Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2157(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0335/2018

Testi mressqa :

A8-0335/2018

Dibattiti :

PV 13/11/2018 - 12
CRE 13/11/2018 - 12

Votazzjonijiet :

PV 14/11/2018 - 14.3
CRE 14/11/2018 - 14.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0451

Testi adottati
PDF 464kWORD 65k
L-Erbgħa, 14 ta' Novembru 2018 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
L-esportazzjoni tal-armi: l-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK
P8_TA-PROV(2018)0451A8-0335/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-esportazzjoni tal-armi: l-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (2018/2157(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-promozzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u l-preservazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari(1) (il-Pożizzjoni Komuni),

–  wara li kkunsidra d-Dsatax-il Rapport Annwali(2) mfassal f'konformità mal-Artikolu 8(2) tal-Pożizzjoni Komuni,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2018/101/PESK tat-22 ta' Jannar 2018 dwar il-promozzjoni ta' kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni tal-armi(3) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2017/915/PESK tad-29 ta' Mejju 2017 dwar attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni tal-Unjoni b'appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi(4),

–  wara li kkunsidra l-Lista Militari Komuni aġġornata tal-Unjoni Ewropea adottata mill-Kunsill fis-26 ta' Frar 2018(5),

–  wara li kkunsidra l-Gwida għall-Utent għall-Pożizzjoni Komuni li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Wassenaar tat-12 ta' Mejju 1996 dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni għall-Armi Konvenzjonali u l-Prodotti u t-Teknoloġiji b'Użu Doppju, flimkien mal-listi, aġġornati f'Diċembru 2017, ta' dawn il-prodotti u t-teknoloġiji u munizzjon(6),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-25 ta' Ġunju 2012, b'mod partikolari l-Eżitu 11(e) tal-pjan ta' azzjoni, u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019) tal-20 ta' Lulju 2015, b'mod partikolari l-Objettiv 21(d) tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA) adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-2 ta' April 2013(7), li daħal fis-seħħ fl-24 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju(9), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 599/2014 tas-16 ta' April 2014, u l-lista ta' oġġetti b'użu doppju u t-teknoloġija fl-Anness I tiegħu (Regolament dwar l-Użu Doppju),

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, b'mod partikolari l-Għan 16 li jippromwovi soċjetajiet ġusti, paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda dwar id-Diżarm tan-NU ("Niżguraw il-Futur Komuni tagħna"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/2134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Novembru 2016 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra(10),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-impatt tat-trasferiment tal-armi fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwistjoni, b'mod partikolari dawk tat-13 ta' Settembru 2017(12) u tas-17 ta' Diċembru 2015(13) dwar l-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża li għandu l-għan li jappoġġja l-kompetittività u l-kapaċità innovattiva tal-industrija tad-difiża tal-UE (EDIDP) (COM(2017)0294) u l-proposta għal regolament li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża (COM(2018)0476),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen tal-25 ta' Frar 2016(14), il-15 ta' Ġunju 2017(15) u t-30 ta' Novembru 2017(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati(17),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-17 ta' Awwissu 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen, inklużi l-ksur u l-abbużi minn Settembru 2014 (A/HRC/39/43),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0335/2018),

A.  billi d-dritt inerenti għall-awtodifiża individwali jew kollettiva huwa stabbilit fl-Artikolu 51 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

B.  billi l-esportazzjonijiet u t-trasferimenti tal-armi għandhom impatt innegabbli fuq id-drittijiet tal-bniedem u s-sigurtà tal-bniedem, fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku u fuq id-demokrazija; billi l-esportazzjoni tal-armi tikkontribwixxi wkoll għal ċirkostanzi li jġiegħlu lin-nies jaħarbu minn pajjiżhom; billi hemm raġunijiet b'saħħithom biex tiġi stabbilita sistema għall-kontroll tal-armi stretta, trasparenti, effettiva u aċċettata u ddefinita b'mod komuni;

C.  billi l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK hija qafas legalment vinkolanti li jistabbilixxi tmien kriterji; billi kull meta dawn ma jkunux issodisfati, il-ħruġ ta' liċenzja tal-esportazzjoni jenħtieġ li jiġi miċħud (kriterji 1-4) jew tal-inqas jitqies li jsir dan (kriterji 5-8); billi d-deċiżjoni ta' trasferiment jew ċaħda tat-trasferiment ta' xi teknoloġija jew tagħmir militari tibqa' għad-diskrezzjoni nazzjonali ta' kull Stat Membru skont l-Artikolu 4(2) tal-Pożizzjoni Komuni;

D.  billi l-aħħar ċifri(18) juru li l-esportazzjoni tal-armi mill-UE-28 kienet tammonta għal aktar minn 27 % tat-total globali fl-2013-2017, li irriżulta biex l-UE, kollettivament, tkun, it-tieni l-akbar fornitur tal-armi fid-dinja, wara l-Istati Uniti (34 %) u segwita mir-Russja bi 22 %; billi l-2015 u l-2016 kienu l-aktar snin li fihom storikament urew l-ogħla ċifri ta' liċenzji għall-esportazzjoni tal-armi skont il-valur, mill-bidu tal-ġbir tad-data tal-UE, b'valur totali ta' EUR 195,95 biljun fl-2015 u, skont l-aktar rapport reċenti mill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali (COARM), EUR 191,45 miljun fl-2016(19); billi sfortunatament iċ-ċifri tal-2015 u l-2016 huma qarrieqa u impreċiżi, peress li l-volum ta' liċenzji huwa parzjalment aktar espressjoni ta' intenzjoni milli figura preċiża li tindika esportazzjonijiet reali li jistgħu jkunu mistennija li jimmaterjalizzaw fil-futur qrib;

