Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2774(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0514/2018

Testi mressqa :

B8-0514/2018

Dibattiti :

PV 15/11/2018 - 3
CRE 15/11/2018 - 3

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2018 - 5.8
CRE 15/11/2018 - 5.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0465

Testi adottati
PDF 139kWORD 53k
Il-Ħamis, 15 ta' Novembru 2018 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Marda ta' Lyme (Borreljożi)
P8_TA-PROV(2018)0465B8-0514/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2018 dwar il-marda ta' Lyme (Borreljożi) (2018/2774(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-marda ta' Lyme (borreljożi) (O-000088/2018 – B8-0417/2018),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra r-rapport taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard dwar analiżi sistematika tal-letteratura xjentifika rigward il-preċiżjoni dijanjostika tat-testijiet seroloġiċi għall-borreljożi ta' Lyme,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa ta' konsultazzjoni tan-netwerk ta' esperti dwar is-sorveljanza tal-borreljożi ta' Lyme fl-Unjoni Ewropea, li saret f'Jannar 2016 fi Stokkolma,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 1998 dwar l-istabbiliment ta' netwerk għas-sorveljanza epidemjoloġika u l-kontroll ta' mard li jinxtered fil-Komunità(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-dritt għas-saħħa huwa dritt fundamentali rikonoxxut mit-Trattati Ewropej, b'mod partikolari fl-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

B.  billi l-marda ta' Lyme, jew il-borreljożi ta' Lyme, hija marda batterika kkawżata mill-batterju Borrelia burgdorferi, u tiġi trażmessa lill-bnedmin b'gidma ta' qurdiena kkontaminata bil-batterju; billi l-marda ta' Lyme hija marda infettiva li taffettwa lill-bniedem u lil diversi speċijiet ta' annimali domestiċi u selvaġġi;

C.  billi l-borreljożi ta' Lyme hija l-aktar marda żoonotika komuni fl-Ewropa – huwa stmat li hemm bejn 650 000 u 850 000 każ – u għandha inċidenza ogħla fl-Ewropa Ċentrali; billi l-infezzjoni sseħħ fix-xhur tar-rebbiegħa u s-sajf (minn April sa Ottubru), u l-borreljożi hija rikonoxxuta bħala marda okkupazzjonali għall-bdiewa, il-ħaddiema forestali u r-riċerkaturi li jaħdmu fuq il-post fil-pajjiżi fejn teżisti;

D.  billi jidher li l-marda u l-qurdien infettat qed jespandu ġeografikament, u issa qed jiġu reġistrati każijiet f'altitudnijiet u latitudnijiet ogħla, kif ukoll fl-ibliet; billi l-kawżi suspettati huma, fost affarijiet oħra, il-bidliet fl-użu tal-art, anki bl-afforestazzjoni ta' art ta' kwalità baxxa jew l-espansjoni ta' pjanti invażivi, it-tibdil fil-klima, it-tisħin globali, l-umdità eċċessiva u attivitajiet oħra relatati mal-imġiba tal-bniedem;

E.  billi fl-Ewropa ma jeżistix qbil dwar it-trattament, id-dijanjosi u l-iskrinjar tal-marda ta' Lyme, u l-prattiki jvarjaw minn pajjiż għal ieħor;

F.  billi l-gidma ta' qurdiena infettata u s-sintomi tal-marda ta' Lyme tista' ma tindunax bihom jew, f'xi każijiet, il-marda tista' tkun saħansitra asintomatika, u dan jista' jwassal għal kumplikazzjonijiet serji u ħsara permanenti simili għal dik ta' marda kronika, partikolarment jekk ma tinqabadx fil-pront;

G.  billi dijanjosi bikrija u aktar affidabbli tal-marda ta' Lyme tista' tnaqqas b'mod sinifikanti l-għadd ta' każijiet fi stadju avvanzat, u b'hekk titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti; billi dan inaqqas ukoll il-piż finanzjarju tal-marda u, skont il-koordinaturi tal-proġett ta' riċerka tal-UE DualDur, għandu jwassal biex, fl-ewwel 5 snin, diġà jiġu ffrankati madwar EUR 330 miljun fi spejjeż tal-kura tas-saħħa;

H.  billi ħafna pazjenti la ssirilhom dijanjosi fil-pront u lanqas m'għandhom aċċess għal trattament adegwat; billi jħossuhom imċaħħda u injorati mill-awtoritajiet pubbliċi, u xi wħud minnhom għad għandhom sintomi persistenti li jistgħu jwasslu għal mard kroniku;

