Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2927(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0533/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2018 - 5.3

Testi adottati :

P8_TA(2018)0461

Testi adottati
PDF 134kWORD 50k
Il-Ħamis, 15 ta' Novembru 2018 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fill-Bangladesh
P8_TA(2018)0461RC-B8-0533/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fill-Bangladesh (2018/2927(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladesh tas-6 ta' April 2017(1) u tas-26 ta' Novembru 2015(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà fil-Bangladesh(3), u wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istatus tekniku tat-28 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar inizjattiva ewlenija tal-UE għas-settur tal-ħwejjeġ(4),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-2001 bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Popolari tal-Bangladesh dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp(5),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Patt ta' Sostenibbiltà għal Titjib Kontinwu fir-rigward tad-Drittijiet tax-Xogħol u s-Sikurezza tal-Fabbriki fl-Industrija tal-Ħwejjeġ Lesti Biex Jintlibsu u tal-Maljerija fil-Bangladesh,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar is-Sikurezza Kontra n-Nirien u tal-Bini fil-Bangladesh tal-2013, u t-tiġdid tiegħu fl-2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta lokali tas-27 ta' Settembru 2018 dwar l-Att dwar is-Sigurtà Diġitali tal-Bangladesh mill-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri tal-UE, id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-Kapijiet tal-Missjoni tan-Norveġja u l-Iżvizzera,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Nazzjonali tas-26 ta' Frar 2018 li ġie ppreżentat lill-Eżami Perjodiku Universali (EPU) tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-Bangladesh,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat, adottata fl-20 ta' Diċembru 2006 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU, u li daħlet fis-seħħ fit-23 ta' Diċembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fis-16 ta' Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Bangladesh għall-Eliminazzjoni taż-Żwieġ tat-Tfal 2015-2021,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tas-17-il sessjoni tal-Forum Permanenti tan-NU dwar il-Kwistjonijiet Indiġeni (UNPFII),

–  wara li kkunsidra l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2018,

–  wara li kkunsidra l-Att dwar is-Sigurtà Diġitali tal-Bangladesh tal-2018,

–  wara li kkunsidra l-Att dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) tal-Bangladesh, b'mod partikolari t-Taqsima 57 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tat-12 ta' Mejju 2014 dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bangladesh ilhom stabbiliti, inkluż permezz tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp; billi r-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi huma l-bażi tal-politiki domestiċi u internazzjonali tal-partijiet, u jridu jkunu parti essenzjali tal-azzjoni esterna tal-UE;

B.  billi r-ripressjoni tal-membri tas-soċjetà ċivili, inklużi l-attivisti politiċi, it-trejdjunjonisti, il-ġurnalisti, l-istudenti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-minoranzi, żdiedet matul dawn l-aħħar snin fil-Bangladesh; billi l-esperti tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-gruppi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw tendenza ċara fil-Bangladesh ta' eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, arresti arbitrarji tal-massa u għajbien furzat, bħall-każijiet ta' Maroof Zaman u Mir Ahmad Bin Quasem;

C.  billi l-Bangladesh huwa kklassifikat il-146 pajjiż fost 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa; billi l-vjolazzjonijiet tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-vjolenza, il-fastidju, l-intimidazzjoni u ċ-ċensura tal-ġurnalisti u tal-bloggers, għadhom mifruxa fil-Bangladesh; billi l-Att dwar l-ICT tal-Bangladesh, b'mod partikolari t-Taqsima 57 tiegħu, intuża matul dawn l-aħħar ftit snin għall-arrest u l-prosekuzzjoni ta' attivisti u ġurnalisti li kkritikaw lill-gvern;

D.  billi l-Att dwar is-Sigurtà Diġitali, kif għadda mill-Parlament tal-Bangladesh fid-19 ta' Settembru 2018, jonqos milli jemenda t-Taqsima 57 tal-Att dwar l-ICT, minkejja l-bosta kritiki li saru mill-ġurnalisti tal-Bangladesh, l-attivisti tad-drittijiet ċivili u l-komunità internazzjonali;

E.  billi l-fotoġurnalist tal-Bangladesh rikonoxxut internazzjonalment u rebbieħ ta' premji, Shahidul Alam, għalliem u attivist, inħataf bil-forza minn daru fil-5 ta' Awwissu 2018 u ġie arrestat skont l-Att dwar l-ICT wara li kien esprima ruħu dwar protesti reċenti tal-istudenti fil-Bangladesh u kkritika l-użu tal-vjolenza mill-awtoritajiet; billi huwa baqa' f'detenzjoni u ġie miċħud pleġġ għal diversi drabi; billi allegatament huwa ġie miċħud kura medika adegwata u ġie soġġett għal tortura;

