Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2147(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0334/2018

Testi mressqa :

A8-0334/2018

Dibattiti :

PV 28/11/2018 - 26
CRE 28/11/2018 - 26

Votazzjonijiet :

PV 29/11/2018 - 8.16
CRE 29/11/2018 - 8.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0481

Testi adottati
PDF 381kWORD 61k
Il-Ħamis, 29 ta' Novembru 2018 - Brussell Verżjoni proviżorja
Rapport tal-2018 dwar l-Albanija
P8_TA-PROV(2018)0481A8-0334/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2018 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2018 dwar l-Albanija (2018/2147(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Albanija,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 u l-Aġenda ta' Salonka għall-Balkani tal-Punent,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014 li tagħti lill-Albanija l-istatus ta' pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-26 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli għall-Minoranzi Nazzjonali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) dwar l-abbozz tal-leġiżlazzjoni sekondarja dwar il-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali fl-Albanija,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-"Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija" tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-disa' laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Albanija u l-UE tal-15 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2018 bit-titolu "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" (COM(2018)0065),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' April 2018 bit-titolu ''Komunikazzjoni tal-2018 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE'' (COM(2018)0450), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Albania 2018 Report" (Rapport 2018 dwar l-Albanija) (SWD(2018)0151),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet adottati fit-12-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Albanija (SAPC), li saret f'Tirana fit-12 u t-13 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-istħarriġ tal-2017 dwar ir-Rom emarġinati fil-Balkani tal-Punent, appoġġjat mill-Kummissjoni u li sar mill-Bank Dinji u mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal bit-titolu "Gender Equality and Women's Empowerment: Transforming the Lives of Girls and Women through EU External Relations 2016-2020" (L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw Ħajjet il-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Albanija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0334/2018),

A.  billi t-tkabbir tal-UE għadu jikkostitwixxi investiment strateġiku fil-paċi, id-demokrazija, il-prosperità, is-sigurtà u l-istabilità fl-Ewropa;

B.  billi l-Albanija kompliet tagħmel progress kostanti biex tissodisfa l-kriterji politiċi u l-ħames prijoritajiet ewlenin għall-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni kif ukoll fil-konsolidament tal-istituzzjonijiet u tal-prassi demokratiċi;

C.  billi l-Kummissjoni rrakkomandat li n-negozjati tal-adeżjoni jinfetħu mal-Albanija, fid-dawl tal-progress tajjeb li sar fit-twettiq tal-ħames prijoritajiet ewlenin; billi n-negozjati tal-adeżjoni se jħallu lill-UE tagħmel skrutinju aktar mill-qrib u huma katalizzatur qawwi għall-implimentazzjoni ta' aktar riformi u għall-konsolidament tal-istituzzjonijiet u tal-prassi demokratiċi;

D.  billi fit-28 ta' Ġunju 2018 il-Kunsill Ewropew approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2018, b'hekk witta t-triq għall-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni f'Ġunju 2019;

E.  billi għad fadal sfidi u hemm bżonn li dawn jiġu indirizzati rapidament u b'effikaċja, fi spirtu ta' djalogu u kooperazzjoni;

F.  billi djalogu kostruttiv bejn il-gvern u l-oppożizzjoni dwar ir-riformi relatati mal-UE jibqa' kruċjali biex isir progress fl-aġenda tar-riformi għall-benefiċċju taċ-ċittadini u biex il-pajjiż joqrob lejn l-UE;

G.  billi fl-Albanija hemm appoġġ wiesa' fost il-pubbliku għall-adeżjoni tal-pajjiż mal-UE;

H.  billi l-istat tad-dritt huwa valur fundamentali li fuqu hija msejsa l-UE u jinsab fil-qalba kemm tal-proċess tat-tkabbir kif ukoll tal-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni; billi hemm bżonn ta' riformi li jindirizzaw l-isfidi importanti li għad fadal f'dan il-qasam, partikolarment fil-garanzija ta' ġudikatura indipendenti, imparzjali, responsabbli u effiċjenti, u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, kif ukoll fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali;

I.  billi l-protezzjoni tal-libertà reliġjuża, tal-wirt kulturali u tad-drittijiet tal-minoranzi huma fost il-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

J.  billi l-Albanija rratifikat il-konvenzjonijiet fundamentali kollha tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, inklużi b'mod partikolari l-Konvenzjoni dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, 1948 (nru 87) u l-Konvenzjoni dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji tad-Dritt ta' Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, 1949 (nru 98);

K.  billi kull pajjiż tat-tkabbir huwa valutat individwalment fuq il-merti tiegħu stess, u huma r-rapidità u l-kwalità tar-riformi li jiddeterminaw il-kalendarju tal-adeżjoni;

L.  billi l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet ta' bon viċinat huma essenzjali għall-progress tal-Albanija lejn l-adeżjoni mal-UE;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi intensifikati tal-Albanija f'dan ir-rigward, li wasslu biex sar progress sod fl-implimentazzjoni tar-riformi relatati mal-UE, speċjalment fir-riforma komprensiva tal-ġustizzja; jistieden lill-Albanija tikkonsolida r-riformi li kisbet u tkompli tħejji għall-obbligi tal-adeżjoni mal-UE fil-kapitoli kollha;

2.  Jappoġġja bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li jinfetħu negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija b'rikonoxximent tal-isforzi ta' riforma magħmula mill-Albanija; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kunsill biex jerġa' jevalwa s-sitwazzjoni f'Ġunju 2019; jilqa' favorevolment il-perkors ċar delinjat lejn il-bidu tan-negozjati ta' adeżjoni fl-2019 u jenfasizza l-fatt li beda l-proċess preparatorju ta' eżami analitiku (screening); ifakkar li d-deċiżjoni biex jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni se tiddependi mill-progress ulterjuri fil-proċess ta' riforma, jistieden lill-Kunsill jevalwa b'mod ġust u oġġettiv il-progress li sar mill-pajjiż u jikkonvoka l-ewwel Konferenza Intergovernattiva sa tmiem l-istess sena, u jinkoraġġixxi lill-Albanija żżomm ir-rankatura fir-riformi għal dak il-għan; iqis li l-ftuħ tan-negozjati jkun jagħti kontribut pożittiv lit-tisħiħ tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, billi jagħti inċentivi ulterjuri favur il-proċess ta' riformi u jtejjeb l-iskrutinju tiegħu;

3.  Jitlob li l-Kummissjoni tapplika l-approċċ imsaħħaħ biex tinnegozja l-Kapitolu 23 (il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali) u l-Kapitolu 24 (il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà);

4.  Ifakkar li jeħtieġ li l-kapaċitajiet ta' sorveljanza tal-Parlament Albaniż jissaħħu, anki tul il-proċess tal-adeżjoni mal-UE; jitlob użu aktar effiċjenti tad-diversi mekkaniżmi u istituzzjonijiet ta' sorveljanza, fosthom il-kumitati ta' inkjesta; jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-Parlament Albaniż, li sejjer itejjeb l-integrità u t-trasparenza tal-proċess parlamentari tal-istituzzjoni u l-fiduċja tal-pubbliku fiha; jissottolinja l-bżonn ta' mekkaniżmu ta' infurzar, li jinkludi sanzjonijiet, biex il-kodiċi jsir effettiv; jissottolinja r-rwol ċentrali tal-Kumitat għall-Integrazzjoni fl-UE u r-responsabilità tal-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni fl-UE bħala forum għal konsultazzjoni dwar it-tħejjijiet għall-adeżjoni; jitlob kooperazzjoni akbar mal-Parlament Albaniż fi ħdan il-qafas tal-programm ta' appoġġ tal-Parlament Ewropew għall-parlamenti tal-pajjiżi kandidati, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jipproduċi leġiżlazzjoni ta' kwalità f'konformità mal-acquis tal-UE u jeżerċita r-rwol ta' sorveljanza tiegħu;

5.  Jisħaq fuq l-importanza tas-sensibilizzazzjoni fost il-popolazzjoni ġenerali rigward il-proċess ta' adeżjoni mal-UE u r-rwol tal-istituzzjonijiet Ewropej u Albaniżi involuti;

6.  Iħeġġeġ biex jittieħdu azzjoni u miżuri leġiżlattivi u amministrattivi li jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet pendenti tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE/ODIHR); jissottolinja li hemm bżonn riforma elettorali inklużiva u fil-pront, bil-għan li tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku fil-proċess elettorali; ifakkar il-bżonn li tingħata attenzjoni dovuta lill-allegazzjonijiet ta' finanzjamenti illegali u mhux iddikjarati tal-partiti politiċi; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-Kumitat ad hoc tal-Parlament Albaniż għar-Riforma Elettorali b'rabta mal-indipendenza u d-depolitiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni elettorali, mat-trasparenza fil-finanzjament tal-kampanji, mar-reġistrazzjoni tal-votanti, max-xiri ta' voti, mal-użu ta' teknoloġiji ġodda ta' votazzjoni u l-votazzjoni barra mill-pajjiż, u jħeġġu jilħaq kunsens dwar ir-riformi meħtieġa, u jadottahom, fi żmien xieraq qabel l-elezzjonijiet lokali tal-2019;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-liġi Albaniża riveduta dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi; itenni l-appell tiegħu lill-partijiet politiċi tal-pajjiż biex jaqdu l-obbligu tagħhom li jiżguraw l-esklużjoni ta' persuni li għandhom pedina kriminali minn karigi pubbliċi f'kull fergħa u f'kull livell tal-gvern;

8.  Itenni li djalogu politiku kostruttiv, rieda għal kompromess, kooperazzjoni sostenibbli bejn il-partiti u żamma ta' impenn kostanti favur l-implimentazzjoni u l-konsolidament tar-riformi fil-ħames prijoritajiet ewlenin kollha huma vitali għall-isforz biex jimxi 'l quddiem il-proċess ta' adeżjoni mal-UE u għall-funzjonament korrett ta' reġim demokratiku; jilqa' b'sodisfazzjon il-kollaborazzjoni trasversali u l-kunsens wiesa' bejn il-partiti li ntlaħaq meta ġew ittrattati ċerti riformi fundamentali; jinkoraġġixxi lill-forzi politiċi kollha jagħmlu sforzi akbar biex jistabbilixxu djalogu politiku ġenwin u tinkiseb kooperazzjoni kostruttiva, b'hekk jiġi appoġġjat il-proċess ta' riforma; itenni l-konvinzjoni qawwija tiegħu li d-djalogu politiku għandu jsir fi ħdan istituzzjonijiet demokratiċi; huwa ferm imħasseb dwar il-bojkott de facto tal-proċess parlamentari min-naħa tal-oppożizzjoni wara l-ferjat tas-sajf tal-2018;

9.  Jissottolinja l-fatt li riforma ġudizzjarja hija talba importanti taċ-ċittadini Albaniżi u prerekwiżit biex terġa' tiġi stabbilita l-fiduċja fl-istat tad-dritt, fl-istituzzjonijiet pubbliċi u fir-rappreżentanti politiċi; itenni li l-kredibbiltà u l-effikaċja tal-proċess kumplessiv ta' riforma, b'mod speċjali l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u l-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà, jiddependu mis-suċċess tal-proċess ta' skrutinju u mill-implimentazzjoni kontinwa u determinata tar-riforma ġudizzjarja;

10.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar fir-riforma ġudizzjarja bil-għan li tqawwi l-indipendenza, l-obbligu ta' rendikont, il-professjonalità u l-effiċjenza tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-pajjiż u ttejjeb il-fiduċja tan-nies fl-organi ġudizzjarji; jiddispjaċih li l-amministrazzjoni tal-ġustizzja għadha dewwiema u ineffiċjenti; josserva li l-proċess ta' rivalutazzjoni għall-imħallfin u għall-prosekuturi kollha ta l-ewwel riżultati konkreti; jilqa' pożittivament il-fatt li l-biċċa l-kbira tad-dossiers prijoritarji diġà ġew ipproċessati; jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi, madankollu, ikomplu jagħmlu progress fil-proċess ta' valutazzjoni, bla ma jikkompromettu l-kwalità jew l-ekwità; jisħaq fuq l-importanza li l-proċess ta' valutazzjoni jkun implimentat fir-rispett tal-ogħla standards internazzjonali u jinkoraġġixxi lill-Albanija tkompli l-kooperazzjoni stretta tagħha mal-Operazzjoni ta' Monitoraġġ Internazzjonali; jieħu nota tal-ewwel sensji u riżenji volontarji ta' kandidati qabel is-seduti ta' smigħ tagħhom; iqis, fid-dawl ta' dan kollu, li l-preparazzjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' mħallfin u prosekuturi hija saħansitra aktar importanti u jiddispjaċih, għalhekk, li l-partiti politiċi fl-Albanija ma laħqux qbil, sal-lum, dwar l-emendi neċessarji tal-liġi dwar l-istatus tal-imħallfin u tal-prosekuturi rigward ir-reklutaġġ u t-taħriġ tal-aqwa kapaċitajiet; jinkoraġġixxi l-forniment kontinwu ta' riżorsi finanzjarji u umani lill-istituzzjonijiet ta' valutazzjoni;

11.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jlestu mill-aktar fis possibbli t-twaqqif ta' organi ġudizzjarji ġodda u jerġgħu jqiegħdu lill-Qorti Kostituzzjonali u lill-Qorti Għolja f'qagħda li jiffunzjonaw; jissottolinja l-bżonn li l-funzjonament effikaċi ta' dawn l-istituzzjonijiet ikun sostnut permezz ta' finanzjament u riżorsi umani adegwati;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress kontinwu lejn l-istabbiliment ta' amministrazzjoni pubblika aktar faċli għaċ-ċittadini u aktar trasparenti, professjonali u depolitiċizzata, inkluż fil-livell lokali; iħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta' sorveljanza u ta' dawk tal-Ombudsperson; jinnota wkoll il-progress li sar rigward ir-riforma territorjali u l-konsolidament ulterjuri, mil-lat amministrattiv u finanzjarju, tal-muniċipalitajiet li għadhom kemm inħolqu, kif ukoll it-twaqqif tal-Kunsill Konsultattiv biex itejjeb il-koordinament bejn il-gvern ċentrali u dak lokali; jilqa' pożittivament l-istabbiliment ta' Uffiċċji lokali tal-UE u ta' koordinaturi tal-UE;

13.  Jappella biex il-kapaċità amministrattiva tal-istituzzjonijiet u l-korpi responsabbli għall-implimentazzjoni tar-riformi relatati mal-adeżjoni tkompli tissaħħaħ, il-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi trasposta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u jsiru tħejjijiet għan-negozjati tal-adeżjoni mal-UE;

14.  Ifaħħar it-titjib sinifikanti li sar fil-qafas ġuridiku u istituzzjonali bil-ħsieb li tiġi evitata u tinqered il-korruzzjoni fl-istituzzjonijiet pubbliċi, inkwantu l-korruzzjoni għadha punt li jqajjem tħassib importanti; jappella biex isiru sforzi addizzjonali ħalli tonqos il-korruzzjoni li taffettwa l-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-Albanija, tittejjeb il-klima għall-investimenti u tiġi garantita ċ-ċertezza ġuridika tal-investimenti; jissottolinja li jekk huma akkużati, l-uffiċjali għolja ma għandhomx jirċievu trattament preferenzjali meta mqabbla maċ-ċittadini ordinarji; jistieden lill-Albanija tagħmel aktar użu ta' investigazzjonijiet finanzjarji u tibni każistika ta' qbid u konfiska/rkupru tal-assi tal-kriminalità li jirriżultaw minn reati relatati mal-korruzzjoni u turi riżultati konkreti fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-ħasil tal-flus;

15.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-aġġornamenti reċenti għal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż kontra l-korruzzjoni; jenfasizza li jeħtieġ li jiġi kkompletat it-twaqqif tal-Aġenzija Nazzjonali ta' l-Investigazzjoni, tat-Tribunal Speċjali u tal-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Speċjali Kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata; jappella għal aktar titjib fil-kooperazzjoni interistituzzjonali u fl-iskambju ta' informazzjoni bejn il-pulizija u l-prosekuzzjoni; jilqa' pożittivament ir-rivalutazzjoni tal-persunal tal-infurzar tal-liġi skont il-liġi dwar il-valutazzjoni tal-pulizija;

16.  Jappella biex il-korruzzjoni politika u pubblika-privata tingħata aktar attenzjoni; jitlob li tinbena każistika ta' investigazzjonijiet proattivi, prosekuzzjonijiet u kundanni definittivi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, anki fil-livell għoli;

17.  Jilqa' pożittivament il-progress li sar fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, partikolarment l-arresti li saru dan l-aħħar tal-membri tal-grupp kriminali Bajri, u jitlob li jkunu segwiti ulterjorment riżultati tanġibbli u sostenibbli, anki fis-settur speċifiku tal-ġlieda kontra l-kultivazzjoni u t-traffikar tad-drogi, permezz tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni kontra l-kultivazzjoni tal-kannabis; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-korp tal-pulizija qiegħed isir aktar attiv fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, u huwa mħeġġeġ mill-kooperazzjoni internazzjonali intensifikata bejn il-korpi tal-pulizija mwettqa mill-Albanija, li wasslet għal operazzjonijiet effikaċi kontra x-xbieki kriminali, anki fi gruppi ta' ħidma konġunti mal-Istati Membri; jemmen li l-kooperazzjoni bejn il-pulizija, il-prosekuzzjoni u l-aġenziji u l-korpi rilevanti l-oħra għandha tkun ikkonsolidata ulterjorment;

18.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jieħdu azzjoni deċiżiva biex iżarmaw ix-xbieki kriminali involuti fit-traffikar tad-droga, tal-bniedem u tal-armi tan-nar, u jżidu l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet, kif ukoll il-kundanni definittivi, speċjalment ta' membri ta' livell għoli tal-gruppi tal-kriminalità organizzata; jindika l-bżonn li jitqawwa l-impenn biex jiġi evitat it-traffikar tal-bnedmin, billi tingħata attenzjoni partikolari lit-tfal mhux akkumpanjati u vittmi tat-traffikar, speċjalment fost it-tfal tat-triq;

19.  Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Albaniżi biex jiżguraw b'mod effikaċi l-infurzar u l-progress lejn il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b'mod effikaċi u trasparenti, filwaqt li fl-istess ħin jieħdu kont tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà, tar-restituzzjoni tagħha u tal-kumpens għaliha; jitlob li jsir il-progress neċessarju fis-settur tad-diġitalizzazzjoni u tal-immappjar tal-proprjetajiet; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jgħarrfu liċ-ċittadini b'mod adegwat dwar drittijiethom u dwar il-possibilitajiet tal-infurzar tal-pretensjonijiet tagħhom; jissottolinja li reġim effikaċi tad-drittijiet tal-proprjetà huwa importanti għall-iżgurar tal-istat tad-dritt u ta' ambjent tan-negozju attraenti;

20.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-passi li ttieħdu biex isaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-minoranzi u l-politiki kontra d-diskriminazzjoni, inkluż it-trattament indaqs tal-minoranzi kollha; jilqa' favorevolment l-adozzjoni tal-liġi qafas dwar il-minoranzi, li aboliet id-differenzjazzjoni bejn il-minoranzi nazzjonali u l-komunitajiet etnolingwistiċi u introduċiet il-prinċipju tal-awtoidentifikazzjoni, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni u d-dritt li jinżammu l-kulturi, it-tradizzjonijiet u ilsien twelidhom; jitlob l-implimentazzjoni prattika sħiħa u jinkoraġġixxi lill-Albanija tkompli l-isforzi tagħha billi tadotta l-leġiżlazzjoni sekondarja neċessarja għal-liġi qafas, konformement mal-istandards Ewropej u bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha fl-abbozzar tagħha; jinsisti li jittieħdu miżuri biex ikomplu jtejbu l-edukazzjoni, is-saħħa, ir-rati tal-impjieg u l-kundizzjonijiet tal-ħajja tar-Rom, tal-Eġizzjani u ta' minoranzi etniċi oħra;

