Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 30 ta' Mejju 2018 - StrasburguVerżjoni finali
Mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE biex tingħata assistenza lill-Greċja, lil Spanja, lil Franza u lill-Portugall
 Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 1/2018 li jakkumpanja l-proposta dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE biex tingħata assistenza lill-Greċja, lil Spanja, lil Franza u lill-Portugall
 Protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping u importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-UE ***II
 Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2018/000 TA 2018 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni
 Qamħirrum ġenetikament modifikat GA21 (MON-ØØØ21-9)
 Qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 × 59122 × MON 810 × NK603, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi 1507, 59122, MON 810 u NK603
 Konformità tal-prodotti tas-sajd mal-kriterji ta' aċċess għas-suq tal-UE
 Il-ġejjieni tal-ikel u tal-biedja
 L-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet
 Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji
 Il-Libja
 Rapport annwali dwar il-Funzjonament taż-Żona Schengen
 Standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità
 Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni

Mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE biex tingħata assistenza lill-Greċja, lil Spanja, lil Franza u lill-Portugall
PDF 134kWORD 46k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Greċja, lil Spanja, lil Franza u lill-Portugall (COM(2018)0150 – C8-0039/2018 – 2018/2029(BUD))
P8_TA(2018)0217A8-0175/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0150 – C8-0039/2018),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0175/2018),

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni bħala sinjal ta' solidarjetà tal-Unjoni maċ-ċittadini tal-Unjoni u mar-reġjuni milquta minn diżastri naturali;

2.  Jiddispjaċih dwar l-għadd ta' ħajjiet li ntilfu f'diżastri naturali fl-Unjoni matul l-2017; jappella lill-Istati Membri biex jinvestu fil-prevenzjoni ta' katastrofi permezz tal-mobilizzazzjoni tal-mezzi neċessarji u l-użu tal-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej biex fil-futur jiġi evitat aktar telf ta' ħajjiet;

3.  Jappoġġa lill-Istati Membri li jużaw il-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej għar-rikostruzzjoni tar-reġjuni milquta; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa u tapprova b'mod rapidu r-riallokazzjoni finanzjarja tal-ftehimiet ta' sħubija mitluba mill-Istati Membri għal dan il-għan;

4.  Jappella lill-Istati Membri biex jużaw il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) b'mod trasparenti u b'hekk tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta fir-reġjuni kollha milquta;

5.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Mekkaniżmu ġdid tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili bħala mezz ta' prevenzjoni u azzjoni f'sitwazzjonijiet ta' diżastri naturali; jemmen li l-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili jirrappreżenta r-realizzazzjoni tas-solidarjetà fl-Unjoni, f'konformità mal-FSUE; ifakkar, f'dan il-kuntest, li huwa importanti li jinżammu l-kundizzjonijiet partikolari ta' aċċess għall-FSUE għar-reġjuni ultraperiferiċi, biex ikunu jistgħu jilqgħu għal-livell għoli ta' espożizzjoni li għandhom għad-diżastri naturali; jappella wkoll biex, f'sitwazzjonijiet fejn il-ġbir tal-informazzjoni jkun diffiċli u skont il-gravità tal-fenomenu klimatiku, ikun hemm aktar flessibbiltà fl-iskadenzi għat-tressiq ta' talbiet għall-mobilizzazzjoni u għall-utilizzazzjoni tal-fondi mill-FSUE;

6.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Greċja, lil Spanja, lil Franza u lill-Portugall

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2018/846.)

(1) ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 1/2018 li jakkumpanja l-proposta dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE biex tingħata assistenza lill-Greċja, lil Spanja, lil Franza u lill-Portugall
PDF 127kWORD 49k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2018 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018 li jakkumpanja l-proposta biex jiġi mobilizzat il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Greċja, lil Spanja, lil Franza u lill-Portugall (08109/2018 – C8-0181/2018 – 2018/2030(BUD))
P8_TA(2018)0218A8-0176/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, adottat b'mod definittiv fit-30 ta' Novembru 2017(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3) (ir-Regolament dwar il-QFP),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 1/2018, adottat mill-Kummissjoni fit-22 ta' Frar 2018 (COM(2018)0155),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2018 adottata mill-Kunsill fl-14 ta' Mejju 2018 u li ntbagħat lill-Parlament fl-istess jum (08109/2018 – C8-0181/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0176/2018),

A.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2018 ikopri l-mobilizzazzjoni proposta tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Greċja wara t-terremoti f'Lesbos, lil Franza wara l-uragan f'Saint-Martin u Guadeloupe, kif ukoll lill-Portugall u lil Spanja wara n-nirien fil-foresti li seħħew f'Centro u fil-Galicia matul l-2017,

B.  billi għaldaqstant il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li temenda l-baġit tal-Unjoni 2018 u li żżid il-linja baġitarju 13 06 01 "Għajnuna għall-Istati Membri fil-każ ta' diżastru naturali kbir b'riperkussjonijiet serji fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien, l-ambjent naturali jew l-ekonomija" b'EUR 97 646 105 kemm f'approprjazzjonijiet ta' impenn u kemm f'approprjazzjonijiet ta' pagament;

C.  billi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea huwa strument speċjali skont id-definizzjoni fir-Regolament dwar il-QFP u l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament korrispondenti ser jiġu bbaġitjati oltre l-limiti massimi tal-QFP;

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2018;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 1/2018 ġie adottat b'mod definittiv u jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 57, 28.02.2018.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.


Protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping u importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-UE ***II
PDF 124kWORD 48k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (05700/1/2018 – C8-0168/2018 – 2013/0103(COD))
P8_TA(2018)0219A8-0182/2018

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (05700/1/2018 – C8-0168/2018),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(1) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0192),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 67a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0182/2018),

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 443, 22.12.2017, p. 934.


Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2018/000 TA 2018 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni
PDF 151kWORD 56k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2018/000 TA 2018 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) (COM(2018)0165 – C8-0131/2018 – 2018/2048(BUD))
P8_TA(2018)0220A8-0172/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0165 – C8-0131/2018),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2017/000 TA 2017 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)(4),

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0172/2018),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ internazzjonali jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin ir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill li jerġa' jiġi introdott il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispiża totali stmata tal-miżuri proposti, li tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet tal-FEG mill-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, li l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jiġu estiżi għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u li jiġu ffinanzjati inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi l-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG huwa ta' EUR 150 miljun (fi prezzijiet tal-2011) u billi l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG jiddikjara li 0,5 % ta' dan l-ammont (jiġifieri EUR 861 515 fl-2018) jista' jsir disponibbli għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, sabiex jiffinanzja l-preparazzjoni, il-monitoraġġ, il-ġbir ta' data u l-ħolqien ta' bażi ta' għarfien, l-appoġġ amministrattiv u tekniku, attivitajiet ta' tagħrif u komunikazzjoni, kif ukoll l-attivitajiet ta' awditjar, kontroll u evalwazzjoni meħtieġa biex jiġi implimentat ir-Regolament dwar il-FEG;

E.  billi l-Parlament Ewropew issottolinja b'mod ripetut il-ħtieġa li jittejbu l-valur miżjud, l-effiċjenza u l-impjegabbiltà tal-benefiċjarji tal-FEG bħala strument ta' appoġġ min-naħa tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;

F.  billi l-ammont propost ta' EUR 345 000 jikkorrispondi għal madwar 0,2 % tal-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2018;

1.  Jaqbel mal-miżuri proposti mill-Kummissjoni li għandhom jiġu ffinanzjati bħala għajnuna teknika skont l-Artikolu 11(1) u (4) kif ukoll skont l-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament dwar il-FEG;

2.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-monitoraġġ u l-ġbir ta' data; ifakkar fl-importanza ta' sensiela ta' statistika robusta miġbura fil-forma xierqa li tkun faċilment aċċessibbli u komprensibbli; jilqa' l-ħruġ ippjanat futur tar-Rapporti Biennali tal-2019 u jitlob li dawk ir-rapporti jiġu distribwiti pubblikament u b'mod wiesa' madwar l-Unjoni kollha;

3.  Ifakkar fl-importanza ta' sit web speċifiku għall-FEG li jeħtieġ li jkun aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni u jappella għal viżibbiltà akbar; jenfasizza l-importanza tal-multilingwiżmu fil-komunikazzjoni wiesgħa mal-pubbliku; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tittraduċi l-elementi l-ġodda fuq is-sit web tal-FEG fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni; jitlob li l-ambjent tal-internet ikun aktar faċli għall-utent, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-valur tal-kontenut tal-pubblikazzjonijiet u tal-attivitajiet awdjoviżivi tagħha kif previst fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament dwar il-FEG; jissuġġerixxi lil-Kummissjoni ttejjeb il-komunikazzjoni tagħha permezz tal-pjattaformi tal-midja soċjali u dawk alternattivi;

4.  Jilqa' l-ħidma kontinwa fuq il-proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet u l-ġestjoni tal-FEG li jużaw il-funzjonalitajiet tas-sistema ta' skambju elettroniku tad-data (SFC 2014), li tippermetti s-simplifikazzjoni u l-ipproċessar aktar mgħaġġel tal-applikazzjonijiet, kif ukoll rappurtar aħjar; jappella għal skambju aħjar ta' informazzjoni dwar il-proċessi fost il-Kummissjoni u l-Istati Membri u l-Istati Membri nfushom; jinnota li l-Kummissjoni ffaċilitat l-operazzjonijiet finanzjarji tal-FEG permezz tal-ħolqien ta' interfaċċja bejn is-sistema ta' skambju elettroniku tad-data u s-sistema tal-kontabilità u tal-informazzjoni finanzjarja ABAC; jinnota li huma meħtieġa biss titjib minuri ulterjuri u aġġustamenti għall-bidliet potenzjali, li jillimitaw il-kontribuzzjoni de facto tal-FEG għal dan it-tip ta' nfiq;

5.  Jieħu nota li l-Kummissjoni biħsiebha tinvesti EUR 105 000 mill-baġit disponibbli fl-ambitu tal-għajnuna teknika billi torganizza tliet laqgħat tal-Grupp ta' Esperti tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG; jirrikonoxxi l-valur li ssir laqgħa addizzjonali tal-Grupp ta' Esperti ta' Persuni ta' Kuntatt bħala parti mit-tħejjija għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss; jieħu nota wkoll tal-intenzjoni min-naħa tal-Kummissjoni li tinvesti EUR 120 000 sabiex tippromwovi n-netwerking permezz ta' seminars bejn l-Istati Membri, il-korpi ta' implimentazzjoni tal-FEG u s-sħab soċjali; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tistieden lill-Parlament, skont skadenzi raġonevoli, għal laqgħat u seminars tal-Grupp ta' Esperti kollha skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(5);

6.  Jilqa' id-disponibbiltà tal-Kummisjoni li tistieden il-membri tal-Grupp ta' Ħidma tal-FEG biex jipparteċipaw fis-Seminar ta' Netwerking rigward il-FEG meta jkun possibbli; jappella lill-Kummissjoni biex tkompli tistieden lill-Parlament għal tali laqgħat u s-seminars skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea; jilqa' l-fatt li s-sħab soċjali huma wkoll mistiedna jipparteċipaw;

7.  Ifakkar fl-importanza tan-netwerking u tal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-FEG, b'mod li jinfirxu l-aħjar prattiki; jappoġġa, għalhekk, iż-żewġ seminars ta' netwerking dwar l-implimentazzjoni tal-FEG apparti l-laqgħat tal-Grupp ta' Esperti; jistenna li dak l-iskambju ta' informazzjoni se jikkontribwixxi wkoll għal rappurtar aħjar u aktar dettaljat rigward ir-rata ta' suċċess ta’ applikazzjonijiet fi Stati Membri, b'mod partikolari rigward b'liema rata l-benefiċjarji jsibu impjieg ġdid;

8.  Jissottolinja l-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-kuntatti bejn dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi, b'mod partikolari, sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell reġjonali u lokali, sabiex jinħoloq l-akbar għadd ta' sinerġiji possibbli; jisħaq fuq il-fatt li l-interazzjoni bejn il-Persuna ta' Kuntatt Nazzjonali u s-sħab responsabbli mill-ġestjoni tal-każijiet fil-livell reġjonali jew lokali għandha tissaħħaħ u li l-arranġamenti ta' komunikazzjoni u ta' appoġġ kif ukoll il-flussi ta' informazzjoni (id-diviżjonijiet, il-kompiti u r-responsabbiltajiet interni) għandhom ikunu espliċiti u maqbula bejn is-sħab kollha kkonċernati;

9.  Jissottolinja l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-FEG kif ukoll il-viżibbiltà tiegħu; ifakkar lill-Istati Membri applikanti dwar ir-rwol tagħhom li jippubbliċizzaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FEG lill-benefiċjarji interessati, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, il-midja u l-pubbliku ġenerali, kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament dwar il-FEG.

10.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2018/000 TA 2018 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2018/845.)

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0116.
(5) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.


Qamħirrum ġenetikament modifikat GA21 (MON-ØØØ21-9)
PDF 155kWORD 63k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat GA21 (MON-ØØØ21-9) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (D056125-02 – 2018/2698(RSP))
P8_TA(2018)0221B8-0232/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat GA21 (MON-ØØØ21-9) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D056125-02),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 23(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tat-23 ta' April 2018, li matulha ma ngħatat ebda opinjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel fil-21 ta' Settembru 2017 u ppubblikata fl-24 ta' Ottubru 2017(3),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (COM(2017)0085, COD(2017)0035),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw l-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati(4),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/280/KE(5) awtorizzat it-tqegħid fis-suq ta' ikel u għalf li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn jew li jkunu prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat GA21 ("Qamħirrum GA21"); billi l-kamp ta' applikazzjoni ta' dik l-awtorizzazzjoni kien ikopri wkoll it-tqegħid fis-suq ta' prodotti oħra għajr l-ikel u l-għalf li fihom il-qamħirrum GA21 jew jikkonsistu minnu għall-istess użu bħal kwalunkwe qamħirrum ieħor, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;

B.  billi, qabel id-Deċiżjoni 2008/280/KE, fit-13 ta' Settembru 2007, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli, skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fit-2 ta' Ottubru 2007(6) ("EFSA 2007");

C.  billi, fis-6 ta' Ottubru 2016, Syngenta France SAS ippreżentat lill-Kummissjoni, f'isem Syngenta Crop Protection AG, l-Iżvizzera, applikazzjoni, f'konformità mal-Artikoli 11 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni msemmija hawn fuq;

D.  billi fil-21 ta' Settembru 2017, l-EFSA adottat opinjoni favorevoli, skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fl-24 ta' Ottubru 2017(7) ("EFSA 2017");

E.  billi l-qamħirrum GA21 ġie żviluppat biex jipprovdi tolleranza għall-glifosat permezz tal-espressjoni ta' verżjoni modifikata tal-proteina EPSPS;

F.  billi l-applikazzjoni tal-erbiċida, f'dan il-każ il-glifosat, hija parti minn prattika agrikola regolari fil-kultivazzjoni ta' pjanti reżistenti għall-erbiċidi u għalhekk jista' jkun mistenni li r-residwi mill-bexx ikunu preżenti fil-ħsad u huma kostitwenti inevitabbli; billi ntwera li l-għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċidi jwasslu għal użu akbar ta' erbiċidi komplementari minn dawk tal-kontropartijiet konvenzjonali tagħhom;

G.  billi, bħala konsegwenza, huwa mistenni li l-qamħirrum GA21 ser ikun espost għal dożi kemm ogħla kif ukoll ripetuti ta' glifosat li mhux biss iwasslu għal piż ogħla ta' residwi fil-ħsad iżda jistgħu wkoll jinfluwenzaw il-kompożizzjoni tal-pjanta tal-qamħirrum ġenetikament modifikata u l-karatteristiċi agronomiċi tagħha;

H.  billi l-Istati Membri ressqu bosta kummenti kritiċi matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur, kemm fir-rigward tal-EFSA 2007(8) kif ukoll l-EFSA 2017(9); billi, pereżempju, l-Istati Membri kkritikaw il-fatt li kien hemm bżonn aktar informazzjoni qabel ma setgħu jinsiltu konklużjonijiet fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju tal-qamħirrum GA21, li ma ngħatatx data li tappoġġa passat ta' użu sikur, li r-rapporti ta' monitoraġġ tal-qamħirrum GA21 matul il-perjodu ta' awtorizzazzjoni kellhom nuqqasijiet fundamentali u li l-approċċ ta' monitoraġġ implimentat ma kienx kompletament konformi mad-Direttiva 2001/18/KE;

I.  billi l-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (Bord tal-EFSA dwar l-OĠM) stess qies li tinħtieġ aktar diskussjoni mal-applikanti u l-maniġers tar-riskju dwar l-implimentazzjoni prattika tal-pjanijiet tal-monitoraġġ ambjentali wara t-tqegħid fis-suq għall-pjanti ġenetikament modifikati (ĠM) għall-importazzjoni u l-ipproċessar;

J.  billi għad hemm dubji dwar il-karċinoġeniċità tal-glifosat; billi, f'Novembru 2015, l-EFSA kkonkludiet li l-glifosat x'aktarx mhuwiex karċinoġeniku, filwaqt li, f'Marzu 2017, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) ikkonkludiet li l-ebda klassifikazzjoni ma kienet ġustifikata; billi, għall-kuntrarju, fl-2015 l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kklassifikat il-glifosat bħala probabbilment karċinoġeniku għall-bnedmin;

K.  billi l-Parlament stabbilixxa kumitat speċjali dwar il-proċeduri tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi, li ser jgħin biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm konformità mal-istandards xjentifiċi rilevanti tal-Unjoni fil-proċedura ta' valutazzjoni tar-riskju u jekk kienx hemm influwenza mhux dovuta mill-industrija fuq il-konklużjonijiet tal-aġenziji tal-Unjoni dwar il-karċinoġeniċità tal-glifosat;

L.  billi, b'mod ġenerali, skont il-bord tal-EFSA dwar il-pestiċidi, ma jistgħux isiru konklużjonijiet dwar is-sikurezza ta' residwi mill-bexx ta' għelejjel ĠM b'formazzjonijiet ta' glifosat(10); billi l-addittivi u t-taħlitiet tagħhom użati f'formulazzjonijiet kummerċjali tal-glifosat għall-bexx jistgħu juru tossiċità ogħla mill-ingredjenti attivi waħedhom(11);

M.  billi l-Unjoni diġà neħħiet mis-suq addittiv tal-glufosinat magħruf bħala "POE tallowamine" minħabba tħassib dwar it-tossiċità tiegħu; billi l-addittivi u t-taħlitiet problematiċi jistgħu, madankollu, jiġu permessi f'pajjiżi fejn huwa kkultivat il-qamħirrum GA21 (l-Arġentina, il-Brażil, il-Kanada, il-Ġappun, il-Paragwaj, il-Filippini, l-Afrika t'Isfel, l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Urugwaj u l-Vjetnam);

N.  billi informazzjoni dwar il-livelli ta' residwi ta' erbiċidi u l-metaboliti tagħhom hija essenzjali għal valutazzjoni tar-riskju bir-reqqa ta' pjanti ĠM tolleranti għall-erbiċidi; billi r-residwi mill-bexx bl-erbiċidi huma meqjusa barra mill-mandat tal-bord tal-EFSA dwar l-OĠM; billi ma ġewx ivvalutati l-impatti fuq il-qamħirrum GA21 mit-tbexxix bil-glifosat;

O.  billi l-Istati Membri mhumiex meħtieġa li jkejlu r-residwi tal-glifosat fuq l-importazzjonijiet tal-qamħirrum sabiex jiżguraw il-konformità mal-livelli massimi ta' residwu bħala parti mill-programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta' kontroll għall-2018, l-2019 u l-2020, skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/660(12), u lanqas m'huma meħtieġa jagħmlu dan għas-snin 2019, 2020 u 2021(13); billi għalhekk mhuwiex magħruf jekk ir-residwi tal-glifosat fuq dan il-qamħirrum GA21 importat humiex konformi mal-limiti massimi ta' residwi tal-Unjoni;

P.  billi l-qamħirrum GA21 jiġi kkultivat, fost oħrajn, fl-Arġentina; billi l-impatt devastanti tal-użu tal-glifosat fuq is-saħħa ġie ddokumentat b'mod mifrux; billi l-Unjoni ntrabtet li tilħaq l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli (SDGs) tan-NU, li jinkludu impenn biex jitnaqqas sostanzjalment, sal-2030, l-għadd ta' mwiet u mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u mit-tniġġis fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija u mill-kontaminazzjoni (SDG 3, il-mira 3.9)(14);

Q.  billi l-Unjoni hija impenjata favur il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, li għandha l-għan li timminimizza l-kontradizzjonijiet u tibni sinerġiji bejn il-politiki differenti tal-Unjoni, inkluż fl-oqsma tal-kummerċ, l-ambjent u l-agrikoltura, għall-benefiċċju tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u żżid l-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

R.  billi l-EFSA kkonkludiet li bl-eċċezzjoni ta' wieħed, l-użi rappreżentattivi tal-glifosat għall-għelejjel konvenzjonali (jiġifieri għelejjel li mhumiex ĠM) jirrappreżentaw "riskju għall-vertebrati terrestri selvaġġi mhux fil-mira", u identifikat ukoll riskju għoli fuq terminu twil għall-mammiferi għal uħud mill-użi ewlenin għall-għelejjel konvenzjonali(15); billi l-ECHA kklassifikat il-glifosat bħala tossiku għall-organiżmi akkwatiċi b'mod li jħalli effetti dejjiema; billi l-impatti negattivi tal-użu tal-glifosat fuq il-bijodiversità u fuq l-ambjent huma dokumentati b'mod mifrux; billi, pereżempju, studju tal-Istati Uniti tal-2017 sab korrelazzjoni negattiva bejn l-użu tal-glifosat u l-abbundanza ta' friefet adulti tar-razza Monarch, partikolarment f'żoni fejn hemm konċentrazzjoni ta' agrikoltura(16);

S.  billi r-riawtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum GA21 ser tkompli toħloq domanda għat-tkabbir tiegħu f'pajjiżi terzi; billi, kif imsemmi hawn fuq, huwa mistenni li dożi ogħla u ripetuti ta' erbiċida ser jintużaw għal pjanti ĠM li jittolleraw l-erbiċida (meta mqabbel ma' pjanti mhux ĠM), peress li dawn ġew iddisinjati speċifikament għal dan l-iskop;

T.  billi l-Unjoni hija firmatarja tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, li jimponi fuq il-partijiet kontraenti tagħha r-responsabbiltà li jiżguraw li l-attivitajiet fil-ġurisdizzjoni tagħhom ma jikkawżawx ħsara lill-ambjent ta' stati oħrajn(17); billi d-deċiżjoni dwar jekk jiġix riawtorizzat il-qamħirrum GA21 hija fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni;

U.  billi l-iżvilupp ta' għelejjel ĠM tolleranti għal diversi erbiċidi selettivi huwa prinċipalment dovut għall-evoluzzjoni mgħaġġla ta' ħaxix ħażin reżistenti għall-glifosat f'pajjiżi li kienu jiddependu ħafna fuq għelejjel ĠM; billi fl-2015, fuq livell globali kien hemm mill-inqas 29 speċi ta' ħaxix ħażin reżistenti għall-glifosat(18);

V.  billi, b'segwitu ta' votazzjoni fit-23 ta' April 2018, il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali, imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ma ta ebda opinjoni;

W.  billi f'diversi okkażjonijiet il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 hija kellha tadotta deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni mingħajr l-appoġġ tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għal deċiżjoni finali, li hija verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha kemm hija, sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf ĠM; billi din il-prattika ġiet ukoll ikkundannata mill-President Juncker bħala mhijiex demokratika(19);

X.  billi, fit-28 ta' Ottubru 2015, il-Parlament ċaħad fl-ewwel qari(20) l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u talab lill-Kummissjoni tirtiraha u tressaq proposta ġdida;

Y.  billi l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tafferma li jenħtieġ li l-Kummissjoni, kemm jista' jkun, timxi b'tali mod li topponi kwalunkwe pożizzjoni predominanti li tista' tqum fil-kumitat ta' appell kontra l-idoneità ta' att ta' implimentazzjoni, speċjalment meta dak l-att jikkonċerna kwistjonijiet sensittivi bħalma huma s-saħħa tal-konsumatur, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent;

Z.  billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jiddikjara li ikel jew għalf ġenetikament modifikat ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent u li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħrajn li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qiegħda tiġi kkunsidrata fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni;

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, u l-interessi tal-ambjent u tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' OĠM sa ma tiġi riveduta l-proċedura ta' awtorizzazzjoni b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li wriet li mhix adegwata;

5.  Jistieden, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni tirrispetta l-impenji tagħha skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, billi tissospendi l-importazzjonijiet kollha ta' pjanti ĠM li huma tolleranti għall-glifosat;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizza l-ebda pjanta ġenetikament modifikata tolleranti għall-erbiċida mingħajr valutazzjoni sħiħa tar-residwi minn bexx b'erbiċidi komplementari u l-formulazzjonijiet kummerċjali tagħhom kif applikati fil-pajjiżi ta' kultivazzjoni;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra bis-sħiħ il-valutazzjoni tar-riskju tal-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari u r-residwi tagħhom fil-valutazzjoni tar-riskju tal-pjanti ĠM tolleranti għall-erbiċidi, irrispettivament minn jekk il-pjanta ĠM tkunx maħsuba għall-kultivazzjoni fl-Unjoni jew għall-importazzjoni fl-Unjoni għall-ikel u l-għalf;

8.  Itenni l-impenn tiegħu li javvanza bil-ħidma fuq il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 sabiex jiżgura li, fost l-oħrajn, jekk il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali ma jagħti l-ebda opinjoni fir-rigward ta' approvazzjonijiet ta' OĠM, sew għall-kultivazzjoni u sew għall-ikel u l-għalf, il-Kummissjoni tirtira l-proposta; jistieden lill-Kunsill imexxi 'l quddiem il-ħidma tiegħu fuq l-istess proposta tal-Kummissjoni bħala kwistjoni ta' urġenza;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/10.2903/j.efsa.2017.5006
(4)—————————————————————— - Riżoluzzjoni tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani (ĠU C 482, 23.12.2016, p. 110).Riżoluzzjoni tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (ĠU C 399, 24.11.2017, p. 71). Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87705 × MON 89788 (ĠU C 35, 31.1.2018, p. 19).Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 (ĠU C 35, 31.1.2018, p. 17).Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikamenta FG72 (MST-FGØ72-2) (ĠU C 35, 31.1.2018, p. 15).Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta minn dawk l-eventi (ĠU C 86, 6.3.2018, p. 108).Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla mmodifikata ġenetikament (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4) (ĠU C 86, 6.3.2018, p. 111).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (Testi adottati, P8_TA(2016)0388).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (Testi adottati, P8_TA(2016)0389).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (Testi adottati, P8_TA(2016)0386).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (Testi adottati, P8_TA(2016)0387).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (Testi adottati, P8_TA(2016)0390).Riżoluzzjoni tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122× MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-eventi Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (Testi adottati, P8_TA(2017)0123).Riżoluzzjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0215).Riżoluzzjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB119 (BCS-GHØØ5-8) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P8_TA(2017)0214).Riżoluzzjoni tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-68416-4, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0341).Riżoluzzjoni tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata FG72 × A5547-127, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0377).Riżoluzzjoni tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-44406-6, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0378).Riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0396).Riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 x 40-3-2 (DP-3Ø5423-1 × MON-Ø4Ø32-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0397).Riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-kolza ġenetikament modifikata MON 88302 x Ms8 x Rf3 (MON-883Ø2-9 × ACSBNØØ5-8× ACS-BNØØ3-6), MON 88302 x Ms8 (MON-883Ø2-9 × ACSBNØØ5-8) u MON 88302 x Rf3 (MON-883Ø2-9 × ACS-BNØØ3-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (Testi adottati, P8_TA(2017)0398).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Marzu 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 59122 (DAS-59122-7) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2018)0051).Riżoluzzjoni tal-1 ta' Marzu 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × NK603 (MON-87427-7 × MON-89Ø34-3 × MON-ØØ6Ø3-6) u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn mill-eventi MON 87427, MON 89034 u NK603 u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/420/UE (Testi adottati, P8_TA(2018)0052).Riżoluzzjoni tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 (KM-ØØØH71-4) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2018)0197).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/280/KE tat-28 ta' Marzu 2008 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, li jikkonsistu minn, jew prodotti mill-qamħirrum GA21 (MON-ØØØ21-9) modifikat ġenetikament skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 87, 29.3.2008, p. 19).
(6) https://www.efsa.europa.eu/fr/efsajournal/pub/541
(7) https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/10.2903/j.efsa.2017.5006
(8) Anness G, Kummenti tal-Istati Membri, http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2005-226
(9) Anness G, Kummenti tal-Istati Membri, http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionDocumentsLoader?question=EFSA-Q-2016-00714
(10) Konklużjoni tal-EFSA dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva glifosat. Il-Ġurnal tal-EFSA 2015, 13 (11):4302, http://onlinelibrary.wiley.com/doi/10.2903/j.efsa.2015.4302/epdf
(11) https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC3955666
(12) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/660 tas-6 ta’ April 2017 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta' kontroll għall-2018, l-2019 u l-2020 biex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi fi u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jiġi vvalutat l-esponiment tal-konsumatur għalihom (ĠU L 94, 7.4.2017, p. 12).
(13) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/555 tad-9 ta' April 2018 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta' kontroll għall-2019, l-2020 u l-2021 biex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi fi u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jiġi vvalutat l-esponiment tal-konsumatur għalihom (ĠU L 92, 10.4.2018, p. 6).
(14) https://sustainabledevelopment.un.org/sdg3
(15) https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2015.4302
(16) https://onlinelibrary.wiley.com/doi/abs/10.1111/ecog.02719
(17) Artikolu 3, https://www.cbd.int/convention/articles/default.shtml?a=cbd-03
(18) https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC5606642/
(19) Ara, pereżempju, id-dikjarazzjoni inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, il-15 ta' Lulju 2014), jew id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 (Strasburgu, l-14 ta' Settembru 2016).
(20) ĠU C 355, 20.10.2017, p. 165.
(21) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.


Qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 × 59122 × MON 810 × NK603, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi 1507, 59122, MON 810 u NK603
PDF 154kWORD 59k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 × 59122 × MON 810 × NK603, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi 1507, 59122, MON 810 u NK603, u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2009/815/KE, 2010/428/UE u 2010/432/UE skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (D056123-02 – 2018/2699(RSP))
P8_TA(2018)0222B8-0233/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 × 59122 × MON 810 × NK603, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn jew tlieta mill-eventi uniċi 1507, 59122, MON 810 u NK603, u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2009/815/KE, 2010/428/UE u 2010/432/UE skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (D056123-02),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3) u 19(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tat-23 ta' April 2018, li matulha ma ngħatat ebda opinjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel fl-14 ta' Novembru 2017 u ppubblikata fit-28 ta' Novembru 2017(3),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (COM(2017)0085, COD(2017)0035),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati(4),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-3 ta' Frar 2011, Pioneer Overseas Corporation, f'isem Pioneer Hi-Bred International Inc., tal-Istati Uniti tal-Amerka, ressqet applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li fihom, jikkonsistu minn jew prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 × 59122 × MON 810 × NK603 (minn hawn 'il quddiem "l-applikazzjoni") lill-awtorità nazzjonali kompetenti tan-Netherlands bi qbil mal-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003; billi l-applikazzjoni kopriet wkoll it-tqegħid fis-suq tal-prodotti li jikkonsistu jew li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 × 59122 × MON 810 × NK603 ("il-qamħirrum ĠM") għal użi oħra għajr għall-ikel u għall-għalf, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;

B.  billi l-applikazzjoni kienet tkopri għaxar sottokombinazzjonijiet tal-eventi ta' trasformazzjoni uniċi li jikkostitwixxu l-qamħirrum ĠM, li minnhom ħamsa kienu diġà ġew awtorizzati; billi tmienja minn dawk is-sottokombinazzjonijiet huma rregolati mill-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni; billi s-sottokombinazzjonijiet 1507 × NK603 × MON 810 × NK603 diġà ġew awtorizzati b'deċiżjonijiet differenti tal-Kummissjoni;

C.  billi fl-14 ta' Novembru 2017, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli f'konformità mal-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fit-28 ta' Novembru 2017(5);

D.  billi l-qamħirrum ĠM huwa dderivat bit-taħlit ta' erba' eventi ta' qamħirrum ġenetikament modifikat: l-event 1507 jipproduċi l-proteina insettiċida Cr1F u huwa reżistenti għall-erbiċida glufosinat; l-event 59122 jipproduċi l-proteini insettiċidi Cry34Ab1 u Cry35Ab1 u huwa wkoll reżistenti għall-erbiċida glufosinat; l-event MON810 jipproduċi l-proteina insettiċida Cr1Ab; l-event NK603 jipproduċi żewġ enzimi li jikkawżaw reżistenza għall-erbiċida glifosat;

E.  billi l-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari, f'dan il-każ tal-glifosat u tal-glufosinat, hija parti minn prattika agrikola regolari fil-kultivazzjoni ta' pjanti reżistenti għall-erbiċidi u għalhekk jista' jkun mistenni li r-residwi mill-bexx ikunu preżenti fil-ħsad u huma kostitwenti inevitabbli; billi ntwera li l-għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċidi jwasslu għal użu akbar ta' erbiċidi komplementari mill-kontropartijiet konvenzjonali tagħhom;

F.  billi, b'konsegwenza, għandu jkun mistenni li l-qamħirrum ĠM ser ikun espost għal dożi kemm ogħla kif ukoll ripetuti ta' glifosat u glufosinat, li mhux biss iwasslu għal piż ogħla ta' residwi fil-ħsad iżda jistgħu wkoll jinfluwenzaw il-kompożizzjoni tal-pjanta tal-qamħirrum ĠM u l-karatteristiċi agronomiċi tagħha;

G.  billi studju indipendenti kkonkluda li l-valutazzjoni tar-riskju tal-EFSA m'għandhiex tiġi aċċettata minħabba li, fost l-oħrajn, l-EFSA ma talbet ebda data empirika dwar tossiċità u l-impatt fuq is-sistema immunitarja, l-effetti kombinatorji, filwaqt li l-konsegwenzi tal-bexx ta' dożi ogħla tal-erbiċidi komplementari ġew injorati, il-valutazzjoni tar-riskju ambjentali kienet inaċċettabbli u kienet ibbażata fuq suppożizzjonijiet żbaljati, u ma kienet prevista ebda sistema biex twettaq monitoraġġ speċifiku għal kull każ ta' tixrid u tal-effetti potenzjali fuq is-saħħa(6);

H.  billi ebda data sperimentali ma ġiet ipprovduta mill-applikant għal subkombinazzjoni ta' event ta' trasformazzjoni multiplu li bħalissa mhijiex awtorizzata (59122 × MON810 × NK603); billi l-awtorizzazzjoni ta' event ta' trasformazzjoni multiplu m'għandhiex titqies mingħajr valutazzjoni profonda tad-data sperimentali għal kull sottokombinazzjoni;

I.  billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni u għalhekk jaqa' taħt il-kriterji ta' esklużjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7); billi l-approvazzjoni għall-użu tal-glufosinat fl-Unjoni tiskadi fil-31 ta' Lulju 2018(8);

J.  billi għad hemm dubji dwar il-karċinoġeniċità tal-glifosat; billi, f'Novembru 2015, l-EFSA kkonkludiet li l-glifosat x'aktarx mhuwiex karċinoġeniku, filwaqt li, f'Marzu 2017, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) ikkonkludiet li ebda klassifikazzjoni ma kienet ġustifikata; billi, għall-kuntrarju, fl-2015 l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kklassifikat il-glifosat bħala probabbilment karċinoġeniku għall-bnedmin;

K.  billi, b'mod ġenerali, skont il-bord tal-EFSA dwar il-pestiċidi, ma jistgħux isiru konklużjonijiet dwar is-sikurezza ta' residwi mill-bexx ta' għelejjel ĠM b'formazzjonijiet ta' glifosat(9); billi l-addittivi u t-taħlitiet tagħhom użati f'formulazzjonijiet kummerċjali tal-glifosat għall-bexx jistgħu juru tossiċità ogħla minn ingredjenti attivi waħedhom(10);

L.  billi l-Unjoni diġà neħħiet mis-suq addittiv tal-glufosinat magħruf bħala "POE tallowamine" minħabba tħassib dwar it-tossiċità tiegħu; billi addittivi u taħlitiet problematiċi jistgħu, madankollu, xorta waħda jiġu permessi f'pajjiżi fejn jiġi kkultivat il-qamħirrum ĠM (il-Kanada u l-Ġappun);

M.  billi informazzjoni dwar il-livelli ta' residwi ta' erbiċidi u l-metaboliti tagħhom hija essenzjali għal valutazzjoni tar-riskju bir-reqqa ta' pjanti ĠM tolleranti għall-erbiċidi; billi r-residwi mill-bexx bl-erbiċidi huma meqjusa barra mill-mandat tal-bord tal-EFSA dwar l OĠM; billi l-impatti tal-bexx tal-qamħirrum ĠM bl-erbiċidi ma ġewx ivvalutati, u lanqas ma ġie vvalutat l-effett kumulattiv tal-bexx bil-glifosat u bil-glufosinat;

N.  billi l-Istati Membri mhumiex meħtieġa li jkejlu r-residwi tal-glifosat jew tal-glufosinat fuq l-importazzjonijiet tal-qamħirrum sabiex jiżguraw il-konformità mal-livelli massimi ta' residwu bħala parti mill-programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta' kontroll għall-2018, l-2019 u l-2020, skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/660(11), u lanqas m'huma meħtieġa jagħmlu dan għas-snin 2019, 2020 u 2021(12); billi għalhekk mhuwiex magħruf jekk ir-residwi tal-glifosat jew tal-glufosinat fuq dan il-qamħirrum ĠM importat humiex konformi mal-limiti massimi ta' residwi tal-UE;

O.  billi l-proċeduri ta' event ta' trasformazzjoni multiplu jipproduċi erba' tossini insettiċidali (Cry1F u Cry1Ab, immirati għall-insetti lepidoptera, u Cry34Ab1 u Cry35Ab1, immirati għall-coleptera); billi studju xjentifiku fl-2017 dwar l-impatti possibbli fuq is-saħħa ta' tossini Bt u residwi minn bexx b'erbiċidi komplementari kkonkluda li għandha tingħata attenzjoni speċifika għar-residwi tal-erbiċidi u l-interazzjoni tagħhom ma' tossini Bt(13); billi dan ma ġiex investigat mill-EFSA;

P.  billi l-EFSA kkonkludiet li bl-eċċezzjoni ta' wieħed, l-użi rappreżentattivi tal-glifosat għall-għelejjel konvenzjonali (jiġifieri għelejjel mhux ĠM) jirrappreżentaw "riskju għall-vertebrati terrestri selvaġġi mhux fil-mira", u identifikat ukoll riskju għoli fuq terminu twil għall-mammiferi għal uħud mill-użi ewlenin għall-għelejjel konvenzjonali(14); billi l-ECHA kklassifikat il-glifosat bħala tossiku għall-organiżmi akkwatiċi b'mod li jħalli effetti dejjiema; billi l-impatti negattivi tal-użu tal-glifosat fuq il-bijodiversità u fuq l-ambjent huma dokumentati b'mod wiesa'; billi, pereżempju, studju tal-Istati Uniti tal-2017 sab korrelazzjoni negattiva bejn l-użu tal-glifosat u l-abbundanza ta' friefet adulti tar-razza Monarch, partikolarment f'żoni fejn hemm konċentrazzjoni ta' agrikoltura(15);

Q.  billi l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum ĠM ser iżżid id-domanda għat-tkabbir tiegħu f'pajjiżi terzi; billi, kif imsemmi hawn fuq, dożi ogħla u ripetuti ta' erbiċida jintużaw għal pjanti ĠM li jittolleraw l-erbiċida (meta mqabbel ma' pjanti mhux ĠM), peress li dawn ġew iddisinjati speċifikament għal dan l-iskop;

R.  billi l-Unjoni hija firmatarja tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, li jimponi fuq il-partijiet kontraenti tagħha r-responsabbiltà li jiżguraw li l-attivitajiet fil-ġurisdizzjoni tagħhom ma jikkawżawx ħsara lill-ambjent ta' stati oħrajn(16); billi d-deċiżjoni dwar jekk tiġix imġedda l-awtorizzazzjoni għall-qamħirrum ĠM hija fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni;

S.  billi l-iżvilupp ta' għelejjel ĠM tolleranti għal diversi erbiċidi selettivi huwa prinċipalment dovut għall-evoluzzjoni mgħaġġla ta' ħaxix ħażin reżistenti għall-glifosat f'pajjiżi li kienu jiddependu ħafna fuq għelejjel ĠM; billi fl-2015, fuq livell globali kien hemm mill-inqas 29 speċi ta' ħaxix ħażin reżistenti għall-glifosat(17);

T.  billi, b'segwitu ta ' votazzjoni fit-23 ta' April 2018, il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali, imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ma ta ebda opinjoni;

U.  billi f'diversi okkażjonijiet il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 hija kellha tadotta deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni mingħajr l-appoġġ tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għal deċiżjoni finali, li hija verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha kemm hija, sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf ĠM; billi din il-prattika ġiet ukoll ikkundannata mill-President Juncker bħala mhijiex demokratika(18);

V.  billi, fit-28 ta' Ottubru 2015, il-Parlament ċaħad fl-ewwel qari(19) l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u talab lill-Kummissjoni tirtiraha u tressaq proposta ġdida;

W.  billi l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tafferma li jenħtieġ li l-Kummissjoni, kemm jista' jkun, timxi b'tali mod li topponi kwalunkwe pożizzjoni predominanti li tista' tqum fil-kumitat ta' appell kontra l-idoneità ta' att ta' implimentazzjoni, speċjalment meta dak l-att jikkonċerna kwistjonijiet sensittivi bħalma huma s-saħħa tal-konsumatur, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent;

X.  billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jiddikjara li ikel jew għalf ġenetikament modifikat ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent u li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħrajn li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qiegħda tiġi kkunsidrata fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni;

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, u l-interessi tal-ambjent u tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' OĠM sa ma tiġi riveduta l-proċedura ta' awtorizzazzjoni b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li wriet li mhix adegwata;

5.  Jistieden, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni tirrispetta l-impenji tagħha skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, billi tissospendi l-importazzjonijiet kollha ta' pjanti ĠM li huma tolleranti għall-glifosat;

6.  Jistieden, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni ma tawtorizzax l-importazzjoni ta' kwalunkwe pjanta ġenetikament modifikata għall-użi bħala ikel jew għalf li tkun ġiet magħmula tolleranti għal erbiċida li ma jkunx awtorizzat għal użu fl-Unjoni (f'dan il-każ il-glufosinat, li l-awtorizzazzjoni għalih tiskadi fil-31 ta' Lulju 2018);

7.  Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizza ebda pjanta ĠM tolleranti għall-erbiċida mingħajr valutazzjoni sħiħa tar-residwi minn bexx b'erbiċidi komplementari u l-formulazzjonijiet kummerċjali tagħhom kif applikati fil-pajjiżi ta' kultivazzjoni;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra bis-sħiħ il-valutazzjoni tar-riskju tal-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari u r-residwi tagħhom fil-valutazzjoni tar-riskju tal-pjanti ĠM tolleranti għall-erbiċidi, irrispettivament minn jekk il-pjanta ĠM tkunx maħsuba għall-kultivazzjoni fl-Unjoni jew għall-importazzjoni fl-Unjoni għall-ikel u l-għalf;