F.  billi għal attakki terroristiċi, il-gvern wieħed b'approċċ strett ta' "tolleranza żero"; billi n-netwerks mobbli fil-Bangladesh ngħalqu, u l-forzi tas-sigurtà tal-Bangladesh allegatament qed jippruvaw jixtru tagħmir ta' sorveljanza elettronika fis-suq internazzjonali; billi l-Gvern tal-Bangladesh beda kampanja ta' sorveljanza intensiva u intrużiva u ta' monitoraġġ tal-midja soċjali;

G.  billi l-elezzjonijiet fil-Bangladesh huma mistennija li jsiru fit-30 ta' Diċembru 2018; billi l-mexxeja tal-oppożizzjoni u l-eks Prim Ministru Khaleda Zia attwalment qed isservi 10 snin ħabs għall-korruzzjoni u hija pprojbita milli tikkontesta l-elezzjonijiet bħala riżultat ta' dan; billi hija tiċħad l-akkużi, li s-sostenituri tagħha jsostnu li kienu politikament motivati;

H.  billi n-nisa u l-bniet fil-Bangladesh jesperjenzaw livelli għoljin ta' vjolenza; billi l-Bangladesh għandu l-ogħla rata ta' żwieġ tat-tfal fl-Asja u waħda mill-ogħla rati fid-dinja; billi fl-2017 il-Gvern tal-Bangladesh għadda l-Att dwar it-Trażżin taż-Żwieġ tat-Tfal, li jintroduċi eċċezzjonijiet f'"każijiet speċjali", filwaqt li jonqos milli jiddefinixxi tali kriterji jew jistabbilixxi età minima għal dawn iż-żwiġijiet;

I.  billi fil-Bangladesh il-piena tal-mewt tista' tiġi applikata għal reati multipli; billi fl-2017, sitt persuni ġew iġġustizzjati;

J.  billi kien hemm żieda rrappurtata f'każijiet ta' vjolenza din is-sena, b'mod partikolari kontra n-nisa indiġeni, kif ukoll fastidju u arrest ta' attivisti tad-drittijiet indiġeni fiż-żona ta' Chittagong Hill Tract;

K.  billi l-UE hija s-sieħba kummerċjali ewlenija tal-Bangladesh u, bħala Pajjiż l-Anqas Żviluppat, il-Bangladesh jibbenefika mill-aktar reġim favorevoli disponibbli taħt l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP) tal-UE, jiġifieri l-arranġament Kollox Ħlief Armi (EBA);

L.  billi l-Bangladesh huwa mistenni li jibdel l-istatus ta' Pajjiż l-Anqas Żviluppat fl-2024; billi fis-snin sa dak iż-żmien, hija meħtieġa aċċellerazzjoni tar-riformi fid-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol, inkluża l-eradikazzjoni tat-tħaddim tat-tfal; billi għad hemm tħassib dwar id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar ix-Xogħol tal-Bangladesh u l-abbozz tal-Att dwar iż-Żoni tal-Ipproċessar tal-Esportazzjoni;

M.  billi, fil-qafas tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà, il-Ftehim dwar is-Sikurezza Kontra n-Nirien u tal-Bini fil-Bangladesh ġie ffirmat bejn ditti tal-ħwejjeġ globali, bejjiegħa bl-imnut u trejdjunjins; billi sal-lum, inqas minn nofs il-fabbriki koperti mill-ftehim ikkompletaw miżuri ta' sikurezza adegwati; billi l-ftehim skada f'Ottubru 2018, minkejja li baqa' xogħol sinifikanti xi jsir; billi l-ftehim ġie segwit minn Ftehim ta' Tranżizzjoni li għandu jiġi applikat għal tliet snin;

N.  billi jeħtieġ li jiġi appoġġat il-ftehim u l-partijiet kollha għandhom jitħallew ikomplu x-xogħol tagħhom mingħajr xkiel, inkluż wara Novembru 2018; billi l-Gvern tal-Bangladesh u ċ-Ċellula ta' Koordinazzjoni ta' Rimedju tiegħu darba biss urew kemm fil-kelma kif ukoll fil-fatt li huma ssodisfaw il-kondizzjonijiet ta' tħejjija u li dawn it-tipi ta' inizjattivi ta' mġiba responsabbli fin-negozju jistgħu ma jkunux meħtieġa aktar;

