Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2117(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0403/2018

Testi mressqa :

A8-0403/2018

Dibattiti :

PV 28/11/2018 - 28
CRE 28/11/2018 - 28

Votazzjonijiet :

PV 29/11/2018 - 8.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0483

Testi adottati
PDF 359kWORD 57k
Il-Ħamis, 29 ta' Novembru 2018 - Brussell Verżjoni proviżorja
Difiża tal-libertà akkademika fl-azzjoni esterna tal-UE
P8_TA-PROV(2018)0483A8-0403/2018

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2018 Rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar id-difiża tal-libertà akkademika fl-azzjoni esterna tal-UE (2018/2117(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (11855/2012), adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fil-25 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE dwar il-Libertà ta' Espressjoni Online u Offline, adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fit-12 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2016, u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Rigward l-Istatus tal-Persunal tat-Tagħlim fl-Edukazzjoni Għolja, adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO), matul id-29 sessjoni tagħha mill-21 ta' Ottubru sat-12 ta' Novembru 1997,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Lima dwar il-Libertà Akkademika u l-Awtonomija tal-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Għolja, adottata mis-Servizz Universitarji Dinji f'Settembru 1988,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 29/7 dwar id-Dritt għall-Edukazzjoni, adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU matul it-42 laqgħa tiegħu tat-2 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 13 tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, adottat fit-8 ta' Diċembru 1999 waqt il-wieħed u għoxrin sessjoni tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 891/2017 tal-Kummissjoni ta' Venezja,

–  wara li kkunsidra r-rapporti minn organizzazzjonijiet nongovernattivi nazzjonali, Ewropej u internazzjonali, u, b'mod partikolari, il-Prinċipji tar-Responsabbiltà tal-Istat biex Jipproteġi l-Edukazzjoni Għolja kontra Attakki,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li jindirizzaw id-drittijiet fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0403/2018),

A.  billi l-UNESCO tiddefinixxi l-libertà akkademika bħala "d-dritt, mingħajr restrizzjoni mid-duttrina stipulata, għal-libertà tat-tagħlim u tad-diskussjoni, għal-libertà tat-twettiq ta' riċerka u tat-tixrid u tal-pubblikazzjoni tar-riżultati tagħha, għal-libertà li l-individwi jesprimu liberament l-opinjoni tagħhom dwar l-istituzzjoni jew is-sistema fejn jaħdmu, għal-libertà minn ċensura istituzzjonali u għal-libertà tal-parteċipazzjoni f'korpi akkademiċi professjonali jew rappreżentattivi";

B.  billi d-dritt għall-edukazzjoni huwa ta' importanza fundamentali għat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem l-oħrajn kollha u għall-kisba ta' żvilupp sostenibbli; billi dan id-dritt jista' jitgawda biss f'atmosfera ta' libertà akkademika u bl-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja;

C.  billi d-Dikjarazzjoni ta' Lima dwar il-Libertà Akkademika u l-Awtonomija tal-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Għolja tiddefinixxi l-libertà akkademika bħala l-libertà tal-membri tal-komunità akkademika – li tkopri l-persuni kollha li jgħallmu, jistudjaw, jirriċerkaw u jaħdmu f'istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja – individwalment jew kollettivament, fit-twettiq, l-iżvilupp u t-trażmissjoni tal-għarfien, permezz tar-riċerka, l-istudju, id-diskussjoni, id-dokumentazzjoni, il-produzzjoni, il-ħolqien, it-tagħlim, l-għoti ta' lekċers u l-kitba;

D.  billi din id-definizzjoni trid tkun imsejsa fuq valuri demokratiċi ċentrali, inklużi l-prinċipji tal-aċċess ekwu u tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, l-obbligu ta' rendikont, il-ħsieb kritiku u indipendenti, l-awtonomija istituzzjonali u r-responsabbiltà soċjali; billi ma jistax ikun hemm demokrazija mingħajr il-libertà akkademika li tippermetti li jkun hemm dibattitu infurmat;

E.  billi l-libertà akkademika hija element ewlieni biex isir progress fl-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli stabbiliti fl-Aġenda 2030, fejn l-edukazzjoni ta' kwalità, ir-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni jokkupaw post ċentrali;