21.  Jinnota t-tensjonijiet wara inċident li involva t-telf tal-ħajja ta' Konstantinos Katsifas, membru tal-Minoranza Nazzjonali Griega u ċittadinanza doppju (Albaniż u Grieg), li nqatel b'arma tan-nar mill-Forzi tal-Pulizija Speċjali Albaniża (RENEA) waqt kommemorazzjoni tat-Tieni Gwerra Dinjija ta' suldati Griegi mejtin f'Bularat fit-28 ta' Ottubru 2018; jitlob trażżin fuq in-naħat kollha u jistenna li l-awtoritajiet Albaniżi jinvestigaw u jiċċaraw iċ-ċirkostanzi li wasslu għal dan it-telf ta' ħajja;

22.  Jilqa' pożittivament il-progress li sar biex jiżdiedu l-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza tan-nisa fil-politika, b'mod partikolari permezz tal-introduzzjoni ta' sistema ta' kwoti tal-ġeneru, u r-rappreżentanza ndaqs tan-nisa fil-gvern il-ġdid; itenni, madankollu, it-tħassib tiegħu għad-diskriminazzjoni tan-nisa u tal-bniet, u għan-nuqqas ta' miżuri xierqa li jipproteġuhom, li jappartjenu għal gruppi żvantaġġati u emarġinati, bħal pereżempju n-nisa Rom(1) u n-nisa b'diżabbiltajiet, id-dispożizzjonijiet diskriminatorji mil-lat tal-ġeneru li għadhom preżenti f'għadd ta' liġijiet, l-aċċess diffiċli għall-ġustizzja għan-nisa, il-perċentwal ta' nisa fis-suq tax-xogħol informali u n-numru kbir ta' każijiet ta' vjolenza domestika fil-konfront tan-nisa u tat-tfal, speċjalment dawk li jappartjenu għall-gruppi vulnerabbli; jitlob risposta adegwata għal dawn il-kwistjonijiet u jfaħħar l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza sessista u l-ħolqien ta' sottokumitat parlamentari dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi;

23.  Jinnota bi tħassib li n-nisa li jgħixu f'żoni rurali u remoti u n-nisa Roma u Eġizzjani għad għandhom aċċess limitat għall-kura tas-saħħa primarja u s-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, u ħafna drabi mhumiex konxji dwar id-disponibbiltà ta' tali servizzi; jistieden għalhekk lill-awtoritajiet Albaniżi biex jiżguraw informazzjoni aħjar dwar dawn is-servizzi u jiżguraw li jkunu aċċessibbli, affordabbli u ta' kwalità;

24.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tisħiħ tal-qafas leġiżlattiv dwar id-drittijiet tat-tfal permezz tal-adozzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, il-Kodiċi tal-Ġustizzja Kriminali għall-Minorenni u l-"Aġenda tat-Tfal 2020"; ifakkar li l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal għad għandhom bżonn li jitjiebu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jimplimentaw leġiżlazzjoni sekondarja dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal u l-ġustizzja għall-minorenni u jitlob żieda fl-allokazzjonijiet finanzjarji għas-sistema ta' protezzjoni tat-tfal, b'mod partikolari l-unitajiet għall-protezzjoni tat-tfal fil-livell lokali u reġjonali;

25.  Ifaħħar il-klima ta' tolleranza u ta' kooperazzjoni fost il-komunitajiet reliġjużi fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jiġġieldu b'mod effikaċi kontra d-diskors ta' mibegħda u l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni tal-minoranzi, inklużi l-persuni LGBTI; jilqa' favorevolment il-Pjanijiet ta' Azzjoni għall-Ugwaljanza tal-Ġeneru adottati reċentement minn ħames muniċipalitajiet Albaniżi, konformement mal-Karta Ewropea għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-ħajja lokali;

26.  Jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jtejbu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, hekk li jiżguraw parteċipazzjoni u konsultazzjoni effikaċi tal-pubbliku matul il-proċess kollu tat-teħid tad-deċiżjonijiet u ta' integrazzjoni mal-UE li għaddej bħalissa, inkluż fil-livell nazzjonali u lokali, b'hekk jissaħħu d-demokrazija u t-trasparenza; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn ta' riforma tal-qafas ġuridiku u fiskali tal-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili (OSĊ) kif ukoll tal-finanzjament pubbliku disponibbli għall-OSĊ li joperaw fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, inklużi l-organizzazzjonijiet ta' viġilanza, ta' difiża kif ukoll tal-organizzazzjonijiet ta' bażi ż-żgħar, inkwantu s-sostenibilità finanzjarja tibqa' sfida importanti għal numru mdaqqas ta' organizzazzjonijiet bħal dawn peress li l-proċess ta' reġistrazzjoni attwali huwa kkaratterizzat minn proċeduri twal u li jqumu ħafna flus, u s-sistema attwali tat-taxxa timponi piż notevoli fuq l-OSĊ u jostakola d-donazzjonijiet kemm mill-kumpaniji kif ukoll minn individwi; ifakkar li soċjetà ċivili b'setgħat tirrappreżenta element essenzjali ta' demokrazija dinamika u hija importanti mil-lat strateġiku għat-trasformazzjoni tal-Albanija fi Stat Membru tal-UE;

27.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Gvern Albaniż u l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Persuni Nieqsa, li se jippermetti lil din tal-aħħar tgħin biex jinstabu u jiġu identifikati l-persuni nieqsa matul l-era Komunista;