O.  billi fl-2018 il-Bangladesh irċieva influss qawwi ta' aktar minn 700 000 rifuġjat Rohingya li ħarbu minn kampanja ta' tindif etniku mill-militar Burmiż, u li għad għandhom bżonn urġenti ta' assistenza umanitarja; billi l-Bangladesh u l-Myanmar laħqu ftehim fit-30 ta' Ottubru 2018 dwar il-bidu tar-rimpatriju tal-poplu Rohingya lura lejn il-Myanmar sa nofs Novembru, u mingħajr il-konsultazzjoni jew l-involviment tal-Aġenzija għar-Rifuġjati tan-NU (UNHCR);

1.  Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni li dejjem sejra lura tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladesh u, b'mod partikolari, dwar it-trażżin kontinwu tal-libertà ta' espressjoni u tal-għaqda kontra l-midja, l-istudenti, l-attivisti u l-oppożizzjoni; jikkundanna l-fatt li l-persuni qed jiġu arrestati u soġġetti għal vjolenza talli jeżerċitaw il-libertà ta' espressjoni tagħhom biex jikkritikaw lill-gvern; jinsab imħasseb ħafna dwar rapporti li l-użu tat-tortura qed isir endemiku;

2.  Jinnota li l-EPU tan-NU ta' Mejju 2018 faħħar lill-Bangladesh għall-"progress notevoli" tiegħu fit-titjib tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn l-aħħar snin; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladesh jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-EPU, b'mod partikolari f'oqsma bħalma huma l-indipendenza tal-ġudikatura, id-drittijiet ċivili u politiċi, il-libertà tal-midja, id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, u d-drittijiet tan-nisa u l-bniet;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh iwettqu investigazzjonijiet indipendenti dwar rapporti ta' qtil extraġudizzjarju, għajbien furzat u użu eċċessiv tal-forza, inklużi l-każijiet ta' Maroof Zaman u Mir Ahmad Bin Quasem, u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja skont l-istandards internazzjonali; jistieden ukoll lill-Bangladesh jirratifika l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat, u jinkorpora d-dispożizzjonijiet tagħha fil-liġi nazzjonali;

4.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Bangladesh biex immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet jeħilsu lil Shahidul Alam, iwaqqgħu l-akkużi kollha kontrih u jippermettulu jkompli bil-ħidma leġittima tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinsisti li l-awtoritajiet tal-Bangladesh għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxu l-integrità u s-sigurtà fiżika u psikoloġika ta' Shahidul Alam, kif ukoll dawk tal-familja tiegħu, u jiżguraw li, waqt li jkun jinsab f'detenzjoni, Shahidul Alam jiġi ttrattat b'mod li jaderixxi ma' prinċipji u standards internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh iniedu investigazzjoni immedjata u pubblika dwar l-allegazzjonijiet li Shahidul Alam ġie ttorturat, u jressqu lill-awturi quddiem il-ġustizzja;

5.  Jesprimu tħassib serju dwar l-Att dwar l-ICT, mhux biss minħabba li diġà kellu impatt serju fuq ix-xogħol ta' ġurnalisti, bloggers u kummentaturi, iżda anke minħabba li jippenalizza l-eżerċizzju leġittimu tad-dritt għal-libertà ta' espressjoni minn kwalunkwe individwu, inkluż fuq il-midja soċjali; huwa tal-fehma li t-Taqsima 57 tal-Att dwar l-ICT hija inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tal-libertà ta' espressjoni u ta' proċess ġust;

6.  Jiddispjaċih ħafna dwar id-deċiżjoni tal-gvern li jippromulga l-Att dwar is-Sigurtà Diġitali, li fil-fatt jespandi u jsaħħaħ is-setgħat tal-pulizija biex jiġġieled kontra d-diskors liberu, inkluż fuq il-midja soċjali, qabel l-elezzjonijiet nazzjonali fl-2018; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jirrevedu b'urġenza l-Att dwar is-Sigurtà Diġitali u l-Att dwar l-ICT u jġibuhom konformi mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-Bangladesh huwa firmatarju tagħhom;

