Indiċi 
Testi adottati
It-Tlieta, 29 ta' Mejju 2018 - StrasburguVerżjoni finali
Il-meded tal-mortalità mis-sajd u l-livelli ta' salvagwardja għal ċerti stokkijiet ta' aringi fil-Baħar Baltiku ***I
 Statistika ta' trasport ta' merkanzija minn passaġġi fuq l-ilma interni (kodifikazzjoni) ***I
 Ftehim UE-Żvizzera dwar l-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-UE, l-Iżvizzera, in-Norveġja u t-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi tal-UE ***
 Ftehim UE-Norveġja dwar l-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-UE, l-Iżvizzera, in-Norveġja u t-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi tal-UE ***
 Ftehim UE-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud *
 Ottimizzazzjoni tal-katina tal-valur fis-settur tas-sajd tal-UE
 L-implimentazzjoni tal-għodod għall-bdiewa żgħażagħ tal-PAK fl-UE wara r-riforma tal-2013
 Pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet ***I
 L-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi ***I
 Miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll li japplikaw fiż-Żona tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku ***I
 Finanzi sostenibbli
 It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2017

Il-meded tal-mortalità mis-sajd u l-livelli ta' salvagwardja għal ċerti stokkijiet ta' aringi fil-Baħar Baltiku ***I
PDF 339kWORD 49k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1139 f'dak li għandu x'jaqsam mal-meded tal-mortalità mis-sajd u l-livelli ta' salvagwardja għal ċerti stokkijiet ta' aringi fil-Baħar Baltiku (COM(2017)0774 – C8-0446/2017 – 2017/0348(COD))
P8_TA(2018)0205A8-0149/2018

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0774),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0446/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Frar 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill permezz tal-ittra tat-8 ta’ Mejju 2018, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0149/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-29 ta' Mejju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1139 f'dak li għandu x'jaqsam mal-meded tal-mortalità mis-sajd u l-livelli ta' salvagwardja għal ċerti stokkijiet ta' aringi fil-Baħar Baltiku

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2018/976.)

(1) Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


Statistika ta' trasport ta' merkanzija minn passaġġi fuq l-ilma interni (kodifikazzjoni) ***I
PDF 336kWORD 48k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika ta' trasport ta' merkanzija minn passaġġi fuq l-ilma interni (kodifikazzjoni) (COM(2017)0545 – C8-0337/2017 – 2017/0256(COD))
P8_TA(2018)0206A8-0154/2018

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – kodifikazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0545),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 338(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0337/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar metodu ta' ħidma aċċellerat tal-kodifikazzjoni uffiċjali tat-testi leġiżlattivi(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 103 u 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0154/2018),

A.  billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr tibdil sustanzjali;

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-29 ta' Mejju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika ta' trasport ta' merkanzija minn passaġġi fuq l-ilma interni

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2018/974.)

(1) ĠU C 102, 4.4.1996, p. 2.


Ftehim UE-Żvizzera dwar l-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-UE, l-Iżvizzera, in-Norveġja u t-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi tal-UE ***
PDF 251kWORD 47k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera, ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika tat-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (05882/2/2017 – C8-0241/2017 – 2016/0328(NLE))
P8_TA(2018)0207A8-0151/2018

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05882/2/2017),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżvizzera, in-Norveġja u t-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi tal-Unjoni Ewropea (05803/2017),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0241/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0151/2018),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Konfederazzjoni Żvizzera.


Ftehim UE-Norveġja dwar l-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-UE, l-Iżvizzera, in-Norveġja u t-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi tal-UE ***
PDF 250kWORD 48k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar l-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera, ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika tat-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (05883/2/2017 – C8-0240/2017 – 2016/0329(NLE))
P8_TA(2018)0208A8-0152/2018

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05883/2/2017),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar l-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżvizzera, in-Norveġja u t-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi tal-Unjoni Ewropea (05814/2017),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8‑0240/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0152/2018),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Renju tan-Norveġja.


Ftehim UE-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud *
PDF 249kWORD 47k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud f'isem l-Unjoni Ewropea (COM(2017)0621 – C8-0407/2017 – 2017/0272(NLE))
P8_TA(2018)0209A8-0147/2018

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2017)0621),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (14390/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 kif ukoll l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (b), u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0407/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 78c u 108(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0147/2018),

1.  Japprova l-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Renju tan-Norveġja.


Ottimizzazzjoni tal-katina tal-valur fis-settur tas-sajd tal-UE
PDF 371kWORD 62k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 dwar l-ottimizzazzjoni tal-katina tal-valur fis-settur tas-sajd tal-UE (2017/2119(INI))
P8_TA(2018)0210A8-0163/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jistabbilixxu organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-prodotti tas-sajd,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar il-promozzjoni tal-koeżjoni u l-iżvilupp fir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE: l-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 TFUE(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, b'mod partikolari l-Artikolu 35 tiegħu dwar l-għanijiet tal-organizzazzjoni tas-suq komuni,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, u b'mod partikolari l-Artikoli 11, 13, 41 sa 44, 48, 63, 66, 68 u 70 sa 73 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-istrateġija ta' nofs it-terminu tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) (2017-2020), li timmira għas-sostenibbiltà tas-swieq tal-ħut tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-istat tal-istokkijiet tal-ħut u s-sitwazzjoni soċjoekonomika tas-settur tas-sajd fil-Mediterran(2),

–  wara li kkunsidra l-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni għal "Sħubija strateġika mġedda u msaħħa mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea” ("A renewed and reinforced strategic partnership with the outermost regions of the European Union"), ippubblikata fl-24 ta' Ottubru 2017 (COM(2017)0623),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar it-traċċabbiltà ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fir-restorazzjoni u l-bejgħ bl-imnut(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar il-ġestjoni tal-flotot tas-sajd fir-Reġjuni Ultraperiferiċi(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0163/2018),

A.  billi s-settur tas-sajd tal-UE qed iħabbat wiċċu ma' sfidi dejjem aktar diffiċli u kumplessi; billi l-qagħda tar-riżorsi u ż-żieda fl-ispejjeż, b'mod partikolari l-varjazzjonijiet fil-prezz tal-fjuwil, jistgħu jolqtu d-dħul tas-sajjieda; billi, f'dan il-kuntest, il-varjazzjonijiet 'l isfel tal-kwoti tas-sajd ifissru li l-komunitajiet lokali jiffaċċjaw sitwazzjonijiet kumplessi minħabba t-tnaqqis fl-attivitajiet ta' estrazzjoni; billi minbarra ż-żieda fl-ispejjeż tat-trasport, li tirriżulta mill-impatt doppju taż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil, huma jħabbtu wiċċhom ma' kompetizzjoni minn importazzjonijiet ta' prodotti minn pajjiżi terzi, li, minkejja li din il-problema hi rikonoxxuta bħalma huma rikonoxxuti problemi oħrajn, jibqgħu fil-biċċa l-kbira jikkawżaw l-iggravar tas-sitwazzjoni soċjoekonomika fis-settur, fosthom il-formazzjoni inadegwata tal-prezz tal-ħut fl-ewwel bejgħ;

B.   billi s-settur tas-sajd għandu importanza strateġika billi jforni l-ħut għall-pubbliku u jżomm il-bilanċi tal-ikel tal-Istati Membri f'ekwilibriju, kif ukoll billi jagħti kontribut mill-akbar għall-benessri soċjoekonomiku tal-komunitajiet tal-kosta, għall-iżvilupp lokali, għall-impjiegi, għaż-żamma u l-ħolqien ta' attivitajiet ekonomiċi kemm 'il fuq u kemm 'l isfel fil-katina ta' attivitajiet, u għall-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali lokali;

C.   billi s-sajd fuq skala żgħira, is-sajd artiġjanali u s-sajd tal-kosta jirrappreżentaw 83 % tal-bastimenti tas-sajd attivi fl-UE u 47 % tal-impjiegi totali fis-settur tas-sajd tal-UE; billi r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jistabbilixxi li "l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jagħtu aċċess preferenzjali għal sajjieda ta' skala żgħira, artiġjanali jew kostali" u billi dan il-fatt mhux qed jiġi rispettat;

D.   billi l-konformità mar-regoli tal-Unjoni hi obbligatorja għall-parti l-kbira tad-distributuri tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, bħas-supermarkets; billi madankollu, l-impatt ta' din il-konformità fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sajjieda u fuq id-dħul tagħhom ivarja, u dan huwa inġust għall-bastimenti tas-sajd iżgħar;

E.  billi jeħtieġ li jitqiesu d-differenzi evidenti bejn il-flotot, taqsimiet ta' flotot, speċijiet fil-mira, rkaptu tas-sajd, produttività, preferenzi tal-konsumaturi u l-konsum ta' ħut per capita fil-pajjiżi tal-UE, kif ukoll il-karatteristiċi speċjali tal-industrija tas-sajd li jirriżultaw mill-istruttura soċjali tagħha, il-forom ta' kummerċjalizzazzjoni, u l-inugwaljanzi strutturali u naturali bejn ir-reġjuni tas-sajd differenti;

F.  billi biex jidħlu fit-taqsimiet ġodda tas-suq, is-sajjieda artiġjanali jeħtieġu għajnuna u appoġġ finanzjarji;

G.  billi d-dħul u s-salarji tas- sajjieda professjonali mhumiex siguri, minħabba l-mod kif issir il-kummerċjalizzazzjoni tas-settur, minħabba l-mod kif jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-ewwel bejgħ u minħabba n-natura irregolari tal-attività minnha nfisha, u dan jimplika, fost l-oħrajn, il-ħtieġa li jinżammu l-għajnuniet pubbliċi, nazzjonali u Komunitarji għas-settur;

H.  billi l-analizzar tal-punti ewlenin tal-katina tal-valur tal-prodotti tas-sajd jista' jwassal biex is-sajjieda u l-produtturi lokali jżommu sehem akbar mill-valur iġġenerat bil-ftuħ ta' swieq lokali ġodda u l-involviment tal-partijiet interessati lokali, li jista' jħalli effetti pożittivi għall-komunitajiet lokali bis-saħħa tal-ħolqien ta' attività ekonomika dinamika, li ġġib il-qligħ u sostenibbli;

I.  billi l-Artikolu  349 tat-TFUE jirrikonoxxi s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali speċjali tar-reġjuni ultraperiferiċi, li hija aggravata minn fatturi strutturali (il-bogħod, l-insularità, iċ-ċokon, it-topografija u l-klima diffiċli, id-dipendenza minn għadd żgħir ta' prodotti, eċċ.) li n-natura permanenti tagħhom u l-fatt li jeżistu flimkien jillimitaw severament l-iżvilupp ta' tali reġjuni u l-katina tal-valur fis-settur tas-sajd;

J.  billi l-produtturi primarji, minkejja li għandhom rwol essenzjali fil-katina tal-valur, mhux dejjem jibbenefikaw mill-valur miżjud iġġenerat fi stadji sussegwenti ta' din il-katina;

K.  billi l-PKS tfasslet biex issaħħaħ is-sostenibbiltà u l-kompetittività tas-settur tas-sajd u l-akkwakultura tal-Unjoni;

L.  billi mod wieħed li bih tiġi ggarantita l-kompetittività tal-prodotti tas-sajd mir-reġjuni ultraperiferiċi huwa li jiġi żgurat li l-prezz tal-ħut minn dawk ir-reġjuni ma jogħliex b'riżultat tal-ispejjeż tat-trasport meta jilħaq is-swieq ta' destinazzjoni ewlenin;

M.   billi l-UE tinsab fuq quddiem nett fid-dinja fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;

N.   billi l-kummerċ tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura huwa influwenzat minn ħafna fatturi, bħal pereżempju l-preferenzi tal-konsumaturi fiż-żoni ġeografiċi differenti;

O.  billi l-organizzazzjoni komuni tas-swieq (OKS) fil-qasam tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura tistabbilixxi l-mira li tiżdied it-trasparenza u l-istabbiltà tas-swieq, b'mod partikolari fir-rigward tal-għarfien ekonomiku u l-komprensjoni tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura tal-UE tul il-katina tal-provvista;

P.   billi r-Regolament (UE) Nru 1379/2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura jistabbilixxi fl-Artikolu 38 tiegħu l-obbligu tal-indikazzjoni taż-żona tal-qabda jew tal-produzzjoni u, fil-każ tal-prodotti tas-sajd maqbuda fil-baħar, id-denominazzjoni bil-miktub tas-subżona jew diviżjoni elenkata fiż-żoni tas-sajd tal-FAO;

Q.   billi t-trasparenza hija mezz li bih jiġi żgurat id-dritt tal-konsumaturi li jkunu jafu, bil-preċiżjoni massima, il-karatteristiċi tal-prodotti li huma jixtru; billi dan jeħtieġ titjib fit-tikkettar, bl-obbligu li tidher l-istess informazzjoni preċiża dwar l-oriġini tal-ħut kemm meta jinbiegħ frisk kif ukoll fil-prodotti pproċessati;

R.  billi d-dinamika attwali tal-bejgħ ma tippermettix li l-varjazzjonijiet fl-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni, inkluż il-fjuwil, jiġu riflessi fil-prezzijiet tal-ħut, u billi l-prezzijiet medji tal-ewwel bejgħ ma evolvewx maż-żieda fil-prezzijiet għall-konsumatur aħħari;

S.  billi l-istudju ppubblikat mid-Dipartiment Tematiku tal-Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni fl-2016 bl-isem "Is-swieq tas-sajd fuq skala żgħira: il-katina tal-valur, il-promozzjoni u t-tikkettar", jindika b'mod ċar li t-tikkettar tal-prodotti tas-sajd tal-UE jaf jikkonfondi lill-konsumaturi;

T.  billi l-organizzazzjonijiet tal-produtturi ta' prodotti tas-sajd u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-prodotti tal-akkwakultura (‘organizzazzjonijiet tal-produtturi’) jaqdu rwol fundamentali sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-PKS u tal-OKS, u biex dawn jitħaddmu kif suppost;

U.   billi l-Unjoni hija impenjata li tissalvagwardja livelli għolja ta' kwalità fil-prodotti tas-sajd, b'mod partikolari fid-dawl tar-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi;

V.   billi s-settur tal-ipproċessar u l-ippreservar huwa importanti;

W.  billi l-gruppi ta' azzjoni lokali tas-sajd (FLAGs) huma parti essenzjali mill-qafas tal-PKS biex jitfasslu u jiġu implimentati strateġiji multisettorjali u integrati ta' żvilupp lokali parteċipattiv li jissodisfaw il-ħtiġijiet taż-żona tas-sajd lokali tagħhom; billi huma rikonoxxuti bħala strument siewi li jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni fl-attivitajiet tas-sajd;

X.  billi l-katina tal-provvista tas-sajd ma teżistix f'iżolament u billi l-ħolqien ta' rabtiet transsettorjali huwa importanti ħafna biex jiġu żviluppati prodotti innovattivi li jippermettu l-aċċess għal swieq ġodda u titjib tal-promozzjoni tagħhom;

Y.  billi jeżisti nuqqas ta' koordinazzjoni u ta' assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd f'ċerti Stati Membri tal-UE;

Z.   billi s-setturi tas-sajd tar-reġjuni ultraperiferiċi (ORs) huma suġġetti għall-eżiġenzi tagħhom, rikonoxxuti fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni, u dan jinfluwenza l-istrutturazzjoni tagħhom;

AA.  billi l-organizzazzjonijiet interprofessjonali (kif issemmi diġà fl-OKS) għandhom il-potenzjal li jtejbu l-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni tul il-katina tal-provvista u li jagħmlu progress b'miżuri ta' interess għas-settur kollu kemm hu;

AB.  billi, ladarba l-istokkijiet tal-ħut huma riżorsi kondiviżi, l-isfruttar sostenibbli u effiċjenti tagħhom, f'ċerti każijiet, jista' jitwettaq b'mod aktar adegwat minn organizzazzjoniiet magħmula minn membri minn Stati Membri differenti u minn reġjuni differenti tal-EU u jenħtieġ, għalhekk, li jiġu ttrattati u studjati abbażi ta' kull reġjun għalih;

AC.   billi s-settur tas-sajd huwa ċentrali għas-sitwazzjoni soċjoekonomika, għall-impjiegi, u għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali fir-reġjuni ultraperiferiċi, li l-ekonomiji tagħhom ibatu minn limitazzjonijiet strutturali permanenti u li ftit għandhom possibilitajiet ta' diversifikazzjoni ekonomika;

AD.  billi n-nuqqas ta' professjonisti żgħażagħ huwa ostaklu għall-modernizzazzjoni u t-titjib tas-settur, u huwa theddida serja għas-sopravivenza ta' ħafna komunitajiet kostali;

AE.  billi jingħata profil baxx ħafna lir-rwol tan-nisa fis-settur tas-sajd, minkejja l-fatt li dawn tipikament jagħmlu x-xogħol ta' wara l-kwinti, bħall-appoġġ loġistiku jew il-burokrazija marbuta mal-attività, filwaqt li jaħdmu wkoll bħala sajjieda u kaptani f'xi bastimenti tas-sajd;

AF.   billi l-obbligu ta' ħatt l-art jirrappreżenta eżiġenza ekonomika u soċjali reali, li tnaqqas il-profittabbiltà finanzjarja u tolqot il-katina tal-valur, u jkun tajjeb li tiġi minimizzata;

AG.   billi jeħtieġ tiġi promossa kuxjenza akbar fost il-konsumaturi dwar l-importanza ta' dieta tajba għas-saħħa u produzzjoni sostenibbli;

AH.   billi fost il-kawżi li qed jikkontribwixxu biex is-sitwazzjoni soċjoekonomika taggrava jridu jitqiesu wkoll it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-ħut fl-ewwel bejgħ u l-ispejjeż dejjem jogħlew tal-fjuwil;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, flimkien mal-awtoritajiet reġjonali, jistabbilixxu gruppi ta' esperti inkarigati li janalizzaw u jipproponu miżuri korrettivi fir-rigward tal-użu tad-diversi linji tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd sabiex jiġu identifikati r-raġunijiet għan-nuqqas ta' eżekuzzjoni u t-telf possibbli ta' fondi, kif ukoll biex jiġi żgurat livell adegwat ta' kontroll u trasparenza u biex l-amministrazzjonijiet rilevanti jintalbu jtejbu l-ġestjoni;

2.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonformaw mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u joffru aċċess preferenzjali reali għall-opportunitajiet tas-sajd lill-flotot fuq skala żgħira u artiġjanali tal-UE;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jiffaċilitaw il-ħolqien ta' organizzazzjoni tal-produtturi, filwaqt li jneħħu l-ostakli burokratiċi fil-proċedura stabbilita u jbaxxu l-limiti minimi ta' produzzjoni sabiex jinkoraġġixxu d-dħul ta' produtturi żgħar; jirrimarka li huwa meħtieġ ukoll li tingħata spinta lill-attivitajiet tal-organizzazzjoni tal-produtturi, biex b'hekk tingħatalhom aktar saħħa u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-appoġġ finanzjarju meħtieġ ħalli jkunu jistgħu jwettqu varjetà usa' ta' kompiti minbarra l-ġestjoni ta' kuljum tas-sajd, filwaqt li jirrispettaw qafas definit mill-għanijiet tal-PKS, b'mod partikolari għall-ORs, li għandhom ikunu kapaċi lokalment jadattaw il-funzjonament tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali fit-territorji tagħhom, li huma karatterizzati minn insularità, iżolament, daqs żgħir, il-prevalenza tas-sajd artiġjanali u livell għoli ta' vulnerabbiltà għall-importazzjonijiet;

4.  Isostni li l-programmi operattivi jridu jinkoraġġixxu lill-organizzazzjoni tal-produtturi, – billi jipprovdu l-appoġġ finanzjarju neċessarju – biex jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom direttament, billi jaħdmu fi ħdan il-katina tal-valur, peress li dan ikun jippermettilhom jisfruttaw il-produzzjoni tagħhom u jkabbru l-valur miżjud tal-prodotti tas-sajd;

5.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-għajnuniet għas-sikurezza abbord u għall-iġjene ma jsirux parti minn proċess kompetittiv u li jiġi assenjat baġit akbar lis-settur tas-sajd artiġjanali;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw u jippromovu li l-OPs jinkludu l-katina tal-valur fil-pjanijiet ta' produzzjoni u ta' kummerċjalizzazzjoni, bl-għan li l-provvista tiġi adattata għad-domanda, jiġi żgurat dħul ekwu għas-sajjieda u jiġi garantit li l-konsumaturi Ewropej isibu prodotti li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom, meta jitqiesu l-għażliet differenti; josserva li, f'dan il-kuntest, l-istrateġiji ta' kummerċjalizzazzjoni adatti għall-ispeċifiċitajiet lokali huma għodda essenzjali u għandhom jinkludu l-possibbiltà tal-bejgħ dirett, fejn jinkludu kampanji settorjali u/jew abbażi ta' prodott u jgħinu biex jittejbu l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi, inklużi l-immarkar u t-tikkettar li jipprovdu tagħrif li jinftiehem;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-gvernijiet reġjonali u lokali biex isaħħu l-pożizzjoni tas-sajd fuq skala żgħira billi jinkoraġġixxu l-konsum lokali permezz ta' kummerċjalizzazzjoni diretta u aktar speċjalizzata, kanali tal-kummerċ żero kilometri, inkluża kooperazzjoni mtejba bejn is-settur pubbliku u s-settur tas-sajd permezz tal-forniment lil stabbilimenti pubbliċi bħall-iskejjel u l-isptarijiet bi prodotti tal-ħut lokali, kif ukoll kampanji ta' promozzjoni li għandhom jikkoperaw ukoll ma' inizjattivi privati biex jippromwovu prodotti tal-ikel lokali, bħall-inizjattiva Slowfish, u biex jirrispettaw l-istaġunalità ta' ċerti qabdiet. Fl-istess waqt jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn is-setturi tas-sajd u tat-turiżmu u sabiex ifasslu lista ta' prattiki tajba dwar l-esperjenzi li jiffaċilitaw forom ġodda ta' kollaborazzjoni;

8.   Jenfasizza li wieħed mill-pedamenti ta' dawn l-istrateġi ta' kummerċjalizzazzjoni hu l-indikazzjoni obbligatorja tat-tikketti ta' oriġini tal-prodotti tas-sajd, kemm dawk mibjugħa friski kif ukoll dawk proċessati;

9.   Jitlob li jinħolqu sistemi bil-għan li jittejbu l-prezzijiet tal-ewwel bejgħ, sabiex igawdu s-sajjieda billi jitjieb id-dħul tagħhom għax-xogħol li jagħmlu, u li jkunu promossi distribuzzjoni ġusta u xierqa tal-valur miżjud tul il-katina ta' valur tas-settur, billi jitnaqqsu l-marġnijiet operattivi, jiżdiedu l-prezzijiet li jitħallsu l-produtturi, u jiġu limitati l-prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi; itenni li fejn jeżistu żbilanċi serji fil-katina, l-Istati Membri għandu jkollhom is-setgħa jintervjenu, pereżempju billi jistabbilixxu marġnijiet massimi tal-intermedjazzjoni għal kull attur fil-katina;

10.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħinu l-moviment ta' organizzazzjoni ta' sajjieda fuq skala żgħira tal-UE bl-iżvilupp ta' logo speċifiku li jiggarantixxi: prodott tal-ħut frisk, kwalità eċċellenti, standards tas-saħħa kkontrollati, konformità mar-rekwiżiti ta' żero kilometri (niffavorixxu prodotti lokali flok prodotti trasportati mill-bogħod), qrubija għall-konsumaturi, rispett għat-tradizzjonijiet, eċċ.;

11.   Jindika li, għall-finijiet tat-trasparenza u għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-konsumaturi se jkun meħtieġ li jiġi rivedut l-Anness tar-Regolament (KEE) Nru 1536/92 dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti preservati;

12.   Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jimplimentaw sistema tat-tikkettar tal-ħut, kemm dak frisk kif ukoll dak ipproċessat, li tindika b'mod ċar il-pajjiż ta' oriġini;

13.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu koordinazzjoni akbar u assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd;

14.  Jitlob li l-Kummissjoni tinkludi klawżola fil-ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi bl-istandards ta' kwalità tal-UE, b'tali mod li jkun meħtieġ li l-importazzjonijiet ikunu konformi mal-istess regoli bħall-prodotti tas-sajd tal-UE;

15.  Sabiex jiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn il-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura importati u dawk tal-UE, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissorveljaw mill-qrib il-konformità tal-prodotti importati fl-UE mal-leġizlazzjoni attwali tas-sikurezza, l-iġjene u l-kwalità tal-UE, kif ukoll mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008(5) dwar sajd IUU;

