Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2128(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0268/2018

Testi mressqa :

A8-0268/2018

Dibattiti :

PV 13/09/2018 - 4
CRE 13/09/2018 - 4

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0356

Testi adottati
PDF 177kWORD 58k
Il-Ħamis, 13 ta' Settembru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
L-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti
P8_TA(2018)0356A8-0268/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti (KE) Nru 1107/2009 (2017/2128(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2017 dwar pestiċidi b'riskju baxx ta' oriġini bijoloġika(5),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tat-18 ta' Frar 2016 fil-Każ 12/2013/MDC dwar il-prattiki tal-Kummissjoni rigward l-awtorizzazzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (pestiċidi)(6),

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni ta' Implimentazzjoni Ewropea rigward ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-Annessi rilevanti tiegħu ppubblikati mis-Servizzi ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (DĠ EPRS)(7) f'April 2018,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta' Novembru 2016 fil-Kawżi C-673/13 P (il-Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe) u C-442/14 Bayer CropScience vs il-Bord għall-awtorizzazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-bijoċidi),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' April 2018 dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari li jemenda r-Regolament (KE) Nru 178/2002 [dwar il-liġi ġenerali dwar l-ikel], id-Direttiva 2001/18/KE [dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' OĠM], ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 [dwar ikel u għalf ĠM], ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 [dwar l-addittivi fl-għalf], ir-Regolament (KE) Nru 2065/2003 [dwar it-taħwir bl-affumikazzjoni], ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 [dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel], ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 [dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel], ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 [dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti] u r-Regolament (UE) Nru 2015/2283 [dwar ikel ġdid](8),

–  wara li kkunsidra l-mandat u x-xogħol tal-Kumitat Speċjali tal-Parlament Ewropew dwar il-proċeduri tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi (PEST),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 għad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0268/2018),

A.  billi l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament") uriet li l-għanijiet ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent ma kinux qed jintlaħqu bis-sħiħ u li jista' jsir titjib sabiex jinkisbu l-għanijiet kollha tar-Regolament;

B.  billi l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Regolament għandha titqies flimkien mal-politika globali tal-UE dwar il-pestiċidi, inklużi r-regoli stabbiliti mid-Direttiva 2009/128/KE [id-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli], ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 [ir-Regolament dwar il-Bijoċidi], ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 [ir-Regolament dwar il-Livell Massimu ta' Residwi], u r-Regolament (KE) Nru 178/2002 [il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel];

C.  billi l-implimentazzjoni tar-Regolament mhix qed tkun sodisfaċenti u jenħtieġ li tkun konformi mal-politiki relatati tal-UE, inkluż fil-qasam tal-pestiċidi;

D.  billi l-evidenza disponibbli turi li l-implimentazzjoni prattika tat-tliet strumenti ewlenin tar-Regolament – l-approvazzjonijiet, l-awtorizzazzjonijiet u l-infurzar tad-deċiżjonijiet regolatorji – tħalli lok għal titjib u ma tiżgurax it-twettiq sħiħ tal-objettivi tar-Regolament;

E.  billi ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ma ġew applikati bl-ebda mod mill-Kummissjoni, b'mod partikolari l-Artikolu 25 dwar l-approvazzjoni ta' aġenti protettivi u sinerġisti u l-Artikolu 27 dwar lista negattiva ta' koformulanti mhux aċċettabbli;

F.  billi dispożizzjonijiet ewlenin oħra, bħall-applikazzjoni tal-kriterji limitu għal sustanzi attivi li jkunu interferenti endokrinali, ġew ittardjati b'mod sinifikanti minħabba mġiba illegali mill-Kummissjoni;

G.  billi l-persuni kkonċernati qajmu tħassib dwar l-approċċ tal-evalwazzjoni, kif stabbilit mil-liġi, b'mod partikolari fir-rigward ta' min jenħtieġ li jipproduċi l-istudji xjentifiċi u l-evidenza għall-evalwazzjonijiet tas-sustanza attiva u l-użu tal-approċċ ibbażat fuq il-periklu matul dawk l-evalwazzjonijiet;

H.  billi l-oneru tal-provi jenħtieġ li jibqa' fuq l-applikant, sabiex jiġi żgurat li ma jintefqux flejjes pubbliċi fuq studji li eventwalment jistgħu jibbenefikaw l-interessi privati; billi, fl-istess waqt, trid tiġi żgurata trasparenza f'kull pass tal-proċedura tal-awtorizzazzjoni, f'konformità sħiħa mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali filwaqt li jrid jiġi żgurat ukoll li madwar l-Unjoni jiġu applikati b'mod konsistenti prinċipji tal-laboratorju tajbin;

