Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 3 ta' Mejju 2018 - Brussell
Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Użbekistan (l-adeżjoni tal-Kroazja) ***
 Ftehim Qafas UE-Korea (l-adeżjoni tal-Kroazja) ***
 Is-soġġezzjoni tas-sustanza psikoattiva l-ġdida ADB-CHMINACA għal miżuri ta' kontroll *
 Is-soġġezzjoni tas-sustanza psikoattiva ġdida CUMYL-4CN-BINACA għal miżuri ta' kontroll *
 Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2017/010 BE/Caterpillar
 Rapport annwali 2016 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE - Il-ġlieda kontra l-frodi
 Pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 (KM-ØØØH71-4)
 Rapport annwali dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-2016
 Elezzjonijiet presidenzjali fil-Venezwela
 Il-politika ta' koeżjoni u l-objettiv tematiku tal-"promozzjoni ta' trasport sostenibbli u t-tneħħija ta' ostakoli fl-infrastrutturi tan-netwerks ewlenin"
 Il-protezzjoni tat-tfal migranti
 Projbizzjoni dinjija tal-ittestjar tal-prodotti kożmetiċi fuq l-annimali
 Is-sitwazzjoni kurrenti u l-prospetti futuri għas-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-UE
 Il-pluraliżmu tal-midja u l-libertà tal-midja fl-Unjoni Ewropea

Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Użbekistan (l-adeżjoni tal-Kroazja) ***
PDF 250kWORD 48k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konkluzjoni, f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri, tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (09021/2017 – C8-0243/2017 – 2017/0083(NLE))
P8_TA(2018)0191A8-0104/2018

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (09021/2017),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (09079/2017),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2), l-Artikoli 207 u 209, u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0243/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0104/2018),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Użbekistan.


Ftehim Qafas UE-Korea (l-adeżjoni tal-Kroazja) ***
PDF 249kWORD 47k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ta' Protokoll għall-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (07817/2016 – C8-0218/2017 – 2015/0138(NLE))
P8_TA(2018)0192A8-0120/2018

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (07817/2016),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Protokoll għall-ftehim qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (07730/2016),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 207 u 212 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0218/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0120/2018),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Korea.


Is-soġġezzjoni tas-sustanza psikoattiva l-ġdida ADB-CHMINACA għal miżuri ta' kontroll *
PDF 248kWORD 49k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar is-soġġezzjoni tas-sustanza psikoattiva l-ġdida N-(1-ammino-3,3-dimetil-1-ossobutan-2-il)-1-(ċikloessilmetil)-1H-indażolu-3-karbossamid (ADB-CHMINACA) għal miżuri ta' kontroll (05387/2018 – C8-0028/2018 – 2017/0340(NLE))
P8_TA(2018)0193A8-0133/2018

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (05387/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, li b'mod konformi magħhom il-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0028/2018),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0133/2018),

1.  Japprova l-abbozz tal-Kunsill;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.


Is-soġġezzjoni tas-sustanza psikoattiva ġdida CUMYL-4CN-BINACA għal miżuri ta' kontroll *
PDF 264kWORD 49k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar is-soġġezzjoni tas-sustanza psikoattiva ġdida 1-(4-cyanobutyl)-N-(2-fenilpropan-2-yl)-1H-indazol-3-karbossammid (CUMYL-4CN-BINACA) għal miżuri ta' kontroll (05392/2018 – C8-0025/2018 – 2017/0344(NLE))
P8_TA(2018)0194A8-0134/2018

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (05392/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, li b'mod konformi magħhom il-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0025/2018),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0134/2018),

1.  Japprova l-abbozz tal-Kunsill;

2.  Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.


Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2017/010 BE/Caterpillar
PDF 363kWORD 56k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2017/010 BE/Caterpillar) (COM(2018)0156 – C8-0125/2018 – 2018/2043(BUD))
P8_TA(2018)0195A8-0148/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0156 – C8-0125/2018),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura tat-trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0148/2018),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li jingħataw is-sensja jenħtieġ li tkun waħda dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u rapidu kemm jista' jkun;

C.  billi l-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni EGF/2017/010 BE/Caterpillar għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 2 287 sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 28 tan-NACE Rev 2 (Manifattura ta' makkinarju u tagħmir) fir-reġjun ta' Hainaut (BE32) fil-Belġju li jikkorrispondi għal-livell NUTS 2;

D.  billi l-applikazzjoni hi msejsa fuq il-kriterji ta' intervent tal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jingħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom u li l-attività tagħhom tkun waqfet;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG ġew issodisfati, u li l-Belġju huwa intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 4 621 616 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 7 702 694;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ppreżentaw l-applikazzjoni fit-18 ta' Diċembru 2017 u li, wara l-għoti ta' informazzjoni addizzjonali mill-Belġju, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fit-23 ta' Marzu 2018 u nnotifikat lill-Parlament fl-istess ġurnata;

3.  Ifakkar li din hi t-tieni applikazzjoni mill-Belġju għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fir-rigward tas-sensji f'Caterpillar, wara l-applikazzjoni EGF/2014/011 BE/Caterpillar f'Lulju 2014 u d-deċiżjoni pożittiva dwarha(4); jinnota li ma hemm l-ebda sovrappożizzjoni bejn il-ħaddiema appoġġjati permezz ta' dak il-każ u l-applikazzjoni kurrenti;

4.  Jinnota li l-Belġju qed jargumenta li s-sensji huma marbutin ma' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, mal-kompetizzjoni dinjija fis-setturi tal-makkinarju tal-kostruzzjoni u tal-minjieri, u mat-tnaqqis konsegwenti fis-sehem tal-Grupp Caterpillar fis-suq tal-makkinarju; jinnota li s-sensji huma relatati mal-pjan globali ta' ristrutturar u tnaqqis tal-ispejjeż imħabbar minn Caterpillar f'Settembru 2015;

5.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li, bħala riżultat ta' regolamentazzjoni ambjentali inqas restrittiva u b'kostijiet lavorattivi aktar baxxi, id-ditti li joperaw f'pajjiżi terzi jistgħu jkunu aktar kompetittivi minn dawk li joperaw fl-Unjoni;

6.  Huwa konxju mit-tnaqqis fil-produzzjoni fis-settur tal-minjieri fl-Ewropa u mit-tnaqqis drastiku fl-esportazzjonijiet tal-UE-28 f'dak is-settur mill-2014 'l hawn, iż-żieda fil-prezzijiet tal-azzar Ewropew u l-ispejjeż għoljin tal-produzzjoni għall-magni li jirriżultaw minnha, b'mod partikolari meta mqabbla maċ-Ċina; jiddispjaċih, madankollu, li l-Grupp Caterpillar iddeċieda li jalloka l-volumi prodotti fl-impjant ta' Gosselies lil unitajiet oħra ta' produzzjoni fi Franza (Grenoble) u impjanti oħra barra l-Ewropa, inkluż fiċ-Ċina u fil-Korea t'Isfel, li wassal għall-għeluq f'daqqa tas-sit ta' Gosselies u l-għoti tas-sensja lil 2 300 ħaddiem, li tefa' lil eluf ta' familji fi traġedja umana u soċjali, anki jekk is-sit ta' Gosselies kien qed iħalli qliegħ, b'mod partikolari wara l-investimenti li saru fis-snin preċedenti;

7.  Jiddeplora l-fatt li l-ħaddiema tas-sit ta' Gosselies kienu infurmati dwar l-għeluq tas-sit b'sempliċi stqarrija; jiddeplora l-fatt li din id-deċiżjoni brutali ma ttiħditx f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali; jiddeplora n-nuqqas totali ta' informazzjoni u ta' rispett għall-ħaddiema u r-rappreżentanti tat-trejdjunjins, li ma rċevew l-ebda informazzjoni qabel l-għeluq tal-kumpanija; jinsisti, għalhekk, fuq l-importanza li jissaħħu l-għoti ta' informazzjoni lill-ħaddiema fl-Unjoni u l-konsultazzjoni magħhom;

8.  Jinsisti li jittaffu l-konsegwenzi soċjoekonomiċi għar-reġjun ta' Charleroi u li jsiru sforzi sostnuti għall-irkupru ekonomiku tiegħu, b'mod partikolari bl-għajnuna tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

9.  Ifakkar li s-sensji f'Caterpillar mistennija jkollhom effett negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija lokali; jenfasizza l-impatt ta' din id-deċiżjoni fuq ħafna ħaddiema li kienu jaħdmu mal-fornituri u l-produtturi downstream;

10.  Jinnota li l-applikazzjoni tikkonċerna 2 287 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn Caterpillar u l-ħames fornituri tagħha, li fil-parti l-kbira tagħhom għandhom bejn it-30 u l-54 sena; jindika wkoll il-fatt li aktar minn 11 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma fl-età ta' bejn il-55 u l-64 sena u għandhom ħiliet speċifiċi għas-settur tal-manifattura; jissottolinja li dawk li qed ifittxu impjieg f'Charleroi huma fil-parti l-kbira ħaddiema b'ħiliet baxxi (50,6 % ma għandhomx edukazzjoni sekondarja għolja) u 40 % ilhom qiegħda fit-tul (aktar minn 24 xahar); jiddeplora l-fatt li, skont is-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi ta' Walloon (FOREM), wara dawk is-sensji, ir-rata tal-qgħad fir-reġjun ta' Hainaut hija mistennija tikber b'6,1 %; fid-dawl ta' dan il-fatt, jirrikonoxxi l-importanza tal-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG biex itejbu l-possibilitajiet ta' riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawn il-gruppi;

11.  Jilqa' l-fatt li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG se jiġu wkoll ipprovduti għal massimu ta' 300 żagħżugħ taħt l-età ta' 30 sena barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs);

12.  Jinnota li l-Belġju qiegħed jippjana ħames tipi ta' azzjonijiet għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u għan-NEETs koperti minn din l-applikazzjoni: (i) assistenza individwali għat-tfittix ta' impjieg, servizzi ta' ġestjoni tal-każijiet u informazzjoni ġenerali, (ii) taħriġ u taħriġ mill-ġdid, (iii) promozzjoni tal-intraprenditorija, (iv) kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju, (v) indennizzi; jenfasizza li jeħtieġ li jiġi żgurat li l-għajnuna finanzjarja tkun effettiva u ffukata;

13.  Jilqa' d-deċiżjoni li jingħataw korsijiet ta' taħriġ imfassla biex jaqblu mal-prijoritajiet ta' żvilupp ta' Charleroi kif stipulat fil-pjan CATCH(5);

14.  Jinsab sodisfatt li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jikkostitwixxu 13,68 % tal-pakkett kumplessiv tal-miżuri personalizzati, perċentwal li huwa sew taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li dawk il-miżuri jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira f'attivitajiet ta' tfittix ta' impjieg jew ta' taħriġ;

15.  Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal f'konsultazzjoni ma' grupp ta' ħidma, li kien jinkludi s-Servizz Pubbliku tal-Impjieg ta' Walloon, il-fond ta' investiment SOGEPA, ir-rappreżentanti tat-trejdjunjins u sħab soċjali oħra; jistieden lill-awtoritajiet Belġjani u ta' Walloon jieħdu sehem attiv fil-proċess;

16.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-bżonn ta' politika ta' reindustrijalizzazzjoni Ewropea fid-dawl tal-każijiet reċenti ta' Caterpillar u Alstom, approvata b'maġġoranza kbira, li titlob lill-Ewropa tuża politika industrijali ġenwina bbażata, b'mod partikolari, fuq ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, imma jenfasizza wkoll fuq l-importanza li tiġi protetta l-industrija tal-Unjoni minn prattiċi kummerċjali inġusti minn pajjiżi terzi;

17.  Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani assiguraw li l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ minn fondi oħra tal-Unjoni jew minn strumenti finanzjarji oħrajn, li kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi evitat u li dawn se jkunu komplementari għal azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

18.  Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li jkunu taħt ir-responsabilità tal-kumpaniji, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, jew miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

19.  Jenfasizza li, fil-15 ta' Marzu 2018, kienu biss 591 il-ħaddiema mkeċċija li sabu impjieg; jinsisti, għalhekk, li ssir analiżi fit-tmiem tal-perjodu ta' intervent tal-FEG sabiex jiġi vvalutat jekk għandhiex tingħata għajnuna ta' riintegrazzjoni ulterjuri; jiddispjaċih li d-deċiżjoni preċedenti dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG rigward din il-kumpanija (EGF/2014/011) wasslet għal perċentwal relattivament baxx ta' benefiċjarji li reġgħu ġew impjegati; jittama li l-proposta attwali tqis din l-esperjenza;

20.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati jenħtieġ li jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet rikjesti, u jenħtieġ li jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex jipprovdu aktar dettalji, fi proposti futuri, dwar is-setturi li jkollhom prospettivi ta' tkabbir, u li għalhekk aktarx jirreklutaw in-nies, kif ukoll biex jiġbru data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' riintegrazzjoni miksuba permezz tal-FEG;

22.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

23.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2017/010 BE/Caterpillar

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2018/847.)

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Deċiżjoni (UE) 2015/471 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2014/011 BE/Caterpillar, ippreżentata mill-Belġju) (ĠU L 76, 20.3.2015, p. 58).
(5) Il-Pjan "Catalysts for Charleroi" (CATCH), Accélérer la Croissance de l'Emploi dans la Région de Charleroi, Settembru 2017, http://www.catch-charleroi.be/.


Rapport annwali 2016 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE - Il-ġlieda kontra l-frodi
PDF 488kWORD 69k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar ir-Rapport Annwali 2016 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi (2017/2216(INI))
P8_TA(2018)0196A8-0135/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-rapporti annwali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-20 ta' Lulju 2017 bit-titolu "Il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Il-ġlieda kontra l-frodi: Rapport Annwali 2016" (COM(2017)0383) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawh (SWD(2017)0266, SWD(2017)0267, SWD(2017)0268, SWD(2017)0269 u SWD(2017)0270),

–  wara li kkunsidra r-rapport 2016 tal-OLAF u r-Rapport tal-Attività 2016 tal-Kumitat Superviżorju tal-OLAF,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999(2) u l-analiżi tal-Kummissjoni ta' nofs it-terminu tat-2 ta' Ottubru 2017 ta’ dak ir-regolament (COM(2017)0589 u SWD(2017)0332),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali(3) (id-‘Direttiva PIF’),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra r-Rapport 2015 dwar id-Diskrepanza tal-VAT ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea u dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2016 dwar pjan ta' azzjoni dwar il-VAT (COM(2016)0148),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża C-105/14, Taricco et al(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0135/2018),

A.  billi l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom responsabbiltà kondiviża għall-implimentazzjoni ta' 74 % tal-baġit tal-Unjoni għall-2016; billi l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja għall-ġbir tar-riżorsi proprji, partikolarment fil-forma tal-VAT u d-dazji doganali;

B.  billi n-nefqa pubblika bil-għaqal u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE għandhom ikunu elementi ewlenin tal-politika tal-UE intiżi biex isaħħu l-fiduċja taċ-ċittadini billi jiżguraw li flushom jintużaw b'mod korrett u effikaċi;

C.  billi l-kisba ta' prestazzjoni tajba permezz ta' proċessi ta' semplifikazzjoni tinvolvi l-valutazzjoni regolari tal-inputs, l-outputs, l-eżiti/ir-riżultati u l-impatti permezz ta' awditi tal-prestazzjoni;

D.  billi d-diversità li teżisti fis-sistemi ġuridiċi u amministrattivi fl-Istati Membri jeħtieġ li tiġi indirizzata b'mod adegwat sabiex jingħelbu l-irregolaritajiet u jiġu miġġielda l-frodi; billi l-Kummissjoni, għaldaqstant, għandha żżid l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-ġlieda kontra l-frodi tiġi implimentata b'mod effikaċi u tipproduċi riżultati aktar tanġibbli u aktar sodisfaċenti;

E.  billi l-Artikolu 325(2) tat-TFUE jgħid li l-Istati Membri "għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħalma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess";

F.  billi l-fluttwazzjoni fl-għadd ta' irregolaritajiet tista' tkun marbuta mal-progressjoni taċ-ċikli ta' programmazzjoni pluriennali (b'livelli ogħla ta' individwazzjoni fi tmiem iċ-ċikli minħabba l-għeluq tal-programmi) kif ukoll ma' rapportar tard minn ċerti Stati Membri li għandhom it-tendenza jirrapportaw il-biċċa l-kbira tal-irregolaritajiet tal-programmi pluriennali preċedenti f'daqqa;

G.  billi l-VAT hija sors ta' dħul importanti u dejjem akbar għall-Istati Membri, u rendiet madwar EUR 1 035,3 biljun fl-2015, filwaqt li kkontribwiet EUR 18,3 biljun għar-riżorsi proprji tal-UE, li jiġu 13,9 % tad-dħul totali tal-UE, fl-istess sena;

H.  billi s-sistemi tal-VAT, b'mod partikolari kif applikati għat-tranżazzjonijiet transfruntiera, huma vulnerabbli għal strateġiji ta' frodi u ta' evażjoni tat-taxxa, fejn il-frodi MTIC (Frodi Intra-Komunitarja b'Negozjant Nieqes, magħrufa bħala frodi karusell) waħedha kienet responsabbli għal telf ta' madwar EUR 50 biljun mid-dħul tal-VAT fl-2015;

I.  billi l-korruzzjoni taffettwa lill-Istati Membri kollha, partikolarment fl-għamla ta' kriminalità organizzata u mhux biss tqiegħed piż fuq l-ekonomija tal-UE, iżda ddgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Ewropa kollha; billi ċ-ċifri eżatti, madankollu, mhumiex magħrufa, peress li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tippubblikax id-data fir-rapport dwar il-politika tal-UE kontra l-korruzzjoni;

J.  billi l-frodi hija eżempju ta' għemil ħażin intenzjonat u tikkostitwixxi reat, filwat li "irregolarità" tfisser nuqqas ta' konformità mar-regoli;

K.  billi d-diskrepanza tal-VAT ammontat għal madwar EUR 151,5 biljun fl-2015 u tvarja minn inqas minn 3,5 % għal aktar minn 37,2 % skont il-pajjiż ikkonċernat;

L.  billi sakemm jinħoloq l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u sakemm issir ir-riforma tal-Eurojust, l-OLAF huwa l-uniku korp Ewropew speċjalizzat fil-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-Unjoni; billi f'diversi Stati Membri, anki wara l-istabbiliment tal-UPPE, l-OLAF se jibqa' l-uniku korp li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

Individwazzjoni u rapportar ta' irregolaritajiet

1.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-għadd totali ta' irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti rrapportati fl-2016 (19 080 każ) naqas bi 15 % meta mqabbel mal-2015 (22 349 każ) u li l-valur tagħhom naqas bi 8 % (minn EUR 3,21 biljun fl-2015 għal EUR 2,97 biljun fl-2016);

2.  Jinnota t-tnaqqis ċkejken ta' 3,5 % fl-għadd ta' irregolaritajiet irrappurtati bħala frawdolenti, li jikkonferma t-tendenza ta' tnaqqis li bdiet fl-2014; jittama li t-tnaqqis tal-ammonti inkwistjoni, li naqsu minn EUR 637,6 miljun fl-2015 għal EUR 391 miljun fl-2016, jirrifletti tnaqqis reali tal-frodi u mhux nuqqasijiet fl-individwazzjoni tagħhom;

3.  Jirrimarka li mhux l-irregolaritajiet kollha huma frawdolenti u li għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-iżbalji li saru;

4.  Huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-qasam tal-individwazzjoni tal-frodi mhijiex effikaċi biżżejjed; iħeġġeġ, għaldaqstant, li jittieħdu sett ta' miżuri biex jiżguraw aktar kooperazzjoni aktar mill-qrib, aktar effikaċi u aktar effiċjenti;

5.  Jiddeplora l-fatt li mhux l-Istati Membri kollha adottaw strateġiji nazzjonali kontra l-frodi; jistieden lill-Kummissjoni taħdem b'mod attiv biex tgħin lill-Istati Membri joħolqu l-istrateġiji nazzjonali tagħhom kontra l-frodi, partikolarment minħabba li jamministraw madwar 74 % tal-baġit tal-UE;

6.  Jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema uniformi għall-ġbir ta' data komparabbli dwar irregolaritajiet u każijiet ta' frodi mill-Istati Membri sabiex tistandardizza l-proċess ta' rapportar u tiżgura l-kwalità u l-komparabbiltà tad-data pprovduta;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-differenzi persistenti bejn l-Istati Membri rigward il-proċess ta' rapportar, li jistgħu jagħtu lok għal perċezzjoni żbaljata tal-effikaċja tal-kontrolli; jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-isforzi tagħha biex tgħin lill-Istati Membri jżidu l-livell u l-kwalità tal-ispezzjonijiet u jikkondividu bejniethom l-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra l-frodi;

Id-Direttiva PIF u r-Regolament UPPE(8)

8.  Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva PIF, li tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni tar-reati u s-sanzjonijiet fil-qasam ta' frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li tinkludi frodi tal-VAT transfruntieri li jinvolvu danni totali ta' mill-inqas EUR 10 miljun; ifakkar, madankollu, li dan il-livell minimu se jkun soġġett għal valutazzjoni tal-Kummissjoni sas-6 ta' Lulju 2022; jilqa' l-fatt li l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva PIF jinkludi l-frodi tal-VAT, li hija partikolarment importanti biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi transfruntiera tal-VAT; iqis id-Direttiva bħala l-ewwel pass lejn l-armonizzazzjoni tal-liġi kriminali Ewropea; jinnota li d-Direttiva tipprevedi definizzjoni ta' korruzzjoni u tiddefinixxi t-tipi ta' mġiba frawdolenti li għandha titqies bħala reat;

9.  Jilqa' d-deċiżjoni ta' 20 Stat Membru li jissoktaw bit-twaqqif tal-UPPE permezz ta' kooperazzjoni msaħħa; jappella għal kooperazzjoni effikaċi bejn l-OLAF u l-UPPE, ibbażata fuq il-komplementarjetà, u li jiġi evitat li jkun hemm strutturi doppji, kunflitti ta' kompetenzi u lakuni legali li jinqalgħu minħabba nuqqas ta' kompetenzi; jiddispjaċih, madankollu, li mhux l-Istati Membri kollha tal-Unjoni xtaqu jipparteċipaw f'din l-inizjattiva u jenfasizza l-importanza li jinżammu rati ta' effiċjenza ekwivalenti fl-Istati Membri kollha fejn tidħol l-individwazzjoni tal-frodi; jistieden lill-Kummissjoni tinċentiva lill-Istati Membri li s'issa sabuha bi tqila li jkunu parti mill-UPPE;

10.  Jistieden lill-Istati Membri parteċipanti u lill-Kummissjoni jibdew il-ħidma preparatorja biex l-UPPE jibda jaħdem mill-aktar fis possibbli u biex iżommu lill-Parlament assoċjat mill-qrib mal-proċeduri, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-ħatra tal-Kap Prosekutur; jistieden lill-Kummissjoni taħtar id-Direttur Amministrattiv ad interim tal-UPPE mill-aktar fis possibbli f'konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament dwar l-UPPE; jinsisti li għandhom jiġu allokati persunal u riżorsi suffiċjenti lill-UPPE anki qabel it-tnedija uffiċjali tiegħu; itenni li l-UPPE jeħtieġlu jkun indipendenti;

11.  Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni effettiva fost l-Istati Membri, l-UPPE, l-OLAF u l-Eurojust; ifakkar fin-negozjati pendenti dwar ir-Regolament dwar il-Eurojust; jissottolinja li jeħtieġ li l-kompetenzi rispettivi tal-Eurojust, tal-OLAF u tal-UPPE jiġu definiti b'mod ċar; jissottolinja li sabiex il-ġlieda kontra l-frodi tkun tassew effikaċi fil-livell tal-UE, jeħtieġ li l-UPPE, il-Eurojust u l-OLAF jaħdmu flimkien mingħajr xkiel kemm f'termini ta' politika kif ukoll f'termini operattivi sabiex jevitaw kwalunkwe duplikazzjoni possibbli fil-kompiti; itenni, f'dan ir-rigward, li l-arranġamenti ta' ħidma bejn dawn it-tliet korpi għandhom jitfasslu u jiġu adottati mill-aktar fis possibbli f'konformità mal-Artikoli 99 sa 101 tar-Regolament tal-UPPE, jinsisti li l-UPPE għandu jkollu s-setgħa li jsolvi l-kunflitti ta' kompetenza f'każijiet rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tiegħu;

Dħul ‒ riżorsi proprji

12.  Jinsab imħasseb dwar it-telf dovut għad-diskrepanza tal-VAT u l-frodi tal-VAT tal-UE, li fl-2015 ammonta għal EUR 159,5 biljun;

13.  Jilqa' l-adozzjoni tal-miżuri fuq terminu qasir għall-ġlieda kontra t-telf mill-VAT imsemmi fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni intitolat "Lejn żona unika tal-VAT fl-UE", ippubblikat fis-7 ta' April 2016; jenfasizza li l-problemi relatati mal-frodi transfruntiera tal-VAT jesiġu miżuri b'saħħithom, koordinati u rapidi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-proċeduri tagħha sabiex tippreżenta l-proposti tagħha għal sistema definittiva tal-VAT kif previst fil-pjan ta' azzjoni, sabiex jiġi evitat it-telf tad-dħul mit-taxxa fl-UE u fl-Istati Membri;

14.  Jiddispjaċih li, għalkemm l-għadd totali ta' każijiet frawdolenti u mhux frawdolenti relatati mar-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT) naqas minn 5 514 fl-2015 għal 4 647 fl-2016, l-ammont totali kkonċernat żdied minn EUR 445 miljun għal EUR 537 miljun u huwa 13 % ogħla mill-medja għas-snin 2012-2016;

15.  Jinnota bi tħassib kbir li l-kuntrabandu tat-tabakk lejn l-UE sar aktar intensiv f'dawn l-aħħar snin u, skont l-istimi, jirrappreżenta telf annwali ta' EUR 10 biljun fi dħul pubbliku għall-baġits tal-UE u tal-Istati Membri u fl-istess ħin huwa sors ewlieni tal-kriminalità organizzata, inkluż it-terroriżmu; iqis li huwa meħtieġ li l-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra dawn l-attivitajiet illegali, pereżempju billi jtejbu l-proċeduri għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri;

16.  Jinnota r-riżultati tat-12-il operazzjoni konġunta tad-dwana mwettqa mill-OLAF u l-Istati Membri f'kooperazzjoni ma' diversi servizzi ta' pajjiżi terzi u d-WCO, li partikolarment wasslu għall-qbid ta' 11-il miljun sigarett, 287 000 sigarru, 250 tunnellata prodotti oħrajn tat-tabakk, 8 tunnellati kannabis u 400 kg kokaina;

17.  Jinnota li l-kontrolli doganali mwettqa fil-ħin tal-iżdoganar tal-merkanzija u l-ispezzjonijiet mis-servizzi ta' kontra l-frodi kienu l-aktar metodi li kellhom suċċess fl-individwazzjoni ta' każijiet frawdolenti fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE;

18.  Jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-kontrolli doganali u l-ġbir relatat tad-dazji doganali, li jikkostitwixxu riżorsa proprja għall-baġit tal-UE; ifakkar li huwa l-kompitu tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri li jwettqu ispezzjonijiet biex jivverifikaw jekk l-importaturi humiex konformi mar-regoli dwar it-tariffi u l-importazzjonijiet;

19.  Jiddeplora d-differenzi fil-kontrolli tad-dwana mwettqa fi ħdan l-UE, u l-ammonti kbar involuti fi frodi li jaffettwaw is-sistema ta' ġbir tar-riżorsi proprji; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-politika komuni dwar il-kontrolli doganali billi tipprevedi armonizzazzjoni ġenwina bil-għan li jitjieb il-ġbir tar-riżorsi proprji tradizzjonali u tiżgura s-sigurtà u l-interessi ekonomiċi tal-UE, filwaqt li tiffoka b'mod partikolari fuq l-isforzi fil-ġlieda kontra l-kummerċ fi prodotti illeċiti u kontrafatti;

20.  Jiddeplora l-fatt li bejn l-2013 u l-2016 l-importazzjonijiet ta' ħwejjeġ u żraben miċ-Ċina kienu sottovalutati meta ddaħħlu f'diversi pajjiżi fl-Ewropa, u b'mod partikolari fir-Renju Unit;

21.  Jenfasizza li l-OLAF irrakkomanda li l-Kummissjoni tirkupra mill-Gvern tar-Renju Unit nuqqas ta' qligħ ta' EUR 1,987 biljun, ammont li normalment kellu jmur għall-baġit tal-Unjoni;

22.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni mhijiex kapaċi tikkalkula l-ammont totali ta' rkupri li rriżultaw mir-rakkomandazzjonijiet għall-irkupru tal-OLAF; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrapporta ta' kull sena l-ammont ta' riżorsi proprji tal-UE rkuprati wara rakkomandazzjonijiet magħmula mill-OLAF, tintroduċi sistema li tippermetti l-kalkolu tas-somom globali, tikkomunika l-ammonti li għad iridu jiġu rkuprati u li tippubblika dettalji tal-kooperazzjoni mar-rakkomandazzjoni u l-ammonti effettivament irkuprati fir-rapporti annwali tal-OLAF;

23.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tipprovdi data annwali dwar id-differenza bejn id-dħul mistenni mill-VAT u mid-dwana u d-dħul li fil-fatt jinġabar;

Nefqa

24.  Jiddeplora l-fatt li l-irregolaritajiet mhux frawdolenti li jidħlu fin-nefqa diretta żdiedu b'16 % meta mqabbla mas-sena preċedenti, għall-kuntrarju ta' setturi oħra tal-baġit, li rreġistraw tnaqqis f'dan ir-rigward;

25.  Jiddispjaċih li din hija r-raba' sena li fiha l-irregolaritajiet irrappurtati bħala frawdolenti fl-ambitu tal-ġestjoni diretta żdiedu kemm fl-għadd (16-il każ fl-2015 u 49 każ fl-2016) kif ukoll fil-valur (EUR 0,78 miljun fl-2015 u EUR 6,25 miljun fl-2016); jistieden lill-Kummissjoni biex sal-aħħar tal-2018 tippreżenta pjan speċifiku biex jitnaqqsu l-frodi f'dan il-qasam;

26.  Jinnota li l-għadd ta' irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti rrapportati li jikkonċernaw il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), għalkemm naqsu minn 3 250 każ fl-2015 għal 2 676 każ fl-2016, għadu d-doppju ta' li kien fl-2012, iżda jixtieq jenfasizza li l-ammonti kkonċernati fl-2016 huma biss 8 % ogħla mill-2012; jinnota wkoll li, minkejja li bejn l-2015 u l-2016 l-għadd totali ta' irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti fl-ambitu ta' dan il-fond naqas b'16 %, l-għadd ta' irregolaritajiet frawdolenti żdied bi 17 %, iżda madankollu, jinnota b'sodisfazzjon li l-ammonti finanzjarji involuti f'irregolaritajiet frawdolenti naqas b'aktar minn 50 %; jinnota wkoll li l-irregolaritajiet frawdolenti fil-FAEŻR matul dawn l-aħħar ħames snin jirrappreżentaw madwar 0,5 % tal-pagamenti;

27.  Jinnota li t-8 497 irregolarità frawdolenti u mhux frawdolenti marbuta mal-politika ta' koeżjoni u mas-sajd fl-2016 jirrappreżentaw tnaqqis ta' 22 % meta mqabbla mal-2015, iżda xorta waħda kienu 25 % aktar mill-medja tal-aħħar ħames snin; jinnota wkoll li l-ammonti finanzjarji milquta minn irregolaritajiet kienu 5 % inqas minn dawk fl-2015; jieħu nota tal-fatt li għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, 0,42 % tal-approprjazzjonijiet ta' impenn ġew affettwati minn frodi u 2,08 % minn irregolaritajiet mhux frawdolenti;

28.  Jilqa' l-fatt li l-ammonti finanzjarji marbuta mal-irregolaritajiet irrappurtati bħala frawdolenti fil-politiki tal-koeżjoni u tas-sajd naqsu bi kważi 50 %, minn EUR 469 miljun fl-2015 għal EUR 235 miljun fl-2016;

29.  Jinnota b'diżappunt li l-ammonti finanzjarji relatati ma' irregolaritajiet tal-fond ta' koeżjoni matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 baqgħu jikbru (minn EUR 277 miljun fl-2015 għal EUR 480 miljun fl-2016), meta mqabbel ma' fondi oħra (FEŻR, FSE u FES), li fihom it-tendenza hija waħda ta' stabbilizzazzjoni jew saħansitra tnaqqis;

30.  Jinsab sorpriż li għal kważi terz tal-irregolaritajiet irrappurtati bħala frawdolenti fil-politika ta' koeżjoni fl-2016, ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar il-qasam ta' prijorità kkonċernat, peress li dan in-nuqqas ta' informazzjoni jgħawweġ it-tqabbil mas-snin preċedenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrimedjaw din is-sitwazzjoni;

31.  Jesprimi tħassib fir-rigward tal-kontrolli relatati mal-istrumenti finanzjarji ġestiti minn intermedjarji u d-dgħufijiet li nkixfu fil-verifika tal-uffiċċji reġistrati tal-benefiċjarji; jenfasizza l-ħtieġa li l-iżborż ta' self dirett u indirett ikun soġġett għall-pubblikazzjoni tad-data fiskali u tal-kontabilità pajjiż b'pajjiż, u għad-divulgazzjoni ta' informazzjoni dwar is-sjieda effettiva tas-suġġetti benefiċjarji u l-intermedjarji finanzjarji involuti fl-operazzjonijiet finanzjarji;

32.  Jistenna li s-semplifikazzjoni tar-regoli amministrattivi mixtieqa fid-dispożizzjonijiet komuni li jkopru l-perjodu 2014-2020 tippermetti li jitnaqqas l-għadd ta' irregolaritajiet mhux frawdolenti, li jiġu individwati każijiet frawdolenti u li jittejjeb l-aċċess għall-fondi tal-Unjoni għall-benefiċjarji;

33.  Jinnota t-tkomplija tax-xejra ta' tnaqqis fl-għadd ta' irregolaritajiet irrappurtati li jikkonċernaw l-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), li huwa dovut għat-tneħħija gradwali tal-programmi ta' qabel l-adeżjoni; jinnota, madankollu, li t-Turkija għadha l-pajjiż bl-ogħla għadd ta' irregolaritajiet (kemm frawdolenti kif ukoll mhux frawdolenti), li jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-każijiet irrappurtati;

34.  Jistenna b'interess ir-riżultati miksuba mis-Sistema ta' Identifikazzjoni Bikrija u ta' Esklużjoni (EDES) applikata mill-Kummissjoni mill-1 ta' Jannar 2016;

35.  Jappella għal kooperazzjoni aktar stretta bejn l-Istati Membri fl-iskambju tal-informazzjoni; jirrimarka li ħafna Stati Membri m'għandhomx liġijiet speċifiċi kontra l-kriminalità organizzata, filwaqt li l-involviment tagħha f'attivitajiet transfruntiera u f'setturi li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-UE, bħalma huma l-kuntrabandu u l-falsifikazzjoni tal-flus, qed jikber b'mod kostanti; iqis li huwa essenzjali li l-Istati Membri jużaw mezzi effikaċi biex jiġġieldu l-internazzjonalizzazzjoni dejjem tikber tal-frodi u jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi standards komuni għal miżuri biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-frodi;

Akkwist pubbliku

36.  Ifakkar li l-akkwist pubbliku kien wieħed mis-sorsi prinċipali ta' żbalji fl-aħħar perjodu ta' programmazzjoni u jinnota li l-livell ta' irregolaritajiet minħabba nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku għadu għoli; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex telabora bażi ta' data tal-irregolaritajiet li tkun tista' tkun ta' sies għal analiżi siewja b'mod komprensiv tal-frekwenza, tal-gravità u tal-kawżi ta' żbalji fl-akkwist pubbliku; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membru jiżviluppaw u janalizzaw il-bażi ta' data għall-irregolaritajiet tagħhom stess, fosthom dawk li jsiru fl-akkwist pubbliku u biex jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jipprovdu tali data f'mod u fi żmien li jiffaċilitaw ix-xogħol tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u tevalwa t-traspożizzjoni tad-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE dwar l-akkwist pubbliku fil-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-aktar fis possibbli;

37.  Jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri josservaw id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kundizzjonalitajiet ex ante fil-politika ta' koeżjoni, partikolarment fil-qasam tal-akkwist pubbliku; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom fl-oqsma enfasizzati fir-rapport annwali tal-Kummissjoni, b'mod partikolari rigward l-akkwist pubbliku, il-kriminalità finanzjarja, il-kunflitti ta' interess, il-korruzzjoni, l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u d-definizzjoni ta' frodi;

Problemi identifikati u miżuri meħtieġa

Kontrolli aħjar

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri aktar stretti kontra l-irregolaritajiet frawdolenti; jemmen li l-irregolaritajiet li mhumiex frawdolenti jridu jiġu eliminati permezz ta' miżuri amministrattivi u partikolarment billi jiġu introdotti ħtiġijiet aktar trasparenti u aktar sempliċi;

39.  Jenfasizza li sistema li tippermetti li l-awtoritajiet jiskambjaw l-informazzjoni tiffaċilita l-kontroverifika tar-rekords kontabilistiċi għal tranżazzjonijiet bejn żewġ Stati Membri jew aktar sabiex tiġi evitata l-frodi transfruntiera fir-rigward tal-fondi strutturali u ta' investiment, biex b'hekk jiġi żgurat approċċ trasversali u komprensiv għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Istati Membri; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva dwar assistenza amministrattiva reċiproka f'dawk l-oqsma ta' finanzjament Ewropew fejn m'hemmx dispożizzjoni għal tali prattika;

40.  Jappoġġa l-programm Hercule III, li huwa eżempju tajjeb tal-approċċ "l-aħjar użu minn kull euro"; jenfasizza l-importanza ta' dan il-programm u l-kontribut tiegħu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet doganali biex jissorveljaw il-kriminalità transfruntiera u jevitaw li merkanzija ffalsifikata u b'kuntrabandu tasal fl-Istati Membri;

41.  Jilqa' l-evalwazzjoni indipendenti ta' nofs it-terminu tal-programm Hercule III, li ġiet ippreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-11 ta' Jannar 2018;

42.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-frodi relatata mal-VAT, b'mod partikolari l-hekk imsejħa frodi karusell; jirrikonoxxi l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill li tippermetti l-applikazzjoni ta' mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat (GRCM) mill-Istati Membri f'ċerti kundizzjonijiet stretti; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal pakkett ta' semplifikazzjoni tal-VAT u għat-tnaqqis tal-ispejjeż ta' konformità għall-SMEs sabiex toħloq ambjent li jwassal għat-tkabbir tal-SMEs u li jkun favorevoli għall-kummerċ transfruntier; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi soluzzjoni komprensiva, fit-tul u għall-UE kollha għall-problema tal-frodi tal-VAT; jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw fl-oqsma kollha ta' attività tal-EUROFISC sabiex jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni u jikkoordinaw il-politiki u jgħinu fil-ġlieda kontra dan it-tip ta' frodi li hu ta' ħsara għall-baġits tal-UE u dawk nazzjonali;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport pubbliku annwali dwar l-użu tal-fondi tal-UE u dwar it-trasferimenti monetarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) lejn strutturi offshore, inkluż l-għadd u n-natura tal-proġetti mblukkati, kummenti ta' spjegazzjoni dwar ir-raġunament wara l-imblukkar tal-proġetti u l-azzjonijiet ta' segwitu meħuda biex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE ma jkunux qed jgħinu direttament jew indirettament biex issir ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE;

44.  Jinnota li trasparenza sħiħa fil-kontabilità għall-infiq hija essenzjali, speċjalment fir-rigward ta' xogħlijiet ta' infrastruttura ffinanzjati direttament permezz tal-fondi jew l-istrumenti finanzjarji tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE jkollhom aċċess sħiħ għal informazzjoni dwar proġetti ta' kofinanzjament;

Prevenzjoni

45.  Iqis li l-attivitajiet ta' prevenzjoni huma importanti ħafna sabiex jitnaqqas il-livell ta' frodi fl-infiq tal-fondi tal-UE;

46.  Jilqa' l-attivitajiet ta' prevenzjoni tal-Kummissjoni u tal-OLAF u jappella għat-tisħiħ tal-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Identifikazzjoni Bikrija u ta' Esklużjoni (EDES) u tas-Sistema ta' Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS) u għat-tlestija tal-istrateġiji nazzjonali kontra l-frodi;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli s-semplifikazzjoni tar-regolament finanzjarju u tar-regoli amministrattivi l-oħrajn kollha; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa bir-reqqa iċ-ċarezza u l-valur miżjud tad-direzzjonijiet ta' finanzjament tal-programmi operazzjonali tal-Istati Membri;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal qafas għad-diġitalizzazzjoni tal-proċessi kollha fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE (is-sejħiet għal proposti, l-applikazzjoni, l-evalwazzjoni, l-implimentazzjoni, il-pagamenti) li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri kollha;

49.  Iqis li t-trasparenza hija għodda importanti fil-ġlieda kontra l-frodi; jistieden lill-Kummissjoni telabora qafas biex jintuża mill-Istati Membri biex jagħmlu pubbliċi l-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-fondi Ewropej, inklużi l-pagamenti;

