Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2040(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0230/2018

Testi mressqa :

A8-0230/2018

Dibattiti :

PV 02/07/2018 - 20
CRE 02/07/2018 - 20

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2018 - 6.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0312

Testi adottati
PDF 218kWORD 75k
Il-Ħamis, 5 ta' Lulju 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
It-73 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU
P8_TA(2018)0312A8-0230/2018

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018 lill-Kunsill dwar it-73 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (2018/2040(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-NU, adottata fit-3 ta' April 2006 mill-Assemblea Ġenerali, li tistabbilixxi Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 21, 34 u 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2016, kif ukoll il-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-preamboli u l-Artikolu 18 tagħha, kif ukoll il-Konvenzjonijiet tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2017 lill-Kunsill dwar it-72 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-NU, adottata fit-3 ta' Mejju 2011 mill-Assemblea Ġenerali, dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti, li tagħti d-dritt lill-UE biex tintervjeni fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, biex tippreżenta proposti u emendi orali li jitressqu għall-votazzjoni fuq talba ta' Stat Membru u biex teżerċita d-dritt ta' replika,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2017 dwar il-prijoritajiet tal-UE għat-72 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti tad-19 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) r-Riżoluzzjonijiet 1325 (2000), 1820 (2009), 1888 (2009), 1889 (2010), 1960 (2011), 2106 (2013), 2122 (2013) u 2242 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji ewlenin minquxin fl-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-UE ta' Ġunju 2016, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-sovranità, l-integrità territorjali u l-invjolabbiltà tal-fruntieri statali, li huma rispettati ndaqs mill-Istati parteċipanti kollha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tat-13 ta' Diċembru 2017(2),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli u għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0230/2018),

A.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għadhom impenjati bis-sħiħ favur il-multilateraliżmu, il-governanza globali, il-promozzjoni tal-valuri fundamentali tan-NU bħala parti integrali tal-politika esterna tal-UE, kif ukoll it-tliet pilastri tas-sistema tan-NU: id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Paċi u s-Sigurtà, u l-Iżvilupp; billi sistema multilaterali bbażata fuq regoli u valuri universali hija l-aktar waħda adatta biex taffronta l-kriżijiet, l-isfidi u t-theddid; billi l-futur stess tas-sistema multilaterali qed jiffaċċja sfidi bla preċedent;

B.  billi l-Istrateġija Globali tal-UE tirrifletti l-livell tal-isfidi globali tal-lum, li jirrikjedu NU qawwija u aktar effiċjenti u kooperazzjoni aktar profonda fil-livell tal-Istati Membri kemm fl-UE kif ukoll fin-NU;

C.  billi jeħtieġ li l-Istati Membri tal-UE jagħmlu kull sforz biex jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom fl-organi u l-korpi tas-sistema tan-NU u biex jitkellmu b'vuċi waħda bbażata fuq id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-valuri fundamentali tal-UE; billi din il-kooperazzjoni jeħtieġ li tkun ibbażata fuq sforzi komuni maħsuba biex jimpedixxu li l-kunflitti attwali jkomplu jeskalaw u biex jagħtu appoġġ għas-sejbien ta' soluzzjoni għat-tali kunflitti, biex jippromwovu diżarm u kontroll tal-armi effikaċi, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-arsenali nukleari, biex jimplimentaw l-SDGs u l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima u biex jikkontribwixxu għal ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, insegwitu tal-mandat inkluż fl-Artikolu 34.1 tat-TUE;

D.  billi l-ordni politiku globali u l-ambjent tas-sigurtà qed jevolvu b'pass imgħaġġel u jirrikjedu risposti globali; billi n-Nazzjonijiet Uniti għadha tinsab fil-qalba tas-sistema multilaterali ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tagħha bil-għan li dawn l-isfidi jiġu indirizzati u hija l-aktar entità adatta biex taffronta l-kriżijiet internazzjonali, l-isfidi globali u t-theddid;

E.  billi d-dinja qed tiffaċċja firxa ta' sfidi globali relatati mal-kunflitti attwali u emerġenti u l-konsegwenzi tagħhom, bħat-tibdil fil-klima u t-terroriżmu, li jeħtieġ li jiġu ttrattati fuq skala globali; billi l-istruttura attwali tal-KSNU għadha bbażata fuq xenarju politiku skadut u billi l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu ma jirriflettix b'mod adegwat ir-realtà globali li qed tinbidel; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu strumentali fit-tfassil tal-Aġenda 2030 globali tan-NU u billi l-UE għadha impenjata li tkun minn ta' quddiem fil-mobilizzazzjoni tal-mezzi kollha ta' implimentazzjoni u ta' mekkaniżmu sod ta' segwitu, monitoraġġ u analiżi biex jiġu żgurati l-progress u l-obbligu ta' rendikont; billi dan huwa rifless fl-azzjoni esterna tal-UE u f'politiki oħrajn implimentati bis-saħħa tal-istrumenti finanzjarji differenti tal-UE;

F.  billi t-tliet pilastri tan-NU – il-Paċi u s-Sigurtà, id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Iżvilupp – huma inseparabbli u jsaħħu lil xulxin; billi l-iskop oriġinali tan-NU – iż-żamma tal-paċi – ġie kkontestat minn kriżijiet kumplessi u kontinwi;

G.  billi l-proċeduri burokratiċi onerużi u l-istruttura riġida u kumplessa tan-NU xi drabi xekklu l-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni u l-kapaċità tagħha li tagħti rispons malajr għall-kriżijiet u għall-isfidi globali;

H.  billi rispons b'suċċess għall-kriżijiet globali, it-theddid u l-isfidi jirrikjedi sistema multilaterali effiċjenti, imsejsa fuq regoli u valuri universali;

I.  billi l-ordni internazzjonali bbażat fuq il-kooperazzjoni, id-djalogu u d-drittijiet tal-bniedem qed jiġi ddubitat minn diversi movimenti nazzjonalisti u protezzjonisti madwar id-dinja;

J.  billi l-għadd dejjem jikber ta' kompiti tas-sistema tan-NU jitlob finanzjament adegwat mill-Istati Membri tagħha; billi jeżisti distakk dejjem jiżdied bejn il-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni u l-finanzjament ipprovdut lilha; billi, fid-dawl tal-intenzjoni tal-Istati Uniti li jnaqqsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-baġit tan-NU, l-UE u l-Istati Membri tagħha kollettivament għadhom l-akbar kontributur finanzjarju waħdieni u għandhom jappoġġjaw b'mod attiv lis-Segretarju Ġenerali tan-NU (SĠNU) fl-isforzi tiegħu biex jiżgura l-funzjonament u l-finanzjament tajbin tan-NU, bil-għanijiet primarji li jinqered il-faqar, jiġu promossi l-paċi u l-istabbiltà fit-tul, jiġu difiżi d-drittijiet tal-bniedem, jiġu miġġielda l-inugwaljanzi soċjali u tingħata għajnuna umanitarja lill-popolazzjonijiet, lill-pajjiżi u lir-reġjuni li qed iħabbtu wiċċhom ma' kull tip ta' kriżijiet, sew naturali jew ikkawżati mill-bniedem; billi l-kontribuzzjonijiet tal-UE lin-NU għandhom ikunu aktar viżibbli; billi l-aġenziji tan-NU, inkluża l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA), ġarrbu tnaqqis finanzjarju importanti; billi l-livell ġenerali ta' finanzjament tan-NU bħalissa għadu mhuwiex adegwat biex jippermetti lill-organizzazzjoni timplimenta l-mandat tagħha u tiffaċċja l-isfidi globali attwali;

K.  billi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt qed isibu ruħhom taħt theddida dejjem tikber f'reġjuni differenti tad-dinja u billi l-ispazju għas-soċjetà ċivili qed jiċkien f'ħafna Stati Membri tan-NU; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tas-soċjetà ċivili qed jiffaċċjaw għadd dejjem jikber ta' theddid u riskji madwar id-dinja għall-ħidma leġittima tagħhom;

L.  billi l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem huma fil-qalba tal-multilateraliżmu u jikkostitwixxu pilastru ċentrali tas-sistema tan-NU; billi l-UE tappoġġja bil-qawwa d-drittijiet tal-bniedem kollha, li huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati; billi l-UE hija waħda mill-aktar difensuri u promoturi dedikati tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tal-valuri u d-diversità kulturali, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; billi dawn il-valuri qed isibu ruħhom taħt theddida dejjem tikber f'reġjuni differenti tad-dinja; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tas-soċjetà ċivili qed jiffaċċjaw għadd dejjem jikber ta' theddid u riskji għall-ħidma leġittima tagħhom u qed jiffaċċjaw ritaljazzjoni talli jinteraġixxu mal-korpi u l-mekkaniżmi tan-NU; billi l-komunità internazzjonali u l-UE jeħtiġilhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jipprovdu protezzjoni u appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u biex jiddefendu n-normi internazzjonali tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, speċjalment rigward id-drittijiet ta' dawk li jappartjenu għal gruppi ta' minoranza jew li jinsabu f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi n-nisa, it-tfal, iż-żgħażagħ, il-minoranzi etniċi, razzjali jew reliġjużi, il-migranti, ir-rifuġjati u l-persuni spustati internament, il-persuni b'diżabbiltajiet, il-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) u l-popli indiġeni;

1.  Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill:

Ir-riforma tas-sistema tan-NU, inkluża r-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà

Il-paċi u s-sigurtà

L-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà

Il-prevenzjoni ta' kunflitti u l-medjazzjoni

In-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-armi u d-diżarm

Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt

Il-Patti Globali għall-migrazzjoni u għar-rifuġjati

L-iżvilupp

It-tibdil fil-klima u d-diplomazija dwar il-klima

   (a) li jappoġġja b'mod attiv l-aġenda ta' riforma bi tliet pilastri tas-SĠNU bil-għan li s-sistema tan-NU ssir verament ikkoordinata, effiċjenti, effikaċi, integrata u trasparenti u jkollha obbligu ta' rendikont; li jappoġġja s-semplifikazzjoni tal-istruttura tal-paċi u s-sigurtà, li jeħtieġ li ssir aktar effiċjenti, iffukata, iffinanzjata b'mod xieraq u operattiva b'setgħa maqsuma b'mod aktar bilanċjat u b'diversità aktar effikaċi f'termini ta' rappreżentanza reġjonali fil-korpi kollha tagħha;
   (b) li jappoġġja tnaqqis fil-burokrazija, semplifikazzjoni tal-proċeduri u deċcentralizzazzjoni tat-teħid ta' deċiżjonijiet, b'żieda fit-trasparenza u fl-obbligu ta' rendikont dwar il-missjonijiet u l-ħidma tal-membri tal-persunal tan-NU, speċjalment rigward l-operazzjonijiet tagħhom fuq il-post;
   (c) li jappoġġja l-isforzi tas-SĠNU biex isir tibdil sostanzjali bil-għan li s-sistema ta' żvilupp tan-NU tiġi allinjata mal-prijoritajiet tal-Aġenda 2030 u mal-SDGs, kif ukoll mar-Responsabbiltà ta' Protezzjoni (R2P), u li tkun adatta għall-iskop li tappoġġja aħjar l-implimentazzjoni tagħhom;
   (d) li jappella lill-Istati Membri tan-NU biex jagħtu s-setgħa kemm lis-SĠNU u lill-Viċi SĠ kif ukoll lill-awtoritajiet rispettivi tagħhom fil-proċess ta' semplifikazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni tan-NU, sabiex jiġu promossi aktar effiċjenza, flessibbiltà, reattività u valur għall-flus tan-NU u l-aġenziji tagħha;
   (e) li jfakkar lill-Istati Membri kollha tan-NU fl-obbligu tagħhom li jżommu l-isforzi finanzjarji tagħhom biex jappoġġjaw lill-aġenziji kollha tan-NU u jonoraw l-impenji tagħhom dwar l-infiq b'rabta mal-għajnuna għall-iżvilupp, filwaqt li jżidu l-effikaċja u l-effiċjenza u jżommu lill-gvernijiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-SDGs globali;
   (f) li jappoġġja b'mod attiv l-isforzi tas-SĠNU fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tan-NU dwar il-Parità bejn is-Sessi bħala għodda essenzjali biex tiġi żgurata r-rappreżentanza ugwali tan-nisa fis-sistema tan-NU; li jaħtar aktar nisa u b'mod partikolari nisa li jappartjenu għal gruppi ta' minoranza fil-karigi ta' maniġment superjuri fil-livell tal-kwartieri ġenerali tan-NU u li jadotta l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll ibbaġitjar sensittiv għall-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi; li jappella lill-UE u lin-NU biex jaħtru aktar pulizija u suldati nisa għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet; li jagħmel pressjoni biex ikun hemm konsulenti intersezzjonali dwar il-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet individwali u għall-pjanijiet ta' azzjoni speċifiċi, li jfasslu l-mod kif ir-Riżoluzzjonijiet 1325 u 2242 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU qed jiġu implimentati fil-livell ta' kull missjoni u operazzjoni; li jiżgura li l-forzi kollha tan-NU jkollhom l-istess rekwiżiti minimi ta' edukazzjoni u kompetenza u li n-NU jeħtiġilha tinkludi perspettiva ċara favur il-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi, favur il-persuni LGBTI u kontra r-razziżmu, b'tolleranza żero għall-forom kollha ta' vjolenza u sfruttament sesswali, inkluża funzjoni effikaċi ta' informaturi fi ħdan in-NU biex b'mod anonimu jirrappurtaw reati kommessi minn membri tal-persunal tan-NU fil-konfront kemm ta' membri oħra tal-persunal tan-NU kif ukoll ta' persuni lokali;
   (g) li jissottolinja l-importanza li l-Istati Membri tal-UE jagħtu lill-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tagħhom fl-organi u l-korpi tas-sistema tan-NU;
   (h) li jappella għal riforma komprensiva tal-KSNU biex itejjeb ir-rappreżentattività tiegħu abbażi ta' kunsens wiesa' bil-għan li jiżgura li jkun jista' jirreaġġixxi aktar malajr u b'mod aktar effikaċi għat-theddid fil-konfront tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali; li jippromwovi r-rivitalizzazzjoni tal-ħidma tal-Assemblea Ġenerali u titjib fil-koordinazzjoni u fil-koerenza tal-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet kollha tan-NU;
   (i) li jirdoppja l-isforzi għar-riforma tal-KSNU b'mod partikolari, permezz tal-limitazzjoni sinifikanti jew tar-regolamentazzjoni tal-użu tad-dritt tal-veto, notevolment f'każijiet fejn ikun hemm evidenza ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, li qed ixekkel il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u permezz ta' tibdil fil-kompożizzjoni tal-membri tiegħu sabiex jirrifletti aħjar l-ordni globali tal-lum, fost l-oħrajn billi jkun hemm siġġu permanenti għall-Unjoni Ewropea;
   (j) li jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jitkellmu b'vuċi waħda; li jappoġġja l-isforzi li jsiru mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), mid-Delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra kif ukoll mill-Istati Membri biex itejbu l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE u biex jilħqu pożizzjoni komuni tal-UE waqt il-votazzjonijiet, bex b'hekk jittejbu l-koerenza u l-kredibbiltà tal-UE fin-NU;
   (k) li jtenni l-appoġġ tiegħu għall-ħidma tal-Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, inklużi r-Rapporteurs Speċjali, u mekkaniżmi oħrajn tematiċi u speċifiċi għall-pajjiżi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll li jtenni l-appell tiegħu lill-Istati Partijiet kollha biex jestendu stediniet miftuħa lir-Rapporteurs Speċjali kollha ħalli dawn iżuru l-pajjiżi tagħhom;
   (l) li jappoġġja l-istabbiliment ta' proċess preparatorju intergovernattiv miftuħ u inklużiv taħt l-awspiċji tal-Assemblea Ġenerali tan-NU għal summit tan-NU fl-2020, fl-okkażjoni tal-75 anniversarju tan-NU, li jqis miżuri ta' riforma komprensivi għat-tiġdid u t-tisħiħ tan-Nazzjonijiet Uniti;
   (m) li jitkellem favur l-istabbiliment ta' Assemblea Parlamentari tan-Nazzjonijiet Uniti fi ħdan is-sistema tan-NU biex iżżid il-karattru demokratiku, l-obbligu ta' rendikont demokratiku u t-trasparenza tal-governanza globali u biex tippermetti aktar parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-attivitajiet tan-NU u, b'mod partikolari, tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Aġenda 2030 tan-NU u l-SDGs;
   (n) li jappella lill-UE u lin-NU biex iwettqu rwoli komplementari u li jsaħħu 'l xulxin f'kull sitwazzjoni ta' theddid għall-paċi u s-sigurtà; li jvara kooperazzjoni politika strutturata bejn l-UE u n-NU;
   (o) li jippromwovi impenji aktar sodi min-naħa tal-Istati Membri favur il-paċi u s-sigurtà kemm fil-livell internazzjonali kif ukoll f'dak nazzjonali; li jappoġġja lis-SĠNU fl-isforzi tiegħu biex iżid l-involviment tan-NU fin-negozjati għall-paċi; li jappella lin-NU biex tipprijoritizza l-prevenzjoni, il-medjazzjoni u s-sejbien ta' soluzzjonijiet politiċi għall-kunflitti hija u tindirizza l-kawżi bażiċi tagħhom u l-fatturi li jkebbsuhom; li jkompli jappoġġja l-ħidma, l-azzjonijiet u l-inizjattivi tal-mibgħuta speċjali tan-NU, immirati biex isibu soluzzjoni għal dawn il-kunflitti; li jżid l-appoġġ tal-Istati Membri għall-operazzjonijiet tan-NU mmirati lejn iż-żamma u l-bini tal-paċi, b'mod partikolari billi jikkontribwixxu persunal u tagħmir, u li jsaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala faċilitatur f'dan il-qasam; li jiżgura viżibbiltà akbar għal dan l-appoġġ u dan il-kontribut; li jiżgura li l-operazzjonijiet tan-NU mmirati lejn iż-żamma u l-bini tal-paċi jkollhom mandat fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll persunal adegwat biex iwettqu din il-funzjoni;
