Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2271(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0251/2018

Testi mressqa :

A8-0251/2018

Dibattiti :

PV 11/09/2018 - 16
CRE 11/09/2018 - 16

Votazzjonijiet :

PV 12/09/2018 - 6.9
CRE 12/09/2018 - 6.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0342

Testi adottati
PDF 206kWORD 73k
L-Erbgħa, 12 ta' Settembru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Stati Uniti
P8_TA(2018)0342A8-0251/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2018 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Stati Uniti (2017/2271(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titlu "Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe – A Global Strategy for the European Union's Foreign and Security Policy" (Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea), ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016 u l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tas-7 ta' Ġunju 2017 dwar Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE (JOIN(2017)0021),

–  wara li kkunsidra l-eżiti tas-Summits UE-Stati Uniti li saru fit-28 ta' Novembru 2011 f'Washington, D.C., u fis-26 ta' Marzu 2014 fi Brussell,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tad-79 Laqgħa Interparlamentari tad-Djalogu Trans-Atlantiku bejn il-Leġiżlaturi (TLD) li saret fit-28 u fid-29 ta' Novembru 2016 f'Washington, D.C., tat-80 TLD li saret fit-2 u fit-3 ta' Ġunju 2017 fil-Belt Valletta, tal-81 TLD li saret fil-5 ta' Diċembru 2017 f'Washington, D.C., u tat-82 TLD li saret fit-30 ta' Ġunju 2018 f'Sofija, il-Bulgarija,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummisssjoni tat-28 ta' April 2015 bit-titolu "L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà" (COM(2015)0185),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-6 ta' April 2016 bit-titolu ''Qafas konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu: reazzjoni tal-Unjoni Ewropea" (JOIN(2016)0018),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni u tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO tat-8 ta' Lulju 2016 dwar il-ġabra komuni ta' proposti approvati mill-Kunsill tal-UE u mill-Kunsill tan-NATO fil-5 u fis-6 ta' Diċembru 2016, u r-rapporti ta' progress dwar l-implimentazzjoni tagħhom fl-14 ta' Ġunju 2017 u fil-5 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta tal-UE u tan-NATO tal-2016,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti tat-18 ta' Diċembru 2017 u l-Istrateġija ta' Difiża Nazzjonali tal-Istati Uniti tad-19 ta' Jannar 2018,

–  wara li kkunsidra l-European Reassurance Initiative,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni għad-Diplomazija tal-UE dwar il-Klima adottat fl-2015 mill-Kunsill Affarijiet Barranin,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, Deċiżjoni 1/CP.21, il-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), kif ukoll il-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kyoto (CMP11) li saret f'Pariġi mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat-22 ta' Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti tal-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġiżlazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi tas-COP 21 dwar it-tibdil fil-klima, b'mod partikolari l-paragrafu 13(2) tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar it-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-qafas ta' Ftehim ta' Sħubija Trans-Atlantika(3), ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 dwar l-istat tar-relazzjonijiet Trans-Atlantiċi wara l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti(4), ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 dwar is-Summit bejn l-UE u l-USA tat-28 ta' Novembru 2011(5), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rwol tal-UE fil-promozzjoni ta' Sħubija Trans-Atlantika usa'(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK)(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK)(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni tal-UNRWA(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0251/2018),

A.  billi s-sħubija bejn l-UE u l-Istati Uniti hija bbażata fuq rabtiet politiċi, kulturali, ekonomiċi u storiċi b'saħħithom, fuq valuri komuni bħal-libertà, id-demokrazija, il-promozzjoni tal-paċi u l-istabbiltà, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u fuq għanijiet komuni, bħall-prosperità, is-sigurtà, l-ekonomiji miftuħa u integrati, il-progress soċjali u l-inklużività, l-iżvilupp sostenibbli u s-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti, u billi kemm l-Istati Uniti kif ukoll l-UE huma demokraziji mibnija fuq l-istat tad-dritt b'sistemi ta' ekwilibriju ta' setgħat li jiffunzjonaw; billi din is-sħubija qiegħda taffaċċja għadd importanti ta' sfidi u tfixkil fit-terminu qasir, iżda li l-prinċipji fundamentali fit-tul għadhom b'saħħithom u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti, bħala sħab tal-istess fehma, għadha kruċjali;

B.  billi l-UE u l-Istati Uniti, filwaqt li jibnu fuq il-bażi soda tal-valuri komuni u l-prinċipji kondiviżi tagħhom, għandhom jesploraw modi alternattivi biex isaħħu r-relazzjoni trans-Atlantika u jirrispondu b'mod effikaċi għall-isfidi importanti li qed naffaċċjaw billi jużaw il-kanali ta' komunikazzjoni disponibbli kollha; billi bħala leġiżlaturi, il-Kungress tal-Istati Uniti u l-Parlament Ewropew għandhom rwol importanti u influwenti fid-demokraziji tagħna u għandhom jużaw il-potenzjal sħiħ tal-kooperazzjoni tagħhom biex jippreservaw l-ordni demokratiku, liberali u multilaterali u jippromwovu l-istabbiltà u l-kontinwità fil-kontinent tagħna u fid-dinja;

C.  billi f'dinja globali, kumplessa u dejjem aktar multipolari, l-UE u l-Istati Uniti jrid ikollhom rwoli ta' protagonisti, li jkunu essenzjali u kostruttivi billi jsaħħu u jirrispettaw id-dritt internazzjonali, jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali, u jindirizzaw b'mod konġunt il-kunflitti reġjonali u l-isfidi globali;

D.  billi l-UE u l-Istati Uniti qegħdin jaffaċċjaw żmien ta' tibdil ġeopolitiku u jridu jsibu tarf theddidiet kumplessi, kemm konvenzjonali kif ukoll ibridi, minn atturi statali u mhux statali li ġejjin min-Nofsinhar u mil-Lvant; billi l-attakki ċibernetiċi qegħdin isiru dejjem aktar komuni u sofistikati, u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti permezz tan-NATO tista' tikkomplementa l-isforzi taż-żewġ partijiet u tipproteġi l-istrutturi governattivi tad-difiża u strutturi ta' informazzjoni oħra; billi dawn it-theddidiet jirrikjedu kooperazzjoni internazzjonali biex jiġu indirizzati;

E.  billi l-UE tirrikonoxxi l-appoġġ militari kontinwu tal-Istati Uniti biex jiżgura s-sigurtà u d-difiża tal-UE, u billi l-UE hija grata lejn l-Amerikani kollha li ssagrifikaw ħajjithom biex jiggarantixxu s-sigurtà fl-Ewropa fil-kunflitti fil-Kosovo u l-Bożnija; billi l-UE bħalissa qiegħda tfittex li tiggarantixxi s-sigurtà tagħha stess billi tibni awtonomija strateġika akbar;

F.  billi l-Istati Uniti ddeċidiet li tnaqqas il-baġit tagħha għaż-żamma tal-paċi fi ħdan in-NU b'USD 600 miljun;

G.  billi politika barranija aktar imprevedibbli tal-Istati Uniti qiegħda toħloq inċertezza akbar fir-relazzjonijiet internazzjonali u tista' tħalli lok biex atturi oħra jsiru aktar influwenti fix-xena globali, bħaċ-Ċina, li l-influwenza politika u ekonomika tagħha qiegħda tikber mad-dinja kollha; billi bosta pajjiżi ewlenin fl-Asja, li qabel kienu qrib tal-Istati Uniti, illum qegħdin idawru ħarsithom lejn iċ-Ċina;

H.  billi l-UE tibqa' impenjata bis-sħiħ favur il-multilateraliżmu u l-promozzjoni tal-valuri kondiviżi, inkluż id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; billi ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli huwa ta' benefiċċju kemm għall-Istati Uniti kif ukoll għall-UE; billi, f'dan ir-rigward, huwa ta' importanza fundamentali li l-UE u l-Istati Uniti jaġixxu flimkien u f'sinerġija b'appoġġ għal ordni bbażat fuq ir-regoli li jkun iggarantit minn organizzazzjonijiet sovranazzjonali u istituzzjonijiet internazzjonali b'saħħithom, kredibbli u effikaċi;

I.  billi s-sħubija bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa kienet essenzjali għall-ordni globali fl-oqsma tal-ekonomija, tal-politika u tas-sigurtà għal aktar minn seba' deċennji; billi r-relazzjoni trans-Atlantika qiegħda taffaċċja ħafna sfidi u mill-elezzjoni tal-President Trump qiegħda tkun dejjem aktar taħt pressjoni fuq diversi kwistjonijiet;

J.  billi, bħala parti mill-Istrateġija Globali tal-UE, il-politika dwar it-tibdil fil-klima ġiet integrata fil-politika estera u ta' sigurtà, u ssaħħu r-rabtiet bejn l-enerġija u l-klima, is-sigurtà, l-għanijiet tal-iżvilupp, u l-migrazzjoni, kif ukoll il-kummerċ ġust u liberu;

K.  billi l-UE tibqa' impenjata bis-sħiħ favur sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, miftuħa u mhux diskriminatorja; billi d-WTO hija fil-qalba tas-sistema tal-kummerċ globali bħala l-unika istituzzjoni li tista' tiżgura kundizzjonijiet ekwi ġenwini;

L.  billi kemm l-Istati Uniti kif ukoll l-UE għandhom jappoġġaw l-aspirazzjonijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jingħaqdu mal-komunità trans-Atlantika; billi flimkien mal-impenn imsaħħaħ tal-UE, l-impenn kontinwu tal-Istati Uniti huwa kruċjali f'dan ir-rigward;

M.  billi l-UE għandha responsabbiltà dejjem akbar biex tagħti kont ta' għemilha fil-qasam tas-sigurtà tagħha, f'ambjent strateġiku li mar drastikament għall-agħar b'mod f'dawn l-aħħar snin;

