Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2271(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0423/2018

Testi mressqa :

A8-0423/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/12/2018 - 5.13
CRE 11/12/2018 - 5.13

Testi adottati :

P8_TA(2018)0494

Testi adottati
PDF 163kWORD 60k
It-Tlieta, 11 ta' Diċembru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Viżi Umanitarji
P8_TA(2018)0494A8-0423/2018
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2018 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Viżi Umanitarji (2018/2271(INL))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari tal-Artikoli 4, 18 u 19 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi)(1),

–  wara li kkunsidra l-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u l-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-Rifuġjati li segwew id-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti adottata unanimament mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fid-19 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew dwar il-Viżi Umanitarji li tħejjiet mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0423/2018),

A.  billi, minkejja diversi avviżi u talbiet għal mogħdijiet sikuri u legali li jippermettu l-aċċess għat-territorju Ewropew għall-persuni li jkunu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali, bħalissa ma hemm l-ebda armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni dwar proċeduri ta' dħul protett (PEPs) u l-ebda qafas ġuridiku fil-livell tal-Unjoni għal viżi umanitarji, jiġifieri viżi maħruġa bl-iskop li persuna tasal fit-territorju tal-Istati Membri biex tikseb protezzjoni internazzjonali;

B.  billi, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Marzu 2017 fil-Kawża C-638/16(2), X u X vs État Belge, l-Istati Membri ma humiex obbligati, skont id-dritt tal-Unjoni, li jagħtu viża umanitarja lill-persuni li jixtiequ jidħlu fit-territorju tagħhom bl-intenzjoni li japplikaw għall-asil, iżda jibqgħu liberi li jagħmlu dan abbażi tad-dritt nazzjonali tagħhom; billi din id-deċiżjoni tinterpreta l-liġi eżistenti tal-Unjoni li tista' tiġi modifikata;

C.  billi bosta Stati Membri attwalment għandhom jew preċedentement kellhom skemi nazzjonali għall-ħruġ ta' viżi umanitarji jew għall-ħruġ ta' permessi ta' residenza għal raġunijiet umanitarji biex jiggarantixxu PEPs nazzjonali għall-persuni fil-bżonn;

D.  billi l-għadd ta' persuni ammessi abbażi ta' proċeduri nazzjonali ta' dħul għal protezzjoni umanitarja jew permezz ta' risistemazzjoni għadu baxx meta mqabbel mal-ħtiġijiet globali, b'disparitajiet sinifikanti bejn l-Istati Membri; billi l-kamp ta' applikazzjoni tal-proċeduri nazzjonali ta' dħul għal protezzjoni umanitarja u risistemazzjoni huwa definit b'mod strett u, fil-każ ta' risistemazzjoni, huwa marbut strettament mal-kriterji ta' vulnerabbiltà u reġistrazzjoni bħala rifuġjat mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati;

E.  billi, b'riżultat ta' dan, madwar 90 % ta' dawk li ngħataw protezzjoni internazzjonali waslu fl-Unjoni permezz ta' mezzi irregolari, li wassal sabiex ġew stigmatizzati saħansitra qabel il-wasla tagħhom fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri;

F.  billi n-nisa li jivvjaġġaw weħidhom jew bit-tfal, in-nisa kapijiet ta' unità domestika, in-nisa tqal u li qed ireddgħu, il-persuni b'diżabbiltà, il-bniet adolexxenti u n-nisa anzjani huma fost dawk li huma partikolarment vulnerabbli matul ir-rotot migratorji lejn l-Ewropa u qed jiffaċċjaw riskji partikolari akbar ta' vjolenza abbażi ta' sess, bħall-istupru, il-vjolenza u li jkunu l-mira tal-persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin ta' bnedmin, u t-traffikanti biex jiġu sfruttati sesswalment u ekonomikament; billi n-nisa u l-bniet barra minn hekk għandhom it-tendenza li jkunu aktar vulnerabbli għall-forom kollha ta' sfruttament inkluż l-isfruttament ta' ħaddiema u l-isfruttament sesswali matul ir-rotot migratorji lejn l-Unjoni u ta' spiss ikunu mġiegħla jwettqu atti sesswali ta' sopravivenza bi skambju għat-tkomplija tal-vjaġġ tagħhom;

