Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2863(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0460/2018

Dibattiti :

PV 04/10/2018 - 5.2
PV 04/10/2018 - 5.3
CRE 04/10/2018 - 5.2
CRE 04/10/2018 - 5.3

Votazzjonijiet :

PV 04/10/2018 - 7.3

Testi adottati :

P8_TA(2018)0377

Testi adottati
PDF 343kWORD 54k
Il-Ħamis, 4 ta' Ottubru 2018 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Detenzjoni arbitrarja tal-massa ta' Ujguri u Każaki fir-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang
P8_TA-PROV(2018)0377RC-B8-0460/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-detenzjoni arbitrarja tal-massa tal-Ujguri u l-Każaki fir-Reġjun Awtonomu Ujgur ta’ Xinjiang (2018/2863(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina, b'mod partikolari dawk tas-26 ta' Novembru 2009 dwar iċ-Ċina: id-drittijiet tal-minoranza u l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt(1), tal-10 ta' Marzu 2011 dwar is-sitwazzjoni u l-wirt kulturali f'Kashgar (ir-Reġjun Awtonomu Xinjiang Uyghur, iċ-Ċina)(2), tas-6 ta' Lulju 2017 dwar il-każijiet tar-rebbieħ tal-Premju Nobel Liu Xiaobo u Lee Ming-che(3), tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar il-każijiet tal-Akkademja Buddista Tibetana ta' Larung Gar u Ilham Tohti(4), u tat-12 ta' Settembru 2018 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Ċina(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jiggarantixxi liċ-ċittadini kollha d-dritt għal-libertà tat-twemmin reliġjuż, u l-Artikolu 4 tagħha, li jiddefendi d-drittijiet tan-"nazzjonalitajiet f'minoranza",

–  wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina, li tnediet fl-2003, u l-komunikazzjoni konġunta tat-22 ta' Ġunju 2016 tal-Kummissjoni Ewropea u s-SEAE lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, bit-titolu "Elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina" (JOIN(2016)0030),

–  wara li kkunsidra s-36 sessjoni tad-djalogu UE-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem li saret f'Beijing fid-9 u l-10 ta' Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra r-rimarki fl-indirizz magħmul minn Michelle Bachelet, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, għad-39 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-10 ta' Settembru 2018, li fih esprimiet tħassib serju dwar il-"kampijiet ta' edukazzjoni mill-ġdid" u talbet lill-gvern Ċiniż biex jaċċetta investigaturi indipendenti,

–  wara li kkunsidra l-ittra ta' allegazzjoni ġenerali li ntbagħtet f'Mejju 2018 mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għajbien Furzat jew Involontarju (WGEID) lill-Gvern Ċiniż, fejn intwera t-tħassib dwar id-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni u tal-għadd dejjem jikber ta' Ujguri li qed jinżammu arrestati b'mod arbitrarju,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt għandhom jibqgħu fil-qalba tar-relazzjoni li ilha għaddejja bejn l-UE u ċ-Ċina, b'konformità mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn l-istess valuri fl-azzjoni esterna tagħha u mal-interess li wriet iċ-Ċina li tosservahom fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha;

B.  billi minn meta l-President Xi Jinping tela' fil-poter, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina kompliet tmur għall-agħar, bil-gvern iħarrax l-ostilità tiegħu fil-konfront tal-kontestazzjoni paċifika, il-libertà tal-espressjoni u tar-reliġjon, u l-istat tad-dritt;

C.  billi s-sitwazzjoni fix-Xinjiang, fejn jgħixu madwar 11-il miljun Ujgur u Każak etniku, iddeterjorat b'mod rapidu f'dawn l-aħħar snin, hekk kif il-kontroll assolut tax-Xinjiang akkwista prijorità għolja, filwaqt li qed jinħolqu sfidi ulterjuri mill-attakki terroristiċi perjodiċi fix-Xinjiang jew allegatament konnessi max-Xinjiang min-naħa tal-Ujguri;

