Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2145(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0341/2018

Testi mressqa :

A8-0341/2018

Dibattiti :

PV 28/11/2018 - 25
CRE 28/11/2018 - 25

Votazzjonijiet :

PV 29/11/2018 - 8.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0480

Testi adottati
PDF 470kWORD 63k
Il-Ħamis, 29 ta' Novembru 2018 - Brussell Verżjoni proviżorja
Rapport tal-2018 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja
P8_TA-PROV(2018)0480A8-0341/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2018 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2018 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2018/2145(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2005 li tagħti lill-pajjiż l-istatus ta' kandidat għall-adeżjoni mal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Finali għar-Riżoluzzjoni tad-Differenzi kif deskritt fir-riżoluzzjonijiet 817 (1993) u 845 (1993), it-tmiem tal-Ftehim Interim tal-1995 u l-ħolqien ta' Sħubija Strateġika bejn il-Greċja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tas-17 ta' Ġunju 2018, magħrufa wkoll bl-isem ta' Ftehim ta' Prespa,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas konkluż f'Ohrid u ffirmat fi Skopje fit-13 ta' Awwissu 2001 (Ftehim Qafas ta' Ohrid, "OFA"),

–  wara li kkunsidra l-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti tal-Kummissjoni għall-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-ftehim politiku (l-hekk imsejjaħ "Ftehim ta' Pržino") li ntlaħaq bejn l-erba' partiti politiċi ewlenin fi Skopje fit-2 ta' Ġunju u fil-15 ta' Lulju 2015, u l-ftehim bejn l-erba' partiti dwar l-implimentazzjoni tiegħu tal-20 ta' Lulju u tal-31 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Kwistjonijiet Sistemiċi tal-Istat tad-Dritt tal-14 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin varat fit-28 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapporti finali tal-OSKE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet parlamentari bikrija tal-11 ta' Diċembru 2016, li ġew ukoll osservati mill-Parlament Ewropew, u l-elezzjonijiet muniċipali tal-15 ta' Ottubru u tad-29 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-"Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija" tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, tat-28 ta' Ġunju 2018, li appoġġjaw il-konklużjonijiet dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni adottati mill-Kunsill fis-26 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-laqgħa tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tan-NATO tal-11 u tat-12 ta' Lulju 2018 li tistieden lill-pajjiż jibda t-taħditiet ta' adeżjoni biex jissieħeb fl-alleanza,

–  wara li kkunsidra l-14-il laqgħa, li saret fit-13 ta' Lulju 2018, tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2018 bit-titolu "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" (COM(2018)0065),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' April 2018 bit-titolu "Komunikazzjoni tal-2018 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE" (COM(2018)0450), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "The former Yugoslav Republic of Macedonia 2018 Report" (Rapport 2018 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja) (SWD(2018)0154), li jirrakkomandaw il-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni fid-dawl tal-progress li sar u tal-impenn sostnut favur ir-riformi;

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni il-Programm ta' Riformi Ekonomiċi tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (SWD(2018)0134) u l-Konklużjonijiet Konġunti tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija tal-25 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet adottati fl-14-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li saret Strasburgu fis-7 u fit-8 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra l-proċess għal "Djalogu Jean Monnet" mal-karigi ta' tmexxija parlamentari u mal-partiti politiċi fl-Assemblea (Sobranie), varat f'Ohrid mis-17 u sat-18 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0341/2018),

A.  billi permezz tal-implimentazzjoni ta' riformi demokratiċi sodi u inklużivi u tat-titjib attiv tar-relazzjonijiet mal-ġirien, il-gvern il-ġdid qiegħed juri kontinwità fl-impenn favur it-triq Ewropea u Ewro-Atlantika tal-pajjiż; billi l-isforzi għar-riformi għandhom jimxu pari passu mas-sostenn kontinwu tal-UE favur l-implimentazzjoni tal-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti u riżultati li jistgħu jitkejlu; billi l-prospettiva ta' adeżjoni mal-UE tirrappreżenta xprun qawwi għar-riformi fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, speċjalment fir-rigward tal-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; billi l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja hija meqjusa bħala l-pajjiż kandidat li l-aktar għamel progress fl-allinjament tal-leġiżlazzjoni tiegħu mal-acquis tal-UE;

B.  billi l-Ftehim ta' Prespa tas-17 ta' Ġunju 2018 dwar ir-riżoluzzjoni tad-differenzi u l-ħolqien ta' sħubija strateġika bejn l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Greċja jibgħat sinjal pożittiv tant bżonnjuż għall-istabilità u r-rikonċiljazzjoni fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent kollu kemm hu, itejjeb l-ispirtu tar-relazzjonijiet ta' bon viċinat u l-kooperazzjoni reġjonali u jwitti t-triq għall-integrazzjoni Ewropea tal-pajjiż;

C.  billi l-Greċja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja qablu bejniethom dwar 11-il miżura għat-tisħiħ tal-fiduċja, prinċipalment fl-oqsma tal-affarijiet politiċi u tal-UE, l-edukazzjoni u l-kultura, il-kummerċ u l-kooperazzjoni ekonomika, il-konnettività, il-ġustizzja u l-affarijiet interni kif ukoll il-kooperazzjoni fis-saħħa; billi dawn il-miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja diġà pproduċew riżultati konkreti;

D.  billi l-partiti politiċi kollha u l-istituzzjonijiet statali kollha għandhom id-dmir li jikkontribwixxu għal atmosfera politika aktar inklużiva u miftuħa, b'hekk jitħalla jsir aktar progress fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE;

E.  billi l-pajjiż għandu jkompli jsaħħaħ, fost affarijiet oħra, il-kapaċità leġiżlattiva u ta' sorveljanza parlamentari, il-ġudikatura, ir-rispett tal-istat tad-dritt, il-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni; billi hemm bżonn sforzi sostnuti għal riformi fl-oqsma tal-amministrazzjoni pubblika, l-ekonomija u l-impjiegi, u jinħtieġ ukoll rieżami komprensiv tal-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas ta' Ohrid (OFA);

F.  billi l-adeżjoni tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja man-NATO se tikkontribwixxi għall-paċi u għall-istabilità tar-reġjuni kollu kemm hu;

