Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2006(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0298/2018

Testi mressqa :

A8-0298/2018

Dibattiti :

PV 25/10/2018 - 10
CRE 25/10/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.2

Testi adottati :

P8_TA(2018)0419

Testi adottati
PDF 128kWORD 54k
Il-Ħamis, 25 ta' Ottubru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE - L-irkupru ta' flus u assi minn pajjiżi terzi f'każijiet ta' frodi
P8_TA(2018)0419A8-0298/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – L-irkupru ta' flus u assi minn pajjiżi terzi f'każijiet ta' frodi (2018/2006(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-tmintax-il rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) dwar is-sena 2017,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE")(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2016 dwar pjan ta' azzjoni dwar il-VAT: Lejn żona unika tal-VAT fl-UE - Iż-żmien biex niddeċiedu(COM(2016)0148),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-3 ta' Settembru 2018 intitolat "Id-29 Rapport Annwali dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Ġlieda kontra l-frodi – 2017" (COM(2018)0553) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawh (SWD(2018)0381 sa 0386),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport finali)(5) (riżoluzzjoni CRIM) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u segwitu għar-riżoluzzjoni CRIM(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali Nru 470 tal-Ewrobarometru,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-frodi doganali u l-protezzjoni tar-riżorsi proprji tal-UE (O-000066/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0298/2018),

A.  billi l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE jenħtieġ li tkun element ewlieni tal-politika tal-UE li għandha l-għan li żżid il-fiduċja taċ-ċittadini billi tiżgura li flushom jintużaw b'mod xieraq u effettiv;

B.  billi d-diversità fis-sistemi legali u amministrattivi fl-Istati Membri tippreżenta ambjent diffiċli għall-ġlieda kontra l-frodi, u fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni uniformi fil-livell Ewropew biex tiġġieled kontra l-kriminalità organizzata;

C.  billi l-Artikolu 325(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jiddikjara li l-"Istati Membri għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħalma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess";

D.  billi d-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta' mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea(7) tintroduċi standards minimi tal-UE dwar l-iffriżar ta' proprjetà bil-ħsieb ta' konfiska sussegwenti possibbli u dwar il-konfiska ta' proprjetà fi kwistjonijiet kriminali;

E.  billi l-proposta tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2016 għal regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska (2016/0412(COD)) tintroduċi mezzi ta' kooperazzjoni standardizzati fost l-Istati Membri;

F.  billi l-ebda wieħed minn dawn l-istrumenti ma jista' japplika għal pajjiżi terzi;

G.  billi r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939, u b'mod partikolari l-Artikolu 104 tiegħu, jipprevedi mezzi ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi;

H.  billi l-Artikolu 3(4) tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-flus, it-Tiftix, is-Sekwestru u l-Konfiska tar-Rikavat minn Attività Kriminali u dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu (CETS Nru 198) jiddikjara li: Kull Parti għandha tadotta dawk il-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra skont il-bżonn biex tirrikjedi li, fir-rigward ta' reat jew reati serji kif definiti mil-liġi nazzjonali, awtur ta' reat juri l-oriġini tar-rikavati allegati jew ta' proprjetà oħra soġġetta għal konfiska sal-punt li tali rekwiżit ikun konsistenti mal-prinċipji tal-liġi domestika tiegħu;

I.  billi fil-livell reġjonali u globali n-NU u l-Kunsill tal-Ewropa żviluppaw diversi konvenzjonijiet u mekkaniżmi b'rabta mal-konfiska u l-irkupru tal-assi, jiġifieri l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni tal-31 ta' Ottubru 2003, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali tal-15 ta' Novembru 2000, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-flus, it-Tiftix, is-Sekwestru u l-Konfiska tar-Rikavat minn Attività Kriminali u dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu tas-16 ta' Mejju 2005, u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, is-Sekwestru u l-Konfiska tar-Rikavat minn Attività Kriminali tat-8 ta' Novembru 1990; billi, madankollu, għal diversi raġunijiet dawn l-istrumenti mhux dejjem jippermettu rkupru effettiv u f'waqtu tal-assi misruqa;

J.  billi din il-kwistjoni ġiet indikata mill-UE bħala waħda mill-prijoritajiet tal-politika estera u ta' sigurtà komuni; billi proġetti pilota u preparatorji qed jiġu implimentati f'dan ir-rigward;

K.  billi skont l-Artikoli 1, 3 u 14 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi(8), l-OLAF għandu mandat li jinvestiga kull fejn jintefqu flus l-UE, inkluż f'pajjiżi mhux tal-UE li jirċievu assistenza mingħandha;

L.  billi, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-OLAF jista' jidħol f'arranġamenti ta' kooperazzjoni amministrattiva ma' awtoritajiet kompetenti f'pajjiżi terzi, wara koordinazzjoni minn qabel mas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni u mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;

1.  Jenfasizza l-problema attwali ta' fondi tal-UE mitlufa minħabba każijiet ta' frodi li jinvolvu fondi li qed jiġu trasferiti lil pajjiżi terzi;