Informaturi ta' irregolaritajiet

50.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-informaturi ta' irregolaritajiet fil-prevenzjoni, l-individwazzjoni u r-rappurtar tal-frodi u jinsisti dwar il-ħtieġa li jkunu protetti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw livell minimu ta' protezzjoni għall-informaturi ta' irregolaritajiet fl-UE;

51.  Ifakkar fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 u tal-24 ta' Ottubru 2017(9) dwar il-protezzjoni tal-informaturi, u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimplimentaw b'ħeffa r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fihom;

52.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq b'urġenza proposta leġiżlattiva dwar il-protezzjoni tal-informaturi ta' irregolaritajiet sabiex partikolarment tiġi evitata u miġġielda b'mod effikaċi l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

53.  Jieħu nota tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa li saret mill-Kummissjoni bejn Marzu u Mejju 2017 biex tiġbor il-fehmiet dwar il-kwistjoni tal-protezzjoni tal-informaturi fil-livelli nazzjonali u tal-UE; jistenna l-inizjattiva ppjanata mill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-informaturi fl-UE fix-xhur li ġejjin; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE;

54.  Iħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tas-sorsi ta' informazzjoni sabiex tiġi evitata kwalunkwe azzjoni diskriminatorji jew theddida;

Ġlieda kontra l-korruzzjoni

55.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma għadhiex tħoss il-ħtieġa li tippubblika r-rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni, ħaġa li xekklet il-valutazzjoni tal-kobor tal-korruzzjoni; ifakkar fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa(10), li fiha nnota li l-Kummissjoni se tkompli bil-monitoraġġ kontra l-korruzzjoni permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew; huwa tal-fehma li f'dan il-proċess il-miżuri kontra l-korruzzjoni jistgħu jkunu ddominati minn kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji oħra; u stieden lil-Kummissjoni tmexxi bl-eżempju, billi tkompli bil-pubblikazzjoni tar-rapport u timpenja lilha nnifisha favur strateġija aktar kredibbli u aktar komprensiva kontra l-korruzzjoni; jirrimarka li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija kwistjoni ta' kooperazzjoni tal-pulizija u tal-ġustizzja, li hija qasam tal-politika fejn il-Parlament huwa koleġiżlatur u għandu setgħat ta' skrutinju sħaħ;

56.  Jenfasizza li l-korruzzjoni hija sfida enormi għall-UE u l-Istati Membri, u li, mingħajr miżuri effikaċi kontriha, il-korruzzjoni tfixkel il-prestazzjoni ekonomika tal-UE, l-istat tad-dritt u l-kredibilità tal-istituzzjonijiet demokratiċi, kif ukoll il-fiduċja f'dawk l-istituzzjonijiet fi ħdan l-Unjoni; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(11), li speċifikament talbet it-twaqqif ta' rapport annwali dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (Rapport Ewropew dwar id-DRF) b'rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, inkluż attenzjoni speċifika fuq il-korruzzjoni;

57.  Jiddispjaċih li d-direttiva l-ġdida dwar l-akkwist pubbliku s'issa ma wasslet għall-ebda titjib notevoli fl-individwazzjoni tal-livell tal-korruzzjoni fl-UE u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi strumenti effikaċi biex tittejjeb it-trasparenza tal-proċeduri ta' kuntrattar u ta' sottokuntrattar;

58.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva tal-UE Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus , bl-introduzzjoni ta' reġistru pubbliku tas-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji u anke tat-trusts;

59.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa sistema ta' indikaturi stretti u kriterji uniformi u faċilment applikabbli, abbażi tar-rekwiżiti stabbiliti fil-Programm ta' Stokkolma, biex tkejjel il-livell tal-korruzzjoni fl-Istati Membri u tevalwa l-politiki tagħhom kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa indiċi ta' korruzzjoni b'mod li tikklassifika lill-Istati Membri; huwa tal-fehma li indiċi ta' korruzzjoni jista' jipprovdi bażi tajba li fuqha l-Kummissjoni tkun tista' tistabbilixxi l-mekkaniżmu ta' kontroll speċifiku għall-pajjiżi individwali meta tkun qed tikkontrolla l-infiq tar-riżorsi tal-UE;

60.  Itenni li l-prevenzjoni għandha tinvolvi taħriġ u appoġġ kostanti għall-persunal responsabbli mill-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi fl-awtoritajiet kompetenti kif ukoll skambji ta' informazzjoni u prattiki tajba fost l-Istati Membri; jiġbed l-attenzjoni għar-rwol deċiżiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet ikkonċernati fil-ġlieda kontra l-frodi;

61.  Ifakkar li l-Kummissjoni m'għandhiex aċċess għall-informazzjoni skambjata bejn l-Istati Membri bil-għan li tipprevjeni u tiġġieled kontra l-Frodi Intra-Komunitarja b'Negozjant Nieqes (MTIC), magħrufa bħala frodi karusell; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-Eurofisc, sabiex tkun tista' twettaq kontroll u valutazzjoni aħjar u ttejjeb l-iskambju ta' data fost l-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw fl-oqsma kollha tal-attività tal-Eurofisc sabiex jiġi ffaċilitat u jitħaffef l-iskambju ta' informazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi bħalma huma l-Europol u l-OLAF, kif rakkomandat mill-Qorti tal-Awdituri; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill jagħtu aċċess lill-Kummissjoni għal din id-data sabiex titrawwem il-kooperazzjoni, tissaħħaħ l-affidabilità tad-data u tiġi miġġielda l-kriminalità transfruntiera;

Ġurnaliżmu investigattiv

62.  Huwa tal-fehma li l-ġurnaliżmu investigattiv jiżvolġi rwol fundamentali fil-promozzjoni tal-livell meħtieġ ta' trasparenza fl-UE u fl-Istati Membri u li għandu jitħeġġeġ u jiġi appoġġat b'mezzi ġuridiċi kemm fl-Istati Membri kif ukoll fl-Unjoni;

Tabakk

63.  Ifakkar fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma ġġeddidx il-Ftehim PMI, li skada fid-9 ta' Lulju 2016; ifakkar li fid-9 ta' Marzu 2016(12) huwa kien talab lill-Kummissjoni ma ġġeddidx, ma testendix jew ma tinnegozjax mill-ġdid il-Ftehim PMI lil hinn mid-data tal-iskadenza tiegħu; iqis li t-tliet ftehimiet l-oħra (BAT, JTI u ITL) għandhom jintemmu b'effett mill-20 ta' Mejju 2019; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport sa tmiem l-2018 li fih tikkonċerna l-fattibilità li dawn it-tliet ftehimiet jintemmu;

64.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-livell tal-UE, timplimenta l-miżuri kollha meħtieġa biex tittraċċa u tirrintraċċċa l-prodotti tat-tabakk PMI, u tistitwixxi proċedimenti ġuridiċi kontra kwalunkwe qbid illegali ta' prodotti tat-tali manifattur sakemm id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk isiru infurzabbli bis-sħiħ, b'tali mod li ma jkun hemm l-ebda lakuna regolatorja bejn l-iskadenza tal-Ftehim PMI u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk u l-protokoll tal-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (FCTC);

65.  Japprezza s-sostenn tal-Kummissjoni għal ratifika rapida tal-Protokoll tad-WTO biex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk, li jirrappreżenta l-ewwel strument ġuridiku multilaterali li jindirizza b'mod kumplessiv u f'livell dinji l-problema tal-kuntrabandu tat-tabakk;

66.  Ifakkar li sal-lum 32 parti kontraenti, fosthom tmien Stati Membri tal-UE biss u l-Unjoni fl-intier tagħha, irratifikaw il-Protokoll tad-WHO biex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk; iħeġġeġ lin-Norveġja u lill-għaxar Stati Membri (il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, in-Netherlands, ir-Renju Unit, is-Slovenja u l-Iżvezja) li ffirmaw iżda li għadhom ma rratifikawx il-Protokoll biex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk biex jagħmlu dan;

67.  Jittama li jirċievi mill-aktar fis ir-rapport finali tal-Kummissjoni dwar il-qagħda wara l-komunikazzjoni tagħha tal-2013 bit-titolu "L-intensifikar tal-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigarretti u forom oħra ta' kummerċ illegali fil-prodotti tat-tabakk - Strateġija komprensiva tal-UE" (COM(2013)0324), imħabbar għall-2018;

68.  Jilqa' pożittivament il-fatt li mindu l-laboratorju tal-Unjoni inkarigat mill-kontroll tat-tabakk fiċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka ta' Geel (fil-Belġju) sar operattiv f'April 2016, huwa jista' jiddetermina l-profil kimiku u l-karatteristiċi distintivi tat-tabakk ikkonfiskat u b'hekk jippermetti li ssir verifika tal-awtentiċità tiegħu;

Investigazzjonijiet u rwol tal-OLAF

69.  Jinnota li, s'issa, ir-rakkomandazzjonijiet ġudizzjarji tal-OLAF kellhom implimentazzjoni limitata fl-Istati Membri; huwa tal-fehma li tali sitwazzjoni hija intollerabbli u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF fl-Istati Membri;

70.  Jiddeplora l-fatt li minkejja għadd numeruż ta' rakkomandazzjonijiet u investigazzjonijiet tal-OLAF, ir-rata tal-prosekuzzjoni hija biss 30 % fl-Istati Membri u l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' xi Stati Membri ma jqisux ir-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF dwar l-infiq ħażin tal-flus tal-UE bħala prijorità, u lanqas l-OLAF ma jsegwi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu b'mod xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi regoli dwar is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF;

71.  Jiddeplora l-fatt li madwar 50 % tal-każijiet tal-OLAF jiġu rrifjutati mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-OLAF jistabbilixxu kundizzjonijiet għall-ammissibilità tal-provi mressqa mill-OLAF; jistieden lill-OLAF itejjeb il-kwalità tar-rapporti finali tiegħu sabiex tiżdied l-utilità tagħhom lill-awtoritajiet nazzjonali;

72.  Jistieden lill-OLAF japplika approċċ aktar realistiku għar-rakkomandazzjonijiet ta' rkupru tiegħu u wkoll biex jirrapporta dwar l-ammonti effettivament irkuprati;

73.  Ifakkar li r-regolament dwar l-OLAF jagħti rwol importanti lid-Direttur Ġenerali fi proċeduri ta' lmenti rigward l-investigazzjonijiet; ifakkar li l-parteċipazzjoni diretta tad-Direttur Ġenerali fl-investigazzjonijiet tal-OLAF idgħajjef ir-rwol tiegħu u b'hekk lir-regolament;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-reviżjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 toħloq bilanċ xieraq tal-kompetenzi bejn l-UPPE u l-OLAF, issaħħaħ il-garanziji proċedurali, tikkjarifika u ssaħħaħ il-poteri investigattivi tal-OLAF u tistabbilixxi ċertu livell ta' trasparenza tar-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti tal-OLAF, u li tiċċara r-regoli dwar il-kooperazzjoni u l-aċċess għal data bejn l-OLAF u l-Kumitat ta' Sorveljanza tiegħu;

o
o   o

75.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u lill-Kumitat Superviżorju tal-OLAF.

(1) ĠU C 322, 28.9.2017, p. 1.
(2) ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1
(3) ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1
(6) Sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tat-8 ta' Settembru 2015, Taricco et al, C-105/14, ECLI:EU:C:2015:555.
(7) Testi adottati, P8_TA(2017)0022.
(8) Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
(9) Testi adottati, P8_TA(2017)0402.
(10) Testi adottati, P8_TA(2017)0491.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0409.
(12) Riżoluzzjoni tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-ftehim tat-tabakk (ftehim PMI) (ĠU C 50, tad-9.2.2018, p.35).


Pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 (KM-ØØØH71-4)
PDF 154kWORD 61k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Mejju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' ikel u għalf li huma prodotti mill-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 (KM-ØØØH71-4) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D055630–01 – 2018/2651(RSP))
P8_TA(2018)0197B8-0220/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' ikel u għalf li huma prodotti mill-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 (KM-ØØØH71-4) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D055630-01),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 23(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tad-19 ta' Marzu 2018, li matulha ma ngħatat l-ebda opinjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel fis-26 ta' Ottubru 2017, u ppubblikata fis-16 ta' Novembru 2017(3),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (COM(2017)0085, COD(2017)0035),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw l-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati(4),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-12 ta' Novembru 2004, KWS SAAT AG u Monsanto Europe S.A. ressqu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit, skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf prodotti mill-pitrava zokkrija H7-1 ("pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1");

B.  billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/692/KE(5) awtorizzat it-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li jkunu prodotti mill-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1; billi, qabel dik id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, fil-5 ta' Diċembru 2006, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli, skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fl-14 ta' Diċembru 2006(6) ("EFSA 2006");

C.  billi fl-20 ta' Ottubru 2016, KWS SAAT SE u Monsanto Europe S.A./N.V. ressqu b'mod konġunt applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni mogħtija skont id-Deċiżjoni 2007/692/KE;

D.  billi fis-26 ta' Ottubru 2017, l-EFSA adottat opinjoni favorevoli, skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fis-16 ta' Novembru 2017(7) ("EFSA 2017");

E.  billi l-ambitu tal-applikazzjoni għat-tiġdid jirrigwarda l-ikel u għalf prodotti mill-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1, jew ikel li jkun fih ingredjenti prodotti minnha, għall-importazzjoni u l-ipproċessar(8); billi eżempji ta' dawn il-prodotti jinkludu z-zokkor, il-ġulepp, il-polpa mnixxfa u l-melassa, li lkoll huma derivati mill-għerq tal-pitrava zokkrija; billi l-polpa u l-melassa jintużaw, fost oħrajn, bħala għalf(9);

F.  billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jiddikjara li ikel jew għalf ġenetikament modifikat ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent u li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħrajn li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha;

G.  billi, matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur kemm għall-EFSA 2006(10) u għall-EFSA 2017(11), l-Istati Membri ressqu ħafna kummenti kritiċi; billi l-Istati Membri kkritikaw, fost affarijiet oħra, il-fatt li ma sar l-ebda test b'porzjonijiet ta' għeruq li ta' sikwit jitħalltu mal-melassa u mitmugħa bħala griebeb, li l-istudju ta' tliet ġimgħat dwar il-prestazzjoni tal-għalf fuq in-nagħaġ ma jistax jitqies bħala rappreżentattiv peress li mhuwiex ċar jekk ġewx evalwati l-parametri tossikoloġiċi rilevanti, li ma ntgħatat l-ebda evidenza xjentifika li ssostni l-affermazzjoni li "l-esponiment uman għall-proteina huwa negliġibbli", li fir-rigward tal-allerġeniċità, ma saru l-ebda testijiet esperimentali bl-organiżmu ġenetikament modifikat (OĠM) innifsu, li l-istudji li saru bil-proteina iżolata mhumiex prova konvinċenti li mhumiex ta' ħsara, u li l-analiżi tal-kompożizzjoni ma għandhiex data dwar il-fosforu u l-manjeżju rakkomandati mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi;

H.  billi l-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 tesprimi l-proteina CP4 EPSPS li tagħti tolleranza għall-glifosat; billi, bħala konsegwenza, huwa mistenni li l-pjanti tal-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 se jkunu esposti għal dożi ogħla kif ukoll ripetuti ta' glifosat li mhux biss iwasslu għal kwantità akbar ta' residwi fil-ħsad iżda jistgħu wkoll jinfluwenzaw il-kompożizzjoni tal-pjanti u l-karatteristiċi agronomiċi tagħhom;

I.  billi, peress li l-glifosat tipikament jinbexx fuq il-weraq tal-pjanti, huwa jista' jakkumula fl-għeruq minħabba t-trażlokazzjoni tul il-pjanta jew assorbiment mill-ħamrija; billi l-assorbiment tal-glifosat permezz tal-għeruq intwera f'bosta speċijiet ta' għelejjel, inkluż il-pitravi; billi din il-mogħdija ta' esponiment hija sinifikanti minħabba li l-għeruq huma l-kollettur prinċipali tal-glifosat fl-ilma tax-xeba'(12);

J.  billi informazzjoni dwar il-livelli ta' residwi ta' erbiċidi u l-metaboliti tagħhom, kif ukoll dwar id-distribuzzjoni tagħhom fil-pjanta sħiħa, hija essenzjali għal valutazzjoni tar-riskju bir-reqqa ta' pjanti ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċida; billi skont il-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM, il-livelli tar-residwu tal-glifosat ma jaqgħux taħt ir-responsabilità tiegħu; billi r-residwi tal-glifosat fil-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 u kwalunkwe tibdil possibbli fil-kompożizzjoni u l-karatteristiċi agronomiċi tagħha b'riżultat tal-esponiment għall-glifosat ma ġewx ivvalutati mill-EFSA;

K.  billi, b'mod ġenerali, skont il-bord tal-EFSA dwar il-pestiċidi, ma jistgħux isiru konklużjonijiet dwar is-sikurezza ta' residwi mill-bexx ta' għelejjel ġenetikament modifikati b'formazzjonijiet ta' glifosat(13); billi l-addittivi u t-taħlitiet tagħhom użati f'formulazzjonijiet kummerċjali tal-glisofat għall-bexx jistgħu juru tossiċità ogħla minn ingredjenti attivi waħedhom(14); billi l-Unjoni diġà neħħiet mis-suq addittiv magħruf bħala "POE tallowamine" minħabba tħassib dwar it-tossiċità tiegħu; billi addittivi u taħlitiet problematiċi jistgħu, madankollu, xorta waħda jiġu permessi f'pajjiżi fejn tiġi kkultivata l-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 (l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Ġappun);

L.  billi għad hemm dubji dwar il-karċinoġeniċità tal-glifosat; billi, f'Novembru 2015, l-EFSA kkonkludiet li l-glifosat x'aktarx mhuwiex karċinoġeniku, filwaqt li, f'Marzu 2017, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) ikkonkludiet li l-ebda klassifikazzjoni ma kienet ġustifikata; billi, għall-kuntrarju, fl-2015 l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kklassifikat il-glifosat bħala probabbilment karċinoġeniku għall-bnedmin; billi l-Parlament stabbilixxa kumitat speċjali dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-pestiċidi, li se jgħin biex jiġi stabbilit jekk l-EFSA u l-ECHA rrispettawx l-istandards xjentifiċi internazzjonali rilevanti u jekk kienx hemm influwenza mhux dovuta mill-industrija fuq il-konklużjonijiet tal-aġenziji tal-Unjoni dwar il-karċinoġeniċità tal-glifosat;

M.  billi l-Istati Membri bħalissa mhumiex mitluba mill-Kummissjoni biex jivvalutaw ir-residwi tal-glifosat fil-pitrava zokkrija sabiex jiżguraw konformità mal-livelli massimi ta' residwu bħala parti mill-programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta' kontroll għall-2018, l-2019 u l-2020, skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/660(15); billi, bl-istess mod, ir-residwi tal-glisofat fil-pitrava zokkrija mhumiex se jiġu vvalutati mill-Istati Membri biex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta' residwi skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/555(16); billi għalhekk mhuwiex magħruf jekk ir-residwi tal-glifosat fil-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 importata humiex konformi mal-limiti massimi ta' residwi tal-Unjoni;

N.  billi l-EFSA kkonkludiet li bl-eċċezzjoni ta' wieħed, l-użi rappreżentattivi tal-glifosat għall-għelejjel konvenzjonali (jiġifieri għelejjel li mhumiex ġenetikament modifikati) jirrappreżentaw "riskju għall-vertebrati terrestri selvaġġi mhux fil-mira", filwaqt li identifikat ukoll riskju għoli fuq terminu twil għall-mammiferi għal uħud mill-użi ewlenin għall-għelejjel konvenzjonali(17); billi l-ECHA kklassifikat il-glifosat bħala tossiku għall-organiżmi akkwatiċi b'mod li jħalli effetti dejjiema; billi l-impatti negattivi tal-użu tal-glifosat fuq il-bijodiversità u l-ambjent huma dokumentati b'mod wiesa'; billi, pereżempju, studju tal-Istati Uniti tal-2017 sab korrelazzjoni negattiva bejn l-użu tal-glifosat u l-abbundanza ta' friefet adulti tar-razza Monarch, partikolarment f'żoni fejn hemm konċentrazzjoni ta' agrikoltura(18);

O.  billi l-awtorizzazzjoni mill-ġdid tal-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 għat-tqegħid fis-suq se tkompli toħloq domanda għat-tkabbir tagħha f'pajjiżi terzi; billi, kif imsemmi hawn fuq, dożi ogħla u ripetuti ta' erbiċida jintużaw għal pjanti ġenetikament modifikati li jittolleraw l-erbiċida (meta mqabbel ma' pjanti mhux ġenetikament modifikati), peress li dawn ġew iddisinjati speċifikament għal dan l-iskop;

P.  billi l-Unjoni hija firmatarja tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, li skontha l-partijiet għandhom jiżguraw li l-attivitajiet fi ħdan il-ġurisdizzjoni jew il-kontroll tagħhom ma jikkawżawx dannu għall-ambjent ta' Stati oħra jew ta' żoni lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħhom(19); billi d-deċiżjoni dwar jekk tiġix imġedda l-awtorizzazzjoni għall-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 hija fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni;

Q.  billi l-iżvilupp ta' għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għal diversi erbiċidi selettivi huwa prinċipalment dovut għall-evoluzzjoni mgħaġġla ta' ħaxix ħażin reżistenti għall-glifosat f'pajjiżi li kienu jiddependu ħafna fuq għelejjel ġenetikament modifikati; billi fl-2015 fuq livell globali kien hemm mill-inqas 29 speċi ta' ħaxix ħażin reżistenti għall-glifosat(20);

R.  billi fid-19 ta' Marzu, il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali, kif imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ivvota li ma jagħti l-ebda opinjoni;

S.  billi f'diversi okkażjonijiet il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni kellhom jiġu adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-appoġġ tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali, u li r-rinviju tad-dossier lill-Kummissjoni għal deċiżjoni finali, li huwa verament l-eċċezzjoni għall-proċedura b'mod ġenerali, sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati; billi din il-prattika wkoll ġiet ikkundannata mill-President Juncker bħala mhijiex demokratika(21);

T.  billi, fit-28 ta' Ottubru 2015, il-Parlament ċaħad fl-ewwel qari(22) l-proposta leġislattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u talab lill-Kummissjoni tirtiraha u tressaq proposta ġdida;

U.  billi l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tiddikjara li jenħtieġ li l-Kummissjoni, kemm jista' jkun, timxi b'tali mod li topponi kwalunkwe pożizzjoni predominanti li tista' tqum fil-kumitat ta' appell kontra l-idoneità ta' att ta' implimentazzjoni, speċjalment meta dak l-att jikkonċerna kwistjonijiet sensittivi bħalma huma s-saħħa tal-konsumatur, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent;

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni billi mhuwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(23), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati sa ma tiġi riveduta l-proċedura ta' awtorizzazzjoni b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li wriet li mhix adegwata;

5.  Jistieden, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni tirrispetta l-impenji tagħha skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika billi tissospendi l-importazzjonijiet kollha ta' pjanti ġenetikament modifikati li huma tolleranti għall-glifosat;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizza l-ebda pjanta ġenetikament modifikata tolleranti għall-erbiċida mingħajr valutazzjoni sħiħa tar-residwi minn bexx b'erbiċidi komplementari u l-formulazzjonijiet kummerċjali tagħhom kif applikati fil-pajjiżi ta' kultivazzjoni;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra bis-sħiħ il-valutazzjoni tar-riskju tal-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari u r-residwi tagħhom fil-valutazzjoni tar-riskju tal-pjanti ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċida, irrispettivament minn jekk il-pjanta ġenetikament modifikata tkunx maħsuba għall-kultivazzjoni fl-Unjoni jew għall-importazzjoni għall-ikel u l-għalf;

8.  Itenni l-impenn tiegħu li jmexxi 'l quddiem il-ħidma dwar il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 sabiex jiżgura li, fost oħrajn, jekk il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali ma jagħti l-ebda opinjoni fir-rigward tal-approvazzjoni tal-OĠM, kemm jekk għall-kultivazzjoni kif ukoll għall-ikel u l-għalf, il-Kummissjoni tirtira l-proposta; jistieden lill-Kunsill imexxi 'l quddiem il-ħidma tiegħu fuq l-istess proposta tal-Kummissjoni bħala kwistjoni ta' urġenza;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/5065
(4)—————————————————————— - Riżoluzzjoni tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani (ĠU C 482, 23.12.2016, p. 110).Riżoluzzjoni tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (ĠU C 399, 24.11.2017, p. 71).Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87705 × MON 89788 (ĠU C 35, 31.1.2018, p. 19).Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikamenta MON 87708 × MON 89788 (ĠU C 35, 31.1.2018, p. 17).Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikamenta FG72 (MST-FGØ72-2) (ĠU C 35, 31.1.2018, p. 15).Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta minn dawk l-eventi (ĠU C 86, 6.3.2018, p. 108).Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla mmodifikata ġenetikament (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4)) (ĠU C 86, 6.3.2018, p. 111).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (Testi adottati, P8_TA(2016)0388).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (Testi adottati, P8_TA(2016)0389).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (Testi adottati, P8_TA(2016)0386).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (Testi adottati, P8_TA(2016)0387).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (Testi adottati, P8_TA(2016)0390).Riżoluzzjoni tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122× MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-events Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (Testi adottati, P8_TA(2017)0123).Riżoluzzjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0215).Riżoluzzjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB119 (BCS-GHØØ5-8) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P8_TA(2017)0214).Riżoluzzjoni tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-68416-4, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0341).Riżoluzzjoni tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata FG72 × A5547-127, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0377).Riżoluzzjoni tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-44406-6, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0378).Riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0396).Riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 x 40-3-2 (DP-3Ø5423-1 × MON-Ø4Ø32-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0397).Riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-kolza ġenetikament modifikata MON 88302 x Ms8 x Rf3 (MON-883Ø2-9 × ACSBNØØ5-8× ACS-BNØØ3-6), MON 88302 x Ms8 (MON-883Ø2-9 × ACSBNØØ5-8) u MON 88302 x Rf3 (MON-883Ø2-9 × ACS-BNØØ3-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (Testi adottati, P8_TA(2017)0398).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Marzu 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 59122 (DAS-59122-7) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2018)0051).Riżoluzzjoni tal-1 ta' Marzu 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × NK603 (MON-87427-7 × MON-89Ø34-3 × MON-ØØ6Ø3-6) u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn mill-eventi MON 87427, MON 89034 u NK603 u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/420/UE (Testi adottati, P8_TA(2018)0052).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/692/KE tal-24 ta' Ottubru 2007 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' ikel u għalf prodotti mill-pitravi ħelu ġenetikament modifikat H7-1 (KM-ØØØH71-4) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 283, 27.10.2007, p. 69).
(6) http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/431
(7) http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/5065
(8) EFSA 2017, p. 3: http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/5065
(9) EFSA 2006, p. 1 u p.  7: http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/431
(10) Anness G – kummenti tal-Istati Membri: http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2004-164
(11) Anness E – kummenti tal-Istati Membri: http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2017-00026
(12) https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC5606642/
(13) Konklużjoni tal-EFSA dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva glifosat. Journal tal-EFSA 2015, 13 (11): 4302: http://onlinelibrary.wiley.com/doi/10.2903/j.efsa.2015.4302/epdf
(14) https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC3955666
(15) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/660 tas-6 ta’ April 2017 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta' kontroll għall-2018, l-2019 u l-2020 biex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi fi u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jiġi vvalutat l-esponiment tal-konsumatur għalihom (ĠU L 94, 7.4.2017, p. 12).
(16) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/555 tad-9 ta' April 2018 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta' kontroll għall-2019, l-2020 u l-2021 biex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi fi u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jiġi vvalutat l-esponiment tal-konsumatur għalihom (ĠU L 92, 10.4.2018, p. 6).
(17) https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2015.4302
(18) https://onlinelibrary.wiley.com/doi/abs/10.1111/ecog.02719
(19) Il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, l-Artikolu 3: https://www.cbd.int/convention/articles/default.shtml?a=cbd-03
(20) https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC5606642/
(21) Pereżempju, fid-dikjarazzjoni inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, il-15 ta' Lulju 2014), jew fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 (Strasburgu, l-14 ta' Settembru 2016).
(22) ĠU C 355, 20.10.2017, p. 165.
(23) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.


Rapport annwali dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-2016
PDF 215kWORD 74k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar ir-rapport annwali dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI għall-2016 (2017/2190(INI))
P8_TA(2018)0198A8-0139/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività 2016 tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finanzjarju 2016 u r-Rapport Statistiku 2016 tal-BEI,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar is-Sostenibbiltà 2016, ir-Rapport dwar il-Valutazzjoni fuq 3 Pilastri għall-Operazzjonijiet tal-BEI fi ħdan l-UE 2016 u r-Rapport dwar ir-Riżultati barra l-UE tal-Bank Ewropew tal-Investiment 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Kumitat tal-Verifika għas-sena 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività 2016 tal-Grupp tal-BEI ta' Kontra l-Frodi,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Trasparenza tal-BEI fl-2016 u r-Rapport dwar il-Governanza Korporattiva 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività 2016 tal-Uffiċċju tal-Uffiċjal Ewlieni għall-Konformità tal-BEI,

–  wara li kkunsidra l-Pjanijiet Operazzjonali tal-Grupp tal-BEI għall-2015-2017 u għall-2016-2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 174, 175, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Protokoll Nru 5 tiegħu dwar l-Istatut tal-BEI u l-Protokoll Nru 28 dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-BEI – Rapport Annwali 2012(1), tat-30 ta' April 2015 dwar il-BEI – Rapport Annwali 2013(2), tat-28 ta' April 2016 dwar il-BEI – Rapport Annwali 2014(3), u tas-27 ta' April 2017 dwar ir-rapport annwali fuq il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI għall-2015(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011(5) dwar il-mandat estern tal-BEI 2007-2013 u d-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 dwar ''Pjan ta' Investiment għall-Ewropa'' (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Lulju 2015 bit-titolu "Naħdmu flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi: Ir-rwol tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali (NPBs) fl-appoġġ tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2015)0361),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "L-Ewropa tinvesti mill-ġdid, Rendikont tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u l-passi li jmiss" (COM(2016)0359),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 dwar l-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) kif ukoll l-introduzzjoni ta' titjib tekniku għal dan il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (COM(2016)0597, SWD(2016)0297 u SWD(2016)0298),

–  wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-operazzjonijiet tal-BEI tal-funzjonament tal-FEIS ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 2/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-proposta għal regolament biex jiżdied u jiġi estiż il-FEIS,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 19/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz ta' strumenti finanzjarji – tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-perjodu tal-programm 2007-2013",

–  wara li kkunsidra l-awditjar ad hoc ta' Ernst & Young tat-8 ta' Novembru 2016 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/1017 (ir-Regolament dwar il-FEIS),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-fond ta' garanzija tal-Fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi fl-2016, tas-16 ta' Ġunju 2017 (COM(2017)0326 u SWD(2017)0235),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku ta' Settembru 2016, bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Ombudsman Ewropew lill-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment tat-22 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0139/2018),

A.  billi l-BEI huwa l-bank tal-UE kif definit fl-Artikoli 308 u 309 tat-TFUE u huwa l-akbar bank multilaterali u l-akbar mutwanti pubbliku fid-dinja li jopera fi swieq kapitali internazzjonali;

B.  billi l-BEI huwa marbut bit-trattati li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni, il-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-iżvilupp reġjonali tal-UE permezz ta' strumenti ta' investiment iddedikati, bħal self, ekwitajiet, garanziji, faċilitajiet tal-kondiviżjoni tar-riskju u servizzi ta' konsulenza;

C.  billi l-isfidi ta' sostenibbiltà qegħdin jiżdiedu, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li għandha tiġi applikata f'għadd ta' riżultati tanġibbli tal-BEI;

D.  billi l-BEI jiżvolġi rwol kruċjali fl-implimentazzjoni ta' għadd dejjem ikbar ta' strumenti finanzjarji li jiddependu fuq il-fondi baġitarji tal-UE;

E.  billi l-investiment fl-innovazzjoni u l-ħiliet huwa kruċjali għall-iżvilupp tal-ekonomija tal-għarfien tal-Ewropa u għall-kisba tal-miri tal-Ewropa 2020;

F.  billi l-kompitu ewlieni tal-BEI huwa li jikkontribwixxu għal żvilupp bilanċjat u kontinwu tas-suq intern permezz tal-finanzjament ta' proġetti għal reġjuni anqas żviluppati u ta' proġetti li ma jistgħux jiġu ffinanzjati kompletament mill-Istati Membri individwali, skont l-Artikolu 309 tat-TFUE;

G.  billi l-infrastruttura moderna u sostenibbli għandha rwol kruċjali biex tiġġieled t-tibdil fil-klima u biex tgħaqqad is-swieq interni u l-ekonomiji Ewropej; billi kull investiment relatat li jingħata mill-BEI għandu jiżgura li l-UE jkollha l-infrastruttura sostenibbli, effiċjenti, ekoloġika u integrata sew, li hija teħtieġ biex toħloq "Ewropa SMART", u jappoġġa tkabbir verament sostenibbli u inklużiv fuq terminu twil;

H.  billi l-BEI huwa l-bank ta' referenza li għandu l-għan li jrawwem it-tkabbir ta' start-ups u ta' intrapriżi innovattivi;

I.  billi s-self tal-BEI għall-azzjoni klimatika għandu jappoġġa t-tranżizzjoni lejn ekonomija mingħajr karbonju, ekoloġika u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, jiġifieri permezz ta' proġetti li jippromwovu l-użu effiċjenti tar-riżorsi naturali, tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

J.  billi l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa għandu tliet pilastri: il-mobilizzazzjoni tal-finanzjament għall-investiment; l-iżgurar li l-investiment jilħaq l-ekonomija reali; u t-titjib tal-ambjent tal-investiment fl-Unjoni;

K.  billi l-investimenti tal-BEI għandhom mhux biss ikunu operazzjonijiet bankabbli, iżda wkoll li jirrispondu għall-kriterji ta' sostenibbiltà u standards ta' governanza, skont ir-rekwiżit tat-Trattat ta' operazzjoni fuq bażi mingħajr skop ta' qligħ fl-interess tal-Unjoni;

L.  billi l-politika ta' trasparenza żviluppata fi ħdan il-BEI hija kkontestata min-natura doppja tiegħu bħala korp pubbliku – il-bank tal-UE – u bħala bank kummerċjali li jamministra u jżomm informazzjoni dwar il-klijenti tal-BEI;

M.  billi l-BEI għandu jżomm il-klassifikazzjoni tal-kreditu triple-A, li hija assi fundamentali tal-mudell ta' negozju tiegħu li jiġbor fondi u jislef b'rati attraenti kif ukoll portafolli tal-assi b'saħħithom;

N.  billi filwaqt li l-BEI - min-natura tiegħu stess - jeħtieġ xi kultant jinvolvi lilu nnifsu ma' intrapriżi privati mmexxija mill-profitt, ir-rwol primarju tiegħu huwa li jservi l-interessi taċ-ċittadini tal-UE qabel l-interessi ta' kwalunkwe intrapriża privata, kumpanija jew korporazzjoni;

Promozzjoni ta' attivitajiet finanzjarjament sostenibbli għal impatt sod fit-tul mill-investimenti tal-BEI

1.  Jinnota li l-finanzjament totali tal-Grupp tal-BEI jammonta għal EUR 83,8 biljun għall-2016, li mmobilizza EUR 280 biljun ta' investiment totali f'dik is-sena;

2.  Jieħu nota tal-ġabra ta' rapporti annwali tal-BEI għall-2016 li jippreżentaw id-diversi attivitajiet ta' investiment u l-impatti mistennija tagħhom; Itenni t-talba tiegħu li l-BEI jippreżenta rapport ta' attività annwali aktar komprensiv, dettaljat u armonizzat u jtejjeb b'mod sinifikanti l-preżentazzjoni tal-informazzjoni billi jinkludi tqassim dettaljat u affidabbli tal-investimenti approvati, iffirmati u mħallsa għal sena partikolari u s-sorsi ta' finanzjarji involuti (riżorsi proprji, FEIS, programmi tal-UE ġestiti b’mod ċentrali, eċċ), kif ukoll informazzjoni dwar il-benefiċjarji (l-Istati Membri, is-settur pubbliku jew privat, intermedjarji jew riċevituri diretti), is-setturi appoġġati, u r-riżultati ta' evalwazzjonijiet ex post;

3.  Jistieden lill-BEI biex ikompli bl-isforzi tiegħu f'din id-direzzjoni, billi jipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika b'informazzjoni kompluta u eżawrjenti dwar l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali konkreti u li nkisbu, u dwar il-valur miżjud u r-riżultati miksuba tal-operazzjonijiet tiegħu fl-Istati Membri u barra mill-UE, fil-forma ta' rapporti 3PA u ReM rispettivament; jenfasizza l-importanza li għal kull proġett titwettaq evalwazzjoni indipendenti ex-ante u ex-post; jistieden lill-BEI biex jipprovdi eżempji dettaljati ta' valur miżjud transnazzjonali fir-rappurtar tiegħu dwar l-impatt tal-investiment, kif ukoll indikaturi ewlenin ta' suċċessi settorjali u intersettorjali; jistieden lill-BEI biex jibgħat ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet ex post lill-Parlament;

4.  Ifakkar li l-attivitajiet li jibbenefikaw mill-appoġġ tal-BEI jridu jkunu konformi mal-kompitu ewlieni tal-Bank skont it-TFUE, mal-prinċipji tal-għanijiet tal-politika tal-UE, kif deskritti fl-istrateġija Ewropa 2020 u fil-ftehim tal-COP 21; jissottolinja, għalhekk, li l-missjoni tal-BEI hija li jagħti l-ħajja mill-ġdid lill-ekonomija Ewropea sabiex tistimola impjiegi ta' kwalità u tappoġġa tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli fl-Unjoni, kif ukoll koeżjoni akbar li hija neċessarja għat-treġġigħ lura ta' ċerti inugwaljanzi li qed jiżdiedu kemm ġewwa l-Istati Membri kif ukoll bejniethom; jittama, għal dan il-għan, li kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn il-BEI, il-Kummissjoni u l-Istati Membri tista' tinkiseb sabiex jittejbu l-ippjanar u d-definizzjoni ta' objettivi li jwasslu għal prijoritizzazzjoni mill-ġdid tal-finanzjament;

5.  Jissottolinja l-fatt li minħabba l-impatt u l-importanza tagħhom għall-ekonomiji kemm lokali kif ukoll nazzjonali, l-investiment fl-SMEs, fi start-ups, fir-riċerka, fl-innovazzjoni, fl-ekonomija diġitali u fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija huwa essenzjali għall-irkupru ekonomiku fl-UE u għall-promozzjoni tal-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità;

6.  Jirrimarka l-ħtieġa rikorrenti li l-BEI jikkontribwixxi biex jitnaqqas id-distakk persistenti ta' investiment abbażi ta' kriterji ekonomiċi sodi; jenfasizza li l-valutazzjoni ta' proġetti ffinanzjati għandha tikkunsidra wkoll l-esternalitajiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali (kemm pożittivi kif ukoll negattivi), b'mod speċjali fir-rigward tal-effetti li huma għandhom fuq il-komunitajiet lokali, sabiex jiġi aċċertat jekk il-valur miżjud reali huwiex qiegħed jasal għand iċ-ċittadini tal-UE;

7.  Iqis li l-approvazzjoni ta' proġetti ta' investiment għandhom ikunu bbażati fuq analiżi soda u indipendenti li tivvaluta s-sostenibbiltà finanzjarja u r-riskji assoċjati tal-proġett, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' soċjalizzazzjoni tat-telf u l-privatizzazzjoni tar-redditi meta jkunu involuti r-riżorsi pubbliċi; jenfasizza li l-għoti ta' sussidji pubbliċi għandu jiġi previst biss għat-twettiq ta' missjonijiet ta' interess ġenerali, u fejn is-suq ma jkunx jista' jwassal ir-riżultati neċessarji tal-politika pubblika;

8.  Itenni t-tħassib tal-Parlament rigward id-definizzjoni ta' strateġija bilanċjata b'distribuzzjoni ġeografika dinamika, ġusta u trasparenti tal-proġetti u l-investimenti fost l-Istati Membri, filwaqt li titqies l-enfasi speċjali fuq il-pajjiżi u r-reġjuni inqas żviluppati; josserva li 70 % tas-self totali tal-BEI għall-2015 (EUR 46,8 biljun) huwa kkonċentrat fi ftit pajjiżi bl-aktar swieq finanzjarji żviluppati, li juri li mhux l-Istati Membri jew ir-reġjuni kollha huma kapaċi li jlaħħqu u jibbenefikaw bl-istess mod minn opportunitajiet ta' investiment;

9.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-erba' miri ta' politika pubblika tal-BEI u għaż-żewġ objettivi orizzontali li huma trasversali għal dawn il-miri, jiġifieri l-koeżjoni ekonomika u soċjali, u l-azzjoni klimatika, li jkopru diversi kwistjonijiet, mill-indirizzar tal-iżbilanċi reġjonali għall-għajnuna lil reġjuni dgħajfa biex isiru aktar attraenti kif ukoll għall-iżvilupp ta' ambjent favorevoli li jippromwovi t-tkabbir sostenibbli u inklużiv; itenni, madankollu, it-talba tiegħu lill-BEI biex jistabbilixxi mill-ġdid il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali bħala mira primarja tal-politika pubblika.