G.  billi l-prezz uman ta' dawk il-politiki ġie stmat għal mill-inqas 30 000 każ ta' mewt fil-fruntieri tal-Unjoni sa mis-sena 2000; billi huwa meħtieġ b'mod urġenti qafas ġuridiku tal-Unjoni bħala mezz wieħed biex jiġi indirizzat l-għadd intollerabbli ta' mwiet fil-Mediterran u fir-rotot migratorji lejn l-Unjoni, sabiex verament jiġu miġġielda l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin, l-esponiment għat-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament tal-ħaddiema u l-vjolenza, biex jiġu ġestiti b'mod ordnat il-wasla, l-akkoljenza b'dinjità u l-ipproċessar ġust tat-talbiet għall-asil u biex jiġi ottimizzat il-baġit tal-Istati Membri u tal-Unjoni għall-proċeduri tal-asil, il-kontroll tal-fruntieri u l-attivitajiet ta' tiftix u salvataġġ, kif ukoll biex jinkisbu prattiki koerenti fl-acquis tal-Unjoni fir-rigward tal-asil;

H.  billi l-Parlament ipprova jinkludi dispożizzjonijiet f'dak ir-rigward fl-emendi tiegħu għar-Regolament (KE) Nru 810/2009;

I.  billi kemm il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni rrifjutaw dawk l-emendi, fuq il-bażi, fost oħrajn, li tali dispożizzjonijiet ma għandhomx jiġu inklużi fir-Regolament (KE) Nru 810/2009, peress li l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu jkopri biss viżi għal soġġorn qasir;

J.  billi l-Parlament, iffaċċjat bin-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, iddeċieda għalhekk li jipproċedi bit-tfassil ta' din ir-riżoluzzjoni dwar il-viżi umanitarji;

K.  billi twettqet ħidma intensiva, inkluż bl-għajnuna ta' esperti, biex jitfasslu r-rakkomandazzjonijiet li huma annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;

1.  Jitlob lill-Kummissjoni biex fuq il-bażi tal-Artikolu 77(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), tippreżenta, sal-31 ta' Marzu 2019, proposta għal regolament dwar l-istabbiliment ta' Viża Umanitarja Ewropea, filwaqt li ssegwi r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-Anness għal dan ir-rapport;

2.  Iqis li l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li joħorġu Viżi Umanitarji Ewropej fir-rigward ta' persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali, sabiex dawk il-persuni jkunu jistgħu jidħlu fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-viża għall-iskop uniku li jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali f'dak l-Istat Membru;

3.  Iqis li l-Viżi Umanitarji Ewropej għandhom jikkomplementaw u mhux jissostitwixxu l-proċeduri nazzjonali ta' dħul eżistenti għall-protezzjoni umanitarja, il-proċeduri ta' risistemazzjoni u l-applikazzjonijiet spontanji taħt il-liġi internazzjonali dwar ir-rifuġjati, u li d-deċiżjoni li jinħarġu Viżi Umanitarji Ewropej għandha tibqa' l-kompetenza unika tal-Istati Membri;

4.  Iqis li kwalunkwe inizjattiva dwar Viżi Umanitarji Ewropej għandha tkun mingħajr preġudizzju għal inizjattivi oħra ta' politika dwar il-migrazzjoni, inklużi dawk li għandhom l-għan li jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal mogħdijiet sikuri u legali lejn l-Unjoni, li l-Viża Umanitarja Ewropea għandha tkun waħda minnhom, ukoll peress li hija partikolarment importanti minn perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi billi n-nisa huma partikolarment vulnerabbli u għalhekk aktar esposti għall-vjolenza sesswali u sessista tul ir-rotot u fiċ-ċentri ta' akkoljenza; jenfasizza li s-sitwazzjoni ekonomika vulnerabbli u tipi oħra ta' dipendenzi jpoġġu lin-nisa u lill-bniet f'pajjiżi terzi f'sitwazzjoni fejn hu saħansitra aktar diffiċli għalihom mill-irġiel li jfittxu asil b'mod sikur;

6.  Iqis li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta mitluba għandhom ikunu koperti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala espressjoni prattika tal-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha, bejn l-Istati Membri, skont l-Artikolu 80 tat-TFUE;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-anness lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, u lill-parlamenti nazzjonali, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

(1) ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1.
(2) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Marzu 2017, X u X vs État Belge, C-638/16, ECLI:EU:C:2017:173.