N.  billi s-sigurtà Ewropea hija bbażata fuq l-ambizzjoni ta' awtonomija strateġika komuni, kif rikonoxxuta f'Ġunju 2016 mit-28 Kap ta' Stat u Gvern fl-Istrateġija Globali tal-Unjoni Ewropea;

Qafas ġenerali bbażat fuq il-valuri kondiviżi

1.  Ifakkar u jinsisti li s-sħubija u l-alleanza li għandhom minn żmien ilu l-UE u l-Istati Uniti hija bbażata, u għandha tkun ibbażata, fuq il-kondiviżjoni u l-promozzjoni b'mod konġunt ta' valuri komuni inklużi l-libertà, l-istat tad-dritt, il-paċi, id-demokrazija, l-ugwaljanza, il-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli, l-ekonomija tas-suq, il-ġustizzja soċjali, l-iżvilupp sostenibbli u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi, kif ukoll is-sigurtà kollettiva, bir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti bħala prijorità; jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti, li hija waħda mill-assi ewlenin ta' kooperazzjoni f'dinja globalizzata, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

2.  Jilqa' l-laqgħa bejn il-President tal-Kummissjoni Juncker u l-President tal-Istati Uniti Trump li saret f'Washington fil-25 ta' Lulju 2018 bħala sinjal ta' titjib fir-relazzjonijiet bilaterali; jieħu nota tad-dikjarazzjoni tagħhom u tar-rieda tagħhom li jaħdmu biex inaqqsu t-tensjonijiet trans-Atlantiċi fil-qasam tal-kummerċ; ifakkar, f'dan ir-rigward, l-impatt qerriedi tat-tariffi punittivi; itenni fl-istess ħin l-appoġġ tiegħu għal approċċ wiesa’ u komprensiv rigward il-ftehimiet kummerċjali u l-multilateraliżmu;

3.  Jenfasizza li r-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti hija l-garanti fundamentali għall-istabbiltà globali u ilha l-bażi tal-isforzi tagħna biex niżguraw paċi, prosperità u stabbiltà għas-soċjetajiet tagħna sa mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, kif ukoll biex nibnu sistema multilaterali ta' kooperazzjoni u kummerċ, ta' natura ekonomika u politika, li tkun ibbażata fuq ir-regoli u l-valuri; jafferma mill-ġdid li r-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti hija strateġika u ġenwina, u li rabta trans-Atlantika b'saħħitha hija fl-interess taż-żewġ partijiet u tad-dinja; jemmen li l-politika unilaterali ta' bħalissa "America First" tippreġudika l-interessi kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Uniti, timmina l-fiduċja reċiproka u jista' jkollha wkoll implikazzjonijiet usa' għall-istabbiltà u l-prosperità globali; ifakkar l-interess tal-UE li tibni sħubijiet fit-tul u ta' benefiċċju reċiproku li jkunu bbażati fuq valuri u prinċipji kondiviżi li jkollhom preċedenza fuq il-qligħ tranżazzjonali fuq medda qasira ta' żmien;

4.  Jissottolinja li s-sħubija tmur ferm lil hinn minn politika barranija u kwistjonijiet kummerċjali stricto sensu, u tinkludi wkoll suġġetti oħra bħas-sigurtà (ċibernetika), kwistjonijiet ekonomiċi, diġitali u finanzjarji, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, il-kultura kif ukoll ix-xjenza u t-teknoloġija; jenfasizza li dawn il-kwistjonijiet huma marbuta mill-qrib u għandhom jitqiesu taħt l-istess qafas ġenerali;

5.  Jinsab imħasseb dwar l-approċċi li ttieħdu mill-Istati Uniti biex jiġu indirizzati kwistjonijiet globali u kunflitti reġjonali sa mill-elezzjoni tal-President Trump; jenfasizza l-importanza, għall-UE, tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi u tad-djalogu kontinwu li jenfasizza s-sinifikat tal-kwistjonijiet li jgħaqqdu flimkien lill-UE u lill-Istati Uniti; ifittex li jikkjarifika jekk ir-relazzjoni trans-Atlantika tagħna, li ssawret matul bosta deċennji, għadx għandha l-istess rilevanza llum il-ġurnata għas-sħab Amerikani tagħna; jenfasizza li l-qafas ġenerali bbażat fuq il-valuri tas-sħubija tagħna huwa essenzjali sabiex tiġi żgurata u msaħħa ulterjorament l-istruttura tal-ekonomija u s-sigurtà globali; jissottolinja li l-kwistjonijiet li jgħaqqdu flimkien lill-Istati Uniti u lill-UE, fl-aħħar mill-aħħar, għandu jkollhom aktar rilevanza minn dawk li jifirduhom;

6.  Jenfasizza li, f'sistema internazzjonali kkaratterizzata b'mod permanenti mill-instabbiltà u mill-inċertezza, l-Ewropa għandha r-responsabbiltà li tibni l-awtonomija strateġika tagħha biex taffaċċja l-għadd li qiegħed jikber ta' sfidi komuni; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa għall-pajjiżi Ewropej li jżommu l-kapaċità tagħhom li jiddeċiedu u jaġixxu waħedhom biex jiddefendu l-interessi tagħhom; ifakkar li l-awtonomija strateġika hija kemm ambizzjoni leġittima għall-Ewropa kif ukoll objettiv prijoritarju li jrid ikun artikolat fl-oqsma industrijali u operattivi u f'termini ta' kapaċità;

Tisħiħ tas-sħubija

7.  Ifakkar il-potenzjal kbir u l-interess strateġiku ta' din is-sħubija kemm għall-Istati Uniti kif ukoll għall-UE, fl-għan tagħha li tikseb prosperità u sigurtà fuq bażi reċiproka u li ssaħħaħ ordni globali bbażat fuq ir-regoli u l-valuri sabiex tappoġġa l-istituzzjonijiet internazzjonali u tipprovdilhom il-mezzi biex titjieb il-governanza globali; jappella biex jitrawwem id-djalogu u l-impenn tagħna fuq l-elementi kollha ta' din is-sħubija u fil-livelli kollha ta' kooperazzjoni, inkluż mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jenfasizza li d-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tagħna għandhom impatt fuq l-istruttura tal-ekonomija u s-sigurtà globali, u għalhekk, għandhom imexxu bl-eżempju u jkunu għall-interessi taż-żewġ sħab;

8.  Jissottolinja r-responsabbiltajiet tal-Istati Uniti bħala setgħa globali, u jistieden lill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti tħaddan il-valuri fundamentali kondiviżi li huma s-sisien tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi, u tiżgura, fi kwalunkwe ċirkostanza, ir-rispett għad-dritt internazzjonali, għad-demokrazija, għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, f'konformità mal-Karta tan-NU u ma' strumenti internazzjonali oħra ffirmati jew ratifikati mill-Istati Uniti;

9.  Jissottolinja li l-UE u l-Istati Uniti huma l-aktar sħab importanti ta' xulxin f'dinja multipolari, u li ċaqliq unilaterali jservi biss biex idgħajjef is-sħubija trans-Atlantika, li trid tkun sħubija bejn partijiet ugwali li hija bbażata fuq id-djalogu u li għandha l-għan li tistabbilixxi mill-ġdid il-fiduċja reċiproka;

10.  Jiddispjaċih għad-dewmien twil biex jinħatar Ambaxxatur tal-Istati Uniti għall-Unjoni Ewropea, madankollu, jilqa' l-fatt tan-nomina tal-Ambaxxatur il-ġdid u l-konferma sussegwenti mis-Senat tal-Istati Uniti fid-29 ta' Ġunju 2018;

11.  Jikkritika bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet tal-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għall-Ġermanja l-ġdid, li ddikjara l-ambizzjoni tiegħu li jagħti s-setgħa lill-populisti nazzjonalisti madwar l-Ewropa, u jfakkar li r-rwol tad-diplomatiċi mhuwiex li jappoġġaw forzi politiċi individwali, iżda li jmexxu 'l quddiem il-fehim reċiproku u s-sħubija; barra minn hekk, iqis bħala ostili u inkompatibbli mal-ispirtu tas-sħubija trans-Atlantika d-dikjarazzjonijiet minn uffiċjali tal-amministrazzjoni ta' Trump li jesprimu disprezz fil-konfront tal-UE u sostenn għal forzi ksenofobiċi u populisti li jridu jeqirdu l-proġett Ewropew;

12.  Jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni, il-koordinament, il-konsistenza u l-effikaċja tal-politika tal-UE fir-rigward tal-Istati Uniti, sabiex jippreżentaw lill-UE bħala attur internazzjonali maqgħud u effikaċi b'messaġġ koerenti;

13.  Ifakkar li l-Istati Uniti hija sieħba ewlieni minħabba l-konverġenza tal-interessi tad-difiża u tas-sigurtà u r-relazzjonijiet bilaterali b'saħħithom; jitlob biex jiġi organizzat summit bejn l-UE u l-Istati Uniti mill-aktar fis possibbli bl-għan li jingħelbu l-isfidi attwali u titkompla l-ħidma fuq kwistjonijiet globali u reġjonali ta' tħassib reċiproku;

14.  Iqis li l-preżenza tal-forzi militari tal-Istati Uniti hija importanti fil-pajjiżi Ewropej, fejn meħtieġ u f'konformità tat-twettiq kontinwu tal-impenji miftiehma;

15.  Jinsisti fuq il-fatt li djalogu strutturat u strateġiku dwar politika barranija fil-livell trans-Atlantiku, li jinvolvi wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kungress tal-Istati Uniti, huwa essenzjali għat-tisħiħ tal-istruttura trans-Atlantika, inkluż il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà, u jitlob biex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tal-politika barranija tad-djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti;

