Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2038(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0244/2018

Testi mressqa :

A8-0244/2018

Dibattiti :

PV 10/09/2018 - 22
CRE 10/09/2018 - 22

Votazzjonijiet :

PV 11/09/2018 - 6.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0324

Testi adottati
PDF 138kWORD 57k
It-Tlieta, 11 ta' Settembru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Miżuri speċifiċi għall-Greċja
P8_TA(2018)0324A8-0244/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri speċifiċi għall-Greċja skont ir-Regolament (UE) 2015/1839 (2018/2038(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2015 intitolata "Bidu ġdid għat-tkabbir u l-impiegi fil-Greċja" (COM(2015)0400),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1839 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi għall-Greċja(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/825 dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perijodu mill-2017 sal-2020 (SRSP)(3),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-19 ta' Settembru 2016 dwar evalwazzjonijiet ex post tal-FEŻR u tal-Fond ta' Koeżjoni 2007-2013 (SWD(2016)0318),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Ministeru Grieg tal-Ekonomija u l-Iżvilupp dwar l-użu tal-ammonti taħt ir-Regolament (UE) 2015/1839 (perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013)(4),

–   wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali lill-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 2015/1839 dwar miżuri speċifiċi għall-Greċja (O-000100/2017(B8-0001/2018) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0244/2018),

A.  billi l-politika ta' koeżjoni hija espressjoni ta' solidarjetà u l-istrument ewlieni ta' investiment tal-UE, u tkopri r-reġjuni kollha u tnaqqas id-disparitajiet; billi l-importanza tal-valur miżjud u tal-flessibbiltà tagħha matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja ġew ikkonfermati f'diversi okkażjonijiet; billi, bir-riżorsi baġitarji eżistenti, il-politika ta' koeżjoni kkontribwiet biex jinżammu opportunitajiet tant meħtieġa ta' investiment pubbliku, għenet biex żammet il-kriżi milli taggrava u ppermettiet lill-Istati Membri u r-reġjuni jadottaw risponsi mfassla apposta bil-għan li tiżdied ir-reżiljenza tagħhom fil-konfront ta' avvenimenti mhux mistennija u xokkijiet esterni;

B.  billi l-appoġġ bejn l-2007 u l-2015 mill-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni fil-Greċja ammonta għal EUR 15,8 biljun, ekwivalenti għal madwar 19 % tat-total tan-nefqa kapitali tal-gvern;

C.  billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja kienet wasslet għal rati ta' tkabbir negattivi persistenti fil-Greċja, li ma setgħux jiġu indirizzati mit-tliet pakketti ta' salvataġġ internazzjonali, kif ukoll għal problemi ta' likwidità serji u nuqqas ta' fondi pubbliċi;

D.   billi l-Greċja u l-gżejjer Griegi ntlaqtu u għadhom qed jintlaqtu b'mod partikolari mill-kriżi tar-rifuġjati u tal-migrazzjoni u jinsabu taħt pressjoni kbira mill-flussi akbar ta' migranti u rifuġjati, u dan issarraf f'daqqa ta' ħarta kbira lill-ekonomika lokali, b'mod partikolari fil-qasam tat-turiżmu;

E.  billi bejn l-2007 u l-2013, il-PDG tal-Greċja naqas b'26 % f'termini reali u filwaqt li r-reċessjoni ntemmet fl-2014, it-tkabbir matul is-sentejn ta' wara kien inqas minn 1 %. billi r-rata tal-impjiegi niżlet minn 66 % għal 53 % fl-2013, u dan jimplika li kienu biss nofs in-nies fl-età tax-xogħol li kellhom impjieg, waqt li l-qgħad żdied minn 8,4 % għal 27,5 % matul l-istess perjodu, u dan kellu impatt qawwi fuq il-kapaċità tal-akkwist tal-popolazzjoni Griega u laqat ħażin ħafna lil diversi setturi, inkluża s-saħħa; billi skont l-aktar data reċenti tal-Eurostat, ir-rata ta' qgħad hija ta' 20,8 %, b'livell għoli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ;

