Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0065(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0346/2018

Testi mressqa :

A8-0346/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/11/2018 - 8.1

Testi adottati :

P8_TA(2018)0466

Testi adottati
PDF 558kWORD 59k
Il-Ħamis, 29 ta' Novembru 2018 - Brussell Verżjoni proviżorja
Applikazzjoni tal-istadju Euro 5 għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi b'żewġ jew tliet roti u kwadriċikli ***I
P8_TA-PROV(2018)0466A8-0346/2018
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 168/2013 fir-rigward tal-applikazzjoni tal-istadju Euro 5 għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi b'żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (COM(2018)0137 – C8-0120/2018 – 2018/0065(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0137),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0120/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta’ Lulju 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-14 ta' Novembru 2018 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0346/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 367, 10.10.2018, p. 32.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-29 ta’ Novembru 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018 / ... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 168/2013 fir-rigward tal-applikazzjoni tal-istadju Euro 5 għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli
P8_TC1-COD(2018)0065

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(2),

Billi:

(1)  Abbażi tar-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istudju komprensiv tal-effetti tal-istadju ambjentali Euro 5 għall-vetturi tal-kategorija L (“l-istudju tal-effetti”) imwettaq skont l-Artikolu 23(4) tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3), u filwaqt li jitqiesu l-kwistjonijiet li nstabu mill-awtoritajiet tal-approvazzjoni u l-partijiet ikkonċernati fl-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li jsiru ċerti bidliet u kjarifiki fir-Regolament (UE) Nru 168/2013 sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni bla xkiel tiegħu.

(2)  Fir-rigward tar-rekwiżit li tiġi installata sistema dijanjostika abbord (OBD) tal-istadju II, li jiżgura monitoraġġ u rappurtar dwar fallimenti u degradazzjoni tas-sistema tal-kontroll tal-emissjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet fuq il-bażi tal-istudju tal-effetti li hemm limitazzjonijiet tekniċi fir-rigward tal-monitoraġġ tal-katalizzatur għal ċerti vetturi u li jkun meħtieġ żvilupp ulterjuri biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tiegħu. Il-monitoraġġ tal-katalizzattur mhux mistenni jkun lest għall-ewwel round tal-istadju tal-emissjonijiet Euro 5, iżda huwa previst għall-2025. L-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 għalhekk jenħtieġ li jistiplua l-perjodu meħtieġ biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tar-rekwiżit tas-sistema OBD tal-istadju II.

(3)  Minħabba li l-vetturi tal-kategoriji L1e u L2e huma diġà esklużi mir-rekwiżit li jiġu mgħammra b’sistema OBD tal-istadju I, il-vetturi tal-kategorija L6e, li huma ddisinjati u mibnija fuq l-ispeċifikazzjonijiet tal-mopeds u li huma prodotti f’volumi pjuttost żgħar, ukoll jenħtieġ li jkunu eżentati minn dak ir-rekwiżit.

(4)  Huwa meħtieġ li tiġi ċċarata l-eżenzjoni għall-vetturi tal-kategoriji L1e u L2e mir-rekwiżit li jiġu mgħammra b’sistema OBD tal-istadju II u li dik l-eżenzjoni tiġi estiża għall-kwadriċikli ħfief (kategorija L6e) u l-muturi tas-subkategoriji enduro (L3e-AxE) u trials (L3e-AxT).

(5)  Il-muturi tas-subkategoriji enduro u trials ikollhom ħajja qasira u huma simili ħafna fin-natura u fl-użu għall-kwadriċikli tqal għal kull tip ta’ terren (L7e-B) li huma eżentati mir-rekwiżit li jiġu mgħammra b’sistema OBD tal-istadju II. Dik l-eżenzjoni għalhekk jenħtieġ li tiġi estiża għall-muturi tas-subkategoriji enduro u trials.