   (p) li japprofondixxi l-kooperazzjoni man-NU fis-Sħubija Strateġika dwar iż-Żamma tal-Paċi u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet; li jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NU fir-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà; li jappella lin-NU biex l-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi tagħmilhom aktar kredibbli u trasparenti billi tistabbilixxi mekkaniżmi effikaċi u ssaħħaħ dawk eżistenti biex timpedixxi abbużi possibbli mill-membri tal-persunal tan-NU u biex iżżommhom responsabbli; li jadotta approċċ multilaterali matul il-proċess ġenerali tal-missjonijiet; li jsaħħaħ l-interazzjoni mal-komunitajiet lokali, filwaqt li jiżgura l-protezzjoni u s-sokkors immirati lejhom; li jiżgura li l-protezzjoni tal-persuni ċivili tkun fil-qalba tal-mandati għaż-żamma tal-paċi; li jsaħħaħ l-appoġġ għall-atturi lokali billi jagħti s-setgħa lill-aktar gruppi vulnerabbli biex iservu ta' aġenti tal-bidla u li joħloq l-ispazji biex dawn jiġu involuti fil-fażijiet kollha tal-ħidma umanitarja u ta' bini tal-paċi; li jappella lin-NU biex tnaqqas l-impatt ambjentali kumplessiv tal-operazzjonijiet tan-NU mmirati lejn iż-żamma tal-paċi u tikseb kosteffiċjenza, sikurezza u sigurtà kemm għat-truppi kif ukoll għaċ-ċittadini tal-pajjiżi ospitanti;
   (q) li jenfasizza li t-theddid globali u reġjonali kif ukoll il-preokkupazzjonijiet globali komuni jirrikjedu risposta aktar rapida u responsabbiltajiet mill-komunità internazzjonali kollha; li jissottolinja li meta Stat ma jkunx jista' jew ma jkunx lest jissodisfa r-responsabbiltà tiegħu li jipproteġi, din ir-responsabbiltà taqa' f'idejn il-komunità internazzjonali, inklużi l-membri permanenti kollha tal-KSNU, u bl-involviment tal-ekonomiji emerġenti ewlenin l-oħra kollha u l-pajjiżi l-oħra kollha li qed jiżviluppaw, u li dawk li jiksru d-dritt internazzjonali għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja; li jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Blue Helmets; li jappella lill-UE biex, hija u tieħu azzjoni fil-qafas tal-politika R2P tagħha, tħeġġeġ lill-pajjiżi emerġenti u lil dawk li qed jiżviluppaw jingħaqdu mal-komunità internazzjonali;
   (r) li jilqa' l-kooperazzjoni bejn l-UE, in-NU u organizzazzjonijiet intergovernattivi oħra, bħalma hija l-kooperazzjoni trilaterali bejn l-Unjoni Afrikana (UA), l-UE u n-NU, bħala mezz qawwi ta' tisħiħ tal-multilateraliżmu u tal-governanza globali u l-għoti ta' assistenza lil dawk li jinsabu fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għad-dritt umanitarju internazzjonali, u li jappella għal sforz konġunt lejn il-bini tal-kapaċità f'dan ir-rigward mill-UE, min-NU u mill-UA;
   (s) li jkompli jippromwovi definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta' sigurtà tal-bniedem u tal-R2P u li jippromwovi ulterjorment rwol b'saħħtu tan-NU fl-implimentazzjoni tagħhom; li jkompli jsaħħaħ ir-rwol tal-R2P bħala prinċipju importanti għall-ħidma tal-Istati Membri tan-NU dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp; li jkompli jappoġġja l-isforzi għal aktar operazzjonalizzazzjoni tal-R2P u li jappoġġja lin-NU biex tkompli tiżvolġi rwol kritiku ħalli tgħin lill-pajjiżi fl-implimentazzjoni tal-R2P bil-għan li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-dritt umanitarju internazzjonali; li jfakkar fl-impenn tal-UE favur l-implimentazzjoni tal-R2P kif ukoll favur il-prevenzjoni u l-waqfien tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest ta' atroċitajiet;
   (t) li juża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu biex itejjeb il-konformità mill-atturi statali u mhux statali mad-dritt umanitarju internazzjonali; li jappoġġja l-isforzi mmexxija mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar favur il-ħolqien ta' mekkaniżmu effikaċi għat-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;
   (u) li jtenni l-kundanna inekwivokabbli tiegħu fil-konfront tat-terroriżmu, kif ukoll l-appoġġ sħiħ tiegħu favur azzjonijiet immirati biex jegħlbu u jeqirdu organizzazzjonijiet terroristiċi, b'mod partikolari Daesh/ISIS, li jirrappreżentaw theddida ċara għas-sigurtà reġjonali u internazzjonali; li jaħdem mal-Assemblea Ġenerali tan-NU u mal-KSNU biex jiġġieldu l-finanzjament tat-terroriżmu, b'kont meħud tar-rakkomandazzjoni tal-Parlament tal-1 ta' Marzu 2018(3), kif ukoll jibnu mekkaniżmi maħsuba biex jidentifikaw individwi u organizzazzjonijiet terroristiċi u jsaħħu l-mekkaniżmi maħsuba għall-iffriżar tal-assi fid-dinja kollha, b'appoġġ għall-Istitut Interreġjonali ta' Riċerka tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kriminalità u l-Ġustizzja (UNICRI) fl-implimentazzjoni u l-operazzjonalizzazzjoni tal-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu (GCTF), abbażi tal-Inizjattiva Globali kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali; li jsaħħaħ l-isforzi konġunti tal-UE u tan-NU fil-ġlieda kontra l-kawżi bażiċi tat-terroriżmu, partikolarment billi jiġġieldu t-theddid ibridu u jiżviluppaw ir-riċerka u l-bini tal-kapaċità fil-qasam taċ-ċiberdifiża; li jserraħ fuq l-inizjattivi eżistenti stabbiliti mis-sħab lokali għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta' approċċi maħsuba biex jiġġieldu r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ ta' terroristi; li jintensifika l-isforzi favur ir-repressjoni tar-reklutaġġ u l-ġlieda kontra l-propaganda terroristika, li t-tnejn li huma jsiru permezz tal-pjattaformi tal-midja soċjali u netwerks ta' predikaturi tal-mibegħda radikalizzati; li jappoġġja l-azzjonijiet li jsaħħu r-reżiljenza tal-komunitajiet vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni, inkluż billi jiġu affrontati l-kawżi ekonomiċi, soċjali, kulturali u politiċi li jwasslu għaliha; li jsaħħaħ l-effikaċja tal-pulizija internazzjonali u l-kooperazzjoni legali u ġudizzjarja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali; li jippromwovi l-edukazzjoni bħala għodda għall-prevenzjoni tat-terroriżmu; li jappoġġja l-politiki ta' kontroradikalizzazzjoni u ta' deradikalizzazzjoni b'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni tal-Estremiżmu Vjolenti; li jappoġġja kontribut akbar tal-UE għall-inizjattivi tal-bini tal-kapaċità tan-NU fil-ġlieda kontra l-ġellieda terroristi barranin u kontra l-estremiżmu vjolenti;
   (v) li jagħmel pressjoni għal impenji multilaterali aktar b'saħħithom favur soluzzjonijiet politiċi sostenibbli għall-kunflitti li għaddejjin bħalissa fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq; li jkompli jappoġġja l-ħidma, l-azzjonijiet u l-inizjattivi tal-mibgħuta speċjali tan-NU, immirati biex isibu soluzzjoni għal dawn il-kunflitti; li jappoġġja r-rwol tal-UE fil-qasam umanitarju; li jappella għat-tkomplija tal-għajnuna umanitarja u tal-assistenza finanzjarja u politika mill-komunità internazzjonali; li jżomm responsabbli lit-trasgressuri tad-dritt internazzjonali umanitarju u dwar id-drittijiet tal-bniedem u li jaħdem favur il-waqfien immedjat tal-vjolenza; li jinsisti li l-pajjiż jista' jinġieb għall-paċi biss permezz ta' proċess politiku mmexxi mis-Sirja mmirat lejn elezzjonijiet ħielsa u ġusti, iffaċilitati u ssorveljati min-NU u organizzati abbażi ta' kostituzzjoni ġdida; li jenfasizza li waqfien mill-ġlied iklużiv fil-livell nazzjonali u soluzzjoni paċifika u reċiprokament aċċettabbli għall-kriżi Sirjana jistgħu jinkisbu taħt l-awspiċji tan-NU u, kif previst fil-Komunikat ta' Ġinevra tal-2012 u fir-Riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-KSNU, bl-appoġġ tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja; li jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tagħmel dak kollu li tista' biex tikkundanna bil-qawwa lil dawk responsabbli għal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità kommessi waqt il-kunflitt Sirjan; li jappoġġja l-appell tas-SĠNU ġdid għall-istabbiliment ta' bord ġdid, imparzjali u indipendenti maħsub biex jidentifika l-awturi tal-attakki kimiċi fis-Sirja, peress li n-nuqqas ta' tali korp iżid ir-riskji ta' eskalazzjoni militari; li jappoġġja l-inizjattiva għal pjan ta' paċi tan-NU fil-Jemen u li jindirizza l-kriżi umanitarja li għaddejja bħalissa bħala kwistjoni ta' urġenza; li jappella lill-partijiet kollha biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet taċ-ċittadini Jemeniti kollha u li jisħaq fuq il-ħtieġa ta' soluzzjoni politika negozjata permezz ta' djalogu inklużiv bejn il-Jemeniti kollha;
   (w) li jiżgura li l-Assemblea Ġenerali tan-NU tforni, b'kooperazzjoni mal-UE, l-istrumenti pożittivi kollha biex jiġi żgurat li soluzzjoni ta' żewġ Stati, abbażi tal-fruntieri tal-1967, li tipprevedi lil Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ Stati, u Stat ta' Iżrael sigur bi fruntieri siguri u rikonoxxuti, u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, tkun waħda sostenibbli u effikaċi;
   (x) li jappoġġja l-isforzi tan-NU favur l-iżgurar ta' soluzzjoni ġusta u dejjiema tal-kunflitt fis-Saħara tal-Punent, abbażi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent u bi qbil mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU;