G.  billi fit-28 ta' Ġunju 2018 il-Kunsill Ewropew approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2018, b'hekk witta t-triq għall-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni f'Ġunju 2019;

H.  billi fit-18 ta' Lulju 2018 il-Kummissjoni inizjalat ftehim dwar l-istatus mal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex it-timijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) jitħallew iwettqu operazzjonijiet konġunti mal-pajjiż u fi ħdanu għal finijiet ta' migrazzjoni u ġestjoni tal-fruntieri, bħala element fundamentali tal-istrateġija tal-Kummissjoni għall-Balkani tal-Punent;

I.  billi t-tniġġis tal-arja huwa problema kbira fil-bliet tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u skont l-aħħar studju tal-Istitut Meteoroloġiku Finlandiż u l-Istitut tas-Saħħa Pubblika tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, Skopje u Tetovo għandhom l-ogħla konċentrazzjoni ta' materja partikolata fina fl-arja (PM2,5) minn fost il-bliet Ewropej kollha;

J.  billi r-reġjun tal-Balkani huwa strateġikament importanti;

K.  billi kull pajjiż kandidat huwa valutat individwalment fuq il-merti tiegħu stess, u huma r-rapidità u l-kwalità tar-riformi li jiddeterminaw il-kalendarju tal-adeżjoni u r-ritmu tan-negozjati;

L.  billi, wara proċess ġudizzjarju eżawrjenti u trasparenti, Nikola Gruevski nstab ħati ta' abbuż ta' poter mill-qrati tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u kkundanat sentejn priġunerija; billi bosta qrati sostnew din il-kundanna u d-deċiżjoni daħlet fis-seħħ wara ġew eżawriti l-appelli kollha; billi kien ukoll akkużat f'erba' kawżi kriminali pendenti oħrajn u involut f'ħames inkriminazzjonijiet kriminali ulterjuri li għadhom għaddejjin;

Riformi kumplessivi u relazzjonijiet ta' bon viċinat

1.  Jilqa' pożittivament l-impenn politiku qawwi tal-gvern biex jimplimenta bis-sħiħ il-Ftehim ta' Pržino u l-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti, li jwasslu għal sforzi intensifikati għar-riformi relatati mal-UE, fuq il-bażi ta' kooperazzjoni interetnika u bejn id-diversi partiti u ta' konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili, u jissottolinja l-importanza li jitkomplew dawn l-isforzi f'ġieħ il-futur Ewropew tal-pajjiż; jinkoraġġixxi lill-gvern il-ġdid iżomm rankatura pożittiva u jiżgura li jsir progress fir-riformi relatati mal-UE, jaċċelerahom u jimplimentahom bis-sħiħ, b'mod trasparenti u inklużiv; jitlob li jkun hemm sostenn biex l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tissieħeb mal-organizzazzjonijiet Ewro-Atlantiċi biex tiżdied is-sigurtà reġjonali;

2.  Jesprimi apprezzament kbir għad-diplomazija pożittiva u l-isforzi attivi għat-tisħiħ tal-fiduċja li wasslu għal kompromess, għar-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet bilaterali miftuħa u għall-promozzjoni ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat; jisħaq fuq il-fatt li l-kwistjonijiet bilaterali ma għandhomx ifixklu l-proċess ta' adeżjoni; jilqa' b'sodisfazzjon kbir id-dħul fis-seħħ fl-14 ta' Frar 2018 tat-trattat ta' ħbiberija mal-Bulgarija, li għandu jiggarantixxi relazzjoni ta' bon viċinat dejjiema u konċiljanti bejn iż-żewġ pajjiżi;

3.  Jilqa' favorevolment il-Ftehim ta' Prespa, tas-17 'ta Ġunju 2018, bejn il-Greċja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u jfaħħar liż-żewġ naħat għall-isforzi sinifikanti tagħhom biex jilħqu soluzzjoni sodisfaċenti għat-tnejn li huma għall-kwistjoni tal-isem; jilqa' pożittivament ir-ratifika tiegħu min-naħa tal-Parlament tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fl-20 ta' Ġunju u fil-5 ta' Lulju 2018; iqis li huwa fl-interessi taċ-ċittadini tal-pajjiż li l-atturi politiċi kollha u s-soċjetà ċivili kollha jaġixxu b'mod kostruttiv u jerfgħu r-responsabbiltajiet storiċi tagħhom; iħeġġeġ lill-partiti jagħtu prijorità lill-interessi ta' pajjiżhom fuq l-interessi partiġjani, jinformaw b'mod debitu liċ-ċittadini dwar il-kontenuti u l-implikazzjonijiet tal-ftehim u jlestu, b'mod diliġenti, il-proċeduri interni kollha għar-ratifika u għall-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim ta' importanza strateġika, b'hekk jintemm limbu ġeopolitiku li ilu jkarkar is-snin u jagħtu eżempju tajjeb ta' paċi u stabilità fir-reġjun; jisħaq fuq l-importanza tar-referendum tat-30 ta' Settembru 2018 dwar l-integrazzjoni fl-UE u fin-NATO tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

4.  Jieħu nota tar-riżultat tar-referendum tat-30 ta' Settembru 2018; jisħaq fuq il-bżonn ta' aktar sostenn għall-futur Ewro-Atlantiku tal-pajjiż u ta' implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Prespa tas-17 ta' Ġunju 2018; jinkoraġġixxi lill-gvern ta' Skopje jieħu l-azzjonijiet kollha neċessarji u possibbli biex jonora d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Prespa, li jiftaħ il-bieb għan-negozjati ta' adeżjoni mal-UE u man-NATO;

5.  Jilqa' pożittivament il-votazzjoni, li saret fid-19 ta' Ottubru fis-Sobranie, maħsuba biex tagħti bidu għall-proċess ta' emenda kostituzzjonali ħalli jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Ftehim ta' Prespa; jistieden lill-partiti politiċi kollha jkomplu jikkooperaw fi spirtu ta' responsabbiltà kondiviża fil-fażijiet li jmiss tal-proċedura emendatorja; itenni s-sostenn qawwi tiegħu favur il-futur Ewropew u Ewro-Atlantiku tal-pajjiż u jħeġġeġ lill-gvern u lill-parlament ikomplu ħidmithom fir-riformi li se jwittu t-triq għall-adeżjoni mal-UE; jinkoraġġixxi lill-Prosekutur Pubbliku Speċjali u lill-qrati jwettqu l-investigazzjonijiet indipendenti tagħhom dwar il-kawżi pendenti kollha ta' illeċiti politiċi u kriminali u jtellgħu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;