2.  Jisħaq fuq il-ħtieġa, għall-finijiet tal-prevenzjoni, li jiġu evitati trasferimenti ta' fondi permezz ta' intermedjarji finanzjarji li joperaw f'ġurisdizzjonijiet mhux trasparenti u mhux kooperattivi;

3.  Jenfasizza bi tħassib li l-fondi minn pajjiżi terzi jistgħu wkoll jiġu trasferiti b'mod frodulenti lejn l-UE; jissottolinja li r-riżultat tal-Azzjoni Preparatorja ffinanzjata mill-UE dwar l-appoġġ għall-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija biex jiġi implimentat l-irkupru tal-assi mwettqa mill-Istitut Interreġjonali ta' Riċerka tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kriminalità u l-Ġustizzja (UNICRI) għandu jwassal għal programm tal-UE permanenti u usa' għall-implimentazzjoni tal-irkupru tal-assi;

4.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-iżborż tal-fondi jiġi marbut mal-pubblikazzjoni ta' data dwar is-sjieda benefiċjarja, sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru tal-assi f'każ ta' frodi;

5.  Jissottolinja li, sfortunatament, s'issa l-UE kkonkludiet biss ftehimiet dwar l-assistenza legali reċiproka ma' ftit pajjiżi terzi, bħall-Ġappun, in-Norveġja, l-Liechtenstein u l-Istati Uniti,, minkejja l-fatt li huwa suspettat li l-fondi huma wkoll trasferiti lejn ġurisdizzjonijiet oħra; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-isforzi biex jintlaħqu ftehimiet ma' pajjiżi terzi li jirċievu finanzjament mill-UE;

6.  Jiddispjaċih għall-fatt li bosta Stati Membri attwalment iridu jiddependu fuq ftehimiet bilaterali u li ma hemm l-ebda approċċ tal-UE għal din il-kwistjoni serja; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa għal approċċ aktar unifikat;

7.  Jitlob lill-UE tavvanza fl-applikazzjoni tagħha għas-sħubija tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropa malajr kemm jista' jkun, u żżomm lill-Parlament aġġornat dwar din il-kwistjoni;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tkun aktar ħarxa fil-pożizzjoni tagħha fi ftehimiet iffirmati ma' pajjiżi terzi billi żżid klawżoli kontra l-frodi; jiddispjaċih għall-fatt li ma hemm l-ebda data dwar l-ammont ta' fondi tal-UE mitlufa kull sena minħabba każijiet frodulenti marbuta ma' trasferiment ta' flus lil pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tikkalkula l-ammont ta' fondi tal-UE li ntilfu;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tar-riskju tal-liġijiet tal-UE li jiffaċilitaw it-trasferiment illegali ta' flus barra mill-UE, u tneħħi l-punti sensittivi f'dawk il-liġijiet;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi metodu standardizzat ta' ġbir ta' data, li jkun identiku għall-Istati Membri kollha, biex jippermetti li jiġi identifikat it-trasferiment ta' assi frodulenti lil pajjiżi terzi, bil-għan li tinħoloq bażi ta' data ċentrali tal-UE malajr kemm jista' jkun; jissottolinja li diġà jeżisti mekkaniżmu bħal dan biex jiġġieled il-ħasil tal-flus, u li dan il-mekkaniżmu jista' jiġi estiż;

11.  Jissottolinja li l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-flus, it-Tiftix, is-Sekwestru u l-Konfiska tar-Rikavat minn Attività Kriminali u dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu tas-16 ta' Mejju 2005 u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, is-Sekwestru u l-Konfiska tar-Rikavat minn Attività Kriminali tat-8 ta' Novembru 1990 jikkostitwixxu strumenti importanti li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi relatati mal-iffriżar u l-irkupru tal-assi; jilqa' l-konklużjoni b'suċċess tan-negozjati dwar il-proposta għal regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska, u jinnota li l-elementi ewlenin tagħha jistgħu jiffurmaw bażi utli għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fil-kuntest ta' konvenzjonijiet internazzjonali u ftehimiet bilaterali li l-UE hija parti minnhom;

12.  Jiddispjaċih għall-fatt li mhux l-Istati Membri kollha tal-UE qablu li jkunu parti mill-UPPE; jisħaq fuq l-importanza li l-UPPE jsir il-protagonist ewlieni ta' kwalunkwe mekkaniżmu futur għall-irkupru fil-pajjiżi terzi, u li dan jirrikjedi li jkun rikonoxxut għal dan l-iskop bħala awtorità kompetenti, skont l-Artikolu 104 tar-Regolament dwar l-UPPE, fit-trattati eżistenti u futuri dwar l-assistenza legali reċiproka u l-irkupru tal-assi, b'mod partikolari l-Konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa u tan-NU;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi.

(1) ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29.
(2) ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.
(3) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.
(4) ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.
(5) ĠU C 208, 10.6.2016, p. 89.
(6) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 96.
(7) ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39.
(8) ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Diċembru 2019Avviż legali