Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/0063(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0057/2018

Testi mressqa :

A8-0057/2018

Dibattiti :

PV 13/11/2018 - 13
CRE 13/11/2018 - 13

Votazzjonijiet :

PV 14/11/2018 - 14.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0452

Testi adottati
PDF 854kWORD 108k
L-Erbgħa, 14 ta' Novembru 2018 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
L-għoti tas-setgħa lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern ***I
P8_TA-PROV(2018)0452A8-0057/2018
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw is-setgħa biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (COM(2017)0142 – C8-0119/2017 – 2017/0063(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0142),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 103 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0119/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-20 ta' Ġunju 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament fit-tieni qari, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0057/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-14 ta 'Novembru 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern
P8_TC1-COD(2017)0063

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 103 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(2),

Billi:

(1)  L-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huma kwistjoni ta' ordni pubbliku u jenħtieġ li jiġu applikati b'mod effettiv fl-Unjoni kollha sabiex jiġi żgurat li ma ssirx distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern. L-infurzar effettiv tal-Artikoli 101 u 102 TFUE huwa meħtieġ sabiex jiġu żgurati swieq kompetittivi aktar ġusti u aktar miftuħa fl-Unjoni, fejn l-impriżi jikkompetu aktar abbażi tal-merti tagħhom u mingħajr ma jibnu ostakli għad-dħul fis-suq, biex b'hekk ikunu jistgħu jiġġeneraw il-ġid u joħolqu l-impjiegi. Dan jipproteġi lill-konsumaturi u lill-impriżi attivi fis-suq intern minn prattiki kummerċjali li jżommu l-prezzijiet tal-oġġetti u tas-servizzi f'livell artifiċjalment għoli, u jtejjeb l-għażla tagħhom ta' prodotti u servizzi innovattivi.

(2)  L-infurzar pubbliku tal-Artikoli 101 u 102 TFUE jitwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCAs) tal-Istati Membri b'mod parallel mal-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003(3). Flimkien, l-NCAs u l-Kummissjoni jiffurmaw netwerk ta' awtoritajiet pubbliċi li japplikaw ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni f'kooperazzjoni mill-qrib (in-"Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni").

(3)  L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jobbliga lill-NCAs u lill-qrati nazzjonali biex japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE fil-każ ta' ftehimiet, ta' deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta' impriżi, ta' prattiċi miftiehma jew ta' abbuż ta' pożizzjoni dominanti li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fil-prattika l-biċċa l-kbira tal-NCAs japplikaw ▌ il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni flimkien mal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Għaldaqstant, din id-Direttiva, li l-għan tagħha huwa li jiġi żgurat li l-NCAs ikollhom il-garanziji ta' indipendenza, riżorsi u setgħat ta' infurzar u ta' impożizzjoni ta' multi neċessarji għall-applikazzjoni b'mod effettiv tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, inevitabbilment ikollha impatt fuq ▌ il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni meta l-NCAs japplikawha b'mod parallel. Barra minn hekk, l-applikazzjoni mill-NCAs tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni għal ftehimiet, għal deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta' impriżi jew għal prattiki miftiehma, li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, jenħtieġ li ma twassalx għal eżitu differenti minn dak milħuq mill-NCAs skont il-liġi tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Għaldaqstant, f'każijiet bħal dawn tal-applikazzjoni b'mod parallel tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni u tal-liġi tal-Unjoni, huwa essenzjali li l-NCAs ikollhom l-istess garanziji ta' indipendenza, riżorsi, u setgħat ta' infurzar u ta' impożizzjoni ta' multi neċessarji sabiex jiġi żgurat li ma jintlaħaqx eżitu differenti.

(4)  Barra minn hekk, l-għoti lill-NCAs tas-setgħa li jiksbu l-informazzjoni kollha relatata ma' impriża soġġetta għall-investigazzjoni, inkluż f'forma diġitali, irrispettivament mill-mezz li fuqu tkun maħżuna, jaffettwa wkoll il-kamp ta' applikazzjoni tas-setgħat tal-NCAs meta, fl-istadji inizjali tal-proċedimenti tagħhom, jieħdu l-miżura investigattiva rilevanti abbażi ▌ tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni applikata ▌ b'mod parallel mal-Artikoli 101 u 102 TFUE. L-għoti lill-NCAs ta' setgħat ta' spezzjoni b'kamp ta' applikazzjoni differenti, skont jekk dawn fl-aħħar mill-aħħar hux ser japplikaw ▌ il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni biss jew japplikaw ukoll l-Artikoli 101 u 102 TFUE b'mod parallel, ixekkel l-effettività tal-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Għaldaqstant, il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva jenħtieġ li jkopri kemm l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE fuq bażi indipendenti kif ukoll l-applikazzjoni b'mod parallel tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni għall-istess każ. Fir-rigward tal-protezzjoni ta' dikjarazzjonijiet ta' klemenza u ta' sottomissjonijiet għal riżoluzzjoni, jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri wkoll l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni fuq bażi indipendenti.

(5)  Il-liġi nazzjonali timpedixxi lil bosta NCAs milli jkollhom il-garanziji meħtieġa ta' indipendenza, riżorsi, u setgħat ta' infurzar u ta' impożizzjoni ta' multi sabiex ikunu jistgħu jinfurzaw ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni b'mod effettiv. Dan idgħajjef il-kapaċità tagħhom li japplikaw b'mod effettiv l-Artikoli 101 u 102 TFUE u ▌ li japplikaw il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni b'mod parallel mal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Pereżempju, skont il-liġi nazzjonali, bosta NCAs ma għandhomx għodod effettivi biex isibu evidenza li jkun sar ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE jew biex jimponu multi fuq impriżi li jiksru l-liġi, jew ma għandhomx riżorsi umani u finanzjarji adegwati u indipendenza operattiva sabiex japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE b'mod effettiv. Dan jista' jimpedixxi lill-NCAs milli jieħdu azzjoni jew jista' jillimita l-azzjonijiet ta' infurzar tagħhom. In-nuqqas ta' garanziji ta' indipendenza, riżorsi, u setgħat ta' infurzar u ta' impożizzjoni ta' multi għal bosta NCAs sabiex ikunu jistgħu japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE b'mod effettiv ifisser li l-impriżi involuti fi prattiki antikompetittivi jistgħu jiffaċċaw eżiti differenti ħafna fi proċedimenti, skont l-Istat Membru fejn ikunu attivi. Jistgħu ma jkunu soġġetti għall-ebda infurzar skont l-Artikolu 101 jew 102 TFUE, jew jistgħu jkunu soġġetti biss għal infurzar ineffettiv. Pereżempju, f'xi Stati Membri, l-impriżi jistgħu jevitaw ir-responsabbiltà tal-multi sempliċement billi jagħmlu ristrutturazzjoni.

(6)  L-infurzar mhux uniformi tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, kemm jekk applikati fuq bażi indipendenti jew b'mod parallel ▌ mal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni, jirriżulta f'opportunitajiet mitlufa biex jitneħħew l-ostakli għad-dħul fis-suq u biex jinħolqu swieq kompetittivi aktar ġusti fl-Unjoni ▌ kollha, fejn l-impriżi jikkompetu fuq il-merti tagħhom. L-impriżi u l-konsumaturi jbatu b'mod partikolari f'dawk l-Istati Membri fejn l-NCAs ma għandhomx biżżejjed riżorsi sabiex ikunu inforzaturi effettivi. L-impriżi ma jistgħux jikkompetu fuq il-merti jekk ikun hemm protezzjoni għall-prattiki antikompetittivi, pereżempju, minħabba li ma tkunx tista' tinġabar evidenza tal-prattiki antikompetittivi jew minħabba li l-impriżi jkunu jistgħu jevitaw ir-responsabbiltà tal-multi. Għalhekk l-impriżi għandhom diżinċentiv biex jidħlu f'dawn is-swieq, biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta' stabbiliment, u biex jipprovdu prodotti u servizzi hemmhekk. Il-konsumaturi bbażati fi Stati Membri fejn hemm inqas infurzar ma jgawdux mill-benefiċċji ta' infurzar effettiv tal-kompetizzjoni. L-infurzar mhux uniformi tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, kemm jekk applikati fuq bażi indipendenti jew b'mod parallel ▌mal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni, fl-Unjoni kollha għaldaqstant joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, u jtellef il-funzjonament tajjeb tiegħu.

(7)  Id-diskrepanzi u l-limitazzjonijiet fl-għodod u l-garanziji tal-NCAs idgħajfu s-sistema ta' setgħat paralleli għall-infurzar tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, li hija mfassla biex taħdem bħala unità sħiħa koeżiva bbażata fuq kooperazzjoni mill-qrib fl-ambitu tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni. Din is-sistema tiddependi fuq il-fatt li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jiddependu fuq xulxin biex iwettqu miżuri ta' ġbir ta' informazzjoni f'isem xulxin sabiex irawmu l-kooperazzjoni u l-assistenza reċiproka fost l-Istati Membri. Madankollu ma taħdimx tajjeb meta jkun għad hemm NCAs li ma għandhomx għodod adegwati għall-ġbir ta' informazzjoni. F'aspetti ewlenin oħra, l-NCAs ma jistgħux jipprovdu assistenza reċiproka lil xulxin. Pereżempju, fil-maġġoranza tal-Istati Membri, l-impriżi li joperaw b'mod transfruntier jistgħu jevadu l-ħlas tal-multi sempliċement billi ma jkollhomx preżenza legali f'xi wħud mit-territorji tal-Istati Membri li fihom ikunu attivi. Dan inaqqas l-inċentivi sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 101 u 102 TFUE. L-infurzar ineffettiv li jirriżulta joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni għall-impriżi li josservaw il-liġi u jdgħajjef il-fiduċja tal-konsumaturi fis-suq intern, b'mod partikolari fl-ambjent diġitali.

(8)  Sabiex jiġi żgurat spazju tassew komuni ta' infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-Unjoni li jipprovdi kundizzjonijiet aktar ekwi għall-impriżi li joperaw fis-suq intern u jnaqqas il-kundizzjonijiet mhux ugwali għall-konsumaturi, jeħtieġ li jiġu stabbiliti garanziji fundamentali ta' indipendenza, riżorsi finanzjarji, umani, tekniċi u teknoloġiċi adegwati u setgħat minimi ta' infurzar u ta' impożizzjoni ta' multi għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u ▌ l-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni b'mod parallel ma’ dawk l-Artikoli, sabiex l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jkunu kompletament effettivi.

(9)  Huwa xieraq li din id-Direttiva tissejjes fuq il-bażi legali doppja tal-Artikoli 103 u 114 TFUE. Dan huwa minħabba li din id-Direttiva ma tkoprix biss l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u l-applikazzjoni tal- ▌liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni b'mod parallel ma' dawk l-Artikoli, iżda tkopri wkoll id-diskrepanzi u l-limitazzjonijiet tal-għodod u tal-garanziji tal-NCAs meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, għar-raġuni li tali diskrepanzi u limitazzjonijiet jaffettwaw b'mod negattiv kemm il-kompetizzjoni kif ukoll il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(10)  L-introduzzjoni ta' garanziji fundamentali sabiex ikun żgurat li l-NCAs japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE b'mod uniformi u effettiv jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-kapaċità tal-Istati Membri li jżommu jew jintroduċu garanziji aktar estensivi ta' indipendenza kif ukoll riżorsi għall-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni, u regoli aktar iddettaljati dwar is-setgħat ta' infurzar u ta' impożizzjoni ta' multi ta' dawn l-NCAs. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħtu lill-NCAs setgħat addizzjonali lil hinn mis-sett fundamentali previst f'din id-Direttiva sabiex iżidu aktar l-effettività tagħhom., bħal setgħat li jimponu multi fuq persuni fiżiċi jew, eċċezzjonalment, is-setgħa li jwettqu spezzjonijiet bil-kunsens ta' dawk soġġetti għall-ispezzjoni.

(11)  Min-naħa l-oħra, huma meħtieġa regoli ddettaljati fil-qasam tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-klemenza għal kartelli sigrieti. L-impriżi jiżvelaw kartelli sigrieti li fihom ikunu pparteċipaw biss jekk ikollhom ċertezza legali suffiċjenti li huma se jibbenefikaw minn immunità mill-multi. Id-differenzi sinifikanti bejn il-programmi ta' klemenza fl-Istati Membri jwasslu għal inċertezza legali għall-applikanti potenzjali għall-klemenza. Dan jista' jdgħajjef l-inċentivi tagħhom sabiex japplikaw għall-klemenza. Jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw jew japplikaw regoli aktar ċari u armonizzati għall-klemenza fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, dan mhux biss jikkontribwixxi lejn l-objettiv li jinżammu l-inċentivi biex applikanti jiżvelaw kartelli sigrieti, sabiex l-infurzar tal-kompetizzjoni fl-Unjoni jsir kemm jista' jkun effettiv, iżda wkoll jiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni għall-impriżi li joperaw fis-suq intern. Jenħtieġ li dan ma jimpedixxix lill-Istati Membri milli japplikaw programmi ta' klemenza li jkopru mhux biss kartelli sigrieti, iżda wkoll ksur ieħor tal-Artikolu 101 ▌ TFUE u dispożizzjonijiet ▌ekwivalenti tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni, jew milli jaċċettaw applikazzjonijiet għall-klemenza minn persuni fiżiċi li jaġixxu f'isimhom stess. Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun ukoll mingħajr preġudizzju għall-programmi ta' klemenza li esklużivament jipprevedu l-immunità minn sanzjonijiet fi proċedimenti ġudizzjarji kriminali għall-infurzar tal-Artikolu 101 TFUE.

(12)  Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għal-liġijiet nazzjonali sakemm dawn jipprevedu l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet kriminali fuq persuni fiżiċi, bl-eċċezzjoni tar-regoli li jirregolaw l-interazzjoni bejn il-programmi ta' klemenza u l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet fil-konfront ta' persuni fiżiċi. Jenħtieġ li lanqas ma tapplika għal-liġijiet nazzjonali li jipprevedu l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi fuq persuni fiżiċi li ma joperawx bħala atturi ekonomiċi indipendenti f'suq.

(13)  Skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-Istati Membri jistgħu jafdaw l-infurzar tal-Artikoli 101 u 102 TFUE esklużivament lil awtorità amministrattiva, kif fil-każ tal-biċċa l-kbira tal-ġurisdizzjonijiet, jew jistgħu jafdawh kemm lil awtoritajiet amministrattivi kif ukoll lil dawk ġudizzjarji. F'dan l-aħħar każ, l-awtorità amministrattiva tkun tal-inqas primarjament responsabbli mit-twettiq tal-investigazzjoni, filwaqt li l-awtorità ġudizzjarja tkun tipikament fdata bis-setgħa li tieħu deċiżjonijiet li jimponu multi u jista' jkollha s-setgħa li tieħu deċiżjonijiet oħrajn, bħall-individwazzjoni ta' ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

(14)  L-eżerċizzju tas-setgħat mogħti b'din id-Direttiva lill-NCAs, inkluż is-setgħat investigattivi, jenħtieġ li jkun soġġett għal salvagwardji xierqa li mill-anqas jikkonformaw mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari fil-kuntest tal-proċedimenti li jistgħu jagħtu lok għall-impożizzjoni ta' penali. Dawn is-salvagwardji jinkludu d-dritt għal amministrazzjoni tajba u r-rispett għad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi, li komponent essenzjali tagħhom huwa d-dritt għal smigħ. B'mod partikolari, jinħtieġ li l-NCAs jinfurmaw lill-partijiet li jkunu qegħdin jiġu investigati, dwar l-oġġezzjonijiet preliminari miġjuba kontrihom skont l-Artikolu 101 jew l-Artikolu 102 TFUE f'forma ta' dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet jew miżura simili qabel ma jieħdu deċiżjoni li tikkonstata ksur, u dawn il-partijiet jinħtieġ li jkollhom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar dawk l-oġġezzjonijiet b'mod effettiv qabel ma tittieħed deċiżjoni bħal din. Jenħtieġ li l-partijiet li jkunu ġew notifikati b'oġġezzjonijiet preliminari dwar ksur allegat tal-Artikolu 101 jew tal-Artikolu 102 TFUE jkollhom id-dritt ta' aċċess għall-fajl tal-każ rilevanti tal-NCAs, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tad-difiża b'mod effettiv.

Jenħtieġ li d-dritt ta' aċċess għall-fajl ikun soġġett għall-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom u jenħtieġ li dan ma jestendix għal informazzjoni kunfidenzjali u d-dokumenti interni tal-NCAs u l-Kummissjoni u l-korrispondenza bejniethom. Barra minn hekk, għad-deċiżjonijiet tal-NCAs, b'mod partikolari dawk id-deċiżjonijiet li jidentifikaw ksur tal-Artikolu 101 jew l-Artikolu 102 TFUE, u li jimponu rimedji jew multi, id-destinatarji jenħtieġ li jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem tribunal, skont l-Artikolu 47 tal-Karta Fundamentali tad-Drittijiet tal-Unjoni Ewropea. Dawn id-deċiżjonijiet ▌ jenħtieġ li jkunu mmotivati sabiex jippermettu lid-destinatarji ta' dawn id-deċiżjonijiet jivverifikaw ir-raġunijiet għad-deċiżjoni u biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv. Barra minn hekk, f'konformità mad-dritt għall-amministrazzjoni tajba, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li meta japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE, l-NCAs iwettqu l-proċedimenti fi żmien raġonevoli u b'kont meħud tal-ispeċifiċitajiet ta' kull każ. It-tfassil ta' dawk is-salvagwardji jenħtieġ li jilħaq bilanċ bejn ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-impriżi u d-dmir li jiġi żgurat li l-Artikoli 101 u 102 TFUE jiġu infurzati b'mod effettiv.

(15)  L-iskambju ta' informazzjoni bejn l-NCAs, u l-użu ta' din l-informazzjoni fl-evidenza għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 jew l-Artikolu 102 TFUE, jenħtieġ li jitwettqu skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(16)  L-għoti tas-setgħa lill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni sabiex japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE b'mod imparzjali u fl-interess komuni tal-infurzar effettiv tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni huwa komponent essenzjali tal-applikazzjoni effettiva u uniformi ta' dawk ir-regoli.

