Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2034(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0329/2018

Testi mressqa :

A8-0329/2018

Dibattiti :

PV 22/10/2018 - 18
CRE 22/10/2018 - 18

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.16

Testi adottati :

P8_TA(2018)0432

Testi adottati
PDF 395kWORD 65k
Il-Ħamis, 25 ta' Ottubru 2018 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Politiki soċjali u tal-impjiegi taż-żona tal-euro
P8_TA-PROV(2018)0432A8-0329/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-politiki tal-impjieg u soċjali taż-żona tal-euro (2018/2034(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tas-16 ta' Frar 2012 bit-titolu "Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli" (COM(2012)0055),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 145, 148, 149, 152, 153, 174 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet(1),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-Titolu IV (Solidarjetà) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, b'mod partikolari l-għanijiet Nri 1, 3, 4, 5, 8, 10 u 13,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar "Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa",

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2018 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2015 dwar il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni ta' żvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Mejju 2018 dwar is-Semestru Ewropew 2018 - Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (COM(2018)0400),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018" (COM(2017)0690),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tat-22 ta' Novembru 2017 li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018 (COM(2017)0674),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (COM(2017)0677), u l-pożizzjoni tal-Parlament dwarha tad-19 ta' April 2018(3),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2017)0770),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2018" (COM(2017)0771),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji għall-2018: Valutazzjoni Globali" (COM(2017)0800),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 bit-titolu "L-istabbiliment tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali" (COM(2017)0250),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 bit-titolu "Inizjattiva ta' appoġġ għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw li jaħdmu" (COM(2017)0252),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 bit-titolu "Taking stock of the 2013 Recommendation on "Investing in children: breaking the cycle of disadvantage"" (Rendikont tar-Rakkomandazzjoni tal-2013 dwar "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ") (SWD(2017)0258),

–  wara li kkunsidra l-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019 u l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2011-2020 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-Patt Ewropew(4),

–  wara li kkunsidra l-miri ta' Barċellona dwar il-kura tat-tfal tal-2002, jiġifieri li sal-2010 tiġi pprovduta kura tat-tfal mill-inqas lil 90 % tat-tfal bejn it-tliet snin u l-età obbligatorja tal-iskola u mill-inqas lil 33 % tat-tfal taħt it-tliet snin,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2016 bit-titolu "Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ: tliet snin wara" (COM(2016)0646),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (COM(2016)0604),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu "It-Tisħiħ tal-Investimenti Ewropej għall-impjieg u t-tkabbir: Lejn it-tieni fażi tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u pjan ġdid ta' Investiment Estern għall-Ewropa" (COM(2016)0581),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività" (COM(2016)0381),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2016 bl-isem "Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva" (COM(2016)0356),

–  wara li kkunsidra l-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "L-Ewropa tinvesti mill-ġdid – Rendikont tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u l-passi li jmiss" (COM(2016)0359),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2016 dwar it-tnedija ta' konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2016)0127) u l-annessi tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-mezzi possibbli ta' reintegrazzjoni tal-ħaddiema li qed jirkupraw minn korriment u mard f'impjieg ta' kwalità(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi bħala xprun biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar il-politiki dwar l-introjtu minimu bħala għodda biex jiġi ttrattat il-faqar(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 dwar aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-faqar: perspettiva tas-sessi(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-Qafas Strateġiku tal-Unjoni Ewropea dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020(14),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2018 tal-Kummissjoni dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet: l-adegwatezza tad-dħul attwali u futur fix-xjuħija fl-UE,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu "The 2018 Ageing Report: Economic and Budgetary Projections for the EU Member States (2016-2070)" (Ir-Rapport tal-2018 dwar it-Tixjiħ: Projezzjonijiet Ekonomiċi u Baġitarji għall-Istati Membri tal-UE (2016-2070)),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' xogħol mhux iddikjarat(15),

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta u l-Proċess ta' Turin, li tnieda fl-2014 u li għandu l-għan li jsaħħaħ is-sistema tat-trattat tal-Karta Soċjali Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa u fir-relazzjoni tiegħu mad-dritt tal-Unjoni Ewropea(16),

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tar-rapport tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà dwar ir-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea (Settembru 2015),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 5/2017 tal-Qorti tal-Awdituri ta' Marzu 2017 bit-titolu: "Il-qgħad fost iż-żgħażagħ – il-politiki tal-UE għamlu differenza? Valutazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0329/2018),

A.  billi f'Ġunju 2018, ir-rata tal-qgħad aġġustata skont l-istaġun fiż-żona tal-euro kienet ta' 8,3 %, li naqset minn 9,0 % f'Ġunju 2017, u hija l-anqas rata rreġistrata fiż-żona tal-euro minn Diċembru 2008; billi d-differenza fir-rati tal-qgħad fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro hija sinifikanti, meta wieħed iqis li l-anqas rati tal-qgħad f'Ġunju 2018 kienu rreġistrati f'Malta (3,9 %) u fil-Ġermanja (3,4 %), filwaqt li l-ogħla rati ta' qgħad – li għadhom kwistjonijiet ta' tħassib – kienu osservati fil-Greċja (20,2 % f'April 2018) u fi Spanja (15,2 %), li r-rati ta' impjieg tagħhom kienu 57,8 % u 65,5 % rispettivament;

