Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2008(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0267/2018

Testi mressqa :

A8-0267/2018

Dibattiti :

PV 13/09/2018 - 5
CRE 13/09/2018 - 5

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.15
CRE 13/09/2018 - 10.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0357

Testi adottati
PDF 183kWORD 65k
Il-Ħamis, 13 ta' Settembru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-kwalità dupliċi tal-prodotti fis-Suq Uniku
P8_TA(2018)0357A8-0267/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2018 dwar il-kwalità dupliċi tal-prodotti fis-suq uniku (2018/2008(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004(3),

–  wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2017 bit-titolu "L-applikazzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-ikel minħabba kwistjonijiet ta' differenzi fil-kwalità tal-istess prodotti – Il-każ speċifiku tal-ikel",

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2016 dwar gwida għall-implimentazzjoni/applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali (SWD(2016)0163),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2016 dwar approċċ komprensiv għall-istimolu ta' kummerċ elettroniku transfruntier għaċ-ċittadini u n-negozji tal-Ewropa (COM(2016)0320),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 bit-titolu "Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018: Aġenda għal Ewropa aktar magħquda, aktar b'saħħitha u aktar demokratika" (COM(2017)0650),

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-President Jean-Claude Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni tat-13 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta' Marzu 2017, u b'mod partikolari l-paragrafu 3 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tat-3 524 laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd tas-6 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-minuti tal-2 203 laqgħa tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-briefing maħruġ mid-Dipartiment Tematiku A tiegħu f'Jannar 2012 dwar prattiki tal-imballaġġ qarrieqa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar aġenda ġdida għall-Politika Ewropea tal-Konsumatur(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2012 dwar strateġija għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi vulnerabbli(5), b'mod partikolari l-paragrafu 6 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiki Kummerċjali Żleali(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE(8), b'mod partikolari l-paragrafu 14 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rapport annwali dwar il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE(9), b'mod partikolari l-paragrafu 178 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-interpellanza maġġuri tiegħu tal-15 ta' Marzu 2017 dwar id-differenzi fid-dikjarazzjonijiet, il-kompożizzjoni u t-togħma tal-prodotti fis-swieq Ċentrali/tal-Lvant u tal-Punent tal-UE(10),

–  wara li kkunsidra l-briefing tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ta' Ġunju 2017 bit-titolu "Dual quality of branded food products: Addressing a possible east-west divide" (Il-kwalità dupliċi ta' prodotti tal-ikel tad-ditta: nindirizzaw il-possibbiltà ta' distakk bejn il-Lvant u l-Punent),

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ dwar l-ikel u l-konsumaturi Ċeki mwettaq mill-Awtorità Ċeka tal-Ispezzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura fi Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-istudju speċjali dwar il-kwistjoni tal-kwalità dupliċi u l-kompożizzjoni tal-prodotti kkummerċjalizzati fis-suq uniku tal-Unjoni Ewropea mill-perspettiva tal-liġi tal-ħarsien tal-konsumatur (b'mod partikolari l-prattiki kummerċjali żleali), id-dritt tal-kompetizzjoni (speċjalment il-kompetizzjoni inġusta) u d-drittijiet tal-proprjetà industrijali, maħruġ mill-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta' Palacký, Olomuc, fl-2017,

–  wara li kkunsidra d-diversi stħarriġiet, studji u testijiet imwettqa f'dawn l-aħħar snin mill-awtoritajiet tal-ispezzjoni tal-ikel f'ħafna Stati Membri fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Nielsen ta' Novembru 2014 dwar l-istat tat-tikketta privata madwar id-dinja,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' April 2018 dwar Patt Ġdid għall-Konsumaturi (COM(2018)0183),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' April 2018 dwar infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (COM(2018)0185),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali,

–  wara li kkunsidra l-ittra konġunta tar-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Slovakka tat-23 ta' Marzu 2018 lill-Kummissjoni dwar il-kwistjoni tal-kwalità dupliċi tal-prodotti fil-kuntest tal-Patt Ġdid għall-Konsumaturi,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-istudji komparattivi mwettqa mill-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur f'diversi Stati Membri tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi aġġornata d-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali (UCPD) sabiex ikun espliċitu li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jivvalutaw u jindirizzaw prattiċi kummerċjali żleali li jinvolvu l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti bħala identiċi f'diversi pajjiżi tal-UE, meta l-kompożizzjoni jew il-karatteristiċi tagħhom ikunu differenti b'mod sinifikanti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0267/2018),

A.  billi meta jippromwovu, ibigħu jew ifornu prodotti, il-kumpaniji għandhom jipprovdu lill-konsumaturi informazzjoni preċiża u faċli biex tinftiehem dwar il-kompożizzjoni eżatta tal-prodott, inkluż fir-rigward ta' prodotti u riċetti lokali, sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni ta' akkwist infurmata;

B.  billi prinċipju ewlieni għad-ditti għandu jkun li l-konsumaturi jkollhom fiduċja fil-kompożizzjoni, il-valur u l-kwalità ta' prodott; billi huwa d-dmir tal-manifatturi, għalhekk, li jassiguraw li dawn l-aspettattivi jintlaħqu;

C.  billi l-konsumaturi mhumiex konxji li prodotti tal-istess marka u bl-istess imballaġġ jiġu aġġustati għall-preferenzi u l-gosti lokali, u billi d-differenza fil-kwalità tal-prodotti tqajjem tħassib dwar il-fatt li xi Stati Membri jiġu trattati b'mod differenti minn oħrajn; billi l-Unjoni Ewropea diġà żviluppat tikketti bil-għan li tissodisfa l-aspettattivi speċifiċi tal-konsumaturi u biex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-produzzjoni rikonoxxuti bl-użu ta' indikazzjonijiet tal-kwalità;

