Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2853(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0444/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/10/2018 - 7.9
CRE 04/10/2018 - 7.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0383

Testi adottati
PDF 359kWORD 58k
Il-Ħamis, 4 ta' Ottubru 2018 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Is-sitwazzjoni fil-Jemen
P8_TA-PROV(2018)0383RC-B8-0444/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2018/2853(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikolari dawk tal-25 ta' Frar 2016(1) u tal-15 ta' Ġunju 2017(2) dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen, u dawk tad-9 ta' Lulju 2015(3) u tat-30 ta' Novembru 2017(4) dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-rapport ippubblikat mill-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali dwar il-Jemen tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fit-28 ta' Awwissu 2018 rigward is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen, inkluż dwar vjolazzjonijiet u abbużi minn Settembru 2014 'il quddiem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u tal-Kummissarju Christos Stylianides tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar l-aħħar żviluppi madwar Hodeidah, il-Jemen, u tal-4 ta' Awwissu 2018 dwar l-attakki mill-ajru f'Hodeidah,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-24 ta' Settembru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2018 dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-15 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Settembru 2018 tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Programm Dinji tal-Ikel tad-19 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Jemen, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2216 (2015), 2201 (2015) u 2140 (2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kunflitt li għaddej fil-Jemen daħal fir-raba' sena tiegħu u billi aktar minn 22 miljun ruħ għandhom bżonn appoġġ umanitarju; billi aktar minn 17-il miljun ruħ m'għandhomx sigurtà tal-provvista tal-ikel, li minnhom aktar minn 8 miljun ruħ jinsabu fi stat gravi ta' nuqqas ta' sigurtà tal-provvista tal-ikel u f'riskju li jmutu bil-ġuħ; billi l-frammentazzjoni kurrenti tal-kunflitt hija sinjal ċar tat-tagħwir tal-unità tal-istat; billi s-sitwazzjoni fil-Jemen iġġib magħha wkoll riskji serji għall-istabbiltà tar-reġjun;

B.  billi l-kunflitt beda fl-2015, meta ribelli Houthi, appoġġjati mill-Iran warrbu l-president internazzjonalment rikonoxxut tal-Jemen, li sussegwentement daħħal fil-pajjiż koalizzjoni multinazzjonali mmexxija mill-Arabja Sawdija biex tiġġieled kontra r-ribelli u t-truppi alleati magħhom;

C.  billi, minn Novembru 2017 'l hawn, il-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija stabbiliet imblokk fuq l-importazzjonijiet kollha lejn it-territorju kkontrollat mill-Houthi, ħlief għal materjali umanitarji u ta' għajnuna urġenti; billi, skont l-OCHA, il-Jemen irċieva biss 21 % tal-fjuwil li jeħtieġ u 68 % ta' ħtiġijietu rigward l-importazzjoni tal-ikel minn meta beda l-imblokk; billi, f'ċerti każijiet, ir-ribelli Houthi bblokkaw il-konsenja ta' provvisti mediċi essenzjali u għajnuna alimentari u umanitarja lil bliet ikkontrollati mill-gvern;

D.  billi, f'Ġunju 2018, il-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u mill-Emirati Għarab Magħquda bdiet offensiva biex iġġib taħt idejha l-belt ta' Hodeidah; billi Save the Children irrapportat li din l-operazzjoni ħalliet mijiet ta' vittmi ċivili; billi Hodeidah hija l-port l-aktar importanti tal-Jemen, li minnu jgħaddi s-70 % tal-għajnuna alimentari u umanitarja essenzjali għall-pajjiż; billi, skont in-NU, kważi 470 000 ruħ ħarbu mil-Gvernaturat ta' Hodeidah mill-bidu ta' Ġunju 2018; billi attakk ieħor fuq Hodeidah ikollu konsegwenzi devastanti għall-persuni ċivili; billi l-partijiet fil-kunflitt għandhom l-obbligu li jippermettu u jiffaċilitaw il-passaġġ rapidu u mingħajr xkiel tal-għajnuna umanitarja, inkluż mediċini, ikel u oġġetti oħra meħtieġa għas-sopravivenza;