6.  Jilqa' pożittivament l-isforzi diplomatiċi tal-pajjiż biex irawmu kooperazzjoni bilaterali u reġjonali mal-Albanija u jistabbilixxu relazzjonijiet kwalitattivi ġodda fl-oqsma bħall-kummerċ, l-infurzar tal-liġi, il-ġlieda kontra l-frodi u l-prevenzjoni tat-terroriżmu;

7.  Ifakkar li l-pajjiż diġà kiseb livell għoli ta' allinjament mal-acquis; jiddispjaċih bil-fatt, madankollu, li partijiet ta' din il-leġiżlazzjoni għadhom ma ġewx implimentati; jieħu nota tat-titjib fl-allinjament mad-dikjarazzjonijiet tal-UE u mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà komuni u jisħaq fuq l-importanza li jintlaħaq progressivament allinjament totali, li huwa rekwiżit preliminari għall-futur Ewro-Atlantiku tal-pajjiż;

8.  Jirrikonoxxi l-progress li sar fis-settur pubbliku bl-adozzjoni tal-istrateġija ta' riforma tal-amministrazzjoni pubblika u tal-programm ta' riforma tal-ġestjoni finanzjarja; jistieden lill-gvern jimplimenta totalment dawn ir-riformi; jinkoraġġixxi lill-pajjiż isaħħaħ ulterjorment il-professjonalità, billi jtejjeb it-trasparenza u r-rappreżentanza ekwa, u jiggarantixxi r-rispett sħiħ tal-prinċipju tal-mertu għal dak li għandu x'jaqsam mar-reklutaġġ f'pożizzjonijiet tas-servizz pubbliku;

9.  Jikkundanna b'aktar termini qawwija possibbli l-attakk tas-27 ta' April 2017 fuq il-Parlament tal-pajjiż, li jikkostitwixxi attakk fuq id-demokrazija u li matulu bosta deputati u ġurnalisti sfaw feruti gravi, u jappella biex l-organizzaturi u dawk responsabbli minn dawn l-atti jittellgħu quddiem il-ġustizzja; jilqa' pożittivament l-investigazzjoni li għaddejja u l-proċess tal-kawża; jenfasizza li d-determinazzjoni tar-responsabbiltajiet għal dawn l-atti ta' vjolenza għandhom tkompli ssir b'konformità tal-liġi u b'mod trasparenti, indipendenti u proporzjonat; ikompli jikkundanna kwalunkwe forma ta' ostruzzjoniżmu u kwalunkwe abbuż ta' proċeduri min-naħa tal-Parlament jew tal-poteri presidenzjali bi ksur tal-kostituzzjoni;

10.  Jappoġġja totalment ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u d-deċiżjoni tal-Kunsill konsegwenti li stabbiliet Ġunju 2019 bħala d-data għall-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni bħala rikonoxximent tal-isforzi għar-riformi inkoraġġanti; iqis li ftuħ rapidu tal-proċess ta' eżami analitiku tal-acquis (screening) u tat-taħditiet dwar l-adeżjoni se jsostni u jqawwi l-ispinta għar-riformi; iqis li l-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni jkompli jinċentiva d-demokratizzazzjoni u jsaħħaħ l-iskrutinju u l-obbligu ta' rendikont;

11.  Jilqa' pożittivament l-istedina formali li għamlet in-NATO lill-pajjiż fil-11 ta' Lulju 2018 biex jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni mal-organizzazzjoni;

12.  Iqis li l-adeżjoni tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja man-NATO tista' tikkontribwixxi biex jinkisbu aktar sigurtà u stabilità politika fix-Xlokk tal-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO jagħtu sostenn attiv favur l-adeżjoni tal-pajjiż man-NATO;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-pajjiż dalwaqt se jgħaddi għat-tieni fażi tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u li se jiġi inkluż fl-Inizjattiva Adrijatika-Jonika, u jistieden lill-Kunsill jinkludi lill-pajjiż fl-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku;

Demokratizzazzjoni

14.  Jilqa' pożittivament l-azzjonijiet inizjali li ttieħdu biex jerġgħu jiddaħħlu l-kontrokontrolli u tiżdied l-inklużjoni bis-saħħa ta' miżuri li jtejbu l-kuntest li fih joperaw l-istituzzjonijiet indipendenti inkarigati mis-sorveljanza, il-mezzi ta' komunikazzjoni u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ); jilqa' pożittivament id-djalogu kostruttiv bejn il-gvern u l-OSĊ u r-rwol li dawn tal-aħħar żvolġew biex jiggarantixxu sistema ta' kontrokontrolli aħjar; jenfasizza li l-bidliet fundamentali li għaddejjin għandhom isiru fi klima politika inklużiva u miftuħa;

15.  Japprezza l-isforzi tal-gvern maħsuba biex jipprevjeni rigress u jiġu eliminati l-elementi ta' manipulazzjoni tal-Istat li fadal u jinkoraġġih jintensifika dawn l-isforzi; ifakkar li l-pajjiż kien minn ta' quddiem nett fil-proċess ta' adeżjoni fis-snin 2000;

16.  Jilqa' pożittivament it-titjib fil-leġiżlazzjoni elettorali, iżda jisħaq fuq il-bżonn ta' reviżjoni puntwali tal-Kodiċi Elettorali billi jiġu indirizzati b'mod komprensiv ir-rakkomandazzjonijiet OSKE/ODIHR, tal-Kummissjoni ta' Venezja u GRECO li fadal dwar il-finanzjament tal-kampanji u dwar il-partiti politiċi; jenfasizza li hemm bżonn aktar sforzi għall-prevenzjoni u għall-investigazzjoni ta' kull forma ta' intimidazzjoni tal-votanti; iħeġġeġ lill-partiti politiċi jiddemokratizzaw il-proċessi deċiżjonali interni tagħhom;

