Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2090(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0400/2018

Testi mressqa :

A8-0400/2018

Dibattiti :

PV 10/12/2018 - 19
CRE 10/12/2018 - 19

Votazzjonijiet :

PV 11/12/2018 - 5.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0485

Testi adottati
PDF 183kWORD 64k
It-Tlieta, 11 ta' Diċembru 2018 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
L-edukazzjoni fl-era diġitali: sfidi, opportunitajiet u tagħlimiet għat-tfassil tal-politika tal-UE
P8_TA-PROV(2018)0485A8-0400/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar l-edukazzjoni fl-era diġitali: sfidi, opportunitajiet u tagħlimiet għat-tfassil tal-politika tal-UE (2018/2090(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, rigward id-dritt għall-edukazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2018/646 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' April 2018 dwar qafas komuni għall-għoti ta' servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass) u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2018 dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni fl-UE(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 dwar aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar politiki dwar il-ħiliet għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-emanċipazzjoni tal-bniet permezz tal-edukazzjoni fl-UE(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 dwar teknoloġiji ġodda u riżorsi edukattivi miftuħa(7),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja(8),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 dwar il-mixja lejn viżjoni għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja u li tħassar ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja(9),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2016 dwar l-iżvilupp tal-litteriżmu fil-media u l-ħsieb kritiku permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-19 ta' Diċembru 2016 bit-titlu "Perkorsi ta' titjib tal-ħiliet: opportunitajiet ġodda għall-adulti"(10),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Mejju 2015 dwar ir-rwol tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni primarja fit-trawwim tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-kompetenza diġitali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-edukazzjoni effettiva tal-għalliema,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali(11),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2011 dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti(12),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Jannar 2018 dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (COM(2018)0022),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2017 dwar l-iżvilupp tal-iskejjel u t-tagħlim eċċellenti għal bidu tajjeb fil-ħajja (COM(2017)0248),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2012 dwar strateġija Ewropea għal internet aħjar għat-tfal (COM(2012)0196),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 dwar aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa" (COM(2016)0381),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2016 dwar it-titjib u l-immodernizzar tal-edukazzjoni (COM(2016)0941),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Novembru dwar l-immodernizzar tal-edukazzjoni skolastika u għolja(13),

–  wara li kkunsidra r-rapport taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali tad-9 ta' Marzu 2018 bit-titlu "Skill needs anticipation: systems and approaches. Analysis of stakeholder survey on skill needs assessment and anticipation" (Antiċipazzjoni tal-ħiliet meħtieġa: sistemi u approċċi. Analiżi tal-istħarriġ tal-partijiet interessati dwar il-valutazzjoni u l-antiċipazzjoni tal-ħiliet meħtieġa),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-politika tal-Kummissjoni tal-2017 bl-isem "DigComp 2.1: The digital competence framework for citizens: With eight proficiency levels and examples of use",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0400/2018),

A.  billi t-teknoloġija qed tiżviluppa b'rata li qed taċċellera, is-soċjetà u l-ekonomija diġitali issa huma fatt tal-ħajja, u dan ifisser li l-ħiliet diġitali huma essenzjali għal realizzazzjoni professjonali ta' suċċess u għall-iżvilupp personali taċ-ċittadini kollha;

B.  billi l-kompetenza diġitali hija kompetenza ewlenija għat-tagħlim tul il-ħajja, kif definit fil-Qafas ta' Referenza anness mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018;

C.  billi l-kapaċità innovattiva tat-teknoloġija hi kkundizzjonata, fost l-oħrajn, mill-ħsieb kritiku, il-livell tal-ħiliet diġitali u kreattivi tal-persuni, u l-kwalità u l-portata tal-konnettività tal-internet;

D.  billi għarfien bażiku tat-teknoloġiji diġitali hu vitali għat-twettiq tal-kompiti essenzjali amministrattivi u ta' kuljum;

E.  billi huwa stmat li madwar nofs l-impjiegi attwali madwar id-dinja – u 30 % fl-Unjoni Ewropea – se jisparixxu matul il-25 sena li ġejjin(14), filwaqt li qed jitfaċċaw professjonijiet ġodda li jeħtieġu ħiliet diġitali avvanzati;

F.  billi l-ħiliet diġitali, li jmorru lil hinn sew mir-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol, joffru lin-nies opportunitajiet aħjar biex jipparteċipaw fil-ħajja tas-soċjetà, kemm illum kif ukoll fil-futur, jiffaċilitaw l-iskambju tal-informazzjoni u l-iskambju kulturali, u jagħtu lin-nies leħen aktar sod fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi;

G.  billi huwa essenzjali li l-internet jiġi ddikjarat bħala ġid komuni u li tiġi promossa ċ-ċittadinanza elettronika;

H.  billi t-trasformazzjoni teknoloġika fl-industriji tfisser li l-għodod diġitali jintużaw sikwit anke fil-professjonijiet tradizzjonalment mhux tekniċi, meta 9 minn kull 10 impjiegi fil-futur qarib jew immedjat huma stmati li jeħtieġu ħiliet diġitali;

I.  billi attwalment, 44 % tal-popolazzjoni tal-UE tal-età ta' bejn 16 u 74 sena m'għandhomx ħiliet diġitali bażiċi, filwaqt li 19 % m'għandhom l-ebda ħila diġitali, b'diskrepanzi sostanzjali fost l-Istati Membri, sitwazzjoni li tissogra li toħloq distakk soċjali ġdid;