(17)  Jenħtieġ li tissaħħaħ l-indipendenza operattiva tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni effettiva u uniformi tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jsir provvediment espliċitu fil-liġi nazzjonali sabiex ikun żgurat li meta jiġu applikati l-Artikoli 101 u 102 TFUE, l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu protetti minn interventi esterni jew pressjoni politika li jistgħu jpoġġu f'periklu l-valutazzjoni indipendenti tagħhom tal-kwistjonijiet quddiemhom. Għal dak il-għan, jenħtieġ li r-raġunijiet fir-rigward tat-tneħħija min-naħa tal-awtorità amministrattiva nazzjonali tal-kompetizzjoni ta' dawk il-persuni li jieħdu deċiżjonijiet li jeżerċitaw is-setgħat imsemmija fl-Artikoli 10, 11, 12, 13 u 16 ta' din id-Direttiva jiġu stabbiliti minn qabel fil-liġi nazzjonali sabiex jitneħħa kwalunkwe dubju raġonevoli dwar l-imparzjalità tagħhom ▌u dwar il-kapaċità tagħhom li ma jiġux influwenzati minn fatturi esterni. B'mod simili, regoli u proċeduri ċari u trasparenti għall-għażla, ir-reklutaġġ jew il-ħatra ta' dawk il-persuni jenħtieġ li jiġu stabbiliti minn qabel fil-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, biex tkun żgurata l-imparzjalità tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni, il-multi li huma jimponu għall-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE jenħtieġ li ma jintużawx biex jiffinanzjaw dawn l-awtoritajiet direttament.

(18)  Biex tiġi żgurata l-indipendenza operattiva tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni, il-kapijiet u l-persunal tagħhom, u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jenħtieġ li jaġixxu b'integrità u jastjenu minn kwalunkwe azzjoni li tkun inkompatibbli mat-twettiq ta' dmirijiethom. Sabiex jiġi prevenut li titqiegħed fil-periklu l-valutazzjoni indipendenti mill-kapijiet, il-persunal u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, jenħtieġ li dawn jastjenu minn kwalunkwe azzjoni inkompatibbli, bi ħlas jew mingħajr, kemm matul l-impjieg jew il-mandat tagħhom kif ukoll għal perijodu ta' żmien raġonevoli wara dan. ▌.

(19)  Dan ifisser li matul l-impjieg jew il-mandat tagħhom, il-persunal u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jenħtieġ li ma jkunux jistgħu jittrattaw proċedimenti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE li kienu involuti fihom jew li jikkonċernaw b'mod dirett impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi li kienu impjegati tagħhom jew involuti magħhom professjonalment b'mod ieħor, jekk dan ikollu l-potenzjal li jikkomprometti l-imparzjalità tagħhom f'każ speċifiku. B'mod simili, il-persunal u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, kif ukoll il-qraba stretti tagħhom, jenħtieġ li ma jkollhom ebda interess fi kwalunkwe negozju jew organizzazzjoni li jkunu soġġetti għal proċedimenti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE li fihom huma jieħdu sehem, jekk dan ikollu l-potenzjal li jikkomprometti ▌l-imparzjalità tagħhom f'każ speċifiku. Il-valutazzjoni dwar jekk l-imparzjalità tagħhom tistax tkun kompromessa f'każ speċifiku jenħtieġ li tqis in-natura u l-kobor tal-interess u l-livell ta' involviment jew impenn tal-individwu kkonċernat. Fejn ikun meħtieġ li tiġi żgurata l-imparzjalità tal-investigazzjoni u tal-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet, l-individwu kkonċernat jenħtieġ li jkun obbligat jastjeni mill-każ speċifiku.

(20)  Dan ifisser ukoll li għal perijodu raġonevoli wara li jkunu telqu mill-awtorità amministrattiva nazzjonali tal-kompetizzjoni, kull meta membri tal-persunal preċedenti jew dawk li kienu jieħdu deċiżjonijiet ikunu involuti f'okkupazzjoni marbuta mal-proċedimenti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE li kienu qed jitrattaw matul l-impjieg jew il-mandat tagħhom, jenħtieġ li ma jkunux involuti fl-istess każ fl-okkupazzjoni l-ġdida tagħhom.

It-tul ta' dak il-perijodu jista' jiġi determinat billi jittieħed kont tan-natura tal-okkupazzjoni l-ġdida tal-individwi kkonċernati kif ukoll il-livell tal-involviment u r-responsabbiltà tagħhom fl-istess proċedimenti matul l-impjieg jew il-mandat tagħhom fl-awtorità amministrattiva nazzjonali tal-kompetizzjoni.

(21)  Kull awtorità amministrattiva nazzjonali tal-kompetizzjoni jenħtieġ li tippubblika kodiċi ta' kondotta li, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' regoli nazzjonali aktar stretti, ikopri r-regoli dwar kunflitti ta' interess.

(22)  L-indipendenza operattiva tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jenħtieġ li la tipprekludi l-istħarriġ ġudizzjarju u lanqas tipprekludi s-superviżjoni parlamentari f'konformità mal-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li r-rekwiżiti tal-obbligu ta' rendikont jikkontribwixxu wkoll sabiex tkun żgurata l-kredibbiltà u l-leġittimità tal-azzjonijiet tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni. Ir-rekwiżiti tal-obbligu ta' rendikont proporzjonati jinkludu l-pubblikazzjoni mill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni ta' rapporti perjodiċi dwar l-attivitajiet tagħhom lil korp governattiv jew parlamentari. L-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jkunu soġġetti wkoll għal kontroll jew monitoraġġ tan-nefqa finanzjarja tagħhom, dment li dan ma jaffettwax l-indipendenza tagħhom.

(23)  L-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jenħtieġ li jkunu kapaċi jipprijoritizzaw il-proċedimenti tagħhom għall-infurzar tal-Artikoli 101 u 102 TFUE biex jagħmlu użu effettiv tar-riżorsi tagħhom, u biex ikunu jistgħu jiffukaw fuq il-prevenzjoni u t-temma ta' mġiba antikompetittiva li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq intern. Għal dan il-għan, jenħtieġ li huma jkunu jistgħu jirrifjutaw ilmenti għar-raġuni li dawn ma jkunux prijorità, bl-eċċezzjoni ta' lmenti mressqa minn awtoritajiet pubbliċi li jikkondividu l-kompetenza ma' awtorità amministrattiva nazzjonali tal-kompetizzjoni għall-infurzar tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u l-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni, fejn applikabbli. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni li jirrifjutaw ilmenti għal raġunijiet oħra, bħal nuqqas ta' kompetenza, jew li jiddeċiedu li ma jkunx hemm raġunijiet għal azzjoni min-naħa tagħhom. F'każijiet ta' lmenti ppreżentati b'mod formali, tali rifjuti jenħtieġ li jkunu soġġetti għal rimedji effettivi f'konformità mal-liġi nazzjonali. Is-setgħa tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni li jipprijoritizzaw il-proċedimenti ta' infurzar tagħhom hija mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' gvern ta' Stat Membru li joħroġ regoli lill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni dwar il-politika ġenerali jew linji gwida dwar il-prijoritajiet li ma jkunux relatati ma' inkjesti dwar is-settur jew proċedimenti speċifiċi għall-infurzar tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

(24)  L-NCAs jenħtieġ li jkollhom riżorsi suffiċjenti, f'termini ta' persunal ikkwalifikat li jkun kapaċi jwettaq valutazzjonijiet legali u ekonomiċi kompetenti, mezzi finanzjarji, u għarfien u tagħmir tekniku u teknoloġiku inkluż għodod tat-teknoloġija tal-informazzjoni adegwati, li jiżguraw li jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b'mod effettiv meta japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Fil-każ li d-dmirijiet u s-setgħat tal-NCAs skont il-liġi nazzjonali jiġu estiżi, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-NCAs ikollhom riżorsi suffiċjenti għat-twettiq ta' dawk il-kompiti b'mod effettiv.

(25)  L-indipendenza tal-NCAs jenħtieġ li tissaħħaħ billi huma jkunu jistgħu jiddeċiedu b'mod indipendenti dwar l-infiq tal-allokazzjonijiet tal-baġit bil-għan li jwettqu dmirijiethom, mingħajr preġudizzju għar-regoli u l-proċeduri baġitarji nazzjonali.

(26)  Biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex iwettqu dmirijiethom, jistgħu jitqiesu mezzi ta' finanzjament differenti, bħall-finanzjament minn sorsi alternattivi għajr dawk tal-baġit tal-istat.

(27)  Sabiex jiġi żgurat monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jissottomettu rapporti perjodiċi dwar l-attivitajiet u r-riżorsi tagħhom lil korp governattiv jew parlamentari. Dawn ir-rapporti jenħtieġ li jinkludu informazzjoni dwar il-ħatriet u t-tkeċċijiet tal-membri tal-korp deċiżjonali, l-ammont ta' riżorsi li jkunu ġew allokati fis-sena rilevanti u kwalunkwe tibdil f'dak l-ammont meta mqabbel mas-snin preċedenti. Dawn ir-rapporti jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-pubbliku.

(28)  L-NCAs jeħtieġu sett minimu ta' setgħat investigattivi u deċiżjonali komuni sabiex ikunu jistgħu jinfurzaw b'mod effettiv l-Artikoli 101 u 102 TFUE.

(29)  L-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jenħtieġ li jkollhom setgħat effettivi ta' investigazzjoni sabiex jidentifikaw kwalunkwe ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE jew kwalunkwe abbuż ta' pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE f'kull stadju tal-proċedimenti quddiemhom. Jenħtieġ li l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu japplikaw dawk is-setgħat għal impriżi u għal assoċjazzjonijiet ta' impriżi li jkunu s-suġġett ta' proċedimenti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, kif ukoll għal atturi tas-suq oħra li jista' jkollhom informazzjoni li tkun rilevanti għal dawn il-proċedimenti. L-għoti ta' dawk is-setgħat investigattivi effettivi lill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni kollha jenħtieġ li jiżgura li huma jkunu f'pożizzjoni li jgħinu lil xulxin b'mod effettiv meta jintalbu jwettqu spezzjoni jew kwalunkwe miżura oħra ta' ġbir ta' informazzjoni fit-territorju tagħhom jew f'isem u akkont ta' NCA oħra skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(30)  Is-setgħat investigattivi tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jenħtieġ li jkunu adegwati biex jilqgħu l-isfidi tal-infurzar tal-ambjent diġitali, u jenħtieġ li jippermettu lill-NCAs jiksbu l-informazzjoni kollha marbuta mal-impriża jew l-assoċjazzjoni ta' impriżi li tkun soġġetta għall-miżura ta' investigazzjoni, f'forma diġitali, inkluż id-data miksuba b'mod forensiku, irrispettivament mill-mezz li l-informazzjoni tkun maħżuna fuqu, bħal pereżempju fuq laptops, mobiles, apparat portabbli ieħor jew cloud storage.

(31)  L-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jwettqu l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa tal-binjiet tal-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi fejn, f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jistgħu juru li hemm raġunijiet validi għas-suspett ta' ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tipprevjenix lill-Istati Membri milli jirrikjedu awtorizzazzjoni minn qabel minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali għal tali spezzjonijiet.

(32)  Sabiex tkun effettiva, is-setgħa tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni biex iwettqu spezzjonijiet jenħtieġ li tippermettilhom jaċċessaw informazzjoni li tkun aċċessibbli għall-impriża jew għall-assoċjazzjoni ta' impriżi jew għall-persuna soġġetta għall-ispezzjoni, u li tkun marbuta mal-impriża jew l-assoċjazzjoni ta' impriżi investigata. Din neċessarjament jenħtieg li tinkludi s-setgħa li jfittxu dokumenti, fajls jew data fuq apparat li ma jkunx identifikat b'mod preċiż minn qabel. Mingħajr tali setgħa, ikun impossibbli li tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni fejn l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi jadottaw attitudni ostruttiva jew jirrifjutaw li jikkooperaw. Is-setgħa li jeżaminaw kotba jew rekords jenħtieġ li tkopri l-forom kollha ta' korrispondenza, inkluż messaġġi elettroniċi, irrispettivament minn jekk jidhirx li dawn għadhom ma nqrawx jew tħassru.

(33)  Sabiex jitnaqqas id-dewmien bla bżonn tal-ispezzjonijiet, l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jenħtieġ li jkollhom is-setgħa li jkomplu jfittxu , u jagħżlu kopji jew siltiet minn kotba u rekords marbuta man-negozju tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta' impriżi li jkunu qed jiġu spezzjonati fil-binjiet tal-awtorità jew f'postijiet deżinjati oħra. Tali tfittxijiet jenħtieġ li jiżguraw ir-rispett dovut kontinwu tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi.

(34)  L-esperjenza turi li r-rekords ta' negozju jistgħu jinżammu fid-djar tad-diretturi, il-maniġers u membri oħra tal-persunal tal-impriżi jew tal-assoċjazzjonijiet ta' impriżi, b'mod partikolari minħabba użu akbar ta' arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli. Sabiex jiġi żgurat li l-ispezzjonijiet ikunu effettivi, l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jenħtieġ li jkollhom is-setgħa li jidħlu fi kwalunkwe bini, inkluż djar privati, jekk jistgħu juri li jeżisti suspett raġonevoli li r-rekords tan-negozju ▌li jistgħu jkunu rilevanti biex jagħtu prova tal-ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE qed jinżammu f'dak il-bini. L-eżerċizzju ta' dik is-setgħa jenħtieġ li jkun soġġett għall-kisba mill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-awtorizzazzjoni minn qabel minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali, li tista' tinkludi prosekutur pubbliku f'ċerti sistemi legali nazzjonali. Jenħtieġ li dan ma jimpedixxix lill-Istati Membri, f'każijiet ta' urġenza estrema, mill jafdaw il-kompiti ta' awtorità ġudizzjarja nazzjonali lil awtorità amministrattiva nazzjonali tal-kompetizzjoni li taġixxi bħala awtorità ġudizzjarja jew, eċċezzjonalment, milli jippermettu li tali spezzjonijiet jitwettqu bil-kunsens ta' dawk soġġetti għall-ispezzjoni. It-twettiq ta' tali spezzjonijiet jista' jiġi fdat minn awtorità amministrattiva nazzjonali tal-kompetizzjoni lill-pulizija jew awtorità ta' infurzar ekwivalenti, dment li l-ispezzjoni ssir fil-preżenza tal-awtorità amministrattiva nazzjonali tal-kompetizzjoni. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtorità amministrattiva nazzjonali tal-kompetizzjoni li twettaq l-ispezzjoni hi stess u li tikseb l-assistenza meħtieġa tal-pulizija jew awtorità ta' infurzar ekwivalenti, inkluż l-assistenza, bħala miżura prekawzjonarja, biex tingħeleb kwalunkwe oppożizzjoni possibbli min-naħa ta' dawk soġġetti għall-ispezzjoni.

(35)  L-NCAs jenħtieġ li jkollhom setgħat effettivi biex jitolbu lill-impriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta' impriżi jipprovdu informazzjoni meħtieġa għad-detezzjoni ta' ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Għal dan il-għan, l-NCAs jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu l-iżvelar ta' informazzjoni li tista' tippermettilhom jinvestigaw ksur putattiv. Dan jenħtieġ li jinkludi d-dritt li jitolbu informazzjoni fi kwalunkwe forma diġitali, inkluż emails u messaġġi tas-sistema ta' messaġġerija istantanja, irrispettivament minn fejn tkun maħżuna, inkluż fi clouds u fuq servers, bil-kondizzjoni li tkun aċċessibbli għall-impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi li tkun id-destinatarja tat-talba għall-informazzjoni. Jenħtieġ li dak id-dritt ma jirriżultax f'obbligu fuq l-impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi li jkun sproporzjonat għar-rekwiżiti tal-investigazzjoni. Pereżempju, jenħtieġ li ma jirriżultax fit-tiġrib ta' spejjeż jew sforzi eċċessivi mill-impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi. Filwaqt li d-dritt li tintalab informazzjoni huwa kruċjali għad-detezzjoni ta' ksur, dawn it-talbiet jenħtieġ li jkollhom ambitu xieraq. Dawn it-talbiet jenħtieġ li ma jġiegħlux impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi tammetti li wettqet ksur, li hija r-responsabbiltà tal-NCAs li jagħtu l-prova tiegħu. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi li jwieġbu mistoqsijiet fattwali u li jipprovdu dokumenti. B'mod simili, l-NCAs jenħtieġ li jkollhom għodod effettivi biex jitolbu lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra biex tipprovdi informazzjoni li tista' tkun rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li jipprevedu regoli proċedurali dwar tali talbiet għal informazzjoni, bħall-forma legali li jieħdu, dment li dawk ir-regoli jippermettu l-użu effettiv ta' din l-għodda. L-esperjenza turi wkoll li l-informazzjoni pprovduta fuq bażi volontarja b'rispons għal talbiet mhux obbligatorji għall-informazzjoni tista' tkun sors siewi ta' informazzjoni għall-infurzar infurmat u robust. B'mod simili, l-għoti ta' informazzjoni minn partijiet terzi, bħal kompetituri, klijenti u konsumaturi fis-suq, fuq l-inizjattiva tagħhom stess, jista' jikkontribwixxi għal infurzar effettiv u jenħtieġ li l-NCAs jinkoraġġixxu dan.

(36)  L-esperjenza turi li s-setgħa tat-twettiq tal-intervisti hija għodda utli biex tinġabar l-evidenza u tgħin lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jivvalutaw il-valur ta' evidenza li tkun diġà nġabret. L-NCAs jenħtieġ li jkollhom mezzi effettivi biex isejħu għal intervista kwalunkwe rappreżentant ta' impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi, kwalunkwe rappreżentant ta' persuni ġuridiċi oħrajn u kwalunkwe persuna fiżika li jista' jkollha informazzjoni rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li jipprevedu regoli li jirregolaw it-twettiq ta' dawn l-intervisti, dment li tali regoli jippermettu l-użu effettiv ta' din l-għodda.