17.  Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jissuktaw iċ-ċensiment interrott, li jkun jagħti statistika preċiża dwar id-data rigward il-popolazzjoni, biex isservi ta' bażi għall-programmi ta' żvilupp tal-gvern u għall ippjanar adegwat tal-baġit, kif ukoll għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u għall-kalkolu tar-riżultati elettorali;

18.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-issuktar tal-laqgħat tal-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u jinkoraġġixxi l-ħidma kostruttiva bla heda fi ħdan dan il-qafas interparlamentari;

19.  Jilqa' pożittivament il-varar tal-proċess għal "Djalogu Jean Monnet" f'Ohrid fis-17 u fit-18 ta' Mejju 2018 u l-adozzjoni konsegwenti tal-Kodiċi ta' Etika bis-sostenn unanimu tal-partiti kollha; jinkoraġġixxi lill-Grupp ta' Ħidma għar-Riformi u l-Funzjonament tas-Sobranie jirrieżami r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament u jressaq proposti għal emendi u skadenzi għall-adozzjoni għal dak li għandu x'jaqsam mal-oqsma prijoritarji definiti fil-konklużjonijiet f'Ohrid; jinkoraġġixxi lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti fil-proċess politiku jkomplu jsaħħu l-kultura ta' kompromess u djalogu politiku kostruttiv, speċjalment fost id-deputati tal-Parlament, u jastjenu milli joħolqu kwalunkwe ostruzzjoniżmu li jkun ifixkel il-funzjonament effikaċi tal-Parlament;

20.  Jirrakkomanda li l-Parlament tal-pajjiż jagħmel użu sħiħ tal-funzjonijiet leġiżlattivi u ta' sorveljanza tiegħu, filwaqt li jillimita rigorożament l-użu tal-proċeduri ta' urġenza li jimminaw l-iskrutinju parlamentari u pubbliku; jitlob li tinbena każistika kredibbli dwar is-sorveljanza tas-servizzi ta' intelligence u l-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fil-pajjiż;

21.  Jilqa' pożittivament il-miżuri sinifikanti li ħa l-gvern biex jerġa' jġib gradwalment kultura tal-kompromess billi jidħol f'kuntatt mal-partijiet ikkonċernati kollha, inkluża l-oppożizzjoni, bil-għan li jissaħħu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u x-xewqa ġenwina ta' riforma b'mod inklużiv u trasparenti;

22.  Jitlob li tinbeda implimentazzjoni effikaċi tal-istrateġija ta' riforma tal-amministrazzjoni pubblika kif ukoll li jkunu stabbiliti linji ċari ta' obbligu ta' rendikont; jissottolinja l-importanza tar-rispett sħiħ tal-prinċipju tal-mertu għal dak li għandu x'jaqsam mar-reklutaġġ u tal-konkors miftuħ għall-proċeduri ta' reklutaġġ kollha, u jitlob żieda fil-kapaċità tal-ġestjoni tar-riżorsi umani; jitlob li jittieħdu miżuri msaħħa biex itejbu l-kapaċitajiet ta' ppjanar settorjali u finanzjarju fl-amministrazzjoni pubblika kollha;

23.  Jilqa' favorevolment it-tisħiħ tal-proċessi ta' deċentralizzazzjoni min-naħa tal-gvern bl-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għad-deċentralizzazzjoni u l-iżvilupp 2018-2020 bħala pass importanti biex tiġi indirizzata l-iskarsezza tal-finanzjamenti u tas-servizzi fil-muniċipalitajiet;

24.  Jilqa' pożittivament l-isforzi li qegħdin isiru biex jiġi promossi l-governanza tajba, l-obbligu ta' rendikont u ambjent medjatiku liberu, tiżdied it-trasparenza u jitjieb l-aċċess għall-informazzjoni pubblika, inkluż permezz tal-pubblikazzjoni tan-nefqa tal-istituzzjonijiet tal-Istat; jitlob miżuri ulterjuri biex ikunu garantiti d-drittijiet taċ-ċittadini għall-aċċess għall-informazzjoni pubblika; jagħmel appell biex isiru sforzi sostnuti ħalli tiżdied l-inklużjoni fil-proċess deċiżjonali u jitjieb il-koordinament interistituzzjonali;

25.  Jitlob li jsir aktar progress fid-diġitalizzazzjoni tal-informazzjoni pubblika bil-għan li ssir aktar aċċessibbli, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet isibu soluzzjonijiet diġitali innovattivi biex ikomplu jsaħħu t-trasparenza u l-aċċess faċli għall-informazzjoni pubblika u jnaqqsu l-burokrazija relatata;

Stat tad-dritt

26.  Ifakkar li l-funzjonament korrett tas-sistema ġudizzjarja u l-miżuri effikaċi tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma importantissmi fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE;

27.  Jilqa' pożittivament l-istrateġija tar-riforma ġudizzjarja mmirata li terġa' ġġib l-indipendenza tal-ġudikatura, l-obbligu ta' rendikont u l-professjonalità u ttemm l-indħil politiku u l-ġustizzja selettiva, u jistieden lill-gvern tal-pajjiż u lill-partijiet ikkonċernati l-oħra jintensifikaw l-isforzi biex jimplimentaw korrettament l-istrateġija ta' riforma ġudizzjarja, billi jinħolqu mekkaniżmi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni sodi; jisħaq fuq il-bżonn ta' allinjament leġiżlattiv komplut konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; jitlob l-adozzjoni u l-implimentazzjoni kontinwi tal-miżuri previsti fl-istrateġija ta' riforma ġudizzjarja; jissottolinja li hemm bżonn aktar sforzi biex il-ġudikatura tiġi mħarsa mill-indħil politiku;

28.  Japprezza l-fatt li f'Jannar 2018 twaqqaf il-Kunsill dwar l-Etika Ġudizzjarja u li l-Akkademja tal-Imħallfin u tal-Prosekuturi organizzat korsijiet ta' taħriġ dwar l-imġiba etika għall-imħallfin għal finijiet ta' prevenzjoni tal-kunflitti ta' interessi u ħolqien ta' miżuri kontra l-korruzzjoni;

29.  Għadu inkwetat bil-korruzzjoni mifruxa u jilqa' pożittivament l-ewwel riżultati fil-prevenzjoni u fil-prosekuzzjoni tagħha; huwa inkwetat bin-numru limitat ta' sentenzi li jkunu għaddew f'ġudikat fir-rigward ta' każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli, iżda jieħu nota tas-sentenzi ta' prim'istanza dwar il-każijiet ta' korruzzjoni u abbuż tal-poter u dwar dak li ġara fis-27 ta' April 2017; jagħmel appell biex isiru sforzi sostnuti ħalli tinbena każistika ta' investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni definittivi f'każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli u tal-kriminalità organizzata; ifaħħar ix-xogħol li għamel l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali (SPO) f'ċirkostanzi diffiċli u għadu inkwetat bl-attakki u l-atti ta' ostruzzjoniżmu fil-konfront ta' xogħlu u bin-nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet l-oħrajn;

30.  Jistieden lill-awtoritajiet jintensifikaw il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-kunflitti ta' interess billi jistabbilixxu u jsaħħu l-kapaċitajiet ta' kontra l-korruzzjoni, il-ġlieda kontra l-kriminalità u ċ-ċelloli ta' investigazzjoni finanzjarja, kif ukoll permezz tal-iffriżar, tal-konfiska u tal-irkupru u tal-ġestjoni tal-assi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jibnu każistika ta' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet u jżidu n-numru ta' kundanni fil-każijiet ta' ħasil tal-flus u ta' reati finanzjarji f'livell għoli; jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-informaturi ta' irregolaritajiet, li tiżgura protezzjoni aqwa lil dawn tal-aħħar u ssaħħaħ il-politiki tal-gvern kontra l-korruzzjoni; jitlob li l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, tal-kontroll finanzjarju u tal-akkwist pubbliku tiġi rieżaminata b'urġenza; jinkoraġġixxi riforma tal-qafas ġuridiku ġenerali b'tali mod li l-Kummissjoni tal-Istat għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni jkollha setgħat ċari u tkun tista' taħdem b'mod totalment indipendenti u li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku kontra l-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni jkun jista' jwettaq investigazzjonijiet perjodiċi;

31.  Jirrimarka li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma mifruxa fir-reġjun u jirrappreżentaw ukoll ostaklu għall-iżvilupp demokratiku, soċjali u ekonomiku tal-pajjiż; iqis li strateġija reġjonali u kooperazzjoni mtejba bejn il-pajjiżi kollha fir-reġjun huma essenzjali biex dawn il-kwistjonijiet jiġu ttrattati b'mod aktar effikaċi;

32.  Jagħmel appell biex tkun garantita b'mod rigoruż ir-responsabbiltà politika u ġuridika tar-reati, anki għal dawk li jirriżultaw mill-iskandlu tal-interċettazzjonijiet; iħeġġeġ lill-Parlament ilesti r-riforma tas-servizzi ta' intelligence, u jiżgura sorveljanza esterna adegwata tal-aġenziji tas-sigurtà u tal-intelligence;

33.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jieħdu azzjoni deċiżiva biex iżarmaw ix-xbieki kriminali involuti fit-traffikar tad-droga, tal-bnedmin u tal-armi, u jżidu l-kapaċità istituzzjonali tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni interistituzzjonali ta' bejniethom kif ukoll itejbu l-każistika ta' investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni definittivi;

34.  Jirrikonoxxi l-isforzi li saru u r-rwol kostruttiv li l-pajjiż żvolġa biex jindirizza l-isfidi tal-kriżi migratorja u tar-rifuġjati Ewropea; josserva l-isforz sostnut u jappella għal aktar titjib tas-sistema tal-asil u tal-ġestjoni tal-migrazzjoni; jinkoraġġixxi lill-pajjiż jintensifika u jkompli jappronfondixxi l-kooperazzjoni reġjonali reċiprokament vantaġġjuża u s-sħubija ma' Frontex fl-ambitu ta' ftehim dwar l-istatus ġdid bil-għan li jiżżarmaw ix-xbieki tat-traffikar tal-bnedmin;

35.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-migranti u r-rifuġjati, speċjalment in-nisa u t-tfal, li japplikaw għall-asil fil-pajjiż jew li jivvjaġġaw fit-territorju tiegħu jiġu ttrattati skont id-dritt internazzjonali u tal-UE;

36.  Iqis li huwa neċessarju li l-awtoritajiet ikomplu u jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra r-radikalizzazzjoni Iżlamika u l-ġellieda terroristiċi barranin; jitlob li dan jiġi implimentat bis-saħħa ta' iżjed kooperazzjoni bejn l-aġenziji tas-sigurtà u l-OSĊ, il-mexxejja reliġjużi, il-komunitajiet lokali u l-istituzzjonijiet statali l-oħra fis-setturi tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tas-servizzi soċjali; jitlob li jkun hemm monitoraġġ kontinwu, min-naħa tas-servizzi tas-sigurtà, tal-ġellieda barranin li jirritornaw fil-pajjiż, tar-reintegrazzjoni korretta tagħhom fis-soċjetà, kif ukoll skambju kostanti ta' informazzjoni mal-awtoritajiet tal-UE u tal-pajjiżi ġirien;

37.  Jitlob titjib ulterjuri tas-sistema tal-ġustizzja għall-minuri; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jallokaw biżżejjed riżorsi tal-baġit għall-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-Ġustizzja għall-Minuri u jtejbu s-servizzi ta' appoġġ għall-bniet u għas-subien vittmi ta' vjolenza u abbużi u għall-minuri f'kunflitt mal-liġi;

38.  Jistieden lill-awtoritajiet Ungeriżi jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha u l-ispjegazzjonijiet meħtieġa rigward il-każ tal-eks Prim Ministru tal-Maċedonja Gruevski li ħarab minn pajjiżu bl-għajnuna diplomatika sigrieta tal-Ungerija biex jevita sentenza ta' ħabs; iqis dan bħala att ta' interferenza fl-affarijiet interni tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u, b'mod partikolari, att ta' disprezz lejn il-ġudikatura u l-istat tad-dritt f'dan il-pajjiż; jinnota t-talba ta' estradizzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta' Skopje, u jistenna li l-Ungerija taġixxi strettament f'konformità mal-liġijiet nazzjonali u internazzjonali rilevanti billi tirrispondi b'mod pożittiv għal din it-talba;

