Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2023(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0297/2018

Testi mressqa :

A8-0297/2018

Dibattiti :

PV 25/10/2018 - 8
CRE 25/10/2018 - 8

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.22

Testi adottati :

P8_TA(2018)0438

Testi adottati
PDF 167kWORD 60k
Il-Ħamis, 25 ta' Ottubru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-varar tal-infrastruttura għall-fjuwils alternattivi fl-Unjoni Ewropea: wasal iż-żmien li naġixxu!
P8_TA(2018)0438A8-0297/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-varar tal-infrastruttura għall-fjuwils alternattivi fl-Unjoni Ewropea: wasal iż-żmien li naġixxu! (2018/2023(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 2017 intitolata "Għall-akbar użu tal-fjuwils alternattivi: Pjan ta' Azzjoni għall-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi skont l-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2014/94/UE, li jinkludi valutazzjoni tal-oqfsa nazzjonali ta' politika skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2014/94/UE" (COM(2017)0652),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni ta' vetturi ta' trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21 u l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) tal-UNFCCC, kif ukoll il-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP 11) li saru f'Pariġi ġewwa Franza mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards ta' rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 (riformulazzjoni) (COM(2017)0676),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi Internazzjoni tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b'Punt ta' Fjammabilità Baxx (Kodiċi IGF), flimkien mal-emendi proposti biex il-Kodiċi jsir obbligatorju skont il-qafas tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), li jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw mill-adozzjoni tal-fjuwils alternattivi fil-livell regolatorju fis-settur tat-trasport marittimu u li għandhom l-għan li jimminimizzaw ir-riskju għall-vapuri, l-ekwipaġġ tagħhom u l-ambjent, u b'kunsiderazzjoni tan-natura tal-fjuwils involuti,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta’ April 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0297/2018),

A.  billi l-mobbiltà hija ħtieġa bażika u s-sinsla tas-soċjetajiet u tal-ekonomiji tagħna, u għandha tkun nadifa, affidabbli, affordabbli u sikura "fl-aspetti kollha; billi, f'dan il-kuntest, it-teknoloġiji nodfa joffru opportunitajiet u benefiċċji kbar għas-soċjetà, u għandhom impatt qawwi kemm fuq is-saħħa u fuq l-ambjent kif ukoll fuq l-industrija awtomobilistika, il-fornituri tal-enerġija, l-utilitajiet, u l-operaturi tal-grilja;

B.  billi l-Istati Membri adottaw l-oqfsa ta' politika nazzjonali tagħhom, li ġew ivvalutati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni riċenti tagħha COM(2017)0652, fejn innutat li l-objettivi u l-implimentazzjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, billi tmienja biss mill-25 Stat Membru jissodisfaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-oqfsa ta' politika nazzjonali stabbiliti fid-Direttiva 2014/94/UE(3), u li żewġ Stati Membri naqsu milli jippreżentaw l-oqfsa ta' politika nazzjonali tagħhom sas-16 ta' Novembru 2016, kif meħtieġ skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/94/UE;

C.  billi d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport se ttejjeb il-kwalità tal-arja u se ssaħħaħ is-sigurtà u l-indipendenza enerġetika tal-Ewropa fil-konfront tal-enerġija u l-fjuwils fossili importati, u għalhekk se teżiġi bidla rapida u sostanzjali fit-tip ta' enerġija, fjuwils u sistemi tal-motopropulsjoni użati, kif ukoll żieda fl-effiċjenza enerġetika, billi jintużaw l-aktar teknoloġiji avvanzati u effiċjenti, filwaqt li ssir it-tranżizzjoni lejn trasport multimodali u sseħħ bidla fl-imġiba tal-mobbiltà;