E.  billi n-negozjati għal waqfien mill-ġlied immexxija mill-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen, Martin Griffiths, wasslu għal waqfa temporanja fl-offensiva; billi l-kollass tal-aħħar tentattiv ta' taħditiet għall-paċi f'Ġinevra wassal biex l-ostilitajiet issoktaw fis-7 ta' Settembru 2018; billi, mill-bidu tal-offensiva 'l hawn, l-imwiet tal-persuni ċivili żdiedu b'164 %; billi, minkejja l-pressjoni internazzjonali biex tinstab soluzzjoni politika stabbli u inklussiva għall-kriżi, il-partijiet fil-kunflitt u s-sostenituri reġjonali u internazzjonali tagħhom, fosthom l-Arabja Sawdija u l-Iran, naqsu milli jilħqu ftehim ta' waqfien mill-ġlied jew kwalunkwe tip ta' ftehim ieħor, u l-ġlied u l-bumbardamenti indiskriminati qed ikomplu bla waqfien;

F.  billi, fid-9 ta' Awwissu 2018, attakk mill-ajru mwettaq mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija laqat xarabank tal-iskola f'suq fil-provinċja ta' Saada fit-Tramuntana tal-pajjiż, u qatel għexieren ta' nies, fosthom tal-anqas 40 tifel u tifla, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu taħt l-età ta' 10 snin; billi, ġimagħtejn wara, fl-24 ta' Awwissu, il-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija wettqet attakk ieħor, li fih tilfu ħajjithom 27 persuna ċivili, il-biċċa l-kbira minnhom tfal, li kienu qegħdin jaħarbu mill-vjolenza fil-belt assedjata ta' Hodeidah fin-Nofsinhar tal-pajjiż;

G.  billi l-kampanja mmexxija mill-Arabja Sawdija u l-bumbardamenti intensivi mill-ajru, inklużi attakki indiskriminati fuq żoni b'popolazzjoni densa, ikomplu jħarrxu l-impatt umanitarju tal-gwerra; billi l-liġijiet tal-gwerra jipprojbixxu l-attakki intenzjonati u indiskriminati fuq persuni ċivili u u fuq binjiet ċivili bħal skejjel u sptarijiet; billi, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali Indipendenti (GEE), tali attakki jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, u min iwettaqhom tista' ssirlu prosekuzzjoni għal dawn id-delitti; billi l-investigazzjonijiet tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija dwar allegati delitti tal-gwerra fil-Jemen ma kinux kredibbli u naqsu milli jipprovdu rimedju għall-vittmi ċivili;

H.  billi, minn Marzu 2015 'il hawn, aktar minn 2 500 tifel u tifla sfaw maqtula, filwaqt li aktar minn 3 500 tifel u tifla sfaw immankati jew midruba u għadd dejjem jikber ta' tfal ġew irreklutati minn forzi armati fil-post; billi n-nisa u t-tfal jintlaqtu b'mod partikolari mill-ostilitajiet li għaddejjin; billi, skont il-UNICEF, kważi żewġ miljun tifel u tifla mhumiex imorru l-iskola, fatt li jikkomprometti l-futur ta' ġenerazzjoni sħiħa ta' tfal fil-Jemen minħabba aċċess limitat għall-edukazzjoni, jew l-ebda aċċess għaliha, hekk li jsiru vulnerabbli għar-reklutaġġ militari u għall-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru;

I.  billi, f'Awwissu 2018, rapport imfassal mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonkluda li hemm "motivi raġonevoli għall-fehma" li jista' jkun li l-partijiet kollha fil-kunflitt fil-Jemen wettqu delitti tal-gwerra; billi l-forzi fuq iż-żewġ naħat tal-gwerra ġew akkużati li sparaw armi tqal lejn inħawi mibnija u popolati sew, inkluż f'attakki fuq sptarijiet u fuq strutturi mhux militari oħra;