   (y) li jkompli jindirizza t-theddid serju għas-sigurtà fir-reġjuni tas-Saħel, tas-Saħara, tal-Lag taċ-Ċad u tal-Qarn tal-Afrika, bil-għan li tiġi eliminata t-theddida terroristika kkawżata mill-ISIL/Daesh u mill-affiljati ta' al-Qaeda, kif ukoll minn Boko Haram jew minn kwalunkwe grupp terroristiku affiljat ieħor;
   (z) li jirrispetta l-ftehim nukleari bejn l-Iran u l-Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà kif ukoll il-Ġermanja bħala suċċess importanti fid-diplomazija internazzjonali u, speċjalment, f'dik tal-UE u li jkompli jagħmel pressjoni fuq l-Istati Uniti biex imexxu 'l quddiem l-implimentazzjoni prattika tat-tali ftehim;
   (aa) li jkompli jappella biex ikun hemm rispett sħiħ għas-sovranità ta-fruntieri rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u tal-integrità territorjali tal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, fid-dawl tal-ksur tad-dritt internazzjonali f'dawn ir-reġjuni; li jappoġġja u jintensifika l-isforzi diplomatiċi favur riżoluzzjoni paċifika u sostenibbli ta' dawn il-kunflitti li għaddejjin bħalissa jew li jinsabu ffriżati; li jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali timplimenta bis-sħiħ il-politika tan-nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea;
   (ab) li jappoġġja t-taħditiet intra-Koreani fl-isforzi tagħhom lejn id-denuklearizzazzjoni tal-peniżola Koreana; li jappella lill-atturi internazzjonali kollha involuti biex b'mod attiv u pożittiv jikkontribwixxu għal dan il-għan abbażi tad-djalogu;
   (ac) li jħeġġeġ lill-Assemblea Ġenerali u lill-KSNU jiddiskutu t-tensjonijiet fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar bil-għan li jinkoraġġixxu lill-partijiet kollha kkonċernati jiffinalizzaw in-negozjar ta' kodiċi ta' kondotta;
   (ad) li jappella lill-Istati Membri kollha biex ikomplu jappoġġjaw u jimplimentaw it-tmien riżoluzzjonijiet tal-KSNU msemmija hawn fuq li jiffurmaw l-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà u li jiggwida l-ħidma biex tinkiseb ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi u jiġu żgurati l-parteċipazzjoni tan-nisa, il-protezzjoni tagħhom u d-drittijiet tagħhom matul iċ-ċiklu kollu tal-kunflitti, mill-prevenzjoni tal-kunflitti sar-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitt, filwaqt li jiġi adottat approċċ iffukat fuq il-vittmi biex ikompli jitnaqqas id-dannu li jġarrbu n-nisa u l-bniet milqutin direttament minn xi kunflitt;
   (ae) li jfakkar li l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċessi tal-paċi għadha wieħed mill-anqas aspetti implimentati tal-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, minkejja li n-nisa huma l-vittmi ewlenin tal-kriżijiet tas-sigurtà, kif ukoll tal-kriżijiet politiċi u umanitarji; li jenfasizza li r-Riżoluzzjoni 1325 tal-KSNU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà ma laħqitx l-objettiv primarju tagħha li tħares lin-nisa u li żżid sostanzjalment il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi politiċi u tat-teħid ta' deċiżjonijiet; li jfakkar li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha u t-trawwim tagħha huwa wieħed mill-objettivi prinċipali tal-Unjoni; li jkompli jippromwovi l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel u li jippromwovi b'mod attiv l-appoġġ għal aktar azzjonijiet kontra l-ksur tad-drittijiet tal-persuni LGBTI; li jinvolvi l-aktar nies vulnerabbli fil-livelli kollha tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u l-proċessi l-oħrajn kollha;
   (af) li jfakkar li l-kunflitti armati jolqtu kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa billi jħalluhom it-tnejn vulnerabbli, iżda lin-nisa jqegħduhom f'riskju akbar ta' sfruttament ekonomiku u sesswali, xogħol u spustament furzati, detenzjoni u vjolenza sesswali bħalma huwa l-istupru, li jintuża bħala tattika tal-gwerra u jikkostitwixxi delitt tal-gwerra; li jiżgura għajnuna medika sikura għall-każijiet ta' stupru waqt gwerra; li jappella għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-minorenni, tan-nisa, tal-bniet u tal-anzjani f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-vjolenza sesswali u ma' żwiġijiet tat-tfal, żwiġijiet bikrin u żwiġijiet furzati, kif ukoll tal-vittmi rġiel u subien, li, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u studji internazzjonali(4), iġarrbu sottovalutazzjoni serja f'termini ta' ċifri reali f'ambjenti affettwati minn kunflitti; li jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU jagħmlu disponibbli r-riżorsi finanzjarji u umani kollha neċessarji biex jgħinu lill-popolazzjoni fiż-żoni ta' kunflitt;
   (ag) li jappella lin-NU biex tistabbilixxi proċeduri effiċjenti għar-rappurtar tat-tħassib jew evidenza ta' abbużi, frodi, korruzzjoni u mġiba ħażina b'rabta ma' attivitajiet imwettqa mill-membri tal-persunal militari u ċivili tan-NU waqt missjonijiet immirati lejn iż-żamma tal-paċi u li jittratta dawn il-każijiet permezz ta' investigazzjonijiet speċifiċi f'waqthom; li b'urġenza jibdel il-fatt li l-azzjonijiet legali rigward allegati abbużi għalissa għadhom purament volontarji u jiddependu mill-pajjiż li jikkontribwixxi t-truppi; li, b'urġenza u mingħajr dewmien, jindirizza l-aspetti kollha tar-Rapport ta' Evalwazzjoni tan-NU tal-15 ta' Mejju 2015 dwar l-Isforzi ta' Infurzar u ta' Għajnuna għal Rimedju għall-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali Minn Persunal tan-Nazzjonijiet Uniti u Persunal Relatat f'Operazzjonijiet Immirati lejn iż-Żamma tal-Paċi u li jżomm lit-trasgressuri responsabbli; li, mingħajr dewmien u bl-akbar determinazzjoni, jinvestiga, iħarrek u jikkundanna lil kwalunkwe membru tal-persunal militari u ċivili li jkun wettaq atti ta' vjolenza sesswali; li jinkoraġġixxi lill-persunal tan-NU inkarigat miż-żamma tal-paċi biex ikompli jitħarreġ dwar il-Protokoll Internazzjonali rigward id-Dokumentazzjoni u l-Investigazzjoni dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, bil-għan li jiġi promoss l-għarfien espert dwar il-kwistjonijiet ta' vjolenza sesswali;
   (ah) li jappoġġja u jsaħħaħ l-isforzi internazzjonali, bis-saħħa tan-NU, biex jiġu żgurati l-analiżi tad-disparitajiet bejn ir-rwoli tan-nisa u l-irġiel u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tad-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet kollha tan-NU, speċjalment fl-operazzjonijiet immirati lejn iż-żamma tal-paċi, l-operazzjonijiet umanitarji u l-proċessi ta' rikostruzzjoni u rikonċiljazzjoni ta' wara l-kunflitt; li jiżviluppa indikaturi u jimplimenta għodod ta' monitoraġġ għall-kejl tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-bini tal-paċi u tas-sigurtà, inkluż f'operazzjonijiet immirati lejn iż-żamma tal-paċi, u għall-iżgurar tal-obbligu ta' rendikont, kif ukoll li jippromwovi impenn effikaċi mal-komunitajiet u jiżgura titjib fil-kultura u fl-imġiba b'mod li dawn ikunu konformi wkoll mal-Bord ta' Livell Għoli dwar it-Tisħiħ tal-Pożizzjoni Ekonomika tan-Nisa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU; li jiżgura li l-implimentazzjoni tal-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà tinkludi finanzjament adegwat u tipprovdi appoġġ biex jibdel in-nisa fil-komponent ċentrali tal-isforzi kollha maħsuba biex jindirizzaw l-isfidi globali, inklużi ż-żieda fl-estremiżmu vjolenti, il-prevenzjoni u l-medjazzjoni tal-kunflitti, il-kriżijiet umanitarji, il-faqar, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, il-paċi u s-sigurtà;
   (ai) li jsostni u jsaħħaħ l-isforzi internazzjonali, bis-saħħa tan-NU, biex jieqaf l-abbuż tat-tfal fil-kunflitti armati u biex jiġi affrontat b'mod aktar effikaċi l-impatt tas-sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitt fuq il-bniet; li jappoġġja r-rwol tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati sabiex jissoda l-appoġġ għad-drittijiet taż-żgħażagħ milqutin mill-gwerra, kif ukoll li jappoġġja l-kampanja "Tfal, Mhux Suldati" tan-NU bil-ħsieb li jintemmu r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal mill-forzi armati tal-gvern u minn atturi mhux statali fil-kunflitti;
   (aj) li jżomm l-impenn tiegħu man-NU favur il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni effikaċi tal-inizjattiva Spotlight, li hija maħsuba biex ittemm il-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;