7.  Jittama li l-elezzjoni ġenerali li jmiss tkun paċifika, trasparenti u parteċipattiva sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jesprimu għażla politika ġenwina; jistieden lill-forzi politiċi jżommu lura minn kwalunkwe vjolenza jew istigazzjoni ta' vjolenza matul il-perjodu elettorali;

8.  Japprezza r-rwol kostruttiv li żvolġa l-Bangladesh f'ċirkostanzi diffiċli meta aċċetta li jilqa' rifuġjati Rohingya; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jipprovdu aktar art biex jitnaqqsu l-iffullar u l-privazzjoni tal-kampijiet; iħeġġeġ lill-awtoritajiet inaqqsu r-restrizzjonijiet burokratiċi li jimponu fuq l-organizzazzjonijiet umanitarji; iħeġġeġ lill-Gvernijiet tal-Bangladesh u tal-Myanmar jerġgħu jikkunsidraw minnufih id-deċiżjoni li jibdew jirrimpatrijaw ir-rifuġjati Rohingya, peress li l-kondizzjonijiet għal ritorn sikur, dinjituż u volontarju għadhom ma ġewx issodisfati;

9.  Jitlob lill-UE u lid-donaturi internazzjonali l-oħra jżidu l-isforzi tagħhom biex jipprovdu l-għajnuna finanzjarja u materjali meħtieġa lill-kampijiet tar-rifuġjati Rohingya fil-Bangladesh;

10.  Jinsisti li l-Bangladesh għandu jikkonforma mal-impenji tiegħu skont l-iskema tal-EBA fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

11.  Itenni t-talba tiegħu għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fil-Bangladesh;

12.  Jesprimi tħassib serju dwar l-annullament tal-Ftehim ta' Tranżizzjoni, li għandu jidħol fis-seħħ fit-30 ta' Novembru 2018; jinnota li l-RCC għad m'għandux il-kapaċità li jissorvelja u jinforza rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà, u dan għandu implikazzjonijiet serji għas-sikurezza u d-drittijiet tal-ħaddiema tal-fabbriki li jinvolvi; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladesh jirrikonoxxi u jimplimenta immedjatament il-Ftehim ta' Tranżizzjoni u juri aktar li huwa lest jieħu f'idejh il-funzjonijiet kollha tal-ftehim; jistieden lid-donaturi jappoġġaw lill-Gvern tal-Bangladesh sabiex dan ikun jista' jsir; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jkomplu l-ħidma tagħhom ta' bini ta' kapaċità, flimkien mal-RCC;

13.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladesh jadotta bidliet leġiżlattivi għall-Att dwar ix-Xogħol tal-Bangladesh u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu biex iġibhom konformi mal-istandards internazzjonali tax-xogħol tal-ILO, u jippermetti l-libertà sħiħa ta' assoċjazzjoni; jistieden lill-Gvern tal-Bangladesh jieħu l-passi meħtieġa biex jindirizza b'mod effettiv l-atti kollha ta' diskriminazzjoni kontra t-trade unions, inklużi atti ta' vjolenza u intimidazzjoni;

14.  Jesprimi tħassib li filwaqt li l-Att dwar it-Trażżin taż-Żwieġ tat-Tfal tal-2017 jinkludi dispożizzjonijiet dwar it-tisħiħ tal-prevenzjoni, u dwar il-prosekuzzjoni tat-trasgressuri, huwa madankollu jnikludi klawżola li tippermetti ż-żwieġ taħt l-età ta' 18-il sena taħt ċirkostanzi speċjali bil-kunsens tal-ġenituri u bil-permess tal-qorti; jitlob li din il-lakuna tingħalaq b'urġenza fl-interess tal-ħarsien tat-tfal;

15.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladesh ikomplu jindirizzaw l-isfidi tad-drittijiet tal-bniedem; jinnota li l-kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem se jkomplu jiġu diskussi fil-Kummissjoni Konġunta bejn l-UE u l-Bangladesh, li se ssir f'Dhaka fl-ewwel nofs tal-2019;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh.

(1) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' April 2017 dwar il-Bangladesh, inklużi ż-żwiġijiet tat-tfal (ĠU C 298, 23.8.2018, p. 65).
(2) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar il-libertà ta' espressjoni fil-Bangladesh (ĠU C 366, 27.10.2017, p. 135).
(3) ĠU C 331, 18.9.2018, p. 100.
(4) ĠU C 298, 23.8.2018, p. 100.
(5) ĠU L 118, 27.4.2001, p. 48.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Frar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza