Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2589(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0363/2018

Testi mressqa :

B8-0363/2018

Dibattiti :

PV 12/09/2018 - 14
CRE 12/09/2018 - 14

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.11

Testi adottati :

P8_TA(2018)0353

Testi adottati
PDF 162kWORD 57k
Il-Ħamis, 13 ta' Settembru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart
P8_TA(2018)0353B8-0363/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart (2018/2589(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 191 u 192 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, relatati mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u mal-ħarsien, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttivi 2000/53/KE dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi, u 2012/19/UE dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'landfills(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija(8),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 – "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"(9),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart (COM(2018)0032),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart (SWD(2018)0020),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 dwar Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari (COM(2018)0028),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2018 intitolata "Rapport Ġenerali tal-Kummissjoni dwar l-operat tar-REACH u rieżami ta' ċerti elementi – Konklużjonijiet u Azzjonijiet" (COM(2018)0116),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 intitolata "Pjan ta' Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019" (COM(2016)0773),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 intitolata "L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta' azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari" (COM(2015)0614),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 intitolata "Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi" (COM(2011)0571),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni ta' XXX tal-Kummissjoni li tagħti awtorizzazzjoni għall-użi tal-bis(2-etileżil)ftalat (DEHP) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali(13),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Basilea dwar il-kontroll tal-movimenti li jaqsmu l-fruntieri tal-iskart ta' riskju u d-disponiment minnhom,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-Proċedura ta' Kunsens Infurmat minn Qabel għal Ċerti Kimiċi u Pestiċidi Perikolużi fil-Kummerċ Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart (O-000063/2018 – B8-0036/2018 u O-000064/2018 – B8-0037/2018),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali (EAP) jipprevedi l-iżvilupp ta' strateġija tal-Unjoni għal ambjent mhux tossiku, sabiex tiġi żgurata l-minimizzazzjoni tal-esponiment għal sustanzi kimiċi fil-prodotti, inklużi l-prodotti importati, bil-għan li jiġu promossi ċikli ta' materjali mhux tossiċi, sabiex l-iskart riċiklat ikun jista' jintuża bħala sors ewlieni u affidabbli ta' materja prima għall-Unjoni;

B.  billi l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2018/851 jiddisponi li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jipprevjenu l-ġenerazzjoni tal-iskart iridu jnaqqsu l-ġenerazzjoni tal-iskart, partikolarment l-iskart li mhuwiex adatt għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ;

C.  billi l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2018/851 jiddisponi wkoll li dawn il-miżuri jridu jippromwovu t-tnaqqis tal-kontenut ta' sustanzi perikolużi fil-materjali u l-prodotti, u jiżguraw li kwalunkwe fornitur ta' oġġett kif definit fil-punt 33 tal-Artikolu 3 tar-REACH jipprovdi informazzjoni skont l-Artikolu 33(1) tar-Regolament lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), u li l-ECHA trid tistabbilixxi u żżomm bażi ta' data għad-data li trid tiġi ppreżentata lilha f'dan il-kuntest, u tipprovdi aċċess għal din il-bażi ta' data lill-operaturi tat-trattament tal-iskart u, fuq talba, lill-konsumaturi;

D.  billi l-Artikolu 10(5) tad-Direttiva (UE) 2018/851 jistipula li, jekk ikun meħtieġ, għall-konformità mal-obbligu tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ u għal operazzjonijiet oħra ta' rkupru, u biex ikun iffaċilitat jew imtejjeb l-irkupru, l-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri meħtieġa, qabel jew matul l-irkupru, biex jitneħħew is-sustanzi, it-taħlitiet u l-komponenti perikolużi minn skart perikoluż bil-ħsieb li dawn jiġu trattati skont l-Artikoli 4 u 13 tad-Direttiva 2008/98/KE(14) dwar l-iskart;

E.  billi l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 jistipula li l-operazzjonijiet tar-rimi jew tal-irkupru li jistgħu jwasslu għall-irkupru, ir-riċiklaġġ, ir-reklamazzjoni jew l-użu mill-ġdid tas-sustanzi mniżżla fl-Anness IV (pollutanti organiċi persistenti (POPs)) iridu jiġu pprojbiti;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018, kif ukoll il-proċess ta' konsultazzjoni, iżda jistenna li tittieħed azzjoni rapida sabiex jiġu indirizzati l-problemi ta' "interfaċċa"; jappoġġja l-viżjoni komprensiva mressqa mill-Kummissjoni, li hija konformi mal-objettivi tas-Seba' EAP;