D.  billi d-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali (UCPD) hija l-għodda leġiżlattiva ewlenija tal-Unjoni sabiex din tiżgura li l-konsumaturi ma jiġux esposti għal reklamar qarrieqi u prattiki żleali oħra fi tranżazzjonijiet min-negozju għall-konsumatur, inkluża l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti li jkollhom marka identika b'tali mod li tista' twassal biex tqarraq bil-konsumaturi;

E.  billi fid-Direttiva UCPD il-prattiki kummerċjali żleali jistgħu jiġu fformulati b'tali mod li jkunu pprojbiti f'kull ċirkustanza jew f'ċerti ċirkustanzi biss; billi skont il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, l-inklużjoni ta' prattika fil-lista tal-Anness I għall-UCPD, fejn xieraq, iwassal għal ċertezza legali akbar u b'hekk għal kompetizzjoni aktar ġusta fost il-produtturi fis-suq;

F.  billi l-konsumaturi jagħmlu assoċjazzjoni bejn il-marka, il-prodott u l-kwalità u għalhekk jistennew li prodotti tal-istess marka u/jew li huma identiċi fl-apparenza jkunu bl-istess mod identiċi wkoll fil-kwalità, kemm jekk jinbiegħu f'pajjiżhom stess kif ukoll jekk jinbiegħu fi Stat Membru ieħor;

G.  billi l-konsumaturi jagħmlu wkoll assoċjazzjoni bejn il-marka u t-tikketta jew l-imballaġġ ta' prodott agrikolu jew alimentari u l-kwalità, u minħabba f'hekk jistennew li prodotti tal-istess marka li jkunu kkummerċjalizzati bl-istess tikketta jew li jkunu identiċi fl-apparenza għandhom ikunu bl-istess mod identiċi kemm fil-kwalità kif ukoll fil-kompożizzjoni, kemm jekk jinbiegħu f'pajjiżhom stess kif ukoll jekk jinbiegħu fi Stat Membru ieħor; billi l-bdiewa kollha fl-Unjoni Ewropea jipproduċu prodotti bl-istess standards għoljin, u l-konsumaturi jistennew li din l-uniformità ta' kwalità tiġi estiża għal prodotti oħra fil-katina tal-ikel, irrispettivament mill-ġurisdizzjoni li jgħixu fiha;

H.  billi ċ-ċittadini kollha tal-UE jistħoqqilhom trattament ugwali fir-rigward tal-prodotti tal-ikel u dawk mhux tal-ikel mibjugħa fis-suq uniku;

I.  billi l-prattiki żleali f'dan ir-rigward iridu jiġu eliminati bil-għan li l-konsumaturi ma jiġux imqarrqa, u billi sinerġija b'saħħitha fil-livell tal-UE biss tista' ssolvi din il-kwistjoni transfruntiera;

J.  billi sabiex prattika kummerċjali titqies żleali skont il-UCPD, l-Istati Membri jridu jwettqu valutazzjoni każ b'każ, ħlief fil-każ tal-prattiki elenkati fl-Anness I;

K.  billi l-President Juncker, fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni 2017, saħaq li mhuwiex aċċettabbli li f'xi partijiet tal-Ewropa qed jinbiegħ lin-nies ikel ta' kwalità aktar baxxa minn dik f'pajjiżi oħra, minkejja li l-imballaġġ u l-marka jkunu identiċi;

L.  billi dehru differenzi sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-UCPD minn Stat Membru għal ieħor, filwaqt li l-approċċi metodoloġiċi u l-effikaċja tal-implimentazzjoni kif ukoll l-infurzar tad-direttiva jvarjaw b'mod sinifikanti fost l-Istati Membri;

M.  billi ħafna drabi l-marka għandha l-aktar rwol importanti fid-deċiżjonijiet dwar il-valur ta' prodott;

N.  billi qafas imsaħħaħ u aktar effiċjenti ta' kooperazzjoni fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni jippromwovi l-fiduċja tal-konsumatur u jnaqqas il-ħsara lill-konsumatur;

O.  billi l-konsumaturi kollha fl-UE għandhom l-istess drittijiet, u billi l-analiżijiet juru li ċerti produtturi u manifatturi biegħu prodotti bi standards ta' kwalità differenti taħt l-istess marka u b'apparenza identika qarrieqa, u ċerti prodotti f'xi pajjiżi kien fihom kwantità iżgħar tal-ingredjent ewlieni jew ingredjenti ta' kwalità aktar baxxa minflok ingredjenti ta' kwalità ogħla; billi din il-problema hija aktar mifruxa fl-Istati Membri li ssieħbu mal-UE mill-2004 'l hawn; billi l-analiżijiet sabu każijiet fejn l-istess prodotti jew dawk b'apparenza identika qarrieqa u ta' kwalità aktar baxxa jew b'togħma, konsistenza jew karatteristiċi sensorjali differenti kienu qed jinbiegħu bi prezzijiet li jvarjaw b'mod konsiderevoli minn pajjiż għal ieħor; billi anke jekk dan ma jiksirx il-prinċipji tal-ekonomija orjentata lejn is-suq jew ir-regoli attwali dwar it-tikkettar jew liġijiet oħrajn dwar l-ikel, xorta huwa abbuż tal-identità tal-marka u għaldaqstant jostakola l-prinċipju li l-konsumaturi kollha jiġu ttrattati b'mod ugwali;

P.  billi kien hemm każijiet ta' differenzi sostanzjali fi prodotti bħal ikel tat-trabi, u dan ipoġġi f'dubju l-prinċipji u dak li jsostnu l-manifatturi, jiġifieri li huma qed jaġġustaw il-prodotti tagħhom biex jissodisfaw il-preferenzi lokali; billi xi konklużjonijiet mil-laboratorji jikkonfermaw li prodotti ta' kwalità aktar baxxa jaf ikun fihom taħlitiet ta' ingredjenti li huma anqas tajba għas-saħħa, u għaldaqstant imorru kontra l-prinċipju ta' trattament ugwali tal-konsumaturi kollha; billi xi rappreżentanti tal-produtturi u l-manifatturi qablu li jemendaw ir-riċetti tal-prodotti tagħhom f'xi pajjiżi sabiex jiġu offruti prodotti identiċi fis-suq uniku kollu;

