Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2253(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0263/2018

Testi mressqa :

A8-0263/2018

Dibattiti :

PV 10/09/2018 - 26
CRE 10/09/2018 - 26

Votazzjonijiet :

PV 11/09/2018 - 6.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0326

Testi adottati
PDF 156kWORD 54k
It-Tlieta, 11 ta' Settembru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Relazzjonijiet bejn l-UE u pajjiżi terzi li jikkonċernaw ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-servizzi finanzjarji
P8_TA(2018)0326A8-0263/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u pajjiżi terzi li jikkonċernaw ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-servizzi finanzjarji (2017/2253(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-25 ta' Frar 2009 tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Superviżjoni Finanzjarja fl-UE, ippresedut minn Jacques de Larosière,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-Rieżami tas-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (SESF)(1),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-15 ta' Mejju 2014 bit-titolu "Rieżami Ekonomiku tal-Aġenda tar-Regolamentazzjoni Finanzjarja" (SWD(2014)0158),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-8 ta' Awwissu 2014 dwar l-operat tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u s-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (SESF) (COM(2014)0509),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Sejħa għal Evidenza – Qafas regolatorju tal-UE għal servizzi finanzjarji" (COM(2016)0855),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar "Analiżi u sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji: l-impatt u t-triq 'il quddiem lejn qafas tal-UE aktar effiċjenti u effikaċi għal Regolamentazzjoni Finanzjarja u Unjoni tas-Swieq Kapitali"(3),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2017 bit-titolu "Id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza tal-UE fil-politika dwar is-servizzi finanzjarji: valutazzjoni" (SWD(2017)0102),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0263/2018),

A.  billi sa mill-kriżi finanzjarja, ġew adottati aktar minn 40 test ġdid ta' leġiżlazzjoni finanzjarja tal-UE, li minnhom 15 jinkludu "dispożizzjonijiet relatati mal-pajjiżi terzi" li jagħtu lill-Kummissjoni, f'isem l-UE, id-diskrezzjoni biex tiddeċiedi unilateralment jekk dispożizzjonijiet regolatorji ta' ġurisdizzjonijiet barranin jistgħux jitqiesu ekwivalenti;

B.  billi l-ekwivalenza u d-drittijiet ta' passaport huma kunċetti differenti ħafna, li jipprovdu drittijiet u obbligi differenti għar-regolaturi, is-superviżuri, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-parteċipanti tas-suq; billi deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza ma jagħtux "drittijiet ta' passaport" lil istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti f'pajjiżi terzi peress li dan il-kunċett huwa marbut inseparabbilment mas-suq intern bil-qafas regolatorju, superviżorju, ta' infurzar u ġudizzjarju komuni tiegħu;

C.  billi l-ebda ftehim kummerċjali konkluż mill-UE għadu ma inkorpora dispożizzjonijiet dwar l-aċċess reċiproku transfruntier għas-servizzi finanzjarji;

D.  billi m'hemmx qafas uniku li jifforma l-bażi għad-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza; billi kull att leġiżlattiv jistabbilixxi reġim ta' ekwivalenza speċifiku magħmul apposta għall-objettivi ta' politika tiegħu; billi d-dispożizzjonijiet dwar l-ekwivalenza attwali joffru approċċi differenti li jippermettu firxa ta' benefiċċji possibbli skont il-fornitur tas-servizzi finanzjarji u tas-suq li fih jopera;

E.  billi l-ekwivalenza hija, fost affarijiet oħra, għodda li tippromwovi l-konverġenza regolatorja internazzjonali, li tista' twassal għal aktar kompetizzjoni fis-suq intern tal-UE b'kundizzjonijiet ekwi, filwaqt li tevita l-arbitraġġ regolatorju, tipproteġi l-konsumaturi u l-investituri, tippreserva l-istabbiltà finanzjarja tal-UE u żżomm il-konsistenza fi ħdan is-suq uniku tagħha; billi l-ekwivalenza hi wkoll għodda li tiżgura trattament regolatorju u superviżorju ġust u ugwali bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE u dawk ta' pajjiżi terzi;