E.  billi r-rapporti annwali tal-COARM s'issa huma l-uniku strument li l-għan tiegħu huwa li jkopri l-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni; billi dawn ir-rapporti kkontribwixxew għal żieda fit-trasparenza fir-rigward tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri u billi l-volum ta' linji gwida u kjarifiki fil-Gwida għall-Utent żdied b'mod konsiderevoli; billi, minħabba l-Pożizzjoni Komuni, żdied il-volum ta' informazzjoni dwar il-ħruġ ta' liċenzji għall-esportazzjoni tal-armi;

F.  billi kemm l-ambjent tas-sigurtà globali kif ukoll dak reġjonali nbidlu b'mod drammatiku, speċjalment fir-rigward tal-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Unjoni, u dan jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jitjiebu metodoloġiji fir-rigward tal-produzzjoni tal-informazzjoni għall-valutazzjoni tar-riskju tal-ħruġ ta' liċenzji tal-esportazzjoni u sabiex isiru aktar sikuri;

G.  billi, skont l-Artikolu 3 tal-Pożizzjoni Komuni, it-tmien kriterji jiddefinixxu biss standards minimi u huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura aktar restrittiva li l-Istati Membri jistgħu jieħdu għall-kontroll tal-armi; billi l-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-għoti jew iċ-ċaħda ta' liċenzji għall-esportazzjoni tal-armi huwa esklussivament fil-kompitu tal-Istati Membri;

H.  billi mhux l-Istati Membri kollha jippreżentaw informazzjoni kompluta lill-COARM; billi, minħabba l-arranġamenti għall-ġbir tad-data u l-proċeduri ta' sottomissjoni differenti tal-Istati Membri individwali u l-interpretazzjoni differenti tagħhom tat-tmien kriterji, is-settijiet tad-data mhumiex kompluti u jvarjaw, u l-prattiki tal-esportazzjoni tal-armi huma ferm differenti; jindika li l-iskambju ta' informazzjoni jrid ikun kompatibbli mal-liġijiet nazzjonali u l-proċeduri amministrattivi ta' kull pajjiż;

I.  billi bħalissa ma hemm l-ebda mekkaniżmu għall-verifika u r-rappurtar ta' konformità standardizzati u indipendenti skont it-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni;

J.  billi fis-snin reċenti ġew adottati miżuri dwar it-traffikar ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir, b'Lista aġġornata ta' Oġġetti u Teknoloġiji b'Użu Doppju skont il-Ftehim ta' Wassenaar; billi filwaqt li kwistjonijiet bħall-kontroll tal-intermedjazzjoni għall-armi, il-produzzjoni liċenzjata barra l-UE u l-kontroll fuq l-utenti finali tpoġġew fuq l-aġenda u, sa ċertu punt, ġew inkorporati fil-Pożizzjoni Komuni nfisha, ħafna prodotti, b'mod partikolari fil-qasam ta' oġġetti b'użu doppju, iċ-ċiberteknoloġija u s-sorveljanza, għadhom mhumiex koperti mis-sistema ta' kontroll;

K.  billi d-dsatax-il rapport annwali jiżvela li 40,5 % tal-liċenzji għall-esportazzjoni tal-armi ngħataw lil pajjiżi fir-reġjun MENA, b'valur ta' EUR 77,5 biljun, u l-Arabja Sawdija, l-Eġittu u l-Emirati Għarab Magħquda (EGħM) jammontaw għall-biċċa l-kbira ta' dawk l-esportazzjonijiet, b'valur ta' EUR 57,9 biljun;

L.  billi, f'xi każijiet, l-armi esportati lejn ċerti pajjiżi, pereżempju lejn l-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda u membri tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, intużaw f'kunflitti bħal dak fil-Jemen; billi dawn l-esportazzjonijiet jiksru biċ-ċar il-Pożizzjoni Komuni;

M.  billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen appellat lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) biex tvara inizjattiva sabiex jiġi impost embargo tal-armi tal-UE fuq l-Arabja Sawdija;

N.  billi l-armi liċenzjati għat-trasferiment mill-Istati Membri tal-UE u sussegwentement użati fil-kunflitt attwali tal-Jemen kellhom impatt katastrofiku fuq l-iżvilupp sostenibbli fil-Jemen;

O.  billi s-settur tad-difiża sar punt fokali tal-politika tal-UE, fejn l-Istrateġija Globali tal-UE (EUGS) tiddikjara li "industrija tad-difiża Ewropea sostenibbli, innovattiva u kompetittiva hija essenzjali għall-awtonomija strateġika tal-Ewropa u għal PSDK kredibbli"(20); billi l-esportazzjonijiet tal-armi huma kruċjali biex tingħata spinta lill-bażi industrijali u teknoloġika għad-difiża Ewropea, u billi l-prijorità tal-industrija tad-difiża hija li tiggarantixxi s-sigurtà u d-difiża tal-Istati Membri tal-UE u li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-PESK; billi l-kompitu ewlieni tal-Fond Ewropew għad-Difiża u, bħala prekursur, l-EDIDP, li ġie varat reċentement, għandu "[jwieżen] il-kompetittività tal-industrija tad-difiża fl-Ewropa"(21);

