Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2035(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0262/2018

Testi mressqa :

A8-0262/2018

Dibattiti :

PV 12/09/2018 - 14
CRE 12/09/2018 - 14

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0352

Testi adottati
PDF 189kWORD 63k
Il-Ħamis, 13 ta' Settembru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Strateġija Ewropea għall-Plastik f'Ekonomija Ċirkolari
P8_TA(2018)0352A8-0262/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2018 dwar strateġija Ewropea għall-plastik f'ekonomija ċirkolari (2018/2035(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 dwar "Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari" (COM(2018)0028),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 dwar l-impatt tal-użu ta' plastik ossodegradabbli, inklużi basktijiet tal-plastik ossodegradabbli, fuq l-ambjent (COM(2018)0035),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll id-dokument ta' ħidma tal-persunal tas-16 ta' Jannar 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart (COM(2018)0032),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019 tal-Kummissjoni (COM(2016)0773), b'mod partikolari l-objettiv li jiġu stabbiliti rekwiżiti aktar speċifiċi għall-prodott u aktar orizzontali f'oqsma bħad-durabbiltà, ir-riparabbiltà, it-titjib fil-kwalità, id-disinn għaż-żarmar u l-faċilità ta' użu mill-ġdid u riċiklaġġ,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta' azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari" (COM(2015)0614),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttivi 2000/53/KE dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi, u 2012/19/UE dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'lanfills(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/720 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 li temenda d-Direttiva 94/62/KE rigward it-tnaqqis tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-istabbiliment ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija(6) (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva dwar l-Ekodisinn") u r-regolamenti ta' implimentazzjoni u l-ftehimiet volontarji adottati skont dik id-direttiva,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020(7),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2017 dwar l-ekoinnovazzjoni biex tkun tista' ssir tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari,

–  wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Speċjali Nru 468 ta' Ottubru 2017 dwar l-attitudnijiet taċ-ċittadini Ewropej lejn l-ambjent,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) tal-UNFCCC,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti bit-titolu "Nittrasformaw id-dinja tagħna: L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli", adottata fis-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fil-25 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari(8),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-16 ta' Jannar 2018 dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna fil-kuntest tal-SDGs 2030(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0262/2018]),

A.  billi l-plastik huwa materjal prezzjuż, li jintuża b'mod mifrux fit-totalità tal-ktajjen tal-valur u li huwa utli għas-soċjetà u l-ekonomija tagħna, jekk jintuża u jiġi ġestit b'mod responsabbli;

B.  billi l-mod li bih huwa manifatturat, użat u mormi l-plastik illum għandu effetti devastanti għal dak li jikkonċerna l-ambjent, il-klima u l-ekonomija, u potenzjalment għandu impatt avvers fuq is-saħħa ta' kemm il-bnedmin kif ukoll l-annimali; billi l-isfida ewlenija hija għalhekk li l-plastik jiġi prodott u jintuża b'mod responsabbli u sostenibbli sabiex titnaqqas il-produzzjoni ta' skart tal-plastik u biex jitnaqqas l-użu ta' sustanzi perikolużi fil-plastik, fejn possibbli; billi r-riċerka u l-innovazzjoni f'teknoloġiji ġodda u alternattivi għandhom rwol importanti f'dan ir-rigward;

C.  billi dawn l-effetti negattivi joħolqu tħassib għall-pubbliku ġenerali, fejn 74 % taċ-ċittadini tal-UE jesprimu tħassib dwar l-impatt tal-plastik fuq is-saħħa, filwaqt li 87 % jinsabu inkwetati dwar l-effetti tagħhom fuq l-ambjent.

D.  billi l-momentum politiku attwali għandu jintuża biex issir tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari sostenibbli tal-plastik li tagħti prijorità lill-prevenzjoni tal-produzzjoni tal-iskart tal-plastik, skont il-ġerarkija tal-iskart;

E.  billi diversi Stati Membri diġà stabbilew miżuri leġiżlattivi nazzjonali għall-projbizzjoni tal-mikroplastiks miżjuda intenzjonalment fil-kożmetiċi;

F.  billi l-pajjiżi Ewropej għandhom storja ta' esportazzjoni tal-iskart tal-plastik, inkluż lejn pajjiżi fejn sistemi ta' ġestjoni u ta' riċiklaġġ inadegwati jikkawżaw dannu ambjentali u huma ta' riskju għas-saħħa tal-komunitajiet lokali, b'mod partikolari ta' dawk li jimmaniġġaw l-iskart;

G.  billi l-iskart tal-plastik huwa kwistjoni globali u hemm bżonn ta' kooperazzjoni internazzjonali biex tiġi miġġielda l-isfida; billi l-UE hija impenjata li tilħaq l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, li ħafna minnhom huma rilevanti għall-konsum u l-produzzjoni sostenibbli tal-plastik sabiex jiġu limitati l-impatti tagħhom fuq il-baħar u l-art;

H.  billi l-produzzjoni annwali fid-dinja tal-plastik laħqet 322 miljun tunnellata fl-2015, u hija mistennija li tirdoppja matul l-20 sena li ġejjin;

