Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2841(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0371/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.2
CRE 13/09/2018 - 10.2

Testi adottati :

P8_TA(2018)0345

Testi adottati
PDF 137kWORD 55k
Il-Ħamis, 13 ta' Settembru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-Myanmar, b'mod partikolari l-każ tal-ġurnalisti Wa Lone u Kyaw Soe Oo
P8_TA(2018)0345RC-B8-0371/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2018 dwar il-Myanmar, b'mod partikolari l-każ tal-ġurnalisti Wa Lone u Kyaw Soe Oo (2018/2841(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya, b'mod partikolari dawk adottati fl-14 ta' Ġunju 2018(1), l-14 ta' Diċembru 2017(2), l-14 ta' Settembru 2017(3), is-7 ta' Lulju 2016(4) u l-15 ta' Diċembru 2016(5),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-3 ta' Settembru 2018 dwar l-issentenzjar lill-ġurnalisti Wa Lone u Kyaw Soe Oo u dik tad-9 ta' Lulju 2018 dwar il-prosekuzzjoni ta' żewġ ġurnalisti tar-Reuters fil-Myanmar,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ottubru 2017 u tas-26 ta' Frar 2018 dwar il-Myanmar,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2018/655 tas-26 ta' April 2018(6) u (PESK) 2018/900 tal-25 ta' Ġunju 2018(7) fejn impona miżuri restrittivi ulterjuri fuq il-Myanmar, saħħaħ l-embargo tal-armi tal-UE u mmira l-armata u l-uffiċjali tal-pulizija tal-gwardja tal-fruntiera tal-Myanmar,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni Indipendenti Internazzjonali ta' Gbir ta' Informazzjoni dwar il-Myanmar tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tal-24 ta' Awwissu 2018, li se jiġi ppreżentat fid-39 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU mill-10 sat-28 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Settembru 2018 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine mmexxija minn Kofi Annan,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-dritt umanitarju internazzjonali, il-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-Protokolli tagħhom u l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Karta tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-vjolenza sesswali relatata mal-kunflitt tat-23 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Awla Preliminari I tal-QKI tas-6 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-12 ta' Diċembru 2017 żewġ ġurnalisti, Wa Lone u Kyaw Soe Oo, ġew arrestati arbitrarjament u miżmuma abbażi ta' allegazzjonijiet ta' rappurtar ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mit-Tatmadaw (Forzi Armati tal-Myanmar) fl-Istat ta' Rakhine;

B.  billi l-ġurnalisti Wa Lone u Kyaw Soe Oo ġew sussegwement ikkundannati taħt l-Atti dwar is-Sigrieti Uffiċjali tal-1923; billi fit-3 ta' Settembru 2018 ġew issentenzjati minn qorti fil-Myanmar għal seba' snin ħabs; filwaqt li din il-kawża storika timmina ulterjorment il-libertà tal-espressjoni, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar;

C.  billi d-diplomatiċi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tal-UE kienu fost il-ħafna osservaturi internazzjonali preżenti f'kull seduta tal-qorti sa minn meta l-ġurnalisti kienu arrestati fit-12 ta' Diċembru 2017 u kontinwament qajmu l-kwistjoni mal-Gvern tal-Myanmar;

D.  billi l-atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi l-ġurnalisti, l-avukati u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li jesprimu opinjonijiet kritiċi dwar l-awtoritajiet tal-Myanmar, notevolment it-Tatmandaw u forzi tas-sigurtà oħrajn tal-Myanmar u dwar l-atti mwettqa minnhom fl-Istat ta' Rakhine, huma allegatament arrestati, miżmuma jew iffastidjati arbitrarjament; billi l-kopertura tal-midja tal-vjolenza fl-Istat ta' Rakhine hija kkontrollata b'mod strett mill-militar u mill-gvern;

E.  billi l-attivista tad-drittijiet tal-bniedem Rohingya Wai Nu, li ġiet impriġunata mill-età ta' 18-il sena sakemm kellha 25 sena, tibqa' waħda mill-ħafna eżempji ta' attivisti fil-mira tal-awtoritajiet tal-Myanmar;

F.  billi dak li qabel kien suldat tifel, Aung Ko Htwe, qed iservi sentenza ta' sentejn u sitt xhur ħabs f'konnessjoni ma' intervista fil-midja li hu ta dwar l-esperjenzi tiegħu fil-militar tal-Myanmar; billi kien issentenzjat taħt it-Taqsima 505(b) tal-Kodiċi Penali tal-Myanmar, li hija dispożizzjoni bi kliem vag li ta' spiss kienet użata biex tikser il-libertà tal-espressjoni;