9.  Itenni l-impenn tiegħu li javvanza bil-ħidma fuq il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 sabiex jiżgura li, fost l-oħrajn, jekk il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali ma jagħti ebda opinjoni fir-rigward ta' approvazzjonijiet ta' OĠM, sew għall-kultivazzjoni u sew għall-ikel u l-għalf, il-Kummissjoni tirtira l-proposta; jistieden lill-Kunsill imexxi 'l quddiem il-ħidma tiegħu fuq l-istess proposta tal-Kummissjoni bħala kwistjoni ta' urġenza;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/10.2903/j.efsa.2017.5000
(4)——————————————————————— - Riżoluzzjoni tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani (ĠU C 482, 23.12.2016, p. 110).Riżoluzzjoni tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (ĠU C 399, 24.11.2017, p. 71).Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87705 × MON 89788 (ĠU C 35, 31.1.2018, p. 19).Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708 × MON 89788 (ĠU C 35, 31.1.2018, p. 17).Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) (ĠU C 35, 31.1.2018, p. 15).Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta minn dawk l-eventi (ĠU C 86, 6.3.2018, p. 108).Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla mmodifikata ġenetikament (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4) (ĠU C 86, 6.3.2018, p. 111).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (Testi adottati, P8_TA(2016)0388).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (Testi adottati, P8_TA(2016)0389).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (Testi adottati, P8_TA(2016)0386).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (Testi adottati, P8_TA(2016)0387).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (Testi adottati, P8_TA(2016)0390).Riżoluzzjoni tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-eventi Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (Testi adottati, P8_TA(2017)0123).Riżoluzzjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0215).Riżoluzzjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB119 (BCS-GHØØ5-8) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P8_TA(2017)0214).Riżoluzzjoni tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-68416-4, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0341).Riżoluzzjoni tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata FG72 × A5547-127, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0377).Riżoluzzjoni tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-44406-6, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0378).Riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0396).Riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 × 40-3-2 (DP-3Ø5423-1 × MON-Ø4Ø32-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0397).Riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-kolza ġenetikament modifikata MON 88302 × Ms8 × Rf3 (MON-883Ø2-9 × ACSBNØØ5-8× ACS-BNØØ3-6), MON 88302 × Ms8 (MON-883Ø2-9 × ACSBNØØ5-8) u MON 88302 × Rf3 (MON-883Ø2-9 × ACS-BNØØ3-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (Testi adottati, P8_TA(2017)0398).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Marzu 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 59122 (DAS-59122-7) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2018)0051).Riżoluzzjoni tal-1 ta' Marzu 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × NK603 (MON-87427-7 × MON-89Ø34-3 × MON-ØØ6Ø3-6) u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn mill-eventi MON 87427, MON 89034 u NK603 u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/420/UE (Testi adottati, P8_TA(2018)0052).Riżoluzzjoni tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 (KM-ØØØH71-4) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2018)0197).
(5) https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/10.2903/j.efsa.2017.5000
(6) https://www.testbiotech.org/node/2130
(7) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(8) Punt 7 tal-Anness għar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/404 (ĠU L 67, 12.3.2015, p. 6).
(9) Konklużjoni tal-EFSA dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva glifosat. Il-Ġurnal tal-EFSA 2015, 13 (11):4302, http://onlinelibrary.wiley.com/doi/10.2903/j.efsa.2015.4302/epdf
(10) https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC3955666
(11) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/660 tas-6 ta’ April 2017 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta' kontroll għall-2018, l-2019 u l-2020 biex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi fi u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jiġi vvalutat l-esponiment tal-konsumatur għalihom (ĠU L 94, 7.4.2017, p. 12).
(12) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/555 tad-9 ta' April 2018 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta' kontroll għall-2019, l-2020 u l-2021 biex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi fi u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jiġi vvalutat l-esponiment tal-konsumatur għalihom (ĠU L 92, 10.4.2018, p. 6).
(13) https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC5236067/
(14) https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2015.4302
(15) https://onlinelibrary.wiley.com/doi/abs/10.1111/ecog.02719
(16) Artikolu 3, https://www.cbd.int/convention/articles/default.shtml?a=cbd-03
(17) https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC5606642/
(18) Ara, pereżempju, id-dikjarazzjoni inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, il-15 ta' Lulju 2014), jew id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 (Strasburgu, l-14 ta' Settembru 2016).
(19) ĠU C 355, 20.10.2017, p. 165.
(20) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.


Konformità tal-prodotti tas-sajd mal-kriterji ta' aċċess għas-suq tal-UE
PDF 173kWORD 57k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' kontroll għall-istabbiliment tal-konformità tal-prodotti tas-sajd mal-kriterji ta' aċċess għas-suq tal-UE (2017/2129(INI))
P8_TA(2018)0223A8-0156/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE(1),

–  wara li kkunsidra r-reġim ta' kontroll tal-politika komuni tas-sajd (PKS), li jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009(2) u (KE) Nru 1005/2008(3), u r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1026/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ċerti miżuri għall-iskop tal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut fir-rigward ta' pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli(7),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 19/2017 tal-Qorti tal-Awdituri ta' Diċembru 2017 bit-titolu "Proċeduri ta' importazzjoni: xi nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar il-ġestjoni tal-flotot tas-sajd fir-Reġjuni Ultraperiferiċi(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura tal-għoti ta' awtorizzazzjoni għat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0156/2018),

A.  billi l-UE hija l-akbar suq tad-dinja għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, hekk kif fl-2016 assorbiet 24 % tal-importazzjonijiet globali totali, u tiddependi fuq l-importazzjonijiet għal aktar minn 60 % tal-konsum tagħha ta' tali prodotti;

B.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar is-sistema ta' importazzjoni fl-UE ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura(9), il-Parlament enfasizza li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-politika tal-UE dwar l-importazzjonijiet tas-sajd u tal-akkwakultura jrid ikun li jiġi żgurat li l-prodotti importati jissodisfaw ir-rekwiżiti li japplikaw għall-produzzjoni tal-UE f'kull aspett, u li l-UE timpenja ruħha biex tagħmel is-sajd sostenibbli fejn dan huwa inkompatibbli mal-prodotti importati minn pajjiżi li jistadu mingħajr ma jqisu s-sostenibbiltà;

C.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment" (COM(2015)0497) timpenja lill-UE lejn politika aktar responsabbli tal-kummerċ bħala strument għall-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

D.  billi l-Istati Membri huma responsabbli biex jivverifikaw li l-ħut mingħand il-produtturi tal-UE jissodisfa l-istandards sanitarji tal-UE, filwaqt li, fir-rigward tal-ħut importat, il-Kummissjoni tawtorizza lil pajjiżi terzi biex jidentifikaw stabbilimenti permessi li jesportaw prodotti tal-ħut lejn l-UE, diment li dawn ikunu jistgħu jiggarantixxu standards ekwivalenti;

E.  billi r-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, fil-Karibew, l-Oċean Indjan u l-Oċean Atlantiku, huma l-ġirien ta' pajjiżi terzi li l-kundizzjonijiet tas-sajd, tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom mhux dejjem jilħqu l-istandards Ewropej, u dan jirriżulta f'kummerċ inġust fil-konfront tal-produzzjoni lokali;

F.  billi hemm diversi strumenti internazzjonali li jikkonċernaw is-sajjieda li għandhom jiġu ratifikati u implimentati, bħall-Konvenzjoni Nru 188 dwar ix-xogħol fis-sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO C188), il-Ftehim ta' Cape Town tal-2012 tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u l-Konvenzjoni Internazzjoni tal-IMO dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Persunal tal-Bastimenti tas-Sajd (STCW-F);

G.  billi l-konklużjonijiet tal-Opinjoni Xjentifika Nru 3/2017 tad-29 ta' Novembru 2017 bit-titlu "Food from the Oceans (Ikel mill-Oċeani) jirrakkomandaw l-integrazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli fil-politiki kollha tal-Unjoni u l-applikazzjoni tal-istess approċċ f'areni internazzjonali oħra u fl-appoġġ ta' reġjuni oħra tad-dinja, sabiex jinstab bilanċ bejn l-għanijiet ekonomiċi u ekoloġiċi li jinvolvu l-produzzjoni tal-ikel u l-ambjent marittimu;

1.  Jinnota li sabiex iqiegħdu l-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fis-suq, l-operaturi tal-UE jeħtiġilhom jikkonformaw ma' firxa wiesgħa ta' regolamenti u jissodisfaw kriterji stretti, inklużi r-regoli tal-PKS kif ukoll l-istandards sanitarji, tax-xogħol, tas-sikurezza tal-bastimenti u tal-ambjent, li kollha huma mirfuda b'reġimi biex tiġi żgurata l-konformità; jinsab konvint li dawn jingħaqdu flimkien biex joħolqu standards għolja li jikkonċernaw il-kwalità u s-sostenibbiltà tal-prodott li l-konsumaturi tal-UE jistennew b'mod leġittimu;

2.  Iqis li l-konformità tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura minn pajjiżi terzi mal-istandards tal-UE dwar is-sostenibbiltà ambjentali u soċjali tippromwovi s-sostenibbiltà f'dawk il-pajjiżi terzi u tgħin biex tinħoloq kompetizzjoni aktar ġusta bejn il-prodotti tal-UE u l-prodotti minn pajjiżi terzi;

3.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-importazzjonijiet ta' tali prodotti huma soġġetti għal inqas kontrolli, filwaqt li l-kontrolli primarji huma standards sanitarji u r-Regolament dwar is-Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Irregolat (IUU)(10), li dan tal-aħħar tfassal unikament bl-għan li jiżgura li l-prodott inqabad f'konformità mar-regoli applikabbli;

4.  Jenfasizza li sabiex ikun żgurat trattament ekwu għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura Ewropea, li għandu jkun għan ewlieni tal-politika tas-sajd tal-UE, l-UE għandha tesiġi li l-prodotti importati kollha jikkonformaw mal-istandards tal-UE tal-konservazzjoni u tal-ġestjoni, kif ukoll ir-rekwiżiti tal-iġjene imposti mil-leġiżlazzjoni tal-UE; jinnota li dan jgħin biex tinħoloq il-kompetizzjoni aktar ġusta u jgħolli l-istandards għall-isfruttament tar-riżorsi tal-baħar fil-pajjiżi terzi;

5.  Iqis li l-isforzi tal-UE biex tikkonserva l-istokkijiet tal-ħut u biex tagħmel is-sajd sostenibbli, imwettqa permezz (tal-PKS), huma inkompatibbli mal-importazzjoni ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura minn pajjiżi li qed iżidu l-isforzi tas-sajd tagħhom mingħajr ma jinteressaw ruħhom fis-sostenibbiltà u huma interessati biss fil-profitti fuq medda ta' żmien qasira;

6.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li r-regoli differenti għat-tqegħid tal-ħut fis-suq joħolqu suq diskriminatorju li jolqot ħażin lis-sajjieda u lil dawk li jrabbu l-ħut fl-UE, u għal din ir-raġuni jemmen li l-kontrolli fuq il-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura għandhom jiżdiedu u jittejbu;

7.  Iqis li l-applikazzjoni tar-Regolament ta' Kontroll(11) għandha tissaħħaħ fl-Istati Membri kollha, sabiex tkun applikata b'mod omoġenu u armonizzat fl-istadji kollha tal-katina tal-provvista, inkluż il-bejgħ bl-imnut u s-servizzi tar-ristoranti, u kemm għall-prodotti tal-UE kif ukoll għall-prodotti importati; jinnota li dan japplika wkoll għad-dispożizzjonijiet tat-tikkettar;

Standards sanitarji

8.  Jinsab imħasseb li s-sistema imposta mill-Unjoni u użata mill-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi għall-verifika tal-kriterji sanitarji għal prodotti tas-sajd esportati lejn l-UE ma tipprovdix biżżejjed garanziji li dawn il-kriterji jiġu osservati dejjem;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar taħriġ, assistenza teknika u faċilitajiet għall-bini tal-kapaċità istituzzjonali sabiex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jikkonformaw mar-regoli tal-UE; iħeġġeġ inizjattivi bħall-Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel, immexxi mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (DĠ SANTE), li jipprovdi sessjonijiet ta' taħriġ għall-persunal inkarigat mill-kontrolli uffiċjali mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar l-istandards tal-UE għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;

10.  Jisħaq fuq l-importanza tal-applikazzjoni rigoruża tal-aspetti kollha tal-leġiżlazzjoni tal-UE relatati mal-istandards u l-ispezzjonijiet sanitarji (fosthom is-sikurezza tal-ikel, it-traċċabbiltà u l-prevenzjoni), li huma aspetti kruċjali għall-ħarsien tal-konsumatur, għall-importazzjonijiet tas-sajd u tal-akkwakultura, inkluż l-għalf u l-materjal tal-għalf; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex issaħħaħ il-programm tagħha ta' spezzjonijiet ta' pajjiżi terzi billi ttejjeb il-ħidma tal-missjonijiet tal-Uffiċċji tal-Ikel u Veterinarji, prinċipalment billi żżid l-għadd ta' stabbilimenti spezzjonati waqt kull missjoni, sabiex tikseb riżultati li jirriflettu aħjar is-sitwazzjoni reali fil-pajjiżi terzi;

11.  Jinnota li anke l-awditi mwettqa mid-DĠ SANTE juru li xi pajjiżi terzi għadhom lura ħafna milli jiżguraw li l-prodotti jissodisfaw l-istandards sanitarji meħtieġa, għall-inqas f'dak li jirrigwarda s-sajd u l-bastimenti fabbriki u l-bastimenti refriġeraturi, u dan ixekkel il-kontrolli sanitarji mwettqa fil-postijiet ta' spezzjoni tal-fruntieri tal-UE biex jivverifikaw li jintlaħqu r-rekwiżiti sanitarji legali;

12.  Jinsab allarmat dwar osservazzjonijiet li bastimenti tas-sajd mhux tal-UE li joperaw 'il barra mill-Afrika tal-Punent jesperjenzaw diffikultajiet biex jiżguraw it-traċċabbiltà tal-prodotti u osservanza tal-istandards sanitarji; jemmen li ma nistgħux niddependu għalkollox fuq il-veraċità taċ-ċertifikati maħruġa minn pajjiżi terzi għal bastimenti u stabbilimenti awtorizzati li jesportaw lejn l-UE;

13.  Jemmen li l-fatt li pajjiżi terzi jitħallew jiddelegaw lil pajjiżi terzi magħżula oħra d-dritt li jagħtu tali ċertifikati, anke lil Stat kostali, imur kontra l-kunċett tar-responsabbiltà ta' stat tal-bandiera li jsejjes il-PKS, inkluż ir-Regolament IUU, b'mod partikolari r-responsabbiltajiet tal-istat tal-bandiera li jivvalida ċ-ċertifikat ta' qabda; iqis li l-Kummissjoni għandha twaqqaf il-prattika li tippermetti lil pajjiżi terzi jiddelegaw awtorità bħal din lil pajjiżi oħra;

14.  Jemmen, barra minn hekk, li spezzjoni sanitarja tal-bastimenti tas-sajd għandha titwettaq mill-awtoritajiet kompetenti tal-inqas darba fis-sena;

Drittijiet tax-xogħol

15.  Jikkuntrasta r-rekord tajjeb tal-Istati Membri fir-ratifika tal-konvenzjonijiet tax-xogħol li huma relatati mal-baħħara mar-rekord verament fqira tagħhom fir-ratifika tal-konvenzjonijiet relatati mas-sajjieda, u jħeġġiġhom jirratifikaw l-istrumenti rilevanti minnufih, fosthom il-Konvenzjoni Nru 188 tal-ILO, il-Ftehim ta' Cape Town u l-STCW-F;

16.  Jifraħ lis-sħab soċjali għas-suċċess tagħhom fl-użu tal-Artikolu 155 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) biex jinnegozjaw id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/159(12), li timplimenta parzjalment il-Konvenzjoni 188 tal-ILO, filwaqt li jiddispjaċih li din ma tkoprix is-sajjieda li jaħdmu għal rashom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tlesti l-proċess billi tressaq proposta għal direttiva komplementari li tinkludi dispożizzjonijiet ta' infurzar, kif għamlet għat-tbaħħir;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tniedi proċeduri għall-użu tal-Artikolu 155 tat-TFUE fir-rigward tal-STCW-F sabiex ittejjeb is-sigurtà marittima fis-sajd, li huwa rikonoxxut b'mod wiesa' bħala waħda mill-professjonijiet l-aktar perikolużi fid-dinja;