Q.  billi dawn il-prattiki inaċċettabbli qed jitwettqu minn kumpaniji multinazzjonali agroalimentari magħrufa sew bil-għan li jimmassimizzaw il-marġni tal-profitt tagħhom billi jisfruttaw id-differenzi fil-kapaċità tal-akkwist minn Stati Membru għal ieħor;

R.  billi fil-proposta dwar Patt Ġdid għall-Konsumaturi, li tipproponi reviżjoni mmirata tad-direttivi tal-konsumatur tal-UE li ssegwi l-Kontroll tal-Idoneità tal-liġijiet dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni tal-UE, il-Kummissjoni ssuġġeriet li l-UCPD tiġi aġġornata sabiex ikun ċar li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jivvalutaw u jindirizzaw il-prattiki kummerċjali qarrieqa li jinvolvu l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti bħala identiċi f'diversi Stati Membri, meta l-kompożizzjoni jew il-karatteristiċi tagħhom ikunu konsiderevolment differenti;

S.  billi filwaqt li l-konsumaturi m'għandhomx jiġu żgwidati, id-divrenzjar u l-innovazzjoni tal-prodott m'għandhomx jiġu ristretti bħala tali;

T.  billi s-suq uniku ġab benefiċċji kbar lill-operaturi fil-katina tal-provvista tal-ikel, u billi l-kummerċ tal-ikel għandu dimensjoni transfruntiera dejjem aktar sinifikanti u huwa ta' importanza partikolari għall-funzjonament tas-suq uniku;

U.  billi sabiex jitgawdew bis-sħiħ il-benefiċċji tas-suq intern, hu kruċjali li l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-ikel u l-konsumatur tiġi applikata aħjar biex jiġu identifikati u indirizzati standards dupliċi mhux ġustifikati, u b'hekk il-konsumaturi jiġu protetti minn informazzjoni u prattiki kummerċjali qarrieqa;

V.  billi teżisti ħtieġa kontinwa li r-rwol tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur jissaħħaħ f'dan ir-rigward; billi l-assoċċjazzjonijiet tal-konsumatur għandhom rwol uniku biex jizguraw il-fiduċja tal-konsumatur u għandhom ikomplu jiġu sostnuti permezz ta' miżuri legali u ekonomiċi addizzjonali u bit-tisħiħ tal-kapaċitajiet;

W.  billi d-differenzi li ntwera li jeżistu fl-ingredjenti fi prodotti komparabbli jistgħu, fuq terminu twil, joħolqu riskju għas-saħħa tal-konsumaturi, partikolarment fil-każ ta' konsumaturi vulnerabbli bħat-tfal jew persuni bi problemi djetetiċi u/jew ta' saħħa, u b'hekk jikkontribwixxu għal deterjorament tal-benessri taċ-ċittadini; billi dan huwa l-każ, pereżempju, fejn il-livell ta' xaħam u/jew ta' zokkor ikun ogħla milli mistenni, fejn xaħmijiet li joriġinaw mill-annimali jiġu ssostitwiti minn xaħmijiet ta' oriġini veġetali jew viċeversa, fejn iz-zokkor jiġi ssostitwit minn dolċifikanti artifiċjali, jew fejn jiżdied il-kontenut tal-melħ; billi t-tikkettar li ma jagħtix stampa ċara tal-addittivi użati jew tan-numru ta' prodotti li jissostitwixxu ingredjenti bażiċi jqarrqu bil-konsumaturi u jistgħu joħolqu riskju għal saħħithom;

X.  billi m'hemm l-ebda regolament leġiżlattiv dwar il-kwalità dupliċi fil-livell tal-UE u għalhekk huwa impossibbli li titqabbel il-kwalità jew li jiġu identifikati każijiet ta' kwalità dupliċi u dan ifisser li m'hemm l-ebda strument li jista' jintuża biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni; billi s-servizzi għall-Awditi u l-Analiżi tal-Ikel u tas-Saħħa tal-Kummissjoni rrappurtaw, b'mod regolari, diversi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u l-infurzar tar-rekwiżiti applikabbli tal-liġi dwar l-ikel tal-UE, pereżempju fit-tikkettar tal-laħam isseparat b'mod mekkaniku(12) jew fl-użu ta' addittivi tal-ikel(13);

Y.  billi jistgħu jiġu identifikati differenzi fil-kompożizzjoni – li potenzjalment jaffettwaw is-saħħa tal-konsumaturi – mhux biss f'oġġetti tal-ikel, iżda anke fil-kożmetiċi, fil-prodotti tal-iġjene u fil-prodotti tat-tindif;

Z.  billi l-attivitajiet ta' riformulazzjoni biex jitnaqqas il-kontenut tax-xaħam, taz-zokkor u tal-melħ fl-ikel għadhom lura f'ħafna pajjiżi tal-Ewropea Ċentrali, tal-Lvant u tax-Xlokk;

1.  Jenfasizza li r-riżultati ta' bosta testijiet u stħarriġiet imwettqa f'diversi Stati Membri, l-aktar fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, b'metodoloġiji differenti għal testijiet fil-laboratorju, urew li hemm differenzi ta' kobor li jvarja, inter alia fil-kompożizzjoni u fl-ingredjenti użati, bejn prodotti li jiġu reklamati u distribwiti fis-suq uniku taħt l-istess marka u b'imballaġġ li jidher identiku, għad-detriment tal-konsumaturi; jinnota li skont stħarriġ imwettaq għal awtorità kompetenti nazzjonali, il-maġġoranza tal-konsumaturi jinsabu mħassba b'dawn id-differenzi; għalhekk jikkonkludi li, abbażi tal-konklużjonijiet ta' dawn it-testijiet u l-istħarriġiet, il-konsumaturi jinsabu mħassba dwar diskriminazzjoni bejn is-swieq differenti tal-Istati Membri; jissottolinja li kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni bħal din mhijiex aċċettabbli u li l-konsumaturi kollha tal-UE għandhom igawdu aċċess għall-istess livell ta' kwalità tal-prodotti;

