Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2720(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0399/2018

Testi mressqa :

B8-0399/2018

Dibattiti :

PV 01/10/2018 - 20
CRE 01/10/2018 - 20

Votazzjonijiet :

PV 03/10/2018 - 9.9
CRE 03/10/2018 - 9.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0374

Testi adottati
PDF 124kWORD 50k
L-Erbgħa, 3 ta' Ottubru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
L-Aġenda tal-UE għaż-Żoni Rurali, Muntanjużi u Remoti
P8_TA(2018)0374B8-0399/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Ottubru 2018 dwar l-indirizzar tal-ħtiġijiet speċifiċi taż-żoni rurali, muntanjużi u remoti (2018/2720(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2016 dwar il-politika ta' koeżjoni fir-reġjuni muntanjużi tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-elementi fundamentali għal politika ta' koeżjoni tal-UE wara l-2020(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea: is-seba' rapport tal-Kummissjoni Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi ż-żoni rurali, muntanjużi u remoti jikkostitwixxu 80 % tat-territorju tal-UE, jospitaw 57 % tal-popolazzjoni tagħha u jirrappreżentaw 46 % tal-valur gross miżjud;

B.  billi l-PDG per capita f'żoni mhux urbani huwa 70 % tal-medja tal-UE, filwaqt li l-abitanti urbani għandhom PDG per capita li jista' jilħaq 123 % tal-medja tal-UE.

C.  billi r-rata tal-qgħad f'żoni mhux urbani żdiedet minn 7 % għal 10.4 % bejn l-2008 u l-2012;

D.  billi kwart tal-popolazzjoni taż-żoni rurali, muntanjużi u remoti m'għandhomx aċċess għall-internet;

E.  billi huwa importanti li ż-żoni rurali, muntanjużi u remoti jirċievu appoġġ sabiex jegħlbu l-isfidi li jiffaċċjaw; billi waħda minn dawn l-isfidi hija d-depopolazzjoni rurali, fejn il-persuni anzjani (li jkollhom iktar minn 65 sena) jirrappreżentaw 20 % tal-popolazzjoni totali ta' dawn iż-żoni u ż-żgħażagħ ikomplu jitilqu minn dawn iż-żoni; billi ħafna ċittadini li jgħixu 'l barra miż-żoni urbani għandhom għalhekk jingħataw l-assigurazzjoni li huma jistgħu jgawdu minn opportunitajiet simili bħal dawk li jgħixu f'żoni urbani;

F.  billi s-settur tas-servizzi jkopri biss 24 % tal-impjiegi mhux urbani;

G.  billi l-ekonomija tal-Ewropa, il-bliet, l-industrija (inkluż it-turiżmu) u ċ-ċittadini tagħha jiddependu l-aktar fuq dawn iż-żoni għall-ikel, l-użu tal-art, l-enerġija, l-ilma, l-arja nadifa u l-materja prima;

H.  billi ż-żoni rurali, muntanjużi u remoti ħafna drabi jinsabu fir-reġjuni tal-fruntiera tal-Istati Membri u viċin il-fruntieri esterni tal-UE, u billi sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, tiġi promossa l-koeżjoni u jitrawmu relazzjonijiet tajbin mal-ġirien, għandu jsir użu sħiħ mill-possibbiltajiet li jirriżultaw mill-kooperazzjoni transfruntiera, strateġiji makroreġjonali u strumenti oħra bħar-Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT);

I.  billi rappreżentanti minn 40 pajjiż Ewropew iffirmaw id-Dikjarazzjoni ta' Venhorst maħruġa mill-Parlament Rurali Ewropew fl-2017, li għandu l-għan li jippromwovi l-kooperazzjoni fl-oqsma bħall-konnettività, l-infrastruttura, is-servizzi, it-tisħiħ tal-ekonomiji lokali u l-indirizzar tal-faqar u l-esklużjoni soċjali;

1.  Jenfasizza l-importanza taż-żoni rurali, muntanjużi u remoti għall-iżvilupp territorjali bbilanċjat fl-Ewropa u l-ħtieġa li dawn jissaħħu billi jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom permezz tal-politiki tal-UE;

2.  Jemmen li t-trawwim tal-iżvilupp lokali huwa essenzjali għall-istabbilizzazzjoni u l-kontrobilanċ tax-xejriet negattivi fuq is-swieq lokali, id-dinamika demografika u l-assi naturali;

3.  Jitlob, madankollu, biex ikun hemm koordinazzjoni tal-politiki tal-UE biex jiġi żgurat l-iżvilupp tat-territorji rurali;