I.  billi hemm tħassib assoċjat mal-implimentazzjoni prattika tal-approċċ tal-evalwazzjoni stabbilit; billi, b'mod partikolari, hemm tħassib ewlieni assoċjat mal-armonizzazzjoni mhux kompleta tar-rekwiżiti tad-data u l-metodoloġiji użati li jistgħu jfixklu l-proċess tal-evalwazzjoni;

J.  billi l-prestazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali nstabet li hija fattur ewlieni li jinfluwenza l-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi; billi hemm differenzi sostanzjali fost l-Istati Membri fir-rigward tal-għarfien espert u l-persunal disponibbli; billi r-Regolament u rekwiżiti legali ta' appoġġ rilevanti mhumiex qed jiġu implimentati b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha, u dan in-nuqqas qed ikollu implikazzjonijiet rilevanti għas-saħħa u l-ambjent;

K.  billi t-trasparenza fl-istadji kollha tal-proċedura ta' approvazzjoni jenħtieġ li tittejjeb, u żieda fit-trasparenza jaf tgħin iżżid il-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema li tirregola l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti; billi t-trasparenza tal-attivitajiet relatati mal-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti ukoll mhijiex sodisfaċenti f'bosta każijiet; billi l-Kummissjoni pproponiet bidliet għal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel, bil-għan li tindirizza t-tħassib relatat mad-data u mal-evidenza mogħtija matul il-proċess tal-evalwazzjoni u żżid it-trasparenza;

L.  billi l-awtorizzazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li sseħħ esklussivament fil-livell nazzjonali, ħafna drabi tiffaċċja dewmien fid-deċiżjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju; billi dan, f'xi każijiet, iwassal għal żieda fl-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri taħt deroga, li jagħmlu użu mill-Artikolu 53 tar-Regolament; billi hemm każijiet fejn dawn id-derogi jintużaw kontra l-intenzjoni inizjali tal-leġiżlatur;

M.  billi r-Regolament jintroduċi d-dispożizzjoni li l-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara (IPM) kellha ssir parti mir-rekwiżiti statutorji ta' ġestjoni skont ir-regoli ta' kundizzjonalità tal-Politika Agrikola Komuni; billi din għad trid isseħħ;

N.  billi l-evidenza disponibbli turi li din il-parti ta' regolamentazzjoni fil-livell tal-UE ssaħħaħ u żżid il-valur għall-isforzi u l-azzjonijiet nazzjonali;

O.  billi, ħafna drabi, il-kunsiderazzjonijiet serji ta' alternattivi joħorġu biss wara bidla fir-rekwiżiti legali; billi, pereżempju, fil-każ tal-projbizzjoni estiża fuq neonikotinojdi, l-aktar valutazzjoni riċenti (tat-30 ta' Mejju 2018)(9) tissuġġerixxi li jeżistu alternattivi mhux kimiċi faċilment disponibbli għal 78 % tal-użi tan-neonikotinojdi;

P.  billi, mill-31 ta' Mejju 2016 'l hawn ma tressqet l-ebda sustanza attiva ġdida għall-approvazzjoni; billi l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' prodotti ġodda, b'mod partikolari prodotti b'riskju baxx, huma importanti;

Q.  billi d-disponibbiltà ta' pestiċidi falsifikati fis-suq hija kwistjoni ta' tħassib reali; billi l-pestiċidi falsifikati jistgħu jagħmlu ħsara kemm lill-ambjent kif ukoll lill-effikaċja tar-Regolament;

Konklużjonijiet prinċipali

1.  Iqis li l-UE hija l-livell xieraq li fih jenħtieġ li tkompli sseħħ azzjoni regolatorja fil-qasam tal-pestiċidi;

2.  Jinnota li l-miżuri ambjentali mmirati biex jipprevjenu, jillimitaw u jrażżnu l-firxa ta' patoġeni u organiżmi ta' ħsara jridu jibqgħu jkunu l-fokus tal-azzjonijiet attwali u ulterjuri kollha;

3.  Iqis li l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-Regolament jirrappreżentaw pass sinifikanti 'l quddiem fir-rigward tat-trattament tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-UE meta mqabbel mal-passat;

4.  Jenfasizza li jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lir-rwol tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) fl-iżvilupp ta' prodotti ġodda, peress li l-SMEs spiss huma nieqsa mir-riżorsi sostanzjali li huma meħtieġa fil-proċess ta' żvilupp u approvazzjoni ta' sustanzi ġodda;