10.  Jistieden lill-BEI jikkunsidra, fil-każ ta' proġetti infrastrutturali fuq skala kbira, ir-riskji kollha li x'aktarx ikollhom impatt fuq l-ambjent, u jiffinanzja bħala prijorità lil dawk li jkunu wrew valur miżjud reali għall-ambjent, l-ekonomija jew il-popolazzjoni lokali; jenfasizza l-importanza ta' monitoraġġ strett tar-riskji possibbli ta' korruzzjoni u frodi, u jitlob lill-BEI biex jiffriża kwalunkwe self lil proġetti metainvestigazzjoni uffiċjali tal-OLAF jew nazzjonali tirrikjedi hekk;

11.  Jiddispjaċih li ħafna Stati Membri m'għandhomx il-kapaċità li jimplimentaw strumenti finanzjarji, jużaw is-sħubiji pubbliċi-privati (PPPs) u jiksbu sinerġiji bejn it-tipi differenti ta' finanzjament, fatt li jaffettwa b'mod negattiv il-progress kumplessiv tal-investiment;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ottimizzat l-użu tal-fondi u l-għotjiet tal-UE, minbarra l-approċċ tal-BEI li jagħti assistenza teknika u konsulenza finanzjarja lill-Istati Membri, b'mod li huwa faċilment aċċessibbli, abbażi ta' taħlita ta' self (proġetti ta' self, self intermedjat, mikrofinanzjament, kapital ta' riskju, ekwità u fondi ta' investiment), finanzjament imħallat (finanzjament dirett appoġġat minn sorsi addizzjonali ta' investiment, pereżempju garanziji, bonds tal-proġetti) u pariri (għarfien esperrt finanzjarju u tekniku); jistieden lill-BEI, għalhekk, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, biex jipprovdi aktar assistenza teknika fl-oqsma tas-servizzi ta' konsulenza u servizzi analitiċi, il-ġestjoni tal-proġetti u attivitajiet ta' bini tal-kapaċità lil dawk l-Istati Membri li jirċievu perċentwal baxx ta' finanzjament tal-BEI; ifakkar li strumenti finanzjarji, bħal bonds tal-proġetti, għandhom jiġu vvalutati serjament fir-rigward tal-impatt finanzjarju, soċjali u ambjentali tagħhom, sabiex jiġi evitat li l-piż kollu tar-riskju jinġarr mill-pubbliku;

13.  Jirrikonoxxi li jista' jkun hemm differenzi bejn il-valutazzjoni tal-bank dwar il-fattibilità tal-proġetti u l-valutazzjoni settorjali tradizzjonali li tintuża għall-fondi strutturali; iqis, barra minn hekk, li l-effikaċja ta' interventi għandha tiġi vvalutata abbażi tal-potenzjal u s-sostenibbiltà tal-istrumenti finanzjarji, filwaqt li jitqiesu wkoll ir-riżultati kwantifikabbli li jistgħu jinkisbu;

14.  Jistieden lill-BEI jagħti attenzjoni għall-kosteffikaċja fit-tmexxija tal-attivitajiet operatorji billi jimmonitorja bir-reqqa u jirrapporta l-ispejjeż u t-tariffi amministrattivi, minħabba l-għadd kbir ta' mandati ġestiti mill-BEI; iqis li huwa essenzjali li l-attivitajiet jiġu żviluppati bi spejjeż proporzjonali; jitlob lill-BEI biex jinkludi fir-rappurtar tiegħu informazzjoni eżawrjenti dwar l-istruttura tal-immaniġġjar tal-ispejjeż u t-tariffi (diretti, indiretti u kumulattivi) skont in-natura tal-mandati li qed jiġu mmaniġġjati, id-daqs tal-proġetti u l-istrumenti finanzjarji użati, pereżempju self, garanzija jew ekwità;

15.  Iqis li l-klassifikazzjoni tal-kreditu triple-A bħala assi rilevanti għall-iżvilupp tal-istrateġija ta' investiment u l-prijoritajiet ta' self fuq terminu twil tal-BEI; ifakkar, madankollu, li sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku tal-UE, l-istrumenti u l-interventi tal-BEI – partikolarment dawk ibbażati fuq it-trasferimenti tar-riskju – ma jistgħux ikunu ħielsa mir-riskji;

16.  jinnota li r-Renju Unit issottoskriva 16,1 % tal-kapital tal-BEI, li jammonta għal EUR 3,5 biljun tal-kapital imħallas u EUR 35,7 biljun tal-kapital eżerċitabbli tal-Bank; jitlob lit-tmexxija tal-BEI biex tidentifika u tinforma minnufih lill-Parlament dwar l-impatti tal-Brexit fuq il-BEI, bl-għan li tiġi ppreservata l-kapaċità tal-BEI li jilħaq l-objettivi ta' politika tiegħu;

17.  Jistieden lill-BEI biex, fid-dawl tal-isfida urġenti kkawżata mid-deċiżjoni tar-Renju Unit li jattiva l-Artikolu 50 u filwaqt li jirrikonoxxi li t-termini dettaljati ta' rtirar ma jistgħux jiġu antiċipati, jipprovdi lill-Parlament bi tqassim dettaljat tal-proġetti u l-istadju tal-implimentazzjoni sat-tmiem l-2017, flimkien ma' valutazzjoni preliminari tar-riskji possibbli involuti;

Irfinar tal-monitoraġġ tal-valur miżjud u l-addizzjonalità fi ħdan il-ġestjoni finanzjarja tal-BEI

18.  Jinnota li fl-2016, il-portafoll ta' self, garanziji u investimenti tal-BEI mmobilizza EUR 280 biljun ta' investiment totali; josserva li EUR 67,7 biljun ta' investiment kien relatat mal-approvazzjonijiet tal-FEIS fl-2016, li primarjament kienu ddedikati għal kumpaniji iżgħar (31 %), għas-settur tal-enerġija (22 %), u għar-riċeka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (22 %); jiddispjaċih, madankollu, li parti kbira tal-investimenti tal-portafoll FEIS kienet allokata għal proġetti relatati mal-karburanti fossili; itenni l-ħtieġa għal analiżi u evalwazzjoni profonda dwar l-impatt ambjentali ta' kull proġett;

19.  Iqis li huwa ta' importanza kbira li jissaħħaħ l-impatt u tiġi żgurata l-addizzjonalità; jieħu nota tal-immudellar u tal-impatt stmat tal-attivitajiet tal-BEI, li għandhom jikkontribwixxu għal żieda ta' 1,1 % fit-tkabbir tal-PDG u għall-ħolqien ta' 1,4 miljun impjieg addizzjonali sal-2030; jilqa' l-fatt li 385 000 SME se jibbenefikaw mill-finanzjament tal-FEI u jfakkar li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tal-UE u l-mexxejja tal-impjieg u t-tkabbir sostenibbli; jitlob lill-BEI biex jirrapporta b'mod regolari dwar l-effetti ta' ingranaġġ aġġornati; jifhem, madankollu, li l-ingranaġġ ivarja bejn is-setturi u li proġett b'inqas ingranaġġ mhux neċessarjament jimplika valur miżjud baxx;

20.  Jenfasizza li l-attività tal-BEI, fil-perjodu attwali ta' rkupru kajman, trid tkun diretta bir-reqqa lejn proġetti ta' kwalità għolja li jiżguraw addizzjonalità msaħħa fil-konfront ta' strumenti oħra eżistenti tal-Unjoni u tal-operazzjonijiet ewlenin tal-BEI; jittama, għal dan il-għan, li tista' tinkiseb kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn il-BEI, il-Kummissjoni u l-Istati Membri bil-ħsieb li jkun hemm aktar flessibbiltà fis-suq u titjib tal-infrastrutturi diġitali u tat-trasport, li n-nuqqas tagħhom huwa ta' spiss meqjus bħala ostaklu għall-investiment;

21.  Huwa tal-fehma li għandha tingħata informazzjoni ta' ġestjoni kwalitattiva rilevanti għal kull proġett kopert, abbażi ta' indikaturi ta' monitoraġġ jew ta' addizzjonalità, flimkien mal-esponiment għar-riskju, sabiex tkun tista' ssir valutazzjoni xierqa tal-valur miżjud tagħha, tar-rwol potenzjali tagħha bħala mutur ta' effikaċja, jew il-kontribut tagħha għall-ekonomija tal-UE;

22.  Jistieden lill-BEI biex jippreżenta informazzjoni preċiża f'każ li l-ingranaġġ tal-UE fuq ir-riżorsi pubbliċi jkun f'riskju, dwar l-ingranaġġ minimu u medju li nkiseb u li twassal lill-benefiċjarji jew proġetti, u li turi l-iskala tal-finanzjament privat li jkun ġie attirat; jitlob li jiġi identifikat b'mod ċar is-sehem korrispondenti tal-ingranġġ tal-finanzjament pubbliku u tal-kaptial privat; iqis li hemm riskju li l-effett multiplikatur jiġi ssopravalutat, u li l-objettivi u r-riżultati definiti jkunu sempliċiment projezzjonijiet, li mhumiex ikkonfermati minn statistiċi tanġibbli, preċiżi, ċari u aġġornati;

Il-kisbiet tal-FEIS sa issa

23.  Jinnota li sa tmiem is-sena 2016, il-FEIS kien mistenni li jimmobilizza investimenti totali eliġibbli li jammontaw għal EUR 163,9 biljun; jinnota wkoll, madankollu, li skont il-Pjan Operattiv tal-Grupp tal-BEI għall-2018, il-volum attwali ta' investimenti mobilizzati taħt it-Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni (IIW) u t-Tieqa għall-SMEs (SMEW) fl-2016 kienu jammontaw għal mhux aktar minn EUR 85,5 biljun, li, flimkien ma' EUR 37 biljun għall-2015, jirriżultaw f'total ta' EUR 122,5 biljun f'investimenti mobilizzati mill-FEIS;

24.  Jiddubita jekk il-mira miżjuda ta' EUR 500 biljun tistax tinkiseb fl-implimentazzjoni tal-FEIS 2.0, u jitlob lill-BEI jagħti prova tal-valur miżjud tal-FEIS bħala strument finanzjarju biex jiġi stimulat l-investiment privat;

25.  Ifakkar li l-ħsieb sottostanti tal-FEIS, li huwa appoġġat mill-baġit tal-UE, b'differenza għal strumenti ta' finanzjament attwali oħra tal-BEI, huwa li jipprovdi addizzjonalità billi jidentifika setturi verament addizzjonali u innovattivi li huma orjentati lejn il-futur u proġetti b'riskju ogħla flimkien ma' kontropartijiet ġodda mis-settur privat;

26.  Josserva li l-komplementarjetà bejn id-diversi pilastri tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa għadha fil-bidu; jirrikonoxxi li filwaqt li l-Grupp tal-BEI għandu grad għoli ta' influwenza fuq iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (EIAH) taħt il-Pilastru 2, il-Grupp għandu influwenza limitata ħafna fuq il-bqija tal-Pilastru 2 (jiġi żgurat li l-investiment finanzjarju jasal fl-ekonomija reali) jew fuq il-Pilastru 3 (jitjieb l-ambjent tal-investiment - riforma regolatorja);

27.  Jenfasizza l-importanza tal-kriterji tal-addizzjonalità, li jfissru l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-operazzjonijiet li huma eliġibbli biss għall-appoġġ mill-FEIS meta jiġu indirizzati fallimenti tas-suq identifikati b'mod ċar jew sitwazzjonijiet subottimali ta' investiment, u li ma setgħux jitwettqu sal-istess punt jew fl-istess qafas ta' żmien mingħajr il-FEIS; jitlob li l-Grupp tal-BEI għandu jieħu vantaġġ sħiħ mill-kapaċità tiegħu ta' rfigħ tar-riskji sabiex jintgħażlu intrapriżi innovattivi, iżda fl-istess ħin juri l-potenzjal li joħloq valur miżjud ġenwin, pereżempju fil-forma ta' impjiegi stabbli u ta' kwalità;

28.  Ifakkar li l-valutazzjoni tal-addizzjonalità tal-proġetti kollha appoġġati mill-FEIS għandha tkun iddokumentata kif xieraq; jiddispjaċih li t-tabelli ta' valutazzjoni għall-operazzjonijiet approvati mhumiex ippubblikati taħt il-FEIS 1.0; ifakkar li dan in-nuqqas ta' pubblikazzjoni joħloq kemm kwistjonijiet ta' responsabbiltà kif ukoll ta' trasparenza; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza fir-rigward tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Indikaturi tal-FEIS, li hija meħtieġa wkoll minħabba l-ħtieġa li l-Kumitat ta' Investiment tal-FEIS għandu jinżamm responsabbli, u għalhekk jinnota b'mod pożittiv li t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Indikaturi ser issir pubblika taħt il-FEIS 2.0; jenfasizza wkoll il-bżonn li tingħata definizzjoni aktar ċara tal-prinċipju ta' addizzjonalità fir-rigward tal-attivitajiet b'riskju ogħla minn dak tal-operazzjonijiet standard tal-BEI, sabiex ikunu żgurati aktar koerenza u trasparenza fl-għażla tal-proġetti;

29.  Jistieden lill-BEI biex jipprovdi informazzjoni ta' ġestjoni kwalitattiva kompluta u rilevanti dwar l-implimentazzjoni tal-objettivi ddikjarati tal-FEIS, li turi l-addizzjonalità u l-impatt effikaċi meta mqabbla mal-valuri referenzjarji;

30.  Jistieden lill-Bank biex jixħet dawl fuq il-proġetti tal-FEIS li potenzjalment jinkludu installazzjonijiet infrastrutturali b'impatt ambjentali serju u addizzjonalità dubjuża, bħall-bijoraffineriji, l-impjanti għall-produzzjoni tal-azzar, il-faċilitajiet ta' rigassifikazzjoni u ta' ħżin tal-gass u l-awtostradi; jistieden lill-Bank biex jikkunsidra bis-serjetà d-dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet lokali, il-komunitajiet tal-partijiet ikkonċernati u l-gruppi tas-soċjetà ċivili skont il-proċeduri ta' diliġenza dovuta tiegħu; jistieden lill-BEI biex, b'referenza għall-prinċipju ta' prekawzjoni, jiffriża, u jekk ikun meħtieġ, jirtira l-finanzjament kull fejn ikun hemm kwalunkwe prova xjentifika jew riskju serju ta' ksur fil-qasam ambjentali u danni għas-soċjetà jew għall-komunitajiet lokali;

31.  Jinsisti, għal finijiet ta' responsabbiltà, fuq l-iżvilupp ta' investimenti mmexxija mir-riżultati, li jridu jiġu vvalutati regolarment mill-Kumitat tal-Investiment permezz tat-tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi, bl-għan li jiġu identifikati proġetti mmirati sew f'termini tal-effikaċja tal-impatt makroekonimku tagħhom jew tal-effett ta' stimolu tagħhom fuq it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi; jappella sabiex ikun hemm stampa oġġettiva tal-addizzjonalità u tal-valur miżjud ta' dawn il-proġetti, kif ukoll tal-koerenza tagħhom mal-politiki tal-Unjoni jew ma' operazzjonijiet klassiċi oħrajn tal-BEI;

32.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li 20 % biss tal-finanzjament tal-FEIS appoġġaw proġetti li jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, filwaqt li l-portafoll standard tal-BEI laħaq il-limitu ta' 25 %; jistieden lill-BEI biex jiżgura li l-ogħla standards tiegħu jiġu rrispettati fiċ-ċirkostanzi kollha, bl-għan li jipproteġi l-ambjent u jilħaq il-kriterji tal-COP 21;

33.  Huwa mħasseb li, fi tmiem l-2016, l-investimenti tal-FEIS fl-infrastruttura soċjali (kapital uman, il-kultura u s-saħħa) ammontaw għal 4 % biss (inqas minn EUR 900 miljun), li huwa l-inqas settur appoġġjat mill-FEIS inġenerali u fi ħdan iż-żewġ twieqi individwali (IIW u l-SMEs); jenfasizza li hemm ħtieġa ċara u urġenti biex jiżdiedu b'mod sinifikanti s-sehem u l-volum ta' dawn l-investimenti;

34.  Jiddispjaċih li s-servizzi ta' appoġġ eżistenti mhumiex preżenti lokalment f'kull Stat Membru biex jindirizzaw id-dgħufijiet tal-kapaċità; Jemmen li għandha tingħata kjarifika adegwata jew gwida strateġika għall-atturi lokali u reġjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-pożizzjonament tal-FEIS u l-possibbiltà li jiġi kkombinat ma' fondi oħra tal-Unjoni jew tal-BEI; jinnota li l-kooperazzjoni bejn il-FEIS u sorsi oħra ta' finanzjament tal-UE (COSME, Orizzont 2020) għandha tittejjeb sabiex jiġu offruti sinerġiji aħjar; jirrimarka li l-FEIS ma għandux jitqies sempliċiment bħala sors finanzjarju addizzjonali, u li għandha tingħata attenzjoni dovuta sabiex jiġu evitati l-immirar doppju jew il-finanzjament doppju;

35.  Jieħu nota taż-żieda fil-volum tal-attivitajiet speċjali tal-BEI li jirriżultaw wara l-ewwel sena u nofs tal-FEIS; jemmen li l-attivitajiet speċjali tal-BEI appoġġati mill-FEIS iridu jipprovdu addizzjonalità meta mqabbla ma' strumenti finanzjarji oħra tal-BEI, FEI jew tal-Unjoni;

36.  Iħeġġeġ titjib fit-trasparenza tal-proċess tal-għażla tal-operazzjonijiet u l-iżvelar tal-informazzjoni operattiva kollha dwar l-operazzjonijiet iffirmati permezz tat-tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi, kif ukoll ir-responsabbiltà tal-operazzjonijiet;

37.  Jitlob li l-arranġamenti ta' governanza jiġu allinjati sabiex jiġu definiti aħjar ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-BEI, tkun żgurata l-indipendenza, u jiġu evitati l-kunflitti ta' interess tal-atturi diversi li jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, speċjalment il-membri tal-Kumitat tal-Investiment tal-FEIS;

38.  Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda tal-kontabbiltà tal-FEIS 2.0 lill-Parlament Ewropew (inkluż permezz ta' rapporti regolari u ta' rappreżentant tal-PE fuq il-Bord ta' Tmexxija tal-FEIS), kif ukoll it-trasparenza akbar tat-Tabella ta' Valutazzjoni ta' Indikaturi tal-FEIS; jistenna, għaldaqstant, l-implimentazzjoni tal-pubblikazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-proġetti taħt it-Tabella ta' Valutazzjoni ta' Indikaturi tal-FEIS, skont ir-regolament FEIS 2.0, sabiex jiġi żgurat li fondi baġitarji tal-UE jintużaw biss bħala garanzija għal proġetti li n-natura tagħhom tiġġustifika appoġġ pubbliku addizzjonali simili; jiddispjaċih, madankollu, dwar il-fatt li l-proposta għall-estensjoni tal-FEIS ma kinitx akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt kif previst mil-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar u minn evalwazzjoni ex ante kif meħtieġ skont l-Artikoli 30 u 140 tar-Regolament Finanzjarju għall-programmi ta' nfiq u l-istrumenti finanzjarji;

39.  Jirrakkomanda li r-rapporti annwali jindikaw kif il-BEI ikun integra r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, peress li din hija prattika tal-kontabbiltà li għandha tiġi formalizzata;

Immappjar tal-effetti ta' lieva għat-tibdil u l-ħolqien tal-valur fl-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-politika pubblika tal-UE

40.  Jieħu nota tar-rapport dwar l-operazzjonijiet tal-BEI fl-UE fl-2016, fejn hemm deskritt il-finanzjament li pprovda f'erba' oqsma fundamentali ta' politika pubblika, jiġifieri l-Innovazzjoni u l-Ħiliet (19.6 % tal-firem tal-BEI fl-2016 – EUR 13,1 biljun), il-finanzjament għall-SMEs u l-finanzjament b'kapitalizzazzjoni medja (31,7 % –EUR 21,3 biljun), l-Infrastruttura (27,1 % – EUR 18,1 biljun) u l-Ambjent (21,6 % –EUR 14,5 biljun);

41.  Jiddispjaċih li fir-rapport dwar l-operazzjonijiet tal-BEI ma hemm l-ebda informazzjoni strutturata fl-UE fl-2016, dwar waħda mill-politiki trasversali tal-Bank, jiġifieri l-koeżjoni ekonomika u soċjali; jesprimi t-tħassib tiegħu li għat-tieni sena fl-2016 l-BEI ma laħaqx il-livell previst ta' 30 % f'investimenti għall-koeżjoni (26,8 % fl-2016 u 25.2 % fl-2015 milħuqa ġewwa l-UE);

42.  Jenfasizza l-ħtieġa li fir-rapporti annwali tal-BEI tiġi inkluża analiżi iktar dettaljata tal-ħtiġijiet ta' investiment skont kull settur fl-UE, u dan sabiex ikun jista' jiġi identifikat kwalunkwe qasam li fih l-investiment huwa anqas minn dak li huwa meħtieġ biex jitwettqu l-prijoritajiet tal-UE; jemmen li l-BEI għandu jevalwa l-kapaċità tal-istrumenti ta' investiment tiegħu sabiex jingħelbu dawn l-iżbilanċi;

43.  Huwa tal-fehma li tista' tinkiseb żieda fl-attività ta' self tal-BEI permezz ta' allokazzjoni aktar effiċjenti u strateġiku tar-riżorsi, li tiffoka fuq proġetti ta' investiment produttiv u sostenibbli li jkollhom valur miżjud ippruvat kif ukoll sinerġiji aħjar ma' fondi pubbliċi, bil-għan li tingħata spinta lill-investiment pubbliku u tiġi stimulata d-domanda interna; jenfasizza li din iż-żieda għandha tkun akkumpanjata minn diversifikazzjoni korrispondenti tal-firxa tal-prodott tal-BEI, inkluż b'użu aktar effiċjenti u trasparenti, ta' sħubijiet pubbliċi-privati - filwaqt li l-benefiċċji pubbliċi u privati jinżammu f'bilanċ - u permezz ta' soluzzjonijiet innovattivi oħra, sabiex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet tal-ekonomija reali;

44.  Jiġbed l-attenzjoni għall-għadd kbir ta' sejħiet lill-BEI biex jikkatalizza u jiffaċilita t-tixrid tal-aħjar prattika fl-Istati Membri kollha, b'mod partikolari permezz tal-banek, il-pjattaformi ta' investiment u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali rilevanti li jikkostitwixxu għodda maġġuri għal rispons ikkoordinat mill-UE għal-livell baxx ta' investiment;

45.  Jiddispaċih li l-investimenti soċali ammontaw għal inqas minn 6 % tal-portafoll annwali tal-BEI; jissottolinja li l-koeżjoni soċjali hija objettiv ta' prijorità orizzontali ewlenija tal-BEI, u jinsisti li l-Bank għandu jqis l-ħtieġa li jnaqqas l-inugwaljanzi u d-differenzi fi ħdan l-UE u jinvesti fis-settur soċjali u fuq skala ġeografika usa';

L-appoġġ għall-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja

46.  Jirrikonoxxi li l-andament ta' żvilupp ta' aktar strumenti finanzjarji għas-sostenn tal-SMEs, meta mqabbel ma' għotjiet klassiċi, jirrappreżenta sfida politika kif ukoll bidla f'termini ta' monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet, ta' ġestjoni tal-fondi u l-livell jew il-veloċità ta' żborżamenti lill-SMEs; jirrimarka li l-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja jaqdu rwol kruċjali fl-ekonomija Ewropea billi jiġġeneraw impjiegi u ġid kif ukoll fil-promozzjoni tal-innovazzjoni; jissottolinja li l-SMEs jirrappreżentaw 'il fuq minn 90 % tan-negozji fl-UE u jimpjegaw żewġ terzi tal-popolazzjoni attiva li taħdem, u li, għalhekk, l-appoġġ għall-aċċess għall-finanzjamentgħall-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja għandhom jibqgħu prijorità importanti tal-BEI; ifakkar li l-BEI għandu jkun waħda mill-istituzzjonijiet li tgħin fit-tnaqqis tad-diskrepanza fil-finanzjament iffaċċjata mill-SMEs;

47.  Josserva li l-appoġġ tal-BEI għall-SMEs ammonta għal madwar 33,6 % tal-finanzjament tiegħu fl-2016 permezz tal-Fond Ewropew għall-Investiment, li mmobilizza EUR 36,2 biljun ta' investiment permezz ta' intermedjarji finanzjarji, bil-għan li jinżammu 3,8 miljun impjieg;

48.  Jinnota t-twessigħ tal-firxa tal-prodotti ta' InnovFin hekk kif ġew stabbiliti żewġ faċilitajiet ta' finanzjament ġodda, immirati lejn proġetti ta' dimostrazzjoni fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli u l-mard li jittieħed; jilqa' l-operazzjoni ġdida ta' EUR 140 miljun li tinvolvi pjattaforma ta' self bejn il-pari li se tqarreb l-investituri lejn SMEs li qegħdin ifittxu finanzjament;

49.  Jistieden lill-BEI jaħdem aktar mill-qrib mal-intermedjarji finanzjarji tiegħu fl-Istati Membri sabiex ixerrdu informazzjoni rilevanti lill-benefiċjarji potenzjali bil-għan li jiġi stabbilit ambjent favorevoli għall-imprendituri li jippermetti aċċess aktar faċli tal-SMEs għall-finanzjament; jenfasizza l-importanza tal-BEI biex jiġu ffaċilitati s-sħubijiet u biex jisaħħu l-istrumenti ta' appoġġ għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju u għal negozji innovattivi ġodda; jistieden ukoll lill-BEI jikkoopera aktar mill-qrib mal-istituzzjonijiet pubbliċi reġjonali bil-għan li jottimizza l-possibbiltajiet ta' finanzjament għall-SMEs;

50.  Jenfasizza li l-BEI jeħtieġ ikompli jiżviluppa l-kultura tar-riskju tiegħu sabiex itejjeb l-effikaċja tiegħu u l-komplementarjetà bejn l-interventi tiegħu u d-diversi politiki tal-UE, speċjalment f'reġjuni ekonomikament żvantaġġati jew reġjuni li m'għandhomx stabbiltà, f'konformità mal-objettiv rikorrenti u fit-tul ta' aċċess aktar faċli għall-finanzjament għall-SMEs, iżda mingħajr ma jiġu kompromessi l-prinċipji ta' ġestjoni tajba;

51.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitfasslu programmi ta' investiment apposta għal proġetti fuq skala żgħira sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-SMEs; jemmen li l-BEI għandu jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-diskrepanzi possibbli fil-finanzjament għal mikrointrapriżi, permezz ta' użu akbar ta' strumenti u prodotti finanzjarji bħal faċilitajiet u garanziji ta' mikrofinanzjament;

52.  Jenfasizza li l-aċċess għall-finanzjament u l-internalizzazzjoni huma ostakli importanti li jaffaċċjaw l-SMEs; jissottolinja li l-SMEs jirrappreżentaw il-pedament tal-ekonomija Ewropea; jemmen li minkejja l-fatt li l-BEI ħa t-triq it-tajba, irid jagħmel sforz akbar biex jiżgura li l-SMEs ikollhom aċċess aktar faċli u aktar effettiv għall-finanzjament sabiex ikunu jistgħu jiġu integrati fil-katini ta' valur mondjali; iqis li l-BEI jrid jkollu l-appoġġ tal-intrapriżi tal-UE li jridu joperaw lil hinn minn pajjiżhom, inkluż permezz tal-Faċilità ta' Finanzjament tal-Kummerċ;

Innovazzjoni u ħiliet

53.  Jissottolinja li l-investiment fl-innovazzjoni u l-ħiliet huwa kruċjali għall-iżvilupp tal-ekonomija tal-għarfien tal-Ewropa, kif ukoll għall-kisba tal-miri ta' Ewropa 2020, inkluż 3 % tal-Prodott Gross Domestiku minfuq fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp; jittama b'mod partikolari li l-BEI, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Istati Membri, ser jiffinanzja proġetti li jistgħu jiggarantixxu li kopru, f'terminu qasir sa dak medju, in-nuqqas ta' ħaddiema kwalifikati, li jirrappreżentaw ostakolu b'saħħtu għall-investiment;

54.  Jinnota li s-self totali għal proġetti innovattivi fl-2016 tela' għal EUR 13,5 biljun, li minnhom EUR 12,2 biljun kienu jikkonċernaw l-ewwel firem, filwaqt li l-ispejjeż totali tal-proġett korrispondenti għal operazzjonijiet ġodda kienu ta' EUR 50,2 biljun;

55.  Iħeġġeġ lill-BEI jiżgura l-appoġġ tiegħu għal kumpaniji innovattivi fl-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, proċessi u servizzi ġodda tagħhom, peress li dawn jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu għajnuna finanzjarja minn banek kummerċjali; jisħaq fuq ir-rwol tal-BEI biex jgħin fit-tlestija tan-netwerk diġitali tal-Ewropa (eż. broadband veloċi) u l-ħolqien ta' suq uniku diġitali, inklużi servizzi diġitali; iħeġġeġ lill-BEI jiżviluppa inċentivi mmirati lejn il-promozzjoni tal-investiment tas-settur pubbliku u privat fir-Riċerka u l-Iżvilupp fl-oqsma tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, ix-xjenzi tal-ħajja, l-ikel, l-agrikoltura sostenibbli, il-foresterija u teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju;

56.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni ta' programm ta' self għall-ekonomija tal-għarfien fil-qasam edukattiv, li wassal għall-estensjoni ta' finanzjament lil hinn minn inizjattivi maħsuba għaż-żgħażagħ sabiex jiġi nkluż it-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja għall-gruppi tal-etajiet kollha;

Investimenti fl-infrastruttura

57.  Iqis li din għandha tkun kwistjoni ta' prijorità għall-Unjoni biex jiġu implimentati proġetti b'valur miżjud Ewropew ġenwin; jinsab konvint li ekonomija innovattiva u effettiva teħtieġ sistema tat-trasport u infrastruttura avvanzata, qrib l-ambjent u ta' kwalità għolja, u li dawn għandhom ikunu fost il-prijoritajiet tal-Unjoni, b'enfasi speċjali fuq soluzzjonijiet innovattivi tal-infrastruttura multimodali tat-trasport f'żoni skarsament popolati;

58.  Jistieden lill-BEI jagħti attenzjoni akbar lill-implimentazzjoni ta' proġetti ta' infrastruttura, speċjalment fir-reġjuni l-aktar dgħajfa, sabiex jiġi evitat tnaqqis fir-ritmu tal-konverġenza ekonomika; jitlob, għalhekk, għal riflessjoni fil-livell tal-UE dwar il-finanzjament pubbliku għal miżuri, anki ta' natura proviżorja, li tista' twassal għal irkupru reali tal-investiment pubbliku fl-infrastrutturi;

59.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' politika ta' investiment Ewropea biex tingħata attenzjoni akbar lill-kwistjonijiet orizzontali, b'mod partikolari fir-rigward ta' mezzi u servizzi futuri ta' trasport sostenibbli, li se jirrikjedu l-iżvilupp koerenti u simultanju ta' enerġija alternattiva u ta' networks tat-telekomunikazzjonijiet; jisħaq, għalhekk, fuq ir-rwol kruċjali tal-BEI fl-għoti ta' finanzjament fit-tul li huwa meħtieġ għal dawn it-tipi ta' proġetti fuq termini kompetittivi;

60.  Jinnota l-attività ta' finanzjament tal-BEI fil-qasam tal-infrastruttura u t-trasport, li tammonta għal total ta' EUR 18,1 biljun fl-2016, u jfakkar fl-importanza tal-valur ekonomiku, ambjentali u soċjali ġenwin għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll ta' evalwazzjoni ex ante dettaljata tal-proġetti magħżula u l-valutazzjoni ex post tar-riżultati miksuba;

61.  Jistieden lill-BEI, fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' infrastruttura fi ħdan l-UE, biex jinvesti b'mod sinifikanti aktar riżorsi għal assistenza konsultattiva komprensiva fil-livell lokali u għal muniċipalitaiet iżgħar fi stadju iktar bikri fl-identifikazzjoni u l-valutazzjoni minn qabel tal-proġetti;

62.  Jesprimi tħassib dwar is-self ta' EUR 1,5 biljun mill-BEI għall-proġett "Trans-Adriatic Pipeline" (Pajplajn Trans-Adrijatiku), li ma jirrispettax, fi gradi differenti fil-pajjiżi ta' tranżitu l-Albanija, il-Greċja u l-Italja, ir-regoli ambjentali u soċjali minimi meħtieġa skont il-Prinċipji tal-Ekwatur; jiddispjaċih li l-BERŻ diġà alloka finanzjament ta' EUR 500 miljun, u jqis li dan il-proġett mhuwiex xieraq għall-investiment mill-BEI, u ma għandux jiġi kkunsidrat għall-finanzjament minn kwalunkwe bank li jaspira għal investimenti responsabbli f'termini soċjali u ambjentali;

Ambjent u azzjoni dwar il-klima

63.  Jinnota l-impenn tal-BEI ta' mill-inqas 25 % tal-portafoll tas-self tal-UE għal tkabbir b'livell baxx ta' karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima; josserva li fl-2016, il-valur totali ta' operazzjonijiet relatati mal-ambjent ammontaw għal EUR 14,4 biljun, li minnhom l-operazzjonijiet tat-trasport sostenibbli kienu jikkostitwixxu EUR 4,9 biljun, il-protezzjoni ambjentali u l-operazzjonijiet ta' effiċjenza tar-riżorsi naturali operazzjoni kienu jammontaw EUR 5,0 biljun, u l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ammontaw għal EUR 4,6 biljun; jinnota barra minn hekk li l-firem għal objettiv trasversali tal-azzjoni klimatika ammontaw għal EUR 17,5 biljun;

64.  Jisħaq fuq l-importanza tal-miri stabbiliti mis-COP 21 fir-rigward tat-trasport sabiex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima; jesprimi t-tħassib tiegħu li t-trasport jirrappreżenta kważi kwart tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Ewropa (GHG) u huwa l-kawża ewlenija tat-tniġġis tal-arja fl-ibliet, filwaqt li l-emissjonijiet f'dan is-settur jibqgħu ogħla milli kienu fl-1990; jinnota bi tħassib li matul il-perjodu 2014-2016, il-BEI ffinanzja proġetti relatati mal-enerġija fossili għal total ta' EUR 5,3 biljun fl-Istati Membri, partikolarment żewġ proġetti taż-żejt, proġett tal-karbonju u 27 proġett relatati mal-gass, minbarra EUR 976 miljun permezz ta' garanzija esterna għal sitt proġetti barra mill-UE, li wieħed minnhom kien jirrigwarda l-karbonju u ħamsa minnhom il-gass fossili; jissottolinja li l-finanzjament għandu jiffavorixxi bidla mit-trasport bit-triq għal forom aktar sostenibbli ta' trasport;

65.  Jenfasizza l-importanza li l-proġetti ppjanati li jiġu ffinanzjati jew kofinanzjati mill-BEI jkunu kompatibbli mal-miri tal-klima nazzjonali marbuta mal-implimentazzjoni tal-COP21;

66.  Jistieden lill-BEI jħeġġeġ il-finanzjament ta' proġetti skont l-istrateġija tal-klima tiegħu u skont il-Ftehim ta' Pariġi, billi jnaqqas gradwalment l-appoġġ tiegħu għall-karburanti fossili, sabiex isir strument ewlieni tal-UE fl-isforz konġunt globali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u jiġi appoġġat l-iżvilupp sostenibbli kif ukoll il-kisba ta' sistema tal-enerġija aktar kompetittiva, sigura u sostenibbli skont l-Istrateġija tal-Enerġija 2030; għal dan il-għan, jistieden lill-BEI jevita milli jiffinanzja proġetti li jinvolvu teknoloġiji qodma u li jniġġsu ħafna, b'mod partikolari meta jiġi ffaċilitat l-investiment fis-settur tal-enerġija; jistieden lill-BEI jżid is-self tiegħu għall-proġetti ta' infrastruttura pubblika li għandhom l-għan li jtaffu l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima (pereżempju, l-għargħar) u għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira.