(6)  Il-Kummissjoni kkonkludiet fl-istudju tal-effetti li l-proċedura matematika tad-durabilità stabbilita fil-punt (c) tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (UE) Nru 168/2013, li tipprevedi li l-vetturi jiġu ttestjati wara 100 km ta’ użu, ma tirriflettix id-degradazzjoni reali tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet ta’ vettura matul ħajjitha. Jenħtieġ li dak il-metodu ma jibqax jintuża u jenħtieġ li jitneħħa gradwalment sal-2025 biex ikun hemm żmien biżżejjed ħalli l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jadattaw. Għall-perjodu sal-2025, id-distanza akkumulata meħtieġa li vettura għandha tivvjaġġa qabel ma tiġi ttestjata jenħtieġ li tiżdied biex jiġi żgurat li r-riżultati tat-test ikunu affidabbli.

(7)  It-teknoloġija meħtieġa biex jintlaħqu l-limiti Euro 5 diġà hija disponibbli. Madanakollu, il-Kummissjoni kkonkludiet fl-istudju tal-effetti, li hemm bżonn li d-data ta’ applikazzjoni tal-limiti tal-emissjonijiet Euro 5 għal ċerti vetturi tal-kategorija L (L6e-B, L2e-U, L3e-AxT u L3e-AxE) tiġi posposta mill-2020 għall-2024 biex jiżdied il-proporzjon ta’ kostijiet-benefiċċji meta mqabblin mal-valuri ta’ referenza. Barra minn hekk, il-manifatturi ta’ dawk il-vetturi, li huma prinċipalment SMEs, jeħtieġu aktar żmien biex jiżguraw li t-tranżizzjoni lejn sistemi ta’ motopropulsjoni b’emissjonijiet żero, bħall-elettrifikazzjoni, tkun tista’ tinkiseb b’mod kosteffikaċi.

(8)  L-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 jirrikjedi li ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE jkun fih, bħala dokument mehmuż, ir-riżultati tat-testijiet. Jenħtieġ li, fl-interess taċ-ċarezza, dik id-dispożizzjoni tiġi emendata sabiex jiġi ċċarat li r-riferiment huwa għall-iskeda tar-riżultati tat-testijiet.

(9)  Ċerti inkonsistenzi fid-data ta’ applikazzjoni tal-limiti tal-livell tal-istorbju Euro 5 fl-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 168/2013 jenħtieġ li jiġu ċċarati sabiex jiġi żgurat li l-limiti eżistenti (Euro 4) jibqgħu applikabbli sakemm jiġu stabbiliti limiti ġodda għall- Euro 5.

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 ta lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati għal perjodu ta’ ħames snin, li skada fil-21 ta’ Marzu 2018. Peress li teżisti ħtieġa kontinwa li jiġu aġġornati elementi tal-leġislazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip għall-progress tekniku jew li jiġu introdotti emendi oħra b'mod allinjat mal-għoti tas-setgħat, dak ir-Regolament jenħtieġ li jiġi emendat biex jipprovdi għall-estensjoni tad-delega għal perjodu ieħor ta’ ħames snin bil-possibbiltà ta’ estensjoni awtomatika.

(11)  Fl-interess taċ-ċertezza legali, is-setgħa mogħtija fir-Regolament (UE) Nru 168/2013 biex il-Kummissjoni tkun tista' tadotta atti delegati rigward ir-rekwiżiti tekniċi relatati mad-dijanjostika abbord jenħtieġ li tkun aktar ċara u aktar preċiża.

(12)  Minħabba li dan ir-Regolament jemenda r-Regolament (UE) Nru 168/2013, mingħajr ma jespandi l-kontenut regolatorju u minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(13)  Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 168/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)  L-Artikolu 21 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

“Artikolu 21

Rekwiżiti ġenerali għas-sistemi dijanjostiċi abbord

1.  Il-vetturi tal-kategorija L, bl-eċċezzjoni tal-vetturi tal-kategoriji L1e, L2e u L6e, għandhom ikunu mgħammra b’sistema OBD li tikkonforma mar-rekwiżiti funzjonali u mal-proċeduri tal-ittestjar stabbiliti fl-atti delegati msemmija fil-paragrafu 8 u mid-dati ta’ applikazzjoni stipulati fl-Anness IV.

2.  Mid-dati stipulati fil-punt 1.8.1 tal-Anness IV, il-kategoriji u s-subkategoriji ta’ vetturi L3e, L4e, L5e-A u L7e-A għandhom ikunu mgħammra b’sistema OBD tal-istadju I li timmonitorja kwalunkwe falliment taċ-ċirkwit elettriku u tal-elettronika tas-sistema tal-kontroll tal-emissjonijiet u tirrapporta dawk il-fallimenti li jirriżultaw fi qbiż tal-livelli ta’ limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness VI (B1).

3.  Mid-dati stipulati fil-punt 1.8.2 tal-Anness IV, il-kategoriji u s-subkategoriji tal-vetturi L3e, L4e, L5e u L7e għandhom ikunu mgħammra b’sistema OBD tal-istadju I li timmonitorja kwalunkwe falliment taċ-ċirkwit elettriku u tal-elettronika tas-sistema tal-kontroll tal-emissjonijiet u li tiskatta rapport meta jinqabżu l-livelli ta’ limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness VI (B1). Sistemi OBD tal-istadju I għal dawk il-kategoriji u s-subkategoriji tal-vetturi għandhom ukoll jirrapportaw l-iskattar ta’ kwalunkwe mod ta’ operazzjoni li jnaqqas it-torque tal-magna b’mod sinifikanti.

4.  Mid-dati stipulati fil-punt 1.8.3 tal-Anness IV, il-kategoriji tal-vetturi L3e, L4e, L5e u L7e għandhom ikunu mgħammra b’sistema OBD tal-istadju I li timmonitorja kwalunkwe falliment taċ-ċirkwit elettriku u tal-elettronika tas-sistema tal-kontroll tal-emissjonijiet u li tiskatta rapport meta jinqabżu l-livelli ta’ limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness VI (B2). Sistemi OBD tal-istadju I għal dawk il-kategoriji tal-vetturi għandhom ukoll jirrapportaw l-iskattar ta’ kwalunkwe mod ta’ operazzjoni li jnaqqas it-torque tal-magna b’mod sinifikanti.

5.  Mid-dati stipulati fil-punt 1.8.4 tal-Anness IV, il-kategoriji u s-subkategoriji ta’ vetturi L3e, L4e, L5e-A u L7e-A għandhom minn barra hekk ikunu mgħammra b’sistema OBD tal-istadju II li timmonitorja u tirraporta fallimenti u degradazzjoni tas-sistema tal-kontroll tal-emissjonijiet, bl-eċċezzjoni tal-monitoraġġ tal-katallizatur, li jirriżultaw fi qbiż tal-livelli ta’ limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness VI (B1).

6.  Mid-dati stipulati fil-punt 1.8.5 tal-Anness IV, il-kategoriji u s-subkategoriji ta’ vetturi L3e, L4e, L5e-A u L7e-A għandhom barra minn hekk ikunu mgħammra b’sistema OBD tal-istadju II li timmonitorja u tirraporta fallimenti u degradazzjoni tas-sistema tal-kontroll tal-emissjonijiet, li jirriżultaw fi qbiż tal-livelli ta’ limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness VI (B2).

7.  Il-paragrafi 5 u 6 ma għandhomx japplikaw għal muturi enduro fis-subkategorija L3e-AxE u muturi tat-trials fis-subkategorija L3e-AxT.

8.  Sabiex tarmonizza s-sistema OBD ta' rappurtar tal-fallimenti tas-sikurezza funzjonali jew tas-sistema tal-kontroll tal-emissjonijiet u tiffaċilita t-tiswija effikaċi u effiċjenti ta’ vettura, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 75 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistipulaw ir-rekwiżiti tekniċi dettaljati marbuta mas-sistema dijanjostika abbord, fir-rigward tal-kategoriji u s-subkategoriji tal-vetturi msemmija fl-Anness II, C1 - Rekwiżiti tal-bini tal-vetturi u rekwiżiti ġenerali għall-approvazzjoni tat-tip, fir-ringiela relatata man-Nru. 11, inklużi r-rekwiżiti OBD funzjonali u l-proċeduri tat-test għal dawk is-suġġetti elenkati fil-paragrafi 1 sa 7 ta’ dan l-Artikolu u r-rekwiżiti tekniċi dettaljati marbuta mat-test ta’ tip VIII imsemmija fl-Anness V.";

