Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2254(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0257/2018

Testi mressqa :

A8-0257/2018

Dibattiti :

PV 12/09/2018 - 16
CRE 12/09/2018 - 16

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0354

Testi adottati
PDF 231kWORD 79k
Il-Ħamis, 13 ta' Settembru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Pjan ta' Azzjoni Ewropew "Saħħa Waħda" kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi
P8_TA(2018)0354A8-0257/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2018 Pjan ta' Azzjoni Ewropew "Saħħa Waħda" kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (AMR) (2017/2254(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tal-2017 dwar l-użu tal-antimikrobiċi ta' importanza medika fl-annimali li jipproduċu l-ikel,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Federazzjoni tal-Veterinarji tal-Ewropa tad-29 ta' Frar 2016, li jipprovdi risposti għall-mistoqsijiet mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar l-użu tal-antimikrobiċi fl-annimali li jipproduċu l-ikel(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2016 dwar il-passi li jmiss fil-qafas ta' approċċ Saħħa Waħda biex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antimikrobiċi,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2016 dwar it-tisħiħ tal-bilanċ fis-sistemi farmaċewtiċi fl-UE u l-Istati Membri tagħha,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2011 bit-titolu "L-immunizzazzjoni tat-tfal: suċċessi u sfidi tal-Immunizzazzjoni Ewropea tat-tfal u t-triq 'il quddiem", adottati mill-Ministri tas-Saħħa tal-Istati Membri tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2014 dwar it-tilqim bħala għodda effettiva fis-saħħa pubblika,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Kura tas-saħħa aktar sikura fl-Ewropa: it-titjib tas-sikurezza tal-pazjent u l-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi" (2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 bit-titolu "L-Isfida Mikrobika – Theddid li qed jiżdied mir-Reżistenza Antimikrobika"(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2017 dwar Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (COM(2017)0339),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015 dwar strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali għall-2016-2020(5),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Globali tat-Tilqim tad-WHO (GVAP), approvat minn 194 Stat Membru tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, f'Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew tat-Tilqim (EVAP) tad-WHO għall-2015-2020,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' interess ġenerali bit-titlu "Ir-rwol tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fil-Glieda kontra r-Reżistenza Antimikrobika (AMR)" ippubblikat fil-ġurnal dwar ix-Xejriet fil-Ħarsien Alimentari fl-2018,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni għal approċċ strateġiku għall-farmaċewtiċi fl-ambjent u l-abbozz attwali tal-approċċ strateġiku(6),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Politika tan-NU tal-laqgħa ta' livell għoli tal-Assemblea Ġenerali dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi tal-21 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Dinji ta' Marzu 2017 bit-titolu "Infezzjonijiet Reżistenti għall-Mediċina: Theddida għall-Futur Ekonomiku Tagħna",

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prodotti mediċinali veterinarji (COM(2014)0558),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) ta' Settembru 2015 bit-titolu "Antimicrobial Resistance in G7 Countries and Beyond: Economic Issues, Policies and Options for Action" (Reżistenza għall-Antimikrobiċi fil-Pajjiżi G7 u Lil Hinn: Kwistjonijiet, Politiki u Opzjonijiet Ekonomiċi għal Azzjoni),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Xjentifika tal-EMA/EFSA dwar miżuri biex titnaqqas il-ħtieġa li jintużaw aġenti antimikrobiċi fit-trobbija tal-annimali fl-Unjoni Ewropea, u l-impatti li jirriżultaw fuq is-sikurezza tal-ikel (opinjoni tar-RONAFA),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata fis-Sebgħin Assemblea Dinjija tas-Saħħa tad-29 ta' Mejju 2017 dwar it-titjib tal-prevenzjoni, id-dijanjosi u l-ġestjoni klinika tas-sepsis,

–  wara li kkunsidra l-ewwel rapport konġunt (JIACRA I) taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)-EFSA-EMA, ippubblikat fl-2015, u t-tieni rapport konġunt (JIACRA II), ippubblikat fl-2017, dwar l-analizi integrata tal-konsum tal-aġenti antimikrobiċi u l-okkorrenza tar-reżistenza għall-antimikrobiċi fil-batterji mill-bnedmin u mill-annimali li jipproduċu l-ikel,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Marzu 2017 dwar l-għażliet tal-UE biex ittejjeb l-aċċess għall-mediċini(7),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ECDC tal-2016 dwar is-sorveljanza tar-reżistenza għall-antimikrobiċi fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-rapport sommarju tal-Unjoni Ewropea dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi f'batterji żoonotiċi u f'batterji indikaturi mill-bnedmin, mill-annimali u mill-ikel fl-2016, magħmul mill-ECDC u l-EFSA(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall-Agrikoltura u Iżvilupp Rurali (A8-0257/2018),

A.  billi l-użu eċċessiv u mhux korrett tal-antibijotiċi, b'mod partikolari fit-trobbija tal-bhejjem (antibijotiċi użati għall-profilassi u bħala attivaturi tat-tkabbir), u l-prattiki ħżiena tal-kontroll tal-infezzjonijiet kemm fil-mediċini tal-bniedem kif ukoll dik veterinarja progressivament wasslu biex ir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) tkun theddida kbira għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali;

B.  billi huwa stmat li mill-inqas 20 % tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (HAIs) jistgħu jiġu evitati permezz ta' programmi ta' prevenzjoni u kontroll tal-infezzjonijiet sostnuti u multidimensjonali(9);

C.  billi l-użu prudenti tal-antibijotiċi u l-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet fis-setturi kollha tal-kura tas-saħħa, inkluża s-saħħa tal-annimali, huma s-sisien għall-prevenzjoni effettiva tal-iżvilupp u t-trażmissjoni ta' batterji reżistenti għall-antibijotiċi;

D.  billi 50 % tar-riċetti tal-antibijotiċi għall-bnedmin mhumiex effettivi filwaqt li 25 % tal-antibijotiċi użati mill-bnedmin ma jittiħdux kif suppost; billi 30 % tal-pazjenti li jiddaħħlu l-isptar jużaw l-antibijotiċi u billi l-batterji reżistenti għal ħafna mediċini huma theddida partikolari fl-isptarijiet, fid-djar tal-kura u fost il-pazjenti li l-kura tagħhom tirrikjedi apparat bħal pereżempju ventilaturi u kateters vaskulari;

E.  billi l-antibijotiċi għadhom qed jintużaw fit-trobbija tal-annimali għall-prevenzjoni tal-mard u biex jikkumpensaw għan-nuqqas ta' iġjene aktar milli f'każijiet ta' bżonn bi preskrizzjoni, u dan jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' batterji reżistenti għall-antimikrobiċi fl-annimali li jistgħu jiġu trażmessi lill-bnedmin;

F.  billi l-eżistenza ta' korrelazzjoni bejn ir-reżistenza għall-antibijotiċi li tinsab fost l-annimali li jipproduċu l-ikel (eż. it-tiġieġ tas-simna) u l-fatt li proporzjon kbir ta' infezzjonijiet batterjali fil-bnedmin jiġu mill-manipulazzjoni, il-preparazzjoni u l-konsum tal-laħam ta' dawn l-annimali, ġiet ikkonfermata wkoll mill-aġenziji tal-UE(10);

G.  billi l-użu ħażin tal-antibijotiċi qiegħed inaqqas l-effikaċja tagħhom u jwassal għat-tixrid ta' mikrobi reżistenti ħafna li huma speċjalment reżistenti għall-antibijotiċi tal-aħħar linja; billi skont data mogħtija mill-OECD, madwar 700 000 mewta madwar id-dinja jiġu kkawżati mill-AMR kull sena; billi 25 000 minn dawn l-imwiet iseħħu fl-UE u l-bqija barra mill-UE, li jfisser li l-kooperazzjoni fil-politika tal-iżvilupp u l-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-AMR fil-livell internazzjonali huma kruċjali;

H.  billi l-AMR tista' tikkawża sa 10 miljun mewta fis-sena fl-2050 jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni; billi huwa stmat li 9 miljuni minn dawn l-imwiet iseħħu barra mill-UE, f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari fl-Asja u fl-Afrika; billi l-infezzjonijiet u l-batterji reżistenti jinfirxu faċilment u għalhekk hemm ħtieġa urġenti ta' azzjoni globali;

I.  billi t-tilqim u l-għodod dijanjostiċi rapidi (RDTs) għandhom il-potenzjal li jillimitaw l-abbuż tal-antibijotiċi; billi l-RDTs jippermettu lill-professjonist fil-kura medika biex jagħmlu dijanjosi rapida ta' infezzjoni batterjali jew virali u għalhekk biex inaqqsu l-użu ħażin tal-antibijotiċi u r-riskju li tiżviluppa reżistenza(11);

J.  billi t-tixrid kontinwu ta' batterji reżistenti ħafna jista' jagħmilha impossibbli biex fil-futur tiġi pprovduta kura tas-saħħa tajba fir-rigward ta' operazzjonijiet invażivi jew trattamenti stabbiliti sew għal xi gruppi ta' pazjenti li jeħtieġu radjoterapija, kimoterapija jew trapjanti;

K.  billi l-batterji jevolvu kostantement, ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) u l-ambjenti regolatorji huma kumplessi, ċerti infezzjonijiet speċifiċi huma rari, u r-redditi mistennija mill-antimikrobiċi ġodda għadhom limitati;

L.  filwaqt li l-HAIs huma dovuti għal nuqqas ta' miżuri ta' prevenzjoni li jirriżultaw f'batterji reżistenti għall-antibijotiċi u fi prattiki ħżiena tal-iġjene, b'mod partikolari fi sptarijiet; billi l-istima tal-ECDC hi li madwar 4 miljun pazjent ilaqqtu HAI kull sena fl-UE u li madwar 37 000 mewta jirriżultaw direttament minn dawn l-infezzjonijiet; billi n-numru ta' mwiet jista' jkun ogħla minn dan; billi ċ-ċifra li ġiet ppreżentata preċedentement ta' 25 000 mewta fl-Unjoni kienet sottovalutazzjoni gravi;

M.  billi n-nuqqas ta' aċċess għal antibijotiċi effettivi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għadu jikkawża aktar imwiet mill-AMR; billi azzjonijiet li jindirizzaw l-AMR li jiffokaw wisq fuq ir-restrizzjoni tal-aċċess għall-antibijotiċi jistgħu jaggravaw il-kriżi diġà serja tan-nuqqas ta' aċċess għall-mediċini, li llum qed tikkawża aktar minn miljun mewta fis-sena fit-tfal taħt il-ħames snin; billi l-azzjonijiet maħsuba biex jindirizzaw l-AMR irid ikollhom l-għan li jiżguraw aċċess sostenibbli għall-mediċini għal kulħadd, jiġifieri aċċess għal dawk fil-bżonn iżda eċċess għal ħadd;

N.  billi diversi Stati Membri qed jesperjenzaw livelli li qed jiżdiedu b'mod mgħaġġel ta' fungi reżistenti għal ħafna mediċini li jikkawżaw żiedet qawwija fl-għadd ta' jiem fi sptar u fir-rata ta' mortalità għall-pazjenti infettati; billi l-American Center for Disease Control and Prevention (iċ-Ċentru Amerikan għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard) żied is-sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjoni; billi din il-kwistjoni speċifika hija notevolment assenti fil-Pjan ta' Azzjoni Ewropew Saħħa Waħda kontra l-AMR;

O.  billi ġie ppruvat li l-programmi ta' skrinjar attiv bl-RDTs jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-kontroll tal-HAIs u għat-tnaqqis ta' kemm dawn jinfirxu fi ħdan l-isptarijiet u fost il-pazjenti(12);

P.  billi ntwera li l-użu ta' komposti antibijotiċi fi prodotti tal-konsumatur mhux kliniċi jżid ir-riskju li jinħolqu razez ta' batterji reżistenti għall-mediċini(13);

Q.  billi l-iġjene tajba tal-idejn, fil-forma ta' ħasil u tnixxif effettiv tal-idejn, tista' tikkontribwixxi biex tiġi evitata l-AMR u t-trażmissjoni ta' mard infettiv;

R.  billi l-użu ta' apparat mediku jista' jipprevjeni l-infezzjonijiet fis-sit kirurġiku u għalhekk jipprevjeni u jikkontrolla l-iżvilupp ta' AMR(14);