Drittijiet fundamentali u soċjetà ċivili

39.  Jilqa' pożittivament il-miżuri biex titjieb il-fiduċja interetnika u jappella għal rieżami inklużiv u trasparenti tal-aspetti pendenti tal-implimentazzjoni tal-OFA; iqis essenzjali l-fatt li tkun garantita l-affermazzjoni totali tal-minoranzi etniċi fil-ħajja pubblika; jagħmel appell biex jittieħdu aktar miżuri li jrawmu l-inklużjoni edukattiva tal-minoranzi biex jissaħħu l-koeżjoni soċjali u l-integrazzjoni tal-komunitajiet;

40.  Jemmen li l-proċedimenti ġudizzjarji tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandhom ikomplu skont il-proċeduri fil-pajjiż u li Nikola Gruevski għandu jagħti kont ta' għemilu fi ħdan is-sistema ġudizzjarja tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; jistieden lill-Ungerija tirrispetta l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-istat tad-dritt fil-pajjiż, terġa' tikkunsidra l-asil politiku li tat lil Nikola Gruevski u tipproċedi għall-estradizzjoni tiegħu lil Skopje; jistenna li l-partijiet ikkonċernati kollha jaġixxu fir-rispett strett tad-dritt nazzjonali u internazzjonali rilevanti; jisħaq li dawn il-proċeduri ġudizzjarji ma għandhomx ikunu politiċizzati;

41.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riformi u l-isforzi li saru biex il-qafas ġuridiku jkun allinjat gradwalment mal-istandards tal-UE, id-deċiżjoni tal-pajjiż li jsir osservatur fi ħdan l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u r-ratifika tal-biċċa l-kbira tal-istrumenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi implimentazzjoni sħiħa tal-istandards dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dokumenti strateġiċi bħall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), billi tingħata attenzjoni partikolari lid-dritt għal proċess ġust, lil-libertà tal-għaqda u assoċjazzjoni, lid-dritt għall-ħajja, lil-libertà ta' espressjoni u lir-rispett tal-ħajja privata u familjari;

42.  Josserva li l-adozzjoni tal-liġi dwar l-użu tal-lingwi tikkostitwixxi riżultat importanti u jiddispjaċih bl-użu tat-tattika tat-tfixkil immirata li timmina l-adozzjoni tagħha f'konformità sħiħa mal-proċeduri standard;

43.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-ratifika tal-pajjiż, fit-23 ta' Marzu 2018, tal-Konvenzjoni ta' Istanbul u jħeġġu jlesti r-riformi ġuridiċi maħsuba biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni u l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u t-tfal kollha u jkompli jeqred il-vjolenza domestika u sessista, li għadhom mifruxin;

44.  Jissottolinja l-bżonn li jkunu żgurati l-awtonomija u r-riżorsi umani u finanzjarji adegwati għall-korpi indipendenti ta' sorveljanza; ifaħħar ir-rwol tal-Uffiċċju tal-Ombudsman fl-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem u jissottolinja l-bżonn li jkun żgurat segwitu sistemiku għad-deċiżjonijiet tal-Ombudsman;

45.  Għadu inkwetat bis-sitwazzjoni iebsa tal-persuni b'diżabilità u bid-diskriminazzjoni persistenti fil-konfront tagħhom; jitlob implimentazzjoni effikaċi tal-istrumenti u tal-istrateġiji eżistenti;

46.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-passi inizjali meħuda għat-tisħiħ tal-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jinkludu lill-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru bħala bażi għal diskriminazzjoni fil-Liġi dwar il-Prevenzjoni u l-Protezzjoni kontra d-Diskriminazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet jallokaw baġit adegwat għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Ugwaljanza u n-Nondiskriminazzjoni 2016-2020; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jindirizzaw b'mod effikaċi r-reati u d-diskors ta' mibegħda fil-konfront tal-minoranzi, fosthom il-gruppi vulnerabbli bħar-Rom u l-komunità LGBTI, u jikkastigaw il-vjolenza ta' natura omofobika u transfobika u l-inċitament għall-vjolenza; għadu inkwetat bil-fatt li l-preġudizzji soċjetali għadhom jippersistu u li d-diskors ta' mibegħda huwa prevalenti kontra l-persuni LGBTI fil-mezzi ta' komunikazzjoni, fl-internet u fil-midja soċjali; jistieden lill-awtoritajiet jiżgura protezzjoni effikaċi u jistabbilixxu sanzjonijiet dissważivi u proporzjonati għad-diskors ta' mibegħda, għall-atti ta' omofobija u transfobija u għall-vjolenza; jisħaq fuq il-bżonn li jingħata aċċess għall-assistenza tas-saħħa lill-persuni transġeneru; jiddeplora n-nuqqasijiet li jippersistu f'ħidmet il-Kummissjoni għall-Protezzjoni mid-Diskriminazzjoni; jilqa' favorevolment it-twaqqif tal-grupp parlamentari interpartitiku għad-drittijiet tal-komunità LGBTI u tal-grupp parlamentari interpartitiku għad-drittijiet tar-Rom;

47.  Jitlob li jitfasslu strateġiji u leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għall-gruppi minoritarji u li l-protezzjoni tagħhom tkun totalment implimentata u sostnuta minn fondi pubbliċi; jinsisti li jittieħdu miżuri biex jitjiebu aktar l-edukazzjoni, ir-rati ta' impjieg, is-saħħa, l-alloġġi, l-aċċess għall-beni u għas-servizzi u l-kundizzjonijiet ta' ħajja tar-Rom, u jiġu kkundannati s-segregazzjoni fl-iskejjel u l-forom l-oħra ta' diskriminazzjoni;

48.  Jilqa' pożittivament it-titjib sostanzjali fil-kuntest operattiv tal-OSĊ u fil-konsultazzjonijiet magħhom, inkluż il-ħolqien tal-Kunsill għall-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili; jisħaq fuq il-bżonn li jissaħħaħ il-qafas ġuridiku, finanzjarju u politiku, anki bis-saħħa ta' liġijiet dwar il-fondazzjonijiet u d-donazzjonijiet; jenfasizza l-importanza ta' involviment strutturat tal-OSĊ permezz ta' proċess konsultattiv aktar regolari, komprensiv, nondiskriminatorju u prevedibbli;