5.  Jinsab imħasseb mill-fatt li r-Regolament ma ġiex implimentat b'mod effikaċi u li bħala riżultat l-objettivi tiegħu, fir-rigward tal-produzzjoni agrikola u l-innovazzjoni, mhumiex qed jinkisbu fil-prattika; jenfasizza l-fatt li, parzjalment minħabba l-livell baxx ta' innovazzjoni, l-għadd ta' sustanzi attivi fil-pestiċidi qed jonqos;

6.  Ifakkar li hemm ħtieġa sostanzjali għal approċċ integrattiv u li r-Regolament (KE) Nru 1185/2009 dwar l-istatistika li tikkonċerna l-pestiċidi(10) jrid jagħmel parti mill-valutazzjoni u r-riżultati tagħha jintużaw biex jitnaqqsu l-kwantitajiet, u b'hekk jitnaqqsu r-riskji u l-impatt negattiv tagħhom fuq is-saħħa u l-ambjent;

7.  Jinnota li l-objettivi u l-istrumenti tar-Regolament u l-implimentazzjoni tiegħu mhumiex dejjem konformi biżżejjed mal-politiki tal-UE fl-oqsma tal-agrikoltura, is-saħħa, il-benessri tal-annimali, is-sigurtà tal-ikel, il-kwalità tal-ilma, it-tibdil fil-klima, l-użu sostenibbli tal-pestiċidi u l-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fl-ikel u l-għalf;

8.  Jinsab imħasseb li l-implimentazzjoni tar-Regolament, b'rabta mal-użu tal-annimali fl-ittestjar għall-identifikazzjoni tal-periklu u l-valutazzjoni tar-riskju, mhijiex konformi mal-prinċipji tas-sostituzzjoni, it-tnaqqis u r-raffinament tad-Direttiva 2010/63/UE dwar l-esperimenti fuq l-annimali, u li l-bijoassaġġ ta' sentejn fuq il-karċinoġeniċità jista' jwassal għal riżultati kontroversjali(11);

9.  Ifakkar li l-prinċipju ta' prekawzjoni huwa prinċipju ġenerali tal-UE fl-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u li dan il-prinċipju jara li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-ambjent permezz ta' deċiżjonijiet preventivi;

10.  Isib li mhuwiex aċċettabbli li r-rekwiżiti ta' approvazzjoni għal aġenti protettivi u sinerġisti għadhom ma ġewx applikati, bil-kuntrarju tal-Artikolu 25 tar-Regolament;

11.  Isib li mhuwiex aċċettabbli li l-lista negattiva ta' koformulanti għadha ma ġietx adottata, speċjalment wara l-projbizzjoni tal-POE-tallowamines flimkien mal-glifosat, li enfasizzat l-effetti negattivi li jista' jkollhom ċerti koformulanti;

12.  Jieħu nota tal-Evalwazzjoni REFIT tal-Kummissjoni li tinsab għaddejja tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u tat-tlestija ppjanata tagħha sa Novembru 2018; jemmen li dawn is-sejbiet se jkunu bażi adegwata biex il-koleġiżlaturi jiddiskutu l-iżvilupp futur tar-Regolament;

13.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda kostanti u kontinwa tal-użu u l-każijiet identifikati ta' użu ħażin ta' awtorizzazzjonijiet ta' emerġenza mogħtija skont l-Artikolu 53 f'xi Stati Membri; jinnota li xi Stati Membri jużaw l-Artikolu 53 ħafna aktar minn oħrajn; jinnota l-assistenza teknika mogħtija mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament, meta teżamina l-użu tal-awtorizzazzjonijiet ta' emerġenza; jinnota r-riżultati tal-investigazzjoni min-naħa tal-EFSA tal-awtorizzazzjonijiet ta' emerġenza fl-2017 ta' tliet neonikotinojdi, li wrew li filwaqt li xi awtorizzazzjonijiet ta' emerġenza kienu meħtieġa u fil-parametri stabbiliti fil-leġiżlazzjoni, oħrajn ma kinux ġustifikati; iqis li huwa essenzjali li l-Istati Membri jipprovdu d-data meħtieġa biex l-EFSA tkun tista' twettaq il-mandat tagħha b'mod effikaċi;

14.  Jisħaq fuq l-importanza li t-tfassil tal-politika jkun infurmat bi xjenza regolatorja, li tipproduċi evidenza verifikabbli u ripetibbli permezz ta' prinċipji xjentifiċi miftiehma internazzjonalment f'dak li jikkonċerna aspetti bħal-linji gwida, prattiki tajbin tal-laboratorju u riċerka rieżaminata bejn il-pari;