2.  Iqis li l-għan ewlieni tal-Kummissjoni għandu jkun li jiġi evitat li sustanzi kimiċi perikolużi jidħlu fiċ-ċiklu tal-materjali, li tinkiseb konsistenza sħiħa bejn il-liġijiet li jimplimentaw il-politiki dwar l-iskart u s-sustanzi kimiċi u li tkun żgurata implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni kurrenti, filwaqt li jiġu indirizzati dawk il-lakuni regolatorji li jistgħu jaġixxu bħala ostakli għal ekonomija ċirkolari sostenibbli tal-UE fosthom, b'mod partikolari, fir-rigward ta' oġġetti importati;

3.  Jenfasizza li f'ekonomija tassew ċirkolari l-prodotti jridu jiġu ddisinjati b'tali mod li jiġu aġġornati, iservu għal żmien twil, ikunu jistgħu jissewwew, jintużaw mill-ġdid u jiġu rriċiklati, u bl-anqas użu ta' sustanzi ta' tħassib;

4.  Itenni li t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari tirrikjedi l-applikazzjoni stretta tal-ġerarkija tal-iskart u, fejn possibbli, l-eliminazzjoni gradwali ta' sustanzi ta' tħassib, b'mod partikolari fejn diġà jeżistu jew se jiġu żviluppati alternattivi aktar sikuri, sabiex ikun żgurat l-iżvilupp ta' ċikli ta' materjali mhux tossiċi, li jiffaċilitaw ir-riċiklaġġ u huma essenzjali għall-iżvilupp tajjeb ta' suq funzjonali għall-materja prima sekondarja;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, mingħajr aktar dewmien, strateġija tal-Unjoni għal ambjent mhux tossiku, kif stabbilit fis-Seba' EAP;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-ECHA, jintensifikaw l-attivitajiet regolatorji tagħhom għall-promozzjoni tas-sostituzzjoni ta' sustanzi ta' tħassib kbir ħafna u jirrestrinġu s-sustanzi li jġibu magħhom riskji mhux aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent fil-kuntest tar-REACH u tal-leġiżlazzjoni speċifika għas-settur jew għall-prodott, sabiex l-iskart riċiklat ikun jista' jintuża bħala sors ewlieni u affidabbli ta' materja prima fl-Unjoni;

7.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet lokali, nazzjonali, reġjonali u Ewropej billi jiġu involuti l-partijiet interessati kollha, bil-ħsieb li jiġu identifikati sustanzi kimiċi ta' tħassib fi flussi ta' riċiklaġġ u li jitneħħew minnhom;

8.  Jistieden lill-kumpaniji jħaddnu bis-sħiħ approċċ olistiku li jħares 'il quddiem għal ġestjoni progressiva tas-sustanzi kimiċi billi jaħtfu l-opportunità biex jissostitwixxu s-sustanzi tossiċi fil-prodotti u l-ktajjen tal-provvista, filwaqt li jaċċelleraw u jmexxu l-proċess ta' innovazzjoni tas-suq;

9.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, il-prodotti u l-iskart tista' tirrappreżenta sfida għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); jenfasizza li l-każ speċifiku tagħhom għandu jitqies meta jittieħdu azzjonijiet, mingħajr ma jiġi kompromess il-livell ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent; jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa ta' informazzjoni ċara u faċilment aċċessibbli sabiex ikun żgurat li l-SMEs ikollhom il-prerekwiżiti meħtieġa biex jikkonformaw bis-sħiħ mal-leġiżlazzjoni kollha fil-qasam;

10.  Iqis li, f'każ ta' riskju ta' trikkib tal-leġiżlazzjoni, huwa ta' importanza fundamentali li jiġu ċċarati r-rabtiet bejniethom, biex tiġi żgurata l-koerenza u biex jiġu sfruttati s-sinerġiji li jista' jkun hemm;