B.  billi f'Ġunju 2018, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fiż-żona tal-euro kienet ta' 16,9 % meta mqabbla ma' 18,9 % f'Ġunju 2017; filwaqt li din ir-rata, minkejja li kontinwament qiegħda tonqos, għadha għolja b'mod mhux aċċettabbli, u hija d-doppju tal-medja tal-qgħad totali, b'madwar żagħżagħ minn kull tlieta jinsab qiegħed f'ċerti pajjiżi; billi r-responsabbiltà primarja għall-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija tal-Istati Membri f'termini tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' oqfsa regolatorji tas-suq tax-xogħol, sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ u politiki attivi tas-suq tax-xogħol sabiex jiżguraw, fost oħrajn, il-ħolqien ta' opportunitajiet ta' xogħol deċenti b'pagi deċenti;

C.  billi d-differenza fir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Istati Membri taż-żona tal-euro hija sinifikanti wkoll, peress li l-anqas rati ta' qgħad fiż-żona tal-euro f'Ġunju 2018 kienu rreġistrati f'Malta (5,5 %) u fil-Ġermanja (6,2 %) filwaqt li l-ogħla rati kienu rreġistrati fil-Greċja (42,3 % f'April 2018), fi Spanja (34,1 %) u fl-Italja (32,6 %);

D.  billi Stati Membri oħrajn qegħdin jaffaċċjaw sfidi strutturali fis-suq tax-xogħol bħall-parteċipazzjoni baxxa, u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u tal-kwalifiki; billi hemm ħtieġa li dejjem qed tiżdied ta' miżuri konkreti għall-integrazzjoni jew l-integrazzjoni mill-ġdid ta' forza tax-xogħol inattiva sabiex jintlaħqu d-domandi tas-suq tax-xogħol;

E.  billi r-rata ta' impjieg totali fiż-żona tal-euro fl-2017 kienet ta' 71,0 %, filwaqt li r-rata ta' impjieg għan-nisa kienet ta' 65,4 %; billi l-mira tal-Unjoni Ewropea skont l-Istrateġija Ewropa 2020 hija li tinkiseb rata ta' impjieg ta' mill-inqas 75 % għall-persuni ta' bejn 20 u 64 sena, inkluż bl-involviment akbar tan-nisa, ta' ħaddiema akbar fl-età u ta' integrazzjoni aħjar tal-migranti fil-forza tax-xogħol; billi r-rata ta' impjieg fiż-żona tal-euro sal-aħħar tal-2016 qabżet l-ogħla livell ta' qabel il-kriżi, u żdiedet b'1,5 % fit-tieni kwart tal-2018 meta mqabbla mal-istess kwart tas-sena ta' qabel; billi, madankollu, hija għadha ma laħqitx il-livelli rreġistrati għaxar snin ilu f'xi Stati Membri, meta wieħed jikkunsidra li fil-pajjiżi tal-Lvant dan jista' jiġi attribwit għal tnaqqis fit-tul fil-popolazzjoni globali aktar milli għal żviluppi fis-suq tax-xogħol; billi t-tendenza ta' tnaqqis fis-sigħat maħduma għal kull persuna impjegata minħabba, fost oħrajn, xogħol part-time furzat, għadha inkwetanti, bi tnaqqis żgħir (0,3 %) fl-2017 meta mqabbel mas-sena preċedenti u li għadha f'livell ta' madwar 3,0 % inqas minn dak fl-2008(17);

F.  billi s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol taffettwa b'mod partikolari lin-nisa, lill-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet, liż-żgħażagħ u lill-persuni akbar fl-età, lill-persuni b'diżabbiltà u lill-persuni li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni, li għandhom probabbiltà akbar li jkunu impjegati f'xogħol part-time u temporanju, li għadhom jippersistu flimkien ma' forom mhux standard u atipiċi ta' impjieg u impjieg indipendenti fittizju; billi, fl-2017, ir-rata ta' impjieg ta' dawk li għandhom bejn il-55 u l-64 sena fl-UE kienet ta' 57 %, 10 punti perċentwali inqas mir-rata ta' impjieg ġenerali, b'diskrepanza bejn is-sessi ta' 13-il punt perċentwali – 3 punti ogħla miċ-ċifra korrispondenti għall-popolazzjoni totali fl-età tax-xogħol; billi d-demografija tipprevedi għadd dejjem jikber ta' ħaddiema akbar fl-età;

G.  billi l-aċċess universali għal kura tas-saħħa ta' kwalità huwa bżonn bażiku li jrid ikun żgurat u investit mill-Istati Membri;