16.  Ifakkar fis-suġġeriment tiegħu sabiex jinħoloq Kunsill Politiku Trans-Atlantiku (TPC) għal konsultazzjoni u koordinament sistematiċi dwar il-politika barranija u tas-sigurtà, li jkun immexxi mill-VP/RGħ u mis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti u li jkun sostnut b'kuntatti regolari bejn id-diretturi politiċi;

17.  Jilqa' l-ħidma kontinwa u mingħajr interruzzjoni tat-TLD fit-trawwim tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti permezz ta' djalogu parlamentari u koordinament dwar kwistjonijiet ta' interess komuni; itenni l-importanza tal-kuntatt interpersonali u tad-djalogu fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet Trans-Atlantiċi; jappella, għalhekk, biex ikun hemm involviment intensifikat kemm tas-Senat kif ukoll tal-Kamra tar-Rappreżentanti u tal-Parlament Ewropew; jilqa' t-tnedija mill-ġdid tal-Caucus bipartiġġjan tal-Kungress tal-UE għall-115-il Laqgħa tal-Kungress, u jitlob lill-Uffiċċju ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew (EPLO) u lid-delegazzjoni tal-UE f'Washington biex jikkollaboraw aktar mill-qrib magħhom;

18.  Ifakkar li, kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti, is-soċjetajiet tagħna huma b'saħħithom, ankrati fid-demokrazija liberali u fl-istat tad-dritt, u mibnija fuq pluralità ta' atturi, inklużi fost oħrajn il-gvernijiet, il-parlamenti, il-korpi u l-atturi deċentralizzati, id-diversi istituzzjonijiet politiċi, in-negozji u t-trade unions, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-gruppi tal-media liberi u indipendenti, il-gruppi reliġjużi u l-komunitajiet akkademiċi u ta' riċerka tagħna; jenfasizza li għandna nrawmu rabtiet trans-Atlantiċi biex nippromwovu l-merti u l-importanza tas-sħubija trans-Atlantika tagħna, inkluż billi nallokaw finanzjament xieraq, f'livelli differenti u madwar l-UE u l-Istati Uniti, mhux niffukaw biss fuq il-Kosti tal-Lvant u tal-Punent; jitlob li jkun hemm programmi mtejba u ddedikati b'finanzjament adatt għal dan il-għan;

19.  Jilqa' t-tisħiħ tar-rwol tar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-istati federali u ż-żoni metropolitani tal-Istati Uniti fi ħdan ir-relazzjoni trans-Atlantika globali, b'mod partikolari fil-każ tar-relazzjonijiet ta' ġemellaġġ; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-kooperazzjoni li teżisti abbażi tal-Memorandum ta' Qbil Under2; jistieden lill-istati federali jsaħħu l-kuntatti tagħhom mal-istituzzjonijiet tal-UE;

20.  Jisħaq fuq il-fatt li l-iskambji kulturali permezz ta' programmi edukattivi huma fundamentali għall-promozzjoni u l-iżvilupp ta' valuri komuni u għall-bini ta' pontijiet bejn is-sħab trans-Atlantiċi; jappella, għalhekk, biex tissaħħaħ u tiżdied il-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-programmi ta' mobilità għall-istudenti bejn l-Istati Uniti u l-UE fl-ambitu ta' Erasmus+;

21.  Jesprimi ammirazzjoni partikolari għall-mod kif l-istudenti Amerikani wieġbu għall-ħafna traġedji li jinvolvu l-użu ta' armi tan-nar fl-iskejjel billi appellaw għal liġijiet aktar rigorużi dwar l-armi tan-nar u għal miżuri li jnaqqsu l-influwenza li għandha n-National Rifle Association fuq il-proċess leġiżlattiv;

Naffaċċjaw l-isfidi globali flimkien

22.  Jinsisti fuq il-fatt li l-UE u l-Istati Uniti għandhom jibqgħu jaqdu rwoli kostruttivi essenzjali billi jindirizzaw b'mod konġunt il-kunflitti reġjonali u l-isfidi globali abbażi tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li l-multilateraliżmu, li miegħu l-Ewropa hija tant marbuta , qiegħed jiġi kkontestat mill-attitudnijiet tal-Istati Uniti u ta' potenzi dinjija oħra; ifakkar fl-importanza tal-multilateraliżmu biex jinżammu l-paċi u l-istabbiltà, bħala mezz biex jiġu promossi l-valuri tal-istat tad-dritt u biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet globali, u jinsisti li dawn għandhom jiġu indirizzati fil-fora internazzjonali rilevanti; jinsab għalhekk imħasseb li d-deċiżjonijiet unilaterali reċenti tal-Istati Uniti – id-diżimpenn minn ftehimiet internazzjonali ewlenin, ir-revoka ta' ċerti impenji, id-dgħajfin tar-regoli internazzjonali, l-irtirar minn fora internazzjonali u l-instigazzjoni ta' tensjonijiet diplomatiċi u kummerċjali – jistgħu jbiegħdu minn dawn il-valuri komuni u joħolqu pressjoni fuq ir-relazzjoni u fl-istess ħin jippreġudikawha; jistieden lill-UE turi għaqda, ċertezza u proporzjonalità fir-reazzjonijiet tagħha għal tali deċiżjonijiet; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, biex jevitaw kwalunkwe azzjoni jew mossa intiża li tikseb vantaġġi bilaterali għad-detriment ta' approċċ Ewropew komuni u koerenti;

23.  Jinnota li potenzi dinjija oħra, bħar-Russja u Ċ-Ċina, għandhom strateġiji politiċi u ekonomiċi robusti, li ħafna minnhom jistgħu jmorru kontra l-valuri kondiviżi, l-impenji internazzjonali, u s-sħubija trans-Atlantika tagħna, kif ukoll ipoġġuhom f'riskju; ifakkar li tali żviluppi jagħmlu l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti ferm aktar essenzjali sabiex inkunu nistgħu nkomplu nħaddnu soċjetajiet miftuħa u nippromwovu u nipproteġu d-drittijiet, il-prinċipji u l-valuri komuni tagħna, inkluż il-konformità mad-dritt internazzjonali; jappella, f'dan ir-rigward, għal żieda fil-koordinament bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-allinjament u l-istabbiliment ta' politika ta' sanzjonijiet konġunta sabiex tiżdied l-effikaċja tagħha;

24.  Huwa tal-fehma li tenħtieġ risposta trans-Atlantika konġunta li tindirizza t-tentattivi tar-Russja li teżerċita pressjoni, tinfluwenza, tiddestabbilizza u tisfrutta d-dgħufijiet u l-għażliet demokratiċi tas-soċjetajiet tal-Punent; jemmen, għalhekk, li l-Istati Uniti u l-UE għandhom jagħtu prijorità lil azzjonijiet koordinati fir-rigward tar-Russja, bl-involviment tan-NATO fejn xieraq; jinnota bi tħassib, f'dan ir-rigward, id-dikjarazzjonijiet mill-Presidenti tal-Istati Uniti u tar-Russja fil-kuntest tal-laqgħa bejniethom fis-16 ta' Lulju 2018 f'Helsinki; ifakkar fil-periklu ċar għad-demokraziji tagħna li joħqolu l-aħbarijiet foloz, id-diżinformazzjoni u b'mod partikolari s-sorsi ta' ndħil malizzjużi; jappella għat-tnedija ta' djalogu politiku u soċjetali li jibbilanċja l-anonimat u r-responsabbiltà fil-midja soċjali;

25.  Jissottolinja li s-sigurtà hija multidimensjonali u minsuġa u li d-definizzjoni tagħha ma tkoprix biss aspetti militari iżda anke aspetti f'termini ambjentali, enerġetiċi, kummerċjali, ċibernetiċi, tal-komunikazzjonijiet, tas-saħħa, tal-iżvilupp, tar-responsabbiltà, umanitarji, eċċ.; jinsisti fuq il-fatt li l-kwistjonijiet tas-sigurtà għandhom jiġu indirizzati permezz ta' approċċ wiesa'; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, dwar it-tnaqqis sostanzjali propost fil-baġit, pereżempju t-tnaqqis mill-Istati Uniti għall-bini tal-istat fl-Afganistan, għall-għajnuna għall-iżvilupp fl-Afrika, għall-għajnuna umanitarja u għall-kontribuzzjonijiet għall-programmi, operazzjonijiet u aġenziji tan-NU;

26.  Jissottolinja li ftehim ta' kummerċ trans-Atlantiku, li jkun ibbilanċjat u ta' benefiċċju reċiproku, ikollu impatt li jmur lil hinn mill-aspetti kummerċjali u ekonomiċi;

27.  Isostni li n-NATO għadha l-garanti ewlieni għad-difiża kollettiva tal-Ewropa; jilqa' l-affermazzjoni mill-ġdid tal-impenn tal-Istati Uniti favur in-NATO u s-sigurtà Ewropea, u jissottolinja li l-approfondiment tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO jsaħħaħ ukoll is-sħubija trans-Atlantika;

28.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni, il-koordinament u l-effetti ta' sinerġija fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jissottolinja l-importanza ta' nfiq aħjar fuq id-difiża, u jinsisti, f'dan ir-rigward, li l-qsim tal-piżijiet ma għandux ikun iffukat biss fuq l-inputs (il-mira li jintefqu 2 % tal-PDG fuq id-difiża), iżda wkoll fuq l-outputs (il-kapaċitajiet imkejla fuq il-forzi li jistgħu jiġu skjerati, lesti u sostenibbli); ifakkar li dan l-input ikkwantifikat bħala objettiv, madankollu, jirrifletti sens li qiegħed jikber ta' responsabbiltà tal-Ewropej għas-sigurtà tagħhom stess, li qiegħed isir indispensabbli minħabba d-deterjorament tal-ambjent strateġiku tagħhom; jilqa' l-fatt li d-difiża qiegħda ssir qasam ta' prijorità ogħla għall-UE u għall-Istati Membri tagħha, li qiegħda tiġġenera aktar effiċjenzi militari għall-benefiċċju kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO, u jilqa', f'dan il-kuntest, il-preżenza ta' truppi Amerikani fit-territorju tal-UE; isostni li n-NATO hija kruċjali għad-difiża kollettiva tal-Ewropa u tal-alleati tagħha (Artikolu 5 tat-Trattat ta' Washington); jenfasizza li l-kapaċità tan-NATO li twettaq il-kompiti tagħha għadha tiddependi mill-qrib mis-saħħa tar-relazzjoni trans-Atlantika;