I.  billi fl-UE, qed jiġu prodotti 25.8 miljun tunnellata ta' skart tal-plastik kull sena;

J.  billi fl-UE, 30 % biss tal-iskart tal-plastik jinġabar għar-riċiklaġġ; billi 6 % biss tal-plastik imqiegħed fis-suq huwa magħmul minn plastik riċiklat;

K.  billi r-rimi fil-miżbliet (31 %) u l-inċinerazzjoni (39 %) tal-iskart tal-plastik għadhom għoljin;

L.  billi madwar 95 % tal-valur tal-materjal tal-imballaġġ tal-plastik fil-preżent joħroġ mill-ekonomija u dan iwassal għal rata ta' telf annwali ta' bejn EUR 70 biljun u EUR 105 biljun;

M.  billi l-UE għandha mira li jiġi riċiklat 55 % tal-imballaġġ tal-plastik minn issa sal-2030;

N.  billi r-riċiklaġġ tal-plastik iġib miegħu benefiċċji sinifikanti għall-klima f'dak li għandu x'jaqsam mat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2;

O.  billi, fid-dinja, bejn 5 u 13-il miljun tunnellata ta' plastik jispiċċaw fl-oċeani tad-dinja kull sena u, sal-lum, huwa stmat li hemm aktar minn 150 miljun tunnellata ta' plastik fl-oċeani;

P.  billi bejn 150 000 u 500 000 tunnellata ta' skart tal-plastik jidħlu fl-ibħra u l-oċeani tal-EU kull sena.

Q.  billi, skont studji kkwotati min-NU, jekk ma jsir xejn, fl-2050 se jkun hemm aktar plastik milli ħut fl-oċeani;

R.  billi l-plastik jirrappreżenta 85 % tal-iskart fil-bajjiet u aktar minn 80 % tal-iskart fil-baħar;

S.  billi prattikament kull tip ta' materjal tal-plastik jista' jinstab fl-oċean – mir-roqgħa kbira ta' żibel fil-Paċifiku, li fiha mill-anqas 79 000 tunnellata ta' plastik f'wiċċ żona ta' 1.6 miljun kilometru kwadru, għaż-żoni l-aktar remoti tad-dinja bħall-art fonda oċeanika u l-Artiku;

T.  billi l-iskart fil-baħar jaffettwa b'mod negattiv anki l-attivitajiet ekonomiċi u l-katina alimentari tal-bniedem;

U.  billi 90 % tal-ghasafar tal-baħar kollha jibilgħu partikuli tal-plastik;

V.  billi l-impatt sħiħ tal-iskart tal-plastik fuq il-flora, il-fawna u s-saħħa tal-bniedem għadu mhux mifhum; billi l-konsegwenzi katastrofiċi fuq il-ħajja tal-baħar ġew iddokumentati, u aktar minn 100 miljun annimal tal-baħar jinqatlu kull sena minħabba l-fdalijiet tal-plastik fl-oċean;

W.  billi s-soluzzjonijiet għall-indirizzar tal-plastik fil-baħar ma jistgħux jiġu iżolati minn strateġija globali għall-plastik; billi l-Artikolu 48 tar-Regolament dwar il-Kontroll tas-Sajd(11), li fih miżuri mfassla biex jippromwovu l-irkupru ta' rkaptu tas-sajd mitluf, huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda huwa limitat wisq fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, peress li l-Istati Membri qed jitħallew jeżentaw lill-maġġoranza l-kbira tal-bastimenti tas-sajd minn dan l-obbligu u l-obbligi ta' rappurtar għadhom ftit li xejn osservati;

X.  billi qed jiġi kkunsidrat finanzjament mill-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (KTE) għal proġetti fil-baħar Adrijatiku, bħal strumenti ġodda ta' governanza u prattiki tajba sabiex jittaffa, u, jekk jista' jkun, jiġi eliminat il-fenomenu tal-abbandun tar-rkaptu tas-sajd, filwaqt li l-flotot tas-sajd jingħataw rwol ġdid ta' sentinelli tal-baħar;

Y.  billi l-Istati Membri huma firmatarji tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (MARPOL) u għandhom jimmiraw għall-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tagħha;

Z.  billi s-"sajd fantażma" jseħħ meta kreaturi tal-baħar jinqabdu jew jitħabblu fix-xbieki tas-sajd, fin-nases u fix-xlief mitlufa jew abbandunati u mhux bijodegradabbli, jew b'konsegwenza tagħhom ikorru, imutu bil-ġuħ jew jinqatlu; billi dan il-fenomenu jiġi kkawżat mit-telf u l-abbandun tal-irkaptu tas-sajd; billi r-Regolament dwar il-Kontroll tas-Sajd jirrikjedi l-immarkar obbligatorju tal-irkaptu u n-notifika u l-irkupru tal-irkaptu mitluf; billi, għalhekk, għadd ta' sajjieda jġibu lura lejn il-port, fuq inizjattiva tagħhom stess, xbieki mitlufa rkuprati mill-baħar;

