Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/0297(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0253/2018

Testi mressqa :

A8-0253/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/09/2018 - 6.1

Testi adottati :

P8_TA(2018)0318

Testi adottati
PDF 545kWORD 57k
It-Tlieta, 11 ta' Settembru 2018 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post ***I
P8_TA-PROV(2018)0318A8-0253/2018
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Brażil għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf, u għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fil-Brażil, kif ukoll fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Moldova għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex, u fir-rigward tal-ewkivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali, taż-żerriegħa tal-ħxejjex u taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fil-Moldova (COM(2017)0643 – C8-0400/2017 – 2017/0297(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0643),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0400/2017),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Frar 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 39 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0253/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 227, 28.6.2018, p. 76.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta' Settembru 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fir-Repubblika Federattiva tal-Brażil għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, kif ukoll fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fir-Repubblika tal-Moldova għal uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex u uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali, taż-żerriegħa tal-ħxejjex u taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fir-Repubblika tal-Moldova
P8_TC1-COD(2017)0297

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

▌Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

▌Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja(2),

Billi:

(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE(3) tipprevedi li, taħt ċerti kondizzjonijiet, l-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu għal ċerti uċuħ tar-raba' li jipproduċu ż-żerriegħa fil-pajjiżi terzi elenkati jridu jitqiesu ekwivalenti għall-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu skont il-liġi tal-Unjoni u li, skont ċerti kondizzjonijiet, iż-żerriegħa ta' ċerti speċijiet ta' pjanti tal-għalf, ċereali, pitravi, u pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti f'dawk il-pajjiżi jridu jitqiesu ekwivalenti għaż-żerriegħa prodotta skont il-liġi tal-Unjoni.

(2)  Ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil ('il-Brażil') ressqet talba lill-Kummissjoni biex tagħti ekwivalenza lis-sistema tagħha ta' spezzjonijiet fuq il-post ta' uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, kif ukoll liż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u liż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti u ċċertifikati fil-Brażil.

(3)  Il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Brażil, u, abbażi ta' verifika mwettqa fl-2016 dwar is-sistema ta' kontrolli uffiċjali u ta' ċertifikazzjoni ta' pjanti tal-għalf u żerriegħa taċ-ċereali fil-Brażil, u l-ekwivalenza tagħha mar-rekwiżiti tal-Unjoni, ippubblikat il-konklużjonijiet tagħha f'rapport bit-titlu "Rapport finali ta' verifika mwettqa fil-Brażil mill-11 sad-19 ta' April 2016 sabiex tivvaluta s-sistema ta' kontrolli uffiċjali u ta' ċertifikazzjoni taż-żerriegħa, u l-ekwivalenza tas-sistema mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea".

(4)  Wara l-verifika, ġie konkluż li l-ispezzjonijiet fuq il-post tal-uċuħ tar-raba' li jipproduċu ż-żerriegħa, it-teħid tal-kampjuni, l-ittestjar u l-post-kontrolli uffiċjali taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u taċ-ċereali jitwettqu kif suppost, u jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2003/17/KE u r-rekwiżiti rispettivi stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill  66/401/KEE(4) u 66/402/KEE(5). Barra minn hekk, ġie konkluż li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni taċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa fil-Brażil huma kompetenti u joperaw b'mod xieraq.

(5)  Ir-Repubblika tal-Moldova ressqet talba lill-Kummissjoni biex tagħti ekwivalenza lis-sistema tagħha ta' spezzjonijiet fuq il-post ta' uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex u uċuħ tar-raba' li jipproduċu pjanti taż-żejt u tal-fibra, kif ukoll għaż-żerriegħa taċ-ċereali, iż-żerriegħa tal-ħxejjex u ż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti u ċċertifikati fir-Repubblika tal-Moldova.

(6)  Il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni rilevanti tar-Repubblika tal-Moldova, u, abbażi ta' verifika li twettqet fl-2016 dwar is-sistema ta' kontrolli uffiċjali u ta' ċertifikazzjoni taż-żerriegħa taċ-ċereali, tal-ħxejjex u tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra fir-Repubblika tal-Moldova, u l-ekwivalenza tagħha mar-rekwiżiti tal-Unjoni, ippubblikat il-konklużjonijiet tagħha f'rapport bit-titlu "Rapport finali ta' verifika mwettqa fir-Repubblika tal-Moldova mill-14 sal-21 ta' Ġunju 2016 sabiex tivvaluta s-sistema ta' kontrolli uffiċjali u ta' ċertifikazzjoni taż-żerriegħa, u l-ekwivalenza tagħhom mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea".