29.  Jistieden lill-UE ssaħħaħ l-Unjoni tad-Difiża Ewropea bl-għan li tibni kapaċitajiet li jiżguraw ir-rilevanza strateġika tal-UE fid-difiża u s-sigurtà, bħal pereżempju fil-ħolqien ta' aktar sinerġiji u effiċjenzi fl-infiq għad-difiża, ir-riċerka, l-iżvilupp, l-akkwist pubbliku, il-manutenzjoni u t-taħriġ bejn l-Istati Membri; jinsisti li aktar kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża fil-livell tal-UE ssaħħaħ il-kontribut Ewropew għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fil-livelli reġjonali u internazzjonali, u b'hekk javvanzaw ukoll l-objettivi tal-alleanza tan-NATO u tissaħħaħ ir-rabta trans-Atlantika tagħna; jappoġġa, għalhekk, l-isforzi reċenti sabiex tissaħħaħ l-istruttura Ewropea tad-difiża, inklużi l-Fond Ewropew għad-Difiża u l-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) li għadha kif ġiet stabbilita;

30.  Jilqa' t-tnedija tal-PESCO u jappoġġa l-ewwel proġetti tiegħu, bħall-mobilità militari; jenfasizza li l-PESCO huwa ta' interess komuni kemm għall-UE kif ukoll għan-NATO u għandu jkun ta' xprun għal kooperazzjoni ulterjuri bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet f'termini tal-iżvilupp tal-kapaċità u l-konsolidament tal-pilastru tal-UE fin-NATO, fi ħdan il-kuntest tal-kostituzzjoni nazzjonali ta' kull wieħed minnhom;

31.  Itenni l-ħtieġa għall-UE u għall-Istati Uniti li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam taċ-ċibersigurtà u taċ-ċiberdifiża, jiġifieri permezz tal-aġenziji u task forces speċjalizzati, bħall-ENISA, Europol, Interpol, strutturi futuri tal-PESCO u EDF, speċjalment biex jiġġieldu kontra l-attakki informatiċi u flimkien imexxu 'l quddiem l-isforzi biex jiġi żviluppat qafas internazzjonali komprensiv u trasparenti li jistabbilixxi standards minimi għall-politiki taċ-ċibersigurtà, filwaqt li jiġu rispettati l-libertajiet fundamentali; iqis li huwa essenzjali li l-UE u n-NATO jintensifikaw il-kondiviżjoni tal-intelligence sabiex jippermettu l-attribuzzjoni formali taċ-ċiberattakki u konsengwentement jippermettu l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet restrittivi fuq dawk responsabbli għaċ-ċiberattakki; jissottolinja l-importanza u l-kontribut pożittiv li l-Inizjattiva European Reassurance tal-Istati Uniti kellha fuq is-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE;

32.  Jissottolinja li s-sinifikat li qiegħed jikber tal-Intelliġenza Artifiċjali u tat-tagħlim awtomatiku jeħtieġ kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Istati Uniti, u għandhom jittieħdu miżuri biex tavvanza l-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji tat-teknoloġija Amerikani u Ewropej sabiex jiġi żgurat l-użu ottimali tas-sħubiji fil-qasam tal-iżvilupp u l-applikazzjoni;

33.  Jistieden lill-Kungress Amerikan jinkludi lill-Parlament Ewropew fil-programm tiegħu tal-kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku mal-parlamenti tal-Awstralja, il-Kanada, New Zealand u r-Renju Unit;

34.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ komuni li jirregola l-pjattaformi diġitali u biex tiżdied ir-responsabbiltà tagħhom sabiex jiġu diskussi l-kwistjonijiet taċ-ċensura tal-internet, id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet tad-detenturi, id-data personali u l-kunċett tan-newtralità tal-internet; itenni li jeħtieġ li naħdmu flimkien biex nippromwovu internet miftuħ, interoperabbli u sikur, irregolat minn mudell b'partijiet ikkonċernati multipli li jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-libertà tal-espressjoni, u jrawwem il-prosperità ekonomika u l-innovazzjoni, filwaqt li jirrispetta l-privatezza u jħares kontra l-qerq, il-frodi u s-serq; jappella biex jiġu mobilizzati sforzi konġunti biex jiġu żviluppati normi u regolamenti u biex jippromwovu l-applikabbiltà tad-dritt internazzjonali fiċ-ċiberspazju;

35.  Itenni li n-newtralità tal-internet hija mnaqqxa fid-dritt tal-UE; jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni Federali li jħassar ir-regoli dwar in-newtralità tal-internet; jilqa' l-vot reċenti tas-Senat tal-Istati Uniti biex titreġġa' lura din id-deċiżjoni; jistieden lill-Kungress tal-Istati Uniti jsegwi d-deċiżjoni tas-Senat sabiex jinżamm internet miftuħ, sigur u sikur li ma jippermettix trattament diskriminatorju tal-kontenut tal-internet;

36.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' negozjati xierqa fir-rigward tal-istandardizzazzjoni, speċjalment fil-kuntest tal-iżvilupp dejjem aktar rapidu tat-teknoloġija, b'mod partikolari fil-qasam tal-IT;

37.  Jenfasizza li parti importanti tat-tisħiħ tal-isforzi tal-UE u tal-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu tinkludi l-protezzjoni ta' infrastruttura kritika, inkluż billi jiġu avvanzati l-istandards komuni u stimolati l-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà, kif ukoll approċċ komprensiv għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, anke permezz ta' koordinament f'fora reġjonali, mulilaterali u globali u kooperazzjoni fi skambji ta' data rigward l-attivitajiet terroristiċi; itenni l-ħtieġa li jiġu appoġġati mekkaniżmi bħas-Sistema tal-UE ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u sforzi konġunti oħra li jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti u jagħmlu d-differenza fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu; ifakkar liż-żewġ partijiet li l-ġlieda kontra t-terroriżmu trid tkun konformi mad-dritt internazzjonali u mal-valuri demokratiċi, tirrispetta bis-sħiħ il-libertajiet ċivili u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem;

38.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-ħatra reċenti ta' Gina Haspel bħala direttriċi tal-Aġenzija Ċentrali tal-Intelligence (CIA), minħabba r-riżultati fjakki tagħha fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-kompliċità tagħha fil-programm ta' trasferiment u detenzjoni sigrieta tas-CIA;

39.  Jinsab imħasseb bil-kbir dwar it-tneħħija rrapportata ta' restrizzjonijiet limitati għall-programm tad-droni mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti, li se żżid ir-riskji ta' diżgrazzji ċivili u qtil illegali, kif ukoll dwar in-nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tal-programm tad-droni tal-Istati Uniti u tal-għajnuna li qiegħda tingħata minn xi Stati Membri tal-UE; jistieden lill-Istati Uniti u lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw li l-użu ta' droni armati jkun konformi mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt internazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, u li jiġu stabbiliti standards vinkolanti robusti sabiex jirregolaw l-għoti ta' kwalunkwe forma ta' għajnuna għal operazzjonijiet letali bid-droni;

40.  Jissottolinja li jeħtieġ li l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea jiġġieldu kontra l-evażjoni tat-taxxa u reati finanzjarji oħra u jiżguraw it-trasparenza;

41.  Iħeġġeġ aktar kooperazzjoni msaħħa fir-rigward tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, b'mod partikolari fil-qafas tal-ftehim TFTP-UE-Stati Uniti (Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu), li għandu jissaħħaħ sabiex jinkludi data dwar il-flussi finanzjarji assoċjati mal-indħil barrani jew mal-operazzjonijiet ta' intelligence illegali; jistieden, barra minn hekk, lill-UE u lill-Istati Uniti jikkooperaw fi ħdan l-OECD fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa billi jistabbilixxu regoli u normi internazzjonali biex jindirizzaw din il-problema globali; jenfasizza li t-tkomplija tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi hija kruċjali għat-tisħiħ tas-sigurtà komuni tagħna, u jistieden lill-Istati Uniti tiżgura kooperazzjoni bilaterali u multilaterali f'dan il-qasam; jiddeplora r-revoka parzjali ta' Dodd-Frank Act, li rriżultat fi tnaqqis sinifikanti tas-superviżjoni tal-banek Amerikani;

42.  Jenfasizza d-dgħufijiet persistenti tat-Tarka tal-Privatezza fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data; jilqa' u jappoġġa l-appelli lil-leġiżlatur tal-Istati Uniti sabiex jagħmel progress lejn att omnibus dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data; jirrimarka li fl-Ewropa l-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali u li l-Istati Uniti ma għandhiex regoli komparabbli mar-Regolament Ġenerali l-ġdid dwar l-Ipproċessar tad-Data (GDPR);

43.  Ifakkar fis-solidarjetà trans-Atlantika wiesgħa b'reazzjoni għall-ivvalenar ta' Skripal f'Salisbury, li rriżultat fit-tkeċċija ta' diplomatiċi Russi minn 20 Stat Membru tal-UE, kif ukoll mill-Kanada, l-Istati Uniti, in-Norveġja u minn 5 pajjiżi li jaspiraw li jkunu Stati Membri tal-UE;

