Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2770(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0315/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2018 - 6.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0313

Testi adottati
PDF 350kWORD 55k
Il-Ħamis, 5 ta' Lulju 2018 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fil-fruntieri tagħha
P8_TA-PROV(2018)0313RC-B8-0315/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u mal-Brażil (2018/2770(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(1), tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(2), tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(3), tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(4), tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(5), tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(6), u tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela(7),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Frar 2018 tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, is-Sinjura Fatou Bensouda,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Venezwela tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-31 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) intitolat "Human Rights Violations in the Bolivarian Republic of Venezuela" (Vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela) tat-22 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-28 ta' April 2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, ir-Rapporteur Speċjali dwar il-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, ir-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G7 tat-23 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Grupp ta' Lima tat-23 ta' Jannar 2018, tal-14 ta' Frar 2018, tal-21 ta' Mejju 2018, tat-2 ta' Mejju 2018 u tal-15 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' April 2018 tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) dwar is-sitwazzjoni umanitarja teħżien fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarjat Ġenerali tal-OAS u tal-panel ta' esperti internazzjonali indipendenti dwar it-twettiq possibbli ta' delitti kontra l-umanità fil-Venezwela tad-29 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport ippubblikat mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) fit-12 ta' Frar 2018 intitolat "Democratic Institutions, the Rule of Law and Human Rights in Venezuela" (Istituzzjonijiet Demokratiċi, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet tal-Bniedem fil-Venezwela), u r-riżoluzzjoni tal-IACHR tal-14 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-26 ta' Jannar 2018, tad-19 ta' April 2018 u tat-22 ta' Mejju 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2017, tat-22 ta' Jannar 2018, tat-28 ta' Mejju 2018 u tal-25 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar il-missjoni uffiċjali għall-Kolombja f'Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' April 2018 tal-Grupp tiegħu għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Venezwela qed tkompli teħżien; billi l-Venezwela qed tħabbat wiċċha ma' kriżi politika, soċjali, ekonomika u umanitarja bla preċedent, ikkaratterizzata minn nuqqas ta' sigurtà, vjolenza, vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, deterjorament tal-istat tad-dritt, nuqqas ta' mediċini u ta' servizzi soċjali, telf ta' dħul u żieda fir-rati tal-faqar, li qiegħda twassal għal dejjem aktar imwiet, migranti u rifuġjati;

B.  billi għadd dejjem jikber ta' nies fil-Venezwela, b'mod partikolari gruppi vulnerabbli bħan-nisa, it-tfal u l-morda, qed ibatu minn malnutrizzjoni bħala konsegwenza tal-aċċess limitat għal servizzi tas-saħħa ta' kwalità, mediċini, ikel u ilma; billi 87 % tal-popolazzjoni tal-Venezwela hija milquta mill-faqar, filwaqt li l-livell ta' dawk li jbatu faqar estrem laħaq 61,2 %; billi l-mortalità tal-ommijiet żdiedet b'60 %, filwaqt li dik tat-trabi żdiedet bi 30 %; billi fl-2017 il-marda tal-malarja rat qabża ta' 69 % minn sena qabel, li tirrappreżenta l-akbar żieda fid-dinja kollha, u billi mardiet oħra bħat-tuberkulożi u l-ħosba appik li jsiru epidemiji;

C.  billi, minkejja r-rieda tal-komunità internazzjonali, il-Gvern Venezwelan b'mod deplorevoli għadu jwebbes rasu u jiċħad l-eżistenza tal-problema u jirrifjuta li jirċievi u jiffaċilita b'mod miftuħ id-distribuzzjoni tal-għajnuna umanitarja internazzjonali;

D.  billi s-sitwazzjoni ekonomika ħżienet b'mod sinifikanti; billi l-Fond Monetarju Internazzjonali jipprevedi li l-iperinflazzjoni fil-Venezwela se tispara 'l fuq sa 13 000 % fl-2018, mil-livell stmat ta' 2 400 % fl-2017, b'tali mod li l-prezzijiet, bħala medja, sejrin jiżdiedu bi kważi 1,5 % kull siegħa;

E.  billi rapport tal-OHCHR ippubblikat fit-22 ta' Ġunju 2018 jirrileva li l-awtoritajiet Venezwelani naqsu milli jżommu responsabbli l-awturi ta' vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu qtil, l-użu ta' forza eċċessiva kontra d-dimostranti, detenzjonijiet arbitrarji, maltrattament u tortura; billi l-impunità favur uffiċjali tas-sigurtà ssuspettati li wettqu qtil extraġudizzjarju ta' dimostranti wkoll tidher li hija rampanti;