H.  billi fl-2016, il-perċentwal ta' persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fiż-żona tal-euro kien ta' 23,1 %, ċifra li għadha ogħla miċ-ċifra tal-2009, u r-rata ta' faqar fost dawk li jaħdmu kienet ta' 9,5 %; billi għad hemm 118-il miljun ċittadin Ewropew li jinsabu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, miljun persuna aktar mil-livell ta' qabel il-kriżi; billi l-mira tal-Ewropa 2020 li r-riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali jitnaqqas b'20 miljun relattiv għall-parametru referenzjarju tal-2008 għadha pjuttost 'il bogħod milli tinkiseb; billi filwaqt li r-rati ta' deprivazzjoni materjali qed jonqsu, ir-rati monetarji u ta' dawk f'riskju ta' faqar qed jiżdiedu;

I.  billi fiż-żona tal-euro r-rata tal-qgħad fit-tul qed tonqos (minn 5 % fl-2016 għal 4,4 % fl-2017), iżda billi għadha tammonta għal 48,5 % tal-qgħad totali, li huwa għoli b'mod inaċċettabbli;

J.  billi skont ir-rieżami annwali tal-2018 tal-Iżviluppi fl-Impjieg u dawk Soċjali fl-Ewropa (ESDE), il-pass tat-tkabbir ristrett fil-produttività għal kull persuna impjegata li qed jaffettwa t-tkabbir fil-pagi huwa marbut ma' fatturi bħas-sehem ogħla ta' impjiegi part-time u l-għadd aktar baxx ta' sigħat maħduma;

K.  billi r-rata tal-impjiegi part-time u temporanji fiż-żona tal-euro baqgħet stabbli mill-2013, minkejja li tirrappreżenta proporzjon għoli tal-impjiegi totali, u billi fl-2017 ix-xogħol part-time kien jammonta għal 21,2 % tal-kuntratti kollha; billi l-perċentwal tal-impjiegi part-time fost in-nisa (31,4 %) huwa ogħla b'mod sinifikanti minn fost l-irġiel (8,2 %), fenomenu li jista' jkollu riperkussjonijiet sinifikanti għall-introjtu u l-intitolamenti ta' protezzjoni soċjali; billi fl-2016 iż-żgħażagħ kellhom bil-bosta l-ogħla sehem ta' kuntratti temporanji – 43,8 % tal-impjegati kollha li għandhom bejn il-15 u l-24 sena;

L.  billi l-adegwatezza tal-pensjonijiet għadha sfida, peress li r-riskju ta' esklużjoni soċjali qed jiżdied bl-età, filwaqt li d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi ta' 37 % għadha tippreżenta sfida għall-bosta nisa anzjani, filwaqt li żżid ir-riskju tagħhom ta' faqar u esklużjoni soċjali; billi l-intitolamenti tal-pensjoni tal-persuni f'impjieg mhux standard u f'impjieg indipendenti huma aktar baxxi minn dawk għall-impjegati;

M.  billi l-aċċess għal servizzi soċjali, bħas-servizzi għall-indukrar tat-tfal, tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul, kif ukoll servizzi affordabbli li jappoġġaw il-mobbiltà, għandhom impatt sinifikanti fuq l-adegwatezza tal-introjtu, b'mod partikolari għall-persuni b'introjtu baxx jew li jiddependu fuq il-protezzjoni soċjali;

1.  Jinnota li filwaqt li l-kundizzjonijiet ekonomiċi fiż-żona tal-euro huma attwalment favorevoli u l-impjieg ġenerali dejjem qed jikber, l-irkupru ekonomiku mhuwiex imqassam b'mod ekwu fiż-żona tal-euro, u għad hemm lok għal ħafna titjib f'termini tal-konverġenza ekonomika, tal-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul, l-iżbilanċi bejn is-sessi, il-ġlieda kontra s-segmentazzjoni u l-inugwaljanzi tas-suq tax-xogħol, speċjalment dawk marbuta ma' gruppi vulnerabbli, u f'termini ta' tnaqqis tal-għadd ta' persuni li jaħdmu taħt il-livell ta' kwalifika tagħhom, tal-faqar b'mod ġenerali u tal-faqar fost dawk li jaħdmu, b'mod partikolari l-qerda tal-faqar fost it-tfal, u t-trawwim tal-produttività u ż-żidiet fil-pagi; jinnota li l-inugwaljanzi fl-introjtu kienu jkunu ogħla mingħajr l-effetti ridistributtivi tat-trasferimenti soċjali, li fl-2015 naqqsu l-perċentwal ta' persuni f'riskju ta' faqar b'madwar terz (33,7 %); jilmenta dwar il-fatt, madankollu, li l-impatti tagħhom ma kinux biżżejjed u jvarjaw bil-kbir fost l-Istati Membri, bit-tnaqqis tal-inugwaljanza fl-introjtu b'aktar minn 20 % fil-Belġju, fil-Finlandja u fl-Irlanda, iżda b'inqas minn 10 % fl-Estonja, fil-Greċja, fl-Italja, fil-Latvja u fil-Portugall;

2.  Jenfasizza li t-tgawdija tad-drittijiet soċjali u sistema ta' protezzjoni soċjali li tiffunzjona sew, hija effiċjenti u li tipprovdi protezzjoni adegwata lill-ħaddiema kollha, irrispettivament mit-tip tar-relazzjoni ta' impjieg, kuntratt jew forma ta' impjieg tagħhom, huma prekundizzjonijiet importanti, flimkien ma' politiki attivi u sostenibbli tas-suq tax-xogħol, għat-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, b'mod partikolari għal dawk l-aktar vulnerabbli, billi jiżguraw swieq tax-xogħol nazzjonali inklużivi u jsaħħu r-reżiljenza u l-kompetittività tal-ekonomija taż-żona tal-euro kollha;

3.  Jilqa' ż-żieda fl-appoġġ finanzjarju, permezz tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP), għall-Istati Membri biex isegwu r-riformi tagħhom għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità biex tingħata spinta lill-impjiegi, għat-tnaqqis tal-qgħad b'enfasi fuq l-indirizzar tal-qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ, u dwar l-objettiv ta' żidiet fil-pagi; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex jitkabbar l-ambitu tal-SRSP biex ikopri l-pajjiżi li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, bil-għan li titrawwem il-konverġenza ekonomika u soċjali fl-UE;

4.  Jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) tal-Kummissjoni tal-2018 bħala parti importanti tal-proċess tas-Semestru Ewropew, u jilqa' l-attenzjoni speċjali mogħtija fihom għall-isfidi soċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura koerenza bejn CSRs soċjali u ekonomiċi u tirrispetta l-klawsola ta' flessibbiltà fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, kif iddikjarat fil-Pożizzjoni miftiehma b'mod komuni tal-Kunsill dwar il-Flessibbiltà fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir; jinnota bi tħassib li 50 % biss tas-CSRs għall-2017 kienu implimentati b'mod sħiħ jew parzjalment, u għaldaqstant, jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet, b'mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:

   il-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluż il-faqar fost it-tfal u dawk li jaħdmu, speċjalment fost il-grupp vulnerabbli,
   il-qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ, f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol(18);
   l-inugwaljanzi fl-introjtu,
   iż-żieda fil-pagi,
   il-ġlieda kontra t-tluq bikri mill-iskola u l-għadd kbir ta' persuni barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs),
   l-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET),
   is-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjonijiet,
   il-kura tas-saħħa, inkluż il-kura fit-tul,
   impjiegi siguri u adattabbli
   il-bilanċi bejn is-sessi, b'mod partikolari l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u d-diskrepanzi fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn is-sessi;

5.  Jenfasizza, għalhekk, li l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, aċċess ugwali għall-protezzjoni soċjali, irrispettivament mir-relazzjoni tal-impjieg jew it-tip ta' kuntratt, u ż-żidiet fil-pagi għandhom impatt sinifikanti fuq it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, ir-riskju ta' faqar u l-esklużjoni soċjali, u jgħinu biex jittejbu l-istandards tal-għajxien u jappoġġaw l-irkupru ekonomiku; jenfasizza li r-riformi tal-Istati Membri, kif rakkomandati mill-Kummissjoni permezz tas-CSRs, għandhom għalhekk jiffokaw b'mod partikolari fuq politiki li jżidu l-potenzjal tal-produttività u tat-tkabbir sostenibbli, jappoġġaw il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u jnaqqsu l-inugwaljanzi u l-faqar, speċjalment il-faqar fost it-tfal; iħeġġeġ il-ħolqien ta' forom ta' impjiegi b'terminu ta' żmien indeterminat, filwaqt li tiġi żgurata l-adattabbiltà, jiġi promoss suq tax-xogħol inklużiv u jiġi żgurat bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

6.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Marzu 2018 dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) (COM(2018)0130), li tallinja l-Pilastru maċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew billi jirrifletti l-prijoritajiet tal-EPSR fl-analiżi tal-miżuri meħuda u l-progress li sar fil-livell nazzjonali; jenfasizza li l-għanijiet u l-impenji soċjali tal-UE għandhom ikunu prijorità fuq l-istess livell tal-għanijiet ekonomiċi tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu d-drittijiet soċjali billi jimplimentaw l-EPSR b'tali mod li tinbena dimensjoni soċjali reali għall-UE (permezz ta' leġiżlazzjoni, mekkaniżmi ta' tfassil ta' politika u strumenti finanzjarji pprovduti fil-livell xieraq);

7.  Jinnota li s-swieq tax-xogħol ta' pajjiżi fiż-żona tal-euro huma differenti b'mod sinifikanti, li jikkostitwixxi sfida għall-funzjonament xieraq tagħhom; jappella, għaldaqstant, għalkemm mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta' sussidjarjetà, għal politiki u riformi tas-suq tax-xogħol imfassla sew li joħolqu impjiegi ta' kwalità, jippromwovu opportunitajiet indaqs, trattament ugwali tal-ħaddiema, u l-ekonomija soċjali u solidali, jiffaċilitaw l-aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali, jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, jerġgħu jintegraw lil dawk qiegħda u jindirizzaw l-inugwaljanzi u l-iżbilanċi bejn is-sessi; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki soċjali u ekonomiċi f'konformità mal-prinċipji tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol(19), speċifikament billi jiżguraw l-għoti ta' għajnuna ta' introjtu adegwat, swieq tax-xogħol aċċessibbli u aċċess għal servizzi ta' kwalità, elementi li kollha kemm huma jitqiesu bħala fundamentali għal eżiti sostenibbli;

8.  Jissottolinja l-bżonn li jiżdiedu r-rati ta' impjieg u jiġi promoss il-ħolqien ta' impjiegi deċenti, b'mod partikolari fost dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil, il-ħaddiema b'ħiliet baxxi, il-ħaddiema żgħażagħ u dawk akbar fl-età, in-nisa, il-migranti, il-persuni b'diżabbiltà, il-minoranzi u l-komunitajiet marġinalizzati bħar-Rom, sabiex tinkiseb il-mira tal-Ewropa 2020 ta' rata ta' impjieg ta' mill-inqas 75 % u biex jittaffa r-riskju ta' faqar, b'mod speċjali l-faqar fost it-tfal u fost dawk li jaħdmu, u l-esklużjoni soċjali li dawn il-persuni jaffaċċjaw; jissottolinja l-ħtieġa li jitnaqqas l-għadd ta' persuni li qegħdin jesperjenzaw il-faqar sabiex tinkiseb il-mira tal-Ewropa 2020 li l-faqar jitnaqqas b'20 miljun persuna; jissottolinja l-ħtieġa li jitnaqqas il-faqar fost it-tfal permezz tal-implimentazzjoni ta' Garanzija għat-Tfal fl-UE kollha;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw azzjonijiet u strateġiji f'konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex jindirizzaw il-ħtiġijiet soċjali ta' dawk li għalihom is-suq tax-xogħol huwa inaċċessibbli, b'mod partikolari dawk li jaffaċċjaw deprivazzjoni estrema bħall-persuni mingħajr dar, it-tfal u ż-żgħażagħ u dawk b'kundizzjonijiet tas-saħħa kroniċi fiżiċi u mentali;

10.  Jappella għal strateġiji nazzjonali u koordinazzjoni fil-livell tal-UE li jiġġieldu kontra t-tixjiħ fis-swieq tax-xogħol bħala risposta għal għadd dejjem jikber ta' ħaddiema ta' età akbar fil-forza tax-xogħol tal-UE, inkluża s-sensibilizzazzjoni dwar id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(20), allinjament tar-regolamenti dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali mal-għanijiet ta' impjieg sostenibbli, filwaqt li jitqiesu r-riskji okkupazzjonali ġodda u emerġenti, l-għoti ta' aċċess għall-opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja u politiki mtejba li jappoġġaw ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja tal-familja;

11.  Jistieden lill-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu vantaġġ sħiħ tal-prospettiva ekonomika pożittiva u jwettqu riformi fis-suq tax-xogħol li jiffukaw fuq il-ħolqien tax-xogħol u li jrawmu forom ta' impjiegi li jkunu prevedibbli, siguri, b'terminu ta' żmien indeterminat u ġuridikament ċerti li jiddeskrivu t-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg, jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-impjiegi indipendenti fittizji u billi jiżguraw protezzjoni soċjali adegwata, irrispettivament mir-relazzjoni ta' impjieg jew it-tip ta' kuntratt; jistieden lill-Istati Membri jadottaw u jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni proposta tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali u biex il-persuni f'impjieg mhux standard jiġu mħeġġa jirreġistraw fi skemi ta' protezzjoni soċjali; jenfasizza l-importanza tan-negozjati li għaddejjin dwar id-direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol prevedibbli u trasparenti;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestu fis-servizzi tal-kura tul iċ-ċiklu tal-ħajja, ikomplu jsegwu u jiżviluppaw miri tal-kura għall-anzjani u għall-persuni dipendenti, bil-għan li jilħqu l-miri ta' Barċellona dwar il-kura tat-tfal tal-2002; jemmen li l-għoti ta' servizzi tal-kura fil-familja ma għandux ikollux impatt negattiv fuq il-benefiċċji soċjali jew tal-pensjoni; jistieden lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jiżguraw li l-akkumulazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni hija suffiċjenti;

13.  Jistieden lill-Istati Membri taż-żona tal-euro jnaqqsu d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi u jiżguraw ekwità interġenerazzjonali li tiżgura benefiċċji ta' rtirar deċenti u suffiċjenti, sabiex jinqerdu l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost l-anzjani u, fl-istess ħin, jiżguraw is-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjonijiet, jippromwovu rati ogħla ta' impjiegi deċenti li jipprovdu kontribuzzjonijiet ogħla lis-sistemi tal-pensjonijiet u ma jitfgħux piż żejjed fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa; jinnota bi tħassib li f'xi Stati Membri taż-żona tal-euro d-diskrepanza fil-pensjoni bejn is-sessi, kif ukoll ir-rata ta' rtirar bikri, għadhom għoljin; jirrimarka li s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet tista' tissaħħaħ billi jitnaqqas il-qgħad, jiġi indirizzat b'mod effettiv ix-xogħol mhux iddikjarat, u jiġu integrati l-migranti u r-refuġjati fis-suq tax-xogħol, fost inizjattivi oħra; jilqa' r-rakkomandazzjoni li ppreżentat il-Kummissjoni fir-Rapport tal-2018 dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet dwar il-ħtieġa ta' riflessjoni olistika dwar l-adegwatezza tal-introjtu fix-xjuħija u s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tal-pensjonijiet; jappella biex titwettaq aktar analiżi dwar is-sitwazzjoni ta' "l-aktar anzjani fost l-anzjani", li l-intitolamenti tal-pensjoni tagħhom jista' jkun li naqsu maż-żmien minħabba l-inflazzjoni;

14.  Jemmen li r-riformi tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali tal-Istati Membri jridu jkunu mfassla b'tali mod li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għal dawk li jistgħu jaħdmu, billi x-xogħol isir vijabbli; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-appoġġ għall-introjtu għandu jkun immirat lejn dawk li huma l-aktar fil-bżonn;

15.  Jinnota li fl-ewwel tliet xhur tal-2018, ir-rata ta' postijiet tax-xogħol vakanti fiż-żona tal-euro kienet ta' 2,1 %, minn 1,9 % fl-2017; jenfasizza li jistgħu jinkisbu ħiliet adegwati u l-ispariġġ fil-ħiliet jista' jiġi indirizzat billi jittejbu l-kwalità, id-disponibbiltà, l-affordabbiltà u l-aċċessibbiltà għall-edukazzjoni u t-taħriġ, billi jiġi inkluż taħriġ ta' kwalità mmirat, jittejjeb ir-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki, jissaħħu l-miżuri ta' titjib tal-ħiliet u ta' taħriġ mill-ġdid, b'attenzjoni partikolari għall-ħiliet bażiċi, kif ukoll opportunitajiet ta' edukazzjoni mhux formali għall-adulti, li jirrikjedu appoġġ xieraq, inkluż finanzjament tal-UE, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 149 tat-TFUE, u finanzjament fil-livell nazzjonali u reġjonali; jitlob, f'dan ir-rigward, biex il-miżuri mmirati jappoġġaw gruppi vulnerabbli, inkluż ir-Rom, il-persuni b'diżabbiltà, il-persuni li jitilqu kmieni mill-iskola, il-persuni qiegħda fit-tul, u l-migranti u r-refuġjati; jafferma l-bżonn li tiżdied ir-rilevanza tat-taħriġ vokazzjonali għas-suq tax-xogħol u li jittieħdu passi sabiex dan isir aktar attraenti fil-konfront tal-perkorsi akkademiċi; jappoġġa l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ kontinwi tal-inizjattiva Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet sabiex persuni jiġu megħjuna jakkwistaw ħiliet fundamentali għas-seklu 21; jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lit-taħriġ komprensiv fil-ħiliet diġitali u intraprenditorjali u jqisu l-bidla lejn l-ekonomija diġitali fil-kuntest tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid;

16.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li fl-UE19, kien hemm tnaqqis sena wara sena fir-rata medja ta' nefqa governattiva ġenerali għall-edukazzjoni bħala perċentwal tal-PDG mill-2009 sal-2016(21); jenfasizza li sistemi edukattivi pubbliċi b'riżorsi tajbin huma essenzjali għall-ugwaljanza u għall-inklużjoni soċjali;

17.  Jinnota bi tħassib kbir in-numru li baqa' għoli b'mod persistenti ta' ċittadini Ewropej b'ħiliet baxxi ta' litteriżmu jew b'diffikultajiet ta' litteriżmu, inkluż l-illitteriżmu funzjonali u dak medjatiku, li jwassal għal tħassib serju għal dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni sinifikanti u effikaċi fil-ħajja pubblika u fis-suq tax-xogħol;

18.  Iħeġġeġ il-promozzjoni ta' sistemi ta' edukazzjoni doppji u politiki simili oħra; jisħaq fuq il-punt li rabta effikaċi bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni u s-suq tax-xogħol tista' toffri kontribut deċiżiv għall-ħolqien tal-impjiegi;

19.  Jisħaq li ambjent ta' tagħlim sikur u adegwat huwa essenzjali għall-benessri tal-istudenti u tal-għalliema;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri speċifiċi fi ħdan il-politiki għall-impjiegi, edukattivi u soċjali bil-għan li jiżguraw l-inklużjoni effettiva ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati;

21.  Jirrimarka l-ħtieġa li jiġu ppjanati u promossi programmi ta' gwida vokazzjonali organizzati u aġġornati fl-iskejjel, partikolarment fil-kampanja, fir-reġjuni mal-fruntieri u fir-reġjuni muntanjużi u insulari;

22.  Jappoġġa l-mobbiltà tal-istudenti, tal-ħaddiema, tal-atleti u tal-artisti fl-UE u fiż-żona tal-euro; jinsab imħasseb, madankollu, li d-differenzi sostanzjali fil-kundizzjonijiet ta' għajxien u tax-xogħol fiż-żona tal-euro qegħdin jiskattaw migrazzjoni involontarja li qed tkompli tkabbar l-effetti tal-hekk imsejjaħ eżodu ta' mħuħ; jirrimarka li prerekwiżit ewlieni biex jiġi indirizzat il-fenomenu tal-eżodu ta' mħuħ huwa l-ħolqien ta' impjiegi deċenti, kif ukoll il-promozzjoni ta' strateġiji ta' edukazzjoni, taħriġ u gwida għall-karriera effettivi; jappella għal politiki edukattivi u tal-impjiegi futuri li jindirizzaw b'effikaċja dan il-fenomenu, inkluż permezz tal-iżvilupp sħiħ taż-żona Ewropea tal-edukazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li tinħoloq Kard Ewropea tal-Istudenti biex tiġi promossa l-mobbiltà fit-tagħlim u l-iffaċilitar tar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati, diplomi u kwalifiki professjonali, filwaqt li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż għall-istudenti u għall-istituti edukattivi u ta' taħriġ;