   (ak) li jipprovdi l-mezzi kollha biex jappoġġja b'mod proattiv il-prijoritajiet tas-SĠNU għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni(5), b'inizjattivi bħalma huma l-istabbiliment ta' Bord Konsultattiv ta' Livell Għoli dwar il-Medjazzjoni, u b'konformità mal-prijoritajiet tal-Missjonijiet Politiċi Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-għodod tal-Fond għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi; li jiżgura li d-drittijiet tal-bniedem jitqiegħdu fil-qalba tal-politiki ta' prevenzjoni tal-kunflitt u ta' medjazzjoni;
   (al) li jsaħħaħ l-aspett operazzjonali tal-prijoritajiet tal-UE u tan-NU għall-prevenzjoni ta' kunflitti u t-tnaqqis tagħhom, inkluż billi jiżgura d-disponibbiltà ta' medjaturi u ta' konsulenti dwar il-medjazzjoni b'esperjenza, inklużi rappreżentanti nisa u uffiċjali għoljin, u li jiżgura koordinament aktar effettiv tal-għodod politiċi, umanitarji, ta' sigurtà u ta' żvilupp tan-NU;
   (am) li jikkunsidra li n-nisa li jidher biċ-ċar li huma sottorappreżentanti fit-taħdidiet madwar il-mejda għall-paċi, fejn jittieħdu deċiżjonijiet essenzjali dwar l-irkupru ta' wara l-kunflitt u l-governanza, minkejja l-fatt li kull meta n-nisa jkollhom rwol espliċitu fil-proċessi ta' paċi il-probabbiltà li jintlaħaq ftehim li jtawwal mill-anqas sentejn tiżdied b'20 %, u b'35 % fil-probabbiltà li jintlaħaq ftehim li jtawwal mill-anqas ħmistax-il sena;
   (an) li jappoġġja bil-qawwa l-Aġenda għaż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà u l-għan tagħha li ż-żgħażagħ jingħataw vuċi aktar qawwija fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali; li jappoġġja f'dan ir-rigward il-ħolqien ta' mekkaniżmi li jippermettu liż-żgħażagħ jipparteċipaw b'mod sinifikanti fil-proċessi ta' paċi;
   (ao) li jkompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni UE-NU dwar it-tfassil ta' strumenti li jindirizzaw il-problema rikorrenti tal-vjolenza relatata mal-elezzjonijiet, inkluż bil-bini fuq l-esperjenza tal-Membri tal-PE waqt il-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali u fid-djalogi parlamentari ta' qabel l-elezzjonijiet mal-partiti politiċi, sabiex tiżdied il-kredibbiltà tal-elezzjonijiet f'dawk il-pajjiżi li jfittxu li jsaħħu il-proċeduri demokratiċi tagħhom, kif ukoll biex jibgħat messaġġ qawwi lil dawk li qegħdin ifittxu li jabbużaw mis-sistema;
   (ap) li jfakkar il-kontributi sinifikanti magħmula mill-UE (l-istrumenti ta' finanzjament estern) għas-sistema tan-NU, inkluż għall-paċi globali, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u l-aġenda tal-iżvilupp;
   (aq) li jappoġġja bil-qawwa l-proposti tas-Segretarju Ġenerali bil-għan li s-Sistema ta' Żvilupp tan-NU ssir aktar effettiva u biex jiddefinixxi pożizzjoni ta' appoġġ fid-dawl tal-patt għall-finanzjament li ġie propost bi skambju għal żieda fl-effettivitá, it-trasparenza u r-responsabbiltà;
   (ar) li jappoġġja b'mod sistematiku l-azzjonijiet kollha tan-NU b'rabta mad-diżarm, il-bini tal-fiduċja, in-nonproliferazzjoni u l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva, inkluż l-iżvilupp, il-produzzjoni, l-akkwist, il-kumulazzjoni, iż-żamma, it-trasferiment jew l-użu ta' armi kimiċi minn stat firmatarju jew minn attur mhux statali;
   (as) li jesprimi tħassib għall-erożjoni tal-kontroll tal-armi attwali u s-sistema ta' diżarm u l-istrumenti legali tagħha; li jappoġġja l-isforzi kollha li għandhom l-għan li l-kontroll tal-armi u l-aġenda għad-diżarm jitreġġgħu lura fit-triq it-tajba, inkluż billi tingħata spinta ġdida lill-Konferenza dwar id-Diżarm; li jippromwovi n-nonproliferazzjoni nukleari permezz tal-proċess ta' rieżami tal-2020 li jdaħħal fis-seħħ mingħajr aktar dewmien it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari; li jwettaq l-isforzi kollha biex isaħħaħ il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi; li jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-objettivi tal-Konvenzjoni u li jħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU kollha biex jirratifikawha jew biex ikollhom aċċess għaliha; li jsaħħaħ l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) u l-ħidma tagħha billi jiggarantixxi li jkollha riżorsi finanzjarji u l-persunal adegwat biex tilħaq l-objettivi tagħha; li jiżgura li f'każijiet fejn jiġi rapportat l-użu ta' armi kimiċi, l-awturi jitressqu quddiem il-ġustizzja; li jiżgura li tittieħed responsabbiltà għall-vjolazzjonijiet ta' diżarm u tat-trattati għall-kontroll tal-armi permezz ta' mekkaniżmi ta' kontroll tal-armi eżistenti u tal-istrumenti ta' diżarm; li jappoġġja t-Trattat dwar il-Projbizzjoni ta' Armi Nukleari li fl-2017 kien sostnut minn 122 Stat Membru tan-NU u li jaħdem favur l-iffirmar u r-ratifika ta' dan it-Trattat mill-Istati Membri kollha tan-NU; li jmexxi 'l quddiem b'urġenza d-diżarm nukleari kemm reġjonalment kif ukoll globalment bi qbil mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Ottubru 2016(6) li tistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jappoġġjaw il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Negozjati għal Strument Vinkolanti li Jipprojbixxi l-Armi Nukleari; li jappoġġja l-isforzi tan-NU biex tipprevjeni lill-atturi mhux statali u lill-gruppi terroristiċi milli jiżviluppaw, jimmanifatturaw, jakkwistaw jew jittrasferixxu armi ta' qerda massiva u s-sistemi ta' twassil tagħhom; li jinsisti fuq il-konformità sħiħa mat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi u l-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi;
   (at) li jimplimenta bis-sħiħ it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA) u li jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jirratifikawh jew biex ikollhom aċċess għalih;
   (au) li jaħdem favur azzjoni aktar effettiva kontra d-devjazzjoni tal-armi u tal-munizzjon u l-kummerċ illegali tagħhom, inklużi armi ta' kalibru żgħir u ħfief, b'mod partikolari bl-iżvilupp ta' sistema ta' rintraċċar tal-armi; li jitlob lill-Membri tal-UN biex b'mod attiv jieħdu passi favur id-diżarm globali u lejn il-prevenzjoni tat-tlielaq għall-armi;
   (av) li jagħti attenzjoni speċjali lill-progress teknoloġiku fil-qasam tal-armamenti fir-robotika u b'mod partikolari, lir-robots u d-droni armati u l-konformità tagħhom mad-dritt internazzjonali; li jistabbilixxi qafas ġuridiku dwar d-droni u robots armati f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali eżistenti biex jiġi evitat li din it-teknoloġija tintuża b'mod mhux korrett f'attivitajiet illegali minn atturi statali u dawk mhux statali; li jippromwovi l-bidu ta' negozjati effettivi dwar il-projbizzjoni tad-droni u ta' robots armati li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman; li jippromwovi qafas legali bbażat fuq in-NU li jistipula b'mod strett li l-użu ta' droni armati jrid jirrispetta l-liġi umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali; li jikkundanna bil-qawwa l-abbużi mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali; li jitlob għal żieda fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali f'kull aspett tal-espressjoni tagħhom, inkluż fil-kuntest tat-teknoloġiji l-ġodda; li jaħdem favur il-projbizzjoni internazzjonali tas-sistemi ta' armi li huma nieqsa mill-kontroll tal-bniedem fuq l-użu tal-forza kif kien mitlub mill-Parlament f'diversi okkażjonijiet u, bi tħejjija għal-laqgħat rilevanti fil-livell tan-NU, li jiżviluppa b'urġenza u li jadotta pożizzjoni komuni dwar is-sistemi ta' armi awtonomi u li jitkellem b'vuċi waħda u li jaġixxi kif xieraq fil-fora rilevanti;
   (aw) li jħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini Kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom ;
   (ax) li jaħdem, b'referenza għar-riżoluzzjoni tal-Assemblea tan-NU għall-Ambjent UNEP/EA.3/Res.1 u għar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Nru  34/20, biex jiġu ċċarati u żviluppati l-obbligi ta' wara l-kunflitt għall-approvazzjoni u l-ġestjoni ta' kontaminazzjoni mill-użu ta' armi tal-uranju mfaqqar, kif ukoll l-għajnuna lill-komunitajiet milquta mill-użu tagħhom;
   (ay) li jfakkar li d-drittijiet tal-bniedem huma indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati; li jistieden lill-UE u lin-NU sabiex mhux biss jikkundannaw bil-qawwa x-xejra globali disturbanti lejn il-marġinalizzazzjoni u ċ-ċaħda tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija sabiex tiġi miġġielda kull xejriet negattivi , inkluż fir-rigward tal-ispazju għas-soċjetà ċivili , iżda wkoll biex isir użu effettiv tal-istrumenti legali disponibbli, partikolarment l-Artikolu 2 ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi, fejn xieraq; li jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU jirratifikaw u jimplimentaw b'mod effettiv il-konvenzjonijiet kollha ewlenin tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, il-Protokolli Fakultattivi għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali tad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali li jistabbilixxu mekkaniżmi ta' lment u ta' inkjesta, u jikkonformaw mal-obbligi ta' rappurtar taħt dawn l-istrumenti u mal-impenn li jikkooperaw b'rieda tajba mal-mekkaniżmi tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem; li jiġbed l-attenzjoni lejn ir-reazzjonijiet globali kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-promoturi tad-demokratizzazzjoni;