49.  Itenni s-sostenn tiegħu fil-konfront tal-inizjattiva maħsuba biex toħloq Kummissjoni Reġjonali inkarigata bl-aċċertament tal-fatti rigward il-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra u ta' ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem kommessi f'dik li kienet il-Jugoslavja (RECOM); iħeġġeġ lill-gvern jieħu rwol ta' tmexxija fil-ħolqien tagħha; jissottolinja l-importanza ta' dan il-proċess u tal-impenn attiv tal-mexxejja politiċi reġjonali kollha sabiex ir-RECOM tibda topera mill-aktar fis possibbli; jiġbed l-attenzjoni għall-proposta ta' pjan ta' azzjoni tal-koalizzjoni tar-RECOM b'dati u parametri ċari;

50.  Jilqa' pożittivament iż-żieda fl-isforzi min-naħa tal-gvern biex jintensifika l-proċess ta' deistituzzjonalizzazzjoni u riforma tas-settur soċjali; ifaħħar l-impenn biex tintemm il-prassi li t-tfal jitqiegħdu f'istituti pubbliċi kbar u biex minflok jinħolqu servizzi tal-indukrar ibbażati fuq il-familja u l-komunità; jistieden lill-awtoritajiet jieħdu miżuri urġenti biex ireġġgħu lura r-rata ta' mortalità perinatali dejjem akbar u jistabbilixxu sistema ta' analiżi tal-kawżi ta' din it-tendenza allarmanti;

51.  Jilqa' favorevolment is-sħubija bejn il-gvern u l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ fl-implimentazzjoni tal-Iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, li tikkostitwixxi mekkaniżmu ta' kooperazzjoni tajjeb bejn iż-żgħażagħ u d-deċiżuri fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki għaż-żgħażagħ; jistieden lill-gvern iżid l-appoġġ finanzjarju favur iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tagħhom bil-għan li jindirizza l-kwistjoni tal-"eżodu ta' mħuħ";

Mezzi ta' komunikazzjoni

52.  Jissottolinja r-rwol kruċjali tal-mezzi ta' komunikazzjoni indipendenti għal kuntest demokratiku u favorevoli; josserva titjib moderat fl-ambjent medjatiku u fil-kundizzjonijiet għal rapportar indipendenti; jitlob inizjattivi li joħolqu klima favorevoli għall-kondotta professjonali tal-partijiet ikkonċernati kollha fis-settur tal-mezzi ta' komunikazzjoni, ħielsa minn kull influwenza interna jew esterna, kif ukoll għall-ġurnaliżmu investigattiv; jilqa' favorevolment it-tmiem tar-reklamar sostnut mill-Istat fil-mezzi ta' komunikazzjoni fuq il-bażi ta' favoritiżmi politiċi bħala miżura importanti li trawwem kundizzjonijiet ta' parità fis-settur u jappella biex jinħolqu aktar garanziji kontra l-politiċizzazzjoni tal-mezzi ta' komunikazzjoni; jisħaq fuq il-bżonn li jissaħħu l-indipendenza u l-kapaċità tar-regolatur tal-mezzi ta' komunikazzjoni u tas-servizz tax-xandir pubbliku; jitlob miżuri li jtejbu l-protezzjoni tad-drittijiet tax-xogħol u soċjali tal-ġurnalisti u li jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda impunità f'każijiet ta' vjolenza, abbuż jew theddid fil-konfront tal-ġurnalisti, li jkun jikkontribwixxu wkoll biex tonqos sal-minimu l-awtoċensura mifruxa fost il-ġurnalisti;

53.  Jilqa' bi pjaċir it-titjib fil-garanzija ta' aċċess għall-informazzjoni; jisħaq fuq il-bżonn ta' aġġornament tar-regolamenti tas-servizzi tal-mezzi ta' komunikazzjoni u tal-aċċess għall-informazzjoni pubblika; jisħaq fuq il-bżonn li tintwera tolleranza żero fir-rigward tat-theddid, tal-intimidazzjoni u tal-attakki fuq il-ġurnalisti u li jingħata segwitu għalihom, permezz ta' reġistrazzjoni adegwata u investigazzjoni bir-reqqa ta' tali każijiet; jikkundanna kwalunkwe forma ta' diskors ta' mibegħda u lingwaġġ xewwiexi; jitlob miżuri effikaċi li jiġġieldu dawn ta' hawn fuq u jiġġieldu kontra l-ksur tal-kodiċi etiku tal-ġurnaliżmu li jsir online; jirrimarka, barra minn hekk, il-bżonn ta' riforma tas-settur tal-mezzi ta' komunikazzjoni mingħajr dewmien bil-għan li tissaħħaħ l-Aġenzija għas-Servizzi Medjatiċi Awdjo u Awdjoviżivi u li jiġi garantit rapportar oġġettiv u professjonali;

Ekonomija

54.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' titjib tal-ambjent tan-negozju billi jiġu żgurati l-konsolidament fiskali kif ukoll it-trasparenza u l-affidabbiltà tar-regolamentazzjoni, filwaqt li jiġu indirizzati l-lakuni li għad fadal fl-istat tad-dritt, it-toqol tal-proċeduri regolatorji u l-ispezzjonijiet arbitrarji;

55.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jegħlbu l-ekonomija informali mdaqqsa u l-problemi persistenti tal-evażjoni tat-taxxa u tal-eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratti, li jkomplu jgerrxu lill-investiment barrani dirett; jisħaq fuq il-bżonn ta' implimentazzjoni tal-miżuri dwar l-akkwist pubbliku u l-kontroll finanzjarju intern; josserva l-bżonn li titjieb it-trasparenza tad-data dwar l-infiq pubbliku, l-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat u l-użu tal-fondi tal-UE; jitlob miżuri li jtejbu l-kapaċitajiet ta' ppjanar, programmazzjoni u ġestjoni fl-istrutturi nazzjonali responsabbli mill-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA);

56.  Jistieden lill-gvern jagħmel id-diġitalizzazzjoni waħda mill-prijoritajiet trasversali fundamentali tiegħu; iħeġġeġ l-iżvilupp, mingħajr dewmien, ta' aġenda diġitali fit-tul, li tinkludi fost affarijiet oħra strateġika għall-governanza elettronika, strateġija għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) u strateġija nazzjonali għaċ-ċibersigurtà; jissottolinja li aġenda diġitali komprensiva se ttejjeb il-kuntest u l-prestazzjoni ta' natura ekonomika u żżid it-trasparenza u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika u tas-servizzi;