D.  billi t-trasport huwa l-uniku settur ekonomiku ewlieni fl-Unjoni Ewropea fejn l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) żdiedu mill-1990; billi dan huwa responsabbli għal 23 % tal-emissjonijiet tas-CO2, u dan is-sehem għadu qed jikber; billi t-trasport bit-triq jammonta għal kważi 75 % tal-enerġija kollha użata fit-trasport u jikkawża kważi 73 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tas-settur tat-trasport; billi hemm żieda kostanti fit-traffiku marbuta maż-żieda fil-movimenti u l-volumi ta' merkanzija trasportata fl-UE u ż-żieda fil-mobbiltà tan-nies; billi din iż-żieda, kif projettata għall-2030, se jkollha konsegwenzi fuq it-tibdil fil-klima, il-kwalità tal-arja u l-konsum tal-enerġija, u se jkollha wkoll impatt fuq l-infrastruttura; billi d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bit-triq permezz tal-użu ta' fjuwils alternattivi sostenibbli se tirrikjedi approċċ flessibbli, li jfisser li jistgħu jkunu meħtieġa fjuwils alternattivi differenti għal segmenti ta' vetturi differenti;

E.  billi t-trasport marittimu jammonta għal aktar minn 80 % tal-kummerċ dinji skont il-volum u 3 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra, u dan jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-arja qrib iż-żoni kostali u l-portijiet; billi, meta wieħed iqis il-kontribut sostanzjali tiegħu għas-suq dinji tat-trasport, l-adozzjoni gradwali ta' fjuwils alternattivi min-naħa tat-trasport marittimu jkollha effett pożittiv sinifikanti fuq l-ambjent;

F.  billi, sabiex iż-żieda fit-temperatura globali tinżamm sew taħt iż-2°C filwaqt li tiġi segwita l-mira ta' 1,5°C kif iffirmat fil-Ftehim ta' Pariġi, it-trasport bit-triq jeħtieġ li jkun kompletament dekarbonizzat b'emissjonijiet netti żero sa mhux aktar tard mill-2050; billi bidla għal karburanti alternattivi tista' tgħin biex jintlaħaq dan l-għan, għalkemm il-fjuwils konvenzjonali xorta se jkunu meħtieġa għall-ġejjieni prevedibbli sakemm id-domanda tkun tista' tiġi ssodisfata kompletament permezz ta' fjuwils alternattivi;

G.  billi l-bdil għal sistemi tal-motopropulsjoni u fjuwils alternattivi sostenibbli, b'kunsiderazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-vetturi, huwa l-aqwa mezz biex tiġi dekarbonizzata l-flotta tal-vetturi eżistenti u futura; billi l-effett globali se jkun saħansitra akbar meta jkun ikkombinat ma' żieda fl-effiċjenza tal-vetturi, l-użu tat-trasport pubbliku u tar-roti, l-iżvilupp ta' mobbiltà kondiviża u titjib fl-effiċjenza globali tas-sistemi tat-trasport permezz tas-sistemi C-ITS u t-teknoloġija tal-awtomatizzazzjoni u tad-diġitalizzazzjoni; billi l-ippjanar urban u spazjali jista' jappoġġa u jikkomplementa l-isforzi teknoloġiċi u jappoġġa l-użu ta' infrastruttura tal-iċċarġjar u ta' riforniment; billi l-promozzjoni ta' fjuwils alternattivi tista' tagħti kontribut importanti għat-titjib tal-kwalità tal-arja fil-bliet;

H.  billi l-iżvantaġġi tal-prezz tal-vetturi bi fjuwil alternattiv meta mqabbla mal-vetturi b'magna ta' kombustjoni interna regolari, flimkien man-nuqqas ta' infrastruttura ta' riforniment u ċċarġjar, għadhom wieħed mill-ostakoli ewlenin għad-deċiżjonijiet ta' xiri tal-klijenti; billi, f'dan il-kuntest, il-primjums, l-eżenzjonijiet mit-taxxa u l-inċentivi mhux fiskali tax-xerrejja wrew li jħaffu l-adozzjoni mis-suq u għandhom jirriflettu l-prestazzjoni fir-rigward ta' emissjonijiet ta' inkwinanti u GHG tal-fjuwils alternattivi differenti;

