-popolazzjonijiet fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, jista' jkollhom impatti sinifikanti fuq l-għajxien tagħhom u jimminaw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, bħad-dritt għall-ħajja, għall-ikel, għall-akkomodazzjoni, għas-saħħa u għall-proprjetà;

Negozju u drittijiet tal-bniedem

40.  Jappella lill-UE biex tiżgura li l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem ikunu integrati bis-sħiħ fil-programmi nazzjonali tal-Istati Membri u inkorporati fil-prattiki u fl-operazzjonijiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali u ta' intrapriżi kummerċjali li għandhom rabtiet Ewropej;

41.  Iħeġġeġ lill-Unjoni biex jinżamm l-appoġġ għall-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u biex tkompli tippromwovi l-applikazzjoni korretta tagħhom;

42.  Jistieden lill-UE biex tipparteċipa f'negozjati kostruttivi rigward trattat tan-NU dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali li jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-popli indiġeni, u b'mod partikolari tan-nisa u l-bniet;

43.  Jirrakkomanda li l-UE tiżviluppa pjan ta' azzjoni reġjonali Ewropew għan-negozju u għad-drittijiet tal-bniedem, iggwidat mill-prinċipji stabbiliti fid-UNDRIP, u jappella li jkun hemm żvilupp ta' pjanijiet ta' azzjoni ffukati fuq din il-kwistjoni;

44.  Jinsisti li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jaħdmu biex iżommu responsabbli lil korporazzjonijiet multinazzjonali u lill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali għall-impatt tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem u ambjentali tal-komunitajiet indiġeni; jappella lill-UE biex tiżgura li l-vjolazzjonijiet kollha tad-drittijiet tal-popli indiġeni minn kumpaniji Ewropej jiġu debitament investigati u sanzjonati permezz ta' mekkaniżmi xierqa, u jħeġġeġ lill-UE biex tirtira kull forma ta' appoġġ istituzzjonali jew finanzjarju f'każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

45.  Jistieden lill-UE biex tistabbilixxi mekkaniżmu ta' lmentar, skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/396/UE tal-11 ta' Ġunju 2013(22), fejn il-komunitajiet indiġeni u lokali jistgħu jressqu lmenti dwar ksur u abbużi tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw minn attivitajiet ta' negozju bbażati fl-UE, irrispettivament mill-pajjiż fejn ikunu seħħew il-ksur jew l-abbużi, biex jiġi żgurat li l-vittmi jkollhom aċċess effettiv għall-ġustizzja, kif ukoll għal assistenza teknika u legali; iħeġġeġ lill-istati kollha, inklużi l-Istati Membri u l-UE, biex jimpenjaw ruħhom fin-negozjati sabiex ikun adottat strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-korporazzjonijiet transnazzjonali u kumpaniji oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, permezz ta' sehem attiv fil-grupp ta' ħidma intergovernattiv b'kompożizzjoni miftuħa maħluq fil-livell tan-NU;

46.  Jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha sabiex jiggarantixxu l-aċċess għar-rimedji għall-vittmi ta' abbużi u ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżultaw mill-attivitajiet ta' kumpaniji bbażati fl-UE billi jitneħħew l-ostakoli kollha, kemm prattiċi kif ukoll legali, b'tali mod li d-diviżjoni tal-kompetenzi ma twaqqafx milli tittieħed responsabbiltà jew tiċħad l-aċċess għall-ġustizzja fil-pajjiż fejn ikun seħħ l-abbuż;

47.  Ifakkar fir-responsabilità tal-kumpaniji biex jiggarantixxu d-dritt tal-popli indiġeni għal konsultazzjoni minn qabel, libera u infurmata meta jkunu ser jiġu mwettqa proġetti, xogħlijiet jew attivitajiet fit-territorji tagħhom, u biex jinkorporaw u sussegwentement japplikaw ir-responsabbiltà soċjali korporattiva fil-politiki tagħhom;