28.  Jappella lill-awtoritajiet Albaniżi jsaħħu l-politiki tagħhom fir-rigward tal-persuni b'diżabilitajiet, li jkomplu jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet fl-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, l-assistenza tas-saħħa u s-servizzi soċjali u fil-parteċipazzjoni fil-proċess deċiżjonali;

29.  Jiddispjaċih għad-dewmien fit-twaqqif tal-Uffiċċju Reġjonali tal-Kooperazzjoni taż-Żgħażagħ (RYCO) f'Tirana; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jappoġġjaw l-attivitajiet tar-RYCO ħalli għadd kemm jista' jkun kbir ta' żgħażagħ ikunu jistgħu jibbenefikaw minn xogħlu;

30.  Itenni li l-mezzi ta' komunikazzjoni professjonali u indipendenti, kemm privati kif ukoll tas-servizz pubbliku, huma ta' importanza kritika; jieħu nota li sar progress parzjali biex l-awtorità għall-mezzi ta' komunikazzjoni awdjoviżivi u x-xandir pubbliku tal-pajjiż isiru aktar indipendenti; jappella għal miżuri li jtejbu t-trasparenza finanzjarja tar-reklamar tal-Istat fil-mezzi ta' komunikazzjoni; jappella wkoll għal miżuri biex isaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali tal-ġurnalisti;

31.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif tal-Kunsill Albaniż tal-Mezzi ta' Komunikazzjoni, u jissottolinja r-rwol tiegħu fl-istabbiliment ta' standards professjonali u etiċi għoljin għall-ġurnalisti u għall-mezzi ta' komunikazzjoni kif ukoll fil-promozzjoni tal-indipendenza u tal-libertà tagħhom; jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-Kodiċi Etiku Ġurnalistiku rivedut kif ukoll l-Linji Gwida Etiċi għall-Mezzi ta' Komunikazzjoni Online u jitlob it-tisħiħ tal-prinċipji tagħhom, bil-għan li jinżammu l-fiduċja tal-pubbliku, il-veridiċità, l-ekwità, l-integrità, l-indipendenza u l-obbligu ta' rendikont;

32.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jintensifikaw ir-riformi mmirati biex tiżdied il-kompetittività u biex tingħeleb l-ekonomija informali; jenfasizza li l-korruzzjoni, il-lakuni fl-istat tad-dritt u t-toqol tal-proċeduri regolatorji għadhom igerrxu l-investimenti u l-iżvilupp sostenibbli tal-Albanija; jitlob li jkompli jitjieb il-kuntest għall-impriżi u għall-investimenti billi jiġu żgurati qafas regolatorju u leġiżlattiv prevedibbli, ċertezza tad-dritt, l-istat tad-dritt, l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà u eżekuzzjoni msaħħa tal-kuntratti, ikun segwit b'mod vigoruż il-konsolidament fiskali u tissaħħaħ l-amministrazzjoni tat-taxxa;

33.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata konverġenza pożittiva tal-istandards soċjali matul il-proċess ta' adeżjoni; jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija, b'mod partikolari l-attenzjoni tagħha fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku u fuq iż-żgħażagħ; jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jikkunsidraw mill-ġdid ir-rwol tas-sħubijiet pubbliċi-privati u l-impatt tagħhom fuq ir-riżorsi komuni u l-beni ta' interess pubbliku bħall-awtostradi, is-saħħa, in-natura u l-wirt kulturali f'konformità mal-obbligu tal-UNESCO; jistieden lill-Albanija tagħmel pubbliċi l-kriterji għall-għoti tal-assistenza soċjali;

34.  Jibża' li, wara li l-Ministeru tas-Sigurtà Soċjali tal-Albanija żżarma minħabba ristrutturazzjoni governattiva, jista' jkun hemm effetti negattivi fuq it-tfassil tal-politiki soċjali u tax-xogħol; jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jrawmu l-kooperazzjoni mat-trade unions u jsaħħu d-djalogu soċjali; iħeġġeġ li jittieħdu miżuri effikaċi biex jindirizzaw ir-rata għolja tal-qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ u n-nisa, u biex jipprevjenu t-tħaddim tat-tfal; jitlob aktar titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni, filwaqt li jkun aċċertat li l-edukazzjoni tibqa' aċċessibbli għall-popolazzjoni kollha kemm hi;

35.  Ifaħħar il-fatt li, skont l-Istitut tal-Istatistika tal-Albanija (INSTAT), il-qgħad fl-Albanija niżel; jisħaq fuq il-bżonn li titjieb il-kwalità tas-sistema tal-edukazzjoni, anki billi tiżdied il-kapaċità biex il-persuni jkunu mgħammra b'ħiliet u b'għarfien konformi mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol; jissottolinja l-bżonn li jingħata sostenn lit-tkabbir fit-tul billi jiġu żviluppati l-kapaċità ta' assorbiment teknoloġiku, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

36.  Iħeġġeġ lill-gvern jimmodernizza s-sistema tal-edukazzjoni bil-għan li tinbena soċjetà aktar inklużiva, jonqsu l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni u biex ż-żgħażagħ ikunu mgħammra b'ħiliet u b'għarfien aħjar;