2.  Jenfasizza li l-każijiet ta' dawn id-differenzi sinifikanti jikkonċernaw mhux biss il-prodotti tal-ikel iżda ħafna drabi anke dawk mhumiex tal-ikel, inklużi deterġenti, kożmetiċi, prodotti tal-iġjene u prodotti maħsuba għat-trabi;

3.  Ifakkar li fl-2013 il-Parlament stieden lill-Kummissjoni twettaq investigazzjoni fil-fond sabiex tevalwa jekk hemmx bżonn ta' aġġustament tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u tinforma lill-Parlament u lill-konsumaturi bir-riżultati;

4.  Jilqa' l-inizjattivi reċenti mħabbra mill-Kummissjoni biex tindirizza din il-kwistjoni, b'mod partikolari l-impenn tagħha li tippreżenta metodoloġija tal-ittestjar komuni u talloka baġit għall-preparazzjoni u l-infurzar tagħha u għall-ġbir ta' aktar evidenza affidabbli u kumparabbli, u taġġorna l-UCPD filwaq li tvara ċ-Ċentru ta' Għarfien dwar il-Frodi u l-Kwalità Alimentari;

5.  Jieħu nota tal-mandat mogħti mill-Kunsill Ewropew lill-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel biex jindirizza l-kwistjoni tal-kwalità dupliċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom jipparteċipaw b'mod attiv fl-inizjattivi li għaddejjin, u jinkludu l-iżvilupp u l-integrazzjoni fil-prattiki ta' ħidma tagħhom ta' metodoloġija tal-ittestjar komuni u l-ġbir ta' aktar evidenza; jenfasizza l-ħtieġa li l-partijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumatur ikunu involuti b'mod attiv u li jkunu jistgħu jagħtu l-fehmiet tagħhom f'isem il-konsumaturi, inklużi r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka li jkunu wettqu testijiet tal-prodotti fl-Istati Membri; jemmen li l-Parlament għandu jkun involut fl-inizjattivi kollha li jkunu għaddejjin u li jista' jkollhom impatt fuq l-isforzi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar il-kwalità dupliċi;

6.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri kkonċernati jfasslu valutazzjoni huma stess fir-rigward tal-metodoloġija u l-effikaċja tal-infurzar tal-UCPD u ta' leġiżlazzjoni eżistenti oħra dwar il-kwistjoni tal-kwalità dupliċi tal-prodotti tal-ikel u ta' prodotti oħra, u jressquha lill-Kummissjoni għal valutazzjoni oġġettiva tal-gravità tal-problema;

7.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Parlament li jadotta proġett pilota għall-2018 li se jkun jinvolvi sensiela ta' investigazzjonijiet tas-suq f'diversi kategoriji ta' prodotti għall-konsumatur bil-għan li jiġu vvalutati l-aspetti differenti tal-kwalità dupliċi; jistenna li l-proġett jitwettaq u jiġi ppubblikat fil-ħin, kif kien ippjanat inizjalment; jemmen li l-proġett għandu wkoll jiġi estiż sal-2019 sabiex jiżgura ambitu usa' ta' għarfien u jkopri s-settur mhux tal-ikel; jitlob li l-Membri tal-PE jitħallew ikunu involuti aktar fis-sorveljanza tal-proġett; iħeġġeġ lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-għodod kollha disponibbli, inklużi l-proġetti pilota u nazzjonali, bil-ħsieb li jivvalutaw aktar l-aspetti differenti tal-kwalità dupliċi tal-prodotti tal-ikel;

8.  Jenfasizza li informazzjoni komprensiva dwar l-awtorità pubblika responsabbli għat-teħid ta' azzjoni u dwar il-proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji rilevanti, inkluża l-possibbiltà għall-membri tal-pubbliku li jressqu ilmenti online, hija essenzjali għall-infurzar effikaċi tal-UCPD; iqis bħala negattiv, għalhekk, in-nuqqas ta' informazzjoni fl-Istati Membri kkonċernati li, minkejja t-tħassib espress mill-Istati Membri dwar il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kwalità dupliċi tal-prodotti, ma jagħmlux din l-informazzjoni disponibbli fis-siti web tal-awtoritajiet responsabbli;

9.  Jissottolinja li l-Kummissjoni diġà rċeviet notifika ta' miżura ġdida ta' ttikkettar nazzjonali mfassla biex twissi lill-konsumaturi b'differenzi fil-kompożizzjoni tal-prodotti tal-ikel;

10.  Jilqa' l-fatt li, sabiex tkompli ttejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur fl-UE u tipprovdi appoġġ lin-negozji, il-Kummissjoni varat programm ta' taħriġ online li jgħin lill-kumpaniji jifhmu u jinfurzaw aħjar id-drittijiet tal-konsumatur fl-UE;

Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' kwalità dupliċi tal-prodotti

11.  Jieħu nota tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel u l-ħarsien tal-konsumatur tal-UE fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' prodotti ta' kwalità dupliċi; jirrimarka li dan l-avviż huwa maħsub biex jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jiddeterminaw jekk kumpanija tkunx qed tikser il-liġijiet tal-UE dwar l-ikel u l-konsumatur meta tbigħ prodotti ta' kwalità dupliċi f'pajjiżi differenti, u biex jagħtihom parir dwar kif jikkooperaw ma' xulxin; jinsab imħasseb li l-approċċ gradwali tal-avviż għall-identifikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali dwar jekk il-produtturi jkunux qed jiksru d-dritt tal-Unjoni bħalissa jidher li mhux qed jiġi applikat fil-prattika mill-Istati Membri, u dan jista' jfisser li d-drittijiet tal-konsumatur qed jinkisru;