   (az) li jiżgura li r-riformi tad-drittijiet tal-bniedem jibqgħu jiġu integrati bis-sħiħ fit-tliet pilastri tar-riforma tan-NU; li jappoġġja l-allinjament tad-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti;
   (aaa) li jippromwovi l-libertà tad-deisti u tat-teisti, kif ukoll ta' dawk il-persuni li jikkunsidraw lilhom infushom bħala atei, anjostiċi, umanisti u ħassieba ħielsa;
   (aab) li jkompli jiddefendi l-libertà ta' reliġjon jew twemmin; li jħeġġeġ li jsiru sforzi akbar biex jitħarsu d-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi u oħrajn; li jitlob protezzjoni akbar tal-minoranzi reliġjużi kontra l-persekuzzjonijiet u l-vjolenza; li jappella għar-revoka tal-liġijiet li jikkriminalizzaw il-blasfemija jew l-apostasija li jintużaw bħala pretest għall-persekuzzjoni tal-minoranzi reliġjużi u ta' dawk li ma jemmnux; li jsostni l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin; li jaħdem b'mod attiv għar-rikonoxximent min-naħa tan-NU tal-ġenoċidju kontra l-minoranzi reliġjużi u minoranzi oħra mill-hekk imsejjaħ ISIL/Daesh, kif ukoll biex il-każijiet ta' delitti suspettati kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u l-ġenoċidju jiġu riferuti lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI);
   (aac) li jħeġġeġ lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR) jissorvelja r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem mill-Istati Membri tagħha stess, sabiex jiġu evitati l-iżbalji tal-passat, bħall-għoti ta' sħubija lil dawk li wettqau ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u lil dawk li adottaw pożizzjonijiet politiċi anti-Semitiċi;
   (aad) li jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU jiżguraw li ċ-ċittadini tagħhom ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċessi politiċi, soċjlai u ekonomiċi – inklużi l-libertà ta' reliġjon jew twemmin – mingħajr diskriminazzjoni;
   (aae) li jappella lill-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali kollha jadottaw b'urġenza, strumenti vinkolanti ddedikati għall-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-bniedem u biex jiżguraw li l-obbligi nazzjonali u internazzjonali kollha li joriġinaw mir-regoli internazzjonali jiġu infurzati b'mod sħiħ; li jtenni l-importanza tal-UNHRC; li jfakkar fl-obbligu tal-Assemblea Ġenerali biex, meta teleġġi l-membri tal-UNHRC, tqis ir-rispett tal-promozzjoni u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija min-naħa tal-kandidati; li jappella għall-istabbiliment ta' kriterji ċari bbażati fuq ir-riżultati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għal sħubija fl-UNHRC;
   (aaf) li jiddispjaċih għad-deċiżjoni tal-Istati Uniti li toħroġ mill-UNHRC; li jfakkar li l-parteċipazzjoni u l-appoġġ tal-UE għal dan il-korp indispensabbli għad-drittijiet tal-bniedem u jħeġġeġ lill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex terġa' tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha;
   (aag) li jħeġġeġ lill-istati kollha, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jirratifikaw malajr il-Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' lment u inkjesta;
   (aah) li jaħdem flimkien mal-Istati Membri kollha tan-NU biex jirrispettaw id-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u li jenfasizza l-importanza ta' stampa u midja ħielsa f'soċjetà b'saħħitha, u r-rwol ta' kull ċittadin fiha ; li jenfasizza l-importanza tal-libertà tal-midja, il-pluraliżmu, l-indipendenza tal-midja u s-sigurtà tal-ġurnalisti biex jilqgħu sfidi ġodda; li jniedi dibattitu dwar it-tfittxija għal bilanċ ġust bejn il-protezzjoni tal-libertà tal-midja u l-libertà tal-espressjoni u l-ġlieda kontra l-informazzjoni falza; li jfittex li jipproteġi ġurnalisti li jkunu qed jaħdmu fuq każi ta' korruzzjoni u li ħajjithom tkun fil-periklu;
   (aai) li jżomm impenn qawwi biex jiġi promoss it-tmiem tal-piena tal-mewt fid-dinja kollha; li jkompli jiddefendi t-tolleranza żero rigward il-piena tal-mewt; li jappella għal moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt u biex ikompli jaħdem favur l-abolizzjoni universali tagħha; li jikkundanna bil-qawwa ż-żieda fl-użu tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga, u jitlob il-projbizzjoni tal-użu tal-piena tal-mewt u eżekuzzjonijiet sommarji bħala piena għal tali reati;
   (aaj) li jappoġġja u jsaħħaħ l-isforzi internazzjonali permezz tan-NU biex jiżguraw analiżi tal-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tad-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet kollha tan-NU; li jitlob l-qerda ta' kull forma ta' vjolenza u diskriminazzjoni kontra n-nisa u t-tfajliet u, billi jqis ukoll id-diskriminazzjoni abbażi tal-identità tal-ġeneru; li jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet tal-persuni LGBTI, u li jappella għal revoka tal-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri tan-NU li tikkriminalizza n-nies abbażi tas-sesswalità jew tal-identità tal-ġeneru tagħhom; li jħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà jkompli jindirizza u jsaħħaħ id-drittijiet tal-persuni LGBTI;
   (aak) li jsaħħaħ ir-rwol tal-QKI u s-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali sabiex tiġi promossa r-responsabilità u tintemm l-impunità; li jipprovdi lill-QKI b'appoġġ diplomatiku, politiku u finanzjarju qawwi; li jistieden lill-Istati Membri kollha tan-NU jingħaqdu mal-QKI billi jirratifikaw u jimplimentaw l-Istatut ta' Ruma uli jinkoraġġixxi r-ratifika tal-emendi ta' Kampala; li jistieden lil dawk li jirtiraw mill-QKI biex jreġġgħu lura d-deċiżjonijiet tagħhom; li jappoġġja l-QKI bħala istituzzjoni prinċipali biex l-awturi li jwettqu ksur jinżammu responsabbli għal għemilhom u biex tassisti lill-vittmi fil-ksib tal-ġustizzja, u biextħeġġeġ djalogu u kooperazzjoni qawwija bejn il-QKI, in-NU u l-aġenziji tagħha u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
   (aal) li jikkundanna bil-qawwa l-fastidju ġudizzjarju, id-detenzjoni, il-qtil, it-theddid u l-intimidazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) madwar id-dinja fit-twettiq tal-ħidma leġittima tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem; li jagħmel pressjoni għal sforzi internazzjonali u jappella lill-Istati Membri tan-NU biex jadottaw politiki li jipprovdu protezzjoni u appoġġ għad-DDB li jinsabu f'riskju, u li jippermettielhom iwettqu l-ħidma tagħhom; li jadotta politika li tiddenunzja, b'mod sistematiku u mingħajr ekwivoku, il-qtil tad-DDB u kull tentattiv biex jiġu soġġetti għal kull forma ta' vjolenza, persekuzzjoni, theddid, fastidju, għajbien, priġunerija jew arrest arbitrarju; li jikkundanna lil dawk li jikkommettu jew jittolleraw tali atroċitajiet, u li jqawwi d-diplomazija pubblika b'appoġġ sħiħ tad-DDB; li jissottolinja li d-DDB u l-attivisti tas-soċjetà ċivili huma fost l-atturi ċentrali fl-iżvilupp sostenibbli; li jappella lill-Istati Membri tan-NU jadottaw politiki li jipprovdu protezzjoni u appoġġ għad-DDB li jinsabu f'riskju; li jirrikonoxxi li d-DDB ambjentali, tal-art u indiġeni ffaċċjaw theddid dejjem akbar;
   (aam) li jintrabat li f'konformità mal-acquis Ewropew ta' kontra l-korruzzjoni, jippromwovi miżuri kontra l-korruzzjoni u jaħdem biex dawn jiġu integrati aktar fi programmi tan-Nazzjonijiet Uniti;
   (aan) li jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu mal-imsieħba fuq l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem billi jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jiżviluppaw u jimplimentaw il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali (NAP) li jobbligaw lin-negozji li jiżguraw l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem; li jtenni s-sejħa tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkunu involuti b'mod attiv u kostruttiv fit-tfassil, kemm jista' jkun malajr, ta' strument legalment vinkolanti li, fil-qafas tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem , jirregola l-attivitajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi ta' negozju oħra għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rimedju u l-għoti ta' aċċess għal rimedju fil-konfront ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kull meta dan iseħħ; li jappoġġja l-bini ta' Trattat tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem bil-għan li jiżgura r-responsabbilta' korporattiva; li jilqa' f'dak il-kuntest, il-ħidma mwettqa mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u jfakkar lin-NU, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipparteċipaw b'mod kostruttiv sabiex iħaffu l-pass ta' dawn in-negozjati u biex jindirizzaw it-tħassib li fadal tal-UE;
