Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2230(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0357/2018

Testi mressqa :

A8-0357/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/11/2018 - 4.1

Testi adottati :

P8_TA(2018)0440

Testi adottati
PDF 485kWORD 52k
It-Tlieta, 13 ta' Novembru 2018 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lil-Latvja
P8_TA-PROV(2018)0440A8-0357/2018
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lil-Latvja (COM(2018)0658 – C8-0416/2018 – 2018/2230(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0658 – C8-0416/2018),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0357/2018),

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni bħala sinjal ta' solidarjetà tal-Unjoni ma' ċittadini tal-Unjoni u mar-reġjuni milquta mid-diżastri naturali;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi rilaxxata l-assistenza finanzjarja mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ("il-Fond") lir-reġjuni milquta minn diżastri naturali fl-Unjoni fl-2017;

3.  Jappoġġja lill-Istati Membri li jużaw il-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej għar-rikostruzzjoni tar-reġjuni milquta; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja u tapprova b'mod rapidu r-riallokazzjoni finanzjarja tal-ftehimiet ta' sħubija mitluba mill-Istati Membri għal dan il-għan;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jużaw il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond b'mod trasparenti, u b'hekk tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta fir-reġjuni kollha milquta;

5.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lil-Latvja

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

wara li kkunsidraw l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-Punt 11 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ("il-Fond") għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b'mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza sabiex tintwera solidarjetà mal-popolazzjonijiet ta’ reġjuni milquta minn diżastri naturali.

(2)  Il-Fond ma għandux jaqbeż l-ammont annwali massimu ta' EUR 500 000 000 (bil-prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(3).

(3)  Fl-14 ta' Novembru 2017, il-Latvja ressqet it-talba għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara perjodu twil ta' xita qawwija matul is-sajf u l-ħarifa tal-2017 li wasslet għal saturazzjoni tal-ħamrija u għargħar sussegwenti.

(4)  It-talba mil-Latvja tissodisfa r-rekwiżiti sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002.

(5)  Għalhekk il-Fond jenħtieġ li jiġi mobilizzat biex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja lil-Latvja.

(6)  Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2018/508 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4), il-Fond ġie mobilizzat sabiex jipprovdi s-somma ta' EUR 50 000 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għall-ħlas ta' avvanzi għas-sena finanzjarja 2018. Dawn l-approprjazzjonijiet intużaw biss b'mod limitat ħafna. Għaldaqstant, hemm lok għall-finanzjament tal-ammont kollu għall-mobilizzazzjoni attwali permezz tar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet mobilizzati għall-ħlasijiet tal-avvanzi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018.

(7)  Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun il-ħin li jieħu l-Fond biex jiġi mobilizzat, din id-deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018, il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jkun mobilizzat sabiex jipprovdi l-ammont ta' EUR 17 730 519 lil-Latvja, f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

L-ammont tal-mobilizzazzjoni msemmi fl-ewwel paragrafu għandu jiġi ffinanzjat mill-approprjazzjonijiet immobilizzati għall-pagament ta' avvanzi fil-baġit tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018. L-approprjazzjonijiet disponibbli għall-pagament ta' avvanzi għandu jitnaqqas kif meħtieġ.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika minn ... [id-data tal-adozzjoni tagħha](5).

Magħmul fi […],

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.
(2) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(4) Id-Deċiżjoni (UE) 2018/508 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE sabiex jipprovdi għall-pagament tal-avvanzi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-2018 (ĠU L 83, 27.3.2018, p. 13).
(5) Għandha tiddaħħal id-data mill-Parlament Ewropew qabel il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Novembru 2018Avviż legali