I.  billi ċ-ċaqliqa lejn il-fjuwils alternattivi u l-motopropulsjoni tirrappreżenta opportunità, u inċentiv għar-riċerka, għal industrija Ewropea kompetittiva li tafferma mill-ġdid it-tmexxija teknoloġika tagħha; billi din it-tranżizzjoni hija kruċjali għall-kompetittività internazzjonali f'termini ta' għarfien, teknoloġija u sehem tas-suq;

J.  billi wieħed jittama li r-riformulazzjoni tar-Regolament dwar l-standards fir-rigward tal-emissjonijiet tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda tistabbilixxi miri ta' tnaqqis ambizzjużi u tinċentiva vetturi b'emissjonijiet mill-egżost żero u baxxi, filwaqt li jinżamm approċċ teknoloġikament newtrali, biex b'hekk titwitta t-triq għal flotta tal-vetturi Ewropea dekarbonizzata, li se tirrikjedi l-installazzjoni ta' netwerk infrastrutturali adegwat għal fjuwils alternattivi; billi r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-promozzjoni ta' vetturi ta' trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija tikkomplementa d-Direttiva dwar il-fjuwils alternattivi billi tiggarantixxi domanda għall-fornituri u żżid l-użu ta' vetturi nodfa;

K.  billi 94 % tas-settur tat-trasport Ewropew jiddependi fuq iż-żejt, li 90 % minnu jkollu jiġi importat, inkluż minn xi pajjiżi politikament instabbli;

L.  billi skont id-Direttiva 2014/94/UE, il-fjuwils alternattivi għadhom jinkludu fjuwils ta' oriġini fossili, u b'hekk jikkontradixxu l-għan tad-dekarbonizzazzjoni u l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili; billi għandha tingħata prijorità lil soluzzjonijiet ta' emissjonijiet mill-egżost baxxi u żero tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-vetturi; billi fir-rigward tal-vetturi heavy-duty u fis-settur tat-trasport marittimu, madankollu, l-Gass naturali likwifikat (LNG) u l-gass naturali kompressat (CNG) jistgħu jikkontribwixxu, fuq terminu ta' żmien qasir u medju, għat-titjib tal-kwalità tal-arja, b'mod partikolari madwar il-portijiet u tul il-kosti;

M.  billi s-setturi tal-enerġija u tat-trasport għandhom ikunu assoċjati aktar mill-qrib sabiex jingħata lok għal dekarbonizzazzjoni qawwija tal-mobbiltà; billi portaturi tal-enerġija bħall-elettriku u l-idroġenu jippermettu mobbiltà b'emissjonijiet żero filwaqt li jintegraw sorsi ta' enerġija rinnovabbli; billi fid-dawl tat-tranżizzjoni progressiva tas-settur tal-enerġija lejn l-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli biss, għandu jiġi pprovdut ħżin għall-enerġija żejda f'perjodi ta' domanda baxxa; billi l-Vetturi Elettriċi bil-Batteriji (BEVs) u l-Vetturi Elettriċi biċ-Ċelluli tal-Fjuwil (FCEVs) jistgħu jikkontribwixxu għal dan il-għan; billi s-sorsi tal-enerġija b'emissjonijiet baxxi se jkunu pass intermedju fit-tranżizzjoni lejn mobbiltà b'emissjonijiet żero; billi n-newtralità teknoloġika għalhekk għandha tkun il-punt tat-tluq għat-tnedija tal-infrastrutturi tal-karburanti alternattivi;

N.  billi ċ-ċelloli tal-jon tal-litju, komponent ewlieni tal-batteriji tal-vetturi elettriċi, huma kważi kollha prodotti barra l-Unjoni Ewropea, prinċipalment fl-Asja;