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI

RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

Il-Parlament Ewropew iqis li l-att leġiżlattiv li se jiġi adottat għandu:

1.  FORMA U TITOLU TAL-ISTRUMENT LI GĦANDU JIĠI ADOTTAT

–  ikun att legali separat li għandu jiġi adottat fil-forma ta' regolament bit-titolu "Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Viża Umanitarja Ewropea",

2.  BAŻI ĠURIDIKA

–  ikollu l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) bħala l-bażi ġuridika,

3.  ĠUSTIFIKAZZJONI

–  ikun iġġustifikat bi:

–  il-lakuna legali attwali fid-dritt tal-Unjoni li, b'żieda mal-proċeduri ta' risistemazzjoni applikabbli għar-rifuġjati vulnerabbli, ma tipprevedix proċeduri, la fl-acquis dwar il-viża, u lanqas fl-acquis dwar il-fruntieri jew l-asil, għall-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri tal-persuni li jfittxu protezzjoni, fejn naraw li madwar 90 % tal-persuni li sussegwentement jiġu rikonoxxuti bħala rifuġjati u benefiċjarji ta' protezzjoni sussidjarja li jkunu waslu fit-territorju tal-Istati Membri b'mod irregolari,(1) ħafna drabi permezz ta' rotot li jirrappreżentaw theddida għall-ħajja,

–  ir-riskju ta' frammentazzjoni hekk kif l-Istati Membri jistabbilixxu dejjem aktar il-programmi proprji tagħhom ta' ammissjoni u proċeduri umanitarji, filwaqt li jmorru kontra l-għan ġenerali skont l-Artikolu 78(1) tat-TFUE li tiġi żviluppata politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja, u li jwassal ukoll għar-riskju li dawn l-iskemi differenti jimminaw l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet komuni dwar id-dħul fit-territorju tal-Istati Membri ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi kif stipulat fir-Regolamenti (KE) Nru 810/2009(2) u (UE) 2016/399(3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

–  l-ispejjeż għolja, f'termini umanitarji iżda wkoll f'termini ekonomiċi u baġitarji, assoċjati mal-istatus quo għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kkonċernati (tariffi tal-persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin ta' bnedmin, riskju ta' traffikar u ta' sfruttament, riskju ta' persekuzzjoni, riskju ta' mewt u ta' trattament ħażin, eċċ.) u għall-Istati Membri u għall-Unjoni (baġit għoli għat-tiftix u s-salvataġġ, inkluż għal tbaħħir privat, protezzjoni tal-fruntieri, kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, proċeduri tal-asil u ritorn possibbli f'każ ta' applikazzjonijiet rifjutati għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar u l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin eċċ.),

–  il-valur miżjud ta' azzjoni tal-Unjoni, f'termini tal-iżgurar tal-konformità mal-valuri tal-Unjoni, inklużi d-drittijiet fundamentali, il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-fiduċja fis-sistema mill-persuni li jfittxu asil, iċ-ċertezza tad-dritt, il-prevedibbiltà u l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni uniformi tar-regoli, il-kisba ta' ekonomiji ta' skala u t-tnaqqis tal-ispejjeż imsemmija hawn fuq tal-istatus quo,

–  ifakkar li d-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4) u r-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5) japplikaw biss fit-territorju tal-Istati Membri, filwaqt li bħalissa ma hemmx biżżejjed mezzi legali kif l-applikanti għall-asil jistgħu jilħqu dak it-territorju,