12.  Jaqbel mal-Kummissjoni li fis-suq uniku, fejn il-konsumaturi għandhom fehim ġenerali taċ-ċirkolazzjoni libera u l-aċċess ugwali tal-beni, dawn ma jistennewx, a priori, li l-prodotti tal-marka mibjugħa f'pajjiżi differenti jvarjaw minn xulxin; ifakkar li, skont il-Kummissjoni, l-istudji li saru dwar il-lealtà lejn il-marka juru li f'moħħ il-konsumatur, il-marki jirrappreżentaw ċertifikat ta' kwalità kkontrollata u kostanti; jaqbel mal-Kummissjoni, barra minn hekk, li dan jispjega għaliex xi konsumaturi jistgħu jistennew li l-prodotti tal-marka jkunu ta' kwalità ekwivalenti jekk mhux eżattament l-istess kull fejn u kull meta jinxtraw u jistenna li s-sidien ta' marka jinfurmawhom meta jiddeċiedu li jibdlu xi element importanti mill-kompożizzjoni tal-prodotti tagħhom;

13.  Iqis, għalhekk, li kwalunkwe informazzjoni addizzjonali, avolja tkun fil-parti viżiva prinċipali tal-pakkett, mhijiex biżżejjed sakemm il-konsumatur ma jifhimx b'mod ċar li l-prodott inkwistjoni jvarja mill-prodotti tal-istess marka mibjugħa fi Stati Membri oħra u li jidhru identiċi;

14.  Jaqbel ukoll mal-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, li l-produtturi m'għandhomx neċessarjament joffru prodotti identiċi fiż-żoni ġeografiċi differenti u li l-moviment liberu tal-merkanzija ma jfissirx li kull prodott għandu jkun identiku kullimkien fis-suq uniku; jenfasizza li l-operaturi kummerċjali huma awtorizzati jikkummerċjalizzaw u jbigħu prodotti b'kompożizzjonijiet u karatteristiċi differenti abbażi ta' fatturi leġittimi sakemm dawn jirrispettaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE; jenfasizza, madankollu, li dawn il-prodotti m'għandhomx ivarjaw fil-kwalità meta jiġu offruti lill-konsumaturi fi swieq differenti;

15.  Iqis li l-għoti ta' informazzjoni preċiża u faċli biex tinftiehem lill-konsumaturi hija kruċjali biex tiġi indirizzata l-kwalità dupliċi tal-prodotti; jinsab konvint li, f'każ li kumpanija jkollha l-ħsieb li tintroduċi fis-suq ta' Stati Membri differenti prodott li jvarja f'ċerti karatteristiċi, dan il-prodott ma jistax jiġi ttikkettat u mmarkat b'mod li jidher identiku;

16.  Jinnota li jista' jkun hemm differenzi aċċettabbli fil-kompożizzjoni ta' prodott ta' marka unika u li l-prodotti jistgħu jkunu differenti minħabba l-preferenzi reġjonali tal-konsumaturi, il-provenjenza ta' ingredjenti lokali, ir-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali, jew l-objettivi ta' riformulazzjoni; jenfasizza li l-intenzjoni mhijiex li jiġu stabbiliti jew li jiġu armonizzati r-rekwiżiti dwar il-kwalità tal-ikel u li mhuwiex mixtieq li tiġi imposta fuq il-manifatturi l-kompożizzjoni eżatta tal-prodotti differenti; jemmen, madankollu, li l-preferenzi tal-konsumaturi m'għandhomx jintużaw bħala skuża biex tonqos il-kwalità jew jiġu offruti gradi ta' kwalità differenti fi swieq differenti; jisħaq fuq il-fatt li l-konsumaturi jridu jkunu konxji u infurmati b'mod ċar dwar dan l-aġġustament għal kull prodott individwali, u mhux biss li jkunu jafu f'termini ġenerali li din il-prattika stabbilita teżisti;

17.  Iqis li l-avviż huwa kkunsidrat bħala indirizzat primarjament għall-prodotti tal-ikel; jemmen li d-dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur għandhom jiġu applikati għall-prodotti kollha tal-ikel u għal dawk mhux tal-ikel disponibbli fis-suq uniku b'mod ġenerali, u li t-tikketta tal-prodott trid tkun leġġibbli u b'informazzjoni sħiħa għall-konsumaturi;

18.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-gwida tal-Kummissjoni tal-2016 dwar l-applikazzjoni tal-UCPD, li tgħid li: "prodotti tal-istess ditta u li jkollhom l-istess imballaġġ jew imballaġġ simili jistgħu jvarjaw fil-kompożizzjoni tagħhom skont il-post tal-manifattura u s-suq ta' destinazzjoni, jiġifieri jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor" u li "skont il-UCPD, prattiki kummerċjali li jikkummerċjalizzaw prodotti b'kompożizzjoni differenti mhumiex inġusti minnhom infushom"; jenfasizza l-importanza tad-dokumenti ta' gwida tal-Kummissjoni biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni xierqa u koerenti tal-UCPD; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara, għalhekk, ir-relazzjoni bejn l-avviż, il-gwida u d-dokument imfassal mis-sottogrupp tas-suq intern tal-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel;

19.  Jinnota li jista' jkun hemm rekwiżiti differenti għall-metodi ta' kontroll tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; jissottolinja li hemm diversi analiżijiet li diġà twettqu u li jistgħu jservu bħala bażi għat-tfassil u għall-implimentazzjoni tal-metodoloġija tal-ittestjar komuni, anke jekk il-metodoloġiji tagħhom kienu differenti u r-riżultati tagħhom ma ġewx ivvalutati bl-istess mod; iqis li l-għan tal-ħidma biex tiġi żviluppata metodoloġija mmexxija miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni (JRC) għandu jiġi ddikjarat b'mod ċar sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni unifikata tal-metodoloġija li tirriżulta, inkluża definizzjoni ta' "differenza sinifikanti", u sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jużawha; jirrimarka li l-istabbiliment ta' liema mill-prodotti varji huwa l-aktar standard u għalhekk il-"prodott ta' referenza" jista' fil-fatt ifixkel il-valutazzjoni ġenerali, peress li dan jista' jkun wisq diffiċli biex jiġi determinat;