D.  billi l-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali kkwota estimi li "minn għexieren ta' eluf għal miljun Ujgur" x'aktarx jinstabu miżmuma fir-reġjun awtonomu Ujgur tax-Xinjiang (XUAR), mingħajr ma qed jiġu mixlija jew ipproċessati, bl-iskuża tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu reliġjuż; billi dan jirrappreżenta t-tfigħ-il ħabs tal-akbar massa ta' popolazzjoni ta' minoranza etnika fid-dinja illum;

E.  billi l-Kummissjoni Eżekuttiva tal-Kungress tal-Istati Uniti dwar iċ-Ċina ddikjarat li hemm informazzjoni valida li l-Ujguri, il-Każaki u minoritajiet etniċi primarjament Musulmani oħrajn fix-XUAR kienu soġġetti għal arrest arbitrarju, tortura, restrizzjonijiet flagranti fuq il-prattika u l-kultura reliġjuża, u sistema ta' sorveljanza diġitizzata tant mifruxa li kull aspett tal-ħajja ta' kuljum hu sorveljat permezz ta' kameras ta' rikonoxximent tal-wiċċ, skens tat-telefon ċellulari, ġbir tad-DNA, u preżenza wiesgħa u invażiva tal-pulizija;

F.  billi ġie rappurtat li d-detenuti qed jinżammu f'kundizzjonijiet ħżiena, soġġetti għal indottrinazzjoni politika, inklużi korsijiet obbligatorji fil-patrijottiżmu, u huma mġegħlin jiddenunzjaw l-identità etnika jew reliġjuża tagħhom; billi hemm rapporti reċenti ta' mwiet f'kustodja, inkluż ta' suwiċidji;

G.  billi kien hemm rapporti li eluf ta' tfal ġew mifruda mill-ġenituri tagħhom, li qed jinżammu b'mod arbitrarju fil-kampijiet ta' internament, u li dawn qed jinżammu f'orfanatrofji ffullati, anki jekk ġenitur wieħed biss qed jinżamm f'kamp ta' detenzjoni;

H.  billi fis-smigħ tan-NU f'Ġinevra fit-13 ta' Awwissu 2018, id-delegazzjoni Ċiniża ċaħdet l-akkużi li saru minn esperti tan-NU dwar Musulmani etniċi Ujguri miżmuma f'kampijiet ta' "riedukazzjoni" fir-reġjun tal-punent tax-Xinjiang; billi teżisti evidenza komprensiva tal-kostruzzjoni u t-tkabbir ta' dawn il-faċilitajiet;

I.  billi xi ġurnalisti barranin saritilhom pressjoni biex joqogħdu lura milli jirrapportaw dwar kwistjonijiet sensittivi bħad-drittijiet tal-bniedem tal-Ujguri u l-użu ta' kampijiet ta' internament, li f'xi każijiet kien jinkludi r-rifjut li jiġġeddu l-kredenzjali tal-istampa;

J.  billi ma jeżisti mkien fid-dinja fejn il-popolazzjoni hija sorveljata b'mod strett bħal dik fix-XUAR; billi l-gvern provinċjali rrekluta għexieren ta' eluf ta' persunal addizzjonali tas-sigurtà;

K.  billi hemm data miġbura minn "pjattaformi integrati ta' operazzjonijiet konġunti" li taħżen ukoll data ulterjuri dwar il-popolazzjoni, inklużi d-drawwiet tal-konsumaturi, l-attività bankarja, l-istat tas-saħħa u l-profil tad-DNA ta' kull abitant fir-reġjun tax-XUAR; billi l-Musulmani fir-reġjun huma obbligati jkollhom applikazzjoni spyware fuq il-mowbajls tagħhom u n-nuqqas ta' installazzjoni tal-applikazzjoni huwa meqjus bħala reat;

L.  billi xhieda diretta u riċerka akkademika kredibbli indikaw li hemm fil-mira, b'mod intenzjonat, Ujguri li għandhom rabtiet ma' nies barra minn pajjiżhom u dawk bi twemmin reliġjuż;

M.  billi l-Ujguri li jgħixu barra l-pajjiż ġew taħt pressjoni biex jerġgħu lura lejn iċ-Ċina, spiss bl-appoġġ tal-Istati ospitanti; billi l-ambaxxati Ċiniżi barra l-pajjiż irrifjutaw li jġeddu ħafna passaporti ta' ċittadini Ujguri, u dan iwassal għal insikurezza f'termini ta' xogħol u ta' studju,