AA.  billi għalkemm huwa diffiċli li wieħed jivvaluta bi preċiżjoni l-kontribut tal-akkwakultura għall-iskart tal-baħar, huwa stmat li 80 % tal-fdalijiet fil-baħar huma plastik u mikroplastik, u li bejn 20 % u 40 % tal-iskart tal-plastik fil-baħar huwa parzjalment marbut mal-attivitajiet tal-bniedem fuq il-baħar, inklużi l-bastimenti kummerċjali u tal-kruċieri, u l-bqija joriġina fuq l-art, u billi, skont studju riċenti tal-FAO(12), madwar 10 % ġej minn irkaptu tas-sajd mitluf jew mormi; billi l-irkaptu tas-sajd mitluf jew mormi huwa komponent wieħed tal-iskart tal-plastik fil-baħar u hu stmat li 94 % tal-plastik li jidħol fl-oċean jispiċċa f'qiegħ il-baħar, u għaldaqstant hemm il-ħtieġa li jintuża l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) sabiex is-sajjieda jkunu jistgħu jibbenefikaw direttament mill-iskemi "sajd għall-iskart fil-baħar", billi jingħatalhom ħlas jew inċentivi finanzjarji u materjali oħra;

AB.  billi bejn 75 000 u 300 000 tunnellati ta' mikroplastiks jiġu rilaxxati fl-ambjent tal-UE kull sena, inkluż il-mikroplastik li huwa intenzjonalment miżjud mal-prodotti tal-plastik, mikroplastik rilaxxat waqt l-użu ta' prodotti u dak iġġenerat mid-degradazzjoni tal-prodotti tal-plastik;

AC.  billi l-mikroplastik u l-partiċelli ta' daqs nano joħolqu sfidi speċifiċi għall-politika pubblika;

AD.  billi l-mikroplastik jinstab f'90 % tal-fliexken tal-ilma;

AE.  billi t-talba tal-Kummissjoni lill-ECHA biex teżamina l-bażi xjentifika sabiex jiġi limitat l-użu tal-mikroplastik miżjud intenzjonalment fil-prodotti għall-konsumaturi jew f'dawk għal użu professjonali hija milqugħa;

AF.  billi t-talba tal-Kummissjoni lill-ECHA biex tħejji proposta għal restrizzjoni possibbli fuq il-plastik ossodegradabbli hija milqugħa;

AG.  billi, skont l-Artikolu 311 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda hija soġġetta għal proċedura leġiżlattiva speċjali li tirrikjedi l-unanimità fost l-Istati Membri u l-konsultazzjoni tal-Parlament;

Rimarki ġenerali

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni ta-l-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari" (COM(2018)0028) bħala pass 'il quddiem fit-tranżizzjoni tal-UE minn ekonomija lineari għal ekonomija ċirkolari; jirrikonoxxi li l-plastik għandu rwol utli fl-ekonomija tagħna u fil-ħajja tagħna ta' kuljum iżda fl-istess ħin għandu żvantaġġi sinifikanti; iqis li l-isfida ewlenija għalhekk hija li l-plastik jiġi ġestit b'mod sostenibbli tul il-katina tal-valur kollha u b'hekk jinbidel il-mod ta' kif nipproduċu u nużaw il-plastik, b'tali mod li jinżamm il-valur fl-ekonomija tagħna, mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, il-klima u s-saħħa pubblika;

2.  Jenfasizza li l-prevenzjoni tal-iskart tal-plastik minn qabel, kif definita fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, għandha tkun l-ewwel prijorità f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart; iqis, barra minn hekk, li t-tisħiħ sostanzjali tal-prestazzjoni tagħna tar-riċiklaġġ tal-plastik huwa esssenzjali għas-sostenn tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli kif ukoll għall-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa pubblika; jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jikkunsidraw il-projbizzjoni Ċiniża riċenti fuq l-importazzjoni tal-iskart tal-plastik bħala opportunità biex isir investiment fil-prevenzjoni tal-iskart tal-plastik, anki billi jiġi inkoraġġut l-użu mill-ġdid u d-diżinn ċirkulari ta' prodott, u biex isir investiment f'faċiltajiet tal-aħħar teknoloġija għall-ġbir, is-separazzjoni u r-riċiklaġġ fl-UE; jemmen li l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward huwa importanti, b'mod partikolari għall-SMEs;

3.  Huwa konvint li l-istrateġija għall-plastik għandha sservi wkoll bħala lieva biex jiġu inkoraġġuti mudelli ta' negozju, produzzjoni u konsum ġodda, intelliġenti, sostenibbli u ċirkolari li jkopru l-katina tal-valur kollha f'konformità mal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU Nru 12 dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, anki permezz tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni; jistieden lill-Kummissjoni trawwem rabtiet ċari bejn il-politiki tal-Unjoni dwar l-iskart, il-kimika u l-prodotti għal dan il-għan, anki permezz tal-iżvilupp ta' ċikli ta' materjal mhux tossiku kif stabbilit fis-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi politika għal wara l-2020 għall-ekonomija ċirkolari u l-bijoekonomija bbażata fuq pilastru sod ta' riċerka u innovazzjoni, u tiżgura li l-impenji meħtieġa jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) il-ġdid; jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza tar-riċerka biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi u biex jinftiehem l-impatt tal-makroplastik, tal-mikroplastik u tal-plastik ta' daqs nano fuq l-ekosistemi u fuq is-saħħa tal-bniedem;

