Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2886(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0523/2018

Testi mressqa :

B8-0523/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/11/2018 - 14.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0456

Testi adottati
PDF 340kWORD 52k
L-Erbgħa, 14 ta' Novembru 2018 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Il-ħtieġa ta' mekkaniżmu komprensiv dwar id-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali
P8_TA-PROV(2018)0456B8-0523/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-ħtieġa ta' mekkaniżmu komprensiv tal-UE għall-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (2018/2886(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(1) (DRF),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet u r-rapporti tal-Assemblea Parlamentari, il-Kumitat tal-Ministri, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 1/2018 tas-17 ta’ Ġunju 2018 dwar il-proposta tat-2 ta' Mejju 2018 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-2018 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titlu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-12 ta' Settembru 2018 dwar proposta li titlob lill-Kunsill jiddetermina, skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-1 ta' Marzu 2018 dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jiġi attivat l-Artikolu 7(1) tat-TUE minħabba s-sitwazzjoni fil-Polonja(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar l-istat tad-dritt f'Malta(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tad-19 ta' April 2018 dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi fl-Ewropa: il-każ tal-ġurnalist Slovakk Ján Kuciak u ta' Martina Kušnírová(5),

–  wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu fil-plenarja dwar l-istat tad-dritt fir-Rumanija, li sar fit-3 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE fl-2016(6),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2018 għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sa 2027 (COM(2018)0322),

–  wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri kollha;

B.  billi l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali huma f'relazzjoni trijangolari, li jsaħħu lil xulxin u flimkien jissalvagwardjaw il-qalba kostituzzjonali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha;

C.  billi fl-2014, il-Kummissjoni stabbiliet qafas tal-istat tad-dritt; billi dan il-qafas intuża darba biss, u billi dan l-istrument wera li ma kienx biżżejjed biex jipprevjeni jew jirrimedja t-theddid għall-istat tad-dritt;

D.  billi l-Unjoni Ewropea m'għandhiex mekkaniżmu oġġettiv u permanenti fis-seħħ biex timmonitorja d-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha;

E.  billi t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal-2018 tindika li għad hemm sfidi f'termini tal-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri kif ukoll f'termini tal-impatt ta' ċerti riformi mwettqa fl-Istati Membri;

F.  billi hemm għadd kbir ta' proċeduri ta' ksur pendenti fil-qasam tal-ġustizzja, tad-drittijiet fundamentali u taċ-ċittadinanza(7);

G.  billi l-FRA ppubblikat diversi rapporti li jenfasizzaw l-isfidi għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fi Stati Membri varji, dwar kwistjonijiet li jinkludu l-ispazju dejjem jiċkien għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Ewropa(8);

H.  billi kien hemm reazzjonijiet ad hoc għat-theddid għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u dan wassal għal approċċi differenti ħafna fi Stati Membri differenti;

I.  billi l-proċedura tal-Artikolu 7(1) TUE inbdiet mill-Kummissjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Polonja, u l-istess proċedura nbdiet mill-Parlament Ewropew fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ungerija;

J.  billi l-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern stabbilixxa Grupp ta' Monitoraġġ dwar l-Istat tad-Dritt li beda l-ħidma tiegħu fir-rigward tal-qtil ta' ġurnalisti investigattivi u l-istat tad-dritt;

K.  billi dawn ir-reazzjonijiet tal-UE huma primarjament reattivi aktar milli preventivi, u huma mxekkla mill-attenzjoni inugwali u politiċizzata li qiegħda tingħata għall-isfidi tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali fi Stati Membri differenti;

L.  billi fit-2 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni ppubblikat proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri (COM(2018)0324),

M.  billi l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 1/2018 dwar il-proposta għal regolament enfasizzat il-ħtieġa li jiġu ċċarati aktar is-sorsi ta' gwida u proċeduri li abbażi tagħhom jistgħu jiġu stabbiliti nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri;

N.  billi rapporti preċedenti tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni u r-rapporti tal-pajjiżi tas-Semestru Ewropew tal-2018 jindikaw tħassib serju fir-rigward tal-korruzzjoni f'diversi Stati Membri, u għaldaqstant qiegħda titnaqqar il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet u fl-istat tad-dritt;

O.  billi l-isfidi għall-istat tad-dritt u għad-demokrazija fl-Istati Membri qegħdin ipoġġu f'riskju l-fiduċja reċiproka fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, li hija bbażata fuq is-suppożizzjoni konfutabbli (praesumptio iuris tantum);