J.  billi l-gwerra wasslet għall-qerda tal-infrastruttura u għall-kollass tal-ekonomija tal-Jemen, u kkawżat tħarbit fil-wisa' tal-prodotti bażiċi, tal-provvista tal-utilitajiet, tas-sanità, u tal-ilma tax-xorb nadif; billi l-ħlas regolari tas-salarji ta' 1,4 miljun ħaddiem tal-gvern Jemenit effettivament waqaf fi tmiem l-2016;

K.  billi l-fatt li l-midja internazzjonali u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ma jitħallewx jużaw titjiriet tan-NU jfixkel il-kopertura indipendenti tas-sitwazzjoni fil-Jemen u jikkontribwixxi għan-nuqqas ta' attenzjoni dinjija għall-kunflitt ;

L.  billi l-vjolenza sesswali bbażata fuq il-ġeneru żdiedet b'rata esponenzjali mill-bidu tal-kunflitt 'il hawn; billi l-kapaċità, li diġà kienet limitata, tas-sistema tal-ġustizzja kriminali għall-indirizzar tal-vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru sfaxxat, u billi ma saret l-ebda investigazzjoni fir-rigward ta' prattiki bħall-ħtif u l-istupru tan-nisa, jew it-theddid b'dawn l-atti, bħala mezz għall-estorsjoni tal-flus mill-familji u mill-komunitajiet tagħhom;

M.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ħabbtu wiċċhom ma' fastidju, theddid u kampanji ta' tħammiġ ma jaqtgħu xejn mill-partijiet kollha tal-kunflitt; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-attivisti nisa ffaċċjaw repressjoni speċifika abbażi tal-ġeneru tagħhom;

N.  billi l-awtoritajiet de facto Houthi għamlu kampanja sistematika ta' fastidju, detenzjonijiet arbitrarji u abużivi, kif ukoll għajbien furzat u tortura kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u minoranzi reliġjużi; billi 24 Jemenita mill-minoranza Baha'i, fosthom tifel, sarulhom akkużi li jistgħu jwasslu għall-piena tal-mewt, għal xejn aktar mit-twemmin u l-azzjonijiet paċifiċi tagħhom;

O.  billi r-ribelli Houthi ġew akkużati li kkawżaw diżgrazzji ċivili tal-massa fl-assedju tagħhom ta' Taiz, it-tielet l-ikbar belt fil-Jemen; billi wettqu gwerra ta' attrizzjoni kontra popolazzjonijiet ċivili f'żoni kkontrollati mill-gvern; billi wkoll użaw mini antipersuna projbiti u rreklutaw tfal;

P.  billi Kamel Jendoubi, President tal-GEE, li ħareġ rapport lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen fit-28 ta' Awwissu 2018, safa vittma ta' kampanja ta' tħammiġ maħsuba biex tintimida lill-GEE u tixħet dubji fuq il-konstatazzjonijiet tiegħu;

Q.  billi l-Jemen iffirma l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, iżda għad iridu jirratifikah; billi diversi dispożizzjonijiet tal-Istatut ta' Ruma, inklużi dawk relatati ma' delitti tal-gwerra, jirriflettu d-dritt internazzjonali konswetudinarju;

R.  billi, fi Frar 2018, ir-Russja ħaddmet il-veto kontra riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li tirrileva l-involviment tal-Iran fil-kunflitt;

S.  billi hemm embargo internazzjonali fuq l-armi kontra l-forzi Houthi appoġġjati mill-Iran u billi, skont it-18-il Rapport Annwali tal-UE dwar l-Esportazzjonijiet tal-Armi, l-Istati Membri tal-UE baqgħu jawtorizzaw trasferimenti ta' armi lejn l-Arabja Sawdija wara l-eskalazzjoni tal-kunflitt, bi ksur tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari;(5) billi, is-sena li għaddiet, xi pajjiżi Ewropej issospendew parzjalment jew totalment it-trasferimenti tal-armi lejn l-Arabja Sawdija u lejn l-Emirati Għarab Magħquda; billi l-Parlament talab ripetutament lill-VP/RGħ tvara inizjattiva li timponi embargo tal-UE fuq l-armi fil-konfront tal-Arabja Sawdija, bi qbil mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK;