18.  Jappoġġa l-isforzi kontinwi biex il-politika tas-sajd tal-UE tittejjeb sabiex issir aktar sostenibbli f'termini ambjentali, li jiżgura s-sopravivenza fit-tul tal-komunitajiet kostali u sors ta' ikel sustanzjuż; dan jikkuntrasta mal-ftuħ dejjem jikber tas-suq tal-UE għal prodotti tas-sajd minn pajjiżi terzi li r-reġimi ta' ġestjoni tagħhom mhumiex daqstant stretti; iqis li dan jikkostitwixxi nuqqas ta' koerenza bejn il-politika tas-sajd u l-politika tal-kummerċ;

Il-politika tal-kummerċ

19.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li xi kultant il-Kummissjoni tibgħat sinjali kunfliġġenti lil pajjiżi terzi, bħal fir-rigward tan-negozjar ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) jew inkella t-twessigħ b'xi mod ieħor tal-aċċess għas-suq tal-UE ma' pajjiżi li ġew identifikati minn qabel skont ir-Regolament IUU jew ir-Regolament dwar is-Sajd Mhux Sostenibbli(13);

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura koordinazzjoni mill-qrib bejn il-politiki tal-kummerċ u tas-sajd tal-Unjoni, inkluż fin-negozjati ta' ftehimiet ta' kummerċ li jinvolvu kwistjonijiet marbuta mas-sajd; iqis li huwa essenzjali li jiġi analizzat l-impatt ekonomiku u soċjali tal-FTAs fuq il-prodotti tas-sajd tal-UE, li jiġu stabbiliti l-miżuri ta' salvagwardja adegwati fejn ikun meħtieġ u li ċerti prodotti tal-ħut jiġu trattati bħala sensittivi;

21.  Iqis li l-UE, bħala l-akbar importatur ta' prodotti tas-sajd fid-dinja, taqsam ir-responsabbiltà politika ma' pajjiżi oħra li huma importaturi ewlenin tal-ħut li tiżgura li r-regoli kummerċjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ikunu konformi mal-ogħla standards dinjija possibbli tal-ġestjoni u tal-konservazzjoni tas-sajd; jistieden, għal dan il-għan, lill-Kummissjoni tiżgura li fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali u multilaterali tal-UE jiġi msaħħaħ il-kummerċ ġust, trasparenti u sostenibbli tal-ħut;

22.  Jinsisti li l-FTAs u ftehimiet multilaterali oħra b'dispożizzjonijiet kummerċjali nnegozjati mill-Kummissjoni għandhom jinkludu kapitoli rinfurzati dwar l-iżvilupp sostenibbli li jindirizzaw preokkupazzjonijiet speċifiċi tas-sajd u li:

   jirrinfurzaw b'mod espliċitu r-rekwiżiti tar-Regolament IUU u jobbligaw lill-pajjiż terz iniedi proċedura biex jipprevjeni ħut IUU milli jidħol fis-suq tiegħu, sabiex dan jinżamm milli jidħol fl-UE b'mod indirett;
   jirrikjedu lill-pajjiż terz jirratifika u jimplimenta b'mod effettiv strumenti tas-sajd internazzjonali ewlenin, bħall-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, il-Ftehim tan-NU dwar l-Istokkijiet tal-Ħut, il-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) u l-Ftehim ta' Osservanza tal-FAO, u jaderixxi mal-istandards tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) rilevanti;

23.  Jitlob li jitqiesu serjament l-interessi tar-reġjuni ultraperiferiċi f'każ ta' dħul fi ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli jew fi ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi, u tiġi prevista, jekk ikun meħtieġ, l-esklużjoni ta' prodotti sensittivi;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fit-tfassil ta' ftehim ta' wara l-Brexit, tagħmel l-aċċess tar-Renju Unit għas-suq tal-UE għal prodotti tas-sajd u l-akkwakultura dipendenti fuq l-aċċess tal-bastimenti tal-UE għall-ilmijiet Brittaniċi u fuq l-applikazzjoni tal-PKS;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-emenda tar-Regolament SĠP(14) biex jinkludi strumenti importanti tas-sajd, bħall-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, il-Ftehim tan-NU dwar l-Istokkijiet tal-Ħut, il-Ftehim ta' Osservanza tal-FAO u l-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port tal-FAO, fost dawk li jeħtieġ jiġu ratifikati u applikati, u dispożizzjonijiet li jippermettu s-sospensjoni tal-istatus ta' SĠP+ f'każijiet fejn id-dispożizzjonijiet ta' dawn l-istrumenti ma jiġux applikati;

26.  Jenfasizza li sabiex jiġu rettifikati n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fl-FTAs u sabiex tingħata saħħa lil dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkorporaw mekkaniżmu vinkolanti ta' riżoluzzjoni tat-tilwim (li tkun tinkludi konsultazzjonijiet bejn il-gvernijiet, proċedura ta' panel, aċċess pubbliku għad-dokumenti u konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili), flimkien mal-possibbiltà li jiġu applikati sanzjonijiet fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-impenji internazzjonali tagħhom;

27.  Jesprimi allarm dwar id-dgħufijiet u l-lakuni fil-kontrolli doganali deskritti fir-Rapport Speċjali Nru 19/2017 tal-QEA, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fih malajr kemm jista' jkun;

28.  Jinnota li minbarra l-obbligi ġenerali ta' divulgazzjoni mhux finanzjarja għal kumpaniji kbar, ġew imposti rekwiżiti addizzjonali għal responsabbiltajiet miżjuda ta' diliġenza dovuta fuq atturi ta' kull daqs (inklużi l-SMEs) f'żewġ setturi problematiċi – l-injam u l-minerali ta' kunflitt – li għandhom jiġu applikati tul il-proċess kollu tal-katina tal-kustodja; iqis li jkun ta' benefiċċju kieku obbligi simili jiġu introdotti għall-prodotti tas-sajd, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-vijabbiltà tal-introduzzjoni ta' rekwiżiti ta' diliġenza dovuta għal dawn il-prodotti;

Standards tal-kummerċjalizzazzjoni

29.  Jinnota li, filwaqt li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura japplikaw għall-prodotti kollha tas-sajd u tal-akkwakultura, dawk dwar it-tikkettar għall-konsumaturi japplikaw biss għal grupp ta' prodotti relattivament żgħir, bl-esklużjoni tal-prodotti ppreparati, ippreservati jew ipproċessati; iqis li l-informazzjoni għall-konsumaturi għandha tittejjeb għal dawn il-prodotti, anke bl-inklużjoni ta' informazzjoni obbligatorja addizzjonali fuq it-tikketti tagħhom; iqis li t-tikkettjar ta' dawn il-prodotti jeħtieġ jittejjeb, sabiex il-konsumaturi jingħataw informazzjoni u jiġi żgurat li l-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu traċċabbli;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi kampanji ta' informazzjoni dwar l-isforzi tas-sostenibbiltà għas-sajjieda u dawk li jrabbu l-ħut tal-UE, b'enfasi fuq l-istandards kwalitattivi u ambjentali għolja meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-UE meta mqabbla ma' dawk ta' pajjiżi terzi;

31.  Iqis li l-konformità stretta mal-politika komuni tas-sajd u leġiżlazzjoni oħra tal-UE tiggarantixxi r-rispett ta' standards għoljin fl-oqsma ambjentali, iġjeniċi-sanitarji u soċjali min-naħa tal-flotta tal-UE, u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina minnufih il-possibilità li tinħoloq tabella biex jiġu identifikati l-prodotti tas-sajd tal-UE;

32.  Jesprimi l-konvinzjoni li l-konsumaturi Ewropej spiss jagħmlu għażliet differenti kieku jkunu infurmati aħjar dwar in-natura vera tal-prodotti għall-bejgħ, l-oriġini ġeografika tagħhom, il-kwalità tagħhom u l-kundizzjonijiet li fihom ġew prodotti jew maqbuda;

33.  Iqis li l-informazzjoni obbligatorja fuq it-tikketti tal-prodotti mis-sajd għandhom jinkludu wkoll l-Istat tal-bandiera tal-bastiment li jkun qabad il-prodott;

34.  Jilqa' t-tnedija riċenti tal-Kummissjoni ta' evalwazzjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni li ġew adottati għall-ewwel darba għaxar snin ilu sabiex jiġi ddeterminat liema standards għandhom jiġu applikati fid-dawl tal-prattiki tal-kummerċjalizzazzjoni u tat-teknoloġiji tal-lum disponibbli għat-traċċabbiltà tal-prodott;

Reġim ta' kontroll

35.  Iqis li t-tliet regolamenti li jinkludu r-reġim ta' kontroll jikkostitwixxu pakkett ibbilanċjat u wasslu għal titjib sinifikanti fil-ġestjoni tas-sajd fl-UE;

36.  Ifaħħar lill-Kummissjoni għall-mod li bih infurzat ir-Regolament IUU fir-rigward tal-pajjiżi terzi, u wriet li l-UE jista' jkollha influwenza enormi fuq is-sajd dinji fir-rwol tagħha ta' stat tas-suq responsabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tpoġġi pressjoni fuq Stati tas-suq oħra biex jimplimentaw miżuri li jipprevjenu ħut maqbud b'mod IUU milli jidħol fis-suq tagħhom;

37.  Jenfasizza r-rapport ippubblikat reċentement mis-soċjetà ċivili li janalizza l-fluss ta' importazzjonijiet ta' frott tal-baħar lejn il-pajjiżi tal-UE mill-2010, is-sena li fiha daħal fis-seħħ ir-Regolament IUU, u li juri kif in-nuqqasijiet fil-kontrolli fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi lejn l-Istati Membri u l-fatt li r-regoli mhumiex uniformi jista' jippermetti li prodotti mhux konformi jidħlu fis-suq tal-UE; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-pajjiżi ta' tranżitu u ta' destinazzjoni jsaħħu l-koordinazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw li ċ-ċertifikati tal-qabdiet maħruġin għall-importazzjonijiet tal-ħut jiġu eżaminati aktar bir-reqqa; iqis li huwa vitali li tiġi adottata sistema kompjuterizzata Ewropea li tkun armonizzata u kkoordinata u li tista' tiffaċilita l-kontrolli fuq l-importazzjonijiet tal-ħut fl-Istati Membri;

38.  Jemmen li l-Kummissjoni u wħud mill-Istati Membri naqsu milli jimplimentaw b'mod strett it-tliet regolamenti kollha u naqsu milli jinfurzawhom, kif ġie rikonoxxut f'dokumenti prodotti mill-Kummissjoni, il-QEA u osservaturi indipendenti;

39.  Jemmen li, minbarra l-applikazzjoni tar-Regolament IUU, jeħtieġ li jsiru aktar kontrolli downstream fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta' ħut bħal dan, partikolarment permezz ta' awditi aktar rigorużi tal-Istati Membri u ta' intrapriżi suspettati b'forniment ta' prodotti li joriġinaw minn sajd illegali;

40.  Jitlob lill-Kummissjoni tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura li l-pajjiżi kollha li jesportaw prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura lejn l-UE japplikaw politiki stretti fir-rigward tal-konservazzjoni tal-istokkijiet; jinkoraġġiha biex tikkopera ma' dawn il-pajjiżi fil-fora kollha xierqa u fl-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd b'mod partikolari;

41.  Josserva li n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni seħħew f'diversi aspetti u jinkludu:

   livelli mhux indaqs ta' sanzjonijiet u nuqqas ta' implimentazzjoni tas-sistemi tal-punti fl-Istati Membri differenti;
   sanzjonijiet li mhux dejjem huma dissważivi, effettivi jew proporzjonati biżżejjed biex jipprevjenu li l-ksur jirrepeti ruħu;
   il-ġbir u l-iskambju mhux sodisfaċenti tad-data mill-Istati Membri u bejniethom, b'mod partikolari minħabba n-nuqqas ta' bażi ta' data komuni u kompatibbli;
   traċċabbiltà batuta tal-ħut, inkluż meta jaqsam fruntieri nazzjonali;
   kontroll ħażin tal-prattiki tal-użin;
   differenzi sinifikanti fil-verifika tal-importazzjonijiet u tal-punti ta' dħul, inklużi ċ-ċertifikati tal-qabdiet;
   nuqqas ta' definizzjoni ċara u uniformi ta' ksur serju fl-Istati Membri kollha;

42.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li meta prodott importat ikun miċħud f'port fi Stat Membru partikolari ma jkunx jista' jidħol fis-suq tal-UE minn port ieħor fi Stat Membru ieħor;

43.  Jaqbel li ċerti dispożizzjonijiet tar-regolamenti tar-reġim ta' kontroll huma miftuħa għall-interpretazzjoni u xekklu l-implimentazzjoni uniformi, iżda jqis li jekk ikun hemm biżżejjed ftuħ u rieda politika, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw implimentazzjoni aktar armonizzata tal-leġiżlazzjoni eżistenti, pereżempju bl-użu ta' linji gwida u interpretazzjonijiet;

44.  Jinnota li din kienet l-intenzjoni tal-Grupp ta' Esperti dwar il-Konformità mal-obbligi skont is-sistema ta' kontroll tas-sajd tal-Unjoni Ewropea, stabbilit bħala parti mir-riforma tal-PKS bħala lok għal diskussjoni b'onestà u b'attitudni li ma tiġġudikax, dwar in-nuqqasijiet fost l-atturi, u jiddispjaċih li dan mhux il-mod kif żviluppa l-grupp s'issa;

45.  Iqis li jeħtieġ li jsir ħafna aktar biex titħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tar-reġim ta' kontroll, inkluż segwitu xieraq tal-ksur skopert, rappurtar aħjar mill-Istati Membri dwar l-azzjonijiet meħuda u skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni;

46.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża s-sett sħiħ ta' strumenti għad-dispożizzjoni tagħha biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jimplimentaw għalkollox id-dispożizzjonijiet tar-reġim ta' kontroll, inkluż, fejn xieraq, billi jinżammu l-fondi mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd;

47.  Itenni l-konklużjoni milħuqa fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar kif il-kontrolli tas-sajd fl-Ewropa jistgħu jsiru uniformi(15), li kwalunkwe reviżjoni tar-Regolament ta' Kontroll jew tar-Regolament IUU jeħtieġ li tkun immirata u tiffoka li tittratta biss dawk l-aspetti li jxekklu l-kontrolli effettivi u simili f'kull Stat Membru tal-Unjoni;

48.  Jitlob li s-setgħat tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) jiġu estiżi biex ikopru l-verifiki dwar bastimenti koperti minn ftehimiet tas-sajd, fosthom abbażi ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-istat firmatarju, u li l-EFCA tingħata r-riżorsi li teħtieġ biex tagħmel dan;