67.  Jistieden lill-BEI jkompli jsaħħaħ l-appoġġ tiegħu fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, partikolarment għal proġetti deċentralizzati u fuq skala żgħira;

Nagħtu risposta għall-isfidi globali

68.  Ifakkar li 10 % tal-attività ġenerali ta' self tal-BEI huwa ddedikat għal operazzjonijiet barra mill-Unjoni, u jinnota , mill-2015 'l hawn, żdied l-ammont ġenerali offrut mill-BEI lill-promoturi ta' proġetti barra mill-UE; jisħaq, għal dan il-għan, fuq l-importanza li l-BEI jirrapporta annwalment dwar l-operazzjonijiet tiegħu barra mill-Unjoni fir-rigward tal-konformità mal-prinċipji ġenerali li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni, u dwar ir-rwol xieraq tiegħu fil-qafas tal-impenn imġedded tal-UE għall-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp u fuq bażi ta' konsistenza mal-politiki l-oħra tal-UE, l-Aġenda 2030 tan-NU u l-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, l-appoġġ tiegħu għall-edukazzjoni u l-ħolqien ta' impjiegi deċenti, filwaqt li jiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol u dawk ambjentali, kif ukoll il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jissottolinja li l-BEI għandu jikkunsidra b'mod xieraq l-istrateġija kummerċjali tal-UE, inklużi l-ftehimiet kummerċjali eżistenti u futuri, sabiex jappoġġa l-impriżi tal-UE li joperaw barra minnha;

69.  Jistieden lill-BEI jiżviluppa metodoloġija, f'kooperazzjoni mas-SEAE u mad-DĠ DEVCO fi ħdan il-Kummissjoni, biex jitkejjel l-impatt tal-operazzjonijiet ta' self tiegħu barra mill-UE fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE b'mod ġenerali, u speċifikament fir-rigward tal-Aġenda 2030 u l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem;

70.  Jieħu nota tal-inizjattivi tal-BEI li għandhom l-għan li jsaħħu r-reżiljenza ekonomika fil-pajjiżi ta' oriġini tal-migrazzjoni, u b'mod partikolari l-isforzi tiegħu biex jiġi żviluppat multiplikatur qawwi tal-politika esterna tal-UE fl-Afrika;

71.  Huwa tal-fehma li l-BEI jrid isaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jieħu u jiggarantixxi r-riskji, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-proġetti għall-iżvilupp u t-tisħiħ tas-settur privat, u dawk li huma parti mill-Inizjattiva ta' Reżiljenza Ekonomika;

72.  Itenni l-bżonn li l-Qorti tal-Awdituri żżid l-evalwazzjonijiet tal-operazzjonijiet tal-BEI tagħha, li jibbenefikaw mill-baġit tal-UE u biex timplimenta skrutinju akbar tal-operazzjonijiet skont il-Mandat ta' Self Estern tal-BEI (ELM);

73.  Jisħaq fuq il-fatt li operazzjonijiet esterni tal-BEI għandhom jaġixxu bħala appoġġ għal oqsma ta' politika ta' importanza kbira għall-UE;

74.  Jinnota li l-BEI qed iżid il-kapaċità tal-Pakkett ta' Finanzjament ta' Impatt tal-AKP u qed jittrasformah f'fond rotanti, b'EUR 300 miljun dedikati għat-trattament dirett tal-migrazzjoni bl-appoġġ tal-inizjattivi tas-settur privat; jinnota li l-BEI għandu wkoll jagħmel EUR 500 miljun disponibbli skont il-Faċilità ta' Investiment tal-AKP biex jiffoka fuq proġetti tas-settur pubbliku b'fokus fuq il-migrazzjoni; jisħaq fuq l-importanza li l-fondi tal-BEI ma jintużawx għal skopijiet ta' sigurtà jew ta' kontroll tal-fruntieri; jemmen, għall-kuntrarju, li l-fokus għandu jkun fuq l-iżvilupp sostenibbli ta' pajjiżi terzi; itenni l-importanza li jitwettqu kontrolli dettaljati ta' diliġenza dovuta relatati mad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-proġetti implimentati; jistieden lill-BEI, meta jimplimenta l-proġetti tiegħu, biex jikkunsidra kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem u biex iwaqqaf kwalunkwe self skont il-każ; jirrakkomanda li l-BEI jaqbel li josserva l-Konvenzjonijiet tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem rilevanti sa tmiem l-2018 sabiex jiffaċilita d-diliġenza dovuta dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-livelli kollha taċ-ċiklu tal-proġett; jitlob għall-iżvilupp ta' gwida prattika dwar il-valutazzjoni tal-aspetti relatati mad-drittijiet bażiċi kollha tal-bniedem u l-gruppi affettwati, biex tintuża matul il-valutazzjoni ex ante u l-monitoraġġ kontinwu fuq il-bażi ta' proġett bi proġett; jitlob valutazzjoni mill-Kummissjoni li tindika r-riskji tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem taħt il-garanzija tal-UE;

75.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-effettività tal-Faċilità ta' Investiment imnedija fl-2003 taħt il-Ftehim ta' Cotonou, u jappella biex strument ta' dan it-tip jinżamm wara n-negozjar mill-ġdid fl-2020 tal-ftehimiet li jorbtu lill-UE mas-sħab tagħha tal-AKP;

76.  Jistieden lill-BEI, fir-rigward tal-ELM ġdid tiegħu, biex jiżgura li l-prijorità l-ġdida dwar il-migrazzjoni li ġiet miżjuda mal-prijoritajiet preċedenti, jiġifieri l-klima, l-SMEs u l-infrastruttura soċjoekonomika tiggarantixxi valur miżjud u addizzjonalità; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li tiġi implimentata b'mod xieraq l-Inizjattiva ta' Reżiljenza Ekonomika l-ġdida, b'appoġġ għal proġetti li huma differenti minn dawk li kienu jiġu ffinanzjati qabel;

77.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rwol tal-BEI fl-iżvilupp tas-settur privat lokali u l-appoġġ tiegħu għall-mikrofinanzjament, u jirrikonoxxi li l-attivitajiet tiegħu joffru opportunitajiet ekonomiċi u kummerċjali ġodda; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu adattati b'mod xieraq u effiċjenti l-attivitajiet tal-BEI għall-isfidi internazzjonali attwali; jappella għal espansjoni tal-mandat ta' self estern tal-BEI, bil-għan li jiżdied ir-rwol tiegħu fil-kisba ta' żvilupp sostenibbli u li jipprovdi rispons strateġiku sabiex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni, kif ukoll biex il-BEI jassumi parti aktar attiva fl-istrateġija l-ġdida tas-settur privat; jistieden lill-BEI, f'dan ir-rigward, biex iżid l-involviment tiegħu fi proġetti ta' infrastruttura, trasport u diġitalizzazzjoni li huma meħtieġa biex jippromwovu rotot kummerċjali lokali u reġjonali, u biex irawmu l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, u b'hekk jikkontribwixxu b'mod attiv għall-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO; itenni li l-BEI jrid jallinja l-attivitajiet tiegħu mal-SDGs tan-NU;

78.  Jinnota li, fl-2016, il-BEI approva faċilitajiet ġodda għal mikrofinanzjament: faċilità waħda għall-Karibew, oħra għall-Paċifiku u tnejn għall-Afrika, għal ammont totali ta' EUR 110 miljun, u faċilità għall-Viċinat tan-Nofsinhar li tammonta għal EUR 75 miljun; ifakkar fil-fatt li l-faċilitajiet mikrofinanzjarji u l-assistenza teknika tal-BEI pprovdew EUR 300 miljun lil aktar minn 1,5 miljun benefiċjarju; jistieden lill-BEI biex fir-rapport li jmiss tiegħu jinkludi l-effetti ta' ingranaġġ ta' dawn il-faċilitajiet flimkien mal-fondi allokati permezz tal-istrumenti finanzjarji tal-azzjoni esterna;

79.  Jinnota li, fl-2016, nofs l-operazzjonijiet ta' self tal-BEI li jaqgħtu taħt il-mandat estern tal-BEI marru għal intermedjarji finanzjarji lokali, bil-għan li tingħata spinta lill-mikrokrediti; jistieden lill-BEI jagħmel evalwazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi dwar is-self mill-intermedjarji finanzjarji, minħabba li l-mikrokrediti huma prinċipalment diretti lejn intraprendituri nisa;

80.  Jinnota li l-BEI qed jippjana li jistabbilixxi sussidjarja għall-iżvilupp fi ħdan il-grupp tal-BEI bil-għan li jsir bank ta' żvilupp tal-UE; jistieden lill-BEI u lill-Kummissjoni biex ikomplu b'dawn it-tħejjijiet bl-aktar mod trasparenti u inklużiv, inkluż proċess ta' konsultazzjoni pubblika;

81.  Jinnota li l-BEI, permezz tal-istrumenti ta' self tiegħu, jista' jkun lieva importanti għad-diplomazija ekonomika ġdida tal-UE; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-fatt li l-BEI jrid jieħu nota tal-kunsiderazzjonijiet tad-diplomazija ekonomika fl-operazzjonijiet tiegħu;

82.  Jappoġġa l-intensifikazzjoni ta' sħubiji bejn il-BEI u l-aġenziji tal-iżvilupp tal-Istati Membri, u proġetti mwettqa b'mod konġunt mill-BEI u minn Banek Multilaterali tal-Iżvilupp (MDB) oħra, b'mod partikolari meta l-għan ta' dawn il-proġetti huwa li jgħin biex jintlaħqu l-SDGs tan-NU għall-2030;

83.  Jinnota li f'dawn l-aħħar snin kien hemm nuqqas ta' operazzjonijiet ta' appoġġ għall-investiment dirett barrani (IDB) immirat lejn l-Asja; jisħaq li l-investituri tal-UE, u b'mod parikolari l-SMEs, għandu jkollhom preżenza akbar fis-swieq Ċiniżi, Indjani u tal-ASEAN u għandhom jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ekwi; jistieden lill-BEI jipprovdi finanzjament dirett lill-kumpaniji tal-UE b'appoġġ għal investiment barrani, inkluż permezz tal-ELM;

Insaħħu l-governanza korporattiva, il-prattiki kummerċjali, it-trasparenza u l-istandards ta' responsabbiltà tal-BEI

84.  Jemmen li għandha tissaħħaħ ir-rabta bejn l-impatt u l-prestazzjoni ta' skrutinju fuq naħa, u responsabbiltà akbar u viżibbiltà min-naħa l-oħra, skont il-bażi ta' proċess ta' assigurazzjoni li jkun vinkolanti għall-partijiet interessati kollha (intermedjarji finanzjarji, il-promoturi u l-benefiċjarji aħħarija, b'integrità bir-reqqa u b'kontrolli bħal "kun af il-klijent tiegħek"); jistieden lill-BEI jippubblika informazzjoni dwar proġetti sekondarji b'riskju għoli u biex jikkondividi t-tagħlimiet miksuba ma' banek ta' żvilupp multilaterali internazzjonali oħra, b'mod partikolari mill-iskambju ta' informazzjoni dwar ir-riżultati tal-kontrolli tad-diliġenza dovuta korporattiva jew fuq kwistjonijiet fiskali jew fuq reviżjonijiet ta' "kun af il-klijent tiegħek";

85.  Jirrikonoxxi l-importanza li titqajjem kuxjenza fil-livell lokali u reġjonali dwar id-disponibbiltà tal-finanzjament u l-assistenza teknika madwar l-UE; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li sensibilizzazzjoni xierqa dwar l-involviment tal-BEI fil-finanzjament ta' proġetti għal diversi partijiet ikkonċernati hija kruċjali jekk iċ-ċittadini fil-livell lokali għandhom isiru konxji tad-dritt tagħhom li jappellaw u jressqu lmenti quddiem l-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti u tal-Ombudsman Ewropew; jinnota li fl-2016 ġew irreġistrati 89 ilment, li minnhom 84 kienu ammissibbli, meta mqabbla mas-56 ilment irċevuti fl-2015;

86.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-reviżjoni proposta tal-politika dwar il-Mekkaniżmu tal-Ilmenti tal-BEI (BEI, CM), u jistieden lill-BEI biex jiżgura, b'mod partikolari, li l-Kap tal-EIB CM jirreġistra l-ilmenti kollha debitament u jinforma lil min jagħmel l-ilment bil-wasla tal-ilment tiegħu qabel ma tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà; biex jiżgura li l-Kap tal-BEI CM ikun indipendenti minn partijiet oħrajn tal-istruttura ta' governanza tal-Bank u jkun jista' jieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar l-ammissibbiltà ta' lment mingħajr ma jkollu għalfejn jikkonsulta lis-servizzi tal-Grupp tal-BEI, jieħu wkoll deċiżjonijiet rigward l-eliġibbiltà tal-ilment għal investigazzjoni/rieżami ta' konformità jew medjazzjoni, anki jekk ma jkunx hemm ftehim mas-servizzi tal-BEI, l-Ispettur Ġenerali jew il-Kumitat ta’ Tmexxija; biex isegwi l-eżempji mogħtija mill-Ombudsman Ewropew għad-definizzjoni ta' amministrazzjoni ħażina, sabiex jinkludi forom ta' amministrazzjoni ħażina jew falluta bħal irregolaritajiet amministrattivi, inġustizzja, diskriminazzjoni, abbuż ta' poter, nuqqas ta' tweġiba, rifjut ta' informazzjoni u dewmien bla bżonn; u li jiżgura li l-proċedura tkun trasparenti kemm jista' jkun, u li s-CM jiżvela informazzjoni dwar il-proċeduri tiegħu, l-operazzjonijiet u l-każijiet b'mod proattiv u li l-proċeduri ta' reklutaġġ għall-Kap u l-persunal tas-CM isiru aktar trasparenti;

87.  Jiġbed l-attenzjoni għat-tħassib li tqajjem waqt il-konsultazzjonijiet pubbliċi fir-rigward ta' ċerti proposti għar-reviżjoni tal-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti tal-BEI, jiġifieri, l-esklużjoni mis-CM ta' każijiet marbuta mal-akkwist pubbliku kif ukoll ta' kwistjonijiet relatati mal-legalità tal-politika tal-BEI, u l-limitazzjoni għall-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti billi jiġi previst rekwiżit li jiġu kkonsultati servizzi oħra qabel ma jiġi evalwat jekk ilment ikunx ammissibbli u billi titnaqqas il-kapaċità tal-Uffiċċju li jagħmel rakkomandazzjonijiet; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kumitat ta' Tmexxija biex jikkunsidra dan it-tħassib;

88.  Jenfasizza l-importanza tal-Ombudsman Ewropew fl-eżerċizzju ta' skrutinju pubbliku fuq il-BEI;

89.  Jilqa' l-iżvelar tal-minuti tal-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI, u jirrakkomanda li l-BEI jikkunsidra wkoll li jiżvela l-informazzjoni mhux kunfidenzjali tal-laqgħat tal-Kumitat ta' Tmexxija; fil-livell tal-proġetti, itenni t-talba tiegħu rigward l-iżvelar sistematiku tar-Rapporti ta' Tlestija għall-attivitajiet tal-BEI barra mill-Ewropa, kif ukoll it-3PA u l-iskedi REM għal proġetti tal-BEI; jemmen li l-prattika ta' żvelar tat-Tabella ta' Valutazzjoni ta' Indikaturi, kif previst fil-FEIS 2.0, għandha tapplika għall-proġetti kollha implimentati mill-BEI; jinnota li tali żvelar ikun pass kbir 'il quddiem f'dak li jikkonċerna t-trasparenza tal-operazzjonijiet tal-BEI;

90.  Jinsab imħasseb sew li l-maniġment tal-Bank s'issa ma ta l-ebda reazzjoni għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-paragrafi 75 u 76 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta’ April 2017 dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI għall-2015 u jfakkar fil-ħtieġa li jiġu previsti regoli aktar stretti fuq il-kunflitti ta' interess u kriterji ċari, stretti u trasparenti biex jipprevjenu kull forma ta' korruzzjoni; itenni l-fatt li l-BEI jrid jirrevedi l-Kodiċi ta' Kondotta sabiex jiżgura li l-Viċi Presidenti ma jkunux inkarigati mill-operazzjonijiet fl-Istati Membri tad-domiċilju tagħhom, peress li dan jipperikola l-indipendenza tal-istituzzjoni; jinsab profondament imħasseb dwar in-nuqqasijiet identifikati fil-mekkaniżmi eżistenti tal-BEI għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess li jista' jkun hemm fil-korpi ta' tmexxija tiegħu; jistieden lill-BEI, f'dan ir-rigward, biex jipprevjeni b'mod aħjar il-kunflitti ta' interess fil-korpi governattivi tiegħu u kwistjonijiet potenzjali ta' "revolving door", biex jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman u jirrevedi l-Kodiċi ta' Kondotta tiegħu malajr kemm jista' jkun; jistieden lill-BEI biex jingħaqad mal-ftehim interistituzzjonali dwar ir-Reġistru ta' Trasparenza tal-UE, hekk kif in-negozjati bejn il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill jiġu konklużi;

91.  Jissottolinja li l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' prattiki tat-taxxa ta' ħsara għandha tibqa' prijorità importanti tal-BEI; jistieden lill-BEI biex japplika malajr il-leġiżlazzjoni u l-istandards rilevanti tal-UE dwar l-evitar tat-taxxa, ir-rifuġji fiskali u kwistjonijiet relatati oħra, u biex jitlob lill-klijenti tiegħu jikkonformaw ma' dawn ir-regoli b'mod xieraq; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' informazzjoni żvelata mill-BEI dwar is-sjieda benefiċjarja aħħarija, speċjalment meta l-finanzjament jiddependi fuq fondi ta' ekwità privata; iħeġġeġ lill-BEI jieħu miżuri proattivi u jwettaq aktar miżuri ta' diliġenza dovuta fejn jinstab li proġetti tal-BEI għandhom rabtiet ma' ġurisdizzjonijiet li jqajmu kwistjonijiet fiskali;

92.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-BEI jistabbilixxi lista pubblika rigoruża dwar il-kriterji għall-għażla ta' intermedjarji finanzjarji, sabiex isaħħaħ l-impenn tal-UE li tiġġieled kontra abbużi fiskali u li tipprevjeni b'mod aktar effikaċi r-riskji ta' korruzzjoni u ta' infiltrazzjoni mill-kriminalità organizzata u t-terroriżmu; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mtejba l-kriterji ta' evalwazzjoni ta' proġett sabiex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE ma jiġux investiti minn entitajiet f'pajjiżi terzi li ma jikkonformawx mal-istandards internazzjonali fil-qasam tat-taxxa;

93.  Jisħaq li l-istandards fil-qasam tat-trasparenza fiskali u l-governanza fiskali tajba għandhom jissaħħu, b'mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-evitar tat-taxxa; jinnota l-adozzjoni fi tmiem l-2017 tal-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx; jistieden lill-BEI, f'dan ir-rigward, biex isaħħaħ il-politika tiegħu dwar ġurisdizzjonijiet mhux trasparenti u mhux kooperattivi (Politika NCJ) fir-rieżami attwali tiegħu, u biex jiżviluppa politika usa' dwar tassazzjoni responsabbli; jistieden lill-BEI biex jagħti prova tal-fattibbiltà ta' standards ogħla ta' trasparenza fiskali billi jadotta politika li tmur lil hinn mir-rekwiżiti legali minimi, bil-BEI jiġi maħtur bħala gwida fil-qasam ta' tassazzjoni ġusta; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li l-għoti ta' self dirett u indirett ikun soġġett għall-pubblikazzjoni tad-data fiskali u finanzjarja pajjiż b'pajjiż, u għad-divulgazzjoni tad-data dwar it-titolu effettiv tas-suġġetti benefiċjarji u tal-intermedjarji finanzjarji involuti fl-operazzjonijiet finanzjarji, mingħajr derogi;

94.  Jirrimarka b'mod pożittiv l-importanza mogħtija mill-BEI lill-politika tiegħu ta' tolleranza żero għal frodi, korruzzjoni u kollużjoni; jistieden lill-BEI biex jieħu l-miżuri kollha xierqa, inkluża s-sospensjoni tal-ħlasijiet u żborżi ta' self, bil-ħsieb li jipproteġu lill-BEI u l-interessi finanzjarji tal-UE kull meta l-OLAF jew investigazzjonijiet kriminali jeħtieġu hekk, u barra minn hekk jistieden lill-BEI biex jadatta r-regoli interni tiegħu kif xieraq; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi żvelata l-informazzjoni dwar is-sistema ta' kuntrattar u subkuntrattar sabiex jiġi evitat kull riskju ta' frodi u korruzzjoni; jisħaq fuq il-fatt li s-sit web tal-BEI għandu jkun fih spazju ddedikat u viżibbli fejn jiġu elenkati b'mod pubbliku l-entitajiet skwalifikati, bil-għan li jiġi żgurat effett deterrenti; jissottolinja l-importanza tad-dħul tal-BEI f'netwerks ta' skwalifika trasversali flimkien mal-mutwanti multilaterali l-oħra; jistieden lill-BEI biex jarmonizza l-politika ta' skwalifika tiegħu flimkien mal-mutwanti multilaterali l-oħra, bħall-Bank Dinji, li jelenka aktar minn 800 individwu u impriża bħala "skwalifikati', minkejja li l-volum ta' finanzjament tiegħu hu bejn wieħed u ieħor nofs dik tal-BEI;

95.  Jittama li l-BEI, f'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2016, ser ikompli jimplimenta u jtejjeb strateġija esterna għal tassazzjoni effettiva, u jiżgura l-konformità mal-istandards internazzjonali fil-qasam tat-trasparenza fiskali u jinkoraġġixxi rapportar internazzjonali pajjiż b'pajjiż; jistieden lill-BEI biex jiżgura kwalità għolja tal-informazzjoni dwar il-benefiċjarji aħħarija u biex jipprevjeni b'mod effikaċi t-tranżazzjonijiet mal-intermedjarji finanzjarji li għandhom konsegwenzi negattivi fir-rigward ta' trasparenza, frodi, korruzzjoni, kriminalità organizzata u ħasil tal-flus jew riperkussjonijiet soċjali u ambjentali dannużi;

96.  Jiddispjaċih li l-każijiet tad-"Dieselgate" qajmu numru ta' mistoqsijiet dwar il-fatt li l-Volkswagen irċeviet self mill-BEI permezz ta' frodi u qerq; jitlob lill-BEI jsegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF dwar it-teħid ta' passi attivi fl-implimentazzjoni tal-politika kontra l-frodi tiegħu; jissottolinja n-natura ta' segretezza tal-BEI fit-trattament tal-każ u jħeġġeġ lill-bank jiżvela r-rapport tal-OLAF dwar self tiegħu lill-Volkswagen , u biex jippubblika bħala minimu sommarju ta' dan ir-rapport;

97.  Jirrimarka li l-investigazzjonijiet twal dwar l-iskandlu tas-sistema MOSE ġew konklużi fl-14 ta' Settembru 2017 b'sentenza tal-Qorti ta' Venenzja, li kkundannat żewġ persuni ewlenin li kienu involuti direttament f'dan l-iskandlu għal 4 snin priġunerija u l-konfiska ta' EUR 9 575 000; jiddispjaċih li bejn l-2011 u l-2013, il-BEI ta tliet selfiet b'valur ta' EUR 1,2 biljun għall-implimentazzjoni tal-proġett MOSE, fejn l-aħħar self ingħata wara li l-awtoritajiet nazzjonali fetħu investigazzjonijiet dwar korruzzjoni; jistieden lill-BEI biex jiżgura l-applikazzjoni l-aktar rigoruża tal-politika tiegħu ta' tolleranza żero għall-frodi, u biex jirtira l-finanzjament kollu tiegħu għall-proġett MOSE u għall-proġetti marbuta miegħu permezz ta' sistema' ta' kumpaniji u benefiċjarji involuti fl-implimentazzjoni tal-proġetti fir-reġjun tal-Veneto, u b'referenza partikolari għall-parti tal-awtostrada magħrufa bħala Passante di Mestre li fuqha hemm investigazzjonijiet għaddejjin fuq frodi tat-taxxa, korruzzjoni u infiltrazzjoni mill-kriminalità organizzata, u t-tielet korsija tal-awtostrada A4 fil-parti bejn Venezja u Trieste; iħeġġeġ lill BEI jwettaq investigazzjonijiet interni xierqa dwar l-għażla tal-benefiċjarji, l-għoti u l-ġestjoni tal-fondi tiegħu, u biex jippubblika r-riżultati;

98.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rieżami regolari tal-aħjar qafas bankarju u tal-aħjar prattiki fi ħdan il-grupp tal-BEI, li twettaq biex jiġu identifikati d-diskrepanzi ta' konformità; iqis li l-mandati tal-BEI u l-FEI, jitolbu għal sistema ta' valutazzjoni tar-riskju u sorveljanza komprensiva u regolari fil-livell tal-grupp tal-BEI, li tagħmel l-irfinar tal-proċessi tan-negozju ewlenin u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni relatata mal-ġestjoni ta' mandati kruċjali għar-responsabbiltà ġenerali tal-BEI;

99.  Jilqa' l-proposti tal-Kumitat tal-Etika u l-Konformità tal-BEI fil-qasam tal-governanza korporattiva u trasparenza, bħall-introduzzjoni ta' kwistjonijiet etiċi fil-mandat tiegħu, flimkien mal-mekkaniżmi biex jipprevjeni b'mod aħjar il-kunflitti ta' interess fil-korpi governattivi u "revolving doors" potenzjali, l-introduzzjoni ta' proċedura ta' sospensjoni għall-membri tal-kumitat ta' tmexxija, u l-kumitat konsultattiv ġdid li se jkun jista' jagħti opinjonijiet qabel il-ħatra formali tal-membri tal-Kumitat ta' Ġestjoni;

100.  Jisħaq fuq l-importanza li jissaħħu l-obbligi ta' integrità ta' wara l-impjieg u li jiddaħħlu fis-seħħ sanzjonijiet konkreti għal każijiet ta' "revolving door" potenzjali bejn l-ogħla amministrazzjoni tal-BEI u s-settur privat; jemmen, għalhekk, li "perjodu ta' rtirar" li matulu ex membri tal-Bord tad-Diretturi ma jkunux jistgħu jillobbjaw lill-korpi ta' tmexxija jew il-persunal tal-BEI għandu jkun ta' mill-anqas 12-il xahar;

101.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-bidu tar-rieżami tal-politika dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta tal-BEI, kif ukoll l-aġġornamenti relatati mal-implimentazzjoni tal-qafas tal-AML-CFT (ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu) sa minn mindu ġie adottat fl-2014 mill-BEI, b'rabta mill-qrib mar-rekwiżiti ta' "kun af il-klijent tiegħek" għal portafolli kontinwi u għal attivitajiet ta' negozju ġodda;

Segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament

102.  Itenni t-talba tiegħu lill-BEI biex jirrapporta dwar is-sitwazzjoni attwali u l-istatus tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti maħruġa mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet annwali tiegħu, b'mod speċjali fir-rigward tal-impatt tal-attivitajiet tiegħu b'rabta mas-self;

o
o   o

103.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)ĠU C 378, 9.11.2017, p. 2.
(2) ĠU C 346, 21.9.2016, p. 77.
(3) ĠU C 66, 21.2.2018, p. 6.
(4) Testi adottati, P8_TA (2017)0138.
(5) ĠU L 280, 27.10.2011, p. 1.
(6) ĠU L 135, 8.5.2014, p. 1.
(7) ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.


Elezzjonijiet presidenzjali fil-Venezwela
PDF 255kWORD 50k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela (2018/2695(RSP))
P8_TA(2018)0199RC-B8-0225/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-diversi riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(1), tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(2), u tat-12 ta' Marzu 2015(3), tat-8 ta' Ġunju 2016(4), tas-27 ta' April 2017(5) u tat-8 ta' Frar 2018(6) dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' "El Grupo de Lima" tat-23 ta' Jannar 2018 u tal-14 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2017 u tat-22 ta' Jannar 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tas-26 ta' Jannar 2018 dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tat-8 ta' Frar 2018 tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, is-Sa Fatou Bensouda,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ, tad-19 ta' April 2018, dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' April 2018 tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) dwar is-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tat-23 ta' April 2018 tal-Grupp tiegħu għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali bikrija msejħa mill-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali, mhux rikonoxxuta internazzjonalment, u approvati mill-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) issa għandhom isiru fl-20 ta' Mejju 2018; billi s-CNE ddeċieda li jillimita l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet lokali u reġjonali simultanji għal dawk il-partiti li jippreżentaw kandidati għall-elezzjonijiet presidenzjali;

B.  billi, fil-25 ta' Jannar 2018, il-Qorti Suprema Venezwelana ddeċidiet li teskludi mill-elezzjonijiet presidenzjali l-Mesa de la Unidad Democrática (MUD), koalizzjoni ta' partiti tal-oppożizzjoni, deċiżjoni li tirrappreżenta ksur serju tal-prinċipju ta' elezzjonijiet ġusti, hekk li tipprojbixxi lill-kandidati tal-oppożizzjoni milli jikkompetu fl-elezzjonijiet liberament u fuq termini ugwali;

C.  billi l-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet kredibbli, trasparenti u inklużivi mhumiex issodisfati, kif evidenzjat matul it-taħditiet f'Santo Domingo li fihom il-Gvern u l-oppożizzjoni tal-Venezwela ma waslux għal ftehim; billi entitajiet demokratiċi internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea, irrifjutaw l-istedina biex josservaw tali proċess elettorali illeġittimu;

D.  billi, fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda li jadotta embargo fuq l-armi kontra l-Venezwela u projbizzjoni fuq materjal relatat li jista' jintuża għal repressjoni interna; billi fit-22 ta' Jannar 2018, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'mod unanimu, li jimponi sanzjonijiet kontra seba' individwi Venezwelani li għandhom pożizzjonijiet uffiċjali, fil-forma ta' miżuri restrittivi bħall-projbizzjoni fuq vjaġġar u l-iffriżar tal-assi, b'konsegwenza tan-nuqqas ta' rispett tal-prinċipji demokratiċi;

E.  billi l-iżviluppi riċenti fil-Venezwela qed jikkawżaw aktar polarizzazzjoni u deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; billi l-Venezwela qed tħabbat wiċċha ma' kriżi politika, soċjali, ekonomika u umanitarja bla preċedent u li qed tirriżulta f'ħafna mwiet;

1.  Jirrifjuta b'mod qawwi d-deċiżjoni tal-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali mhux rikonoxxuta internazzjonalment, u approvata mill-Kunsill Elettorali Nazzjonali, li jsiru elezzjonijiet presidenzjali bikrija, li attwalment huwa ppjanat li jsiru fl-20 ta' Mejju 2018; jappella biex jiġu sospiżi minnufih sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet kredibbli, trasparenti u inklużivi;

2.  Jinsisti li l-UE sejra tirrikonoxxi biss elezzjonijiet ibbażati fuq kalendarju elettorali vijabbli, maqbula fil-kuntest tad-djalogu nazzjonali mal-atturi rilevanti u l-partiti politiċi kollha, u li jirrispettaw kundizzjonijiet ta' parteċipazzjoni ekwi, ġusti u trasparenti – inklużi t-tneħħija tal-projbizzjonijiet tal-avversarji politiċi, il-ħlis tal-priġunieri politiċi, il-kompożizzjoni bbilanċjata ta' Kunsill Elettorali Nazzjonali imparzjali u l-eżistenza ta' garanziji suffiċjenti, inkluż monitoraġġ minn osservaturi internazzjonali indipendenti;

3.  Jappella biex jissejħu minnufih elezzjonijiet li jirrispettaw l-istandards internazzjonali kollha, b'konformità sħiħa mal-kriterji tal-OAS; jenfasizza li l-gvern leġittimu li jiġi ffurmat minn dawn l-elezzjonijiet għandu jindirizza b'mod urġenti l-kriżi ekonomika u soċjali attwali fil-Venezwela u jaħdem favur ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali tal-pajjiż;

4.  Jistieden kemm lill-gvern kif ukoll lill-oppożizzjoni biex jadottaw mingħajr aktar dewmien pjan ta' stabilizzazzjoni makroekonomika flimkien mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali biex jiġu indirizzati l-bosta sfidi li l-pajjiż qed iħabbat wiċċu magħhom, bħalma huma l-kriżi umanitarja kkawżata bl-iperinflazzjoni u l-iskarsezza tal-komoditajiet bażiċi u tal-mediċini; itenni l-appell tiegħu lill-Gvern tal-Venezwela biex iħalli li l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż;

5.  Ifakkar li, fiċ-ċirkustanzi attwali, il-Parlament Ewropew ma jistax jirrikonoxxi l-elezzjonijiet li jirriżultaw minn dan il-proċess illeġittimu; f'dan ir-rigward, jitlob lill-Unjoni Ewropea, lill-OAS u lill-"Grupo de Lima" biex jaġixxu b'għaqda u b'mod ikkoordinat;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

(1) ĠU C 285, 29.8.2017, p. 145.
(2) ĠU C 294, 12.8.2016, p. 21.
(3) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 190.
(4) ĠU C 86, 6.3.2018, p. 101.
(5) Testi adottati, P8_TA(2017)0200.
(6) Testi adottati, P8_TA(2018)0041.


Il-politika ta' koeżjoni u l-objettiv tematiku tal-"promozzjoni ta' trasport sostenibbli u t-tneħħija ta' ostakoli fl-infrastrutturi tan-netwerks ewlenin"
PDF 299kWORD 59k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u l-objettiv tematiku tal-"promozzjoni tat-trasport sostenibbli u t-tneħħija ta' konġestjoni f'netwerks tal-infrastruttura" – l-Artikolu 9(7) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (2017/2285(INI))
P8_TA(2018)0200A8-0136/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-politika ta' koeżjoni u l-objettiv tematiku tal-"promozzjoni tat-trasport sostenibbli u t-tneħħija ta' konġestjoni f'netwerks tal-infrastruttura" - l-Artikolu 9(7) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (UE) Nru 1303/2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 37 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni dwar strumenti finanzjarji sostnuti mill-Fondi ESI,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5(7) tar-Regolament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (UE) Nru 1301/2013 dwar il-promozzjoni tat-trasport sostenibbli u t-tneħħija ta' konġestjoni fl-infrastrutturi tan-netwerks(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 4(d) tar-Regolament tal-Fond ta' Koeżjoni (UE) Nru 1300/2013 dwar il-promozzjoni tat-trasport sostenibbli u t-tneħħija ta' konġestjoni fl-infrastrutturi tan-netwerks prinċipali(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010(5),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 – "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar ir-reġjuni li għadhom lura fl-UE(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar il-promozzjoni tal-koeżjoni u l-iżvilupp fir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE: l-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 TFUE"(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2017 dwar it-taħlita ta' finanzjament it-tajba għar-reġjuni tal-Ewropa: ibbilanċjar tal-istrumenti u l-għotjiet finanzjarji fil-politika ta' koeżjoni tal-UE(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobbiltà sostenibbli(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2009 dwar il-Green Paper dwar il-ġejjieni tal-politika TEN-T(11),

–  wara li kkunsidra s-Seba' Rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tad-9 ta' Ottubru 2017 bit-titolu "Ir-Reġjun tiegħi, L-Ewropa tiegħi, Il-Futur tagħna" (COM(2017)0583),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2018 bit-titolu "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" (COM(2018)0065),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 bit-titolu "Sħubija strateġika aktar b'saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE" (COM(2017)0623),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2017 bit-titolu "Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE" (COM(2017)0534),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2013 bit-titolu "Lejn mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi" (COM(2013)0913),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2011 bit-titolu "Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050" (COM(2011)0112),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-28 ta' Marzu 2011 bit-titolu "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-4 ta' Frar 2009 bit-titolu "TEN-T: Eżami tal-politika Lejn netwerk Trans-Ewropew integrat aħjar għad-dispożizzjoni tal-politika komuni tat-trasport" (COM(2009)0044),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi tal-Kummissjoni ta' Awwissu 2016 bit-titolu "Work Package 1: Rapport ta' sinteżi: Evalwazzjoni ex post tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013, b'enfasi fuq il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK)",

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi tal-Kummissjoni ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Xejriet ta' żvilupp reġjonali fl-UE - Work Package1: Rapport ta' sinteżi: Evalwazzjoni ex post tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013, b'enfasi fuq il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK)",

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni ta' Mejju 2016 bit-titolu "Work Package 5: Evalwazzjoni ex post tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013, b'enfasi fuq il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK)",

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni tal-10 ta' April 2017 bit-titolu "Il-kompetittività fir-reġjuni b'introjtu baxx u bi tkabbir baxx: Ir-rapport dwar ir-reġjuni li għadhom lura" (SWD(2017)0132),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni tal-4 ta' Mejju 2010 bit-titolu "Konsultazzjoni dwar il-politika futura tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport" (COM(2010)0212),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent bit-titolu "Approximated European Union greenhouse gas inventory: Proxy GHG emission estimates for 2016" (Inventarju approssimat tal-gassijiet serra tal-Unjoni Ewropea: Stimi proxy tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra għall-2016),

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "The world is changing, transport, too" (Id-dinja qiegħda tinbidel, u anke t-trasport), ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament, id-Dipartiment Tematiku B: Il-Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "The future of the EU's transport infrastructure" (Il-futur tal-infrastruttura tat-trasport tal-UE), ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament, id-Dipartiment Tematiku B: Il-Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, Jannar 2010,

–  wara li kkunsidra l-ktieb statistiku tal-Eurostat tal-2016 bit-titolu "Energy, transport and environment indicators - 2016 edition" (Indikaturi tal-enerġija, tat-trasport u tal-ambjent - edizzjoni 2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura tal-għoti ta' awtorizzazzjoni għat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0136/2018),

A.  billi l-konċentrazzjoni tematika, bil-ħsieb li żżid l-effikaċja tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) u li tappoġġja l-isforzi tar-reġjuni fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020, iffukat deliberatament l-investimenti taħt l-objettiv tematiku 7 fuq it-titjib tal-kwalità tal-infrastruttura tat-trasport, inkluż l-użu effiċjenti tal-infrastruttura eżistenti;

B.  billi l-Fondi ta' Koeżjoni (FK) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jipprovdu appoġġ għall-iżvilupp kemm tan-netwerk TEN-T kif ukoll tal-infrastruttura tat-trasport reġjonali u lokali li ma tkunx qiegħda fit-TEN-T, b'mod partikolari fi Stati Membri u f'reġjuni inqas żviluppati fejn għad hemm bżonn li jsir sforz konsiderevoli biex jgħaqqdu konnessjonijiet nieqsa, ineħħu r-restrinġimenti tat-traffiku u jimmodernizzaw il-vetturi ferrovjarji;

C.  billi s-settur tat-trasport u l-infrastruttura għal dak is-settur huma ċentrali u essenzjali għall-iżvilupp ta' kwalunkwe pajjiż, kif ukoll għall-benessri tal-popolazzjonijiet tal-Istati Membri, li huma r-raġuni għaliex is-settur tat-trasport jibqa' qasam ta' investiment ewlieni li jikkontribwixxi għat-tkabbir, il-kompetittività u l-iżvilupp billi jagħti spinta lill-potenzjal ekonomiku ta' kull reġjun tal-UE, u għalhekk iżid il-koeżjoni ekonomika u soċjali, jappoġġja s-suq intern u b'hekk jiffaċilita l-koeżjoni, l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali u ekonomika, jegħleb l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni, jiffaċilita l-aċċess għas-servizzi u t-taħriġ fir-reġjuni ultraperiferiċi li bħalissa jinsabu f'riskju ta' depopolazzjoni, u jsaħħaħ il-bidu tan-negozji u n-netwerks tal-iżvilupp;

D.  billi fil-perjodu 2007-2013, EUR 81 biljun, jew kważi terz (31 %) tal-Fondi SIE ġew investiti fl-infrastruttura tat-trasport; billi l-impatt pożittiv l-aktar b'saħħtu tal-investiment tal-UE fl-infrastruttura tat-trasport huwa partikolarment u speċifikament viżibbli fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, fejn ġie allokat lilhom 69 % tal-finanzjament tat-trasport totali;

E.  billi l-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 huwa mmarkat permezz tal-Fondi SIE u baġit tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) miżjuda; billi, minkejja l-effetti negattivi tal-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji reċenti u d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-perjodu ta' programmazzjoni, m'hemm l-ebda impatt ewlieni fuq l-investimenti fit-trasport; billi l-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport tal-UE huma waħda mill-politiki li jipprovdu l-ogħla valur miżjud tal-UE minħabba l-effetti konsegwenzjali ġewwa, fost l-oħrajn, is-suq uniku, li effettivament jagħmlu lill-Istati Membri kollha benefiċjarji netti tal-investiment;

F.  billi stejjer ta' suċċess li jinvolvu proġetti tat-toroq, tal-ferroviji u tal-portijiet sostnuti mill-baġit tal-UE jikkontribwixxu għall-ekonomija, it-tkabbir, l-industrija, l-esportazzjoni, it-turiżmu, il-kummerċ, il-ħolqien tal-impjiegi, ir-rivitalizzazzjoni tar-reġjuni u t-treġġigħ lura tax-xejriet tad-depopolazzjoni; billi hemm eżempji ta' valur miżjud tal-UE, bħalma huma l-modernizzazzjoni tal-linja ferrovjarja E30/C-E30 minn Krakovja għal Rzeszow fil-Polonja, il-linja ferrovjarja minn Sofija għal Plovdiv fil-Bulgarija, il-Mina Ferrovjarja tal-Belt ta' Leipzig (Moduli 5 u 6) fil-Ġermanja, il-modernizzazzjoni tal-linji ferrovjarji minn Votice għal Benešov u Prahy fir-Repubblika Ċeka, ir-rikostruzzjoni tas-salib it-toroq Ülemiste f'Tallinn, l-Estonja, ir-riabilitazzjoni tat-triq nazzjonali DN6 minn Lixandra għal Craiova fir-Rumanija, il-ferrovija ta' veloċità għolja minn Madrid għal Valencia-Murcia fi Spanja, it-tlestija tal-awtostrada Trakia minn Sofija lejn il-port ta' Burgas mal-Baħar l-Iswed, il-linja 4 tal-Metro ta' Budapest fl-Ungerija, il-linji tal-metro ta' Sofija fil-Bulgarija u ħafna oħrajn;

G.  billi l-infrastruttura tat-TEN-T u tat-trasport bħat-toroq, l-investimenti fil-ferroviji (b'veloċità għolja), il-passaġġi fuq l-ilma u l-ajru huma prijoritajiet tal-UE, u li kieku l-investiment Ewropew kellu jaqa' lura, IDB miżjud jaf jimla l-lakuna filwaqt li jiġu rilokati l-profitti, it-taxxi u l-opportunitajiet tal-impjiegi barra mill-UE, forsi filwaqt li jiżdiedu d-dipendenza u l-instabilità makroekonomika tar-reġjuni; billi dan il-proċess jimmina l-preżenza u l-politiki reġjonali tal-Unjoni fuq żmien twil u jwassal għal frammentazzjoni u diverġenza;

H.  billi l-iżvilupp tal-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni jinkludi numru ta' komponenti integrali bħal infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (tagħmir għall-iċċarġjar) u sistemi ta' trasport intelliġenti u innovattivi, u għandu rwol essenzjali bħala fattur li jippermetti d-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tat-trasport kollha kemm hi;

I.  billi n-netwerks tat-trasport, tal-enerġija u dak diġitali li jkunu intelliġenti, applikabbli għall-futur, sostenibbli u interkonnessi għalkollox huma kundizzjoni neċessarja għat-tlestija u t-tħaddim bla xkiel tas-suq uniku Ewropew u biex l-Ewropa tiġi konnessa mas-suq dinji; billi dawn huma arterji ġenwini għat-tkabbir tal-produttività ekonomika Ewropea, għall-koeżjoni territorjali u għall-benessri taċ-ċittadini tagħha;

J.  billi approċċ aktar integrat għall-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport ineħħi r-restrinġimenti tat-traffiku, itejjeb il-konnettività multimodali u jżid l-investimenti fil-bidliet mit-triq għall-ferrovija, kif ukoll fil-vetturi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, bħal pereżempju vetturi elettriċi, kif ukoll ferroviji u passaġġi fuq l-ilma; billi dan iwassal għal diversifikazzjoni tal-enerġija fit-trasport u fin-netwerks ta' trasport aktar ekoloġiku, li b'hekk tnaqqas l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra, ittejjeb il-kwalità tal-arja, u tistimula azzjonijiet ulterjuri li jiġġieldu t-tibdil fil-klima;

K.  billi t-trasport huwa element importanti tal-politika tal-enerġija u tal-klima tal-UE, u billi l-miri tal-UE għal kwota minima ta' enerġija li tiġġedded u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ma jistgħux jintlaħqu mingħajr kontribuzzjoni sinifikanti mit-trasport;

1.  Jissottolinja li l-FNE, il-Fond ta' Koeżjoni (FK) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għandhom jibqgħu s-sorsi bażiċi tal-UE għal investimenti fl-infrastruttura tat-trasport taħt l-objettiv tematiku tal-"promozzjoni tat-trasport sostenibbli u t-tneħħija ta' restrinġimenti tat-traffiku f'netwerks tal-infrastruttura ewlenin" fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss; jipproponi li, minħabba l-valur miżjud Ewropew għoli u l-effetti konsegwenzjali estensivi ġġenerati, dawn is-sorsi ta' finanzjament għandhom jibqgħu disponibbli u għandhom jipprovdu kopertura bbilanċjata għall-Istati Membri u r-reġjuni kollha tal-UE sabiex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni tal-UE;

2.  Jinnota li l-loġika tal-intervent wara l-investiment tal-UE fl-infrastruttura tat-trasport għandha tibqa' kostruzzjoni bbilanċjata sew ta' sorsi ta' ġestjoni ġestiti u kondiviżi b'mod ċentrali sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-politika u tal-finanzjament; ifakkar li l-FNE għandha l-għan li tindirizza b'mod ċentrali l-prijorità mal-UE kollha tal-kurituri tat-TEN-T, inklużi l-aspetti marbuta mas-sigurtà, l-innovazzjoni teknoloġika u l-ambjent; ifakkar ukoll li l-FEŻR u l-FK għandhom dimensjoni reġjonali qawwija li twieġeb għal domanda lokali (żoni urbani u periurbani) u għal speċifiċitajiet reġjonali; jirrimarka li huma jappoġġjaw il-konnettività tat-TEN-T u l-mobilità permezz ta' nodi sekondarji u terzjarji u terminali multimodali (in-netwerk komprensiv tat-TEN-T); jissottolinja, f'dan il-kuntest, li l-pakketti baġitarji rilevanti għat-tliet sorsi ta' finanzjament għandhom bżonn jissaħħu b'mod ibbilanċjat sabiex tiġi evitata distribuzzjoni asimmetrika tal-investiment bejn il-livelli; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita proċeduri simplifikati, f'waqthom u flessibbli għat-trasferibilità tar-riżorsi bejn ir-reġjuni, il-programmi operazzjonali u l-assi ta' programmi taħt il-Fondi SIE sabiex jirrispondi b'mod adegwat għar-realtà ekonomika li qed tinbidel u għad-domanda reġjonali;