23.  Jisħaq fuq il-punt li, skont il-parametri referenzjarji tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020 (ET 2020), sal-2020, inqas minn 15 % taż-żgħażagħ ta' 15-il sena għandhom ikunu inqas imħarrġin fil-qari, il-matematika u x-xjenza; jilqa' l-inklużjoni tal-parametru referenzjarju dwar "il-prestazzjoni baxxa fl-edukazzjoni" għal żgħażagħ ta' 15-il sena (riżultati għal livell batut fil-matematika mill-istħarriġ tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA)) fit-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali l-ġdida;

24.  Ifakkar li, skont il-parametri referenzjarji tal-ET 2020, sal-2020, minn tal-inqas 95 % tat-tfal (mill-età ta' 4 snin sal-età obbligatorja għall-iskola) għandhom jipparteċipaw fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal; jisħaq fuq il-punt li l-qasam tal-"kura bikrija tat-tfal" fit-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali jinkludi indikatur wieħed biss, għat-tfal ta' taħt l-età ta' tliet snin li jinsabu f'kura formali; jenfasizza li ma għandux informazzjoni dwar il-kopertura ta' tfal akbar fl-età taħt l-età obbligatorja għall-iskola, kif ukoll informazzjoni dwar il-punt safejn għandu jiġi pprovdut l-indukrar tat-tfal imkejjel skont in-numru ta' sigħat ipprovduti;

25.  Iqis ir-rwol pożittiv tal-edukazzjoni miftuħa u tal-universitajiet miftuħa fil-proċess tal-ksib tal-għarfien u l-ħiliet, b'mod partikolari l-programmi ta' taħriġ online għall-impjegati, peress li din hija forma dinamika ta' tagħlim li tissodisfa l-ħtiġijiet attwali u l-interessi tal-parteċipanti;

26.  Itenni l-appell tiegħu biex il-pakkett tal-Erasmus+ jiżdied b'minn tal-inqas tliet darbiet fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss, bil-għan li jilħaq lil aktar żgħażagħ, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u studenti tal-iskejjel sekondarji u apprendisti fl-Ewropa kollha; jappella biex tingħata attenzjoni partikolari lil persuni li ġejjin minn ambjenti soċjoekonomiċi żvantaġġati bil-għan li dawn jingħataw il-possibbiltà li jipparteċipaw fil-programm, kif ukoll lil persuni b'diżabbiltà, f'konformità mal-obbligi tal-UE u tal-Istati Membri taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà (CRPD);

27.  Ifakkar fil-potenzjal strateġiku tas-settur kulturali u kreattiv bħala ġeneratur tal-impjiegi u l-ġid fl-UE; jisħaq fuq il-punt li l-industriji kulturali u kreattivi jikkostitwixxu 11,2 % tal-intrapriżi privati kollha u 7,5 % tal-persuni kollha impjegati kumplessivament fl-ekonomija tal-UE u jiġġeneraw 5,3 % tal-valur miżjud gross totali Ewropew (GVA); jissottolinja r-rwol tal-industriji kulturali u kreattivi fil-ħarsien u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika Ewropea u l-kontribut ta' dawn għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u l-impjiegi, speċjalment għall-impjieg taż-żgħażagħ;

28.  Jenfasizza li huwa essenzjali li jkun hemm investiment u ppjanar adegwat fil-qasam tal-edukazzjoni, b'mod partikolari fil-ħiliet diġitali u l-programmazzjoni, u dan bil-għan li tiġi żgurata l-pożizzjoni kompetittiva tal-Unjoni, id-disponibbiltà ta' forza tax-xogħol b'ħiliet speċjalizzati u l-impjegabbiltà tal-forza tax-xogħol;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi inċentivi u assistenza teknika liż-żgħażagħ biex jistabbilixxu n-negozji tagħhom u tipproponi miżuri għall-promozzjoni tal-intraprenditorija permezz tal-kurrikuli tal-iskejjel fl-Istati Membri;

30.  Jissottolinja l-ħtieġa li jitwettqu riformi li jippreparaw lis-suq tax-xogħol u lill-forza tax-xogħol tiegħu għat-trasformazzjoni diġitali għall-persuni ta' kull età u li ġejjin minn ambjenti differenti, permezz ta' approċċ flessibbli bbażat fuq l-istudent, b'mod partikolari billi tiġi żgurata provvista adegwata għat-tagħlim tul il-ħajja u għat-taħriġ fil-ħiliet diġitali, li hija ċentrali għal ekonomija bbażata fuq l-għarfien; jenfasizza l-importanza ta' gwida tal-karriera tul il-ħajja sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-persuni f'taħriġ u f'perkorsi tal-karrieri adattati, flessibbli u ta' kwalità għolja; ifakkar, f'dan il-kuntest, il-limiti tal-previżjoni tal-ħiliet minħabba n-natura li qed tinbidel malajr tas-suq tax-xogħol, u jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' ħiliet trasversali bħall-komunikazzjoni, is-soluzzjoni tal-problemi, il-kreattività u l-kapaċità li wieħed jitgħallem, li lkoll irawmu r-reżiljenza u jsaħħu l-kapaċità tal-persuni li jadattaw ruħhom għall-bidla u jiksbu ħiliet ġodda f'ħajjithom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li s-sistemi nazzjonali ta' protezzjoni soċjali jipprovdu protezzjoni adegwata lill-impjegati kollha, inkluż f'forom ġodda ta' impjiegi u b'tipi ġodda ta' kuntratti, kif ukoll li tittejjeb il-kopertura għal dawk li ma jistgħux jaħdmu u dawk li ma jistgħux isibu xogħol; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki tas-suq tax-xogħol li jappoġġaw il-mobbiltà bejn is-setturi u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, li se jsiru dejjem aktar importanti hekk kif is-swieq tax-xogħol tagħna jadattaw għat-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija tagħna; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġi żgurat l-involviment kemm tat-trade unions kif ukoll tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta;

31.  Jistieden lill-Istati Membri taż-żona tal-euro jwettqu r-riformi neċessarji u jżidu l-investiment soċjali sabiex jiżguraw l-aċċessibbiltà, id-disponibbiltà, l-affordabbiltà, il-kwalità u l-kosteffettività tas-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom; jappella għal mira Ewropea mġedda li żżid b'mod sinifikanti l-għadd ta' snin ta' ħajja b'saħħitha, billi l-prevenzjoni ssir prijorità fil-politiki tas-saħħa tal-UE, flimkien ma' miżuri kurattivi; jappella biex jitwettqu b'mod attiv kampanji li jippromwovu s-saħħa;

32.  Jappella għal strateġija Ewropea għall-kwalità u l-aċċessibbiltà tas-sistemi ta' kura fit-tul, billi jiġi adottat approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u l-komunità għal kura u appoġġ fit-tul; jappella għal investimenti sinifikanti fis-servizzi tal-kura fit-tul sabiex isiru preparamenti għaż-żieda fil-ħtiġijiet previsti fid-dawl tal-bidla demografika; jirrikonoxxi li s-settur tal-kura fit-tul joffri kundizzjonijiet tax-xogħol inadegwati u jappella biex issir evalwazzjoni mill-ġdid tax-xogħol tal-kura u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-servizzi tal-kura sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-kura fit-tul;

33.  Jirrimarka l-ħtieġa ta' politiki mfassla tajjeb għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, inkluż l-għoti ta' kura tat-tfal, kura bikrija tat-tfal u kura fit-tul affordabbli, ir-riekwilibriju tar-rwol tal-kura tas-sessi fost l-irġiel u n-nisa, u l-promozzjoni ta' arranġamenti flessibbli tax-xogħol u t-teħid vantaġġuż tal-liv tal-maternità, tal-paternità, tal-familja u ta' familjari li jindukraw; iqis, f'dan ir-rigward, l-adozzjoni tad-direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw bħala pass neċessarju lejn it-titjib tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jappella wkoll biex tiġi implimentata inizjattiva Ewropea dwar il-protezzjoni u s-servizzi soċjali għall-persuni li jindukraw b'mod informali;

34.  Jenfasizza l-importanza li jittejbu d-djalogu strutturat u l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, tat-trade unions u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-kontribut għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-impjiegi u l-politiki u r-riformi soċjali, u l-impenn attiv tagħhom fil-proċess tas-Semestru;

35.  Jemmen li sabiex tinżamm u tiżdied il-kompetittività globali, l-oqsfa regolatorji tas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri jeħtieġ li jkun ċar, sempliċi u flessibbli, filwaqt li jinżammu l-istandards għolja tax-xogħol;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(2) ĠU C 179, 25.5.2018, p. 1.
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0181.
(4) ĠU C 155, 25.5.2011, p. 10.
(5) Id-Direttivi (UE) 2018/849, 2018/850, 2018/851 u 2018/852.
(6) Testi adottati, P8_TA(2018)0325.
(7) Testi adottati, P8_TA(2018)0078.
(8) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 89.
(9) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 200.
(10) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 156.
(11) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 135.
(12) ĠU C 242, 10.7.2018, p. 24.
(13) ĠU C 76, 28.2.2018, p. 93.
(14) ĠU C 366, 27.10.2017, p. 117.
(15) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 157.
(16) https://www.coe.int/en/web/turin-european-social-charter/turin-process
(17) http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=8030&furtherPubs=yes
(18) ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1.
(19) ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11.
(20) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(21) Data tal-Eurostat.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Ottubru 2018Avviż legali