37.  Japprezza l-impenn tal-Albanija biex timplimenta l-Aġenda tal-Konnettività fil-qafas tal-Proċess ta' Berlin u tadotta l-pakkett tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) 2018, li jinkludi proġett infrastrutturali ta' importanza strateġika marbut mar-rikostruzzjoni tal-port ta' Durrës, li jsaħħaħ il-kollegamenti tal-Albanija mal-Kroazja u mal-Italja u joffri lill-ġirien tal-Albanija mingħajr kosta mal-baħar, il-Kosovo u l-Maċedonja, aċċess għar-rotot tat-trasport marittimi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jħaffu l-pass fl-ippjanar u fil-kostruzzjoni tas-sezzjonijiet Albaniżi tan-netwerks trans-Ewropej u jipproċedu għall-armonizzazzjoni tal-qafas ġuridiku mal-acquis tal-UE; isostni l-proposta biex jonqsu t-tariffi tar-roaming fil-Balkani tal-Punent ħalli jiġi promoss kuntest favorevoli għas-suq u għall-investimenti li jwassal għal ekonomija diġitali; josserva li 40 % tal-popolazzjoni tal-Albanija tgħix f'żoni rurali iżda 1 % biss ta' dawn in-nies huwa konness mal-internet;

38.  Itenni l-importanza li titjieb l-infrastruttura pubblika fi ħdan il-Balkani tal-Punent u mal-Istati Membri tal-UE; jirrakkomanda li l-awtoritajiet iħaffu l-kostruzzjoni ta' proġetti infrastrutturali kbar bħal dak tal-kollegament ferrovjarju u tal-awtostrada moderna bejn Tirana u Skopje bħala parti mill-Kuritur VIII;

39.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu rigward ċerti proġetti ekonomiċi li wasslu għal ħsara ambjentali gravi f'żoni protetti, bħal ċentri turistiċi fuq skala kbira u l-impjanti idroelettriċi tul ix-xmajjar Vjosa u Valbona; jirrakkomanda lill-Albanija tirrevedi l-istrateġija tagħha fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u tnaqqas id-dipendenza tagħha mill-enerġija idroelettrika għall-produzzjoni tal-elettriku; jistieden għaldaqstant lill-awtoritajiet janalizzaw l-investimenti fil-proġetti marbuta mal-enerġija rinnovabbli differenti minn dik idroelettrika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jintensifikaw il-kwalità tal-valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi, tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u tal-konsultazzjonijiet pubbliċi marbuta ma' tali proġetti, filwaqt li jqisu kif jaħsbuha l-komunitajiet lokali; iħeġġeġ lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jirrevedu s-sostenn tagħhom favur il-proġetti tal-impjanti idroelettriċi f'każ li jkunu nieqsa minn valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi u valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali ex ante sodi; jisħaq fuq il-bżonn li jkun żgurat li l-proġett tal-Gassdott Trans-Adrijatiku (Trans Adriatic Pipeline, TAP) huwa konformi mal-aspetti ambjentali u soċjali tal-acquis; itenni l-appell tiegħu lill-Albanija biex timplimenta l-miżuri rilevanti ta' ġestjoni tal-iskart u tallinja ruħha mal-acquis ambjentali tal-UE;

40.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Albanija għadha l-pajjiż tal-Balkani tal-Punent li minnu jsir l-akbar għadd ta' daħliet u soġġorni illegali, kif ukoll ta' talbiet għall-asil bla bażi, fl-Istati Membri; jitlob li jiżdiedu l-miżuri meħuda f'dawn l-aħħar xhur biex jiġu indirizzati b'mod effikaċi l-fenomenu tat-talbiet għall-asil bla bażi fl-UE u l-wasliet ta' minuri mhux akkumpanjati, inklużi l-kawżi profondi tagħhom; jinkoraġġixxi miżuri konkreti biex tingħata spinta lill-impjiegi, speċjalment fost iż-żgħażagħ, lill-edukazzjoni, lill-kundizzjonijiet ta' ħajja u lis-saħħa; jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jistabbilixxu sistemi maħsuba biex jassistu fir-reintegrazzjoni effikaċi tal-familji u tat-tfal huma li jerġgħu lura f'pajjiżhom;

41.  Jilqa' pożittivament il-passi li saru biex jintlaħaq ftehim għall-kooperazzjoni operattiva bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Albanija, l-ewwel pajjiż tar-reġjun li miegħu ġie konkluż ftehim bħal dan, u jinkoraġġixxi aktar kooperazzjoni f'livell operattiv;

42.  Jistieden lill-Gvern Albaniż jirrispetta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u ma jagħtix permess għall-estradizzjoni f'każijiet ta' reati politiċi jew f'każijiet li fihom il-persuna tista' tkun suġġetta għal tortura jew trattament inuman fil-pajjiż li jitlob l-estradizzjoni,

