Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2138(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0300/2018

Testi mressqa :

A8-0300/2018

Dibattiti :

PV 23/10/2018 - 19
CRE 23/10/2018 - 19

Votazzjonijiet :

PV 24/10/2018 - 11.6

Testi adottati :

P8_TA(2018)0405

Testi adottati
PDF 152kWORD 53k
L-Erbgħa, 24 ta' Ottubru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2016: Baġit ġenerali tal-UE - Il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew
P8_TA(2018)0405A8-0300/2018
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (2017/2138(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 (COM(2017)0365 – C8-0249/2017)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-18 ta' April 2018(5) li jiddifferixxi d-deċiżjoni ta' kwittanza għas-sena finanzjarja 2016, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li takkumpanjaha(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(7), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0300/2018),

1.  Jiċħad il-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data kif ukoll lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 48, 24.2.2016.
(2) ĠU C 323, 28.9.2017, p. 1.
(3) ĠU C 322, 28.9.2017, p. 1.
(4) ĠU C 322, 28.9.2017, p. 10.
(5) ĠU L 248, 3.10.2018, p. 23..
(6) ĠU L 248, 3.10.2018, p. 24.
(7) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Ottubru 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (2017/2138(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0300/2018),

A.  Billi l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni għandhom ikunu trasparenti u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilhom bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni;

B.  Billi r-rwol tal-Parlament fir-rigward tal-kwittanza baġitarja huwa speċifikat fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u fir-Regolament Finanzjarju;

1.  Ifakkar li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom awtonomija amministrattiva fi kwistjonijiet relatati mal-operazzjonijiet rispettivi tagħhom u jissottolinja l-importanza tagħhom li jaġixxu b'mod responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġits tagħhom;

2.  Jissottolinja r-rwol tal-Parlament fil-proċedura ta' kwittanza, kif regolat mit-TFUE, mir-Regolament Finanzjarju u mir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament;

3.  Jiddispjaċih li l-Kunsill ma rrispondiex għall-kummenti magħmula mill-Parlament fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu tat-18 ta' April 2018(1), wara x-xejra mis-snin preċedenti;

4.  Jiddispjaċih ħafna li r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament ma ngħataw l-ebda segwitu u li ma ngħatat la motivazzjoni u lanqas ġustifikazzjoni; jinsisti li l-Kunsill jimplimenta l-kummenti magħmula fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-Parlament tat-18 ta' April 2018, b'mod partikolari l-kummenti ta' hawn taħt, u jirreaġixxi minnufih għall-kummenti;

5.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-bidla fundamentali li rnexxiet lejn ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni fl-ippjanar tal-baġit min-naħa tal-Kummissjoni, introdotta f'Settembru 2015 bħala parti mill-inizjattiva "Baġit tal-UE ffukat fuq ir-Riżultati"; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill japplikaw il-metodu għall-proċedura ta' ppjanar tal-baġit tagħhom stess;

Kwistjonijiet pendenti

6.  Jiddispjaċih li t-talba li l-baġit tal-Kunsill Ewropew jiġi sseparat minn dak tal-Kunsill, magħmula mill-Parlament f'riżoluzzjonijiet ta' kwittanza preċedenti, ma ġietx ikkunsidrata;

7.  Jinnota li l-Kunsill għadu qed jelabora tweġiba għar-rapport strateġiku tal-Ombudsman Ewropew dwar "It-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill" (OI/2/2017/TE), minkejja l-fatt li l-Ombudsman Ewropew talbet tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet u s-suġġerimenti tagħha għal titjib sad-9 ta' Mejju 2018; jirrikonoxxi li l-Kunsill qed jinvolvi ruħu f'riċerka serja u dettaljata fit-tħejjija tat-tweġiba tiegħu iżda, madankollu, iħeġġeġ lill-Kunsill biex jirrispetta t-talba tal-Ombudsman; ifakkar li l-Ombudsman Ewropew bagħtet ukoll is-sejbiet tagħha lill-Parlament u li tnejn mill-kumitati tiegħu bħalissa qed jaħdmu fuq rapport dwar is-sejbiet u għaldaqstant il-Kunsill huwa mitlub jibgħat it-tweġiba u s-sejbiet tiegħu lill-Parlament mill-aktar fis possibbli;

8.  Jiddispjaċih li, minkejja l-iskambju okkażjonali ta' informazzjoni bejn id-dipartimenti immobiljari tal-Parlament u tal-Kunsill, il-Kunsill għadu mhux jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-politika immobiljari tiegħu fir-rapport finanzjarju annwali tiegħu; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-politika immobiljari tiegħu u l-infiq relatat u jitlob li jkun hemm aċċess pubbliku sħiħ għal din l-informazzjoni bħala sinjal ta' trasparenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni;

9.  Itenni l-appell tiegħu għal rapporti ta' progress dwar il-proġetti immobiljari u għal analiżi dettaljata tal-ispejjeż imġarrba s'issa; jieħu nota tal-pubblikazzjoni tad-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji Finali 2017 - il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew, bid-data tat-12 ta' Ġunju 2018, li fih ġie ddikjarat li l-binja Europa se tiswa EUR 312 143 710,53;

10.  Itenni t-talba tiegħu li l-istampa ġenerali tar-riżorsi umani tkun analizzata skont il-kategorija, il-grad, is-sess, in-nazzjonalità u t-taħriġ;