G.  billi għexieren ta' ġurnalisti ġew allegatament arrestati u miżmuma sa mill-2016; billi l-awtoritajiet tal-Myanmar jużaw għadd ta' liġijiet repressivi, inkluż l-Att dwar is-Sigrieti Uffiċjali, biex jarrestaw, iżommu, jissilenzjaw jew jinfastidixxu lil atturi tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti, avukati u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jesprimu opinjonijiet kritiċi dwar il-Gvern tal-Myanmar jew dwar il-forzi tas-sigurtà tiegħu; billi l-Myanmar ikklassifika fil-159 post minn 198 pajjiż fil-klassifika tal-Libertà tal-Istampa tal-Freedom House tal-2017;

H.  billi r-rapport tal-24 ta' Awwissu 2018 tal-Missjoni Indipendenti Internazzjonali ta' Ġbir ta' Informazzjoni dwar il-Myanmar (IIFFMM), b'mandat min-NU, jikkonkludi li l-aktar ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u l-iktar delitti serji taħt id-dritt internazzjonali, inkluż il-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, twettqu fl-Istati ta' Kachin, Rakhine u Shan mit-Tatmadaw, il-forza tal-pulizija tal-Myanmar, in-NaSaKa (li qabel kienu l-Kwartieri Ġenerali tal-Kontroll tal-Immigrazzjoni taż-Żona tal-Fruntiera), il-pulizija ta' gwardji tal-fruntieri tal-Myanmar u gruppi armati mhux statali; billi r-rapport jiddikjara wkoll li l-Armata tas-Salvazzjoni ta' Arakan Rohingya wettqet attakki kkoordinati fuq bażi militari u diversi postijiet tal-forza tas-sigurtà madwar it-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine biex iżżid il-pressjoni fuq il-komunitajiet Rohingya; billi r-rapport ikompli jitlob li kmandanti militari għolja fil-Myanmar u lil dawk responsabbli tad-delitti ta' atroċità kontra persuni Rohingya jiġu investigati u pproċessati internazzjonalment; billi l-Myanmar irrifjuta dawn is-sejbiet;

I.  billi r-rapport tal-IFFFMM jiddikjara li l-Kunsillier Statali tal-Myanmar, il-Premju Nobel għall-Paċi u r-rebbieħa tal-Premju Sakharov, Aung San Suu Kyi, naqset milli tuża l-pożizzjoni de facto tagħha bħala Kap tal-Gvern jew l-awtorità morali tagħha biex twaqqaf jew tipprevjeni l-avvenimenti li qed iseħħu fl-Istat ta' Rakhine; billi l-awtoritajiet ċivili taw ukoll kontribut għat-twettiq ta' delitti ta' atroċità permezz tal-atti u l-omissjonijiet tagħhom, b'mod speċifiku permezz tat-tixrid ta' narrattivi foloz, iċ-ċaħda tal-imġiba ħażina tat-Tatmadaw, l-imblukkar ta' investigazzjonijiet indipendenti u s-sorveljanza tal-qerda tal-evidenza;

J.  billi fit-8 ta' Settembru 2018 il-QKI kkonfermat li l-Qorti tista' teżerċita ġurisdizzjoni fuq l-allegata deportazzjoni tar-Rohingya mill-Myanmar lejn il-Bangladesh;

K.  billi ntużaw pjattaformi ta' midja soċjali fil-Myanmar biex jinxterdu kampanji ta' malafama u teoriji ta' komplott li jimmiraw lir-Rohingya u lill-Musulmani fil-pajjiż;

L.  billi r-Rohingya jirrappreżentaw l-akbar perċentwal ta' Musulmani fil-Myanmar, u l-maġġoranza tagħhom tgħix fl-Istat ta' Rakhine; billi stimi konservattivi jagħtu rata ta' mwiet ta' 10 000 persuna; billi minn Awwissu 2017, aktar minn 700 000 persuna Rohingya ħarbu għas-sigurtà lejn il-Bangladesh, li minnhom madwar 500 000 huma tfal, li l-biċċa l-kbir tagħhom ivvjaġġaw waħedhom wara li l-ġenituri tagħhom inqatlu jew wara li kienu separati mill-familji tagħhom;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-arrest arbitrarju u l-issentenzjar tal-ġurnalisti Wa Lone u Kyaw Soe Oo talli rrapportaw dwar is-sitwazzjoni fl-Istat ta' Rakhine; jistieden lill-awtoritajiet tal-Myanmar jeħilsuhom immedjatament u inkondizzjonalment u jwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom u kontra l-persuni kollha detenuti arbitrarjament, inklużi priġunieri politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u ħaddiema tal-midja, sempliċement talli eżerċitaw id-drittijiet u l-libertajiet tagħhom;