J.  billi l-importanza tal-ħiliet diġitali, id-distakk fil-ħiliet, li huwa partikolarment sinifikanti bejn l-irġiel u n-nisa, il-ġenerazzjonijiet u l-gruppi soċjali differenti, u d-disparitajiet fil-ħiliet diġitali fost l-Istati Membri jitolbu reazzjoni politika konġunta;

K.  billi huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet edukattivi jħejju lill-istudenti biex jikkonfrontaw l-isfidi soċjali u ekonomiċi jġibu magħhom l-iżviluppi teknoloġiċi u soċjali rapidi, billi jgħammruhom bil-ħiliet xierqa biex jadattaw għall-isfidi tad-dinja diġitali;

L.  billi l-aċċess u l-użu tal-internet u ta' tagħmir teknoloġiku u diġitali ttrasformaw l-imġiba soċjali u r-relazzjonijiet, speċjalment fost it-taqsimiet aktar żgħażagħ tas-soċjetà;

M.  billi l-għan li jiġi żgurat li sal-2025 l-iskejjel kollha fl-UE jkollhom aċċess għall-konnessjonijiet tal-internet b'veloċità ta' download/upload ta' gigabit wieħed ta' data kull sekonda għad irid jintlaħaq;

N.  billi l-użu eċċessiv ta' tagħmir teknoloġiku u diġitali, bħall-computers u t-tablets, jista' jikkawża problemi għas-saħħa u l-benessri, inkluż tiċħid mill-irqad, stil sedentarju ta' ħajja u dipendenza;

O.  billi jeħtieġ ukoll li l-istrateġiji tat-tagħlim diġitali jqisu r-riċerka dwar l-effetti detrimentali li l-użu bikri tat-teknoloġija diġitali jaf ikollu fuq l-iżvilupp tal-moħħ ta' tfal żgħar;

P.  billi t-teknoloġiji diġitali għandhom ikunu parti integrali minn approċċ lejn l-edukazzjoni li jkun jiffoka fuq l-istudent u adatt skont l-età, u jista' joffri approċċi ġodda u innovattivi għat-tagħlim; billi huwa vitali li jinżamm kuntatt personali bejn l-istudenti u l-għalliema u li tingħata prijorità lill-benessri u l-iżvilupp b'saħħtu tal-istudenti tfal kif ukoll adulti;

Q.  billi t-teknoloġiji għandhom jintużaw aħjar biex jappoġġaw pedagoġiji ġodda li jiffokaw fuq l-istudenti bħala parteċipanti attivi b'għodod għal tagħlim ibbażat fuq ir-riċerka u spazji tax-xogħol kollaborattivi;

R.  billi l-edukazzjoni bażika dwar l-iġjene u s-sikurezza ċibernetiċi, il-protezzjoni tad-data u l-litteriżmu medjatiku trid tkun orjentata fuq l-età u l-iżvilupp sabiex tgħin lit-tfal isiru studenti kritiċi, ċittadini attivi, utenti tal-internet u persuni li jsawru soċjetà diġitali demokratika, jieħdu deċiżjonijiet infurmati, u jkunu konxji mir-riskji assoċjati mal-internet, bħalma huma d-diżinformazzjoni online, il-fastidju u ksur ta' data personali, u kapaċi jikkumbattulhom; billi fil-kurrikula tat-taħriġ akkademiku u vokazzjonali għandhom jiġu introdotti programmi ta' tagħlim relatat mas-sigurtà ċibernetika;

S.  billi t-tagħlim diġitali innovattiv u ta' kwalità jista' jkun eċitanti u interattiv, u b'hekk jikkomplementa l-metodi ta' tagħlim permezz tal-lekċers, u jipprovdi pjattaformi għall-kollaborazzjoni u l-ħolqien tal-għarfien;

T.  billi qed naraw użu kummerċjali dejjem jikber tal-edukazzjoni min-naħa ta' kumpaniji diġitali kbar, li qed jippruvaw jinfluwenzaw il-prattiki tat-tagħlim billi jintroduċu tagħmir, software u riżorsi edukattivi jew jipprovdu taħriġ lill-għalliema;

U.  billi, biex iwettqu aħjar il-wegħda tat-teknoloġija, l-Istati Membri jeħtieġu strateġiji effettivi biex jibnu l-kapaċità tal-għalliema, u dawk li jfasslu l-politika jeħtieġ li jaħdmu aktar biex jibnu l-appoġġ għal din l-aġenda;

V.  billi l-libreriji pubbliċi jipparteċipaw fl-isforz komuni biex jiffamiljarizzaw liċ-ċittadini mal-ħiliet diġitali, billi jipprovdu servizzi miftuħa għall-appoġġ diġitali f'ambjent soċjali u ta' għajnuna;

W.  billi l-adulti li huma qiegħda jew li jaħdmu f'impjiegi li ma jeħtiġux ħiliet diġitali għandhom it-tendenza li malajr jaqgħu wara adulti oħra b'aktar profiċjenza diġitali, u dan jostakola l-prospetti tagħhom tax-xogħol u jkabbru d-disparitajiet soċjali u ekonomiċi;