T.  billi l-biċċa l-kbira tal-attakki mwettqa mill-forzi tal-Istati Uniti fil-Jemen huma attakki letali bid-drones; billi d-deċiżjoni li ċerti persuni jiżdiedu fil-lista tal-bersalli tal-operazzjonijiet bid-drones spiss tittieħed mingħajr mandati jew inġunzjonijiet tal-qorti; billi t-tqegħid fil-mira ta' ċerti individwi u l-qtil sussegwenti tagħhom isiru mingħajr proċess ġust u għalhekk, f'ċerti ċirkustanzi, jistgħu jitqiesu bħala qtil extraġudizzjarju;

U.  billi l-gwerra fil-Jemen ħolqot possibbiltajiet għall-gruppi estremisti, fosthom Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP), biex iwessgħu l-azzjoni tagħhom, u dan qed jhedded ir-reġjun kollu kemm hu; billi Jemen stabbli u sigur, bi gvern li jiffunzjona sewwa, huwa kruċjali għall-isforzi internazzjonali kontra l-estremiżmu u l-vjolenza fir-reġjun u lil hinn minnu, kif ukoll għall-paċi u l-istabbiltà fil-Jemen stess;

V.  billi l-istabbiltà fir-reġjun hija ta' importanza kritika għall-UE; billi l-UE hija impenjata favur approċċ komprensiv u strateġiku li jinvolvi lill-atturi reġjonali rilevanti kollha; billi s-sejbien ta' soluzzjoni politika għall-kunflitt taħt il-patroċinju tal-inizjattiva għall-paċi tan-NU fil-Jemen għandu jkun prijorità għall-UE u għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi;

W.  billi l-UE għadha impenjata li tkompli tipprovdi għajnuna li ssalva l-ħajjiet lill-persuni kollha fil-bżonn fil-Jemen; billi, fl-istess ħin, l-UE tikkondividi t-tħassib tan-NU u tad-donaturi l-oħra dwar it-tiċkin kontinwu tal-ispazju umanitarju; billi, mill-2005 sal-lum, l-UE kkontribwiet aktar minn EUR 233 miljun f'finanzjament umanitarju lill-Jemen;

1.  Jikkundanna bl-akbar qawwa l-vjolenza li għaddejja fil-Jemen u l-attakki kollha kontra l-persuni ċivili u l-infrastruttura ċivili; jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar il-kunflitt, li qed ikompli jiddeġenera f'waħda mill-aktar kriżijiet umanitarji, politiċi u ekonomiċi gravi ta' żminijietna; ifakkar lill-partijiet kollha involuti, inklużi s-sostenituri reġjonali u internazzjonali tagħhom, li t-tqegħid fil-mira intenzjonat ta' ċivili u ta' infrastruttura ċivili, inklużi l-isptarijiet u l-persunal mediku, is-sistemi tal-ilma, il-portijiet, l-ajruporti u s-swieq, jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali;

2.  Jiddispjaċih profondament għat-telf ta' ħajjiet ikkawżat mill-kunflitt u għat-tbatija ta' dawk li nqabdu fil-ġlied, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; itenni l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja lill-Jemen u lill-poplu Jemenit;

3.  Jitlob li l-partijiet kollha fil-kunflitt iwaqqfu l-ostilitajiet minnufih; iħeġġeġ lill-Arabja Sawdija u lill-atturi l-oħra involuti biex ikomplu jneħħu l-imblokk fuq il-Jemen; jitlob li l-istati kollha involuti direttament jew indirettament u l-atturi rilevanti jagħmlu l-akbar pressjoni fuq il-partijiet kollha biex dawn jaħdmu favur tnaqqis tal-intensità tal-ġlied u jtemmu minnufih l-appoġġ politiku, militari u finanzjarju li, direttament jew permezz ta' intermedjarji, jagħtu lill-atturi militari fil-post;