"

(2)  Fl-Artikolu 23(3), il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:"

“(c) proċedura matematika tad-durabilità:

Sal-31 ta’ Diċembru 2024, għal kull kostitwent tal-emissjonijiet, il-prodott tal-multiplikazzjoni tal-fattur ta’ deterjorament stabbilit fl-Anness VII(B) u r-riżultat tat-test tal-prestazzjoni ambjentali ta’ vettura li tkun akkumulat aktar minn 100 km wara li tkun tħaddmet għall-ewwel darba fi tmiem il-linja ta’ produzzjoni għandu jkun aktar baxx mil-limitu tat-test tal-prestazzjoni ambjentali stipulat fl-Anness VI(A).

Minkejja l-ewwel subparagrafu, għal tipi ġodda ta’ vetturi mill-1 ta’ Jannar 2020 u għal tipi eżistenti ta’ vetturi mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2024, għal kull kostitwent tal-emissjonijiet, il-prodott tal-multiplikazzjoni tal-fattur ta’ deterjorament stabbilit fl-Anness VII (B) u r-riżultat tat-test tal-prestazzjoni ambjentali ta’ vettura li tkun akkumulat aktar minn 2 500 km għal vettura b’veloċità massima skont id-disinn tal-vettura ta’ < 130 km/h u 3 500 km għal vettura b’veloċità massima skont id-disinn tal-vettura ta’ ≥ 130 km/h wara li tkun tħaddmet għall-ewwel darba fi tmiem il-linja ta’ produzzjoni għandu jkun aktar baxx mil-limitu tal-emissjonijiet tal-egżoststipulat fl-Anness VI (A).”;

"

(3)  Fl-Artikolu 30(1), il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:"

(b) l-iskeda tar-riżultati tat-testijiet;

"

(4)  Fl-Artikolu 44(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:"

"L-ewwel subparagrafu għandu japplika biss għal vetturi fit-territorju tal-Unjoni li kienu koperti b'approvazzjoni tat-tip tal-UE valida fiż-żmien tal-produzzjoni tagħhom, iżda li la kienu rreġistrati u lanqas iddaħħlu fis-servizz qabel ma dik l-approvazzjoni tat-tip tal-UE tilfet il-validità tagħha.";

"

(5)  L-Artikolu 75(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:"

"2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 18(3), l-Artikolu 20(2), l-Artikolu 21(8), l-Artikolu 22(5) u (6), l-Artikolu 23(6) u (12), l-Artikolu 24(3), l-Artikolu 25(8), l-Artikolu 32(6), l-Artikolu 33(6), l-Artikolu 50(4), l-Artikolu 54(3), l-Artikolu 57(12), l-Artikolu 65 u l-Artikolu 74 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mit-22 ta’ Marzu 2013. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' ħames snin, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard mit-22 ta’ Ġunju 2022 u disa’ xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu ta’ ħames snin sussegwenti.";

"

(6)  L-Annessi II, IV, V u VI huma emendati skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS

L-Annessi II, IV, V u VI huma emendati kif ġej:

(1)  Fl-Anness II, it-taqsima C1, fir-ringiela relatata man-Nru.11, is-sinjal "X" jitħassar għas-subkategoriji L6e-A u L6e-B;

(2)  Fl-Anness IV, it-tabella hija emendata kif ġej:

(a)  il-punti 1.1.2.1., 1.1.2.2. u 1.1.2.3. huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.1.2.1.

Euro 4: Anness VI A1

L1e, L2e, L6e

1.1.2017

1.1.2018

31.12.2020; għal-L2e-U u L6e-B: 31.12.2024

1.1.2.2.

Euro 4: Anness VI A1

L3e, L4e, L5e,

L7e

1.1.2016

1.1.2017

31.12.2020; għal-L3e-AxE u L3e-AxT 31.12.2024

1.1.2.3.

Euro 5: Anness VI A2

L1e-L7e

1.1.2020;

għal L2e-U, L3e-AxE, L3e-AxT u L6e-B: 1.1.2024

1.1.2021;

għal L2e-U, L3e-AxE, L3e-AxT u L6e-B: 1.1.2025

”;

(b)  il-punti 1.8.1., 1.8.2. u 1.8.3. huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.8.1.