48.  Jistieden lill-UE biex tissodisfa l-obbligi extraterritorjali tagħha relatati mad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-UE biex tfassal regoli ta' kondotta ċari u oqfsa regolatorji għal azzjoni extra-territorjali minn kumpaniji u investituri li jaqgħu fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħha, biex jiġi żgurat li dawn jirrispettaw id-drittijiet ta' popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali u li dawn ikunu jistgħu jinżammu debitament responsabbli u sanzjonati meta l-attivitajiet tagħhom jirriżultaw fil-ksur ta' dawk id-drittijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis mekkaniżmi effettivi dwar obbligi ta' diliġenza dovuta għall-kumpaniji biex jiġi żgurat li l-oġġetti importati mhumiex marbuta mal-ħtif ta' artijiet u mal-ksur serju tad-drittijiet tal-popli indiġeni; iħeġġeġ lis-SEAE jiżviluppa għodod operattivi biex jipprovdu gwida għall-persunal fid-delegazzjonijiet tal-UE;

L-iżvilupp sostenibbli u ekonomiku tal-popli indiġeni

49.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex tintegra l-kwistjoni tad-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-ħtif tal-art fl-implimentazzjoni tal-UE tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli;

50.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-popli indiġeni, permezz tal-istil ta' ħajja tagħhom u tal-mudelli ta' żvilupp tagħhom fil-protezzjoni tal-ambjent;

51.  Jistieden lill-UE tħeġġeġ lill-istati msieħba tagħha, fil-qafas tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħhom ma' pajjiżi terzi, biex tqis b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-popli indiġeni, inkluż permezz tat-tfassil ta' politiki soċjali inklużivi f'territorji tradizzjonali jew f'żoni urbani, u, fil-kuntest ta' miżuri ta' tnaqqis tal-faqar, biex jittaffew l-effetti tal-ispostament mill-għeruq tagħhom u tad-diskrepanza bejn kuntesti urbani u tan-nuqqas ta' qbil bejn il-kuntesti urbani u l-kapaċitajiet tradizzjonali u l-ispeċifiċitajiet kulturali tagħhom;

52.  Jissottolinja l-impatt dirett li t-tibdil fil-klima għandu fuq in-nisa indiġeni, li jġegħelhom jabbandunaw il-prattiki tradizzjonali tagħhom jew li jiġu spostati, bil-konsegwenza li jirriskjaw li jesperjenzaw vjolenza, abbuż jew sfruttament; jappella lill-istati kollha, inkluża l-UE u l-Istati Membri, biex jinkludu lill-popli indiġeni, u speċjalment in-nisa indiġeni u l-komunitajiet rurali, fl-istrateġiji tagħhom biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u fit-tfassil tal-istrateġiji effiċjenti ta' tibdil fil-klima rigward l-adattament u l-mitigazzjoni, filwaqt li jiġu kkunsidrati fatturi speċifiċi għas-sessi; jitlob li l-kwistjoni ta' spostament minħabba l-klima tittieħed bis-serjetà; jitlob kooperazzjoni internazzjonali msaħħa ħalli tkun żgurata r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima;

53.  Jenfasizza r-rilevanza għolja tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) fir-rigward tal-popli indiġeni, b'mod partikolari SDG 2 (żero ġuħ), 4.5 (aċċess għall-edukazzjoni) u 5 (l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel); itenni li l-popli indiġeni madwar id-dinja jsofru b'mod sproporzjonat minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem, delitti, razziżmu, vjolenza, sfruttament tar-riżorsi naturali, problemi tas-saħħa u rati għoljin ta' faqar, li jammontaw għal 15 % ta' dawk li jgħixu fil-faqar filwaqt li jirrappreżentaw biss 5 % tal-popolazzjoni dinjija; jenfasizza li trid tingħata protezzjoni sħiħa u bir-reqqa lill-mexxejja indiġeni u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jitkellmu kontra l-inġustizzji;

54.  Ifakkar li l-Aġenda 2030 tindirizza dawn il-kwistjonijiet ta' żvilupp tal-popli indiġeni, u jissottolinja li hemm bżonn sforzi ulterjuri għall-implimentazzjoni tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ il-Grupp Ewlieni tal-Popli Indiġeni għall-Iżvilupp Sostenibbli (IPMG) bħala l-mekkaniżmu globali għall-koordinazzjoni u sforzi konġunti biex jiġu avvanzati l-prijoritajiet tad-drittijiet u l-iżvilupp ta' popli indiġeni; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-kuntatti mal-IPMG u tinkludi l-grupp fil-pjattaforma magħmula minn bosta partijiet ikkonċernati dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs;