4.  Jenfasizza li biss soluzzjoni politika, inklussiva u nnegozjata għall-kunflitt tista' ġġib lura l-paċi u tħares l-unità, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen; jitlob li l-atturi internazzjonali u reġjonali kollha jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv mal-partijiet preżenti fil-Jemen, sabiex tkun tista' titnaqqas l-intensità tal-kunflitt u tintlaħaq soluzzjoni nnegozjata;

5.  Jappoġġja l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Jemen, Martin Griffiths, biex jerġa' jingħata bidu għall-proċess politiku; jieħu nota tad-dikjarazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-11 ta' Settembru 2018 li tgħid li "minkejja l-assenza ta' waħda mill-partijiet għall-konsultazzjonijiet f'Ġinevra l-ġimgħa li għaddiet, u anke jekk dawn ċertament ma marrux kif kien ippjanat li jmorru, xorta rnexxielna nerġgħu nagħtu bidu għall-proċess politiku b'appoġġ solidu ċar mill-poplu Jemenit u mill-komunità internazzjonali"; jilqa' ż-żjara tas-Sur Griffiths f'San'a fis-16 ta' Settembru 2018; jitlob li l-Mibgħut Speċjali jingħata aċċess sħiħ u bla xkiel għal kull parti tat-territorju tal-Jemen; jitlob li l-VP/RGħ u l-Istati Membri kollha tal-UE jagħtu appoġġ politiku lis-Sur Griffiths bil-għan li tinstab soluzzjoni nnegozjata u inklussiva;

6.  Jikkundanna bl-akbar qawwa l-attakki terroristiċi kollha; huwa mħasseb fil-fond dwar it-tqawwija tal-preżenza ta' gruppi kriminali u terroristiċi fil-Jemen, fosthom AQAP u ISIS/Da'esh; jitlob li l-partijiet kollha fil-kunflitt jieħdu azzjoni determinata kontra dawn il-gruppi; jikkundanna l-preżenza ta' ġellieda barranin u jappella biex dawn il-ġellieda kollha jitwarrbu mill-Jemen;

7.  Jitlob li l-partijiet kollha involuti jippermettu aċċess umanitarju sħiħ u immedjat għaż-żoni milquta mill-kunflitt, hekk li l-popolazzjoni fil-bżonn tkun tista' tingħata l-assistenza; jitlob li l-Kunsill u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, fl-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jidentifikaw l-individwi li qed jostakolaw il-konsenji tal-għajnuna umanitarja fil-Jemen u jimponu fuqhom sanzjonijiet imfassla apposta għalihom;

8.  Jenfasizza li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU issottolinja l-appoġġ tiegħu għall-Mekkaniżmu ta' Verifika u Spezzjoni tan-NU (UNVIM), u li l-UE tappoġġja bis-sħiħ il-kontinwazzjoni tal-UNVIM u l-implimentazzjoni sħiħa u bla xkiel tal-mandat tiegħu;

9.  Jitlob li l-partijiet kollha jwaqqfu minnufih l-attakki kollha fuq il-libertà tal-espressjoni, u jeħilsu l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha li sfaw miżmuma għal xejn aktar ħlief li eżerċitaw id-drittijiet tal-bniedem tagħhom; jitlob li l-partijiet kollha ma jibqgħux jostakolaw il-ħidma mwettqa mill-midja internazzjonali u mill-persunal umanitarju bi rbit mal-kunflitt;

10.  Jitlob li l-partijiet kollha fil-kunflitt jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jsiru investigazzjonijiet effikaċi, imparzjali u indipendenti dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur u ta' abbuż tad-drittijiet tal-bniedem u ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, f'konformità mal-istandards internazzjonali; jinsab ferm imħasseb dwar rapporti ta' atti ta' ċaħda tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, li jinkludu d-diskriminazzjoni, id-detenzjoni illegali, l-użu ta' vjolenza u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-vjolenza sesswali u ta' tipi oħra kontra n-nisa, l-irġiel, il-bniet u s-subien, bi ksur tal-istandards internazzjonali;