F.  billi, skont ir-rapport tad-29 ta' Mejju 2018 ippreżentat mill-Panel ta' Esperti Internazzjonali Indipendenti maħtur mill-OAS, fil-Venezwela twettqu seba' delitti kontra l-umanità, li jmorru lura tal-anqas sa Frar 2014, u billi l-gvern innifsu huwa responsabbli għall-kriżi umanitarja tal-lum fir-reġjun; billi l-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) ħabbar il-varar ta' investigazzjoni preliminari dwar l-allegati delitti mwettqa fil-Venezwela minn April 2017 'il hawn;

G.  billi l-elezzjonijiet tal-20 ta' Mejju 2018 saru mingħajr ma kienu konformi mal-istandards minimi internazzjonali għal proċess kredibbli u naqsu milli jirrispettaw il-pluraliżmu politiku, id-demokrazija, it-trasparenza u l-istat tad-dritt; billi dan qiegħed joħloq diffikultajiet addizzjonali għas-sejbien ta' soluzzjoni għall-kriżi politika; billi l-UE, flimkien ma' korpi demokratiċi oħra, ma tirrikonoxxi la l-elezzjonijiet u lanqas l-awtoritajiet stabbiliti b'dan il-proċess illeġittimu;

H.  billi l-kriżi multidimensjonali tal-lum fil-Venezwela qed tiġġenera l-akbar spostament tal-popolazzjoni li qatt seħħ fir-reġjun; billi, skont il-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), l-għadd totali ta' Venezwelani li telqu mill-pajjiż kiber b'mod drammatiku, minn 437 000 ruħ fl-2005 għal aktar minn 1,6 miljun ruħ fl-2017; billi madwar 945 000 persuna Venezwelana telqu mill-pajjiż bejn l-2015 u l-2017; billi fl-2018 l-għadd totali ta' nies li telqu mill-pajjiż mill-2014 qabeż 2 miljun ruħ; billi kien hemm żieda ta' 2 000 % fl-għadd ta' ċittadini Venezwelani li talbu l-asil madwar id-dinja mill-2014 sal-lum, u billi sa nofs Ġunju 2018 l-għadd tagħhom kien qabeż 280 000 ruħ;

I.  billi 520 000 persuna Venezwelana fir-reġjun irrikorrew għal forom legali alternattivi ta' soġġorn; billi aktar minn 280 000 persuna Venezwelana talbu status ta' rifuġjat madwar id-dinja; billi l-għadd ta' applikanti Venezwelani għall-protezzjoni internazzjonali fl-UE żdied b'aktar minn 3 500 % bejn l-2014 u l-2017; billi huwa stmat li aktar minn 60 % tal-Venezwelani għadhom f'sitwazzjoni irregolari;

J.  billi, skont l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (UNOCHA), il-Kolombja qed tospita l-akbar sehem mill-għadd ta' persuni spostati, hekk li aktar minn 820 000 persuna Venezwelana qed jgħixu fit-territorju tagħha; billi Cúcuta u Boa Vista, li jinsabu fuq il-fruntiera mal-Venezwela, qed iġarrbu influss maġġuri ta' nies, li spiss ikunu f'kundizzjonijiet ta' saħħa u nutrizzjoni terribbli; billi l-Perù, iċ-Ċilì, l-Arġentina, il-Panama, il-Brażil, l-Ekwador, il-Messiku, ir-Repubblika Dominicana, il-Costa Rica, l-Urugwaj, il-Bolivja u l-Paragwaj ukoll qed iħabbtu wiċċhom mad-dħul ta' għadd kbir ta' rifuġjati u ta' migranti; billi r-rotot marittimi qed isiru dejjem aktar sinifikanti, b'mod partikolari lejn gżejjer tal-Karibew bħal Aruba, Curaçao, Bonaire, Trinidad u Tobago u l-Guyana; billi pajjiżi Ewropej, b'mod partikolari Spanja, il-Portugall u l-Italja, ukoll qed jiġu affettwati dejjem aktar; billi l-pajjiżi ospitanti qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet dejjem akbar f'dak li jirrigwarda l-għoti ta' assistenza lil dawk li jkunu għadhom kemm waslu fil-pajjiż;

K.  billi l-awtoritajiet nazzjonali u lokali Kolombjani qed jaħdmu b'mod ammirevoli biex jagħtu lil dawk li qed jaħarbu mill-Venezwela, irrispettivament mill-istatus tagħhom, it-tgawdija tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem, bħad-dritt għall-edukazzjoni primarja u għal servizzi tas-saħħa bażiċi; billi, fil-Kolombja, il-komunitajiet lokali, l-istituzzjonijiet reliġjużi u l-persuni ordinarji lkoll qed jilqgħu lill-migranti Venezwelani fi spirtu ta' fraternità u qed jagħtu xhieda ta' reżiljenza u solidarjetà kbar;