3.  Iqis li r-rwol ta' sorsi addizzjonali bħall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-istrumenti finanzjarji għandu bżonn jiġi definit fid-dawl tal-komplementarjetà tagħhom mal-FEŻR u l-FK u l-addizzjonalità tagħhom għall-operazzjonijiet ta' self tal-BEI; jinnota li s-Sejħa għal Finanzjament Imħallat tat-Trasport tal-FNE tal-2017 kienet maħsuba wkoll biex issaħħaħ dawk is-sinerġiji kif ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, u li huwa meħtieġ aktar appoġġ għall-kapaċità; jinnota f'dan ir-rigward li l-FEIS għandu jservi bħala pjattaforma għal sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) fi strumenti finanzjarji li jaqblu għal investiment privat u għal finanzjament nazzjonali/reġjonali fil-livell tal-proġetti; jinnota li proġetti ta' infrastruttura bankabbli għandhom primarjament jiġu sostnuti minn self, garanziji tal-UE jew finanzjament imħallat, flimkien ma' finanzjament mill-FEŻR, FK jew l-FNE; jemmen, madankollu, li l-għotjiet għandhom jibqgħu s-sors finanzjarju ewlieni ta' investiment għal finanzjament sostenibbli għat-trasport pubbliku;

4.  Jinnota li l-infrastruttura tirrikjedi kwantifikazzjoni ex ante oġġettiva tad-domanda u l-ħtiġijiet futuri qabel ma jiġu stabbiliti l-baġit u l-metodi ta' twassil; jissottolinja li għandu jkun possibbli għall-kriterji ta' eliġibilità tal-FEŻR u tal-FK, f'dawn l-objettivi ewlenin ta' infrastruttura tan-netwerk, li jqisu d-domanda eżistenti fil-livell territorjali xieraq; jinnota wkoll li l-immudellar tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew, reġjonali u lokali jista' jkun effettiv biex juri fejn l-investiment iwassal bl-aħjar mod għal valur miżjud Ewropew;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni, bil-għan li tippromwovi trasport sostenibbli u tneħħi r- restrinġimenti tat-traffiku f'infrastrutturi ewlenin tan-netwerks, biex tfassal lista ta' verifika tal-kriterji ta' eliġibilità, li tesprimi aħjar il-ħtiġijiet lokali u reġjonali rigward l-infrastruttura tat-trasport, sabiex jgħinu biex jiġi ddeterminat il-pakkett globali tat-trasport, l-investimenti meħtieġa, u l-prijoritajiet li jridu jiġu stabbiliti; jinnota l-importanza li nibbażaw ruħna fuq data mit-Tabella ta' Valutazzjoni tat-Trasport tal-UE, li tkun ta' kwalità għolja, affidabbli, aġġornata, strutturata u disponibbli; jinnota, barra minn hekk, li din il-lista ta' verifika tista' tinkludi kwistjonijiet bħalma huma l-konnettività multimodali, l-ispeċifiċitajiet lokali u reġjonali, id-disponibilità ta' mezzi alternattivi ta' trasport, is-sikurezza fit-triq u bil-ferrovija, u l-impatt ambjentali;

6.  Jinnota l-ħtieġa għal investiment aktar integrat f'infrastrutturi tat-trasport bażiċi f'reġjuni inqas żviluppati, kif ukoll f'reġjuni muntanjużi, remoti, spopolati jew ultraperiferiċi b'aċċessibilità baxxa, biex jiġu mmirati b'mod aktar intensiv mill-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport tal-FEŻR, l-FNE u l-FK wara li l-valur miżjud tal-UE jkun ġie pprovdut minn analiżi adegwata tal-kostijiet u l-benefiċċji, u jinnota l-ħtieġa li tittejjeb il-ħidma fuq il-konnettività multimodali; jenfasizza li t-titjib tal-aċċessibilità f'dawn ir-reġjuni huwa prekondizzjoni għall-iżvilupp ekonomiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri – permezz ta' konsultazzjoni pubblika qabel l-implimentazzjoni tal-proġett – biex jinkoraġġixxu l-involviment aktar attiv tas-settur pubbliku f'soluzzjonijiet tat-trasport fil-livell nazzjonali, reġjonali iżda anki f'dak lokali/urban u rurali bil-għan li jiżviluppaw l-investimenti ottimali tat-trasport;

7.  Jinnota li l-innovazzjonijiet sostenibbli fit-trasport jirrikjedu sinerġiji u addizzjonalità bejn it-tliet strumenti prinċipali – il-Fondi SIE, l-FNE u l-Orizzont 2020 kif ukoll is-suċċessur tiegħu;

8.  Jitlob li l-appoġġ tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea min-naħa tal-FEŻR jissaħħaħ permezz ta' riżorsi addizzjonali, b'fokus fuq investimenti sostenibbli u ewlenin fl-infrastruttura tat-trasport (bħal passaġġi tal-ilma transfruntiera, portijiet, pontijiet, ferroviji, mezzi tat-trasport u terminals interkonnessi, eċċ.); jifhem li l-fokus għandu jkun fuq il-konnettività f'reġjuni transfruntiera, inklużi l-fruntieri esterni tal-UE, l-assistenza konsultattiva u l-bini ta' kapaċità fil-livell tal-proġetti; jitlob li jitneħħew l-ostakoli sabiex jiġu ffaċilitati l-investimenti, u b'mod partikolari l-investimenti transfruntiera (fit-trasport fuq il-passaġġi tal-ilma, dak ferrovjarju u dak fit-toroq) u l-aċċess għas-swieq esterni;

9.  Jitlob li jingħalqu l-lakuni fl-infrastruttura tat-trasport mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fir-rigward ta' proġetti tat-trasport integrat billi l-fokus jintefa' fuq aktar investiment fil-konnettività u fuq l-indirizzar ta' problemi tar-restrinġiment tat-traffiku, b'mod partikolari fid-dawl tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-perspettiva Ewropea għall-Balkani tal-Punent; ifakkar, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea u tal-istrateġiji makroreġjonali għal proġetti integrati tat-trasport, filwaqt li ħa nota tal-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar tal-pjanijiet u l-proġetti fil-qasam tat-trasport li jkollhom l-għan li jagħlqu l-lakuni tat-trasport, pereżempju mal-Balkani tal-Punent; ifakkar ukoll, f'dan il-kuntest, li l-portijiet marittimi u l-passaġġi interni huma ħafna drabi entitajiet transfruntiera u għandhom jibbenefikaw mill-istess rata ta' kofinanzjament bħall-proġetti ferrovjarji u tat-toroq transfruntiera;

10.  Jenfasizza l-bżonn li tiġi integrata l-protezzjoni tal-klima fil-politika ta' koeżjoni fir-rigward tal-objettiv tat-trasport sostenibbli, b'hekk jintlaħqu l-objettivi tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2; jistieden lill-Kummissjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jintegraw il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE fil-proċess tal-adozzjoni u l-ippjanar ta' proġetti eliġibbli għal finanzjament, b'mod partikolari Natura 2000, valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi, il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, il-kwalità tal-arja, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar, u t-"Transport and Environment Reporting Mechanism" (TERM) tal-Aġenzija Ambjentali Ewropea;

11.  Jenfasizza li għandu jingħata appoġġ akbar għall-promozzjoni ta' ġestjoni intelliġenti tat-traffiku, inkluż permezz tad-diġitalizzazzjoni, billi jsir użu aktar effiċjenti tal-infrastruttura eżistenti u permezz tar-ridirezzjonar tat-traffiku lejn sigħat kwieti;

12.  Jappella għal politika Ewropea tat-trasport komuni adegwata u ambizzjuża li tkun ibbażata fuq qafas ta' finanzjament li jkun integrat u kkoordinat mal-istrumenti tat-trasport tal-UE; iqis li għandha tiġi ppreservata l-konċentrazzjoni tematika sabiex jiġu permessi simplifikazzjoni u sinerġiji bejn sorsi ta' finanzjament differenti fil-livell tal-proġetti; jipproponi l-ħolqien ta' sett uniku ta' regoli għas-sorsi kollha ta' finanzjament relatati mal-objettivi tematiċi kollha; iqis li huwa meħtieġ li jiġu ssimplifikati, standardizzati u aċċellarati l-proċeduri tal-akkwist pubbliku u tal-konformità tal-għajnuna mill-Istat;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu bil-kofinanzjament ta' proġetti fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss f'konformità mal-prinċipju "tużah jew titilfu";

14.  Jilqa' l-ħidma tal-Assistenza Konġunta ta' Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej (JASPERS), iċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza dwar is-Sħubija Pubblika-Privata (EPEC) u ċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (EIAH); jistenna, madankollu, li l-operazzjonijiet tal-infrastruttura tat-trasport tal-Grupp tal-BEI fl-UE jiddedikaw ferm aktar riżorsi għall-għoti ta' assistenza konsultattiva komprensiva lill-awtoritajiet fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali fi stadju aktar bikri fl-identifikazzjoni u l-valutazzjoni minn qabel tal-proġetti b'valur miżjud tal-UE;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-qafas tar-Regolament(i) il-ġdid/il-ġodda dwar il-politika ta' koeżjoni wara l-2020, tipproponi allokazzjoni akbar tal-fondi disponibbli sabiex il-bliet ikunu jistgħu jitfgħu offerti b'mod konġunt għal infrastruttura jew teknoloġiji li jistgħu jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport urban u jnaqqsu t-tniġġis tal-arja mill-vetturi tat-triq;

16.  Jappoġġja l-allokazzjoni ta' riżorsi adegwati għal riċerka, programmi u proġetti li jippromwovu s-sikurezza fit-toroq fl-Ewropa, f'konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Belt Valletta dwar is-Sikurezza fit-Toroq;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li r-riżorsi jsiru disponibbli biex jappoġġjaw il-mobilità urbana sostenibbli, l-iżvilupp ta' sistemi ta' trasport intelliġenti, proġetti għal ċiklisti u għal persuni bil-mixi u aċċessibilità aħjar għat-trasport għal persuni b'diżabilità;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.
(4) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.
(5) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.
(6) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.
(7) Testi adottati, P8_TA(2018)0067.
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0316.
(9) Testi Adottati, P8_TA(2017)0222.
(10) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 155.
(11) ĠU C 184E, 8.7.2010, p. 35.


Il-protezzjoni tat-tfal migranti
PDF 277kWORD 56k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti (2018/2666(RSP))
P8_TA(2018)0201B8-0218/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2017 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti (COM(2017)0211),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2017 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Settembru 2016, "Id-dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti"(1),

–  wara li kkunsidra l-paragrafu 44 tal-Kummenti Ġenerali Nru 21 (2017) dwar tfal f'sitwazzjonijiet tat-triq tal-21 ta' Ġunju 2017 mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal(2),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE tas-6 ta’ Marzu 2017 għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal: Ma Neskludu lill-Ebda Tifel jew Tifla,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika(5),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' April 2018 fil-Kawża C-550/16, A u S vs Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie, EU:C:2018:248(6),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti (O-000031/2018 – B8‑0016/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont l-UNICEF, huwa stmat li hemm madwar 5.4 miljun tifel u tifla migranti li qegħdin jgħixu fl-Ewropa(7); billi skont l-aħħar ċifri mill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR), fl-2017 32 039 tifel u tifla waslu fil-Greċja, fl-Italja, fi Spanja u fil-Bulgarija; billi 46 % minn dawn kienu tfal mhux akkumpanjati jew mifrudin (UASC), filwaqt li l-54 % l-oħra kienu akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom jew persuni oħra li jieħdu ħsiebhom; billi mill-1 ta' Settembru 2016, ġie rrapportat li 821 tifel u tifla kienu f'detenzjoni f'disa' Stati Membri; billi l-maġġoranza tal-Istati Membri la jipprovdu u lanqas jiġbru b'mod sistematiku data dwar it-tfal migranti f'detenzjoni(8);

B.  billi sena mill-pubblikazzjoni tagħhom fit-12 ta' April 2017, l-Istati Membri għadhom qegħdin jiffaċċjaw sfidi biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti;

C.  billi n-nuqqas ta' informazzjoni affidabbli, kif ukoll it-tul tal-proċeduri tar-riunifikazzjoni tal-familji u l-għoti tal-kustodju, flimkien mal-biża' mid-detenzjoni, milli jintbagħtu lura jew jiġu trasferiti, qed iwasslu biex it-tfal jaħarbu u b'hekk ikunu esposti għat-traffikar, għall-vjolenza u għall-isfruttament;

D.  billi n-nuqqas ta' servizzi ta' protezzjoni tat-tfal u attivitajiet għat-tfal fil-postijiet ta' akkoljenza għandu impatt detrimentali fuq is-saħħa mentali tat-tfal;

E.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal jesiġu li "l-aħjar interessi tat-tfal" ikunu l-kunsiderazzjoni primarja tal-azzjonijiet kollha li jaffettwaw lit-tfal;

F.  billi skont l-aħħar riċerka komparattiva(9), l-Istati Membri qegħdin jintegraw tfal li jfittxu asil fi skejjel b'ritmi differenti, u f'xi każijiet wara aktar minn tliet xhur minn meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal asil, filwaqt li tfal ta' età akbar jiffaċċjaw problemi partikolari;

G.  billi skont Rapport tal-2016 tal-Bażi tad-Data tal-Informazzjoni dwar l-Asil, l-aċċess għall-proċeduri ta' asil ta' spiss huwa problematiku u jista' jwassal għal aktar dewmien sinifikanti(10);

H.  billi xi Stati Membri għadhom qegħdin jiffaċċjaw sfidi fil-valutazzjonijiet tal-età u fil-protezzjoni tat-tfal li ma japplikawx għal asil;

I.  billi rapport reċenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) dwar il-wasliet ta' migranti sfruttati sesswalment jistma li 80 % tal-bniet li jaslu min-Niġerja permezz tar-rotta tal-Mediterran Ċentrali – li żdiedu minn 1 454 fl-2014 għal 11 009 fl-2016 – huma l-vittmi potenzjali tat-traffikar għal sfruttament sesswali; billi l-Istati Membri qegħdin jiltaqgħu ma' diffikultajiet sabiex jidentifikaw u jappoġġaw lill-bniet vittmi tat-traffikar u l-isfruttament sesswali;

J.  billi l-apolidija fit-tfulija toħloq sfidi serji fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, u b'hekk iddewwem il-proċess biex jiġi determinat l-istatus tat-tfal fl-Unjoni Ewropea, li b'hekk iċaħħad lit-tfal minn aċċess għal servizzi u drittijiet bażiċi;

1.  Jissottolinja l-fatt li t-tfal kollha, irrispettivament mill-istatus tagħhom ta' migrant jew rifuġjat, huma l-ewwel u qabel kollox intitolati għad-drittijiet kollha mnaqqxa fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

2.  Tassew jemmen li l-Kummissjoni għandha tassisti lill-Istati Membri biex jadottaw u jimplimentaw kif adatt approċċ olistiku bbażat fuq id-drittijiet fil-politiki kollha relatati mat-tfal;

3.  Jisħaq fuq l-importanza tat-tfassil ta' pjan individwali bbażat fuq il-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet speċifiċi oħra ta' kull tifel u tifla, filwaqt li jitqies il-fatt li l-kwalità tal-ħajja u l-benessri tat-tfal jeħtieġu wkoll integrazzjoni bikrija, sistema ta' appoġġ komunitarju u opportunità li jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom; huwa tal-fehma li dan l-approċċ wera l-effikaċja tiegħu biex jevita li jintilfu t-tfal;

4.  Jappella lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal għad-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tfal, irrispettivament mill-istatus tagħhom;

5.  Jisħaq li l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar id-drittijiet, il-proċeduri u l-opportunitajiet ta' protezzjoni tat-tfal għandha tkun disponibbli għat-tfal b'mod familjari għat-tfal u sensittiv għall-ġeneru u b'lingwa li huma jifhmu; jistieden lill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil jassisti lill-Istati Membri fil-produzzjoni ta' materjal ta' akkoljenza adegwat biex jinforma lit-tfal;

6.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iħaffu l-proċeduri biex jinħatru kustodji jew kustodji temporanji għat-tfal mhux akkumpanjati wara l-wasla tagħhom;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li t-tfal kollha jkollhom aċċess għal uffiċjali għall-protezzjoni tat-tfal mal-wasla tagħhom, inkluż fil-hotspots, fil-faċilitajiet li jospitaw it-tfal u fil-punti tad-dħul fil-fruntieri;

8.  Jappella lill-Istati Membri biex jiggarantixxu li kulħadd, u b'mod partikolari t-tfal mhux akkumpanjati, ikollhom aċċess għal akkomodazzjoni u kura tas-saħħa dinjitużi, u biex jiżguraw aċċess sħiħ għal edukazzjoni formali u inklużiva bl-istess kundizzjonijiet tat-tfal ċittadini, inklużi l-miżuri preparatorji bħal-lezzjonijiet tal-lingwa, sabiex jiġi żgurat li t-tfal jintegraw fis-soċjetajiet ospitanti għad-durata sħiħa tal-preżenza tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru;

9.  Ifakkar li t-tfal mhux akkumpanjati għandhom jiġu ospitati f'faċilitajiet separati mill-adulti sabiex jiġi evitat kull riskju ta' vjolenza u abbuż sesswali;

10.  Jappella biex tingħata prijorità lir-rilokazzjoni tal-kumplament tat-tfal mhux akkumpanjati mill-Greċja u l-Italja li huma eliġibbli fl-ambitu tad-deċiżjonijiet tal-UE dwar ir-rilokazzjoni; jappella biex ikunu hemm fis-seħħ strutturi sabiex titkompla r-rilokazzjoni tat-tfal mill-Istat Membru tal-wasla meta dan ikun fl-aħjar interess tagħhom;

11.  Jagħraf ir-rwol essenzjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li, minkejja riżorsi limitati, huma involuti direttament fl-akkoljenza u l-integrazzjoni ta' tfal migranti; jappella lill-Istati Membri biex joħolqu l-kapaċità u jallokaw riżorsi adegwati għall-akkoljenza ta' tfal migranti, b'mod partikolari tfal mhux akkumpanjati;

12.  Jappella lill-Istati Membri biex jallokaw fondi adegwati u kontinwi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, u biex jiżguraw aċċess għall-finanzjament Ewropew, bħall-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF);

13.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipproċedu bil-proċeduri kollha pendenti tar-riunifikazzjoni tal-familji mingħajr aktar dewmien;

14.  Jenfasizza li t-tfal m'għandhomx jinżammu f'detenzjoni għal finijiet ta' immigrazzjoni u jappella lill-Istati Membri biex jakkomodaw lit-tfal u l-familji bit-tfal kollha f'postijiet mingħajr kustodja bbażati fil-komunità filwaqt li jkun qiegħed jiġi pproċessat l-istatus tal-immigrazzjoni tagħhom;

15.  Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tagħti bidu għal proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri f'każijiet ta' detenzjoni tal-immigrazzjoni mtawla u sistematika tat-tfal u l-familji tagħhom, sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-drittijiet fundamentali tat-tfal;

16.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jinvestu b'mod urġenti f'appoġġ u riabilitazzjoni psikoloġika u psikjatrika sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tas-saħħa mentali tat-tfal;

17.  Jissottolinja l-importanza li tiġi stabbilita sistema ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni robusta bbażata fuq l-aħjar interessi tat-tfal, sabiex jiġi żgurat li t-tfal jidħlu u jibqgħu fis-sistemi nazzjonali ta' protezzjoni, b'approċċ iffokat fuq it-tfal tul il-proċedura kollha, f'konformità sħiħa mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jenfasizza li l-Istati Membri m'għandhomx jużaw il-forza biex jieħdu d-data bijometrika tat-tfal;

18.  Jappella lill-Istati Membri biex jikkondividu l-aħjar prattiki dwar il-proċeduri ta' valutazzjoni tal-età bil-ħsieb li jiġu stabbiliti standards għoljin għall-proċess ta' valutazzjoni tal-età madwar l-UE; jisħaq li l-eżamijiet mediċi fuq it-tfal għandhom isiru b'mod li ma jkunx intrużiv u jirrispetta d-dinjità tat-tfal;

19.  Jappella lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex iżidu l-isforzi u l-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-protezzjoni tat-tfal sabiex jinstabu u jiġu protetti t-tfal mitlufa, filwaqt li jiżguraw li l-aħjar interessi tat-tifel jew tifla dejjem ikunu l-kunsiderazzjoni ewlenija;

20.  Jikkundanna l-fenomenu persistenti u mifrux tal-apolidija fit-tfulija; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiżguraw li l-apolidija fit-tfulija tiġi indirizzata b'mod adegwat fil-liġijiet nazzjonali f'konformità sħiħa mal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

21.  Jagħraf il-progress li sar mill-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar in-Netwerk tal-UE tal-Kustodja u jappella lill-Istati Membri biex jappoġġawh;

22.  Jisħaq li l-atturi kollha li jaħdmu mat-tfal ma għandux ikollhom reġistru kriminali verifikat, speċjalment fir-rigward ta' kwalunkwe delitt jew reat relatat mat-tfal; jappella lill-Istati Membri biex jipprovdu taħriġ kontinwu u adegwat dwar id-drittijiet u l-ħtiġijiet ta' minuri mhux akkumpanjati, inkluż dwar kwalunkwe standard applikabbli tas-salvagwardja tat-tfal;

23.  Jappella lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom, inkluża l-kooperazzjoni transfruntiera, sabiex jidentifikaw it-tfal vittmi ta' traffikar, abbuż u l-forom kollha ta' sfruttament u biex jiżguraw l-istess aċċess lill-vittmi tfal kollha għas-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi; jirrikonoxxi li teżisti kwistjoni partikolari dwar l-isfruttament tal-bniet għall-prostituzzjoni;

24.  Jisħaq li l-ħolqien ta' rotot ġodda sikuri u legali jippermettu lill-Unjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw aħjar il-bżonnijiet ta' protezzjoni, b'mod partikolari għat-tfal, u jtellfu l-mudell kummerċjali tal-kuntrabandisti;

25.  Jirrikonoxxi l-kontribut umanitarju li jingħata minn għadd ta' NGOs nazzjonali u Ewropej, fosthom dawk li jwettqu operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ, favur l-aħjar interessi tat-tfal;

26.  Jappella lill-Istati Membri biex, bħala kwistjoni urġenti, iżidu l-isforzi għal indirizzar konġunt tad-diversi forom ta' kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tat-tfal, jiġġieldu l-impunità, u jiżguraw li l-awturi ta' dawn id-delitti, huma jew mhumiex ċittadini tal-UE, jitressqu l-qorti malajr kemm jista' jkun;

27.  Jemmen li d-drittijiet tat-tfal migranti għandhom jingħataw prijorità fil-perjodu ta' wara l-Baġit 2020, fid-dawl tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2017 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti, tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, u tas-sett ta' għodod tal-Kummissjoni dwar l-użu tal-fondi tal-UE għall-integrazzjoni ta' persuni bi sfond ta' migrazzjoni;

28.  Jappella lill-Istati Membri biex iżidu l-kooperazzjoni transfruntiera, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni bejn is-servizzi differenti fi ħdan l-Istati Membri, sabiex jitneħħew in-nuqqasijiet u jiġi żgurat li s-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal ikunu adegwati u mhux frammentati;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

(1) Riżoluzzjoni NU A/RES/71/1, http://www.un.org/en/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/71/1
(2) https://www.streetchildrenresources.org/resources/general-comment-no-21-2017-on-children-in-street-situations/
(3) ĠU C 289, 9.8.2016, p. 57.
(4) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 9.
(5) Testi adottati, P8_TA(2017)0329.
(6) ECLI:EU:C:2018:248.
(7) https://www.unicef.org/publications/files/Uprooted_growing_crisis_for_refugee_and_migrant_children.pdf
(8) http://fra.europa.eu/en/publication/2017/child-migrant-detention
(9) #Backtoschool' mill-Global Progressive Forum, il-Migration Policy Group u n-netwerk dwar il-Politika Ewropea SIRIUS, www.globalprogressiveforum.org/backtoschool
(10) Rapport AIDA 2016 (p. 3).


Projbizzjoni dinjija tal-ittestjar tal-prodotti kożmetiċi fuq l-annimali
PDF 152kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar projbizzjoni dinjija biex jintemm l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali (2017/2922(RSP))
P8_TA(2018)0202B8-0217/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (1) ("ir-Regolament dwar il-Kożmetiċi"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2013 dwar l-ittestjar fuq l-annimali u l-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni u dwar il-qagħda attwali fejn jidħlu metodi alternattivi fil-qasam tal-kożmetika (COM(2013)0135),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-19 ta' Settembru 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp, il-validazzjoni u l-aċċettazzjoni legali tal-metodi alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali fil-qasam tal-kożmetiċi (2013-2015) (COM(2016)0599),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Stop Vivisection" (C(2015)3773),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta' Settembru 2016 fil-Kawża C-592/14(2),

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Ewrobarometru Speċjali 442 ta' Marzu 2016 dwar "Attitudes of Europeans towards Animal Welfare" (L-Attitudnijiet tal-Ewropej fir-rigward tat-Trattament Xieraq tal-Annimali),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Jannar 2017 bit-titolu "Animanl Welfere in the European Union" (It-Trattament Xieraq tal-Annimali fl-Unjoni Ewropea", ikkommisjonat fuq talba tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kunsill dwar projbizzjoni globali dwar l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali (O-000040/2018 - B8 0017/2018),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar projbizzjoni globali dwar l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali (O-000041/2017 – B8 0018/2018),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-Regolament dwar il-Kożmetiċi jistabbilixxi l-kundizzjonijiet dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kożmetiċi u l-ingredjenti fl-UE, u għandu l-għan li jinkiseb suq intern għall-prodotti kożmetiċi filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem;

B.  billi l-Artikolu 13 tat-TFUE jgħid li fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tas-suq intern, għandhom jitqiesu b'mod sħiħ il-ħtiġijiet tat-trattament xieraq tal-annimali bħala esseri senzjenti;

C.  billi l-kożmetiċi huma parti integrali mill-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-UE u jkopru firxa wiesgħa ta' prodotti, minn irtokk għal deodoranti għal prodotti biex wieħed jinħasel bihom, biex wieħed jixxemmex, prodotti għall-kura tax-xagħar, tal-ġilda u tad-dwiefer, prodotti għat-tqaxxir u għall-iġjene orali;

D.  billi l-Unjoni ħadet impenji favur il-promozzjoni tat-trattament xieraq tal-annimali filwaqt li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent;

E.  billi, sabiex tkun żgurata s-sikurezza tal-kożmetiċi, l-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-Prodotti Kożmetiċi jiddikjara li trid titwettaq valutazzjoni tas-sikurezza u li jrid jitfassal rapport dwar is-sikurezza għal kull prodott kożmetiku;

F.  billi l-Artikolu 11 tar-Regolament jirrikjedi li l-fajl tal-informazzjoni dwar il-prodott irid jinżamm għal kull prodott fis-suq, li għandu jinkludi data dwar kull test fuq l-annimali mwettaq li jkollha x'taqsam mal-valutazzjoni tal-iżvilupp jew is-sikurezza tal-prodott kożmetiku jew l-ingredjenti tiegħu;

G.  billi l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi lesti u ta' ingredjenti kożmetiċi fuq l-annimali ilhom ipprojbiti fl-UE sa minn Settembru 2004 u Marzu 2009 rispettivament ("projbizzjoni tal-ittestjar");

H.  billi l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti kożmetiċi lesti u ingredjenti kożmetiċi ttestjati fuq l-annimali ilha pprojbita fl-UE sa minn Marzu 2009, bl-eċċezzjoni tat-tossiċità tad-doża ripetuta, it-tossiċità riproduttiva u t-tossikokinetika; billi għal dawn l-effetti fuq is-saħħa speċifiċi u kumplessi, il-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ilha tapplika sa minn Marzu 2013, irrispettivament mid-disponibilità ta' testijiet alternattivi mhux fuq l-annimali ("projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni");

I.  billi l-biċċa kbira tal-ingredjenti preżenti fi prodotti kożmetiċi jintużaw ukoll f'ħafna prodotti għall-konsumaturi u industrijali, bħal prodotti farmaċewtiċi, deterġenti u prodotti kimiċi oħra, u l-ikel; billi dawn l-ingredjenti setgħu kienu ttestjati fuq l-annimali skont il-qafas legali rilevanti, bħal pereżempju r-Regolament REACH(3), fejn ma kienx hemm alternattiva;

J.  billi skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru Speċjali Nru 442 ta' Marzu 2016, 89 % taċ-ċittadini tal-UE jaqblu li l-UE għandha tagħmel aktar biex tippromwovi kuxjenza akbar dwar l-importanza ta' trattament xieraq tal-annimali fuq livell internazzjonali, u 90 % taċ-ċittadini tal-UE jaqblu li huwa importanti li jiġu stabbiliti standards għolja ta' trattament xieraq tal-annimali li jkunu rikonoxxuti madwar id-dinja;

K.  billi l-Parlament jirċievi bosta petizzjonijiet minn ċittadini li jeżerċitaw id-dritt tagħhom skont l-Artikoli 24 u 227 tat-TFUE u l-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jappellaw għat-tmiem tal-ittestjar fuq l-annimali fl-Ewropa u fid-dinja kollha u għall-istabbiliment ta' standards internazzjonali dwar it-trattament xieraq tal-annimali;

L.  billi ċ-ċittadini qegħdin jitolbu l-adozzjoni ta' qafas leġilattiv ġdid biex jiġu eliminati gradwalment it-testijiet fuq l-annimali;

M.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fis-sentenza tagħha tal-21 ta' Settembru 2016 fil-Kawża C-592/14, ikkonfermat li t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta' prodotti kożmetiċi li jkun fihom xi ingredjenti li jkunu ġew ittestjati fuq l-annimali barra mill-UE, sabiex jikkummerċjalizzaw dawn il-prodotti f'pajjiżi terzi, jistgħu' jiġu pprojbiti jekk id-data li tirriżulta minn dak l-ittestjar tintuża biex turi s-sikurezza tal-prodotti kkonċernati għall-finijiet tat-tqegħid tagħhom fis-suq tal-UE;

N.  billi l-lakuni jippermettu li prodotti kożmetiċi ttestjati fuq l-annimali barra mill-UE jitqiegħdu fis-suq tal-UE u l-prodotti jerġgħu jiġu ttestjati mill-ġdid fl-UE bl-użu ta' metodi alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali, li jmur kontra l-ispirtu tal-leġislazzjoni tal-UE;

O.  billi l-UE hija attur ewlieni fin-Nazzjonijiet Uniti; billi l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jeħtiġilhom jkomplu jimpenjaw ruħhom għal ordni globali bbażat fuq id-dritt internazzjonali u fuq il-kooperazzjoni multilaterali;

P.  billi l-Unjoni Ewropea għandha timpenja ruħha aħjar biex tipprowovi standards għoljin tat-trattament xieraq tal-annimali fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni tagħha;

Lezzjonijiet mill-projbizzjoni storika tal-UE fuq l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali

1.  Jinnota li l-Ewropa għandha settur tal-kożmetiċi li jiffjorixxi u huwa innovattiv u li jipprovdi madwar żewġ miljun impjieg, u li huwa l-akbar suq għal prodotti kożmetiċi fid-dinja; jenfasizza li l-projbizzjoni tal-UE fuq l-ittestjar fuq l-annimali ma pperikolatx l-iżvilupp tas-settur;

2.  Josserva li, fl-Ewropa, il-livell ta' konformità mal-projbizzjonijiet tal-ittestjar u tal-kummerċjalizzazzjoni fis-seħħ huwa għoli ħafna; jenfasizza, madankollu, li nuqqas ta' dokumentazzjoni kompluta u affidabbli fil-fajl tal-informazzjoni dwar il-prodotti kożmetiċi importati fl-UE minn pajjiżi terzi fejn it-testijiet fuq l-annimali għadhom meħtieġa, għadha kwistjoni serja li trid tiġi indirizzata bi prijorità;

3.  Jemmen li l-projbizzjoni storika tal-UE fuq l-ittestjar ta' prodotti kimiċi fuq l-annimali bagħtet sinjal qawwi lid-dinja dwar il-valur li hija tagħti lill-protezzjoni tal-annimali, u rnexxielha turi li t-tneħħija gradwali tat-testijiet ta' kożmetiċi fuq l-annimali hija possibbli;

4.  Ifakkar li fl-Ewropa saret għażla politika li l-projbizzjoni tkun implimentata irrispettivament mid-disponibilità sħiħa ta' metodi alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali; jemmen li l-eżempju Ewropew juri li n-nuqqas ta' alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali għal xi punti aħħarin mhuwiex argument kontra l-impożizzjoni ta' projbizzjoni globali fuq l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali;

5.  Itenni li l-ittestjar fuq l-annimali m'għadux ġustifikabbli għall-prodotti kożmetiċi u jitlob lill-awtoritajiet pubbliċi tal-UE u nazzjonali jilqgħu l-oppożizzjoni tal-pubbliku għall-ittestjar tal-prodotti kożmetiċi u jappoġġjaw l-avvanz ta' metodi innovattivi u umanitarji ta' ttestjar;

6.  Jitlob lill-awtoritajiet regolatorji u lill-kumpaniji jistabbilixxu sistema ta' monitoraġġ li tkun miftuħa għal awditi indipendenti sabiex jiġi żgurat li l-fornituri tal-industrija jikkonformaw mal-projbizzjoni sħiħa;

L-impatt tal-projbizzjoni fuq l-iżvilupp ta' metodi alternattivi

7.  Ifakkar li l-projbizzjoni tal-ittestjar fuq l-annimali wasslet għal aktar sforzi ta' riċerka għall-iżvilupp ta' metodi alternattivi ta' ttestjar, b'effetti li jmorru ferm lil hinn mis-settur tal-kożmetiċi; jinnota li sar ukoll progress sinifikanti fir-rigward tal-validazzjoni u l-aċċettazzjoni regolatorja ta' metodi alternattivi;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jagħmlu finanzjament biżżejjed disponibbli fuq terminu ta' żmien medju u twil għall-iżvilupp, il-validazzjoni u l-introduzzjoni rapidi ta' metodi alternattivi ta' ttestjar sabiex jissostitwixxu kompletament l-ittestjar fuq l-annimali għal punti aħħarin bħal karċinoġeniċità, tossiċità riproduttiva u tossiċità b'doża ripetuta(4);

9.  Jenfasizza l-ħtieġa għal sforz kontinwu fit-taħriġ u l-edukazzjoni sabiex jiġi żgurat li jkun hemm għarfien adegwat ta' alternattivi u proċessi fil-laboratorji u fost l-awtoritajiet kompetenti;

10.  Jirrimarka li l-istituzzjonijiet akkademiċi għandhom rwol importanti x'jaqdu f'termini ta' promozzjoni ta' alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali f'dixxiplini xjentifiċi u f'termini ta' tixrid ta' għarfien u prattiki ġodda li huma disponibbli iżda li mhux dejjem jintużaw b'mod wiesa'.

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm ħidma fi ħdan l-istrutturi internazzjonali sabiex jitħaffu l-validazzjoni u l-aċċettazzjoni ta' metodi alternattivi, u biex jingħata appoġġ finanzjarju u trasferiment ta' għarfien lill-pajjiżi terzi fejn ix-xjentisti jistgħu ma jkunux konxji ta' metodi alternattivi u l-faċilitajiet tal-ittestjar jista' ma jkollhomx l-infrastruttura ta' riċerka neċessarja;

12.  Jirrimarka li l-UE ppromwoviet il-kollaborazzjoni internazzjonali dwar metodi alternattivi permezz tas-Sħubija Ewropea għal Approċċi Alternattivi għall-Ittestjar fuq Annimali (EPAA), u kienet involuta f'għadd ta' proċessi internazzjonali rilevanti oħrajn, bħalma huma l-Kooperazzjoni Internazzjonali dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Kożmetika (ICCR) u l-Kooperazzjoni Internazzjonali dwar Metodi Alternattivi tal-Ittestjar (ICATM); jinnota li tali kooperazzjoni hija kruċjali;

Is-sitwazzjoni internazzjonali

13.  Jenfasizza li l-Gwatemala, l-Iżlanda, l-Indja, Iżrael, New Zealand, in-Norveġja, is-Serbja, l-Iżvizzera u t-Turkija imponew projbizzjonijiet tal-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali; jinnota li pajjiżi oħra, bħall-Korea t'Isfel u l-Awstralja, għamlu progress sinifikanti lejn tali projbizzjoni;

14.  Jinnota li minkejja xi avvanzi leġislattivi importanti madwar id-dinja, madwar 80 % tal-pajjiżi tad-dinja għadhom jippermettu l-ittestjar fuq l-annimali u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti kożmetiċi ttestjati fuq l-annimali;

L-istabbiliment ta' projbizzjoni globali dwar l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali

15.  Jappella sabiex ir-Regolament tal-UE dwar il-Kożmetiċi jintuża bħala mudell għall-introduzzjoni fil-livell globali ta' projbizzjoni tal-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali u ta' projbizzjoni tal-kummerċ internazzjonali ta' ingredjenti u prodotti kożmetiċi ttestjati fuq l-annimali, li jidħlu fis-seħħ qabel l-2023;

16.  Jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE jiggarantixxu kundizzjonijiet ekwi għall-prodotti kollha mqiegħda fis-suq tal-UE u jiżguraw li l-ebda prodott ma jkun ġie ttestjat fuq l-annimali f'pajjiż terz;

17.  Jitlob li l-Presidenti tal-istituzzjonijiet tal-UE, jippromwovu, jappoġġjaw u jiffaċilitaw l-introduzzjoni ta' projbizzjoni globali tal-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali f'laqgħat mal-kontropartijiet tagħhom, b'mod partikolari mas-Segretarju Ġenerali tan-NU;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jużaw in-netwerks diplomatiċi tagħhom u jaġixxu b'determinazzjoni f'kull forum tan-negozjati possibbli, kemm bilaterali kif ukoll multilaterali, biex jibnu koalizzjoni usa' u b'saħħitha favur il-projbizzjoni globali tal-ittestjar fuq l-annimali fis-settur tal-prodotti kożmetiċi;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jiffaċilitaw, jippromwovu u jappoġġjaw il-konklużjoni ta' konvenzjoni internazzjonali kontra l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali, fi ħdan il-qafas tan-NU; jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri sabiex jinkludu l-projbizzjoni globali tal-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali bħala punt fuq l-aġenda tal-laqgħa li jmiss tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem b'mod proattiv mal-partijiet ikkonċernati kollha, qabelxejn mal-promoturi tal-kampanja għat-tmiem globali tal-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali, mal-NGOs u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, u dan sabiex jiġu promossi avvenimenti sekondarji fl-Assemblea Ġenerali tan-NU li jmiss u biex jiġi ffaċilitat id-djalogu dwar il-benefiċċji u l-merti ta' konvenzjoni internazzjonali kontra l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-projbizzjoni tal-UE tal-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali ma tisfax imdgħajfa, la minn xi negozjati kummerċjali li jkunu għaddejjin u lanqas mir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni teskludi l-prodotti kożmetiċi li ġew ittestjati fuq l-annimali mill-kamp ta' applikazzjoni ta' kwalunkwe ftehim ta' kummerċ ħieles, li diġà jinsab fis-seħħ jew li bħalissa qiegħed jiġi nnegozjat;

o
o   o

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59
(2) ECLI:UE:C:2016:703.
(3) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(4) Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur, Notes of Guidance for the Testing of Cosmetic Ingredients and their Safety Evaluation, 9th revision, SCCS/1564/15.