2.  Jikkundanna l-atti kollha ta' intimidazzjoni, fastidju jew restrizzjoni tal-libertà tal-espressjoni, b'mod partikolari mill-militar u mill-forzi tas-sigurtà tal-Myanmar: jissottolinja li l-libertà tal-midja u l-ġurnaliżmu kritiku huma pilastri essenzjali tad-demokrazija, billi jippromwovu l-governanza tajba, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Myanmar jiżguraw kundizzjonijiet adegwati għall-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-midja biex iwettqu xogħolhom mingħajr biża' ta' intimidazzjoni jew fastidju, arrest jew prosekuzzjoni indebiti;

3.  Itenni l-appell tiegħu lill-Gvern tal-Myanmar li jreġġa' lura d-deċiżjoni tiegħu li jtemm il-kooperazzjoni tiegħu mar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar u jagħti aċċess sħiħ u bla xkiel għall-Istat ta' Rakhine lill-organizzazzjonijiet tal-midja domestiċi u internazzjonali, lill-osservaturi indipendenti u lill-organizzazzjonijiet umanitarji, b'mod partikolari lir-Rapporteur Speċjali tan-NU, u jiżgura s-sikurezza tal-persunal tal-midja;

4.  Jesprimi tħassib serju rigward l-abbuż ta' dispożizzjonijiet legali repressivi li jillimitaw il-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-Myanmar jirrevokaw, jirrieżaminaw jew jemendaw il-liġijiet kollha, inkluż l-Att dwar is-Sigrieti Uffiċjali tal-1923, li mhumiex konformi mal-istandards internazzjonali u li jikkriminalizzaw u jiksru d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' assoċjazzjoni; jistieden lill-Gvern tal-Myanmar jiżgura li l-leġiżlazzjoni kollha hija f'konformità mal-istandards u l-obbligi internazzjonali;

5.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki mifruxa u sistematiċi kontra l-poplu Rohingya li jinsab fl-Istat ta' Rakhine mit-Tatmadaw u forzi tas-sigurtà oħra tal-Myanmar, li skont l-IIFFMM, jammontaw għal ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra – li huma l-aktar abbużi u ksur serji fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jinsab imħasseb profondament dwar il-gravità u l-iskala dejjem jikbru tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem permessi mill-Gvern tal-Myanmar;

6.  Jesprimi l-appoġġ kontinwu tiegħu lill-poplu Rohingya; jappella għal darb'oħra lill-Gvern tal-Myanmar u lill-forzi tas-sigurtà jwaqqfu b'mod immedjat il-ksur, il-qtil, il-qerda tal-proprjetà u l-vjolenza sesswali li qed iseħħu bħalissa kontra l-poplu Rohingya u l-minoranzi etniċi fit-Tramuntana tal-Myanmar u jiżguraw li s-sigurtà u l-istat tad-dritt jipprevalu fil-Myanmar, b'mod partikolari fl-Istati ta' Rakhine, Kachin u Shan; ifakkar lill-awtoritajiet tal-Myanmar dwar l-obbligi internazzjonali tagħhom għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar u lill-Kunsilliera tal-Istat, Aung San Suu Kyi, jikkundannaw b'mod inekwivoku kull inċitament għall-mibegħda u jiġġieldu d-diskriminazzjoni soċjali u l-ostilitajiet fil-konfront tal-poplu Rohingya u tal-gruppi oħra ta' minoranza;

7.  Jieħu nota tas-sejbiet tal-IIFFMM u jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tagħha; jilqa' d-deċiżjoni reċenti li l-QKI tista' teżerċita ġurisdizzjoni fil-konfront tal-allegata deportazzjoni tal-poplu Rohingya mill-Myanmar lejn il-Bangladesh; jirrikonoxxi, madankollu, li għadu meħtieġ rinviju mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) għall-QKI għal investigazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni sħiħ tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kap Prosekutur tal-QKI jiftaħ investigazzjoni preliminari f'dan ir-rigward; jistieden lill-KSNU jirreferi s-sitwazzjoni fil-Myanmar lill-QKI mingħajr dewmien; jappoġġja l-appelli tal-IIFFMM u tad-Deputati tal-ASEAN għad-Drittijiet tal-Bniedem (APHR) għall-ġenerali militari responsabbli biex jiġu investigati u pproċessati;