F.  billi l-awtonomija hija prekundizzjoni neċessarja sabiex l-istituzzjonijiet edukattivi jwettqu l-funzjonijiet proprji tagħhom; billi l-libertà akkademika teħtieġ protezzjoni kostanti u viġilanti minn pressjoni mhux dovuta mill-Istat jew minn interessi kummerċjali;

G.  billi l-libertà akkademika – inklużi l-libertajiet kostitwenti tagħha tal-ħsieb, tal-opinjoni, tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni, tal-ivvjaġġar u tat-tagħlim – tikkontribwixxi għall-ħolqien tal-ispazju li fih kwalunkwe soċjetà pluralistika miftuħa u stabbli hija ħielsa li taħseb, tixtarr, taqsam l-ideat u tipproduċi, tikkonsma u xxerred l-għarfien;

H.  billi l-attakki fuq il-libertà akkademika jxekklu r-riċerka, l-istudju, it-tagħlim, id-diskors pubbliku u d-dritt għall-edukazzjoni, jgħarrqu l-kwalità akkademika u l-iżvilupp soċjali, politiku, ekonomiku u kulturali; billi t-tweġibiet għall-kwistjonijiet fis-soċjetà jenħtieġ li jinstabu permezz tar-raġuni, tal-evidenza u tal-persważjoni;

I.  billi d-dritt għall-edukazzjoni, it-tagħlim u r-riċerka jista' jitgawda bis-sħiħ biss f'atmosfera ta' libertà akkademika;

J.  billi hemm ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata b'mod adegwat il-libertà akkademika matul il-proċess ta' adeżjoni għall-UE sabiex tiġi evitata l-okkorrenza ta' attakki fl-Istati Membri tal-UE, bħat-tentattivi biex tingħalaq l-Università tal-Ewropa Ċentrali (CEU) f'Budapest, li se jwasslu għar-rilokazzjoni tal-ammissjonijiet tal-istudenti lejn Vjenna mill-2019, kif ukoll l-imblukkar tal-istudji dwar il-ġeneru fl-Ungerija; billi l-pajjiżi kandidati jenħtieġ li jimpenjaw ruħhom favur valuri fundamentali tal-edukazzjoni għolja, inklużi l-libertà akkademika u l-awtonomija istituzzjonali;

K.  billi l-komunità akkademika u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni qed isiru dejjem aktar vulnerabbli għall-interferenza, għall-pressjoni jew għar-ripressjoni mill-istati, mis-settur tan-negozju jew minn atturi oħra mhux statali; billi kull sena, mijiet ta' attakki fuq universitajiet, istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-membri tagħhom jiġu rrapportati madwar id-dinja, inklużi qtil, vjolenza u għajbien, detenzjoni inġusta, prosekuzzjoni ħażina, telf tal-pożizzjoni, tkeċċija/espulsjoni minn studji, restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jew il-moviment, u theddid estrem jew sistemiku ieħor; billi l-ksur tal-libertajiet akkademiċi qed iseħħ ukoll fi ħdan l-Istati Membri tal-UE u l-eqreb sħab tagħha;

L.  billi t-tnaqqis fil-finanzjament pubbliku għall-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni għolja, u l-ħtieġa sussegwenti għal sorsi alternattivi ta' dħul ipoġġu l-libertà akkademika f'riskju, b'mod partikolari meta tali finanzjament estern joriġina minn reġimi awtokratiċi barra mill-pajjiż jew minn korporazzjonijiet multinazzjonali;

M.  billi l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni barranin fi ħdan l-UE qed jiffaċċjaw attakki minn gvernijiet nazzjonali u qed jiffaċċjaw ksur tal-libertà akkademika tagħhom;

N.  billi t-tentattivi li jiġu kkontrollati jew imsikkta l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jew tal-akkademiċi, tal-istudenti u tal-persunal tagħhom imorru ferm lil hinn mill-individwi u mill-istituzzjonijiet li qegħdin direttament fil-mira u jaffettwaw lis-soċjetà inġenerali billi jnaqqsu l-ispazju għall-parteċipazzjoni demokratika inklużiva, il-libertà ta' espressjoni u l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini kollha u billi jċaħħdu lill-ġenerazzjonijiet futuri minn akkademiċi u riċerkaturi ta' kwalità għolja;

O.  billi t-twettiq effettiv tad-dritt għall-edukazzjoni u l-garanzija tal-libertà akkademika jeħtieġ lill-istati li jiżguraw livell adegwat u affidabbli ta' finanzjament għall-edukazzjoni; billi l-politiki ta' awsterità finanzjarja u ekonomika dgħajfu serjament il-libertà akkademika u qed ikomplu jagħmlu dan madwar id-dinja, inkluż fi ħdan l-UE;

P.  billi l-ksur tal-libertà akkademika rarament jiġi indirizzat fi ħdan il-qafas tad-drittijiet tal-bniedem, li jirrifletti, minn naħa, nuqqas ta' familjarità mal-kwistjonijiet tal-libertà akkademika fost is-sostenituri tad-drittijiet tal-bniedem u, min-naħa l-oħra, il-fatt li d-dikjarazzjonijiet spiss ikunu jirreferu għall-ksur ta' drittijiet oħra, bħal-libertà ta' espressjoni jew ta' opinjoni; billi, għaldaqstant, l-istandards f'dan il-qasam mhumiex żviluppati biżżejjed u l-ksur tal-libertà akkademika ma jiġix irrapportat b'mod suffiċjenti;

Q.  billi hemm ħtieġa ġenerali kemm ta' sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-libertà akkademika bħala għodda biex jiġu promossi d-demokrazija, ir-rispett għall-istat tad-dritt u r-responsabbiltà, kif ukoll li jinħolqu opportunitajiet biex tittejjeb il-kapaċità għall-promozzjoni u għad-difiża tagħha;

R.  billi huwa importanti li jiġu identifikati l-attakki fuq il-libertà akkademika bħala parti minn fenomenu globali, u biex jitħeġġeġ ir-rikonoxximent tal-akkademiċi u tal-istudenti li jisfaw taħt il-mira mhux biss bħala individwi li jinkisrulhom drittijiethom, iżda anki bħala difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jkunu qed jiġu attakkati; billi huwa meħtieġ rispons b'saħħtu fil-livell internazzjonali u nazzjonali, kemm minn fost l-edukazzjoni għolja nnifisha kif ukoll mis-soċjetà ċivili u l-pubbliku inġenerali;

S.  billi ħafna akkademiċi u studenti f'riskju ma jkunux jistgħu jiksbu aċċess għall-opportunitajiet ipprovduti mill-programmi tal-UE għall-mobbiltà akkademika u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bħala riżultat tal-fatt li ma ntlaħqux il-kriterji tal-applikazzjoni jew li nstabet diffikultà kbira f'li jiġu segwiti l-proċeduri, ir-rekwiżiti u l-iskedi ġenerali tal-applikazzjoni;

T.  billi l-limitazzjonijiet fil-finanzjament fil-programmi tal-UE jirrestrinġu l-azzjonijiet tal-organizzazzjonijiet u l-universitajiet fl-UE li diġà jsostnu lill-istudenti u lill-akkademiċi li huma f'riskju jew li jaħarbu minn pajjiżhom minħabba t-theddida ta' persekuzzjoni għall-involviment akkademiku tagħhom; billi dawn l-organizzazzjonijiet u l-universitajiet jeħtieġu aktar assistenza għall-azzjonijiet u l-inizjattivi tagħhom;

U.  billi l-UE hija impenjata li tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt madwar id-dinja; billi l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija jappella għal politika tal-UE aktar effettiva fl-appoġġ għad-drittijiet tal-bniedem u għad-demokrazija, inklużi ż-żieda tal-effikaċja tad-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, it-titjib tal-viżibbiltà u tal-impatt tal-istrateġiji tal-pajjiżi dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-iffokar fuq l-implimentazzjoni effettiva tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u t-titjib tad-diplomazija pubblika u tal-komunikazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

   (a) li jirrikonoxxu b'mod espliċitu l-importanza tal-libertà akkademika fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi, il-politiki u l-azzjonijiet relatati mal-azzjoni esterna tal-UE, inkluż ir-rikonoxximent tal-prinċipji li l-ideat mhumiex reati u li d-diskors kritiku mhuwiex diżlealtà, iżda minflok partijiet essenzjali ta' soċjetà demokratika u l-iżvilupp tagħha, li l-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għandha tkun imħarsa f'kull ħin, u li l-libertà akkademika għandha rwol essenzjali fl-avvanz edukattiv u l-iżvilupp tal-umanità u s-soċjetà moderna;
   (b) li jirrikonoxxu li l-pretensjonijiet għal-libertà akkademika jaqgħu taħt id-dritt eżistenti tad-drittijiet tal-bniedem, li jirriżulta mid-dritt għall-edukazzjoni u d-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni u ta' opinjoni; li jfakkru li l-libertà akkademika testendi għal-libertà tal-akkademiċi biex ixerrdu l-informazzjoni u jwettqu riċerka u jiddistribwixxu l-għarfien u l-verità mingħajr restrizzjoni, il-libertà li jesprimu l-fehmiet u l-opinjonijiet tagħhom – anke jekk kontroversjali jew mhux popolari – fl-oqsma tar-riċerka u l-għarfien espert professjonali tagħhom, li jistgħu jinkludu eżami tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet pubbliċi f'sistema politika partikolari u l-kritika tagħha;
   (c) li jenfasizzaw pubblikament il-problemi tal-attakki fuq il-libertà akkademika, inklużi l-konsegwenzi negattivi tagħhom; li jesprimu tħassib dwar il-vulnerabbiltà tal-komunità akkademika għal indħil żejjed mill-awtoritajiet nazzjonali, l-atturi privati jew l-interessi korporattivi u; li jfakkru fir-responsabbiltà tal-istati biex jiggarantixxu l-libertà akkademika, jaġixxu f'konformità ma' dan u jipproteġu b'mod proattiv lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, lill-akkademiċi u lill-istudenti minn attakki, irrispettivament mill-oriġini u n-natura tagħhom;
   (d) li jiżguraw li l-istituzzjonijiet tal-UE u r-rappreżentanti tal-Istati Membri li jżuru pajjiżi terzi jingħataw informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-libertà akkademika;
   (e) li juru appoġġ għall-istituzzjonijiet, għall-persunal u għall-istudenti li jkunu f'riskju jew li sfaw vittmi ta' koerċizzjoni jew attakki vjolenti, u li jikkundannaw pubblikament dawn l-attakki, billi jqajmu l-kwistjoni fil-livelli kollha, inkluż permezz ta' dikjarazzjonijiet, żjarat, stediniet għal attendenzi għal attivitajiet pubbliċi u monitoraġġ tal-proċessi u tal-ħabsijiet, u referenzi speċifiċi għal każijiet individwali ta' membri ta' komunitajiet tal-edukazzjoni għolja f'riskju;
   (f) jappoġġjaw l-aċċess ugwali għall-komunità akkademika, irrispettivament mill-etniċità, il-kasta, id-diżabilità, in-nazzjonalità, it-twemmin reliġjuż, l-identità tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali jew status ieħor; jagħtu attenzjoni partikolari fit-trattattivi tagħhom ma' pajjiżi terzi, biex jappoġġjaw l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u l-forom kollha ta' vjolenza u biex jgħinu fit-twettiq tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-dritt għall-edukazzjoni għal kulħadd;
   (g) jenfasizzaw li l-attakki fuq il-libertà akkademika jistgħu jieħdu l-forma wkoll ta' attakki ċibernetiċi, peress li llum il-ġurnata l-akkademiċi jużaw dejjem aktar l-internet u l-midja soċjali biex jesprimu l-ideat u l-opinjonijiet tagħhom;
