Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2075(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0349/2018

Testi mressqa :

A8-0349/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P8_TA(2018)0401

Testi adottati
PDF 130kWORD 51k
L-Erbgħa, 24 ta' Ottubru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
It-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Steeve Briois
P8_TA(2018)0401A8-0349/2018

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2018 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Steeve Briois (2018/2075(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Steeve Briois, imressqa fil-21 ta' Frar 2018 mill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Libertajiet tar-Repubblika ta’ Franza b'rabta ma' inkjesta ġudizzjarja (B-49 2018/00242) miftuħa kontra Steeve Briois fil-Qorti Reġjonali ta' Nanterre fuq ilment b'intervent ċivili mill-assoċjazzjoni "Maison des Potes – Maison de l'Égalité" għal tixwix pubbliku għal diskriminazzjoni razzjali jew reliġjuża u mħabbra fis-seduta plenarja fit-28 ta' Mejju 2018,

–  wara li sema' lil Steeve Briois skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża, kif emendat mil-Liġi Kostituzzjonali Nru 95-880 tal-4 ta' Awwissu 1995,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0349/2018),

A.  billi l-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Appell ta' Versailles talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Steeve Briois, b'rabta ma' proċediment legali fir-rigward tar-reat allegat;

B.  billi t-tneħħija tal-immunità ta' Steve Briois hija marbuta mar-reat allegat ta' tixwix pubbliku għad-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' nazzjonalità, razza jew reliġjon bil-kliem, bil-miktub, b'immaġni jew b'mezz ta' kommunikazzjoni elettronika lill-pubbliku minn persuna jew persuni mhux magħrufa, reat previst mil-liġi Franċiża, jiġifieri l-Artikoli 24 paragrafu 8, 23 paragrafu 1 u 42 tal-Liġi tad-29 ta' Lulju 1881 u l-Artikolu 93 paragrafu 3 tal-Liġi Nru 82-652 tad-29 ta' Lulju 1982, li l-pieni għalih huma stabbiliti fl-Artikolu 24 paragrafi 8, 10, 11 u 12 tal-Liġi tad-29 ta' Lulju 1881 u fl-Artikolu 121 paragrafu 7 tal-Kodiċi Kriminali Franċiż;

C.  billi l-inkjesta ġudizzjarja kontra Steeve Briois infetħet insegwitu ta’ azzjoni ċivili mressqa fit-22 ta' Mejju 2014 mill-"Maison des Potes – Maison de l'Égalité";

D.  billi l-ilment kellu x'jaqsam ma' dikjarazzjonijiet li saru f'fuljett bl-isem "Manwal għall-kunsilliera lokali tal-Front National", ippubblikat fid-19 ta' Settembru 2013 u ppubblikat fuq is-sit web uffiċjali tal-federazzjoni tal-Front National fit-30 ta' Novembru 2013, li ħeġġeġ lill-kandidati tal-Front National eletti għall-kariga ta' kunsillier lokali fl-elezzjonijiet li saru fit-23 u fit-30 ta' Marzu 2014 jirrakkomandaw, fl-ewwel seduta tal-kunsill lokali l-ġdid tagħhom, li għandha tingħata prijorità lill-poplu Franċiż ("priorité nationale") meta tkun qed tiġi allokata abitazzjoni soċjali;

E.  billi l-liġi Franċiża tista' tattribwixxi r-responsabbiltà kriminali mhux biss lill-awtur materjali ta' pubblikazzjoni;

F.  billi l-investigaturi kienu infurmati fl-andament tal-investigazzjoni mid-direttur ta' dak iż-żmien tal-pubblikazzjonijiet tal-Front National li l-manwal ikkontestat kien tfassal mis-servizzi tas-segretarjat ġenerali; billi Steeve Briois dak iż-żmien kien segretarju ġenerali;

G.  billi biex ikun jista' jsir l-interrogatorju tal-ewwel dehra ta' Steeve Briois b'rabta mal-akkużi mressqa kontrih, l-awtoritajiet kompetenti ressqu talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu;

H.  billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-Parlament ta' dak l-Istat;

I.  billi l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża jipprevedi li l-ebda Membru tal-Parlament ma għandu jitressaq il-qorti, jiġi investigat, arrestat, detenut jew ipproċessat minħabba opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa fil-qadi tad-dmirijiet uffiċjali tiegħu;

J.  billi l-ambitu tal-immunità mogħtija lill-Membri tal-Parlament Franċiż jikkorrispondi fil-fatt għall-ambitu tal-immunità mogħtija lill-Membri tal-Parlament Ewropew fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea; billi l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex Membru tal-Parlament Ewropew ikun kopert bl-immunità, opinjoni trid tingħata mill-Membru fil-qadi ta' dmirijietu, u dan jimplika r-rekwiżit ta' rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari; billi tali rabta għandha tkun diretta u ovvja;

K.  billi Steeve Briois ma kienx Membru tal-Parlament Ewropew meta seħħ l-allegat reat, jiġifieri fid-19 ta' Settembru u fit-30 ta' Novembru 2013, iżda l-materjali allegatament offensivi kienu għadhom disponibbli għall-konsultazzjoni minn kwalunkwe persuna li xtaqet taċċedi għalihom fit-23 ta' Ġunju u fit-2 ta' Ottubru 2014;

L.  billi l-akkużi huma manifestament mhux relatati mal-pożizzjoni ta' Steeve Briois bħala Membru tal-Parlament Ewropew u jikkonċernaw, minflok, attivitajiet ta' natura nazzjonali jew reġjonali, peress li d-dikjarazzjonijiet saru lill-membri prospettivi tal-kunsill lokali fid-dawl tal-elezzjonijiet lokali ppjanati għat-23 u t-30 ta' Marzu 2014;

M.  billi l-azzjonijiet allegati ma humiex relatati ma' xi opinjoni espressa jew vot mitfugħ mill-Membru tal-Parlament Ewropew fil-qadi ta' dmirijietu, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

N.  billi ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jissuspetta li l-intenzjoni li fuqha huma bbażati l-proċedimenti legali, li nfetħu wara rikors mill-Assoċjazzjoni "Maison des Potes – Maison de l'Égalité" u ppreżentatż qabel ma l-Membru kiseb is-siġġu tiegħu fil-Parlament Ewropew, hija li tostakola l-ħidma parlamentari ta' Steeve Briois (fumus persecutionis);

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Steeve Briois;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Franċiża u lil Steeve Briois.

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C‑200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C‑163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Diċembru 2019Avviż legali