5.  Jenfasizza li l-plastik huwa varjat u jista' jiġi applikat b'diversi modi, u li għaldaqstant huwa meħtieġ approċċ imfassal apposta – u ta' spiss speċifiku għall-prodott – għad-diversi ktajjen tal-valur, b'għadd ta' soluzzjonijiet varji li jieħdu kont tal-impatt ambjentali, l-alternattivi eżistenti, l-esiġenzi lokali u reġjonali u li jiggarantixxu li l-ħtiġijiet funzjonali tal-konsumaturi jiġu ssodisfati;

6.  Jisħaq fuq il-punt li huma neċessarji azzjonijiet konġunti u koordinati mill-partijiet ikkonċernati kollha fil-katina tal-valur kollha, inklużi l-konsumaturi, bl-għan li jinkiseb eżitu li jkun ta' vantaġġ kemm għall-ekonomija, l-ambjent, il-klima u s-saħħa pubblika;

7.  Jenfasizza li t-tnaqqis fil-produzzjoni tal-iskart huwa responsabbiltà kondiviża u li t-trasformazzjoni tat-tħassib ġenerali dwar l-iskart tal-plastik f'responsabbiltà pubblika tibqa' sfida importanti; jenfasizza li huwa essenzjali, f'dan ir-rigward, li jiġu żviluppati mudelli ġodda ta' konsum billi tiġi inkoraġġuta l-bidla fl-imġiba tal-konsumaturi; jappella għal żieda fl-għarfien tal-konsumaturi dwar l-impatt tat-tniġġis tal-plastik tal-iskart, l-importanza tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tajba tal-iskart u l-alternattivi eżistenti;

Mid-disinn għar-riċiklaġġ għad-disinn għaċ-ċirkolarità

8.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jiżguraw li l-acquis kollu relatat mal-prodotti u l-iskart jiġi implimentat u infurzat bis-sħiħ u malajr; jirrimarka li, fl-UE, 30 % biss tal-iskart tal-plastik jinġabar għar-riċiklaġġ u dan iwassal għal ħela enormi ta' riżorsi; jenfasizza li, sal-2030, il-plastik mhux se jibqa' jkun aċċettat fil-miżbliet u li l-Istati Membri għandhom jimmaniġġaw l-iskart tal-plastik tagħhom b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2008/98/KE; itenni li l-Istati Membri għandhom jużaw strumenti ekonomiċi u miżuri oħra biex jipprovdu inċentivi għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart; jenfasizza l-importanza ta' ġbir separat u ta' faċilitajiet ta' separazzjoni biex ikun hemm riċiklaġġ ta' kwalità għolja u jiġi promoss l-użu ta' materja prima sekondarja ta' kwalità;

9.  Jistieden lill-partijiet ikkonċernati tal-industrija jibdew jieħdu azzjonijiet konkreti minn issa sabiex jiġi żgurat li l-imballaġġ tal-plastik kollu jkun jista' jintuża mill-ġdid jew jiġi riċiklat b'mod kosteffikaċi l-iktar tard sal-2030, jassoċjaw l-identità tad-ditta tagħhom ma' mudelli kummerċjali sostenibbli u ċirkolari u jużaw is-saħħa tagħhom fis-suq biex jippromwovu u jmexxu xejriet ta' konsum sostenibbli u ċirkolari; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u tevalwa l-iżviluppi, tippromwovi l-aqwa prattiki u tivverifika l-allegazzjonijiet ambjentali biex jiġi evitat il-"greenwashing";

10.  Jemmen li s-soċjetà ċivili għandha tkun involuta u infurmata kif xieraq sabiex tkun tista' żżomm l-industrija responsabbli għall-impenji u l-obbligi tagħha;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrevedi u ssaħħaħ ir-rekwiżiti essenzjali fid-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ sal-2020, filwaqt li tieħu kont tal-proprjetajiet relattivi ta' materjal ta' imballaġġ differenti fuq il-bażi ta' valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja u tindirizza b'mod partikolari l-prevenzjoni u d-disinn għaċ-ċirkolarità; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ b'rekwiżiti ċari, applikabbli u effettivi, inkluż dwar "imballaġġ tal-plastik li jista' jintuża mill-ġdid u riċiklabbli b'mod kosteffikaċi", u dwar l-imballaġġ eċċessiv;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u ċ-ċirkolarità prinċipji fundamentali, inkluż ir-rwol importanti li jista' jkollhom il-materjal, il-prodotti u s-sistemi ċirkolari, anki għall-oġġetti ta' plastik li ma jintużawx għall-imballaġġ; iqis li dan jista' jinkiseb, inter alia, permezz tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur, billi jiġu żviluppati standards tal-prodotti, isiru valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja, jitwessa' l-qafas leġiżlattiv tal-ekodisinn biex ikopri l-gruppi ewlenin kollha tal-prodotti tal-plastik, jiġu adottati dispożizzjonijiet dwar l-ekotikkettar u jiġi implimentat il-metodu tal-Impronta Ambjentali tal-Prodott;