55.  Ifakkar li 80 % tal-foresti madwar id-dinja jikkostitwixxu artijiet u territorji tradizzjonali ta' popli indiġeni; jisħaq fuq ir-rwol vitali tal-popli indiġeni għal ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-preservazzjoni tal-bijodiversità; ifakkar li l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) tappella lill-istati partijiet tagħha jirrispettaw l-għarfien u d-drittijiet tal-popli indiġeni bħala salvagwardji fl-implimentazzjoni tal-programm REDD+; iħeġġeġ lill-pajjiżi sħab jadottaw miżuri sabiex jinvolvu b'mod effettiv lill-popli indiġeni fil-miżuri ta' adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu;

56.  Jinnota li bejn 200 u 500 miljun ruħ mad-dinja kollha jipprattikaw il-pastoraliżmu u li l-pastoraliżmu huwa ċentrali għall-istrateġiji tal-għajxien fir-reġjuni nexfin u muntanjużi tal-Afrika tal-Lvant; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitrawwem il-pastoraliżmu sostenibbli sabiex jintlaħqu l-SDGs; jinkoraġġixxi lill-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw l-Arkitettura tal-Governanza Afrikana (AGA), u b'mod partikolari, il-Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, sabiex jimplimentaw il-Qafas ta' Politika tal-Unjoni Afrikana dwar il-Pastoraliżmu fl-Afrika u, b'mod aktar ġenerali, biex jirrikonoxxu d-drittijiet tal-popli pastorali u indiġeni relatati mas-sjieda komunali tal-artijiet tal-antenati, id-dritt tagħhom li jiddisponu liberament mir-riżorsi naturali tagħhom u d-drittijiet tagħhom għall-kultura u r-reliġjon;

57.  Ifakkar fid-dritt tal-gvernijiet li jistabbilixxu regoli fl-interess pubbliku; ifakkar ugwalment li l-ftehimiet ta' investiment internazzjonali għandhom ikunu konformi mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-popli indiġeni, u jitlob trasparenza akbar f'dan ir-rigward, b'mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta' proċeduri u mekkaniżmi ta' konsultazzjoni adegwati f'kooperazzjoni mal-popli indiġeni; jistieden lill-istituzzjonijiet ta' finanzjament għall-iżvilupp biex jiffinanzjaw l-investimenti ħalli jsaħħu s-salvagwardji tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem biex jiżguraw li l-isfruttament tal-art u r-riżorsi fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp ma jwassal għal ebda ksur jew abbuż tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tal-popli indiġeni;

58.  Jistieden lill-istati kollha biex jimpenjaw ruħhom biex jiżguraw li l-popli indiġeni jkollhom aċċess ġenwin għal servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjiegi u l-opportunitajiet ekonomiċi; iħeġġeġ lill-istati kollha biex jippromwovu l-inklużjoni ta' politiki pubbliċi interkulturali u tal-lingwi indiġeni, l-istorja u l-kultura fil-programmi skolastiċi tagħhom jew biex joffru klassijiet extrakurrikulari supplimentari sabiex tinżamm, terġa' tingħata l-ħajja u l-promozzjoni tal-kultura tal-popli indiġeni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali; iqis li l-iżvilupp ta' inizjattivi biex titqajjem kuxjenza fost is-soċjetà ċivili, il-pubbliku ġenerali u l-midja dwar l-importanza tar-rispett tad-drittijiet, tat-twemmin u tal-valuri tal-popli indiġeni jista' jikkontribwixxi biex jingħelbu l-preġudizzju u l-miżinformazzjoni;

59.  Jistieden lill-UE u lill-istati sħab tagħha sabiex jipprovdu servizzi tas-saħħa mentali li huma kulturalment kompetenti fi sħubija ma' komunitajiet indiġeni sabiex jiġi evitat abbuż mis-sustanzi u s-suwiċidju; jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġati l-organizzazzjonijiet tan-nisa indiġeni sabiex tingħata s-setgħa lin-nisa u tiżdied il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fis-soċjetà ċivili;

60.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw l-isforzi tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali biex jiżviluppaw il-mudelli tagħhom ta' negozju u tal-ġestjoni tal-art;