11.  Jissottolinja l-importanza assoluta li titjieb it-trasparenza dwar il-preżenza ta' sustanzi ta' tħassib fil-prodotti tal-konsumaturi sabiex tiġi stabbilita l-fiduċja tal-pubbliku fis-sikurezza tal-materja prima sekondarja; jirrimarka li t-trasparenza mtejba tkompli ssaħħaħ l-inċentivi biex jitneħħa gradwalment l-użu ta' sustanzi ta' tħassib;

Nuqqas ta' informazzjoni dwar sustanzi ta' tħassib fil-prodotti u l-iskart

12.  Iqis li s-sustanzi ta' tħassib huma dawk li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-REACH bħala sustanzi ta' tħassib kbir ħafna, sustanzi pprojbiti skont il-Konvenzjoni ta' Stokkolma (POPs), sustanzi speċifiċi ristretti fl-oġġetti mniżżla fl-Anness XVII tar-REACH u sustanzi speċifiċi rregolati skont leġiżlazzjoni speċifika għas-settur u/jew għall-prodott;

13.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tissodisfa l-impenji tagħha li tipproteġi s-saħħa taċ-ċittadini u l-ambjent minn sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali; jistenna li l-Kummissjoni, mingħajr aktar dewmien, twettaq l-istrateġija tagħha dwar is-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali biex jitnaqqas l-esponiment taċ-ċittadini tal-UE għal dawn is-sustanzi, lil hinn mill-pestiċidi u l-bijoċidi;

14.  Jenfasizza li s-sustanzi kollha ta' tħassib għandhom jiġu traċċati mill-aktar fis possibbli, u li l-informazzjoni relatata ma' dawn is-sustanzi, inklużi l-kompożizzjoni u l-konċentrazzjoni tagħhom, għandha tkun disponibbli bis-sħiħ għal dawk kollha involuti fil-katina tal-provvista, għal min jirriċikla u għall-pubbliku, filwaqt li jitqiesu s-sistemi eżistenti u filwaqt li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà ta' soluzzjonijiet ta' traċċar speċifiċi għas-settur; jilqa', bħala l-ewwel pass f'din id-direzzjoni, id-dispożizzjonijiet il-ġodda inklużi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2018/851 dwar l-iskart;

15.  Jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, flimkien mal-ECHA, iżidu l-isforzi tagħhom biex jiġi żgurat li, sal-2020, is-sustanzi kollha rilevanti ta' tħassib kbir ħafna, inklużi s-sustanzi li jissodisfaw il-kriterju rigward il-livell ta' tħassib ekwivalenti, bħas-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali u s-sensitizzaturi, jitpoġġew fil-lista ta' kandidati ta' REACH, kif stabbilit fis-Seba' EAP;

16.  Jemmen li, f'konformità mar-rekwiżiti eżistenti għall-importazzjonijiet stabbiliti mir-REACH, is-sistema tat-traċċar għandha tinkludi wkoll il-prodotti kollha importati fl-Unjoni li jista' jkun fihom sustanzi ta' tħassib; jispeċifika, barra minn hekk, l-importanza li tiġi indirizzata l-kwistjoni tas-sustanzi mhux reġistrati f'oġġetti importati; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kollaborazzjoni aktar profonda fil-livell internazzjonali fir-rigward ta' oġġetti importati, flimkien ma' atturi bħall-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), il-pajjiżi terzi li qed jiffaċċjaw sfidi simili rigward oġġetti importati, u l-pajjiżi li jesportaw;

17.  Jinnota li, b'konformità mal-konklużjonijiet tat-tieni rieżami tar-REACH mill-Kummissjoni, għandha tittejjeb il-kwalità tad-data dwar il-perikli u l-użi tas-sustanzi kimiċi, u dwar l-esponiment għalihom, fid-dossiers tar-reġistrazzjoni tar-REACH;

18.  Iqis li, b'konformità mal-Artikolu 20(2) tar-REACH (kontroll tal-kompletezza tar-reġistrazzjoni), l-ECHA m'għandhiex tagħti aċċess għas-suq lil sustanzi kimiċi b'dossiers tar-reġistrazzjoni inkompleti u inadegwati, u għandha tiżgura li l-informazzjoni meħtieġa tiġi ġġenerata mill-aktar fis possibbli; ifakkar li huwa kruċjali li l-informazzjoni pprovduta għad-dossiers tar-reġistrazzjoni tkun eżatta, adegwata, affidabbli, rilevanti u ta' min joqgħod fuqha; jistieden lill-ECHA żżid l-isforzi tagħha fil-kuntest tal-Artikolu 41 ta' REACH (kontroll tal-konformità tar-reġistrazzjonijiet), sabiex tintemm is-sitwazzjoni ta' dossiers mhux konformi u biex ikun żgurat li ma jingħata ebda aċċess għas-suq lil sustanzi kimiċi b'dossiers tar-reġistrazzjoni mhux konformi; jistieden lir-reġistranti u lill-Istati Membri jagħmlu dmirhom fl-iżgurar li d-dossiers tar-reġistrazzjoni tar-REACH ikunu konformi u aġġornati;

L-indirizzar tal-preżenza ta' sustanzi ta' tħassib f'materjali riċiklati

19.  Jenfasizza li l-Unjoni trid tiżgura l-istess livell ta' ħarsien għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, kemm jekk il-prodotti jkunu magħmula minn materja prima kif ukoll minn materja rkuprata;

20.  Itenni li, skont il-ġerarkija tal-iskart, il-prevenzjoni tieħu prijorità fuq ir-riċiklaġġ u li, għaldaqstant, ir-riċiklaġġ m'għandux jiġġustifika t-tkomplija tal-użu ta' sustanzi tradizzjonalment perikolużi;

21.  Iqis li l-materja prima primarja u sekondarja kollha għandha, bħala prinċipju, tkun soġġetta għall-istess regoli; jirrimarka, madankollu, li mhuwiex dejjem possibbli li jiġi żgurat li materjali minn prodotti riċiklati jkunu totalment identiċi għal materja prima primarja;

22.  Jirrimarka li r-regoli tal-Unjoni għandhom jiżguraw li r-riċiklaġġ tal-materjali ma jtawwalx l-użu ta' sustanzi perikolużi; jinnota bi tħassib li l-leġiżlazzjoni li tipprevjeni l-preżenza ta' sustanzi kimiċi fil-prodotti, inklużi l-importazzjonijiet, hija mifruxa, mhijiex sistematika u lanqas konsistenti u tapplika biss għal numru żgħir ħafna ta' sustanzi, prodotti u użi, spiss b'ħafna eżenzjonijiet; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' progress fl-iżvilupp ta' strateġija tal-Unjoni għal ambjent mhux tossiku bil-għan, fost l-oħrajn, li jitnaqqas l-esponiment għal sustanzi ta' tħassib fil-prodotti;

23.  Jenfasizza li l-possibbiltà li jiġu rriċiklati l-materjali li jkun fihom sustanzi ta' tħassib għandha tiġi prevista biss meta ma jeżistux materjali alternattivi mingħajr sustanzi ta' tħassib; iqis li kwalunkwe tali riċiklaġġ għandu jseħħ f'ċirkwiti magħluqa jew ikkontrollati mingħajr ma jiġu pperikolati s-saħħa tal-bniedem, inkluża s-saħħa tal-ħaddiema, jew l-ambjent;

24.  Jittama li prattiki innovattivi ta' riċiklaġġ jistgħu jgħinu fid-dekontaminazzjoni tal-iskart li fih sustanzi ta' tħassib;

25.  Iqis li l-kwistjoni tal-prodotti li jkun fihom sustanzi li kienu jintużaw qabel għandha tiġi ttrattata permezz ta' sistema effiċjenti ta' reġistrazzjoni, traċċar u rimi;

26.  Jemmen, peress li aktar minn 80 % tal-impatt ambjentali ta' prodott huwa ddeterminat fl-istadju tad-disinn, li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn u leġiżlazzjoni oħra speċifika għall-prodott għandhom jintużaw minbarra r-REACH biex jintroduċu rekwiżiti għas-sostituzzjoni ta' sustanzi ta' tħassib; jisħaq fuq il-fatt li l-użu ta' sustanzi ta' natura tossika jew sustanzi ta' tħassib, bħall-POPs u s-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, għandu jitqies speċifikament skont il-kriterju mwessa' tal-ekodisinn, mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti legali armonizzati oħra stabbiliti fil-livell tal-Unjoni li jikkonċernaw dawk is-sustanzi;

27.  Jenfasizza li huwa kruċjali li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-oġġetti prodotti fl-UE u dawk importati; iqis li l-oġġetti prodotti fl-UE m'għandhom, fl-ebda każ, ikunu żvantaġġati; għaldaqstant, jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-użu f'waqtu ta' restrizzjonijiet previsti fir-REACH u f'leġiżlazzjoni oħra dwar il-prodotti, b'tali mod li l-prodotti fabbrikati fl-UE u dawk importati jkunu soġġetti għall-istess regoli; jenfasizza, b'mod partikolari, li t-tneħħija gradwali jew is-sostituzzjoni ta' sustanzi ta' tħassib kbir ħafna li jirriżultaw mill-iskema ta' awtorizzazzjoni skont ir-REACH għandhom ikunu akkumpanjati minn restrizzjonijiet li japplikaw fl-istess ħin; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jżidu l-kontrolli fuq il-materjali importati biex jiżguraw konformità mar-REACH u mal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti;

28.  Jenfasizza li l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi u dwar il-prodotti fil-fruntieri tal-UE għandu jittejjeb;

29.  Huwa tal-fehma li, sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-preżenza ta' sustanzi ta' tħassib f'materjali riċiklati, ikun rakkomandabbli li jiddaħħal passaport tal-prodotti bħala għodda biex jiġu divulgati l-materjali u s-sustanzi użati fil-prodotti;

Inċertezzi dwar kif il-materjali jistgħu ma jibqgħux jitqiesu bħala skart

30.  Jenfasizza li jinħtieġu regoli ċari tal-UE li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati għall-ħruġ mir-reġim tal-iskart, u li hemm bżonn kriterji armonizzati dwar it-tmiem tal-istadju tal-iskart; iqis li tali regoli ċari tal-UE jridu jkunu mfassla b'tali mod li jkunu prattikabbli għall-SMEs ukoll;

31.  Jemmen li għandhom jittieħdu miżuri fil-livell tal-UE biex titrawwem aktar armonizzazzjoni fl-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar it-tmiem tal-istadju tal-iskart stabbiliti fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-użu ta' materjal irkuprat fl-UE;

32.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkooperaw bis-sħiħ rigward il-kriterji tat-tmiem tal-istadju tal-iskart;

Diffikultajiet fl-applikazzjoni tal-metodoloġiji tal-UE ta' klassifikazzjoni tal-iskart u l-impatti fuq ir-riċiklabbiltà tal-materjali (materja prima sekondarja)

33.  Jemmen li r-regoli għall-klassifikazzjoni tal-iskart bħala perikoluż jew mhux perikoluż għandhom ikunu konsistenti ma' dawk għall-klassifikazzjoni ta' sustanzi u taħlitiet skont ir- Regolament CLP (klassifikazzjoni, ittikkettar u imballaġġ), filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-iskart u l-mod li bih jiġi ttrattat, u jilqa', barra minn hekk, il-gwida teknika l-ġdida dwar il-klassifikazzjoni tal-iskart; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat aktar il-qafas ta' klassifikazzjoni tal-iskart u tas-sustanzi kimiċi biex jinkludi l-endpoints ta' periklu u ta' tħassib kbir, bħall-persistenza għolja, is-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, il-bijoakkumulazzjoni jew in-newrotossiċità;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-flussi ta' skart, tiċċara l-interpretazzjoni korretta tar-Regolament CLP biex tiġi evitata klassifikazzjoni żbaljata ta' skart li jkun fih sustanzi ta' tħassib;

35.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart huwa inaċċettabbli u jrid jiġi indirizzat bħala kwistjoni ta' prijorità, anke permezz ta' rapporti tal-pajjiżi fl-ambitu tar-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali, billi jenħtieġ approċċ aktar konsistenti bejn ir-regoli ta' klassifikazzjoni tas-sustanzi kimiċi u tal-iskart;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-Lista Ewropea tal-Iskart mingħajr dewmien;

o
o   o

37.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 109.
(2) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 93.
(3) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 100.
(4) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 141.
(5) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(6) ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.
(7) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7.
(8) ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.
(9) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.
(10) Testi adottati, P8_TA(2017)0287.
(11) ĠU C 366, 27.10.2017, p. 96.
(12) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 65.
(13) Testi adottati, P8_TA(2018)0100.
(14) ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Settembru 2019Avviż legali