Il-ħolqien ta' suq uniku ġenwin għall-plastik riċiklat

13.  Jinnota li hemm diversi raġunijiet għall-użu skars tal-plastik riċiklat fl-UE, fost l-oħrajn minħabba li l-prezzijiet tal-fjuwils fossili huma baxxi, parzjalment minħabba s-sussidji, in-nuqqas ta' fiduċja u n-nuqqas ta' provvista ta' kwalità għolja; jenfasizza li huwa meħtieġ suq intern stabbli għal materja prima sekondarja sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-ostakli li jiffaċċja dan is-suq u toħloq kundizzjonijiet ekwi;

L-istandards tal-kwalità u l-verifika

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta malajr standards ta' kwalità bl-għan li tibni l-fiduċja u tinċentiva s-suq għall-plastik sekondarju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tiżviluppa dawn l-istandards ta' kwalità, tieħu kont tad-diversi gradi ta' riċiklaġġ li huma kompatibbli mal-funzjonalità ta' prodotti differenti, filwaqt li tissalvagwardja s-saħħa pubblika, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-użu sikur tal-materjal riċiklat fil-materjal li jiġi f'kuntatt mal-ikel u tixpruna l-innovazzjoni;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni tqis l-aħjar prattiki fiċ-ċertifikazzjoni ta' partijiet terzi indipendenti u tinkoraġġixxi ċ-ċertifikazzjoni ta' materjal riċiklat, peress li l-verifika hija essenzjali sabiex tiżdied il-fiduċja kemm tal-industrija kif ukoll tal-konsumaturi fil-materjal riċiklat;

Kontenut riċiklat

16.  Jitlob lill-atturi industrijali kollha jibdlu l-impenji pubbliċi tagħhom biex iżidu l-użu tal-plastik riċiklat f'impenji formali u jwettqu azzjonijiet konkreti;

17.  Jemmen li regoli obbligatorji dwar il-kontenut riċiklat jistgħu jkunu meħtieġa biex tingħata spinta lill-użu ta' materja prima sekondarja, peress li s-swieq għall-materjal riċiklat għandhom mhux qed jaħdmu; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra tintroduċi rekwiżiti għal kontenut riċiklat minimu għall-prodotti tal-plastik speċifiċi mqiegħda fis-suq tal-UE, filwaqt li tirrispetta r-rekwiżiti tas-sikurezza tal-ikel;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imnaqqsa għal prodotti li jkun fihom kontenut riċiklat;

Akkwist ċirkolari

19.  Jenfasizza li l-akkwist huwa strument essenzjali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari peress li għandu s-setgħa li jsaħħaħ l-innovazzjoni fil-mudelli kummerċjali u jrawwem prodotti u servizzi effiċjenti fir-riżorsi; jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi netwerk ta' tagħlim tal-UE dwar l-akkwist ċirkolari sabiex jinġabru t-tagħlimiet miksuba minn proġetti pilota; jemmen li azzjonijiet volontarji għandhom iwittu t-triq, abbażi ta' valutazzjoni ta' impatt robusta, għal regoli vinkolanti tal-UE dwar l-akkwist pubbliku ċirkolari;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jeliminaw b'mod gradwali l-inċentivi mhux raġonevoli kollha li jaħdmu kontra l-ilħuq tal-ogħla livelli possibbli ta' riċiklaġġ tal-plastik;

Interfaċċa tal-iskart ta' sustanzi kimiċi

21.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jottimizzaw il-kontrolli fuq il-materjal u l-prodotti importati sabiex jiżguraw u jinfurzaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi u dwar il-prodotti;

22.  Jirreferi għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart;

Prevenzjoni tal-produzzjoni tal-iskart tal-plastik

Plastik b'użu uniku

23.  Jinnota li għad m'hemm l-ebda soluzzjoni biex jiġu indirizzati l-effetti dannużi tal-plastik b'użu uniku, u jemmen li taħlita ta' miżuri volontarji u regolatorji, kif ukoll bidla fis-sensibilizzazzjoni, l-imġiba u l-parteċipazzjoni tal-konsumatur, huma għalhekk meħtieġa biex tissolva din il-kwistjoni kumplessa;

24.  Jieħu nota tal-azzjonijiet li diġà ttieħdu f'xi Stati Membri u għalhekk jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar qafas leġiżlattiv speċifiku għat-tnaqqis tal-impatt ta' ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent, b'mod partikolari l-plastik b'użu uniku; iqis li din il-proposta għandha tikkontribwixxi għal tnaqqis sinifikanti tal-iskart fil-baħar, li aktar minn 80 % minnu huwa plastik, u b'hekk tikkontribwixxi għall-għan tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli li jiġi impedit u mnaqqas b'mod sinifikanti t-tniġġis tal-baħar ta' kull tip;

25.  Jemmen li huwa importanti li dan il-qafas joffri sett ta' miżuri ambizzjużi lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jkun kompatibbli mal-integrità tas-suq uniku, jipproduċi impatt ambjentali tanġibbli u pożittiv u impatt soċjoekonomiku u jipprovdi l-funzjonalità meħtieġa għall-konsumaturi;