F.  billi d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza huma bbażati fuq ġabra unika ta' regoli tal-UE u huma bbażati fuq valutazzjoni teknika; billi, madankollu, dawn għandhom ikunu suġġett għal livell ogħla ta' skrutinju mill-Parlament;

G.  billi l-Kummissjoni tiddeskrivi l-ekwivalenza bħala "strument ewlieni li jiġġestixxi b'mod effikaċi l-attività transfruntiera ta' parteċipanti tas-suq f'ambjent prudenzjali sod u sigur ma' ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi li jaderixxu mal-istess standards għoljin ta' regoli prudenzjali bħall-UE, jimplimentawhom u jinfurzawhom b'mod rigoruż";

H.  billi l-ħruġ futur tar-Renju Unit mill-UE potenzjalment ser ikollu impatt sinifikanti fuq ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-servizzi finanzjarji, minħabba r-rabta mill-qrib li attwalment teżisti bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam; billi n-negozjati għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE għadhom għaddejjin;

I.  billi fil-każ li jiġi miftiehem u ratifikat il-Ftehim tal-Irtirar, inkluż il-perjodu ta' tranżizzjoni, l-istituzzjonijiet finanzjarji jkollhom perjodu itwal biex jadattaw għall-Brexit; billi, fin-nuqqas ta' perjodu ta' tranżizzjoni, il-Kummissjoni u l-ASE jridu jkunu lesti jipproteġu l-istabbiltà finanzjarja, l-integrità tas-suq intern u l-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-UE;

J.  billi huwa neċessarju, għall-iskop tal-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, li titqies bis-sħiħ l-interkonnettività bejn is-swieq ta' pajjiżi terzi u s-suq uniku tal-UE;

K.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar "Analiżi u sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji", il-Parlament stieden lill-Kummissjoni "tipproponi pjan konsistenti, koerenti, trasparenti u qafas prattiku għal proċeduri u deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza ta' pajjiżi terzi, b'kont meħud ta' analiżi bbażata fuq ir-riżultati u ta' standards jew ftehimiet internazzjonali";

Ir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi minn wara l-kriżi

1.  Jinnota li minn wara l-kriżi finanzjarja, l-UE żviluppat aktar ir-regolamentazzjoni finanzjarja tagħha permezz ta' riformi wiesgħa u tal-implimentazzjoni ta' standards internazzjonali; jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda fil-kooperazzjoni regolatorja u superviżorja bejn l-UE u pajjiżi terzi; jirrikonoxxi li dan ikkontribwixxa biex titjieb il-konsistenza globali fir-regolamentazzjoni finanzjarja u kkontribwixxa biex għamel lill-UE aktar reżiljenti għal xokkijiet finanzjarji globali;

2.  Iqis li l-UE għandha tippromwovi riformi regolatorji finanzjarji globali speċifiċi biex jitnaqqas ir-riskju sistemiku u tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja, u għandha taħdem lejn sistema finanzjarja miftuħa, integrata, effiċjenti u reżiljenti li tappoġġja t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv, il-ħolqien tal-impjiegi u l-investimenti; jenfasizza li kwalunkwe qafas ta' kooperazzjoni regolatorja u superviżorja internazzjonali għandu jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni u jirrispetta s-sistema u l-istandards regolatorji u superviżorji tagħha u l-applikazzjoni tagħhom;

3.  Jinnota bi tħassib li l-kooperazzjoni internazzjonali qed issir dejjem iżjed diffiċli biex tintlaħaq minħabba l-interessi nazzjonali differenti u l-inċentiv inerenti li r-riskji jiġu orjentati lejn ġurisdizzjonijiet oħrajn;

Il-proċeduri dwar l-ekwivalenza tal-UE

4.  Jinnota li diversi atti leġiżlattivi tal-UE fihom dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kooperazzjoni regolatorja ma' pajjiżi terzi, relatati ma' kooperazzjoni superviżorja u miżuri prudenzjali;

5.  Jenfasizza li l-għoti ta' ekwivalenza hija deċiżjoni unilaterali meħuda mill-UE, abbażi ta' standards tal-UE; iqis li f'xi każijiet speċifiċi l-kooperazzjoni internazzjonali tista' titħeġġeġ ukoll bis-saħħa ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni bejn l-UE u pajjiżi terzi;

6.  Jenfasizza li l-UE għandha tinkoraġġixxi ġurisdizzjonijiet oħrajn biex jagħtu aċċess għas-swieq finanzjarji tagħhom lill-parteċipanti tas-suq tal-UE;

7.  Jenfasizza li, permezz tar-relazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi dwar ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-servizzi finanzjarji, l-UE għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni fiskali ma' pajjiżi terzi, f'konformità mal-istandards internazzjonali u tal-UE; jemmen li deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza għandhom isiru dipendenti fuq regoli sodisfaċenti ta' pajjiżi terzi dwar il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus;

8.  Jirrikonoxxi li r-reġim ta' ekwivalenza tal-UE huwa parti integrali minn għadd ta' atti leġiżlattivi regolatorji u superviżorji tagħha għas-servizzi finanzjarji u jista' joffri bosta benefiċċji, bħal: aktar kompetizzjoni, aktar flussi ta' kapital lejn l-UE, u aktar strumenti u għażliet ta' investiment għall-kumpaniji tal-UE u għall-investituri, aktar protezzjoni għall-investituri u għall-konsumaturi u stabbiltà finanzjarja;

9.  Itenni li, f'bosta każijiet, id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza ma jagħtux id-dritt lill-istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti f'pajjiżi terzi li jipprovdu servizzi finanzjarji fl-UE kollha; jirrimarka li f'xi każijiet dawn jistgħu jagħtu lill-istituzzjonijiet ta' pajjiżi terzi aċċess limitat għas-suq uniku għal ċerti prodotti jew servizzi;

10.  Jissottolinja min-naħa l-oħra li "passaport tal-UE" jagħti lill-impriżi d-dritt li jipprovdu servizzi finanzjarji fil-pajjiżi kollha taż-ŻEE, skont il-liċenzja maħruġa minn pajjiżhom u taħt is-superviżjoni ta' pajjiżhom u li, għaldaqstant, ma tkunx disponibbli għal istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti f'pajjiżi mhux taż-ŻEE minħabba li dan jiddependi fuq ġabra ta' rekwiżiti prudenzjali armonizzati fl-ambitu tad-dritt tal-UE u fuq ir-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji;

11.  Jenfasizza li r-reġim ta' ekwivalenza tal-UE għandu l-għan li jippromwovi l-konverġenza regolatorja internazzjonali u jsaħħaħ il-kooperazzjoni superviżorja abbażi tal-istandards tal-UE u dawk internazzjonali u li jiżgura trattament ugwali bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u dawk ta' pajjiżi terzi filwaqt li jippreserva l-istabbiltà finanzjarja tal-UE u jipproteġi lill-investituri u lill-konsumaturi;

12.  Iqis li, kif inhuma l-affarijiet bħalissa, il-proċess tal-UE għall-għoti tal-ekwivalenza jibbenefika minn trasparenza akbar fir-rigward tal-Parlament Ewropew; jemmen li t-trasparenza tista' tittejjeb permezz ta' qafas strutturat, orizzontali u prattiku flimkien ma' linji gwida dwar ir-rikonoxximent ta' oqfsa superviżorji ta' pajjiżi terzi kif ukoll minn livell ta' granularità tal-valutazzjoni ta' oqfsa bħal dawn;

13.  Jemmen li d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza għandhom ikunu oġġettivi, proporzjonati, sensittivi għar-riskju filwaqt li jżommu l-istandards għolja tar-regolamentazzjoni tal-UE; barra minn hekk, iqis li d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza għandhom jittieħdu fl-aħjar interessi tal-Unjoni, tal-Istati Membri tagħha u taċ-ċittadini tagħha, filwaqt li titqies l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investitur u tal-konsumatur u l-funzjonament tas-suq intern;