X.  billi d-diġitalizzazzjoni progressiva tax-xogħol se tirriżulta fl-għajbien ta' bosta professjonijiet u żieda fil-qgħad; billi l-professjonijiet il-ġodda li se jinħolqu bid-diġitalizzazzjoni jaf jikkumpensaw għal uħud mill-impjiegi mitlufa;

Y.  billi t-teknoloġiji diġitali jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess għall-għarfien u t-tagħlim, u bis-saħħa tal-użu tagħhom, il-faċilitajiet għat-taħriġ fid-diversi livelli jkunu faċilment aċċessibbli u inklużivi;

Z.  billi mingħajr politiki xierqa u mmirati, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità aktarx ikunu dawk li jbatu l-aktar mit-trasformazzjoni diġitali;

AA.  billi n-nisa jammontaw għal 20 % biss tal-professjonisti fil-qasam tax-xjenza, 27 % biss tal-gradwati fl-inġinerija(15) u 20 % biss tal-gradwati fix-xjenza tal-kompjuter(16); billi s-sehem tal-irġiel li jaħdmu fis-settur diġitali huwa 3.1 darbiet akbar mis-sehem tan-nisa; billi 19 % biss tal-ħaddiema fl-ICT għandhom kap mara, meta mqabbla ma' 45 % tal-ħaddiema f'setturi oħra;

AB.  billi l-opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja għandhom tendenza li jkun ħafna aktar disponibbli għal ħaddiema li diġà għandhom ħiliet(17);

AC.  billi l-monitoraġġ u l-valutazzjoni kontinwi tal-profiċjenza fil-ħiliet diġitali kemm fl-organizzazzjonijiet kif ukoll fost l-individwi hi prerekwiżit għal twettiq effettiv tal-politika;

AD.  billi l-ksib ta' ħiliet trasversali bażiċi, bħan-numeriżmu, il-ħsieb kritiku u l-ħiliet ta' komunikazzjoni soċjali huwa prerekwiżit fundamentali għall-akkwiżizzjoni ta' ħiliet u kompetenzi diġitali;

1.  Jenfasizza li l-akkwiżizzjoni ta' ħiliet diġitali jeħtieġ approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja koerenti ankrat f'ambjenti edukattivi formali, mhux formali u informali, b'rispons tal-politika u interventi mmirati adatti għall-ħtiġijiet ta' gruppi ta' etajiet differenti u studenti differenti;

2.  Jissottolinja l-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali fl-appoġġ lejn approċċi pedagoġiċi aktar iffokati fuq l-istudent jekk dawn jiġu inkorporati fil-proċess tat-tagħlim b'mod ippjanat u siewi; jemmen li bil-għan ta' trasformazzjoni edukattiva ġenwina, l-istudenti jeħtieġ li jiġu ggwidati lejn prattiki innovattivi u minn isfel għal fuq tal-ħolqien tal-għarfien;

3.  Jenfasizza li hija meħtieġa trasformazzjoni tas-sistemi edukattivi u ta' taħriġ fil-livelli kollha biex isir użu sħiħ mill-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-mezzi tax-xandir u biex jiġu żviluppati l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex jiġu ssodisfati d-domandi tas-soċjetà u tas-suq tax-xogħol tal-futur; itenni li tali trasformazzjoni trid tkompli tiggarantixxi d-dritt għal sodisfazzjon personali, tilħaq bilanċ tajjeb bejn il-ħiliet diġitali relevanti u l-ħiliet għall-ħajja, u tappoġġa r-reżiljenza individwali, il-ħsieb kritiku u l-potenzjal tal-innovazzjoni;

4.  Jemmen li l-istituzzjonijiet edukattivi ma jistgħux jittraskuraw l-edukazzjoni olistika tal-istudenti tagħhom, li tinvolvi l-kultivazzjoni u l-iżvilupp ta' prospettiva kritika u olistika li tippermettilhom jasserixxu lilhom infushom bħala ċittadini attivi; jifhem li l-ħsieb kritiku ma jistax jissaħħaħ biss permezz tat-tagħlim tal-ħiliet diġitali, u li l-edukazzjoni olistika hija meħtieġa wkoll;

5.  Jisħaq fuq il-punt li filwaqt li huwa essenzjali li jiżdiedu l-ħiliet diġitali bażiċi u avvanzati tal-istudenti, il-ħiliet tradizzjonali u umanistiċi għandhom, madankollu, ikomplu jiġu kkultivati;

6.  Ifakkar li, bħalma tirrikonoxxi l-Kummissjoni fil-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali ta' Jannar 2018, l-adattament meħtieġ tal-istituzzjonijiet edukattivi għal teknoloġiji l-ġodda u approċċi pedagoġiċi innovattivi m'għandu qatt jitqies bħala objettiv fih innifsu, iżda pjuttost bħala għodda biex jittejbu l-kwalità u l-inklużività tal-edukazzjoni;