26.  Jirrikonoxxi l-fatt li t-tnaqqis u r-restrizzjoni ta' prodotti tal-plastik b'użu uniku jistgħu joħolqu opportunitajiet għal mudelli kummerċjali sostenibbli;

27.  Jirreferi għall-ħidma li għaddejja fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja dwar din il-proposta;

28.  Jenfasizza li hemm diversi modi kif jistgħu jintlaħqu rati għoljin ta' ġbir separat u riċiklaġġ u tnaqqis fl-iskart tal-plastik, inklużi skemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur (EPR) b'tariffi mmodulati, skemi ta' rifużjoni tad-depożitu u żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku; jirrikonoxxi l-merti tar-reġimi stabbiliti fi Stati Membri differenti u l-potenzjal għall-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri; jissottolinja l-fatt li l-għażla ta' skema partikolari tibqa' fil-kompetenza tal-awtorità kompetenti fl-Istat Membru;

29.  Jilqa' l-fatt li d-Direttiva 94/62/KE tistipula li, sa tmiem l-2024, l-Istati Membri jeħtieġ li jistabbilixxu skemi EPR obbligatorji għall-imballaġġ kollu u jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li testendi dan l-obbligu għal prodotti tal-plastik oħra skont l-Artikoli 8 u 8a tad-Direttiva 2008/98/KE;

30.  Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (COM(2018)0325) għal kontribuzzjoni bbażata fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat; jisħaq fuq il-fatt li l-effett direzzjonali ta' tali kontribuzzjoni jrid ikun koerenti mal-ġerarkija tal-iskart; jenfasizza għalhekk li għandha tingħata prijorità lill-prevenzjoni tal-produzzjoni tal-iskart;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissieħbu fil-koalizzjoni internazzjonali għat-tnaqqis tat-tniġġis ikkawżat mill-basktijiet tal-plastik li tnediet fis-COP 22 f'Marrakexx f'Novembru 2016, u jappoġġawha;

32.  Jemmen li s-supermarkets jaqdu rwol kruċjali fit-tnaqqis tal-plastik b'użu uniku fl-UE; jilqa' l-inizjattivi bħal xkafef fis-supermarket mingħajr prodotti tal-plastik, li jipprovdu opportunitajiet għas-supermarkets biex jittestjaw bijomaterjali kompostabbli bħala alternattivi għall-imballaġġ tal-plastik;

33.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet (COM(2018)0033), li l-għan tagħha huwa li tnaqqas b'mod sinifikanti l-piż u l-ispejjeż għas-sajjieda meta jieħdu l-irkaptu tas-sajd u l-iskart tal-plastik lura fil-port; jissottolinja r-rwol importanti li s-sajjieda jistgħu jaqdu, b'mod partikolari billi jiġbru skart tal-plastik mill-baħar matul l-attività tas-sajd tagħhom, u jġibuh lura fil-port biex jgħaddi minn ġestjoni xierqa tal-iskart; jisħaq fuq il-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinċentivaw din l-attività, sabiex s-sajjieda ma jintalbux iħallsu miżata għat-trattament;

34.  Jiddispjaċih li l-implimentazzjoni tal-Artikolu 48(3) tar-Regolament dwar il-Kontroll tas-Sajd dwar l-irkupru u l-obbligi ta' rapportar fir-rigward tal-irkaptu tas-sajd mitluf ma kinitx tidher fir-rapport tal-evalwazzjoni u tal-implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-2017; jenfasizza l-ħtieġa ta' valutazzjoni dettaljata tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tar-Regolament dwar il-Kontroll tas-Sajd f'termini ta' rkaptu tas-sajd;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni jappoġġaw il-pjanijiet għall-ġbir tal-iskart fil-baħar bl-involviment, meta jkun possibbli, tal-bastimenti tas-sajd, u jintroduċu faċilitajiet tal-akkoljenza u tar-rimi fil-portijiet għall-iskart tal-baħar, kif ukoll skema ta' riċiklaġġ għal xbieki li ma jkunux għadhom jintużaw; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fil-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar l-Immarkar tal-Irkaptu tas-Sajd, filwaqt li jikkollaboraw mill-qrib mas-settur tas-sajd biex jiġġieldu s-sajd fantażma;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni jtejbu l-ġbir tad-data fil-qasam tal-plastik fil-baħar billi jistabbilixxu u jimplimentaw sistema ta' rapportar diġitali obbligatorja fl-UE kollha għall-irkaptu mitluf minn bastimenti tas-sajd individwali b'appoġġ għall-azzjoni ta' rkupru, bl-użu ta' data minn bażijiet tad-data reġjonali biex jikkondividu informazzjoni fil-bażi tad-data Ewropea ġestita mill-Aġenzija għall-Kontroll tas-Sajd jew jiżviluppaw is-SafeSeaNet f'sistema faċli biex tintuża u mifruxa mal-UE kollha, u b'hekk jippermettu lis-sajjieda jissenjalaw irkaptu mitluf;