61.  Jistieden lill-istati kollha biex jiżguraw li l-komunitajiet indiġeni jibbenefikaw minn dħul mit-turiżmu sostenibbli u jkunu protetti mill-impatt ħażin li t-turiżmu tal-massa jġib miegħu, u jilqa' l-eżempji ta' ġestjoni kondiviża ta' riżervi u żoni protetti li jippermettu protezzjoni aħjar tal-ekosistemi u kontroll tal-flussi tat-turiżmu; ifakkar, f'dan il-kuntest, fuq l-importanza tal-kunċett ta' żvilupp sostenibbli;

Politika ta' kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi

62.  Jirrakkomanda li tingħata prominenza akbar għas-sitwazzjoni tal-popli indiġeni fil-politika estera tal-UE, inkluż fid-djalogi tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi u fil-ftehimiet kummerċjali, ta' kooperazzjoni u żvilupp; jinsisti li l-Kunsill jirrapporta b'mod sistematiku dwar l-azzjoni tal-UE b'appoġġ għall-popli indiġeni fir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jikkunsidraw ir-riżultat tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU) u tal-Korpi tat-Trattati dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fir-Rapport Annwali tal-SEAE imsemmi iktar 'il fuq, sabiex jaċċertaw il-konformità tal-politiki tagħhom mad-drittijiet tal-popli indiġeni;

63.  Jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom iżidu d-drittijiet tal-bniedem tal-popli indiġeni u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni indiġeni, f'negozjati bilaterali u multilaterali u fil-komunikazzjonijiet diplomatiċi, u jinsistu dwar il-ħelsien tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem miżmuma l-ħabs; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jaħdmu ħalli jkun żgurat li l-gvernijiet ta' pajjiżi terzi jipprovdu protezzjoni xierqa lill-komunitajiet indiġeni u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jressqu lill-awturi ta' delitti kontra tagħhom, quddiem il-qrati;

64.  Iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri biex jirrevedu u jtejbu l-implimentazzjoni tagħhom tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi u t-theddid għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni indiġeni, kif ukoll is-sitwazzjoni speċifika tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni indiġeni li jħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni multipla, bħan-nisa, l-anzjani, il-persuni LGBTI u l-persuni b'diżabilità; jinsisti, f'dan ir-rigward, li d-delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri jipprovdu lill-persunal tagħhom b'taħriġ adegwat sabiex ikunu jistgħu jaħdmu mas-soċjetà ċivili u mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, iżommu kuntatti u jipprovdu appoġġ fejn meħtieġ;

65.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-komunitajiet indiġeni jiġu permessi jibbenefikaw mill-aħħar teknoloġija tal-informazzjoni sabiex tipprovdilhom kwalità ta' ħajja aħjar u kura tas-saħħa aħjar, u li dan huwa qasam fejn l-UE jista' jkollha rwol vitali; itenni d-dritt tal-popli indiġeni biex jiddeterminaw l-għajxien tagħhom stess u jisħaq fuq il-ħtieġa għal żvilupp sostenibbli;

66.  Jappella lill-istati kollha jiżguraw l-aċċess għal servizzi tas-saħħa u drittijiet ta' kwalità għolja, b'mod partikolari servizzi u drittijiet ta' saħħa sesswali u riproduttiva għal nisa u bniet indiġeni; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jippromwovu l-aċċess tagħhom għal servizzi ta' saħħa sesswali u riproduttiva fil-programmi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE;

67.  Jappella lill-istati kollha, inkluż lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiġbru data diżaggregata skont is-sessi dwar is-sitwazzjoni tan-nisa indiġeni, inkluż fir-rigward tar-rikonoxximent tad-drittijiet tal-art u l-aċċess għalihom, il-vjolenza kontra n-nisa u s-sigurtà tal-ikel;

68.  Jisħaq li l-investiment barrani minn kumpaniji jista' jwassal għal progress ekonomiku u teknoloġiku, jirriżulta f'impjiegi u fi żvilupp infrastrutturali u jagħti lin-nisa l-opportunità li jsiru awtosuffiċjenti billi tingħata spinta lill-impjiegi; jissottolinja li ż-żieda fl-attività ta' investiment fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp hi pass importanti lejn it-tisħiħ tal-ekonomiji nazzjonali u reġjonali;