43.  Ifaħħar lill-Albanija għas-suċċess li kellha fil-ġlieda kontra l-ħruġ ta' ġellieda barranin; jilqa' l-kooperazzjoni reġjonali li nkisbet fil-ġlieda kontra theddidiet terroristiċi potenzjali; itenni l-bżonn ta' aktar miżuri intiżi li jinterrompu l-flussi finanzjarji maħsuba għall-finanzjament tat-terroriżmu, li jsaħħu l-mekkaniżmi ta' prevenzjoni u monitoraġġ li jinvolvu lis-soċjetà ċivili u lill-komunitajiet reliġjużi, u li jindirizzaw b'mod effikaċi r-radikalizzazzjoni online; itenni l-bżonn li jkomplu jitjiebu l-programmi għar-reintegrazzjoni tal-persuni rimpatrijati u l-familji tagħhom u li jipprevjenu r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet, anki billi jissaħħaħ l-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-komunitajiet reliġjużi;

44.  Jitlob aktar kooperazzjoni bejn l-Albanija u l-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità tal-informatika u l-kwistjonijiet relatati maċ-ċiberdifiża;

45.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni attiva tal-Albanija fil-Proċess ta' Berlin, fl-inizjattiva tas-Sitt Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u f'inizjattivi reġjonali oħra, u l-kontribut tal-pajjiż għat-tisħiħ tal-profil tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali; jilqa' pożittivament l-iffirmar ta' Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni Reġjonali u r-Relazzjonijiet ta' Bon Viċinat fi ħdan il-qafas tal-Proċess ta' Berlin; jilqa' favorevolment il-pożizzjoni proattiva tal-Albanija biex tippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet ta' bon viċinat mal-pajjiżi l-oħra tat-tkabbir u mal-Istati Membri ġirien u jissottolinja l-fatt li r-relazzjonijiet tajbin huma element essenzjali tal-proċess tat-tkabbir; jilqa' pożittivament il-varar uffiċjali tal-Fond għall-Balkani tal-Punent, li għandu jippromwovi l-valuri komuni u jiżviluppa l-kooperazzjoni reġjonali bejn iċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent; jilqa' favorevolment il-ħolqien tal-Kamra tal-Kummerċ Konġunta Albanija-Serbja f'Tirana u jinkoraġġixxi t-tisħiħ tal-kooperazzjoni kummerċjali u bejn l-impriżi fir-reġjun; japprezza l-isforzi kontinwi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali, b'mod partikolari fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent, kif indikat fl-Inizjattiva Adrijatika Trilaterali; itenni li għandhom jiġu evitati dikjarazzjonijiet u azzjonijiet li jista' jkollhom impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet ta' bon viċinat;

46.  Itenni s-sostenn tiegħu fil-konfront tal-inizjattiva maħsuba biex toħloq Kummissjoni Reġjonali inkarigata bl-aċċertament tal-fatti rigward il-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra u ta' ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem kommessi f'dik li kienet il-Jugoslavja (RECOM); iħeġġeġ lill-Gvern Albaniż jieħu rwol ta' tmexxija fil-ħolqien tagħha; jissottolinja l-importanza ta' dan il-proċess u tal-impenn attiv tal-mexxejja politiċi reġjonali kollha sabiex tibda topera mill-aktar fis possibbli; jiġbed l-attenzjoni għall-proposta ta' pjan ta' azzjoni tal-koalizzjoni tar-RECOM b'dati u parametri ċari;

47.  Ifaħħar bil-qawwa lill-Albanija għall-allinjament sħiħ kontinwu tagħha mal-pożizzjonijiet u mad-dikjarazzjonijiet kollha tal-UE magħmula fil-kuntest tal-politika estera u ta' sigurtà komuni; jistieden lill-Albanija tallinja ruħha mal-pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-integrità tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u tirrinunzja l-ftehim bilaterali ta' immunità li kkonkludiet mal-Istati Uniti; ifaħħar il-parteċipazzjoni attiva tal-Albanija fil-missjonijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet militari fil-qafas tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni kif ukoll il-kontribut tagħha f'missjoni tan-NATO ta' importanza strateġika għall-UE;

48.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jagħmlu l-aktar użu effikaċi tal-fondi tal-UE fir-reġjuni kollha tal-pajjiż; jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li l-kundizzjonalità stretta tal-fondi IPA u tivvaluta, bħala parti mir-rapporti tagħha dwar il-pajjiżi, l-effikaċja tal-appoġġ tal-IPA għall-Albanija, speċjalment rigward il-prijoritajiet ewlenin u l-proġetti rilevanti;

49.  Jieħu nota tal-atmosfera kostruttiva fit-12-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Albanija, li saret f'Tirana mit-12 u sat-13 ta' Frar 2018, jinnota l-kooperazzjoni mtejba li nkisbet bejn ir-rappreżentanti tal-maġġoranza u tal-oppożizzjoni fil-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni; jissottolinja li huwa importanti li l-kooperazzjoni bejn il-partiti tibqa' għaddejja fit-triq tar-riforma li twassal għall-adeżjoni mal-UE;

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Albanija.

(1) Il-kelma "Rom" hija użata bħala terminu ġenerali li jinkludi diversi gruppi relatati, sew jekk huma nomadi sew jekk le, bħar-Rom, l-Ashkali, l-Eġizzjani, eċċ., li jista' jkollhom kulturi u stili ta' ħajja differenti ħafna minn xulxin.

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Novembru 2018Avviż legali