P.  billi l-miżuri ta' trasparenza bħall-monitoraġġ tal-esportazzjonijiet tal-armi jgħinu biex tingħata spinta lill-fiduċja fost l-Istati Membri;

Q.  billi l-Artikolu 10 tal-Pożizzjoni Komuni juri biċ-ċar li l-osservanza tat-tmien kriterji għandha preċedenza fuq l-interessi ekonomiċi, soċjali, kummerċjali jew industrijali tal-Istati Membri;

It-tisħiħ tal-Pożizzjoni Komuni u t-titjib tal-implimentazzjoni tagħha

1.  Jissottolinja li l-istati għandhom id-dritt leġittimu li jakkwistaw teknoloġija militari għal skopijiet ta' awtodifiża; jinnota li ż-żamma tal-industrija tad-difiża sservi bħala parti mill-awtodifiża tal-Istati Membri;

2.  Jinnota li suq Ewropew tad-difiża jservi bħala strument li jiggarantixxi s-sigurtà u d-difiża tal-Istati Membri u ċ-ċittadini tal-Unjoni u jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u b'mod partikolari l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK); jistieden lill-Istati Membri jegħlbu n-nuqqas attwali ta' effiċjenza fl-infiq għad-difiża minħabba d-duplikazzjoni, il-frammentazzjoni u n-nuqqas ta' interoperabbiltà, u biex ikollhom l-għan li l-UE ssir fornitur tas-sigurtà, anke permezz ta' kontroll aħjar tal-esportazzjoni tal-armi;

3.  Jirrikonoxxi li l-UE hija l-unika unjoni tal-istati li għandha qafas legalment vinkolanti li permezz tiegħu l-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi qed jitjieb, fosthom f'reġjuni ta' kriżi u f'pajjiżi b'rekord dubjuż fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa', f'dan ir-rigward, il-fatt li pajjiżi terzi Ewropej u mhux Ewropej ingħaqdu mas-sistema tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi abbażi tal-Pożizzjoni Komuni; iħeġġeġ ukoll lill-pajjiżi kandidati li fadal, lil dawk il-pajjiżi li jinsabu fil-proċess li jiksbu l-istatus ta' kandidat, jew pajjiżi oħra li jixtiequ jimpenjaw ruħhom fit-triq lejn l-adeżjoni fl-UE, biex japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jissaħħaħ ir-rwol tad-Delegazzjonijiet tal-UE biex jassistu lill-Istati Membri u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) bil-valutazzjoni tar-riskju tal-ħruġ ta' liċenzji tal-esportazzjoni u l-implimentazzjoni ta' kontrolli fuq l-utent finali, kontrolli ta' wara t-trasportazzjoni u spezzjonijiet fuq il-post;

5.  Jinnota li t-tmien kriterji huma applikati u interpretati b'modi differenti mill-Istati Membri; jitlob għalhekk applikazzjoni uniformi, konsistenti u kkoordinata tat-tmien kriterji u implimentazzjoni sħiħa tal-Pożizzjoni Komuni flimkien mal-obbligi kollha tagħha;

6.  Jemmen li l-metodoloġija tal-valutazzjoni tar-riskju tal-ħruġ ta' liċenzji għall-esportazzjoni għandha tinkorpora prinċipju ta' prekawzjoni u li l-Istati Membri, minbarra li jivvalutaw jekk tistax tintuża teknoloġija militari speċifika għal ripressjoni interna jew għal finijiet mhux mixtieqa oħra, għandhom jivvalutaw ukoll ir-riskji abbażi tas-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta' destinazzjoni, b'kont meħud ta' fatturi bħall-istat tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u l-iżvilupp soċjoekonomiku tiegħu;

7.  Jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017, biex jużaw il-proċess ta' rieżami attwali biex isaħħu l-mekkaniżmi għall-iskambju ta' informazzjoni billi jagħmlu disponibbli informazzjoni aħjar b'mod kwalitattiv u kwantitattiv għall-valutazzjonijiet tar-riskju tal-ħruġ ta' liċenzji tal-esportazzjoni, billi:

   (a) jipprovdu aktar informazzjoni dwar il-liċenzji tal-esportazzjoni u l-esportazzjonijiet attwali maqsuma b'mod sistematiku u f'waqtu, inkluż dwar utenti finali ta' tħassib, każijiet ta' devjazzjoni, ċertifikati tal-utenti finali foloz jew inkella ta' tħassib, u intermedjarji jew kumpaniji tat-trasport suspettati, skont il-liġijiet domestiċi;
   (b) iżommu lista ta' entitajiet u individwi li nstabu ħatja ta' ksur tal-leġiżlazzjoni marbuta mal-esportazzjoni tal-armi, ta' każijiet ta' devjazzjoni identifikata, u ta' persuni li huma magħrufa jew suspettati li huma involuti f'kummerċ tal-armi illegali jew f'attivitajiet li huma ta' theddida għas-sigurtà internazzjonali u nazzjonali;
   (c) jikkondividu l-aħjar prattiki adottati għall-implimentazzjoni tat-tmien kriterji;
   (d) ibiddlu l-Gwida għall-Utent attwali f'riżors interattiv online;
   (e) ibiddlu r-Rapport Annwali tal-UE f'database online pubblika u miftuħa sa tmiem l-2019, b'format ġdid li għandu jiġi applikat għad-data tal-2017;
   (f) jippromwovu proċeduri ta' kooperazzjoni ċari u stabbiliti sew bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet tal-fruntieri, ibbażati fuq il-kondiviżjoni ta' informazzjoni, sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar is-sigurtà u l-qerda tan-negozjar illegali tal-armi, li huwa ta' riskju għas-sigurtà tal-UE u taċ-ċittadini tagħha;