14.  Iqis li l-valutazzjonijiet tal-ekwivalenza huma ta' natura teknika, iżda jinnota li d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza għandhom dimensjoni politika ċara, u possibbilment joħolqu bilanċ bejn objettivi differenti ta' politika; jinsisti li l-proċess għall-għoti tal-ekwivalenza lil pajjiż terz fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għandu dejjem ikun suġġett għall-iskrutinju tal-Parlament u tal-Kunsill u li, għall-finijiet ta' trasparenza akbar, dawn id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu permezz ta' atti delegati, u fejn meħtieġ faċilitati minn proċedura bikrija ta' nuqqas ta' oġġezzjoni;

15.  Jinnota li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2017 li tagħti l-ekwivalenza lill-pjattaformi Svizzeri tan-negozjar ta' ishma bħala parti mill-proċedura ta' ekwivalenza MiFID/MiFIR – limitata għal perjodu ta' 12-il xahar bil-possibbiltà ta' estensjoni, dment li jsir progress suffiċjenti dwar qafas istituzzjonali komuni – kellha dimensjoni politika ċara;

16.  Jinnota li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tirtira d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza, partikolarment f'każijiet ta' diverġenza regolatorja materjali ta' pajjiż terz, u jemmen li l-Parlament għandu jiġi kkonsultat kif xieraq, fil-prinċipju qabel ma tittieħed deċiżjoni ta' rtirar bħal din; jitlob l-introduzzjoni ta' proċeduri trasparenti li jirregolaw l-adozzjoni, l-irtirar jew is-sospensjoni ta' deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza;

17.  Iqis li għandu jiġi żviluppat qafas konsistenti għal superviżjoni kontinwa ta' reġim ekwivalenti ta' pajjiż terz; iqis li l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) għandu jkollhom is-setgħa li jagħtu pariri lill-Kummissjoni u jirrieżaminaw żviluppi regolatorji u superviżorji f'pajjiżi terzi, minħabba li dawn l-iżviluppi jista' jkollhom effett fuq l-Unjoni permezz tal-interkonnettività tas-sistema finanzjarja; jitlob li l-Parlament jinżamm infurmat dwar ir-rieżamijiet regolatorji u superviżorji kontinwi ta' pajjiżi terzi; jinnota, f'dan ir-rigward, il-pakkett leġiżlattiv dwar ir-rieżami tas-sistema Ewropea ta' sorveljanza finanzjarja, li jipprevedi żieda fil-monitoraġġ wara deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, fost l-oħrajn fir-rigward ta' kwistjonijiet regolatorji, ta' superviżjoni u infurzar u dwar is-sitwazzjoni fis-suq tal-pajjiż terz;

18.  Iqis li permezz tal-qafas futur tal-UE dwar l-ekwivalenza, il-pajjiżi terzi jridu jżommu lill-ASE infurmati dwar kwalunkwe żvilupp regolatorju nazzjonali u li d-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza għandha tirrikjedi kooperazzjoni regolatorja u superviżorja tajba u skambju tal-informazzjoni; iqis li, bl-istess mod, il-pajjiżi terzi għandhom iżommu djalogu mill-qrib mal-UE;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina u tipprovdi qafas ċar għall-applikazzjoni trasparenti, koerenti u konsistenti ta' proċeduri ta' ekwivalenza li jintroduċi proċess imtejjeb għad-determinazzjoni, ir-rieżami, is-sospensjoni jew l-irtirar tal-ekwivalenza; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-benefiċċji tal-introduzzjoni ta' proċess ta' applikazzjoni għall-għoti tal-ekwivalenza għal pajjiżi terzi;

