Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2885(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0498/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.18

Testi adottati :

P8_TA(2018)0434

Testi adottati
PDF 348kWORD 56k
Il-Ħamis, 25 ta' Ottubru 2018 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Il-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul
P8_TA-PROV(2018)0434RC-B8-0498/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul (2018/2885 (RSP)).

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Arabja Sawdija, b'mod partikolari dik tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u r-rwol tagħha fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq(1), dik tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-każ ta' Raif Badawi(2), dik tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-każ ta' Ali Mohammed al-Nimr(3), dik tal-31 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fl-Arabja Sawdija(4), u dawk tal-25 ta' Frar 2016(5) dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen u tat-30 ta' Novembru 2017(6) u tal-4 ta' Ottubru 2018(7) dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viża għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky(8);

–  wara li kkunsidra r-rimarki magħmula mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin (VP/RGħ), Federica Mogherini, fid-9 ta' Ottubru 2018 fil-konferenza stampa konġunta mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Portugall u fil-15 ta' Ottubru 2018 fil-kuntest tal-Kunsill Affarijiet Barranin, u d-dikjarazzjoni tagħha f'isem l-Unjoni Ewropea tal-20 ta' Ottubru 2018 dwar l-iżviluppi reċenti fil-każ tal-ġurnalist Sawdi Jamal Khashoggi,

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2018 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjoni ta' teknoloġija u tagħmir militari(9),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta' Ottubru 2018 mill-Kelliemi għas-Segretarju Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' Ottubru 2018 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet li fiha jħeġġeġ lill-Arabja Sawdija tiżvela kull ma taf dwar l-għajbien ta' Jamal Khashoggi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Ottubru 2018 mill-esperti tan-NU li fiha jesiġu li ssir investigazzjoni dwar l-għajbien tal-ġurnalist Sawdi Jamal Khashoggi f'Istanbul,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għajbien Furzat jew Involontarju tas-18 ta' Ottubru 2018, li jesprimi preokkupazzjonijiet serji dwar il-prattika l-ġdida ta' ħtif sostnut minn stat,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 tas-17 ta' Ottubru 2018 dwar l-għajbien ta' Jamal Khashoggi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-14 ta' Ottubru 2018 mill-ministri għall-affarijiet barranin tar-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja dwar l-għajbien tal-ġurnalist Sawdi Jamal Khashoggi, u dik tal-21 ta' Ottubru 2018 dwar mewtu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdita dwar l-għajbien ta' Jamal Khashoggi, ċittadin Sawdi,

–  wara li kkunsidra s-sħubija tal-Arabja Sawdija fil-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

–  wara li kkunsidra l-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, irratifikata mill-Arabja Sawdija fl-2009,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-1963,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb u tal-Espressjoni lill-blogger Sawdi Raif Badawi fl-2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ġurnalist prominenti Sawdi Jamal Khashoggi kien ilu nieqes minn mindu daħal fil-konsulat tal-Arabja Sawdija f'Istanbul fit-2 ta' Ottubru 2018 biex jikseb dokumenti meħtieġa għaż-żwieġ tiegħu, u billi minn dakinhar 'l hawn ħadd ma rah, minkejja li l-uffiċjali Sawdin għall-ewwel kienu qalu li kien ħareġ mill-binja; billi nkixfet informazzjoni tassew preokkupanti rigward x'kien ġralu, li tat lok għal allegazzjonijiet tal-possibbiltà li kien seħħ qtil extraġudizzjarju u omiċidju sostnut minn stat;

B.  billi l-Arabja Sawdija għall-ewwel ċaħdet kwalunkwe involviment fl-għajbien ta' Jamal Khashoggi, iżda mbagħad, wara li saritilha pressjoni internazzjonali qawwija, ammettiet li l-qtil tiegħu kien seħħ fil-konsulat tagħha f'Istanbul;

C.  billi, fid-19 ta' Ottubru 2018, il-Prosekutur Pubbliku tal-Arabja Sawdija ddikjara li "l-investigazzjonijiet dwar il-każ għadhom għaddejjin, [...] biex dawk kollha involuti f'dan il-każ jinżammu responsabbli u jinġiebu quddiem il-ġustizzja"; billi l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija ddikjara fil-21 ta' Ottubru 2018 li l-operazzjoni kienu wettquha individwi li marru lil hinn mill-awtorità u mir-responsabbiltà tagħhom, u li l-awtoritajiet Sawdin kienu determinati li jikkastigaw lil dawk kollha li kienu responsabbli għall-qtil; billi l-kontroll komplut li Mohammad Bin Salman Al Saud għandu fuq is-servizzi tas-sigurtà ftit li xejn jagħmilha probabbli li operazzjoni setgħet saret mingħajr l-għarfien jew il-kontroll tiegħu;

D.  billi hemm allegazzjonijiet, deskritti mill-awtoritajiet Sawdin bħala "bla bażi" u "għalkollox foloz", li filmat tas-CCTV kien tneħħa mill-konsulat, li l-persunal Tork kollu kien ġie ordnat jieħu ġurnata frank, li partijiet tal-konsulat inżebgħu mill-ġdid wara l-għajbien ta' Jamal Khashoggi, u li 15-il individwu Sawdi, li l-biċċa l-kbira minnhom, skont rapporti, għandhom rabtiet mal-Prinċep Eredi Mohammad bin Salman, mas-servizzi tas-sigurtà tal-istat, mal-militar jew ma' ministeri oħra tal-gvern, waslu fil-belt ta' Istanbul u ħallewha fuq żewġ ajruplani mikrija fit-2 ta' Ottubru 2018, il-jum meta għeb Jamal Khashoggi;

E.  billi, wara l-għajbien ta' Khashoggi, l-awtoritajiet Sawdin ħolqu ostakli biex ifixklu t-twettiq ta' investigazzjoni f'waqtha, bir-reqqa, effikaċi, imparzjali u trasparenti; billi kien biss wara pressjoni internazzjonali, u wara li ntlaħaq ftehim mal-awtoritajiet Torok, li l-investigaturi tħallew jeżaminaw ġewwa l-konsulat Sawdi fil-15 ta' Ottubru 2018 u ngħataw aċċess għar-residenza tal-konslu ġenerali fis-17 ta' Ottubru 2018;

F.  billi l-uffiċjali Torok u Sawdin ħabbru investigazzjoni konġunta dwar l-għajbien ta' Jamal Khashoggi; billi esperti tan-NU għamlu sejħa biex issir investigazzjoni internazzjonali u indipendenti dwar l-għajbien tiegħu; billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha insistew fuq il-ħtieġa li ssir investigazzjoni eżawrjenti, kredibbli u trasparenti, biex titfa' dawl ċar fuq iċ-ċirkostanzi tal-qtil ta' Jamal Khashoggi u tiżgura li dawk kollha li għandhom responsabbiltà jkollhom jagħtu rendikont ta' għemilhom;

G.  billi l-fatt li s-Sur Khashoggi safa fil-mira ta' aġenti Sawdin fil-konsulat Sawdi f'Istanbul jikkostitwixxi ksur flagranti tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-1963, li fl-Artikolu 55(2) tagħha tistabbilixxi li l-binjiet konsulari "ma għandhom jintużaw bl-ebda mod li ma jkunx kompatibbli mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet konsulari"; billi l-Artikolu 41 tal-istess konvenzjoni jipprevedi li l-immunità diplomatika tista' tiġi annullata f'każijiet ta' "delitt gravi", fuq deċiżjoni ta' qorti kompetenti;

H.  billi sew l-Arabja Sawdija u sew it-Turkija huma partijiet fil-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, u għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha biex jipprevjenu t-tortura, l-għajbien furzat u vjolazzjonijiet gravi oħra tad-drittijiet tal-bniedem, li jinvestigaw allegazzjonijiet ta' atti li jikkostitwixxu dawn ir-reati, u li jressqu quddiem il-ġustizzja lill-persuni li jkunu suspettati li wettquhom; billi, skont il-Konvenzjoni tan-NU, ir-reat partikolari tal-qtil ta' Jamal Khashoggi huwa soġġett għal ġurisdizzjoni universali u kwalunkwe persuna suspettata tista' għalhekk tiġi arrestata fi kwalunkwe lok fit-territorju tal-pajjiżi firmatarji u, jekk dan ikun applikabbli, isirilha proċess fil-qrati nazzjonali tagħhom;

I.  billi l-libertà tal-opinjoni u l-libertà tal-espressjoni tal-istampa u tal-midja, kemm online kif ukoll offline, huma drittijiet fundamentali ta' kull bniedem u huma prekundizzjonijiet u katalizzaturi kruċjali għad-demokratizzazzjoni u għar-riforma u jikkostitwixxu kontrolli essenzjali fuq il-poter; billi midja ħielsa, diversa u indipendenti hija essenzjali fi kwalunkwe soċjetà għall-promozzjoni u għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-ħidma tal-ġurnalisti, li twassalhom biex jikxfu abbużi tal-poter, jitfgħu d-dawl fuq il-korruzzjoni u jikkontestaw l-opinjoni ġeneralment aċċettata, ħafna drabi tqegħidhom f'riskju speċifiku ta' intimidazzjoni u vjolenza;

J.  billi l-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi huwa parti minn stampa sħiħa ta' repressjoni estensiva fil-konfront ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati, ġurnalisti, kittieba u bloggers prominenti, li intensifikat minn mindu l-Prinċep Eredi Mohammad Bin Salman beda jikkonsolida l-kontroll tiegħu fuq l-istituzzjonijiet tas-sigurtà tal-pajjiż; billi l-awtoritajiet iridu li diversi minn dawn l-attivisti jingħataw il-piena tal-mewt; billi sistemi ta' sorveljanza u prodotti oħrajn b'użu doppju intużaw biex isegwu u jintraċċaw il-movimenti tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-kritiċi fl-Arabja Sawdija; billi l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet Sawdin ibbażati barra l-pajjiż, inkluż fi bliet kapitali tal-Punent, ħabbtu wiċċhom ma' theddidiet lill-familji tagħhom fl-Arabja Sawdija;

K.  billi r-reġim Sawdi, fl-istess waqt, qed imexxi kampanja xejn irħisa fil-midja internazzjonali biex ipinġi lilu nnifsu bħala forza ta' modernizzazzjoni, u qed iħabbar riformi, filwaqt li s-sistema għadha diskriminatorja u mhux demokratika; billi diversi kelliema prominenti, sostenituri u sħab medjatiċi kkanċellaw il-parteċipazzjoni tagħhom qabel il-konferenza dwar l-Inizjattiva ta' Investiment Futur ta' Ottubru 2018 f'Riyadh, fost tregħix minħabba l-għajbien ta' Jamal Khashoggi;

L.  billi r-reġim Sawdi f'diversi okkażjonijiet eżerċita pressjoni, wettaq koerċizzjoni u għamel theddidiet kontra pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali, u bblokka investigazzjonijiet indipendenti internazzjonali b'reazzjoni għall-kritika minn dawk il-pajjiżi u organizzazzjonijiet dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija jew dwar vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa fil-Jemen;

M.  billi l-Kanċillier Ġermaniż iddikjarat fil-21 ta' Ottubru 2018 li l-Ġermanja kienet se tissospendi temporanjament l-esportazzjonijiet tal-armi lejn l-Arabja Sawdija, fid-dawl taċ-ċirkustanzi mhux spjegati tal-mewt ta' Jamal Khashoggi;