20.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar fl-identifikazzjoni ta' prattiki kummerċjali żleali fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali f'dan ir-rigward; jissottolinja l-fatt li l-għan ta' din il-metodoloġija huwa li jiġi żgurat il-ġbir ta' evidenza affidabbli u kumparabbli mill-Istati Membri fuq bażi komuni u biex isir kontribut għall-valutazzjoni ġenerali dwar kemm hi serja u mifruxa l-kwistjoni tal-kwalità dupliċi fis-Suq Uniku; ifakkar li n-natura fattwali tal-prattiki żleali x'aktarx li se tibqa' tiġi ġġudikata biss fuq il-bażi ta' każ b'każ, peress li l-grad ta' kemm il-konsumatur ikun ġie mqarraq hija dejjem kwistjoni ta' ġudizzju suġġettiv mill-awtorità jew qorti kompetenti;

21.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistieden lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu aktar testijiet tas-suq fl-Istati Membri li jinvolvu tqabbil tal-prodotti fost reġjuni u pajjiżi differenti; jirrimarka, madankollu, li skont il-Kummissjoni, tali testijiet għandhom jitwettqu b'approċċ komuni għall-ittestjar li għadu ma ġiex kompletament żviluppat; jenfasizza l-ħtieġa li tinżamm l-iskeda sabiex ir-riżultati tat-testijiet imwettqa skont l-approċċ komuni tal-ittestjar jitlestew, jiġu ppubblikati fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE f'bażi ta' data pubblikament disponibbli, u jiġu analizzati malajr kemm jista' jkun iżda mhux aktar tard minn tmiem l-2018; jenfasizza l-ħtieġa, barra minn hekk, li dawn ir-riżultati jiġu żvelati minnufih sabiex jiġu infurmati l-konsumaturi u l-produtturi, titqajjem kuxjenza u b'hekk dan jgħin sabiex jonqsu l-inċidenzi ta' kwalità dupliċi fil-prodotti;

Aspetti oħra tal-kwalità dupliċi

22.  Jenfasizza li t-tikketti privati saru element ewlieni essenzjali fil-basket tax-xiri tal-konsumaturi u li s-sehem mis-suq tagħhom żdied fil-biċċa l-kbira tal-kategoriji ta' prodotti f'bosta Stati Membri matul l-aħħar għaxar snin; jemmen li t-tikketti privati m'għandhomx jimitaw prodotti tal-marka, biex il-konsumaturi ma jitħawdux; itenni li l-kwistjoni tat-tikketti privati tirrikjedi attenzjoni partikolari mill-Kummissjoni, bil-ħsieb li tintemm il-konfużjoni bejn tikketti privati u prodotti tal-marka; jinnota li s-suq uniku huwa aċċessibbli għall-produtturi u l-manifatturi, iżda li huwa wkoll kompetittiv ħafna, u wħud mid-ditti huma magħrufa sew minn kulħadd jew għandhom reputazzjoni tajba fl-Unjoni kollha;

23.  Ifakkar li l-Parlament talab ripetutament lill-Kummissjoni tiddetermina jekk il-kwalità dupliċi għandhiex riperkussjonijiet negattivi għall-produzzjoni lokali u reġjonali, b'mod partikolari l-SMEs; jiddispjaċih li s'issa l-Kummissjoni għadha ma ppreżentat l-ebda data;

24.  Jissottolinja li l-falsifikazzjoni ta' prodotti tal-marka tesponi lill-konsumaturi għal riskji għas-saħħa u s-sikurezza, timmina l-fiduċja tal-konsumaturi u twassal għal telf ta' dħul għall-produtturi; jinnota li l-firxa ta' prodotti ffalsifikati rkuprati fl-UE għadha wiesgħa u tiġbor fiha kważi kull tip ta' prodott;

25.  Jinsab imħasseb dwar ir-restrizzjonijiet imqiegħda fuq il-kummerċjanti fir-rigward tax-xiri ta' prodotti li jista' jkollhom effett negattiv fuq l-għażla tal-konsumatur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tidentifika l-fatturi li jikkontribwixxu għall-frammentazzjoni tas-suq uniku fil-prodotti u jillimitaw b'mod illeġittimu l-kapaċità tal-konsumaturi li jibbenefikaw bis-sħiħ mis-suq uniku, b'attenzjoni partikolari fuq ir-restrizzjonijiet tal-provvista territorjali u l-implikazzjonijiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu mil-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni, jekk applikabbli, sabiex tindirizza prattiki bħal dawn;

26.  Jindika li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jagħżlu kampjuni u jwettqu testijiet fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom biss; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni transfruntiera u kondiviżjoni ta' data mtejba, effikaċi, trasparenti, u rapida, inkluż skambju dwar prodotti potenzjalment mhux konformi u tagħrif dwar il-prattiki żleali li jista' jkun hemm, bejn l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ikel, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u l-Kummissjoni sabiex tiġi indirizzata l-kwalità dupliċi u jsir titjib u jiġi mqarreb l-infurzar tal-leġiżlazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'mod aktar intensiv f'kooperazzjoni bħal din; jilqa', f'dan ir-rigward, l-adozzjoni tar-Regolament rivedut dwar il-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi (CPC), li jsaħħaħ is-setgħat investigattivi u tal-infurzar, itejjeb l-iskambju tal-informazzjoni u d-data u l-aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti u jistabbilixxi regoli armonizzati li jistipulaw il-proċeduri għall-koordinament tal-miżuri ta' investigazzjoni u infurzar;