–  ifakkar li, wara s-sottomissjoni ta' applikazzjoni għal asil fi Stat Membru, id-dispożizzjonijiet tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil tal-Unjoni japplikaw,

–  jenfasizza li r-rifjut ta' applikazzjoni għal Viża Umanitarja Ewropea ma jaffettwa bl-ebda mod id-dritt ta' applikazzjoni għal asil fi ħdan l-Unjoni u ma jwaqqafx lill-applikant milli jidħol fi skemi oħra ta' protezzjoni disponibbli,

4.  DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

–  ikollu bħala objettiv li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet li taħthom Stat Membru jista' joħroġ Viża Umanitarja Ewropea fir-rigward ta' persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali, sabiex dawk il-persuni jitħallew jidħlu fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-viża għall-iskop uniku li jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali f'dak l-Istat Membru,

–  ikopri, fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, ċittadini ta' pajjiżi terzi li jeħtiġilhom ikollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri, skont ir-Regolament (KE) Nru 539/2001(6), u meta asserzjonijiet ta' esponiment għal persekuzzjoni jew riskju ta' persekuzzjoni kif definit fid-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7) ikunu manifestament fondati sew, iżda li ma jkunux diġà fi proċess ta' risistemazzjoni kif definit fl-iskemi nazzjonali ta' risistemazzjoni jew fir-Regolament propost li jistabbilixxi Qafas tal-Unjoni dwar ir-Risistemazzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8) jew fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE(9),

–  jeskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu il-membri tal-familji li altrimenti għandhom dritt li jingħaqdu mal-familja tagħhom fi Stat Membru fi żmien utli skont atti legali oħra tad-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali,

5.  PROĊEDURI GĦALL-ĦRUĠ TA' VIŻI UMANITARJI

–  jipprevedi li tali applikazzjonijiet għall-viża jitressqu direttament, b'mezzi elettroniċi jew bil-miktub, fi kwalunkwe konsulat jew ambaxxata tal-Istati Membri,

–  jipprevedi modalitajiet prattiċi għal tali applikazzjonijiet għall-viża, inkluż li wieħed jimla formola ta' applikazzjoni, l-għoti ta' informazzjoni dwar l-identità tal-applikant, inklużi identifikaturi bijometriċi u l-għoti ta' raġunijiet, kemm jista' jkun dokumentati, tal-biża' ta' persekuzzjoni jew ħsara serja,

–  jipprevedi li l-applikant għal tali viża jiġi mistieden għal intervista (bl-assistenza ta' interpretu, jekk ikun meħtieġ), li tista' ssir ukoll b'mezzi remoti ta' komunikazzjoni awdjo u vidjo, li jiżguraw livell xieraq ta' sikurezza, sigurtà u kunfidenzjalità,

–  jipprevedi li d-dokumenti ppreżentati jiġu vvalutati, anke fir-rigward tal-awtentiċità tagħhom, minn awtorità kompetenti, indipendenti u imparzjali, b'tagħrif u għarfien espert adegwati fi kwistjonijiet ta' protezzjoni internazzjonali,

–  jipprevedi li l-applikazzjonijiet għal tali viża jiġu vvalutati fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni u l-intervista tal-applikant u, meta disponibbli, evidenza dokumentata, mingħajr ma jitwettaq proċess sħiħ għad-determinazzjoni tal-istatus,

–  jipprevedi li, qabel il-ħruġ ta' tali viża, kull applikant ikun soġġett għal investigazzjoni tas-sigurtà, permezz ta' bażijiet ta' data rilevanti nazzjonali u tal-Unjoni b'rispett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-data applikabbli, sabiex jiġi żgurat li huwa jew hija ma joffrix/toffrix riskju għas-sigurtà,

–  jipprevedi li tittieħed deċiżjoni dwar tali applikazzjonijiet għall-viża fi żmien 15-il jum kalendarju mid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni,

–  jipprevedi li d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiġi kkomunikata lill-applikant u li din tkun individwalizzata, bil-miktub u motivata,