(7)  Wara l-verifika, ġie konkluż li l-ispezzjonijiet fuq il-post tal-uċuħ tar-raba' li jipproduċu ż-żerriegħa, it-teħid tal-kampjuni, l-ittestjar u l-post-kontrolli uffiċjali taż-żerriegħa taċ-ċereali, tal-ħxejjex, u tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra jitwettqu b'mod xieraq, u jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2003/17/KE u r-rekwiżiti rispettivi stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill 66/402/KEE, 2002/55/KE(6) u 2002/57/KE(7). Barra minn hekk, ġie konkluż li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni taċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa fir-Repubblika tal-Moldova huma kompetenti u joperaw b'mod xieraq.

(8)  Għaldaqstant, huwa xieraq li tingħata ekwivalenza fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu fir-rigward tal-uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u l-uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali fil-Brażil, u fir-rigward taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fil-Brażil u ċċertifikati uffiċjalment mill-awtoritajiet tiegħu.

(9)  Huwa xieraq ukoll li tingħata ekwivalenza fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu fir-rigward tal-uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex u uċuħ tar-raba' li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra fir-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll fir-rigward taż-żerriegħa taċ-ċereali, żerriegħa tal-ħxejjex u żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fir-Repubblika tal-Moldova u ċċertifikati uffiċjalment mill-awtoritajiet tagħha.

(10)  Fl-Unjoni hemm domanda għall-importazzjoni taż-żerriegħa tal-ħxejjex minn pajjiżi terzi, inkluż mir-Repubblika tal-Moldova. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2003/17/KE tkopri ż-żerriegħa tal-ħxejjex iċċertifikata uffiċjalment kif imsemmi fid-Direttiva 2002/55/KE sabiex tiġi indirizzata d-domanda għal tali żerriegħa li toriġina mir-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll minn pajjiżi terzi oħra fil-futur.

(11)  Filwaqt li jitqiesu r-regoli applikabbli tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Ittestjar taż-Żrieragħ (ISTA), huwa xieraq li l-pajjiż terz ikkonċernat jipprovdi dikjarazzjoni uffiċjali li ż-żerriegħa ttieħed kampjun tagħha u ġiet ittestjata skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli Internazzjonali għall-Ittestjar taż-Żrieragħ tal-ISTA ("ir-Regoli tal-ISTA") fir-rigward taċ-Ċertifikati Internazzjonali Oranġjo tal-Lott ta' Żrieragħ, u li l-lottijiet ta' żrieragħ jkunu akkumpanjati minn ċertifikat bħal dan.

(12)  Fid-dawl tal-iskadenza tal-"Esperiment derogatorju dwar it-teħid ta' kampjuni taż-żerriegħa u l-analiżi taż-żerriegħa" li jinsab fl-Anness V(A) għad-Deċiżjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) fit-28 ta' Settembru 2000 dwar l-Iskemi tal-OECD għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Varjetà taż-Żerriegħa li timxi fil-Kummerċ Internazzjonali, jenħtieġ li kwalunkwe referenza għal dak l-esperiment titħassar.

(13)  Jenħtieġ li kwalunkwe referenza għall-Kroazja bħala pajjiż terz titħassar, minħabba l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni fl-2013.

(14)   Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2003/17/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni 2003/17/KE

Id-Deċiżjoni 2003/17/KE hija emendata kif ġej:

(1)  fl-Artikolu 1, il-parti introduttorja hija sostitwita b'dan li ġej:"

"L-ispezzjonijiet fuq il-post li jirrigwardaw l-uċuħ tar-raba' li jipproduċu ż-żerriegħa tal-ispeċijiet speċifikati fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni mwettqa fil-pajjiżi terzi elenkati f'dak l-Anness għandhom jitqiesu ekwivalenti għall-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa skont id-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE, sakemm dawn:";

"

(2)  l-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"Artikolu 2

Iż-żerriegħa tal-ispeċijiet speċifikati fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni, prodotta fil-pajjiżi terzi elenkati f'dak l-Anness u ċċertifikata uffiċjalment mill-awtoritajiet elenkati f'dak l-Anness, għandha titqies ekwivalenti għaż-żerriegħa li tikkonforma mad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE, jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt B tal-Anness II għal din id-Deċiżjoni.";

"

(3)  l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"1. Meta żerriegħa ekwivalenti tiġi 'mogħtija t-tikketta mill-ġdid u marbuta mill-ġdid' fil-Komunità, fit-tifsira tal-Iskemi tal-OECD għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Varjetà taż-Żerriegħa li timxi fil-Kummerċ Internazzjonali, għandhom japplikaw b'analoġija d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE fir-rigward tal-għeluq mill-ġdid tal-pakketti prodotti fil-Komunità.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-OECD applikabbli għal tali operazzjonijiet.