16.   Jinsisti fuq implimentazzjoni aktar stretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tikkettar u l-informazzjoni għall-konsumaturi, kemm fis-swieq tal-konsumaturi kif ukoll fis-settur tal-lukandi, ristoranti u catering (HORECA); jemmen li dan huwa importanti għall-prodotti kollha tas-sajd, kemm dawk importati kif ukoll dawk prodotti fl-UE; jemmen li l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009 għandha tissaħħaħ għal dan l-għan fl-Istati Membri kollha, u li r-regolamenti għandhom jiġu adottati biex ikopru l-istadji kollha tal-katina tal-provvista;

17.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-impatt tal-importazzjonijiet fuq is-sajd lokali;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni tawtorizza li jsir użu konvenjenti mir-reġjonalizzazzjoni, b'attenzjoni partikolari għall-ORs, u li ssir differenzjazzjoni fl-għodod ta' appoġġ, u li dawn ikunu jistgħu jiġu adattati għal diversi tipi ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi u għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom;

19.   Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati politiki li jippermettu lill-komunitajiet tal-kosta lokali joffru servizzi integrati, jisfruttaw is-sinerġiji li jirriżultaw mid-diversi setturi tal-produzzjoni u li għandhom il-possibbiltà li jġibu magħhom u jħeġġu l-iżvilupp fil-livell lokali; jinsisti, għaldaqstant, li l-finanzjament mill-PKS jiġi kombinat ma' programmi Eworpej oħra fil-Fond Soċjali Ewropew jew fl-PAK; jindika li dan il-kombinament ta' riżorsi u programmi għandu jappoġġa l-inizjattivi tal-komunitajiet u l-imprendituri lokali ffokati fuq l-iżvilupp rurali, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien, il-konċiljazzjoni u b'mod partikolari id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' dħul;

20.   Iqis li huwa kruċjali li jinżamm, u preferibbilment jiżdied, l-appoġġ mogħti lir-reġjuni ultraperiferiċi għat-trasport tal-ħut, sakemm jasal fis-suq internazzjonali, bil-għan li tiġi ggarantita kompetizzjoni ġusta ma' prodotti minn postijiet oħra;

21.   Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li toħloq, mill-aktar fis, strument finanzjarju biex jipprovdi appoġġ speċifiku għas-settur tas-sajd, abbażi tal-POSEI għas-settur agrikolu fir-reġjuni ultraperiferiċi, bil-kapaċità li jtejjeb ġenwinament il-potenzjal tas-settur tas-sajd tagħhom; jemmen li għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġu inklużi f'dan l-istrument speċifiku, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 (Għajnuna mill-Istat), l-Artikolu 13(5) (Riżorsi baġitarji taħt ġestjoni kondiviża), l-Artikolu 70 (Sistema ta' kumpens), l-Artikolu 71 (Kalkolu tal-kumpens), l-Artikolu 72 (Pjan ta' kumpens) u l-Artikolu 73 (Għajnuna mill-Istat għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' kumpens) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS);

22.   Jemmen li dawn il-pjanijiet lokali ta' żvilupp għall-komunitajiet tal-kosta għandhom jappoġġaw attivitajiet u negozji ġodda li jippermettu l-integrazzjoni ta' materji primi ta' kwalità, il-proċessi speċifiċi ta' trasformazzjoni u l-patrimonju kulturali u storiku ta' dawn il-komunitajiet fil-katina tal-valur. jindika, barra minn hekk, li għandhom jippromwovu mekkaniżmi ta' kummerċjalizzazzjoni, bħat-tikkettar obbligatorju tal-oriġini tal-prodotti, li jgħollu l-profil ta' dawn il-kwalitajiet fis-suq u jiżguraw li l-parti l-kbira tal-introjtu ġġenerat imur lura għand dawn il-komunitajiet.

23.   Jenfasizza wkoll l-importanza tal-baħar, tar-riżorsi marittimi u tal-prodotti tas-sajd fil-promozzjoni tal-koeżjoni u l-iżvilupp fir-reġjuni ultraperifiċi u fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 tat-TFUE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tirrispetta l-Artikolu 349 tat-TFUE, anke fir-rigward tas-sajd, billi terġa' tintroduċi b'mod sħiħ u indipendenti il-programm POSEI-Sajd, li ġie eliminat fil-qafas tar-riforma tal-FEMS attwali;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jinkoraġġixxu l-istabbiliment ta' organizzazzjonijiet interprofessjonali, kif ukoll ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi u assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi fuq livell transnazzjonali (kif previst diġà fl-OKS), ibbażati fir-reġjuni bijoġeografiċi jew fil-livell tal-UE; jindika li din hija għodda essenzjali biex tingħata aktar setgħa lill-organizzazzjonijiet ta' produtturi u biex dawn jingħataw aktar setgħa ta' negozjar;

25.   Jitlob li dan il-proċess jingħata spinta u jiġi żviluppat b'enfasi speċjali fuq il-politiki tal-ġeneru biex ikun garantit li n-nisa jkunu rappreżentati adegwatament f'dawn l-organizzazzjonijiet. jindika li b'dan il-mod jiġi rifless il-piż attwali tan-nisa fis-settur, u jgħinhom ikollhom rwol akbar fih;

26.   Jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u s-sajd biex jiġu indirizzati id-dependenzi u d-dgħufijiet kumplessi fil-proċessi tal-katina ta' valur bl-għan ta' titjib u biex ikun hemm aktar benefiċċji għall-partijiet interessati;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni żżid, tippromwovi u tiġġeneralizza l-użu tal-informazzjoni pprovduta permezz tal-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura (EUMOFA) sabiex l-operaturi kollha fil-katina jkollhom informazzjoni trasparenti, affidabbli u aġġornata għat-teħid effiċjenti ta' deċiżjonijiet ta' negozju; jitlob, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tipprovdi data aġġornata dwar l-isfidi l-ġodda għan-negozjanti, bħall-bejgħ online jew it-tibdil fix-xejriet tal-konsum;

28.   Jindika l-ħtieġa ta' reviżjoni ambizzjuża tal-OKS għall-prodotti tas-sajd, bl-għan li jiżdied il-kontribut tagħha għall-introjtu tas-settur, l-istabbiltà tas-suq, u kummerċjalizzazzjoni aqwa tal-prodotti tas-sajd u żieda fil-valur miżjud tagħhom;

29.   Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi l-prodotti tas-sajd fil-proposta għal regolament biex jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali żleali, li hi problema ġenerali fis-settur tal-prodotti tal-ikel;

30.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel rieżami tas-sistema għat-tikkettar tal-prodotti tas-sajd stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 abbażi taż-żoni tas-sajd tal-FAO, li tfasslu aktar minn 70 sena ilu għar-rappurtar tal-qabdiet u ma kinux maħsuba biex jipprovdu gwida lill-konsumatur, minħabba li s-sistema toħloq il-konfużjoni u ma tgħinx biex tkun ipprovduta informazzjoni ċara, trasparenti u sempliċi;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali janalizzaw in-nuqqas ta' kwalifiki professjonali fis-settur tas-sajd, u b'mod speċjali ta' professjonisti żgħażagħ, b'tali mod li jiggarantixxu u jiffokaw il-programmi ta' taħriġ tal-professjonisti tas-settur tas-sajd fuq il-ħtiġijiet reali tas-settur u b'hekk jgħinu biex is-settur jiġi modernizzat u mtejjeb, filwaqt li jżommu lill-popolazzjoni fil-lokalitajiet tas-sajd, kif ukoll biex joħolqu opportunitajiet ta' impjieg adegwati fiż-żoni bl-akkwalkultura, u fiż-żoni rurali u tal-kosta, fiż-żoni ultraperiferiċi u f'reġjuni li jiddependu fuq l-attivitajiet tas-sajd;

32.   Jindika l-importanza li jinħolqu swieq lokali għall-prodotti tradizzjonali ta' kwalità partikolari, li jkunu appoġġati minn fieri, negozji żgħar u l-industrija tal-ikel, bħala mezz ta' kif jiżdied il-valur miżjud tal-prodotti lokali u jiġi promoss l-iżvilupp lokali;

33.   Jenfasizza l-importanza li jitfasslu strateġiji speċifiċi ta' taħriġ fil-ħiliet diġitali li jiffokaw fuq il-ġestjoni, u speċjalment fuq il-kummerċjalizzazzjoni, bħala għodda bażika biex titjieb il-pożizzjoni tal-produtturi fil-katina tal-valur;

34.   Jindika li dawn il-pjanijiet tat-taħriġ għandhom ikopru l-professjonijiet tradizzjonali, prattikati fis-settur prinċipalment min-nisa, kif ukoll pjanijiet speċifiċi ffokati biex iżidu l-impjegabbiltà u l-intraprenditorjat tan-nisa; jenfasizza li l-inklużjoni ta' dawn l-ispeċjalitajiet fit-taħriġ akkreditat għandha tħalli wkoll l-effetti legali konsegwenti u ttejjeb l-istatus ta' dawn il-professjonisti fis-suq tax-xogħol;

35.   Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra modi aħjar ta' kif tippromwovi l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd ipproċessati b'valur miżjud ogħla, fosthom il-prodotti fil-bottijiet, billi jiġi segwit l-eżempju ta' ċerti prodotti agrikoli, u programmi għall-promozzjoni esterna tal-prodotti tas-sajd tal-UE, inkluża l-preżentazzjoni tagħhom f'kompetizzjonijiet u fieri internazzjonali;

36.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jgħinu lill-atturi ekonomiċi tas-settur tas-sajd biex jaċċedu għall-għarfien, in-netwerks u l-finanzjament meħtieġa ħalli jwettqu attivitajiet innovattivi u jiddisinjaw prodotti ġodda (‘novel foods’) b'mod partikolari fil-valutazzjoni ta' speċijiet maqbuda diġà li jkollhom valur ekonomiku baxx, u jinvolvu lill-organizzazzjonijiet u l-istituzzjoni tar-riċerka, bħall-istituti oċeanografiċi, sabiex jibbenefikaw mill-għarfien estensiv tagħhom tal-materja prima bażika u l-karatteristiċi bijoloġiċi, nutrittivi u organolettiċi tagħha; fi sforz biex tiġi evitata l-ħela, ikun massimizzat il-valur tal-prodotti friski u jiġu stimulati s-sinerġiji bejn il-partijiet differenti tal-katina tal-valur u biex is-settur isir aktar reżiljenti;

37.   Jistieden lill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw kampanji ta' informazzjoni maħsuba għall-konsumaturi li jkunu effikaċi u ffokati fuq prodotti konkreti, biex iqajmu kuxjenza dwar kwistjonijiet bħall-importanza tal-konsum ta' prodotti tas-sajd lokali, jiżguraw li l-impatt tas-settur fuq l-impjieg lokali u l-koeżjoni soċjali tal-komunitajiet tal-kosta jista' jkun viżwalizzat, jenfasizzaw il-kwalitajiet nutrittivi tal-ħut frisk u jqajmu kuxjenza dwar il-ħtieġa li ninkludu l-prodotti tas-sajd f'dieta tajba għas-saħħa, eċċ.;

38.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi definizzjoni ċara u tfassal is-sisien ta' programm futur Ewropew ta' appoġġ għas-sajd artiġjanali li jgħin biex titjieb is-sostenibbiltà ambjentali u soċjoekonomika tal-industrija tas-sajd fl-UE, li jippermetti l-identifikazzjoni, id-differenzjazzjoni u l-valorizzazzjoni tal-prodotti minn sajd artiġjanali sabiex jinkoraġġixxi l-konsum tagħhom, li jinkoraġġixxi l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jaħdmu fis-settur tas-sajd sabiex ikun hemm tiġdid ġenerazzjonali, jiżgura kwoti deċenti għas-sajjieda u għas-sajd artiġjanali u kontroll ikbar tar-riżorsi, u b'hekk tiżdied il-koeżjoni soċjali fil-komunitajiet kostali tal-UE;

39.   Jistieden lill-Kummissjoni tvara konsultazzjonijiet pubbliċi online speċifiċi fil-livell tal-UE biex tinġabar data dwar il-katina tal-provvista, kwistjonijiet tat-trasparenza tas-suq, kondiviżjoni tal-valur, tikkettar u ħtiġijiet tal-konsumatur mingħand firxa wiesgħa ta' partijiet interessati fis-settur tas-sajd tal-UE;

40.  Jitlob lill-Kummissjoni tesplora l-benefiċċji li l-katini ta' valur globali jistgħu jġibu magħhom għas-sajd artiġjanali, biex jintegraw aktar faċilment fl-ekonomija globali, billi jżidu l-valur miżjud tal-prodotti tagħhom filwaqt li jkunu jistgħu jżommu l-attività tagħhom u tal-komunitajiet lokali; jenfasizza l-importanza tat-taħriġ fil-ħiliet diġitali għal dan l-għan;

41.   Jemmen li l-katina tal-valur tal-prodotti tas-sajd hi kumplessa, u tinvolvi l-produtturi, diversi intermedjarji u l-bejjiegħa bl-imnut jew ir-ristoranti; jenfasizza li s-sensara u dak li jipproċessaw il-ħut għandhom rwol importanti fil-katina tal-valur; jinnota li, bħala medja, il-marġini fil-katina tal-valur hu li 10 % biss imorru għand il-produtturi, filwaqt li 90 % jmorru għand l-intermedjarji; jenfasizza li t-tqassir tal-katina tal-valur, partikolarment permezz tal-ħolqien ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi li huma atturi ewlenin minħabba l-produzzjoni u l-pjanijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tagħhom, hu mezz inizjali biex jitjieb l-introjtu tas-sajjieda fuq skala żgħira, iżda wkoll ta' kif jiġi offrut prodott aqwa (probabilment bi prezz aħjar) lill-konsumatur;

42.   Jenfasizza l-importanza tal-investiment fi professjonisti żgħażagħ sabiex il-ġenerezzjoni tas-sajjieda li jmiss tiġi involuta u tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħha, u jitlob li jinħolqu opportunitajiet għas-sajjieda żgħażagħ biex jiżviluppaw ħiliet ġodda, jibnu negozji reżiljenti, ikunu membri attivi fil-komunitajiet lokali tagħhom u jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-katina tal-valur fis-settur tas-sajd;

43.   Jitlob lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jagħmlu użu mill-opportunitajiet offruti mill-appoġġ tal-Gruppi ta' Azzjoni Lokali tas-Sajd biex jaġġustaw l-operazzjonijiet għall-ħtiġijiet lokali f'ħafna oqsma, bħalma huma t-taħriġ u d-diversifikazzjoni ta' attivitajiet ibbażati fuq l-innovazzjoni, fost ħafna oħrajn, u jassistu lis-sajjieda u l-membri tal-komunitajiet lokali fl-aċċess għal fondi u programmi ta' appoġġ eżistenti tal-UE;

44.   Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li tistabbilixxi proċess biex isir użu mill-qabdiet aċċessorji li jkun marbut mal-obbligu tal-ħatt l-art fl-interess ekonomiku u soċjali tal-atturi fil-katina tal-valur, speċjalment is-sajjieda, u billi jiġu appoġġati inizjattivi lokali;

45.   Jistieden lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali jagħtu spinta lit-trasferiment tal-informazzjoni dwar skemi ta' appoġġ eżistenti u jsaħħu l-appoġġ amministrattiv, pereżempju permezz ta' pjattaformi ta' informazzjoni;

46.   Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tappoġġa inizjattivi li jippromwovu selettività akbar biex jitnaqqsu l-qabdiet aċċessorji u titjieb il-vijabbiltà finanzjarja tas-sajd permezz ta' mira fuq speċijiet li jilħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politika tas-sajd sabiex ikun jidher ċar ir-rwol importanti li jaqdu n-nisa fis-settur tas-sajd tal-UE u sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom;

48.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu r-rabtiet bejn id-dinja tax-xogħol u dik akkademika, pereżempju billi jaraw li l-iskejjel tekniċi nawtiċi jinkludu fil-pjanijiet tal-istudji tagħhom kwistjonijiet relatati mas-sajd u l-akkwakultura;

49.   Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jgħaqqdu flimkien l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw l-attivitajiet proposti f'dan ir-rapport bl-għan li l-attivitajiet tas-sajd iħallu aktar qligħ;

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni kif ukoll lill-Gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Kunsilli Konsultattivi.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0316.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0255.
(3) ĠU C 76, 28.2.2018, p. 40.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0195.
(5) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).


L-implimentazzjoni tal-għodod għall-bdiewa żgħażagħ tal-PAK fl-UE wara r-riforma tal-2013
PDF 429kWORD 67k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-għodod għall-bdiewa żgħażagħ tal-PAK fl-UE wara r-riforma tal-2013 (2017/2088(INI))
P8_TA(2018)0211A8-0157/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u (UE) Nru 652/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti(3),

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar "Young farmers: Policy implementation after the 2013 CAP reform" (Il-bdiewa żgħażagħ: Implimentazzjoni tal-politika wara r-riforma tal-PAK tal-2013) ikkummissjonat mid-Dipartiment Tematiku B – Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni – u li ġie ppreżentat fil-laqgħa tal-ComAGRI tat-23 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ tiegħu dwar l-"Implimentazzjoni ta' politiki dwar il-bdiewa żgħażagħ wara r-riforma tal-PAK tal-2013", li saret fit-23 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 10/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri – "Jenħtieġ li l-appoġġ li jingħata mill-UE lil bdiewa żgħażagħ ikun immirat aħjar biex jitrawwem tiġdid ġenerazzjonali effettiv",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-konċentrazzjoni tal-art agrikola fl-UE: kif niffaċilitaw l-aċċess tal-bdiewa għall-art(4),

–  wara li kkunsidra l-istudju mill-Kunsill Ewropew tal-Bdiewa Żgħażagħ (CEJA) bit-titolu "Young farmers are key in the future CAP" (Il-bdiewa żgħażagħ huma l-qofol tal-PAK futura) li ġie ppubblikat fis-17 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar "L-appoġġ għal bdiewa żgħażagħ Ewropej"(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) ta'd-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja, kif ukoll l-Anness 3 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0157/2018)

A.  billi fl-UE madwar 6 % biss ta' dawk li jmexxu l-azjendi agrikoli għandhom inqas minn 35 sena u iżjed minn nofshom għandhom aktar minn 55 sena, u billi d-disparitajiet bejn l-Istati Membri huma sostanzjali;

B.  billi dawn iċ-ċifri ma nbidlux b'mod sinifikanti matul dawn l-aħħar għaxar snin, bil-perċentwal ta' bdiewa żgħażagħ jiċkien, filwaqt li t-tixjiħ tal-popolazzjoni tal-bdiewa hija problema ewlenija; billi s-sitwazzjonijiet ta' tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor u għalhekk jeħtieġu approċċ flessibbli u diversifikat;

C.  billi kullimkien, għal aktar minn 50 sena, l-iżvilupp agrikolu appoġġjat mill-Politika Agrikola Komuni (PAK) wassal għal tkabbir, konċentrazzjoni ta' azjendi u kapitalizzazzjoni qawwija tal-assi tal-produzzjoni, u dan jagħmilha diffiċli għal ċerti stabbilimenti li għandhom jiġu trasferiti u/jew magħmula aċċessibbli għaż-żgħażagħ, minħabba l-ammonti ta' kapital meħtieġa sabiex jeħduhom f'idejhom;

D.  billi t-tixjiħ tal-forza tax-xogħol agrikola hija partikolarment akuta fis-setturi tat-trobbija tal-bhejjem, b'mod partikolari fit-trobbija tan-ngħaġ u l-mogħoż, sforz il-limiti eżistenti fil-profitabbiltà tagħha;

E.  billi fil-perjodu 2007-2013, l-għadd ta' bdiewa żgħażagħ fl-UE inġenerali naqas minn 3,3 għal 2,3 miljuni, u l-erja tal-azjendi agrikoli kkultivati minn bdiewa żgħażagħ naqset matul dak il-perjodu minn 57 għal 53 ettaru;

F.  billi, fid-dawl ta' bidliet demografiċi bħalma huma d-depopolazzjoni u t-tixjiħ tal-popolazzjoni fiż-żoni rurali, huwa essenzjali li jinħolqu opportunitajiet għall-agrikoltura bħala industrija moderna u attraenti biex iż-żgħażagħ jitħeġġu jibdew karriera fil-biedja;

G.  billi hemm kompetizzjoni qawwija għall-aċċess għall-art bejn iż-żgħażagħ li jixtiequ jidħlu fis-settur tal-biedja u l-bdiewa li diġà huma stabbiliti sew, u f'xi każijiet, anke bejn iż-żgħażagħ u d-ditti tal-investiment li bdew jieħdu interess fl-agrikoltura;

H.  billi fil-futur, mudell sħiħ ta' żvilupp agrikolu bbażat fuq l-azjendi agrikoli tal-familja qiegħed f'riskju;

I.  billi l-PAK għandha rwol kruċjali f'dan ir-rigward;

J.  billi t-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura huwa problema li tgħaqqad żewġ aspetti, jiġifieri d-diffikultajiet esperjenzati mill-ġenerazzjoni żagħżugħa biex tidħol fis-settur tal-biedja u d-diffikultajiet biex titħalla f'idejn il-ġenerazzjoni attwali tal-bdiewa, u billi n-nuqqas ta' żgħażagħ li jfittxu karriera fil-biedja qiegħed jipperikola s-sostenibbiltà ekonomika u soċjali u t-tkabbir taż-żoni rurali, kif ukoll l-awtosuffiċjenza u s-sigurtà tal-ikel tal-UE; billi sitwazzjoni ekonomika sodisfaċenti hija l-ewwel kundizzjoni biex il-biedja ssir attraenti;

K.  billi l-aktar riforma reċenti tal-PAK ġiet ikkonfermata u introduċiet sensiela ta' għodod li jistgħu jiġu kkombinati u adattati għaċ-ċirkostanzi nazzjonali fl-Istati Membri, b'mod partikolari l-pagament obbligatorju għall-bdiewa żgħażagħ skont l-ewwel pilastru (EUR 6,9 biljun pagabbli lil 180 000 bidwi żagħżugħ) u, taħt it-tieni pilastru, miżuri bħall-għajnuna tal-bidu, l-aċċess għall-finanzjament u l-kreditu, jew il-possibbiltà li jiġi stabbilit sottoprogramm tematiku għall-bdiewa żgħażagħ (EUR 2,6 biljun);

L.  billi fl-UE mhux l-Istati Membri kollha għandhom politika ġenwina dwar l-istabbiliment fl-agrikoltura u mhux kollha jużaw l-istrumenti kollha li l-PAK toffri biex tappoġġja bdiewa żgħażagħ, speċjalment il-miżura tat-tieni pilastru dwar "għajnuna tal-bidu għal bdiewa żgħażagħ";

M.  billi n-nisa żgħażagħ li jieħdu f'idejhom ir-responsabbiltà tal-ġestjoni ta' negozju tal-biedja jirrappreżentaw biss proporzjon żgħir ta' bdiewa żgħażagħ, iżda mhumiex grupp omoġenju u għalhekk għandhom bżonnijiet differenti meta jibdew din il-karriera;

N.  billi t-tiġdid ġenerazzjonali għandu jkun wieħed mill-prijoritajiet ewlenin għall-ġejjieni tal-PAK, li tipprovdi qafas ta' politika komuni għal strateġiji nazzjonali mfassla apposta, u billi l-inkoraġġiment tat-tiġdid ġenerazzjonali huwa prerekwiżit indispensabbli għall-preservazzjoni tal-agrikoltura madwar l-UE kollha u biex iż-żoni rurali jibqgħu ħajjin u attraenti, b'mod partikolari billi titrawwem id-diversità tal-azjendi agrikoli u l-promozzjoni ta' biedja sostenibbli mill-familji;

O.  billi l-aċċess għall-art ġie identifikat bħala wieħed mill-ostakli ewlenin għal bdiewa żgħażagħ u għal bdiewa ġodda, li ilu jippersisti għal snin twal u jeħtieġ soluzzjonijiet ġenwini; billi l-aċċess għall-art għandu t-tendenza li jkun ostakolat, b'mod partikolari, minn naħa, mit-telf ta' art agrikola permezz tal-issiġillar tal-ħamrija, mill-iżvilupp urban, mit-turiżmu, mill-proġetti tal-infrastruttura, mit-tibdil fl-użu u mit-tifrix tad-deżertifikazzjoni kkawżat mit-tibdil fil-klima, u, min-naħa l-oħra, mill-konċentrazzjoni tal-art; billi ż-żidiet fil-prezzijiet spekulattivi jirrappreżentaw problemi serji u li qed ikunu dejjem aktar allarmanti għall-bdiewa ġodda u l-bdiewa żgħażagħ f'ħafna Stati Membri; billi l-appoġġ attwali, filwaqt li jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament u l-kapital, ma jindirizzax il-kwistjoni sostanzjali tal-ksib tal-aċċess għall-art sabiex tiġi stabbilita azjenda agrikola ġdida;