F.  billi l-Kummissjoni u l-koleġiżlaturi rrikonoxxew, fl-2015, li l-Greċja ntlaqtet mill-kriżi b'mod uniku, li seta' kellu impatt enormi kemm fuq il-finalizzazzjoni tal-operazzjonijiet taħt il-programmi operazzjonali 2000-2006 u 2007-2013 kif ukoll fuq il-bidu tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020;

G.  billi l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2015/1839 kienet maħsuba biex tipprovdi lill-Greċja b'likwidità f'mument kruċjali qabel ma l-implimentazzjoni ta' programmi kienet intemmet u l-opportunitajiet ta' investiment meħtieġa kienu ntilfu, minħabba li ammonti sostanzjali kienu jiġu rkuprati f'każ ta' nuqqas ta' tlestija tal-proġetti mill-perjodi 2000-2006 u 2007-2013;

H.  billi r-Regolament (UE) 2015/1839 stabbilixxa prefinanzjament inizjali addizzjonali għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 ta' żewġ pagamenti ta' 3,5 % kull wieħed tal-ammont ta' appoġġ mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), kif ukoll l-applikazzjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 ta' rata ta' kofinanzjament ta' 100 % għan-nefqa eliġibbli u r-rilaxx bikri tal-aħħar 5 % tal-pagamenti tal-UE li fadal, li kellhom jinżammu sa tmiem il-programmi;

I.  billi r-Regolament ġie adottat bil-għan li jirrispondi mill-aktar fis possibbli għal sitwazzjoni ta' kriżi serja u li jiżgura li l-Greċja jkollha biżżejjed fondi biex tlesti l-proġetti taħt il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 u biex tibda l-implimentazzjoni taħt il-perjodu attwali;

J.  billi skont l-Artikolu 152(6)2, il-Greċja kellha tippreżenta, sa tmiem l-2016, rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-applikazzjoni tar-rata ta' kofinanzjament ta' 100 % u mal-limitu massimu għall-pagamenti għall-programmi fi tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni;

K.  billi l-UE ħallset ukoll 95 % tal-ispiża totali tal-investiment fil-perjodu ta' finanzjament 2007-2013 fil-Greċja (il-massimu ta' 85 % normalment applikabbli), permezz tar-Regolament (UE) Nru 1311/2011 li jippermetti l-hekk imsejħa miżura "supplimentari";

L.  billi f'Ottubru 2015 ġie stabbilit kont delimitat, li fih ġew trasferiti l-fondi kollha allokati għall-finanzjament ta' proġetti ffinanzjati mill-UE sabiex ikun żgurat li dawn jintużaw biss għal pagamenti lil benefiċjarji u operazzjonijiet taħt il-programmi operazzjonali;

M.  billi l-Greċja rċeviet ukoll appoġġ mill-2011 permezz tat-Task Force għall-Greċja tal-Kummissjoni, li pprovdiet assistenza teknika għall-proċess ta' riforma tal-pajjiż, u mill-2015 permezz tas-Servizz ta' Sostenn għar-Riforma Strutturali li pprovda assistenza għat-tħejjija, għat-tfassil, għall-implimentazzjoni u għall-evalwazzjoni ta' riformi li jsaħħu t-tkabbir; billi r-Regolament (UE) 2017/825 dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP) għall-perijodu mill-2017 sal-2020 daħal fis-seħħ fl-20 ta' Mejju 2017 u kien mument importanti għall-impenji tas-Servizz ta' Sostenn għar-Riforma Strutturali mal-Istati Membri interessati, inkluża l-Greċja;

1.  Itenni r-rwol importanti li tiżvolġi l-politika ta' koeżjoni fl-ilħuq tal-objettivi tal-UE ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, ġlieda kontra l-qgħad, tnaqqis fl-inugwaljanzi u tisħiħ tal-kompetittività fir-reġjuni kollha tal-UE, fl-espressjoni tas-solidarjetà Ewropea u fl-ikkomplementar ta' politiki oħra; ifakkar, barra minn hekk, li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) huma l-akbar sors ta' investiment dirett fil-Greċja;