N.  billi l-Gvern Ċiniż ċaħad kategorikament it-talbiet tal-WGEID u tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll ta' mandati oħra tal-Proċeduri Speċjali tan-NU, biex jintbagħtu investigaturi indipendenti fix-Xinjiang;

O.  billi l-professur tal-ekonomija Ujgur Ilham Tohti ġie kkundannat għal għomru l-ħabs fit-23 ta' Settembru 2014 fuq akkuża ta' allegat separatiżmu wara li ġie arrestat f'Jannar tal-istess sena; billi sebgħa mill-istudenti preċedenti tiegħu wkoll ġew arrestati u ngħataw sentenzi ta' ħabs ta' bejn tliet snin u tmien snin talli allegatament ikkollaboraw mas-Sur Tohti; billi Ilham Tohti dejjem ċaħad is-separatiżmu u l-vjolenza u fittex ir-rikonċiljazzjoni bbażata fuq ir-rispett tal-kultura Ujgura;

1.  Jinsab ferm imħasseb dwar ir-reġim dejjem aktar oppressiv impost fuq minoranzi differenti, partikolarment Ujguri u Każaki, b'restrizzjonijiet addizzjonali fuq il-garanziji kostituzzjonali tad-drittijiet tagħhom għal-libertà tal-espressjoni kulturali u tat-twemmin reliġjuż, tal-kelma u tal-espressjoni, kif ukoll tal-assemblea u ta' assoċjazzjoni paċifika; jesiġi li l-awtoritajiet jirrispettaw dawn il-libertajiet fundamentali;

2.  Jistieden lill-Gvern Ċiniż itemm immedjatament il-prattika tal-arresti arbitrarji tal-membri tal-minoranzi Ujguri u Każaki, jagħlaq il-kampijiet u ċ-ċentri ta' detenzjoni kollha u jeħles il-persuni arrestati immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet; jinsab ferm imħasseb dwar l-allegazzjonijiet numerużi ta' kundizzjonijiet ħżiena, tortura u mwiet fil-kampijiet; ifakkar lill-awtoritajiet Ċiniżi li l-faċilitajiet ta' riedukazzjoni ma għandhom l-ebda bażi legali;

3.  Jinsab allarmat bir-rapport tal-mewt ta' Muhammad Salih Hajm, Abdulnehed Mehsum, Ayhan Memet u oħrajn, ilkoll anzjani Ujguri, akkademiċi u mexxejja tal-komunità, fil-kampijiet ta' internament;

4.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri li jiżguraw "is-superviżjoni komprensiva" tar-reġjun min-naħa tal-Istat permezz tal-installazzjoni tas-sistema ta' sorveljanza elettronika Ċiniża "Skynet" fiż-żoni urbani ewlenin, l-installazzjoni ta' trackers tal-GPS fil-vetturi kollha, l-użu ta' scanners ta' rikonoxximent tal-wiċċ fil-punti ta' kontroll u fl-istazzjonijiet tal-ferrovija u fil-pompi tal-petrol, u l-isforz ta' ġbir tad-demm mill-pulizija tax-Xinjiang biex tkompli tiġi estiża l-bażi ta' data tad-DNA taċ-Ċina;

5.  Jenfasizza li l-kontroll tal-gvern u l-ġbir massiċċ obbligatorju tad-data taċ-ċittadini jaffettwaw u għandhom fil-mira primarja tagħhomlill-Ujguri, lill-Każaki u lilminoranzi etniċi oħrajn, bi ksur tal-projbizzjoni kontra d-diskriminazzjoni skont id-dritt internazzjonali;

6.  Iħeġġeġ ukoll lill-gvern Ċiniż jagħti d-dettalji kollha ta' dawk li sparixxew b'mod furzat fix-Xinjiang lill-familji kkonċernati, inklużi l-ismijiet, il-post fejn jinsabu u l-qagħda attwali tagħhom;