S.  billi hemm eżempji li rnexxew ta' programmi li tejbu l-aċċess globali għall-mediċini kontra l-HIV, it-tuberkulożi (TB) u l-malarja;

T.  billi l-infezzjonijiet nożokomjali huma theddida kbira għall-ħarsien u l-garanzija tal-kura tas-saħħa bażika fid-dinja kollha;

U.  billi jekk it-tendenza attwali tkompli, l-AMR tista' tikkawża aktar imwiet milli jikkawża l-kanċer sal-2050(15);

V.  billi l-ECDC u l-EFSA tennew li r-reżistenza għall-AMR hija waħda mill-akbar theddidiet għas-saħħa pubblika(16);

W.  billi t-TB reżistenti għall-mediċini hija l-kawża ewlenija tal-imwiet minħabba AMR;

X.  billi fir-rapport tiegħu ta' Marzu 2017, il-Bank Dinji wissa li sal-2050, l-infezzjonijiet reżistenti għall-mediċini jistgħu jikkawżaw ħsara ekonomika globali fuq l-istess livell mal-kriżi finanzjarja tal-2008;

Y.  billi l-AMR trid titqies u tiġi mifhuma bħala theddida għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali kif ukoll għas-saħħa tal-pjaneta u bħala theddida diretta għall-kisba ta' ħafna mill-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) msemmija fl-Aġenda 2030 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, inklużi, iżda mhux biss, l-SDG1, l-SDG2, l-SDG3 u l-SDG6;

Z.  billi l-objettivi tal-approċċ Saħħa Waħda huma li jiżguraw li t-trattamenti tal-infezzjonijiet kemm tal-bnedmin kif ukoll tal-annimali jibqgħu effettivi, biex jitnaqqsu t-tfaċċar u t-tixrid tal-AMR u biex jissaħħu l-iżvilupp u d-disponibbiltà ta' antimikrobiċi effettivi ġodda fl-UE u fil-bqija tad-dinja;

AA.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-passi li jmiss fil-qafas tal-approċċ Saħħa Waħda biex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antimikrobiċi(17) jitolbu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallinjaw l-aġendi strateġiċi tar-riċerka ta' inizjattivi tar-R&Ż eżistenti tal-UE fuq antibijotiċi, alternattivi u djanjostika ġodda fil-qafas tan-Netwerk Saħħa Waħda dwar l-AMR;

AB.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi d-dritt fundamentali taċ-ċittadini għas-saħħa u l-kura medika; billi d-dritt għas-saħħa huwa d-dritt ekonomiku, soċjali u kulturali għall-istandards minimi universali tal-kura tas-saħħa li l-persuni fiżiċi kollha għandhom dritt għalih;

AC.  billi kwalunkwe strateġija tal-UE kollha għall-AMR irid ikollha bħala pilastru ewlieni li tiżgura t-taħriġ kontinwu tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa b'rabta mal-aħħar żviluppi fir-riċerka u l-aħjar prattiki fir-rigward tal-prevenzjoni u t-tixrid tal-AMR;

AD.  billi skont l-estimi tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa s-sepsis – bħala reazzjoni sintomika ta' mard infettiv – tikkawża madwar 6 miljun mewta fis-sena madwar id-dinja, li l-maġġoranza tagħhom huma evitabbli;

AE.  billi, skont il-mandat konġunt tagħhom, l-ECDC, l-EFSA u l-EMA bħalissa qed jaħdmu biex jipprovdu indikaturi tar-riżultat għall-AMR u tal-konsum ta' antimikrobiċi fost il-bnedmin u l-annimali li jipproduċu l-ikel;

AF.  billi in-natura tipprovdilna għadd kbir ta' antibijotiċi qawwija, li jistgħu jiġu sfruttati ħafna aktar milli huwa l-każ bħalissa;

AG.  billi l-aħħar data tal-EMA turi li l-azzjoni biex jitnaqqas l-użu ta' antimikrobiċi veterinarji kien inkonsistenti madwar l-UE(18); billi xi Stati Membri kisbu tnaqqis sinifikanti fl-użu tal-antimikrobiċi veterinarji fuq perjodu ta' żmien qasir permezz ta' politiki nazzjonali ambizzjużi, kif muri minn sensiela ta' missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni mwettqa mid-Direttorat għall-Awditi u l-Analiżi tal-Ikel u tas-Saħħa tal-Kummissjoni(19);

AH.  billi l-AMR hija theddida transfruntiera għas-saħħa, iżda s-sitwazzjoni tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor; billi l-Kummissjoni Ewropea trid għalhekk tidentifika u taġixxi f'oqsma li jġibu valur miżjud Ewropew għoli, filwaqt li tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri, li huma responsabbli biex jiddeterminaw il-politiki tas-saħħa tagħhom stess;

AI.  billi azzjoni effettiva kontra l-AMR trid tkun parti minn inizjattiva internazzjonali usa' li tinvolvi kemm jista' jkun istituzzjonijiet, aġenziji u esperti internazzjonali, kif ukoll lis-settur privat;

AJ.  billi l-kawżi prinċipali tal-AMR huma l-użu ħażin u l-abbuż mill-antimikrobiċi, id-dgħufija tas-sistemi għall-assigurazzjoni tal-kwalità tal-mediċini, l-użu tal-antimikrobiċi fit-trobbija tal-bhejjem għall-promozzjoni tat-tkabbir jew għall-prevenzjoni tal-mard, in-nuqqasijiet fil-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet, u d-dgħufijiet fis-sistemi ta' sorveljanza, fost affarijiet oħra;

AK.  billi l-pazjenti għandu jkollhom aċċess għal għażliet ta' trattament u kura tas-saħħa, inkluż għal trattamenti u mediċini komplementari u alternattivi, skont l-għażliet u l-preferenzi tagħhom stess;

AL.  billi huwa stmat li l-ispiża biex tittieħed azzjoni globali dwar l-AMR tista' tlaħħaq l-USD 40 biljun fuq perjodu ta' 10 snin;

AM.  billi l-isfidi relatati mal-AMR se jiżdiedu fis-snin li ġejjin u azzjoni effettiva tiddependi fuq investimenti kontinwi u transsettorjali fir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) pubblika u privata sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati għodod, prodotti u apparat aħjar, trattamenti ġodda u approċċi alternattivi skont approċċ Saħħa Waħda;

AN.  billi fl-ambitu tal-Ħames sas-Seba' Programmi Qafas (FP5-FP7), aktar minn EUR 1 biljun ġew investiti fir-riċerka dwar l-AMR, u fl-ambitu ta' Orizzont 2020 (H2020), sa issa diġà ġie mmobilizzat baġit kumulattiv ta' aktar minn EUR 650 miljun; billi l-Kummissjoni impenjat ruħha li tinvesti aktar minn EUR 200 miljun fl-AMR għall-aħħar tliet snin ta' Orizzont 2020;

AO.  billi strumenti ta' finanzjament differenti fl-ambitu ta' H2020 se jwasslu għal riżultati tar-riċerka dwar l-AMR, b'mod partikolari:

   l-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi (IMI), b'enfasi fuq l-aspetti kollha tal-iżvilupp tal-antibijotiċi inklużi r-riċerka dwar il-mekkaniżmi tal-AMR, l-iskoperta u l-iżvilupp tal-mediċini, u l-ekonomija u l-politika dwar l-użu tajjeb tal-antimikrobiċi, b'seba' proġetti fis-seħħ taħt l-umbrella tal-programm ND4BB b'baġit totali ta' aktar minn EUR 600 miljun f'fondi tal-Kummissjoni u f'kontribuzzjonijiet in natura minn kumpaniji;
   is-Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn Pajjiżi Ewropej u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw (EDCTP), b'enfasi fuq l-iżvilupp ta' mediċini ġodda u mtejba, it-tilqim, il-mikrobiċidi u d-dijanjostika kontra l-HIV/AIDS, it-TB u l-malarja, bi 32 proġett fis-seħħ li jiswew aktar minn EUR 79 miljun;
   l-Inizjattiva għall-Ipprogrammar Konġunt dwar l-AMR (JPIAMR), b'enfasi fuq il-konsolidazzjoni tal-attivitajiet ta' riċerka nazzjonali li bħalissa huma frammentati u bi proġetti għaddejja bħalissa b'valur ta' EUR 55 miljun;
   il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC), bil-proġetti ta' riċerka tiegħu "mmexxija mir-riċerkaturi" jew "minn isfel għal fuq";
   il-Faċilità Finanzjarja InnovFin għall-Mard Infettiv (IDFF) għal proġetti qrib is-suq, b'seba' ammonti f'self ta' EUR 125 miljun mogħtija sal-lum;
   l-Istrument għall-SMEs u r-Rotta Rapida lejn l-Innovazzjoni (FTI) li jappoġġaw lill-SMEs fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet u għodod ġodda biex jipprevjenu, jagħmlu dijanjosi u jittrattaw il-mard infettiv u jtejbu l-kontroll tal-infezzjonijiet, b'36 proġett relatat mal-AMR u b'baġit ta' EUR 33 miljun;

AP.  billi sas-snin sittin ġew żviluppati aktar minn 20 klassi ġdida ta' antibijotiċi, iżda li minn dak iż-żmien ġiet żviluppata klassi ġdida waħda biss ta' antibijotiċi minkejja t-tixrid u l-iżvilupp ta' batterji reżistenti ġodda; billi, barra minn hekk, hemm evidenza ċara ta' reżistenza għal aġenti ġodda fi klassijiet eżistenti ta' antibijotiċi;

AQ.  billi hemm effetti konsegwenzjali pożittivi ta' antimikrobiċi ġodda fuq is-saħħa pubblika u x-xjenza;

AR.  billi l-użu tal-antibijotiċi għal skopijiet żootekniċi – bħala promoturi tat-tkabbir, pereżempju – jirrappreżenta użu ħażin ta' dawn il-prodotti tas-saħħa u huwa ddenunzjat mill-organizzazzjonijiet tas-saħħa internazzjonali kollha, li jirrakkomandaw il-projbizzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra l-AMR; billi l-użu tal-antibijotiċi bħala promoturi tat-tkabbir fl-annimali li jipproduċu l-ikel ilu pprojbit fl-UE mill-2006;

AS.  billi għadd kbir ta' mard ikkawżat mill-mikrobi jista' jiġi miġġieled b'mod effettiv mingħajr l-użu tal-antibjotiċi, li joħolqu reżistenza għall-mediċini, iżda permezz ta' dijanjosi bikrija flimkien ma' mediċini ġodda u eżistenti u metodi u prattiki oħra ta' trattament ammissibbli fl-UE, biex b'hekk jiġu salvati miljuni ta' ħajjiet tan-nies u tal-annimali madwar l-UE kollha;

AT.  billi d-distakk bejn l-AMR li qed tiżdied u l-iżvilupp ta' aġenti antimikrobiċi ġodda qed jikber; billi l-mard reżistenti għall-mediċini jista' jikkawża 10 miljun mewta kull sena madwar id-dinja sal-2050; billi huwa stmat li kull sena fl-UE tal-anqas 25 000 persuna jmutu minħabba infezzjonijiet ikkawżati minn batterji reżistenti, bi spiża annwali ta' EUR 1,5 biljun, filwaqt li f'dawn l-aħħar 40 sena ġiet żviluppata klassi waħda ġdida biss ta' antibijotiċi;

AU.  billi, sabiex l-antibijotiċi riżervati esklużivament għall-użu mill-bniedem jibqgħu jkunu effettivi u r-riskji tal-AMR kontra dawn l-antibijotiċi kruċjali jiġu minimizzati, l-użu ta' ċerti familji ta' antibijotiċi, irid jiġi pprojbit fil-mediċina veterinarja; billi l-Kummissjoni għandha tispeċifika liema antibijotiċi jew gruppi ta' antibijotiċi għandhom jiġu riżervati għat-trattament ta' ċerti infezzjonijiet fil-bnedmin;

AV.  billi d-dikjarazzjoni politika approvata mill-Kapijiet ta' Stat fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York f'Settembru 2016 u l-pjan ta' Azzjoni Globali f'Mejju 2015 ikkonstataw l-impenn tad-dinja li jittieħed approċċ wiesa' u kkoordinat biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tar-reżistenza għall-antimikrobiċi f'diversi setturi;

AW.  billi ċ-ċifra kkwotata ta' sikwit ta' 25 000 mewta fl-Ewropa u tal-ispejjeż relatati ta' aktar minn EUR 1,5 biljun minħabba l-AMR tmur lura għall-2007 u billi hemm bżonn ta' informazzjoni aġġornata kontinwament dwar il-piż reali tal-AMR; jenfasizza li d-daqs tal-problema se jenfasizza wkoll il-ħtieġa ċara ta' Pjan ta' Azzjoni Ewropew Saħħa Waħda kontra l-AMR;

L-UE bħala reġjun tal-aħjar prattika

1.  Jemmen li sabiex jittieħdu l-passi suffiċjenti biex tiġi indirizzata l-AMR, il-prinċipju Saħħa Waħda jrid ikollu rwol ċentrali, li jirrifletti l-fatt li s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u l-ambjent huma interkonnessi u li l-mard jgħaddi mill-bnedmin għall-annimali u viċeversa; jenfasizza, għalhekk, li l-mard għandu jiġi indirizzat kemm fil-bnedmin kif ukoll fl-annimali, filwaqt li jiġu kkunsidrati b'mod speċjali wkoll il-katina tal-ikel u l-ambjent, li jistgħu jkunu sors ieħor ta' mikroorganiżmi reżistenti; jissottolinja r-rwol importanti tal-Kummissjoni fil-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali mwettqa mill-Istati Membri u l-importanza ta' kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' skeda ta' żmien għall-Pjan ta' Azzjoni Ewropew Saħħa Waħda; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu objettivi tal-AMR li jistgħu jitkejlu u vinkolanti ma' miri ambizzjużi, kemm fil-Pjan ta' Azzjoni Ewropew Saħħa Waħda kif ukoll fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali, biex tkun tista' ssir valutazzjoni komparattiva;

3.  Jenfasizza li l-użu korrett u prudenti tal-antimikrobiċi huwa essenzjali sabiex jillimita li l-AMR jitfaċċa fil-kura tas-saħħa tal-bniedem, fit-trobbija tal-annimali u fl-akkwakultura; jenfasizza li hemm differenzi konsiderevoli fil-mod kif l-Istati Membri jimmaniġġjaw u jindirizzaw l-AMR, li jagħmel kruċjali l-koordinazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ma' objettivi speċifiċi stabbiliti; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha rwol ewlieni fil-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji nazzjonali; jissottolinja l-ħtieġa ta' implimentazzjoni transsettorjali (b'mod partikolari fil-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (FP9) li jmiss) u transmedjali tal-kunċett ta' Saħħa Waħda, li għadu ma ntlaħaqx b'mod suffiċjenti fil-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni; jinsisti li l-użu tal-antibijotiċi għal skopijiet ta' prevenzjoni fil-mediċina veterinarja għandu jkun regolat strettament, skont id-dispożizzjonijiet tar-regolament li jmiss dwar il-prodotti mediċinali veterinarji;

4.  Jirrakkomanda li n-Netwerk Saħħa Waħda maħluq dan l-aħħar u l-Azzjoni Konġunta tal-UE dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi u l-Infezzjonijiet Assoċjati mal-Kura tas-Saħħa (EU-JAMRAI) għandhom jinvolvu wkoll partijiet ikkonċernati rilevanti ewlenin oħrajn minbarra l-Istati Membri;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq u tippubblika evalwazzjoni ta' nofs it-terminu u evalwazzjoni ex post tal-Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda, u tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-proċedura ta' evalwazzjoni;

6.  Jenfasizza li azzjoni konġunta tal-UE biex tindirizza t-theddida dejjem ikbar għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ambjent ikkawżata mill-batterji reżistenti għall-antibijotiċi tista' tirnexxi biss jekk tkun ibbażata fuq data standardizzata; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżviluppa u tipproponi proċeduri u indikaturi xierqa li jkejlu u jqabblu l-progress fil-ġlieda kontra l-AMR, u tiżgura s-sottomissjoni u l-evalwazzjoni tad-data standardizzata;

7.  Jinnota li l-indikaturi tal-UE adottati dan l-aħħar biex jgħinu lill-Istati Membri jissorveljaw il-progress tagħhom fil-ġlieda kontra l-AMR jiffokaw biss fuq il-konsum tal-antibijotiċi u ma jirriflettux l-adegwatezza tal-użu; jistieden lill-ECDC jemenda l-indikaturi tal-UE kif xieraq;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor id-data dwar il-volum ta' antibijotiċi prodotti mill-manifatturi u tirrapporta dwarhom;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallinjaw is-sorveljanza, il-monitoraġġ u r-rapportar tal-mudelli u l-patoġeni tal-AMR u jissottomettu din id-data lis-Sistema Globali ta' Sorveljanza tar-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (GLASS); jissottolinja, barra minn hekk, li l-ġbir sistematiku tad-data rilevanti u komparabbli kollha dwar il-volum tal-bejgħ huwa tal-akbar importanza; jistieden lill-Kummissjoni tħejji abbozz, f'konsultazzjoni mal-EMA, l-EFSA, l-ECDC, lista ta' patoġeni ta' prijorità (PPL) tal-UE, b'kunsiderazzjoni tal-PPL globali tad-WHO, kemm għall-bnedmin kif ukoll għall-annimali, b'tali mod li tistabbilixxi l-prijoritajiet ta' R&Ż futuri; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tinkoraġġixxi u tappoġġa lill-Istati Membri biex idaħħlu fis-seħħ u jimmonitorjaw il-miri nazzjonali għas-sorveljanza u t-tnaqqis tal-AMR/HAIs;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa stħarriġ standardizzat għall-ġbir ta' data dwar l-HAIs u teżamina r-riskji għal gruppi kbar tal-popolazzjonijiet tal-bniedem u tal-annimali waqt l-epidemiji u l-pandemiji;

11.  Jenfasizza li l-kondiviżjoni aħjar tal-informazzjoni u d-data lokali, reġjonali u nazzjonali dwar kwistjonijiet emerġenti fis-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali flimkien mal-użu ta' sistemi ta' twissija bikrija jistgħu jassistu lill-Istati Membri fl-adozzjoni ta' miżuri adegwati ta' konteniment biex jiġi limitat it-tixrid ta' organiżmi reżistenti;

12.  Jappella għall-espansjoni tar-rwol u tar-riżorsi umani u finanzjarji tal-aġenziji rilevanti kollha tal-UE fil-ġlieda kontra l-AMR u l-HAIs; jemmen li kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-aġenziji tal-UE u l-proġetti ffinanzjati mill-UE hija ta' importanza kruċjali;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissottomettu rapporti regolari u preċiżi dwar l-għadd ta' każijiet ikkonfermati ta' AMR fil-bnedmin flimkien ma' statistika korretta u aġġornata dwar il-mortalità mill-AMR;

14.  Jenfasizza li l-monitoraġġ tat-trobbija tal-annimali għall-agrikoltura u għall-industrija tal-ikel, il-prevenzjoni tal-infezzjonijiet, l-edukazzjoni dwar is-saħħa, il-miżuri ta' bijosigurtà, il-programmi ta' skrinjar attiv u l-prattiki ta' kontroll huma kritiċi għall-kontroll tal-mikroorganiżmi infettivi peress li kollha kemm huma jnaqqsu l-ħtieġa tal-antimikrobiċi u konsegwentement l-opportunitajiet biex il-mikroorganiżmi jiżviluppaw u jxerrdu r-reżistenza; jenfasizza l-ħtieġa li jsir rapportar obbligatorju lill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika tal-pazjenti kollha li jinstabu li huma identifikati bħala portaturi ta' batterji reżistenti ħafna jew li jiġu infettati bihom; jenfasizza l-ħtieġa ta' linji gwida dwar l-iżolament obbligatorju tal-portaturi li jiddaħħlu l-isptar u l-ħolqien ta' task force professjonali multidixxiplinarja li tirrapporta direttament lill-ministeri tas-saħħa nazzjonali;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' sistema tal-UE għall-ġbir ta' data dwar l-użu korrett tal-antibijotiċi kollha; jitlob l-iżvilupp ta' protokolli għall-preskrizzjoni u l-użu tal-antibijotiċi fil-livell tal-UE, li jirrikonoxxu r-responsabbiltà tal-veterinarji u tat-tobba tal-kura primarja, fost oħrajn, f'din il-kwistjoni; jitlob, barra minn hekk, il-ġbir obbligatorju, fil-livell nazzjonali, tal-preskrizzjonijiet tal-antibijotiċi kollha u għar-reġistrazzjoni tagħhom f'bażi tad-data kkontrollata u kkoordinata minn esperti tal-infezzjonijiet, sabiex jinxtered l-għarfien dwar l-aħjar użu tagħhom;

16.  Jiddeplora l-fatt, f'dan il-kuntest, li l-Kummissjoni ma pproponietx approċċ strateġiku għat-tniġġis tal-ilma bil-farmaċewtiċi aktar kmieni, kif mitlub skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma(20); iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex ifasslu strateġija Ewropea kontra residwi tal-mediċina fl-ilma u fl-ambjent mingħajr dewmien, filwaqt li jiddedikaw attenzjoni suffiċjenti lill-monitoraġġ, il-ġbir tad-data u l-analiżi aħjar tal-impatt tal-AMR fuq ir-riżorsi tal-ilma u l-ekosistema akkwatika; jiġbed l-attenzjoni għall-utilità ta' approċċ integrat li japplika għar-residwi tal-mediċini u l-AMR fl-ambjent(21);

17.  Jenfasizza li t-tniġġis tal-ilma u tal-ħamrija b'residwi antibijotiċi tal-bnedmin u veterinarji huwa problema li qed tikber, u li l-ambjent innifsu huwa sors potenzjali ta' mikroorganiżmi reżistenti ġodda; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tiddedika ferm iktar attenzjoni lill-ambjent bħala parti mill-kunċett ta' Saħħa Waħda;

18.  Ifakkar li ċ-ċifra kkwotata ta' sikwit ta' 25 000 mewta fl-Ewropa u tal-ispejjeż relatati ta' aktar minn EUR 1,5 biljun minħabba l-AMR tmur lura għall-2007 u li hemm bżonn ta' informazzjoni aġġornata kontinwament dwar il-piż reali tal-AMR;

19.  Ifakkar li s-saħħa hija fattur ta' produttività u kompetittività, kif ukoll waħda mill-kwistjonijiet tal-akbar tħassib għaċ-ċittadini;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament tagħha tal-EUCAST, li jittratta l-aspetti tekniċi tal-ittestjar fenotopiku tas-suxxettibilità għall-antimikrobiċi mwettqa in vitro u li jiffunzjona bħala l-kumitat tal-EMA u l-ECDC responsabbli għall-istabbiliment tal-valuri kritiki;

21.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni talloka finanzjament addizzjonali speċifikament għar-riċerka dwar alternattivi ta' għalf mhux terapewtiku biex jintużaw fit-trobbija tal-annimali fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027 (QFP);

22.  Jappoġġa, bħala minimu, it-tweġiba tal-Kunsill għall-abbozz tal-Kodiċi ta' Prattika Codex Alimentarius biex Titnaqqas u Tiġi Kkontrollata r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi, u l-prinċipji 18 u 19 tiegħu dwar l-użu responsabbli u prudenti tal-antimikrobiċi;

23.  Jinkoraġġixxi ffokar fuq il-konformità ma' linji gwida dwar il-kontroll tal-infezzjonijiet, l-integrazzjoni ta' miri fir-rigward tat-tnaqqis fir-rata tal-infezzjonijiet u l-appoġġ tal-aħjar prattiki sabiex tiġi indirizzata aħjar is-sikurezza tal-pazjent fl-ambjent tal-isptar;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-ECDC, u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-użu ta' xugamani li jintużaw darba biss f'postijiet li jkunu sensittivi mil-lat ta' iġjene, bħalma huma l-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa, il-faċilitajiet tal-ipproċessar tal-ikel, u l-iskejjel materni;