7.  Jenfasizza, filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa għal aktar ħiliet diġitali, li bħalissa l-impatt tat-teknoloġiji diġitali fuq l-edukazzjoni mhuwiex faċli li jiġi vvalutat, u dan ifisser li huwa vitali li titqies ir-riċerka newroloġika dwar l-effetti tat-teknoloġija diġitali fuq l-iżvilupp tal-moħħ; jitlob, għaldaqstant, li jsir investiment f'riċerka imparzjali u interdixxiplinari fid-diversi impatti ta' teknoloġiji diġitali fuq l-edukazzjoni, li jorbtu x-xjenzi edukattivi, il-pedagoġija, il-psikoloġija, is-soċjoloġija, in-newroxjenza u l-informatika sabiex jinkiseb l-aktar fehim profond possibbli dwar kif moħħ it-tfal u l-adulti qed jirrispondi għall-ambjent diġitali, bl-għan li jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-użu tat-teknoloġija diġitali fl-edukazzjoni u jiġu minimizzati r-riskji tagħha; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss l-użu responsabbli tal-għodod diġitali li jipproteġi l-iżvilupp fiżjoloġiku, newrosensorjali u tal-imġiba tal-istudenti, b'mod partikolari matul it-tfulija, u li jsib bilanċ tajjeb fl-użu ta' kuljum ta' tagħmir teknoloġiku u diġitali, kemm f'istituzzjonijiet edukattivi kif ukoll fil-ħajja privata;

8.  Jiddispjaċih li filwaqt li l-użu ta' applikazzjonijiet online u mobbli u teknoloġiji ġodda, bħall-internet tal-oġġetti, sar aktar estiż minn qatt qabel, iċ-ċittadini, partikolarment il-minorenni, sikwit ma jkunux konxji mir-riskji marbuta mal-użu tal-internet u mal-għodda tal-ICT, bħall-ksur tad-data personali, l-insegwiment mifrux tal-utenti aħħarin u ċ-ċiberkriminalità; jitlob, għalhekk lill-Istati Membri jagħtu rwol xieraq lill-protezzjoni tad-data u l-iġjene ċibernetika bażika fil-kurrikula tal-iskejjel;

9.  Jitlob lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet edukattivi jtejbu s-sigurtà tat-tfal online u jindirizzaw il-kwistjonijiet tal-bullying ċibernetiku, l-esponiment għal kontenut li jagħmel il-ħsara u preokkupanti, u theddid taċ-ċibersigurtà ieħor billi jiżviluppaw u jimplimentaw programmi ta' prevenzjoni u kampanji ta' sensibilizzazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jippromwovu l-kampanja #SafeInternet4EU;

10.  Jisħaq fuq il-punt li, bil-għan li jinkisbu esperjenzi u eżiti aħjar fejn jidħol it-tagħlim, l-għodod diġitali jridu jiġu adattati għall-ħtiġijiet tal-istudenti, u li dan huwa mod ta' kif l-istudenti jsiru ċittadini attivi u mhux sempliċement konsumaturi passivi tat-teknoloġija;

11.  Jiddispaċih dwar il-fatt li minkejja l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni biex itejjeb u jrawwem metodi ta' tagħlim differenti u personalizzati, l-impatt tat-teknoloġiji diġitali fuq l-edukazzjoni nfisha kien limitat; jesprimi t-tħassib tiegħu, b'mod partikolari, dwar il-fatt li l-investiment fl-ICT fl-iskejjel u fiċ-ċentri ta' taħriġ s'issa ma rriżultax fit-trasformazzjoni mistennija tal-prattiki edukattivi; ifakkar li l-iskejjel u ambjenti oħra ta' tagħlim jeħtieġ li jappoġġaw lill-istudenti kollha u jwieġbu għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom billi jiżviluppaw miżuri xierqa u effettivi biex irawmu l-ħiliet diġitali, b'mod partikolari fost l-istudenti b'diżabilità, il-gruppi ta' minoranza, il-komunitajiet tal-migranti, dawk li jitilqu kmieni mill-iskola, dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil u l-anzjani; jemmen li tali appoġġ jista' jiġi ffaċilitat permezz tal-użu ta' teknoloġiji ġodda;

12.  Jinnota d-distakk dejjem jikber fil-parteċipazzjoni tal-irġiel u tan-nisa fis-settur diġitali fir-rigward tall-edukazzjoni, il-perkorsi tal-karriera u l-intraprenditorija; jisħaq fuq il-punt li l-iżgurar ta' approċċ ibbilanċjat mil-lat tal-ġeneri fir-rigward tal-promozzjoni tal-karrieri fl-ICT u diġitali huwa kruċjali, u li aktar studenti bniet u nisa għandhom jingħataw appoġġ f'ħidmiethom favur karriera fil-qasam diġitali; jissottolinja l-importanza li jiġu żgurati l-litteriżmu diġitali u l-parteċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-qasam tal-ICT; iħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu edukazzjoni tal-ICT adatta għall-etajiet differenti fl-istadji bikrija tal-iskola, b'enfasi partikolari fuq miżuri biex jingħeleb id-distakk diġitali bejn il-ġeneri u biex jipprovdu lill-bniet b'mezzi alternattivi ta' aċċess għal suġġetti STEAM, peress li l-isterjotipi tal-ġeneri fir-rigward ta' dawn is-suġġetti u n-nuqqas ta' mudelli tar-rwol femminili għandhom it-tendenza li jkunu ostaklu għall-aċċess tal-bniet għalihom; iqis li strateġija dwar in-nisa fis-settur diġitali li tkun irfinata, flimkien mal-pjan ta' azzjoni li jmiss tal-Kummissjoni biex jitnaqqas id-distakk bejn il-ġeneri fit-teknoloġija, jistgħu jgħinu biex jagħtu spinta lill-isforzi f'dan il-qasam;