37.  Jenfasizza l-bżonn li l-Istati Membri jagħmlu aktar sforzi sabiex jiżviluppaw strateġiji u pjanijiet li permezz tagħhom jitnaqqas it-tixrid fil-baħar tal-irkaptu tas-sajd, pereżempju permezz ta' għotjiet tal-FEMS, kif ukoll bl-appoġġ tal-Fondi Strutturali u tal-KTE u bl-involviment attiv meħtieġ tar-reġjuni;

Il-plastik ibbażat fuq prodotti bijoloġiċi, il-bijodegradibbiltà u l-kompostabbiltà

38.  Jappoġġa bil-qawwa lill-Kummissjoni fil-preżentazzjoni ta' standards ċari addizzjonali u regoli u definizzjonijiet ċari dwar il-kontenut b'bażi organika, il-bijodegradabbiltà (karatteristika indipendenti tal-materja prima) u l-kompostabbiltà bl-għan li jiġu indirizzati l-ideat żbaljati u n-nuqqas ta' fehim u li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni ċara;

39.  Jenfasizza l-fatt li t-trawwim ta' bijoekonomija sostenibbli jista' jikkontribwixxi biex titnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq il-materja prima importata; jenfasizza r-rwol potenzjali għall-plastik ibbażat fuq prodotti bijoloġiċi u l-plastik bijodegradabbli, fejn intwera li dawn huma ta' benefiċċju minn perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja; iqis li l-bijodegradabbiltà jeħtieġ li tiġi vvalutata skont il-kundizzjonijiet rilevanti tad-dinja reali;

40.  Jenfasizza li l-plastik bijodegradabbli u dak kompostabbli jistgħu jgħinu biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, iżda ma jistgħux jitqiesu bħala rimedju universali għall-iskart marittimu u lanqas m'għandhom jilleġittimizzaw applikazzjonijiet b'użu uniku mhux neċessarji; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżviluppa kriterji ċari għal prodotti u applikazzjonijiet utli magħmula minn plastik bijodegradabbli, inklużi l-imballaġġ u l-applikazzjonijiet fl-agrikoltura; jappella għal aktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp f'dan il-qasam; jenfasizza li l-plastik bijodegradabbli u dak mhux bijodegradabbli għandhom jiġu ttrattati b'mod differenti fid-dawl tal-ġestjoni xierqa tal-iskart;

41.  Jenfasizza li l-plastik ibbażat fuq prodotti bijoloġiċi joffri potenzjal għal differenzjazzjoni parzjali tal-materja prima, u jappella għal aktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp f'dan ir-rigward; jirrikonoxxi l-eżistenza ta' materjal innovattiv ibbażat fuq prodotti bijoloġiċi li diġà jeżisti fis-suq; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' trattament newtrali u ugwali tal-materjal ta' sostituzzjoni;

42.  Jappella għal projbizzjoni sħiħa fuq il-plastik ossodegradabbli fl-UE sal-2020, peress li dan it-tip ta' plastik mhuwiex bijodegradabbli għalkollox, mhuwiex kompostabbli, u jaffettwa b'mod negattiv ir-riċiklaġġ tal-plastik konvenzjonali u jonqos milli jagħti prova ta' benefiċċju ambjentali;

Mikroplastik

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi projbizzjoni fuq il-mikroplastik fil-kożmetiċi, il-prodotti ta' kura personali, id-deterġenti u l-prodotti tat-tindif sal-2020; jistieden lill-ECHA, barra minn hekk, tevalwa u tħejji, jekk ikun xieraq, projbizzjoni fuq il-mikroplastik li jiżdied intenzjonalment ma' prodotti oħra, filwaqt li tqis jekk hemmx alternattivi vijabbli disponibbli;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti minimi fil-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti biex jitnaqqas b'mod sinifikanti r-rilaxx ta' mikroplastik fis-sors, b'mod partikolari fir-rigward tat-tessuti, tajers, żebgħa u loqom tas-sigaretti;

45.  Jieħu nota tal-prattika tajba ta' Operation Clean Sweep u tal-inizjattivi varji tal-ebda telf ta' gerbub ("zero pellet loss"); jemmen li hemm lok li dawn l-inizjattivi jiġu replikati fil-livell tal-UE u dak globali;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tistudja s-sorsi, id-distribuzzjoni, id-destin u l-effetti kemm tal-makroplastik kif ukoll tal-mikroplastiks fil-kuntest tat-trattament tal-ilma mormi u tal-ġestjoni tal-ilma tal-maltemp fil-kontrolli attwali dwar l-idoneità tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Għargħar; jistieden, barra minn hekk, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar sħiħ tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tappoġġa r-riċerka fit-teknoloġiji tat-trattament tal-ħama tad-dranaġġ u tal-purifikazzjoni tal-ilma;