7.  Jinsab ferm imħasseb dwar il-Liġi Kontra t-Terroriżmu (2015) u r-Regolament dwar id-Deestremifikazzjoni adottati miċ-Ċina, li għandhom definizzjoni ferm wiesgħa ta' x'jikkostitwixxi att terroristiku; jistieden liċ-Ċina, għalhekk, tagħmel differenza ċara bejn il-kontestazzjoni paċifika u l-estremiżmu vjolenti;

8.  Itenni t-talba tiegħu lill-Gvern Ċiniż biex minnufih u mingħajr l-ebda kundizzjoni jeħles lill-istudjuż Ujgur Ilham Tohti u lill-persuni l-oħra arrestati sempliċement minħabba l-eżerċizzju paċifiku tal-libertà tal-espressjoni tagħhom u, sakemm jinħelsu, jappella liċ-Ċina tiżgura li jkollhom aċċess regolari u mingħajr restrizzjonijiet għall-familji tagħhom u għall-avukati li jagħżlu huma; barra minn hekk, jitlob il-ħelsien ta' Eli Mamut, Haiaite Niyazi, Memetjan Abdulla, Abduhelil Zunun u Abdukerim Abduweli, kif mitlub mill-UE matul is-36 sessjoni tad-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li saret f'Beijing bejn id-9 u l-10 ta' Lulju 2018;

9.  Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jissorveljaw mill-qrib it-tibdil fl-iżviluppi tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang, inkluża l-oppressjoni dejjem akbar tal-gvern fuq l-Ujguri, il-Każaki u minoranzi etniċi oħra, u jibagħtu messaġġ b'saħħtu lill-ogħla livell tal-Gvern Ċiniż biex jintemm il-ksur grottesk tad-drittijiet tal-bniedem;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jippermettu aċċess liberu u bla xkiel għall-ġurnalisti u l-osservaturi internazzjonali fil-provinċja ta' Xinjiang;

11.  Ifakkar fl-importanza li l-UE u l-Istati Membri tagħha jqajmu l-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang mal-awtoritajiet Ċiniżi, inkluż fil-livell ta' tmexxija, f'konformità mal-impenn tal-UE li tipproġetta leħen b'saħħtu, ċar u unifikat fl-approċċ tagħha lejn il-pajjiż, inkluż id-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem annwali u s-Summit Ewro-Asjatiku li jmiss;

12.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward ir-rapporti ta' fastidju fil-konfront tal-Ujguri barra l-pajjiż mill-awtoritajiet Ċiniżi bil-għan li jġegħluhom jaġixxu bħala informaturi kontra Ujguri oħra, jirritornaw lejn ix-Xinjiang jew jibqgħu siekta dwar is-sitwazzjoni hemmhekk, xi drabi bl-arrest tal-membri tal-familja tagħhom;

13.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Ġermanja u tal-Iżvezja li jissospendu r-ritorn tal-Ujguri, il-Każaki etniċi jew ta' Musulmani oħra ta' oriġini Torka lejn iċ-Ċina b'kunsiderazzjoni tar-riskji tal-arrest arbitrarju, tat-tortura jew ta' maltrattament ieħor li jiffaċċjaw fil-pajjiż, u jsejjaħ lill-Istati Membri l-oħra kollha jagħmlu l-istess u jħaffu t-talbiet għall-asil minn Musulmani ta' oriġini Torka li jinsabu f'riskju li jiġu rritornati bil-forza lejn iċ-Ċina; jitlob ukoll lill-Istati Membri tal-UE jinvokaw il-liġi domestika, kif xieraq, biex jinvestigaw l-intimidazzjoni tal-gvern Ċiniż ta' komunitajiet ta' dijaspora Musulmani ta' oriġini Torka fl-Ewropa;

14.  Ifakkar liċ-Ċina fl-obbligi tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem wara li ffirmat firxa wiesgħa ta' trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u jfakkar, għalhekk, li ċ-Ċina hija mistennija żżomm mal-impenji msemmija;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(1) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 80.
(2) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 185.
(3) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 137.
(4) ĠU C 238, 6.7.2018, p. 108.
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0343.

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Ottubru 2018Avviż legali