13.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' tagħmir diġitali u konnettività fl-iskejjel fl-Istati Membri għandu effett detrimentali fuq l-edukazzjoni fil-ħiliet diġitali tal-istudenti u d-disponibilità tal-għodod tat-tagħlim diġitali; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu investimenti pubbliċi sostanzjali biex jipprovdu lill-iskejjel kollha bi broadband b'ħafna kapaċità u biex jagħmlu użu mill-programmi eżistenti tal-UE għal dan l-iskop, b'mod partikolari l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li tista' tappoġġja l-infrastruttura fiżika ta' netwerks tal-broadband b'ħafna kapaċità, u l-iskema ta' vawċers WiFi4EU; jenfasizza li l-isforzi tal-konnettività u l-finanzjament għandhom ikunu ffukati b'mod partikolari fuq iż-żoni rurali u żvantaġġati, u r-reġjuni ultraperiferiċi u muntanjużi;

14.  Jindika li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ jirrikjedu assistenza mill-Unjoni u mill-Istati Membri, kif ukoll kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet konċernati, l-industrija, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-komunitajiet u s-soċjetà ċivili, biex jiżviluppaw l-edukazzjoni fl-ICT u l-mezzi tax-xandir skont l-approċċ pedagoġiku speċifiku tagħhom u jagħmlu t-tranżizzjoni diffiċli lejn ambjent ta' tagħlim aktar diġitalizzat; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għal approċċ integrali u interdixxiplinarju lejn it-tibdil diġitali fl-edukazzjoni;

15.  Jenfasizza li l-għalliema u dawk li jħarrġu għandhom ikunu fil-qalba tat-trasformazzjoni diġitali u għalhekk jeħtieġu tħejjija inizjali adegwata u taħriġ kontinwu, li jrid jinkludi moduli dwar prattiki ta' tagħlim orjentati fuq l-età u l-iżvilupp; jinsisti li dan it-taħriġ jeħtieġ iż-żmien u m'għandux ikun kompitu iżjed apparti l-attivitajiet ta' kuljum tagħhom; jenfasizza li saħansitra aktar mill-tagħlim ta' ħiliet bażiċi oħra, bħan-numeriżmu u l-litteriżmu, it-tagħlim ta' ħiliet diġitali jirrikjedi li l-għalliema jaġġornaw l-għarfien u l-ħiliet tagħhom fuq bażi kontinwa; jargumenta, għalhekk, li l-għalliema jeħtieġu żvilupp professjonali kontinwu flessibbli u ta' kwalità għolja li jikkorrispondi mal-ħtiġijiet tagħhom; jemmen li hu pożittiv, f'dan ir-rigward, l-użu tal-pjattaformi online Ewropej biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta' żvilupp professjonali u jiġi mħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki;

16.  Jinnota li dawk fdati b'edukazzjoni issa għandhom responsabbiltajiet akbar minħabba ż-żieda fl-użu ta' applikazzjonijiet diġitali fix-xogħol tal-iskola; iqis li huma wkoll jeħtieġ li jkunu involuti fil-proċess tat-tagħlim u fl-użu tat-teknoloġija, peress li jekk ma jkollhomx il-ħiliet diġitali meħtieġa, ikun aktar diffiċli għalihom li jinvolvu lill-istudenti tagħhom fil-proċess tat-tagħlim, u dan jaf jirriżulta f'aktar esklużjoni soċjali;

17.  Jappoġġa u jħeġġeġ l-implimentazzjoni ta' miżuri li jirrigwardaw id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi amministrattivi fl-iskejjel bil-għan li jitnaqqas aktar il-piż amministrattiv fil-livelli kollha;

18.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu u jiffinanzjaw inizjattivi reġjonali u lokali li jappoġġaw il-kwalità ta' prattiki tat-tagħlim li għandhom l-għan li jtejbu l-innovazzjoni;

19.  Jenfasizza l-valur tal-awtonomija tal-iskejjel biex tinkiseb l-innovazzjoni fl-edukazzjoni;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joffru gwida xierqa dwar l-applikazzjoni legali ta' eċċezzjonijiet għal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur fl-isfera edukattiva u aċċess faċli għal-liċenzji għal stabbilimenti pubbliċi u mingħajr skop ta' qligħ fl-edukazzjoni formali u informali; huwa tal-fehma li l-għalliema u l-istudenti jeħtieġu sigurtà meta jkunu qed jużaw riżorsi aċċessibbli b'mod diġitali u meta jkunu qed jgħallmu u jitgħallmu l-ħiliet; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni tipprovdi gwida għall-istituzzjonijiet edukattivi, l-edukaturi u l-istudenti f'dan ir-rigward;

21.  Josserva li n-nuqqas ta' għodod diġitali għall-istudenti mobbli jista' jimmina l-kwalità tal-esperjenzi edukattivi fl-Ewropa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bl-inizjattivi pilota tagħha tal-Kard Ewropea tal-istudenti u "Erasmus without Paper", bil-għan li jvarawhom matul il-perjodu ta' programmazzjoni pluriennali li jmiss; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu responsabbli u effikaċi mill-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni u jippromwovu l-opportunitajiet ta' finanzjament fost il-pubbliku usa' u l-istituzzjonijiet edukattivi, bl-għan li jagħmlu l-aċċess għall-kontenut, l-għodod u s-soluzzjonijiet tat-tagħlim diġitali realtà għal kulħadd;