   (aao) li jsaħħaħ l-isforzi tiegħu fi ħdan il-qafas tal-Alleanza Internazzjonali għal Negozju ħieles mit-Tortura, koinizjata mill-UE flimkien mal-imsieħba reġjonali; li jinħoloq fond internazzjonali li jassisti lil pajjiżi fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-kummerċ fi prodotti li jistgħu jintużaw għat-tortura u għall-piena tal-mewt; li jappoġġja l-istabbiliment ta' strument internazzjonali li jipprojbixxi l-kummerċ ta' prodotti simili, abbażi tal-esperjenza tatar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar din il-kwistjoni;
   (aap) li jiżgura li n-nisa jkollhom aċċess għall-ippjanar tal-familja u għall-firxa sħiħa ta' drittijiet għal saħħa sesswali pubblika u universali u għas-saħħa u drittijiet riproduttivi, inkluża l-kontraċezzjoni moderna u l-abort sikur u legali; jissottolinja l-fatt li l-aċċess universali għas-saħħa, b'mod partikolari s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet assoċjati huwa dritt fundamentali tal-bniedem, biex b'hekk tiġi miġġielda r-regola Global Gag li reġgħet iddaħħlet mill-Gvern tal-Istati Uniti kmieni fl-2017;
   (aaq) li jappoġġja approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għad-diżabbiltà f'sitwazzjonijiet ta' riskju, f'konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà (CRPD);
   (aar) li jqis li l-persuni Rom huma fost l-aktar minoritajiet diskriminati kontra fid-dinja u li f'ħafna pajjiżi d-diskriminazzjoni qed tmur għall-agħar; li jfakkar li l-persuni Rom jgħixu fil-kontinenti kollha u għalhekk din hija kwistjoni ta' tħassib globali; li jistieden lin-NU biex jaħtru rapporteur speċjali dwar il-kwistjonijiet tar-Rom sabiex jissensibilizza u jiżgura li l-programmi tan-NU jaslu wkoll għand il-persuni Rom;
   (aas) li jappella lill-Istati Membri tan-NU, inkluż lill-Istati Membri tal-UE jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata;
   (aat) li jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi mmexxija min-NU għal negozjati ta' żewġ Patti Globali dwar il-Migrazzjoni u r-Rifuġjati abbażi tad-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti ta' Settembru 2016, sabiex jiġi żviluppat rispons internazzjonali aktar effikaċi dwar din il-kwistjoni, kif ukoll il-proċess korrispondenti għall-iżvilupp ta' sistema ta' governanza dinjija, għat-tisħiħ tal-koordinament dwar il-migrazzjoni internazzjonali, il-mobilità tal-persuni, il-movimenti kbar ta' rifuġjati u s-sitwazzjonijiet imtawla ta' rifuġjati, u biex jiġu stabbiliti soluzzjonijiet u approċċi li jtawlu fiż-żmien li jenfasizzaw b'mod ċar l-importanza li jiġu protetti d-drittijiet tar-rifuġjati u l-migranti; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jingħaqdu wara pożizzjoni bħal din u jiddefendu b'mod attiv u jwettqu progress fin-negozjati dwar dawn il-kwistjonijiet importanti; li jfakkar li l-SDGs li jinsabu fl-Aġenda 2030 tan-NU jirrikonoxxu li politiki tal-migrazzjoni ppjanati u amministrati tajjeb jistgħu jgħinu il-ksib ta' żvilupp sostenibbli u ta' tkabbir inklużiv, kif ukoll inaqqsu l-inugwaljanzi fi ħdan l-istati u bejniethom;
   (aau) li jagħmel pressjoni għal dispożizzjonijiet ambizzjużi u bilanċjati li jippermettu kooperazzjoni internazzjonali aktar effettiva u aktar ġusta kif ukoll il-kondiviżjoni globali prevedibbli tar-responsabbilta biex jiġu indirizzati l-movimenti ta' migrazzjoni u l-ispostament furzat, biex jiġi żgurat appoġġ adegwat għar-rifuġjati madwar id-dinja;
   (aav) li jappoġġja l-isforzi kollha biex tiġi żgurata għajnuna b'saħħitha u sostnuta lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jospitaw għadd kbir ta' rifuġjati, u li jiżgura li r-rifuġjati jiġu offruti soluzzjonijiet li jtawlu fiż-żmien, fosthom billi jsiru awtosostenibbli u billi jiġu integrati fil-komunitajiet fejn jgħixu; li jfakkar li l-implimentazzjoni tal-Patt Globali tipprovdi opportunità unika biex tissaħħaħ ir-rabta bejn l-għajunua umanitarja u l-politiki tal-iżvilupp;
   (aaw) li jiżgura li l-Patti Globali huma ċċentrati fuq il-persuni u bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem u jipprovdu miżuri fit-tul, sostenibbli u komprensivi għall-benefiċċju tal-partijiet kollha involuti; li jagħti attenzjoni speċifika lill-migranti li jinsabu f'ċirkostanzi vulnerabbli, bħat-tfal, in-nisa f'riskju, il-vittmi tat-traffikar tal-bniedem jew il-persuni b'diżabbiltà , u gruppi oħrajn li jinsabu f'riskju, inkluża l-komunità LGBTI, filwaqt ;o jisħaq dwar l-importanza li titfassal politika ta' migrazzjoni minn perspettiva intersezzjonali sabiex tirrispondi għall-bżonnijiet partikolari tagħhom; li jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata perspettiva tal-ġeneru mġedda u orizzontali għal rispons internazzjonali kollettiv għar-rifuġjati li tindirizza l-ħtiġijiet ta' protezzjoni speċifiċi tan-nisa, inkluża l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, u li ssaħħaħ il-ħiliet u l-kapaċitajiet tan-nisa fir-rikostruzzjoni u r-rikonċiljazzjoni; li jistieden lill-Istati Membri tan-NU jwettqu impenn indipendenti għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet bħala element ċentrali tal-Patt Globali, f'konformità mal-SDG 5;
   (aax) li jitlob li jsiru sforzi akbar biex tiġi evitata l-migrazzjoni irregolari u jiġi miġġieled id-dħul klandestin ta' persuni u t-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari billi jiġu miġġielda n-netwerks kriminali permezz ta' skambju f'waqtu u effettiv ta' intelligence rilevanti; li jtejjeb il-metodi għall-identifikazzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi u jsaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi bil-għan li jiġi rintraċċat, sekwestrat u rkuprat ir-rikavat tal-attivitajiet kriminali f'dan is-settur; li jinsisti, fil-livell tan-NU, fuq l-importanza li tiġi ratifikata u implimentata bis-sħiħ il-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-protokolli tagħha kontra d-dħul klandestin ta' migranti fuq l-art, bil-baħar u bl-ajru u għall-prevenzjoni, soppressjoni u punizzjoni tat-traffikar ta' persuni, speċjalment ta' nisa u tfal;
   (aay) li jiżgura li tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa rifuġjati u lill-persuni li jfittxu l-asil li huma soġġetti għal forom ta' diskriminazzjoni multipli u li huma aktar vulnerabbli għall-vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru kemm fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom u matul il-vjaġġi tagħhom lejn destinazzjonijiet aktar sikuri; li jfakkar li n-nisa u t-tfajliet li qed ifittxu l-asil għandhom bżonnijiet u tħassib speċifiċi li jvarjaw minn dawk tal-irġiel u li jirrikjedu li l-implimentazzjoni tal-politiki u l-proċeduri ta' asil kollha jkunu sensittivi għall-ġeneru u individwalizzati; li jappella għat-tisħiħ tas-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal u li jappoġġa miżuri konkreti fl-aħjar interessi tat-tfal rifuġjati u migranti, ibbażati fuq il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
   (aaz) li jindirizza l-fenomenu persistenti u mifrux tal-apolidija, li toħloq sfidi akuti tad-drittijiet tal-bniedem; li jiżgura li din il-kwistjoni tiġi indirizzata b'mod adegwat fin-negozjati attwali dwar il-Patt Globali;
   (aba) li jkompli u jsaħħaħ l-appoġġ – inkluż l-appoġġ finazjarju – ipprovdut lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) fl-implimentazzjoni tal-mandat internazzjonali tiegħu għall-protezzjoni tar-rifuġjati, inkluż minn gruppi kriminali u minn individwali involuti fit-traffikar tal-bniedem u fid-dħul klandestin ta' persuni f'ras il-għajn u fil-pajjiżi ta' tranżitu;
   (abb) li jassisti lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant biex jittrattaw il-problemi li kienu qegħdin jiffaċċjaw bħala riżultat tal-ispustament intern furzat massiv minn żoni ta' kunflitt u biex jaġixxi b'mod riżolut għall-protezzjoni u r-restawr tad-drittijiet tal-persuni spustati, inkluż id-dritt tagħhom għar-ritorn, id-drittijiet tal-proprjetà u d-dritt għas-sigurtà personali;