44.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar ir-rifjut tal-Kungress f'Marzu 2017 għar-regola mressqa mill-Kummissjoni Federali tal-Komunikazzjonijiet dwar il-"Protezzjoni tal-Privatezza tal-Klijenti tal-Broadband u ta' Servizzi Oħra tat-Telekomunikazzjoni", li fil-prattika telimina r-regoli tal-privatezza tal-broadband li kienu jesiġu li l-fornituri tas-servizz tal-Internet jiksbu l-kunsens espliċitu tal-konsumaturi qabel ma jbigħu jew jikkondividu d-data tal-ibbrawżjar tal-web u informazzjoni oħra privata ma' dawk li jirreklamaw u ma' kumpaniji oħra; iqis li din hija theddida oħra għas-salvagwardji tal-privatezza fl-Istati Uniti;

45.  Ifakkar li l-Istati Uniti tibqa' l-uniku pajjiż mhux tal-UE li qiegħed fuq il-lista tal-UE ta' eżenzjoni mill-obbligu ta' viża u li ma jagħtix aċċess mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Uniti ddaħħal il-ħames Stati Membri kkonċernati (il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Polonja u r-Rumanija) fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża tal-Istati Uniti mill-aktar fis possibbli; ifakkar li l-Kummissjoni hija ġuridikament obbligata tadotta att delegat – biex tissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jkunux neħħew l-obbligu ta' viża għaċ-ċittadini ta' ċerti Stati Membri tal-UE – fi żmien 24 xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tan-notifiki f'dan ir-rigward, liema skadenza ntemmet fit-12 ta' April 2016; jistieden lill-Kummissjoni tadotta l-att delegat meħtieġ abbażi tal-Artikolu 265 tat-TFUE;

46.  Jisħaq fuq il-fatt li l-UE hija impenjata biex issaħħaħ id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-prosperità, l-istabbiltà, ir-reżiljenza u s-sigurtà tal-ġirien tagħha b'mod dirett permezz ta' mezzi mhux militari, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom u jikkoordinaw aħjar l-azzjonijiet, il-proġetti u l-pożizzjonijiet tagħhom fil-viċinat tal-UE, kemm tal-Lvant kif ukoll tan-Nofsinhar; ifakkar li l-politiki tal-iżvilupp u umanitarji tal-UE madwar id-dinja jikkontribwixxu wkoll għas-sigurtà globali;

47.  Ifaħħar l-enfasi strateġika u l-ftuħ tal-Istati Uniti fil-konfront tar-reġjun, u jfakkar li l-Balkani jirrappreżentaw sfida għall-Ewropa u għas-sigurtà tal-kontinent kollu; jistieden, għalhekk, lill-Istati Uniti biex tkun involuta fi sforzi konġunti ulterjuri fil-Balkani tal-Punent, b'mod partikolari fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija, tal-libertà tal-espressjoni u fil-kooperazzjoni tas-sigurtà; jirrakkomanda aktar azzjonijiet komuni, bħal mekkaniżmi kontra l-korruzzjoni u l-bini tal-istituzzjonijiet, sabiex jipprovdu aktar sigurtà, stabbiltà, reżiljenza u prosperità ekonomika fil-pajjiżi tar-reġjun kif ukoll jibnu rwol fis-soluzzjoni ta' kwistjonijiet li ilhom pendenti; huwa tal-fehma li l-UE u l-Istati Uniti għandhom jibdew djalogu ġdid ta' livell għoli dwar il-Balkani tal-Punent sabiex jiżguraw li l-għanijiet tal-politika u l-programmi ta' assistenza jkunu allinjati, u, barra minn hekk, jieħdu l-miżuri rilevanti;

48.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jkollhom rwol aktar attiv u effettiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt fit-territorju tal-Ukrajna, u jappoġġaw l-isforzi kollha biex tinstab soluzzjoni paċifika dejjiema li tirrispetta l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u li tipprevedi r-ritorn tal-Peniżola tal-Krimea lill-Ukrajna, u jħeġġu u jappoġġaw il-proċessi ta' riforma u l-iżvilupp ekonomiku fl-Ukrajna, li jeħtieġ li jkunu kompletament f'konformità mal-impenji tal-Ukrajna u mar-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet internazzjonali; jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu dwar in-nuqqas ta' progress ulterjuri fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' Minsk u dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja u tas-sigurtà fil-Lvant tal-Ukrajna; isostni, għalhekk, li s-sanzjonijiet kontra r-Russja għadhom meħtieġa u li l-Istati Uniti għandha tikkoordina l-isforzi tagħha mal-UE; jappella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar din il-kwistjoni bejn il-VP/RGħ u r-Rappreżentant Speċjali tal-Istati Uniti għall-Ukrajna;

49.  Ifakkar ukoll fl-importanza għall-UE u għall-Istati Uniti li tinstab soluzzjoni għall-kunflitti "ffriżati" fil-Georgia u fil-Moldova;

50.  Ifakkar li l-ordni internazzjonali huwa bbażat fuq ir-rispett ta' ftehimiet internazzjonali; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, bid-deċiżjoni tal-Istati Uniti li ma tapprovax il-konklużjonijiet tas-Summit tal-G7 fil-Kanada; itenni l-impenn tiegħu favur id-dritt internazzjonali u l-valuri universali, u b'mod partikolari l-obbligu ta' rendikont, in-nonproliferazzjoni nukleari u r-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim; jissottolinja li l-konsistenza tal-istrateġija tagħna dwar in-nonproliferazzjoni nukleari hija essenzjali għall-kredibbiltà tagħna bħala attur u negozjatur globali ewlieni; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jikkooperaw biex jiffaċilitaw id-diżarm nukleari u l-miżuri effikaċi għat-tnaqqis tar-riskju nukleari;

51.  Jenfasizza li l-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) mal-Iran huwa ftehim multilaterali sinifikanti u kisba diplomatika notevoli għad-diplomazija multilaterali u għad-diplomazija tal-UE għall-promozzjoni tal-istabbiltà fir-reġjun; ifakkar li l-UE hija determinata li tagħmel l-almu tagħha biex iżżomm il-PAKK mal-Iran bħala pilastru ewlieni tal-istruttura tan-nonproliferazzjoni internazzjonali, b'rilevanza wkoll għall-kwistjoni tal-Korea ta' Fuq, u bħala element kruċjali għas-sigurtà u l-istabbiltà tar-reġjun; itenni l-ħtieġa li jiġu indirizzati b'mod aktar kritiku l-attivitajiet Iranjani relatati mal-missili ballistiċi u l-istabbiltà reġjonali, b'mod speċjali l-involviment tal-Iran fid-diversi kunflitti fir-reġjun, u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tal-minoranzi fl-Iran, li huma separati mill-PAKK, fil-formati u l-fora rilevanti; jisħaq fuq il-fatt li l-kooperazzjoni trans-Atlantika fl-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet hija essenzjali; jissottolinja li, skont il-bosta rapporti tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), l-Iran qiegħed jissodisfa l-impenji tiegħu skont il-PAKK; jikkritika bil-qawwa d-deċiżjoni tal-President Trump li joħroġ mill-PAKK b'mod unilaterali u li jimponi miżuri extraterritorjali fuq il-kumpaniji tal-UE li joperaw fl-Iran; jenfasizza li l-UE hija determinata li tipproteġi l-interessi tagħha u tal-kumpaniji u l-investituri tagħha fid-dawl tal-effett extraterritorjali tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti; jilqa', f'dan il-kuntest, id-deċiżjoni li jiġi attivat ir-"regolament tal-imblukkar" li għandu l-għan li jipproteġi l-interessi kummerċjali tal-UE fl-Iran mill-impatt tas-sanzjonijiet extraterritorjali tal-Istati Uniti, u jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jieħdu kwalunkwe miżura oħra xierqa biex jiġi salvagwardjat il-PAKK;

52.  Jinsab imħasseb dwar il-politika tas-sigurtà u tal-kummerċ tal-Istati Uniti fil-Lvant u x-Xlokk tal-Asja, inkluż il-vojt politiku li jirriżulta mill-irtirar tal-Istati Uniti mis-Sħubija Trans-Paċifika (TPP); itenni l-importanza tal-impenn kostruttiv min-naħa tal-UE fil-Lvant u x-Xlokk tal-Asja u fir-reġjun tal-Paċifiku, u jilqa' f'dak il-kuntest, il-politika kummerċjali attiva tal-UE f'dik il-parti tad-dinja u l-inizjattivi tal-UE relatati mas-sigurtà, b'mod partikolari kif imsemmija fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approfondiment tal-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam tas-sigurtà fl-Asja u mal-Asja, anke għal raġunijiet ta' bilanċ politiku u ekonomiku;

53.  Jilqa' l-ftuħ ta' djalogi ġodda ta' livell għoli mal-Korea ta' Fuq (RDPK) u s-summit reċenti f'Singapore tat-12 ta' Ġunju 2018; ifakkar li dawn it-taħditiet, li għad iridu juru xi riżultati tanġibbli u verifikabbli, għandhom bħala għan ir-riżoluzzjoni paċifika tat-tensjonijiet u b'hekk il-promozzjoni tal-paċi, tas-sigurtà u tal-istabbiltà reġjonali u globali; jissottolinja li, fl-istess ħin, il-komunità internazzjonali, inklużi l-UE u l-Istati Uniti, jeħtiġilha tkompli tagħmel pressjoni fuq il-Korea ta' Fuq sakemm hija ma tiddenuklearizzax b'mod kredibbli billi tirratifika t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT) u tħalli lill-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBTO) u lill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) jiddokumentaw id-denuklearizzazzjoni tagħha; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-progress insuffiċjenti li r-RDPK għamlet lejn id-denuklearizzazzjoni, li wassal biex, fl-24 ta' Awwissu 2018, il-President Trump ħassar it-taħditiet li kellhom isiru fir-RDPK mas-Segretarju tal-Istat Mike Pompeo;