22.  Jindika li, f'konformità mal-approċċ tat-tagħlim tul il-ħajja meħtieġ għall-ħiliet diġitali, il-gvernijiet, b'kooperazzjoni mal-partijiet interessati bħall-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u permezz ta' kuntesti formali kif ukoll mhux formali, għandhom jiżguraw trasformazzjoni diġitali sostenibbli li fiha ħadd ma jibqa' l-art;

23.  Jenfasizza li l-inklużività u l-innovazzjoni għandhom ikunu l-prinċipji mexxejja għall-edukazzjoni u t-taħriġ fl-era diġitali; jemmen li t-teknoloġiji diġitali m'għandhomx iżidu l-inugwaljanzi eżistenti, iżda minflok għandhom jintużaw biex jingħalaq id-distakk diġitali bejn l-istudenti minn sfondi soċjoekonomiċi u reġjuni differenti tal-UE; jenfasizza li approċċ ibbażat fuq l-inklużjoni jrid jieħu vantaġġ mill-potenzjal sħiħ tar-riżorsi pprovduti mit-teknoloġiji diġitali ġodda, inklużi l-edukazzjoni personalizzata u s-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, għax dan jista' jippermetti aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għall-persuni minn gruppi żvantaġġati u dawk b'inqas opportunitajiet u jappoġġja l-integrazzjoni tal-migranti u r-rifuġjati;

24.  Jenfasizza li l-promozzjoni tal-aċċess diġitali fl-edukazzjoni mhux bilfors jimplika aċċess ugwali għall-opportunitajiet ta' tagħlim u li, filwaqt li t-teknoloġiji qed isiru dejjem iżjed aċċessibbli, l-akkwist ta' ħiliet diġitali bażiċi jibqa' ostaklu u jibqa' jippersisti d-distakk diġitali; jirrimarka li d-data tal-Eurostat turi li d-distakk diġitali mhux qed jonqos u li 44 % tal-persuni fl-Unjoni Ewropea m'għandhomx ħiliet diġitali bażiċi(18);

25.  Jirrimarka li l-ħiliet diġitali kumplessi meħtieġa għall-użu effiċjenti tal-ICT jiddependu fuq l-akkwiżizzjoni ta' ħiliet bażiċi, li mhux kulħadd jinsab fuq l-istess livell, li jippersistu distakki qawwija fil-livelli bażiċi li jolqtu partikolarment lill-gruppi żvantaġġati u għadd kbir ta' adulti, li persuni b'aktar edukazzjoni għandhom possibilità tliet darbiet akbar li jużaw l-internet biex jakkwistaw ħiliet ġodda u joħolqu opportunitajiet ġodda minn dawk li għandhom livelli edukattivi aktar baxxi(19) u li jeżisti r-riskju li t-teknoloġija ssir għodda ta' taħriġ għall-persuni privileġġati aktar milli opportunità għal kulħadd;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' bidla fil-prattiki istituzzjonali u pedagoġiċi tal-iskejjel u ambjenti oħra tat-tagħlim, inklużi ambjenti għal tagħlim mhux formali, sabiex jagħmilhom aktar ekwi billi jiġu provduti strutturi ta' appoġġ profondi u sostanzjalment diversifikati għal kulħadd, partikolarment għal dawk li jappartjenu għal gruppi f'riskju ta' esklużjoni, bħall-persuni qiegħda, il-migranti, persuni b'livell baxx ta' ħiliet, il-persuni b'diżabilità u l-anzjani;

27.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżviluppaw programmi ta' litteriżmu diġitali fil-lingwi reġjonali u tal-minoranzi Ewropej u jintroduċu taħriġ u għodod tat-teknoloġija tal-lingwa fil-kurrikuli tal-iskejjel, tal-universitajiet u tal-kulleġġi vokazzjonali tagħhom; jenfasizza għal darba oħra li l-litteriżmu għadu fattur sinifikanti u prerekwiżit assolut għall-progress fl-inklużjoni diġitali tal-komunitajiet;

28.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-appoġġ li l-istituzzjonijiet edukattivi jeħtieġu sabiex tittejjeb id-diġitalizzazzjoni tal-lingwi fl-UE; jirrakkomanda li l-iskejjel fl-UE kollha jagħmlu użu mit-teknoloġiji diġitali biex jiżdied l-użu ta' skambji edukattivi transfruntiera, permezz ta' vidjokonferenzi u klassijiet virtwali; jenfasizza li l-iskejjel fl-UE kollha jibbenefikaw jekk ikun hemm aċċess transfruntier għal kontenut diġitali;

29.  Jissottolinja r-rwol fundamentali tal-libreriji biex jipprovdu liċ-ċittadini b'servizzi diġitali u biex jagħmlu t-tagħlim u s-servizzi online disponibbli f'ambjent sikur miftuħ għal kulħadd; jirrakkomanda, għaldaqstant, li dawn l-isforzi jiġu ffinanzjati kif xieraq taħt skemi Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali, li jikkomplementaw lil xulxin, u li l-libreriji jiġu rikonoxxuti aktar għar-rwol essenzjali tagħhom fl-iżvilupp tal-litteriżmu tal-mezzi tax-xandir;