69.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ikomplu jiżviluppaw strateġiji speċifiċi biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-SDG 16 dwar il-promozzjoni ta' soċjetajiet paċifiċi u inklużivi, biex b'hekk jiġi żgurat li l-immirar, il-persekuzzjoni u l-qtil tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jiġu miġġielda u impediti u li l-awturi jiġu mressqa l-qorti u jagħtu kont ta' għemilhom;

70.  Jappella lill-UE biex tiżgura li l-proġetti kollha għall-iżvilupp iffinanzjati mill-UE li huma implimentati fuq artijiet indiġeni għandhom iħarsu b'mod rigoruż il-prinċipji ta' kunsens ħieles, minn qabel u infurmat, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u l-libertà tal-espressjoni u assoċjazzjoni, sabiex jiġi evitat impatt negattiv fuq l-għajxien u l-kultura tal-popli indiġeni;

71.  Jinnota li l-Kummissjoni, is-SEAE u l-Istati Membri jridu jieħdu approċċ olistiku u integrat għal żvilupp sostenibbli, u jieħdu kont ta' konsiderazzjonijiet ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem meta jindirizzaw il-kummerċ u r-relazzjonijiet ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni biex tqajjem il-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ta' attakki fuq jew il-persekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tan-negozjati kummerċjali u ta' sistemi bħalma huma l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (GSP);

72.  Jitlob lill-UE biex tistabbilixxi mekkaniżmu biex jitwettqu studji ta' valutazzjoni tal-impatt indipendenti qabel il-konklużjoni ta' ftehimiet kummerċjali u ta' kooperazzjoni u qabel l-implimentazzjoni ta' proġetti ta' żvilupp, sabiex jitkejlu u jiġu evitati l-effetti detrimentali tagħhom fuq id-drittijiet tal-komunitajiet indiġeni u lokali; jinsisti li l-valutazzjoni tal-impatt titwettaq bil-parteċipazzjoni sinifikanti tas-soċjetà ċivili u li s-sejbiet ikunu meqjusa kif xieraq fi ftehimiet ekonomiċi u fi proġetti ta' żvilupp; jappella biex l-UE terġa' tivvaluta l-eżekuzzjoni ta' proġetti f'każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

73.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jaħdmu fl-areni internazzjonali xierqa kollha biex iqajmu għarfien dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u ambjentali tal-popli indiġeni u r-rwol ewlieni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tad-drittijiet ambjentali fil-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-iżvilupp sostenibbli;

74.  Ifakkar bi tħassib li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu jaħdmu biex jiġu ggarantiti d-drittijiet u l-inklużjoni soċjali tal-popli indiġeni fl-Ewropa, b'mod partikolari l-poplu Sami, u jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-attivisti tal-komunità u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'dan ir-rigward;

75.  Jistieden lill-UE biex iżżid l-appoġġ tagħha għall-popli indiġeni fil-programmi tagħha ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u sabiex isaħħaħ proġetti li jagħtuhom is-setgħa, b'mod partikolari f'termini ta' bini ta' kapaċità, taħt l-EIDHR u l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI); jissottolinja l-ħtieġa għal riżorsi kontinwi għall-popli indiġeni biex ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom b'mod effettiv permezz tar-rappreżentanti tagħhom ma' politiki u mal-istituzzjonijiet tal-UE u tan-NU, inkluż fir-rigward tan-negozju u d-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi rilevanti biex jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni indiġeni u biex jipprovdu kull appoġġ xieraq;

76.  Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE biex jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni tal-popli indiġeni u biex jidħlu fi djalogu kontinwu magħhom kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak reġjonali; jinsisti li l-punti fokali għad-drittijiet tal-bniedem fid-delegazzjonijiet rilevanti tal-UE għandhom ikunu responsabbli b'mod espliċitu f'kwistjonijiet relatati mal-popli indiġeni u li l-persunal f'dawn id-delegazzjonijiet jirċievu taħriġ regolari dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni;