Rekwiżiti funzjonali tal-OBD tal-istadju I

L3e, L4e,

L5e-A, L7e-A

1.1.2016

1.1.2017

31.12.2020

Proċedura tat-test ambjentali OBD tal-istadju I (test tat-tip VIII)

Limiti tat-test ambjentali OBD tal-istadju I, Anness VI (B1)

1.8.2.

Ir-rekwiżiti funzjonali tal-OBD tal-istadju I li jinkludu kwalunkwe mod ta’ operazzjoni li jnaqqas it-torque tal-magna b’mod sinifikanti.

L3e, L4e, L5e, L7e

1.1.2020

1.1.2021

31.12.2024

Proċedura tat-test ambjentali OBD tal-istadju I (test tat-tip VIII)

Limiti tat-test ambjentali OBD tal-istadju I, Anness VI (B1)

1.8.3.

Ir-rekwiżiti funzjonali tal-OBD tal-istadju I li jinkludu kwalunkwe mod ta’ operazzjoni li jnaqqas it-torque tal-magna b’mod sinifikanti.

L3e, L4e, L5e, L7e

1.1.2024

1.1.2025

”;

Proċedura tat-test ambjentali OBD tal-istadju I (test tat-tip VIII)

Limiti tat-test ambjentali OBD tal-istadju I, Anness VI (B2)

(c)  jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“1.8.4.

Rekwiżiti funzjonali tal-OBD tal-istadju II

bl-eċċezzjoni tal-monitoraġġ tal-katallizatur

L3e (għajr L3e-AxE u L3e-AxT, L4e,

L5e-A, L7e-A

1.1.2020

1.1.2021

31.12.2024

Proċeduri tat-test ambjentali OBD tal-istadju II (test tat-tip VIII)

Limiti tat-test ambjentali OBD tal-istadju II, Anness VI (B1)

1.8.5.

Rekwiżiti funzjonali tal-OBD tal-istadju II,

L3e (għajr L3e-AxE u L3e-AxT, L4e, L5e-A, L7e-A

1.1.2024

1.1.2025

”;

Proċeduri tat-test ambjentali OBD tal-istadju II (test tat-tip VIII),

Limiti tat-test ambjentali OBD tal-istadju II, Anness VI (B2)

(d)  il-punti 1.9.1., u 1.9.2. huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.9.1.

Proċedura tat-test tal-livell tal-ħoss u valuri ta’ limitu Anness VI (D)

L1e, L2e, L6e

1.1.2017

1.1.2018

 

1.9.2.

Proċedura tat-test tal-livell tal-ħoss u valuri ta’ limitu (3), Anness VI (D)

L3e, L4e, L5e, L7e

1.1.2016

1.1.2017

”;

(e)  il-punt 1.9(4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.9.4.

Ir-Regolamenti tan-NU/KEE Nri 9, 41, 63, 92 u valuri ta’ limitu ġodda assoċjati, proposti mill-Kummissjoni

L1e-L7e

 

 

”.

(3)  Fl-Anness V, it-taqsima B, il-kontenut taċ-ċellola fl-ewwel kolonna, it-tieni ringiela, huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Test tat-Tip I (19) Massa tal-partikoli (Euro 5 biss)";

(4)  L-Anness VI huwa emendat kif ġej:

(a)  fit-taqsima B1, titħassar l-ewwel ringiela li tirreferi għall-kategorija tal-Vetturi "L6e-A";

(b)  fit-taqsima B2, l-ewwel ringiela:

(i)  il-kliem: "L3e-L7e (6)" huwa sostitwit bil-kliem:

"L3e, L4e, L5e, L7e"

(ii)  il-kliem: "Il-vetturi kollha tal-kategorija L ħlief il-kategoriji L1e u L2e" huwa sostitwit bil-kliem:

"Il-vetturi kollha tal-kategorija L ħlief il-kategoriji L1e, L2e u L6e”.

(1) ĠU C 367, 10.10.2018, p. 32.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Novembru 2018.
(3)Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi b'żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 52).

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Novembru 2018Avviż legali