30.  Jitlob li jkun hemm bidla fid-direzzjoni lejn aktar opportunitajiet ta' tagħlim mhux formali u taħriġ fuq il-post tax-xogħol, u jinsisti fuq il-ħtieġa ta' sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità, inklużivi u b'riżorsi adegwati; jemmen li l-opportunitajiet għat-taħriġ mill-ġdid u għal titjib tal-ħiliet huma essenzjali, b'komponenti tal-ħiliet diġitali rilevanti integrati fil-programmi ta' taħriġ fuq il-post tax-xogħol u soluzzjonijiet ta' taħriġ speċjali għal persuni li jaħdmu f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-konnessjonijiet bejn l-edukazzjoni u l-impjieg u r-rwol ta' gwida u konsulenza dwar il-karriera tul il-ħajja fl-appoġġ tal-aċċess għal taħriġ xieraq, flessibbli u ta' kwalità u mogħdijiet tal-karriera;

31.  Jisħaq fuq il-punt li t-traineeships fis-settur diġitali jistgħu jgħinu lill-istudenti u ż-żgħażagħ jiksbu ħiliet diġitali prattiċi fuq il-post tax-xogħol; jilqa', f'dan il-kuntest, il-proġett pilota l-ġdid li jintroduċi "Digital Opportunity Traineeships" taħt Erasmus+ u Orizzont 2020; jappella għal impetu mġedded f'din id-direzzjoni taħt il-programmi tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) il-ġdid;

32.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-komunitajiet lokali u l-persuni li jipprovdu edukazzjoni u taħriġ, jagħtu lill-adulti b'livell baxx ta' ħiliet aċċess għal mogħdijiet ta' titjib tal-ħiliet, li jipprovdulhom l-opportunità li jiksbu livell minimu ta' kompetenza diġitali;

33.  Jistieden lill-Istati Membri, f'kollaborazzjoni man-negozji, il-komunitajiet lokali u reġjonali, iċ-ċentri edukattivi u ta' taħriġ u l-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili, biex jidentifikaw il-lakuni eżistenti fil-ħiliet, jespandu l-litteriżmu diġitali u tal-internet, itejbu l-litteriżmu medjatiku, b'mod partikolari fost il-minorenni, u jistabbilixxu livell għoli ta' konnettività u inklużjoni diġitali;

34.  Jilqa' l-parteċipazzjoni tan-negozji fl-istabbiliment u l-finanzjament tal-iskejjel;

35.  Jilqa' l-istabbiliment ta' sħubiji strateġiċi bejn l-istituzzjoni akkademiċi u ta' riċerka u s-sħab pubbliċi u privati bħala parti mill-Key Action 2 tal-programm Erasmus+, bil-ħsieb li jiġu stabbiliti ċentri tal-ICT ta' eċċellenza u jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp ta' negozji ġodda teknoloġiċi;

36.  Ifakkar li valutazzjoni u monitoraġġ xierqa tal-ħiliet diġitali huma essenzjali biex jinkiseb il-progress; jilqa' l-iżvilupp ta' għodod fil-livell tal-UE għall-organizzazzjonijiet (pereżempju l-Qafas ta' Kompetenza Diġitali u l-Qafas ta' Referenza dwar il-Kompetenzi Ewlenin għal tagħlim tul il-ħajja ) u għall-individwi (pereżempju SELFIE); jinsisti, madankollu, li l-metodi effettivi tal-valutazzjoni tal-ħiliet iridu jkunu dinamiċi, flessibbli, aġġornati l-ħin kollu u mfassla għall-ħtiġijiet tal-istudenti, u jridu wkoll jiksbu livell ħafna usa' ta' adozzjoni fl-Unjoni, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu mal-Kummissjoni biex jiżguraw li l-għodda ta' awtoriflessjoni SELFIE tkun disponibbli fil-lingwi reġjonali u tal-minoranzi tal-Istati Membri;

38.  Jilqa' l-enfasi miżjud tal-politika tal-Unjoni fuq il-ħiliet u l-edukazzjoni diġitali, kif evidenzjat b'mod partikolari mill-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, li jibni fuq għadd ta' inizjattivi tal-politika fuq skala żgħira li rnexxew, bħalma huma l-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar, il-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali u s-Sejħa għal Azzjoni ta' Sofija dwar il-Ħiliet Diġitali u l-Edukazzjoni; jemmen li t-tagħlim tal-programming għandu jkun parti minn approċċ edukattiv usa' lejn it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-ħsieb kritiku u komputazzjonali;

39.  Jinnota, madankollu, li l-inizjattivi tal-Unjoni spiss joriġinaw minn Direttorati Ġenerali differenti fi ħdan il-Kummissjoni, u dan jostakola approċċ ikkoordinat għall-politika tal-ħiliet diġitali;

40.  Jappoġġa l-finanzjament miżjud disponibbli għall-ħiliet diġitali fil-ġenerazzjoni li jmiss tal-programmi tal-QFP; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni tippromwovi s-sinerġiji bejn il-programmi bħal Erasmus+, Orizzont Ewropa, InvestEU u Ewropa Diġitali u li tiġi żgurata koordinazzjoni bejniethom, sabiex tkun massimizzata l-effikaċja tal-finanzjament għall-iżvilupp ta' ħiliet diġitali ta' kwalità u biex ikun hemm riżultati dejjiema għal studenti ta' kwalunkwe età u ambjent; jenfasizza l-ħtieġa, barra minn hekk, li jiġi allokat finanzjament taħt dawn il-programmi u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment għad-diġitalizzazzjoni tal-libreriji, arkivji u mużewijiet biex jiżdied u jittejjeb l-użu tagħhom fl-edukazzjoni u l-kultura;