I.  billi, fil-preżent, m'hemmx tilqima għall-marda ta' Lyme;

J.  billi l-inċidenza reali tal-borreljożi ta' Lyme fl-UE mhijiex magħrufa minħabba n-nuqqas ta' statistika dwar din il-marda u l-varjetà kbira ta' definizzjonijiet, metodi tal-laboratorju u sistemi ta' sorveljanza użati;

K.  billi fl-ICD m'hemmx kodiċijiet separati għall-istadju bikri u l-istadju avvanzat tal-marda ta' Lyme; billi fl-ICD m'hemmx kodiċijiet individwali għas-sintomi differenti tal-marda ta' Lyme fi stadju avvanzat;

L.  billi l-linji gwida tal-International Lyme and Associated Diseases Society (ILADS) dwar kif għandu jsir it-trattament huma differenti minn dawk tal-Infectious Diseases Society of America (IDSA), u d-differenzi bejn dawn iż-żewġ approċċi jaffettwaw anki l-mod kif tiġi ttrattata l-marda fl-UE;

M.  billi m'hemmx biżżejjed għarfien profond tal-mekkaniżmu li jbiddel il-marda ta' Lyme f'marda kronika;

N.  billi l-professjonisti tas-saħħa, kif ukoll l-assoċjazzjonijiet tal-pazjenti u l-informaturi, ilhom mal-għaxar snin iwissu dwar din il-problema sanitarja;

O.  billi l-marda ta' Lyme, għalkemm magħrufa sew fix-xjenza medika, għadha ma tingħarafx biżżejjed mit-tobba, b'mod partikolari minħabba d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom fl-identifikazzjoni tas-sintomi u n-nuqqas ta' testijiet dijanjostiċi xierqa;

P.  billi t-testijiet użati għall-iskrinjar tal-marda ta' Lyme, bħat-test ELISA – li jidentifika biss infezzjoni waħda kull darba – mhux dejjem kapaċi jipprovdu riżultati preċiżi;

Q.  billi ħafna Ewropej huma kontinwament fir-riskju li jimirdu bil-marda ta' Lyme minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom (bdiewa, ħaddiema forestali, riċerkaturi u studenti li jwettqu attivitajiet ta' riċerka fuq il-post, bħal bijologi, ġeologi, ġeometri jew arkeologi);

R.  billi l-professjoni medika sikwit issegwi rakkomandazzjonijiet antikwati li ma jikkunsidrawx biżżejjed l-iżviluppi fir-riċerka dwar il-marda ta' Lyme;

1.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tixrid allarmanti tal-marda ta' Lyme fost il-popolazzjoni Ewropea, hekk kif, skont l-istatistika miġbura, madwar miljun ċittadin qed ibatu biha;

2.  Ifakkar li l-Istati Membri kollha, ftit jew wisq, intlaqtu minn żieda fil-borreljożi ta' Lyme, u għalhekk din hija problema sanitarja Ewropea;

3.  Jilqa' l-fondi allokati s'issa mill-Unjoni għar-riċerka dwar l-identifikazzjoni bikrija u t-trattament futur tal-borreljożi ta' Lyme (madwar EUR 16-il miljun permezz ta' proġetti bħal ANTIDotE, ID-Lyme u LYMEDIADEX);

4.  Jitlob finanzjament addizzjonali għall-metodi ta' dijanjosi u trattament tal-marda ta' Lyme; iħeġġeġ, għal dan il-għan, il-promozzjoni ta' sforzi ta' riċerka, f'termini ta' żieda fil-fondi allokati u skambju ta' data epidemjoloġika, inkluża data dwar id-distribuzzjoni u l-prevalenza ta' genospeċijiet patoġeniċi u mhux patoġeniċi;

5.  Jitlob aktar kooperazzjoni fil-livell internazzjonali għar-riċerka dwar il-marda ta' Lyme;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiġbor kemm jista' jkun informazzjoni dwar il-metodi ta' skrinjar tal-marda ta' Lyme jew dwar it-trattamenti mogħtija fl-Istati Membri;

7.  Jitlob li jiġi impost l-obbligu ta' notifika fl-Istati Membri kollha fejn tiġi individwata l-marda ta' Lyme;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri f'termini ta' monitoraġġ, dijanjosi u trattament tal-marda ta' Lyme;

9.  Jilqa' l-fatt li ċerti Stati Membri inkludew il-marda ta' Lyme fis-sistema ta' sorveljanza tagħhom, abbażi ta' metodoloġija speċifika;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi programmi ta' sorveljanza uniformi u taħdem flimkien mal-Istati Membri sabiex tiffaċilita l-istandardizzazzjoni tat-testijiet dijanjostiċi u t-trattamenti; jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-borreljożi bħala marda okkupazzjonali għall-ħaddiema agrikoli u forestali, kif ukoll għax-xjentisti li jaħdmu fuq il-post (bħall-bijologi, il-ġeologi, il-ġeometri jew l-arkeologi);