1.  Jikkundanna bl-aktar qawwa possibbli t-tortura u l-qtil ta' Jamal Khashoggi, u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tiegħu u lil ħbiebu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jiżvelaw fejn jinsabu l-fdalijiet tiegħu; ifakkar li l-prattika sistematika tal-għajbien furzat u tal-qtil extraġudizzjarju tikkostitwixxi delitt kontra l-umanità;

2.  Jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali, indipendenti u imparzjali dwar iċ-ċirkostanzi tal-mewt ta' Jamal Khashoggi; jitlob li l-persuni responsabbli jiġu identifikati u ssirilhom ġustizzja, wara proċess ġust li jsir skont standards internazzjonali quddiem qorti imparzjali u fil-preżenza ta' osservaturi internazzjonali;

3.  Huwa estremament preokkupat bl-informazzjoni dwar dak li ġara lil Jamal Khashoggi u dwar l-implikazzjoni ta' aġenti Sawdin; jieħu nota tal-investigazzjoni li għaddejja minn uffiċjali Torok u Sawdin u jħeġġeġ li jsiru aktar sforzi; jitlob li l-awtoritajiet Sawdin jikkooperaw bis-sħiħ mal-awtoritajiet Torok u jħeġġeġ lil dawn tal-aħħar, min-naħa tagħhom, biex jagħmlu disponibbli l-informazzjoni kollha, ħalli jiċċaraw x'seħħ preċiżament fit-2 ta' Ottubru 2018, lil hinn minn kwalunkwe ipotesi;

4.  Itenni li, jekk l-għajbien u l-qtil ta' Jamal Khashoggi jiġu attribwiti lil aġenti Sawdin, sew l-entitajiet statali u sew l-individwi jridu jagħti kont ta' għemilhom; jitlob li l-VP/RGħ u l-Istati Membri, f'dan ir-rigward, ikunu lesti li jimponu sanzjonijiet speċifiċi, inklużi projbizzjonijiet fuq il-viżi u ffriżar tal-assi kontra individwi Sawdin, kif ukoll sanzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem kontra r-Renju tal-Arabja Sawdija, ladarba l-fatti jkunu ġew stabbiliti; jinsisti li kwalunkwe sanzjonijiet ta' dan it-tip għandhom ikunu mmirati mhux biss lejn l-awturi materjali, iżda wkoll lejn l-awturi intellettwali u lejn l-instigaturi ta' dan id-delitt;

5.  Huwa mħasseb li l-għajbien ta' Jamal Khashoggi jorbot direttament mal-kritika li dan tal-aħħar esprima fil-konfront tal-politiki tal-Arabja Sawdija f'dawn l-aħħar snin; itenni t-talba tiegħu li l-awtoritajiet Sawdin jinfetħu għad-drittijiet fundamentali, inklużi d-dritt għall-ħajja u d-dritt għall-espressjoni ħielsa u għad-dissens paċifiku;

6.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri biex jagħmlu djalogu strutturali mal-Arabja Sawdija dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u r-rwol inkwetanti tal-pajjiż fir-reġjun fi ħdan il-qafas tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf;

7.  Jikkundanna l-fastidju kontinwu tal-awtoritajiet Sawdin kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati attivisti, ġurnalisti, kjeriċi, kittieba u bloggers, sew fil-pajjiż u sew barra minnu, li jimmina l-kredibbiltà tal-proċess ta' riforma fl-Arabja Sawdija; jinsisti li l-awtoritajiet Sawdin jieħdu l-passi meħtieġa biex iħallu lil kulħadd jeżerċita drittijietu b'mod liberu, mingħajr kwalunkwe fastidju ġudizzjarju jew kwalunkwe rappreżalja oħra, bħal theddidiet lill-familji tal-persuni; jitlob li l-Gvern tal-Arabja Sawdija jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem u lill-priġunieri tal-kuxjenza l-oħra li jinsabu l-ħabs u huma kkundannati sempliċement talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, u talli ħadmu b'mod paċifiku favur id-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jisħaq fuq l-importanza tad-difiża tal-libertà tal-espressjoni, sew online u sew offline, ta' stampa ħielsa u tal-iżgurar li l-ġurnalisti jkunu protetti; jenfasizza li fl-ebda ċirkostanza mhuwa aċċettabbli li ġurnalisti jisfaw mhedda, attakkati jew maqtula, u li din hija kwistjoni tal-akbar tħassib;