4.  Jissottolinja li l-investimenti mmirati lejn l-integrazzjoni taż-żoni rurali, muntanjużi u remoti fil-politiki kollha huma neċessarji biex jinkisbu l-prijoritajiet tal-UE, inklużi, iżda mhux biss limitati għal, tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, is-sikurezza u s-sigurtà alimentari, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tibdil fil-klima, il-ħolqien tal-impjiegi, id-diġitalizzazzjoni u suq intern effiċjenti;

5.  Jitlob biex l-Aġenda tal-UE għaż-Żoni Rurali, Muntanjużi u Remoti tippromwovi l-iżvilupp soċjoekonomiku, it-tkabbir u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija, il-benesseri soċjali, il-protezzjoni tan-natura u l-kooperazzjoni u l-interkonnessjoni ma' żoni urbani sabiex titrawwem il-koeżjoni u jiġi evitat ir-riskju ta' frammentazzjoni territorjali; iħeġġeġ l-istabbiliment ta' Patt dwar Irħula Intelliġenti, bl-għan li jiġi żgurat approċċ iktar effettiv, integrat u kkoordinat lejn il-politiki tal-UE b'impatt fuq iż-żoni rurali, bl-involviment tal-livelli kollha ta' gvern, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà u b'konformità mal-Aġenda Urbana għall-Ewropa stabbilita fil-Patt ta' Amsterdam;

6.  Jitlob, barra minn hekk, biex din l-Aġenda tal-UE għaż-Żoni Rurali, Muntanjużi u Remoti tinkorpora qafas strateġiku għall-iżvilupp taż-żoni rurali, muntanjużi u remoti, ikkoordinat bi strateġiji mmirati lejn reġjuni li għadhom lura u dawk periferiċi, sabiex jinkisbu l-objettivi ta' protezzjoni taż-żoni rurali, irħula intelliġenti, aċċess għal servizzi pubbliċi, diġitalizzazzjoni, taħriġ u innovazzjoni; jitlob, madankollu, biex ikun hemm tisħiħ tal-kooperazzjoni u sħubiji bejn ċentri rurali u urbani sabiex jerġa' jkun hemm bilanċ fir-relazzjoni bejn iż-żoni rurali u ż-żoni urbani;

7.  Iħeġġeġ liż-żoni u lill-komunitajiet rurali biex jiżviluppaw proġetti bħall-irħula intelliġenti, li jibnu fuq il-punti pożittivi u l-assi eżistenti tagħhom u jiżviluppaw opportunitajiet ġodda, bħal servizzi deċentralizzati, soluzzjonijiet tal-enerġija u t-teknoloġiji u l-innovazzjonijiet diġitali;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġat l-iżvilupp ulterjuri tat-turiżmu rurali u l-agrituriżmu muntanjuż filwaqt li jiġu ppreservati l-ispeċifiċitajiet ta' dawn iż-żoni, bħal pereżempju t-tradizzjonijiet u l-prodotti lokali tradizzjonali, peress li t-turiżmu għandu impatt soċjali, ekonomiku u kulturali maġġuri;

9.  Jissottolinja l-potenzjal tar-reġjuni muntanjużi vulkaniċi u tal-vulkani, speċjalment fir-rigward tal-kontribut tal-vulkanoloġija għall-kisba tal-miri tal-enerġija rinovabbli, u għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri naturali, bħall-iżbroffi ta' vulkani;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposti leġiżlattivi futuri dispożizzjonijiet li jindirizzaw l-ispeċifiċitajiet ta' dawn iż-żoni u tipprovdi finanzjament adegwat, speċjalment mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, għall-politika ta' koeżjoni wara l-2020;

11.  Jenfasizza li l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-koeżjoni ekonomika u soċjali, b'mod partikolari f'żoni rurali, u għandu dimensjoni territorjali importanti; jirrakkomanda, għalhekk, li l-infiq tal-FAEŻR ikompli jkun marbut mal-politika ta' koeżjoni, anke bl-għan li jiġi ffaċilitat il-finanzjament integrat u komplementari u li jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-benefiċjarji, sabiex ir-reġjuni jkunu jistgħu jirrikorru għal sorsi differenti tal-UE sabiex jottimizzaw l-opportunitajiet ta' finanzjament u jinvestu f'żoni rurali;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Istati Membri.

(1) ĠU C 76, 28.2.2018, p. 11.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0254.
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0105.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Ottubru 2019Avviż legali