8.  Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jfittxu l-obbligu ta' rendikont fil-fora multilaterali għal dawk responsabbli mid-delitti fil-Myanmar; jappella lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu rwol ta' tmexxija fil-KSNU dwar ir-reazzjoni rikjesta biex jirreferu s-sitwazzjoni lill-QKI, kif ukoll jieħdu rwol ta' tmexxija fl-Assemblea Ġenerali tan-NU u fid-39 sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u jżidu l-isforzi tagħhom għall-istabbiliment urġenti ta' mekkaniżmu internazzjonali, imparzjali u indipendenti tal-obbligu ta' rendikont biex jappoġġja l-investigazzjonijiet fid-delitti allegati ta' atroċità u l-prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli;

9.  Itenni l-appell tiegħu lill-KSNU biex jimponi embargo tal-armi globali u komprensiv fuq il-Myanmar, li jissospendi l-provvisti diretti u indiretti kollha, il-bejgħ jew it-trasferimenti, inklużi t-tranżitu u t-trażbord tal-armi, il-munizzjon kollu u tagħmir militari u ta' sigurtà ieħor, kif ukoll il-forniment ta' taħriġ jew assistenza militari jew ta' sigurtà oħrajn; iħeġġeġ lill-KSNU jadotta sanzjonijiet individwali mmirati, inklużi projbizzjonijiet fuq vjaġġar u iffriżar tal-assi, kontra dawk li jidher li huma responsabbli għal delitti serji skont id-dritt internazzjonali;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra tiftaħ investigazzjoni taħt il-mekkaniżmi pprovduti fil-ftehim "Kollox Ħlief Armi", bil-għan li tirrieżamina l-preferenzi kummerċjali li minnhom jibbenefika l-Myanmar;

11.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill fis-26 ta' April 2018 ta' qafas legali għal miżuri restrittivi mmirati kontra uffiċjali responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u t-tisħiħ tal-embargo tal-armi tal-UE u l-ewwel lista ta' nomini stabbilita fil-25 ta' Ġunju 2018; iħeġġeġ lill-Kunsill jimponi projbizzjonijiet fuq vjaġġar, sanzjonijiet finanzjarji mmirati u ffriżar tal-assi kontra uffiċjali tal-Myanmar identifikati mill-IIFFMM bħala responsabbli għal delitti ta' atroċità;

12.  Ifakkar li eluf ta' persuni Rohingya, li ħafna minnhom huma tfal, huma spostjati internament u fi bżonn urġenti ta' protezzjoni u assistenza umanitarja; jappella għal aċċess immedjat, bla xkiel u ħieles fil-pajjiż kollu għat-twassil tal-għajnuna umanitarja; jinsisti li l-Gvern tal-Myanmar jiggarantixxi r-ritorn sikur, volontarju u dinjituż, bis-sorveljanza sħiħa min-NU, lil dawk li jridu jirritornaw f'arthom;

13.  Jappella lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali biex jindirizzaw il-ħtieġa ta' assistenza umanitarja miżjuda u fit-tul lill-poplu Rohingya fil-Bangladexx u l-komunitajiet ospitanti tagħhom;

14.  Ifakkar li l-istupru u l-vjolenza sesswali kienu karatteristiċi rikorrenti tal-immirar tal-popolazzjoni ċivili fl-Istati ta'' Kachin, Rakhine u Shan; jappella lill-UE, b'mod partikolari lid-dipartiment tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (ECHO), u lill-Istati Membri biex jiggarantixxu titjib tal-protezzjoni minn vjolenza sessista fuq il-bniet u n-nisa Rohingya;

15.  Ifakkar fil-ħtieġa għall-provvista ta' assistenza medika u psikoloġika fil-kampijiet tar-rifuġjati, b'mod partikolari assistenza magħmula apposta għal gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa u t-tfal; jappella għal aktar servizzi ta' appoġġ għall-vittmi ta' stupru u attakki sesswali;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar, lill-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0261.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0500.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0351.
(4) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 134.
(5) ĠU C 238, 6.7.2018, p. 112.
(6) ĠU L 108, 27.4.2018, p. 29.
(7) ĠU L 160 I , 25.6.2018, p. 9.

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Settembru 2019Avviż legali