54.  Ifakkar lill-Istati Uniti li hija għadha ma rratifikatx it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari, minkejja li hija Stat li jinsab fl-Anness II fejn il-firma tiegħu hija meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat; jirrepeti l-appell tal-VP/RGħ li fiha ħeġġet lill-mexxejja dinjija jirratifikaw it-Trattat; jinkoraġġixxi lill-Istati Uniti tirratifika t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari mill-aktar fis possibbli u biex tappoġġa ulterjorment lil CTBTO billi tipperswadi lill-Istati li jinsabu fl-Anness II sabiex huma wkoll jirratifikaw it-Trattat;

55.  Jinsisti fuq ir-rispett tad-dritt marittimu internazzjonali, inkluż fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Uniti tirratifika l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS);

56.  Jitlob kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti reġjonali u tal-gwerra bi prokura fis-Sirja, peress li n-nuqqas ta' strateġija komuni jimmina r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti, u jistieden lill-partijiet kollha u lill-atturi reġjonali involuti fil-kunflitt sabiex iżommu lura milli jirrikorru għall-vjolenza u kwalunkwe azzjoni oħra li tista' tiggrava s-sitwazzjoni; jafferma mill-ġdid il-preminenza tal-proċess ta' Ġinevra mmexxi min-NU fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt Sirjan, f'konformità mar-riżoluzzjoni 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, innegozjat mill-partijiet għall-kunflitt u b'appoġġ ta' atturi internazzjonali u reġjonali ewlenin; jappella biex ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li qed jinkisru mill-pajjiżi tan-negozjati ta' Astana, jiġu implimentati u rrispettati bis-sħiħ; jappella għal sforzi konġunti li jiggarantixxu aċċess umanitarju sħiħ lil dawk fil-bżonn, u biex ikun hemm investigazzjoni u prosekuzzjoni indipendenti, imparzjali, bir-reqqa u kredibbli ta' dawk responsabbli; jappella wkoll għall-appoġġ, inter alia, tal-ħidma tal-Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti (MIII) dwar id-delitti internazzjonali kommessi fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2012;

57.  Ifakkar li l-UE tappoġġa l-kontinwazzjoni tal-Proċess ta' Paċi sinifikanti fil-Lvant Nofsani favur soluzzjoni ta' żewġ stati, abbażi tal-fruntieri tal-1967, bi stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, fattibbli u kontigwu f'koeżistenza paċifika u sigura mal-Istat ta' Iżrael sigur u l-pajjiżi ġirien l-oħra, u jinsisti li trid tiġi evitata kwalunkwe azzjoni li timmina dawn l-isforzi; jiddispjaċih profondament, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni unilaterali tal-gvern tal-Istati Uniti li ċċaqlaq l-ambaxxata tagħha minn Tel Aviv għal Ġerusalemm u li tirrikonoxxi formalment l-belt bħala l-kapitali ta' Iżrael; jissottolinja li l-kwistjoni ta' Ġerusalemm trid tkun parti minn ftehim ta' paċi finali bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jenfasizza li l-pjan direzzjonali konġunt għandu jissaħħaħ, u jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Uniti tikkoordina mas-sħab Ewropej tagħha fl-isforzi tagħha għal paċi fil-Lvant Nofsani;

58.  Ifaħħar lill-UNRWA u lill-persunal iddedikat tagħha għall-ħidma umanitarja u ta' żvilupp, notevoli u indispensabbli tagħhom, imwettqa favur ir-rifuġjati Palestinjani (fix-Xatt tal-Punent inkluż f'Ġerusalemm tal-Lvant, fl-Istrixxa ta' Gaża, fil-Ġordan, fil-Libanu u fis-Sirja), li hija essenzjali għas-sigurtà u għall-istabbiltà tar-reġjun; jiddispjaċih bil-kbir bid-deċiżjoni tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti li tnaqqas il-finanzjament tagħha lill-UNRWA u jitlob lill-Istati Uniti jerġgħu jikkunsidraw din id-deċiżjoni; jissottolinja s-sostenn konsistenti tal-Parlament Ewropew u tal-Unjoni Ewropea lill-Aġenzija u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jfornu finanzjament addizzjonali biex jiggarantixxu s-sostenibbiltà tal-attivitajiet tal-UNRWA fit-tul;

59.  Jinkoraġġixxi kooperazzjoni ulterjuri bejn il-programmi globali tal-UE u tal-Istati Uniti li jippromwovu d-demokrazija, il-libertajiet tal-media, l-elezzjonijiet ħielsa u ġusti u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet tar-rifuġjati u l-migranti, tan-nisa u tal-minoranzi razzjali u reliġjużi; jenfasizza l-importanza tal-valuri ta' governanza tajba, tal-obbligu ta' rendikont, tat-trasparenza u tal-istat tad-dritt li huma l-bażi tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem; itenni l-pożizzjoni b'saħħitha u ta' prinċipju tal-UE kontra l-piena tal-mewt u favur moratorju universali fuq il-piena kapitali bl-għan li tiġi abolita fuq livell dinji; jissottolinja l-ħtieġa għal kooperazzjoni fil-prevenzjoni tal-kriżi u fil-konsolidament tal-paċi, kif ukoll fir-risposta għall-emerġenzi umanitarji;

60.  Itenni li l-UE u l-Istati Uniti għandhom interessi komuni fl-Afrika, fejn it-tnejn li huma jeħtiġilhom jikkoordinaw u jintensifikaw l-appoġġ tagħhom fil-livelli lokali, reġjonali u multinazzjonali għall-governanza tajba, għad-drittijiet tal-bniedem, għall-iżvilupp soċjali sostenibbli, għall-protezzjoni ambjentali, għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, għall-governanza ekonomika u kwistjonijiet ta' sigurtà, kif ukoll għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti reġjonali, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-tranżazzjonijiet finanzjarji illegali, il-vjolenza u t-terroriżmu; huwa tal-fehma li koordinament aħjar bejn l-UE u l-Istati Uniti, anki permezz ta' djalogu politiku msaħħaħ u tfassil ta' strateġiji konġunti dwar l-Afrika filwaqt li jitqiesu l-fehmiet tal-organizzazzjonijiet reġjonali u l-gruppi subreġjonali, jistgħu jwasslu għal azzjoni aktar effikaċi u l-użu tar-riżorsi;

61.  Jenfasizza l-importanza tal-interessi politiċi, ekonomiċi u tas-sigurtà komuni tal-UE u tal-Istati Uniti, fir-rigward tal-politiki ekonomiċi ta' pajjiżi bħaċ-Ċina u r-Russja, u jfakkar li l-isforzi konġunti, inkluż fil-livell tad-WTO, jistgħu jkunu ta' għajnuna biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħall-iżbilanċi attwali fil-kummerċ globali u s-sitwazzjoni fl-Ukrajna; jistieden lill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex ma tkomplix timblokka n-nomini tal-imħallfin għall-Korp tal-Appell tad-WTO; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib fir-rigward tal-istrateġija taċ-Ċina "One Belt One Road", inkluż permezz tal-iżvilupp ta' kooperazzjoni f'dan ir-rigward bejn l-UE u d-Djalogu Kwadrilaterali dwar is-Sigurtà (QUAD) bejn l-Istati Uniti, l-Indja, il-Ġappun u l-Awstralja;

62.  Jindika l-ħtieġa għal kooperazzjoni aħjar dwar il-politika dwar l-Artiku, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Kunsill tal-Artiku, speċjalment peress li bit-tibdil fil-klima jistgħu jinfetħu rotot ta' navigazzjoni ġodda u riżorsi naturali jistgħu jsiru disponibbli;

63.  Jinsisti li l-migrazzjoni hija fenomenu globali u għalhekk għandha tiġi indirizzata permezz ta' kooperazzjoni, sħubija u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà,iżda anke billi jiġu ġestiti r-rotot migratorji u jiġi segwit approċċ globali fil-livell tan-NU bbażat fuq ir-rispett tad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-Protokoll tagħha tal-1967; jilqa' l-isforzi li saru s'issa fin-NU sabiex jintlaħaq patt globali għal migrazzjoni sikura, ordnata u regolari kif ukoll patt globali dwar ir-refuġjati, u jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Istati Uniti ta' Diċembru 2017 li tirtira mid-diskussjonijiet; jitlob li jkun hemm politika konġunta biex jiġu miġġielda l-kawżi profondi tal-migrazzjoni;

64.  Jappoġġa l-kooperazzjoni mtejba bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar kwistjonijiet tal-enerġija, inkluż l-enerġija rinnovabbli, li tibni fuq il-qafas tal-Kunsill tal-Enerġija bejn l-UE u l-Istati Uniti; għalhekk, iġedded l-appell tiegħu sabiex jitkomplew il-laqgħat; jappella, barra minn hekk, għal aktar kooperazzjoni dwar ir-riċerka fil-qasam tal-enerġija u tat-teknoloġiji ġodda, kif ukoll għal kooperazzjoni biex jiġu protetti infrastrutturi tal-enerġija kontra ċ-ċiberattakki; jinsisti dwar il-ħtieġa li naħdmu flimkien fuq il-provvisti tal-enerġija, u jenfasizza li tenħtieġ kjarifika ulterjuri dwar kif se jissokta r-rwol ta' tranżitu tal-Ukrajna;

65.  Jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar il-Pipeline Nord Stream 2 u r-rwol potenzjalment diviżiv tiegħu fir-rigward tas-sigurtà tal-enerġija u s-solidità tal-Istati Membri, u jilqa' l-appoġġ tal-Istati Uniti biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija fl-Ewropa;