11.  Jitlob li l-partijiet kollha fil-kunflitt itemmu r-reklutaġġ jew l-użu ta' tfal bħala suldati, u li jtemmu vjolazzjonijiet serji oħra mwettqa kontra t-tfal bi ksur tad-dritt internazzjonali u tal-istandards internazzjonali applikabbli; jitlob li l-partijiet kollha jeħilsu t-tfal kollha li diġà ġew reklutati, u jikkooperaw man-NU bil-għan li dawn it-tfal jiġu riabilitati u jerġgħu jintegraw ruħhom fil-komunitajiet tagħhom; jappoġġja l-ħidma kruċjali tal-UNICEF fil-Jemen;

12.  Jitlob li l-Qorti Kriminali Speċjalizzata fit-territorju kkontrollat mill-Houthi f'Sana'a tassolva u tillibera lil Asmaa al-Omeissy, Saeed al-Ruwaished u Ahmed Bawazeer, li għebu bil-forza, sfaw ittorturati u kkundannati għall-mewt wara proċess inġust għall-aħħar talli allegatament għenu pajjiż għadu;

13.  Jitlob li l-Qorti Kriminali Speċjalizzata f'Sana'a, barra minn hekk, tillibera minnufih il-25 segwaċi tar-reliġjon Baha'i li qed jinżammu detenuti minħabba li pprattikaw ir-reliġjon tagħhom b'mod paċifiku, u li qed jiffaċċjaw akkużi punibbli bil-mewt;

14.  Ifakkar lill-partijiet kollha fil-kunflitt li, skont id-dritt internazzjonali, huma responsabbli għal kwalunkwe delitt li jitwettaq; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex dawk li allegatament wettqu delitt jagħtu kont ta' għemilhom, b'mod partikolari permezz tal-prosekuzzjoni nazzjonali jew internazzjonali ta' individwi, gruppi u organizzazzjonijiet li jkunu ssuspettati li wettqu tali vjolazzjonijiet, jew bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali, u permezz tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni ta' dawk li allegatament wettqu delitti atroċi fil-Jemen;

15.  Ifaħħar il-ħidma mwettqa mill-GEE tan-NU dwar il-Jemen u jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-President tiegħu, Kamel Jendoubi; jilqa' r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-24 ta' Settembru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen, li fih il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ddeċieda li jestendi l-mandat tal-GEE għal perjodu ieħor ta' sena, li jista' jiġġedded b'awtorizzazzjoni mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, biex ikompli jiġbor evidenza ta' delitti tal-gwerra u ta' delitti kontra l-umanità mwettqa fil-Jemen, bil-għan li jipprosegwixxi u jikkastiga lil dawk ħatja ta' tali vjolazzjonijiet; jitlob li s-sitwazzjoni fil-Jemen tiġi referuta lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); iħeġġeġ lill-Jemen jissieħeb fil-QKI, hekk li tkun tista' ssir il-prosekuzzjoni ta' dawk kollha responsabbli għad-delitti mwettqa matul il-kunflitt, fin-nuqqas ta' referiment lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

16.  Jitlob li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kollha jipprovdu appoġġ koeżiv, f'waqtu u effikaċi lill-GEE fil-korpi kollha rilevanti tan-NU, u fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem b'mod partikolari;

17.  Iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jopponu l-qtil extraġudizzjarju, inkluż l-użu tad-drones, jaffermaw mill-ġdid il-pożizzjoni tal-UE skont id-dritt internazzjonali u jiżguraw li l-Istati Membri ma jwettqux, ma jiffaċilitawx jew ma jiħdux sehem b'mod ieħor f'operazzjonijiet letali illegali; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jadotta Pożizzjoni Komuni dwar l-użu ta' drones armati;