   (abc) li jkompli jenfasizza l-importanza assoluta tal-edukazzjoni għat-tfajliet u n-nisa biex jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi;
   (abd) li jtenni t-tħassib serju tiegħu li mijiet ta' eluf ta' persuni spostati f'pajjiżhom (IDP) u rifuġjati li ħarbu mill-artijiet nativi tagħhom b'rabta ma' kunflitti fit-tul għadhom spostati, u jtenni mill-ġdid id-dritt tar-ritorn tal-IDPs u r-rifuġjati kollha lejn il-postijiet tal-oriġini tagħhom b'mod sikur u dinjituż;
   (abe) li jinsisti dwar il-bżonn li jiġi pprovdut finanzjament speċifiku għall-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet internazzjonali;
   (abf) li jimplimenta l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u s-17-il Għan tagħha għall-Iżvilupp Sostenibbli; li jissottolinja r-rwol ewlieni tal-UE fil-proċess li wassal għall-adozzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa; li jieħu passi konkreti jiżgura l-implimentazzjoni effiċjenti tal-Aġenda 2030 tan-NU u l-Aġenda ta' Addis Ababa bħala strumenti importanti għall-prevenzjoni u l-iżvilupp; li jiżgura li l-UE u n-NU jkomplu jwettqu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU bl-għan li jeqirdu l-faqar u joħolqu prosperità kollettiva, jindirizzaw l-inugwaljanzi, u b'hekk joħolqu dinja aktar sikura u aktar ġusta, u jiġġieldu t-tibdil fil-klima u jipproteġu l-ambjent naturali;
   (abg) li jieħu passi konkreti biex jiżgura l-implimentazzjoni effiċjenti tal-Aġenda 2030 u tas-17-il SDG kollha bħala strumenti importanti għall-prevenzjoni u l-iżvilupp sostenibbli; li jħeġġeġ u jappoġġja lill-pajjiżi kollha jieħdu s-sjieda u jistabbilixxu oqfsa nazzjonali biex jintlaħqu s-17-il SDG; li jħeġeġġ lill-Istati Membri tan-NU jorjentaw mill-ġdid il-baġits tagħhom lejn l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli; li jtenni li l-UE tibqa' d-donatur dinji ewlieni tal-għajnuna għall-iżvilupp, bl-għoti ta' EUR 75,7 biljun, u jinkoraġġixxi t-tkabbir kontinwu fl-għajnuna kollettiva tal-UE li tirfed l-isforzi kontinwi tal-Istati Membri għall-promozzjoni tal-paċi, il-prosperità u l-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja; li jagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri tan-NU biex jonoraw l-impenji tagħhom fir-rigward tal-infiq għall-għajnuna għall-iżvilupp u jappella għall-adozzjoni ta' qafas sod ta' indikaturi u l-użu tad-data statistika biex jevalwa s-sitwazzjoni, jimmonitorja l-progress u jiżgura r-responsabbiltà fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; li jkompli fl-isforzi tiegħu biex jikseb koerenza politika għall-iżvilupp fost il-politiki kollha tal-UE, li hija kruċjali biex jinkisbu l-SDGs, u biex jagħmel pressjoni wkoll fuq il-livell tan-NU għal koerenza tal-politika akbar skont l-Għan 17;
   (abh) li jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE għall-Ftehim ta' Pariġi , li jħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU kollha biex jirratifikawh u jimplimentawh b'mod effettiv, u li jenfasizza l-bżonn li l-Ftehim ta' Pariġi jiġi implimentat globalment u mill-Istati Membri kollha tan-NU; li jafferma mill-ġdid il-bżonn ta' politika ambizzjuża tal-UE dwar il-klima u r-rieda tiegħu li jitjiebu il-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali (NDC) inklużi dawk tal-UE, għall-2030, kif ukoll il-bżonn li tiġi żviluppata f'waqtha strateġija fit-tul għall-2050, u wkoll biex jingħata appoġġ għal kwalunkwe inizjattiva li tmur f'din id-direzzjoni; li jaħdem favur azzjoni aktar effettiva għas-sostenibbiltà ambjentali, partikolarment fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima permezz tal-promozzjoni ta' miżuri u azzjonijiet internazzjonali intiżi li jippreservaw u jtejbu l-kwalità tal-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali; li jkompli jsaħħaħ il-livell ta' ambizzjoni tagħna rigward it-tnaqqis fl-emissjonijiet u jenfasizza r-rwol tal-UE bħala mexxejja globali fl-azzjoni klimatika;
   (abi) li jtenni mil-ġdid li l-azzjoni dwar il-klima hija prijorita' ewlenija għall-Unjoni Ewropea; li jiżgura li l-UE tibqa' fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u tkompli tikkoopera ulterjorment man-NU f'dan il-qasam; li jappella lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jirrispettaw il-Ftehim ta' Pariġi u jiżguraw l-implimentazzjoni rapida tad-deċiżjonijiet meħuda waqt il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2016; li jsaħħaħ l-isforzi biex l-Istati Uniti jerġgħu jiġu inklużi fil-kooperazzjoni multilaterali dwar it-tibdil fil-klima;
   (abj) li jkun sieħeb proattiv fl-isforzi kollha tan-NU biex irawwem sħubiji globali u kooperazzjoni dwar l-isfidi tat-tibdil fil-klima, u jenfasizza li l-klima tista' sservi bħala punt ta' dħul għal relazzjonijiet diplomatiċi ma' sħab li magħhom punti oħrajn tal-aġenda huma ferm ikkontestati, u b'hekk joffru opportunità biex jissaħħu l-istabbiltà u l-paċi;
   (abk) li jsaħħaħ l-isforzi ta' diplomazija dwar il-klima tiegħu bl-iżvilupp ta' strateġija diplomatika komprensiva dwar il-klima u biex l-azzjoni dwar il-klima tiġi integrata fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tal-UE, inkluż il-kummerċ, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja u s-sigurtà u d-difiża, bkunsiderazzjoni tal-fatt li sistema ambjentalment mhux sostenibbli toħloq instabbiltà; li jifforma alleanza qawwija ta' pajjiżi u atturi li jkomplu jappoġġaw u jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi li jillimitaw it-tisħin globali għal ferm inqas minn 2 °C, filwaqt li jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 °C;
   (abl) li jfakkar li l-impatti tat-tibdil fil-klima jiġu esperjenzati b'mod differenti min-nisa u l-irġiel; li jenfasizza li n-nisa huma aktar vulnerabbli u jiffaċċjaw riskji u piżijiet ikbar għal diversi raġunijiet, li jvarjaw minn aċċess inugwali għar-riżorsi, l-edukazzjoni, l-opportunitajiet ta' impjieg u d-drittijiet tal-art, għal normi soċjali u kulturali; li jenfasizza li dan għandu jiġi rifless kif xieraq; li jiżgura li n-nisa jaqdu rwol ċentrali fit-tiftix ta' soluzzjonijiet għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil tal-klima, inkluż in-negozjati internazzjonali dwar il-klima, bil-għan li jiġu żviluppati risposti sensittivi għall-ġeneru biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi sottostanti;
   (abm) li jfakkar meta n-nisa jkollhom aċċess limitat għar-riżorsi produttivi u l-kontroll tagħhom, kif ukoll id-drittijiet limitati huma jkollhom anqas opportunitajiet li jsawru d-deċiżjonijiet u jinfluwenzaw il-politiki, kif ġie rikonoxxut uffiċjalment mit-13-il Konferenza tal-Partijiet dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 13) li saret Bali fl-2007;
   (abn) li jaħdem mill-qrib ma' stati gżejjer żgħar u pajjiżi oħra li qed jiffaċċjaw il-konsegwenzi l-aktar serji tat-tibdil fil-klima biex jiġi żgurat li l-vuċi tagħhom u l-ħtiġijiet tagħhom jiġu kkunsidrati f'fora differenti tan-NU;
   (abo) li jimpenja ruħu f'dibattitu pubbliku u komprensiv mal-Istati Membri kollha tan-NU dwar l-importanza tar-rispett tal-limiti kostituzzjonali tal-mandati presidenzjali fid-dinja kollha;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0304.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0493.
(3) Ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Marzu 2018 dwar rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar il-qtugħ tas-sorsi ta' dħul għall-ġiħadisti - nindirizzaw il-finanzjament tat-terroriżmu, Testi adottati, P8_TA(2018)0059.
(4) L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), World Report on Violence and Health (Rapport Dinji dwar il-Vjolenza u s-Saħħa), Ġinevra, 2002, p. 154; L-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (OCHA), Discussion paper 2: The Nature, Scope and Motivation for Sexual Violence Against Men and Boys in Armed Conflict (Dokument ta' diskussjoni 2: In-Natura, l-Iskop u l-Motivazzjoni tal-Vjolenza Sesswali kontra l-Irġiel u s-Subien fil-Kunflitti Armati), dokument ippreżentat waqt il-Laqgħa tar-Riċerka tal-UNOCHA dwar l-Użu tal-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti Armati: L-Identifikazzjoni tal-Lakuni fir-Riċerka għat-Tħejjija Aktar Informata ta' Interventi Aktar Effikaċi, 26 ta' Ġunju 2008.
(5) Kif stabbilit fl-ewwel dikjarazzjoni tiegħu lill-KSNU fl-10 ta' Jannar 2017.
(6) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 202.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Novembru 2019Avviż legali