Is-sitwazzjoni kurrenti u l-prospetti futuri għas-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-UE
PDF 204kWORD 75k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni kurrenti u l-prospetti futuri għas-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-UE (2017/2117(INI))
P8_TA(2018)0203A8-0064/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Forum tal-UE dwar il-Laħam tan-Nagħaġ li sar fl-2015 u fl-2016, taħt il-patroċinju tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-istudju kkummissjonat mid-Dipartiment B tal-Politika tal-Parlament fuq talba tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali dwar il-futur tas-setturi tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu, tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar il-ġejjieni tas-setturi tan-nagħaġ u l-mogħoż fl-Ewropa(1),

–  wara li kkunsidra l-"Evalwazzjoni tal-miżuri tal-PAK fis-settur tan-nagħaġ u tal-mogħoż" ("Evaluation of CAP measures for the sheep and goat sector") li saret mill-Kummissjoni fl-2011,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2017 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għan-natura, in-nies u l-ekonomija,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar Pjan ta' Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2017 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (RAM)" (COM(2017)0339),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Ombudsman Netherlandiż fir-rapport tagħha tal-2012 dwar l-approċċ tal-gvern għad-deni Q(3) u l-istudju tiegħu tal-2017 dwar it-tagħlimiet meħuda mill-gvern mill-epidemija tad-deni Q(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0064/2018),

A.  billi t-trobbija tan-nagħaġ u t-trobbija tal-mogħoż huma setturi b'livelli baxxi ta' qligħ fil-biċċa l-kbira tal-UE, fejn l-introjti li huma fost l-aktar baxxi fl-UE, prinċipalment b'riżultat tal-kosti operazzjonali u regolatorji għalja, li xi kultant jaqbżu l-prezzijiet tal-bejgħ, u l-piż amministratti kbir, li qed iwasslu biex ħafna bdiewa qed jitilqu minn dawn is-setturi b'rata li kulma jmur qed tiżdied;

B.  billi l-iżbilanċi fil-katina alimentari jaggravaw il-vulnerabbiltà ta’ dawn is-setturi, u billi s’issa l-Kummissjoni naqset milli tieħu l-azzjoni regolatorja meħtieġa, mitluba mill-Parlament Ewropew, f’dan ir-rigward;

C.  billi huwa impossibbli li tistabbilixxi u żżomm il-produzzjoni tan-nagħaġ u tal-mogħoż mingħajr garanzija ta’ introjti stabbli għall-bdiewa;

D.  billi t-tgħammir tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-Ewropa għandu l-istaġjonalità, għall-kuntrarju ta’ ċerti reġjuni oħra tad-dinja, li jistgħu jżommu ċiklu sħiħ ta' tnissil u ta' produzzjoni tul is-sena kollha; billi l-istaġjonalità qawwija tista' tħalli lill-bdiewa u lill-produtturi f’inċertezza ekonomika;

E.  billi ż-żewġ setturi għandhom il-potenzjal li joħolqu u jżommu l-impjiegi fiż-żoni żvantaġġjati, bħalma huma r-reġjuni remoti u dawk muntanjużi;

F.  billi il-produzzjoni tan-nagħaġ u tal-mogħoż toffri potenzjal sinifikanti għall-iżvilupp u l-impjieg f’ħafna żoni rurali u periurbani fraġli, prinċipalment permezz tal-bejgħ tal-laħam tan-ngħaġ u tal-mogħoż, u prodotti tal-ħalib ta’ kwalità għolja, li jistgħu jiddaħħlu fis-suq permezz ta’ ktajjen tal-provvista qosra u lokali;

G.  billi dawk li jgħammru n-nagħaġ jesperjenzaw diffikultajiet biex isibu ħaddiema kwalifikati u xi kultant anke biex isibu ħaddiema mhux kwalifikati;

H.  billi t-trobbija tan-nagħaġ u t-trobbija tal-mogħoż huma parti mill-wirt kulturali ta’ ħafna Stati Membri u jipprovdu prodotti tradizzjonali ta’ kwalità għolja;

I.  billi s-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż iridu jiżguraw l-ogħla standards fid-dinja fir-rigward tas-sikurezza tal-ikel, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, u r-rispett għall-ambjent;

J.  billi t-trobbija tan-nagħaġ u t-trobbija tal-mogħoż jaqdu rwol importanti fl-iżgurar tas-sostenibbiltà ambjentali, b'mod partikolari fejn dawn huma bbażati fuq ir-ragħa, peress li huma preżenti f'70 % taż-żoni ġeografikament żvantaġġjati tal-UE, inklużi r-reġjuni iżolati u relattivament inaċċessibbli, u jikkontribwixxu għaż-żamma tal-pajsaġġ, għall-preservazzjoni tal-bijodiversità (inklużi r-razez indiġeni lokali) u għall-ġlieda kontra l-erożjoni tal-ħamrija, l-akkumulazzjoni tal-bijomassa mhux mixtieqa, il-ħsarat lid-diegi, il-valangi u n-nirien tal-foresti u tal-art miksija b'siġar baxxi;

K.  billi t-trobbija tan-nagħaġ u t-trobbija tal-mogħoż jagħtu kontribut soċjoekonomiku importanti liż-żoni rurali tal-Ewropa billi jsostnu l-biedja u l-impjiegi fiż-żoni żvantaġġjati u jagħtu prodotti tradizzjonali ta’ kwalità għolja;

L.  billi t-tiġdid ġenerazzjonali tal-bdiewa jeħtieġ li jittejjeb sabiex tiġi garantita s-sopravivenza ta’ dan it-tip ta’ trobbija tal-bhejjem u tkun tista' titrażżan id-depopolazzjoni rapida f’ħafna reġjuni rurali fejn is-servizzi bażiċi u s-servizzi ta’ appoġġ għall-familji huma skarsi, b’implikazzjonijiet b’mod partikolari għan-nisa, li jwettqu xogħol sinifikanti, u spiss inviżibbli, f’dan is-settur;

M.  billi dawn is-setturi joffru ambjent favorevoli, kif ukoll opportunitajiet, għaż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu l-mistier tal-biedja fi strutturi ta' skala umana – inkluż livell baxx ta’ kapitalizzazzjoni, organizzazzjoni kollettiva żviluppata tajjeb, assistenza reċiproka u kooperattivi b’tagħmir għall-użu komuni – jew jistabbilixxu kumpanija;

N.  billi l-età medja tal-bdiewa tan-nagħaġ u tal-mogħoż qed tikber, u hemm nuqqas ta’ trasferiment tal-għarfien bejn il-ġenerazzjonijiet, sitwazzjoni li tfixkel il-funzjonament bla xkiel taż-żewġ setturi u tirrendihom vulnerabbli għall-iskarsezza ta’ ħiliet u ta' għarfien fil-ġejjieni; billi dawk li jgħammru l-bhejjem u l-produtturi tal-prodotti proċessati ta’ kwalità, bħalma huma l-ġobnijiet artiġjanali, ħafna drabi ma jkollhomx il-ħiliet meħtieġa tal-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ biex jintroduċu l-prodotti tagħhom fis-suq b’mod attraenti;

O.  billi l-maġġoranza tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-UE jitrabbew f’kundizzjonijiet ta' biedja estensiva, bħal pereżempju f'mergħat; billi f’xi Stati Membri s-setturi jiddependu mill-mudell tat-trobbija intensiva tal-mogħoż u n-nagħaġ;

P.  billi dawn is-setturi jikkontribwixxu għall-konservazzjoni ta' żoni ta’ valur ekoloġiku għoli jew ta’ valur naturali għoli (HNV), bħalma huma l-mergħat u r-ragħa fi bwar mhux ikkultivati, mergħat imsaġġra u tipi oħra ta’ ragħa fil-foresti jew dehesa, kif ukoll art inqas fertili, u jwettqu wkoll funzjoni kruċjali fit-tindif tal-art mill-veġetazzjoni baxxa li tikber taħt is-siġar;

Q.  billi d-definizzjoni ta' bur permanenti qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2017/2393(5) ma koprietx b'mod adegwat il-bwar Mediterranji bl-ispeċijiet tal-injam perenni tagħhom, bħalma hi l-art tal-mergħat tad-dehesa u ekosistemi oħra assoċjati mal-agroforestrija, u b'hekk naqqset is-superfiċje eliġibbli għall-għajnuna diretta u ppenalizzat lill-bdiewa f'dawn iż-żoni;

R.  billi l-pastoraliżmu huwa attività tradizzjonali tat-trobbija estensiva tal-annimali, ipprattikata b’mod partikolari fir-reġjuni muntanjużi, u jagħmel lill-iżvilupp possibbli f’territorji li diffiċli tasal għalihom jew timmekkanizzahom u li huma ta’ valur agronomiku baxx, u b’hekk jippermettilhom iżommu attività ekonomika;

S.  billi it-transumanza hija parti mill-prattiki tal-biedja f’xi Stati Membri;

T.  billi l-Politika Agrikola Komuni (PAK) kurrenti tipprevedi appoġġ għal razez awtoktoni differenti ta’ nagħaġ u mogħoż;

U.  billi dawn ir-razez huma adattati sew għall-ambjent lokali u jaqdu rwol sostanzjali fl-ippreservar tal-bijodiversità u tal-bilanċ naturali fil-ħabitats tagħhom;

V.  billi r-razez indiġeni huma ħafna aktar adattati għall-kundizzjonijiet u l-karatteristiċi lokali;

W.  billi issa hemm 25 miljun nagħġa inqas milli kien hemm fis-snin tmenin, u f'dawn l-aħħar 17-il sena l-produzzjoni naqset b'aktar minn 20 %;

X.  billi l-konsum tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż naqas b'mod konsiderevoli f'dawn l-aħħar snin, bi tnaqqis fil-konsum tal-laħam tan-nagħaġ ta' 3.5 kg għal kull persuna fl-2001 għal 2 kg fil-preżent, u li din it-tendenza ta' tnaqqis kompliet għaddejja b'mod rapidu fl-2017, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ;

Y.  billi s-suq tal-laħam tal-mogħoż fl-Ewropa huwa uniku minħabba li l-produzzjoni hija kkonċentrata l-aktar fil-Greċja, fi Spanja u fi Franza, filwaqt li l-konsum huwa partikolarment sinifikanti fil-Portugall, fl-Italja u fil-Greċja;

Z.  billi l-produzzjoni tal-laħam tal-mogħoż, mill-gidien jew mill-annimali adulti tal-qatla, hija waħda staġjonali u prodott sekondarju tal-produzzjoni tal-ħalib, ikkontrollata minn operaturi li jgħoddu ftit, li l-prezz tal-bejgħ tagħha mhuwiex biżżejjed biex il-bdiewa jiġu remunerati;

AA.  billi l-preżenza limitata tal-laħam tal-mogħoż fil-punti tal-bejgħ iġġib telf ta’ viżibbiltà u għaldaqstant tnaqqis fil-konsum mill-konsumaturi;

AB.  billi s-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż huma responsabbli għal 3 % tal-produzzjoni tal-ħalib Ewropew u għal 9 % tal-produzzjoni tal-ġobon Ewropew, u billi flimkien jimpjegaw 1.5 miljun ruħ fl-Unjoni Ewropea;

AC.  billi l-konsum tal-ħalib tal-mogħoż u tal-ġobon tal-mogħoż żdied b’mod sinifikanti f’għadd ta’ Stati Membri f’dawn l-aħħar snin;

AD.  billi l-produzzjoni tal-laħam tan-nagħaġ fl-UE tissodisfa biss madwar 87 % tad-domanda tas-suq, u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, prinċipalment New Zealand, inaqqsu l-kompetittività tal-prodotti tal-UE (għax il-prodotti importati jinbiegħu b'irħas) fl-aktar żminijiet sensittivi tas-sena (il-Ġimgħa Mqaddsa u l-Milied), iżda wkoll matul il-bqija tas-sena, peress li New Zealand u l-Awstralja huma esportaturi maġġuri tal-laħam tan-nagħaġ;

AE.  billi, f'dawn l-aħħar snin, New Zealand żieded l-esportazzjonijiet tal-aħam frisk jew imkessaħ, filwaqt li naqqset l-esportazzjonijiet tradizzjonali tagħha ta' laħam iffriżat, u b’hekk qed ikollha impatt aktar qawwi fuq is-suq tal-laħam frisk tal-UE, u dan qed iwassal biex il-prezzijiet imħallsa lill-produtturi Ewropej jitbaxxew; jemmen li dan irid jitqies fin-negozjati ta’ ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ New Zealand;

AF.  billi, f'ħafna okkażjonijiet, il-produtturi ma tal-UE ma jikkompetux f'kundizzjonijiet ekwi mal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, li ħafna drabi għandhom jirrispettaw standards tal-kwalità, rekwiżiti regolatorji u standards ambjentali inqas rigorużi;

AG.  billi s-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż, peress li huma sensittivi, għandhom jew jiġu protetti fin-negozjati ta’ ftehim ta’ kummerċ ħieles li għaddejjin bejn l-Unjoni Ewropea u, rispettivament, New Zealand u l-Awstralja, jew jiġu esklużi għalkollox minn dawn il-ftehimiet kummerċjali;

AH.  billi xi reġjuni fil-viċinat tal-UE kienu qegħdin juru interess fil-prodotti tan-nagħaġ u tal-mogħoż ġejjin mill-UE, li hija opportunità għall-produtturi tal-UE li, sfortunatament, għadha ma ġietx sfruttata kompletament;

AI.  billi l-Brexit jista' jikkawża bidliet sinifikanti fil-kummerċ intra-UE tal-laħam tan-nagħaġ, billi r-Renju Unit huwa l-ikbar pajjiż produttur u l-bieb ta' dħul prinċipali għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi;

AJ.  billi r-Renju Unit jimporta madwar nofs il-kwota tas-suq tiegħu tan-nagħaġ minn New Zealand, u kważi żewġ terzi mill-Awstralja, u billi l-UE ma tistax tinħall mill-impenji internazzjonali tagħha mil-lejl għan-nar, fatt li jaggrava l-inċertezza kkawżata minħabba l-Brexit;

AK.  billi s-suf tan-nagħaġ u tal-mogħoż huwa riżorsa sostenibbli, li tiġġedded u li hija bijodegradabbli għas-settur tat-tessuti;

AL.  billi s-suf mhuwiex rikonoxxut bħala prodott agrikolu taħt l-Anness I ta’ mat-TFUE, iżda huwa kklassifikat biss bħala prodott sekondarju tal-annimali skont ir-Regolament (UE) Nru 142/2011;

AM.  billi dan in-nuqqas ta’ rikonoxximent ipoġġi lill-bdiewa li jrabbu n-nagħaġ fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ bdiewa oħra, peress li s-suf huwa soġġett għal rekwiżiti aktar stretti milli huma l-prodotti agrikoli rikonoxxuti meta jiġu trasportati, u minħabba li l-interventi tas-suq permezz ta’ organizzazzjoni tas-suq komuni mhumiex possibbli għas-suf;

AN.  billi t-trobbija tan-nagħaġ u t-trobbija tal-mogħoż huma fil-biċċa l-kbira ta’ natura estensiva, sitwazzjoni li tirriżulta fil-kuntatt dirett ma’ annimali selvaġġi, li l-istat tas-saħħa tagħhom ma jistax jiġi garantit;

AO.  billi, skont ir-Regolament (KE) Nru 999/2001, il-pjan dwar l-iscrapie wassal għal tnaqqis ta’ 100 % fl-iskambji tal-istokkijiet tat-tnissil, u billi għar-razez indiġeni żgħar, il-ġenotipar tal-iscrapie rriżulta fi ta’ tnaqqis ta’ sa 50 % fl-għadd ta’ annimali tat-tnissil rġiel;

AP.  billi t-tifqigħat reċenti ta’ mard tal-annimali wrew li tifqigħa fi Stat Membru wieħed jista’ jikkostitwixxi theddida għas-suq agrikolu Ewropew kollu, filwaqt li nżommu f’moħħna d-diversi epidemiji li laqtu lill-Unjoni Ewropea, li wħud minnhom – bħal pereżempju l-epidemija tad-deni Q l-aktar estensiva li qatt kien hawn, li seħħet f’azjendi tat-trobbija tal-mogħoż bejn l-2007 u l-2011 – għandhom konsegwenzi għas-saħħa tal-bniedem;

AQ.  billi l-vaċċinazzjoni tan-nagħaġ u tal-mogħoż tħares lill-merħliet tal-Istati Membri kontra l-mard transfruntier, billi tillimita r-riskju li infezzjoni tkompli tixxerred bejn l-Istati Membri u tgħin biex jittaffew l-effetti tar-reżistenza antimikrobika;

AR.  billi skont il-Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (RAM), l-immunizzazzjoni permezz tal-vaċċinazzjoni hija intervent kosteffettiv tas-saħħa pubblika fl-isforz biex tiġi miġġielda r-reżistenza antimikrobika, minkejja l-fatt li l-użu tal-antibijotiċi jiġi irħas fuq il-perjodu qasir, u l-pjan jipprevedi wkoll inċentivi biex jiżdied l-użu tad-dijanjostiċi, tat-tilqim u tal-alternattivi għall-antimikrobiċi;

AS.  billi s-sistema ta' identifikazzjoni elettronika għan-nagħaġ u għall-mogħoż hija mod effiċjenti kif tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-annimali, iżda jekk tintilef xi ċomba tal-widna, jew bi żball dak li jkun jonqos milli jiskennja ċ-ċombiet tal-widna, dak li jkun jispiċċa penalizzat b’mod li xi drabi jaf ikun sproporzjonat;

AT.  billi l-bdiewa jesperjenzaw ukoll diffikultajiet biex jimplimentaw ir-regoli kurrenti għall-identifikazzjoni fil-każ tal-gidien;

AU.  billi l-protezzjoni mogħtija lil ċerti speċijiet ta’ annimali, speċjalment lill-karnivori kbar, skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats (92/43/KEE), id-deterjorament ta-ħabitat naturali tagħhom u tnaqqis fl-abbundanza u l-kwalità tal-priża naturali tagħhom, flimkien mat-tnaqqis fil-popolazzjoni rurali u n-nuqqas ta’ investiment f’miżuri preventivi min-naħa tal-Istati Membri, kollha kkontribwew għal żieda sinifikanti fl-attakki mill-predaturi fuq il-merħliet tan-nagħaġ u tal-mogħoż fir-reġjuni kollha, u dan qed ikompli jaggrava s-sitwazzjoni diġà prekarja li fiha jsibu ruħhom xi azjendi tal-biedja u jpoġġi l-agrikoltura tradizzjonali u l-biedja tar-ragħa tal-annimali f’riskju f’ħafna żoni;

AV.  billi l-predaturi u l-karnivori l-kbar kisbu status ta’ konservazzjoni tajjeb f’ċerti reġjuni tal-Unjoni Ewropea;

AW.  billi għandha titqies l-introduzzjoni tal-possibbiltà li jiġi emendat l-istatus ta’ protezzjoni tal-ispeċijiet f’reġjuni partikolari meta jkun intlaħaq l-istat ta’ konservazzjoni mixtieq;

AX.  billi l-bdiewa tan-nagħaġ u tal-mogħoż qed ikollhom ilaħħqu ma’ ħafna burokrazija u piżijiet amministrattivi li jirriżultaw mhux biss mill-PAK iżda wkoll minn regoli oħra tal-UE, bħalma huma dawk li jikkonċernaw it-trattament tal-prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem;

AY.  billi s-suq tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż huwa frammentat ħafna u ftit li xejn hemm trasparenza fir-rappurtar tal-prezzijiet tas-suq;

AZ.  billi hemm ftit wisq biċċeriji f’xi Stati Membri, sitwazzjoni li xxekkel l-iżvilupp ta’ dawn is-setturi fihom;

BA.  billi r-ristrutturar tal-industrija tal-biċċeriji, il-konformità mar-regolamenti tas-saħħa u t-tnaqqis fl-għadd ta’ annimali maqtula bħala riżultat tat-tnaqqis fil-biedja, f’ħafna reġjuni wasslu għall-għajbien tal-istrumenti ekonomiċi meħtieġa biex iżidu l-valur u jsostnu l-ktajjen tal-provvista lokali;

BB.  billi r-ristrutturar tal-industrija tal-biċċeriji, il-miżuri applikati bħala konsegwenza tal-kriżi tal-enċefalopatija sponġiformi bovina (“mad cow disease”), u l-pakkett tal-iġjene u tas-saħħa, fost fatturi oħra, f’ħafna Stati Membri wasslu għall-għajbien ta’ diversi strumenti meħtieġa għas-sopravivenza tal-bejgħ lokali dirett, u għal żieda fl-ispejjeż tal-qatla;

BC.  billi faċilitajiet tal-ħlib mobbli u biċċeriji mobbli, jew miżuri biex dawn il-faċilitajiet isiru disponibbli fuq il-post, huma importanti u neċessarji għall-iffaċilitar tal-produttività tat-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż;

BD.  billi l-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż ta’ spiss ma jkollhomx il-varjetà tal-prodott finali li wieħed jista’ jsib f’tipi oħra ta’ laħam, u dan il-fatt jagħmilhom inqas attraenti u, għalhekk, anqas mfittxija mill-konsumaturi;

BE.  billi hemm il-ħtieġa li jiżdied il-valur miżjud fil-produzzjonijiet tal-laħam u li jiddaħħlu formuli ġodda innovattivi li jkunu aktar adattati għad-drawwiet ta' konsum taż-żgħażagħ;

BF.  billi minbarra li tipprovdi firxa wiesgħa ta’ prodotti tal-laħam, tal-ħalib u tas-suf lill-konsumaturi madwar l-UE kollha, it-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż għandha rwol kulturali vitali x’taqdi f’bosta komunitajiet, kif jiġi ċċelebrat fit-tradizzjoni Bulgara tal-kukeri u f’dik Rumena tal-capra, fost oħrajn;

BG.  billi hemm suq li qed jikber f’ħafna Stati Membri prodotti agrikoli lokali kif ukoll għal dawk imkabbra organikament li jissodisfaw id-domanda tal-konsumaturi għat-trasparenza u l-kwalità;

BH.  billi, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u r-Regolament Delegat (UE) Nru 665/2014, l-Istati Membri jistgħu jużaw it-terminu fakultattiv tal-kwalità “prodott tal-muntanji” biex jagħtu viżibilità aħjar lill-prodotti tat-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż li joriġinaw f’reġjuni muntanjużi;

BI.  billi l-iskemi tal-kwalità tal-UE – b’mod partikolari t-tikketti IĠP (indikazzjoni ġeografika protetta) u DOP (denominazzjoni ta’ oriġini protetta) – jipprovdu għodod biex tingħata viżibilità akbar lill-prodotti tat-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż, u b’hekk ikun hemm opportunitajiet aħjar għar-realizzazzjoni tas-suq ta’ dawn il-prodotti;

BJ.  billi xi Stati Membri m’għandhomx politiki strutturali għall-iżvilupp ta’ xi waħda miż-żewġ setturi jew tat-tnejn li huma, fatt li huwa ostaklu għall-iżvilupp tagħhom;

BK.  billi politiki bħal dawn jistgħu jinkludu rakkomandazzjonijiet għal diversi stadji bħalma hu t-tnissil (l-għażla tar-razza, il-produzzjoni tal-imtaten eċċ.), kif ukoll għar-realizzazzjoni tas-suq;

Appoġġ aħjar

1.  Jagħti l-appoġġ tiegħu lir-rakkomandazzjonijiet ippubblikati mill-Forum tal-UE 2016 dwar il-Laħam tan-Nagħaġ, li sar taħt il-patroċinju tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-ħtieġa li jiġi stabbilit pagament ambjentali b’rikonoxximent tar-rwol li s-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż jaqdu billi jipprovdu beni pubbliċi, speċjalment meta huma bbażati fuq ir-ragħa estensiv, rigward: it-titjib tal-art u l-preservazzjoni tal-bijodiversità, l-ekosistemi, iż-żoni b’valur ambjentali u l-kwalità tal-ilma; il-prevenzjoni tat-tibdil fil-klima, tal-għargħar, tal-valangi, tan-nirien tal-foresti u tal-erożjoni relatata; u ż-żamma tal-kampanja u l-impjiegi; Jenfasizza li dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu validi wkoll għas-setturi tal-laħam tal-mogħoż u tal-prodotti tal-ħalib kemm tan-nagħaġ kif ukoll tal-mogħoż;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw li joffru inċentivi lill-bdiewa li jipprattikaw it-transumanza;

3.  Jappoġġja ż-żamma, jew fejn xieraq, iż-żieda tal-għajnuna akkoppjata volontarja għat-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż u miżuri rispettivi oħra mmirati lejn iż-żewġ setturi, b’sussidji divrenzjati għall-imrieħel li jirgħu, fir-riforma li jmiss tal-politika agrikola komuni (PAK), bil-għan li jitwaqqaf l-eżodu qawwi tal-bdiewa minn dawn is-settur fl-UE, minħabba li l-parti l-kbira tas-setturi talt-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż tiddependi bil-wisq mill-pagamenti diretti;

4.  Jenfasizza l-fatt li, skont il-ftehim li ntlaħaq fin-negozjati dwar ir-Regolament (UE) 2017/2393, ir-reġim ta’ appoġġ akkoppjat volontarju huwa ssimplifikat u ċċarat bl-eliminazzjoni tar-referenzi għal limiti kwantitattivi u għaż-żamma tal-produzzjoni, u bid-dispożizzjoni li ċerti kriterji ta’ eliġibilità, u l-baġit ġenerali, jistgħu jiġu rieżaminati annwalment mill-Istati Membri;

5.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jestendu l-pagamenti agroambjentali għall-mergħat użati għar-ragħa tan-nagħaġ u tal-mogħoż, u jappoġġjaw lill-bdiewa li jipprovdu benesseri msaħħaħ tal-annimali;

6.  Jilqa' l-ftehim milħuq fin-negozjar tar-Regolament (UE) 2017/2393, li jirrikonoxxi n-natura speċifika tal-bwar Mediterranji, bħalma huma l-mergħat tad-dehesa, bil-għan li jinstabu arranġamenti aktar ġusti li jirregolaw l-art eliġibbli għall-pagamenti diretti u biex tiġi rimedjata d-diskriminazzjoni intrinsika kontra s-sistemi ta’ ragħa fi bwar mhux ikkultivati u dawk ta’ ragħa fil-foresti (silvopastorali);

7.  Jenfasizza l-importanza ta’ dan it-tip ta’ mergħa għall-prevenzjoni tan-nirien, iżda jinnota, madankollu, li dawn it-titjibiet għadhom fakultattivi għall-Istati Membri;

8.  Jemmen li ekosistemi oħra assoċjati mal-agroforestali tar-ragħa m’għandhomx ibatu minn diskriminazzjoni f’dan ir-rigward, u jitlob li l-limitu ta’ 50 % ta’ ħaxix fiż-żoni msaġġra, li huwa meħtieġ biex jiġi skattat pagament dirett għal kull ettaru, jiġi abbandunat għall-bdiewa tal-mogħoż u n-nagħaġ;

9.  Jirrakkomanda li jiġi awtorizz ir-ragħa xieraq fiż-Żoni b’Fokus Ekoloġiku, inkluż fi bwar niexfa u ta’ kwalità baxxa li jinsabu f’ċerti żoni inqas privileġġjati;

10.  Jenfasizza li r-ragħa ma għandux ikun permess meta hemm ir-riskju li ssir ħsara liż-żoni naturali sensittivi; jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza kbira tar-ruminanti fl-isfruttament tal-fibra mhux maħduma;

11.  Jemmen li huwa meħtieġ li jiġi offrut appoġġ akbar lill-bdiewa żgħażagħ u lil dawk ġodda fil-mistier kemm permezz ta’ għajnuna diretta u kif ukoll permezz tal-politika dwar l-iżvilupp rurali, f’koerenza mal-politiki nazzjonali, bil-għan li jiddaħħlu inċentivi għall-istabbiliment jew l-akkwiżizzjoni ta’ azjendi tat-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż, minħabba li l-età medja kbira tal-bdiewa fis-setturi tal-bhejjem, li jaqbeż b’mod ċar anke lil dik tal-professjonijiet agrikoli l-oħra minħabba l-profitabbiltà fqira tagħhom, hija fost l-isfidi ewlenin biex iż-żoni rurali jibqgħu ħajja u biex tibqa’ tinżamm is-sigurtà alimentari fl-Unjoni;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-problemi speċifiċi deskritti fil-qosor mill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lin-nisa impjegati f’dawn is-setturi, permezz ta’ miżuri biex, fost l-oħrajn, tittejjeb il-viżibilità tagħhom,jiġu promossi s-sjieda u s-sjieda konġunta u jiddaħħlu s-servizzi meħtieġa ta’ appoġġ għall-familji;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi speċifiċi li jgħinu lin-nisa jsibu posthom f’dawn is-setturi partikolari, peress li dan jista’ jikkontribwixxi b’mod profond għat-tiġdid ġenerazzjonali li hu meħtieġ fis-setturi u jista’ jgħin biex it-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż jibqgħu jinżammu bħala intrapriża tal-familja;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni akbar lid-diversità tar-riżorsi ġenetiċi fis-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż, minħabba l-importanza tagħhom għall-produttività (il-fertilità, il-prolifiċità, eċċ.), għall-kwalità tal-prodotti u għall-adattament tal-annimali għall-ambjent tagħhom;

15.  Japprezza l-linji ta’ appoġġ li hemm disponibbli bħalissa għall-promozzjoni tar-razez indiġeni u tal-kwalità divrenzjata, bħalma hi ċ-ċertifikazzjoni organika;

16.  Jenfasizza li, f’dan ir-rigward, il-preservazzjoni tar-razez lokali u ta’ dawk li jifilħu għal kundizzjonijiet diffiċli għandha tiġi kkunsidrata fil-pjanijiet tat-tnissil tal-bhejjem;

17.  Jenfasizza l-importanza tar-razez tan-nagħaġ u tal-mogħoż indiġeni biex jirgħu fir-reġjun Alpin, peress li l-użu ta’ razez oħra ma jkunx prattikabbli;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex iżżid l-appoġġ għaż-żamma ta’ tali razez ta’ nagħaġ u ta’ mogħoż;

19.  Jitlob li jiżdied l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż;

20.  Jieħu kont tal-iżvilupp ta’ sussidji fis-setturi, li huwa tal-ikbar importanza għall-isforzi biex tiżdied l-effiċjenza u l-kompetittività fil-produzzjoni, tittejjeb il-kwalità tal-prodott u tingħata spinta lill-awtosuffiċjenza tal-provvista tal-laħam tan-nagħaġ tal-UE – li kollha kemm huma huma konsistenti mal-objettivi tal-iżvilupp tal-effiċjenza u tat-titjib tal-kwalità tal-UE;

Il-promozzjoni u l-innovazzjoni

21.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ għar-riċerka dwar metodi u teknoloġiji ta’ produzzjoni innovattivi bil-għan li tissaħħaħ il-kompetittività tas-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż, u jiġu promossi l-prodotti tal-laħam, tal-ħalib u tas-suf fis-suq intern, filwaqt li jiġu enfasizzati mhux biss il-prodotti tradizzjonali bħall-ġobon, iżda wkoll qatgħat tal-laħam aktar ġodda biex jiġu offruti prodotti li jikkorrispondu mal-aspettattivi tal-konsumaturi u d-domanda tas-suq. jistieden ukoll lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-konsum aktar regolari permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni dwar metodi ta’ tisjir u preparazzjoni li jkunu adattati għall-konsumaturi ġodda, inkluż fil-pajjiżi ġirien emerġenti ġodda u fi swieq tal-Lvant, filwaqt li jenfasizzaw il-benefiċċji nutrittivi u tas-saħħa li għandu x’joffri l-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż;

22.  Iqis li hemm bżonn nikkontrobattu l-idea li l-ħaruf huwa diffiċli biex issajru u nikkontrobattu wkoll it-tendenza kurrenti li l-laħam aħmar jiġi evitat;

23.  Jenfasizza li l-isforzi biex jiżdied il-konsum tal-laħam tan-ngħaġ u tal-mogħoż huma essenzjali jekk għandha tiżdied il-produzzjoni fl-UE;

24.  Jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea tal-intenzjoni tagħha li tistabbilixxi linja baġitarja apposta għall-prodotti tal-laħam u tal-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż fil-kampanji ta’ promozzjoni li jmiss kofinanzjati mill-Unjoni;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-kampanji promozzjonali mmirati biex iżidu l-konsum tal-prodotti tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-UE kollha;

26.  Jitlob li kemm il-ġlud bil-pil u kemm is-suf jiġu inklużi fost il-prodotti benefiċjarji;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina kampanji promozzjonali għat-tikkettar tal-IĠP u tad-DOP tal-prodotti tan-nagħaġ u tal-mogħoż sabiex tiżdied l-attraenza tagħhom; jitlob li jsir studju fil-fond tal-punti ta’ bejgħ fis-suq għas-suf ħalli jkun jista’ jiġi pprovdut redditu ekonomiku ikbar lill-produtturi;

28.  Jinkoraġġixxi lil aktar Stati Membri jimplimentaw it-terminu fakultattiv tal-kwalità “prodott tal-muntanji”, kif previst fil-leġiżlazzjoni kurrenti tal-UE, li huwa strument biex jiġu żgurati viżibilità aħjar tal-prodotti u għażla aktar infurmata għall-konsumaturi;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiddaħħlu tikketti ta’ garanzija għal laħam tal-ħaruf u tal-gidi, kemm għall-produtturi individwali u kemm għall-assoċjazzjonijiet tal-produtturi, bħala l-benefiċjarji possibbli ta’ appoġġ għall-kwalità divrenzjata; jenfasizza li dawn it-tikketti jridu jkunu approvati mill-awtorità lokali kompetenti skont ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet rilevanti li jirregolaw l-użu ta’ tikketti bħal dawn;

30.  Jitlob appoġġ għal avvenimenti promozzjonali madwar l-UE kollha dedikati għas-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż, bħalma huma festivals u avvenimenti annwali simili, bħala mezz biex tiżdied il-kuxjenza pubblika dwar il-benefiċċji li dawn is-setturi jġibu lill-UE, lill-ambjent u liċ-ċittadini tagħha;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-isfruttament tal-potenzjal kbir tal-prattiki tradizzjonali tat-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż permezz tal-agrituriżmu;

Prattiki tajba

32.  Jistieden lill-Kummissjoni toħloq il-kundizzjonijiet għall-iżvilupp ta’ settur tal-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż, li jippermettu l-akbar valur miżjud possibbli fl-azjendi tal-biedja, permezz ta’ politiki ta’ kwalità għolja li jiffavorixxu l-produzzjoni ta’ prodotti tal-ħalib fl-azjendi tal-biedja, li jiġu kummerċjalizzati primarjament permezz ta’ ktajjen tal-provvista qosra jew lokali; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza li l-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni aħjar tar-regoli tal-iġjene fl-Istati Membri kollha, mhux l-inqas billi tuża l-“Gwida għall-Prattika Tajba tal-Iġjene fil-Produzzjoni tal-Ġobon Artiġjanali” li tħejja minn bdiewa min-Netwerk Ewropew tal-Irziezet u tal-Produtturi tal-Ġobon Artiġjanali & tal-Ħalib (Farmhouse and Artisan Cheese & Dairy Producers European - (FACE)) b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjattaforma online iffukata fuq is-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż bl-għan ewlieni li jiġu skambjati l-prattiki tajba u d-data rilevanti mill-Istati Membri;

34.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal linji gwida għall-prattiki tajba għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mis-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż li mbagħad ikunu jistgħu jiġu kondiviżi fost l-Istati Membri u ma’ organizzazzjonijiet professjonali;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddedikaw aktar attenzjoni lis-settur tal-produzzjoni u l-ipproċessar tas-suf billi jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ programmi għall-iskambju ta’ informazzjoni u ta' prattiki tajba fost dawk li jipparteċipaw fil-katina tal-ipproċessar tas-suf;

36.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li tagħmel eċċezzjonijiet għas-suf meta tkun qed tapplika r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u r-Regolament (UE) Nru 142/2011 dwar it-trattament ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, minħabba li dan huwa prodott li mhuwiex maħsub għall-konsum mill-bniedem;

It-titjib tas-swieq

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti dwar it-trasparenza tal-prezzijiet fis-setturi sabiex tipprovdi lill-konsumaturi u lill-produtturi tagħrif dwar il-prezzijiet tal-prodotti;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw il-possibbiltà li jarmonizzaw l-arranġamenti dwar il-karkassi b’tali mod li jirriflettu l-ispejjeż reali, mingħajr ma jippreġudikaw il-bijodiversità ggarantita mir-razez lokali, u t-twaqqif ta’ osservatorju Ewropew li jimmonitorja l-prezzijiet u l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż; jenfasizza kemm hu importanti li jiġu monitorjati l-marġinijiet matul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel, inklużi l-prezzijiet bl-ingrossa;

39.  Iwissi li d-domanda statika jew li tknu qed tonqos, u produzzjoni ogħla, jistgħu jwasslu għal prezzijiet aktar baxxi għall-produtturi;

40.  Ifakkar li skont l-Artikolu 149 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-produtturi tal-ħalib tan-nagħaġ jew tal-ħalib tal-mogħoż, miġbura flimkien f’organizzazzjoni tal-produtturi, jistgħu jwettqu negozjati kuntrattwali konġunti dwar sa 33 % tal-produzzjoni nazzjonali u 3.5 % tal-produzzjoni Ewropea; jenfasizza li dawn il-limiti ġew stabbiliti primarjament għall-produzzjoni tal-ħalib tal-baqra mhux ipproċessat u għaldaqstant huma restrittivi u ftit li xejn adattati għall-produzzjoni tal-annimali ruminanti żgħar, b’mod partikolari meta l-bdiewa jkunu jixtiequ jorganizzaw ruħhom f’assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi lokali jew organizzazzjonijiet tal-produtturi b'xerrejja multipli, jew meta jħabbtu wiċċhom ma’ grupp industrijali kbir;

41.  Jitlob li jiġu stabbiliti indikaturi preċiżi biex ikunu jistgħu jiġu mmonitorjati aktar mill-qrib il-produzzjoni u l-konsum tal-laħam tal-mogħoż, u l-kummerċ tiegħu, filwaqt li ssir distinzjoni bejn l-annimali adulti u l-gidien;

42.  Jemmen li hemm il-ħtieġa li jiġu mtejba s-saħħa tan-negozjar u l-poter tas-suq tal-produtturi fil-katina alimentari, filwaqt li jiġu estiżi r-regoli dwar ir-relazzjonijiet kuntrattwali għat-trobbija tan-nagħaġ u l-mogħoż, u għall-prodotti tal-laħam kif ukoll għall-prodotti tal-ħalib, billi jiġu stabbiliti organizzazzjonijiet tal-produtturi u interprofessjonali simili għal dawk li jeżistu f’setturi oħra tal-uċuħ tar-raba’ u tat-trobbija tal-bhejjem, f’konformità mal-ftehim milħuq bħala parti mir-Regolament (UE) 2017/2393, bil-għan li l-kompetittività tas-setturi u l-produttività baxxa tagħhom li hemm bħalissa jittejbu;

43.  Jappella biex it-tikkettar tal-kwalità DOP u IĠP tal-laħam tan-nagħaġ jiġi inkluż ma’ dak tal-perżut, kif hemm spjegat fl-Artikolu 172 tar-Regolament 1308/2013, bħala miżura ta’ mmaniġġjar tal-provvista biex jiżdiedu l-possibbiltajiet li l-provvista titqabbel mad-domanda;

44.  Jinnota li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, jew l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-ħalib tan-nagħaġ jew tal-ħalib tal-mogħoż, jistgħu jinjoraw il-limiti massimi vinkolanti skont l-Artikolu 149 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jekk huma jeżerċitaw attività ekonomika (il-promozzjoni, il-kontroll tal-kwalità, l-ippakkjar, l-ittikkettar jew l-ipproċessar) b’mod konġunt, b’konformità mal-Artikolu 152, kif emendat mir-Regolament (UE) 2017/2393;

45.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha li għadhom ma bdewx jipprovdu appoġġ finanzjarju tal-Pakkett tal-Ħalib lis-setturi tal-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż biex jagħmlu dan;

46.  Jemmen li l-prodotti min-nagħaġ u mill-mogħoż għandhom jinżammu milli jiġu mibjugħa għal inqas mill-prezzijiet tal-produtturi;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-katina tal-provvista tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż (eż. id-distinzjoni bejn laħam minn annimali maturi u gidien) biex jiġi żgurat li l-bdiewa jirċievu redditu ġust mis-suq;

48.  Jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza tal-kummerċjalizzazzjoni diretta tal-prodotti tan-nagħaġ u tal-mogħoż;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi klima ta’ bejgħ dirett mill-produtturi u mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi bil-ħsieb li tillimita ż-żidiet artifiċjali tal-prezzijiet;

50.  Jappoġġja l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista lokali fis-settur tat-trobbija tan-nagħaġ bħala mod kif jiżdied id-dħul tal-azjendi tat-trobbija tan-nagħaġ u jittejjeb it-tqabbil bejn il-provvista u d-domanda, u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħtu attenzjoni partikolari lill-politiki pubbliċi tagħhom dwar il-biċċeriji lokali, li huma essenzjali għall-iżvilupp ta’ dawn il-ktajjen tal-provvista lokali;

51.  Ifakkar li l-produtturi jistgħu jistabbilixxu miżuri biex jirregolaw il-provvista tal-ġobon, inkluż mill-ħalib tan-nagħaġ jew mill-ħalib tal-mogħoż, b’tikketta tad-DOP jew tal-IĠP skont l-Artikolu 150 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

52.  Jilqa’ l-fatt li dawn l-istrumenti ġew estiżi lil hinn mill-2020 bħala parti mill-ftehim milħuq dwar in-negozjar tar-Regolament (UE) 2017/2393;

53.  Iqis li hemm il-ħtieġa li tiġi promossa l-konċentrazzjoni tal-provvista fost il-bdiewa f’impriżi, bħalma huma l-kooperattivi, li se jagħtu spinta lis-saħħa tagħhom ta’ negozjar fil-katina alimentari, izidu l-valur mal-produzzjoni tal-bdiewa membri u jwettqu attivitajiet li se jwasslu għall-iffrankar tal-ispejjeż jew attivitajiet li diffiċli jitwettqu minn persuna individwali, bħalma huma l-innovazzjoni u l-konsulenza dwar il-bhejjem;

54.  Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet f’dawk l-Istati Membri fejn l-organizzazzjonijiet professjonali fis-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż urew interess evidenti li jfasslu strateġiji għat-terminu medju u fit-tul għall-iżvilupp ta’ dawn is-setturi, b’suġġerimenti dwar kif jistgħu jtejbu l-għażla tar-razez u r-realizzazzjoni tal-prodotti fis-suq;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu bidu għal programmi li jinkoraġġixxu lill-produtturi jistabbilixxu grupppi tal-produtturi u tal-kummerċjalizzazzjoni, biex jipprattikaw il-kummerċjalizzazzjoni diretta u jipproduċu u jittikettaw kwalitajiet speċjali tal-prodotti tal-laħam u tal-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż (bħalma huma l-prodotti organiċi jew is-speċjalitajiet reġjonali);

56.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tħaffef ir-rekwiżiti amministrattivi għall-ftuħ ta’ impriżi żgħar tal-produzzjoni tal-ġobon fl-azjendi tat-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż, u b’hekk tippermetti lill-bdiewa jagħtu spinta lill-valur miżjud tal-azjendi tal-biedja tagħhom;