O.  billi l-grilji elettriċi robusti u intelliġenti, l-integrazzjoni aħjar tal-grilji tal-enerġija u tal-gass permezz ta' gass bl-elettriku, l-aċċess għall-grilja għall-fornituri tas-servizz tal-iċċarġjar u l-punti privati tal-iċċarġjar u t-tnedija ta' Pompi għar-Riforniment tal-Idroġenu huma essenzjali għall-elettromobbiltà; billi l-iċċarġjar intelliġenti u kkontrollat tal-BEVs u tal-FCEVs jista' jgħin għall-bilanċ tal-grilji, iżda għad hemm nuqqas ta' oqfsa regolatorji, tat-taxxa u tekniċi;

P.  billi n-netwerks TEN-T jikkostitwixxu n-netwerks ewlenin tat-trasport fl-Unjoni Ewropea; billi l-fokus fuq l-installazzjoni ta' infrastrutturi għall-fjuwils alternattivi u s-segwitu tal-għan stabbilit fil-komunikazzjoni biex tiġi pprovduta kopertura sħiħa tal-kurituri tan-netwerk ewlieni tan-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) b'punti tal-iċċarġjar sal-2025 għandu jkun prijorità ewlenija; billi din il-mira għandha tiġi kkomplementata ulterjorment bl-installazzjoni ta' infrastrutturi għall-fjuwils alternattivi kemm fuq in-netwerk komprensiv tat-TEN-T kif ukoll f'żoni urbani, rurali u b'popolazzjoni baxxa, filwaqt li jitqiesu r-restrizzjonijiet strutturali u ekonomiċi, sabiex tinkiseb kopertura bbilanċjata;

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija qabel dwar l-installazzjoni ta' infrastrutturi għall-fjuwils alternattivi; jenfasizza li hemm bżonn ta' aktar koordinazzjoni u kooperazzjoni fil-livell tal-UE għad-dekarbonizzat tas-settur tat-trasport sal-2050 u jissottolinja l-opportunitajiet għall-industrija, it-teknoloġija u l-impjiegi ppreżentati mill-użu tal-fjuwils alternattivi u l-infrastruttura korrispondenti;

Inżidu l-isforzi

2.  Jitlob, madankollu, lill-Kummissjoni tippreżenta reviżjoni tad-Direttiva 2014/94/UE, filwaqt li żżomm id-definizzjoni attwali ta' fjuwils alternattivi kif elenkati fl-Artikolu 2, u tiffoka fuq l-implimentazzjoni xierqa tagħha, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li s'issa 8 biss minn 25 Stat Membru implimentawha b'mod sħiħ, sabiex jingħalqu l-lakuni fl-infrastruttura għall-fjuwils alternattivi fl-Unjoni Ewropea kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-użu tal-fjuwils alternattivi u jinħoloq ambjent stabbli għall-investiment;

3.  Jinnota li l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tal-Pjanijiet ta' Qafas Nazzjonali tiżvela livelli differenti ta' sforz, ambizzjoni u finanzjament disponibbli fost l-Istati Membri u li l-użu tal-fjuwils alternattivi la huwa komprensiv u lanqas ma huwa distribwit b'mod ekwu; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-livelli ta' ambizzjoni u l-proġetti tal-Pjanijiet ta' Qafas Nazzjonali, tissuġġerixxi miżuri addizzjonali fejn meħtieġ u tappoġġa lill-Istati Membri b'eżempji tal-aħjar prattika; jistieden lill-Kummissjoni tissostitwixxi s-sistema tal-Pjanijiet ta' Qafas Nazzjonali bi strumenti iktar effiċjenti, inklużi miri konkreti, vinkolanti u infurzabbli, biex jiġu fformulati kriterji ta' sostenibbiltà; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tqis l-adozzjoni proġettata u mwettqa tal-vetturi li jaħdmu bi fjuwil alternattiv u l-progress teknoloġiku tagħhom, tippermetti lill-Istati Membri li jkollhom flessibbiltà biex jiddeterminaw kif jistgħu jilħqu l-miri, u taħdem favur l-għan ta' netwerk infrastrutturali trans-Ewropew għall-fjuwils alternattivi kollha li jkun aċċessibbli, kompatibbli u interoperabbli;

4.  Jitlob li ż-żieda pproġettata fil-vjaġġi u fil-volumi trasportati sal-2030 tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkulata l-iskala u tiġi mgħammra b'mod xieraq l-infrastruttura l-ġdida; jenfasizza l-importanza tal-avvanzi teknoloġiċi li diġà għaddejjin jew li huma ppjanati fl-oqsma tal-ħżin tal-enerġija, tal-idroġenu u tal-batteriji, u jenfasizza l-ħtieġa li dawn l-avvanzi jitqiesu fl-għażliet strateġiċi li għandhom isiru; jinnota li l-infrastruttura l-ġdida trid tkun adattabbli għall-bidliet, kemm f'termini ta' volumi kif ukoll f'termini ta' teknoloġiji; jenfasizza, pereżempju, li żieda enormi fl-għadd ta' vetturi elettriċi flimkien ma' żieda fl-awtonomija ta' dawk il-vetturi għal 400 km se jkollhom impatt fuq id-densità tal-użu tan-netwerk tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar, kif ukoll fuq it-tip ta' ċċarġjar meħtieġ;

5.  Jissuġġerixxi evalwazzjoni annwali tal-istatus ta' implimentazzjoni tal-Istati Membri u t-twessigħ tal-ambitu tad-Direttiva sabiex jinbidel minn użu fin-netwerk ewlieni tat-TEN-T ħalli jiġu koperti wkoll in-netwerk komprensiv tat-TEN-T, in-nodi urbani u reġjonali, u ż-żoni li jilħqu l-livell "għoli" tal-Indiċi tal-Kwalità tal-Arja Ewropew (EAQI) għal aktar minn 35 jum f'sena u b'densità tal-popolazzjoni li tkun sitt darbiet ogħla mid-densità medja tal-UE, sabiex tinkiseb kopertura ġeografikament wiesgħa, u biex tiġi inkluża wkoll l-infrastruttura għall-flotot pubbliċi; jitlob lill-Kummissjoni testendi l-ambitu tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) f'dan ir-rigward u żżid il-finanzjament tagħha;

6.  Jappoġġa t-toroq elettrifikati li jippermettu li l-vetturi elettriċi jiċċarġjaw waqt li jinstaqu; jitlob li dawn jiġi żviluppati aktar, tal-inqas tul it-toroq tan-netwerks Ċentrali u Komprensivi TEN-T; jemmen li t-toroq elettrifikati jistgħu jkunu soluzzjoni li tagħmel possibbli t-tiċkin tal-batteriji, u b'konsegwenza, it-traħħis fil-prezz tal-vetturi ġodda;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni toħloq kundizzjonijiet ekwi bejn il-fjuwils alternattivi differenti, biex tiġi żgurata n-newtralità teknoloġika, speċjalment fil-promozzjoni tal-infrastruttura għad-distriubuzzjoni, u allura tagħmel l-infrastruttura tal-idroġenu obbligatorja b'rekwiżiti tal-użu ugwali għal dawk għas-CNG, iżda filwaqt li taġġusta dawn ir-rekwiżiti tal-użu;

8.  Jissottolinja l-importanza tal-ippjanar urban sostenibbli, it-tranżizzjoni mill-użu privat għall-użu kondiviż u pubbliku tat-trasport u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'mod partikolari jiffukaw fuq l-installazzjoni tal-infrastrutturi għall-fjuwils alternattivi għal servizzi tat-trasport kollettivi u pubbliċi, bħall-karozzi tal-linja, it-trammijiet, il-ferroviji, il-karozzi kondiviżi, it-taxis u l-minivans, kif ukoll għar-roti, l-iskuters u l-muturi; jinkoraġġixxi l-installazzjoni ta' infrastruttura għall-fjuwils alternattivi f'żoni urbani u suburbani, filwaqt li tingħata prijorità lil dawk fejn il-kwalità tal-arja hija baxxa;