(37)  Huwa indispensabbli li l-NCAs ikunu jistgħu jitolbu lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet tal-impriżi jtemmu ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, inkluż meta l-ksur ikompli jsir wara li l-NCAs ikunu formalment bdew il-proċedimenti. Barra minn hekk, l-NCAs jenħtieġ li jkollhom mezzi effettivi biex jerġgħu jistabbilixxu l-kompetizzjoni fis-suq billi jimponu rimedji strutturali u rimedji ta' aġir li jkunu proporzjonati għall-ksur imwettaq u li jkunu neċessarji sabiex iwaqqfu l-ksur. Il-prinċipju tal-proporzjonalità jitlob li, meta jagħżlu bejn żewġ rimedji effettivi b'mod ugwali, l-NCAs jenħtieġ li jagħżlu r-rimedju ta' inqas piż għall-impriża. Rimedji strutturali, bħall-obbligu taċ-ċessjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja f'kompetitur jew tat-tneħħija ta' unità operattiva, jaffettwaw l-assi ta' impriża u jistgħu jiġu preżunti li jkunu ta' aktar piż għall-impriża minn rimedji ta' aġir. Madankollu, jenħtieġ li dan ma jipprekludix lill-NCAs milli jikkonkludu li ċ-ċirkostanzi ta' ksur partikolari jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta' rimedju strutturali minħabba li dan ikun aktar effettiv biex itemm il-ksur milli rimedju tal-aġir.

(38)  Il-miżuri proviżorji jistgħu jkunu għodda importanti biex jiġi żgurat li, waqt li tkun għaddejja investigazzjoni, il-ksur li qed jiġi investigat ma joħloqx dannu gravi u irreparabbli għall-kompetizzjoni. Din l-għodda hi importanti biex jiġu evitati żviluppi tas-suq li jistgħu jkunu diffiċli ħafna li jitreġġgħu lura b'deċiżjoni meħuda minn NCA fi tmiem il-proċedimenti. Għaldaqstant l-NCAs jenħtieġ li jkollhom is-setgħa li jimponu miżuri proviżorji permezz ta' deċiżjoni. Bħala minimu, din is-setgħa jenħtieġ li jimponu f'każijiet fejn NCA tkun għamlet sejba prima facie ta' ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE u fejn hemm riskju ta' dannu gravi u irreparabbli għall-kompetizzjoni. L-Istati Membri huma liberi li jipprovdu lill-NCAs b'setgħat aktar estensivi biex jadottaw miżuri proviżorji. Deċiżjoni li timponi miżuri proviżorji jenħtieġ li tkun valida biss għal perijodu speċifikat, jew sakemm il-proċedimenti minn NCA jiġu konklużi, jew għal perijodu ta' żmien fiss li jista' jiġġedded dment li jkun neċessarju u xieraq. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-legalità, inkluż il-proporzjonalità, ta' tali miżuri jistgħu jiġu rieżaminati fi proċeduri ta' appell imħaffa jew proċeduri oħrajn li jipprevedu wkoll kontroll ġudizzjarju mħaffef. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiżguraw li l-NCAs ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-miżuri proviżorji fil-prattika. Hemm ħtieġa partikolari li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kollha jkunu jistgħu jittrattaw l-iżviluppi fis-swieq li qed javvanzaw malajr u għalhekk jirriflettu fi ħdan in-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni dwar l-użu ta' miżuri proviżorji u jieħdu kont ta' din l-esperjenza fi kwalunkwe miżura mhux vinkolanti jew rieżami futur ta' din id-Direttiva.

(39)  Fejn, waqt proċedimenti li jistgħu jwasslu biex ftehim jew prattika jiġu pprojbiti, impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi joffru lill-NCAs impenji li jissodisfaw it-tħassib tagħhom, dawn l-NCAs jenħtieġ li jkunu jistgħu jadottaw deċiżjonijiet li jagħmlu dawn l-impenji vinkolanti għall-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi kkonċernati kif ukoll infurzabbli kontrihom. Fil-prinċipju, tali deċiżjonijiet ta' impenn mhumiex adattati fil-każ ta' kartelli sigrieti, li fir-rigward tagħhom l-NCAs jenħtieġ li jimponu multi. Id-deċiżjonijiet ta' impenn jenħtieġ li jikkonstataw li ma għadx hemm raġunijiet għal azzjoni mill-NCAs, mingħajr konklużjoni dwar jekk kienx hemm ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE. Jenħtieġ li jkun għad-diskrezzjoni tal-NCAs jekk jaċċettawx l-impenji. Id-deċiżjonijiet ta' impenn huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali li jikkonstataw ksur bħal dan u jieħdu deċiżjoni fuq il-każ. Barra minn hekk, mezzi effettivi ta' monitoraġġ tal-konformità tal-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi mal-impenji u mezzi effettivi ta' impożizzjoni ta' sanzjonijiet f'każijiet ta' nonkonformità wrew li huma għodod effettivi għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. L-NCAs jenħtieġ li jkollhom mezzi effettivi biex jerġgħu jiftħu l-proċedimenti f'każijiet fejn kien hemm bidliet materjali fi kwalunkwe wieħed mill-fatti li fuqu hija bbażata deċiżjoni ta' impenn, fejn l-impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi aġixxiet kontra l-impenji tagħha, jew fejn deċiżjoni ta' impenn kienet ibbażata fuq informazzjoni mhux kompleta, inkorretta jew qarrieqa pprovduta mill-partijiet.

(40)  Sabiex jiġi żgurat infurzar effettiv u uniformi tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jenħtieġ li jkollhom is-setgħa li jimponu multi effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi għall-ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, jew direttament huma stess fil-proċedimenti tagħhom stess, b'mod partikolari fi proċedimenti amministrattivi, dment li proċedimenti bħal dawn jippermettu l-impożizzjoni diretta ta' multi effettivi, proporzjonati u dissważivi, jew billi jitolbu l-impożizzjoni ta' multi permezz ta' proċedimenti ġudizzjarji mhux kriminali. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali li jipprevedu l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi minn qrati fi proċedimenti kriminali għall-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE meta l-ksur ikun reat kriminali skont il-liġi nazzjonali u dment li ma taffettwax l-infurzar effettiv u uniformi tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

(41)  Biex jiġi żgurat li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi ikollhom inċentivi biex jikkonformaw mal-miżuri investigattivi u d-deċiżjonijiet tal-NCAs, jenħtieġ li l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jew jimponu multi effettivi għan-nonkonformità mal-miżuri u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 6, 8, 9, 10, 11 u 12 jew direttament fil-proċedimenti tagħhom stess jew inkella jitolbu l-impożizzjoni ta' multi fi proċedimenti ġudizzjarji mhux kriminali. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali li jipprevedu l-impożizzjoni ta' tali multi mill-qrati fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi fi proċedimenti ġudizzjarji kriminali. ▌

(42)  F'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fi proċedimenti quddiem awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jew, skont il-każ, fi proċedimenti ġudizzjarji mhux kriminali, jenħtieġ li jiġu imposti multi fejn il-ksur ikun sar b'mod intenzjonat jew b'negliġenza. Il-kunċetti ta' intenzjoni u negliġenza jenħtieġ li jiġu interpretati skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u mhux skont il-kunċetti ta' intenzjoni u negliġenza fi proċedimenti mwettqa minn awtoritajiet kriminali b'rabta ma' materji kriminali. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali li skonthom il-konstatazzjoni ta' ksur tkun ibbażata fuq il-kriterju tar-responsabbiltà oġġettiva, dment li tkun kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Din id-Direttiva ma taffettwa la r-regoli nazzjonali dwar l-istandard tal-provi u lanqas l-obbligi tal-NCAs sabiex jaċċertaw il-fatti marbutin mal-każ rilevanti, dment li tali regoli u obbligi jkunu kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. ▌

(43)  Il-multi jenħtieġ li jiġu ddeterminati b'mod proporzjonali għall-fatturat dinji totali tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta' impriżi kkonċernati.

(44)  Il-pagamenti perjodiċi ta' penali huma għodda ewlenija biex jiġi żgurat li l-NCAs ikollhom mezzi effettivi biex jindirizzaw in-nonkonformità kontinwa u futura minn impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi mal-miżuri u d-deċiżjonijiet tagħhom kif imsemmi fl-Artikoli 6, 8, 9, 10, 11 u 12. Dawn jenħtieġ li ma japplikawx għall-konstatazzjonijiet ta' ksur li jkunu twettqu fil-passat. Is-setgħa tal-impożizzjoni ta' pagamenti perjodiċi ta' penali hija mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-NCAs li jikkastigaw in-nonkonformità bil-miżuri msemmija fl-Artikolu 13(2). Tali pagamenti perjodiċi ta' penali jenħtieġ li jiġu ddeterminati b'mod proporzjonali għall-fatturat dinji totali medju ta' kuljum tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta' impriżi kkonċernati.

(45)  Għall-fini tal-impożizzjoni ta' multi u pagamenti perjodiċi ta' penali, it-terminu "deċiżjoni" jenħtieġ li jinkludi kull miżura li tipproduċi effetti legali vinkolanti u li jkunu kapaċi jaffettwaw l-interessi tad-destinatarju billi jġibu bidla distinta fil-pożizzjoni legali tiegħu.

(46)  Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva u uniformi tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, il-kunċett ta' "impriża", kif jinsab fl-Artikoli 101 u 102 TFUE, li jenħtieġ li jiġi applikat skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jindika unità ekonomika, anki jekk din tkun magħmula minn diversi persuni ġuridiċi jew fiżiċi. Għaldaqstant, l-NCAs jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw il-kunċett ta' impriża sabiex isibu l-kumpannija omm responsabbli, u jimponu multi fuqha, għall-aġir ta' waħda mis-sussidjarji tagħha, fejn il-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw unità ekonomika waħda. Sabiex jiġi evitat li l-impriżi jaħarbu mir-responsabbiltà tal-multi għall-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE permezz ta' bidliet legali jew organizzattivi, l-NCAs jenħtieġ li jkunu jistgħu jsibu s-suċċessuri legali jew ekonomiċi għall-impriża responsabbli, u jimponu multi fuqhom, għall-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(47)  Biex jiġi żgurat li l-multi imposti għal ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE jirriflettu l-importanza ekonomika tal-ksur, l-NCAs jenħtieġ li jqisu l-gravità tal-ksur. L-NCAs jenħtieġ li jkunu jistgħu jistabbilixxu wkoll multi li jkunu proporzjonali għat-tul ta' żmien tal-ksur. Dawn il-fatturi jenħtieġ li jiġu vvalutati skont il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u b'mod li tiġi żgurata d-deterrenza. Il-valutazzjoni tal-gravità jenħtieġ li ssir, każ b'każ, għal kull tip ta' ksur, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ ▌. Il-fatturi li jistgħu jitqiesu jinkludu n-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq ikkombinat tal-impriżi kkonċernati kollha, l-ambitu ġeografiku tal-ksur, jekk il-ksur ġiex implimentat, il-valur tal-bejgħ tal-prodotti u s-servizzi tal-impriża li magħhom ikun direttament jew indirettament marbut il-ksur u d-daqs u s-saħħa fis-suq tal-impriża kkonċernata. L-eżistenza ta' ksur ripetut mill-istess awtur juri l-propensità tiegħu li jwettaq tali ksur u għalhekk huwa indikazzjoni sinifikanti ħafna li hemm il-▌ħtieġa ta' żieda fil-livell tal-penali sabiex tinkiseb deterrenza effettiva. Għaldaqstant, l-NCAs jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jżidu l-multa li għandha tiġi imposta fuq impriża jew fuq assoċjazzjoni ta' impriżi fejn il-Kummissjoni jew NCA tkun preċedentement ħadet deċiżjoni li tikkonstata li dik l-impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi tkun kisret l-Artikolu 101 jew 102 TFUE u li dik l-impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi tkompli bl-istess ksur jew twettaq ksur simili. F'konformità mad-Direttiva 2014/104/UE, l-NCAs jenħtieġ li jkunu jistgħu jqisu kwalunkwe kumpens imħallas bħala riżultat ta' riżoluzzjoni kunsenswali. Barra minn hekk, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, jenħtieġ li l-NCAs ikunu jistgħu jieħdu kont tal-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata.

(48)  L-esperjenza wriet li l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi b'mod regolari għandhom rwol fil-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u għalhekk jenħtieġ li l-NCAs ikunu jistgħu jimponu multi lil dawn l-assoċjazzjonijiet b'mod effettiv. Meta tkun qiegħda tiġi vvalutata l-gravità tal-ksur sabiex jiġi determinat l-ammont tal-multa fi proċedimenti mressqa kontra assoċjazzjonijiet ta' impriżi meta l-ksur ikun marbut mal-attivitajiet tal-membri tagħhom, jenħtieġ li jkun possibbli li titqies is-somma tal-bejgħ tal-prodotti u s-servizzi relatat direttament jew indirettament mal-ksur mill-impriżi li jkunu membri tal-assoċjazzjoni. Meta tiġi imposta multa mhux biss fuq l-assoċjazzjoni iżda anki fuq il-membri tagħha, jenħtieġ li ma jitqiesx il-fatturat tal-membri li fuqhom tkun imposta multa meta tiġi kkalkulata l-multa tal-assoċjazzjoni. Sabiex jiġi żgurat l-irkupru effettiv tal-multi imposti fuq assoċjazzjonijiet ta' impriżi għall-ksur li jkunu wettqu, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li fihom ikun fid-diskrezzjoni tal-NCAs li jesiġu l-ħlas tal-multa mill-membri tal-assoċjazzjoni meta l-assoċjazzjoni ma tkunx solventi. Meta jagħmlu dan, l-NCAs jenħtieġ li jqisu d-daqs relattiv tal-impriżi li jappartjenu għall-assoċjazzjoni, u b'mod partikolari, għas-sitwazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Il-ħlas ta' multa minn membru jew minn diversi membri ta' assoċjazzjoni jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-liġi nazzjonali li jipprevedu l-irkupru tal-ammont imħallas minn membri oħra tal-assoċjazzjoni.

(49)  L-effett deterrenti tal-multi jvarja ħafna fl-Unjoni, u f'xi Stati Membri l-ammont massimu tal-multa li tista' tiġi imposta huwa baxx ħafna. Sabiex jiġi żgurat li l-NCAs jistgħu jimponu multi dissważivi, l-ammont massimu tal-multa li tista' tiġi imposta għal kull ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE jenħtieġ li jiġi stabbilit f'livell ta' mhux inqas minn 10 % tal-fatturat dinji totali tal-impriża kkonċernata. Jenħtieġ li dan ma jimpedixxix lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu massimu ogħla tal-multa li tista' tiġi imposta.

(50)  Il-programmi ta' klemenza huma għodda ewlenija għad-detezzjoni ta' kartelli sigrieti, u għalhekk jikkontribwixxu għall-prosekuzzjoni effiċjenti tal-aktar ksur serju tad-dritt tal-kompetizzjoni u għall-impożizzjoni ta' penali għalih. Madankollu, attwalment hemm differenzi sinifikanti bejn il-programmi ta' klemenza applikabbli fl-Istati Membri. Dawn id-differenzi jwasslu għal inċertezza legali min-naħa tal-impriżi li jwettqu l-ksur rigward il-kondizzjonijiet li skonthom jistgħu japplikaw għall-klemenza, kif ukoll inċertezza dwar l-istatus tal-immunità tagħhom skont il-programmi ta' klemenza rispettivi. Din l-inċertezza tista' ddgħajjef l-inċentivi għall-applikanti potenzjali għall-klemenza sabiex japplikaw għall-klemenza. Dan imbagħad jista' jwassal għal infurzar anqas effettiv tal-kompetizzjoni fl-Unjoni, billi jinkixfu anqas kartelli sigrieti.

(51)  Id-differenzi bejn il-programmi ta' klemenza fil-livell tal-Istati Membri jipperikolaw ukoll il-kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni għall-impriżi li joperaw fis-suq intern. Huwa għaldaqstant xieraq li tiżdied iċ-ċertezza legali għall-impriżi fis-suq intern u li tingħata spinta lill-attraenza tal-programmi ta' klemenza fl-Unjoni kollha billi jitnaqqsu dawn id-differenzi bl-għoti tas-setgħat lill-NCAs kollha li jagħtu immunità u tnaqqis mill-multi u li jaċċettaw applikazzjonijiet fil-qosor taħt l-istess kondizzjonijiet. Fil-futur jistgħu jkunu meħtieġa sforzi ulterjuri min-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni biex jiġu allinjati l-programmi ta' klemenza.

(52)  Jenħtieġ li l-NCAs jkunu jistgħu jagħtu lill-impriżi immunità mill-multi u tnaqqis mill-multi, jekk ċerti kondizzjonijiet jiġu ssodisfati. L-assoċjazzjonijiet ta' impriżi li jwettqu attività ekonomika f'isimhom stess jenħtieġ li jkunu eliġibbli għall-immunità mill-multi jew għat-tnaqqis tal-multi f'każijiet fejn huma jieħdu sehem f'kartell allegat f'isimhom stess u mhux f'isem il-membri tagħhom.

(53)  Biex kartell jitqies bħala kartell sigriet, ma hemmx bżonn li l-aspetti kollha tal-imġiba jkunu sigrieti. B'mod partikolari, kartell jista' jitqies kartell sigriet meta elementi tal-kartell li jagħmluha aktar diffiċli biex tinkixef l-istampa sħiħa tal-imġiba ma jkunux magħrufa mill-pubbliku jew mill-klijenti jew il-fornituri.

(54)  Sabiex jikkwalifika għal klemenza, l-applikant jenħtieġ li jtemm l-involviment tiegħu fil- kartell sigriet allegat, ħlief f'każijiet fejn NCA tqis li l-involviment kontinwat tiegħu hija raġonevolment meħtieġa biex tiġi ppreżervata l-integrità tal-investigazzjoni, pereżempju, sabiex jiġi żgurat li parteċipanti allegati oħrajn fil-kartell ma jiskoprux li l-NCA saret taf bil-kartell allegat qabel ma tkun wettqet miżuri investigattivi bħal spezzjonijiet għall-għarrieda.