P.  billi l-bdiewa ġodda, bħalma huma l-bdiewa żgħażagħ, huma partikolarment vulnerabbli għall-volatilità tal-prezzijiet, u billi dawn jiffaċċjaw diffikultajiet addizzjonali biex jiksbu aċċess għal finanzjament minn banek jew programmi oħra ta' kreditu, minħabba nuqqas ta' assi finanzjarji biex jintużaw bħala garanzija;

Q.  billi l-appoġġ tal-UE għal bdiewa żgħażagħ għandu jkun immirat aħjar sabiex jiġi żgurat it-tiġdid ġenerazzjonali u jiġu miġġielda t-tnaqqis u l-konċentrazzjoni ta' azjendi agrikoli;

R.  billi, minkejja l-miżuri ta' appoġġ tal-UE, għad hemm sfidi li jridu jkunu ffaċċjati fil-kuntest tal-installazzjoni ta' bdiewa żgħażagħ u t-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur agrikolu tal-UE;

S.  billi fost il-bdiewa ġodda, in-nisa huma identifikati bħala l-bidwi primarju b'rati ogħla minn dawk tas-settur agrikolu b'mod ġenerali;

T.  billi l-qagħda demografika f'xi reġjuni tal-UE hija żbilanċjata ħafna, bi ftit żgħażagħ jew ebda żagħżugħ ma jgħix hemmhekk;

U.  billi l-bdiewa żgħażagħ u l-bdiewa ġodda fis-suq jirrappreżentaw sorsi importanti ta' innovazzjoni u ta' intraprenditorija fl-agrikoltura, u joffru benefiċċji bħalma huma l-introduzzjoni ta' għarfien ġdid jew tekniki, l-iżvilupp ta' mudelli ġodda tan-negozju msejsa fuq l-utenti aħħarija, l-iżvilupp ta' sistemi agrikoli iktar sostenibbli, l-iżvilupp ta' mudelli organizzattivi ġodda (pereżempju l-biedja kondiviża, il-prefinanzjament u l-finanzjament kollettiv), iż-żieda fil-konnessjonijiet bejn il-biedja u l-komunità lokali, u l-adattament tal-għarfien tradizzjonali għall-iżvilupp ta' innovazzjoniiet ta' negozju (pereżempju l-produzzjoni ta' ikel artiġjanali);

V.  billi partijiet ewlenin tar-reġjuni muntanjużi jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet partikolari minħabba rati aktar baxxi ta' investiment, kundizzjonijiet speċifiċi u riżalt ostili, li jiskoraġġixxu liż-żgħażagħ milli jibqgħu jew jibdew negozji f'dawn ir-reġjuni;

W.  billi dan jistabbillixxi prerekwiżit li jikkunsidra approċċ aktar flessibbli għall-awtoritajiet nazzjonali u/jew reġjonali meta japplikaw il-mekkaniżmu ta' "bidwi żagħżugħ" fil-pajjiżi b'reġjuni bħal dawn;

X.  billi l-bdiewa ġodda għandhom it-tendenza li joperaw azjendi agrikoli iżgħar u għalhekk isibuha diffiċli biex jaċċessaw l-inputs bi prezzijiet kompetittivi u biex jipproduċu l-kwantitajiet meħtieġa biex jiksbu ekonomiji ta' skala;

Y.  billi 80 % tas-sussidji tal-PAK huma distribwiti għal 20 % biss tal-azjendi agrikoli tal-UE, u d-distribuzzjoni reali tas-sussidji tista' tkun saħansitra aktar inugwali, billi l-istatistika disponibbli ma tagħmilhiex possibbli li dak li jkun jistabbilixxi xi ħaġa dwar is-sjieda u l-kontroll tal-azjendi agrikoli;

Z.  billi l-"Manifest tal-Bdiewa Żgħażagħ", li tnieda fl-2015 mill-Kunsill Ewropew tal-Bdiewa Żgħażagħ, jitlob li jkun hemm: aċċess għall-art u l-kreditu permezz ta' miżuri ta' appoġġ pubbliku; regolament biex jitrażżnu l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel; miżuri biex titnaqqas il-volatilità tal-introjtu għall-bdiewa żgħażagħ; u appoġġ għall-investimenti u għall-aċċess għall-art sabiex tiġi ssalvagwardjata u protetta l-ħamrija u sabiex l-art tintuża bl-aħjar mod mill-bdiewa żgħażagħ għall-produzzjoni tal-ikel;

AA.  billi l-bdiewa żgħażagħ huma fundamentali għal settur agrikolu sostenibbli, diversifikat u inklużiv u l-promozzjoni tal-aċċess tagħhom għall-biedja se tgħin biex tissalvagwardja l-produzzjoni tal-ikel futura u tipproteġi l-ambjent u l-pajsaġġi rurali;

AB.  billi l-volatilità estrema tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli hija diżinċentiv kbir għal dawk li jixtiequ jibdew negozju tal-biedja, li ħafna drabi twassalhom biex jiffokaw fuq prodotti niche b'marġni ta' profitt aktar sikur;

AC.  billi d-dritt tal-UE jirrikonoxxi l-kunċetti ta' "bdiewa żgħażagħ" u "żgħażagħ li għadhom jibdew l-attività agrikola tagħhom";

AD.  billi l-konċentrazzjoni tal-art hija proċess li qed tintensifika ruħha konsiderevolment; billi bejn l-2005 u l-2015, l-għadd ta' azjendi agrikoli naqas b'madwar 3,8 miljuni filwaqt li d-daqs medju kiber b'36 %;

AE.  billi d-Dikjarazzjoni 2.0 ta' Cork tas-6 ta' Settembru 2016 tesprimi tħassib dwar l-eżodu rurali u taż-żgħażagħ, u l-ħtieġa li jiġi żgurat li ż-żoni u l-komunitajiet rurali (kampanja, irziezet, irħula u bliet żgħar) jibqgħu postijiet attraenti biex tgħix u taħdem billi jitjieb l-aċċess għas-servizzi bħall-iskejjel, l-isptarijiet, inklużi s-servizzi tal-maternità, il-faċilitajiet rikreattivi u l-broadband, flimkien mal-opportunitajiet għaċ-ċittadini rurali għat-trawwim tal-intraprenditorija f'oqsma tradizzjonalment rurali kif ukoll f'setturi ġodda tal-ekonomija;

AF.  billi, fuq kollox, it-tiġdid ġenerazzjonali jiddependi fuq rieda ġenwina min-naħa tal-politiċi eletti (tal-UE u nazzjonali) u l-professjonisti rilevanti, u b'mod partikolari fuq l-anzjani; billi din ir-rieda timplika politika ġenerali koerenti u ambizzjuża – li llum mhuwiex ġenwinament il-każ – li tinvolvi kemm l-għodod tal-PAK u diversi strumenti tal-politika nazzjonali f'oqsma differenti bħalma huma l-art, il-finanzjament, il-modi tad-dritt għaż-żamma ta' art u l-politiki dwar l-istrutturi tal-ażjendi agrikoli, it-tassazzjoni, il-liġi tas-suċċessjoni, l-iskemi tal-pensjoni, it-taħriġ, eċċ.;

AG.  billi llum il-ġurnata, il-bdiewa żgħażagħ fl-UE qed jikkompetu f'settur agrikolu li qed jevolvi b'mod rapidu; billi l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-agrikoltura ta' preċiżjoni għandhom il-potenzjal li jtejbu l-produzzjoni agrikola, filwaqt li fl-istess ħin jippermettu li jkun hemm ġestjoni aħjar tar-riżorsi;

AH.  billi l-għadd ta' applikazzjonijiet imressqa għall-miżura rigward l-introduzzjoni ta' bdiewa żgħażagħ fil-biedja taħt it-tieni pilastru tal-PAK, f'xi Stati Membri, qabeż il-valur tan-negozji ġodda fil-biedja kollha li saru provvedimenti għalihom fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020;

AI.  billi l-bdiewa żgħażagħ, li, bħall-bdiewa l-oħra kollha fl-EU, jipproduċu u jqiegħdu l-prodotti tagħhom fis-suq uniku Ewropew, ma jgawdux l-istess kundizzjonijiet kummerċjali u tas-self fl-Istati Membri kollha;

AJ.  billi ġew stabbiliti inizjattivi bħal "Azzjoni tal-UE għal Irħula Intelliġenti";

AK.  billi ż-żoni rurali jeħtieġ jinżammu popolati, kemm b'żgħażagħ ta' età tax-xogħol kif ukoll b'nies kbar fl-età;

Rakkomandazzjonijiet

Baġit u aċċess għall-finanzi

1.  Isostni li tinżamm PAK b'saħħitha bil-għan tar-riforma li jmiss, peress li din tikkostitwixxi l-aktar inċentiv attraenti għaż-żgħażagħ li jixtiequ jinvolvu ruħhom f'attività agrikola;

2.  Jitlob l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet reċenti meħuda fir-Regolament (UE) 2017/2393 u li l-appoġġ għall-"Iskema għall-Bdiewa Żgħażagħ" għandu jkompli billi jiżdied il-livell massimu ta' aktar minn 2 % għall-pagamenti obbligatorji (taħt l-ewwel pilastru) u billi tiżdied ir-rata ta' appoġġ taħt it-tieni pilastru sabiex jiġi inkoraġġut it-tiġdid ġenerazzjonali; jenfasizza li t-tisħiħ mill-ġdid ta' miżura ta' għajnuna tal-bidu għall-bdiewa żgħażagħ (għotjiet għall-bdiewa żgħażagħ) għandu jiġi kkunsidrat fi kwalunkwe PAK fil-futur;

3.  Jilqa' l-fatt li, taħt ir-Regolament (UE) 2017/2393, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li tiżdied l-allokazzjoni għall-bdiewa żgħażagħ taħt l-ewwel pilastru sa 50 % tal-limiti eżistenti (qabel 25 %); jirrakkomanda li l-perjodu li fih azjenda agrikola tista' tibbenefika minn dan l-apoġġ ikun estiż sabiex jiġi mħeġġeġ it-tiġdid ġenerazzjonali; jilqa' wkoll id-deċiżjoni li jiġi rivedut, permezz tar-Regolament (UE) 2017/2393, il-limitu fuq l-aċċess għall-appoġġ previst taħt l-ewwel pilastru, u ġie miżjud minn ħames sa għaxar snin mit-twaqqif tan-negozju;

4.  Jilqa' l-possibbiltà għall-bdiewa żgħażagħ, hekk kif prevista fir-Regolament (UE) 2017/2393, li jirċievu l-għajnuna għall-iżvilupp rurali għall-ewwel attività agrikola tagħhom, anki meta dawn jistabbilixxu n-negozju tagħhom b'mod konġunt ma' bdiewa oħra, kemm jekk dawn ikollhom aktar minn 40 sena, bil-għan li jkun hemm tiġdid ġenerazzjonali akbar, kif ukoll bdiewa żgħażagħ, billi jimmultiplikaw l-appoġġ;

5.  Jinnota li l-istrumenti tal-PAK għall-bdiewa żgħażagħ għandu jkun immirat lejn il-bżonnijiet speċifiċi tal-bdiewa żgħażagħ, inklużi l-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom;

6.  Jirrakkomanda li l-appoġġ ikun varjat anke skont l-età tal-bdiewa żgħażagħ u l-livelli ta' taħriġ tagħhom;

7.  Jilqa' l-ħolqien ta' strument ta' garanzija agrikola, propost mill-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) f'Marzu 2015, li għandu jiffaċilita l-aċċess għall-kreditu għall-bdiewa żgħażagħ; jirrakkomanda li l-aċċess għall-finanzjament għandu jittejjeb permezz ta' rati tal-interess sussidjati fuq self għall-bdiewa ġodda, anki minn operaturi finanzjarji privati, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni ta' strumenti finanzjarji li jiżborsaw self mingħajr interessi għall-investimenti għall-bdiewa żgħażagħ; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni mtejba mal-BEI u mal-Fond Ewropew tal-Investiment sabiex jitrawwem il-ħolqien ta' strumenti finanzjarji ddedikati għall-bdiewa żgħażagħ fl-Istati Membri kollha;

8.  Iqis bħala meħtieġ li jiġu promossi forom ġodda ta' finanzjament parteċipattiv fl-agrikoltura u dawk diġà osservati fi ħdan l-UE dwar trasferiment tal-art li jistgħu jiġu kkombinati ma' dawn l-istrumenti finanjarji ġodda;

9.  Jirrakkomanda li l-valutazzjonijiet tal-affidabbiltà kreditizja tal-azjendi agrikoli mill-banek u l-istituzzjonijiet ta' kreditu jitjiebu, anke billi jiġu żviluppati l-istrumenti finanzjarji tal-PAK;

10.  Jirrakkomanda li jkunu magħmula aktar aċċessibbli l-opportunitajiet offruti fil-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, flimkien mal-appoġġ tal-PAK, biex jitfasslu u jiġu implimentati strumenti finanzjarji b'mod sinerġistiku fil-forma ta' self, garanzjia jew fondi ta' ekwità, sabiex jingħata aċċess għall-finanzjament għall-bdiewa żgħażagħ; jinnota li pjan ta' negozju agrikolu b'saħħtu ħafna drabi huwa komponent essenzjali għall-kisba ta' finanzjament u jemmen li r-regoli tas-self prudenti għandhom japplikaw; jenfasizza l-ħtieġa għal medjazzjoni għall-bdiewa u għalhekk jirrakkomanda li l-appoġġ ikun akkompanjat minn servizzi ta' konsulenza finanzjarja kwalifikati u indipendenti;

11.  Jissottolinja l-ħtieġa għal promozzjoni aħjar tal-Iskema għall-Bdiewa Żgħażagħ mill-Istati Membri u jitlob li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, sabiex tixtered l-informazzjoni dwar l-għodod ta' appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri ta' appoġġ għall-investimenti f'biedja intelliġenti, biex jiżdied l-aċċess għall-bdiewa żgħażagħ għal avvanzi teknoloġiċi;

L-amministrazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-miżuri implimentati

13.  Jilqa' l-fatt li r-riforma tal-PAK 2014-2020 introduċiet miżuri ġodda biex jappoġġjaw lill-bdiewa żgħażagħ fl-istabbiliment tal-azjendi agrikoli; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-livell tal-piżijiet amministrattivi ħafna drabi jxekklu l-adozzjoni ta' dawn il-miżuri; jinnota li l-amministrazzjoni globali tal-pagamenti diretti u tal-miżuri tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali hija kkunsidrata bħala kumplessa u diffiċli ħafna, speċjalment għall-bdiewa ġodda li mhuwiex familjari mas-sistema ta' pagamenti; jirrakkomanda li jsir sforz akbar biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri u jitnaqqas il-ħin meħtieġ għall-approvazzjoni tal-pagamenti;

14.  Jilqa' l-emendi li jappoġġjaw liż-żgħażagħ introdotti mir-Regolament (UE) 2017/2393, billi jittejjeb l-aċċess tagħhom għall-istrumenti finanzjarji u tiġi pprovduta żieda fil-pagament uniku taħt l-ewwel pilastru;

15.  Jitlob li l-appoġġ għall-konsulenza jsir sistematikament disponibbli, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ li mhumiex minn żoni rurali;

16.  Jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-intenzjoni tagħha li ssaħħaħ il-miżuri li jippromwovu t-tiġdid ġenerazzjonali fir-riforma li jmiss tal-PAK, iżda jqis li dawn l-inizjattivi l-ġodda għandhom ikunu koperti b'baġit tal-UE suffiċjenti, għax inkella jonqsu milli jipprovdu l-effett ta' inċentiva mixtieq;

17.  Jinsab diżappuntat dwar in-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn pagamenti għall-bdiewa żgħażagħ u l-miżura ta' appoġġ stabbilita, li huma ġestiti minn awtoritajiet differenti;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ aktar olistiku li jippermetti sinerġiji akbar bejn l-appoġġi tal-Pilastru I u l-Pilastru II, u jenfasizza li dawn tal-aħħar għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri kollha;

19.  Jinnota li ħafna mill-azjendi agrikoli li jkunu għadhom kif ġew stabbiliti jitpoġġew f'ambjent kompetittiv b'kundizzjonijiet li jinbidlu malajr; jirrakkomanda li l-bdiewa tal-UE jingħataw aktar flessibbiltà biex jirrispondu għall-kundizzjonijiet dejjem jinbidlu fis-swieq bil-pjanijiet tan-negozju tagħhom; jemmen li għandu jiġi kkunsidrat tibdil fil-ħlasijiet parzjali;

20.  Jinnota li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li japplikaw aktar strumenti permezz taż-żewġ pilastri tal-PAK u jinkoraġġixxi dawk l-Istati Membri bi sfidi ġeografiċi speċifiċi, bħal reġjuni muntanjużi jew, f'xi każijiet, reġjuni inqas vantaġġjati, jikkunsidraw jintroduċu fattur multiplikatur (eż. 2), li jqis l-għadd ta' ħsad kull sena jew il-firxa ta' kultivazzjonijiet li jistgħu jikbru hemmhekk, meta jagħtu appoġġ lill-bdiewa żgħażagħ li jixtiequ joperaw f'dawn ir-reġjuni, sabiex jinċentivizzaw attivitajiet f'dawn ir-reġjuni f'tentattiv li jiġġieldu l-isfidi demografiċi t'hemmhekk;

21.  Jindika li l-prattiki kummerċjali żleali fil-katina alimentari, li l-impożizzjoni tagħhom tippermetti lill-bejjiegħ u/jew proċessur jew negozjant jisfruttaw is-setgħa ta' negozjar sinifikanti tagħhom fil-konfront tal-fornituri tagħhom, joħolqu theddida serja għall-istabbiltà tan-negozji tal-bdiewa; jistieden lill-Kummissjoni tadotta regolamentazzjoni xierqa fil-livell tal-UE;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu t-tibdil regolatorju meħtieġ biex jiżguraw li l-għajnuna biex jgħinu liż-żgħażagħ jingħaqdu mas-settur tal-biedja u jtejbu l-azjendi agrikoli għaż-żgħażagħ tiġi kklasifikata bħala għotja ta' kapital u mhux sussidju attwali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali kollha;

23.  Jirrikonoxxi li l-bdiewa jridu jkunu kapaċi jibqgħu jieħdu ħsieb l-art tagħhom u li jekk azjenda agrikola għandha taħdem sew, hi trid tkun ħielsa u flessibbli bl-istess mod bħal kwalunkwe tip ieħor ta' negozju;

24.  Jenfasizza li l-pagamenti lill-bdiewa żgħażagħ m'għandhomx jiddewmu, iżda jsiru perjodikament u fiż-żmien previst biex il-bdiewa ma jitħallewx jispiċċaw midjuna sabiex b'hekk ma jitfixklux il-proġetti tagħhom;

25.  Iħeġġeġ li jittieħed approċċ ibbażat fuq ir-riżultati, li jistimula l-iżvilupp ta' innovazzjonijiet ġodda u ġestjoni aħjar tar-riżorsi, b'tali mod li tingħata s-setgħa lill-bdiewa żgħażagħ motivati;

26.  Jenfasizza li biex tkun ekonomikament vijabbli, azjenda agrikola trid tkun kapaċi tespandi biex tilħaq daqs kritiku li jirrifletti r-realtà ekonomika tas-suq;

27.  Jenfasizza l-ħtieġa li titqies id-diversità tat-territorji, b'mod partikolari f'żoni diffiċli, li jirrikjedu appoġġ imfassal apposta;

L-aċċess għall-art u l-ġlieda kontra l-"ħtif tal-art"

28.  Jinnota li l-aċċess għall-art huwa wieħed mill-akbar ostakli għall-bdiewa żgħażagħ u għall-bdiewa ġodda fl-UE u li huwa limitat mill-provvista baxxa ta' art għall-bejgħ jew għall-kiri f'bosta reġjuni, kif ukoll minn kompetizzjoni minn bdiewa, investituri u utenti residenzjali oħra, u problemi fl-akkwist tal-finanzjament; jemmen li ċ-ċirkustanzi li jillimitaw l-aċċess għall-art f'kull Stat Membru għandhom jiġu studjati aktar; jikkunsidra li l-problema tal-aċċess għall-art hija aggravata mill-istruttura attwali ta' pagamenti diretti, li tista' twassal għal żieda kemm fl-ispejjeż tal-kiri tal-art kif ukoll fil-prezzijiet tax-xiri tal-art, u talloka sussidji l-aktar abbażi ta' sjieda tal-art; jemmen li xi bdiewa, kemm jekk proprjetarji kif ukoll jekk kerrejja, huma inċentivati biex jibqgħu attivi sabiex ikomplu jibbenefikaw minn sussidji billi jużaw fornituri tas-servizzi biex itejbu arthom jew billi jagħmlu l-minimu tax-xogħol fuq l-art tagħhom; jirrakkomanda li jiżdiedu l-livelli ta' attività meħtieġa, billi jitqiesu l-mudelli tal-biedja, meta jiġu allokati l-pagamenti li jimmiraw għall-appoġġ lejn il-kisba ta' riżultati partikolari (eż. ħin tax-xogħol reali mqatta' fil-biedja, b'kunsiderazzjoni tal-innovazzjonijiet ġodda, il-produzzjoni ta' beni ambjentali jew soċjali speċifiċi), u l-projbizzjoni li jiġu kkombinati sussidji mal-pagament ta' pensjoni tal-irtirar, li għalihom ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni.