9.  Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li qed jipparteċipaw fil-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija biex jirsistu favur l-inklużjoni ta' miżuri konkreti fil-Pjanijiet ta' Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli (SEAPs) tagħhom, b'mod partikolari għall-bini jew l-ikkompletar tal-infrastruttura tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkomplementa l-għanijiet relatati mal-klima tad-Direttiva 2014/94/UE b'miżuri addizzjonali għal arja nadifa wara l-kontroll tal-idoneità tad-Direttivi tal-UE 2004/107/KE(4) u 2008/50/KE dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali(5);

11.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta' akkwist pubbliku sostenibbli ta' vetturi li jaħdmu b'enerġija alternattiva bħala mutur tad-domanda għall-fjuwils alternattivi u l-infrastruttura għall-fjuwils alternattivi;

12.  Iħeġġeġ li l-ajruporti jiġu pprovduti bi provvista ta' elettriku nadifa (għall-użu f'ajruplani wieqfa kif ukoll għal tagħmir mobbli fl-ajruporti) sabiex jitnaqqas il-konsum tal-pitrolju, tittejjeb il-kwalità tal-arja, u jitnaqqsu l-impatt tat-tibdil fil-klima u t-tniġġis akustiku;

Fond għal Mobbiltà Nadifa: il-finanzjament ta' infrastrutturi għall-fjuwils alternattivi

13.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tipprovdi EUR 800 miljun addizzjonali bħala finanzjament ta' bidu li jappoġġa l-installazzjoni tal-infrastrutturi għall-fjuwils alternattivi; jiddubita, madankollu, li l-ingranaġġ se jkun suffiċjenti minħabba l-ħtieġa prevista ta' EUR 5,2 biljun sal-2020 u bejn EUR 16-il-biljun u EUR 22 biljun addizzjonali ta' investiment globali sal-2025(6); iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament inizjali, biex issostni mhux biss l-installazzjoni iżda wkoll l-operat ta' tali infrastrutturi matul il-fażi ta' adozzjoni mis-suq li ma trendix profitt, u tiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-operaturi tat-trasport pubbliku, inkluż fir-rigward tas-sostenn tal-infrastruttura bħal sessjonijiet ta' ħidma dwar il-manutenzjoni; jenfasizza li hemm bżonn ta' investiment addizzjonali pubbliku u speċjalment privat;

14.  Jissuġġerixxi li l-investiment neċessarju stmat ta' EUR 25 biljun sal-2025 jista' jiġi kofinanzjat, billi l-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi madwar 10 % filwaqt li madwar 90 % jiġu mill-industrija, b'mod partikolari l-manifatturi, il-fornituri, il-produtturi tal-enerġija u tal-fjuwil u partijiet interessati oħra; jenfasizza li l-proġetti infrastrutturali għall-fjuwils alternattivi għandu jkollhom aċċess għal għotjiet u self ipprovduti mill-FNE, mill-Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u mill-EC IPE (Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa), filwaqt li dejjem jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni tas-suq; jitlob li r-riżorsi finanzjarji mill-fond għandhom jingħataw skont il-kriterji ta' sostenibbiltà, fattibbiltà, newtralità teknoloġika, miri klimatiċi, valur miżjud Ewropew, l-ilħuq tal-għanijiet ta' użu u l-politika ta' koeżjoni; jitlob li l-INEA, li diġà tissorvelja l-FNE, issir l-aġenzija responsabbli;