   (h) iqajmu l-libertà akkademika f'livelli differenti tad-djalogu politiku, fosthom fid-djalogi u l-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi sħab; jagħtu spinta lill-isforzi diplomatiċi mal-pajjiżi sħab permezz ta' involviment bilaterali u multilaterali b'rabta ma' inċidenti ta' tħassib, li jinvolvu theddidiet jew attakki fuq il-libertà akkademika u attakki partikolarment vjolenti fuq istituzzjonijiet u membri tal-komunità tal-edukazzjoni għolja, kif ukoll politiki jew prattiki diskriminatorji, restrizzjonijiet eċċessivi fuq ir-riċerka jew l-espressjoni, prosekuzzjoni jew detenzjoni illegali u restrizzjonijiet fuq id-dritt li jiġu ffurmati trade unions u li wieħed jissieħeb magħhom; iħeġġu lill-pajjiżi sħab jistabbilixxu qafas għal-libertà akkademika u l-awtonomija istituzzjonali u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta' dawn id-drittijiet fundamentali; jiżguraw li kwalunkwe ftehim ta' kooperazzjoni internazzjonali ma' pajjiżi sħab jirrispetta dawn il-prinċipji;
   (i) li jinkludu d-difiża u l-ħarsien tal-libertà akkademika u tal-awtonomija istituzzjonali fil-kriterji ta' Copenhagen għall-proċess tal-adeżjoni tal-UE bil-għan li jiġu evitati attakki fuq il-libertà akkademika fl-Istati Membri, kif deher fil-każ tas-CEU fl-Ungerija;
   (j) iħeġġu lill-istati kollha jagħmlu bħalma diġà għamlu l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE u japprovaw u jimplimentaw id-Dikjarazzjoni dwar l-Iskejjel Sikuri u l-Linji gwida li jakkumpanjawha għall-Protezzjoni tal-Iskejjel u l-Universitajiet minn Użu Militari waqt Kunflitt Armat, li jservu bħala gwida dwar ir-responsabbiltà li jiġu protetti l-valuri ewlenin, speċjalment il-libertà akkademika u l-awtonomija istituzzjonali, fil-kuntest ta' attakki vjolenti u koerċittivi fuq l-edukazzjoni għolja;
   (k) jaħdmu man-NU, mal-Kunsill tal-Ewropa, mal-aġenziji internazzjonali, mas-soċjetà ċivili u mal-komunitajiet tal-edukazzjoni għolja biex jinħolqu mekkaniżmi għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta' attakki, theddid u restrizzjonijiet eċċessivi fuq l-edukazzjoni għolja u l-akkademiċi individwali; u biex jissaħħaħ u jitħeġġeġ il-monitoraġġ sabiex titqajjem kuxjenza, l-awturi jinżammu responsabbli u jittejbu l-isforzi għall-prevenzjoni tal-attakki fuq il-libertà akkademika u r-reazzjoni għalihom;
   (l) jinvolvu u jħeġġu djalogu regolari mal-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet universitarji li l-missjoni tagħhom hi li jipproteġu l-komunitajiet tal-edukazzjoni għolja u jippromwovu l-libertà akkademika, sabiex jiġu żviluppati l-aqwa oqfsa ta' politika, inizjattivi u strateġiji ta' appoġġ għal-libertà akkademika;
   (m) jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet għal investigazzjonijiet veloċi, bir-reqqa u trasparenti dwar ksur tal-libertà akkademika, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet li jinvolvu attakki vjolenti; itejbu l-isforzi għall-prevenzjoni tal-attakki fuq il-libertà akkademika u r-reazzjoni għalihom, u jwettqu kull sforz raġonevoli biex l-awturi jinżammu responsabbli;
   (n) iħeġġu l-ħidma fuq ir-riċerka u l-appoġġ bil-għan tar-riforma tal-leġiżlazzjoni u tar-regolamenti li jimponu restrizzjonijiet eċċessivi fuq il-libertà akkademika jew l-awtonomija akkademika tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, u jippromwovu l-awtonomija istituzzjonali bħala mod kif is-sistemi tal-edukazzjoni għolja jiġu protetti minn interferenza jew attakki mill-istat, mill-intrapriżi jew minn atturi mhux statali u kif l-edukazzjoni għolja titħares mill-politiċizzazzjoni u l-manipulazzjoni ideoloġika;