27.  Jirrikonoxxi l-utilità tas-"sweeps" li jservu bħala forma importanti ta' koordinament tal-infurzar skont ir-Regolament CPC u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħuhom ulterjorment u jwessgħu l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom;

Rakkomandazzjonijiet u passi ulterjuri

28.  Jenfasizza l-valur ta' dibattitu pubbliku wiesa' u f'waqtu li jwassal għal żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur dwar il-prodotti u l-karatteristiċi tagħhom; jinnota li xi manifatturi u sidien ta' tikketti privati diġà ħabbru bidliet fir-riċetti jew l-użu ta' standard ta' produzzjoni uniku fil-livell tal-UE; jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-industrija fit-titjib tat-trasparenza u ċ-ċarezza fir-rigward tal-kompożizzjoni u l-kwalità tal-prodotti u ta' kwalunkwe tibdil fihom; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiżviluppa kodiċi ta' kondotta f'dan ir-rigward; jitlob, fl-interessi tagħhom stess, biex kemm il-produtturi kif ukoll il-bejjiegħa bl-imnut ikunu involuti aktar, sabiex ikun jista' jinstab rimedju effettiv għas-sitwazzjoni preżenti malajr kemm jista' jkun mingħajr rikors għal proċeduri ta' infurzar, u biex il-konsumaturi Ewropej ikun jista' jkollhom aċċess għal prodotti tal-istess kwalità fis-suq uniku kollu; jistieden lill-manifatturi jikkunsidraw li jinkludu logo fuq l-imballaġġ li jindika li l-kontenut u l-kwalità tal-istess marka huma l-istess fl-Istati Membri kollha;

29.  Jistieden lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-korpi nazzjonali notifikati responsabbli mill-infurzar tal-UCPD u ta' leġiżlazzjoni rilevanti oħra jieħdu rwol aktar attiv fid-dibattitu pubbliku u fit-twassil tal-informazzjoni lill-konsumaturi; jinsab konvint li l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti biex tiġi indirizzata l-problema tal-kwalità dupliċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-appoġġ tagħhom għall-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi permezz ta' mekkaniżmi finanzjarji u legali, sabiex ikunu jistgħu jibnu l-kapaċità, jiżviluppaw l-attivitajiet ta' ttestjar tagħhom, iwettqu testijiet komparattivi u, flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, jgħinu biex jittraċċaw u jesponu l-każijiet ta' divrenzjar inġust tal-prodotti; jemmen, barra minn hekk, li għandu jitrawwem skambju transfruntier imsaħħaħ ta' informazzjoni fost l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi;

30.  Iqis li, abbażi ta' esperjenzi preċedenti, l-awtoritajiet kompetenti ma kinux kapaċi jindirizzaw b'mod effettiv ebda każ speċifiku ta' kwalità dupliċi fil-livell nazzjonali biss jew jinfurzaw il-leġiżlazzjoni eżistenti, jew ippruvaw jagħmlu dan minimament biss, parzjalment minħabba nuqqas ta' dispożizzjoni legali espliċita fil-livell tal-UE; ifakkar li l-Istati Membri huma responsabbli għall-infurzar tal-UCPD u li għalhekk huma għandhom jagħmlu dan sabiex jiżguraw li l-konsumaturi ma jiġux żgwidati minn prattiki ta' kummerċjalizzazzjoni żleali; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkollhom ir-riżorsi tekniċi, finanzjarji u umani adegwati sabiex jiġi żgurat infurzar effikaċi; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-konsumaturi bi spazju għat-tressiq ta' lmenti u għall-investigazzjoni ulterjuri tagħhom, u jinfurmaw kemm jista' jkun lill-konsumaturi bid-drittijiet u l-għażliet tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-obbligi tal-bejjiegħa li jinfurmawhom bil-kompożizzjoni u, fejn applikabbli, l-oriġini tal-prodotti;

31.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kwistjoni tal-kwalità dupliċi hija relatata b'mod dirett mal-essenza tal-funzjonament tas-suq uniku u l-fiduċja tal-konsumaturi, bit-tnejn li huma involuti, u għalhekk tirrikjedi, inter alia, soluzzjoni fil-livell tal-Unjoni permezz ta' miżuri infurzabbli b'mod dirett; jinsab konvint li minħabba l-possibbiltà ta' azzjoni fil-livell nazzjonali, l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni tħares l-integrità tas-suq uniku; jistieden lill-Kummissjoni timmappja l-istandards nazzjonali eżistenti għall-ikel u l-prodotti mhux tal-ikel fl-UE u tivvaluta r-rilevanza tagħhom għal każijiet ta' kwalità dupliċi fis-suq uniku;

32.  Jappella biex il-kapaċitajiet u l-mekkaniżmi fil-livell tal-UE jiġu żviluppati b'mod urġenti f'unità speċjalizzata ta' monitoraġġ u superviżjoni f'korp eżistenti tal-UE (JRC, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) jew oħrajn), filwaqt li, kemm jista' jkun, il-burokrazija tinżamm baxxa kemm jista' jkun, bil-għan li jiġu sorveljati l-konsistenza fil-kompożizzjoni u l-użu proporzjonali tal-ingredjenti fi prodotti tal-ikel tal-istess marka u bl-istess imballaġġ biex jiġu vvalutati l-analiżijiet komparattivi li jkunu saru fil-laboratorji bil-ħsieb li jiġu identifikati l-prattiki kummerċjali żleali fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-ikel;

33.  Jilqa' l-fatt li l-proposta għal Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Kummissjoni, li tfittex li tindirizza l-kwalità dupliċi tal-prodotti billi temenda l-Artikolu 6 tal-UCPD u tiddikjara bħala prattika kummerċjali qarrieqa l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodott bħala identiku għall-istess prodott ikkummerċjalizzat f'diversi Stati Membri oħra, meta dak il-prodott ikollu kompożizzjoni jew karatteristiċi differenti; jinnota, madankollu, li l-proposta fiha wkoll xi dispożizzjonijiet mhux ċari li jeħtieġu kjarifika sabiex jiġu żgurati interpretazzjoni u applikazzjoni xierqa;