66.  Jiddispjaċih bl-irtirar tal-Istati Uniti mill-Ftehim ta' Pariġi, madankollu jfaħħar l-isforzi kontinwi ta' individwi, kumpaniji, bliet u stati fl-Istati Uniti li għadhom jaħdmu għat-twettiq tal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u jenfasizza l-ħtieġa ta' involviment akbar tal-UE ma' dawn l-atturi; jieħu nota li t-tibdil fil-klima ma għadux parti mill-Istrateġija dwar is-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti; jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE għall-Ftehim ta' Pariġi u għall-Aġenda 2030 tan-NU, u jenfasizza l-ħtieġa li dawn jiġu implimentati sabiex jiggarantixxu sigurtà globali u żvilupp ta' ekonomija u soċjetà aktar sostenibbli, u jfakkar li l-bidla lejn ekonomija ekoloġika tinvolvi ħafna opportunitajiet għall-impjiegi u għat-tkabbir;

67.  Jinkoraġġixxi kooperazzjoni ulterjuri fl-oqsma tal-innovazzjoni, xjenza u t-teknoloġija, u jappella għat-tiġdid tal-Ftehim dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti;

Niddefendu ordni kummerċjali bbażat fuq ir-regoli fi żminijiet diffiċli

68.  Jinnota li fl-2017 l-Istati Uniti kienet l-akbar suq għall-esportazzjonijiet tal-UE u t-tieni l-akbar sors ta' importazzjonijiet tal-UE; jinnota li hemm differenzi fid-defiċits u fl-eċċessi kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti fir-rigward ta' kummerċ fi prodotti, kummerċ f'servizzi, kummerċ diġitali u f'investiment barrani dirett; jenfasizza li r-relazzjoni kummerċjali u ta' investiment UE-Stati Uniti – li hija l-akbar fid-dinja u waħda li kienet dejjem ibbażata fuq valuri komuni – hija waħda mill-aktar muturi importanti tat-tkabbir ekonomiku, tal-kummerċ u tal-prosperità fil-livell globali; jinnota, barra minn hekk, li l-UE għandha bilanċ eċċessiv li jammonta għal USD 147 biljun fi prodotti flimkien mal-Istati Uniti; jinnota li l-impriżi tal-UE jimpjegaw 4,3 miljun ħaddiem fl-Istati Uniti;

69.  Jenfasizza li l-UE u l-Istati Uniti huma żewġ protagonisti f'dinja globalizzata li qed tevolvi b'mod rapidu u b'intensità mingħajr preċedent, u b'kunsiderazzjoni tal-isfidi komuni, l-UE u l-Istati Uniti għandhom interess komuni biex jikkollaboraw u jikkoordinaw dwar kwistjonijiet tal-politika kummerċjali, bil-għan li jsawru s-sistema kummerċjali multilaterali fil-ġejjieni u l-istandards globali;

70.  Jindika li r-rwol ewlieni tad-WTO fi ħdan is-sistema multilaterali huwa l-aħjar għażla biex tiġi garantita sistema miftuħa, ġusta u msejsa fuq ir-regoli, li tikkunsidra u tibbilanċja l-bosta interessi differenti tal-membri tagħha; itenni l-appoġġ tiegħu biex is-sistema kummerċjali multilaterali tkompli tissaħħaħ; jappoġġa l-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni sabiex flimkien mal-Istati Uniti tkompli taħdem biex tinstab risposta pożittiva komuni għall-isfidi istituzzjonali u sistemiċi attwali;

71.  Jenfasizza r-rwol tad-WTO biex tinstab soluzzjoni għat-tilwim relatat mal-kummerċ; jappella lill-membri kollha tad-WTO jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-sistema tad-WTO għar-riżoluzzjoni ta' tilwim; jiddispjaċih f'dan ir-rigward bl-imblukkar min-naħa tal-Istati Uniti ta' nomini ġodda biex jimtlew il-karigi battala fil-Korp tal-Appell, li qed thedded il-funzjonament stess tad-WTO f'dik li hi r-riżoluzzjoni ta' tilwim; jistieden lill-Kummissjoni u lill-membri kollha tad-WTO jesploraw modi biex jegħlbu dan l-imblokk rigward it-tiġdid tal-imħallfin fil-Korp tal-Appell tad-WTO u, jekk ikun meħtieġ, billi jirriformaw is-sistema ta' riżoluzzjoni tat-tilwim; iqis li dawn ir-riformi jista' jkollhom l-għan li jiżguraw l-ogħla livell possibbli ta' effiċjenza u indipendenza tas-sistema filwaqt li jibqgħu konsistenti mal-valuri u mal-approċċ ġenerali li l-UE ddefendiet b'mod kostanti sa mill-ħolqien tad-WTO, partikolarment, il-promozzjoni tal-kummerċ ħieles u ġust fuq bażi globali, skont l-istat tad-dritt, u l-ħtieġa li l-membri kollha tad-WTO jikkonformaw mal-obbligi kollha tad-WTO;

72.  Jilqa' bi pjaċir – minkejja li jiddispjaċih bin-nuqqas ta' riżultati miksuba waqt il-Ħdax-il Konferenza Ministerjali tad-WTO (MC11) – l-iffirmar tad-dikjarazzjoni konġunta dwar it-tneħħija ta' distorsjonijiet tas-suq inġusti u ta' prattiki protezzjonistiċi, mill-Istati Uniti, mill-UE u mill-Ġappun, li ġiet enfasizzata wkoll fl-istqarrija tal-G20 f'Lulju 2017; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni mal-Istati Uniti u mal-Ġappun dwar din il-kwistjoni biex jiġu indirizzati l-prattiki kummerċjali inġusti bħad-diskriminazzjoni, l-aċċess limitat għas-suq, id-dumping u s-sussidji;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni biex flimkien mal-Istati Uniti u ma' membri oħra tad-WTO, tistabbilixxi pjan ta' ħidma dwar it-tneħħija ta' sussidji ta' distorsjoni fis-setturi tal-qoton u tas-sajd (partikolarment fir-rigward tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU)); jappella għal kooperazzjoni biex isir progress fl-aġenda multilaterali dwar kwistjonijiet ġodda bħall-kummerċ elettroniku, il-kummerċ diġitali, inkluż l-iżvilupp diġitali, il-faċilitazzjoni tal-investiment, il-kummerċ u l-ambjent, u l-kummerċ u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u wkoll biex jiġu promossi politiki speċifiċi li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta' impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs) fl-ekonomija globali;

74.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jippromwovu l-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali sabiex jissaħħu l-ftehimiet internazzjonali fil-qasam tal-akkwist pubbliku, partikolarment il-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi;

75.  Jistieden lill-Kummissjoni tidħol fi djalogu mal-Istati Uniti bil-ħsieb li jitkomplew in-negozjati għall-Ftehimiet plurilaterali dwar il-Beni Ambjentali (EGA)u għal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA);

76.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jakkomunaw ir-riżorsi biex jiġġieldu kontra l-politiki u l-prattiki kummerċjali inġusti, filwaqt li jirrispettaw ir-regoli multilaterali u l-proċess tad-WTO għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, u jevitaw azzjonijiet unilaterali, peress li dawn huma ta' ħsara għall-ktajjen ta' valur globali li fihom joperaw il-kumpaniji tal-UE u tal-Istati Uniti; jiddispjaċih ferm bl-inċertezza fis-sistema kummerċjali internazzjonali li nħolqot minħabba l-użu mill-Istati Uniti ta' strumenti u għodod ta' politika (pereżempju t-Taqsima 232 mill-1962 u t-Taqsima 301 mill-1974) li kienu stabbiliti qabel il-ħolqien tad-WTO u tas-sistema għar-riżoluzzjoni tat-tilwim tagħha; jinnota f'dan ir-rigward li d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li timponi dazji fuq l-azzar u tal-aluminju skont it-Taqsima 232 ma tistax tiġi ġġustifikata fuq il-bażi ta' sigurtà nazzjonali, u jistieden lill-Istati Uniti tagħti lill-UE u lill-alleati l-oħra eżenzjoni sħiħa u permanenti mill-miżuri; jistieden lill-Kummissjoni tirreaġixxi bis-sod jekk dawn it-tariffi jintużaw bħala mezz biex jitrażżnu l-esportazzjonijiet tal-UE; jisħaq ukoll fuq l-illeġitimità ta' kwalunkwe sanzjoni li tista' tittieħed mill-Istati Uniti bħala kontromiżura fuq il-beni Ewropej wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Korp tal-Appell għall-Konformità fil-qafas tal-ilment mill-Istati Uniti kontra l-UE dwar miżuri li jaffettwaw il-kummerċ f'ajruplani ċivili kbar, peress li 204 mill-218-il talba mressqa mill-Istati Uniti ġew rifjutati mid-WTO u għad baqa' rapport ulterjuri pendenti dwar il-każ relatat kontra s-sussidji illegali tal-Istati Uniti;

77.  Jieħu nota tal-fatt li l-kooperazzjoni bilaterali bejn l-UE u l-Istati Uniti baqgħet għaddejja fuq firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet regolatorji, kif evidenzjat permezz tal-ftehim bilaterali li ġie konkluż dan l-aħħar dwar miżuri prudenzjali fir-rigward tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jew dwar il-ftehim ta' rikonoxximent reċiproku dwar ir-rikonoxximent ta' spezzjonijiet ta' produtturi tal-mediċini; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrispettaw bis-sħiħ ir-rwol tal-Parlament Ewropew f'dan il-proċess;

78.  Jisħaq fuq l-importanza kruċjali tal-proprjetà intellettwali għall-ekonomiji tal-UE u tal-Istati Uniti; jappella liż-żewġ partijiet jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, jiggarantixxu livelli għoljin ta' protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, u jiżguraw li dawk li joħolqu prodotti innovattivi ta' kwalità għolja jkunu jistgħu jkomplu jagħmlu dan;