(55)  Sabiex jikkwalifika għal klemenza, l-applikant jenħtieġ li jikkoopera b'mod ġenwin u sħiħ, fuq bażi kontinwa u mingħajr dewmien mal-NCA. Dan ifisser, fost l-oħrajn, li meta jkun qed jaħseb biex jagħmel applikazzjoni lill-NCA, jenħtieġ li l-applikant ma jeqridx, ma jiffalsifikax u ma jaħbix evidenza tal- kartell sigriet allegat. Meta impriża tkun qed taħseb biex tagħmel applikazzjoni, hemm riskju li d-diretturi, il-maniġers u persunal ieħor tagħha jistgħu jeqirdu l-evidenza sabiex jaħbu l-involviment tagħhom f'kartell, iżda l-qerda tal-evidenza tista' tiġri wkoll għal raġunijiet oħra. Għalhekk, l-NCAs jenħtieġ li jieħdu kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi li taħthom inqerdet l-evidenza u l-importanza ta' tali qerda meta jqisu jekk il-qerda tal-evidenza tpoġġix fid-dubju l-kooperazzjoni ġenwina tal-applikant.

(56)  Sabiex tiġi ssodisfata l-kondizzjoni ta' kooperazzjoni ġenwina, kontinwa u mingħajr dewmien, meta jaħseb biex tagħmel applikazzjoni lill-NCA, l-applikant jenħtieġ li ma jkunx żvela l-fatt jew xi parti mill-kontenut tal-applikazzjoni maħsuba tiegħu, ħlief lil NCAs oħrajn, lill-Kummissjoni jew lil awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' pajjiżi terzi. Dan ma jipprekludix applikant milli jirrapporta l-imġiba tiegħu lil awtoritajiet pubbliċi oħrajn kif meħtieġ mil-liġijiet rilevanti, iżda jimpedih biss milli jiżvela l-fatt li qed jaħseb biex jagħmel applikazzjoni għall-klemenza u milli jagħti dikjarazzjonijiet ta' klemenza lil dawk l-awtoritajiet. Madankollu, meta jkun qed iwettaq l-obbligi tiegħu skont dawk il-liġijiet rilevanti, l-applikant jenħtieġ li jqis ukoll l-importanza li ma jsirx impatt negattiv fuq l-investigazzjoni potenzjali mill-NCA.

(57)  L-applikanti jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jissottomettu dikjarazzjonijiet ta' klemenza, fir-rigward ta' applikazzjonijiet sħaħ jew fil-qosor bil-miktub, u l-NCAs jenħtieġ li jkollhom ukoll sistema fis-seħħ li tippermettilhom jaċċettaw tali dikjarazzjonijiet jew f'forma orali jew inkella b'mezzi oħrajn li jippermettu lill-applikanti ma jiħdux pussess, kustodja, jew kontroll ta' tali dikjarazzjonijiet sottomessi. L-NCAs jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħżlu l-mezzi li bihom jaċċettaw dikjarazzjonijiet ta' klemenza.

(58)  L-impriżi li jixtiequ jagħmlu applikazzjoni għall-immunità jenħtieġ li inizjalment ikunu jistgħu jitolbu l-NCAs għal indikatur għal post fil-kjù għall-klemenza qabel ma jippreżentaw formalment applikazzjoni għall-immunità, sabiex l-applikant ikollu biżżejjed ħin biex jiġbor l-informazzjoni u l-evidenza meħtieġa biex jissodisfa l-livell ta' evidenza rilevanti. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-kapaċità tal-Istati Membri li jippermettu lill-impriżi japplikaw għal indikatur fil-każ ta' applikazzjoni għal tnaqqis ta' multi.

(59)  Barra minn hekk, sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u piżijiet konsiderevoli oħrajn f'termini ta' żmien, jenħtieġ li jkun possibbli li l-applikanti jissottomettu dikjarazzjonijiet ta' klemenza rigward applikazzjonijiet sħaħ jew fil-qosor, kif rigward ukoll talbiet għal indikaturi, jew b'lingwa uffiċjali tal-Istat Membru tal-NCA kkonċernata, jew inkella, fejn maqbul b'mod bilaterali bejn l-NCA u l-applikant, b'lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni. Tali qbil jitqies li jeżisti fejn l-NCAs jaċċettaw b'mod ġenerali tali preżentazzjonijiet f'dik il-lingwa.

(60)  Fid-dawl tal-kompetenzi kondiviżi bejn il-Kummissjoni u l-NCAs għall-infurzar tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, huwa importanti li tkun stabbilita sistema ta' applikazzjonijiet fil-qosor li tiffunzjona sew. L-applikanti li jkunu applikaw għall-klemenza mal-Kummissjoni b'rabta ma' kartell sigriet allegat jenħtieġ li jkunu jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet fil-qosor lill-NCAs b'rabta mal-istess kartell, dment li l-applikazzjoni lill-Kummissjoni tkun tkopri aktar minn tliet Stati Membri bħala territorji affettwati. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li għandha l-Kummissjoni biex tittratta każijiet jekk ikunu marbuta mill-qrib ma' dispożizzjonijiet oħrajn tal-Unjoni li jistgħu jkunu applikati b'mod esklużiv jew b'mod aktar effettiv mill-Kummissjoni, fejn l-interess tal-Unjoni jitlob l-adozzjoni ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa l-politika tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni meta tqum kwistjoni ta' kompetizzjoni ġdida, jew biex jiġi żgurat infurzar effettiv.

(61)  Is-sistema ta' applikazzjoni fil-qosor jenħtieġ li tippermetti lill-impriżi jippreżentaw applikazzjoni ta' klemenza lill-NCAs li jkun fiha sett limitat ta' informazzjoni fejn applikazzjoni sħiħa tkun ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni b'rabta ma' tali kartell allegat . Għaldaqstant, l-NCAs jenħtieġ li jaċċettaw applikazzjonijiet fil-qosor li fihom sett minimu ta' informazzjoni b'rabta mal-kartell allegat għal kull wieħed mill-punti li jinsabu fl-Artikolu 22(2). Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-applikant jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata fi żmien aktar tard. Fuq it-talba tal-applikant għall-klemenza, l-NCAs jenħtieġ li jipprovdulu konferma tar-riċevuta li jkun fiha d-data u l-ħin tar-riċevuta. Jekk NCA tkun għadha ma rċevietx tali applikazzjoni għall-klemenza preċedenti, u tqis li l-applikazzjoni fil-qosor tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 22(2), l-NCA jenħtieġ li tinforma lill-applikant b'dan.

(62)  L-għan tas-sistema tal-applikazzjonijiet fil-qosor huwa li jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-applikanti li jippreżentaw applikazzjoni għall-klemenza lill-Kummissjoni b'rabta ma' kartell sigriet allegat li jkopri aktar minn tliet Stati Membri bħala territorji affettwati. Peress li f'każijiet bħal dawn il-Kummissjoni tirċievi applikazzjoni sħiħa, jenħtieġ li hi tkun l-interlokutur ewlieni għall-applikant għall-klemenza fil-perijodu qabel ma jiġi ċċarat jekk il-Kummissjoni hijiex ser issegwi l-każ b'mod sħiħ jew parzjali, b'mod partikolari fir-rigward tal-forniment ta' struzzjonijiet dwar it-twettiq ta' kwalunkwe investigazzjoni interna ulterjuri mill-applikant. Il-Kummissjoni għandha tipprova tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni f'perijodu ta' żmien raġonevoli u tinforma lill-NCAs kif meħtieġ, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, meta jkun strettament meħtieġ għad-delineazzjoni ta' każ jew l-allokazzjoni ta' każ, jenħtieġ li NCA tkun tista' titlob lill-applikant biex jippreżenta applikazzjoni sħiħa qabel ma l-każ isir ċar. Din il-possibbiltà jenħtieġ li tintuża b'mod rari ħafna. F'każijiet oħrajn, l-applikant jenħtieġ li jintalab biss jippreżenta applikazzjoni sħiħa lil NCA li tkun irċeviet applikazzjoni fil-qosor ladarba jkun ċar li l-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni li ssegwi l-każ b'mod sħiħ jew parzjali.

(63)  L-applikanti jenħtieġ li tingħatalhom l-opportunità li jippreżentaw applikazzjonijiet għall-klemenza sħaħ lill-NCAs li lilhom ikunu ppreżentaw applikazzjonijiet fil-qosor. Jekk l-applikanti jippreżentaw tali applikazzjonijiet sħaħ fil-perijodu ta' żmien speċifikat mill-NCA, l-informazzjoni f'dawk l-applikazzjonijiet jenħtieġ li titqies li tkun ġiet ippreżentata fil-ħin tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni fil-qosor, dment li l-applikazzjoni fil-qosor tkun tkopri l-istess prodotti u territorji affettwati u l-istess durata tal-kartell allegat bħall-applikazzjoni għall-klemenza ppreżentata lill-Kummissjoni, li setgħet ġiet aġġornata. L-oneru jenħtieġ li jkun fuq l-applikanti li jinfurmaw lill-NCAs li lilhom ikunu ppreżentaw l-applikazzjonijiet fil-qosor jekk ikun inbidel l-ambitu tal-applikazzjoni tagħhom għall-klemenza ppreżentata lill-Kummissjoni u li jaġġornaw l-applikazzjonijiet fil-qosor tagħhom skont dan. L-NCAs jenħtieġ li jkunu jistgħu jiċċekkjaw jekk l-ambitu tal-applikazzjoni fil-qosor jikkorrispondix mal-ambitu tal-applikazzjoni għall-klemenza ppreżentata lill-Kummissjoni, permezz ta' kooperazzjoni fin-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni.

(64)  Inċertezza legali dwar jekk diretturi, maniġers u membri oħra tal-persunal attwali u preċedenti tal-applikanti għall-immunità humiex protetti minn sanzjonijiet individwali, bħal multi, skwalifika jew inkarċerazzjoni, tista' timpedixxi lill-applikanti potenzjali milli japplikaw għall-klemenza. Fid-dawl tal-kontributi tagħhom għad-detezzjoni u l-investigazzjoni ta' kartelli sigrieti, dawk l-individwi għalhekk jenħtieġ li, fil-prinċipju, ikunu protetti minn ▌sanzjonijiet b'rabta mal-involviment tagħhom fil-kartell sigriet kopert mill-applikazzjoni imposti mill-awtoritajiet pubbliċi fi proċedimenti ġudizzjarji kriminali, amministrattivi u mhux kriminali skont il-liġijiet nazzjonali li jkollhom l-istess objettivi bħal dawk tal-Artikolu 101 TFUE, bħal liġijiet nazzjonali dwar l-immanuvrar tal-offerti, fejn il-kondizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva jiġu ssodisfati. Waħda minn dawn il-kondizzjonijiet hija li l-applikazzjoni għall-immunità jenħtieġ li ssir qabel ma dawk l-individwi jkunu saru jafu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar il-proċedimenti li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet. Tali proċedimenti jinkludu l-mument li dawk l-individwi jkunu ssuspettati li kisru dawn il-liġijiet nazzjonali.

L-Istati Membri huma liberi li fil-liġi nazzjonali jipprevedu modalitajiet ta' kif dawk l-individwi għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet rilevanti biex jiżguraw il-funzjonament effettiv ta' din il-protezzjoni. Il-protezzjoni minn sanzjonijiet kriminali tinkludi każijiet fejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jastjenu mill-prosekuzzjoni taħt ċerti kondizzjonijiet jew soġġett għal struzzjonijiet fir-rigward tal-imġiba futura tal-individwu.

(65)  B'deroga, sabiex jiġi żgurat li l-protezzjoni mis-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti fuq individwi fi proċedimenti kriminali tkun konformi mal-prinċipji bażiċi eżistenti tas-sistema legali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jagħżlu bejn il-protezzjoni tal-individwu mis-sanzjonijiet jew biss il-mitigazzjoni ta' dawk is-sanzjonijiet, skont x'jirriżulta minn valutazzjoni li tiżen l-interessi marbuta mal-prosekuzzjoni u/jew mas-sanzjonar tal-individwu kontra l-kontribut tal-individwu għad-detezzjoni u l-investigazzjoni tal-kartell. Meta jiġu vvalutati l-interessi marbuta mal-prosekuzzjoni u/jew is-sanzjonar ta' dawk l-individwi, jistgħu jitqiesu r-responsabbiltà jew il-kontribut personali tagħhom għall-ksur, fost fatturi oħrajn.

(66)  L-Istati Membri mhumiex preklużi milli wkoll jipproteġu d-diretturi, maniġers u membri oħra tal-persunal attwali jew preċedenti tal-applikanti għat-tnaqqis ta' multi mis-sanzjonijiet, jew mill-mitigazzjoni ta' tali sanzjonijiet.

(67)  Sabiex il-protezzjoni tkun tista' tiffunzjona f'sitwazzjonijiet fejn tkun involuta iktar minn ġurisdizzjoni waħda, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu li f'każijiet fejn l-awtorità kompetenti ta' sanzjonar jew ta' prosekuzzjoni ma tkunx fl-istess ġurisdizzjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni li tkun qed issegwi l-każ, jenħtieġ li l-kuntatti meħtieġa bejn dawk l-awtoritajiet ikunu żgurati mill-NCA tal-ġurisdizzjoni tal-awtorità kompetenti ta' sanzjonar jew ta' prosekuzzjoni.

(68)  F'sistema fejn il-Kummissjoni u l-NCAs ikollhom setgħat paralleli għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, hija meħtieġa kooperazzjoni mill-qrib fost l-NCAs u bejn l-NCAs u l-Kummissjoni. B'mod partikolari meta NCA twettaq spezzjoni jew intervista skont il-liġi nazzjonali tagħha f'isem NCA oħra skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, jenħtieġ li tkun possibbli l-preżenza u l-assistenza tal-uffiċjali mill-awtorità applikanti sabiex tiżdied l-effettività ta' dawn l-ispezzjonijiet u intervisti billi jiġu pprovduti riżorsi, għarfien u kompetenza teknika addizzjonali. Jenħtieġ li l-NCAs ikollhom ukoll is-setgħa li jitolbu NCAs oħrajn biex jassistu fl-istabbiliment ta' jekk l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi ikunux naqsu milli jikkonformaw mal-miżuri investigattivi u d-deċiżjonijiet meħuda mill-NCAs applikanti.

(69)  Jenħtieġ li jiġu adottati arranġamenti li jippermettu lill-NCAs jitolbu assistenza reċiproka għan-notifika ta' dokumenti marbuta mal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE fuq bażi transfruntiera lill-partijiet għall-proċedimenti jew impriżi, assoċjazzjonijiet ta' impriżi jew persuni fiżiċi oħrajn li jistgħu jkunu d-destinatarji ta' dawn in-notifiki. B'mod simili, l-NCAs jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu l-infurzar ta' deċiżjonijiet li jimponu multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali minn awtoritajiet fi Stati Membri oħrajn fejn l-awtorità applikanti tkun għamlet sforzi raġonevoli biex taċċerta ruħha li l-impriża li kontriha għandha tiġi infurzata l-multa jew il-pagament perjodiku ta' penali ma jkollhiex assi suffiċjenti fl-Istat Membru tal-awtorità applikanti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu wkoll, b'mod partikolari, li fejn l-impriża li kontriha tkun infurzabbli l-multa jew il-pagament perjodiku ta' penali ma tkunx stabbilita fl-Istat Membru tal-awtorità applikanti, l-awtorità li ssirilha t-talba tkun tista' tinforza deċiżjonijiet adottati mill-awtorità applikanti, fuq talba tal-awtorità applikanti. Dan jiżgura l-infurzar effettiv tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u jikkontribwixxi għall-funzjonament korrett tas-suq intern. Sabiex jiġi żgurat li l-NCAs jiddedikaw biżżejjed riżorsi għat-talbiet għal assistenza reċiproka, u sabiex jinċentivaw tali assistenza, l-awtoritajiet li ssirilhom it-talba jenħtieġ li jkunu jistgħu jirkupraw l-ispejjeż li jġarrbu fil-forniment ta' dik l-assistenza. Tali assistenza reċiproka hija mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI(4).

(70)  Sabiex jiġi żgurat l-infurzar effettiv tal-Artikoli 101 u 102 TFUE mill-NCAs, hemm bżonn li jiġu previsti regoli li jaħdmu dwar ▌ il-perijodi ta' limitazzjoni. B'mod partikolari, f'sistema ta' setgħat paralleli, il-perijodi ta' limitazzjoni nazzjonali jenħtieġ li jiġu sospiżi jew interrotti matul il-proċedimenti quddiem l-NCAs ta' Stat Membru ieħor jew quddiem il-Kummissjoni. Jenħtieġ li tali sospensjoni jew interruzzjoni ma timpedixxix lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu perijodi ta' limitazzjoni assoluti, dment li d-durata ta' dawn il-perijodi ta' limitazzjoni assoluti ma tagħmilx l-infurzar effettiv tal-Artikoli 101 u 102 TFUE prattikament impossibbli jew diffiċli żżejjed.

(71)  Biex jiġi żgurat li l-każijiet jiġu ttrattati b'mod effiċjenti u effettiv fin-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni, f'dawk l-Istati Membri fejn kemm awtorità amministrattiva nazzjonali tal-kompetizzjoni ▌kif ukoll awtorità ġudizzjarja nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu nominati bħala NCAs għall-fini tal-infurzar tal-Artikoli 101 u 102 TFUE kif imsemmi fl-Artikoli 6, 7, 8, 9, 10, 11, 12, 13 u 16 ta' din id-Direttiva, l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jġibu l-azzjoni direttament quddiem l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, sal-miżura li l-qrati nazzjonali jaġixxu ▌ fi proċedimenti mressqa kontra deċiżjonijiet ▌meħuda minn NCAs li japplikaw l-Artikolu 101 jew 102 TFUE, l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jenħtieġ li jkunu intitolati b'mod sħiħ li jipparteċipaw bi dritt bħala prosekutur, konvenut jew intimat f'dawk il-proċedimenti, u jenħtieġ li jgawdu l-istess drittijiet ta' parti pubblika bħal din f'dawk il-proċedimenti.

(72)  Ir-riskju li jiġi divulgat materjal awtoinkriminanti barra l-kuntest tal-investigazzjoni li jkun ingħata għaliha, jista' jdgħajjef l-inċentivi għall-applikanti potenzjali għall-klemenza sabiex jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Minħabba f'hekk, irrispettivament mill-forma li fiha jiġu sottomessi d-dikjarazzjonijiet ta' klemenza, l-informazzjoni fid-dikjarazzjonijiet ta' klemenza li tkun inkisbet permezz tal-aċċess għall-fajl jenħtieġ li tintuża biss fejn ikun meħtieġ għall-eżerċitar tad-drittijiet tad-difiża fi proċedimenti quddiem il-qrati nazzjonali f'ċerti każijiet limitati ħafna li jkunu direttament marbuta mal-każ li għalih ikun ingħata l-aċċess. Jenħtieġ li dan ma jipprevjenix lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni milli jippubblikaw id-deċiżjonijiet tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali applikabbli.

(73)  L-evidenza hija element importanti fl-infurzar tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. L-NCAs jenħtieġ li jkunu jistgħu jqisu l-evidenza rilevanti, irrispettivament minn jekk din tkunx bil-miktub, bil-fomm jew f'forma elettronika jew irrekordjata ▌. Jenħtieġ li din tinkludi l-kapaċità li jitqiesu reġistrazzjonijiet sigrieti minn persuni fiżiċi jew legali li mhumiex awtoritajiet pubbliċi, dment li dawk ir-reġistrazzjonijiet ma jkunux l-uniku sors ta' evidenza. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għad-dritt għal smigħ u mingħajr preġudizzju għall-ammissibbiltà ta' kwalunkwe reġistrazzjoni li ssir jew tinkiseb mill-awtoritajiet pubbliċi. B'mod simili, l-NCAs jenħtieġ li jkunu jistgħu jqisu messaġġi elettroniċi bħala evidenza rilevanti, irrispettivament minn jekk dawk il-messaġġi jidhrux li jkunu għadhom ma nqrawx jew ikunux tħassru.

(74)  L-iżgurar li l-NCAs ikollhom is-setgħat meħtieġa sabiex ikunu infurzaturi aktar effettivi jsaħħaħ il-ħtieġa ta' kooperazzjoni mill-qrib u komunikazzjoni multilaterali u bilaterali effettiva fi ħdan in-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni. Jenħtieġ li dan jinkludi l-iżvilupp ta' miżuri mhux vinkolanti li jiffaċilitaw u jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

(75)  Sabiex issostni kooperazzjoni mill-qrib fin-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li żżomm, tiżviluppa, tospita, tħaddem u tappoġġa sistema ċentrali ta' informazzjoni (is-Sistema tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni) f'konformità mal-istandards rilevanti dwar il-kunfidenzjalità, il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà tad-data. In-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni jiddependi fuq l-interoperabbiltà sabiex jiffunzjona b'mod effettiv u effiċjenti. Jenħtieġ li l-baġit ġenerali tal-Unjoni jġarrab l-ispejjeż tal-manutenzjoni, l-iżvilupp, l-ospitar, l-appoġġ għall-utenti u t-tħaddim tas-Sistema tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni, kif ukoll spejjeż amministrattivi oħra mġarrba b'rabta mal-funzjonament tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni, b'mod partikolari l-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat. Sal-2020, sar provvediment għall-ispejjeż għas-Sistema tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni li għandhom jiġu koperti mill-Programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, negozji u ċittadini Ewropej (il-programm ISA2) stabbilit permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), soġġett għad-disponibbiltà tar-riżorsi u għall-kriterji ta' eliġibbiltà u ta' prijorità tal-programm.

(76)  Billi l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi żgurat li l-NCAs ikollhom il-garanziji meħtieġa ta' indipendenza, riżorsi, u setgħat ta' infurzar u ta' impożizzjoni ta' multi sabiex ikunu jistgħu japplikaw b'mod effettiv l-Artikoli 101 u 102 TFUE u l-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni b'mod parallel mal-Artikoli 101 u 102 TFUE, u li jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern u tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-effettività u l-uniformità meħtieġa fl-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, b'mod partikolari fid-dawl tal-ambitu territorjali tad-Direttiva, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(77)  F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni(6), l-Istati Membri impenjaw irwieħhom li, f'każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom ma' dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti ta' strumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, it-trasmissjoni ta' tali dokumenti titqies li hija ġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.  Din id-Direttiva tistabbilixxi ċerti regoli sabiex ikun żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom il-garanziji meħtieġa ta' indipendenza, riżorsi, u setgħat ta' infurzar u ta' impożizzjoni ta' multi sabiex ikunu jistgħu japplikaw b'mod effettiv l-Artikoli 101 u 102 TFUE, sabiex ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u l-konsumaturi u l-impriżi ma jitpoġġewx fi żvantaġġ minn liġijiet u miżuri nazzjonali li jimpedixxu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni milli jkunu inforzaturi effettivi.

2.  Din id-Direttiva tkopri l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u l-applikazzjoni b'mod parallel tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni għall-istess każ. Fir-rigward tal-Artikolu 31(3) u (4) ta' din id-Direttiva, din id-Direttiva tkopri wkoll l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni fuq bażi indipendenti.

3.  Din id-Direttiva tistabbilixxi ċerti regoli dwar l-assistenza reċiproka sabiex jiġi salvagwardat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta' kooperazzjoni mill-qrib fin-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.  Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)  "awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni" tfisser awtorità nnominata minn Stat Membru skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 li tkun responsabbli għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE; l-Istati Membri jistgħu jinnominaw awtorità amministrattiva waħda jew aktar (awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni), kif ukoll awtoritajiet ġudizzjarji (awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali tal-kompetizzjoni);

(2)  "awtorità amministrattiva nazzjonali tal-kompetizzjoni" tfisser awtorità amministrattiva nnominata minn Stat Membru biex twettaq il-funzjonijiet kollha, jew uħud minnhom, ta' awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni;

(3)  "awtorità ġudizzjarja nazzjonali tal-kompetizzjoni" tfisser awtorità ġudizzjarja nnominata minn Stat Membru biex twettaq uħud mill-funzjonijiet ta' awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni;

(4)  "awtorità tal-kompetizzjoni" tfisser awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ▌, il-Kummissjoni, jew it-tnejn, skont xi jkun jitlob il-kuntest;

(5)  ̔"Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni" tfisser in-netwerk ta' awtoritajiet pubbliċi ffurmat mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni sabiex jipprovdi forum għad-diskussjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni u l-infurzar tal-Artikoli 101 u 102 TFUE;

(6)  ̔"liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni ▌" tfisser dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li b'mod predominanti jfittxu li jilħqu l-istess objettiv bħall-Artikoli 101 u 102 TFUE u li jiġu applikati għall-istess każ u b'mod parallel għal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, kif ukoll dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li b'mod predominanti jfittxu li jilħqu l-istess objettiv bħall-Artikoli 101 u 102 TFUE u li jiġu applikati fuq bażi indipendenti fir-rigward tal-Artikolu 31(3) u (4) ta' din id-Direttiva, bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jimponu penali kriminali fuq persuni fiżiċi;

(7)  "qorti nazzjonali" tfisser qorti jew tribunal ta' Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE;

(8)  "qorti ta' rieżami" tfisser qorti nazzjonali li jkollha s-setgħa bil-mezzi ta' appell ordinarji li teżamina mill-ġdid id-deċiżjonijiet ta' awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew li teżamina mill-ġdid is-sentenzi li jagħmlu dikjarazzjonijiet dwar dawk id-deċiżjonijiet, irrispettivament minn jekk dik il-qorti jkollhiex hija stess is-setgħa li ssib ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni;

(9)  "proċedimenti ta' infurzar" tfisser il-proċedimenti quddiem awtorità tal-kompetizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, sa meta dik l-awtorità tal-kompetizzjoni tkun għalqet tali proċedimenti billi tieħu deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 10, 12 jew 13 ta' din id-Direttiva fil-każ ta' awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, jew billi tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 7, 9 jew 10 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fil-każ tal-Kummissjoni, jew sakemm l-awtorità tal-kompetizzjoni ma tkunx ikkonkludiet li ma jkunx hemm raġunijiet għal azzjoni ulterjuri min-naħa tagħha;

(10)  "impriża" kif imsemmija fl-Artikoli 101 u 102 TFUE, tfisser kwalunkwe entità involuta f'attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u mil-mod li bih tkun iffinanzjata ▌;

(11)  " ▌"kartell" tfisser ftehim ▌jew prattika miftiehma bejn żewġ kompetituri jew aktar bl-għan li jikkoordinaw l-imġiba kompetittiva tagħhom fis-suq ▌jew jinfluwenzaw il-parametri rilevanti tal-kompetizzjoni, permezz ta' prattiki bħal, iżda mhux limitati għal, l-iffissar jew il-koordinazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ jew tax-xiri jew ta' kondizzjonijiet kummerċjali oħrajn, inkluż fir-rigward tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, l-allokazzjoni tal-kwoti tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, il-kondiviżjoni tas-swieq u l-klijenti inkluż l-immanuvrar tal-offerti, ir-restrizzjonijiet tal-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet ▌ jew l-azzjonijiet antikompetittivi kontra kompetituri oħra ▌;

(12)  "kartell sigriet" tfisser kartell li l-eżistenza tiegħu tkun ▌ parzjalment jew kompletament moħbija;

(13)  "immunità mill-multi" tfisser eżenzjoni minn multi li altrimenti jiġu imposti fuq impriża għall-parteċipazzjoni tagħha f'kartell sigriet, sabiex tiġi ppremjata għall-kooperazzjoni tagħha ma' awtorità tal-kompetizzjoni fil-qafas ta' programm ta' klemenza;

(14)  "tnaqqis tal-multi" tfisser tnaqqis fl-ammont tal-multa li altrimenti tiġi imposta fuq impriża għall-parteċipazzjoni tagħha f'kartell sigriet, sabiex tiġi ppremjata għall-kooperazzjoni tagħha ma' awtorità tal-kompetizzjoni fil-qafas ta' programm ta' klemenza;

(15)  "klemenza" tfisser kemm immunità mill-multi kif ukoll tnaqqis tal-multi;

(16)  "programm ta' klemenza" tfisser programm li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jew dispożizzjoni korrispondenti tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni li abbażi tiegħu parteċipant f'kartell sigriet, b'mod indipendenti mill-impriżi l-oħra involuti fil-kartell, jikkoopera ma' investigazzjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni, billi jipprovdi b'mod volontarju preżentazzjonijiet rigward l-għarfien ta' dak il-parteċipant dwar il-kartell u r-rwol tiegħu fih, u bħala skambju ta' dan il-parteċipant jirċievi, permezz ta' deċiżjoni jew permezz tat-twaqqif tal-proċedimenti, immunità mill-multi, jew tnaqqis tal-multi, imposti għall-involviment tiegħu fil-kartell;

(17)  "dikjarazzjoni ta' klemenza" tfisser preżentazzjoni bil-fomm jew bil-miktub ipprovduta b'mod volontarju minn, jew f'isem, impriża jew persuna fiżika lil awtorità tal-kompetizzjoni, jew rekord tagħha, li tiddeskrivi l-għarfien ta' dik l-impriża jew persuna fiżika ▌ dwar kartell u r-rwol tagħha fih. Din il-preżentazzjoni tkun tfasslet speċifikament biex tiġi sottomessa lill-awtorità tal-kompetizzjoni bil-għan li tinkiseb immunità jew tnaqqis tal-multi permezz ta' programm ta' klemenza, u ma tinkludix ▌ evidenza eżistenti, irrispettivament mill-proċedimenti ta' infurzar, kemm jekk tali informazzjoni tinsabx jew le fil-fajl ta' awtorità tal-kompetizzjoni, jiġifieri informazzjoni preeżistenti;;

(18)  " sottomissjoni għal riżoluzzjoni" tfisser preżentazzjoni volontarja minn, jew f'isem, impriża lil awtorità tal-kompetizzjoni li tiddeskrivi r-rikonoxximent tal-impriża jew ir-rinunzja tagħha li tikkontesta s-sehem tagħha fi ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE jew tad-dritt nazzjonali dwar il-kompetizzjoni u r-responsabbiltà tagħha għal dan il-ksur, li tkun tfasslet speċifikament sabiex tippermetti li l-awtorità tal-kompetizzjoni tapplika proċedura simplifikata jew proċedura mħaffa;

(19)  "applikant" tfisser impriża li tapplika għal immunità mill-multi, jew għal tnaqqis tal-multi, taħt programm ta' klemenza;

(20)  "awtorità applikanti" tfisser awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tagħmel talba għall-assistenza reċiproka kif imsemmija fl-Artikolu 24, 25, 26, 27 jew 28;

(21)  "awtorità li ssirilha t-talba" tfisser awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tirċievi talba għall-assistenza reċiproka u fil-każ ta' talba għall-assistenza kif imsemmi fl-Artikolu 25, 26, 27 jew 28 tfisser, kif adatt, il-korp pubbliku kompetenti li jkollu r-responsabbiltà prinċipali għall-infurzar ta' tali deċiżjonijiet skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattika amministrattiva nazzjonali;

(22)  "deċiżjoni finali" tfisser deċiżjoni li ma tistax, jew li ma għadhiex tista', tiġi appellata b'mezzi ordinarji.

2.  Ir-referenzi kollha għall-applikazzjoni jew il-ksur ▌ tal-Artikoli 101 u 102 TFUE f'din id-Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jinkludu l-applikazzjoni b'mod parallel ▌tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni ▌għall-istess każ.

KAPITOLU II

DRITTIJIET FUNDAMENTALI

Artikolu 3

Salvagwardji

1.  Il-proċedimenti dwar ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, inkluż l-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija f'din id-Direttiva mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, għandhom jikkonformaw mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 ikun soġġett għal salvagwardji xierqa fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi, inkluż id-dritt għal smigħ u d-dritt għal rimedju effettiv quddiem tribunal ▌.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedimenti ta' infurzar tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jitwettqu fi żmien raġonevoli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel ma tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 10 ta' din id-Direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jadottaw dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

KAPITOLU III

INDIPENDENZA U RIŻORSI

Artikolu 4

Indipendenza

1.  Sabiex tiġi garantita l-indipendenza tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni meta japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali awtoritajiet jwettqu d-dmirijiet tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b'mod imparzjali u fl-interessi tal-applikazzjoni effettiva u uniformi ta' dawk id-dispożizzjonijiet, soġġett għal rekwiżiti proporzjonati tal-obbligu tar-rendikont u mingħajr preġudizzju għall-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fin-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni.

2.  B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom bħala minimu jiżguraw li l-persunal u l-persuni li jieħdu deċiżjonijiet fl-eżerċizzju tas-setgħat fl-Artikoli 10 sa 13 u l-Artikolu 16 ta' din id-Direttiva fl-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni:

(a)  ikunu kapaċi jwettqu d-dmirijiet tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE b'mod indipendenti minn influwenza politika u kwalunkwe influwenza esterna oħra;

(b)  la jitolbu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-▌gvern jew minn kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra meta jkunu qegħdin iwettqu d-dmirijiet tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' gvern ta' Stat Membru, fejn applikabbli, li joħroġ regoli ġenerali indikattivi li mhumiex relatati ma' inkjesti settorjali jew proċedimenti ta' infurzar speċifiċi; u

(c)  jastjenu milli jieħdu kwalunkwe azzjoni li ma tkunx kompatibbli mat-twettiq ta' dmirijiethom u/jew mal-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u jkunu soġġetti għal proċeduri li jiżguraw li, għal perijodu raġonevoli wara li jitilqu mill-kariga, jastjenu milli jittrattaw proċedimenti ta' infurzar li jistgħu jagħtu lok għal kunflitti ta' interess.

3.  Il-persuni li jieħdu deċiżjonijiet fl-eżerċizzju tas-setgħat tal-Artikoli 10 sa 13 u l-Artikolu 16 ta' din id-Direttiva fl-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni ma għandhomx jitneħħew minn tali awtoritajiet għal raġunijiet marbuta mat-twettiq tajjeb ta' dmirijiethom jew mal-eżerċizzju tajjeb tas-setgħat tagħhom għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, kif imsemmi fl-Artikolu 5(2). Dawn jistgħu jitneħħew biss jekk ma jibqgħux jissodisfaw il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta' dmirijiethom jew jekk ikunu nstabu ħatja ta' mġiba ħażina serja skont il-liġi nazzjonali. Il-kondizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq ta' dmirijiethom, u x'jikkostitwixxi mġiba ħażina serja, għandhom jiġu stabbiliti minn qabel fil-liġi nazzjonali, b'kont meħud tal-ħtieġa li jiġi żgurat infurzar effettiv.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet li jeżerċitaw is-setgħat fl-Artikoli 10 sa 13 u l-Artikolu 16 ta’ din id-Direttiva fl-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jintgħażlu, jiġu rreklutati jew jinħatru skont proċeduri ċari u trasparenti stabbiliti minn qabel fil-liġi nazzjonali.

5.   L-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni għandu jkollhom is-setgħa li jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom għat-twettiq tal-kompiti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE kif imsemmi fl-Artikolu 5(2) ta' din id-Direttiva. Sal-miżura li l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni huma obbligati jikkunsidraw ilmenti formali, ▌ dawn l-awtoritajiet għandu jkollhom is-setgħa li jirrifjutaw tali lmenti għar-raġuni li huma ma jqisux tali ilmenti bħala prijorità għall-infurzar. Dan huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni li jirrifjutaw ilmenti għal raġunijiet oħra definiti mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 5

Riżorsi

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw bħala minimu li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom għadd suffiċjenti ta' membri tal-persunal ikkwalifikati u biżżejjed riżorsi finanzjarji ▌, tekniċi u teknoloġiċi li huma meħtieġa għat-twettiq effettiv ta' dmirijiethom, u għall-eżerċizzju effettiv tas-setgħat tagħhom għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE kif stipulat fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

2.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom ikunu jistgħu, bħala minimu, iwettqu investigazzjonijiet bil-ħsieb li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE, jadottaw deċiżjonijiet li japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003; u jikkooperaw mill-qrib fin-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva u uniformi tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Sa fejn previst skont il-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom ukoll ikunu f'pożizzjoni li jagħtu parir lill-istituzzjonijiet u l-korpi pubbliċi, fejn xieraq, dwar miżuri leġislattivi, regolatorji u amministrattivi li jista' jkollhom impatt fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern kif ukoll jippromwovu s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-Artikoli 101 u 102 TFUE.