49.  Jiddispjaċih ħafna dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tvara reviżjoni maġġuri tar-reġim kollu ta' kontroll mingħajr konsultazzjonijiet pubbliċi xierqa dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament IUU, il-mandat tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd jew ir-reviżjoni tal-pakkett kollu, kif meħtieġ skont il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar; iqis li konsultazzjoni pubblika formali dwar dawn l-elementi kollha, qabel it-tressiq ta' proposta għal reviżjoni, jippermetti lill-partijiet interessati kollha jkollhom input biżżejjed fuq ir-reviżjoni ta' dan il-pilastru tant kritiku tal-PKS;

50.  Jinsisti bil-qawwa fuq il-fatt li r-reviżjoni ma trid twassal għall-ebda dgħufija tal-miżuri attwali, iżda, minflok, għandha ttejjeb u ssaħħaħ il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fil-kontrolli tas-sajd, bħala l-uniku mod possibbli sabiex tiġi ggarantita d-dimensjoni "komuni" tal-politika komuni tas-sajd;

51.  Jinsisti li r-reġim ta' kontroll rivedut irid jinkludi, fost il-prinċipji bażiċi tiegħu:

   standards u regoli tal-UE kollha rigward l-ispezzjonijiet fuq il-baħar, fil-port u tul il-katina kollha tal-kustodja;
   traċċabbiltà sħiħa tal-ħut hekk tul il-katina sħiħa tal-kustodja, mill-bastiment sal-punt finali tal-bejgħ;
   data kompluta dwar il-qabdiet mill-operaturi kollha, inklużi l-bastimenti ta' taħt l-10 metri u s-sajjieda rikreattivi;
   livelli komuni ta' sanzjonijiet fl-Istati Membri kollha;
   definizzjoni komuni ta' x'jikkostitwixxi ksur;
   sistema ta' punti applikata mill-Istati Membri kollha b'mod ekwivalenti;
   sanzjonijiet li jkunu dissważivi, effettivi u proporzjonati biżżejjed;
   sistema aċċessibbli għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri kollha għall-iskambju tal-informazzjoni kollha dwar ksur osservat u dwar is-segwitu legali u ġudizzjarju;
   adozzjoni sħiħa tat-titjib fit-teknoloġiji disponibbli u l-ħila li t-teknoloġiji futuri jiġu adottati hekk kif jevolvu, mingħajr il-ħtieġa ta' emenda leġiżlattiva;
   l-istabbiliment mhux ambigwu tar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, u fejn japplika, tar-reġjuni fi ħdan l-Istati Membri;
   l-ebda reġjonalizzazzjoni tar-Regolament ta' Kontroll;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tissottometti l-proposta tagħha għall-emenda tar-Regolament ta' Kontroll malajr kemm jista' jkun;

53.  Jinsisti li d-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tar-Regolament IUU ma jridux jinbidlu jew jiddgħajfu, meta wieħed iqis is-suċċess enormi ta' dan ir-regolament u l-impatt tiegħu fuq is-sajd fid-dinja;

54.  Jinsisti li l-inklużjoni ta' pajjiżi terzi fil-proċessi tar-Regolament IUU ta' identifikazzjoni minn qabel, identifikazzjoni u elenkar trid tkun mingħajr indħil politiku ta' kwalunkwe tip u li t-tneħħija mill-elenku trid tkun ibbażata strettament fuq il-ksib sħiħ mill-pajjiż ikkonċernat tat-titjib meqjus neċessarju mill-Kummissjoni;

55.  Iqis li r-rwol tal-EFCA għandu jiġi msaħħaħ biex jippermetti l-involviment akbar tagħha fl-applikazzjoni r-Regolament IUU u r-Regolament ta' Kontroll, inkluża l-verifika u l-kontroverifika tad-data tul il-katina ta' kustodja, l-ippjanar u l-koordinazzjoni tal-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, u l-verifika taċ-ċertifikati tal-qabdiet;

o
o   o

56.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(2) ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006. (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.)
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999; (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.)
(4) Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008; (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81.)
(5) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1.
(6) ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.
(7) ĠU L 316, 14.11.2012, p. 34.
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0195.
(9) ĠU C 351E, 2.12.2011, p. 119.
(10) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008.
(11) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.
(12) ĠU L 25, 31.1.2017, p. 12.
(13) Ir-Regolament (UE) Nru 1026/2012.
(14) Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012; (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.)
(15) Testi adottati, P8_TA(2016)0407.


Il-ġejjieni tal-ikel u tal-biedja
PDF 248kWORD 90k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-ġejjieni tal-ikel u tal-biedja (2018/2037(INI))
P8_TA(2018)0224A8-0178/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja" (COM(2017)0713),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 38 u 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jistabbilixxu l-politika agrikola komuni (PAK) u l-objettivi tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 40 u 42 tat-TFUE li jistabbilixxu organizzazzjoni komuni tas-swieq (OKS) fil-prodotti agrikoli u l-ambitu tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-produzzjoni u l-bejgħ ta' prodotti agrikoli,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-TFUE, li jiddefinixxi l-istatut tar-reġjuni ultraperiferiċi u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati għal dawn ir-reġjuni,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u (UE) Nru 652/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti(1) (regolament "omnibus"),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta' annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja(2),

–  wara li kkunsidra d-Dokument Informattiv u Analitiku tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-ġejjieni tal-PAK, ippubblikat fid-19 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi(3) u r-rapport tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2017 dwar il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Istati Membri u dwar il-progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi (COM(2017)0587),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2018 dwar it-twaqqif, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat ta' kumitat speċjali dwar il-proċeduri tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi(4),

–  wara li kkunsidra r-Rapporti Speċjali tal-QEA Nru 16/2017 bit-titolu "Programmazzjoni tal-Iżvilupp Rurali: jeħtieġ li jkun hemm inqas kumplessità u aktar fokus fuq ir-riżultati" u Nru 21/2017 bit-titolu "Ekoloġizzazzjoni: skema aktar kumplessa ta' appoġġ għall-introjtu, li għadha mhijiex ambjentalment effettiva",

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2017 dwar il-futur tal-finanzi tal-UE (COM(2017)0358),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Frar 2018 bit-titolu "Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b'mod effiċjenti wara l-2020" (COM(2018)0098),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Cork 2.0 tal-2016, "Ħajja Aħjar fiż-Żoni Rurali", maħruġa fl-okkażjoni tal-Konferenza Ewropea dwar l-Iżvilupp Rurali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni kurrenti u l-prospetti futuri għas-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-UE(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar strateġija Ewropea għall-promozzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini – Inħeġġu l-produzzjoni tal-pjanti leguminużi u li fihom il-proteini fis-settur agrikolu Ewropew(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-QFP li jmiss: tħejjija tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-QFP wara l-2020(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2018 dwar prospettivi u sfidi għas-settur tal-apikultura tal-UE(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-konċentrazzjoni tal-art agrikola fl-UE: kif niffaċilitaw l-aċċess tal-bdiewa għall-art(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 dwar in-nisa u r-rwol tagħhom fiż-żoni rurali(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-għodod tal-PAK biex titnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq agrikoli(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar kif il-PAK tista' ttejjeb il-ħolqien tal-impjiegi fiż-żoni rurali(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar it-tisħiħ tal-innovazzjoni u tal-iżvilupp ekonomiku fil-ġestjoni futura tal-farms Ewropej(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2015 dwar il-prospettivi għas-settur tal-ħalib tal-UE – rieżami tal-implimentazzjoni tal-Pakkett dwar il-Prodotti magħmula mill-Ħalib(14),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "Tfassil mill-ġdid possibbli tal-Politika Agrikola Komuni"(15),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni bit-titolu "Il-PAK wara l-2020"(16),

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, li l-maġġoranza tagħhom huma rilevanti għall-PAK,

–  wara li kkunsidra r-rapport u l-konklużjonijiet ta' Novembru 2016 tat-Task Force għas-Swieq Agrikoli bit-titolu "Improving Market Outcomes – Enhancing the Position of Farmers in the Supply Chain" (Intejbu l-eżiti tas-swieq – Insaħħu l-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi fl-okkażjoni tal-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) tal-2015, u b'mod partikolari l-impenji meħuda mill-Unjoni Ewropea bħala "kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali" (NDCs) sabiex jintlaħqu l-għanijiet dinjija tal-ftehim,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-iskema ta' miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (POSEI) (COM(2016)0797),

–  wara li kkunsidra l-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR), imħabbra fl-2016 (COM(2016)0316), li hija għodda li tgħin biex il-benefiċċji tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki ambjentali tal-UE jaslu għand in-negozji u ċ-ċittadini permezz ta' implimentazzjoni aħjar,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0178/2018),

A.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġejjieni tal-ikel u tal-biedja tirrikonoxxi li l-politika agrikola komuni (PAK) hija waħda mill-aktar politiki qodma u integrati fl-UE u hija ta' importanza strateġika globali, u għandha tkun imfassla biex tippermetti lis-settur tal-biedja u tal-forestrija tal-UE jirrispondi għall-esiġenzi ġustifikati taċ-ċittadini mhux biss fir-rigward tas-sikurezza, is-sigurtà, il-kwalità u s-sostenibbiltà tal-ikel, iżda anke fir-rigward tal-ħarsien ambjentali, il-bijodiversità u l-protezzjoni tar-riżorsi naturali, l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima, l-iżvilupp rurali, is-saħħa, l-impjiegi u standards għoljin fil-benessri tal-annimali;

B.  billi huwa fatt li issa l-PAK trid tiġi riformata sabiex twieġeb b'mod aktar sodisfaċenti kemm għall-ħtiġijiet tal-persuni li hija primarjament indirizzata lilhom – il-bdiewa – u kemm għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini b'mod ġenerali;

C.  billi l-PAK hija ta' importanza kbira fl-Ewropa kollha għal madwar 12-il miljun azjenda agrikola;

D.  billi l-art agrikola tammonta għal 47 % tat-territorju Ewropew u fl-UE hemm 22 miljun bidwi u ħaddiem agrikolu;

E.  billi l-għanijiet tal-PAK għandhom ikunu li tiżgura s-sikurezza u s-sovranità tal-ikel, kif ukoll ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-sistemi agrikoli u t-territorji tal-UE;

F.  billi l-objettiv globali tal-UE li jkun hemm settur agrikolu u forestali multifunzjonali u diversifikat li joħloq l-impjiegi, ikun ġust, ikun xprunat minn prattiki agrikoli sostenibbli u jippermetti l-preservazzjoni ta' azjendi agrikoli żgħar u tal-familja vijabbli li jistgħu jiġu akkwistati u mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra, jibqa' kruċjali sabiex jitwasslu l-esternalitajiet pożittivi u l-beni pubbliċi li jesiġu ċ-ċittadini Ewropej (prodotti u servizzi alimentari u mhux alimentari);

G.  billi huwa essenzjali li titwaqqaf u titreġġa' lura l-konċentrazzjoni attwali tal-poter f'idejn is-settur il-kbir tal-bejgħ bl-imnut u l-kumpaniji l-kbar;

H.  billi kwalunkwe tibdil fil-PAK attwali jrid ikun ibbażat fuq miri strateġiċi biex tissaħħaħ il-kompetittività u jiġi żgurat ikel tajjeb u sikur;

I.  billi, għal aktar minn 25 sena, il-PAK għaddiet regolarment minn riformi ddettati mill-ftuħ tal-agrikoltura Ewropea għas-swieq internazzjonali u minn sfidi ġodda f'oqsma bħall-ambjent u t-tibdil fil-klima; billi issa hemm bżonn pass ieħor f'dan il-proċess kontinwu ta' aġġustament sabiex il-PAK tiġi ssimplifikata, immodernizzata u orjentata mill-ġdid sabiex tassigura l-introjtu tal-bdiewa u tilħaq b'mod aktar effettiv l-aspettattivi tas-soċjetà b'mod ġenerali, partikolarment fir-rigward tal-kwalità u s-sigurtà alimentari, it-tibdil fil-klima, is-saħħa pubblika u l-impjiegi, filwaqt li tiżgura ċertezza politika u sigurtà finanzjarja għas-settur, sabiex ikun hemm żoni rurali sostenibbli, tiġi indirizzata s-sigurtà alimentari u jiġi żgurat li l-miri klimatiċi u ambjentali Ewropej jintlaħqu, kif ukoll biex jiżdied il-valur miżjud Ewropew;

J.  billi, għalkemm il-Kummissjoni semmiet il-komunikazzjoni tagħha dwar ir-riforma li għaddejja fil-PAK "Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja", ma tat l-ebda garanzija li l-baġit tal-PAK se jinżamm, u billi huwa essenzjali li dan jiġi indirizzat qabel jiġu ppreżentati l-proposti leġiżlattivi li jmiss; billi dawn iridu jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda rinazzjonalizzazzjoni tal-PAK, li l-funzjonament xieraq tas-suq uniku ma jiġix imfixkel, u li jkun hemm simplifikazzjoni ġenwina għall-benefiċjarji, mhux biss fil-livell tal-UE iżda anke fil-livell tal-Istati Membri, reġjonali, lokali u tal-azjendi agrikoli, kif ukoll flessibbiltà u sigurtà ġuridika għall-bdiewa u għas-sidien tal-foresti, filwaqt li jiżguraw għanijiet ambjentali ambizzjużi u li l-miri tal-PAK il-ġdida jintlaħqu mingħajr ma jiżdiedu restrizzjonijiet ġodda fuq l-Istati Membri u, b'hekk, saff ġdid ta' kumplessità li jwassal għal dewmien fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali;

K.  billi mudell ta' implimentazzjoni ġdid għandu jiżgura relazzjoni diretta bejn l-UE u l-bdiewa Ewropej;

L.  billi l-PAK trid taqdi rwol importanti biex jissaħħu l-produttività u l-kompetittività fit-tul tas-settur u jiġu evitati l-istaġnar u l-volatilità tal-introjtu tal-azjendi agrikoli, li, minkejja l-konċentrazzjoni u l-intensifikazzjoni tal-produzzjoni u ż-żieda fil-produttività, xorta waħda għadu, bħala medja, aktar baxx mill-bqija tal-ekonomija;

M.  billi l-pagamenti diretti jipprovdu l-ewwel saff sostanzjali ta' stabbiltà u xibka ta' sikurezza għall-introjtu tal-azjendi agrikoli, peress li jirrappreżentaw porzjon tanġibbli annwali tal-introjtu tal-biedja, u saħansitra sa 100 % tad-dħul tal-azjendi agrikoli f'ċerti reġjuni; billi dawn il-pagamenti għandhom jitkomplew sabiex il-bdiewa jiġu megħjuna jikkompetu fuq l-istess livell ma' pajjiżi terzi;

N.  billi ktajjen tal-valur rurali ġodda fil-bijoekonomija jistgħu joffru potenzjal tajjeb ta' tkabbir u impjiegi fiż-żoni rurali;

O.  billi l-pagamenti diretti jridu jkunu aktar immirati għall-bdiewa, peress li dawn huma n-nies li jikkontribwixxu għall-istabbiltà u l-futur tar-reġjuni rurali tagħna u li qed jiffaċċjaw ir-riskji ekonomiċi tas-suq;