15.  Iqis li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej 2 (FSIE 2), kif ukoll il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta' Koeżjoni (FK), Invest EU u Orizzont Ewropa, huma strumenti xierqa biex jappoġġaw l-installazzjoni ta' infrastrutturi għall-fjuwils alternattivi u l-investiment kontinwu fir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jinkiseb livell aħjar ta' akkoppjament tas-settur, bħat-trasport u l-enerġija;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrieżamina d-Direttiva 1999/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7) dwar l-informazzjoni għall-konsumatur dwar il-karozzi; huwa tal-fehma li tali rieżami għandu jimmira li jtejjeb b'mod sostanzjali l-informazzjoni li jirċievu l-konsumaturi dwar il-konsum tal-fjuwil, l-emissjonijiet tas-CO2 u l-emissjonijiet ta' inkwinanti, u li jagħmilha possibbli li jitqabblu l-effiċjenza u l-emissjonijiet tat-teknoloġiji tal-fjuwil tradizzjonali u dawk alternattivi għat-trasport f'kundizzjonijiet reali;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni tfassal regolament dwar id-disponibbiltà f'infrastrutturi għall-fjuwils alternattivi aċċessibbli pubblikament, tal-inqas fin-netwerk tat-TEN-T;

18.  Jinnota li t-tassazzjoni għandha impatt ewlieni fuq il-kompetittività tal-prezzijiet tal-fjuwils alternattivi. jitlob għalhekk lill-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid l-oqfsa ta' tassazzjoni tal-enerġija tagħhom sabiex jiffaċilitaw u jinċentivaw l-użu ta' fjuwils alternattivi b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u mingħajr emissjonijiet ta' karbonju u jneħħu d-disparitajiet attwali bejn il-modi ta' trasport differenti, pereżempju fuq l-elettriku użat għall-provvista tal-elettriku max-xatt għall-vapuri u l-enerġija użata għall-ġenerazzjoni ta' fjuwils alternattivi, inkluż il-gass bl-elettriku bħala ħżin għal enerġiji rinnovabbli intermittenti;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa d-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu u tat-tbaħħir b'enfasi ċara fuq l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-adattament tal-portijiet u l-vapuri; jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni tagħhom, jistabbilixxu "Proġett ta' kurituri blu għal-LNG għall-gżejjer" komuni, b'mod partikolari għar-reġjuni ultraperiferiċi; jenfasizza li l-provvista tal-enerġija max-xatt, kemm fil-portijiet interni kif ukoll f'dawk marittimi, tista' tikkontribwixxi b'mod sostanzjali għat-tnaqqis tal-istorbju, tas-CO2 u ta' emissjonijiet inkwinanti oħrajn filwaqt li ttejjeb il-kwalità tal-arja;

Fjuwils alternattivi - politika industrijali alternattiva

20.  Jiddispjaċih li l-progress fir-rigward tal-installazzjoni ta' infrastrutturi għall-fjuwils alternattivi u d-disponibbiltà ta' vetturi li jaħdmu b'enerġija alternattiva għadu kajman wisq, fejn fl-2017 kienu jeżistu biss 19-il mudell ta' Vetturi Elettriċi bil-Batteriji u 25 mudell ta' Vetturi Elettriċi Ibridi Rikarikabbli apparagun ta' 417-il mudell ta' vetturi b'magni bil-kombustjoni interna (ICEs), u jappella lill-manifatturi biex iżidu l-isforzi f'dan ir-rigward; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' politiki li jinċentivizzaw l-użu ta' vetturi b'emissjonijiet mill-egżost żero u baxxi u li jistimulaw l-offerta ta' vetturi ħfief u heavy-duty li jaħdmu bi fjuwils alternattivi, bħal standards ambizzjużi ta' emissjonijiet fl-2025 u l-2030 għall-vetturi ħfief u heavy-duty ġodda, inklużi inċentivi qawwija għal vetturi b'emissjonijiet mill-egżost żero u baxxi; jirrikonoxxi fl-istess ħin il-ħtieġa ta' investiment pubbliku u privat ikbar;