77.  Jitlob li l-UE u l-istati msieħba tagħha jtejbu l-kooperazzjoni mal-komunitajiet indiġeni f'diskussjonijiet ta' politiki dwar id-drogi; itenni li t-tfassil ta' strateġiji kontra is-suq tad-drogi illeċiti huwa neċessarju sabiex jiġu protetti l-popli u t-territorji indiġeni; jitlob li l-UE u l-istati msieħba tagħha jiżguraw li miżuri ta' sigurtà mmirati lejn il-ġlieda kontra l-kummerċ tad-droga tirrispetta d-drittijiet tal-komunitajiet indiġeni u jiġu evitati vittmi innoċenti fil-kunflitt;

78.  Jitlob li l-UE tintensifika, tespandi u saħħaħ l-objettivi, il-prijoritajiet u l-azzjonijiet li jirrigwardaw lill-popli indiġeni li jinsabu fil-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, u jitlob li jiġi modulat il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali għad-Drittijiet tal-Bniedem, billi r-Rappreżentant Speċjali jingħata s-setgħa li jagħti viżibbiltà akbar lill-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-popli indiġeni u d-difensuri tagħhom;

79.  Ifakkar fl-impenn tal-UE li ssegwi approċċ għall-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet, li jinkludi r-rispett tad-drittijiet tal-popli indiġeni kif iddefiniti fid-UNDRIP, u jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari lejn il-prinċipji tal-obbligu ta' rendikont, il-parteċipazzjoni u n-nondiskriminazzjoni; jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-UE sabiex tkompli bil-ħidma tagħha fuq it-tħaddim operattiv ta' dan l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet fl-attivitajiet kollha ta' żvilupp u biex twaqqaf grupp ta' ħidma mal-Istati Membri għal dan il-għan; jitlob li l-pjan ta' implimentazzjoni rispettiv jiġi aġġornat bi skedi ta' żmien u indikaturi ċari biex jitkejjel il-progress;

80.  Ifakkar l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp; jiddeplora l-fatt li r-reviżjoni li għaddejja tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli(23) s'issa naqset milli tintroduċi kriterji soċjali u ta' sostenibbiltà li jqisu r-riskju tal-ħtif tal-art; ifakkar li d-direttiva għandha tkun konformi ma' standards internazzjonali dwar id-dritt ta' pussess tal-art;

81.  Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jsaħħu d-djalogu mal-popli indiġeni sabiex jidentifikaw u jipprevjenu l-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu mekkaniżmu ta' lment amministrattiv effettiv għall-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u impatti dannużi oħra kkawżati minn attivitajiet iffinanzjati mill-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, bil-għan li jinbdew proċessi ta' investigazzjoni u ta' rikonċiljazzjoni; jenfasizza li dan il-mekkaniżmu għandu jkollu proċeduri standardizzati, ikun ta' natura amministrattiva, u b'hekk ikun komplementari għall-mekkaniżmi ġudizzjarji;

82.  Jenfasizza li l-Pjan ta' Azzjoni FLEGT, u b'mod partikolari l-VPAs, jistgħu jaqdu rwol aktar sinifikanti fl-għoti tas-setgħa lill-komunitajiet indiġeni u tal-foresti f'għadd ta' pajjiżi b'foresti tropikali, u jħeġġeġ lill-UE u lis-sħab tal-VPA jippermettu lil dawn il-komunitajiet jaqdu rwol akbar fil-proċessi ta' politika nazzjonali; jitlob lill-UE tipprovdi aktar għajnuna finanzjarja u teknika lill-pajjiżi sħab sabiex tipproteġi, iżżomm fi stat tajjeb jew terġa' ġġib kif kienu l-ekosistemi forestali, inkluż billi ttejjeb il-governanza, tiċċara u ssaħħaħ il-pussess tal-art, tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-popli indiġeni, u biex tappoġġa ż-żoni protetti li jirrispettaw id-drittijiet tal-komunità;