P.  billi, f'dawn l-aħħar snin, il-bdiewa kellhom iħabbtu wiċċhom ma' żieda fil-volatilità tal-prezzijiet, li kienet tirrifletti ċ-ċaqliq tal-prezzijiet fis-swieq globali u l-inċertezza kkawżata minn żviluppi makroekonomiċi, politiki esterni bħal kwistjonijiet kummerċjali, politiċi u diplomatiċi, kriżijiet sanitarji, kwantitajiet eċċessivi f'ċerti setturi Ewropej, tibdil fil-klima u avvenimenti estremi tat-temp aktar frekwenti fl-UE;

Q.  billi l-għodod speċifiċi għas-setturi tal-Mediterran għandhom jibqgħu fil-Pilastru I;

R.  billi huwa essenzjali li jiġu previsti għodod flessibbli u reattivi li jgħinu lis-setturi sensittivi u strateġiċi jaffrontaw il-bidliet strutturali, bħall-konsegwenzi potenzjali tal-Brexit jew tal-ftehimiet kummerċjali bilaterali approvati mas-sħab ewlenin tal-UE;

S.  billi l-istrateġiji settorjali għall-frott u l-ħaxix, l-inbid u l-apikultura għandhom jibqgħu obbligatorji għall-pajjiżi produtturi, u għandhom jinżammu l-ispeċifiċitajiet tal-għodod u r-regoli relatati;

T.  billi huwa essenzjali li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, prezzijiet ġusti u standard tal-għajxien ġust għall-bdiewa kollha fir-reġjuni u l-Istati Membri kollha tal-UE, biex b'hekk jiġu żgurati prezzijiet aċċessibbli għaċ-ċittadini u l-konsumaturi u jkun hemm attività agrikola fil-partijiet kollha tal-Unjoni inkluż f'żoni b'restrizzjonijiet naturali; billi huwa essenzjali li nippromwovu l-konsum u d-disponibbiltà ta' ikel ta' kwalità għolja u dieti sani u sostenibbli, filwaqt li jitwettqu l-impenji għas-sostenibbiltà soċjali u ambjentali, l-azzjoni klimatika, is-saħħa, saħħet il-pjanti u l-annimali, il-benessri tagħhom, u l-iżvilupp bilanċjat taż-żoni rurali;

U.  billi l-ilma u l-agrikoltura huma marbutin mill-qrib ma' xulxin, u l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma fis-settur agrikolu hija essenzjali għal produzzjoni alimentari suffiċjenti u ta' kwalità tajba u għall-preservazzjoni tar-riżorsi tal-ilma;

V.  billi l-PAK teħtieġ għodod adegwati biex tindirizza l-vulnerabbiltà tal-agrikoltura quddiem it-tibdil fil-klima u fl-istess ħin tnaqqas il-pressjoni eżerċitata mis-settur fuq ir-riżervi tal-ilma ħelu, responsabbli għal 50 % tal-konsum ta' ilma ħelu fl-UE;

W.  billi, għal aktar ekwità u leġittimità, hemm bżonn sistema ta' pagamenti aġġornata, aktar sempliċi u aktar ġusta;

X.  billi l-PAK attwali m'għandhiex l-istrumenti meħtieġa biex tiżgura introjtu deċenti li jagħti ħajja dinjituża lill-bdiewa ta' età akbar;

Y.  billi ma jeżistux strumenti adegwati li jinkoraġġixxu t-trasferiment tan-negozji mill-ġenerazzjoni tal-bdiewa ta' età akbar għall-ġenerazzjoni żagħżugħa;

Z.  billi skont id-dokument informattiv u analitiku tal-QEA ta' Marzu 2018 dwar il-futur tal-PAK, fl-2010, għal kull 100 maniġer ta' azjenda agrikola li kellhom aktar minn 55 sena, kien hemm 14 li kellhom inqas minn 35 sena, ċifra li niżlet għal 10.8 fl-2013; billi l-età medja tal-bdiewa fl-UE żdiedet minn 49.2 għal 51.4 sena fil-perjodu bejn l-2004 u l-2013; billi, sikwit, l-iżgħar azjendi agrikoli jkunu dawk ta' bdiewa ta' età akbar;

AA.  billi ż-żieda fil-kummerċ globali tippreżenta kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi, relatati fost affarijiet oħra mal-ambjent, it-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-ilma, in-nuqqas ta' art agrikola u d-degradazzjoni tal-art, u għalhekk tirrikjedi aġġustament fir-regoli tal-kummerċ internazzjonali biex ikun jistgħu jinħolqu kundizzjonijiet ekwi komuni bbażati fuq standards għolja u kundizzjonijiet ġusti u sostenibbli għall-iskambju tal-prodotti u s-servizzi, kif ukoll mekkaniżmi mġedda u effiċjenti għall-protezzjoni tal-kummerċ, skont l-istandards soċjali, ekonomiċi, ambjentali, tas-saħħa, sanitarji, fitosanitarji u tal-benessri tal-annimali Ewropej eżistenti;

AB.  billi dawn l-istandards għoljin għandhom jinżammu u jkomplu jiġu promossi fil-livell internazzjonali, b'mod partikolari fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), biex jiġu ppreservati l-interessi tal-produtturi u tal-konsumaturi Ewropej billi jiġu żgurati standards Ewropej fil-ftehimiet kummerċjali dwar l-importazzjoni;

AC.  billi madwar 80 % tal-proteina meħtieġa fl-UE hija importata minn pajjiżi terzi u s'issa għadu ma sarx biżżejjed biex tiġi implimentata strateġija dwar il-proteini fil-PAK;

AD.  billi, filwaqt li għandha tintlaqa' tajjeb l-enfasi fuq ir-riċerka u l-iżvilupp favur l-innovazzjoni ta' prodotti u proċessi li jiffrankaw ir-riżorsi, irid isir aktar sabiex jiġu żviluppati l-kapaċità u l-infrastruttura tar-riċerka meħtieġa biex ir-riżultati tar-riċerka jissarfu fl-ikel u fil-biedja u fi prattika sostenibbli ta' agroforestrija, bl-għajnuna ta' appoġġ adegwat, kif ukoll biex jiġi promoss approċċ b'diversi atturi li jipprevedi l-bdiewa fil-qofol tiegħu u li jkun appoġġjat minn servizzi ta' estensjoni agrikola indipendenti, trasparenti u ffinanzjati b'mod suffiċjenti fl-Istati Membri u fir-reġjuni kollha u bl-iskambju ta' għarfien u servizzi ta' taħriġ fil-livell tal-Istati Membri;

AE.  billi l-appoġġ dirett għall-investiment għandu jkun immirat aħjar lejn l-esiġenzi doppji tal-prestazzjoni ekonomika u ambjentali u jqis il-ħtiġijiet tal-azjendi agrikoli nfushom;

AF.  billi l-Unjoni Ewropea żviluppat sensiela ta' programmi spazjali (EGNOS u Galileo) u programmi ta' osservazzjoni tad-dinja (Copernicus), li l-potenzjal tagħhom għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-PAK u t-tranżizzjoni tal-agrikoltura Ewropea lejn biedja ta' preċiżjoni u lejn il-prestazzjoni ambjentali u ekonomika doppja tal-azjendi għandu jiġu sfruttat kemm jista' jkun;

AG.  billi l-biċċa l-kbira tar-riċerka fil-bijoteknoloġija issa tinsab barra mill-UE, fejn normalment tiffoka fuq kwistjonijiet agroekonomiċi li mhumiex rilevanti għas-settur tal-UE, u b'hekk tirriżulta f'telf potenzjali ta' investiment u attenzjoni;

AH.  billi, abbażi tal-esperjenzi reċenti, l-isfruttament u l-promozzjoni tal-proċessi naturali biex jitjiebu r-rendiment u r-reżiljenza x'aktarx inaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni;

AI.  billi settur agrikolu, alimentari u forestali kompetittiv jeħtieġ ikompli jaqdi rwol b'saħħtu biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u tal-ħarsien ambjentali tal-UE stabbiliti fi ftehimiet internazzjonali bħall-COP21 u l-SDGs tan-NU, bl-għoti ta' inċentivi u kumpens lill-bdiewa għall-kontribut tagħhom u b'assistenza permezz ta' tnaqqis fil-piżijiet regolatorji u amministrattivi bla bżonn fil-miżuri li jidħlu għalihom;

AJ.  billi l-livell taż-żieda fit-temperaturi medji globali tal-wiċċ prevista għas-seklu 21, u l-konsegwenzi immedjati tagħha għall-kundizzjonijiet klimatiċi, jeħtieġu sistema alimentari ambjentalment sostenibbli li tiggarantixxi produzzjoni sikura u abbundanti, mingħajr ma l-Unjoni tkun dipendenti fuq swieq oħra;

AK.  billi huwa importanti li l-PAK tal-ġejjieni tkun koerenti mal-SDGs, mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-politiki tal-UE, b'mod partikolari fl-oqsma tas-sostenibbiltà, l-ambjent, il-klima, is-saħħa pubblika u l-ikel;

AL.  billi l-agrikoltura hija wieħed mis-setturi tal-ekonomija li huma mistennija jikkontribwixxu għall-objettiv li, sal-2030, l-emissjonijiet ta' gassijiet serra jitnaqqsu bi 30 % meta mqabbla mal-livelli tal-2005 skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi;

AM.  billi l-bdiewa ż-żgħar jammontaw għal madwar 40 % tal-azjendi agrikoli tal-UE, iżda jirċievu biss 8 % tas-sussidji tal-PAK;

AN.  billi s-17-il SDG jistabbilixxu objettivi ġodda u ċari għall-PAK wara l-2020;

AO.  billi l-PAK integrat progressivament l-objettivi ambjentali billi żgurat li r-regoli tagħha jkunu kompatibbli mal-obbligi ambjentali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE u li l-bdiewa jkunu konformi ma' dawk l-obbligi u anke jippromwovu l-iżvilupp ta' prattiki agrikoli sostenibbli li jippreservaw l-ambjent u l-bijodiversità;

AP.  billi l-konsum ta' xaħmijiet saturati u laħam aħmar fl-Unjoni jibqa' ferm ogħla mill-konsum nutrizzjonali rrakkomandat u l-industrija tal-ikel qed tkompli tagħti kontribut sostanzjali għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra u tan-nitroġenu;

AQ.  billi ċ-ċrieki ta' produzzjoni magħluqa – produzzjoni, pproċessar u ppakkjar fl-istess reġjun – iżommu l-valur miżjud fir-reġjun ikkonċernat u b'hekk jiżguraw aktar impjiegi fl-inħawi lokali, u għalhekk juru l-potenzjal li terġa' tingħata l-ħajja liż-żoni rurali;

AR.  billi l-PAK issegwi objettivi ekonomiċi u ambjentali inseparabbli, u dan l-approċċ fuq żewġ binarji jrid jiġi ppreservat u anke msaħħaħ, fil-kuntest tar-riforma tal-Pilastru I u tal-iskema tal-ekoloġizzazzjoni, favur tranżizzjoni lejn mudell agrikolu Ewropew sostenibbli u effiċjenti;

AS.  billi, fil-PAK tal-futur, l-Unjoni Ewropea trid tirsisti għal limitazzjoni sinifikanti fuq l-użu tal-antibijotiċi fl-agrikoltura u fis-settur alimentari sabiex tissaħħaħ il-biedja sostenibbli;

AT.  billi żieda fir-reżiljenza u fis-sostenibbiltà fit-tul tas-sistemi u t-territorji agrikoli tkun ta' benefiċċju għall-UE kollha kemm hi;

AU.  billi l-QEA enfasizzat li, minħabba rekwiżiti ta' ekoloġizzazzjoni li sikwit ma jirriflettux ħlief il-prattiki attwali, il-pagamenti ta' ekoloġizzazzjoni introdotti bħala parti mir-riforma tal-2013 joħolqu aktar kumplessità u burokrazija, huma diffiċli biex jinftiehmu, u fl-opinjoni tal-QEA ma jtejbux biżżejjed il-prestazzjoni ambjentali u klimatika tal-PAK minħabba l-mod kif inhuma mfassla, u dawn il-punti huma importanti li jitqiesu meta titfassal l-arkitettura ekoloġika l-ġdida għall-PAK;

AV.  billi l-QEA identifikat nuqqasijiet sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-Pilastru II, b'mod partikolari l-proċess ta' approvazzjoni twil, kif ukoll in-natura kumplessa u burokratika tal-programmi ta' żvilupp rurali;

AW.  billi l-metavalutazzjoni tal-"Kontroll tal-Idoneità" bbażata fuq l-evidenza tal-istudji xjentifiċi sabet li l-miżuri ta' ekoloġizzazzjoni ma jtejbux il-prestazzjoni ambjentali b'mod sinifikanti, l-aktar għaliex dawk ir-rekwiżiti diġà kienu qed jintlaħqu;

AX.  billi l-objettivi tad-Dikjarazzjoni ta' Cork 2.0 għal Ħajja Aħjar fiż-Żoni Rurali jirrigwardaw żoni rurali vibranti, multifunzjonalità intelliġenti, bijodiversità fl-agrikoltura u fil-forestrija u lil hinn minnhom, razez ta' annimali rari u għelejjel ta' konservazzjoni, kif ukoll agrikoltura organika, appoġġ għal żoni żvantaġġati u impenji fil-kuntest ta' Natura 2000; billi d-Dikjarazzjoni tenfasizza wkoll l-importanza tal-isforzi biex tiġi evitata d-depopolazzjoni taż-żoni rurali u r-rwol tan-nisa u taż-żgħażagħ f'dan il-proċess, kif ukoll il-ħtieġa ta' użu aħjar ta' riżorsi endoġeni fiż-żoni rurali bl-implimentazzjoni ta' strateġiji integrati u approċċi multisettorjali li jsaħħu l-approċċ minn isfel għal fuq u s-sinerġija bejn il-partijiet ikkonċernati, u li jirrikjedu investiment fil-vijabbiltà taż-żoni rurali, preservazzjoni u titjib fil-ġestjoni tar-riżorsi naturali, inċentivi għall-azzjoni klimatika, stimulazzjoni tal-għarfien u l-innovazzjoni, tisħiħ tal-governanza fiż-żoni rurali, u simplifikazzjoni tal-politika ta' żvilupp rurali u l-implimentazzjoni tagħha;

AY.  billi l-PAK għandha tqis iż-żoni inqas vantaġġużi, bħar-reġjuni fejn hemm kompetizzjoni qawwija bejn l-iżvilupp urban u l-agrikoltura, għar-restrizzjonijiet addizzjonali tagħhom fuq l-aċċess għall-art, sabiex l-agrikoltura tibqa' tiġi ppreservata f'dawn iż-żoni;

AZ.  billi l-inħawi żvantaġġati, bħar-reġjuni muntanjużi u ultraperiferiċi, għandhom ikomplu jingħataw kumpens mill-PAK għall-ispejjeż żejda assoċjati mar-restrizzjonijiet speċifiċi tagħhom sabiex tiġi ppreservata l-attività agrikola f'dawn l-inħawi;