25.  Ifakkar li l-ikel huwa wieħed mill-vetturi possibbli għat-trażmissjoni ta' batterji reżistenti mill-annimali għall-bnedmin, u, barra minn hekk, li l-batterji reżistenti għall-mediċina jistgħu jiċċirkolaw f'popolazzjonijiet tal-bnedmin u tal-annimali permezz tal-ilma u l-ambjent; jinnota r-riskji ta' infezzjoni b'organiżmi reżistenti minn għelejjel ikkontaminati ttrattati b'aġenti antimikrobiċi jew b'demel, u ilma ġieri tal-irziezet fl-ilma ta' taħt l-art; jinnota, f'dan il-kuntest, li t-tixrid ta' tali batterji huwa influwenzat mill-kummerċ, mill-ivvjaġġar u mill-migrazzjoni tal-bnedmin kif ukoll tal-annimali;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw messaġġi dwar is-saħħa pubblika għal sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, u meta jagħmlu dan jippromwovu bidla fl-imġiba lejn l-użu u l-immaniġġjar responsabbli tal-antibijotiċi, b'mod partikolari l-użu profilattiku; jissottolinja l-importanza tal-promozzjoni tal-"għarfien dwar is-saħħa", peress li huwa kruċjali li l-pazjenti jifhmu l-informazzjoni dwar il-kura tas-saħħa u jkunu jistgħu jsegwu l-istruzzjonijiet dwar il-kura b'mod preċiż; jenfasizza li miżuri preventivi, inklużi miżuri ta' iġjene tajba, għandhom jiżdiedu biex titnaqqas id-domanda tal-bniedem għall-antibijotiċi; jenfasizza li s-sensibilizzazzjoni dwar il-perikli tal-awtomedikazzjoni u l-preskrizzjonijiet żejda għandhom ikunu element ċentrali ta' strateġija preventiva;

27.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw messaġġi dwar is-saħħa pubblika għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar ir-rabta bejn l-infezzjonijiet u l-iġjene personali; jenfasizza li mezzi effettivi biex jitnaqqas l-użu tal-antimikrobiċi hija li l-ewwel nett jiġi evitat li l-infezzjonijiet jinfirxu; jinkoraġġixxi l-promozzjoni ta' inizjattivi tal-kura personali f'dan ir-rigward;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji li jappoġġaw l-aderenza u l-konformità tal-pazjenti mat-trattament b'antibijotiċi u trattamenti xierqa oħra kif preskritti mill-professjonisti mediċi;

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida, wara l-approċċ Saħħa Waħda, li jistabbilixxu l-aħjar prattiki għall-iżvilupp ta' standards tal-kwalità armonizzati biex jiġu implimentati kurrikuli fl-UE kollha b'tali mod li jrawmu l-edukazzjoni interdixxiplinari, il-prevenzjoni tal-infezzjoni u l-programmi ta' taħriġ għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa u għall-pubbliku, ħalli tiġi żgurata l-kondotta xierqa tal-professjonisti tas-saħħa u l-prattikanti veterinarji fir-rigward tal-preskrizzjoni, id-doża, l-użu u r-rimi tal-antimikrobiċi u l-materjali kkontaminati bl-AMR(22) u jiġi żgurat l-istabbiliment u l-iskjerament ta' timijiet multidixxiplinari għall-ġestjoni tal-antibijotiċi fl-isptarijiet;

30.  Jenfasizza li terz tal-preskrizzjonijiet isiru fis-settur tal-kura primarja, u għalhekk dan is-settur għandu jitqies bħala prijorità fl-użu tal-protokolli; jenfasizza l-ħtieġa ta' speċjalisti fil-mard infettiv fl-elaborazzjoni ta' dawn il-protokolli u fil-kontroll u s-segwitu tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwida għall-użu ta' dawn il-protokolli fil-qasam tas-saħħa tal-bniedem; jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid il-protokolli eżistenti kollha, speċjalment dawk dwar l-użu profilattiku waqt l-interventi kirurġiċi; jilqa' l-proġetti attwali fil-livell nazzjonali, bħall-programm PIRASOA, bħala eżempji ta' prattika tajba fir-rigward tal-użu razzjonali fil-kura primarja u l-isptarijiet; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' mekkaniżmi li permezz tagħhom jiġu skambjati l-aqwa prattiki u protokolli;

31.  Huwa konxju li l-professjonisti tas-saħħa spiss jeħtieġ li jieħdu deċiżjonijiet ta' malajr fuq indikazzjoni terapewtika għall-kura bl-antibijotiċi; jinnota li testijiet dijanjostiċi rapidi jistgħu jgħinu biex jappoġġaw dawn id-deċiżjonijiet;

32.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprevjenu t-tixrid ta' infezzjonijiet b'batterji reżistenti permezz tal-implimentazzjoni ta' programmi ta' skrinjar attiv b'teknoloġiji dijanjostiċi rapidi sabiex jiġu identifikati malajr il-pazjenti infettati b'batterji reżistenti għal ħafna mediċini, u jistabbilixxu miżuri xierqa għall-kontroll tal-infezzjonijiet (bħal pereżempju r-raggruppament jew l-iżolament tal-pazjenti u t-tisħiħ tal-miżuri ta' iġjene);

33.  Huwa konxju li l-ispiża tal-RDTs tista' taqbeż il-prezz tal-antibijotiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu inċentivi għall-industrija sabiex tiżviluppa metodi ta' ttestjar effettiv, mhux għaljin u effiċjenti u l-użu tal-RDTs; jenfasizza li l-RDTS huma disponibbli biss madwar il-pajjiż kollu f'40 % tal-pajjiżi tal-OECD; jistieden lill-entitajiet tal-assigurazzjoni tas-saħħa jkopru l-ispiża żejda li tirriżulta mill-użu tal-RDTs, meta jitqiesu l-benefiċċji fit-tul tal-prevenzjoni tal-użu mhux meħtieġ tal-antimikrobiċi;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jillimitaw il-bejgħ tal-antibijotiċi mill-professjonisti tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali li jippreskrivuhom, u jneħħu kwalunkwe inċentiv – finanzjarju jew mod ieħor – għall-preskrizzjoni tal-antibijotiċi, filwaqt li jkomplu jiżguraw aċċess biżżejjed rapidu għall-mediċina veterinarja ta' emerġenza; jenfasizza li ħafna antimikrobiċi jintużaw kemm fil-bnedmin kif ukoll fl-annimali, li xi wħud minn dawn l-antimikrobiċi huma ta' importanza kritika għall-prevenzjoni jew għall-kura ta' infezzjonijiet ta' periklu għall-ħajja fil-bnedmin, u li l-użu tagħhom fuq l-annimali għandu għalhekk jiġi pprojbit; jenfasizza li dawn l-antimikrobiċi għandhom ikunu riżervati biss għat-trattament tal-bnedmin sabiex jippreservaw l-effikaċja tagħhom fit-trattament ta' infezzjonijiet fil-bnedmin għall-itwal żmien possibbli; iqis li l-Istati Membri għandhom jitħallew jimplimentaw jew iżommu miżuri aktar stretti fir-rigward tar-restrizzjoni tal-bejgħ tal-antibijotiċi;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni soda kontra l-bejgħ illegali ta' prodotti antimikrobiċi jew il-bejgħ tagħhom mingħajr preskrizzjoni tat-tabib jew tal-veterinarju fl-UE;

36.  Jenfasizza l-valur tat-tilqim u tal-għodod dijanjostiċi fil-ġlieda kontra l-AMR u l-HAIs; jirrakkomanda l-integrazzjoni ta' miri għal tilqim tul il-ħajja u l-kontroll tal-infezzjonijiet fost il-popolazzjoni, partikolarment fost il-gruppi b'riskju għoli, bħala element kruċjali tal-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar l-AMR; jenfasizza l-importanza, barra minn hekk, ta' informazzjoni aċċessibbli u ta' sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku ġenerali biex tingħata spinta lir-rata tat-tilqim fil-kura tas-saħħa tal-bniedem u dik veterinarja u b'hekk jiġu indirizzati l-mard u l-AMR b'mod kosteffettiv;

37.  Jenfasizza li l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew Saħħa Waħda kontra l-AMR josserva li l-immunizzazzjoni permezz tat-tilqim tikkostitwixxi intervent kosteffikaċi mil-lat ta' saħħa fl-isforzi biex tiġi miġġielda l-AMR(23) u li, fil-Pjan ta' Azzjoni, il-Kummissjoni tħabbar inċentivi għall-promozzjoni tal-użu tad-dijanjostika, l-alternattivi għall-antimikrobiċi u t-tilqim(24), iżda li l-ispejjeż relattivament ogħla tad-dijanjożi, tal-alternattivi għall-antimikrobiċi u tat-tilqim – meta mqabbla mal-antibijotiċi konvenzjonali – jikkostitwixxu ostaklu biex tiżdied ir-rata tat-tilqim, kif inhu l-għan tal-Pjan ta' Azzjoni(25); jissottolinja li diversi Stati Membri diġà jqisu t-tilqim bħala miżura politika importanti – kemm biex jiġu evitati t-tifqigħat ta' mard fl-annimali b'mod transfruntier kif ukoll biex jitrażżnu ulterjorment ir-riskji ta' kontaġju għas-suq agrikolu tal-UE – u għalhekk introduċewh bħala tali;

38.  Jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' infezzjonijiet li jistgħu jwasslu għas-sepsis; jistieden lill-Istati Membri jinkludu miżuri mmirati biex itejbu l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni bikrija u d-dijanjosi, u l-ġestjoni klinika tas-sepsis fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom dwar l-AMR;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora kif l-aħjar jintuża l-potenzjal tan-Netwerks ta' Referenza Ewropej għall-mard rari u tivvaluta r-rwol li jista' jkollhom fir-riċerka dwar l-AMR;

40.  Jenfasizza li t-tniġġis tal-ambjent minn residwi antibijotiċi tal-bniedem u tal-annimali, b'mod partikolari mit-trobbija tal-annimali, huwa problema li qed titfaċċa u li tirrikjedi miżuri ta' politika koerenti biex jiġi pprevenut it-tixrid ta' AMR fost l-ekosistemi, l-annimali u l-bnedmin; iħeġġeġ riċerka ulterjuri dwar id-dinamika tat-trażmissjoni u l-impatt relattiv ta' dan it-tniġġis fuq l-AMR; jitlob, għalhekk, li jkun hemm żvilupp tas-sinerġiji bejn l-approċċ Saħħa Waħda u d-data eżistenti dwar il-monitoraġġ ambjentali, b'mod partikolari fil-forma ta' monitoraġġ ta' listi tas-sorveljanza skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, sabiex jittejjeb l-għarfien dwar l-okkorrenza u t-tixrid ta' antimikrobiċi fl-ambjent;

41.  Jinnota li l-batterji esposti għall-erbiċidi jirrispondu b'mod differenti għal antibijotiċi klinikament rilevanti; jinnota l-frekwenza tal-bidliet fir-reżistenza għall-antibijotiċi miġjuba mill-użu ta' erbiċidi u antibijotiċi approvati u li l-effetti ta' dawn il-bidliet jaħarbu s-superviżjoni regolatorja;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex tindirizza r-rilaxx tal-farmaċewtiċi, inkluż l-antimikrobiċi, fl-ambjent permezz tal-ilma mormi u l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi, bħala fattur ewlieni tal-emerġenza tal-AMR;

43.  Jitlob li jsir rieżami tal-valutazzjonijiet tar-riskju ambjentali bħala parti mill-proċess tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq għall-antimikrobiċi, kif ukoll għall-prodotti aktar antiki li diġà jeżistu fis-suq; jitlob aderenza stretta mal-Prattiki Tajba ta' Manifattura (PTM) tal-UE u r-regoli tal-akkwist ekoloġiku fir-rigward tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-farmaċewtiċi u r-rilaxx tal-antibijotiċi fl-ambjent;

44.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-kwistjoni taż-żieda dejjem aktar rapida ta' fungi reżistenti għal ħafna mediċini billi jeżaminaw l-użu tal-fungiċidi fis-settur agrikolu u s-settur industrijali;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeliminaw gradwalment l-użu ta' komposti jew sustanzi kimiċi antimikrobiċi f'ambjenti mhux kliniċi bħal fi prodotti tat-tindif u prodotti oħra għall-konsumatur;

46.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' riċerka fil-fond dwar l-impatt tal-preżenza ta' sustanzi antimikrobiċi fl-għelejjel u l-għalf fuq l-iżvilupp tal-AMR, u dwar il-komunità mikrobjali fil-ħamrija;

47.  Jirrimarka, b'rabta ma' dan, li hemm bżonn valutazzjoni ex ante bir-reqqa tal-ispejjeż soċjali ta' approċċ "end-of-pipe";

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrevedu l-kodiċijiet ta' prattika agrikola tajba tagħhom u jirrevedu l-aqwa tekniki disponibbli rilevanti skont id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali(26) biex jinkludu dispożizzjonijiet għat-trattament tad-demel li jkun fih antibijotiċi/mikroorganiżmi reżistenti għall-antimikrobiċi;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu l-iżvilupp ta' prodotti mediċinali b'impatt baxx fuq l-ambjent u l-ilma u jħeġġu aktar innovazzjoni fl-industrija farmaċewtika f'dan il-qasam;

50.  Jenfasizza li mhux l-Istati Membri kollha għandhom biżżejjed riżorsi biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji komprensivi nazzjonali dwar l-AMR; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri informazzjoni ċara dwar ir-riżorsi tal-UE disponibbli biex tiġi indirizzata l-AMR u tqiegħed għad-dispożizzjoni aktar finanzjament iddedikat għal dan l-iskop;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina u tirrevedi d-dokumenti ta' referenza dwar l-aqwa tekniki disponibbli (BREF) fil-qafas tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali li jirrelataw mal-emissjonijiet minn impjanti li jimmanifatturaw l-antibijotiċi;

52.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża b'mod effettiv il-leġiżlazzjoni disponibbli fl-oqsma kollha relatati mal-AMR biex tiżgura li t-theddida tkun qed tiġi indirizzata fil-politiki kollha;

53.  Jissottolinja l-importanza ta' approċċ ta' valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja, mill-produzzjoni u l-preskrizzjoni sal-ġestjoni tal-iskart farmaċewtiku; jitlob lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tar-rimi ta' antibijotiċi, fejn alternattivi għall-inċinerazzjoni, bħall-gassifikazzjoni, għandhom jiġu esplorati;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-kwistjonijiet ambjentali jiġu introdotti fis-sistema ta' farmakoviġilanza għall-prodotti farmaċewtiċi għall-bniedem u jissaħħu għall-prodotti farmaċewtiċi veterinarji, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-AMR;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu standards tal-kwalità (valuri limitu) jew rekwiżiti ta' valutazzjoni tar-riskju biex jiġi żgurat li d-demel, il-ħama tad-dranaġġ u l-ilma tat-tisqija jkun fihom konċentrazzjonijiet sikuri ta' antibijotiċi rilevanti u ta' mikroorganiżmi tal-AMR qabel jitferrxu fl-art agrikola;

56.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tvara kampanja informattiva għall-konsumaturi u n-negozji madwar l-UE dwar l-akkwakultura b'mod ġenerali, u b'mod partikolari dwar id-differenzi bejn l-istandards stretti u komprensivi fis-suq tal-UE u l-istandards applikabbli għal prodotti importati f'pajjiżi terzi, b'enfasi partikolari fuq il-problemi kkawżati għas-sikurezza tal-ikel u s-saħħa pubblika mill-introduzzjoni fl-Unjoni ta' mikroorganiżmi partikolarment reżistenti u l-AMR;

57.  Jitlob l-eliminazzjoni gradwali tal-użu profilattiku u metafilattiku ta' rutina tal-antimikrobiċi fi gruppi ta' annimali tar-razzett u jitlob l-użu ta' antibijotiċi tal-aħħar għażla biex jiġu pprojbiti għal kollox f'annimali li jipproduċu l-ikel; jenfasizza li trobbija tal-annimali tajba, prattiki tal-iġjene, ġestjoni tar-razzett u investimenti f'dawn l-oqsma jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-infezzjonijiet u għalhekk it-tnaqqis tal-użu tal-antibijotiċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija ġdida tal-UE dwar il-benessri tal-annimali kif rakkomandat mill-Parlament Ewropew, bl-għan fit-tul li tinħoloq liġi dwar il-benessri tal-annimali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta l-punti pendenti tal-Istrateġija tal-UE għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015 mingħajr dewmien;

58.  Jissottolinja li sistemi tajbin ta' ġestjoni tal-irziezet, bijosigurtà u trobbija tal-annimali huma l-pedament tas-saħħa u l-benessri tal-annimali li jipproduċu l-ikel u, meta applikati kif imiss, inaqqsu s-suxxettibilità għall-mard batteriku u l-ħtieġa tal-użu tal-antibijotiċi fl-annimali;

59.  Jemmen li jrid jitħeġġeġ finanzjament adegwat għal investimenti fl-azjendi agrikoli, bħal f'akkomodazzjoni ta' kwalità, ventilazzjoni, tindif, diżinfezzjoni, tilqim u bijosigurtà u jenħtieġ li dan ma jiġix imminat fil-politika agrikola komuni (PAK) futura; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' sensibilizzazzjoni fost il-membri tal-komunità agrikola tal-benessri tal-annimali, tas-saħħa tal-annimali u tas-sikurezza tal-ikel; jinnota l-importanza tal-promozzjoni u tal-applikazzjoni ta' prattiki tajba fl-istadji kollha tal-produzzjoni u l-ipproċessar tal-prodotti tal-ikel u l-importanza tal-għalf sikur u bbilanċjat mil-lat nutrittiv, l-istrateġiji speċifiċi tal-għalf, il-kompożizzjoni tal-għalf, il-formulazzjonijiet tal-għalf u l-ipproċessar tal-għalf;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri – anke fil-kuntest tar-riforma tal-PAK – jiġġeneraw aktar sinerġiji u, skont il-konstatazzjonijiet tal-Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda kontra l-AMR, biex jipprovdu inċentivi finanzjarji effettivi u appoġġ għall-bdiewa li jrabbu l-bhejjem u li juru li jkunu naqqsu b'mod sinifikanti l-użu tagħhom tal-antibijotiċi u jkunu kisbu rata għolja ta' tilqim fost l-annimali jew il-bhejjem tagħhom;

61.  Jenfasizza li sanitazzjoni u iġjene tajba fl-irziezet huma fundamentali; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida dwar l-użu tal-antibijotiċi fl-annimali u l-kundizzjonijiet iġjeniċi fl-irziezet; jistieden lill-Istati Membri jfasslu pjanijiet speċifiċi u jsaħħu l-kontroll fuq il-kundizzjonijiet sanitarji;

62.  Ifakkar il-miżuri preventivi li għandhom jintużaw qabel ma wieħed jirrikorri għal trattament antimikrobiku ta' gruppi sħaħ (metafilassi) ta' annimali li jipproduċu l-ikel:

   użu ta' stokk ta' trobbija b'saħħtu u tajjeb li jikber b'mod naturali, b'diversità ġenetika xierqa;
   kundizzjonijiet li jirrispettaw il-ħtiġijiet ta' mġiba tal-ispeċijiet, inklużi interazzjonijiet u ġerarkiji soċjali,
   densitajiet tal-istokkijiet li ma jżidux ir-riskju ta' trażmissjoni ta' mard,
   iżolament tal-annimali morda 'l bogħod mill-bqija tal-grupp,
   (għat-tiġieġ u annimali iżgħar) suddiviżjoni tal-qatgħat fi gruppi iżgħar u separati fiżikament,
   implimentazzjoni ta' regoli eżistenti dwar il-benessri tal-annimali diġà f'kundizzjonalità kif stabbilit fir-rekwiżiti statutorji ta' ġestjoni (SMRs) 11, 12, 13 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1306/2013(27);

63.  Jemmen li r-rekwiżiti biex jiġi żgurat li t-tikkettar jagħmel referenza għall-użu tal-antibijotiċi jtejbu l-għarfien tal-konsumatur u jippermettu lill-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażla aktar infurmata; jistieden lill-Kummissjoni toħloq sistema armonizzata għat-tikkettar ibbażata fuq l-istandards tal-benessri tal-annimali u l-prattiki tajba ta' trobbija tal-annimali kif kien diġà previst fl-2009(28),

64.  Jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, għas-sejbiet xjentifiċi reċenti (Frar 2018) li juru li l-betalattamażi bi spettru estiż (ESBLs) jiġu trażmessi biss lill-persuni mit-trobbija tal-bhejjem u l-konsum tal-laħam sa ċertu punt biss u li t-trażmissjoni tal-ESBLs isseħħ prinċipalment minn persuna għall-oħra(29);

65.  Jenfasizza li l-biedja ta' densità għolja tista' tinvolvi antibijotiċi li qegħdin jingħataw b'mod mhux xieraq u b'mod regolari bħala għalf lill-bhejjem u lit-tjur fl-irziezet biex jikbru malajr, u li qegħdin jintużaw b'mod mifrux għal skopijiet profilattiċi, biex jipprevjenu l-firxa ta' mard minħabba kundizzjonijiet ta' ffullar, konfinament u stress li fihom jinżammu l-annimali u li jinibixxu s-sistema immunitarja tagħhom, u biex jikkumpensaw għall-kundizzjonijiet mhux sanitarji fejn qed jitrabbew;

66.  Iqis li l-fehim tagħna tat-tixrid tal-AMR mill-annimali fl-azjendi agrikoli għall-bnedmin diġà huwa pjuttost sod u li dan ma ġiex rikonoxxut kif xieraq fil-Pjan ta' Azzjoni; jinnota li l-Pjan ta' Azzjoni jitlob biss li ssir investigazzjoni ulterjuri u li jiġu indirizzati d-distakki fl-għarfien dwar il-kwistjoni, li possibbilment jista' jipposponi tali azzjoni tant meħtieġa;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddistingwu bejn il-bhejjem u l-annimali domestiċi, b'mod partikolari fl-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ u valutazzjoni tal-użu tal-antimikrobiċi fil-mediċina veterinarja, u l-iżvilupp ta' miżuri biex jindirizzaw l-użu tagħhom;

68.  Jenfasizza li monitoraġġ komprensiv tal-antibijotiċi fil-biedja ġie żviluppat f'kooperazzjoni mal-veterinarji, li b'mod komprensiv jiddokumenta l-użu tal-antibijotiċi u jkompli jtejjeb l-applikazzjoni tagħhom; jiddispjaċih li s'issa ma hemm l-ebda sistema komparabbli b'rabta mal-mediċina umana;

69.  Jinnota li l-eżistenza ta' korrelazzjoni bejn ir-reżistenza għall-antibijotiċi li tinsab fost l-annimali li jipproduċu l-ikel (eż. it-tiġieġ tas-simna) u proporzjon kbir ta' infezzjonijiet batterjali fil-bnedmin, li ġejjin mill-immaniġġjar, il-preparazzjoni u l-konsum tal-laħam ta' dawn l-annimali, ġiet ikkonfermata wkoll mill-Aġenziji tal-UE(30);

70.  Jenfasizza li r-riċerka turi li l-interventi li jirrestrinġu l-użu tal-antibijotiċi fl-annimali li jipproduċu l-ikel huma assoċjati ma' tnaqqis fil-preżenza ta' batterji reżistenti għall-antibijotiċi f'dawn l-annimali(31);

71.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, abbażi ta' din l-aħħar riċerka(32), biex jieħdu ħsieb u jżommu sens ta' proporzjon fl-adozzjoni tal-miżuri, u jivvalutaw bir-reqqa u jikklassifikaw l-antibijotiċi u r-reżistenza għall-antimikrobiċi fil-leġiżlazzjoni rilevanti kollha sabiex jiġi evitat li tiġi limitata bla bżonn id-disponibbiltà ta' rimedji kontra ċerti protożoa, bħall-coccidia, fl-azjendi Ewropej tat-trobbija tal-bhejjem u għaldaqstnat li b'mod mhux intenzjonat tiġi kkawżata żieda fir-riskji ta' kontaminazzjoni tal-bnedmin b'batterji perikolużi bħas-salmonella u mikrobi mill-ikel;

72.  Jiddispjaċih li l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew Saħħa Waħda kontra l-AMR huwa nieqsa minn kwalunkwe allokazzjoni ta' riżorsi u li mhux qed jagħmel użu aktar ambizzjuż tal-għodod leġiżlattivi; jistieden lill-Kummissjoni tkun aktar ambizzjuża fi kwalunkwe pjan ta' azzjoni futur li tiżviluppa u tagħmel sforzi ikbar biex timplimentah fl-intier tiegħu;

73.  Jiddispjaċih li l-approċċ strateġiku tal-Kummissjoni, li huwa bażikament tajjeb, ta' spiss wisq qed ikun limitat għal dikjarazzjonijiet ta' intenzjoni u jistieden lill-Kummissjoni biex tispjega l-approċċ tagħha;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina u tissorvelja strateġiji nazzjonali biex jingħata lok għall-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri;

75.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji nazzjonali ambizzjużi kontra l-AMR fis-settur tal-produzzjoni tal-annimali li jinkludu miri kwantitattivi ta' tnaqqis tal-użu tal-antimikrobiċi veterinarji filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi lokali; jenfasizza li s-setturi kollha tul il-katina tal-ikel għandhom ikunu involuti fl-implimentazzjoni tagħhom;

76.  Jinnota li xi Stati Membri għandhom konsulenti dwar il-mediċina tal-annimali – legalment definiti u professjonalment kwalifikati – li huma awtorizzati jippreskrivu ċerti mediċini veterinarji min-naħa tal-awtoritajiet rilevanti; jissottolinja li l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar l-AMR m'għandhomx jipprojbixxu lil dawn il-persuni milli jippreskrivu u jissupplixxu ċerti mediċini veterinarji, meta meħtieġ, fid-dawl tar-rwol essenzjali li dawn il-persuni jista' jkollhom f'komunitajiet rurali iżolati;

77.  Jissottolinja l-importanza tal-iskambji tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u l-koordinazzjoni ta' tali skambji min-naħa tal-Kummissjoni; jilqa', f'dan il-kuntest, it-tnaqqis fl-użu tal-antibijotiċi fit-trobbija tal-annimali fin-Netherlands b'64,4 % fil-perjodu 2009-2016 u d-dikjarazzjoni ta' ambizzjoni nazzjonali li tali użu jkompli jitnaqqas sal-2020; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japplikaw dan l-eżempju ta' kooperazzjoni pubblika-privata bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-industriji, ix-xjentisti u kirurgi veterinarji f'partijiet oħra tal-Unjoni wkoll;

78.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta' inċentivi tat-taxxa pożittivi (eżenzjonijiet mit-taxxa għall-bdiewa) u negattivi (taxxi fuq il-bejgħ ta' antibijotiċi bħal dawk introdotti b'suċċess fil-Belġju u fid-Danimarka) fuq l-antibijotiċi użati fit-trobbija tal-annimali bi skopijiet mhux terapewtiċi;

L-għoti ta' spinta lir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fir-rigward tal-AMR

79.  Jinnota li b'investiment ta' EUR 1,3 biljun fir-riċerka dwar l-AMR, l-UE qiegħda fuq quddiem nett f'dan il-qasam, u li l-kisbiet tal-UE jinkludu t-tnedija tal-programm New Drugs for Bad Bugs (ND4BB)(33) u l-Inizjattiva ta' Programmazzjoni Konġunta dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (JPIAMR)(34); jissottolinja l-ħtieġa tal-effiċjenza u l-koordinazzjoni fl-attivitajiet ta' riċerka; jilqa' inizjattivi, għalhekk, bħal ERA-NET biex jinħolqu sinerġiji bejn il-JPIAMR Konġunta u Orizzont 2020; jenfasizza li sas-Sittinijiet kienu ġew żviluppati aktar minn 20 klassi ġdida ta' antibijotiċi u jinnota bi tħassib li fis-snin riċenti ma ġiet introdotta l-ebda klassi antimikrobika ġdida;

80.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra qafas leġiżlattiv ġdid biex jiġi stimulat l-iżvilupp ta' antimikrobiċi ġodda għall-bnedmin, kif diġà talab il-Parlament fl-10 ta' Marzu 2016 fl-emendi tiegħu għall-proposta għal regolament dwar prodotti mediċinali veterinarji u fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015; jinnota li fil-Pjan ta' Azzjoni Ewropew Saħħa Waħda kontra l-AMR, il-Kummissjoni timpenja ruħha wkoll li "[tanalizza] l-istrumenti regolatorji u l-inċentivi tal-UE – b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni pedjatrika u dwar il-mediċini orfni – biex dawn jintużaw għal prodotti mediċinali alternattivi u innovattivi għal antimikrobiċi ġodda";

81.  Jilqa' l-fatt li l-EFSA u l-EMA riċentement eżaminaw u ddiskutew għadd ta' alternattivi għall-użu tal-antimikrobiċi fl-annimali li jipproduċu l-ikel, li wħud minnhom urew li jrendu riżultati promettenti fit-titjib ta' parametri tas-saħħa tal-annimali matul l-istudji sperimentali; jirrakkomanda, għalhekk, li jingħata impetu ġdid għar-riċerka xjentifika dwar l-alternattivi u t-tfassil ta' qafas leġiżlattiv tal-UE li jistimula l-iżvilupp tagħhom u jiċċara l-perkors għall-approvazzjoni tagħhom;

82.  Ifakkar li l-ġenerazzjoni tradizzjonali tal-antibijotiċi, li hi bbażata fuq sensiela ta' tekniki għall-modifika tal-antibijotiċi miksuba min-natura, ġiet eżawrita u li l-investimenti fir-R&Ż biex tinħoloq ġenerazzjoni ġdida għandha tikser il-paradigma tal-antibijotiċi tradizzjonali; jilqa' t-tekniki ġodda li diġà ġew żviluppati, pereżempju l-antikorpi monoklonali li jnaqqsu l-virulenza tal-batterji, mhux billi joqtluhom, iżda billi jrenduhom inutli;

83.  Jirrimarka li x-xjenza u r-riċerka għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-istandards fil-ġlieda kontra l-AMR;

84.  Jilqa' proġetti ta' riċerka riċenti f'terapiji alternattivi għall-antibijotiċi bħat-terapija batterjofaġika, pereżempju l-proġett Phagoburn li huwa ffinanzjat mill-UE; jinnota li s'issa ma ġiet awtorizzata l-ebda terapija batterjofaġika fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas għat-terapija batterjofaġika bbażat fuq l-aħħar riċerka xjentifika;

85.  Jinnota r-riċerka riċenti fl-iżvilupp ta' probijotiċi tal-ġenerazzjoni li jmiss għal użu konkomitanti mat-trattament antibijotiku f'ambjenti kliniċi, li wriet li tnaqqas l-HAIs ikkawżati minn batterji reżistenti ħafna għall-antibijotiċi(35);

86.  Jinnota li r-R&Ż fil-qasam ta' approċċi ġodda għat-trattament u l-prevenzjoni tal-infezzjonijiet huma daqstant ieħor importanti u li dawn l-approċċi jistgħu jinkludu l-użu ta' sustanzi li jsaħħu r-rispons immunitarju għall-infezzjoni batterika, bħall-prebijotiċi u l-probijotiċi;

87.  Iħeġġeġ lill-EMA, f'kollaborazzjoni mal-EFSA u l-ECDC tirrieżamina l-informazzjoni kollha disponibbli dwar il-benefiċċji u r-riskji ta' aġenti antimikrobiċi aktar antiki, inkluża taħlita ta' antibijotiċi, u tikkunsidra jekk huwiex meħtieġ xi tibdil fl-użi approvati tagħhom; jenfasizza li għandu jitħeġġeġ djalogu bikri bejn l-innovaturi u l-awtoritajiet regolatorji sabiex il-qafas regolatorju jiġi adattat fejn hemm bżonn bl-għan li jiġi prijoritizzat u jitħaffef l-iżvilupp ta' mediċini antimikrobiċi u jingħata aċċess aktar malajr;

88.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintroduċi proċedura rapida li permezz tagħha l-użu tal-antimikrobiċi approvati għal skopijiet industrijali jew agrikoli iżda suspettati li għandhom impatt negattiv serju fuq l-AMR jistgħu jkunu pprojbiti temporanjament mill-użu sakemm isiru aktar studji dwar l-impatt tal-antimikrobiku;

89.  Ifakkar li l-kwalità ħażina tal-prodotti mediċi u veterinarji b'konċentrazzjonijiet baxxi ta' ingredjenti attivi u/jew bl-użu fit-tul tagħhom iwasslu biex ifeġġu l-mikrobi reżistenti; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu u jfasslu liġijiet li jiżguraw li l-mediċini huma ta' kwalità assigurata, sikura u effettiva, u li l-użu tagħhom isegwi prinċipji stretti;

90.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament għar-R&I transsettorjali u interdixxiplinari bikrija fl-epidemjoloġija u fl-immunoloġija tal-patoġeni tal-AMR u l-iskrinjar tal-HAIs, b'mod partikolari l-modi ta' trażmissjoni bejn l-annimali u l-bnedmin u l-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa riċerka dwar l-iġjene tal-idejn u dwar l-impatt ta' metodi differenti ta' ħasil u tnixxif tal-idejn fuq it-trażmissjoni ta' patoġeni potenzjali;

91.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvesti bl-istess mod fl-iżvilupp ta' alternattivi għas-saħħa tal-annimali li ma jipprevedux l-użu ta' antibijotiċi, inklużi l-promoturi tat-tkabbir, u fl-iżvilupp ta' molekuli ġodda għall-iżvilupp ta' antibijotiċi ġodda; jenfasizza li l-antibijotiċi l-ġodda m'għandhomx jintużaw biex jippromwovu t-tkabbir u s-saħħa tal-annimali u li l-industriji li jirċievu fondi pubbliċi għal dan l-iżvilupp ta' antibijotiċi ġodda jridu jieqfu jqassmu u/jew jużaw antibijotiċi biex jippromwovu t-tkabbir u s-saħħa tal-annimali;

92.  Jilqa' l-proġetti ta' riċerka transkonfinali riċenti dwar l-użu tajjeb tal-antimikrobiċi u l-prevenzjoni tal-infezzjonijiet, bħall-proġett Interreg i-4-1-Health iffinanzjat mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament tar-riċerka favur miżuri għall-prevenzjoni ta' HAIs;

93.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa l-isforzi fir-R&Ż fil-qasam tal-AMR, inkluż fir-rigward tal-infezzjonijiet tas-saħħa globali definiti fl-SDGs, b'mod partikolari t-TB reżistenti għall-mediċini, il-malarja, l-HIV u l-mard tropikali ttraskurat, bħala parti mill-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni li jmiss tal-UE, inkluż billi tiddedika missjoni speċifika fil-programm għall-ġlieda globali kontra l-AMR;

94.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi restrizzjonijiet fuq it-trasport ta' annimali ħajjin minn żoni fejn ikunu ġew identifikati karatteristiċi ta' batterji reżistenti għall-antimikrobiċi mis-sistema ta' monitoraġġ attwali;

95.  Jinnota li xi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jista' jkollhom ukoll proprjetajiet antimikrobiċi, li jaffettwaw it-tixrid tal-AMR; jitlob li ssir aktar riċerka dwar ir-rabta possibbli bejn l-esponiment għal formulazzjonijiet kummerċjali tal-pestiċidi u tal-erbiċidi u l-iżvilupp tal-AMR; jirrikonoxxi li l-erbiċidi jiġu ttestjati b'mod regolari għat-tossiċità iżda mhux għal effetti subletali fuq il-mikrobi, u jenfasizza, għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, l-importanza tal-għoti ta' kunsiderazzjoni biex tali testijiet jitwettqu b'mod regolari;

96.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu djalogu bikri u kontinwu mal-partijiet ikkonċernati kollha sabiex jelaboraw inċentivi xierqa għar-R&Ż fil-qasam tal-AMR; jirrikonoxxi li m'hemm l-ebda approċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd"; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi formalment lis-soċjetà ċivili fid-diskussjonijiet dwar Saħħa Waħda, pereżempju billi twaqqaf u tiffinanzja netwerk dedikat għall-partijiet ikkonċernati;

97.  Jenfasizza li hemm bżonn mudelli differenti ta' kollaborazzjoni mmexxija mis-settur pubbliku u bl-involviment tal-industrija; jirrikonoxxi li l-kapaċitajiet tal-industrija għandhom rwol essenzjali fir-R&Ż fil-qasam tal-AMR; jenfasizza li, minkejja dan t'hawn fuq, huma meħtieġa aktar prijoritizzazzjoni u koordinazzjoni pubbliċi għar-R&Ż f'dan il-qasam urġenti; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tniedi pjattaforma pubblika għal proġetti ta' R&Ż fl-AMR iffinanzjati pubblikament u għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet kollha ta' R&Ż;