29.  Ifakkar li, biex tinkiseb agrikoltura sostenibbli, il-bdiewa żgħażagħ iridu jkunu jistgħu jinvestu u jakkwistaw kemm art agrikola kif ukoll makkinarju ġdid jew użat u jtejbu t-tekniki agrikoli tagħhom;

30.  Jenfasizza li s-sidien għandhom jkunu liberi li jbigħu lil min iridu u jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita t-trasferiment tal-art, u b'mod partikolari s-suċċessjoni, sabiex tagħmilha aktar faċli biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jistabbilixxu ruħhom;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiġġieldu l-ispekulazzjoni tal-art agrikola, peress li l-aċċess għall-art huwa l-akbar problema li jħabbtu wiċċhom magħha l-bdiewa żgħażagħ u ġodda;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet fil-livell tal-Unjoni Ewropea biex tinkoraġġixxi politiki nazzjonali aktar attivi dwar l-aċċess għall-art ibbażati fuq l-aħjar prattiki;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lil min jidħol ġdid u lill-bdiewa żgħażagħ fl-aċċess għall-art, billi jsir użu sħiħ tal-istrumenti regolatorji li diġà ġew implimentati b'suċċess f'uħud mill-Istati Membri, skont il-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni dwar Akkwist ta' Farmland u tal-Liġi tal-Unjoni Ewropea(6); iqis, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw strumenti bħal banek tal-art li jiġi ffaċilitat aktar l-aċċess għall-art u tiġi mmappjata l-art mhux użata disponibbli għall-bdiewa żgħażagħ;

34.  Jemmen li huwa importanti li jkun hemm deroga għall-bdiewa żgħażagħ stabbilita fil-limitu attwali ta' 10 % għax-xiri tal-art kif stipulat fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014 tat-3 ta' Marzu 2014 dwar il-fondi strutturali u fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat;

35.  Jitlob biex aktar għajnuna tiġi mgħoddija lejn żoni iżolati jew inqas popolati, jew żoni affettwati minn nuqqas ta' tiġdid ġenerazzjonali;

36.  Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-aċċess għall-art fl-Istati Membri;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta evalwazzjoni tal-impatt dirett u indirett tax-xiri mill-ġdid tal-art u tal-art agrikola minn residenti mhux tal-UE dwar id-disponibbiltà u l-prezz tal-art agrikola;

38.  Jipproponi li, bħala parti mill-politiki nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu s-servizzi konsultattivi dwar l-azjendi agrikoli u l-ġestjoni tagħhom biex jappoġġjaw u jiffaċilitaw is-servizzi tal-mobilità tal-art u tal-ippjanar tas-suċċessjoni;

39.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jintroduċu għajnuna għat-trasferiment ta' azjendi agrikoli fi sforz biex jingħata appoġġ lill-maniġers tal-azjendi agrikoli li għandhom aktar minn 55 sena u mingħajr suċċessuri, li jistgħu jsibu ruħhom f'sitwazzjoni prekarja meta jasal iż-żmien biex jirtiraw, bil-kundizzjoni li jgħaddu l-azjendi agrikoli kollha tagħhom jew parti minnhom lil persuna żagħżugħa jew aktar;

40.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi biex jiggarantixxu sjieda konġunta tal-azjendi agrikoli, b'enfasi speċjali fuq in-nisa żgħażagħ sabiex jiżguraw li d-drittijiet tagħhom ikunu rispettati;

41.  Huwa tal-fehma li d-definizzjoni ta' bidwi attiv ma tridx tirriżulta f'xi piż amministrattiv fuq dawk li jirriżultaw mill-aħħar riforma, jew jillimitaw l-aċċess għall-biedja għaż-żgħażagħ billi jimponu kundizzjonijiet eċċessivi;

42.  Jinnota li f'bosta Stati Membri, it-tiġdid ġenerazzjonali u l-aċċess taż-żgħażagħ għal art agrikola huma mfixkla minn dewmien fil-proċess ta' suċċessjoni; jikkunsidra li l-PAK attwali m'għadx għandha nuqqas ta' inċentivi għal bdiewa akbar fl-età biex jgħaddu n-negozji tagħhom lil ġenerazzjonijiet iżgħar; jirrakkomanda li tiġi kkunsidrata mill-ġdid l-implimentazzjoni ta' miżuri li jimmotivaw lid-detenturi akbar fl-età biex jgħaddu l-azjendi agrikoli tagħhom lil bdiewa żgħażagħ, bħall-"iskema ta' ħruġ mill-biedja" u inċentivi oħra għall-irtirar, sabiex l-art ma tispiċċax f'idejn l-azjendi agrikoli ġirien; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' strutturi legali bħal "Groupements Agricoles d'Exploitation en Commun" (GAEC), li jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ jistabbilixxu negozju flimkien u jiffaċilitaw it-trasferiment bejn il-ġenerazzjonijiet;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistimulaw l-użu tal-possibbiltajiet taħt l-iżvilupp rurali biex jappoġġjaw l-azzjonijiet il-ġodda biex titrawwem il-mobilità tal-art, bħal banek tal-artijiet, inizjattivi li jqabblu l-art tal-irziezet u inizjattivi oħra promossi fil-livell lokali biex jinkoraġġixxu l-aċċess għall-art għall-bdiewa ġodda;

44.  Iqis li l-bdiewa żgħażagħ fl-Unjoni kollha għandu jkollhom aċċess għal self bl-istess kundizzjonijiet u rati tal-imgħax, u li dawn m'għandhomx ivarjaw; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni, flimkien mal-Bank tal-Investiment Ewropew, tistabbilixxi miżuri ta' appoġġ xierqa u faċilitajiet ta' self għall-bdiewa żgħażagħ;

45.  Jitlob il-promozzjoni ta' mudelli ġodda ta' kollaborazzjoni bejn ġenerazzjonijiet ta' bdiewa permezz ta' sħubija, kooperattivi tal-makkinarju agrikolu, kiri fit-tul u arranġamenti fit-tul oħra, arranġamenti bejn l-irziezet u fondi għal organizzazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali involuti fil-promozzjoni u fl-iffaċilitar ta' servizzi ta' qbil bejn bdiewa żgħażagħ u dawk akbar fl-età (bħal servizzi tal-mobilità tal-art);

46.  Jindika li organizzazzjoni ikbar u iktar b'saħħitha tal-bdiewa, permezz tal-istabbiliment ta' kooperattivi u l-ħolqien ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi (OP) f'setturi regolati fil-livell tal-UE permezz tar-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq (OKS) tista' tgħin biex il-biedja tkun tista' trendi profitt ikbar u tista' tgħin biex tipproteġi l-introjtu tal-bdiewa, b'mod partikolari dak tal-bdiewa żgħażagħ, billi takkumpanja l-għażliet tal-produzzjoni u tisfrutta bl-aħjar mod il-karatteristiċi taż-żoni rurali; jinnota wkoll li jekk issir riforma strutturali tal-OP, biex isiru iktar b'saħħithom, iktar responsabbli u iktar effiċjenti, u jekk ikun hemm aggregazzjoni ikbar, ikun jista' jingħata kontribut effikaċi, l-ewwel u qabel kollox, favur il-protezzjoni u ż-żieda tal-profittabilità tas-settur matul iż-żmien;

47.  Jinnota d-differenzi li jeżistu bejn is-sitwazzjoni ta' tiġdid ġenerazzjonali fi ħdan il-familja u l-bdiewa ġodda; jemmen li t-taħriġ vokazzjonali u l-korsijiet iridu jkunu adattati għal dawk li jippjanaw li jieħdu f'idejhom negozju tal-familja jew għal dawk li qed jippjanaw li jibdew negozju ġdid, skont il-ħtiġijiet tagħhom;

48.  Jenfasizza li n-nisa żgħażagħ għandhom jiġu mħeġġa biex jieħdu r-responsabbiltà marbuta mal-ġestjoni tal-agrikoltura u għandhom jingħataw appoġġ adegwat f'termini ta' aċċess għall-art, għall-kreditu u tagħrif ulterjuri dwar ir-regoli u r-regolamenti;

49.  Jemmen li l-għażla li jirregolaw l-aċċess għal art agrikola u jistabbilixxu inċentivi jew restrizzjonijiet għal dak il-għan tappartjeni għall-Istati Membri, b'mod partikolari f'dak li jirrigwardja l-mod kif l-UE tindirizza l-fenomenu tal-ħtif tal-art u l-inkoraġġiment tal-bdiewa żgħażagħ biex jistabbilixxu negozju;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, biex ikomplu jiżviluppaw il-komunikazzjoni li ġiet adottata dan l-aħħar dwar is-sistema tal-kriterju tas-suq tal-art biex tiżgura li l-liġi tal-UE ġenwinament żżomm livell ugwali għax-xerrejja potenzjali kollha tal-art – inkluża d-diskriminazzjoni pożittiva favur il-bdiewa tal-UE – u li jsir assolutament ċar għall-Istati Membri, fil-kuntest tal-erba' libertajiet fundamentali, liema miżuri tar-regolamentazzjoni tas-suq tal-art huma permessi sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu jiksbu l-art b'mod aktar faċli biex tintuża għal skopijiet agrikoli u ta' forestrija; jistieden lill-Kummissjoni tissospendi l-proċedimenti ta' ksur attwali bil-għan li jivvalutaw il-kompatibbiltà tal-liġijiet tal-Istati Membri mal-liġi tal-UE dwar il-bejgħ tal-art agrikola sakemm l-aħħar komunikazzjoni li fiha l-kriterji msemmija hawn fuq tkun ippubblikata;

51.  Hu tal-fehma li l-politiki nazzjonali dwar l-ippjanar tal-art, urban u tal-użu tal-art (eż. l-infrastruttura tat-trasport) għandhom iqisu l-prattiki tal-iskart tal-art u l-abbandun, u jġibu din l-art lura fis-settur agrikolu sabiex jagħmlu disponibbli aktar art agrikola lill-bdiewa żgħażagħ li jkunu għadhom jibdew;

52.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni dwar Akkwist ta' Farmland u tal-Liġi tal-Unjoni Ewropea, iżda jinnota li l-komunikazzjoni ma tirriflettix biżżejjed dwar kif għandhom jiġi rregolat ix-xiri minn gruppi korporattivi, li spiss huwa attiv fuq livell transnazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-komunikazzjoni f'dan ir-rigward;

53.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm koerenza bejn il-miżuri lokali, nazzjonali u dawk tal-UE li jikkonċernaw lill-bdiewa żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw it-tiġdid ġenerazzjonali, pereżempju, permezz tal-liġijiet tas-suċċessjoni u tat-tassazzjoni, ir-regoli dwar l-aċċess għall-art, l-ippjanar territorjali u l-istrateġiji ta' suċċessjoni tal-azjendi agrikoli;

54.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lin-nisa b'aċċess ġust għal art sabiex jinkoraġġuhom jistabbilixxu ruħhom f'żoni rurali u jaqdu rwol sħiħ u attiv fis-settur agrikolu;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffinanzja studju dwar is-sitwazzjoni attwali tal-konċentrazzjoni tal-art fl-UE li jqis il-fenomenu tal-gruppi korporattivi b'sussidjarji li jakkwistaw u jikkontrollaw l-art permezz ta' ftehimiet ta' negozju, u li tanalizza r-riskji li l-konċentrazzjoni tal-art toħloq, mhux biss f'dak li jirrigwarda l-aċċess għall-art għall-bdiewa żgħażagħ u dawk ġodda, iżda wkoll fir-rigward tal-provvista tal-ikel, l-impjiegi, l-ambjent, il-kwalità tal-ħamrija u l-iżvilupp rurali b'mod ġenerali;

56.  Huwa tal-fehma li l-UE għandu jkollha liġijiet dwar il-kwalità tal-art, peress li l-kwalità tal-art qiegħda tiddeterjora bħala riżultat ta' żvilupp agrikolu mhux adatt; jindika li dan id-deterjorament tal-art jaffettwa s-suq tal-art u l-prezzijiet tal-art, iżda jnaqqas ukoll il-kapaċità tal-produzzjoni tal-artijiet mgħoddija lill-ġenerazzjonijiet futuri tal-bdiewa;

57.  Jinnota li s-sistema attwali ta' pagamenti tal-PAK, u b'mod partikolari l-pagamenti diżakkoppjati, ma tippromwovix it-trasferiment ta' art agrikola u ma tipproteġix b'mod adegwat lill-bdiewa żgħażagħ mill-volatilità tal-prezzijiet agrikoli, li huma esposti iktar għaliha għal raġunijiet ċari dovuti għall-fatt li jkunu għadhom jibdew u ma jkollhomx l-esperjenza prattika jew għall-fatt li ma jkollhomx strumenti finanzjarji suffiċjenti disponibbli għalihom;

Taħriġ, innovazzjoni u komunikazzjoni

58.  Jinnota li hemm ħtieġa li jiġi mmodernizzat u jingħata aktar valur lit-taħriġ vokazzjonali pprovdut fir-reġjuni rurali, bl-involviment attiv tas-servizzi konsultattivi nazzjonali; jemmen li l-aċċess għall-Fond Soċjali Ewropew għandu jiġi ffaċilitat u li għandu jingħata baġit ikbar għat-taħriġ vokazzjonali fiż-żoni rurali;

59.  Jenfasizza l-aktar inizjattiva reċenti tal-UE, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li toħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jagħmlu volontarjat jew jaħdmu fuq proġetti fil-qasam tar-riżorsi naturali, u matul oqsma differenti bħall-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd;

60.  Jirrakkomanda li dawn iż-żgħażagħ jissieħbu f'kooperattivi, li għandhom jipprovduhom b'konsulenza importanti dwar il-kummerċjalizzazzjoni, il-produzzjoni u aspetti oħra relatati mal-azjenda agrikola tagħhom;

61.  Jenfasizza l-ħtieġa għal reviżjoni tal-kriterji bil-għan li titrawwem l-inkorporazzjoni taż-żgħażagħ f'soċjetà li fuqha m'għandhom ebda kontroll, bl-għajnuna li ż-żgħażagħ jirċievu tkun proporzjonata mal-importanza tagħhom fis-soċjetà;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joffru aktar opportunitajiet ta' taħriġ u konsulenza lill-bdiewa żgħażagħ potenzjali u kkonfermati, inklużi l-ħiliet għall-bidu ta' negozji agrikoli u l-ħiliet agrikoli, teknoloġiċi, ħiliet ġodda teknoloġiċi u intraprenditorjali bħall-kummerċjalizzazzjoni, in-netwerking, il-komunikazzjoni, l-innovazzjoni, il-multifunzjonalità u d-diversifikazzjoni u l-għarfien espert finanzjarju;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joffru aktar opportunitajiet ta' taħriġ u aktar opportunitajiet u inċentivi għall-mobilità internazzjonali; jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' skema tat-tip Erasmus assoċjata ma' taħriġ vokazzjonali biex jittejbu l-ħiliet u l-esperjenza tal-bdiewa, anke fir-rigward ta' teknoloġiji ġodda u mudelli ta' negozju ġodda, u biex jiġi permess lilhom trasferiment effiċjenti u effikaċi tat-tagħrif;

64.  Iqis li huwa importanti titrawwem l-estensjoni tan-netwerks tar-riċerkaturi, l-akkademiċi, il-maniġers u l-bdiewa żgħażagħ Ewropej li huma interessati fl-identifikazzjoni ta' mudelli ġodda ta' żvilupp ekonomiku biex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi għall-ħtiġijiet soċjali u tas-suq li qed jitfaċċaw mid-dinja l-ġdida ta' negozju rurali;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-informazzjoni disponibbli għall-bdiewa żgħażagħ u l-bdiewa ġodda dwar approċċi innovattivi u mhux konvenzjonali li huma l-aktar adatti biex tinbeda azjenda agrikola ġdida, l-iżvilupp ta' mudelli ġodda tan-negozju msejsa fuq l-utenti aħħarija, l-iżvilupp ta' sistemi agrikoli iktar sostenibbli, l-iżvilupp ta' mudelli organizzattivi ġodda (pereżempju l-biedja kondiviża, il-prefinanzjament u l-finanzjament kollettiv), iż-żieda fil-konnessjonijiet bejn il-biedja u l-komunità lokali, u l-adattament tal-għarfien tradizzjonali għall-iżvilupp ta' innovazzjoniiet ta' negozju (pereżempju l-produzzjoni ta' ikel artiġjanali);

66.  Jitlob, bil-għan li jitnaqqas l-għadd ta' kumpaniji li jfallu, li jiġi introdott mekkaniżmu li jissorvelja jew jagħti parir lin-negozji bil-ħsieb li jingħata appoġġ kontinwu liż-żgħażagħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet, tal-anqas għall-ewwel tliet snin ta' attività tal-kumpanija tagħhom;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu inizjattivi bħal "Demain je Serai paysan" Franċiża, li għandha l-għan li tippromwovi l-biedja bħala karriera fost iż-żgħażagħ u tagħtihom l-informazzjoni kollha li jeħtieġu biex jiksbu taħriġ rilevanti u jistabbilixxu l-azjendi agrikoli tagħhom;

68.  Huwa tal-fehma li għandu jinħoloq ambjent akkoljenti għaż-żgħażagħ fl-industrija tal-biedja, permezz ta' strutturi kollettivi u bbażati fuq is-solidarjetà bħall-gruppi tal-biedja konġunti ta' intrapriża agrikola (soċjetajiet tal-bdiewa), il-kooperattivi għall-użu tat-tagħmir agrikolu komunali, il-kooperattivi għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli, il-gruppi tal-kondiviżjoni tax-xogħol, is-servizzi ta' sostituzzjoni, il-grupp tal-assistenza reċiproka, il-gruppi tal-estensjoni agrikola u l-innovazzjoni, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa u tal-konsumaturi, in-netwerks bejn l-atturi agrikoli u mhux agrikoli (LEADER), eċċ.; jenfasizza li dawn it-tipi ta' organizzazzjoni jgħinu lill-professjonisti biex jaqsmu l-esperjenza, il-pariri u ċerti spejjeż, li huwa importanti għall-baġit u d-dħul taż-żgħażagħ, li ta' spiss ikollhom iħallsu spejjeż sinifikanti biex jibdew negozju;

69.  Jindika kemm hu importanti li ż-żgħażagħ fiż-żoni rurali jkollhom aċċess għall-istess servizzi u infrastruttura (pereżempju bandwidth b'veloċità għolja, skejjel u kindergartens, toroq, eċċ.) bħaż-żgħażagħ li jgħixu fil-bliet; iqis, għaldaqstant, li huwa essenzjali li jkun żgurat li l-bdiewa żgħażagħ fiż-żoni rurali jkunu f'pożizzjoni li jiżviluppaw l-azjendi agrikoli tagħhom u jappoġġjaw il-familji tagħhom;

70.  Jistieden biex l-ispirtu intraprenditorjali tan-nisa u l-inizjattivi jiġu inkoraġġuti, b'mod partikolari permezz tal-promozzjoni tas-sjieda tan-nisa, tan-netwerks tal-bdiewa żgħażagħ nisa, l-imprendituri u l-bdiewa ġodda, u l-provvista fis-settur finanzjarju biex tiffaċilita l-aċċess għall-investimenti u l-kreditu għan-negozjanti nisa rurali, b'tali mod li jippermettilhom jiżviluppaw negozji li minnhom jaqilgħu għajxien stabbli;

71.  Huwa tal-fehma li t-tiġdid ġenerazzjonali jiddependi fuq l-attraenza tal-professjoni tal-biedja, iżda b'mod partikolari fuq il-kapaċità tagħha li tiġġenera dħul għal dawk li jixtiequ jaqilgħu l-għajxien tagħhom minnha; jenfasizza li, biex l-agrikoltura tkun vijabbli, il-PAK trid tippermetti ċertu livell ta' regolamentazzjoni tas-suq, b'mod partikolari meta s-swieq ma jkunux qed jaħdmu sew u qed jikkawżaw kriżijiet; jirrimarka li d-deregolamentazzjoni tas-swieq attwali qed ikollha impatt negattiv fuq l-iżvilupp tal-agrikoltura, qed tbiegħed liż-żgħażagħ mill-agrikoltura, u qed ikollha impatt serju fuq iż-żgħażagħ li diġà stabbilixxew azjendi agrikoli u għandhom djun kbar bħala riżultat tal-ispejjeż tal-bidu tagħhom;

Servizzi pubbliċi

72.  Jikkunsidra li l-iżvilupp ta' prattiki agrikoli agroekoloġiċi moderni u ta' mudelli ġodda ta' negozju se jagħmel l-agrikoltura aktar attraenti għall-bdiewa żgħażagħ; jenfasizza li l-bdiewa żgħażagħ iridu jkunu mħarrġa u kkwalifikati fl-aħħar teknoloġiji biex jindirizzaw, b'mod partikolari, l-isfidi ambjentali kurrenti u futuri; jenfasizza l-ħtieġa li jingħata appoġġ għall-approċċi innovattivi u mhux konvenzjonali bħall-agroekoloġija, il-mudelli ta' negozju ġodda bbażati fuq l-utenti finali, it-teknoloġija tal-biedja diġitali u s-soluzzjoni intelliġenti, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe PAK futura tirrifletti dan;

73.  Jinnota li l-bdiewa żgħażagħ jirrappreżentaw potenzjal qawwi għall-innovazzjoni u d-diversifikazzjoni peress li għandhom it-tendenza li jkollhom iktar ħiliet u abbiltà maniġerjali u jkunu aktar inklinati li jidħlu fi swieq ġodda, jiżviluppaw metodi ġodda ta' produzzjoni u jagħmlu l-aħjar użu ta' avvanzi teknoloġiċi u innovattivi fis-settur agrikolu, li jistgħu, b'mod partikolari, jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali li qed tiffaċċja l-agrikoltura; iqis meħtieġ, għalhekk, li dawn iż-żgħażagħ li jixtiequ jintroduċu tekniki u proċessi ta' produzzjoni innovattivi, bħal agrikoltura ta' preċiżjoni u sistemi ta' konservazzjoni, li għandhom l-għan li jtejbu l-kosteffikaċja u s-sostenibbiltà ambjentali tas-settur agrikolu, jiġu pprovduti b'appoġġ kritiku; jistieden lill-Kummissjoni żżid ir-riċerka dwar l-użu ta' teknoloġiji u prattiki agrikoli li jippermettu agrikoltura sostenibbli b'impatt ambjentali żgħir; jenfasizza li l-ħolqien ta' impjiegi ġodda u l-ħarsien tagħhom, u l-promozzjoni tal-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fil-qasam tat-taħriġ agrikolu huma essenzjali għall-kompetittività tal-agrikoltura fl-UE;

74.  Jenfasizza li l-bdiewa jeħtieġu aċċess għal infrastruttura, faċilitajiet pubbliċi affordabbli u ta' kwalità għolja, u s-servizzi, inklużi kura tas-saħħa, edukazzjoni, broadband b'veloċità għolja, assistenza, taħriġ, servizzi kulturali, uffiċċji postali, trasport pubbliku u toroq aħjar; jinnota li l-istess kundizzjonijiet u l-istandard tal-għajxien għandhom jiġu żgurati għaż-żgħażagħ li jgħixu f'żoni rurali għal dawk li jgħixu f'żoni urbani, sabiex ma jiżdiedx aktar l-eżodu rurali u l-qasma territorjali;

75.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu impenn sod favur l-istabbiliment ta' kanali ta' kummerċjalizzazzjoni diretti li ser jippermettu lill-bdiewa żgħażagħ ibigħu l-prodotti tagħhom fis-swieq lokali b'mod iktar sostenibbli u bi profitt ikbar;

76.  Jirrimarka li, għal azjendi agrikoli żgħar u ż-żoni rurali biex ikomplu jiżviluppaw b'mod sostenibbli, hija meħtieġa bidla ġenerazzjonali;

77.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa Aġenda Rurali, li trid tinkludi miżuri kkoordinati taħt diversi politiki ta' żvilupp rurali tal-UE, reġjonali u lokali;

78.  Jenfasizza li l-PAK teħtieġ approċċi intelliġenti, peress li dawn is-soluzzjonijiet ġodda jagħmlu l-ħajja rurali u ta' rħula attraenti għaż-żgħażagħ;

Miżuri biex jitwaqqaf l-eżodu rurali

79.  Iqis li huwa meħtieġ li l-bdiewa żgħażagħ jiġu offruti prospetti fit-tul sabiex jitwaqqaf l-eżodu rurali, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu inizjattivi ġodda biex jistabbilixxu l-infrastruttura meħtieġa biex jappoġġjaw lill-intraprendituri ġodda u lill-familji tagħhom fiż-żoni rurali;

80.  Jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li tingħata kunsiderazzjoni lill-armonizzazzjoni ta' miżuri taħt il-programmi tal-iżvilupp rurali u l-ewwel pilastru tal-PAK, il-politika ta' koeżjoni tal-UE u miżuri f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali, sabiex itejbu l-effikaċja tagħhom;

81.  Jirrimarka li l-innovazzjoni mhijiex biss kwistjoni ta' tekniki tal-biedja u makkinarju ġdid iżda tinkludi wkoll l-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju ġodda, inkluż għodod ta' bejgħ u kummerċjalizzazzjoni, taħriġ u ġbir ta' data u informazzjoni;

82.  Jistieden lill-Kummissjoni torjenta l-pagamenti diretti lejn azjendi agrikoli żgħar u lejn il-biedja agroekoloġika fir-riforma li ġejja tal-PAK, għax dan se jgħin ħafna lill-bdiewa iktar żgħażagħ u lill-bdiewa ġodda;

83.  Jirrimarka li ż-żoni rurali għandu ikollhom ukoll servizzi li jnaqqsu l-pressjonijiet tal-biedja, bħal konsulenza professjonali, pariri finanzjarji u pariri dwar il-ġestjoni ta' azjenda agrikola;

84.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu pprovduti konnessjonijiet broadband f'żoni rurali u remoti; jilqa' d-diversi inizjattivi fil-qasam ta' "irħula intelliġenti", li l-għan finali tagħhom irid ikun li joħolqu opportunitajiet ġodda ta' impjieg u jipprovdu impjieg għaż-żgħażagħ fiż-żoni rurali, kemm jekk f'forma ta' attivitajiet supplimentari fl-azjendi agrikoli kif ukoll f'attivitajiet mhux relatati mal-biedja (kura soċjali, mobbiltà, kura tas-saħħa, turiżmu, enerġija); iqis li l-produttività dejjem ikbar fl-agrikoltura u l-waqgħa kontinwa fil-prezzijiet tal-prodott agrikolu ser jagħmluha dejjem aktar diffiċli li jiġi ġġenerat biżżejjed dħul mill-attività agrikola bażika, speċjalment fl-azjendi agrikola żgħar;

85.  Jemmen li kwalunkwe strateġija ta' suċċess favur it-tiġdid ġenerazzjonali u l-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ għandha tieħu approċċ olistiku, u tiffaċilita l-aċċess tal-bdiewa għall-art, il-finanzi, is-servizzi ta' konsulenza u t-taħriġ, u tqis it-tiġdid ġenerazzjonali għall-benefiċċju tal-bdiewa żgħażagħ u mhux; jenfasizza li dan għandu jagħmel il-biedja, li hija ta' importanza vitali għall-umanità, okkupazzjoni attraenti kemm għall-bdiewa żgħażagħ kif ukoll għas-soċjetà inġenerali;

86.  Jinnota li appoġġ qawwi għall-bdiewa żgħażagħ u l-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi ġodda fis-settur agrikolu tal-UE huma essenzjali għall-futur taż-żoni rurali u jridu jiġu mħeġġa bħala parti mill-PAK l-ġdida ta' wara l-2020;

L-ambjent u s-sostenibbiltà

87.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura iktar konsistenza bejn il-miżuri ambjentali u tiżgura li dawn il-miżuri jiġu armonizzati; itenni li l-bdiewa żgħażagħ jeħtieġu miżuri li jkunu ċari u faċli biex jitpoġġew fil-prattika;

88.  Jemmen li, sabiex jiġu ppreżervati l-insedjamenti fiż-żoni rurali u żgurat standard simili ta' għajxien għall-persuni li jgħixu hemm meta mqabbla ma' żoni urbani, jeħtieġ li b'mod urġenti jitneħħew ostakli regolatorji u amministrattivi ħalli jiġi permess lill-operaturi tal-azjendi agrikoli jwettqu attivitajiet supplimentari agrikoli u mhux agrikoli, primarjament fil-kura soċjali, il-kura tas-saħħa, it-turiżmu, il-mobbiltà tal-anzjani u s-setturi tal-enerġija, b'tali mod li jiġi pprovdut dħul adegwat għall-operaturi tal-azjendi agrikoli u l-familji tagħhom u jitnaqqas ir-riskju ta' depopolazzjoni rurali;

89.  Jappella għal djalogu ġdid mas-soċjetà dwar il-futur tal-industrija agroalimentari b'tali mod li jkun hemm stampa realistika ta' x'tinvolvi l-biedja u jittejjeb l-għarfien ta' xi jfisser li tkun bidwi u kif jiġi prodott l-ikel;

Kwistjonijiet oħra

90.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw l-introjtu tal-bdiewa fil-konfront tar-riskji klimatiċi, ekonomiċi u tas-saħħa, u b'hekk jagħmlu l-azjendi agrikoli aktar reżiljenti, b'mod partikolari billi jintroduċu għodod ġodda għall-ġestjoni tar-riskji u jsaħħu l-għodod eżistenti;

91.  Jiġbed l-attenzjoni għall-karatteristiċi speċifiċi tar-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE, li s-sitwazzjonijiet ambjentali, klimatiċi u tas-saħħa uniċi tagħhom huma differenti ħafna minn dawk tal-kontinent Ewropew, u għaldaqstant jitlob, kif previst fl-Artikolu 349 tat-TFUE, konsiderazzjoni ikbar ta' dawn ir-reġjuni u tal-assi u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-istrumenti tal-PAK għall-bdiewa żgħażagħ, inkluż f'termini ta' aċċess għall-finanzjament;

92.  Jenfasizza li impriżi żgħar u tal-familja li joperaw f'kundizzjonijiet diffiċli u li jkunu qed ifittxu sorsi addizzjonali ta' introjtu għandhom jiġu megħjuna saħansitra iktar, pereżempju permezz tal-finanzjament ta' servizzi ta' konsulenza jew mudelli innovattivi ta' negozju;

93.  Jirrakkomanda li t-tiġdid ġenerazzjonali jrid iqis ukoll it-tiġdid interġenerazzjonali għall-benefiċċju tal-bdiewa żgħażagħ u dawk ikbar fl-età; jinnota kemm hu importanti li l-bdiewa jfasslu pjan għas-suċċessjoni tal-azjenda agrikola, u jinnota l-ħtieġa ta' pagament tranżitorju biex tiġi ffaċilitata din is-suċċessjoni;

o
o   o

94.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.
(3) ĠU L 350, 29.12.2017, p. 15.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0197.
(5) ĠU C 207, 30.6.2017, p. 57.
(6) ĠU C 350, 18.10.2017, p. 5.


Pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet ***I
PDF 144kWORD 53k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 (COM(2016)0493 – C8-0336/2016 – 2016/0238(COD))
P8_TA(2018)0212A8-0263/2017

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2016)0493),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 294(2) u 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8‑0336/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra n-notifika uffiċjali tad-29 ta' Marzu 2017 mill-Gvern tar-Renju Unit, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni Ewropea;

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2016(1),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-7 ta' Marzu 2018, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0263/2017),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(2);

2.  Japprova d-dikjarazzjonijiet konġunti mill-Parlament u l-Kunsill mehmuża ma’ din ir-riżoluzzjoni, li se jiġu ppubblikati fis-serje L tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien ma’ l-att leġiżlattiv finali;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b’mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b’mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-29 ta' Mejju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art fil-Baħar tat-Tramuntana u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2018/973.)

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

DIKJARAZZJONIJIET KONĠUNTI

Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar speċijiet ipprojbiti

Ir-Regolament li għandu jiġi adottat abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar permezz ta' miżuri tekniċi (2016/0074 (COD)) għandu jinkludi dispożizzjonijiet, fost affarijiet oħra, dwar l-ispeċijiet li għalihom is-sajd huwa pprojbit. Għal dik ir-raġuni, iż-żewġ istituzzjonijiet qablu li ma jinkludux lista għall-Baħar tat-Tramuntana f'dan ir-Regolament (2016/0238 (COD)).

Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-kontroll

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jinkludu d-dispożizzjonijiet ta' kontroll li ġejjin fir-rieżami li jmiss tar-Regolament dwar il-Kontroll (ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009), fejn rilevanti għall-Baħar tat-Tramuntana: notifiki minn qabel, rekwiżiti tal-ġurnal ta' abbord, portijiet magħżula u dispożizzjonijiet oħra ta' kontroll.

(1) ĠU C 75, 10.3.2017, p. 109.
(2) Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fl-14 ta' Settembru 2017 (Testi adottati, P8_TA(2017)0357).


L-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi ***I
PDF 138kWORD 54k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (COM(2016)0128 – C8-0114/2016 – 2016/0070(COD))
P8_TA(2018)0213A8-0319/2017

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0128),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 53(1) u 62 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0114/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati mressqa, fi ħdan il-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità, mill-Parlament Bulgaru, mis-Senat Ċek u l-Kamra tad-Deputati Ċeka, mill-Parlament Daniż, mill-Parlament Estonjan, mill-Parlament Kroat, mill-Parlament Latvjan, mill-Parlament Litwan, mill-Parlament Ungeriż, mis-Sejm Pollakk u mis-Senat Pollakk, mis-Senat Rumen u l-Kamra tad-Deputati tar-Rumanija u mill-Parlament Slovakk, li jaffermaw li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv ma jikkonformax mal-prinċipju tas-sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2016(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-7 ta' Diċembru 2016(2),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-11 ta' April 2018, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur kif ukoll tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0319/2017),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-29 ta' Mejju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, d-Direttiva (UE) 2018/957.)

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

L-Artikolu 3(7), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 96/71/KE, kif emendata mid-Direttiva adottata llum, li tistabbilixxi li l-allowances speċifiċi għall-istazzjonament għandhom jitqiesu bħala parti mir-remunerazzjoni, sakemm ma jitħallsux bħala rimborż tal-ispejjeż effettivament imġarrba minħabba l-istazzjonament, bħall-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-ikel u tal-alloġġ. Huwa jistipula wkoll li "min iħaddem jenħtieġ li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1(h), jirrimborża lill-ħaddiema għal tali spejjeż f'konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali applikabbli għar-relazzjoni ta' impjieg tal-ħaddiem stazzjonat."

Il-Kummissjoni tifhem li "l-liġi u/jew il-prattika nazzjonali applikabbli għar-relazzjoni ta' impjieg tal-ħaddiem stazzjonat", fil-prinċipju, huma l-liġi nazjonali u/jew il-prattika tal-Istat Membru ta' domiċilju, sakemm mhux determinat mod ieħor skont ir-regoli tal-UE dwar il-liġi internazzjonali privata. Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-396/13 (il-paragrafu 59), ir-rimborż ikopri wkoll is-sitwazzjoni fejn min iħaddem iħallas l-ispejjez tal-ħaddiema fejn dawn tal-aħħar ma kellhomx jagħmlu ħlas minn qabel u jitolbu r-rimborż tiegħu.

Il-Kummissjoni tinnota li l-approċċ tad-Direttiva llum jipprevedi li, minħabba n-natura tax-xogħol mobbli ħafna tat-trasport internazzjonali bit-triq, ir-regoli riveduti dwar il-kollokament ser japplikaw għal dak is-settur biss mid-data tal-applikazzjoni ta' att leġiżlattiv li jemenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward tar-rekwiżiti ta' infurzar u jistabbilixxi regoli speċifiċi fir-rigward tad-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/KE għall-kollokament tax-xufiera fil-qasam tat-trasport bit-triq.

Il-Kummissjoni tappella lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jadottaw dak l-att malajr sabiex ir-regoli jiġu adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' ħaddiema kollokati fis-settur filwaqt li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tat-trasport bit-triq.

Sad-data tal-applikazzjoni tal-att leġiżlattiv speċifiku għas-settur, id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE jibqgħu fis-seħħ fit-trasport bit-triq. Dawn l-atti leġiżlattivi ma japplikawx għal operazzjonijiet ta' trasport bit-triq li ma jikkostitwixxux kollokament.

Il-Kummissjoni ser tkompli tissorvelja mill-qrib l-infurzar tajjeb tar-regoli attwali b'mod partikolari fis-settur tat-trasport bit-triq u tieħu azzjoni fejn adatt."

(1) ĠU C 75, 10.3.2017, p. 81.
(2) ĠU C 185, 9.6.2017, p. 75.


Miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll li japplikaw fiż-Żona tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku ***I
PDF 342kWORD 67k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll li japplikaw fiż-Żona tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (SPRFMO) (COM(2017)0128 – C8-0121/2017 – 2017/0056(COD))
P8_TA(2018)0214A8-0377/2017

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0128),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0121/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Mejju 2017(1),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-21 ta' Marzu 2018, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0377/2017),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(2);

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-29 ta' Mejju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll li japplikaw fl-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (SPRFMO) Żona tal-Konvenzjoni

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2018/975.)

(1) ĠU C 288, 31.8.2017, p. 129.
(2) Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fis-16 ta' Jannar 2018 (Testi adottati, P8_TA(2018)0001).


Finanzi sostenibbli
PDF 443kWORD 75k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 dwar il-finanzi sostenibbli (2018/2007(INI))
P8_TA(2018)0215A8-0164/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-impenn tal-G20 favur it-tkabbir sostenibbli taħt il-Presidenza Ġermaniża mill-1 ta' Diċembru 2016 sat-30 ta' Novembru 2017, b'riferiment partikolari għad-dikjarazzjoni: "se nkomplu nużaw l-istrumenti kollha tal-politika monetarja, fiskali u strutturali, b'mod individwali u kollettiv, biex nilħqu l-għan tagħna ta' tkabbir sod, sostenibbli, ibbilanċjat u inklużiv, filwaqt li nsaħħu r-reżiljenza ekonomika u finanzjarja",

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli stabbiliti min-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-impenn li tittieħed azzjoni sabiex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu u jiġu żgurati konsum u produzzjoni sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-impenn tal-Kummissjoni favur investiment sostenibbi f'dan ir-rigward fil-pjan tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u b'mod speċifiku l-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli (HLEG) dwar il-Finanzi Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tal-HLEG ta' Lulju 2017 bit-titolu "Financing a Sustainable European Economy" (Finanzjament ta' ekonomija Ewropea sostenibbli), li jispjega t-tensjoni bejn l-aġir mingħajr skop ta' lukru fit-terminu qasir u l-bżonn ta' investiment fit-terminu twil biex jintlaħqu l-miri ambjentali, soċjali u ta' governanza, u partikolament għall-punt 5 dwar il-fatt li s-sistema finanzjarja u l-qafas politiku jirriskjaw li jċedu għall-hekk imsejħa "tragedy of the horizon" (traġedja tal-orizzont) fil-paġna 16,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ġunju 2017 dwar ir-Rieżami ta' Nofs it-Terminu tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (COM(2017)0292),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-HLEG ta' Jannar 2018 bit-titolu "Financing a Sustainable European Economy" (Finanzjament ta' ekonomija Ewropea sostenibbli),

–  wara li kkunsidra l-paġna 14 tar-rapport interim tal-HLEG li jafferma li l-investituri tal-Ewropa għandhom skopertura kombinata għas-setturi b'intensità għolja ta' karbonju ta' bejn wieħed u ieħor 45 % u li inqas minn 1 % tal-investituri istituzzjonali globali huma assi infrastrutturali ekoloġiċi,

–  wara li kkunsidra l-fatt li l-oqfsa prudenzjali, partikolarment id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II)(1), u r-regoli tal-kontabilità għall-investituri jiskoraġġixxu approċċ fit-tul, u li r-regoli prudenzjali jirrikjedu livell ta' kapital proporzjonali għal-livell ta' riskju fuq medda ta' sena u jqis biss ir-riskju finanzjarju għall-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 173 tal-Liġi Franċiża Nru 2015-992 tas-17 ta' Awwissu 2015 dwar it-Tranżizzjoni Enerġetika għat-Tkabbir Ekoloġiku,

–  wara li kkunsidra d-diskors li għamel fit-22 ta' Settembru 2016 Mark Carney, Gvernatur tal-Bank tal-Ingilterra u President tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja, u r-rapport tal-2015 tal-Carbon Tracker Initiative, b'riferiment partikolari għall-fatt li minn tmiem l-2010 l-kapitalizzazzjoni kombinata tas-suq tal-ewwel erba' produtturi ta' faħam tal-Istati Uniti niżlet b'aktar minn 99 %;

–  wara li kkunsidra l-Pjattaforma tal-Finanzjament għall-Ġlieda Kontra t-Tibdil fil-Klima li tnediet mill-BEI u l-Lussemburgu f'Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-paġna 9 tad-dokument ta' diskussjoni ta' E3G ta' Mejju 2016 bit-titolu "Clean Energy Lift Off – Capitalising Europe's Energy Union" (Bidu għall-Enerġija Nadifa – Kapitalizzazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija tal-Ewropa), b'riferiment partikolari għall-fatt li mill-2008 sal-2013 spiċċa fix-xejn aktar minn nofs il-valur tas-suq tal-ewwel 20 kumpanija tas-servizzi enerġetiċi fl-Ewropa, li kien jammonta għal EUR 1 triljun,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-2015 u tal-2016 tal-Carbon Tracker Initiative li jindikaw li bejn USD 1,1 u USD 2 triljun oħra ta' nefqa kapitali mill-fjuwils fossili huma f'riskju li jkunu abbandunati, b'USD 500 biljun fis-settur tal-enerġija Ċiniż biss,

–  wara li kkunsidra r-"Recommendation of the Council on Common Approaches for Officially Supported Export Credits and Environmental and Social Due Diligence" (Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Approċċi Komuni għal krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġjati u d-Diliġenza Dovuta ambjentali u soċjali) ("Common Approaches" (l-Approċċi Komuni)) tal-OECD li tirrikonoxxi "r-responsabilità tal-Aderenti li jimplimentaw l-impenji meħuda mill-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima" u "r-responsabilità tal-Aderenti li jqisu l-impatti ambjentali u soċjali pożittivi u negattivi tal-proġetti, b'mod partikolari f'setturi sensittivi jew li jinsabu f'żoni sensittivi jew ħdejhom, u r-riskji ambjentali u soċjali assoċjati ma' operazzjonijiet eżistenti, fid-deċiżjonijiet tagħhom li joffru appoġġ uffiċjali għal krediti għall-esportazzjoni",

–  wara li kkunsidra r-Responsible Business Conduct for Institutional Investors guidelines (linji gwida dwar l-Imġiba Responsabbli fin-Negozju għall-Invesituri Istituzzjonali) tal-OECD tal-2017, partikolarment il-paġna 13 fejn hemm imniżżel li l-investituri, anki dawk b'parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja, jafu jkunu direttament marbuta mal-impatti negattivi kkawżati minn destinatarji ta' investiment jew li għal dawn l-impatti kkontribwew dawn tal-aħħar, bħala konsegwenza tas-sjieda tagħhom ta' ishma jew tal-ġestjoni ta' tali ishma, fil-kumpanija li tkun qiegħda tikkawża ċerti impatti soċjali jew ambjentali jew tikkontribwixxi għalihom;

–  wara li kkunsidra l-approċċ tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Ekoloġika (GET) tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), li għandu l-għan li jimmitiga u/jew jibni reżiljenza għall-effetti tat-tibdil fil-klima u ta' forom oħra ta' degradazzjoni ambjentali, b'riferiment partikolari għad-dokumenti tal-BERŻ li jgħaqqdu l-impatt tat-tranżizzjoni mal-ambjent, inklużi, fejn xieraq, bidliet fil-metodoloġija tal-valutazzjoni tal-proġett,

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-OECD bit-titolu "Responsible Business Conduct for Institutional Investors: Key Considerations for Due Diligence under the OECD Guidelines for Multinational Enterprises" (Imġiba Responsabbli fin-Negozju għall-Invesituri Istituzzjonali: Kunsiderazzjonijiet Fundamentali għad-Diliġenza Dovuta fil-kuntest tal-Linji Gwida għall-Impriżi Multinazzjonali),

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-2018 tat-Task Force ta' Livell Għoli dwar l-Investiment fl-Infrastruttura Soċjali fl-Ewropa bit-titolu "Boosting Investment in Social Infrastructure in Europe" (It-Titjib tal-Investiment fl-Infrastruttura Soċjali fl-Ewropa),

–  wara li kkunsidra l-Liġi Franċiża dwar id-Dmir Korporattiv ta' Viġilanza tas-27 ta' Marzu 2017, b'mod partikolari l-Artikoli 1 u 2 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar(2) (Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju – NFRD), u b'mod partikolari l-Artikoli 19 u 19(a) tad-Direttiva 2013/34/UE u l-premessi 3, 6, 7 u 8 tad-Direttiva 2014/95/UE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta' involviment fit-tul tal-azzjonisti(3) (Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (IORPs)(4) (Direttiva dwar l-IORPs),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012(6) (ir-Regolament dwar l-STS),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIP) (7) (Regolament dwar il-PRIIPs), li jgħid li meta prodott aggregat ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni jkollu objettiv ambjentali jew soċjali muri, il-manifattur irid juri lill-investitur potenzjali fil-livell tal-konsumatur u lill-partijiet interessati f'sens usa' kif dawn l-objettivi jintlaħqu matul il-proċess ta' investiment kollu,

–  wara li kkunsidra s-suġġeriment tat-Triodos Bank ta' "mandati mudell" li jinkludu r-rekwiżit ta' integrazzjoni totali tal-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fid-deċiżjonijiet ta' investiment, l-involviment attiv u l-votazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet, l-għażla ta' parametri referenzjarji sostenibbli, rappurtar inqas frekwenti iżda iktar sinifikattiv min-naħa tal-maniġers tal-assi u struttura tariffarja u tal-pagamenti orjentata fuq terminu twil,

–  wara li kkunsidra r-reinterpretazzjoni min-naħa tal-Gvern tar-Renju Unit tad-dmir fiduċjarju, li ddgħajjef ir-rabta mar-redditi massimi u tippermetti l-eżami ta' kwistjonijiet etiċi u ambjentali,

–  wara li kkunsidra r-rwol pijunier tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fil-ħruġ tal-ewwel bond aħdar fid-dinja u billi minn Jannar 2018 sar l-akbar emittent ta' bonds ħodor fid-dinja,

–  wara li kkunsidra l-"Principles for Positive Impact Finance" (Prinċipji għal Finanzi b'Impatt Pożittiv) żviluppati mill-Inizjattiva Finanzjarja tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP FI),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta' Ottubru 2017 bit-titolu "Il-finanzjament tal-azzjoni klimatika: għodda essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi" li tenfasizza r-rwol tal-gvernijiet lokali u reġjonali fit-titjib tal-portafoll tal-investimenti biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi,

–  wara li kkundira l-Inkjesta tal-UNEP dwar it-Tifsil ta' Sistema Finanzjarja Sostenibbli (Inquiry into the Design of a Sustainable Financial System),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2017 tal-Climate Bonds Initiative, li juri kif il-bonds qegħdin jintużaw għat-tranżizzjoni lejn ekonomija globali b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2016 tal-Inkjesta tal-UNEP, li wasal għall-konklużjoni li bosta regolaturi finanzjarji nazzjonali diġà qegħdin jagħmlu jew iħejju valutazzjonijiet tas-sostenibilità u tali inizjattivi għandhom jiġu integrati malajr fil-livell tal-UE, u b'riferiment għall-punt li tali analiżijiet għandhom jibnu fuq xenarji klimatiċi standardizzati, fosthom xenarju li fih żieda fit-temperaturi tad-dinja tinżamm sew taħt iż-2 °C,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni fir-rapport finali ta' Jannar 2018 tal-HLEG li tgħid li l-Kummissjoni jmissha tagħmel test tas-sostenibilità għall-proposti leġiżlattivi finanzjarji kollha;

–  wara li kkunsidra ir-rieżami ta' nofs it-terminu tas-CMU (COM(2017)0292) u l-istqarrija ċara tal-Kummissjoni li "tappoġġja l-allinjament ta' investimenti privati mal-objettivi li jolqtu l-klima,l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-ambjent, kemm permezz ta' miżuri ta' politika kif ukoll ta' investiment pubbliku" (COM(2016)0601),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Federali Ġermaniż (Bundesbank) tal-2017 u l-Bullettin Trimestrali (Quarterly Bulletin) tal-Bank tal-Ingilterra tar-raba' trimestru tal-2014, li jgħidu li l-maġġor parti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni tinħoloq mis-settur bankarju privat meta l-banek isellfu;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2(1)(c) tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-ħtieġa li l-flussi finanzjarji jsiru konsistenti ma' pjan orjentat lejn żvilupp b'emissjonijiet baxxi ta' gassijiet serra u reżistenti għat-tibdil fil-klima;

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-UNISDR u taċ-ĊRED bit-titolu "The Human Cost of Weather-Related Disasters 1995-2015" (Il-Prezz Uman tad-Diżastri Relatati mat-Temp 1995-2015) li kkonkluda li 90 % tad-diżastri ewlenin irreġistrati f'dan il-perjodu kkawżati minn perikli naturali kienu marbuta mal-klima u mat-temp u li, globalment, id-diżastri jikkawżaw USD 300 biljun f'dannu ekonomiku kull sena(8),

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030 u l-Prijorità 3 tiegħu "Investing in disaster risk reduction for resilience" (Ninvestu fit-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri għal reżiljenza) inkluż il-paragrafu 30 li jsemmi l-ħtieġa "li tiġi promossa, kif xieraq, l-integrazzjoni ta' kunsiderazzjonijiet u miżuri relatati mat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri fi strumenti finanzjarji u fiskali",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja ta' Ġunju 2017 bit-titolu "Recommendations of the Task Force on Climate-related Financial Disclosure" (Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force għad-Divulgazzjoni Finanzjarja relatata mal-Klima),

–  wara li kkunsidra x-xogħol tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) dwar ir-riskji marbuta mal-assi mhux irkuprabbli u l-ħtieġa ta' "testijiet tal-istress relatati mal-karbonju" fil-livell Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 31/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li wasal għall-konklużjoni li minkejja li l-UE għamlet impenn politiku fl-ambitu tal-perjodu baġitarju attwali 2014-2020 biex tonfoq euro wieħed minn kull ħamsa (20 %) għal skopijiet relatati mal-klima, ma kinitx fit-triq it-tajba biex tonora dan l-impenn, peress li l-programmazzjoni attwali tkun tirrappreżenta madwar 18 % biss,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Statistiku 2016 tal-BEI tas-27 ta’ April 2017, li juri li l-appoġġ tal-BEI favur l-azzjoni klimatika jkompli jirrifletti l-kuntesti differenti tas-swieq madwar l-UE u ma laħaqx il-livell ta' 20 % f'16-il Stat Membru tal-UE fl-2016, u li, filwaqt li l-investiment fl-azzjoni klimatika fl-2016 kien prevalentement jinsab fl-ekonomiji l-aktar b'saħħithom tal-UE, fl-2016 il-BEI ffinanzja proġetti favur l-enerġija rinnovabbli fi 11-il Stat Membru u proġetti ta' effiċjenza enerġetika fi 18-il Stat Membru,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-Task Force ta' Livell Għoli dwar l-Investiment fl-Infrastruttura Soċjali fl-Ewropa, li jikkalkula li d-diskrepanza minima fl-investiment tal-infrastruttura soċjali fl-UE hi ta' EUR 100-150 biljun kull sena u li d-diskrepanza totali se tkun ta' aktar minn EUR 1,5 triljun bejn l-2018 u l-2030,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Frar 2018 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet Finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2018 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2016(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2017 dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur(11),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-BEI dwar l-Investiment 2017/2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2013 dwar l-innovazzjoni għal tkabbir sostenibbli: bijoekonomija għall-Ewropa(12),