L.  billi, fis-7 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni ħabbret pakkett ta' EUR 35,1 miljun f'għajnuna ta' emerġenza u f'assistenza għall-iżvilupp biex tappoġġja lill-poplu Venezwelan u lill-pajjiżi ġirien li ntlaqtu mill-kriżi; billi din il-kontribuzzjoni finanzjarja se tingħadd mas-somma ta' EUR 37 miljun li l-UE diġà impenjat għal proġetti ta' għajnuna umanitarja u ta' kooperazzjoni fil-pajjiż; billi, fit-13 ta' Ġunju 2018, l-appell supplimentari tal-UNHCR għal USD 46,1 miljun kien għadu qed jirreġistra nuqqas ta' finanzjament ta' 56 %;

M.  billi, kull xahar, aktar minn 12 000 persuna Venezwelana jidħlu fl-istat Brażiljan ta' Roraima, u madwar 2 700 minnhom imorru joqogħdu fil-belt ta' Boa Vista; billi l-Venezwelani diġà jirrappreżentaw aktar minn 7 % tal-popolazzjoni ta' din il-belt u billi, bir-rata kurrenti, sa tmiem is-sena se jkunu jgħixu hemm aktar minn 60 000 persuna Venezwelana; billi dan l-influss demografiku qed jeżerċita pressjoni enormi fuq is-servizzi pubbliċi tal-belt, b'mod partikolari fuq is-saħħa pubblika u l-edukazzjoni; billi Roraima huwa wieħed mill-ifqar stati tal-Brażil, b'suq tax-xogħol dejjaq ħafna u b'ekonomija xejn fonda, u billi dan jikkostitwixxi ostaklu ieħor għall-integrazzjoni tar-rifuġjati u tal-migranti;

N.  billi l-Parlament Ewropew bagħat delegazzjoni ad hoc lejn il-fruntieri tal-Venezwela mal-Kolombja u mal-Brażil mill-25 sat-30 ta' Ġunju 2018 biex tivvaluta l-impatt tal-kriżi fil-post;

1.  Huwa profondament allarmat u mkexkex bis-sitwazzjoni umanitarja devastanti fil-Venezwela, li wasslet għal ħafna mwiet u għal influss bla preċedent ta' rifuġjati u ta' migranti fil-pajjiżi ġirien u lil hinn minnhom; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Venezwelani kollha li kellhom jaħarbu minn pajjiżhom minħabba n-nuqqas ta' kundizzjonijiet tal-għajxien tassew bażiċi, bħall-aċċess għal ikel, ilma tax-xorb, servizzi tas-saħħa u mediċini;

2.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jirrikonoxxu l-kriżi umanitarja li għaddejja bħalissa, ma jħalluhiex tkompli teħżien u jippromwovu soluzzjonijiet politiċi u ekonomiċi biex jiżguraw is-sikurezza tal-persuni ċivili kollha u l-istabbiltà għall-pajjiż u għar-reġjun;

3.  Jesiġi li l-awtoritajiet Venezwelani b'urġenza jħallu l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż bla xkiel biex iżommu l-kriżi umanitarja u tas-saħħa pubblika milli tmur għall-agħar, u b'mod partikolari ma jħallux li jerġgħu jfeġġu mardiet bħall-ħosba, il-malarja, id-difterite u l-marda tal-ilsien u d-dwiefer, u li jagħtu aċċess bla ostakli lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jixtiequ jgħinu lis-setturi kollha affettwati tas-soċjetà; jappella biex tiġi implimentata bil-ħeffa miżura fuq żmien qasir kontra l-malnutrizzjoni fost il-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħan-nisa, it-tfal u l-morda; jinsab inkwetat għall-aħħar dwar l-għadd ta' tfal mhux akkumpanjati li qed jaqsmu l-fruntieri;

4.  Ifaħħar lill-Gvern Kolombjan għar-reazzjoni pronta tiegħu u għall-appoġġ li ta lill-Venezwelani kollha li daħlu fil-pajjiż; ifaħħar ukoll lill-Brażil u lil pajjiżi oħra fir-reġjun, b'mod partikolari lill-Perù, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, lill-entitajiet privati u pubbliċi, lill-Knisja Kattolika u liċ-ċittadini ordinarji fir-reġjun kollu kemm hu għall-għajnuna u s-solidarjetà attivi li wrew fil-konfront tal-migranti u tar-rifuġjati Venezwelani; jistieden lill-Istati Membri biex lill-migranti jew lir-rifuġjati Venezwelani fit-territorju tagħhom jipprovdulhom risposti immedjati u orjentati lejn il-protezzjoni, bħal viżi umanitarji, arranġamenti speċjali ta' soġġorn jew oqfsa reġjonali għall-migrazzjoni oħra, bis-salvagwardji ta' protezzjoni rilevanti; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jiffaċilitaw u jħaffu l-ħruġ u t-tiġdid tad-dokumenti ta' identifikazzjoni liċ-ċittadini tagħhom stess, kemm fil-Venezwela u kemm barra mill-pajjiż;