57.  Japprezza l-isforzi min-naħa tal-gvern biex itejjeb il-kundizzjonijiet taż-żgħażagħ u jsaħħaħ il-parteċipazzjoni tagħhom fil-politika, pereżempju permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għaż-Żgħażagħ (2016-2025); jinkoraġġixxi lill-gvern jindirizza r-rata għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ billi jsewwi n-nuqqas ta' korrispondenza bejn il-ħiliet taż-żgħażagħ gradwati u l-bżonnijiet tal-kumpaniji privati;

58.  Iħeġġeġ lill-gvern jegħleb il-qgħad fit-tul, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u r-rata baxxa ta' parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol b'mod komprensiv u innovattiv; jitlob riformi urġenti fis-settur tal-edukazzjoni biex jiżguraw li l-ħiliet miksuba jaqblu mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol u b'hekk jipprevjenu l-"eżodu ta' mħuħ"; iħeġġeġ lill-gvern jelabora strateġija għall-ħiliet diġitali u jżid il-litteriżmu diġitali fost il-popolazzjoni;

59.  Ifakkar li l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja lestiet l-aħħar ċensiment tal-popolazzjoni tagħha fl-2002; jissottolinja l-importanza li jsir ċensiment tal-popolazzjoni ġdid, li ilu żmien mistenni, bil-għan li tinkiseb statistika demografika aġġornata u realistika li taqbel mal-istandards tal-UE;

60.  Jilqa' favorevolment l-adozzjoni tal-Liġi dwar l-Enerġija l-ġdida min-naħa tal-parlament tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li tittrasponi t-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija u hija totalment kompatibbli mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija; jistieden lill-awtoritajiet jikkonċentraw fuq ir-riformi tas-suq enerġetiku, filwaqt li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u d-diversifikazzjoni tas-sorsi enerġetiċi, speċjalment dawk rinnovabbli;

61.  Jieħu nota ta' għadd ta' proġetti infrastrutturali ppjanati f'żoni protetti li aktarx ikollhom impatti sinifikanti fuq siti futuri ta' Natura 2000; jitlob, f'dan ir-rigward, li r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni ta' Bern (Nru. 184(2015)) tiġi rispettata billi tiġi sospiża l-implimentazzjoni tal-proġetti fi ħdan it-territorju tal-Park Nazzjonali ta' Mavrovo sakemm tkun tlestiet Valutazzjoni Ambjentali Strateġika f'konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE; barra minn hekk jitlob li d-Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Patrimonju Dinji tal-UNESCO (40 COM 7B.68) dwar il-Patrimonju Naturali u Kulturali tar-reġjun ta' Ohrid tiġi rispettata u li għandhom isiru Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (SEA) kumplessiva u Valutazzjoni tal-Impatt għall-Patrimonju (HIA) qabel ma ssir kwalunkwe ħidma ulterjuri; iħeġġeġ li tiġi żviluppata strateġija nazzjonali għall-enerġija idroelettrika f'konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE;

62.  Jinkoraġġixxi lill-pajjiż jiżviluppa kompetizzjoni fis-suq tal-gass u tal-enerġija biex jissepara kompletament is-servizzi skont it-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija; jitlob titjib sostanzjali fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

63.  Ifaħħar lill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja talli rratifikat il-Ftehim ta' Pariġi fid-9 ta' Jannar 2018, inkwantu l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tista' tintrebaħ biss bis-saħħa ta' sforzi komuni;

64.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-approċċ pożittiv tal-gvern għall-kooperazzjoni reġjonali u għar-relazzjonijiet ta' bon viċinat, kif ukoll il-parteċipazzjoni attivi tiegħu fl-inizjattivi reġjonali bħall-Proċess ta' Kooperazzjoni fix-Xlokk tal-Ewropa, il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali, il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA), il-grupp tas-Sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, il-Ftehim dwar iż-Żona ta' Avjazzjoni Komuni Ewropea, l-Inizjattiva tal-Ewropa Ċentrali, l-Inizjattiva Reġjonali għall-Migrazzjoni, l-Asil u r-Rifuġjati (MARRI) u l-Proċess ta' Brdo-Brijuni;

65.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-pajjiż favur il-proġetti ta' konnettività mwettqa fil-qafas tal-Proċess ta' Berlin; josserva l-bżonn ta' diversifikazzjoni mit-trasport stradali permezz tal-implimentazzjoni tal-miżuri tar-riforma ferrovjarja, anki permezz il-modernizzazzjoni jew il-kostruzzjoni ta' kollegamenti ferrovjarji minn Skopje lejn il-kapitali tal-pajjiżi ġirien; jitlob progress akbar fit-tlestija tal-kollegamenti ferrovjarji u stradali fil-qafas tal-Kuritur VIII u tal-Kuritur X;

66.  Jagħmel appell għal aktar aġevolazzjonijiet kummerċjali u doganali u għal diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet, inkluż bl-użu tal-potenzjal tal-kummerċ intrareġjonali; jistieden lill-Kummissjoni teżenta lill-pajjiż mill-miżuri ta' salvagwardja tal-azzar u tal-aluminju;

67.  Jesprimi t-tħassib tiegħu bil-livelli allarmanti ta' tniġġis tal-arja fi Skopje u fil-bliet l-oħra mniġġsin ħafna, u jistieden lill-awtoritajiet statali u lokali jieħdu miżuri urġenti adegwati biex isibu tarf din is-sitwazzjoni ta' emerġenza, permezz ta' miżuri effikaċi mmirati għall-monitoraġġ u għat-titjib tal-kwalità tal-arja, anki billi jissaħħu t-trasport pubbliku u l-pjanijiet ta' mobilità effikaċi; iħeġġeġ lill-pajjiż jarmonizza b'urġenza l-leġiżlazzjoni tiegħu mal-acquis fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent, tan-natura u tal-klima; jitlob l-iżvilupp ta' sistemi ta' ġestjoni tal-iskart;

o
o   o

68.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Jannar 2019Avviż legali