98.  Jenfasizza, għalhekk, li l-qafas għall-innovazzjoni attwali ma jinkoraġġix ir-R&Ż fl-AMR b'mod effettiv, u jitlob l-aġġustament u l-armonizzazzjoni tas-sistema tal-proprjetà intellettwali fil-livell Ewropew, b'mod partikolari sabiex ikun hemm tlaqqigħ aħjar tat-tul ta' żmien tal-protezzjoni mal-perjodu mitlub għall-mediċina innovattiva inkwistjoni;

99.  Jemmen li diġà qiegħda ssir riċerka dwar il-ġlieda kontra l-AMR f'ħafna partijiet differenti fl-Unjoni, mingħajr ma jeżisti rendikont adegwat tal-istat tar-riċerka fl-UE kollha kemm hi; jissuġġerixxi, għalhekk, li tinħoloq pjattaforma ddedikata fil-livell tal-UE li tippermetti użu aktar effiċjenti tar-riżorsi tar-riċerka fil-futur;

100.  Ifakkar fil-valur li jiġu żviluppati koalizzjonijiet bejn is-settur akkademiku u l-kumpaniji bijofarmaċewtiċi fl-iżvilupp ta' antibijotiċi ġodda, dijanjostika veloċi u terapiji ġodda;

101.  Jilqa' l-konklużjonijiet tas-Simpożju Tekniku Konġunt tad-WHO, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) bit-titolu "Antimicrobial Resistance: How to foster innovation, access and appropriate use of antibiotics" (Reżistenza għall-Antimikrobiċi: Kif tkattar l-innovazzjoni, l-aċċess u l-użu xieraq tal-antibijotiċi)(36), fejn ġew diskussi mudelli ġodda ta' R&Ż li jinċentivaw ir-R&Ż filwaqt li l-profittabilità tal-antibijotiċi tiġi diżakkoppjata mill-volumi mibjugħa;

102.  Ifakkar li r-Regolament dwar il-Provi Kliniċi(37) se jgħin biex jinkoraġġixxi r-riċerka f'antimikrobiċi ġodda fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-EMA jimplimentaw ir-Regolament dwar il-Provi Kliniċi mingħajr dewmien żejjed;

103.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-iżvilupp u t-teħid ta' mudelli ekonomiċi, proġetti pilota u inċentivi ta' spinta u ta' attrazzjoni ġodda sabiex jippromwovu l-iżvilupp ta' terapiji, dijanjostiċi, antibijotiċi, apparati mediċi, tilqim u alternattivi ġodda għall-użu tal-antimikrobiċi; jemmen li dawn jagħmlu sens meta jkunu sostenibbli, immexxija mill-bżonnijiet u bbażati fuq l-evidenza fuq terminu twil, ikunu mmirati lejn il-prijoritajiet pubbliċi ewlenin u jappoġġaw l-użu mediċinali xieraq;

104.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-effiċjenza tal-prattiki iġjeniċi u l-metodi sanitarji attwali fl-isptarijiet u fl-ambjenti tal-kura tas-saħħa; jitlob lill-Kummissjoni tesplora l-użu ta' probijotiċi u teknoloġiji iġjeniċi sostenibbli oħra bħala approċċi sanitarji effiċjenti għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-għadd ta' HAIs attribwiti lill-AMR;

105.  Iħeġġeġ l-adozzjoni ta' teknoloġiji ta' kosteffikaċja li jnaqqsu l-impatt tal-HAIs fl-isptarijiet u jgħinu fil-prevenzjoni tat-tixrid ta' mikroorganiżmi multireżistenti;

106.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu sistemi alternattivi ta' rimborż biex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta' teknoloġiji innovattivi fis-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa;

107.  Jinnota li l-mudell kummerċjali tas-soltu għall-iżvilupp ta' mediċini mhuwiex adatt għall-iżvilupp tal-antibijotiċi peress li r-reżistenza tista' tevolvi maż-żmien u peress li huma maħsuba biex jintużaw temporanjament u bħala l-aħħar alternattiva; ifakkar lill-industrija fir-responsabbiltà soċjali korporattiva tagħha li tikkontribwixxi għall-ħidma biex tiġi indirizzata l-AMR billi jinstabu modi biex tittawwal il-ħajja tal-antibijotiċi, u b'hekk il-provvista ta' antibijotiċi effettivi ssir sostenibbli, u jitlob li jkun hemm inċentivi għal din ir-riċerka u għad-definizzjoni tal-perkors regolatorju;

108.  Ifakkar li kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill talbu rieżami tal-inċentivi attwali (jiġifieri dawk stabbiliti fir-Regolament dwar il-Prodotti Mediċinali Orfni(38)), minħabba l-użu ħażin u l-prezzijiet finali għoljin tagħhom; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tanalizza l-mudell tal-inċentivi attwali tar-R&Ż, inkluż il-mudell tal-"esklużivitajiet trasferibbli tas-suq", sabiex tfassal oħrajn ġodda u tiddefinixxi l-perkors regolatorju;

109.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw, f'kooperazzjoni mar-riċerkaturi u l-industrija, mudelli ta' inċentiv ġodda li jneħħu r-rabta tal-pagament mal-volum ta' preskrizzjoni u li jistimulaw l-investiment matul il-perjodu kollu tal-iżvilupp tal-prodott u tal-produzzjoni; jenfasizza li l-garanzija tal-affordabbiltà u l-aċċess għal antibijotiċi ta' kwalità trid tkun l-għan aħħari tal-inċentivi tar-R&Ż;

110.  Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-ispiżjara biex titqajjem kuxjenza dwar l-użu xieraq tal-antimikrobiċi, kif ukoll fil-prevenzjoni tal-AMR; iħeġġeġ lill-Istati Membri jespandu r-responsabbiltajiet tagħhom billi jippermettu l-iddispensar ta' kwantitajiet preċiżi u s-somministrazzjoni ta' ċerti tilqimiet u testijiet dijanjostiċi rapidi fl-ispiżeriji;

111.  Jitlob li l-esklużivitajiet trasferibbli tas-suq u l-premjijiet għad-dħul fis-suq jitqiesu fost l-għażliet għal inċentivi sostenibbli;

112.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol ta' tmexxija fil-livell internazzjonali fil-promozzjoni ta' mudelli tal-aħjar prattika bbażati fuq l-evidenza għal dijanjożi bikrija fil-ġlieda kontra l-AMR;

It-tiswir tal-aġenda globali

113.  Jissottolinja li mingħajr azzjoni armonizzata u immedjata fuq skala globali, id-dinja qiegħda timxi lejn era ta' wara l-antibijotiċi li fiha infezzjonijiet komuni għal darb'oħra jistgħu jikkawżaw mewt.

114.  Ifakkar li minħabba l-kumplessità tal-problema, id-dimensjoni transfruntiera tagħha, il-konsegwenzi severi għall-ambjent, għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, u l-piż ekonomiku kbir, l-AMR tirrikjedi azzjoni globali u intersettorjali urġenti u kkoordinata; jitlob, għalhekk, impenn ċar min-naħa tal-UE u tal-Istati Membri biex jinbnew sħubijiet Ewropej u internazzjonali u titnieda strateġija globali u trażversali għall-ġlieda kontra l-AMR li tkopri oqsma ta' politika bħalma huma l-kummerċ, l-iżvilupp internazzjonali u l-agrikoltura;

115.  Jilqa' l-lista ta' klassifikazzjoni tad-WHO tal-agħar 20 patoġenu reżistenti għall-antibijotiċi(39); jitlob it-tnedija ta' proġetti urġenti ta' R&Ż dwar din il-lista prijoritarja ta' batterji reżistenti għall-antibijotiċi sabiex jiġu żviluppati mediċini biex jiġġildulhom; jenfasizza, madankollu, li r-riċerka dwar mediċini ġodda mhix l-unika azzjoni meħtieġa u li l-użu ħażin u eċċessiv irid jiġi indirizzat kemm fil-bnedmin kif ukoll fl-annimali;

116.  Jirrikonoxxi li l-AMR hija kwistjoni transfruntiera u li l-prodotti jidħlu fl-Ewropa minn madwar id-dinja kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkollabora ma' partijiet terzi biex jitnaqqas l-użu tal-antibijotiċi fit-trobbija tal-bhejjem u titnaqqas il-kontaminazzjoni ambjentali assoċjata; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, timplimenta programmi ta' riċerka kollaborattiva ma' pajjiżi terzi biex jitnaqqas l-użu eċċessiv tal-antibijotiċi; jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles, tipprojbixxi l-prodotti tal-ikel li joriġinaw minn annimali li ma jkunux imrobbija f'konformità mal-istandards tal-UE, u notevolment b'rabta mal-projbizzjoni fuq l-użu tal-antibijotiċi bħala promoturi tat-tkabbir;

117.  Jieħu nota tar-rapport bit-titolu "Tackling drug-resistant infections globally: Final report and recommendations"(40) (Il-ġlieda globali kontra l-infezzjonijiet reżistenti għall-mediċini: Ir-rapport finali u r-rakkomandazzjonijiet), li jikkalkula li l-ispiża biex tittieħed azzjoni globali dwar l-AMR se tkun ta' USD 40 biljun fuq perjodu ta' 10 snin, li hija spiża żgħira meta mqabbla mal-ispiża għal nuqqas ta' azzjoni u hija wkoll frazzjoni żgħira ħafna ta' dak li l-pajjiżi tal-G20 jonfqu fuq il-kura tas-saħħa llum (madwar 0,05 %); jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-possibbiltà li timponi taxxa fuq l-industrija għas-saħħa pubblika fi ħdan il-qafas tar-responsabbiltà soċjali tagħha;

118.  Jiddikjara li fi kwalunkwe ftehim kummerċjali fil-futur mar-Renju Unit wara l-Brexit, l-AMR trid tiġi indirizzata u ssir kundizzjoni li teħtieġ lir-Renju Unit isegwi fuq avvanzi ulterjuri fl-azzjoni tal-UE biex tindirizza l-AMR b'tali mod li tipproteġi lill-konsumaturi u lill-ħaddiema kemm fl-UE kif ukoll fir-Renju Unit;

119.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni Globali (GAP) tad-WHO dwar l-AMR, li ġie adottat b'mod unanimu f'Mejju 2015 mit-68 Assemblea Dinjija tas-Saħħa; jenfasizza l-ħtieġa li l-pjanijiet ta' azzjoni globali, tal-UE u nazzjonali jkunu allinjati mal-GAP;

120.  Jilqa' l-Linji Gwida l-ġodda tad-WHO dwar l-użu tal-antimikrobiċi ta' importanza medika fl-annimali li jipproduċu l-ikel(41); jenfasizza li f'xi pajjiżi, madwar 50-70 % tal-antibijotiċi medikament importanti huma kkonsmati fis-settur tal-annimali, fil-biċċa l-kbira għall-promozzjoni tat-tkabbir f'annimali b'saħħithom; jitlob, fil-qafas tal-approċċ Saħħa Waħda, li dan is-suġġett jiddaħħal fil-politika kummerċjali tal-UE u fin-negozjati ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħad-WTO u pajjiżi assoċjati jew terzi, filwaqt li titfassal politika globali biex jiġi pprojbit l-użu tal-antibijotiċi għat-tismin ta' annimali b'saħħithom;

121.  Jinnota li l-AMR hija ta' tħassib serju f'ħafna mard relatat mal-faqar u mard ittraskurat (PRNDs), inklużi l-HIV/l-AIDS, il-malarja u t-TB u mard marbut mal-epidemiji u l-pandemiji; jenfasizza li madwar 29 % tal-imwiet ikkawżati mill-AMR huma minħabba t-TB reżistenti għall-mediċina; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu b'urġenza l-appoġġ tagħhom għar-riċerka u l-applikazzjoni fir-rigward ta' għodod ta' saħħa sabiex jiġu indirizzati l-PRNDs affettwati mill-AMR; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu sħubijiet, immudellati fuq Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) u s-Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn Pajjiżi Ewropej u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw (EDCTP), għal proġetti R&Ż internazzjonali dwar is-saħħa, li jinkludu reġjuni ġeografiċi differenti u li jkopru l-iktar suġġetti tas-saħħa rilevanti, bħall-AMR, il-vaċċini, il-kanċer u l-aċċess għall-mediċini;