21.  Jenfasizza l-konnessjoni bejn id-disponibbiltà ta' vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi, l-installazzjoni tal-infrastruttura għall-fjuwils alternattivi u d-domanda tal-konsumaturi għal dawn it-teknoloġiji; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li t-tranżizzjoni lejn motopropulsjoni u fjuwils alternattivi tista' tgħin biex l-industrija tkun globalment kompetittiva u jinżammu impjiegi ta' kwalità għolja fl-Ewropa, filwaqt li tagħmel tajjeb għall-opportunitajiet mitlufa fid-dekarbonizzazzjoni tal-industrija tal-karozzi u għan-nuqqas ta' investiment fit-trasport sostenibbli; jenfasizza li ż-żieda fl-użu tal-vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi se tnaqqas il-kostijiet tal-produzzjoni u taċċellera t-tnaqqis tal-kost totali tas-sjieda;

22.  Ifakkar fl-importanza ta' suq intern li jiffunzjona li jiżgura l-aċċessibbiltà faċli għall-pompi għar-riforniment tal-fjuwil, l-interoperabbiltà tas-servizzi ta' pagament u l-istandards tekniċi, l-ipprezzar trasparenti tal-fjuwil u l-interoperabbiltà bejn is-servers u l-formati tad-data; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' informazzjoni tempestiva, li tinftiehem faċilment, preċiża, aċċessibbli u trasparenti lill-konsumaturi u l-aċċessibbiltà ta' din l-informazzjoni permezz ta' pjattaforma tad-data miftuħa; jitlob li jiġu installati pompi tal-fjuwil li jiddistribwixxu diversi tipi ta' enerġiji sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta' diversi netwerks differenti ta' distribuzzjoni għal kull tip ta' provvista tal-enerġija;

23.  Jinnota li l-biċċa l-kbira tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi se jseħħ fid-dar jew ix-xogħol, flimkien ma' ċċarġjar f'postijiet pubbliċi u semipubbliċi bħal supermarkets, stazzjonijiet tal-ferrovija jew ajruporti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li hemm bżonn ta' enfasi akbar fuq soluzzjonijiet intelliġenti tal-iċċarġjar, l-istabbiltà tal-grilja trid tiġi żgurata u jrid jingħata lok għall-awtokonsum; jenfasizza li għall-elettromobbiltà fuq distanzi twal hemm bżonn ta' stazzjonijiet tal-iċċarġjar veloċi u ultraveloċi tul l-awtostradi, is-sistemi tat-toroq ewlenin u n-nodi tan-netwerk; jenfasizza li l-aċċess miftuħ għall-punti tal-iċċarġjar, l-interoperabbiltà tat-teknoloġija u l-pagamenti u l-għażla ħielsa tal-enerġija, inkluża l-enerġija rinnovabbli, u l-fornituri huma fatturi ewlenin għal sistema li tiffunzjona;

24.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal Alleanza Ewropea tal-Batteriji u jappoġġa bil-qawwa l-istabbiliment ta' produzzjoni Ewropea taċ-ċelloli tal-batteriji li tiffoka fuq it-teknoloġija tal-ġenerazzjoni li jmiss; jitlob lill-Kummissjoni testendi l-inizjattiva għal sistemi tal-motopropulsjoni oħra bħaċ-ċelloli tal-fjuwil sabiex tinżamm it-tmexxija Ewropea fit-teknoloġija;

25.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà ta' valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja għas-soluzzjonijiet kollha ta' fjuwils alternattivi, batteriji u motopropulsjoni sabiex is-settur tat-trasport jiġi dekarbonizzat b'mod sostenibbli u tevalwa l-emissjonijiet u l-impatt tagħhom fuq id-domanda għall-enerġija u għall-ilma, l-użu tal-art, l-ambjent u l-komunitajiet;

o
o   o

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1.
(2) ĠU L 120, 15.5.2009, p. 5.
(3) ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1.
(4) ĠU L 23, 26.1.2005, p. 3.
(5) ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1.
(6) COM(2017)0652.
(7) ĠU L 12, 18.1.2000, p. 16.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Diċembru 2019Avviż legali