"

(b)  fil-paragrafu 2, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"(b) għall-pakketti żgħar tal-KE fit-tifsira tad-Direttivi 66/401/KEE, 2002/54/KE jew 2002/55/KE.";

"

(4)  l-Annessi għad-Deċiżjoni 2003/17/KE huma emendati skont l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS

L-Annessi I u II għad-Deċiżjoni 2003/17/KE huma emendati kif ġej:

(1)  l-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)  fit-tabella, jiddaħħlu l-entrati li ġejjin f'ordni alfabetika:

"BR

Ministry of Agriculture, Livestock and Food Supply

Esplanada dos Ministérios, bloco D

70.043-900 Brasilia-DF

66/401/KEE

66/402/KEE"

"MD

National Agency for Food Safety (ANSA)

str.  Mihail Kogălniceanu 63,

MD-2009, Chisinau

66/402/KEE

2002/55/KEE

2002/57/KEE"

;

(b)  fin-nota f'qiegħ il-paġna tat-tabella msemmija fil-punt (a), jiddaħħlu t-termini li ġejjin f'ordni alfabetika: "BR – il-Brażil", "MD – ir-Repubblika tal-Moldova";

(c)  fin-nota f'qiegħ il-paġna ta' dik it-tabella, it-terminu "HR – il-Kroazja" huwa mħassar;

(2)  l-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)  fil-punt A, paragrafu 1, jiżdied l-inċiż li ġej:

"▌ iż-żerriegħa tal-ħxejjex, fil-każ tal-ispeċijiet imsemmija fid-Direttiva 2002/55/KE.";

(b)  il-punt B huwa emendat kif ġej:

(i)  fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, jiżdied l-inċiż li ġej:

"▌ iż-żerriegħa tal-ħxejjex, fil-każ tal-ispeċijiet imsemmija fid-Direttiva 2002/55/KE.";

(ii)  fil-paragrafu 2.1, jiddaħħal l-inċiż li ġej wara t-tielet inċiż:

▌" id-Direttiva 2002/55/KE, Anness II,";

(iii)  il-paragrafu 2.2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.2. Għall-fini tal-eżami biex jiġi ċċekkjat jekk ġewx sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2.1, għandhom jittieħdu kampjuni b'mod uffiċjali jew taħt superviżjoni uffiċjali skont ir-Regoli tal-ISTA, u l-piżijiet tagħhom għandhom jikkonformaw mal-piż stipulat skont dawn il-metodi, filwaqt li jitqiesu l-piżijiet speċifikati fid-Direttivi li ġejjin:

–  id-Direttiva 66/401/KEE, Anness III, kolonni 3 u 4,

–  id-Direttiva 66/402/KEE, Anness III, kolonni 3 u 4,

–  id-Direttiva 2002/54/KE, Anness II, it-tieni linja,

–  id-Direttiva 2002/55/KE, Anness III,

–  id-Direttiva 2002/57/KE, Anness III, kolonni 3 u 4,";

(iv)  il-paragrafu 2.3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.3. L-eżami għandu jitwettaq b'mod uffiċjali jew taħt superviżjoni uffiċjali skont ir-Regoli tal-ISTA.";

(v)  il-paragrafu 2.4 huwa mħassar;

(vi)   fl-paragrafu 3.1, it-tieni inċiż huwa sostitwit b'dan li ġej:

"− dikjarazzjoni li ttieħdu kampjuni miż-żerriegħa u ġew ittestjati skont metodi internazzjonali attwali: "Ittieħed kampjun u ġie analizzat f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli Internazzjonali għall-Ittestjar taż-Żrieragħ tal-ISTA fir-rigward taċ-Ċertifikati Internazzjonali Oranġjo tal-Lott ta' Żrieragħ minn …, (isem jew kodiċi tal-membru tal-istazzjon tat-testijiet taż-żrieragħ tal-ISTA)',";

(vii)   il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"4. Il-lottijiet ta' żrieragħ għandhom ikunu akkumpanjati minn Ċertifikat Internazzjonali Oranġjo tal-ISTA tal-Lott ta' Żrieragħ li jagħti t-tagħrif marbut mal-kondizzjonijiet fil-paragrafu 2.".

(1) ĠU C 227, 28.6.2018, p. 76.
(2) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Settembru 2018.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-pajjiżi terzi fuq l-uċuħ tar-raba' li jipproduċu ż-żerriegħa u dwar l-ekwivalenza taż-żerriegħa prodotta fil-pajjiżi terzi (ĠU L 8, 14.1.2003 p. 10).
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta' Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta' żerriegħa ta' pjanti tal-għalf (ĠU 125, 11,7,1966, p. 2298).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE tal-14 ta' Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (ĠU 125, 11.7.1966, p. 2309).
(6) Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta' Ġunju2002 dwar il-marketing ta' żrieragħ tal-ħxejjex (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33).
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 fuq il-marketing taż-żerriegħa ta' pjanti taż-żejt u tal-fibra (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74).

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Settembru 2018Avviż legali