Riċerka u innovazzjoni

47.  Jilqa' l-istqarrija tal-Kummissjoni li fiha ħabbret li se tiġi investita s-somma addizzjonali ta' EUR 100 miljun fil-qafas tal-programm Orizzont 2020 sabiex tixpruna l-investiment lejn soluzzjonijiet ċirkolari u effiċjenti fl-użu ta' riżorsi, bħal għażliet ta' prevenzjoni u ta' disinn, diversifikazzjoni tal-materja prima u teknoloġiji innovattivi tar-riċiklaġġ bħal riċiklaġġ molekulari u kimiku, kif ukoll it-titjib tar-riċiklaġġ mekkaniku; jissottolinja l-potenzjal innovattiv tan-negozji ġodda f'dan ir-rigward; jappoġġa l-istabbiliment ta' Aġenda Strateġika ta' Riċerka u Innovazzjoni għaċ-ċirkolarità tal-materjal, b'enfasi speċifika fuq il-plastik u l-materjal li fih il-plastik, lil hinn mill-imballaġġ, bħala gwida għal deċiżjonijiet futuri ta' finanzjament fil-programm Orizzont Ewropa; jinnota li finanzjament adegwat se jkun meħtieġ biex jgħin fl-ingranaġġ ta' investiment privat; jenfasizza li s-sħubiji pubbliċi privati jistgħu jgħinu jaċċelleraw it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari;

48.  Jenfasizza l-potenzjal qawwi tar-rabta tal-aġenda diġitali mal-aġenda tal-ekonomija ċirkolari; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ostakli regolatorji għall-innovazzjoni u jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-ftehimiet li tista' tagħmel l-UE fir-rigward tal-innovazzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija għall-plastik u l-aġenda usa' tal-ekonomija ċirkolari;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni jappoġġaw l-użu ta' rkaptu tas-sajd innovattiv billi jinkoraġġixxu lis-sajjieda jbiddlu x-xbieki qodma u jadattaw ix-xbieki eżistenti b'sistemi ta' traċċar u sensuri tax-xbieki konnessi ma' apps fuq l-ismart phones, ċipep ta' identifikazzjoni tal-frekwenzi tar-radju u sistemi ta' traċċar tal-bastimenti sabiex ikunu jistgħu jżommu rekord aktar preċiż tax-xbieki tagħhom u jirkuprawhom, jekk ikun meħtieġ; jagħraf ir-rwol li t-teknoloġija jista' jkollha fil-prevenzjoni tad-dħul tal-iskart tal-plastik fil-baħar;

50.  Jitlob li Orizzont Ewropa jinkludi "Missjoni ta' Oċean Ħieles mill-Plastik" sabiex juża l-innovazzjoni biex jitnaqqas l-ammont ta' plastik li jidħol fl-ambjent tal-baħar u jinġabar il-plastik preżenti fl-oċeani; itenni l-appell tiegħu dwar il-ġlieda kontra l-iskart fil-baħar (inklużi l-prevenzjoni, iż-żieda fil-litteriżmu dwar l-oċeani, iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar l-isfida ambjentali tat-tniġġis tal-plastik u forom oħra ta' skart fil-baħar, u kampanji ta' tindif bħas-sajd għall-iskart u t-tindif tax-xtajtiet) kif imsemmi fil-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-10 ta' Novembru 2016 dwar "Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna" (JOIN(2016)0049); jappella għal djalogu politiku tal-UE dwar l-iskart fil-baħar bejn dawk li jfasslu l-politika, il-partijiet ikkonċernati u l-esperti;

Azzjoni Globali

51.  Jistieden lill-UE tassumi rwol proattiv fl-iżvilupp ta' Protokoll Globali dwar il-Plastik u tiżgura li d-diversi impenji li ttieħdu kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell globali jkunu jistgħu jiġu ssorveljati b'mod integrat u trasparenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jassumu rwol ta' tmexxija attiva fil-grupp ta' ħidma stabbilit permezz tal-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent f'Diċembru 2017 biex jaħdem fuq ir-rispons internazzjonali għall-ġlieda kontra r-rimi tal-iskart tal-plastik fil-baħar u mikroplastik; jenfasizza li l-kwistjonijiet ta' tniġġis mill-plastik u tal-kapaċitajiet ta' ġestjoni tal-iskart għandhom ikunu parti mill-qafas tal-politika esterna tal-UE, peress li parti kbira mill-iskart tal-plastik fl-oċeani toriġina minn pajjiżi fl-Asja u fl-Afrika;

52.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex, flimkien mal-Iskema ta' Ġestjoni u Verifika Ambjentali tal-UE, jiffokaw fuq il-prevenzjoni, jeżaminaw ir-regoli tal-akkwist interni u l-prattiki tal-ġestjoni tal-iskart tal-plastik tagħhom u jnaqqsu b'mod sinifikanti l-produzzjoni tal-iskart tal-plastik tagħhom, b'mod partikolari billi jissostitwixxu, inaqqsu u jirrestrinġu l-plastik b'użu uniku;

o
o   o

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 93.
(2) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 100.
(3) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 109.
(4) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 141.
(5) ĠU L 115, 6.5.2015, p. 11.
(6) ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.
(7) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.
(8) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 65.
(9) Testi adottati, P8_TA(2017)0287.
(10) Testi adottati, P8_TA(2018)0004.
(11) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.
(12) Abandoned, lost or otherwise discarded fishing gear (Irkaptu tas-sajd abbandunat, mitluf jew mormi b'xi mod ieħor)

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Settembru 2019Avviż legali