5.  Jistieden lill-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, tistabbilixxi risposta koordinata, komprensiva u reġjonali għall-kriżi u tintensifika l-għajnuna finanzjarja u materjali tagħha lill-pajjiżi riċeventi billi tonora l-impenji tagħha; jilqa' b'sodisfazzjon l-għajnuna umanitarja tal-UE li ġiet allokata sal-lum u jitlob b'urġenza li sostenn umanitarju addizzjonali jiġi rilaxxat permezz ta' fondi ta' emerġenza, biex jilqa' għall-ħtiġijiet, li qed jikbru b'rata mgħaġġla, tan-nies milqutin mill-kriżi Venezwelana fil-pajjiżi ġirien;

6.  Itenni li l-kriżi umanitarja kurrenti ġejja minn waħda politika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jiżguraw li l-vjolazzjonijiet kollha tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk kontra l-persuni ċivili, jintemmu minnufih u li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha, inklużi l-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-għaqda, jkunu rispettati bis-sħiħ; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jirrispettaw l-istituzzjonijiet kollha eletti demokratikament, b'mod partikolari l-Assemblea Nazzjonali, jeħilsu l-priġunieri politiċi kollha u jħarsu l-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jagħmel ħiltu kollha biex jiffaċilita l-isforzi ta' medjazzjoni internazzjonali meħtieġa biex jinfetħu spazji għas-sejbien ta' soluzzjoni vijabbli għall-kriżi politika u umanitarja kurrenti;

7.  Jappella biex isiru elezzjonijiet presidenzjali ġodda li jkunu konformi ma' standards demokratiċi rikonoxxuti internazzjonalment u mal-ordni kostituzzjonali Venezwelan, f'qafas ta' monitoraġġ trasparenti, ugwali, ġust u internazzjonali, bla limitazzjonijiet fuq il-partiti politiċi jew il-kandidati u b'rispett sħiħ tad-drittijiet politiċi tal-Venezwelani kollha; jenfasizza li l-gvern leġittimu li jiġi ffurmat minn dawn l-elezzjonijiet ikun jeħtieġlu jindirizza b'urġenza l-kriżi ekonomika u soċjali kurrenti fil-Venezwela u jaħdem favur rikonċiljazzjoni nazzjonali;

8.  Ifakkar li kwalunkwe sanzjoni adottata mill-komunità internazzjonali għandha tkun immirata u riversibbli u ma għandha tagħmel l-ebda ħsara lill-popolazzjoni Venezwelana; jilqa' l-adozzjoni rapida ta' sanzjonijiet addizzjonali mmirati u revokabbli, kif ukoll l-embargo fuq l-armi impost f'Novembru 2017; itenni li dawn is-sanzjonijiet ġew imposti fuq uffiċjali ta' livell għoli talli wettqu vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem, imminaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela u mexxew l-elezzjonijiet illeġittimi tal-20 ta' Mejju 2018, li ma ngħataw l-ebda rikonoxximent internazzjonali u saru mingħajr qbil dwar id-data jew il-kundizzjonijiet, u f'ċirkostanzi li ma ħallewx lill-partiti politiċi kollha jieħdu sehem fuq bażi ndaqs; ifakkar fil-possibbiltà li dawn is-sanzjonijiet jiġu estiżi għal dawk responsabbli għad-deterjorament tal-kriżi politika, soċjali, ekonomika u umanitarja, b'mod partikolari għall-President Nicolás Maduro, f'konformità mar-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu;

9.  Itenni li dawk responsabbli għal vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tal-bniedem iridu jinżammu responsabbli; jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet preliminari tal-QKI dwar id-delitti u l-atti ta' repressjoni estensivi mwettqa mir-reġim Venezwelan u jappella biex l-UE jkollha rwol attiv f'dan ir-rigward; jappoġġja bis-sħiħ it-talba tal-Panel ta' Esperti Internazzjonali Indipendenti maħtur mis-Segretarju Ġenerali tal-OAS u mill-Kummissarju Għoli tal-UN għad-Drittijiet tal-Bniedem li tiġi stabbilita kummissjoni ta' inkjesta dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u li l-involviment tal-QKI jiġi approfondit;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tar-Repubblika tal-Kolombja, tar-Repubblika tal-Brażil u tar-Repubblika tal-Perù, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani u lill-Grupp ta' Lima.

(1) ĠU C 285, 29.8.2017, p. 145.
(2) ĠU C 294, 12.8.2016, p. 21.
(3) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 190.
(4) ĠU C 86, 6.3.2018, p. 101.
(5) Testi adottati, P8_TA(2017)0200.
(6) Testi adottati, P8_TA(2018)0041.
(7) Testi adottati, P8_TA(2018)0199.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Lulju 2018Avviż legali