57.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra aktar għodod u strumenti li jistgħu jgħinu lis-setturi jiffaċċjaw il-kriżijiet, jaffrontaw l-isfidi globali u jiżguraw l-iżvilupp sostenibbli tagħhom;

58.  Iqis li hu neċessarju li jkun hemm stabbiliti bil-lest strumenti ta’ prevenzjoni u ġestjoni tal-kriżijiet għas-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż sabiex tkun tista’ tiġi limitata l-volatilità tal-prezzijiet, jiġu żgurati redditu ġust għall-produtturi u ambjent li jwassal għall-investiment, u biex iż-żgħażagħ jieħdu f’idejjhom azjendi tal-biedja eżistenti;

59.  Jinnota li l-kwalità tal-laħam tan-ngħaġ u tal-mogħoż tiddependi ħafna mir-riżorsi tal-ikel tagħhom, u li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni għas-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż għaldaqstant ivarjaw b’mod konsiderevoli minn reġjun għall-ieħor fi ħdan l-UE;

60.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jiżguraw li l-produtturi jkollhom aċċess għas-swieq u li jiġu stabbiliti ħwienet speċjalizzati;

Il-Brexit u l-ftehimiet kummerċjali

61.  Jitlob lill-Kummissjoni taċċerta ruħha dwar kif se jkun is-suq tal-laħam tan-ngħaġ wara l-Brexit, u tistabbilixxi l-miżuri neċessarji biex jiġi prevenut li jseħħu disturbi severi tas-suq, inkluż l-istabbiliment ta’ xibka ta’ sikurezza aktar effiċjenti għall-prezzijiet u s-swieq sabiex is-settur jitħares mill-impatt tal-Brexit;

62.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun prudenti meta tkun qed tinnegozja l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles ġodda ma’ New Zealand u mal-Awstralja sakemm tkun għadha qed tagħmel l-analiżi tagħha tal-impatt tal-Brexit fuq it-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż, speċjalment għal dak li għandu x’jaqsam mal-ġejjieni tal-kwota ta' piż ekwivalenti tal-karkassa ta' 287 000 tunnellata għal-laħam tan-nagħaġ mogħtija mill-UE lil New Zealand, li minnha bħala medja jintuża madwar 75 %, fejn madwar 48 % li jmorru lejn ir-Renju Unit, u l-kwota ta' piż ekwivalenti tal-karkassa ta' 19 200 tunnellata għal-laħam tan-nagħaġ mogħtija mill-UE lill-Awstralja, li minnha bħala medja jintuża kważi 100 %, minnhom huwa użat bħala medja, fejn madwar 75 % li jmorru lejn ir-Renju Unit;

63.  Huwa tal-fehma li l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles il-ġodda għandhom jistipulaw li l-kwoti ta' New Zealand u l-Awstralja għall-esportazzjonijiet tal-laħam tal-ħrief lejn l-UE jinqasmu f’kategoriji separati għal-laħam frisk jew imkessaħ u għal-laħam iffriżat; ifakkar li filwaqt li l-ħrief huma spiss ħafna kkummerċjati fl-età ta’ 6 jew 9 xhur fl-UE, fi New Zealand ħafna drabi huma kkummerċjati fl-età ta’ 12-il xahar; jenfasizza li l-aċċess preferenzjali għas-suq ma għandux jiżdied għal aktar mill-kwoti tariffarji eżistenti;

64.  Ifakkar li l-Parlament identifika l-laħam tan-nagħaġ bħala punt partikolarment sensittivi fin-negozjati tal-ftehim ta' kummerċ ħieles ma’ New Zealand, u appoġġja l-potenzjalità li s-setturi l-aktar sensittivi jiġu esklużi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Ottubru 2017 li fiha r-rakkomandazzjoni tal-Parlament lill-Kunsill dwar il-mandat ta’ negozjar propost għal negozjati kummerċjali ma’ New Zealand(6);

65.  Itenni li kwalunkwe ftehim ta' kummerċ ħieles irid jirrispetta bis-sħiħ l-istandards għolja tal-UE fir-rigward tal-benesseri tal-annimali, l-ambjentali u s-sikurezza tal-ikel; jinnota li l-kwoti tariffarji kurrenti għal New Zealand għandhom impatt fuq il-produzzjoni tal-laħam tan-nagħaġ tal-UE;

66.  Jesprimi tħassib dwar l-ittra li l-Istati Uniti u sitt esportaturi agrikoli kbar oħra (l-Arġentina, il-Brażil, il-Kanada, New Zealand, it-Tajlandja u l-Urugwaj) bagħtu lir-rappreżentanti tar-Renju Unit u tal-UE fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fis-26 ta' Settembru 2017 rigward diskussjonijiet interni dwar il-possibbiltà li l-kwoti tariffarji tal-importazzjoni jiġu mqassma mill-ġdid bejn ir-Renju Unit u l-kumplament tal-Istati Membri tal-UE;

67.  Jenfasizza kemm huwa importanti li r-Renju Unit jibqa' jżomm is-sehem kurrenti tiegħu ta' kwoti tariffarji wara l-ħruġ tiegħu mill-UE, u li jintlaħaq qbil li fih l-ebda wieħed mis-swieq tar-Renju Unit u tal-UE ma jiġi fornut iż-żejjed b'laħam tan-nagħaġ importat, sabiex jiġi evitat li l-produtturi fir-Renju Unit u fl-UE jsofru konsegwenzi negattivi;

68.  Jifhem kemm is-settur tal-laħam tan-nagħaġ tar-Renju Unit huwa dipendenti mis-suq tal-UE, iżda jqis li din is-sitwazzjoni tippreżenta kemm sfidi kif ukoll opportunitajiet;

69.  Iqis li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE għandu jkun opportunità sabiex is-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż Ewropej ikomplu jiġu żviluppati aktar bil-għan li l-UE issir inqas dipendenti mill-importazzjonijiet tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż minn New Zealand;

70.  Jiddispjaċih li aktar minn 1 400 prodott agrikolu Ewropew protetti b’indikazzjoni ġeografika ma jibbenefikawx awtomatikament minn protezzjoni ekwivalenti fis-swieq ta’ pajjiżi terzi koperti minn ftehimiet kummerċjali internazzjonali nnegozjati mill-UE;

71.  Jitlob li, meta nkunu se nidħlu fi ftehimiet ulterjuri ma’ pajjiżi terzi, tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni prekarja tal-bdiewa tan-nagħaġ u tal-mogħoż, speċifikament billi jiġu elenkati bħala setturi sensittivi jew billi jiġu esklużi min-negozjati kompletament, sabiex tiġi evitata kwalunkwe dispożizzjoni li tista’ b’xi mod tikkomprometti l-mudell Ewropew tal-produzzjoni jew tagħmel ħsara lill-ekonomiji lokali jew reġjonali;

72.  Jenfasizza li l-kosti u l-istandards tal-produzzjoni tal-pajjiżi ewlenin li jesportaw il-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż huma bil-wisq aktar baxxi minn dawk fl-Ewropa;

73.  Jenfasizza li dawn is-setturi għandhom jingħataw trattament xieraq, pereżempju permezz tal-introduzzjoni ta’ kwoti tariffarji jew perjodi ta’ transizzjoni adegwati, filwaqt li jitqies kif dovut l-impatt kumulattiv li għandhom il-ftehimiet kummerċjali fuq l-agrikoltura, jew saħansitra billi jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tan-negozjati;

74.  Jenfasizza b’mod partikolari, f’dan il-kuntest, il-problemi severi kkawżati mit-tħassib dwar il-benesseri tal-annimali matul ir-rotot twal tat-trasport minn pajjiżi 'l bogħod jew lejn tali pajjiżi, u mit-tħassib ukoll fuq l-impatt ambjentali ta' dan it-trasport;

75.  Jistieden lill-Kummissjoni ddaħħal sistema mandatarja ta’ regolamentazzjoni tat-tikkettar tal-UE għall-prodotti tal-laħam tan-nagħaġ, possibilment b'logo li jintuża fl-UE kollha, biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jiddistingwu bejn il-prodotti tal-UE u dawk minn pajjiżi terzi; jissuġġerixxi li tikketta bħal din tkun tista’ tiġi ċċertifikata bl-użu ta’ għadd ta’ kriterji inklużi skema ta’ assigurazzjoni tal-azjenda tal-biedja u indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini, biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu konxji bis-sħiħ tal-post tal-oriġini tal-prodott;

76.  Iqis li sistema bħal din trid tiġi mfassla b’mod li jiġi evitat it-tidgħif ta' sistemi ta' tikkettar promozzjonali eżistenti fil-livell tal-Istati Membri u fil-livell reġjonali;

77.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi l-assistenza tagħha fil-ftuħ ta’ swieq tal-esportazzjoni għal-laħam u l-ġewwieni tan-nagħaġ tal-UE f’pajjiżi fejn bħalissa japplikaw restrizzjonijiet bla bżonn;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra żieda fl-esportazzjonijiet lejn l-Afrika ta’ Fuq, li huwa suq li qed jikber li tġjapprezza l-kwalità u s-sikurezza tal-ikel garantiti mill-UE;

79.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji rapporti dwar il-swieq fil-mira possibbli għall-laħam u l-prodotti tal-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż tal-UE;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-kwalità tal-prodotti esportati mill-UE, b’mod partikolari permezz ta’ standards sanitarji stretti u t-traċċabbiltà, li jiggarantixxu laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż ta’ kwalità ogħla minn dak esportat minn New Zealand u l-Awstralja; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-enfasi partikolari tal-UE fuq il-kwalità hija xi ħaġa li għandha tiġi enfasizzata sabiex jiġi inkoraġġit il-konsum tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż Ewropew;

Sistema ta' Identifikazzjoni Elettronika

81.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw li jarmonizzaw il-livelli tat-tolleranza meta jiġu biex jikkastigaw lill-bdiewa tal-bhejjem għal żbalji involontarji fl-applikazzjoni tal-iċċumbar tan-nagħaġ u s-sistema ta’ identifikazzjoni elettronika, bil-kundizzjoni stretta li dan ma jwassalx għall-aċċettazzjoni ta’ marġni ta’ żball ikbar minn dik li hemm għall-kura tas-saħħa preventiva tal-annimali u li dan ikun iġġustifikat fid-dawl tal-approċċ “Saħħa Waħda”;

82.  Jirrikonoxxi l-importanza ta’ approċċ unifikat għall-kura tas-saħħa preventiva tal-annimali, kif ukoll l-importanza tat-titjib tagħha, fl-Unjoni;

83.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-leġiżlazzjoni mingħajr eċċezzjoni;

84.  Jirrimarka li r-rata ta’ telf taċ-ċombiet tal-widna hija ogħla fost in-nagħaġ li jirgħu b’mod estensiv f’żoni ta’ restrizzjonijiet naturali milli fost il-bhejjem l-oħra li jirgħu f’sistemi f’altitudni baxxa, u jitlob li l-Kummissjoni tirrikonoxxi dan il-fatt;

85.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistudjaw il-possibbiltà li jfasslu sistema ta’ identifikazzjoni simplifikata għall-merħliet fuq skala żgħira fi produzzjoni estensiva maħsuba għaċ-ċirkwiti lokali li ma tkunx ta’ ħsara għat-traċċabbiltà effettiva tal-prodotti, u jintroduċu dispożizzjonijiet aktar flessibbli u aktar orjentati lejn it-tkabbir rigward l-użu taċ-“ċombiet tal-widna” elettroniċi;

86.  Jinnota li s-sistemi ta’ identifikazzjoni għandhom ikunu mfassla b’tali mod li l-burokrazija titnaqqas kemm jista’ jkun; jenfasizza li l-produtturi bi dħul baxx se jkollhom bżonn ta’ għajnuna finanzjarja jekk se jinstallaw sistemi ta’ identifikazzjoni elettronika għalja u obbligatorja;

Aspetti tas-saħħa

87.  Jinnota li t-tifqigħat tal-mard tal-annimali għandhom konsegwenzi diżastrużi fuq il-benessri tal-annimali, tal-bdiewa u tar-residenti lokali;

88.  Jenfasizza li s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali għandhom jingħataw prijorità f’kull ħin;

89.  Iqis li hemm bżonn ta’ aktar azzjoni biex jiġu pprevenuti t-tifqigħat transfruntiera tal-mard tal-annimali u jitnaqqas l-impatt tar-reżistenza għall-antibijotiċi, u biex jiġi promoss it-tilqim ħalli jiġi miġġieled it-tixrid tal-infezzjonijiet fin-nagħaġ u fil-mogħoż,

90.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi inċentivi u appoġġ għall-bdiewa li jrabbu n-nagħaġ u l-mogħoż li jkunu jistgħu juru li jkunu kisbu kopertura għolja ta’ tilqim fost il-bhejjem tagħhom, b’konformità mal-Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika, għaliex altrimenti ftitl li xejn ikun hemm inċentiv tas-suq għall-bdiewa li jagħmlu dan;

91.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-kapaċità tagħha ta’ reazzjoni għat-tifqigħat tal-mard tal-annimali, bħalma hi l-marda tal-ilsien ikħal, permezz ta’ strateġija ġdida tas-saħħa tal-annimali tal-UE, finanzjament għar-riċerka, kumpens għat-telf, ħlasijiet bil-quddiem ta’ pagamenti, eċċ.;

92.  Jitlob li jitfassal pjan biex jiġu pprevenuti l-mard u l-mortalità fost il-gidien irġiel ibbażat fuq il-valur intrinsiku tal-annimal u billi tingħata prijorità kemm lill-benesseri tal-gidien irġiel u kemm tal-mogħoż;

93.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-użu ta’ vaċċini immunopreċiżi bħala l-ewwel miżura biex jiġu miġġielda t-tifqigħat possibbli ta’ mard f’dawn is-setturi;

94.  Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb id-disponibbiltà tal-prodotti mediċinali u veterinarji għas-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż fil-livell tal-UE permezz tal-appoġġ għar-riċerka farmaċewtika u tas-simplifikazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet tal-ikkummerċjar;

95.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw mill-ġdid il-livell tal-monitoraġġ tas-saħħa tal-annimali selvaġġi, b’mod partikolari fiż-żoni fejn il-merħliet jiġu ġestiti b’mod estensiv;

Predaturi

96.  Ifakkar li l-proliferazzjoni tal-predaturi hija riżultat, inter alia, tal-leġiżlazzjoni kurrenti tal-UE li għandha l-għan li tippreserva l-ispeċijiet tal-annimali selvaġġi indiġeni;

97.  Jappoġġa r-rieżami tal-annessi rilevanti tad-Direttiva dwar il-Ħabitats bil-għan li jiġi kkontrollat u mmaniġġjat it-tixrid tal-predaturi f’ċerti żoni tar-ragħa;

98.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-flessibbiltà li għaliha tiddisponi dik id-direttiva biex dawn il-problemi jiġu indirizzati b'mod determinat ħalli ma tipperikolax l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali;

99.  Jissottolinja li, fi kwalunkwe suġġeriment li jiġi kkunsidrat, hemm il-ħtieġa ta' approċċ ibbażat fuq ix-xjenza u oġġettiv li jqis l-imġiba tal-annimali, ir-relazzjonijiet bejn il-predaturi u l-priżi, il-kwantifikazzjoni preċiża u reġjonalment speċifika tar-riskju tal-predazzjoni skont l-ispeċijiet elenkati fid-Direttiva dwar il-Ħabitats, l-ibridizzazzjoni, id-dinamika tal-meded u kwistjonijiet ekoloġiċi oħra;

100.  Jenfasizza li l-attakki fuq merħliet mill-ilpup u mill-ibridi ilpup-klieb li mhumiex protetti qed jiżdiedu minkejja l-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi dejjem akbar, li qed isiru dejjem aktar għalja għall-bdiewa u għall-komunitajiet;

101.  Jinnota li l-limiti tal-miżuri rakkomandati u implimentati biex jipproteġu lill-merħliet issa qed isiru dejjem aktar evidenti, peress li n-numru ta’ annimali mitlufa żdied b’mod sostanzjali;

102.  Jirrimarka li din l-ineffettività issa qed tixħet dubju fuq il-futur tal-modi ta' biedja li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, bħalma hu l-pastoraliżmu, peress li xi bdiewa qed jibdew iżommu lill-annimali tagħhom magħluqa fi spazju limitat, li eventwalment se jwassal mhux biss għall-abbandun ta' żoni estensivi ħafna, li min-naħa tiegħu jiġġenera riskji ta’ nirien kbar u ta' valangi, iżda se jġiegħel ukoll lill-azjendi tal-biedja jduru lejn forom aktar intensivi ta’ agrikoltura;

103.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’konsultazzjoni mal-bdiewa u ma’ partijiet konċernati oħra, jikkunsidraw miżuri ta’ żvilupp rurali biex jipproteġu lill-merħliet, jipprovdu kumpens xieraq għat-telf ikkawżat mill-attakki minn predaturi kbar, inklużi l-predaturi li mhumiex protetti taħt id-Direttiva dwar il-Ħabitats, u jaġġustaw l-għajnuna sabiex jirkupraw il-popolazzjoni tal-merħliet;

104.  Iqis li huwa meħtieġ li jittieħdu passi biex jiġi eżaminat mill-ġdid l-istatus ta’ protezzjoni tal-predaturi fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Berna;

105.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dik il-konvenzjoni bil-għan li jipprevjenu t-tixrid tal-ibridi ilpup-klieb, peress li dawn jheddu l-konservazzjoni tal-ispeċi Canis lupus u fil-biċċa l-kbira ħafna huma responsabbli għall-attakki fuq il-merħliet tan-nagħaġ u tal-mogħoż;

106.  Jinnota s-suċċess parzjali tal-iskemi biex jerġgħu jiddaħħlu r-razez ta' klieb li jgħassu lin-nagħaġ bħala mezz biex igerrxu lill-ilpup jew mill-inqas lill-ibridi;

107.  Jipproponi li jiġu magħżula “ombudsmen tal-ilpup” biex jagħmluha ta' medjaturi bejn id-diversi interessi kkonċernati, u fit-tilwimiet dwar l-istatus ta’ protezzjoni u l-ħtieġa li jingħata kumpens għat-telf li jiġi mġarrab mill-qatliet imwettqa mill-ilpup, fuq il-mudell ta' suċċess għall-"ombudsmen tal-orsijiet" f’xi Stati Membri;

108.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2017 dwar Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija;

109.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri – bil-għan li tittejjeb is-sitwazzjoni tal-impjiegi fis-setturi – jiżviluppaw programmi biex itejbu t-taħriġ tal-klieb gwardjani u tal-klieb rgħajja u jipprovdu taħriġ fl-applikazzjoni korretta tagħhom fl-azjendi tat-trobbija tal-bhejjem, u, għal dan il-għan, b’mod urġenti jtejbu l-kooperazzjoni transfruntiera u l-iskambju tal-ideat u tal-approċċi ta’ suċċess bejn l-amministrazzjonijiet, dawk li jrabbu l-bhejjem u l-konservazzjonisti fir-rigward tal-predaturi kbar;

110.  Jitlob li jiġu stabbiliti żoni protetti għar-ragħa fejn il-predaturi kbar jistgħu jiġu regolati, ħalli r-ritorn tal-predaturi kbar ma jwassalx biex jintefgħu lura l-prattiki tal-biedja li jiffavorixxu l-benessri tal-annimali (ir-ragħa migratorju tal-merħliet tan-nagħaġ, it-tqegħid fi stalel miftuħa, eċċ.) jew l-agrikoltura tradizzjonali u r-ragħa tal-merħliet f'mergħat fis-sajf (ragħa tas-sajf f’altitudni għolja);

Biċċeriji

111.  Jinnota li konċentrazzjoni fis-settur tal-biċċeriji qed tiżdied, u dan huwa rifless mill-fatt li l-gruppi tal-ipproċessar tal-laħam jikkontrollaw l-katina kollha tal-industrija tal-laħam mill-annimal ħaj sal-laħam frisk ippakkjat, sitwazzjoni li twassal mhux biss għal rotot tat-trasport itwal għall-annimali ħajjin iżda wkoll għal kosti ogħla u qligħ aktar baxx għall-produtturi;

112.  Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika miżuri ta’ appoġġ għall-istabbiliment ta’ punti tal-qatla u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni;

113.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw netwerks lokali li jistgħu jaġixxu ta' xprun biex jiżdiedu l-introjti billi jiffaċilitaw l-istabbiliment ta’ biċċeriji lokali u mobbli, li huma essenzjali għall-istrutturar ta’ dawn is-setturi;

Taħriġ

114.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu skemi ta’ taħriġ għar-rappreżentanti tas-setturi dwar kif jistgħu jivvalorizzaw il-prodotti ħalli jkunu jistgħu jikkompetu ma’ prodotti oħra tal-laħam u tal-ħalib;

115.  Iqis li huwa vitali li jiġu stabbiliti skejjel tal-mistier tar-rgħajja li jkunu jiffokaw fuq it-transumanza f’dawk l-Istati Membri fejn dan it-tip ta’ biedja huwa aktar komuni, bl-għan li jipprovdu għajn alternattiva ta’ impjieg fis-settur tat-trobbija tal-bhejjem li tkun tiffavorixxi t-tiġdid ġenerazzjonali filwaqt li, fl-istess ħin, jgħinu biex jissaħħu d-dinjità u r-rikonoxximent soċjali tal-professjoni tradizzjonali tar-ragħa tal-bhejjem;

116.  Iqis li fis-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż huwa meħtieġ li jġu ffaċilitati mhux biss l-innovazzjoni (prattiki tal-biedja, prodotti ġodda, eċċ.), iżda wkoll il-pariri u t-taħriġ inizjali u kontinwu;

Punti oħra

117.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta u tinforza l-liġi rilevanti tal-UE, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tad-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport;

118.  Iqis li hemm il-ħtieġa li tiġi rispettata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li ddeċidiet li l-protezzjoni tal-benessri tal-annimali ma tiqafx fuq il-fruntieri esterni tal-UE u li t-trasportaturi tal-annimali li jiġu esportati mill-Unjoni Ewropea jeħtiġilhom għalhekk jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar il-benessri tal-annimali, inkluż barra mill-UE;

119.  Jiġbed l-attenzjoni lejn in-nuqqas ta’ ilma jew mogħoż f’ħafna mir-reġjuni fejn jitrabbew in-nagħaġ u l-mogħoż, b'mod partikolari dawk fiż-żona tal-Mediterran, sitwazzjoni li tista' biss tmur għall-agħar bit-tisħin globali;

120.  Jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li tiġi żgurata ġestjoni aħjar tar-riżorsi tal-ilma permezz ta’ faċilitajiet adattati, filwaqt li jittieħed kont tad-distribuzzjoni tax-xita matul is-sena kollha u tas-sostenibbiltà;

o
o   o

121.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 286 E, 27.11.2009, p. 41.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0441.
(3) https://www.nationaleombudsman.nl/onderzoeken/2012/100
(4) https://www.nationaleombudsman.nl/onderzoeken/2017030-onderzoek-naar-de-lessen-die-de-overheid-uit-de-qkoorts-epidemie-heeft
(5) Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il- ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u (UE) Nru 652/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal- pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti (ĠU L 350, 29.12.2017, p. 15).
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0420.


Il-pluraliżmu tal-midja u l-libertà tal-midja fl-Unjoni Ewropea
PDF 183kWORD 68k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-pluraliżmu tal-midja u l-libertà tal-midja fl-Unjoni Ewropea (2017/2209(INI))
P8_TA(2018)0204A8-0144/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6, 7, 9, 10, 11 u 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 9, 10 u 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) kif ukoll il-Karta Soċjali Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali (ICERD), adottata u miftuħa għall-iffirmar u r-ratifika bir-riżoluzzjoni 2106 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-21 ta' Diċembru 1965,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 29 dwar is-Sistema tax-Xandir Pubbliku fl-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar il-Libertà tal-Istampa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri u tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll l-opinjonijiet u l-Lista ta' Kriterji ta' Valutazzjoni tal-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni ta' Venezja,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kunsill tal-Ewropa bit-titolu "Journalists under pressure – Unwarranted interference, fear and self-censorship in Europe" (Ġurnalisti taħt pressjoni – Indħil, biża' u awtoċensura inġustifikati fl-Ewropa),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 34 tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU kif ukoll r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tan-NU dwar is-Sikurezza tal-Ġurnalisti u l-Kwistjoni tal-Impunità,

–  wara li kkunsidra l-ħidma mwettqa mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) dwar il-libertà tal-midja, b'mod partikolari tar-Rappreżentant tagħha għal-Libertà tal-Midja,

–  wara li kkunsidra l-ħidma li għamlet il-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u għas-sikurezza tal-ġurnalisti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-libertà ta' espressjoni u dwar il-"fake news", id-diżinformazzjoni u l-propaganda maħruġa fit-3 ta' Marzu 2017 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni, mir-Rappreżentant tal-OSKE għal-libertà tal-midja, mir-Rapporeur Speċjali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) għal-libertà ta' espressjoni u mir-Rapporteur Speċjali tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR) għal-libertà ta' espressjoni u l-aċċess għall-informazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa ppubblikati minn Reporters mingħajr fruntieri u dawk tal-Osservatorju tal-Pluraliżmu tal-Midja taċ-Ċentru għall-Pluraliżmu u l-Libertà tal-Midja tal-Istitut Universitarju Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dokument strateġiku bit-titolu "Defining Defamation: Principles on Freedom of Expression and Protection of Reputation" (Definizzjoni tal-malafama: prinċipji dwar il-libertà ta' espressjoni u l-ħarsien tar-reputazzjoni), ippubblikat minn ARTICLE 19,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2013 dwar il-Karta tal-UE: regoli komuni għal-libertà tal-media fl-UE kollha(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern(3) u tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar is-Segwitu għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar is-sorveljanza elettronika tal-massa taċ-ċittadini tal-UE(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar id-demokrazija elettronika fl-Unjoni Ewropea: potenzjal u sfidi(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE(7) u tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar miżuri leġittimi għall-ħarsien ta' informaturi li jkunu qed jaġixxu fl-interess pubbliku meta jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali dwar kumpaniji u korpi pubbliċi(8),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-libertà u l-pluraliżmu tal-media fl-ambjent diġitali(9),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline u l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar is-sostenn tal-UE għal-libertà tal-midja u għall-integrità tal-midja fil-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni għall-perjodu 2014-2020,

–  wara li kkunsidra l-Kollokwiju Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-2016 organizzat mill-Kummissjoni, bit-titolu "Pluraliżmu tal-midja u demokrazija", u l-kontributi rilevanti ppubblikati mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Grupp ta' Livell Għoli ta' Esperti dwar l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni online maħtur mill-Kummissjoni Ewropea biex jagħti pariri dwar il-firxa tal-fenomenu tal-aħbarijiet foloz kif ukoll dwar id-definizzjoni tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet tal-partijiet ikkonċernati rilevanti,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni nru 5/2016 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) dwar ir-rieżami tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika (2002/58/KE),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI(10),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-sigurtà u d-difiża tat-22 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0144/2018),

A.  billi d-dritt għal-libertà ta' espressjoni u d-dritt għal-libertà ta' opinjoni huma drittijiet tal-bniedem fundamentali u jirrappreżentaw kundizzjoni indispensabbli għall-iżvilupp sħiħ tal-individwi u għall-parteċipazzjoni attiva tagħhom f'soċjetà demokratika, għar-realizzazzjoni tal-prinċipji ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont u għar-rispett ta' drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali oħra;

B.  billi l-pluraliżmu ma jistax jinfired mil-libertà, mid-demokrazija u mill-istat tad-dritt;

C.  billi d-dritt li wieħed jinforma kif ukoll id-dritt li wieħed jiġi infurmat huma parti mill-valuri demokratiċi bażiċi ewlenin li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea;

D.  billi l-importanza ta' midja pluralistika, indipendenti u affidabbli bħala gwardjana u sorveljatriċi tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt ma tistax tiġi sottovalutata;

E.  billi l-libertà, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-midja huma elementi essenzjali tad-dritt għal-libertà ta' espressjoni; billi l-midja taqdi rwol essenzjali fis-soċjetà demokratika, peress li jaġixxu ta' għassiesa pubbliċi, filwaqt li fl-istess ħin jgħinu biex jinfurmaw u jirresponsabilizzaw liċ-ċittadini, permezz tat-twessigħ tal-fehim tagħhom tax-xenarju politiku u soċjali kurrenti, u billi jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni konxja tagħhom fil-ħajja demokratika; billi l-kamp ta' applikazzjoni ta' rwol bħal dan jenħtieġ li jiġi estiż sabiex jinkludi wkoll il-ġurnaliżmu online u parteċipattiv, kif ukoll ix-xogħol tal-bloggers, tal-utenti tal-internet, tal-attivisti tal-midja soċjali u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'tali mod li jirrifletti r-realtà tal-midja li llum inbidlet radikalment filwaqt li tiġi rispettata l-privatezza; billi n-newtralità tal-internet hija prinċipju essenzjali għal internet miftuħ;

F.  billi l-aħbarijiet foloz, il-bullying fuq l-internet u l-vendetta pornografika jirrappreżentaw tħassib dejjem akbar għas-soċjetajiet tagħna, b'mod speċjali fost iż-żgħażagħ;

G.  billi t-tixrid tal-aħbarijiet foloz u tad-diżinformazzjoni fuq il-midja soċjali jew fuq is-siti web tat-tiftix xekkel b'mod qawwi l-kredibbiltà tal-midja tradizzjonali li konsegwentement ixekkel il-kapaċità tagħhom li jaġixxu ta' għassiesa;

H.  billi l-awtoritajiet pubbliċi mhux biss għandhom id-dmir li jastjenu milli jimponu restrizzjonijiet għal-libertà ta' espressjoni, iżda għandhom ukoll l-obbligu pożittiv li jadottaw qafas ġuridiku u regolatorju li jrawwem il-libertà, l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-midja;

I.  billi, skont l-Artikoli 2 u 4 tal-ICERD u l-Artikolu 30 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-libertà ta' espressjoni ma għandha qatt tintuża biex tiddefendi espressjonijiet li jiksru l-Konvenzjoni u d-Dikjarazzjoni, bħalma hu d-diskors ta' mibegħda jew il-propaganda bbażati fuq ideat jew teoriji tas-superjorità ta' razza partikolari jew ta' grupp ta' persuni ta' kulur partikolari, jew ta' grupp etniku, jew li jippruvaw jiġġustifikaw jew jippromwovu l-mibgħeda razzjali u d-diskriminazzjoni ta' kwalunkwe forma;

J.  billi l-awtoritajiet pubbliċi għandhom id-dmir li jipproteġu l-indipendenza u l-imparzjalità tal-midja pubblika b'mod partikolari bħala atturi li jaqdu lis-soċjetajiet demokratiċi minflok li jissodisfaw l-interess tal-gvernijiet li jkunu jinsabu fil-poter;

K.  billi jenħtieġ ukoll li l-awtoritajiet pubbliċi jiżguraw li l-midja tirrispetta l-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ;

L.  billi l-iżviluppi politiċi reċenti f'diversi Stati Membri, fejn in-nazzjonaliżmu u l-populiżmu qed jikbru, wasslu għal żieda fil-pressjonijiet u fit-theddid kontra l-ġurnalisti, sitwazzjoni li turi li l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha tiżgura, tippromwovi u tiddefendi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja;

M.  billi, skont il-Kunsill tal-Ewropa, l-abbużi u r-reati kommessi mill-atturi statali u mhux statali fil-konfront tal-ġurnalisti għandhom effett gravi u dissważiv fuq il-libertà ta' espressjoni; billi r-riskju u l-frekwenza tal-indħil inġustifikat iżidu s-sens ta' biża' fost il-ġurnalisti, il-ġurnalisti parteċipattivi, il-bloggers u l-atturi l-oħra fl-informazzjoni, u dan iwassal għal grad potenzjalment għoli ta' awtoċensura filwaqt li jimmina d-drittijiet taċ-ċittadini għall-informazzjoni u għall-parteċipazzjoni;

N.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni fakkar f'Settembru 2016 li l-gvernijiet għandhom ir-responsabbiltà mhux biss li jirrispettaw il-ġurnaliżmu iżda wkoll li jiżguraw li l-ġurnalisti u s-sorsi tagħhom ikunu protetti b'liġijiet b'saħħithom, bil-prosekuzzjonijiet tal-awturi ta' reati u ħafna sigurtà fejn meħtieġ;

O.  billi l-ġurnalisti u atturi oħra tal-midja għadhom qed jiffaċċjaw vjolenza, theddid, fastidju jew diżunur pubbliku fl-Unjoni Ewropea prinċipalment minħabba l-attivitajiet investigattivi tagħhom biex jipproteġu l-interess pubbliku mill-użu ħażin tal-poter, il-korruzzjoni, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew l-attivitajiet kriminali;

P.  billi l-garanzija tas-sikurezza u tas-sigurtà tal-ġurnalisti u ta' atturi oħra tal-midja hija prekundizzjoni biex huma jkunu jistgħu jaqdu bis-sħiħ ir-rwol tagħhom u jeżerċitaw għalkollox il-kapaċità tagħhom li jinfurmaw kif xieraq liċ-ċittadini u jieħdu sehem b'mod effettiv fid-dibattitu pubbliku;

Q.  billi, skont il-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti, aktar minn nofs il-każijiet ta' abbuż kontra l-professjonisti tal-midja jitwettqu minn atturi statali;

R.  billi l-ġurnaliżmu investigattiv jenħtieġ li jiġi promoss bħala sura ta' impenn ċiviku u bħala att ta' virtù ċivika appoġġjat mill-komunikazzjoni, it-tagħlim, l-edukazzjoni u t-taħriġ;

S.  billi l-evoluzzjoni radikali tas-sistema tal-midja, it-tkabbir rapidu tad-dimensjoni online tal-pluraliżmu tal-midja u ż-żieda tal-magni tat-tiftix u l-pjattaformi tal-midja soċjali bħala għejun tal-aħbarijiet jirrappreżenta kemm sfida kif ukoll opportunità għall-promozzjoni tal-libertà tal-espressjoni, għad-demokratizzazzjoni tal-produzzjoni tal-aħbarijiet billi jinvolvu liċ-ċittadini fid-dibattitu pubbliku, u għall-konverżjoni ta' għadd dejjem akbar ta' utenti tal-informazzjoni fi produtturi tal-informazzjoni; billi, madankollu, il-konċentrazzjoni tal-poter tal-konglomerati tal-midja, l-operaturi tal-pjattaformi u l-intermedjarji tal-internet, u l-kontroll tal-midja minn korporazzjonijiet ekonomiċi u atturi politiċi jirriskjaw li jikkawżaw konsegwenzi negattivi għall-pluraliżmu tad-dibattitu pubbliku u l-aċċess għall-informazzjoni u jirriskjaq ukoll li jkollhom impatt fuq il-libertà, l-integrità, il-kwalità u l-indipendenza editorjali tal-ġurnaliżmu u tal-midja tax-xandir; billi huma meħtieġa kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fil-livell Ewropew biex jiġi żgurat li l-magni tat-tiftix, il-pjattaformi tal-midja soċjali u ġganti oħra tat-teknoloġija avvanzata jirrispettaw ir-regoli tas-suq uniku diġitali tal-UE, f'oqsma bħalma huma l-privatezza elettronika u l-kompetizzjoni;

T.  billi l-ġurnalisti jirrikjedu aċċess dirett, immedjat u mingħajr xkiel għall-informazzjoni mill-amministrazzjonijiet pubbliċi biex ikunu jistgħu jżommu lill-awtoritajiet responsabbli kif xieraq;

U.  billi kemm l-informazzjoni miksuba abbażi tad-dritt ta' inkjesta kif ukoll l-informazzjoni miksuba permezz ta' informaturi jikkomplementaw lil xulxin u billi t-tnejn huma essenzjali biex ul-ġurnalisti jkunu kapaċi jaqdu l-missjoni tagħhom li jaġixxu fl-interess pubbliku;

V.  billi l-ġurnalisti jirrikjedu l-aktar protezzjoni legali sħiħa biex jużaw u jxerrdu din l-informazzjoni ta' interess pubbliku fil-linja tax-xogħol tagħhom;

W.  billi d-dritt li tintalab u li tasal l-informazzjoni mingħand l-amministrazzjonijiet pubbliċi għadu mhux uniformi u mhux komplet fl-Unjoni Ewropea;

X.  billi s-settur tal-midja jaqdi rwol ewlieni fi kwalunkwe soċjetà demokratika; billi l-effett tal-kriżi ekonomika, flimkien mat-tkabbir simultanju tal-pjattaformi tal-midja soċjali u ta' ġganti oħra tat-teknoloġija avvanzata u l-introjti mir-reklamar ferm selettiv, żiedu b'mod drammatiku l-prekarjetà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-insigurtà soċjali tal-atturi fis-settur tal-midja, inklużi l-ġurnalisti indipendenti, u dan iwassal biex jaqgħu b'mod drammatiku l-istandards professjonali, soċjali u tal-kwalità fil-ġurnaliżmu li jista' jaffettwa b'mod negattiv l-indipendenza editorjali tagħhom;

Y.  billi l-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew tal-Kunsill tal-Ewropa ddenunzja l-ħolqien ta' duwopolju diġitali, fejn Google u Facebook jirrappreżentaw sa 85 % tat-tkabbir kollu tas-suq tar-reklamar diġitali fl-2016, fatt li qed jipperikola l-futur tal-kumpaniji tal-midja tradizzjonali ffinanzjati mir-reklamar, bħalma huma l-istazzjonijiet tat-TV kummerċjali, il-gazzetti u r-rivisti li jilħqu udjenza ferm aktar limitata;

Z.  billi, fil-kuntest tal-politika tat-tkabbir, il-Kummissjoni għandha d-dmir li tesiġi r-rispett totali tal-kriterji ta' Copenhagen, fosthom il-libertà ta' espressjoni u tal-midja, u għalhekk jenħtieġ li l-UE tistabbilixxi l-eżempju tal-ogħla standards f'dan il-qasam; billi l-istati, ladarba jsiru membri tal-UE, huma kontinwament u mingħajr l-ebda dubju marbuta mill-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem bis-saħħa tat-Trattati tal-UE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u r-rispett għal-libertà ta' espressjoni u għall-midja fl-Istati Membri tal-UE jenħtieġ li jkun soġġett għal skrutinju regolari; billi l-UE tista' tkun kredibbli biss fix-xena dinjija jekk il-libertà tal-istampa u tal-midja huma salvagwardati u rrispettati fl-Unjoni nnifisha;

AA.  billi r-riċerka b'mod konsistenti ssib evidenza li n-nisa jinsabu fil-minoranza fis-setturi kollha tal-midja, b'mod partikolari fi rwoli kreattivi, u għandhom nuqqas sever ta' rappreżentanza f'livelli għoljin ta' teħid tad-deċiżjonijiet; billi l-istudji dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ġurnaliżmu jissuġġerixxu li, filwaqt li hemm bilanċ bejn is-sessi relattivament tajjeb fost dawk li jidħlu ġodda fil-professjoni tal-ġurnaliżmu, id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet għat-teħid tad-deċiżjonijiet hija kkaratterizzata minn disparità sinifikanti bejn is-sessi;

AB.  billi d-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tat-TUE, li jiżguraw ir-rispett għal dawn il-prinċipji huma segwiti permezz ta' azzjonijiet pożittivi li jippromwovu l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, jippromwovu l-kwalità tal-informazzjoni, l-aċċess għaliha u d-disponibbiltà tagħha (libertà pożittiva), iżda jirrikjedu wkoll l-ommissjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiġu evitati aggressjonijiet ta' ħsara (libertà negattiva);

AC.  billi s-sorveljanza illeġittima u arbitrarja, partikolarment meta ssir fuq skala kbira, hija inkompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u mal-libertajiet fundamentali, fost oħrajn il-libertà ta' espressjoni, inkluża l-libertà tal-istampa u l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ġurnalistiċi, id-dritt għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data; billi l-internet u l-midja soċjali jaqdu rwol fit-tixrid tad-diskors ta' mibegħda u fit-trawwim tar-radikalizzazzjoni li jwasslu għal estremiżmu vjolenti billi jiċċirkolaw kontenut illegali, speċjalment għad-detriment taż-żgħażagħ; billi l-indirizzar determinat ta' dawn il-fenomeni jirrikjedi kollaborazzjoni mill-qrib u koordinata bejn l-atturi relevanti kollha, fil-livelli kollha ta' governanza (lokali, reġjonali u nazzjonali) kif ukoll mas-soċjetà ċivili u mas-settur privat; billi l-liġijiet u l-attivitajiet effettivi fil-qasam tas-sigurtà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, kif ukoll il-miżuri mmirati biex jiġġieldu lid-diskors ta' mibegħda u lill-estremiżmu vjolenti u t-tixrid tal-mibegħda u jipprevenuhom jenħtieġ li dejjem ikunu s-suġġett tal-obbligi tad-drittijiet fundamentali, sabiex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt mal-protezzjoni tal-libertà ta' espressjoni;