11.  Jitlob miżuri ta' prevenzjoni u kontroll individwali tal-qurdien fl-Istati Membri sabiex titrażżan il-firxa tal-Borrelia;

12.  Jitlob li jitfasslu linji gwida bbażati fuq l-evidenza dwar id-dijanjosi tal-borreljożi ta' Lyme mil-lat kliniku u fil-laboratorju; jappella biex fl-ICD ikun hemm kodiċijiet separati għall-istadju bikri u l-istadju avvanzat tal-marda ta' Lyme; jappella wkoll biex fl-ICD jkun hemm kodiċijiet individwali għas-sintomi differenti tal-marda ta' Lyme fi stadju avvanzat;

13.  Jitlob li l-Kummissjoni tippubblika linji gwida, abbażi tal-aħjar prattiki fl-UE, fir-rigward tat-taħriġ tat-tobba tal-familja biex id-dijanjosi u l-iskrinjar tal-marda ta' Lyme ikunu faċilitati;

14.  Jitlob lill-Istati Membri jestendu l-użu tal-eżami kliniku b'tali mod li t-tobba jkunu jistgħu jagħmlu dijanjosi tal-marda ta' Lyme anki jekk it-testijiet seroloġiċi jkunu negattivi, sabiex jgħinu lill-pazjenti joħorġu mill-"impass terapewtiku";

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-kobor tal-fenomenu ta' pazjenti li jagħmlu żmien twil ifittxu dijanjosi u trattament adegwati għall-marda ta' Lyme, u b'mod partikolari l-konsegwenzi finanzjarji għall-pazjenti li jfittxu trattament barra minn pajjiżhom;

16.  Jitlob l-ippjanar u l-ħolqien ta' proġetti innovattivi li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-ġbir tad-data u għal effikaċja akbar fl-attivitajiet ta' edukazzjoni u sensibilizzazzjoni;

17.  Jilqa' d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/945 tat-22 ta’ Ġunju 2018 dwar il-mard komunikabbli u l-problemi speċjali tas-saħħa relatati li jridu jiġu koperti mis-sorveljanza epidemjoloġika kif ukoll id-definizzjonijiet tal-każ rilevanti(2), li tinkludi n-newroborreljożi ta' Lyme fil-lista ta' mard li jittieħed;

18.  Jenfasizza li l-inklużjoni tal-marda ta' Lyme fin-netwerk ta' sorveljanza epidemjoloġika qed tippermetti lill-pazjenti jibbenefikaw mill-vantaġġi ta' sistema tas-saħħa robusta u strutturata li tippermetti komunikazzjoni permanenti bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, identifikazzjoni rapida u affidabbli ta' każijiet ta' borreljożi ta' Lyme fl-Unjoni, assistenza reċiproka fil-qasam tal-analiżi u l-interpretazzjoni tad-data ta' sorveljanza miġbura u l-użu tat-tagħmir meħtieġ biex jitwaqqaf it-tixrid tagħha fost il-popolazzjoni;

19.  Jistieden lill-Istati Membri biex, bl-appoġġ loġistiku tal-Kummissjoni, iniedu kampanji ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni dwar il-marda ta' Lyme – l-ewwel u qabel kollox fir-reġjuni l-aktar affettwati mit-tixrid tagħha – biex iwissu lill-popolazzjoni u lil dawk kollha kkonċernati;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan Ewropew għall-ġlieda kontra l-marda ta' Lyme li jkun proporzjonat mas-serjetà ta' din l-epidemija silenzjuża; iħeġġeġ il-ħolqien ta' netwerk Ewropew dwar il-marda ta' Lyme li jinkludi l-partijiet ikkonċernati rilevanti;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippubblikaw linji gwida komuni ta' prevenzjoni għal min hu f'riskju għoli li jieħu l-marda ta' Lyme – bħall-ħaddiema li jaħdmu fuq barra – u linji gwida standardizzati dwar id-dijanjosi u t-trattament;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi testijiet preventivi u metodu għal trattament rapidu u monitoraġġ tal-infezzjoni mill-borreljożi ta' Lyme fost il-professjonisti tas-settur agroforestali u x-xjentisti li jiġbru d-data fuq il-post;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 268, 3.10.1998, p. 1.
(2) ĠU L 170, 6.7.2018, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Diċembru 2018Avviż legali