8.  Jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jżidu l-għadd ta' persunal li jaħdem fuq kwistjonijiet relatati mal-esportazzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE; jinkoraġġixxi l-użu tal-fondi tal-UE għall-bini tal-kapaċità fost l-uffiċjali tal-ħruġ tal-liċenzji u l-infurzar fl-Istati Membri;

9.  Ifakkar li fost ir-raġunijiet għall-istabbiliment tal-Pożizzjoni Komuni kien hemm l-evitar tal-użu tal-armi Ewropej kontra l-forzi armati tal-Istati Membri u l-evitar tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-estensjoni tal-kunflitti armati; itenni li l-Pożizzjoni Komuni tistabbilixxi rekwiżiti minimi li l-Istati Membri jridu japplikaw fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni tal-armi, u li dan jinkludi l-obbligu li tiġi eżaminata talba għal liċenzja tal-esportazzjoni kontra kull wieħed mit-tmien kriterji elenkati fih;

10.  Jikkritika n-nuqqas sistematiku li t-tmien kriterji jiġu applikati mill-Istati Membri u l-fatt li t-teknoloġija militari tilħaq destinazzjonijiet u utenti finali li ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni; jirrepeti s-sejħa tiegħu għal valutazzjoni indipendenti tal-konformità tal-Istati Membri mat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni; huwa tal-fehma li jenħtieġ li tiġi promossa konverġenza ikbar fl-applikazzjoni tat-tmien kriterji; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti fuq l-Istati Membri li jonqsu milli jiċċekkjaw il-konformità mat-tmien kriterji qabel l-għoti tal-liċenzji; iħeġġeġ lill-Istati Membri itejbu l-konsistenza tal-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni, u jagħtihom parir jipprevedu arranġamenti biex iwettqu kontrolli indipendenti;

11.  Jemmen li l-esportazzjonijiet lejn l-Arabja Sawdija, l-EGħM u membri oħra tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija fil-Jemen mhumiex konformi mill-inqas mal-kriterju 2 minħabba l-involviment ta' dawk il-pajjiżi fi ksur serju tal-liġi umanitarja kif stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti tan-NU; itenni s-sejħa tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 rigward il-ħtieġa urġenti li jiġi impost embargo tal-armi fuq l-Arabja Sawdija, u jappella lill-VP/RGħ u lill-Kunsill biex jestendu tali embargo għall-membri l-oħrajn kollha tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija fil-Jemen;

12.  Jemmen li hu meħtieġ li jitnieda proċess li jwassal għal mekkaniżmu li jissanzjona lill-Istati Membri li ma jikkonformawx mal-Pożizzjoni Komuni;

13.  Jinnota li xi Stati Membri waqfu jipprovdu l-armi lill-Arabja Sawdija u membri oħra tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija fil-Jemen minħabba l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li oħrajn komplew jipprovdu teknoloġija militari; jifraħ lil dawk l-Istati Membri, bħal Ġermanja u n-Netherlands, li biddlu l-prattika tagħhom fir-rigward tal-kunflitt tal-Jemen; jiddispjaċih ħafna, madankollu, mill-fatt li Stati Membri oħra jidhru li ma jqisux l-imġiba tal-pajjiż ta' destinazzjoni u l-użu aħħari ta' armi u munizzjon esportati; jissottolinja li din id-disparità fil-prattika tirriskja li ddgħajjef ir-reġim Ewropew ta' kontroll tal-armi kollu kemm hu;

14.  Huwa allarmat mill-fatt li kważi t-talbiet kollha għal liċenzji għal esportazzjonijiet lejn pajjiżi speċifiċi bħall-Arabja Sawdija ngħataw minkejja l-fatt li l-esportazzjonijiet lejn dawk il-pajjiżi jiksru mill-inqas il-kriterji 1 sa 6 tal-Pożizzjoni Komuni, filwaqt li jitqies li n-nuqqas li jiġu ssodisfati l-kriterji 1 sa 4 irid iwassal għal ċaħda tal-liċenzja; jiddispjaċih li kważi l-applikazzjonijiet għal liċenzji kollha (95 %) għall-esportazzjonijiet lejn l-Arabja Sawdija ngħataw fir-rigward tal-esportazzjonijiet tal-kategorija ML9(22) (bastimenti tal-gwerra, li jintużaw biex jiġi infurzat l-imblokk navali fuq il-Jemen), u l-kategorija ML10 (inġenji tal-ajru) u ML4 (bombi eċċ.) li kienu fundamentali fil-kampanja mill-ajru, filwaqt li jikkontribwixxu għad-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja, għall-ħolqien ta' ostakli għall-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiż kollu, u għat-tbatija kontinwa tal-popolazzjoni tal-Jemen;

15.  Jinsab maħsud bl-ammont ta' armi u munizzjon, prodotti fl-UE, li nstabu f'idejn id-Da'esh fis-Sirja u fl-Iraq; jinnota li l-Bulgarija u r-Rumanija ma applikawx b'mod effettiv il-Pożizzjoni Komuni fir-rigward ta' trasferimenti mill-ġdid li jiksru ċ-ċertifikati tal-utent finali; jistieden lill-Istati Membri kollha jirrifjutaw trasferimenti simili fil-futur, b'mod partikolari lejn l-Istati Uniti u l-Arabja Sawdija, u jitlob lis-SEAE u lill-Istati Membri, b'mod partikolari lill-Bulgarija u lir-Rumanija, jispjegaw, fil-kuntest tal-COARM iżda wkoll pubblikament quddiem is-Sottokumitat tal-Parlament dwar is-Sigurtà u d-Difiża (SEDE), x'passi ttieħdu dwar din il-kwistjoni; jistieden lis-SEAE jindirizza l-bosta każijiet żvelati mir-rapport reċenti dwar ir-Riċerka tal-Armi għall-Kunflitti, u jesplora metodi aktar effettivi għall-valutazzjoni tar-riskju ta' devjazzjoni fil-COARM u f'fora rilevanti oħra, inkluż, fil-kuntest tal-proċess ta' rieżami, li jsir obbligatorju għall-Istati Membri li jiċħdu liċenzja tal-esportazzjoni jekk ikun hemm riskju ċar li t-teknoloġija jew it-tagħmir militari li se jiġi esportat jista' jiġi ddevjat; jiddeċiedi li jagħti bidu għal investigazzjoni f'din il-kwistjoni;

16.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-provvista tas-sistemi tal-armi fi żmien ta' gwerra u f'sitwazzjonijiet ta' tensjoni politika sinifikanti tista' taffettwa b'mod sproporzjonat lil persuni ċivili; jissottolinja li l-kunflitti jenħtieġ li jiġu solvuti permezz ta' mezzi diplomatiċi bħala prijorità; jappella, għalhekk, lill-Istati Membri biex jieħdu passi lejn politika barranija u ta' sigurtà komuni ġenwina;

17.  Jirrikonoxxi li implimentazzjoni aħjar tal-kriterju 8 tikkostitwixxi kontribut deċiżiv għall-għanijiet tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tal-UE u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, b'mod partikolari l-SDG 16.4; jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jużaw il-proċess ta' rieżami għaddej bħalissa dwar il-Pożizzjoni Komuni f'dan ir-rigward; jirrakkomanda li l-Gwida għall-Utent f'dan ir-rigward tiġi aġġornata, b'enfasi mhux biss fuq l-impatt fuq l-iżvilupp tax-xiri tal-armi fuq il-pajjiż riċevitur, iżda wkoll fuq il-ħsara potenzjali għall-iżvilupp magħmul bl-użu ta' armi, inkluż f'pajjiżi li mhumiex l-Istat riċevitur;

18.  Jissuġġerixxi li għandhom jiġu esplorati modi għall-UE biex tappoġġja l-konformità tal-Istati Membri mat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni, b'mod partikolari billi tipprovdi informazzjoni matul il-fażi tal-valutazzjoni tar-riskju, kontrolli fuq l-utenti finali, kontrolli ex ante fuq il-vjeġġi, u lista aġġornata regolarment ta' pajjiżi terzi li jikkonformaw mal-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni;

19.  Jinnota li l-Kunsill qed iwettaq valutazzjoni mill-ġdid tal-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni u t-twettiq tal-għanijiet tagħha fl-2018; jitlob li tiġi rieżaminata l-Pożizzjoni Komuni sabiex jiġi determinat kif tiġi implimentata fil-livell nazzjonali, inkluża valutazzjoni tal-modi differenti li bihom tiġi implimentata fil-liġijiet u r-regolamenti tal-istati, il-metodi użati biex jiġu vvalutati l-applikazzjonijiet għal liċenzji u l-aġenziji u l-ministeri tal-gvern li huma involuti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-proġetti ffinanzjati mill-EDIDP varat dan l-aħħar u bil-Fond għad-Difiża futur, iridu jsiru taħt mekkaniżmi/reġimi ta' kontroll u ta' rapportar nazzjonali u tal-UE u jkunu soġġetti għal skrutinju parlamentari sħiħ; jemmen li l-Faċilità Ewropea għall-Paċi proposta teħtieġ ukoll li tkun soġġetta għal skrutinju parlamentari;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jegħlbu n-nuqqas attwali ta' effiċjenza fl-infiq għad-difiża minħabba d-duplikazzjoni, il-frammentazzjoni u n-nuqqas ta' interoperabbiltà, u biex ikollhom l-għan li l-UE ssir fornitur tas-sigurtà, anke permezz ta' kontroll aħjar tal-esportazzjoni tal-armi;

21.  Huwa tal-fehma li l-azzjonijiet relatati mal-prodott b'rabta mal-armi żgħar u armamenti ħfief fejn huma żviluppati prinċipalment għal skopijiet ta' esportazzjoni għandhom jiġu esklużi mill-fondi tal-Unjoni fil-kuntest tar-regolament li jmiss li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) (COM(2018)0476);

22.  Hu tal-fehma li fil-kuntest tal-Brexit ikun importanti għar-Renju Unit li jimpenja ruħu biex jibqa' marbut mal-Pożizzjoni Komuni u li japplika dispożizzjonijiet operattivi kif jagħmlu pajjiżi terzi Ewropej oħrajn;

23.  Jenfasizza li l-ambizzjoni li tiżdied il-kompetittività tas-settur ta' difiża Ewropea ma għandhiex iddgħajjef l-applikazzjoni tat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni hekk kif jieħdu preċedenza fuq kwalunkwe interess ekonomiku, kummerċjali, soċjali jew industrijali tal-Istati Membri;

24.  Iqis li l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/43/KE dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità jenħtieġ li tkun konsistenti mal-Pożizzjoni Komuni, inkluż fir-rigward tal-parts tal-bdil u l-komponenti; jinnota li l-Pożizzjoni Komuni mhijiex restrittiva fil-kamp ta' applikazzjoni u li, għaldaqstant, it-tmien kriterji japplikaw ukoll għal trasferimenti fi ħdan l-UE;

25.  Itenni l-effett negattiv li l-esportazzjoni bla kontroll suffiċjenti ta' sorveljanza ċibernetika minn kumpaniji tal-UE jista' jkollha fuq is-sigurtà għall-infrastruttura diġitali tal-UE u fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' aġġornament rapidu, effettiv u komprensiv tar-Regolament dwar l-Użu Doppju tal-UE, ifakkar il-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-proposta tal-Kummissjoni kif approvat minn maġġoranza assoluta f'Jannar 2018, u jissuġġerixxi li l-Kunsill jistabbilixxi malajr pożizzjoni ambizzjuża bil-għan li jippermetti lill-koleġiżlaturi jilħqu ftehim qabel il-tmiem ta' dan it-terminu leġiżlattiv; jistieden lill-Istati Membri, fir-rigward tal-kontrolli tal-esportazzjoni u l-applikazzjoni tat-tmien kriterji, sabiex jagħtu attenzjoni akbar lill-oġġetti li jistgħu jintużaw kemm għal skopijiet ċivili kif ukoll militari, bħal pereżempju t-teknoloġija għas-sorveljanza, u bl-istess mod, għall-komponenti li jistgħu jintużaw fl-attakki ċibernetiċi jew biex jitwettaq ksur tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinvestu fondi suffiċjenti fit-teknoloġija u r-riżorsi umani biex jitħarrġu individwi fi programmi speċifiċi taċ-ċibersigurtà; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu, fil-livell internazzjonali, iż-żieda tal-prodotti kkonċernati fil-listi ta' kontroll (b'mod partikolari ta' Wassenaar);

26.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu eżami aktar dettaljat ta' produzzjoni liċenzjata minn pajjiżi terzi u jiżguraw li jkun hemm salvagwardji aktar b'saħħithom kontra użi mhux mixtieqa; jitlob l-applikazzjoni stretta tal-Pożizzjoni Komuni fir-rigward ta' produzzjoni liċenzjata f'pajjiżi terzi; jitlob li l-arranġamenti ta' produzzjoni liċenzjati jiġu limitati għal pajjiżi li huma partijiet jew firmatarji għat-TKA, u biex dawk il-pajjiżi terzi jkunu obbligati li jesportaw biss tagħmir li jiġi prodott b'liċenzja u awtorizzat b'mod espliċitu mill-Istat Membru oriġinali li qed jesporta;

27.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ għall-indirizzar ta' sitwazzjonijiet fejn l-Istati Membri jagħmlu interpretazzjoni differenti tat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni għall-esportazzjonijiet ta' prodotti li huma essenzjalment simili, għal destinazzjonijiet u utenti finali simili, sabiex jiġu preservati l-kundizzjonijiet ekwi u l-kredibbiltà tal-UE barra mit-territorju tagħha;

28.  Jitlob lill-Istati Membri u lis-SEAE jiżviluppaw strateġija dedikata sabiex jipprovdu protezzjoni formali lill-informaturi li jirrappurtaw prattiki minn organizzazzjonijiet u kumpaniji fl-industrija tal-armi li jiksru l-kriterji u l-prinċipji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni;

29.  Jitlob, barra minn hekk, l-espansjoni, jew aħjar l-applikazzjoni tat-tmien kriterji anke fir-rigward tat-trasferiment tal-pulizija u l-persunal militari u tas-sigurtà, is-servizzi relatati mal-esportazzjoni tal-armi, l-għarfien u t-taħriġ, it-teknoloġija tas-sigurtà kif ukoll fir-rigward ta' servizzi militari u tas-sigurtà privati;

30.  Jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jikkooperaw mill-qrib sabiex jiġu evitati r-riskji li jirriżultaw mid-devjazzjoni u mill-ħżin tal-armi, bħalma huma t-traffikar u l-kuntrabandu ta' armi illegali; jenfasizza r-riskju tal-armi esportati lejn pajjiżi terzi li jidħlu lura fl-UE permezz tal-kuntrabandu u tat-traffikar tal-armi;

31.  Jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jżidu kriterju ġdid mal-Pożizzjoni Komuni sabiex jiġi żgurat li meta jingħataw l-awtorizzazzjonijiet jitqies ir-riskju ta' korruzzjoni dwar l-esportazzjonijiet rilevanti;

Ir-Rapport Annwali COARM

32.  Ifaħħar l-isforzi tal-Grupp ta' Ħidma COARM fir-rigward tal-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u l-konverġenza (b'referenza partikolari għall-Gwida tal-Utent għall-Pożizzjoni Komuni) u t-tisħiħ u l-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u l-proċessi ta' approssimazzjoni jew armonizzazzjoni fi ħdan l-UE u l-involviment ta' pajjiżi terzi;

33.  Jiddispjaċih li l-pubblikazzjoni tard ħafna tat-tmintax-il rapport annwali għall-2015 f'Marzu 2017 u tad-dsatax-il rapport annwali għall-2016 fi Frar 2018; jitlob li tiġi ggarantita proċedura ta' rapportar u sottomissjoni aktar standardizzata u f'waqtha billi tiġi stabbilita skadenza stretta għat-tressiq tad-data sa mhux aktar tard minn Jannar wara s-sena li fiha jkunu saru l-esportazzjonijiet, u billi tiġi stabbilita data tal-pubblikazzjoni fissa sa mhux aktar tard minn Marzu wara s-sena tal-esportazzjonijiet;

34.  Ifakkar li skont l-Artikolu 8(2) tal-Pożizzjoni Komuni, l-Istati Membri kollha huma obbligati jirrapportaw dwar l-esportazzjoni tal-armi tagħhom, u jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi tagħhom, kif stabbilit fil-Pożizzjoni Komuni; jenfasizza li data ta' kwalità għolja u diżaggregata dwar il-kunsinni effettivi hija essenzjali biex wieħed jifhem kif jiġu applikati t-tmien kriterji;

35.  Jikkritika l-fatt li għadd ta' Stati Membri ma għamlux sottomissjonijiet sħaħ għad-dsatax-il rapport annwali abbażi ta' data speċifika għall-pajjiż dettaljata; huwa mħasseb li, bħala riżultat, informazzjoni importanti hija nieqsa mir-rapport annwali COARM, li għaldaqstant mhuwiex aġġornat jew kapaċi jippreżenta stampa sħiħa tal-attivitajiet ta' esportazzjoni tal-Istati Membri; iqis li jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema ta' verifika u ta' rapportar standardizzata biex tipprovdi informazzjoni aktar dettaljata u komprensiva; itenni t-talba tiegħu li l-Istati Membri kollha li għadhom ma għamlux sottomissjonijiet sħaħ jipprovdu informazzjoni addizzjonali rigward l-esportazzjonijiet tagħhom tal-passat fid-dawl tar-rapport annwali li jmiss;

36.  Jinnota li skont id-dsatax-il rapport annwali, il-kriterji invokati għal ċaħdiet kienu differenti fl-applikazzjoni tagħhom, bil-kriterju 1 jiġi invokat 82 darba, il-kriterju 2 119-il darba, il-kriterju 3 103 darbiet, il-kriterju 4 85 darba, il-kriterju 5 8 darbiet, il-kriterju 6 12-il darba, il-kriterju 7 139 darba, u l-kriterju 8 darba; jinnota bi tħassib li l-għadd ta' liċenzji miċħuda naqas fit-total u anke f'termini relattivi (0.76 % biss ta' applikazzjonijiet għal liċenzji ġew miċħuda fl-2016 meta mqabbla ma' kważi 1 % fl-2015); jinnota b'diżappunt in-nuqqas kontinwu tar-rapport biex jinkludi ċifri dwar l-eżitu tal-konsultazzjonijiet dwar in-notifiki ta' ċaħda, u jistieden lill-Istati Membri jinkludu din id-data f'rapporti annwali futuri;

37.  Jissuġġerixxi li l-informazzjoni addizzjonali tinġabar mill-Istati Membri u tiġi ppubblikata kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fir-rapport annwali COARM; jissuġġerixxi wkoll li r-rapport annwali COARM ikun akkumpanjat minn sommarju li fost l-oħrajn għandu jinkludi xejriet li jistgħu jitqabblu mas-snin li għaddew u ċifri globali;

Il-Parlament u s-soċjetà ċivili

38.  Jinnota li mhux il-parlamenti nazzjonali kollha tal-UE jiskrutinizzaw id-deċiżjonijiet tal-gvern dwar il-ħruġ ta' liċenzji; jirrimarka dwar ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, li jipprevedu l-possibbiltà ta' reazzjonijiet regolari għar-Rapporti Annwali tal-UE dwar l-Esportazzjonijiet tal-Armi, u jappella f'dan ir-rigward għal titjib fis-sitwazzjoni attwali u għal garanzija li l-Parlament se jwieġeb għar-rapport annwali dwar COARM bir-rapport annwali tiegħu stess, li jenħtieġ li jkun barra mill-kwota; jistieden lill-parlamenti nazzjonali jiskambjaw kwalunkwe prattiki eżistenti fil-qasam tar-rappurtar u s-superviżjoni tal-esportazzjonijiet tal-armi;

39.  Jenfasizza r-rwol importanti li għandhom il-parlamenti nazzjonali, il-Parlament Ewropew, is-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet tal-kontroll tal-esportazzjoni u l-assoċjazzjonijiet tal-industrija kemm fl-appoġġ kif ukoll fit-tħeġġiġ tal-istandards maqbula tal-Pożizzjoni Komuni fil-livell nazzjonali u tal-UE kif ukoll biex jistabbilixxu sistema ta' kontroll trasparenti u b'obbligu ta' rendikont; jappella, għalhekk, għal mekkaniżmu ta' kontroll trasparenti u b'saħħtu li jsaħħaħ ir-rwol tal-parlamenti u tas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali, lis-soċjetà ċivili u lill-akkademja jeżerċitaw skrutinju indipendenti tal-kummerċ tal-armi, u jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jappoġġjaw dawn l-attivitajiet, inkluż b'mezzi finanzjarji;

40.  Jenfasizza s-sinifikat u l-leġittimità tas-sorveljanza parlamentari dwar id-data relatata mal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u kif jitwettaq dak il-kontroll; jitlob, f'dan ir-rigward, għall-provvediment ta' miżuri, appoġġ u informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-funzjoni ta' sorveljanza pubblika tkun tista' titwettaq bis-sħiħ;

41.  Jissuġġerixxi li l-esportazzjonijiet ta' prodotti ffinanzjati taħt l-EDIDP u/jew il-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) jenħtieġ li jiġu elenkati separatament fid-data sottomessa lill-COARM, sabiex jiġi żgurat monitoraġġ mill-qrib tal-prodotti li ġew iffinanzjati mill-baġit Ewropew; jistieden lill-Kunsill u lill-Parlament biex jaqblu dwar sistema dettaljata ta' interpretazzjoni u implimentazzjoni inkluż korp superviżorju, korp ta' sanzjonar u kumitat etiku, sabiex jiġi żgurat li l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni jiġu applikati mill-inqas għall-prodotti ffinanzjati taħt l-EDIDP u/jew l-EDF, sabiex jiġu żgurati oqfsa ugwali tal-esportazzjoni għall-pajjiżi involuti; jemmen li l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni komuni jenħtieġ li japplikaw b'mod prospettiv għall-esportazzjonijiet kollha ta' armi mill-Istati Membri;

Kontroll tal-armi u diżarm internazzjonali

42.  Jindika l-ambizzjonijiet tal-UE li ssir attur globali għall-paċi; huwa tal-fehma li l-UE jenħtieġ li twettaq ir-responsabbiltà akbar tagħha għall-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa u fid-dinja permezz ta' mekkaniżmi mtejba ta' kontroll tal-esportazzjoni u ta' inizjattivi ta' diżarm, u li, bħala attur globali responsabbli, għandha tkun mexxejja, jiġifieri l-UE jenħtieġ li jkollha rwol attiv, fejn l-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom biex ifittxu pożizzjoni komuni fl-oqsma tan-nonproliferazzjoni tal-armi, id-diżarm globali u l-kontrolli tat-trasferiment tal-armi, kif ukoll fit-tisħiħ tar-riċerka u l-iżvilupp f'teknoloġiji u proċessi għall-konverżjoni minn strutturi militari għal dawk b'użu ċivili, u permezz ta' miżuri bħall-għoti ta' vantaġġi tal-esportazzjoni għall-oġġetti kkonċernati;

43.  Ifakkar li l-Istati Membri kollha huma firmatarji għat-TKA; jitlob l-universalizzazzjoni tat-TKA u biex jitpoġġa fokus ikbar fuq dawk il-pajjiżi li mhumiex firmatarji; ifaħħar ukoll l-isforzi ta' sensibilizzazzjoni rigward it-TKA u jappoġġa l-implimentazzjoni effettiva tiegħu;

44.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jgħinu lil pajjiżi terzi fil-ħolqien, it-titjib u l-applikazzjoni ta' sistemi ta' kontroll ta' armi f'konformità mal-Pożizzjoni Komuni;

45.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar sistemi ta' armi awtonomi letali (LAWS); jitlob li ssir projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti użati fl-iżvilupp u l-produzzjoni ta' dawn is-sistemi ta' armi;

46.  Jindika li ftehim effikaċi u internazzjonali għall-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi jenħtieġ li jkopri t-trasferiment kollha, inkludi t-trasferimenti bejn stati, it-trasferimenti bejn stati u utenti aħħarija mhux statali, il-kera kif ukoll is-self, id-donazzjoni jew it-trasferiment f'forma ta' għajnuna jew skont il-każ, sforzi alternattivi oħra;

o
o   o

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.
(2) ĠU C 56, 14.2.2018, p. 1.
(3) ĠU L 17, 23.1.2018, p. 40.
(4) ĠU L 139, 30.5.2017, p. 38.
(5) ĠU C 98, 15.3.2018, p. 1.
(6) http://www.wassenaar.org/control-lists/, "List of Dual-Use Goods and Technologies and Munitions List" (Lista ta' Prodotti u Teknoloġiji b'Użu Doppju u Lista ta' Munizzjon) skont il-Ftehim ta' Wassenaar dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni għall-Armi Konvenzjonali u l-Prodotti u t-Teknoloġiji b'Użu Doppju.
(7) It-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, NU, 13-27217.
(8) ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1.
(9) ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.
(10) ĠU L 338, 13.12.2016, p. 1.
(11) A/HRC/35/8.
(12) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 63..
(13) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 178.
(14) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 142.
(15) ĠU C 331, 18.9.2018, p. 146.
(16) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 104.
(17) ĠU C 285, 29.8.2017, p. 110.
(18) "Trends in international arms transfers" (Tendenzi internazzjonali dwar trasferimenti ta' armi), 2017 (Skeda Informattiva tas-SIPRI, Marzu 2018).
(19) http://enaat.org/eu-export-browser/licence.en.html
(20) "Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b'saħħitha. Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni", Brussell, Ġunju 2016.
(21) "It-Tnedija tal-Fond Ewropew għad-Difiża", COM(2017)0295, 7 ta' Ġunju .
(22) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52016XG0406(01)&from=MT

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Novembru 2018Avviż legali