   (o) jagħtu spinta lill-isforzi diplomatiċi mal-pajjiżi sħab permezz ta' involviment bilaterali u multilaterali b'rabta ma' inċidenti ta' tħassib li jinvolvu theddidiet jew attakki fuq il-libertà akkademika, b'mod partikolari attakki vjolenti fuq l-istituzzjonijiet u l-membri tal-komunità tal-edukazzjoni għolja, kif ukoll politiki jew prattiki diskriminatorji, restrizzjonijiet eċċessivi fuq ir-riċerka jew l-espressjoni, u prosekuzzjoni jew detenzjoni illegali;
   (p) jirrevedu l-mekkaniżmi eżistenti ta' appoġġ u protezzjoni għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem biex tiġi żviluppata l-kapaċità ta' identifikazzjoni u ta' għoti ta' assistenza, inklużi protezzjoni u appoġġ ta' emerġenza, f'każijiet li jinvolvu attakki fuq il-libertà akkademika, anke permezz ta' protezzjoni fiżika, appoġġ legali u rigward il-viża, appoġġ mediku, monitoraġġ tal-proċessi u l-ħabsijiet, appoġġ u lobbying, u appoġġ fit-tul matul l-eżilju; jistieden, b'mod partikolari, lill-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem jinkludi fost il-prijoritajiet tiegħu l-promozzjoni tal-libertà akkademika u l-appoġġ għal membri tal-komunità akkademika f'riskju;
   (q) jeżaminaw mill-ġdid il-programmi u r-riżorsi eżistenti għall-mobilità akkademika u forom oħra ta' kooperazzjoni fl-edukazzjoni u r-riċerka, inklużi l-kriterji, il-proċeduri ta' applikazzjoni, ir-rekwiżiti, il-perjodi ta' żmien u l-iskedi tagħhom, għall-fini tal-eliminazzjoni tal-ostakli li inkella jistgħu jipprekludu lil akkademiċi jew studenti kwalifikati f'riskju milli jkunu jistgħu jiksbu aċċess għall-opportunitajiet, għall-kollokamenti jew għal riżorsi oħra offruti mill-programmi; jippromwovu l-proġetti eżistenti ffinanzjati mill-UE, bħall-"Academic Refuge", li jagħmlu l-almu tagħhom biex iqajmu kuxjenza akbar dwar l-importanza tal-libertà akkademika fis-settur tal-edukazzjoni għolja u l-konsegwenzi għas-soċjetà inġenerali meta din il-libertà tiġi mrażżna;
   (r) jiżguraw li l-programmi ta' assistenza makrofinanzjarja tal-UE għal pajjiżi terzi u l-politiki tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej ma jimminawx il-libertà akkademika billi jappoġġjaw politiki li jnaqqsu l-allokazzjoni tad-dħul nazzjonali għas-settur tal-edukazzjoni;
   (s) joħolqu inizjattivi ġodda fi ħdan programmi eżistenti u futuri – possibilment bħala sinerġiji żviluppati u ffinanzjati mill-Unjoni permezz tal-baġits tagħha mhux għall-edukazzjoni u r-riċerka – bħall-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III), Orizzont 2020, Erasmus+ u l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie, għal azzjonijiet ġodda ta' programmi ffinanzjati mill-UE b'appoġġ għall-kollokament ta' akkademiċi f'riskju, riċerkaturi studenti u studenti b'lawrja sħiħa bi status ta' protezzjoni internazzjonali f'istituzzjonijiet Ewropej tal-edukazzjoni għolja u tar-riċerka;
   (t) jappoġġjaw l-isforzi normattivi li qed jitwettqu f'livell reġjonali u internazzjonali, anke permezz tal-adozzjoni ta' dikjarazzjoni internazzjonali dwar il-libertà akkademika u l-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja; iħeġġu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippreżentaw inizjattiva dwar il-libertà akkademika fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;
   (u) jiżguraw appoġġ kontinwu u ta' livell għoli liċ-Ċentru Interuniversitarju Ewropew u lill-Kampus Globali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, bħala inizjattiva ewlenija tal-appoġġ tal-UE għall-edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Novembru 2018Avviż legali