34.  Jesprimi l-konvinzjoni qawwija tiegħu, madankollu, li biex kwalunkwe każ mhux ġustifikat ta' kwalità dupliċi jiġi indirizzat bl-aktar mod effikaċi, l-Anness I tal-UCPD għandu jiġi emendat b'tali mod li mal-"lista s-sewda" li tiddefinixxi l-prattiki pprojbiti f'kull ċirkustanza jiżdied punt ieħor li jsemmi espliċitament is-sitwazzjoni meta l-kwalità dupliċi ta' prodotti tal-istess marka tkun diskriminatorja u ma tirrispettax l-aspettattivi tal-konsumaturi;

35.  Jenfasizza li l-eżitu tal-proċess leġiżlattiv għandu jkun definizzjoni ċara ta' x'jista' jitqies bħala kwalità dupliċi u kif kull każ għandu jiġi vvalutat u indirizzat mill-awtoritajiet kompetenti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-lista miftuħa tal-hekk imsejħa "fatturi leġittimi" tista' tipperikola l-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jwettqu valutazzjonijiet u japplikaw il-liġi; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-użu tal-kunċett ta' "preferenzi definiti tal-konsumaturi" fil-valutazzjoni ta' jekk id-divrenzjar fil-kompożizzjoni tal-prodott jistax ikun ġustifikat jew le, jista' jwassal għal interpretazzjonijiet konfliġġenti bejn l-awtoritajiet kompetenti;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni testendi l-mandat mogħti lill-JRC sabiex fil-futur qarib jaħdem fuq metodoloġija armonizzata mal-Ewropa kollha għat-tqabbil tal-karatteristiċi ta' prodotti mhux tal-ikel kif ukoll fuq linji gwida biex titjieb it-trasparenza tal-prodotti fi żmien sena, kif ukoll biex ikunu evalwati r-riżultati tat-testijiet; jirrimarka li l-JRC għandu wkoll, għall-finijiet tal-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam, ifittex li jikkoopera mal-awtoritajiet tal-Istati Membri li diġà ttestjaw il-prodotti huma stess iżda li għadhom ma kkomunikawx ir-riżultati lill-awtoritajiet nazzjonali ta' Stati Membri oħra;

37.  Jirrimarka li s-sikurezza u l-kwalità tal-ikel, kif ukoll il-fatt li l-konsumaturi ma jitħallewx jiġu mqarrqa, huma kwistjonijiet tal-ogħla prijorità; ifakkar lill-Kummissjoni fl-impenn tagħha ta' monitoraġġ aħjar u ta' titjib tal-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE; iqis li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jissorveljaw b'mod effikaċi l-konformità mal-liġi applikabbli f'dawn l-oqsma;

38.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tittejjeb it-trasparenza tal-istudji xjentifiċi fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel b'reazzjoni għat-tħassib tal-pubbliku, sabiex tingħata spinta lill-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa sabiex jittieħdu deċiżjonijiet ta' akkwist appoġġjati minn valutazzjoni tar-riskju affidabbli u bbażata fuq ix-xjenza;

39.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali tal-ikel biex jistabbilixxu, każ b'każ, jekk prattiki diskriminatorji suspettati jkunux verament illegali, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-UCPD u l-interazzjoni tagħhom mar-rekwiżiti dwar informazzjoni ġusta stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi;

40.  Jinnota li ċ-ċittadini kollha tal-UE huma affettwati minn prattiki ta' kwalità dupliċi, inkluż meta jivvjaġġaw minn Stat Membru għall-ieħor;

41.  Jenfasizza, madankollu, li d-differenzi sostanzjali fil-prodotti għat-trabi, bħall-ikel għat-trabi u t-tfal żgħar, ma jistgħux jiġu ġġustifikati abbażi ta' preferenzi fit-togħma reġjonali biss;

42.  Jirrifjuta bil-qawwa d-dikjarazzjoni li saret minn xi produtturi li l-bidliet fil-kompożizzjoni u/jew il-kwalità jsiru sabiex il-prezzijiet ikunu konformi mal-aspettattivi tal-konsumaturi; jenfasizza li diversi studji wrew li prodotti ta' kwalità inferjuri ħafna drabi jkunu ogħla mill-kontropartijiet tagħhom ta' kwalità ogħla xi mkien ieħor fl-UE;

43.  Jinkoraġġixxi b'mod qawwi l-użu tal-prinċipju tal-ekonomija ċirkolari għall-imballaġġ tal-prodotti u jenfasizza li jekk l-imballaġġ għal prodott fi Stat Membru wieħed jikkonforma ma' dan il-prinċipju, għandhom isiru sforzi miftiehma mill-produttur biex jiġi żgurat li dan ikun il-każ għall-prodotti kollha kkummerċjalizzati taħt l-istess marka fl-istess tip ta' imballaġġ fl-UE kollha u lil hinn minnha;

44.  Jenfasizza li xi każijiet ta' prodotti ta' kwalità dupliċi jirriżultaw minn nuqqas ta' infurzar tal-liġi tal-Unjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jinfurzaw b'urġenza r-regoli eżistenti tal-UE dwar it-tikkettar tal-ikel, inkluż, pereżempju, fir-rigward ta' laħam isseparat b'mod mekkaniku;

o
o   o

45.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.
(2) ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1.
(3) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.
(4) ĠU C 65, 19.2.2016, p. 2.
(5) ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 11.
(6) ĠU C 93, 24.3.2017, p. 27.
(7) ĠU C 86, 6.3.2018, p. 40.
(8) ĠU C 11, 12.1.2018, p. 2.
(9) Testi adottati, P8_TA(2017)0027.
(10) O-000019/2017.
(11) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.
(12) http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/overview_reports/details.cfm?rep_id=76
(13) http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/overview_reports/details.cfm?rep_id=115

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Settembru 2019Avviż legali