AD.  billi, kif jiddikjara l-Kunsill tal-Ewropa, l-iżvelar ta' informazzjoni protetta huwa aspett fundamentali tal-libertà ta' espressjoni u jaqdi rwol essenzjali fl-identifikar u fir-rappurtar ta' irregolaritajiet u ta' għemil ħażin, u fit-tisħiħ tar-responsabbiltà demokratika u tat-trasparenza; billi l-iżvelar ta' informazzjoni protetta jirrappreżenta għajn ewlieni ta' informazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, fl-investigar, fl-identifikar u fl-ippubblikar ta' każijiet ta' korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat kif ukoll fid-detezzjoni ta' skemi ta' evitar tat-taxxa stabbiliti minn kumpaniji privati; billi l-protezzjoni adegwata tal-informaturi fil-livell tal-UE, f'dak nazzjonali u f'dak internazzjonali, kif ukoll il-promozzjoni ta' kultura ta' rikonoxximent tar-rwol importanti moqdi mill-informaturi fis-soċjetà, huma prerekwiżiti sabiex tiġi żgurata l-effettività ta' dan ir-rwol;

AE.  billi, fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-amministrazzjoni ħażina fl-UE, il-ġurnaliżmu investigattiv jenħtieġ li jingħata kunsiderazzjoni partikolari u appoġġ finanzjarju bħala għodda li taqdi l-ġid pubbliku;

AF.  billi, skont is-sejbiet tal-Osservatorju tal-Pluraliżmu tal-Midja, is-sjieda tal-midja għadha kkonċentrata ħafna u dan jikkostitwixxi riskju sinifikanti għad-diversità tal-informazzjoni u għall-fehmiet rappreżentati fil-kontenut tal-midja;

AG.  billi l-kopertura tal-affarijiet tal-UE u tax-xogħol tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji tal-UE jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-kriterji tal-pluraliżmu tal-midja u tal-libertà tal-midja, taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-kopertura tal-aħbarijiet nazzjonali, u jenħtieġ li jkollha appoġġ multilingwi biex tilħaq in-numru massimu ta' ċittadini tal-UE;

1.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa, inkluż l-iżgurar ta' finanzjament pubbliku adegwat, għas-salvagwardja u għall-promozzjoni tal-pluraliżmu, tal-indipendenza u tal-libertà tal-panorama medjatiku għas-servizz tas-soċjetà demokratika, inklużi l-indipendenza u s-sostenibbiltà tal-midja tas-servizz pubbliku u tal-midja tal-komunitajiet u l-midja parteċipattiva, li huma elementi kruċjali ta' ambjent favorevoli biex jiġi ggarantit id-dritt fundamentali għal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni;

2.  Jenfasizza r-responsabbiltà kondiviża ta' dawk li jfasslu l-liġijiet, il-ġurnalisti, il-pubblikaturi u l-intermedjarji tal-internet, iżda wkoll taċ-ċittadini bħala konsumaturi tal-informazzjoni;

3.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jiggarantixxu l-implimentazzjoni sħiħa tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fid-deċiżjonijiet, fl-azzjonijiet u fil-politiki kollha tagħhom, bil-għan li jiġi żgurat ir-rispett totali tal-pluraliżmu u tal-libertà tal-midja minn influwenza indebita mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tintroduċi valutazzjonijiet tar-riskju fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għall-evalwazzjoni tal-proposti leġiżlattivi tagħha u tippreżenta proposta għall-ħolqien ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali konformi mar-riżoluzzjoni rilevanti tal-Parlament tal-25 ta’ Ottubru 2016;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi ta' monitoraġġ indipendenti biex jivvalutaw is-sitwazzjoni tal-libertà tal-midja u tal-pluraliżmu tal-midja fl-UE, bħala mezz ta' promozzjoni u protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 10 tal-KEDB, u li ssir reazzjoni fil-pront għat-theddid li jista' jkun hemm kontrihom u għall-ksur possibbli tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw bis-sħiħ u jsaħħu l-għodod li diġà huma żviluppati f'dan ir-rigward, bħalma huma l-Osservatorju tal-Pluraliżmu tal-Midja u l-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-trattati, tittratta l-attentati min-naħa tal-gvernijiet tal-Istati Membri biex jagħmlu ħsara lil-libertà u lill-pluraliżmu tal-midja bħala abbuż ta' poter serju u sistematiku u bħala pass kontra l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, kif tassew huma, minħabba l-fatt li d-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni u għal-libertà ta' opinjoni huma drittijiet fundamentali tal-bniedem, u li l-libertà, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-midja jaqdu rwol essenzjali fis-soċjetà demokratika, inkluż billi jaġixxu bħala kontroll fuq il-poter tal-gvern u tal-istat;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jwettqu reviżjoni indipendenti tal-liġijiet u l-prattiki rilevanti tagħhom sabiex jipproteġu l-libertà ta' espressjoni u l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja;

7.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-abbużi, ir-reati u l-attakki fatali li għadhom isiru fil-konfront tal-ġurnalisti u ta' dawk li jaħdmu fis-settur tal-midja fl-Istati Membri minħabba l-attivitajiet tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom biex jipprevjenu tali vjolenza, jiżguraw l-obbligu ta' rendikont u jevitaw l-impunità kif ukoll jiggarantixxu li l-vittmi u l-familji tagħhom ikollhom aċċess għar-rimedji legali xierqa; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu korp regolatorju indipendenti u imparzjali, b'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet tal-ġurnalisti, għall-monitoraġġ, id-dokumentazzjoni u r-rappurtar dwar il-vjolenza u t-theddid kontra l-ġurnalisti u jittrattaw il-protezzjoni u s-sikurezza tal-ġurnalisti fil-livell nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, jimplimentaw b'mod sħiħ ir-rakkomandazzjoni CM/Rec(2016)4 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u tal-atturi tas-settur tal-midja l-oħrajn;

8.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol li qed jiddeterjoraw għall-ġurnalisti u l-ammont ta' vjolenza psikoloġika li l-ġurnalisti huma xhud tagħha; Jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jistabbilixxu pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-ġurnalisti, biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ġurnalisti u biex jiżguraw li l-ġurnalisti ma jkunux vittmi ta' vjolenza psikoloġika;

9.  Jinsab imħasseb dwar l-istat tal-libertà tal-midja f'Malta wara l-qtil tal-ġurnalista kontra l-korruzzjoni Daphne Caruana Galizia f'Ottubru 2017, li kienet ġiet ukoll soġġetta għal fastidju, inklużi mandati ta' sekwestru kawtelatorji li ffriżaw il-kontijiet tal-bank tagħha, u theddid li sar minn kumpaniji multinazzjonali;

10.  Jikkundanna bil-qawwa l-qtil tal-ġurnalist investigattiv Slovakk, Ján Kuciak, u tas-sieħba tiegħu, Martina Kušnírová,

11.  Jilqa' d-deċiżjoni li s-sala stampa tal-Parlament Ewropew tissemma' għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia; Itenni, f'dan il-kuntest, it-talba tiegħu li jkun hemm premju annwali tal-Parlament Ewropew għall-ġurnaliżmu investigattiv li għandu jissemma' għaliha;

12.  Jistieden lill-Konferenza tal-Presidenti tressaq proposta dwar il-mod kif il-Parlament jista' jonora xogħol Ján Kuciak, u tikkunsidra l-possibbiltà li t-traineeships tal-Parlament fil-ġurnaliżmu jissemmew għalih;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw bis-sħiħ l-inizjattiva varata mir-Reporters Mingħajr Fruntieri għall-ħolqien ta' Rappreżentant Speċjali għas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għas-sikurezza tal-ġurnalisti;

14.  Jistieden lill-Istati Membri joħolqu u jżommu, kemm f'livell leġiżlattiv kif ukoll fil-prattika, ambjent sikur għall-ġurnalisti u atturi oħra fis-settur tal-midja, inkluż għall-ġurnalisti barranin li jkunu qed iwettqu l-attivitajiet ġurnalistiċi tagħhom fl-Istati Membri tal-UE, li jħallihom jagħmlu xogħolhom f'indipendenza sħiħa u mingħajr indħil indebitu – bħalma huma t-theddida ta' vjolenza, il-fastidju, il-pressjoni finanzjarja, ekonomika u politika, il-pressjoni biex jiżvelaw għejun u materjali kunfidenzjali, u sorveljanza mmirata; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jiggarantixxu proċeduri ta' rikors legali effiċjenti, fir-rigward tal-atti msemmija hawn fuq, għall-ġurnalisti li l-libertà tagħhom li jaħdmu tkun ġiet mhedda, ħalli tiġi evitata l-awtoċensura; jenfasizza l-importanza li jittieħed approċċ sensittiv għall-ispeċifiċitajiet tal-ġeneru meta jitqiesu miżuri biex tkun indirizzata s-sikurezza tal-ġurnalisti;

15.  Jissottolinja l-importanza li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati għall-ġurnalisti u għal dawk li jaħdmu fis-settur tal-midja, b'konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Karta Soċjali Ewropea, bħala mezz kif jiġu evitati l-pressjoni interna u esterna indebiti, id-dipendenza, il-vulnerabbiltà u l-instabbiltà, u b'hekk ir-riskju tal-awtoċensura; jenfasizza l-ġurnaliżmu indipendenti ma jistax ikun garantit u mrawwem mis-suq waħdu; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, jippromwovu u jelaboraw mudelli ekonomiċi ġodda soċjalment sostenibbli mmirati biex jiffinanzjaw u jsostnu l-ġurnaliżmu ta' kwalità u indipendenti, jiżguraw li l-pubbliku jiġi infurmat b'mod preċiż; jitlob lill-Istati Membri biex isaħħu l-appoġġ finanzjarju lill-fornituri tas-servizzi pubbliċi u lill-ġurnaliżmu investigattiv filwaqt li joqogħdu lura mill-involviment f'deċiżjonijiet editorjali;

16.  Jikkundanna t-tentattivi min-naħa tal-gvernijiet biex isikktu l-midja kritika u jeqirdu l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, inkluż b'mezzi aktar sofistikati li tipikament ma joħolqux twissija fil-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti, bħal pereżempju minn membri tal-gvern u ħbiebhom ta' ġewwa li jixtru l- ħwienet kummerċjali tal-midja u jaħtfu f'idejhom il-kontroll tal-midja tas-servizz pubbliku biex jaqdu l-interessi partiġġjani;

17.  Jenfasizza n-neċessità li jiġi appoġġjat u mwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet taċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Istampa u tal-Midja, b'mod partikolari tal-appoġġ legali tiegħu għall-ġurnalisti li jinsabu mhedda;

18.  Jenfasizza li professjonisti tal-midja ta' sikwit jaħdmu f'kundizzjonijiet prekarji fir-rigward tal-kuntratti, is-salarji u l-garanziji soċjali tagħhom, li jikkompromettu l-kapaċità tagħhom li jaħdmu kif xieraq u għalhekk ifixklu l-libertà tal-midja;

19.  Jirrikonoxxi li l-libertà ta' espressjoni tista' tkun suġġetta għal restrizzjonijiet – sakemm dawn ikunu preskritti mil-liġi, ikollhom għan leġittimu u jkunu meħtieġa f'soċjetà demokratika – fl-interess, fost aspetti oħra, tal-protezzjoni tar-reputazzjoni u d-drittijiet tal-oħrajn; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, dwar l-effetti negattivi u dissważivi li l-liġijiet dwar id-diffamazzjoni kriminali jista' jkollhom fuq id-dritt għal-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-istampa u d-dibattitu pubbliku; jistieden lill-Istati Membri jżommu lura minn kwalunkwe użu ħażin tal-liġijiet dwar id-diffamazzjoni kriminali billi jsibu bilanċ ġust bejn id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u d-dritt ta' rispett għall-ħajja privata u tal-familja, inkluża l-fama, filwaqt li jiġi żgurat id-dritt għal rimedju effettiv u jiġu evitati l-pieni u sanzjonijiet eċċessivament severi u sproporzjonati, f'konformità mal-kriterji stabbiliti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Direttiva Anti-SLAPP ("strategic lawsuit against public participation" - "kawża strateġika kontra l-parteċipazzjoni pubblika") li tkun tipproteġi lill-midja indipendenti minn kawżi vessatorji maħsuba biex isikktuhom jew jintimidawhom fl-UE;

21.  Iqis li l-parteċipazzjoni fil-proċessi demokratiċi hija bbażata, l-ewwel u qabel kollox, fuq aċċess effikaċi u nondiskriminatorju għall-informazzjoni u għall-għarfien; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw politiki adegwati biex jintlaħaq aċċess universali u biex ikun rikonoxxut bħala dritt fundamentali l-aċċess għall-internet, inkluża n-newtralità tan-netwerk;

22.  Jiddeplora d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni Federali tal-Istati Uniti li tħassar ir-regoli tal-2015 dwar in-newtralità tal-internet u jenfasizza l-konsegwenzi negattivi li dik id-deċiżjoni jista' jkollha, f'dinja diġitali interkonnessa globalment, fuq id-dritt ta' aċċess għall-informazzjoni mingħajr diskriminazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jsegwu t-triq tat-tisħiħ tal-prinċipju tan-newtralità tal-internet billi jibnu fuq il-Linji Gwida tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) dwar l-Implimentazzjoni mir-Regolaturi Nazzjonali tar-Regoli Ewropej dwar in-Newtralità tal-Internet, u jżidu magħhom;

23.  Jenfasizza r-rwol importanti li l-midja indipendenti u pluralistika taqdi fid-dibattitu politiku u d-dritt għall-informazzjoni pluralistika kemm matul il-mandati elettorali kif ukoll fil-perjodi intermedji; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi garantita l-espressjoni sħiħa tal-atturi politiċi kollha, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ICERD, u li l-ammont ta' ħin mogħti lilhom biex ixandru fuq stazzjonijiet tax-xandir tas-servizz pubbliku jkun ibbażat fuq kriterji ġurnalistiċi u professjonali u mhux fuq kemm għandhom rappreżentanza istituzzjonali jew fuq il-fehmiet politiċi tagħhom;

24.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jastjenu milli jadottaw miżuri bla bżonn li jimmiraw lejn ir-restrizzjoni arbitrarja tal-aċċess għall-internet u tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-bniedem bażiċi jew lejn il-kontroll tal-komunikazzjonijiet pubbliċi, bħall-adozzjoni ta' regoli repressivi dwar il-ħolqien u l-operat tal-organi ta' informazzjoni u/jew tas-siti web, l-impożizzjoni arbitrarja tal-istati ta' emerġenza, il-kontroll tekniku tat-teknoloġiji diġitali (jiġiferi l-imblukkar, il-filtraġġ, id-disturb intenzjonali u l-għeluq tal-ispazji diġitali) jew il-privatizzazzjoni de facto tal-miżuri ta' kontroll permezz ta' pressjonijiet eżerċitati fuq intermedjarji ħalli jieħdu azzjoni intiża li tillimita jew tħassar il-kontenut fl-internet; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, barra minn hekk, jipprevjenu lill-operaturi privati milli jadottaw tali miżuri;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżguraw trasparenza sħiħa min-naħa tal-kumpaniji privati u l-gvernijiet fl-użu tal-algoritmi, l-intelliġenza artifiċjali u t-teħid awtomatizzat tad-deċiżjonijiet, li ma għandhomx jiġu implimentati u żviluppati b'tali mod li jwassal, jew bil-ħsieb li jwassal, għall-imblukkar arbitrarju, il-filtrazzjoni u t-tneħħija tal-kontenut tal-internet, u jiggarantixxu li kwalunkwe politika u strateġija diġitali tal-UE trid tiġi abbozzata b'approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, li jagħmel dispożizzjoni għal rimedji u salvagwardji xierqa u b'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-KEDB;

26.  Itenni li l-bullying fuq l-internet, il-pornografija ta' vendetta u materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal huma ta' tħassib li kulma jmur qed jikber fis-soċjetajiet tagħna u jista' jkollhom impatti estremament serji, speċjalment fuq iż-żgħażagħ u t-tfal, u jenfasizza li l-interessi u d-drittijiet tal-minuri għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ fil-kuntest tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha jfasslu leġiżlazzjoni li tħares 'il quddiem biex tindirizza dawn il-fenomeni inklużi dispożizzjonijiet għall-identifikazzjoni, is-sinjalar u t-tneħħija mill-midja soċjali ta' kontenut li bid-dieher ikun ta' ħsara għad-dinjità tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jibnu kontronarrattivi effettivi u biex tipprovdi linji gwida ċari li jiżguraw iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà għall-utenti, għall-fornituri tas-servizz u għas-settur tal-internet kollu kemm hu, filwaqt li tiġi żgurata l-possibbiltà ta' rimedju ġudizzjarju f'konformità mad-dritt nazzjonali, sabiex issir reazzjoni kontra l-użu ħażin tal-midja soċjali għal finijiet terroristiċi; jisħaq, madankollu, li kwalunkwe miżura li tillimita jew tneħħi l-kontenut tal-internet għandha tkun adottata biss f'ċirkostanzi speċifikati, espliċiti u leġittimi u taħt viġilanza ġudizzjarja rigoruża, konformement mal-istandards internazzjonali, mal-ġurisprudenza tal-QEDB, u mal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

27.  Jieħu nota tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda illegali online, promossa mill-Kummissjoni; jiġbed l-attenzjoni lejn il-marġni wiesgħa ta' diskrezzjoni li tħalliet lill-kumpaniji privati biex jiddeterminaw x'jikkostitwixxi "illegalità" u jitlob li tali marġnijiet jiġu ristretti, ħalli jiġi evitat kwalunkwe riskju ta' ċensura u ta' restrizzjonijiet arbitrarji fuq il-libertà ta' l-espressjoni;

28.  Jerġa' jafferma li l-anonimat u l-kriptaġġ huma strumenti essenzjali għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet demokratiċi, għall-promozzjoni tal-fiduċja fl-infrastrutturi u fil-komunikazzjonijiet diġitali, u għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi fil-ġurnaliżmu; jirrikonoxxi li l-kriptaġġ u l-anonimità jipprovdu l-privatezza u s-sigurtà meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni fl-era diġitali, u jfakkar li l-aċċess ħieles għall-informazzjoni neċessarjament jimplika li l-informazzjoni personali li ċ-ċittadini jħallu warajhom meta joperaw online tiġi salvagwardjata; jieħu nota tal-fatt li l-kriptaġġ u l-anonimità jistgħu wkoll jagħtu lok għal abbużi u għemil ħażin u jagħmluha diffiċli biex jiġu prevenuti attivitajiet kriminali u biex jitwettqu investigazzjonijiet, kif indikat minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u ta' kontra t-terroriżmu; ifakkar li r-restrizzjonijiet fuq il-kriptaġġ u l-anonimità jridu jkunu limitati skont il-prinċipji tal-legalità, in-neċessità u l-proporzjonalità; f'dan ir-rigward, jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri japprovaw u jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet mogħtija fir-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-22 ta' Mejju 2015 dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni, li jindirizza l-użu tal-kriptaġġ u tal-anonimità fil-komunikazzjonijiet diġitali;

29.  Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' kodiċi tal-etika għall-ġurnalisti kif ukoll għal dawk involuti fil-ġestjoni tal-organi ta' informazzjoni, sabiex tkun żgurata l-indipendenza sħiħa tal-ġurnalisti u l-korpi tal-midja;

30.  Jissottolinja li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji jiffaċċjaw bosta ostakoli fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati online, anke minħabba d-diskrepanzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri;

31.  Jinnota li fl-ekosistema tal-midja diġitali, li qiegħda tevolvi, nibtu intermedjarji ġodda bil-kapaċità li jinfluwenzaw u jikkontrollaw l-informazzjoni u l-ideat online billi jiksbu l-funzjonijiet u s-setgħat ta' kontroll tal-aċċess; jissottolinja l-ħtieġa li jkun hemm biżżejjed mezzi, servizzi u sorsi indipendenti u awtonomi online bil-kapaċità li jiżguraw pluralità ta' opinjonijiet u ideat demokratiċi lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta' interess ġenerali; jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw politiki nazzjonali u miżuri ġodda jew eżistenti f'dan ir-rigward;

32.  Jirrikonoxxi li l-ambjent diġitali l-ġdid aggrava l-problema tat-tixrid tad-diżinformazzjoni, jew tal-hekk imsejħa "fake news" jew "false news" (aħbarijiet foloz); ifakkar, iżda, li dan la hu fenomenu ġdid u lanqas mhuwa limitat għall-isfera online; jenfasizza l-importanza li jiġi ggarantit id-dritt għal informazzjoni ta' kwalità billi jissaħħaħ l-aċċess taċ-ċittadini għal informazzjoni affidabbli u tiġi prevenuta l-propagazzjoni tal-informazzjoni ħażina online u offline; ifakkar li l-użu tat-terminu "aħbarijiet foloz" ("fake news") m'għandu qatt ikun immirati biex jimmina l-fiduċja pubblika fil-midja jew biex jiskredita u jikkriminalizza l-vuċijiet kritiċi; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-theddida potenzjali li l-kunċett ta' aħbarijiet foloz jista' joħloq għal-libertà tal-kelma u tal-espressjoni u għall-indipendenza tal-midja, filwaqt li jenfasizza l-effetti negattivi li t-tixrid ta' aħbarijiet foloz jista' jkollu fuq il-kwalità tad-dibattitu politiku u fuq il-parteċipazzjoni infurmata tajjeb taċ-ċittadini fis-soċjetà demokratika; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati mekkaniżmi awtoregolatorji effettivi bbażati fuq il-prinċipji tal-preċiżjoni u t-trasparenza, u li jsiru dispożizzjonijiet għall-obbligi u l-istrumenti xierqa f'dak li għandu x'jaqsam mal-verifika tal-għejun, u tal-verifika tal-fatti minn organizzazzjonijiet iċċertifikati terzi tal-verifika tal-fatti li jkunu indipendenti u imparzjali biex tiġi żgurata l-oġġettività tal-informazzjoni u l-protezzjoni tagħha;

33.  Iħeġġeġ lill-kumpaniji tal-midja soċjali u lill-pjattaformi online jiżviluppaw għodda li jippermettu lill-utenti jirrappurtaw u jissinjalaw il-potenzjalità ta' aħbarijiet foloz sabiex tiġi ffaċilitata r-rettifika fil-pront u biex ikun jista' jsir rieżami minn organizzazzjonijiet iċċertifikati terzi tal-verifika tal-fatti li jkunu indipendenti u imparzjali, li jkunu fdati bil-kompitu li jipprovdu definizzjonijiet preċiżi ta' aħbarijiet foloz u diżinformazzjoni sabiex jitnaqqas il-marġni ta' diskrezzjoni li jitħalla lill-atturi tas-settur privat, u jkompli juru u jittimbraw bħala "aħbarijiet foloz" l-informazzjoni li tkun ġiet żvelata bħala tali, bil-ħsieb li jiġi stimulat dibattitu pubbliku u jiġi prevenut li l-istess diżinformazzjoni terġa' titfaċċa f'sura differenti;

34.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni online li jkun magħmul minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, pjattaformi tal-midja soċjali, organizzazzjonijiet tal-midja tal-aħbarijiet, ġurnalisti u membri tal-akkademja sabiex janalizzaw dawn it-theddidiet li qed jitfaċċaw u jipproponu miżuri operattivi li għandhom jittieħdu fil-livell kemm Ewropew kif ukoll nazzjonali;

35.  Jissottolinja r-responsabbiltà tal-atturi online fl-evitar tat-tifrix ta' informazzjoni li mhix ivverifikata jew li mhix vera bil-għan waħdieni li jiżdied it-traffiku online permezz tal-użu pereżempju tal-hekk imsejjaħ "clickbait";

36.  Jagħraf li r-rwol u l-investiment tal-pubblikaturi tal-istampa fil-ġurnaliżmu investigattiv, professjonali u indipendenti huma essenzjali għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-"aħbarijiet foloz" u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-kontenut pluralistiku tal-istampa editorjali; iħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri jinvestu riżorsi finanzjarji adegwati fil-litteriżmu tal-midja u dak diġitali u fl-iżvilupp ta' strateġiji tal-komunikazzjoni, flimkien mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-soċjetà ċivili, sabiex jissensibilizaw liċ-ċittadini u lill-utenti tal-internet biex jirrikonoxxu u jkunu konxji ta' għejun dubjużi ta' informazzjoni u biex jidentifikaw u jesponu kontenut u propaganda li jkunu deliberatament faloz; għal dan il-għan, jinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri jintegraw il-litteriżmu tal-midja u tal- l-informatika fis-sistemi edukattivi nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-aħjar prattiki mil-livell nazzjonali biex tiżgura l-kwalità tal-ġurnaliżmu u l-affidabbiltà tal-informazzjoni ppubblikata;

37.  Itenni d-dritt ta' kull individwu li jiddeċiedi dwar id-destin tad-data personali tiegħu jew tagħha, b'mod partikolari d-dritt esklussiv li jikkontrolla l-użu, id-divulgazzjoni ta' informazzjoni personali u d-dritt li jintesa, definit bħala l-possibbiltà li l-individwu jikseb it-tneħħija immedjata tal-kontenut li jista' jkun ta' preġudizzju għad-dinjità proprja tiegħu jew tagħha, mill-midja soċjali u mis-siti web tat-tiftix;

38.  Jirrikonoxxi li l-Internet u, b'mod aktar ġenerali, l-iżvilupp tal-ambjent diġitali espanda l-kamp ta' applikazzjoni ta' għadd ta' drittijiet tal-bniedem, kif muri, pereżempju, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-13 ta' Mejju 2014 fil-kawża C-131/12 Google Spain SL u Google Inc vs Agencia Española de Protección de Datos (AEPD) u Mario Costeja González(11); jistieden, f'dan ir-rigward, lill-istituzzjonijiet tal-UE biex ivaraw proċess parteċipattiv sabiex ifasslu Karta Ewropea tad-Drittjiet tal-Internet, billi jqisu l-aħjar prattiki żviluppati fl-Istati Membri – b'mod partikolari d-Dikjarazzjoni Taljana tad-Drittijiet tal-Internet – biex tintuża bħala punt ta' referenza, flimkien mal-istrumenti Ewropej u internazzjonali rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem, għar-regolamentazzjoni tal-isfera diġitali;

39.  Jissottolinja r-rwol ewlieni tal-informaturi fis-salvagwardjar tal-interess pubbliku u fil-promozzjoni ta' kultura ta' obbligu ta' rendikont pubbliku u integrità pubblika fl-istituzzjonijiet kemm pubbliċi kif ukoll privati; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu u jimplimentaw qafas adegwat, avvanzat u komprensiv għal leġiżlazzjoni Ewropea komuni għall-protezzjoni tal-informaturi billi japprovaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa u ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tal-14 ta' Frar u tal-24 ta' Ottubru 2017; iqis li huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-mekkaniżmi tar-rapportar ikunu aċċessibbli, sikuri u siguri, u li l-allegazzjonijiet tal-informaturi u tal-ġurnalisti investigattivi jiġu investigati b'mod professjonali;

40.  Jenfasizza li l-protezzjoni legali tal-informaturi meta jkunu qed jiżvelaw informazzjoni pubblikament tistrieħ b'mod partikolari fuq id-dritt li għandu l-pubbliku li jirċievi dik l-informazzjoni; jissottolinja li l-ebda persuna ma għandha titlef il-benefiċċju tal-protezzjoni għal-unika raġuni li setgħet wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha tal-fatti jew li t-theddida perċepita għall-interess pubbliku ma seħħitx, kemm-il darba li, fil-mument tar-rappurtar, din il-persuna kellha raġunijiet raġonevoli biex temmen l-awtentiċità tal-fatti; ifakkar li persuni li konxjament jirrappurtaw informazzjoni ħażina jew qarrieqa lill-awtoritajiet kompetenti m'għandhomx jitqiesu bħala informaturi, u għalhekk ma għandhomx igawdu mill-mekkaniżmi ta' protezzjoni; Jenfasizza, barra minn hekk, li kwalunkwe persuna li tiġi preġudikata, kemm direttament kif ukoll indirettament, minħabba r-rappurtar jew l-iżvelar ta' informazzjoni ineżatta jew qarrieqa għandha tingħata d-dritt li tfittex rimedji effettivi;

41.  Iħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-għejun tal-informazzjoni sabiex tiġi prevenuta kwalunkwe azzjoni diskriminatorji jew theddida;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ġurnalisti jingħataw l-għodod xierqa biex jinvestigaw u jirċievu informazzjoni mingħand l-UE u l-awtoritajiet tal-amministrazzjoni pubblika tal-Istati Membri, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti mingħajr ma jħabbtu wiċċhom ma' deċiżjonijiet arbitrarji li jċaħħduhom minn tali dritt ta' aċċess; jinnota li l-informazzjoni miksuba permezz tad-dritt ta' inkjesta minn ġurnalisti jew minn ċittadini, inkluża l-informazzjoni miksuba permezz ta' informaturi, hija kemm komplementari kif ukoll essenzjali biex il-ġurnalisti jkunu kapaċi jwettqu l-missjoni tagħhom ta' interess pubbliku; itenni li l-aċċess għas-sorsi u l-avvenimenti pubbliċi għandu jiddependi minn kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u trasparenti;

43.  Jenfasizza li l-liberta tal-istampa tirrikjedi l-indipendenza mill-poter politiku u ekonomiku, fatt li jimplika trattament indaqs irrispettivament mill-orjentazzjoni editorjali; itenni l-importanza li jiġi priservat il-ġurnaliżmu li jibbenefika minn mekkaniżmi li jipprevjenu l-konċentrazzjoni ta' gruppi singoli, monopolistiċi jew kważi-monopolistiċi, biex b'hekk tiġi żgurata l-kompetizzjoni ħielsa u d-diversità editorjali; jistieden lill-Istati Membri jadottaw u jimplimentaw regolament dwar is-sjieda tal-midja sabiex jiġu evitati l-konċentrazzjoni orizzontali tas-sjieda fis-settur tal-midja u s-sjieda indiretta u trasversali, u jiggarantixxu t-trasparenza, l-iżvelar, u l-aċċessibbiltà faċli għaċ-ċittadini għall-informazzjoni dwar is-sjieda, is-sorsi ta' finanzjament u l-ġestjoni tal-midja; jenfasizza l-importanza li jiġu applikati restrizzjonijiet xierqa fuq is-sjieda tal-midja minn persuni li jokkupaw karigi pubbliċi u li tiġi żgurata s-sorveljanza indipendenti u mekkaniżmi effikaċi ta' konformità sabiex jiġu pprevenuti l-kunflitti ta' interess u l-bibien iduru; iqis li huwa essenzjali li jkun hemm awtoritajiet nazzjonali indipendenti u imparzjali biex tiġi żgurata s-superviżjoni effettiva tas-settur tal-midja awdjoviżiva;

44.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw il-kapaċitajiet strateġiċi tagħhom stess u jimpenjaw ruħhom mal-komunitajiet lokali fl-UE u fil-viċinat tal-UE biex irawmu ambjent tal-midja pluralistiku u biex jikkomunikaw il-politiki tal-UE b'mod koerenti u effettiv;

45.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw bis-sħiħ u japprovaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar il-pluraliżmu tal-midja u t-trasparenza tas-sjieda tal-midja adottata fis-7 ta' Marzu 2018;

46.  Ifakkar fir-rwol importanti moqdi mix-xandara pubbliċi fl-ippriservar tal-pluraliżmu tal-midja, kif hemm enfasizzat fil-Protokoll Nru 29 tat-Trattati; jistieden lill-Istati Membri jipprovdulhom il-mezzi finanzjarji u tekniċi adegwati meħtieġa biex iwettqu l-funzjoni soċjali tagħhom u jaqdu l-interess pubbliku; jistieden lill-Istati Membri, għal dan il-għan, jiggarantixxu l-indipendenza editorjali tagħhom billi jipproteġuhom, permezz ta' oqfsa regolatorji definiti b'mod ċar, minn kwalunkwe sura ta' interferenza jew influwenza governattiva, politika jew kummerċjali, filwaqt li fl-istess ħin, jiżguraw lill-korpi pubbliċi u lill-entitajiet kollha li jeżerċitaw setgħat fl-oqsma tax-xandir u tat-telekomunikazzjonijiet l-awtonomija u l-indipendenza sħiħa ta' ġestjoni;

47.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jallinjaw il-politika tagħhom tal-ħruġ ta' liċenzji lil kumpaniji tax-xandir nazzjonali mal-prinċipju tar-rispett għall-pluraliżmu tal-midja; jenfasizza li t-tariffi mitluba u s-strettezza tal-obbligi relatati mal-ħruġ tal-liċenzji maħruġa għandhom ikunu soġġetti għall-iskrutinju u ma għandhomx jipperikolaw il-liberta tal-midja;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk l-Istati Membri humiex qed jallokaw il-liċenzji tax-xandir abbażi ta' kriterji oġġettivi, trasparenti, imparzjali u proporzjonati;

49.  Jissuġġerixxi li sabiex il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja jiġu salvagwardjati b'mod effiċjenti l-kumpaniji li s-sid prinċipali tagħhom huwa wkoll proprjetarju ta' kumpanija tal-midja ma għandhomx jitħallewx jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku jew tal-inqas dan għandu jsir b'mod kompletament trasparenti; jipproponi li l-Istati Membri għandhom jintalbu jirrapportaw b'mod regolari dwar kull finanzjament pubbliku pprovdut lil intrapriża tal-midja u li l-finanzjament pubbliku kollu pprovdut lis-sidien tal-midja għandu jiġi mmonitorjat b'mod regolari; jenfasizza li s-sidien tal-midja m'għandhomx ikunu ġew akkużati jew misjuba ħatja ta' reat kriminali;

50.  Jenfasizza li kwalunkwe finanzjament pubbliku lil organizzazzjonijiet tal-midja għandu jingħata abbażi ta' kriterji nondiskriminatorji, oġġettivi u trasparenti li għandhom jiġu mgħarrfa minn qabel lill-midja kollha;

51.  Ifakkar li l-Istati Membri għandhom isibu modi kif jappoġġjaw il-midja, billi jiżguraw, pereżempju, in-newtralità tal-VAT, kif irrakkomandat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-futur tal-VAT(12), u billi jappoġġjaw inizjattivi relatati mal-midja;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni talloka finanzjament permanenti u adegwat fil-baġit tal-UE biex tappoġġja lill-Osservatorju tal-Pluraliżmu tal-Midja fiċ-Ċentru għall-Pluraliżmu u l-Libertà tal-Midja, u toħloq mekkaniżmu annwali għall-valutazzjoni tar-riskji għall-pluraliżmu tal-midja fl-Istati Membri; jenfasizza li l-istess mekkaniżmu għandu jiġi applikat biex ikejjel il-pluraliżmu tal-midja fil-pajjiżi kandidati, u li r-riżultati tal-Osservatorju tal-Pluraliżmu tal-Midja għandu jkollhom rilevanza reali fuq il-progress tal-proċess tan-negozjati;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tiġbor informazzjoni u statistika dwar il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja fl-Istati Membri kollha, u tanalizza mill-qrib il-każijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali tal-ġurnalisti, filwaqt li tirrispetta l-principju tas-sussidjarjetà;

54.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-awtoritajiet regolatorji tal-awdjoviżiv tal-Istati Membri;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jistieden, f'dan is-sens, lill-Kummissjoni tinkludi r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tal-Osservatorju tal-Pluraliżmu tal-Midja dwar ir-riskji għall-pluraliżmu tal-midja u l-libertà tal-midja fl-UE meta tkun qed tfassal ir-Rapport annwali tagħha dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (ir-Rapport DRF Ewropew);

56.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom ħalli jsaħħu l-litteriżmu medjatiku u jippromwovu inizjattivi edukattivi u ta' taħriġ fost iċ-ċittadini kollha permezz ta' edukazzjoni formali, mhux formali u informali minn perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja, ukoll billi jagħtu attenzjoni speċjali lit-taħriġ u l-appoġġ inizjali u attwali ta' għalliema u billi jħeġġu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn is-settur tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u l-partijiet ikkonċernati relevanti kollha, inkluż il-professjonisti tal-midja, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ; jerġa' jafferma l-bżonn li jiġu appoġġjati l-għodod innovattivi li jkunu xierqa għall-etajiet biex jippromwovu l-għoti ta' setgħa u s-sikurezza online bħala elementi obbligatorji tal-kurrikulu fl-iskejjel biex inaqqsu d-differenza diġitali kemm permezz ta' proġetti speċifiċi ta' litteriżmu teknoloġiku kif ukoll b'investimenti adegwati fl-infrastrutturi sabiex jiżguraw aċċess universali għall-informazzjoni;

57.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' sens ta' evalwazzjoni u analiżi kritiċi fir-rigward tal-użu u l-ħolqien tal-kontenut tal-midja huwa essenzjali għall-fehim ta' kwistjonijiet attwali min-naħa tal-poplu u għall-kontribut għall-ħajja pubblika, kif ukoll għall-għarfien tagħhom dwar il-potenzjal transformattiv u t-theddid inerenti għal ambjent medjatiku dejjem aktar kumpless u interkonness; jisħaq li l-litteriżmu medjatiku huwa ħila demokratika kruċjali li tagħti s-setgħa liċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw miżuri speċifiċi sabiex jippromwovu u jappoġġjaw proġetti tal-litteriżmu medjatiku, bħall-proġett pilota dwar il-Litteriżmu Medjatiku għal Kulħadd u biex jiżviluppaw politika komprensiva tal-litteriżmu medjatiku mmirata lejn iċ-ċittadini ta' kull età u għat-tipi kollha tal-midja bħala parti integrali mill-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-edukazzjoni, appoġġjata kif xieraq minn opportunitajiet ta' finanzjament tal-UE, bħalma huma l-Fondi SIE u Orizzont 2020;

58.  Jinnota bi tħassib li, kif ġie enfasizzat mill-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Midja 2016, l-aċċess għall-midja minn minoranzi, komunitajiet lokali u reġjonali, nisa u persuni b'diżabbiltajiet jinsab f'riskju; jenfasizza li l-midja inklużiva hija essenzjali f'ambjent medjatiku miftuħ, liberu u pluralistiku, u li ċ-ċittadini kollha għandhom id-dritt ta' aċċess għal informazzjoni indipendenti bil-lingwa materna tagħhom, kemm jekk tkun lingwa ta' stat kif ukoll ta' minoranza; jenfasizza l-importanza li l-ġurnalisti Ewropej, speċjalment dawk li jaħdmu b'lingwi inqas użati u ta' minoranzi, jingħataw taħriġ adegwat u opportunitajiet ta' taħriġ mill-ġdid; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iħeġġu u jappoġġjaw riċerka, proġetti u politiki li jtejbu l-aċċess għall-midja kif ukoll inizjattivi relevanti mmirati lejn gruppi ta' minoranza vulnerabbli (bħall-proġett pilota dwar l-opportunitajiet ta' Apprendistat għall-midja b'lingwa ta' minoranza), u biex jiggarantixxu opportunitajiet għall-parteċipazzjoni u l-espressjoni għaċ-ċittadini kollha;

59.  Iħeġġeġ lis-settur tal-midja biex jipproteġi l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki u l-prattiki tal-midja, permezz ta' mekkaniżmi koregolatorji, kodiċi ta' kondotta interni u azzjonijiet volontarji oħrajn;

60.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom f'kampanji soċjali, programmi edukattivi, u f'attivitajiet ta' taħriġ u ta' sensibilizzazzjoni aktar immirati (inkluż għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-industrija) biex jippromwovu l-valuri u l-prattiki egalitarji permezz tal-finanzjament u l-promozzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew sabiex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-inugwaljanza bejn il-ġeneri fis-settur tal-midja;

61.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tiżviluppa strateġija settorjali għas-settur tal-midja Ewropew ibbażata fuq l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà; iqis li strateġija bħal din għandha ssaħħaħ il-kollaborazzjoni transfruntiera u l-koproduzzjonijiet bejn l-atturi tal-midja fl-UE sabiex tenfasizza d-diversità tagħhom u tippromwovi d-djalogu interkulturali, sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni mal-kmamar tal-aħbarijiet individwali u s-servizzi awdjoviżivi tal-istituzzjonijiet Ewropej kollha, b'mod partikolari ma' tal-Parlament, u sabiex trawwem kopertura tal-midja u viżibbiltà tal-affarijiet tal-UE;

62.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati aktar mudelli għat-twaqqif ta' pjattaforma Ewropea tas-servizz tax-xandir pubbliku li trawwem dibattiti politiċi mal-UE kollha bbażati fuq fatti, diverġenzi ta' opinjonijiet u rispett, tikkontribwixxi għal pluralità ta' opinjonijiet fl-ambjent il-ġdid tal-midja konverġuta u trawwem il-viżibbiltà tal-UE fir-relazzjonijiet esterni tagħha;

63.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jipproteġu l-libertà tal-midja u l-libertà tal-espressjoni fl-arti kontemporanja billi jippromwovu l-ħolqien ta' xogħlijiet tal-arti li jagħtu vuċi lit-tħassib soċjali, jinkoraġġixxu d-dibattitu kritiku u jispiraw kontrodiskors;

64.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi abolit l-imblukkar ġeografiku tal-kontenut tal-informazzjoni tal-midja, biex b'hekk iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jaċċessaw l-istreaming online, fuq talba u b'replay tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni tal-Istati Membri l-oħra;

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.
(2) ĠU C 55, 12.2.2016, p. 33.
(3) ĠU C 355,20.10.2017, p. 51.
(4) ĠU C 378, 9.11.2017, p. 104.
(5) Testi adottati, P8_TA(2017)0095.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0409.
(7) Testi adottati, P8_TA(2017)0022.
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0402.
(9) ĠU C 32, 4.2.2014, p. 6.
(10) ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6.
(11) ECLI:EU:C:2014:317.
(12) ĠU C 94 E, 3.4.2013, p. 5.

Avviż legali - Politika tal-privatezza