41.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni tiżviluppa kapaċitajiet fl-oqsma bħall-intelliġenza artifiċjali, big data, inġinerija tas-software, quantum computing u disinn tal-web; jilqa', f'dan il-kuntest, il-komponent tal-ħiliet diġitali tal-programm Ewropa Diġitali;

42.  Iħeġġeġ sinerġiji akbar bejn l-Istati Membri tal-UE u l-bqija tad-dinja fil-qasam tal-edukazzjoni dwar l-internet u ċ-ċittadinanza elettronika attiva permezz ta' diversi mekkaniżmi u programmi ta' azzjoni esterna tal-UE, inkluż Erasmus Mundus;

43.  Jenfasizza li data miftuħa u għodod u metodi tat-teknoloġija diġitali kollaborattiva jistgħu jippermettu l-innovazzjoni fl-edukazzjoni u jiżviluppaw aktar ix-Xjenza Miftuħa, u b'hekk jikkontribwixxu għall-prosperità u l-ispirtu intraprenditorjali tal-ekonomija Ewropea; jirrimarka, madankollu, li l-ġbir ta' data dwar id-diġitalizzazzjoni fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u dwar l-użu ta' teknoloġiji diġitali fit-tagħlim huma inputs essenzjali għat-tfassil tal-politika; jirrakkomanda, għalhekk, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiġbru data dwar il-grad ta' konnettività tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-arranġamenti għall-ħruġ ta' kwalifiki ċċertifikati b'mod diġitali u l-validazzjoni ta' ħiliet akkwiżiti b'mod diġitali, li huwa objettiv tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali;

44.  Jiddispjaċih li l-ebda strateġija ġenerali għall-ħiliet diġitali ma ġiet żviluppata fil-livell tal-UE, filwaqt li l-implikazzjonijiet tat-trasformazzjoni diġitali għas-suq intern tal-UE huma ċari; jemmen li d-differenzi fost l-Istati Membri juru l-ħtieġa għal strateġija bħal din;

45.  Jenfasizza li għandhom jitfasslu rakkomandazzjonijiet għal livell minimu ta' kompetenzi diġitali li għandhom jinkisbu mill-istudenti matul l-istudji tagħhom; jitlob, għalhekk, li l-Istati Membri jintroduċu modulu speċifiku tal-ICT, pereżempju abbażi tal-modulu tal-ICT ta' PISA, u li l-għalliema jkunu involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tiegħu; jenfasizza li l-modulu tal-ICT għandu jitfassal biex jiżgura li l-istabbilimenti edukattivi fl-Istati Membri jimmiraw għall-istess livell ta' kompetenza diġitali, permezz ta' valutazzjoni kontinwa aktar milli approċċ ibbażat fuq it-testijiet, u li kwalunkwe problema tiġi indikata malajr; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkondividu bejniethom it-tagħlimiet u l-aħjar prattiki, b'mod partikolari fir-rigward fil-qasam tal-innovazzjoni pedagoġika;

46.  Jemmen li l-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali għandu jitqies bħala l-ewwel pass lejn strateġija sħiħa tal-UE dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali bbażata fuq approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja, li jista' jipprovdi qafas tal-politika aktar ikkoordinat filwaqt li fl-istess ħin ikun jista' jiġi adatt għal realtajiet li qed jinbidlu; jappella, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tevalwa b'mod kritiku l-11-il azzjoni taħt il-Pjan, inkluż l-inklużività soċjali tagħhom, biex tħejji għar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-2020; ifakkar li rieżami xieraq għandu jimplika rieda li jsir fokus unikament fuq l-azzjonijiet bl-aqwa prestazzjoni, li jiġu eliminati l-azzjonijiet li mhumiex qegħdin jagħtu riżultati u li jiġu żviluppati azzjonijiet ġodda skont il-ħtieġa; jenfasizza li t-tisħiħ tal-ħiliet diġitali permezz ta' kollaborazzjonijiet mal-fornituri tal-edukazzjoni mhux formali u fil-popolazzjoni adulta aktar diffiċli biex tintlaħaq bħalissa hi lakuna evidenti fil-Pjan;

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 112, 2.5.2018, p. 42.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0247.
(3) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 135.
(4) ĠU C 11, 12.1.2018, p. 44.
(5) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 182.
(6) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 76.
(7) ĠU C 443, 22.12.2017, p. 31.
(8) ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1.
(9) ĠU C 189, 15.6.2017, p. 15.
(10) ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.
(11) ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
(12) ĠU C 372, 20.12.2011, p. 1.
(13) ĠU C 164, 8.5.2018, p. 24.
(14) http://eskills-scale.eu/fileadmin/eskills_scale/all_final_deliverables/scale_digitalisation_report.pdf
(15) Il-Kummissjoni Ewropea, Education and Training Monitor 2017.
(16) Il-Kummissjoni Ewropea, Women in the Digital Age, Lussemburgu, 2018.
(17) Il-Kummissjoni Ewropea, Joint Employment Report 2018.
(18) Eurostat, 2016.
(19) Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tad-9 ta' Ottubru 2008 bit-titolu "The use of ICT to support innovation and lifelong learning for all – A report on progress" (L-użu tal-ICT għall-appoġġ tal-innovazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd — Rapport dwar il-progress) (SEC (2008) 2629).

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Diċembru 2018Avviż legali