122.  Jissottolinja l-importanza ta' inizjattivi tal-UE bħall-programmi tal-ECDC dwar mard infettiv, inklużi l-AIDS, it-TB u l-malarja; jirrimarka li dawn l-inizjattivi huma eżempji ta' prattiki tajba, li juru r-reattività u l-funzjonament tajjeb tal-UE fid-dawl tal-ħtieġa ta' antibijotiċi ġodda, u li l-ECDC għandu jkollha rwol ewlieni fil-prijoritizzazzjoni tal-ħtiġijiet tar-R&Ż, fil-koordinazzjoni tal-azzjonijiet u fl-involviment tal-atturi kollha, fit-tisħiħ tal-ħidma transsettorjali u fil-bini tal-kapaċità permezz tan-netwerks tar-R&Ż;

123.  Jenfasizza l-problema tal-batterji multireżistenti li qed jitfaċċaw li huma reżistenti għal bosta antibijotiċi fl-istess ħin u li jistgħu eventwalment isiru superbatterji, reżistenti għall-antibjotiċi kollha disponibbli, inklużi l-antibijotiċi tal-aħħar linja; jenfasizza l-ħtieġa ta' bażi ta' data dwar dawn il-batterji multireżistenti, li jkopru l-AIDS, it-TB, il-malarja, il-gonorrea, l-Escherichia coli u batterji oħra reżistenti għall-mediċini;

124.  Jinnota li l-bhejjem li jitrabbew għall-ikel fl-Istati Uniti jingħataw doża ta' mediċina antibijotika ħames darbiet aktar milli jingħataw l-annimali tar-razzett fir-Renju Unit; jissottolinja, għalhekk, l-importanza tal-kontrolli tal-importazzjonijiet tal-laħam fl-UE;

125.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi standards u miżuri tal-UE biex tindirizza l-AMR u għall-użu xieraq tal-antibijotiċi fi ftehimiet kummerċjali, u taħdem permezz tad-WTO biex tqajjem il-kwistjoni tal-AMR; jinnota li l-użu tal-antibijotiċi bħala promoturi tat-tkabbir f'annimali li jipproduċu l-ikel ilu pprojbit fl-UE mill-2006, iżda f'pajjiżi barra mill-UE, l-antibijotiċi għadhom jistgħu jintużaw f'għalf għall-annimali bħala promoturi tat-tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi klawżola fil-ftehimiet kollha dwar il-kummerċ ħieles li tistipula li l-ikel importat minn pajjiżi terzi ma jridx ikun ġie prodott bl-użu tal-antibijotiċi bħala promoturi tat-tkabbir, bil-ħsieb li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għat-trobbija u l-akkwakultura tal-UE u sabiex tiġi mmitigata l-AMR; jistieden lill-Kummissjoni tipprojbixxi l-importazzjoni ta' ikel minn pajjiżi terzi jekk dawn il-prodotti jkunu ġejjin minn annimali ttrattati b'antibijotiċi jew gruppi ta' antibijotiċi li huma riżervati għat-trattament ta' ċerti infezzjonijiet fil-bniedem fl-UE;

126.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-miżuri għall-ġlieda kontra l-prattiki illegali relatati mal-produzzjoni, il-kummerċ, l-użu u r-rimi tal-antimikrobiċi; jenfasizza li l-atturi involuti fil-katina taċ-ċiklu tal-ħajja tal-antimikrobiċi jridu jassumu responsabbiltà għall-azzjonijiet tagħhom;

127.  Jinnota l-impatt tal-universalità u l-affordabbiltà ta' aċċess wiesa' għall-antibijotiċi eżistenti; jemmen li trattament immirat, bl-użu ta' antibijotiċi speċifiċi, għandu jkun disponibbli għal kulħadd sabiex jimpedixxi l-użu ħażin ta' antibijotiċi mhux adatti u l-użu eċċessiv ta' antibijotiċi b'firxa wiesgħa; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri aktar b'saħħithom kontra l-bejgħ ta' kunsinni kbar ta' antimikrobiċi bi prezzijiet aktar baxxi mill-valur tagħhom, b'mod partikolari antibijotiċi kritiċi għall-bniedem;

128.  Jitlob li jitwettqu verifiki komprensivi fuq il-produtturi tal-antibijotiċi sabiex il-perjodi ta' rtirar jiġu adattati għar-realtà, sabiex jiġi żgurat li l-ebda antibijotiku ma jkun preżenti fil-prodotti tal-ikel;

129.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem biex ikun hemm attenzjoni u impenn kontinwi ta' livell għoli lejn l-azzjoni dwar l-AMR, inkluż fil-forums tan-NU, il-G7 u l-G20; jenfasizza l-opportunità li għandhom il-korpi xjentifiċi tal-UE, bħall-ECDC, biex jieħdu rwoli ta' sorveljanza fil-livell internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-kollaborazzjoni bejn l-UE u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, fosthom id-WHO, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-NU u l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE); jilqa' d-Dikjarazzjoni ta' Davos dwar il-Ġlieda kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi maħruġa mill-Forum Ekonomiku Dinji f'Davos f'Jannar 2016, li fiha l-industriji tal-farmaċewtika, tal-bijoteknoloġija u tad-dijanjostika jappellaw għal azzjoni kollettiva biex joħolqu suq sostenibbli u prevedibbli għall-antibijotiċi, it-tilqim u d-dijanjostiċi li jtejbu l-konservazzjoni tat-trattamenti ġodda u eżistenti;

130.  Jitlob li jiġi promoss u msaħħaħ u ssir tranżizzjoni għal mod ta' produzzjoni bbażat fuq l-agroekoloġija;

o
o   o

131.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, liċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kif ukoll lill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali.

(1) Il-Federazzjoni tal-Veterinarji tal-Ewropa, "L-użu tal-antimikrobiċi fl-annimali li jipproduċu l-ikel: Tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-EFSA/EMA dwar l-użu tal-antimikrobiċi f'annimali li jipproduċu l-ikel fl-UE u miżuri possibbli għat-tnaqqis tal-użu tal-antimikrobiċi", 2016.
(2) ĠU C 353, 27.9.2016, p. 12.
(3) ĠU C 434, 23.12.2015, p. 49.
(4) ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1.
(5) ĠU C 366, 27.10.2017, p. 149.
(6) https://ec.europa.eu/info/consultations/public-consultation-pharmaceuticals-environment_mt#add-info
(7) Testi adottati, P8_TA(2017)0061.
(8) http://www.efsa.europa.eu/en/press/news/180227
(9) https://ecdc.europa.eu/sites/portal/files/media/en/publications/Publications/healthcare-associated-infections-antimicrobial-use-PPS.pdf
(10) EFSA, ECDC, "The European Union summary report on antimicrobial resistance in zoonotic and indicator bacteria from humans, animals and food in 2014" (Rapport sommarju tal-Unjoni Ewropea dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi f'batterji żoonotiċi u f'batterji indikaturi mill-bnedmin, mill-annimali u mill-ikel fl-2014), 2016.
(11) Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, "Global guidelines on the prevention of surgical site infection" (Linji gwida globali dwar il-prevenzjoni ta' infezzjoni fis-sit kirurġiku), 2016. Disponibbli f'dan l-indirizz: http://www.who.int/gpsc/ssi-guidelines/en/
(12) Celsus Academie voor Betaalbare Zorg, "Cost-effectiveness of policies to limit antimicrobial resistance in Dutch healthcare organisations" (il-Kosteffikaċja tal-politiki biex inaqqsu r-reżistenza għall-antimikrobiċi fl-organizzazzjonijiet tal-kura tas-saħħa Netherlandiżi), Jannar 2016. Disponibbli hawn: https://goo.gl/wAeN3L
(13) http://ec.europa.eu/health/ph_risk/committees/04_scenihr/docs/scenihr_o_021.pdf
(14) Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, "Global guidelines on the prevention of surgical site infection" (Linji gwida globali dwar il-prevenzjoni ta' infezzjoni fis-sit kirurġiku), 2016. Disponibbli f'dan l-indirizz: http://www.who.int/gpsc/ssi-guidelines/en/
(15) https://amr-review.org/sites/default/files/160525_Final%20paper_with%20cover.pdf
(16) http://onlinelibrary.wiley.com/doi/10.2903/j.efsa.2018.5182/epdf
(17) http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/06/17/epsco-conclusions-antimicrobial-resistance/
(18) http://www.ema.europa.eu/ema/index.jsp?curl=pages/news_and_events/news/2017/10/news_detail_002827.jsp&mid=WC0b01ac058004d5c1
(19) http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/audit_reports/index.cfm
(20) L-Artikolu 8(c) tad-Direttiva 2013/39/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 li temenda d-Direttivi 2000/60/KE u 2008/105/KE rigward sustanzi prijoritarji fil-qasam tal-politika dwar l-ilma (ĠU L 226, 24.8.2013, p. 1).
(21) Skont il-formulazzjoni fin-Netherlands mill-Ministru għall-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, l-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa Pubblika u l-Ambjent (RIVM), l-industrija tal-ilma u l-bordijiet responsabbli mill-ilma.
(22) L-Artikolu 78 tar-regolament li jmiss dwar il-prodotti mediċinali veterinarji.
(23) Kummissjoni Ewropea, "A European One Health Action Plan against Anitmicrobial Resistance (AMR)" (Pjan ta' Azzjoni Ewropew Saħħa Waħda kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (RAM)), Ġunju 2017, p. 10.
(24) Ibid., p. 12.
(25) Ibid., p. 15.
(26) Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17);
(27) Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549), li japplika r-regoli stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta' annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja (ĠU L 221, 8.8.1998, p. 23); Id-Direttiva tal-Kunsill 91/630/KEE tad-19 ta' Novembru 1991 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-majjali (ĠU L 340, 11.12.1991, p. 33); Id-Direttiva tal-Kunsill 91/629/KEE tad-19 ta' Novembru 1991 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-għoġġiela (ĠU L 340, 11.12.1991, p. 28).
(28) https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/animals/docs/aw_other_aspects_labelling_ip-09-1610_en.pdf
(29) Mevius, D. et al., "ESBL-Attribution-Analysis (ESBLAT). Searching for the sources of antimicrobial resistance in humans" (ESBL-Attribution-Analysis (ESBLAT). Tfittxija għas-sorsi tar-reżistenza għall-antimikrobiċi fil-bnedmin), 2018. Disponibbli f'dan l-indirizz: http://www.1health4food.nl/esblat
(30) Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel: https://ecdc.europa.eu/sites/portal/files/media/en/publications/Publications/antimicrobial-resistance-zoonotic-bacteria-humans-animals-food-EU-summary-report-2014.pdf
(31) http://www.thelancet.com/pdfs/journals/lanplh/PIIS2542-5196(17)30141-9.pdf
(32) Mevius, D. et al., "ESBL-Attribution-Analysis (ESBLAT). Searching for the sources of antimicrobial resistance in humans" (ESBL-Attribution-Analysis (ESBLAT). Tfittxija għas-sorsi tar-reżistenza għall-antimikrobiċi fil-bnedmin), 2018. Disponibbli f'dan l-indirizz: http://www.1health4food.nl/esblat
(33) http://www.imi.europa.eu/content/nd4bb
(34) http://www.jpiamr.eu
(35) Pamer, E. G., "Resurrecting the intestinal microbiota to combat antibiotic-resistant pathogens", Science, Vol. 352(6285), 2016, pp. 535-538.
(36) http://www.wipo.int/publications/en/details.jsp?id=4197
(37) Ir-Regolament (UE) Nru 536/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar il-provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, u li jħassar id-Direttiva 2001/20/KE (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 1).
(38) Ir-Regolament (KE) Nru 141/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1999 dwar il-prodotti mediċinali orfni (ĠU L 18, 22.1.2000, p. 1).
(39) http://www.who.int/mediacentre/news/releases/2017/bacteria-antibiotics-needed/en/
(40) https://amr-review.org/sites/default/files/160518_Final%20paper_with%20cover.pdf
(41) http://www.who.int/foodsafety/areas_work/antimicrobial-resistance/cia_guidelines/en/

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Settembru 2019Avviż legali