18.  Jitlob li l-UE tieħu l-inizjattiva fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem biex tqajjem il-kwistjoni tas-sħubija fih ta' stati li għandhom storja dubjuża ħafna rigward id-drittijiet tal-bniedem

19.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Istati Membri biex ikomplu jagħmlu djalogu mal-pajjiżi tar-reġjun dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jistqarr li huwa lest jagħmel djalogu kostruttiv u miftuħ mal-awtoritajiet tal-pajjiżi tar-reġjun dwar it-twettiq tal-impenji internazzjonali tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem; jitlob li jsir skambju ta' għarfien espert dwar kwistjonijiet ġudizzjarji u ġuridiċi bil-għan li l-protezzjoni tad-drittijiet individwali fil-pajjiżi tar-reġjun tissaħħaħ;

20.  Jitlob li l-Kunsill jippromwovi b'mod effikaċi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, kif previst fil-linji gwida rilevanti tal-UE; itenni, b'mod partikolari, il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha tal-UE japplikaw strettament ir-regoli stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen tat-25 ta' Frar 2016 u tat-30 ta' Novembru 2017; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri kollha tal-UE biex ma jibqgħux ibigħu l-armi u kwalunkwe tagħmir militari lill-Arabja Sawdija, lill-Emirati Għarab Magħquda u lil kwalunkwe membru tal-koalizzjoni internazzjonali, kif ukoll lill-Gvern Jemenit u lil partijiet oħra fil-kunflitt;

21.  Jiddenunzja l-qerda tal-wirt kulturali tal-Jemen bl-attakki mill-ajru tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, inkluż fuq il-Belt Antika ta' Sana'a u l-belt storika ta' Zabid; jiddispjaċih għar-responsabbiltà tal-koalizzjoni għal din il-qerda u jfakkar f'dik ir-responsabbiltà, u jisħaq li l-koalizzjoni se tinżamm responsabbli wkoll għal dawn l-atti; jitlob li s-Segretarju Ġenerali tan-NU jirreferi lill-Kunsill tas-Sigurtà l-kwistjoni tal-protezzjoni tas-siti kulturali kollha li huma mhedda mill-kunflitt fil-Jemen, bil-ħsieb li tiġi adottata riżoluzzjoni dwar din il-kwistjoni;

22.  Jilqa' l-Pjan tan-NU għal Risposta Umanitarja fil-Jemen għall-2018 u l-Avveniment ta' Livell Għoli tad-Donaturi tal-2018 għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen, li matulu donaturi internazzjonali impenjaw ruħhom li jagħtu aktar minn USD 2 biljun; jiddeplora, madankollu, il-fatt li għad hemm nuqqas ta' fondi għall-Jemen; jilqa' l-fatt li l-UE impenjat ruħha li tgħin lil dawk milquta mill-kunflitt fil-Jemen u impenjat EUR 107,5 miljun; jitlob li d-donaturi kollha jissodisfaw bil-ħeffa l-impenji li ħadu; jilqa' l-fatt li l-UE se tkompli tipprovdi għajnuna għall-iżvilupp lill-Jemen, filwaqt li tagħti prijorità lil interventi maħsuba biex jistabilizzaw il-pajjiż, u li se taħdem f'żoni stabbli mal-awtoritajiet lokali biex tippromwovi r-reżiljenza, iżommu għaddejja l-provvista ta' servizzi bażiċi u jrawmu għajxien sostenibbli għall-komunitajiet;

23.  Jirriserva d-dritt li jerġa' jikkunsidra l-kwistjoni sakemm tintlaħaq soluzzjoni nnegozjata; jirrakkomanda li s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem jissorvelja l-iżviluppi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen u jipproduċi rapport dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet ċivili li twettqu fil-Jemen;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab u lill-Gvern tal-Jemen.

(1) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 142.
(2) ĠU C 331, 18.9.2018, p. 146.
(3) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 93.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0473.
(5) ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Ottubru 2018Avviż legali