83.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri speċifiċi biex tiġi indirizzata l-problema tal-bejgħ ta' njam għall-finanzjament ta' kunflitti armati, li jitwaqqaf il-fluss tal-injam ta' konverżjoni, u biex jitbiegħed l-investiment minn attivitajiet ta' ħsara għall-foresti li jirriżultaw fl-ispostament ta' komunitajiet lokali u indiġeni; jitlob lill-UE tadotta miżuri addizzjonali biex tappoġġa l-protezzjoni tal-ekosistemi tal-foresti u l-komunitajiet tagħhom u l-azzjonijiet biex dawn jerġgħu jinkisbu, u biex telimina d-deforestazzjoni mill-ktajjen ta' provvista tal-UE, bħala parti minn Pjan ta' Azzjoni ġdid tal-UE dwar id-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti u r-rispett tad-drittijiet ta' pussess tal-komunitajiet forestali;

84.  Jirrimarka li aħna fl-UE għad għandna ħafna x'nitgħallmu dwar, pereżempju, l-użu sostenibbli tal-foresti, mill-popli indiġeni, li, barra minn hekk, ftit li xejn jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima minħabba l-istil ta' ħajja tagħhom, iżda huma partikolarment affettwati minnu, minħabba pereżempju n-nixfa jew id-deżertifikazzjoni li jolqtu b'mod partikolari lin-nisa;

85.  Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprijoritizzaw l-investiment f'appoġġ għas-soċjetà ċivili, għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikolari, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tad-drittijiet ambjentali tal-popli indiġeni, sabiex tiżgura l-eżistenza ta' mekkaniżmi ta' protezzjoni fit-tul biex jappoġġawhom, b'mod partikolari ProtectDefenders.eu, u jiżguraw li jissodisfaw l-impenji eżistenti ta' finanzjament lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li qegħdin f'riskju; iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet u lill-kumitati tiegħu biex jiltaqgħu regolarment ma' komunitajiet indiġeni u mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem meta jżuru l-pajjiżi rilevanti; jirrakkomanda li rapporteur permanenti dwar il-popli indiġeni jiġi maħtur mill-kumitat/sottokumitat rilevanti, bil-għan tal-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikolari l-implimentazzjoni tad-UNDRIP u l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 169;

86.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jimpenjaw ruħhom fi djalogu u kooperazzjoni mal-popli indiġeni u mal-komunitajiet lokali tal-Artiku biex tiżgura li jiġu rispettati d-drittijiet u l-pożizzjonijiet tagħhom fil-qafas ta' politiki tal-iżvilupp tal-UE li x'aktarx jaffettwaw dak ir-reġjun;

o
o   o

87.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lid-delegazzjonijiet tal-UE.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0445.
(2) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 155.
(3) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 122.
(4) https://eeas.europa.eu/sites/eeas/files/annual_report_on_human_rights_and_democracy_in_the_world_2016_0.pdf
(5) https://documents-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/N14/468/28/pdf/N1446828.pdf?OpenElement
(6) https://undocs.org/en/A/RES/71/178
(7) https://undocs.org/A/HRC/36/46/Add.2
(8) https://documents-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/G14/082/52/PDF/G1408252.pdf?OpenElement
(9) https://documents-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/G15/234/15/PDF/G1523415.pdf?OpenElement
(10) https://cmsdata.iucn.org/downloads/durbanactionen.pdf
(11) http://www.fao.org/docrep/016/i2801e/i2801e.pdf
(12) http://www.etoconsortium.org/nc/en/main-navigation/library/maastricht-principles/?tx_drblob_pi1%5BdownloadUid%5D=23
(13) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8814-2017-INIT/en/pdf
(14) http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2017/08/08/hr-indigenous-peoples/pdf
(15) http://www.un.org/en/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/64/292
(16) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 125.
(17) Testi adottati, P8_TA(2017)0346.
(18) Testi adottati, P8_TA(2017)0315.
(19) http://undocs.org/en/E/C.19/2016/10
(20) Il-lista ta' pajjiżi li rratifikaw il-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO, li daħlet fis-seħħ fil-5 ta' Settembru 1991: L-Arġentina, il-Bolivja, il-Brażil, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, iċ-Ċilì, il-Kolombja, il-Costa Rica, id-Danimarka, Dominika, l-Ekwador, Fiġi, il-Gwatemala, il-Honduras, il-Messiku, in-Nepal, in-Netherlands, in-Nikaragwa, in-Norveġja, il-Paragwaj, il-Perù, Spanja u l-Venezwela.
(21) Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23).
(22) ĠU L 201, 26.7.2013, p. 60.
(23) Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Novembru 2019Avviż legali