P.  billi l-isfidi għall-istat tad-dritt u għad-demokrazija fl-Istati Membri qegħdin ipoġġu f'riskju l-leġittimità tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-politiki tagħha dwar l-adeżjoni u l-viċinat;

Q.  billi l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-Unjoni huma obbligati li jirrispettaw, jipproteġu u jippromwovu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

R.  billi l-Unjoni għadha ma aderixxietx mal-KEDB, minkejja l-obbligu tagħha li tagħmel dan skont l-Artikolu 6(2) tat-TUE;

S.  billi l-Kummissjoni u l-Kunsill ma ħadux azzjoni fuq ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u s'issa rrifjutaw li jadottaw il-ftehim interistituzzjonali dwar il-Patt tal-UE għad-DRF;

1.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx proposta għal mekkaniżmu komprensiv tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dan, b'mod partikolari billi tipproponi l-adozzjoni tal-ftehim interistituzzjonali dwar il-Patt tal-UE għad-DRF fl-inizjattiva mhux leġiżlattiva tagħha li jmiss biex issaħħaħ l-infurzar tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea;

2.  Itenni t-talba tiegħu għal mekkaniżmu tal-UE komprensiv, permanenti u oġġettiv għall-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u jissottolinja li tali mekkaniżmu huwa meħtieġ b'mod aktar urġenti aktar minn qatt qabel;

3.  Itenni l-elementi ewlenin ta' tali mekkaniżmu kif propost mill-Parlament fil-forma ta' Patt Interistituzzjonali għad-DRF, li jikkonsisti f'rieżami annwali bbażat fuq l-evidenza u mhux diskriminatorju li jivvaluta, fuq bażi ugwali, il-konformità tal-Istati Membri kollha tal-UE mal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b'rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (ir-Rapport Ewropew dwar id-DRF) li jkun segwit b'dibattitu interparlamentari, u Ċiklu ta' Politika dwar id-DRF fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE;

4.  Itenni li r-Rapport Ewropew dwar id-DRF irid jinkorpora u jikkomplementa strumenti eżistenti, b'mod partikolari t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja, l-Istrument ta' Sorveljanza tal-Pluraliżmu tal-Midja, ir-Rapport Kontra l-Korruzzjoni u l-proċeduri ta' evalwazzjoni bejn il-pari abbażi tal-Artikolu 70 tat-TFUE u jissostitwixxi l-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika għall-Bulgarija u r-Rumanija; jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tippubblikax ir-Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni fl-2017;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra torbot ir-regolament propost tagħha dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri ma' mekkaniżmu tal-UE komprensiv, permanenti u oġġettiv għall-protezzjoni tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittjiet fundamentali;

6.  Jistieden lill-Kunsill jaqbel li jimpenja ruħu għall-ftehim interistituzzjonali dwar il-Patt għad-DRF, u jappoġġja proposti ulterjuri tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

7.  Iqis li, jekk il-Kummissjoni u l-Kunsill ikomplu jirrifjutaw l-istabbiliment ta' Patt għad-DRF, il-Parlament jista' jieħu l-inizjattiva li jniedi rapport pilota dwar id-DRF u dibattitu interparlamentari;

8.  Jistieden lill-Kunsill jassumi sew ir-rwol istituzzjonali tiegħu fil-proċeduri li għaddejjin bħalissa fil-qafas tal-Artikolu 7(1) tat-TUE, jinforma lill-Parlament immedjatament u b'mod sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura, u jistieden lill-Parlament jippreżenta l-proposta motivata tiegħu lill-Kunsill;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, u lill-parlament u l-gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni biex titqassam lill-parlamenti u l-kunsilli sottonazzjonali.

(1) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 162.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0340.
(3) Testi Adottati, P8_TA(2018)0055.
(4) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 29.
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0183.
(6) Testi adottati, P8_TA(2018)0056.
(7)  http://ec.europa.eu/atwork/applying-eu-law/infringements-proceedings/infringement_decisions/index.cfm?lang_code=EN&typeOfSearch=true&active_only=1&noncom=0&r_dossier=&decision_date_from=&decision_date_to=&PressRelease=true&DG=JUST&title=&submit=Search
(8) Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, Challenges facing civil society organisations working on human rights in the EU (L-isfidi li jiffaċċjaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE), Vjenna, 18 ta' Jannar 2018.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Novembru 2018Avviż legali