9.  Ifakkar lill-awtoritajiet Sawdin fl-obbligi internazzjonali tagħhom skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra;

10.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu pożizzjoni qawwija fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġinevra, li matulha, fil-5 ta' Novembru, l-Arabja Sawdija se tippreżenta r-rekord tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tar-Rieżami Perjodiku Universali; itenni s-sejħa tiegħu biex l-Istati Membri tal-UE jipproponu, fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li jinħatar Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija; jitlob li l-Istati Membri jieħdu l-inizjattiva fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem biex iqajmu l-kwistjoni tas-sħubija minn stati li għandhom storja profondament dubjuża rigward id-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-Arabja Sawdija; jiddeplora l-vot minn diversi Stati Membri tal-UE b'appoġġ għas-sħubija tal-Arabja Sawdija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem;

11.  Jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva li jinħoloq reġim ta' sanzjonijiet globali tal-UE b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem kontra dawk li jiksru d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha, li jkun jinvolvi l-impożizzjoni ta' projbizzjonijiet fuq il-viża u tal-iffriżar tal-assi fil-konfront ta' individwi; jistenna riżultati konkreti mill-konferenza li l-awtoritajiet Netherlandiżi se jlaqggħu f'The Hague f'Novembru biex ivaraw l-inizjattiva, u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-SEAE biex jappoġġjaw din il-proposta bis-sħiħ;

12.  Jitlob li l-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jeħilsu lil Raif Badawi minnufih u mingħajr kundizzjonijiet, peress li huwa meqjus bħala priġunier tal-kuxjenza, miżmum u kkundannat sempliċement għaliex eżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà tal-espressjoni; jitlob li l-awtoritajiet tal-UE jqajmu l-kwistjoni tal-każ tiegħu f'kull kuntatt ta' livell għoli li jista' jkollhom, u jistabbilixxu task force interistituzzjonali mal-atturi rilevanti, inklużi s-SEAE u d-delegazzjoni tal-UE, biex jintensifikaw l-isforzi biex jinkiseb ir-rilaxx tiegħu;

13.  Jitlob moratorju fuq il-piena tal-mewt; jitlob rieżami tas-sentenzi tal-mewt kollha biex jiġi żgurat li l-proċessi inkwistjoni kienu konformi mal-istandards internazzjonali;

14.  Jitlob li l-Kunsill jilħaq pożizzjoni komuni bil-għan li jimponi fuq l-Arabja Sawdija embargo tal-armi madwar l-UE kollha, u li jirrispetta l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK; jitlob embargo fuq l-esportazzjoni ta' sistemi tas-sorveljanza u prodotti oħra b'użu doppju li jistgħu jintużaw fl-Arabja Sawdija għal finijiet ta' repressjoni;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvern tat-Turkija, lill-Maestà Tiegħu r-Re Salman bin Abdulaziz Al Saud u lill-Prinċep Eredi Mohammad Bin Salman Al Saud, lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija, kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali taċ-Ċentru għad-Djalogu Nazzjonali tar-Renju tal-Arabja Sawdija; jitlob li din ir-riżoluzzjoni tinqaleb għall-Għarbi;

(1) ĠU C 378, 9.11.2017, p. 64.
(2) ĠU C 310, 25.8.2016, 29.
(3) ĠU C 349, 17.10.2017, p. 34.
(4) Testi adottati, P8_TA(2018)0232
(5) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 142.
(6) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 104.
(7) Testi adottati, P8_TA(2018)0383.
(8) ĠU C 408, 30.11.2017, p. 43.
(9) ĠU L 335, 13.12.2018, p. 99.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Ottubru 2018Avviż legali