20.  Jitlob li d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza jkunu suġġetti għal monitoraġġ kontinwu mill-ASE rilevanti u sabiex ir-riżultat ta' dan il-monitoraġġ jiġi ppubblikat; jenfasizza li tali monitoraġġ għandu jindirizza l-leġiżlazzjoni, il-prattiki ta' infurzar u l-prattiki superviżorji rilevanti, kif ukoll l-emendi leġiżlattivi ewlenin u l-iżviluppi tas-suq, fil-pajjiż terz ikkonċernat; jistieden barra minn hekk lill-ASE sabiex jagħmlu valutazzjonijiet ad hoc tal-iżviluppi f'pajjiżi terzi abbażi ta' talbiet motivati mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrifletti dwar l-ekwivalenza tar-reġim attwali u biex tivvaluta jekk dan jikkontribwixxix biex jintlaħqu kundizzjonijiet ekwi bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE u ta' pajjiżi terzi, filwaqt li tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investitur u tal-konsumatur u l-funzjonament tas-suq intern; iqis li dan ir-rieżami, flimkien ma' proposti għal titjib fejn applikabbli, għandhom isiru pubbliċi;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew b'kull deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, inkluża l-ekwivalenza mogħtija, sospiża u rtirata, u biex tispjega r-raġunijiet għal dawk id-deċiżjonijiet;

23.  Ifakkar fl-importanza tal-ASE fl-analiżi u l-monitoraġġ tal-oqfsa superviżorji u regolatorji ta' pajjiżi terzi, u jitlob, f'dan ir-rigward, li l-ASE rilevanti jkollhom il-kapaċità u s-setgħat li jiġbru, iqabblu u janalizzaw id-data; ifakkar fir-rwol tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti fil-proċess ta' awtorizzazzjoni għall-istituzzjonijiet finanzjarji li jixtiequ jiddelegaw parti mill-immaniġġjar tal-portafoll tagħhom jew tal-ġestjoni tar-riskji lill-fornituri ta' servizzi f'pajjiżi terzi fejn ir-reġim regolatorju huwa komparabbli ma' dak tal-UE, kif ukoll fl-importanza tal-konverġenza superviżorja; jilqa' r-rieżami li għaddej tal-ASE, b'mod partikolari l-proposti dwar is-superviżjoni tad-delegazzjoni, l-esternalizzazzjoni jew l-arranġamenti ta' trasferiment tar-riskju minn istituzzjonijiet finanzjarji; iqis li l-ASE u l-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jaqsmu l-aħjar prattiki u jiżguraw implimentazzjoni uniformi tal-kooperazzjoni u l-attivitajiet regolatorji ma' pajjiżi terzi;

Ir-rwol tal-UE fl-iffissar tal-istandards globali għal regolamentazzjoni finanzjarja

24.  Jissottolinja l-importanza tar-rwol attiv tal-UE fl-iffissar tal-istandards globali bħala mezz li jwassal għall-konsistenza internazzjonali fir-regolamentazzjoni finanzjarja, bil-għan li tiġi mmassimizzata l-istabbiltà finanzjarja, jitnaqqsu r-riskji sistemiċi, jiġu protetti l-konsumaturi u l-investituri u jiġu evitati l-lakuni regolatorji bejn il-ġurisdizzjonijiet u tiġi żviluppata sistema finanzjarja internazzjonali effiċjenti;

25.  Jitlob il-parteċipazzjoni attiva tal-Unjoni u tal-Istati Membri f'korpi li jistabbilixxu l-istandards globali fis-servizzi finanzjarji; ifakkar fit-talbiet magħmula mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha dwar ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji;

26.  Barra minn hekk, għal dan il-għan jitlob li l-Forum Finanzjarju Regolatorju Konġunt bejn l-UE u l-Istati Uniti jiġi aġġornat sabiex jinkludi laqgħat aktar regolari bil-għan ta' koordinazzjoni aktar frekwenti u konsistenti;

27.  Jirrimarka li t-titjib tar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u t-tisħiħ tas-swieq tal-kapital tal-UE ma jridux jitqiesu bħala reċiprokament esklużivi; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa li jsir progress fir-rigward tal-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali;

o
o   o

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0202.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0108.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0006.
(4) Testi adottati, P8_TA(2018)0069.

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Settembru 2019Avviż legali