79.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jtejbu l-aċċess għas-suq tal-SMEs li jesportaw lejn l-Istati Uniti u lejn l-UE, permezz ta' żieda fit-trasparenza dwar ir-regoli eżistenti u dwar il-ftuħ tas-suq fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, pereżempju permezz ta' portal għall-SMEs;

80.  Jenfasizza l-importanza tas-suq tal-Istati Uniti għall-SMEs tal-UE; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jindirizzaw l-effett sproporzjonat li t-tariffi, l-ostakli nontariffarji u l-ostakli tekniċi għall-kummerċ għandhom fuq l-SMEs fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, li jkopru mhux biss it-tnaqqis fit-tariffi iżda wkoll semplifikazzjoni tal-proċeduri doganali u potenzjalment mekkaniżmi ġodda li għandhom l-għan li jgħinu lill-SMEs jiskambjaw l-esperjenzi u l-aħjar prattiki fix-xiri u l-bejgħ fis-swieq tal-UE u tal-Istati Uniti;

81.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti, fil-qafas tal-kooperazzjoni bilaterali tagħhom, iżommu lura minn kompetizzjoni fiskali ma' xulxin, peress li din twassal biss għal tnaqqis fl-investiment fiż-żewġ ekonomiji;

82.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jaqblu dwar qafas għal kummerċ diġitali li jirrispetta l-oqfsa ġuridiċi eżistenti u l-ftehimiet dwar il-protezzjoni tad-data u r-regoli tal-privatezza tad-data taż-żewġ naħat, li huma partikolarment rilevanti għas-settur tas-servizzi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-UE u l-Istati Uniti għandhom jaħdmu flimkien biex iħeġġu lil pajjiżi terzi jadottaw standards għoljin ta' protezzjoni tad-data;

83.  Jappella lill-UE u lill-Istati Uniti biex iqawwu l-kooperazzjoni dwar it-tibdil fil-klima; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jużaw negozjati kummerċjali attwali u futuri, fil-livelli kollha, biex jiżguraw l-applikazzjoni ta' standards miftiehma fuq livell internazzjonali bħalma huma l-Ftehim ta' Pariġi, biex jippromwovu l-kummerċ fi prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, inkluża t-teknoloġija, u sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni globali tal-enerġija, b'aġenda kummerċjali internazzjonali ċara u koordinata, kemm biex jiġi protett l-ambjent kif ukoll biex jinħolqu opportunitajiet għall-impjiegi u t-tkabbir;

84.  Jemmen li ftehim potenzjali ġdid dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u l-Istati Uniti, la jista' jiġi negozjat taħt pressjoni u lanqas taħt theddid, u huwa biss ftehim wiesa', ambizzjuż, bilanċjat u komprensiv li jkopri l-oqsma kummerċjali kollha li jista' jkun ta' interess għall-UE; jinnota, f'dan ir-rigward, li tista' tkun ta' vantaġġ il-possibbiltà li jinħoloq mekkaniżmu speċifiku u permanenti ta' kooperazzjoni regolatorja u konsultattiva; jistieden lill-Kummissjoni tissokta n-negozjati mal-Istati Uniti fiċ-ċirkostanzi t-tajba;

85.  Jenfasizza li l-flussi kummerċjali jirrikjedu dejjem aktar modi ġodda, aktar rapidi u aktar siguri biex jiġu trasferiti prodotti u servizzi bejn il-fruntieri; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti, bħala sħab kummerċjali ewlenin, u bl-għan li jiffaċilitaw il-kummerċ, jikkollaboraw fuq soluzzjonijiet ta' teknoloġija diġitali relatati mal-kummerċ;

86.  Ifakkar fl-importanza tad-djalogu u l-kooperazzjoni eżistenti bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-oqsma tax-xjenza u tat-teknoloġija; jirrikonoxxi r-rwol tal-isforzi bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni bħala l-muturi ewlenin tal-għarfien u t-tkabbir ekonomiku, u jappoġġa t-tkomplija u l-espansjoni tal-Ftehim dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti wara l-2018, bl-għan li jitrawmu r-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji ġodda emerġenti, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u l-ħolqien ta' aktar impjiegi u impjiegi aħjar, il-kummerċ sostenibbli u t-tkabbir inklużiv;

87.  Jikkondividi t-tħassib tal-Istati Uniti dwar il-kapaċità żejda fil-qasam tal-azzar globali; jiddispjaċih, fl-istess ħin, li l-miżuri unilaterali u mhux kompatibbli mad-WTO għandhom l-iskop biss li jdgħajfu l-integrità ta' ordni ta' negozjar ibbażat fuq ir-regoli; jissottolinja li anke jekk l-UE jkollha eżenzjoni permanenti mit-tariffi tal-Istati Uniti dan ma jilleġittimax din il-linja ta' azzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Istati Uniti biex issaħħaħ l-isforzi ħalli tiġi miġġielda l-kapaċità żejda fil-qasam tal-azzar fi ħdan il-qafas tal-Forum Globali tal-G20, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal enormi tal-azzjoni multilaterali; itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-azzjonijiet konġunti u miftiehma fi ħdan is-sistemi kummerċjali bbażati fuq ir-regoli huma l-aħjar mod biex jissolvew dawn il-problemi globali;

88.  Jafferma mill-ġdid l-importanza li l-UE u l-Istati Uniti jindirizzaw, b'mod ikkoordinat u kostruttiv, il-modernizzazzjoni meħtieġa tad-WTO, bil-għan li din issir aktar effikaċi, trasparenti u responsabbli, kif ukoll biex jiżguraw li, fil-proċess ta' tfassil ta' regoli u politiki kummerċjali internazzjonali, jiġu integrati b'mod xieraq id-dimensjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi, dawk soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem;

89.  Jindika li l-UE tissimbolizza ekonomija tas-suq mingħajr distorsjoni, kif ukoll valuri miftuħa u msejsa fuq ir-regoli kif ukoll il-kummerċ ġust; itenni l-appoġġ tiegħu għall-istrateġija tal-Kummissjoni b'risposta għall-politika kummerċjali attwali tal-Istati Uniti, filwaqt li tikkonforma mar-regoli tas-sistema kummerċjali multilaterali; jappella għall-għaqda fost l-Istati Membri kollha tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ komuni biex tindirizza din is-sitwazzjoni; jisħaq fuq l-importanza li tiġi ppreservata l-unità tal-Istati Membri tal-UE f'dan ir-rigward, peress li l-azzjonijiet konġunti tal-UE fil-qafas tal-politika kummerċjali komuni u l-unjoni doganali tal-UE fil-livell internazzjonali, kif ukoll fil-livell bilaterali mal-Istati Uniti, urew li huma ferm aktar effikaċi minn kwalunkwe inizjattiva meħuda minn Stati Membri individwali; itenni li l-UE tinsab lesta biex taħdem mal-Istati Uniti dwar kwistjonijiet ta' interess reċiproku relatati mal-kummerċ fi ħdan ir-regoli tas-sistema kummerċjali multilaterali;

90.  Jiddispjaċih bid-deċiżjoni tal-President Trump li joħroġ lill-Istati Uniti mill-PAKK u l-effett li din id-deċiżjoni se jkollha fuq il-kumpaniji tal-UE li jinnegozjaw fl-Iran; jappoġġa l-isforzi kollha tal-UE mmirati biex tissalvagwardja l-interessi ta' kumpaniji tal-UE li jinvestu fl-Iran, b'mod partikolari d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tattiva l-Istatut ta' Imblukkar, li jixhed l-impenn tal-UE fir-rigward tal-PAKK; jemmen li l-istess statut jista' jintuża kull fejn huwa xieraq;

91.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jsaħħu l-kooperazzjoni u l-isforzi biex jimplimentaw u jespandu skemi ta' diliġenza dovuta għall-impriżi sabiex isaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fuq livell internazzjonali, inkluż fil-qasam tal-kummerċ ta' minerali u metalli li joriġinaw minn żoni milquta minn kunflitti;

92.  Jiddeplora d-diżimpenn tal-Istati Uniti mill-protezzjoni tal-ambjent; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, dwar id-deċiżjoni tal-President Trump – meta l-Istati Uniti hija l-akbar importatur ta' trofej tal-kaċċa tal-iljunfanti – li jneħħi l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' trofej bħal dawn minn ċerti pajjiżi Afrikani, inkluż iż-Żimbabwe u ż-Żambja;

93.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jkomplu u jsaħħu l-kooperazzjoni parlamentari trans-Atlantika, li għandha twassal għal qafas politiku usa' u msaħħaħ biex jittejbu r-rabtiet kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u l-Istati Uniti;

94.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Istati Uniti u ċ-Ċina jistgħu jilħqu ftehim li ma jkunx kompletament kompatibbli mad-WTO, li jista' wkoll jimmina l-interessi tagħna u jixħet dell ikrah fuq ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi kummerċjali; jenfasizza, għalhekk, il-bżonn ta' ftehim aktar globali mas-sħab kummerċjali prinċipali tagħna, b'kunsiderazzjoni tal-interessi komuni tagħna madwar id-dinja.

o
o   o

95.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-SEAE u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-pajjiżi ta' adeżjoni u dawk kandidati, lill-President tal-Istati Uniti u lis-Senat u lill-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti.

(1) ĠU L 309, 29.11.1996, p. 1.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0068.
(3) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 226.
(4) ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 198.
(5) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 124.
(6) ĠU C 65, 19.2.2016, p. 120.
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0435.
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0493.
(9) Testi adottati, P8_TA(2017)0492.
(10) Testi adottati, P8_TA(2018)0042.

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Settembru 2019Avviż legali