3.  Mingħajr preġudizzju għar-regoli u l-proċeduri baġitarji nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jingħataw indipendenza fl-infiq tal-baġit allokat għall-fini li jwettqu dmirijiethom kif stipulat fil-paragrafu 2.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jissottomettu rapporti perjodiċi dwar l-attivitajiet u r-riżorsi tagħhom lil korp governattiv jew parlamentari. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali rapporti jinkludu informazzjoni dwar il-ħatriet u t-tkeċċijiet tal-membri tal-korp deċiżjonali, l-ammont ta' riżorsi li ġew allokati fis-sena rilevanti, u kwalunkwe tibdil f'dak l-ammont meta mqabbel mas-snin preċedenti. Tali rapporti għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku.

KAPITOLU IV

SETGĦAT

Artikolu 6

Is-setgħa li l-bini tan-negozju jiġi spezzjonat

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jwettqu l-ispezzjonijiet għal għarrieda kollha meħtieġa tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta' impriżi għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom, awtorizzati jew maħtura mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex iwettqu dawn l-ispezzjonijiet, ikollhom, bħala minimu, s-setgħa:

(a)  li jidħlu fi kwalunkwe bini, biċċa art, u mezz tat-trasport tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta' impriżi;

(b)  li jeżaminaw il-kotba u rekords oħrajn marbuta man-negozju irrispettivament mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna, u li jkollhom id-dritt ta' aċċess għal kwalunkwe informazzjoni li tkun aċċessibbli għall-entità soġġetta għall-ispezzjoni;

(c)  li jieħdu jew jiksbu, fi kwalunkwe forma, kopji ta', jew siltiet minn, tali kotba jew rekords u, fejn iqisu xieraq, li jkomplu jagħmlu tali tfittxijiet għall-informazzjoni u l-għażla ta' kopji jew siltiet fil-bini tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jew fi kwalunkwe bini deżinjat ieħor;

(d)  li jissiġillaw kwalunkwe bini tan-negozju kif ukoll kotba jew rekords għall-perijodu tal-ispezzjoni u sal-punt meħtieġ għall-ispezzjoni;

(e)  li jistaqsu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta' impriżi għal spjegazzjonijiet dwar fatti jew dokumenti marbuta mas-suġġett u mal-għan tal-ispezzjoni u biex jieħdu rekord tat-tweġibiet.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi jkunu meħtieġa joqogħdu għall-ispezzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li meta impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi topponi spezzjoni li tkun ġiet ordnata minn awtorità amministrattiva nazzjonali tal-kompetizzjoni u/jew li tkun ġiet awtorizzata minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jiksbu l-assistenza meħtieġa tal-pulizija jew ta' awtorità ekwivalenti tal-infurzar sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni. Assistenza bħal din tista' tinkiseb ukoll bħala miżura ta' prekawzjoni.

3.  Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti skont il-liġi nazzjonali għall-awtorizzazzjoni minn qabel għal spezzjonijiet bħal dawn minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali

ARTIKOLU 7

Setgħa tal-ispezzjoni ta' bini ieħor

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk ikun jeżisti suspett raġonevoli li kotba jew rekords oħrajn marbuta man-negozju u mas-suġġett tal-ispezzjoni, li jistgħu jkunu rilevanti sabiex jiġi ppruvat ksur tal-Artikolu 101 jew l-Artikolu 102 TFUE, ikunu qed jinżammu fi kwalunkwe bini, art jew mezz tat-trasport għajr dawk imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) ta' din id-Direttiva, inkluż id-djar ta' diretturi, maniġers, u membri oħra tal-persunal tal-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi, l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jwettqu spezzjonijiet għal għarrieda fit-tali bini, biċċa art u mezz tat-trasport.

2.  Spezzjonijiet bħal dawn ma għandhomx jitwettqu mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel ta' awtorità ġudizzjarja nazzjonali.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom, awtorizzati jew maħtura mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex iwettqu spezzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu bħala minimu jkollhom is-setgħat stipulati fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(2).

Artikolu 8

Talbiet għall-informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu ▌ jitolbu lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta' impriżi jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE fi żmien speċifikat u raġonevoli. Tali talbiet għal informazzjoni għandhom ikunu proporzjonati u ma jistgħux iġiegħlu lid-destinatarji tat-talbiet biex jammettu ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. L-obbligu li jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa jkopri informazzjoni li tkun aċċessibbli għal tali impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi. L-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandu jkollhom ukoll is-setgħa li jitolbu lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika biex tipprovdi informazzjoni li tista' tkun rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE fi żmien speċifikat u raġonevoli.

Artikolu 9

Intervisti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni bħala minimu jkollhom is-setgħa li jsejħu kwalunkwe rappreżentant ta' impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi, kwalunkwe rappreżentant ta' persuni ġuridiċi oħrajn, u kwalunkwe persuna fiżika, fejn tali rappreżentant jew persuna jista' jkollha informazzjoni rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, biex tippreżenta ruħha għal intervista.

Artikolu 10

Konstatazzjoni u terminazzjoni tal-ksur

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jikkonstataw ▌ ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, dawn ikunu jistgħu permezz ta' deċiżjoni jitolbu lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta' impriżi kkonċernati sabiex itemmu dak il-ksur. Għal dan il-għan, huma jistgħu jimponu kwalunkwe rimedju ta' aġir jew strutturali li jkun proporzjonat għall-ksur imwettaq u neċessarju sabiex effettivament jintemm il-ksur. Meta jagħżlu bejn żewġ rimedji ugwalment effettivi, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom jagħżlu r-rimedju li jkollu l-inqas piż fuq l-impriża, f'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom is-setgħa li jikkonstataw li ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE ikun twettaq fil-passat.

2.  Meta, wara li jkunu infurmaw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jiddeċiedu li ma hemm l-ebda raġuni biex ikomplu l-proċedimenti ta' infurzar u b'konsegwenza jagħlqu dawk il-proċedimenti ta' infurzar, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

Artikolu 11

Miżuri proviżorji

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ▌nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom is-setgħa li jaġixxu fuq l-inizjattiva proprja tagħhom biex jordnaw permezz ta' deċiżjoni l-impożizzjoni ta' miżuri proviżorji fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi, tal-anqas f'każijiet fejn ikun hemm urġenza minħabba r-riskju ta' dannu gravi u irreparabbli għall-kompetizzjoni, abbażi ta' konstatazzjoni prima facie ta' ksur tal-Artikolu 101 jew tal-Artikolu 102 TFUE. Deċiżjoni bħal din għandha tkun proporzjonata u għandha tapplika jew għal perijodu ta' żmien speċifikat, li jista' jiġġedded sakemm dan ikun meħtieġ u xieraq, jew inkella sakemm tittieħed id-deċiżjoni finali. L-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom jinfurmaw lin-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni dwar l-impożizzjoni ta' dawk il-miżuri proviżorji.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-legalità, inkluż il-proporzjonalità, tal-miżuri proviżorji msemmija fil-paragrafu 1 tista' tiġi riveduta fi proċeduri ta' appell mħaffa.

Artikolu 12

Impenji

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi proċedimenti ta' infurzar mibdija bil-ħsieb li tiġi adottata deċiżjoni li tesiġi t-temma ta' ksur tal-Artikolu 101 jew tal-Artikolu 102 TFUE, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu, wara li b'mod formali jew informali jitolbu l-opinjonijiet tal-parteċipanti fis-suq, permezz ta' deċiżjoni jrendu ▌vinkolanti l-impenji offruti minn impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi, fejn dawn l-impenji jindirizzaw it-tħassib espress mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Deċiżjoni bħal din tista' tiġi adottata għal perijodu speċifikat, u għandha tikkonkludi li ma jkunx għad hemm raġunijiet għal azzjoni mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kkonċernata.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom setgħat effettivi biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-impenji msemmija fil-paragrafu 1.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jerġgħu jiftħu proċedimenti ta' infurzar fejn kien hemm bidliet materjali fi kwalunkwe wieħed mill-fatti li fuqhom kienet ibbażata deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, fejn l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi jaġixxu b'mod li jmur kontra l-impenji tagħhom, jew fejn id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 kienet ibbażata fuq informazzjoni mogħtija mill-partijiet li kienet mhux kompleta, inkorretta jew qarrieqa.

KAPITOLU V

MULTI U PAGAMENTI PERJODIĊI TA' PENALI

Artikolu 13

Multi fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi

1.  ▌L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jew jimponu permezz ta' deċiżjoni fi proċedimenti ta' infurzar tagħhom stess, jew inkella jitolbu fi proċedimenti ġudizzjarji mhux kriminali, l-impożizzjoni ta' multi effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi fejn, b'intenzjoni jew b'negliġenza, dawn jiksru l-Artikolu 101 jew 102 TFUE.

2.  ▌L-Istati Membri għandhom jiżguraw bħala minimu li l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jew jimponu permezz ta' deċiżjoni fi proċedimenti ta' infurzar tagħhom stess, jew inkella jitolbu fi proċedimenti ġudizzjarji mhux kriminali, l-impożizzjoni ta' multi effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi. Tali multi għandhom ikunu ddeterminati b'mod proporzjonali għall-fatturat dinji totali tagħhom, fejn b'intenzjoni jew b'negliġenza:

(a)  jonqsu milli joqogħdu għall-ispezzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 6;

(b)  ikunu nkisru s-siġilli mwaħħla mill-uffiċjali jew persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati jew maħtura mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kif imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 6(1);

(c)  bi tweġiba għal mistoqsija msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 6(1), jagħtu tweġiba inkorretta jew qarrieqa, ma jagħtux jew jirrifjutaw li jagħtu tweġiba kompluta ▌;

(d)  jagħtu informazzjoni inkorretta, mhux kompleta jew qarrieqa bi tweġiba għal talba ▌ imsemmija fl-Artikolu 8 jew ma jipprovdux l-informazzjoni fil-limitu ta' żmien speċifikat;

(e)  jonqsu milli jippreżentaw ruħhom għal intervista msemmija fl-Artikolu 9;

(f)  jonqsu milli jikkonformaw ma' deċiżjoni msemmija fl-Artikoli 10, 11 u 12.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedimenti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jippermettu l-impożizzjoni ta' multi effettivi, proporzjonati u dissważivi.

4.  Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali li jippermettu l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet fi proċedimenti ġudizzjarji kriminali dment li l-applikazzjoni ta' dawn il-liġijiet ma taffettwax l-infurzar effettiv u uniformi tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kunċett ta' impriża jiġi applikat għall-fini tal-impożizzjoni ta' multi fuq kumpanniji omm u suċċessuri legali u ekonomiċi tal-impriżi.

Artikolu 14

Kalkolu tal-multi

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni iqisu kemm il-gravità kif ukoll id-durata tal-ksur meta jiddeterminaw l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta għal ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jieħdu kont tal-kumpens imħallas b'riżultat ta' riżoluzzjoni kunsenswali meta jiddeterminaw l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta għal ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, f'konformità mal-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2014/104/UE.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn multa għal ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE tiġi imposta fuq assoċjazzjoni ta' impriżi b'kont meħud tal-fatturat tal-membri tagħha u l-assoċjazzjoni ma tkunx solventi, l-assoċjazzjoni tkun obbligata titlob kontribuzzjonijiet mill-membri tagħha biex tkopri l-ammont tal-multa.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ma jitħallsux b'mod sħiħ lill-assoċjazzjoni ta' impriżi fil-limitu ta' żmien iffissat mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jesiġu l-pagament tal-▌multa direttament minn kwalunkwe waħda mill-impriżi li r-rappreżentanti tagħha kienu membri tal-korpi deċiżjonali ta' dik l-assoċjazzjoni. Fejn ikun neċessarju biex jiġi żgurat il-pagament sħiħ tal-multa, wara li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu talbu l-pagament minn tali impriżi, jistgħu wkoll jesiġu l-pagament tal-ammont pendenti tal-multa minn kwalunkwe membru tal-assoċjazzjoni li kien attiv fis-suq li fih kien sar il-ksur. Madankollu, il-pagament skont dan il-paragrafu ma għandux ikun meħtieġ mingħand dawk l-impriżi li juru li ma kinux implimentaw id-deċiżjoni ta' ksur tal-assoċjazzjoni, u li ma kinux jafu bl-eżistenza tagħha jew inkella kienu attivament tbiegħdu minnha qabel ma bdiet l-investigazzjoni.

Artikolu 15

Ammont massimu tal-multa

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ▌l-ammont massimu tal-multa li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jimponu fuq kull impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi li tipparteċipa fi ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE ikun mhux inqas minn 10 % tal-fatturat totali dinji tal-impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi fis-sena finanzjarja preċedenti għad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 13(1).

2.  Meta ksur minn assoċjazzjoni ta' impriżi jkun jirrigwarda l-attivitajiet tal-membri tagħha, l-ammont massimu tal-multa għandu jkun mhux inqas minn 10 % tas-somma tal-fatturat totali dinji ta' kull membru attiv fis-suq affettwat mill-ksur tal-assoċjazzjoni. Madankollu, ir-responsabbiltà finanzjarja ta' kull impriża fir-rigward tal-pagament tal-multa ma għandhiex taqbeż l-ammont massimu stabbilit skont il-paragrafu 1.

Artikolu 16

Pagamenti perjodiċi ta' penali

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu, permezz ta' deċiżjoni, jimponu pagamenti perjodiċi ta' penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi. Tali pagamenti perjodiċi ta' penali għandhom jiġu ddeterminati b'mod proporzjonali għall-fatturat dinji totali medju ta' kuljum ta' tali impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi fis-sena finanzjarja preċedenti għal kull jum u kkalkolat mid-data ffissata b'dik id-deċiżjoni sabiex dawk l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi ikunu mġiegħla li mill-inqas:

(a)  jipprovdu informazzjoni sħiħa u korretta bi tweġiba għal talba imsemmija fl-Artikolu 8,

(b)  jippreżentaw ruħhom għall-intervista msemmija fl-Artikolu 9.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu, permezz ta' deċiżjoni, jimponu pagamenti perjodiċi ta' penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi. Tali pagamenti perjodiċi ta' penali għandhom jiġu ddeterminati b'mod proporzjonali għall-fatturat dinji totali medju ta' kuljum ta' tali impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi fis-sena finanzjarja preċedenti għal kull jum u kkalkolat mid-data ffissata b'dik id-deċiżjoni sabiex ikunu mġiegħla li mill-inqas:

(a)  joqogħdu għall-ispezzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 6(2);

(b)  jikkonformaw ma' deċiżjoni msemmija fl-Artikoli 10, 11 u 12.

KAPITOLU VI

PROGRAMMI TA' KLEMENZA GĦALL-KARTELLI SIGRIETI

Artikolu 17

Immunità mill-multi

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom fis-seħħ programmi ta' klemenza li jippermettulhom jagħtu immunità mill-multi lill-impriżi li jkunu żvelaw il-parteċipazzjoni tagħhom f'kartelli sigrieti. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jkollhom fis-seħħ programmi ta' klemenza għal ksur ieħor għajr kartelli sigrieti jew programmi ta' klemenza li jippermettulhom jagħtu immunità mill-multi lil persuni fiżiċi.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-immunità mill-multi tingħata biss fejn l-impriża:

(a)  tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19;

(b)  tiżvela l-parteċipazzjoni tagħha f'kartell sigriet; u

(c)  tkun l-ewwel li tissottometti evidenza li:

(i)  fil-mument li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tirċievi l-applikazzjoni, tippermetti lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni twettaq spezzjoni mmirata b'rabta mal-kartell sigriet, dment li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma kellhiex diġà fil-pussess tagħha evidenza biżżejjed biex twettaq tali spezzjoni jew ma kinitx diġà wettqet tali spezzjoni; jew

(ii)  fil-fehma tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, tkun biżżejjed biex tikkonstata ksur kopert mill-programm ta' klemenza, dment li l-awtorità ▌għad ma kellhiex fil-pussess tagħha biżżejjed evidenza biex tikkonstata tali ksur u li l-ebda impriża oħra ma tkun ikkwalifikat qabel għall-immunità mill-multi skont il-punt (i) fir-rigward ta' dak il-kartell sigriet.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi kollha jkunu eliġibbli għall-immunità mill-multi, bl-eċċezzjoni ta' impriżi li jkunu ħadu passi sabiex iġiegħlu impriżi oħra jingħaqdu ma' kartell sigriet jew li jibqgħu fih.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jinfurmaw lill-applikant dwar jekk ingħatax l-immunità kondizzjonali mill-multi jew le. L-applikant jista' jitlob li jiġi infurmat mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni bir-riżultat tal-applikazzjoni tiegħu bil-miktub. F'każijiet fejn l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tirrifjuta applikazzjoni għall-immunità mill-multi, l-applikant ikkonċernat jista' jitlob lil dik l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni biex tikkunsidra l-applikazzjoni tiegħu bħala applikazzjoni għal tnaqqis tal-multi.