2.  Jieħu nota tar-rapport dwar l-użu tal-ammonti taħt ir-Regolament (UE) 2015/1839 relatat mal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 li kien dovut fl-aħħar tal-2016; jinnota li r-rapport tressaq mill-awtoritajiet Griegi f'Mejju 2017 u tpoġġa għad-dispożizzjoni tal-Parlament f'Diċembru 2017, wara ħafna talbiet; japprezza li l-Kummissjoni pprovdiet lill-Parlament b'valutazzjoni proviżorja tal-lista ta' 181 proġett ta' prijorità, li jammontaw għal EUR 11,5 biljuni u ekwivalenti għal madwar 55 % tat-total tal-allokazzjonijiet tal-FEŻR, FK u FSE lill-Greċja, li minnhom 118 kienu diġà ġew implimentati b'suċċess sa tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni u 24 meqjusa li ġew eliminati gradwalment;

3.  Jenfasizza li, skont id-data pprovduta fir-rapport imsemmi hawn fuq, wara l-adozzjoni tar-Regolament fir-rigward tal-miżuri speċifiċi għall-Greċja, l-impatt dirett fuq il-likwidità fl-2015 kien ta' EUR 1 001 709 731.50 u fl-2016 l-inputs ammontaw għal EUR 467 674 209.45; madankollu, jinnota li flimkien maż-żieda tal-prefinanzjament inizjali għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-Greċja rċeviet madwar EUR 2 biljun fl-2015-2016;

4.  Japprezza l-fatt li l-ammonti mħallsa ġew allokati għal firxa wiesgħa ta' proġetti: it-trasport u infrastrutturi oħra (l-ambjent, it-turiżmu, il-kultura, ir-riġenerazzjoni urbana u rurali, l-infrastrutturi soċjali), proġetti ta-soċjetà tal-informazzjoni, u azzjonijiet biex jiġu żviluppati riżorsi umani; barra minn hekk, jilqa' l-fatt li 63 % tal-pagamenti totali għal proġetti ta' għajnuna mill-Istat ikkonċernaw għajnuna għall-impriżi u l-proġetti kummerċjali, li kkontribwew direttament għall-kompetittività u għat-tnaqqis tar-riskju intraprenditorjali, filwaqt li 37 % ikkonċernaw azzjonijiet ta' għajnuna mill-Istat għal proġetti ta' infrastrutura, u b'hekk issupplementaw l-arranġamenti rigward il-kundizzjonijiet tas-suq u t-titjib kummerċjali;

5.  Japprezza l-fatt li r-rapport imressaq mill-awtoritajiet Griegi jirrikonoxxi li ż-żieda tal-likwidità rrappreżentat fl-istess ħin titjib tad-dħul finanzjarju, b'madwar EUR 1,5 biljun, u tal-programm ta' investiment pubbliku għall-2015-2016;

6.  Jilqa' l-effetti tal-miżuri fir-rigward tat-titjib tal-attività ekonomika, in-normalizzazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-fatturat u l-kapital operatorju ta' numru sinifikanti ta' negozji, il-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi, u t-tlestija ta' infrastrutturi tal-produzzjoni importanti, riflessi wkoll f'impatt sinifikanti fuq id-dħul mit-taxxa fil-baġit;

7.  Jifhem li l-fondi mħallsa mill-UE li rriżultaw mill-implimentazzjoni tar-Regolament intużaw fl-2015 għat-tlestija tal-proġetti taħt il-Programmi Operazzjonali sa tmiem il-perjodu ta' eliġibbiltà, u li fl-2016, l-ammont li fadal li tħallas flimkien mar-riżorsi nazzjonali kkontribwixxa wkoll għat-tlestija ta' proġetti oħra;

8.  Japprezza l-fatt li l-awtoritajiet Griegi impenjaw ruħhom li jorganizzaw mill-ġdid il-klassifikazzjoni tal-proġetti u jidentifika proġetti ewlenin li għandhom jintgħażlu għal tlestija; jissottolinja li dan għen b'mod sinifikanti biex jingħelbu l-ostakli istituzzjonali u amministrattivi u biex jiġu stabbiliti azzjonijiet prijoritarji li għandhom jiġu implimentati bla dewmien ulterjuri, u b'hekk anke jiġu prevenuti l-korrezzjonijiet finanzjarji; jilqa' l-fatt li l-fondi mħallsa mill-UE taħt ir-Regolament (UE) 2015/1839 naqqsu b'mod sinifikanti n-numru ta' proġetti ddikjarati bħala mhux kompluti; jinnota li, meta mqabbel mal-perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006, li fih madwar 900 proġett ma kinux tlestew, 79 proġett kien għadhom ma tlestewx fi żmien tas-sottomissjoni tat-talbiet finali għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, iżda li dawn huma mistennija li jitlestew bl-użu ta' fondi nazzjonali;