11.  Jilqa' n-negozjati interistituzzjonali li għaddejjin bħalissa biex isaħħu r-reġistru ta' trasparenza tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu għal eżitu b'suċċess tan-negozjati li jwasslu lill-Kunsill biex jissieħeb fir-reġistru;

12.  Itenni t-talba tiegħu li l-Kunsill jiċċara x'miżuri ħa biex isib tarf in-nomina irregolari ta' imħallef għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea(2);

13.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni; josserva li f'dan l-istadju ma tista' ssir l-ebda previżjoni dwar il-konsegwenzi finanzjarji, amministrattivi, umani u oħrajn relatati mal-ħruġ; jitlob lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt u jinformaw lill-Parlament dwar ir-riżultati sa tmiem l-2018.

Il-qagħda kurrenti

14.  Jilqa' l-iskambji informali li saru bejn il-Parlament u l-Kunsill sabiex jiġu diskussi soluzzjonijiet għall-istall kurrenti fir-rigward tal-proċedura ta' kwittanza; jinnota li l-Kunsill wieġeb il-proposta tal-Parlament dwar il-proċedura għall-eżerċizzju tal-kwittanza tal-Kunsill fit-2 ta' Mejju 2018 bi proposta emendata, u li wara laqgħa informali bejn il-Parlament u l-Kunsill fl-10 ta' Lulju 2018, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit bagħat ir-reazzjoni tiegħu għall-proposta emendata tal-Kunsill fil-21 ta' Lulju 2018; iħeġġeġ lill-Kunsill jirreaġixxi malajr għall-aħħar proposti mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, biex b'hekk l-arranġamenti l-ġodda għall-eżerċizzju ta' kwittanza jkunu jistgħu jiġu applikati mill-aktar fis possibbli;

15.  Jiddispjaċih bid-diffikultajiet li tfaċċaw b'mod ripetut sal-lum fil-proċeduri ta' kwittanza, li kienu minħabba nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-Kunsill; jirrimarka li l-Parlament ċaħad l-għoti ta' kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-snin finanzjarji 2009, 2010, 2011, 2012, 2013, 2014 u 2015 għar-raġunijiet stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Mejju 2011(3), tal-25 ta' Ottubru 2011(4), tal-10 ta' Mejju 2012(5), tat-23 ta' Ottubru 2012(6), tas-17 ta' April 2013(7), tad-9 ta' Ottubru 2013(8), tat-3 ta' April 2014(9), tat-23 ta' Ottubru 2014(10), tas-27 ta' Ottubru 2015(11), tas-27 ta' Ottubru 2016(12) u tal-25 ta' Ottubru 2017(13) u ddifferixxa d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-sena finanzjarja 2016 għar-raġunijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2018;

16.  Jinnota l-fehma tal-Kummissjoni, kif espressa f'Jannar 2014, li l-istituzzjonijiet kollha huma parti sħiħa mill-proċess ta' segwitu għall-kummenti magħmula mill-Parlament fl-eżerċizzju tal-kwittanza, u li l-istituzzjonijiet kollha għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-funzjonament mingħajr xkiel tal-proċedura ta' kwittanza;

17.  Jinnota li l-Kummissjoni sostniet li mhijiex se tissorvelja l-implimentazzjoni tal-baġit tal-istituzzjonijiet l-oħra u li l-fatt li twieġeb mistoqsijiet indirizzati lil istituzzjoni oħra jikser l-awtonomija ta' dik l-istituzzjoni biex timplimenta t-taqsima tagħha stess tal-baġit;

18.  Jiddispjaċih li l-Kunsill għadu qiegħed jonqos milli jwieġeb il-mistoqsijiet tal-Parlament;

19.  Jinsisti li n-nefqa tal-Kunsill trid tgħaddi minn skrutinju bl-istess mod bħal dik tal-istituzzjonijiet l-oħra u li l-elementi fundamentali ta' dan l-iskrutinju huma stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza tiegħu tas-snin li għaddew;

20.  Jenfasizza l-prerogattiva tal-Parlament li jagħti l-kwittanza skont l-Artikoli 316, 317 u 319 tat-TFUE, f'konformità mal-interpretazzjoni u l-prassi tal-lum, speċifikament li jagħti l-kwittanza għal kull intestatura tal-baġit b'mod individwali sabiex jinżammu t-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika lill-kontribwenti tal-Unjoni.

(1) ĠU L 248, 3.10.2018, p. 24.
(2) Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) tat-23 ta' Jannar 2018, FV vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, T-639/16 P, ECLI:EU:T:2018:22.
(3) ĠU L 250, 27.9.2011, p. 25.
(4) ĠU L 313, 26.11.2011, p. 13.
(5) ĠU L 286, 17.10.2012, p. 23.
(6) ĠU L 350, 20.12.2012, p. 71.
(7) ĠU L 308, 16.11.2013, p. 22.
(8) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 97.
(9) ĠU L 266, 5.9.2014, p. 26.
(10) ĠU L 334, 21.11.2014, p. 95.
(11) ĠU L 314, 1.12.2015, p. 49.
(12) ĠU L 333, 8.12.2016, p. 50.
(13) ĠU L 318, 2.12.2017, p. 25.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Diċembru 2019Avviż legali