Artikolu 18

Tnaqqis tal-multi

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom fis-seħħ programmi ta' klemenza li jippermettulhom jagħtu tnaqqis tal-multi lill-impriżi li ma jikkwalifikawx għall-immunità mill-multi. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jkollhom fis-seħħ programmi ta' klemenza għal ksur ieħor għajr il-kartelli sigrieti jew programmi ta' klemenza li jippermettulhom jagħtu tnaqqis tal-multi lil persuni fiżiċi.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tnaqqis tal-multi jingħata biss jekk l-applikant:

(a)  jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19;

(b)  jiżvela l-parteċipazzjoni tiegħu f'kartell sigriet; u

(c)  jissottometti evidenza tal-kartell sigriet allegat li tkun tirrappreżenta valur miżjud sinifikanti għall-finijiet tal-prova ta' ksur kopert mill-programm ta' klemenza, meta mqabbla mal-evidenza li diġà jkollha l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-mument tal-applikazzjoni.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk l-applikant ▌jissottometti evidenza konvinċenti li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tuża ▌ biex tipprova fatti addizzjonali li jwasslu għal żieda fil-multi meta mqabbla mal-multi li kieku kienu jiġu imposti fuq il-parteċipanti fil-kartell sigriet, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma għandhiex tieħu kont ta' tali fatti addizzjonali meta tistabbilixxi kwalunkwe multa li għandha tiġi imposta fuq l-applikant għat-tnaqqis tal-multi li jkun ipprovda din l-evidenza.

Artikolu 19

Kondizzjonijiet ġenerali għall-klemenza

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sabiex jikkwalifika għall-klemenza minħabba parteċipazzjoni f'kartelli sigrieti, l-applikant ikun obbligat jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)  ikun temm l-involviment tiegħu fil-kartell sigriet allegat mhux aktar tard minn immedjatament wara l-applikazzjoni għall-klemenza tiegħu, ħlief għal dak li, fil-fehma tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kompetenti, ikun raġonevolment neċessarju sabiex tiġi ppreservata l-integrità tal-investigazzjoni tiegħu;

(b)  jikkoopera ġenwinament, b'mod sħiħ, fuq bażi kontinwa u mingħajr dewmien mal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni mill-mument tal-applikazzjoni tiegħu sakemm l-awtorità tkun għalqet il-proċedimenti ta' infurzar tagħha kontra l-partijiet kollha taħt investigazzjoni billi tadotta deċiżjoni jew tkun temmet b'mod ieħor il-proċedimenti ta' infurzar tagħha; tali kooperazzjoni tinkludi:

(i)  il-forniment mingħajr dewmien lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-informazzjoni u l-evidenza kollha rilevanti fir-rigward tal-kartell sigriet allegat li tiġi fil-pussess tal-applikant jew li tkun aċċessibbli għalih, b'mod partikolari:

—  l-isem u l-indirizz tal-applikant;

—  l-ismijiet tal-impriżi kollha l-oħra li jipparteċipaw jew li pparteċipaw fil-kartell sigriet allegat;

—  deskrizzjoni dettaljata tal-kartell sigriet allegat, inkluż il-prodotti affettwati, it-territorji affettwati, id-durata. u n-natura tal-aġir tal-kartell sigriet allegat;

—  informazzjoni dwar kwalunkwe applikazzjoni għall-klemenza fil-passat jew li tista' ssir fil-futur lil awtoritajiet tal-kompetizzjoni oħra jew awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' pajjiżi terzi b'rabta mal-kartell sigriet allegat;

(ii)  li jibqa' disponibbli għall-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni sabiex iwieġeb għal kwalunkwe rikjesta li tista' tikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-fatti;

(iii)  li jagħmel id-diretturi, il-maniġers u membri oħra tal-persunal disponibbli għal intervisti mal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u li jagħmel sforzi raġonevoli biex jagħmel id- ▌diretturi preċedenti, il- maniġers preċedenti u l-membri tal-persunal oħrajn preċedenti disponibbli għal intervisti mal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni;

(iv)  li ma jeqridx, jiffalsifika jew jaħbi informazzjoni jew evidenza rilevanti; u

(v)  li ma jiżvelax il-fatti tal-applikazzjoni jew l-ebda kontenut tal-applikazzjoni għall-klemenza tiegħu qabel ma l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tkun ħarġet l-oġġezzjonijiet għall-proċedimenti ta' infurzar quddiemha, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor; u

(c)  waqt li jkun qed jikkunsidra jippreżenta applikazzjoni għall-klemenza lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jridx ikun:

(i)  qered, iffalsifika jew ħeba evidenza tal-kartell sigriet allegat; jew

(ii)  żvela l-fatt tal-applikazzjoni kkontemplata tiegħu, jew xi kontenut tagħha, ħlief lil awtoritajiet tal-kompetizzjoni oħrajn jew awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' pajjiżi terzi.

Artikolu 20

Forma tad-dikjarazzjonijiet ta' klemenza

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkunu jistgħu jissottomettu dikjarazzjonijiet ta' klemenza, b'rabta ma' applikazzjonijiet sħaħ jew fil-qosor, bil-miktub, u għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom ukoll sistema fis-seħħ li tippermettilhom jaċċettaw tali dikjarazzjonijiet f'forma orali jew inkella b'mezzi oħrajn li jippermettu lill-applikanti ma jiħdux pussess, kustodja, jew kontroll ta' dawn id-dikjarazzjonijiet sottomessi.

2.  Jekk mitlub mill-applikant, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għandha tikkonferma li tkun irċeviet l-applikazzjonijiet sħaħ jew fil-qosor bil-miktub, b'indikazzjoni tad-data u l-ħin tar-riċevuta.

3.  L-applikanti għandhom ikunu jistgħu jissottomettu dikjarazzjonijiet ta' klemenza relatati ma' applikazzjonijiet sħaħ jew fil-qosor bil-lingwa uffiċjali, jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali, tal-Istat Membru tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kkonċernata, jew b'lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni maqbula b'mod bilaterali bejn l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-applikant.

Artikolu 21

Indikaturi għall-applikazzjonijiet għall-immunità mill-multi

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jixtiequ japplikaw għall-immunità mill-multi jistgħu inizjalment jingħataw post fil-kjù għall-klemenza, fejn huma jitolbu dan, għal perijodu ▌speċifikat, każ b'każ, mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, sabiex l-applikant ikun jista' jiġbor l-informazzjoni u l-evidenza neċessarji sabiex jissodisfa l-livell ta' evidenza rilevanti għall-immunità mill-multi.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom id-diskrezzjoni jekk jissodisfawx it-talba skont il-paragrafu 1 jew le.

Impriża li tissottometti talba bħal din għandha tipprovdi l-informazzjoni, fejn disponibbli, lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, bħal:

(a)  l-isem u l-indirizz tal-applikant;

(b)  il-bażi għat-tħassib li wassal għat-talba;

(c)  l-ismijiet tal-impriżi kollha l-oħra li jipparteċipaw jew ipparteċipaw fil-kartell sigriet allegat;

(d)  il-prodotti u t-territorji affettwati;

(e)  id-durata u n-natura tal-aġir tal-kartell sigriet allegat;

(f)  informazzjoni dwar kull applikazzjoni għall-klemenza fil-passat jew li tista' tiġi ppreżentata fil-futur lil awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni oħra jew awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' pajjiżi terzi b'rabta mal-kartell sigriet allegat.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni u evidenza pprovduta mill-applikant fil-perijodu speċifikat skont il-paragrafu 1 titqies li tkun ġiet sottomessa fil-mument tat-talba inizjali.

4.  L-applikant għandu jkun jista' jissottometti talba skont il-paragrafu 1 bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kkonċernata jew b'lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni maqbula b'mod bilaterali bejn l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-applikant.

5.  L-Istati Membri jistgħu jipprevedu wkoll il-possibbiltà li l-impriżi li jixtiequ jagħmlu applikazzjoni għat-tnaqqis tal-multi inizjalment ikunu jistgħu jitolbu post fil-kjù għall-klemenza.

Artikolu 22

Applikazzjonijiet fil-qosor

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jaċċettaw applikazzjonijiet fil-qosor mingħand applikanti li jkunu applikaw mal-Kummissjoni għall-klemenza, jew billi applikaw għal indikatur jew inkella billi ssottomettew applikazzjoni sħiħa ▌ b'rabta mal-istess kartell sigriet allegat, dment li dawk l-applikazzjonijiet ikopru iktar minn tliet Stati Membri bħala territorji affettwati.

2.  L-applikazzjonijiet fil-qosor għandhom jikkonsistu minn deskrizzjoni qasira ta' kull wieħed minn dawn li ġejjin ▌:

(a)  l-isem u l-indirizz tal-applikant;

(b)  l-ismijiet tal-partijiet l-oħra fil-kartell sigriet allegat;

(c)  il-prodotti u territorji affettwati;

(d)  id-durata u n-natura tal-aġir tal-kartell sigriet allegat;

(e)  l-Istat Membru jew l-Istati Membri fejn x'aktarx tkun tinsab l-evidenza tal-kartell sigriet allegat; u

(f)  informazzjoni dwar kull applikazzjoni għall-klemenza fil-passat jew li tista' tiġi ppreżentata fil-futur lil awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni oħra jew awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' pajjiżi terzi, tal-applikant, b'rabta mal-kartell sigriet allegat.

3.   Fejn il-Kummissjoni tirċievi applikazzjoni sħiħa u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jirċievu applikazzjonijiet fil-qosor rigward l-istess kartell allegat, il-Kummissjoni għandha tkun l-interlokutur ewlieni tal-applikant, fil-perijodu qabel ma jsir ċar jekk il-Kummissjoni għandhiex l-intenzjoni li ssegwi l-każ b'mod sħiħ jew parzjali, b'mod partikolari fil-provvediment ta' struzzjonijiet lill-applikant dwar it-twettiq ta' kwalunkwe investigazzjoni interna ulterjuri. F'dan il-perijodu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kkonċernati dwar is-sitwazzjoni attwali fuq talba tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jitolbu lill-applikant biex jipprovdi kjarifiki speċifiċi biss fir-rigward tal-punti stipulati fil-paragrafu 2 qabel ma jitolbu li tiġi sottomessa applikazzjoni sħiħa skont il-paragrafu 5.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jirċievu applikazzjonijiet fil-qosor jivverifikaw jekk ikunux diġà rċevew applikazzjoni ▌ fil-qosor jew sħiħa minn applikant ieħor b'rabta mal-istess kartell sigriet allegat fil-mument li jirċievu tali applikazzjonijiet. Jekk awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tkunx irċeviet tali applikazzjoni minn applikant ieħor u tqis li l-applikazzjoni fil-qosor tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 2, hija għandha tinforma lill-applikant b'dan.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, ladarba l-Kummissjoni tkun infurmat lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kkonċernati li mhix biħsiebha ssegwi l-każ b'mod sħiħ jew parzjali, l-applikanti jingħataw l-opportunità li jissottomettu applikazzjonijiet sħaħ ▌ lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kkonċernati. Huwa biss f''ċirkostanzi eċċezzjonali, meta jkun strettament meħtieġ għad-delineazzjoni jew għall-allokazzjoni ta' każ, li awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tkun tista' titlob lill-applikant biex jippreżenta l-applikazzjoni sħiħa qabel ma l-Kummissjoni tkun infurmat lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kkonċernati li mhix biħsiebha ssegwi l-każ b'mod sħiħ jew parzjali. L-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandu jkollhom is-setgħa li jispeċifikaw perijodu raġonevoli sa meta l-applikant ikollu jissottometti l-applikazzjoni sħiħa flimkien mal-evidenza u l-informazzjoni korrispondenti. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-applikant li volontarjament jissottometti applikazzjoni sħiħa fi stadju aktar bikri.

6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk l-applikant jissottometti l-applikazzjoni sħiħa f'konformità mal-paragrafu 5, fil-perijodu speċifikat mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni sħiħa titqies li tkun ġiet sottomessa fil-ħin tal-applikazzjoni fil-qosor, dment li l-applikazzjoni fil-qosor tkun tkopri l-istess prodott(i) u territorju/i affettwati, kif ukoll l-istess durata tal-kartell sigriet allegat, bħal fl-applikazzjoni għall-klemenza ppreżentata lill-Kummissjoni, li setgħet ġiet aġġornata.

Artikolu 23

Interazzjoni bejn applikazzjonijiet għall-immunità mill-multi u sanzjonijiet fuq persuni fiżiċi

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-▌diretturi, il-maniġers u membri oħra tal-persunal, attwali u preċedenti, tal-applikanti lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għall-immunità mill-multi jkunu protetti b'mod sħiħ mis-sanzjonijiet ▌imposti fi proċedimenti amministrattivi u ġudizzjarji mhux kriminali, b'rabta mal-involviment tagħhom fil-kartell sigriet kopert mill-applikazzjoni għall-immunità mill-multi, għall-ksur ta' liġijiet nazzjonali li jsegwu prinċipalment l-istess objettivi bħal dawk segwiti mill-Artikolu 101 TFUE, jekk:

(a)  l-applikazzjoni għal immunità mill-multi tal-impriża lill-awtorità tal-kompetizzjoni li qed issegwi l-każ tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 17(2);

(b)  dawk id-diretturi, maniġers u membri oħra tal-persunal attwali u preċedenti jikkooperaw b'mod attiv f'dan ir-rigward mal-awtorità tal-kompetizzjoni li tkun qed issegwi l-każ; u

(c)  l-applikazzjoni għal immunità mill-multi tal-impriża ssir qabel il-mument li dawk id-diretturi, il-maniġers u l-membri l-oħra tal-persunal attwali u preċedenti kkonċernati jkunu ġew infurmati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bil-proċeduri li jwasslu għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet imsemmija f'dan il-paragrafu.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-diretturi, il-maniġers u membri oħra tal-persunal, attwali u preċedenti, tal-applikanti lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għall-immunità mill-multi jkunu protetti mis-sanzjonijiet imposti fi proċedimenti kriminali, b'rabta mal-involviment tagħhom fil-kartell sigriet kopert mill-applikazzjoni għall-immunità mill-multi, għall-ksur ta' liġijiet nazzjonali li jsegwu prinċipalment l-istess objettivi bħal dawk segwiti mill-Artikolu 101 TFUE, jekk jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 u jikkooperaw b'mod attiv mal-awtorità ta' prosekuzzjoni kompetenti. Jekk il-kondizzjoni ta' kooperazzjoni mal-awtorità ta' prosekuzzjoni kompetenti ma tkunx issodisfata, dik l-awtorità ta' prosekuzzjoni kompetenti tista' tipproċedi bl-investigazzjoni.

3.  Sabiex tiġi żgurata konformità mal-prinċipji bażiċi eżistenti tas-sistema legali tagħhom, b'deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu ma jimponux sanzjoni jew inkella jkunu jistgħu jimmitigaw biss is-sanzjoni li għandha tiġi imposta fi proċedimenti kriminali sal-miżura li l-kontribut tal-individwi, imsemmija fil-paragrafu 2, għad-detezzjoni u l-investigazzjoni tal-kartell sigriet jipprevali fuq l-interess marbut mal-prosekuzzjoni u/jew is-sanzjonar ta' dawk l-individwi.

4.  Sabiex il-protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 tkun tista' tiffunzjona f'sitwazzjonijiet fejn tkun involuta iktar minn ġurisdizzjoni waħda, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li f'każijiet fejn l-awtorità kompetenti ta' sanzjoni jew ta' prosekuzzjoni tkun f'ġurisdizzjoni differenti minn dik tal-awtorità tal-kompetizzjoni li qed issegwi l-każ, il-kuntatti meħtieġa bejniethom għandhom ikunu żgurati mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-awtorità kompetenti ta' sanzjoni jew ta' prosekuzzjoni.

5.  Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-vittmi li jkunu sofrew dannu kkawżat minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni li jitolbu kumpens sħiħ għal dak id-dannu, f'konformità mad-Direttiva 2014/104/UE.

KAPITOLU VII

ASSISTENZA REĊIPROKA

Artikolu 24

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jwettqu spezzjoni jew intervista f'isem u għall-kont ta' awtoritajiet nazzjonali oħra tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati jew maħtura mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni applikanti għandhom jitħallew jattendu u jassistu attivament lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li ssirilha t-talba, taħt is-superviżjoni tal-uffiċjali tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li ssirilha t-talba, fl-ispezzjoni jew intervista meta l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li ssirilha t-talba teżerċita s-setgħat imsemmija fl-Artikoli 6, 7 u 9 ta' din id-Direttiva.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom is-setgħa li fit-territorju tagħhom stess jeżerċitaw is-setgħat imsemmija fl-Artikoli 6 sa 9 ta' din id-Direttiva, f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom f'isem u għall-kont ta' awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni oħra sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm xi nuqqas min-naħa tal-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi milli jikkonformaw mal-miżuri investigattivi u d-deċiżjonijiet tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni applikanti, kif imsemmi fl-Artikoli 6 u 8 sa 12 ta' din id-Direttiva. L-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni applikanti u l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li ssirilha t-talba għandu jkollhom is-setgħa li jiskambjaw u jużaw l-informazzjoni bħala evidenza għal dan il-għan, soġġett għas-salvagwardji stipulati fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

Artikolu 25

Talbiet għan-notifika ta' oġġezzjonijiet preliminari u dokumenti oħrajn

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe forma oħra ta' notifika magħmula minn awtorità applikanti f'konformità mar-regoli fis-seħħ fl-Istat Membru tagħha, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tinnotifika lid-destinatarju f'isem l-awtorità applikanti:

(a)  kwalunkwe oġġezzjoni preliminari għall-ksur allegat tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE u kwalunkwe deċiżjoni li tapplika dawk l-Artikoli ▌;

(b)  kwalunkwe att proċedurali ieħor adottat fil-kuntest tal-proċedimenti ta' infurzar li għandhom jiġu notifikati f'konformità mal-liġi nazzjonali; u

(c)  kwalunkwe dokument rilevanti ieħor relatat mal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, inkluż dokumenti relatati mal-infurzar ta' deċiżjonijiet li jimponu multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali.

Artikolu 26

Talbiet għall-infurzar ta' deċiżjonijiet li jimponu multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tinforza d-deċiżjonijiet li jimponu multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali adottati f'konformità mal-Artikoli 13 u 16 mill-awtorità applikanti. Dan għandu japplika biss sakemm, wara li tkun għamlet sforzi raġonevoli fit-territorju tagħha stess, l-awtorità applikanti tkun aċċertat li l-impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi li kontriha tkun infurzabbli l-multa jew il-pagament perjodiku ta' penali ▌ ma jkollhiex biżżejjed assi fl-Istat Membru tal-awtorità applikanti biex ikun jista' jsir l-irkupru ta' tali multa jew pagament perjodiku ta' penali.