9.  Jissottolinja li l-assorbiment tal-fondi strutturali tjieb notevolment, u li sa tmiem Marzu 2016, ir-rata tal-pagamenti fil-Greċja għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 kienet aktar minn 97 %(5) u li skont il-livell ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti totali u tal-impenji pendenti ("reste à liquider" (RAL)) għall-programmi għall-2017-2013 fil-31 ta' Marzu 2018, il-Greċja ma kellha l-ebda RAL taħt l-Intestatura 1b(6); jilqa' l-fatt li l-Greċja kienet l-ewwel Stat Membru li ħadet ir-riżorsi disponibbli kollha u laħqet rata ta' assorbiment ta' 100 % meta mqabbla mal-medja tal-UE ta' 96 %;

10.  Jirrikonoxxi, madankollu, li r-rati ta' assorbiment jipprovdu biss informazzjoni indikattiva u li enfasi fuq l-assorbiment tal-fondi m'għandhiex issir askapitu tal-effikaċja, il-valur miżjud u l-kwalità tal-investimenti; jinnota li l-miżuri speċifiċi huma ta' natura makroekonomika u li l-effetti tagħhom huma diffiċli li jiġu ttraċċati għal proġetti individwali;

11.  Ifakkar li l-FSIE għandhom impatt sinifikanti fuq il-PDG u indikaturi oħra f'diversi Stati Membri, kif ukoll fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali b'mod ġenerali, u li l-investiment sostnut mill-politiki ta' koeżjoni u tal-iżvilupp rurali fil-Greċja huwa stmat li fl-2015 żied il-PDG, fi tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti, b'aktar minn 2 % 'l fuq mil-livell li kien jilħaq mingħajr il-fondi pprovduti; ifakkar li l-użu tal-fondi strutturali tal-UE jeħtieġ li jiffoka dejjem fuq it-twettiq tal-objettivi bbażati fuq it-Trattat u fuq il-kisba ta' valur miżjud reali tal-UE, jimmira fuq il-prijoritajiet tal-UE u jmur lil hinn minn sempliċi tkabbir tal-PDG;

12.  Jieħu nota tal-analiżi primarjament kwantitattiva tar-rapport imressaq mill-awtoritajiet Griegi dwar l-użu tal-ammonti taħt ir-Regolament (UE) 2015/1839 b'rabta mal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, li jikkonforma mar-rekwiżiti legali; jirrikonoxxi li l-effett tal-miżuri speċifiċi ma jistax jiġi separat mill-impatt ġenerali tal-FSIE fil-Greċja iżda jikkunsidra li valutazzjoni kwalitattiva, minkejja li hi diffiċli biex titwettaq, tgħin biex tiġi komplementata l-analiżi u biex jiġu mifhuma r-riżultati miksuba; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi aktar informazzjoni f'termini ta' żieda fil-kompetittività u l-produttività u s-sostenibbiltà fl-aspetti soċjali u ekoloġiċi;

13.  Japprezza l-fatt li, skont id-data finali kkomunikata mill-Kummissjoni fil-31 ta' Diċembru 2016, l-ammont ta' talbiet għall-ħlas mill-awtoritajiet Griegi kien ta' EUR 1,6 biljun u li l-Greċja wriet, mill-31 ta' Marzu 2018, rata ta' implimentazzjoni ta' 28 % għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020(7), li jfisser li kienet fost l-Istati Membri bl-aqwa prestazzjoni, b'mod ġenerali, minkejja xi differenzi li ġew innotati rigward il-livell ta' tqassim jew ir-rata ta' assorbiment skont il-fond; japprova, barra minn hekk, l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2015/1839 bħala miżura importanti, xierqa biex tipprovdi appoġġ imfassal apposta f'mument kruċjali għall-Greċja; jilqa' l-fatt li kif mitlub, il-prefinanzjament addizzjonali kien kompletament kopert minn talbiet intermedji għal ħlas mill-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni, filwaqt li nnota li ma kienx kompletament kopert mill-FSE (madwar 4 %) jew l-FEMS;