15.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-armonizzazzjoni mhux kompluta tad-data u r-rekwiżiti tal-ittestjar f'ċerti oqsma xjentifiċi twassal għal metodi ta' ħidma ineffiċjenti, nuqqas ta' fiduċja fost l-awtoritajiet nazzjonali, u dewmien fil-proċess ta' awtorizzazzjoni, li jaf jirriżulta f'effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, fuq l-ambjent u fuq il-produzzjoni agrikola;

16.  Jiddispjaċih għad-disponibbiltà pubblika limitata ta' informazzjoni dwar il-proċedura ta' evalwazzjoni u ta' awtorizzazzjoni, kif ukoll l-aċċess limitat għal informazzjoni; jiddispjaċih li l-livell ta' trasparenza tal-Istati Membri rapporteur huwa baxx (huwa u jaġixxi fil-qafas tal-proċedura ta' approvazzjoni), jissuġġerixxi li l-aċċessibbiltà u l-faċilità ta' użu għall-utent tal-informazzjoni fl-EFSA jistgħu jitjiebu, u li t-trasparenza fl-istadju tal-ġestjoni tar-riskju tidher li hija nieqsa u hija kkunsidrata wkoll bħala problematika mill-partijiet ikkonċernati; jilqa' l-isforzi li jsiru mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) biex jiżdiedu t-trasparenza u l-faċilità ta' użu għall-utent permezz tas-sit web tagħha u jikkunsidra li dan il-mudell jista' jintuża fil-futur biex tiġi mtejba t-trasparenza;

17.  Jenfasizza li l-kredibbiltà tas-sistema ta' awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti tiddependi ħafna fuq il-fiduċja tal-pubbliku fl-aġenziji Ewropej, li jipprovdu l-opinjonijiet xjentifiċi li jiffurmaw il-bażi għall-approvazzjoni u għall-ġestjoni tar-riskju; jissottolinja li huwa importanti li jkun hemm trasparenza fil-proċess ta' valutazzjoni xjentifika biex ma tintilifx il-fiduċja tal-pubbliku; jitlob, għaldaqstant, li l-aġenziji rilevanti jiġu ffinanzjati b'mod adegwat u jkollhom il-persunal meħtieġ biex jiżguraw proċess ta' awtorizzazzjoni indipendenti, trasparenti u f'waqtu;; jilqa' wkoll l-isforzi kontinwi tal-EFSA biex ittejjeb is-sistema tagħha bil-għan li tiżgura l-indipendenza u l-ġestjoni ta' kunflitti ta' interess potenzjali, li ġiet imfaħħra mill-Qorti tal-Awdituri bħala l-aktar sistema avvanzata tal-aġenziji li ġew ivverifikati fl-2012, u li ġiet imfaħħra reċentement f'Ġunju 2017; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi titjib biex tkompli tissaħħaħ it-trasparenza tal-proċess regolatorju, inkluż dwar l-aċċess għad-data fl-istudji dwar is-sikurezza li ġew ippreżentati mill-produtturi bħala parti mill-applikazzjonijiet tagħhom għall-awtorizzazzjoni fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-UE; jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi rriveduta l-proċedura bil-għan li jittejbu l-evalwazzjonijiet, tiżdied l-indipendenza tal-awtoritajiet inkarigati biex iwettqu l-istudji, jiġu evitati kunflitti ta' interess u biex il-proċedura ssir aktar trasparenti;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi katalogu tal-użu fil-livell Ewropew, sabiex ittejjeb l-armonizzazzjoni tar-Regolament;

19.  Jinsab imħasseb li, f'xi każijiet, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti disponibbli fis-suq u l-applikazzjoni tagħhom mill-utenti mhux neċessarjament jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ta' awtorizzazzjoni rilevanti fir-rigward tal-kompożizzjoni u l-użu tagħhom; jenfasizza li meta jkun possibbli, jenħtieġ li l-użu mhux professjonali jkun limitat bil-għan li jitnaqqas l-użu ħażin;

20.  Jissottolinja l-importanza ta' taħriġ kontinwu għall-utenti professjonali biex jiġi żgurat l-użu adattat u xieraq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; jikkunsidra d-distinzjoni bejn l-utenti professjonali u dawk dilettanti bħala xierqa; jinnota li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jintużaw fil-kuntest tal-ġonna privati, il-linji ferrovjarji u l-ġonna pubbliċi;

21.  Jiddikjara li d-dritt tal-Istati Membri li jirrifjutaw il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati jibqa' mhux affettwat;

22.  Jenfasizza li r-Regolament jenħtieġ li jirrifletti aħjar il-ħtieġa li jiġu promossi prattiki agrikoli bbażati fuq ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara, fosthom billi jiġi stimulat l-iżvilupp ta' sustanzi b'riskju baxx; jenfasizza li n-nuqqas ta' disponibbiltà ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx ixekkel l-iżvilupp ta' ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara; jinnota bi tħassib li għaxar sustanzi biss huma approvati bħala prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx, minn total ta' kważi 500 disponibbli fis-suq tal-UE;

23.  Jenfasizza li l-awtorizzazzjoni u l-promozzjoni ta' pestiċidi b'riskju baxx u mingħajr sustanzi kimiċi hija miżura importanti sabiex tiġi appoġġata l-ġestjoni tal-organiżmi ta' ħsara b'użu baxx tal-pestiċidi; jirrikonoxxi l-ħtieġa għal aktar riċerka dwar dawn il-prodotti, peress li l-kompożizzjoni u l-funzjonament tagħhom huma radikalment differenti minn dawk ta' prodotti konvenzjonali; jissottolinja li dan jinkludi wkoll il-ħtieġa għal aktar għarfien espert fi ħdan l-EFSA u awtoritajiet kompetenti nazzjonali sabiex jiġu evalwati dawn is-sustanzi attivi bijoloġiċi; jisħaq fuq il-punt li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ta' oriġini bijoloġika jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-istess evalwazzjonijiet rigorużi bħas-sustanzi l-oħra; f'konformità mar-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2017 dwar pestiċidi b'riskju baxx ta' oriġini bijoloġika, jistieden lill-Kummissjoni tissottometti proposta leġiżlattiva speċifika li temenda r-Regolament (KE) Nru 1107/2009, barra r-reviżjoni ġenerali b'rabta mal-inizjattiva REFIT, bil-ħsieb li jiġi stabbilit proċess mgħaġġel ta' evalwazzjoni, awtorizzazzjoni u reġistrazzjoni għall-pestiċidi b'riskju baxx;

24.   Jemmen li r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jenħtieġ li jiġi emendat ukoll sabiex iqis is-sustanzi li mhumiex ikkunsidrati bħala prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li, meta jintużaw għall-protezzjoni tal-pjanti, dawn jiġu rregolati mir-Regolament; jinnota li dawn is-sustanzi joffru alternattivi interessanti f'termini ta' metodi ta' produzzjoni integrata u xi prodotti ta' bijokontroll;

25.  Jenfasizza li jenħtieġ li jingħataw attenzjoni speċjali u appoġġ lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għal użi minuri, għaliex bħalissa hemm inċentiv ekonomiku baxx biex il-kumpaniji jiżviluppaw tali prodotti; jilqa' l-istabbiliment tal-Faċilità għall-Koordinazzjoni tal-Użi Minuri bħala forum biex tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tal-kultivaturi u l-industrija biex jiżviluppaw soluzzjonijiet għal użi minuri;

26.  Jenfasizza li ħafna prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati ma ġewx evalwati skont standards tal-UE għal aktar minn 15-il sena, bħala konsegwenza ta' dewmien fil-proċeduri ta' awtorizzazzjoni;

27.  Jenfasizza l-importanza li jinħoloq qafas regolatorju favur l-innovazzjoni, li jippermetti s-sostituzzjoni ta' kimika aktar qadima bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ġodda u aħjar; jissottolinja l-importanza tad-disponibbiltà ta' firxa wiesgħa ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'modi differenti ta' azzjoni bil-għan li jiġi evitat l-iżvilupp ta' reżistenzi u tinżamm l-effikaċja tal-applikazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;

28.  Jinsab imħasseb li l-armonizzazzjoni ta' linji gwida għadha mhijiex konsolidata;

29.  Jenfasizza li linji gwida neqsin jew mhux kompleti huma nuqqasijiet serji li għandhom konsegwenzi negattivi għall-implimentazzjoni tar-Regolament u għaldaqstant għall-ksib tal-objettivi tiegħu;

30.  Jenfasizza li d-dokumenti ta' gwida disponibbli mhumiex legalment vinkolanti, li joħolqu inċertezza regolatorja għall-applikanti u jitfgħu dubju fuq ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet imwettqa fil-qafas tal-proċeduri ta' approvazzjoni;

31.  Jilqa' l-kunċett tas-sistema żonali u l-għan tagħha li tiffaċilita l-awtorizzazzjoni effiċjenti tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; jikkunsidra l-proċedura ta' rikonoxximent reċiproku bħala essenzjali biex il-piż tax-xogħol jinqasam u l-iskadenzi jiġu rispettati; jiddispjaċih dwar il-problemi ta' implimentazzjoni assoċjati mal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex jittejjeb il-funzjonament tas-sistema żonali; jissottolinja li l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti jenħtieġ li jkollha l-għan li tevita xogħol doppju u li tagħmel sustanzi ġodda disponibbli lill-bdiewa mingħajr dewmien żejjed;

32.  Jenfasizza l-ħtieġa biex jinqasam l-għarfien u jinkisbu ħiliet fir-rigward ta' alternattivi għal pestiċidi kimiċi u għall-IPM, inkluż is-sejbien tal-aħjar newba tal-għelejjel għas-sitwazzjonijiet klimatiċi u fis-suq tal-bdiewa; jinnota wkoll li dan diġà ġie previst fir-regolament orizzontali tal-PAK, b'mod partikolari wkoll fis-Servizzi ta' Konsulenza għall-Azjendi Agrikoli ffinanzjati taħt l-iżvilupp rurali;

33.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd żgħir ta' sustanzi ġodda li ġew approvati; jisħaq fuq l-importanza ta' sett ta' għodod xieraq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għall-bdiewa bil-għan li jassiguraw il-provvista tal-ikel tal-UE;

34.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li f'dibattiti riċenti, is-sistema ta' evalwazzjoni bbażata fuq ix-xjenza attwali tal-UE għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti qed tiġi dejjem aktar ikkontestata; jenfasizza l-importanza li tinżamm u tkompli tissaħħaħ sistema li tkun xjentifikament robusta, oġġettiva, u bbażata fuq evidenza evalwata bejn il-pari, miksuba minn approċċ xjentifiku miftuħ, indipendenti u multidixxiplinari biex tiġi awtorizzata kwalunkwe sustanza attiva, f'konformità mal-prinċipji ta' analiżi ta' riskju tal-UE u l-prinċipju ta' prekawzjoni kif stabbiliti fil-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel; jinsisti li l-proċedura għall-approvazzjoni mill-ġdid tas-sustanzi attivi trid tqis l-użu prattiku tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, kif ukoll il-progress xjentifiku u teknoloġiku f'dan il-qasam; jinnota li l-kumplessitajiet fis-sistema ta' evalwazzjoni u awtorizzazzjoni attwali jwasslu biex jinqabżu l-iskadenzi u dan jista' jfisser li s-sistema sħiħa ma tistax taħdem kif suppost; jisħaq, għaldaqstant, fuq il-ħtieġa li s-sistema tiġi rriveduta u ssimplifikata;

35.  Jenfasizza l-iżbilanċ fl-għadd ta' applikazzjonijiet bejn xi Stati Membri tal-istess żona li huma ta' daqs simili u li għandhom kundizzjonijiet agrikoli simili;

36.  Iqis li l-prodotti importati minn barra l-UE, li ġew ikkultivati permezz ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom ikunu soġġetti għall-istess kriterji stretti bħal dawk li jiġu prodotti fl-UE; jinsab imħasseb li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti mhux irreġistrati fl-UE jistgħu jintużaw fil-produzzjoni ta' prodotti importati;

Rakkomandazzjonijiet

37.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni effikaċi tar-Regolament fir-rigward tar-rwoli speċifiċi tagħhom fil-proċeduri ta' approvazzjoni u awtorizzazzjoni;

38.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu n-nuqqas ta' persunal serju u kroniku tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jwassal għal dewmien fl-istadju tal-identifikazzjoni tal-periklu u fil-valutazzjoni tar-riskju inizjali li jsiru mill-Istati Membri;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-estensjoni proċedurali tal-perjodu ta' approvazzjoni għat-tul tal-proċedura, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament, mhijiex ser tintuża għal sustanzi attivi li huma mutaġeniċi, karċinoġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni, u li għaldaqstant jaqgħu taħt il-kategorija 1A jew 1B, jew sustanzi attivi li għandhom karatteristiċi li jfixklu s-sistema endokrinali u jagħmlu ħsara lill-bniedem u lill-annimali, kif attwalment hu l-każ tas-sustanzi bħall-flumjoksażina, it-tijakloprid, il-klorotoluron u d-dimossistrobin(12)

40.  L-użu ta' sustanzi attivi li huma mutaġeniċi, karċinoġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni, u li għaldaqstant jaqgħu taħt il-kategorija 1A jew 1B, jew sustanzi attivi li għandhom karatteristiċi li jfixklu s-sistema endokrinali u jagħmlu ħsara lill-bniedem u lill-annimali, li diġà ngħataw estensjoni proċedurali waħda jew aktar tal-perjodu ta' approvazzjoni, skont l-Artikolu 17, irid jiġi pprojbit minnufih;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu li l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent huma għanijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni, filwaqt li jtejbu l-produzzjoni agrikola u jissalvagwardjaw il-kompetittività tas-settur agrikolu;

42.  Jistieden lill-industrija tipprovdi d-data u l-istudji xjentifiċi kollha f'format elettroniku uniformi u li jinqara mill-magni lill-Istati Membri Rapporteur u lill-aġenziji tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mudell armonizzat għall-inputs tad-data kif ukoll biex jiġi ffaċilitat skambju tad-data aktar faċli bejn l-Istati Membri fl-istadji kollha tal-proċess; jirrikonoxxi li din id-data trid tiġi mmaniġġjata fi ħdan il-parametri tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data u l-proprjetà intellettwali tal-UE;

43.  Jistieden lill-Istati Membri japplikaw b'mod strett l-Artikolu 9 tar-Regolament dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet u jaċċettaw biss applikazzjonijiet kompleti għall-valutazzjoni tas-sustanza attiva;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw applikazzjoni sħiħa u uniformi tal-kriterji limitu ta' periklu, wara gwida armonizzata eżistenti, u biex jiżguraw li s-sustanzi jiġu vvalutati għar-riskju tagħhom biss jekk ikun hemm evidenza li ma jippreżentawx proprjetajiet (limitu) perikolużi, kif meħtieġ mir-Regolament;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni biex finalment timplimenta d-dispożizzjonijiet dwar il-koformulanti, l-aġenti protettivi u s-sinerġisti, tistabbilixxi lista ta' koformulanti li mhumiex aċċettabbli u regoli sabiex l-aġenti protettivi u s-sinerġisti jiġu ttestjati fil-livell tal-UE, u tiżgura li dawk is-sustanzi kimiċi biss li jikkonformaw mal-kriterji ta' approvazzjoni tal-UE jkunu jistgħu jiġu kummerċjalizzati;

46.  Jilqa' l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni, kif espress fl-evalwazzjoni REFIT tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel(13), b'mod partikolari li dan mhuwiex alternattiva għal approċċ ta' ġestjoni tar-riskju, iżda minflok forma partikolari ta' ġestjoni tar-riskju; ifakkar li din l-opinjoni hija appoġġata wkoll minn deċiżjonijiet tal-qrati tal-UE(14);

47.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex meta jaġixxu bħala amministraturi tar-riskju fil-proċeduri ta' approvazzjoni u ta' awtorizzazzjoni, japplikaw kif xieraq il-prinċipju ta' prekawzjoni u biex jagħtu attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli kif definit fl-Artikolu 3(14) tar-Regolament;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-aġenziji u lill-awtoritajiet kompetenti jirrevedu u jtejbu l-komunikazzjoni tagħhom dwar il-proċeduri ta' valutazzjoni tar-riskju u d-deċiżjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju sabiex titjieb il-fiduċja pubblika fis-sistema tal-awtorizzazzjoni;

49.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw aħjar il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni fil-livell nazzjonali, sabiex jiġu limitati d-derogi u l-estensjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 53 tar-Regolament f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza reali; jistieden lill-Kummissjoni tuża bis-sħiħ id-drittijiet ta' kontroll tagħha skont l-Artikolu 53(2) u (3); ikompli jistieden lill-Istati Membri biex jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligu li jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni stabbilit fl-Artikolu 53(1), b'mod partikolari fir-rigward ta' kwalunkwe miżura li tittieħed sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-utenti, il-gruppi vulnerabbli u l-konsumaturi;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza metodi biex tiddetermina meta jenħtieġ li jiġu applikati ċerti derogi, b'mod partikolari fir-rigward ta' "esponiment negliġibbli" jew "ħsara serja għas-saħħa tal-pjanti", mingħajr ma tinbidel l-ittra jew l-ispirtu tal-liġi; iwissi lill-Kummissjoni li kwalunkwe interpretazzjoni mill-ġdid tat-terminu "esponiment negliġibbli" bħala "riskju negliġibbli" tmur kontra l-ittra u l-ispirtu tal-liġi;

51.  Jitlob aktar investiment min-naħa tal-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jinċentivaw inizjattivi ta' riċerka dwar sustanzi attivi, inklużi sustanzi bijoloġiċi ta' riskju baxx, u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027; jissottolinja l-importanza ta' qafas regolatorju dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fil-livell tal-UE, li jipproteġi l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, u jistimula wkoll ir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jiġu żviluppati prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti effikaċi u siguri filwaqt li jiġu żgurati prattika agrikola sostenibbli u ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara; jenfasizza li hija meħtieġa varjetà wiesgħa ta' għodod siguri u effikaċi biex tiġi protetta s-saħħa tal-pjanti; jenfasizza l-potenzjal li t-tekniki ta' biedja ta' preċiżjoni u l-innovazzjoni teknoloġika jista' jkollhom biex jgħinu lill-bdiewa Ewropej itejbu kemm jistgħu l-kontroll tal-organiżmi ta' ħsara b'mod aktar immirat u sostenibbli;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tillimita b'mod strett l-użu tal-proċedura ta' data konfermatorja għall-iskop tagħha kif stabbilit fl-Artikolu 6(f) tar-Regolament, jiġifieri fejn jiġu stabbiliti rekwiżiti ġodda matul il-proċess tal-evalwazzjoni jew bħala riżultat ta' għarfien xjentifiku u tekniku ġdid; jisħaq fuq il-punt li d-dossiers kompluti huma importanti għall-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi; jiddispjaċih li l-proċedura ta' deroga permezz ta' data konfermatorja wasslet biex ċerti prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li kieku kienu jiġu pprojbit baqgħu fis-suq għal perjodu ta' żmien estiż;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu t-trasparenza globali tal-proċeduri, fosthom billi jipprovdu minuti dettaljati dwar id-diskussjonijiet tal-komitoloġija u l-pożizzjonijiet rispettivi, b'mod partikolari billi jispjegaw u jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf (Kumitat PAFF);

54.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw koerenza aħjar tar-Regolament u l-implimentazzjoni tiegħu ma' leġiżlazzjoni u politiki relatati tal-UE, b'mod partikolari mad-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi, u jipprovdu inċentivi, inkluż li jagħmlu biżżejjed riżorsi disponibbli, li fuq perjodu ta' żmien qasir jippromwovu u jistimulaw l-iżvilupp u l-użu ta' alternattivi siguri u mhux tossiċi għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; jinnota li l-qafas regolatorju ma kienx kapaċi jqis l-impatti inevitabbli fuq l-ispeċijiet mhux fil-mira, primarjament fuq iż-żunżan u pollinaturi oħra u insetti oħra ta' benefiċċju għall-biedja, bħallikieku kienu predaturi ta' organiżmi ta' ħsara; jinnota l-istudju xjentifiku riċenti li jenfasizza l-"insett Armageddon", li minħabba fih 75 % tal-insetti bil-ġwienaħ saru estinti fil-Ġermanja kollha, anki fir-riżervi naturali fejn ma ntuża l-ebda pestiċida għall-agrikoltura; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw koerenza tal-PAK mal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, b'mod partikolari billi jirrispettaw l-obbligi skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u d-Direttiva 2009/128/KE dwar il-lista ta' rekwiżiti statutorji ta' ġestjoni (SMR 12 u SMR 13), kif propost mill-Kummissjoni fil-proposta għal Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK(15);

55.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw infurzar effikaċi tar-Regolament, b'mod speċjali fir-rigward tal-kontrolli tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kummerċjalizzati fl-UE, irrispettivament minn jekk ġewx prodotti fl-UE jew importati minn pajjiżi terzi;

o
o   o

56.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(2) ĠU L 70, 16.03.2005, p. 1.
(3) ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.
(4) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.
(5) Testi adottati, P8_TA(2017)0042.
(6)https://www.ombudsman.europa.eu/en/decision/en/64069
(7) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2018/615668/EPRS_STU(2018)615668_EN.pdf
(8) COM(2018)0179.
(9) ANSES - Agence nationale de sécurité sanitaire de l'alimentation, de l'environnement et du travail (Franza) - Konklużjonijiet, 2018.
(10) ĠU L 324, 10.12.2009, p. 1.
(11) Sors: Abbażi tal-informazzjoni u l-konklużjonijiet tal-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea, Studju ta' EPRS April 2018, p. 36 & II-33.
(12) Sors: https://www.foodwatch.org/fileadmin/foodwatch.nl/Onze_campagnes/Schadelijke_stoffen/Documents/Rapport_foodwatch_Ten_minste_onhoudbaar_tot.pdf
(13) SWD(2018)0038.
(14) Pereżempju, is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta' Settembru 2011, Franza vs il-Kummissjoni, T-257/07, ECLI:EU:T:2011:444.
(15) Proposta għal Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK - COM(2018)0392.

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Settembru 2019Avviż legali