2.  Għal każijiet mhux koperti mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, f'każijiet partikolari fejn l-impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi li kontriha tkun infurzabbli l-multa jew il-pagament perjodiku ta' penali ma tkunx stabbilita fl-Istat Membru tal-awtorità applikanti, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtorità li ssirilha t-talba tista' tinforza deċiżjonijiet li jimponu multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali adottati f'konformità mal-Artikoli 13 u 16 mill-awtorità applikanti, meta l-awtorità applikanti titlob dan.

Il-punt (d) tal-Artikolu 27(3) ma għandux japplika għall-finijiet ta' dan il-paragrafu.

3.  L-awtorità applikanti tista' titlob l-infurzar ta' deċiżjoni finali biss.

4.  Kwistjonijiet li jirrigwardaw il-perijodi ta' limitazzjoni għall-infurzar ta' multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali għandhom ikunu regolati mil-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità applikanti.

Artikolu 27

Prinċipji ġenerali tal-kooperazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li -talbiet kif imsemmija fl-Artikoli 25 u 26 jiġu eżegwiti mill-awtorità li ssirilha t-talba f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba.

2.  It-talbiet imsemmija fl-Artikoli 25 u 26 għandhom jiġu eżegwiti mingħajr dewmien bla bżonn permezz ta' strument uniformi li għandu jkun akkumpanjat minn kopja tal-att li għandu jiġi nnotifikat jew infurzat. Tali strument uniformi għandu jindika:

(a)  l-isem, l-indirizz magħruf tad-destinatarju, u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra għall-identifikazzjoni tad-destinatarju;

(b)  sommarju tal-fatti u taċ-ċirkostanzi rilevanti;

(c)  sommarju tal-kopja tal-att mehmuż li għandu jiġi nnotifikat jew infurzat;

(d)  l-isem, l-indirizz u dettalji oħra ta' kuntatt tal-awtorità li ssirilha t-talba; u

(e)  il-perijodu li fih għandha ssir in-notifika jew isir l-infurzar, bħal skadenzi statutorji jew perijodi ta' limitazzjoni.

3.  Rigward talbiet imsemmija fl-Artikolu 26, minbarra r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-istrument uniformi għandu jipprovdi dan li ġej:

(a)  informazzjoni dwar id-deċiżjoni li tippermetti l-infurzar fl-Istat Membru tal-awtorità applikanti;

(b)  id-data meta d-deċiżjoni tkun saret finali;

(c)  l-ammont tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta' penali; u

(d)  informazzjoni li turi l-isforzi raġonevoli magħmula mill-awtorità applikanti biex tinforza d-deċiżjoni fit-territorju tagħha stess.

4.  L-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar mill-awtorità li ssirilha t-talba għandu jikkostitwixxi l-unika bażi għall-miżuri ta' infurzar meħuda mill-awtorità li ssirilha t-talba, soġġett għar-rekwiżiti tal-paragrafu 2. Dan ma għandux ikun soġġett għal kwalunkwe att ta' rikonoxximent, ta' suppliment jew ta' sostituzzjoni fl-Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' din it-talba, sakemm l-awtorità li ssirilha t-talba ma tinvokax il-paragrafu 6.

5.  L-awtorità applikanti għandha tiżgura li l-istrument uniformi jintbagħat lill-awtorità li ssirilha t-talba bil-lingwa uffiċjali, jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali, tal-Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba, sakemm l-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità applikanti ma jaqblux bilateralment, każ b'każ, li l-istrument uniformi jista' jintbagħat b'lingwa oħra. Fejn meħtieġ skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba, l-awtorità applikanti għandha tipprovdi traduzzjoni tal-att li għandu jiġi notifikat jew id-deċiżjoni li tippermetti l-infurzar tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta' penali bil-lingwa uffiċjali, jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali, tal-Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità applikanti li jaqblu bilateralment, każ b'każ, li t-traduzzjoni tista' tkun b'lingwa oħra.

6.  L-awtorità li ssirilha t-talba ma għandhiex tkun obbligata teżegwixxi talba msemmija fl-Artikolu 25 jew 26 jekk:

(a)  it-talba ma tikkonformax mar-rekwiżiti ta' dan l-Artikolu; jew

(b)  l-awtorità li ssirilha t-talba tkun tista' turi li jkun hemm raġunijiet raġonevoli li juru li l-eżekuzzjoni tat-talba tkun manifestament kuntrarja għall-ordni pubbliku fl-Istat Membru li fih qed jintalab l-infurzar.

Jekk l-awtorità li ssirilha t-talba tkun biħsiebha tirrifjuta talba għall-assistenza msemmija fl-Artikolu 25 jew 26 jew teħtieġ informazzjoni addizzjonali, għandha tikkuntattja lill-awtorità applikanti.

7.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq talba tal-awtorità li ssirilha t-talba, l-awtorità applikanti ġġorr b'mod integrali l-ispejjeż addizzjonali kollha raġonevoli, inkluż it-traduzzjoni, ix-xogħol u l-ispejjeż amministrattivi, relatati mal-azzjonijiet meħuda kif imsemmi fl-Artikolu 24 jew 25.

8.  L-awtorità li ssirilha t-talba tista' tirkupra b'mod integrali l-ispejjeż mġarrba b'rabta mal-azzjonijiet meħuda kif imsemmi fl-Artikolu 26 mill-multi jew il-pagamenti perjodiċi ta' penali li tkun ġabret f'isem l-awtorità applikanti, inkluż it-traduzzjoni, ix-xogħol u l-ispejjeż amministrattivi. Jekk l-awtorità li ssirilha t-talba ma jirnexxilhiex tiġbor il-multi jew il-pagamenti perjodiċi ta' penali, tista' titlob lill-awtorità applikanti biex tħallas l-ispejjeż imġarrba.

L-Istati Membri huma liberi biex jipprevedu li l-awtorità li ssirilha t-talba tkun tista' tirkupra wkoll l-ispejjeż imġarrba b'rabta mal-infurzar ta' deċiżjonijiet bħal dawn mingħand l-impriża li kontriha tkun infurzabbli l-multa jew il-pagament perjodiku ta' penali.

L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tirkupra l-ammonti dovuti fil-munita tal-Istat Membru tagħha, f'konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri jew il-prattiki amministrattivi ta' dak l-Istat Membru.

L-awtorità li ssirilha t-talba għandha, jekk meħtieġ, f'konformità mal-liġi u l-prassi nazzjonali tagħha, tikkonverti l-multi jew il-pagamenti perjodiċi ta' penali għall-munita tal-Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba bir-rata ta' skambju li tkun tapplika fid-data meta jkunu ġew imposti l-multi jew il-pagamenti perjodiċi ta' penali.

Artikolu 28

Tilwimiet dwar it-talbiet għal notifika jew għall-infurzar ta' deċiżjonijiet li jimponu multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali

1.  Tilwimiet għandhom jaqgħu fil-kompetenza tal-korpi kompetenti tal-Istat Membru tal-awtorità applikanti, u għandhom ikunu regolati bil-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru, fejn jikkonċernaw:

(a)  il-legalità ta' att li għandu jiġi notifikat skont l-Artikoli 25 jew ta' deċiżjoni li għandha tiġi infurzata skont l-Artikolu 26; u

(b)  il-legalità tal-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba.

2.  Tilwimiet dwar il-miżuri ta' infurzar meħuda fl-▌Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba jew dwar il-validità ta' notifika magħmula mill-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jaqgħu fil-kompetenza tal-korpi kompetenti tal-▌Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba u għandhom ikunu regolati mil-liġi ta' dak l-Istat Membru.

KAPITOLU VIII

PERIJODI TA' LIMITAZZJONI

Artikolu 29

Regoli dwar il-perijodi ta' limitazzjoni għall-impożizzjoni ta' multi u pagamenti perjodiċi ta' penali

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perijodi ta' limitazzjoni għall-impożizzjoni ta' multi jew ta' pagamenti perjodiċi ta' penali mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni skont l-Artikoli 13 u 16 għandhom jiġu sospiżi jew interrotti għad-durata tal-proċedimenti ta' infurzar quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ta' Stati Membri oħra jew il-Kummissjoni fir-rigward ta' ksur li jirrigwarda l-istess ftehim, deċiżjoni ta' assoċjazzjoni, prattika miftiehma jew aġir ieħor ipprojbit mill-Artikolu 101 jew 102 TFUE.

Is-sospensjoni tal-perijodu ta' limitazzjoni għandha tibda, jew l-interruzzjoni tal-perijodu ta' limitazzjoni għandha ssir, min-notifika tal-ewwel miżura ta' investigazzjoni formali lil tal-inqas impriża waħda soġġetta għall-proċedimenti ta' infurzar. Din għandha tapplika għall-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi kollha li jkunu pparteċipaw fil-ksur.

Is-sospensjoni jew l-interruzzjoni għandha tintemm fil-jum li l-awtorità tal-kompetizzjoni kkonċernata tagħlaq il-proċedimenti ta' infurzar tagħha billi tieħu deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 10, 12 jew 13 ta' din id-Direttiva jew skont l-Artikolu 7, 9 jew 10 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, jew tkun ikkonkludiet li ma jkunx hemm raġunijiet għal aktar azzjoni min-naħa tagħha. Id-durata ta' tali sospensjoni jew interruzzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-perijodi assoluti ta' limitazzjoni previsti skont il-liġi nazzjonali.

2.  Il-perijodu ta' limitazzjoni għall-impożizzjoni ta' multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għandu jiġi sospiż jew interrott sakemm id-deċiżjoni ta' dik l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tkun is-suġġett ta' proċedimenti pendenti quddiem qorti ta' rieżami.

3.  Il-Kummissjoni għandha tiżgura li n-notifika tal-ewwel miżura investigattiva formali riċevuta minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 issir disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fi ħdan in-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni.

KAPITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 30

Rwol tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-kompetizzjoni quddiem il-qrati nazzjonali

1.  L-Istati Membri li jinnominaw kemm awtorità amministrattiva nazzjonali tal-kompetizzjoni ▌ kif ukoll awtorità ġudizzjarja nazzjonali tal-kompetizzjoni li jkunu responsabbli għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet quddiem l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jitressqu direttament mill-awtorità amministrattiva nazzjonali tal-kompetizzjoni.

2.  Fil-miżura li l-qrati nazzjonali jaġixxu fi proċedimenti mressqa kontra deċiżjonijiet ▌ meħuda minn awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jeżerċitaw is-setgħat imsemmija fil-Kapitolu IV u fl-Artikoli 13 u 16 ta' din id-Direttiva għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, inkluż l-infurzar ta' multi u pagamenti perjodiċi ta' penali imposti f'dak ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità amministrattiva nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollha d-dritt sħiħ li tipparteċipa kif xieraq bħala prosekutur, konvenut jew intimat f'dawn il-proċedimenti, u li tgawdi l-istess drittijiet bħall-partijiet pubbliċi f'dawn il-proċedimenti.

3.  L-awtorità amministrattiva nazzjonali tal-kompetizzjoni għandu jkollha s-setgħa li teżerċita l-istess drittijiet imsemmija fil-paragrafu 2 biex tappella kontra:

(a)  deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali li jaqtgħu sentenzi dwar deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kif imsemmi fil-Kapitolu IV u fl-Artikoli 13 u 16 ta' din id-Direttiva, li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, inkluż l-infurzar ta' multi u pagamenti perjodiċi ta' penali imposti f'dak ir-rigward; u

(b)  ir-rifjut ta' awtorità ġudizzjarja nazzjonali li tagħti awtorizzazzjoni minn qabel ta' spezzjoni imsemmija fl-Artikoli 6 u 7 ta' din id-Direttiva, sal-miżura li tali awtorizzazzjoni tkun meħtieġa.

Artikolu 31

Aċċess għall-fajl minn partijiet u limitazzjonijiet fuq l-użu tal-informazzjoni

1.  L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li fejn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni teħtieġ persuna fiżika biex tipprovdi informazzjoni abbażi tal-miżuri msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 6(1), l-Artikolu 8 jew l-Artikolu 9, dik l-informazzjoni ma għandhiex tintuża f'evidenza biex jiġu imposti sanzjonijiet fuq dik il-persuna fiżika jew fuq il-qraba viċini tagħha.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-uffiċjali u l-persunal tagħhom, u persuni oħra li jaħdmu taħt is-superviżjoni ta' dawn l-awtoritajiet, ma jiżvelawx l-informazzjoni li nkisbet abbażi tas-setgħat imsemmija f'din id-Direttiva u li tkun tat-tip kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali, ħlief fejn dan l-iżvelar huwa permess skont il-liġi nazzjonali.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-aċċess ▌għal dikjarazzjonijiet ta' klemenza jew sottomissjonijiet għal riżoluzzjoni jingħata biss lil partijiet soġġetti għall-proċedimenti rilevanti u għall-finijiet biss tal-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom tad-difiża ▌.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-parti li tkun kisbet l-aċċess għall-fajl tal-proċedimenti ta' infurzar tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tista' biss tuża l-informazzjoni meħuda mid-dikjarazzjonijiet ta' klemenza u sottomissjonijiet għal riżoluzzjoni fejn neċessarju biex teżerċita d-drittijiet tagħha tad-difiża fi proċedimenti quddiem il-qrati nazzjonali f'każijiet li jkunu direttament relatati mal-każ fejn ikun ingħata l-aċċess, u biss fejn tali proċedimenti jikkonċernaw:

(a)  l-allokazzjoni bejn il-parteċipanti f'kartell ta' multa imposta in solidum fuqhom minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni; jew

(b)  ir-rieżami ta' deċiżjoni li biha awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tkun ikkonstatat ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE jew tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kategoriji ta' informazzjoni li ġejjin miksuba minn parti waqt proċedimenti ta' infurzar quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma għandhomx jintużaw minn dik il-parti fi proċedimenti quddiem il-qrati nazzjonali sakemm l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tkunx għalqet il-proċedimenti tagħha fir-rigward tal-partijiet kollha taħt investigazzjoni bl-adozzjoni ta' deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 10 jew l-Artikolu 12 jew sakemm ma tkunx temmet il-proċedimenti tagħha b'xi mod ieħor:

(a)  informazzjoni li tkun ġiet ippreparata minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra speċifikament għall-proċedimenti ta' infurzar tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni; ▌

(b)  informazzjoni li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tkun ħejjiet u bagħtet lill-partijiet matul il-proċedimenti ta' infurzar tagħha; u

(c)  Sottomissjonijiet għal riżoluzzjoni li ġew irtirati.

6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dikjarazzjonijiet ta' klemenza għandhom jiġu skambjati biss bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003:

(a)  bil-kunsens tal-applikant; jew inkella

(b)  meta l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tkun irċeviet id-dikjarazzjonijiet ta' klemenza tkun ukoll irċeviet applikazzjoni għall-klemenza relatata mal-istess ksur mill-istess applikant bħall-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tkun ittrasmettiet id-dikjarazzjoni ta' klemenza, dment li, fil-mument li d-dikjarazzjonijiet ta' klemenza tiġi trasmessa, l-applikant ma jkunx jista' jirtira l-informazzjoni li jkun issottometta lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tirċievi l-applikazzjoni għall-klemenza.

7.  Il-forma li biha jiġu sottomessi d-dikjarazzjonijiet ta' klemenza skont l-Artikolu 20 ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tal-paragrafi 3 sa 6 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 32

Ammissibbiltà tal-evidenza quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tipi ta' provi li huma ammissibbli bħala evidenza quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jinkludu dokumenti, dikjarazzjonijiet bil-fomm, messaġġi elettroniċi, reġistrazzjonijiet u kull oġġett ieħor li jkun fih informazzjoni, irrispettivament mill-forma li tieħu u mill-mezz li fuqu tkun maħżuna l-informazzjoni.

Artikolu 33

Il-funzjonament tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni

1.  L-ispejjeż imġarrba mill-Kummissjoni b'rabta maż-żamma u l-iżvilupp tas-sistema ċentrali ta' informazzjoni tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni (Sistema tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni) u b'rabta mal-kooperazzjoni fin-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni għandhom jinġarru mill-baġit ġenerali tal-Unjoni fil-limitu tal-approprjazzjonijiet disponibbli.

2.  In-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni għandu jkun jista' jiżviluppa u, fejn xieraq, jippubblika l-aħjar prattiki u rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet bħalma huma l-indipendenza, ir-riżorsi, is-setgħat, il-multi u l-assistenza reċiproka.

KAPITOLU X

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 34

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva] ▌. Għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali ▌referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 35

Rieżami

Sa ... [sitt snin wara d-data tal-adozzjoni ta' din id-Direttiva], il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Meta xieraq, il-Kummissjoni tista' tirrevedi din id-Direttiva u, jekk meħtieġ, tippreżenta proposta leġislattiva.

Artikolu 36

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 37

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tieħu nota tat-test tal-Artikolu 11 dwar miżuri interim li sar bi qbil bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Il-miżuri interim jistgħu jkunu għodda ewlenija għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni biex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni ma tiġix ippreġudikata filwaqt li tkun għaddejja investigazzjoni.

Bil-ħsieb li jippermetti lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li jittrattaw b’mod aktar effettiv l-iżviluppi fi swieq li jinbidlu malajr, il-Kummissjoni timpenja ruħha li hija se twettaq analiżi ta’ jekk hemmx mezzi biex tissimplifika l-adozzjoni ta’ miżuri interim fin-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni fi żmien sentejn mid-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva. Ir-riżultati ta’ dan se jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(1)ĠU C 345, 13.10.2017, p. 70.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Novembru 2018.
(3)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).
(4)Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' penali finanzjarji (ĠU L 76, 22.3.2005, p. 16).
(5) Deċiżjoni (UE) 2015/2240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (Programm ISA2) bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 318, 4.12.2015, p. 1).
(6)ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Novembru 2018Avviż legali