14.  Ifakkar fl-importanza tar-riformi strutturali rilevanti; jirrikonoxxi l-isforzi magħmula u jistieden lill-Greċja biex tkompli tagħmel użu sħiħ mill-possibbiltajiet ta' assistenza taħt il-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali sabiex jinħoloq ambjent tan-negozju sod għall-użu effiċjenti u effettiv tal-FSIE u għall-massimizzazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku tagħhom;, sabiex

15.  Jirrikonoxxi li bis-sostenn tal-investiment pubbliku u l-implimentazzjoni flessibbli tal-investimenti tal-UE, permezz tar-riprogrammazzjoni tal-fondi jew biż-żieda tar-rata ta' kofinanzjament, il-politika reġjonali taffiet l-impatt tal-kriżi finanzjarja u tal-konsolidazzjoni fiskali sostnuta f'diversi Stati Membri; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġi żgurat il-finanzjament xieraq tagħhom fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss; itenni madankollu li l-politika ta' koeżjoni għandha titqies bħala l-għodda ewlenija ta' investiment pubbliku u bħala katalizzatur biex jiġi attirat finanzjament pubbliku u privat addizzjonali, u li miżuri simili li jirriżultaw fi tnaqqis fil-kwoti ta' kofinanzjament nazzjonali meħtieġa għall-għoti ta' finanzjament għall-programmi operazzjonali ffinanzjati mill-Fondi Strutturali, għall-Greċja jew Stat Membru ieħor, għandhom ikunu previsti fuq bażi eċċezzjonali biss u qabel l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom, għandhom jiġu analizzati mill-perspettiva tal-effikaċja tagħhom, u ġustifikati kif jixraq;

16.  Jinnota li xi reġjuni jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet biex jikkofinanzjaw proġetti taħt l-FSIE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, bħala kwistjoni ta' urġenza, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, l-impatt fuq il-kalkolu tad-defiċits tal-gvern tal-istrumenti reġjonali kkofinanzjati permezz tal-FSIE, speċjalment ta' dawk fir-reġjuni inqas żviluppati;

17.  Ifakkar lill-awtoritajiet Griegi fl-importanza li jiżguraw komunikazzjoni u viżibbiltà xierqa tal-proġetti taħt l-FSIE;

18.  Jilqa' l-valutazzjoni preliminari li l-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 huwa mistenni li jingħalaq mingħajr ebda telf ta' fondi għall-Greċja; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar ir-riżultati tal-proċess ta' għeluq, li hu mistenni li jiġi konkluż fl-ewwel nofs tal-2018, kif ukoll tipprovdi aġġornament dwar il-proġetti li għandhom jitlestew b'fondi nazzjonali u dawk li kienu għadhom ma tlestewx fil-31 ta' Marzu 2018;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 270, 15.10.2015, p. 1.
(3) ĠU L 129, 19.5.2017, p. 1.
(4) Ateni, Mejju 2017.
(5) Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar evalwazzjonijiet ex post tal-FEŻR u tal-Fond ta' Koeżjoni 2007-2013.
(6) Livell ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti totali u livell tar-"reste à liquider" (RAL) għall-Intestatura 1b (programmi 2007-2013) - Ħatra ta' awtoritajiet nazzjonali u livell ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti interim tal-Programmi Operazzjonali 2014-2020 tal-FSIE (Status fil-31 ta' Marzu 2018).
(7) Livell ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti totali u livell tar-"reste à liquider" (RAL) għall-Intestatura 1b (programmi 2007-2013) - Ħatra ta' awtoritajiet nazzjonali u livell ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti interim tal-Programmi Operazzjonali 2014-2020 tal-FSIE (Status fil-31 ta' Marzu 2018).

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Settembru 2019Avviż legali