–  wara li kkunsidra l-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni tal-2015 u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari(13),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u r-responsabilità għal Protezzjoni, Rispett u Rimedju,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0164/2018),

A.  billi s-swieq finanzjarji jistgħu u għandhom jaqdu rwol essenzjali biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli fl-UE li tmur lil hinn mit-tranżizzjoni klimatika u minn kwistjonijiet ekoloġiċi u tirrigwarda anki kwistjonijiet soċjali u ta' governanza; billi hemm ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-fallimenti relatati mas-suq; billi l-isfidi ambjentali, ekonomiċi u soċjali huma marbuta flimkien mill-qrib; billi, skont ir-rapport tal-HLEG ta' Lulju 2017, id-diskrepanza tal-likwidità biex l-isforzi ta' dekarbonizzazzjoni tal-Ewropa jħallu l-frott hija kważi EUR 180 biljun, esklużi l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli oħrajn;

B.  billi jeħtieġ li t-tranżizzjoni ekoloġika tkun mezz biex jiżdiedu s-solidarjetà u l-koeżjoni; billi l-finanzi sostenibbli jistgħu jkunu mezz li bih jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà lejn tkabbir inklużiv fit-tul u jiġi promoss il-benessri taċ-ċittadini; billi l-kriterji għall-investiment favur il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jidhru promettenti ħafna u jistgħu jkun punt tat-tluq tajjeb; billi l-finanzi sostenibbli jmorru lil hinn mill-investimenti ekoloġiċi u favur il-klima u għandhom iqisu b'urġenza anki kriterji soċjali u ta' governanza;

C.  billi sistema regolatorja prevedibbli u stabbli għall-investimenti relatati mat-tibdil fil-klima hija ta' importanza kbira sabiex jitrawwem l-involviment tas-settur privat fil-finanzjament għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; billi l-Unjoni Ewropea tista' tistabbilixxi standard għal sistema finanzjarja sostenibbli billi tintroduċi qafas kredibbli u komprensiv, li d-dettalji tiegħu għandhom jiġu stabbiliti b'mod progressiv permezz ta' inizjattivi leġiżlattivi speċifiċi;

D.  billi hemm bżonn bidla fil-mentalità tal-partijiet ikkonċernati kollha, li tirrikjedi leġiżlazzjoni trasversali min-naħa tal-Kummissjoni; billi l-investituri istituzzjonali u fil-livell tal-konsumatur qed juru interess akbar biex jinvestu fi prodotti li josservaw il-kriterji ambjentali, soċjali u ta' governanza;

E.  billi hemm bżonn żieda fit-trasparenza tad-data ambjentali, soċjali u ta' governanza dwar il-kumpaniji sabiex jiġi evitat il-"greenwashing";

F.  billi l-evalwazzjoni tal-impatt għandha tkun parti mit-tassonomija ta' prodotti finanzjarji sostenibbli; billi l-għarfien espert dwar kif għandu jiġi kkalkulat l-impatt tal-investimenti fuq l-għanijiet ambjentali, soċjali u ta' governanza qiegħed jikber;

Il-ħtieġa ta' qafas ta' politika xieraq għall-mobilizzazzjoni tal-kapital meħtieġ għal tranżizzjoni sostenibbli

1.  Jisħaq fuq il-potenzjal ta' tranżizzjoni sostenibbli aktar rapida bħala opportunità biex is-swieq kapitali u l-intermedjarji finanzjarji jiġu orjentati lejn investimenti fit-tul, innovattivi, soċjalment favorevoli, ambjentalment sani u effiċjenti; josserva x-xejra attwali ta' żvestiment mill-faħam, iżda jirrimarka l-ħtieġa ta' sforzi ulterjuri għall-iżvestiment minn fjuwils fossili oħra; jenfasizza l-importanza li l-banek u s-swieq kapitali Ewropej jieħdu vantaġġ mill-innovazzjoni f'dan il-qasam; jinnota li l-benefiċċji u r-riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza sikwit ma jkunux integrati adegwatament fil-prezzijiet u li dan jagħti inċentivi tas-suq lill-finanzi insostenibbli u ingranati għal terminu qasir għal ċerti parteċipanti fis-suq li jiffukaw fuq redditi rapidi; jenfasizza li hemm bżonn qafas regolatorju, politiku u superviżorju mfassal tajjeb sabiex jirregola l-finanzi sostenibbli, filwaqt li jitqiesu l-opportunitajiet differenti li joffru r-reġjuni tal-UE; jinnota li qafas bħal dan jista' jgħin sabiex jiġi mmobilizzat il-kapital fuq skala kbira għall-iżvilupp sostenibbli u jtejjeb l-effiċjenza tas-suq biex jidderieġi l-flussi tal-kapital lejn assi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tressaq qafas leġiżlattiv ambizzjuż li jirrikonoxxi l-proposti mressqa fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli;

Ir-rwol tas-settur finanzjarju fir-rigward tas-sostenibilità u l-politiki meħtieġa għall-korrezzjoni tal-fallimenti tas-suq

2.  Jenfasizza li s-settur finanzjarju kollu kemm hu, kif ukoll il-funzjoni prinċipali tiegħu li jalloka l-kapital b'mod effiċjenti kemm jista' jkun għall-ġid tas-soċjetà, f'konformità mal-objettivi tal-UE, għandhom ikunu rregolati mill-valuri tal-ekwità u tal-inklużjoni kif ukoll mill-prinċipju tas-sostenibilità, u għandhom jinkludu indikaturi ambjentali, soċjali u ta' governanza u l-kost ta' nuqqas ta' azzjoni fl-analiżi tal-investiment u fid-deċiżjonijiet relatati; jinnota li l-valutazzjoni ineżatta jew il-preżentazzjoni qarrieqa tar-riskji klimatiċi u ambjentali oħra tal-prodotti finanzjarji jistgħu jikkostitwixxu riskju għall-istabilità tas-suq; jenfasizza r-rwol strumentali tal-politika ekonomika, fiskali u monetarja biex jitrawmu finanzi sostenibbli billi tiffaċilita l-allokazzjoni tal-kapital u torjenta mill-ġdid l-investimenti lejn teknoloġiji u impriżi aktar sostenibbli u lejn attivitajiet ekonomiċi dekarbonizzati, reżiljenti għad-diżastri u effiċjenti fir-riżorsi li jkunu kapaċi jnaqqsu l-bżonn attwali ta' riżorsi futuri u b'hekk ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi relatati mas-sostenibilità tal-UE u l-Ftehim ta' Pariġi; jirrikonoxxi li prezz xieraq u dejjem ogħla għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra huwa komponent fundamentali f'ekonomija tas-suq ambjentali u soċjali funzjonanti u effiċjenti billi jikkoreġi l-fallimenti attwali tas-suq; jinnota li l-prezzijiet fis-suq Ewropew tal-karbonju kienu instabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu biex jeliminaw gradwalment is-sussidji diretti u indiretti għall-fjuwils fossili;

L-assi mhux irkuprabbli u r-riskji sistemiċi relatati

3.  Jissottolinja li għalkemm l-assi tal-karbonju għad għandhom valur fil-karta bilanċjali tal-impriżi, dan il-valur irid isegwi xejra negattiva biex tkun tista' ssir tranżizzjoni lejn soċjetà b'livell baxx ta' karbonju; jenfasizza, għaldaqstant, ir-riskji sistemiċi sostanzjali li l-assi mhux irkuprabbli relatati mal-karbonju u li jagħmlu ħsara lill-ambjent jirrappreżentaw għall-istabilità finanzjarja jekk ma jiġux ipprezzati fil-ħin skont il-profil tar-riskju fit-tul tagħhom; jisħaq fuq il-bżonn ta' identifikazzjoni, valutazzjoni u ġestjoni prudenti tal-iskoperturi u, wara perjodu tranżitorju, ta' rappurtaġġ proporzjonat u obbligatorju, kif ukoll id-disponiment progressiv ta' dawn l-assi, bħala essenzjali għat-tranżizzjoni ordinata, bilanċjata u stabbli lejn investimenti pożittivi f'termini ta' klima u ta' effiċjenza fir-riżorsi; jirrakkomanda li l-kunċett tal-assi mhux irkuprabbli jiġi estiż biex jinkludi sistemi u servizzi ekoloġiċi fundamentali;

4.  Jitlob l-introduzzjoni ta' "testijiet tal-istress relatati mal-karbonju" fil-livell Ewropew kif propost mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) fl-2016 għall-banek u għall-intermedjarji finanzjarji l-oħra biex ikunu jistgħu jiġu ddeterminati r-riskji relatati ma' dawn l-assi mhux irkuprabbli; jilqa' l-proposti tal-BERS għall-iżvilupp ta' politiki prudenzjali reżiljenti għall-klima, pereżempju aġġustamenti addizzjonali speċifiċi tal-kapital abbażi tal-intensità tal-karbonju ta' skoperturi individwali vvalutati bħala eċċessivi applikati għall-investiment globali f'assi meqjusa vulnerabbli ħafna għal tranżizzjoni f'daqqa lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju; jiġbed l-attenzjoni għar-reviżjoni pendenti tar-regolamenti li jistabbilixxu l-awtoritajiet superviżorji Ewropej (ASE) bħala opportunità biex jitqies ir-rwol tal-ASE fl-investigazzjoni u l-iżvilupp ta' standards għall-valutazzjoni tar-riskji relatati mal-karbonju u ta' riskji oħra relatati mal-ambjent, kif ukoll id-divulgazzjoni u l-inklużjoni tagħhom fil-proċess intern ta' valutazzjoni tar-riskji fil-banek, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti ta' rapportar eżistenti dwar is-sostenibilità mill-istituzzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi f'dan ir-rigward;

Il-finanzjament tal-investimenti pubbliċi meħtieġa għat-tranżizzjoni

5.  Jenfasizza li r-riforma tas-sistema finanzjarja, biex tikkontribwixxi b'mod attiv għall-aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika, tirrikjedi l-kooperazzjoni tas-settur pubbliku u s-settur privat; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol strumentali tal-politika fiskali u ekonomika li tipprovdi s-sinjali u l-inċentivi t-tajba; jistieden lill-Istati Membri biex, f'koordinament mal-Kummissjoni, l-ASE u l-BEI, jivvalutaw il-bżonnijiet nazzjonali u kollettivi ta' investiment pubbliku tagħhom u jindirizzaw il-lakuni li jista' jkun hemm biex jiżguraw li l-UE tkun fit-triq it-tajba biex, fil-ħames snin li ġejjin, tilħaq l-għanijiet tagħha fil-qasam tat-tibdil fil-klima u, sal-2030, tilħaq l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU; jissottolinja r-rwol li l-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jistgħu jaqdu f'dan ir-rigward; jissuġġerixxi li dan il-proċess jiġi kkoordinat fil-livell Ewropew u li tiġi stabbilita sistema li tintraċċa l-flussi finanzjarji effettivi lejn investimenti pubbliċi sostenibbli fil-qafas ta' Osservatorju tal-UE dwar il-Finanzi Sostenibbli; jilqa' l-għodod finanzjarji innovattivi li jintegraw l-indikaturi tas-sostenibilità u li jistgħu jiffaċilitaw dan il-proċess, bħalma huma l-bonds ħodor maħruġa pubblikament; jilqa' l-kjarifika mogħtija mill-Eurostat dwar it-trattament ta' kuntratti għall-prestazzjoni tal-enerġija f'kontijiet nazzjonali peress li dan it-trattament iċċarat jista' jiftaħ flussi konsiderevoli ta' kapital pubbliku lejn settur li attwalment jammonta għal tliet kwarti tad-diskrepanza fl-investiment f'enerġija nadifa tal-UE għall-2030; jitlob lill-Kummissjoni tesplora ulterjorment trattament ikkwalifikat ta' investimenti pubbliċi relatati mal-għanijiet ambjentali, soċjali u ta' governanza sabiex l-ispiża ta' dawn il-proġetti tinfirex tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-investiment pubbliku relatat;

L-indikaturi u t-tassonomija tas-sostenibilità bħala inċentiv għal investimenti sostenibbli

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi proċess ta' diversi partijiet ikkonċernati, inklużi esperti fix-xjenza klimatika kif ukoll parteċipanti fis-suq finanzjarju, biex, sa tmiem l-2019, tistabbilixxi tassonomija tas-sostenibilità soda, kredibbli u teknoloġikament newtrali abbażi ta' indikaturi li jiddivulgaw l-impatt sħiħ tal-investimenti fuq is-sostenibilità u jippermettu li jsir paragun bejn il-proġetti ta' investiment u l-kumpaniji; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati tali indikaturi tas-sostenibilità bħala l-ewwel pass fil-proċess tal-iżvilupp ta' tassonomija tas-sostenibilità tal-UE u li dawn l-indikaturi jiġu inkorporati f'rappurtar integrat; jirrimarka li l-iżvilupp tat-tassonomija tas-sostenibilità għandu jiġi segwit mill-proposti leġiżlattivi addizzjonali li ġejjin: qafas ta' diliġenza dovuta komprensiv u obbligatorju, li jinkludi obbligu ta' diliġenza li jiġi introdott gradwalment tul perjodu tranżitorju u li jqis il-prinċipju tal-proporzjonalità, tassonomija responsabbli dwar l-investiment, u proposta sabiex ir-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza jiġu integrati fil-qafas prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji;

7.  Jinnota li diġà jeżistu indikaturi tas-sostenibilità, iżda li l-oqfsa attwali ta' rappurtar volontarju mhumiex armonizzati biżżejjed; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, tibbaża t-tassonomija tagħha fil-qasam tas-sostenibilità fuq lista armonizzata ta' indikaturi tas-sostenibilità abbażi tal-ħidma eżistenti, fost l-oħrajn, tal-Global Reporting Initiative (GRI), il-Prinċipji tan-NU għal Investiment Responsabbli (UN PRI), il-Kummissjoni nnifisha, l-OECD, u s-settur privat, u b'mod partikolari l-indikaturi eżistenti tal-Eurostat dwar l-effiċjenza fir-riżorsi; jirrakkomanda li dawn l-indikaturi jiġu inklużi fit-tassonomija b'mod dinamiku u bi gwida ċara għall-investituri dwar iż-żmien sa meta jridu jintlaħqu ċerti standards; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra wkoll il-ponderazzjoni tal-indikaturi skont l-urġenza li jiġu indirizzati fi kwalunkwe mument partikolari; jissottolinja li t-tassonomija għandha ssib il-bilanċ it-tajjeb bejn l-impenn u l-flessibilità, li jfisser li l-qafas għandu jkun obbligatorju u standardizzat waqt perjodu tranżitorju, iżda għandha titqies ukoll bħala għodda li tevolvi u li tista' tirrikonoxxi riskji emerġenti u/jew riskji li għadhom iridu jiġu identifikati b'mod xieraq;

8.  Iqis li l-inklużjoni ta' indikaturi kwantitattivi prestabbiliti u ta' ġudizzji kwalitattivi dwar ir-riskji klimatiċi u ambjentali ta' tip ieħor hija pass importanti lejn tassonomija ta' investiment responsabbli li tirrispetta l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju u tax-xogħol internazzjonali; jenfasizza li l-istandards minimi dwar ir-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza għandhom jinkludu standards soċjali minimi għal dawn l-investimenti li jinkludu d-drittijiet tal-ħaddiema, l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza u l-esklużjoni ta' riżorsi li jkunu ġejjin minn reġjuni ta' kunflitt jew mingħajr il-kunsens infurmat minn qabel tal-komunitajiet affettwati, kif ukoll standards minimi ta' governanza li jinkludu r-rekwiżiti tal-UE għall-governanza u r-rappurtar korporattivi, li jkunu ekwivalenti għall-istandards tal-UE dwar ir-rappurtar finanzjarju u l-istandards tal-UE li jirregolaw l-azzjoni kontra l-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni u t-trasparenza fiskali;

Tikketta għall-Finanzi Ekoloġiċi

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi proċess ta' diversi partijiet ikkonċernati biex, sa tmiem l-2019, tistabbilixxi "Tikketta għall-Finanzi Ekoloġiċi" permezz ta' inizjattiva leġiżlattiva, li għandha tingħata lill-prodotti ta' investiment, ekwità u pensjonijiet li jkunu diġà laħqu l-ogħla standards fit-tassonomija tas-sostenibilità, biex tiggwida d-deċiżjoni dwar l-investiment ta' dawk li jipprijoritizzaw is-sostenibilità fuq il-fatturi l-oħrajn kollha; jirrakkomanda li din it-"Tikketta għall-Finanzi Ekoloġiċi" tinkludi standards minimi għar-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza konformi mal-Ftehim ta' Pariġi u l-prinċipju "primum non nocere" f'konformità mal-analiżi tar-riskju ambjentali, soċjali u ta' governanza, u attivitajiet li juru biċ-ċar li jkun qed ikollhom "impatt pożittiv" kif definit minn mill-Inizjattiva Finanzjarja tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP FI); jinnota li funzjoni importanti tat-tassonomija, u ta' Tikketta għall-Finanzi Ekoloġiċi, hi li titjieb il-valutazzjoni tar-riskju min-naħa tal-parteċipanti tas-suq finanzjarju bil-ħolqien ta' skala ta' klassifikazzjoni bbażata fuq is-suq; jilqa' l-innovazzjonijiet tal-atturi tas-suq, bħall-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, fl-iżvilupp u fl-amministrazzjoni ta' tali klassifikazzjoni bbażata fuq is-suq;

L-integrazzjoni ta' kriterji finanzjarji sostenibbli fil-leġiżlazzjoni kollha relatata mas-settur finanzjarju

10.  Jinnota l-inklużjoni reċenti tal-kwistjonijiet ta' sostenibilità fir-Regolamenti dwar il-PRIIPs (prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni) u dwar l-STS (titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata), kif ukoll fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti u fl-NFRD; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata kunsiderazzjoni regolatorja adegwata tar-riskji assoċjati mal-assi ekoloġiċi u sostenibbli; jilqa' l-inklużjoni tar-rikonoxximent tal-assi mhux irkuprabbli fid-Direttiva dwar l-IORPs, kif ukoll l-estensjoni tal-prinċipju tal-"persuna prudenti" u riferiment għall-prinċipji tan-NU għal investiment responsabbli; jitlob l-integrazzjoni xierqa u proporzonata tal-indikaturi finanzjarji sostenibbli f'kull leġiżlazzjoni ġdida u riveduta relatata mas-settur finanzjarju permezz ta' proposta omnibus jew proposti speċifiċi; jitlob linji gwida komuni sabiex jiġu armonizzati d-definizzjoni ta' fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza u l-introduzzjoni tagħhom f'kull leġiżlazzjoni ġdida u riveduta;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tuża s-setgħa ddefinita fir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 biex tipprovdi, kemm jista' jkun malajr u qabel ma tiżviluppa t-tassonomija tas-sostenibilità, att delegat li jispeċifika d-dettalji tal-proċeduri użati biex jiġi stabbilit jekk prodott aggregat ta' investiment għall-konsumaturi bbażat fuq l-assigurazzjoni jkunx immirat lejn objettivi ambjentali jew soċjali speċifiċi; jitlob ukoll qafas ta' diliġenza dovuta proporzjonat u obbligatorju abbażi tal-Linji Gwida 2017 tal-OECD dwar l-Imġiba Responsabbli fin-Negozju għall-Investituri Istituzzjonali, li jirrikjedi lill-investituri jidentifikaw, jipprevjenu, jimmitigaw u jqisu l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza; isostni li dan il-qafas pan-Ewropew għandu jkun ibbażat fuq il-Liġi Franċiża dwar id-Dmir Korporattiv ta' Viġilanza għall-kumpaniji u l-investituri, inklużi l-banek; jitlob ukoll li jsir riferiment dirett għall-kriterji ambjentali, soċjali u ta' governanza fis-"sorveljanza u l-governanza tal-prodotti" (POG) f'kull leġiżlazzjoni ġdida u riveduta, inkluża l-leġiżlazzjoni li qed tiġi diskussa bħalissa; jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar il-Finanzjament Sostenibbli biex il-prinċipju "Think Sustainability First" (L-Ewwel Aħseb fis-Sostenibilità) jiġi inkorporat fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-UE;

Ir-riskji għas-sostenibilità fil-qafas prudenzjali tar-regoli dwar l-adegwatezza tal-kapital

12.  Jinnota li r-riskji għas-sostenibilità jistgħu wkoll iġorru riskji finanzjarji u li, għalhekk, dawn għandhom jiġu riflessi, jekk ikunu sostanzjali, fir-rekwiżiti tal-kapital u fil-kunsiderazzjoni prudenzjali tal-banek; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tadotta strateġija regolatorja u pjan direzzjonali mmirati, fost affarijiet oħra, lejn il-kejl tar-riskji għas-sostenibilità fil-qafas prudenzjali u tippromwovi l-inklużjoni tar-riskji għas-sostenibilità fil-qafas ta' Basel IV biex tiżgura riżervi ta' kapital suffiċjenti; jenfasizza li l-adegwatezza tal-kapital trid tkun ibbażata fuq ir-riskji murija u trid tirrifletti b'mod sħiħ dawn tal-aħħar; jimmira li jagħti bidu għal proġett pilota tal-UE, fil-qafas tal-baġit annwali li jmiss, biex jibdew jiġu żviluppati parametri referenzjarji metodoloġiċi għal dan l-iskop;

Id-divulgazzjoni

13.  Jenfasizza li d-divulgazzjoni hija kundizzjoni propizja essenzjali għall-finanzi sostenibbli; jilqa' l-ħidma tat-Task Force għad-Divulgazzjoni Finanzjarja relatata mal-Klima (TCFD) u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jissekondaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħha; jitlob l-inkorporazzjoni tal-kost tan-nuqqas ta' azzjoni dwar ir-riskji klimatiċi u ambjentali u dwar riskji oħrajn għas-sostenibilità fl-oqfsa tad-divulgazzjoni; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tinkludi d-divulgazzjoni proporzjonali u obbligatorja fil-qafas tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kontabilità, l-NFRD, id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital mill-2020, b'perjodu ta' traspożizzjoni li matulu l-kumpaniji jistgħu jħejju għall-implimentazzjoni; jinnota li l-Artikolu 173 tal-Abbozz ta' Liġi Franċiż dwar it-Tranżizzjoni tal-Enerġija diġà joffri mudell possibbli għar-regolamentazzjoni tad-divulgazzjoni obbligatorja tar-riskji għall-klima min-naħa tal-investituri; jitlob li jiġi kkunsidrat twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tal-NFRD; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li r-rekwiżiti tal-qafas ta' rappurtar għandhom ikun proporzjonati fir-rigward tar-riskji mġarrba mill-istituzzjoni, id-daqs u l-livell ta' kumplessità tagħha; jirrakkomanda li t-tip ta' divulgazzjoni meħtieġa attwalment skont ir-regolament PRIIPs u permezz tad-Dokument bl-Informazzjoni Ewlenija tiġi estiża għall-prodotti finanzjarji kollha għall-konsumatur;

Id-dmir fiduċjarju

14.  Jinnota li d-dmirijiet fiduċjarji diġà huma inkorporati fil-qafas regolatorju finanzjarju tal-UE, iżda jinsisti li għandhom jiġu ċċarati matul id-definizzjoni, l-istabbiliment u l-ittestjar ta' tassonomija sostenibbli, soda u kredibbli, filwaqt li jinkludu attivitajiet kruċjali ta' investiment, inklużi l-istrateġija ta' investiment, il-ġestjoni tar-riskju, l-allokazzjoni tal-assi, il-governanza u l-kunċett ta' "stewardship" għall-atturi kollha tul il-katina tal-investiment, inklużi l-maniġers tal-assi, il-konsulenti indipendenti tal-investiment u intermedjarji oħra; jirrakkomanda li d-dmir fiduċjarju għandu jitwessa' biex iħaddan proċess ta' integrazzjoni bidirezzjonali obbligatorju li abbażi tiegħu l-atturi kollha tul il-katina tal-investiment, inklużi l-maniġers tal-assi u l-konsulenti indipendenti tal-investimenti jew l-intermedjarji l-oħra tal-investimenti, huma obbligati jintegraw ir-riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza materjali mil-lat finanzjarju fid-deċiżjonijiet tagħhom, inkluża l-kost tan-nuqqas ta' azzjoni, kif ukoll iqisu l-preferenzi ambjentali, soċjali u ta' governanza materjali mil-lat mhux finanzjarju tal-klijenti u l-benefiċjarji, jew tal-investituri aħħarin finali, li għandhom jiġu mistoqsija b'mod proattiv dwar il-preferenzi tagħhom mil-lat ta' żmien u sostenibilità; jitlob li l-kost tan-nuqqas ta' azzjoni fir-rigward ir-riskji klimatiċi, ambjentali u ta' tip ieħor għas-sostenibilità ssir parti mill-ġestjoni tar-riskju u l-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta tal-bordjiet tal-kumpaniji u l-awtoritajiet pubbliċi, u parti mid-dmir fiduċjarju tal-investituri;

Mudelli ta' kuntratt għall-identifikazzjoni tal-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza

15.  Jistieden lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) jiżviluppaw linji gwida rigward il-mudelli ta' kuntratt bejn is-sidien tal-assi u l-maniġers tal-assi, il-konsulenti indipendenti tal-investiment u intermedjarji oħra tal-investiment li jkunu jinkorporaw b'mod ċar it-trażmissjoni tal-interess tal-benefiċjarju kif ukoll l-aspettattivi ċari għal dak li għandu x'jaqsam mal-identifikazzjoni u l-integrazzjoni tar-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza, bil-ħsieb li dawn ir-riskji jiġu evitati, mnaqqsa, mitigati u kkumpensati; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw l-allokazzjoni xierqa tar-riżorsi lill-ASE fil-kuntest tar-reviżjoni pendenti tar-regolamentazzjoni dwar l-ASE; jitlob sabiex l-kost tan-nuqqas ta' azzjoni fir-rigward tal-klima u riskji oħra tas-sostenibilità tiġi inkorporata fil-leġiżlazzjoni u l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-finanzjament futuri kollha tal-UE;

Stewardship

16.  Jitlob li l-kunċett ta' "stewardship" attiv u responsabbli jifforma parti integrali mid-dmirijiet ġuridiċi tal-investituri u li rendikont tal-attivitajiet relatati mal-kunċett ta' "stewardship" jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji u l-pubbliku permezz, fost l-oħrajn, tad-divulgazzjoni pubblika u obbligatorja tal-holdings ewlenin, tal-attivitajiet ta' impenn, tal-użu ta' konsulenti delegati u tal-użu ta' strumenti ta' investiment passivi; jirrakkomanda li l-fondi passivi, immexxija minn investimenti bbażati fuq l-indiċi, għandhom jiġu mħeġġa jiddivulgaw l-attivitajiet tagħhom ta' "stewardship" u dwar kemm l-użu ta' indiċizzazzjoni u parametri referenzjarji passivi jippermetti l-identifikazzjoni xierqa tar-riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza fid-destinatarji tal-investiment; iqis li l-fornituri tal-indiċi għandhom jintalbu jipprovdu d-dettalji tal-iskopertura tal-parametri referenzjarji użati b'mod estensiv u referenzjati għall-parametri klimatiċi u tas-sostenibilità;

Il-ħtieġa li jiġu żviluppati aktar rekwiżiti ta' rappurtar dwar il-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fil-qafas tal-NFRD

17.  Jinnota grad insuffiċjenti ta' konverġenza fir-rappurtar dwar il-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fil-qafas tal-NFRD u l-ħtieġa ta' armonizzazzjoni bil-għan li titrawwem aktar konsistenza, u biex tiġi definita l-aktar metrika ambjentali, soċjali u ta' governanza xierqa għad-divulgazzjoni, permezz ta' indikaturi ta' sostenibilità u effiċjenza fir-riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni toħloq grupp li jħaddan diversi partijiet ikkonċernati fil-livell tal-UE, li jkun jinkludi rappreżentanti tal-industrija tas-servizzi finanzjarji, tad-dinja akkademika u tas-soċjetà ċivili, biex tiġi vvalutata u proposta lista xierqa ta' metrika, inkluża lista ta' indikaturi li jkejlu l-impatt tas-sostenibilità u jkopru l-aktar riskji sinifikanti għas-sostenibilità; hu tal-fehma li riforma bħal din għandha tinkludi l-obbligu ta' rappurtar awditjat minn terzi;

Bonds ħodor

18.  Jinnota li l-bonds ħodor jirrappreżentaw frazzjoni biss mis-suq tal-investiment, u waħda li mhijiex regolata biżżejjed, u, minħabba f'hekk, hi parti mis-suq li hija suxxettibbli għar-riskju ta' kummerċjalizzazzjoni qarrieqa, u li l-UE bħalissa m'għandhiex standard unifikat għall-bonds ħodor, li għandu jkun ibbażat fuq it-tassonomija sostenibbli futura tal-UE; jinnota li tali bonds ħodor għandhom jiġu vverifikati u sorveljati mill-awtoritajiet pubbliċi u għandhom jinkludu rappurtar perjodiku dwar l-impatt ambjentali tal-assi sottostanti; jissottolinja li l-bonds ħodor għandhom jinkludu wkoll impatt ambjentali fid-direzzjoni opposta u jappoġġjaw tnaqqis fl-użu ta' assi ta' fjuwils fossili; jissottolinja li l-bonds ħodor għandhom jeskludu ċerti setturi – speċjalment b'rabta mal-attivitajiet li għandhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-klima – u m'għandhomx jiksru l-istandards soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem ewlenin; jissuġġerixxi li l-iżvilupp tal-istandard għal bond aħdar tal-UE għandu jseħħ bi trasparenza sħiħa ma' grupp ta' ħidma speċifiku tal-Kummissjoni li jkun soġġett għal skrutinju regolatorju mill-Parlament Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta b'mod regolari l-impatt, l-effikaċja u s-superviżjoni tal-bonds ħodor; jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm inizjattiva leġiżlattiva li tinċentiva, tippromwovi u tikkummerċjalizza ħruġ pubbliku Ewropew ta' bonds ħodor mill-istituzzjonijiet Ewropej eżistenti u futuri bħall-BEI u l-Fond Monetarju Ewropew, sabiex jiġu ffinanzjati investimenti sostenibbli ġodda;

L-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu

19.  Josserva li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu (CRAs) ma jintegrawx biżżejjed l-impatt tar-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza distruttivi fl-affidabilità kreditizja futura tal-emittenti; jappella għall-adozzjoni ta' standards tal-UE ċari u superviżjoni fir-rigward tal-integrazzjoni tal-indikaturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fil-klassifikazzjonijiet tal-aġenziji kollha ta' klassifikazzjoni tal-kreditu li joperaw fl-UE; jirrimarka li n-nuqqas ta' kompetizzjoni sottostanti fost dawn l-impriżi u l-enfasi ekonomika dejqa tagħhom għadhom ma ġewx indirizzati għalkollox; jappella għall-ħolqien ta' proċess ta' akkreditament għal "Tikketta għall-Finanzi Ekoloġiċi" min-naħa tal-aġenti taċ-ċertifikazzjoni taħt is-superviżjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA); jirrakkomanda li l-ESMA tiġi inkarigata biex tobbliga lis-CRAs jinkorporaw ir-riskji għas-sostenibilità fil-metodoloġiji tagħhom; billi dawn x'aktarx jimmanifestaw ruħhom fil-futur, jitlob lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tar-Regolament dwar is-CRAs; jenfasizza l-importanza ta' riċerka dwar is-sostenibilità mogħtija mill-indiċi tas-sostenibilità u l-aġenziji ta' klassifikazzjoni ambjentali, soċjali u ta' governanza billi din tipprovdi lill-atturi finanzjarji kollha bl-informazzjoni meħtieġa għad-dmir tar-rappurtar u d-dmir fiduċjarju tagħhom, fl-implimentazzjoni tal-bidla lejn sistema finanzjarja aktar sostenibbli;

Sistemi ta' tikkettar għas-servizzi finanzjarji

20.  Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni toħloq sistema ta' tikkettar vinkolanti u proporzjonata, li għandha tkun volontarja matul perjodu ta' tranżizzjoni, għall-istituzzjonijiet li joffru kontijiet bankarji għall-konsumatur, għall-fondi ta' investiment, għall-prodotti finanzjarji u tal-assigurazzjoni, li tindika kemm l-assi sottostanti huma f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-għanijiet ambjentali, soċjali u ta' governanza;

Il-mandat tal-ASE

21.  Biħsiebu jkompli jiċċara l-mandat tal-ASE u tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fil-kuntest tar-reviżjoni pendenti tar-regolamenti dwar l-ASE għall-inklużjoni u l-monitoraġġ tar-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza, biex b'hekk l-attivitajiet fis-swieq finanzjarji jsiru aktar konsistenti ma' objettivi sostenibbli; hu tal-fehma, f'dan ir-rigward, li l-ESMA għandha:

   tinkludi preferenzi dwar is-sostenibilità bħala parti mil-linji gwida tagħha dwar il-valutazzjoni tal-"adegwatezza", kif propost mill-Kummissjoni fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar il-Finanzi Sostenibbli u, b'mod aktar ġenerali, tipprovdi gwida dwar il-mod kif kunsiderazzjonijiet dwar is-sostenibilità jistgħu jiġu inkorporati b'mod effikaċi fil-leġiżlazzjoni finanzjarja rilevanti tal-UE, kif ukoll tippromwovi l-implimentazzjoni koerenti ta' dawn id-dispożizzjonijiet mal-adozzjoni;
   tistabbilixxi sistema ta' monitoraġġ superviżorju proporzjonata u – wara perjodu ta' tranżizzjoni – obbligatorja, għall-valutazzjoni tar-riskji u l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza materjali mill-2018 'il quddiem, flimkien ma' analiżi tax-xenarji tas-sostenibilità li tħares fil-bogħod;
   tingħata l-mandat li tivverifika l-allinjament tal-portafoll mar-riskji u l-fatturi tal-Ftehim ta' Pariġi u tiżgura l-konsistenza mar-rakkomandazzjonijiet tat-TCFD;

jissottolinja, f'dan il-kuntest, li l-ASE għandu jkollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji biex iwettqu l-missjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-ASE jikkooperaw mal-aġenziji u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti dwar dawn il-kwistjonijiet;

Ir-rwol tal-BEI fir-rigward tal-finanzi sostenibbli

22.  Jisħaq fuq ir-rwol eżemplari li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jaqdu sabiex jagħmlu l-finanzi sostenibbli; jinnota li għalkemm 26 % tal-finanzjament kollu tal-BEI jiffoka fuq l-azzjoni klimatika, u għalkemm il-BEI kien il-pijunier tas-suq tal-bonds ħodor fl-2007 u jinsab fit-triq it-tajba biex jissodisfa l-impenn li kien ħabbar f'dan ir-rigward, xorta għadu jiffinanzja proġetti b'livell għoli ta' karbonju u allura għad hemm lok għal titjib; iħeġġeġ lill-BEI, għaldaqstant, jadatta u jipprijoritizza s-self futur tiegħu b'tali mod li jkun kompatibbli mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-limitu klimatiku ta' 1,5 °C; jitlob tisħiħ u ribilanċjament fl-operazzjonijiet tas-self tal-BEI u fir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) biex ma jibqgħux isiru investimenti fi proġetti b'livell għoli ta' karbonju u tingħata prijorità lil proġetti ta' dekarbonizzazzjoni u effiċjenza fir-riżorsi flimkien ma' setturi innovattivi u impriżi immaterjali oħra; jissuġġerixxi li l-BEI jinsab f'pożizzjoni li jipprovdi aktar kapital tar-riskju għat-tranżizzjoni ekoloġika b'mod bilanċjat mil-lat reġjonali; huwa tal-fehma li għandhom jittieħdu aktar miżuri b'dik il-perspettiva, inkluż, fost l-oħrajn, f'interazzjoni ma' strumenti finanzjarji tal-UE fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss;

Ir-rwol tal-BĊE fir-rigward tal-finanzi sostenibbli

23.  Jirrikonoxxi li l-BĊE huwa indipendenti u li l-mandat primarju tiegħu hu li tinżamm l-istabilità tal-prezzijiet, iżda jfakkar li, bħala istituzzjoni tal-UE, il-BĊE hu marbut ukoll bil-Ftehim ta' Pariġi; jesprimi tħassib, għaldaqstant, dwar il-fatt li "62,1 % tax-xiri ta' bonds korporattivi tal-BĊE jsir f'setturi [...] li huma responsabbli għal 58,5 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fiż-żona tal-euro"(14) u jinnota li l-aktar li jibbenefikaw minn dan il-programm huma korporazzjonijiet kbar; jirrakkomanda li l-BĊE jqis espliċitament il-Ftehim ta' Pariġi u l-għanijiet ambjentali, soċjali u ta' governanza fil-linji gwida tiegħu dwar il-programmi ta' xiri; jissottolinja li dawn il-linji gwida jistgħu jservu ta' pilota għall-ħolqien ta' politika tal-investiment li tkun orjentata lejn il-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza u konsistenti ma' standards għoljin ta' tassonomija sostenibbli tal-UE;

Kwistjonijiet oħra

24.  Jissottolinja li offerta siewja ta' prodotti finanzjarji sostenibbli jista' jkollha wkoll effetti pożittivi fuq it-titjib tal-infrastruttura soċjali Ewropea mifhuma bħala s-sett ta' inizjattivi u proġetti li l-għan tagħhom hu li joħolqu valur pubbliku billi jagħtu spinta lill-investiment u l-innovazzjoni fis-setturi strateġiċi u kruċjali għall-benessri u r-reżiljenza tal-persuni u l-komunitajiet, bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni;

25.  Jilqa' l-ħidma tal-HLEG, li toffri pedamenti siewja għall-ħidma lejn standard ġdid għal settur finanzjarju sostenibbli; jinsisti, madankollu, fuq il-ħtieġa tal-involviment aktar attiv tas-settur bankarju, li minħabba d-dominanza tiegħu fix-xenarju finanzjarju Ewropew għadu essenzjali biex il-finanzi jsiru aktar sostenibbli;

26.  Jissottolinja li l-metodoloġija użata sabiex jiġi intraċċat l-infiq relatat mal-klima twassal għal inkonsistenza fil-programmi, filwaqt li tippermetti li proġetti b'benefiċċji ambjentali u klimatiċi dubjużi jikkwalifikaw bħala nefqa relatata mal-klima (pereżempju l-komponent ekoloġiku tal-politika agrikola komuni);

27.  Jenfasizza li l-parametri referenzjarji finanzjarji kollha li jintużaw b'mod estensiv ma jqisux il-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fil-metodoloġija tagħhom; jappella biex jiġi żviluppat parametru referenzjarju Ewropew wieħed jew aktar għas-sostenibilità, bl-użu tat-tassonomija tas-sostenibilità Ewropea, biex tkejjel il-prestazzjoni tal-emittenti Ewropej abbażi ta' riskji u fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza;

28.  Jitlob li jiġu analizzati u mħeġġa inizjattivi privati, bħall-proġett EeMAP dwar "ipoteki ekoloġiċi", sabiex jiġi vvalutat u jintwera f'liema kundizzjonijiet l-assi ekoloġiċi jistgħu jinvolvu tnaqqis tar-riskju għall-investimenti filwaqt li fl-istess ħin tittejjeb is-sostenibilità ambjentali;

29.  Jistieden lill-UE tippromwovi b'mod attiv l-inklużjoni tal-indikaturi tas-sostenibilità fil-qafas tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju fil-livell internazzjonali;

30.  Jenfasizza li l-governanza korporattiva għandha tippromwovi l-ħolqien ta' valur sostenibbli fit-tul pereżempju permezz ta' ishma ta' lealtà għall-azzjonisti f'terminu ta' żmien twil u billi tinkludi l-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza fil-pakketti ta' remunerazzjoni għad-diretturi u l-bord; jinnota li l-kjarifika tad-dmirijiet tad-diretturi f'dan ir-rigward tappoġġja lill-investituri sostenibbli fl-involviment tagħhom mal-bordijiet;

31.  Jitlob l-introduzzjoni ta' assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabilità ambjentali għall-attivitajiet kollha kummerċjali u pubbliċi bħala prekundizzjoni għall-ħruġ ta' permessi ta' awtorizzazzjoni;

32.  Jenfasizza li l-finanzjament sostenibbli jirrikjedi kjarifika tad-dmirijiet tad-diretturi tal-kumpaniji Ewropej rigward il-ħolqien ta' valur sostenibbli fit-tul, kwistjonijiet ambjentali, soċjali u ta' governanza, kif ukoll ir-riskji sistemiċi, bħala parti mid-dmir globali tad-diretturi li jippromwovu s-suċċess tal-kumpanija;

33.  Jistieden lill-awtoritajiet superviżorji Ewropej jifformulaw linji gwida għall-ġbir ta' statistika dwar l-identifikazzjoni tar-riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza u l-integrazzjoni tagħhom fil-finanzjament, u jitlob li l-istatistika tiġi ppubblikata kull meta jkun possibbli;

34.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali tas-swieq bankarji u finanzjarji jfasslu istruzzjonijiet ċari u konċiżi dwar kif it-tassonomija l-ġdida u bidliet oħra assoċjati ma' din il-leġiżlazzjoni jistgħu jiġu implimentati mingħajr ma dan jiġġenera spejjeż u dewmien li jistgħu jiġu evitati;

35.  Isostni l-fehma li l-miżuri ta' pprezzar jistgħu jagħtu kontribut kruċjali fl-eliminazzjoni tad-diskrepanza tal-finanzjament ta' EUR 180 biljun sabiex l-isforzi ta' dekarbonizzazzjoni tal-Ewropa jħallu l-frott, billi jittrasformaw l-investiment f'għanijiet sostenibbli fit-tul;

36.  Jinnota li l-SMEs sikwit jintesew f'diskussjonijiet li jikkonċernaw il-finanzi sostenibbli, minkejja n-natura innovattiva tagħhom; jinnota, f'dan il-kuntest, il-potenzjal kbir tad-diġitalizzazzjoni u l-FinTech ekoloġika; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tqis mekkaniżmi li jippermettu lill-SMEs jaggregaw proġetti sabiex dawn ikunu jistgħu jiksbu aċċess għas-suq tal-bonds ħodor;

37.  Jisħaq fuq l-importanza tal-komponent soċjali tal-finanzi sostenibbli; jinnota l-potenzjal tal-iżvilupp ta' strumenti finanzjarji ġodda ddedikati b'mod speċjali għal infrastrutturi soċjali, bħall-bonds soċjali, kif imħaddna mill-Prinċipji tal-Bonds Soċjali (SBP) 2017;

38.  Jenfasizza li l-identifikazzjoni, il-ġestjoni u d-divulgazzjoni ta' riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza huma parti integrali mill-protezzjoni tal-konsumaturi u l-istabilità finanzjarja u għalhekk għandhom jaqgħu taħt il-mandat u d-dmirijiet superviżorji tal-ASE; jitlob lill-BERS iwettaq b'mod proattiv riċerka dwar l-interazzjoni tal-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza u r-riskju sistemiku, lil hinn mit-tibdil fil-klima;

39.  Ifakkar li l-Parlament talab l-introduzzjoni ta' kont tat-tfaddil tal-UE għall-finanzjament tal-ekonomija ekoloġika fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2017 dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur;

40.  Jesiġi li l-infiq kollu futur tal-UE jrid ikun kompatibbli mal-Ftehim ta' Pariġi, bl-inklużjoni tal-objettivi relatati mad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija fl-istrumenti legali li jirregolaw l-operazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (inklużi l-fondi ta' koeżjoni), il-fondi għall-azzjoni esterna u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp u strumenti oħra lil hinn mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali bħall-FEIS;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju ta' fattibilità dwar kif is-superviżuri u r-regolaturi jistgħu jippremjaw aħjar il-mandati li jinkludu perspettivi fit-tul;

42.  Jistieden lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) tipprovdi l-aħjar prattika u linji gwida dwar kif il-fornituri ta' skemi ta' pensjoni okkupazzjonali u prodotti ta' pensjoni privata għandhom jinvolvu ruħhom mal-benefiċjarji fuq bażi prekuntrattwali u tul il-ħajja tal-investiment; jistieden lill-EIOPA tipprovdi linji gwida dwar l-aħjar prattika, bħall-Fond tar-Renju Unit tal-Aġenzija għall-Ambjent, fir-rigward tal-involviment mal-benefiċjarji u l-klijenti fil-livell tal-konsumatur u sabiex jiġu aċċertati l-interessi finanzjarji u mhux finanzjarji tagħhom;

43.  Jieħu nota tar-rakkomandazzjoni tal-HLEG fir-rigward ta' osservatorju tal-UE għall-finanzi sostenibbli, li għandu jinħoloq sabiex jintraċċa, jirrapporta u jiddivulga informazzjoni dwar investimenti sostenibbli tal-UE u li għandu jitwaqqaf mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent f'kooperazzjoni mal-ASE; jirrakkomanda, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-funzjoni eżemplari tal-Unjoni Ewropea, li dan l-osservatorju jaqdi wkoll rwol fl-intraċċar, l-appoġġ u d-divulgazzjoni ta' informazzjoni dwar l-investimenti sostenibbli tal-fondi tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE inklużi l-FEIS, il-BEI u l-BĊE; jitlob lill-osservatorju jirrapporta dwar l-attivitajiet tiegħu lill-Parlament;

44.  Jirrakkomanda li l-BEI jaħdem mal-parteċipanti ż-żgħar fis-suq u mal-kooperattivi tal-komunità biex jitwettaq ir-raggruppament ta' proġetti fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira sabiex dawn ikunu jistgħu jkunu eliġibbli għal finanzjament tal-BEI u bħala parti mill-programm ta' xiri mis-settur korporattiv;

45.  Jaqbel mal-HLEG li hu ta' importanza kbira li ċ-ċittadini tal-Ewropa jingħataw is-setgħa u jkunu involuti fi kwistjonijiet dwar il-finanzi sostenibbli; jissottolinja l-ħtieġa li jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tas-sostenibilità u jiġi promoss il-litteriżmu finanzjarju;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw il-koerenza tal-politiki bejn is-settur finanzjarju u s-settur mhux finanzjarju; ifakkar li politika finanzjarja sostenibbli jeħtieġ li tkun akkumpanjata b'għażliet ta' politika koerenti f'setturi oħra bħall-enerġija, it-trasport, l-industrija u l-agrikoltura;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport ta' progress regolari dwar il-kwistjonijiet koperti f'dan ir-riżoluzzjoni;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw l-influwenza tal-UE biex juru sens ta' tmexxija fir-rigward tal-finanzjament sostenibbli u jgħollu l-istandards tas-sostenibilità fil-finanzjament fil-livell globali, inkluż permezz ta' ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi, f'fora politiċi multilaterali bħan-NU, il-G7 u l-G20 u ta' dawk li jistabbilixxu standards internazzjonali, bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO);

o
o   o

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.
(2) ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1.
(3) ĠU L 132, 20.5.2017, p. 1.
(4) ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37.
(5) ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.
(6) ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35.
(7) ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1.
(8) L-Uffiċċju tan-NU għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri https://www.unisdr.org/files/46796_cop21weatherdisastersreport2015.pdf
(9) Testi adottati, P8_TA(2018)0039.
(10) Testi adottati, P8_TA(2018)0025.
(11) Testi adottati, P8_TA(2017)0428.
(12) ĠU C 75, 26.2.2016, p. 41.
(13) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 65.
(14) Sini Matikainen, Emanuele Campiglio u Dimitri Zenghelis, "The climate impact of quantitative easing" (L-impatt klimatiku ta' tnaqqis kwantitattiv), L-Istitut ta' Grantham dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent, Mejju 2017.


It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2017
PDF 373kWORD 61k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2017 (2018/2009(INI))
P8_TA(2018)0216A8-0161/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 6 u 7 tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 70, 85, 86, 258, 259 u 260 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tiegħu fil-qasam tal-istat tad-dritt u f'dak tal-ġustizzja,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta' April 2017 bit-titolu "It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2017" (COM(2017)0167),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2017 taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea bl-isem "The judicial system and economic development across EU Member States" ("Is-sistema ġudizzjarja u l-iżvilupp ekonomiku fl-Istati Membri kollha tal-UE")(1),

–  wara li kkunsidra l-Istħarriġ tal-2017 tal-Istitut għar-Riforma Legali tal-Kungress tal-Istati Uniti, (Institute for Legal Reform) bit-titolu "The Growth of Collective Redress in the EU" ("It-Tkabbir tar-Rimedju Kollettiv fl-UE")(2),

–  wara li kkunsidra l-Bażi tad-Data bl-Istatistika dwar il-Ġeneri tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE)(3),

–  wara li kkunsidra r-rapporti li għamlet il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta' Venezja), b'mod partikolari l-Lista tal-Kriterji tal-Istat tad-Dritt(4) tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar l-evalwazzjoni tal-ġustizzja fir-rigward tal-ġustizzja kriminali u l-istat tad-dritt(5),

–  wara li kkunsidra l-"Comparative study on access to justice in gender equality and anti-discrimination law"("Studju komparattiv dwar l-aċċess għall-ġustizzja fil-liġi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u kontra d-diskriminazzjoni") tal-2011 ta' Milieu(6),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-imħallfin: l-indipendenza, l-effiċjenza u r-responsabiltajiet (judges: independence, efficiency and responsibilities) (CM/Rec(2010)12)(7),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2017 tad-Dipartiment Tematiku tad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament Ewropew bit-titolu "Mapping the Representation of Women and Men in Legal Professions Across the EU" ("L-Immappjar tar-Rappreżentanza tan-Nisa u l-Irġiel fil-Professjonijiet Legali Madwar l-UE")(8),

–  wara li kkunsidra r-rapporti ta' evalwazzjoni annwali dwar is-sistemi ġudizzjarji Ewropej imfassla mill-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (CEPEJ) tal-Kunsill tal-Ewropa(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0161/2018),

A.  billi sistemi ġudizzjarji indipendenti, effiċjenti u ta' kwalità huma essenzjali għar-rispett tal-istat tad-dritt, il-ġustizzja fi proċedimenti ġudizzjarji u l-fiduċja taċ-ċittadini u tan-negozji fl-ordinament ġuridiku, billi jiżguraw li l-individwi u n-negozji jistgħu jgawdu b'mod sħiħ id-drittijiet tagħhom; billi sistema ġudizzjarja effettiva hija inseparabbli mill-indipendenza ġudizzjarja, u tappoġġa t-tkabbir ekonomiku, tiddefendi d-drittijiet fundamentali u tirfed l-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-Unjoni; billi l-ġustizzja hija valur fiha nnifisha u minnha nnifisha, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja u r-rispett tad-dritt ta' proċess ġust;

B.  billi l-Kummissjoni ppubblikat It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2017, li hija għodda informattiva, komparattiva mhux vinkolanti li fil-prinċipju tivvaluta l-effikaċja, l-indipendenza u l-kwalità tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, bil-għan li jiġi ddeterminat kwalunkwe nuqqas, jiġu identifikati prattika tajba u progress u jiġu ddefiniti aħjar il-politiki tal-ġustizzja tal-Istati Membri, filwaqt li tiffoka għal dak il-għan fuq il-parametri tas-sistemi ġudizzjarji li jikkontribwixxu għal titjib fil-klima tan-negozju, tal-investiment u tal-konsumatur fl-Unjoni;

C.  billi l-ħames Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tanalizza b'mod partikolari, kwistjonijiet relatati mal-aċċess pubbliku għall-proċedimenti ġudizzjarji, l-indipendenza tal-ġudikatura kif meqjus mill-individwi u mis-settur tan-negozju, l-użu attwali tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) fis-sistema ġudizzjarja u l-operat tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali f'oqsma speċifiċi relatati mas-suq uniku u mas-settur tan-negozju, filwaqt li tagħti wkoll ħarsa ġenerali inizjali lejn il-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji kriminali nazzjonali fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE kontra l-ħasil tal-flus;

D.  billi t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2017 ma tippreżentax klassifikazzjoni ġenerali tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali u m'għandhiex il-ħsieb li tpoġġi sistema qabel oħra;

E.  billi, min-naħa l-oħra, it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja għandha tkun manwal utli li joffri ħarsa ġenerali tal-aħjar prattiki li għandhom jintużaw mill-Istati Membri fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, kummerċjali u amministrattiva;

F.  billi ħafna data li tirrigwarda ċerti Stati Membri għadha mhijiex disponibbli; billi hemm diskrepanzi fil-kwantità u fil-kontenut speċifiku tad-data pprovduta minn ċerti Stati Membri;

G.  billi t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja 2017 tiffoka prinċipalment fuq il-ġustizzja ċivili, kummerċjali u amministrattiva, iżda tippreżenta wkoll ħarsa ġenerali tal-bidu lejn il-funzjonament tas-sistemi nazzjonali meta japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-UE ta' kontra l-ħasil tal-flus fil-ġustizzja kriminali;

H.  billi dan l-eżerċizzju mhux vinkolanti għandu l-merti li jidentifika xejriet kemm pożittivi kif ukoll negattivi u li joffri forum għat-tagħlim tal-pari u għall-iskambju tal-aqwa prattiki madwar l-Unjoni sabiex jippromwovi u jiggarantixxi l-konformità mal-istat tad-dritt;

I.  billi l-għoti ta' informazzjoni dwar is-sistema ġudizzjarja b'mod li jkun faċli għall-utent huwa prerekwiżit għall-aċċess għall-ġustizzja;

J.  billi s-sistemi ġudizzjarji għandhom jiġu adattati biex jilqgħu għall-isfidi l-ġodda li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE;

Osservazzjonijiet ġenerali

1.  Jissottolinja li l-ġustizzja tafferma l-istat tad-dritt fis-soċjetà u tiżgura d-dritt ta' kulħadd għal proċess ġust minn qorti indipendenti u imparzjali; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe riforma tal-ġustizzja tiddefendi l-istat tad-dritt u tikkonforma mal-istandards tal-UE dwar l-indipendenza ġudizzjarja; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tkompli timmonitorja r-riformi ġudizzjarji nazzjonali fil-qafas tas-Semestru Ewropew, li jutilizza wkoll informazzjoni mit-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE; jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji ġodda bil-għan li tivvaluta aħjar il-konformità tas-sistemi ġudizzjarji mal-istat tad-dritt, billi tibbaża ruħha b'mod partikolari fuq il-Lista tal-Kriterji tal-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni ta' Venezja;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor informazzjoni aktar preċiża dwar il-mod kif qed jiġi ttrattat il-ksur tal-istat tad-dritt u t-theddidiet kontra d-drittijiet fundamentali, inklużi l-korruzzjoni, id-diskriminazzjoni u l-ksur kontra l-privatezza, il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon, tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni;

3.  Ifakkar fit-talba li saret fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni li tressaq proposta għall-konklużjoni ta' Patt tal-Unjoni għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali (Patt tal-UE għad-DRF); jistieden lill-Kummissjoni tiġbor flimkien ir-rapporti eżistenti, inkluża t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja, sakemm jiġi adottat il-Patt tal-UE għad-DRF);

4.  Jieħu nota tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2017 b'interess kbir u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi aktar dan l-eżerċizzju b'konformità mat-Trattati u b'konsultazzjoni mal-Istati Membri;

5.  Jenfasizza li l-ħolqien ta' Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja separata fi kwistjonijiet kriminali se jservi ta' kontribut fundamentali għall-ħolqien ta' fehim komuni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja kriminali fost l-imħallfin u l-prosekuturi, u għaldaqstant isaħħaħ il-fiduċja reċiproka;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u jidhirlu li l-inklużjoni ta' din il-kwistjoni fit-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja hija prijorità;

7.  Jappoġġja l-għan ta' dan l-iskambju u jenfasizza li sistema ġudizzjarja indipendenti, effiċjenti, ta' kwalità għolja tista' tagħti lin-negozji inċentivi biex jiżviluppaw u jinvestu fil-livell nazzjonali u f'dak transfruntier, filwaqt li fl-istess ħin tipproteġi d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, u tinforza d-drittijiet tal-konsumaturi u tal-ħaddiema, u b'hekk tagħti spinta lill-kontribut ekonomiku tagħhom;

8.  Jinnota l-importanza tal-valurireferenzjarji ġudizzjarji għall-fiduċja reċiproka transfruntiera, għall-kooperazzjoni effettiva bejn l-istituzzjonijiet tal-ġustizzja u għall-ħolqien ta' spazju ġudizzjarju komuni u kultura ġudizzjarja Ewropea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tkompli tiżviluppa indikaturi konkreti biex tivvaluta, fil-prattika, ir-rispett tal-valuri tal-UE bħalma hu l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali;

9.  Jemmen li tqabbil bħal dan jeħtieġ li jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u evidenza li tkun ikkompilata, imqabbla u analizzata b'mod preċiż filwaqt li jitqiesu l-oqfsa kostituzzjonali u legali individwali; jenfasizza kemm hu importanti li tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-Istati Membri kollha meta jkunu qed jiġu vvalutati b'mod imparzjali s-sistemi ġudizzjarji tagħhom;

10.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tivvaluta, għall-ewwel darba, ċerti aspetti tal-ġustizzja kriminali relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipprovdu data dwar it-tul tal-proċeduri ġudizzjarji f'dan il-qasam, bil-ħsieb tad-dħul fis-seħħ tar-Raba', u aktar 'il quddiem, tal-Ħames Direttiva dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus;

11.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tippreżenta data li tista' titkejjel u biex tislet konklużjonijiet konkreti dwar kif l-Istati Membri tejbu jew għad jistgħu jtejbu l-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom, b'mod speċjali fir-rigward tal-istatus u l-ħatra tal-imħallfin, l-indipendenza tagħhom u l-bilanċ bejn is-sessi; jirrimarka li l-lakuna li hemm fid-data kompliet tonqos, b'mod partikolari għall-indikaturi relatati mal-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji; jiddispjaċih, madankollu, li għad hemm każijiet fejn, għalkemm applikabbli jew disponibbli, l-ebda data ma ġiet ipprovduta minn xi Stati Membri għal ċerti kategoriji; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jagħmlu d-data komparabbli u biex jikkollaboraw bis-sħiħ mal-Kummissjoni billi jagħtu d-data mitluba; jenfasizza li l-Istati Membri jeħtiġilhom inaqqsu l-lakuna li hemm fid-data bil-għan li jilħqu l-prijoritajiet tagħhom għal sistemi tal-ġudizzjarji effiċjenti; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea għall-Effikaċja tal-Ġustizzja (CEPEJ) mal-Kummissjoni, speċjalment permezz tal-grupp informali ta' esperti nazzjonali mill-Ministeri u mis-sistemi ġudizzjarji rispettivi, sabiex jimlew il-lakuni li għad fadal fid-data taħt xi kategoriji tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw mill-qrib ir-riżultati tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2017 u jiddeterminaw x'lezzjonijiet jeħtieġ jitgħallmu minnha u jikkunsidraw jekk għandhomx jiġu adottati miżuri nazzjonali sabiex titranġa kwalunkwe irregolarità li tirrigwarda l-kwalità, l-effiċjenza u l-indipendenza tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom;

13.  Jinnota li ħafna mill-Istati Membri żammew l-isforzi tagħhom sabiex itejbu l-effettività tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom permezz tal-introduzzjoni ta' riformi; jilqa' l-fatt li tħabbar għadd sinifikanti ta' riformi ġodda fir-rigward tal-għajnuna legali, metodi ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (alternative dispute resolution - ADR), l-ispeċjalizzazzjoni tal-qrati u l-mapep ġudizzjarji;

Effiċjenza

14.  Jenfasizza l-importanza ta' proċedimenti effiċjenti u f'waqthom skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; jenfasizza, barra minn hekk, kemm huma importanti li l-proċedimenti jsiru malajr u b'mod effiċjenti fi kwistjonijiet ta' ħarsien tal-konsumatur, drittijiet tal-proprjetà intellettwali u privatezza tad-data; jinnota bi tħassib li tali proċedimenti damu żżejjed f'xi Stati Membri; jindika li l-fatt li jkun hemm għadd kbir ta' każijiet pendenti jista' jwassal ukoll biex iċ-ċittadini u n-negozji jkollhom inqas rieda li jafdaw fis-sistema ġudizzjarja, filwaqt li l-fiduċja hija l-ġebla tax-xewka tar-rispett tal-istat tad-dritt;

15.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinvestu fl-użu u fl-iżvilupp kontinwu ta' għodod tal-ICT fis-sistemi ġudizzjarji tagħhom, fi sforz biex dawn isiru aktar aċċessibbli, aktar komprensibbli u aktar faċli biex jintużaw miċ-ċittadini kollha tal-UE, b'mod speċjali dawk b'xi forma ta' diżabilità u l-gruppi vulnerabbli, inklużi l-minoranzi nazzjonali u/jew il-migranti; jenfasizza l-benefiċċju li għandhom is-sistemi tal-ICT għall-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell nazzjonali fit-tnaqqis tal-ispejjeż għall-partijiet ikkonċernati kollha involuti, kif ukoll f'dawk li huma t-titjib tal-effiċjenza u l-kwalità ġenerali tas-sistemi ġudizzjarji, pereżempju permezz tat-tressiq elettroniku tal-pretensjonijiet, il-possibilità li proċedimenti jiġu monitorjati u mwettqa online u l-komunikazzjoni elettronika bejn il-qrati u l-avukati; jiddispjaċih għall-fatt li s'issa mkien fl-UE kollha għadu ma ntlaħaq il-potenzjal sħiħ tas-sistemi tal-ICT; jilqa' t-trasparenza fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rigward il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati; jenfasizza li d-disponibilità tal-informazzjoni online b'mod li jkun faċli għall-utent tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex il-ġustizzja tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini u n-negozji; jistieden lill-Istati Membri jippubblikaw online id-deċiżjonijiet kollha tal-qrati peress li dan se jgħin liċ-ċittadini u lin-negozji jsiru aktar familjari mas-sistema ġudizzjarja kif ukoll jagħmilha iktar trasparenti; Jinnota barra minn hekk li dan jista' jiffaċilita l-konsistenza tal-ġurisprudenza;

16.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-ambitu tat-taħriġ offrut lill-imħallfin jiġi intensifikat u diversifikat, għaliex dan huwa wkoll bażi għal sistema ġudizzjarja effiċjenti, indipendenti u imparzjali; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li jingħata taħriġ fl-oqsma tar-rwoli, in-normi u l-istereotipi tas-sessi, l-etika ġudizzjarja, il-ħiliet tal-IT, il-ġestjoni ġudizzjarja, il-medjazzjoni, u l-komunikazzjoni mal-partijiet u mal-istampa; jenfasizza barra minn hekk l-importanza ta' taħriġ adegwat fid-dritt tal-UE u fl-istrutturi ta' kooperazzjoni differenti tal-UE, bħalma hi l-Eurojust; jinnota li oqsma speċifiċi tad-dritt tal-UE, bħalma hi l-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u l-privatezza, jistgħu jeħtieġu fehim mhux biss tal-liġi iżda tal-iżviluppi teknoloġiċi wkoll; jinnota li l-ispeċjalizzazzjoni tal-imħallfin u tal-qrati tidher li għandha effett pożittiv fuq l-effiċjenza kif ukoll fuq il-kwalità tas-sistemi ġudizzjarji; jitlob lill-Kummissjoni tkompli teżamina din il-kwistjoni fl-eżerċizzju tas-sena d-dieħla; jissottolinja li huwa meħtieġ taħriġ kontinwu u sistematiku tal-imħallfin u ta' esperti legali oħra sabiex jiġu żgurati l-applikazzjoni koerenti u ta' kwalità għolja tad-dritt tal-Unjoni u l-infurzar effiċjenti tagħha; jistieden lill-Istati Membri jinvestu aktar fl-iżvilupp tat-taħriġ ġudizzjarju u fl-edukazzjoni kontinwa għall-professjonisti fil-qasam tal-ġustizzja, bħalma huma l-imħallfin, inkluż fi Stati Membri oħra, bil-għan li jiġu skambjati l-esperjenzi u l-aħjar prattiki;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jappoġġjaw l-iżvilupp ulterjuri tal-medjazzjoni fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta b'mod sistematiku l-impatti tal-medjazzjoni fis-sistemi ġudizzjarji tal-UE;

Kwalità

18.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-proċeduri ta' rimedju kollettiv mal-eżerċizzju komparattiv tas-sena d-dieħla dwar il-fatturi ta' aċċessibilità tas-sistemi ġudizzjarji, peress li jemmen li l-aċċess għall-ġustizzja u għar-riżoluzzjoni effiċjenti tat-tilwim huwa ta' importanza ewlenija; iqis li dawn il-proċeduri huma għodda mill-akbar sabiex jissaħħaħ il-ħarsien tal-konsumatur, tal-ambjent u tas-saħħa fl-UE kollha kemm hi, f'oqsma fejn għadd kbir ta' rikorrenti huma affettwati direttament; iqis li l-proċeduri ta' rimedju kollettiv jiffaċilitaw l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja u għas-soluzzjoni effiċjenti tat-tilwim u konsegwentement jeliminaw l-ostakli mhux raġonevoli, b'mod partikolari għaċ-ċittadini li jgħixu taħt is-soll tal-faqar jew li jkunu involuti f'każijiet b'dimensjoni transfruntiera;

19.  Jinnota li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrikjedu lill-partijiet iħallsu onorarju tal-qorti meta jkunu qed jagħtu bidu għal proċedimenti legali; jenfasizza li d-disponibilità tal-għajnuna legali u l-livell tal-onorarji tal-qrati għandhom impatt ewlieni fuq l-aċċess għall-ġustizzja, li hu dritt fundamentali fl-UE, b'mod partikolari għaċ-ċittadini li qed jgħixu fil-faqar, u jissottolinja r-rwol tal-għajnuna legali biex jiġi ggarantit li l-partijiet aktar dgħajfa jistgħu jkollhom aċċess għall-ġustizzja b'kundizzjonijiet indaqs; jenfasizza li l-għajnuna legali għall-konsumaturi li jgħixu taħt is-soll tal-faqar tibqa' fattur ta' bbilanċjar essenzjali; jirrimarka li d-diffikultà biex tinkiseb għajnuna legali tista' tkun deterrent mill-akbar fejn l-onorarji tal-qorti u/jew l-onorarji legali jirrappreżentaw sehem sinifikanti tal-valur tal-pretensjoni; iqis li l-għajnuna legali għandha jkollha rabta mas-soll tal-faqar fl-Istati Membri; isostni li l-ispejjeż legali għandhom, b'mod ġenerali, ikomplu jitnaqqsu, pereżempju, billi jsir użu ta' portali elettroniċi nazzjonali tal-ġustizzja elettronika; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-faċilità tal-użu tal-informazzjoni online għall-utent ħalli jippermettu liċ-ċittadini jsiru jafu jekk ikunux eliġibbli għall-għajnuna legali, inkluża informazzjoni online aċċessibbli għall-persuni b'vista batuta;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi, qabel l-għeluq tal-eżerċizzju tas-sena d-dieħla, indikatur ġdid dwar l-aċċess għall-ġustizzja għal kwalunkwe grupp li jista' possibilment ikun sottoprivileġġjat jew qed isofri diskriminazzjoni, ħalli jiġu identifikati l-ostakli li jista' jkun hemm;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati d-disparitajiet li għadhom jeżistu fil-bilanċ bejn is-sessi u l-lakuni konsiderevoli li għad hemm fil-proporzjonijiet fost l-imħallfin, jiġifieri fil-qrati ta' istanza ogħla / qrati supremi, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE; jinnota, b'dispjaċir, l-iżvilupp negattiv riċenti fil-proporzjon ta' mħallfin professjonali nisa f'xi Stati Membri;

22.  Jenfasizza li għad hemm ħafna xi jsir f'dik li hi ugwaljanza bejn is-sessi fil-professjonijiet ġudizzjarji madwar l-Ewropa, b'mod speċjali fl-aċċess għall-maġistratura, f'dawk li huma stereotipi tas-sessi, trasparenza fil-ħatriet, rikonċiljazzjoni bejn ir-responsabilitajiet tax-xogħol u dawk mhux tax-xogħol jew l-eżistenza ta' prattiki ta' gwida minn mentor; jenfasizza d-diskrepanza ċara li hemm bejn il-proporzjon ta' professjonisti nisa fil-livelli aktar baxxi tal-ġudikatura (inklużi uffiċjali mhux ġudizzjarji) u tal-qrati superjuri u tal-prosekuzzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jidderieġu l-isforzi tagħhom, b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, lejn in-nisa li jinsabu fil-professjonijiet ġuridiċi, u jinkoraġġixxu attitudni pożittiva lejn l-imħallfin nisa;

23.  Ifakkar fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-2015 tal-Parlament Ewropew u mill-Kunsill(10) li tiddikjara li l-Istati Membri għandhom, kemm jista' jkun possibbli u fid-dawl tal-objettiv li tintlaħaq l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa stabbilit fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jiżguraw preżenza indaqs ta' nisa u rġiel meta jkunu qed jaħtru kandidati bħala mħallfin fil-Qorti Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu eżempju tajjeb f'dan ir-rigward;

24.  Jenfasizza li, filwaqt li iktar minn nofs l-Istati Membri żiedu n-nefqa tagħhom fuq is-sistema ġudizzjarja għal kull abitant fl-2015, id-determinazzjoni tar-riżorsi finanzjarji għadha fil-biċċa l-kbira msejsa fuq l-ispejjeż storiċi minflok li huma msejsa fuq il-piż tax-xogħol attwali jew fuq l-għadd ta' talbiet tal-qorti;

25.  Jilqa' l-użu akbar ta' mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, b'mod partikolari dak tal-pjattaforma Ewropea għas-soluzzjoni online għat-tilwim (ODR) għall-konsumaturi u n-negozjanti;

26.  Jieħu nota tan-nuqqas ta' data disponibbli fil-qasam tal-kwistjonijiet matrimonjali u l-kwistjonijiet ta' responsabilità tal-ġenituri; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tinkludi tali data fit-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE meta din issir disponibbli mill-Istati Membri, possibilment bħala objettiv ta' nofs it-terminu li għandu jiddaħħal fis-seħħ wara li jitlesta r-rieżami tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabilità tal-ġenituri;

Indipendenza

27.  Jissottolinja li l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza huma elementi fundamentali għal sistema ġudizzjarja effettiva, li min-naħa tagħha hija ċentrali għall-istat tad-dritt, għall-ġustizzja tal-proċedimenti ġudizzjarji u għall-fiduċja taċ-ċittadini u tan-negozji fl-ordinament ġuridiku; jenfasizza, barra minn hekk, li l-indipendenza tal-ġudikatura hija parti integrali mid-demokrazija; iqis li sistema ġudizzjarja indipendenti tiddependi, minn naħa, min-nuqqas ta' indħil jew pressjoni mill-gvernijiet u l-politiċi jew minn partijiet b'interessi ekonomiċi speċifiċi u, min-naħa l-oħra, mill-garanziji effettivi pprovduti mill-istatus u l-pożizzjoni tal-imħallfin kif ukoll mis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom; jenfasizza li trid tiġi żgurata biżżejjed awtonomija sabiex l-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni jiġu protetti minn influwenza politika mhux xierqa; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tinkludi fil-parti tat-Tabella ta' Valutazzjoni taqsima ddedikata għall-istatus tal-prosekuturi pubbliċi u għall-awtonomija tagħhom; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta s-salvagwardji legali għall-indipendenza ġudizzjarja, inkluż b'kooperazzjoni man-netwerks tal-Qrati Supremi u tal-Kunsilli tal-Ġudikatura;

28.  Jirrimarka l-importanza ta' mekkaniżmi imparzjali, jiġifieri ħielsa mid-diskrezzjoni eżekuttiva arbitrarja, u komprensivi għall-ħatra, l-evalwazzjoni, it-trasferiment jew it-tkeċċija tal-imħallfin;

o
o   o

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/bitstream/JRC104594/jrc104594__2017_the_judicial_system_and_economic_development_across_eu_member_states.pdf
(2) http://www.instituteforlegalreform.com/uploads/sites/1/The_Growth_of_Collective_Redress_in_the_EU_A_Survey_of_Developments_in_10_Member_States_April_2017.pdf
(3) http://eige.europa.eu/gender-statistics/dgs
(4) http://www.venice.coe.int/webforms/documents/default.aspx?pdffile=CDL-AD(2016)007-e
(5) ĠU C 378, 9.11.2017, p. 136.
(6) Milieu Ltd (2011), ‘Comparative study on access to justice in gender equality and anti-discrimination law' ("Studju komparattiv dwar l-aċċess għall-ġustizzja fil-liġi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u kontra d-diskriminazzjoni"), Rapport ta' Sinteżi, DĠ Ġustizzja tal-Kummissjoni Ewropea, Brussell.
(7) https://wcd.coe.int/ViewDoc.jsp?p=&Ref=CM/Rec(2010)12&Language=lanEnglish&Ver=original&BackColorInternet=C3C3C3&BackColorIntranet=EDB021&BackColorLogged=F5D383&direct=true
(8) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/596804/IPOL_STU(2017)596804_EN.pdf.
(9) https://www.coe.int/t/dghl/cooperation/cepej/evaluation/default_en.asp
(10) ĠU C 436, 24.12.2015, p. 1.

Avviż legali