–  jipprevedi li ċittadin ta' pajjiż terz li ma jingħatax tali viża jkollu l-possibbiltà li jressaq appell, kif previst attwalment fil-każ ta' rifjut ta' viża għal soġġorn qasir jew rifjut ta' dħul fil-fruntiera,

6.  IL-ĦRUĠ TA' VIŻA UMANITARJA

–  jipprevedi li tali viża tinħareġ permezz ta' stiker komuni u tiddaħħal fis-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża,

–  jipprevedi li ladarba tinħareġ viża umanitarja, din tippermetti lid-detentur tagħha jidħol fit-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża għall-iskop uniku li jagħmel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali f'dak l-Istat Membru,

7.  ĠESTJONI U ORGANIZZAZZJONI AMMINISTRATTIVA

–  jipprevedi li l-applikazzjonijiet għal tali viża jiġu vvalutati minn persunal imħarreġ kif xieraq,

–  jipprevedi li tali persunal jista' jiġi stazzjonat jew f'ambaxxati jew f'konsulati jew fl-Istati Membri, u f'dan il-każ l-applikazzjonijiet jiġu trażmessi b'mod elettroniku u l-intervisti jsiru mill-bogħod,

–  jipprevedi li ċerti aspetti tal-proċess, li ma jinvolvu l-ebda preselezzjoni tal-każijiet, valutazzjoni jew teħid ta' deċiżjonijiet ta' kwalunkwe tip, jistgħu jiġu ġestiti minn fornituri tas-servizzi esterni, inklużi l-għoti ta' informazzjoni, il-ġestjoni tal-appuntamenti għal intervisti u l-ġbir ta' identifikaturi bijometriċi,

–  jipprevedi li jiġu stabbiliti miżuri xierqa sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni tad-data, is-sigurtà tad-data u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet,

–  jipprevedi li l-Istati Membri jikkooperaw ma' xulxin, mal-aġenziji tal-Unjoni, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, mal-organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi u ma' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex tiġi żgurata l-applikazzjoni armonizzata tiegħu,

–  jipprevedi li l-informazzjoni dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet ta' tali viża kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri biex tinkiseb protezzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Istati Membri ssir disponibbli b'mod wiesa', inkluż fuq is-siti web tal-ambaxxati u tal-konsulati tal-Istati Membri u permezz tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna,

8.  DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

–  jipprevedi appoġġ finanzjarju sinifikanti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri li għandu jsir disponibbli lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tiegħu,

–  jipprevedi li Stat Membru li joħroġ tali viża umanitarja jkollu aċċess għall-istess kumpens mill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni bħal meta Stat Membru jirċievi rifuġjat permezz tal-Qafas ta' Risistemazzjoni Ewropew,

9.  EMENDA TA' ATTI LEGALI OĦRA

–  jipprevedi emendi għal:

–  ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 biex jiċċara li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament li jistabbilixxi Viża Umanitarja Ewropea japplikaw għall-persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali,

–  ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10) li jipprevedi li l-applikazzjonijiet għall-Viża Umanitarja Ewropea jiddaħħlu fis-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża,

–  ir-Regolament (UE) 2016/399 għall-aġġustament tal-kundizzjonijiet tad-dħul għall-persuni li jkunu kisbu Viża Umanitarja Ewropea,

–  il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri biex jipprovdi finanzjament lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tar-Regolament li jistabbilixxi Viża Umanitarja Ewropea,

–  l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika ta' Franza dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom(11) u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE(12) sabiex teżenta lit-trasportaturi ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi mir-responsabbiltà, l-obbligi u l-penali meta ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi involuti jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali jew umanitarja fit-territorju tal-Istati Membri.

(1) HEIN / DONATO (CIR) 2012: exploring avenues for protected entry in Europe (nesploraw rotot għal dħul protett fl-Ewropa), p. 17.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).
(4) Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa(ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).
(7) Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9).
(8) 2016/0225(COD).
(9) Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta' dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).
(10) Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).
(11) ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19
(12) Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE tat-28 ta' Ġunju 2001 li tissupplimenta d-dispożizzjoni tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985 (ĠU L 187, 10.7.2001, p. 45).

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Ottubru 2019Avviż legali