BA.  billi l-PAK għandha tagħti rikonoxximent mistħoqq lill-benefiċċji ambjentali kbar li jiġġeneraw ċerti setturi, bħas-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż jew l-għelejjel li fihom il-proteini;

BB.  billi s-settur tat-trobbija tan-naħal huwa essenzjali għall-UE u jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għas-soċjetà, kemm mil-lat ekonomiku u kemm mil-lat ambjentali;

BC.  billi huwa essenzjali li tissaħħaħ aktar il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel u li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku permezz ta' regoli ġusti u trasparenti li jqisu n-natura speċifika tal-agrikoltura fir-relazzjonijiet bejn il-produzzjoni u l-partijiet l-oħra tal-katina tal-provvista tal-ikel, kemm upstream kif ukoll downstream, u li jkun hemm inċentivi għall-prevenzjoni effettiva tar-riskji u l-kriżijiet, inklużi għodod ta' ġestjoni attivi li jkunu kapaċi jlaqqgħu aħjar il-provvista mad-domanda u jkunu jistgħu jintużaw fil-livell settorjali u mill-awtoritajiet pubbliċi, kif indikat fir-rapport tat-Task Force għas-Swieq Agrikoli; billi anke l-aspetti li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-PAK u li jaffettwaw il-kompetittività u l-kundizzjonijiet ekwi għall-bdiewa jridu jitqiesu u jiġu sorveljati kif xieraq;

BD.  billi l-isfidi l-ġodda li jirrigwardaw is-sigurtà u l-awtonomija alimentari għall-agrikoltura Ewropea fl-ambitu tal-prijoritajiet politiċi tal-UE, kif imsemmi fid-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE, jirrikjedu li l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss iżid jew iżomm il-baġit agrikolu f'euro kostanti biex ikopri l-isfidi eżistenti u ġodda;

BE.  billi peress li s-soċjetà tistenna li l-bdiewa jibdlu l-prattiki tagħhom biex ikunu kompletament sostenibbli, dawn għandhom jingħataw appoġġ f'din it-tranżizzjoni permezz ta' fondi pubbliċi;

BF.  billi kwalunkwe tibdil fil-PAK attwali jrid jiġi introdott b'tali mod li jiżgura stabbiltà għas-settur, ċertezza ġuridika u sigurtà fl-ippjanar għall-bdiewa u s-sidien tal-foresti, permezz ta' perjodi u miżuri tranżitorji adegwati;

BG.  billi l-Parlament jeħtieġ jaqdi rwol komprensiv fil-ħolqien ta' qafas ta' politika ċar sabiex tinżamm ambizzjoni komuni fil-livell Ewropew u dibattitu demokratiku dwar il-kwistjonijiet strateġiċi li għandhom impatt fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini kollha f'dak li għandu x'jaqsam mal-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, fosthom l-ilma, il-ħamrija u l-arja, il-kwalità tal-ikel tagħna, l-istabbiltà finanzjarja tal-produtturi agrikoli, is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa u l-modernizzazzjoni sostenibbli tal-prattiki agrikoli u iġjeniċi, bil-għan li jiġi stabbilit kuntratt soċjetali fil-livell Ewropew fost il-produtturi u l-konsumaturi;

BH.  billi l-PAK hemm bżonn tiġi riformulata biex topera fil-livell li huwa mistenni fis-sitwazzjoni, huwa importanti ferm li l-koleġiżlaturi jingħataw il-mezzi biex iwettqu bis-sħiħ il-missjoni tagħhom f'perjodu ta' żmien regolat, u jridu jitqiesu l-inċertezzi marbuta mal-Brexit;

BI.  billi l-ġejjieni tas-sigurtà alimentari fl-Ewropa jrid ikun żgurat kemm għar-Renju Unit u kemm għall-UE 27, u għandhom isiru l-aqwa sforzi biex jiġi minimizzat it-tfixkil għall-produzzjoni u l-aċċess għall-ikel għaż-żewġ partijiet; billi jridu jsiru l-isforzi kollha possibbli biex jiġi żgurat allinjament unitarju fl-istandards ambjentali u tas-sikurezza tal-ikel sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tar-Renju Unit u tal-UE ma jiffaċċjaw l-ebda tnaqqis fil-kwalità u s-sikurezza tal-ikel;

BJ.  billi waħda mis-sitt prijoritajiet ewlenin għall-iżvilupp rurali fl-UE hija r-restawr, il-preservazzjoni u t-titjib tal-ekosistemi relatati mal-agrikoltura u l-forestrija, inkluż fiż-żoni ta' Natura 2000;

BK.  billi bħalissa l-UE qed taħdem fuq strateġija dwar il-proteini biex tippromwovi l-awtosuffiċjenza fl-għelejjel li fihom il-proteini;

BL.  billi l-insigurtà alimentari laqtet 124 miljun persuna f'51 pajjiż fl-2017, jiġifieri 16-il miljun aktar mill-2016; billi l-maġġoranza tal-persuni milquta mill-insigurtà alimentari jgħixu f'żoni rurali;

BM.  billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija objettiv ewlieni tal-UE u l-Istati Membri tagħha; billi ħafna mir-rwoli li jaqdu n-nisa fiż-żoni rurali jgħinu biex tinżamm il-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli u tal-komunitajiet rurali; billi l-isforzi biex tiġi evitata d-depopolazzjoni rurali huma marbuta mal-opportunitajiet għan-nisa u għaż-żgħażagħ; billi n-nisa li jgħixu f'żoni rurali għadhom jiffaċċjaw diversi sfidi, filwaqt li l-politiki tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali ma jqisux biżżejjed id-dimensjoni tal-ġeneri; billi, għalkemm il-ġeneru tal-benefiċjarji tal-pagamenti diretti jew tal-iżvilupp rurali mhuwiex indikatur affidabbli tal-impatt tal-programmi, in-nisa bħala applikanti jew benefiċjarji mhumiex rappreżentati biżżejjed;

BN.  billi, sabiex il-PAK tingħata ġustifikazzjoni quddiem il-kontribwenti Ewropej, il-finanzjament futur irid ikun marbut kemm mal-produzzjoni ta' ikel sikur u ta' kwalità għolja kif ukoll ma' valur miżjud soċjetali ċar fir-rigward ta' agrikoltura sostenibbli, prestazzjoni ambjentali u klimatika ambizzjuża, standards tas-saħħa pubblika u tas-saħħa u l-benessri tal-annimali, u impatti soċjetali oħra tal-PAK, sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi ġenwini fl-UE u lil hinn minnha;

BO.  billi l-istudju speċjali Nru 442 tal-Ewrobarometru dwar l-attitudnijiet tal-Ewropej lejn il-benessri tal-annimali jindika li 82 % taċ-ċittadini Ewropej jemmnu li l-benessri tal-bhejjem tat-trobbija għandu jitjieb;

BP.  billi l-użu tal-pestiċidi, id-degradazzjoni tal-bijodiversità u t-tibdil fl-ambjent agrikolu jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-kwantità tad-dakkara u fuq il-varjetà tal-ispeċijiet ta' dakkara; billi l-isfidi li jiffaċċjaw id-dakkara, kemm domestikati kif ukoll selvaġġi, huma sinifikanti, u l-effett fuq l-agrikoltura tal-UE u fuq is-sigurtà alimentari jista' jkun ta' detriment minħabba d-dipendenza tal-maġġoranza tal-produzzjoni tal-UE fuq is-servizzi tad-dakra; billi f'Jannar 2018 tnediet konsultazzjoni pubblika fil-qafas tal-Inizjattiva tad-Dakkara tal-UE biex jiġu identifikati l-aħjar approċċ u l-passi meħtieġa biex jiġi indirizzat it-tnaqqis tad-dakkara fl-UE;

BQ.  billi hemm il-ħtieġa li titfassal miżura speċifika fil-qafas tal-iżvilupp rurali – iffukata fuq it-tmien prinċipji tal-Ġestjoni Integrata tal-Organiżmi ta' Ħsara (IPM) tal-Unjoni Ewropea – sabiex jiġi mħeġġeġ it-tnaqqis fl-użu ta' pestiċidi serji u jitrawwem l-użu ta' alternattivi mhux kimiċi;

BR.  billi l-inħawi żvantaġġati, bħar-reġjuni muntanjużi u ultraperiferiċi, għandhom ikomplu jingħataw kumpens mill-PAK għall-ispejjeż żejda assoċjati mar-restrizzjonijiet speċifiċi tagħhom sabiex tiġi ppreservata l-attività agrikola f'dawn l-inħawi;

BS.  billi l-applikazzjoni tal-qafas tal-PAK fir-reġjuni ultraperiferiċi għandha tesplora bis-sħiħ il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 349 tat-TFUE, għaliex dawn iż-żoni jinsabu f'pożizzjoni partikolarment żvantaġġata f'termini ta' żvilupp soċjoekonomiku, fir-rigward ta' aspetti bħat-tixjiħ tal-popolazzjoni u d-depopolazzjoni; billi l-POSEI huwa għodda effettiva maħsuba għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-istrutturar tas-settur li tindirizza l-kwistjonijiet agrikoli speċifiċi fir-reġjuni ultraperiferiċi; ifakkar li l-Kummissjoni, fir-rapport tagħha tal-15 ta' Diċembru 2016 lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-POSEI, ikkonkludiet li "b'kont meħud tal-valutazzjoni tal-iskema [...], modifika tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 bażiku mhix meqjusa meħtieġa";

BT.  billi kemm il-ġestjoni tal-foresti kif ukoll l-agroforestrija, li tikkonsisti f'livell superjuri ta' veġetazzjoni msaġġra fuq il-bwar jew fuq l-għelejjel, jistgħu jikkontribwixxu għar-reżiljenza fil-livell tal-azjendi agrikoli u tal-pajsaġġ u għal azzjonijiet ta' mitigazzjoni ambjentali u tat-tibdil fil-klima, u jipprovdu prodotti agrikoli u forestali jew servizzi ekosistemiċi oħra u b'hekk isaħħu l-objettivi tal-PAK u jippermettu li l-ekonomiji ċirkolari u l-bijoekonomiji jikkontribwixxu għal mudelli kummerċjali ġodda li jkunu ta' benefiċċju għall-bdiewa, għall-forestiera u għaż-żoni rurali; billi l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti tippromwovi perspettiva koerenti u olistika tal-ġestjoni tal-foresti u tad-diversi benefiċċji tal-foresti, u tindirizza l-katina tal-valur tal-foresti kollha kemm hi; jenfasizza li l-PAK taqdi rwol kruċjali fl-objettivi tagħha u tagħti attenzjoni speċjali lill-foresti Mediterranji, li jbatu aktar mit-tibdil fil-klima u min-nirien, li jqiegħdu f'riskju l-bijodiversità u l-potenzjal tal-produzzjoni agrikola;

Relazzjoni ġdida bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bdiewa

1.  Jilqa' l-intenzjoni li l-PAK tiġi ssimplifikata u mmodernizzata għall-benefiċċju ekonomiku tal-bdiewa u biex jintlaħqu l-aspettativi taċ-ċittadini, iżda jenfasizza li l-prijoritajiet urġenti tar-riforma jridu jkunu l-prinċipji stabbiliti fit-Trattat ta' Ruma, l-integrità tas-suq uniku, u politika tassew komuni, iffinanzjata b'mod adegwat mill-UE, li tkun moderna u orjentata lejn ir-riżultati, tappoġġja l-agrikoltura sostenibbli, u tiżgura ikel sikur, ta' kwalità għolja u varjat, impjiegi u żvilupp fiż-żoni rurali;

2.  Jinnota l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja u jilqa' r-rikonoxximent li wieħed mill-objettivi tal-PAK għandu jkun li ttejjeb u tiżgura l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u tikkontribwixxi għall-objettivi ambjentali u klimatiċi tal-UE;

3.  Jitlob PAK li bħala l-ogħla prijorità jkollha t-tranżizzjoni ta' kull azjenda agrikola Ewropea lejn impriża li tgħaqqad l-istandards tal-prestazzjoni ekonomika mal-istandards ambjentali;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-PAK tippreserva r-relazzjoni essenzjali bejn il-leġiżlaturi, il-bdiewa u ċ-ċittadini tal-UE; jirrifjuta kwalunkwe possibbiltà ta' rinazzjonalizzazzjoni tal-PAK, li tkun qed iżżid l-iżbilanċi fil-kompetizzjoni fis-suq uniku;

5.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol importanti ħafna tal-azjendi agrikoli żgħar u medji, rwol li għandu jiġi rikonoxxut u vvalorizzat;

6.  Jirrimarka li l-flessibbiltà li l-Istati Membri jgawdu bħalissa rigward l-għażliet stabbiliti fir-regoli bażiċi tagħmilha possibbli li jwieġbu għal sitwazzjonijiet speċifiċi imma, fl-istess ħin, turi li partijiet mill-PAK ma jistgħux jitqiesu aktar bħala komuni; jissottolinja l-ħtieġa li jitħarsu l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq uniku u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-aċċess għall-appoġġ għall-bdiewa fi Stati Membri differenti jew f'reġjuni differenti, flimkien mal-ħtieġa ta' soluzzjonijiet adegwati u effiċjenti biex jiġu minimizzati r-riskji ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni jew ir-riskji għall-koeżjoni;

7.  Iqis li l-Istati Membri għandhom igawdu livell raġonevoli ta' flessibbiltà f'qafas komuni b'saħħtu ta' regoli tal-UE, standards bażiċi, għodod ta' intervent, kontrolli u allokazzjonijiet finanzjarji miftiehma fil-livell tal-UE mill-koleġiżlatur, sabiex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi għall-bdiewa u, b'mod partikolari, approċċ tal-UE għall-appoġġ fl-ambitu tal-Pilastru I, bil-ħsieb li jiġi ggarantit ir-rispett għall-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta;

8.  Iqis li, sabiex l-implimentazzjoni tal-PAK tkun aktar effettiva u adattata aħjar għar-realtajiet tat-tipi differenti ta' agrikoltura fl-Ewropa, l-għażliet nazzjonali meħuda fil-qafas tas-sett ta' għodod iddefinit mill-UE u disponibbli fl-ambitu tal-Pilastri I u II għandhom ikunu ssimplifikati u l-Istati Membri għandhom ifasslu, bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, l-istrateġiji nazzjonali koerenti tagħhom abbażi tal-evidenza u tal-objettivi u l-indikaturi tal-UE li jikkonċernaw it-tipi prinċipali ta' għodod ta' intervent possibbli, li għandhom jiġu ddefiniti wkoll fil-livell tal-UE, kif ukoll il-kriterji tal-għażla tagħhom, f'qafas ċar ta' regoli komuni applikabbli fl-UE kollha, bir-rispett dovut għar-regoli u l-prinċipji tas-suq uniku;

9.  Jenfasizza li s-sussidjarjetà addizzjonali għandha tingħata biss bil-kundizzjoni li jkun hemm sett komuni b'saħħtu ta' regoli, objettivi, indikaturi u kontrolli fil-livell tal-UE;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa fil-PAK li jmiss, sabiex timplimenta t-talba tal-Parlament biex l-ebda sussidju agrikolu ma jintuża għat-trobbija ta’ barrin għas-sarar mat-toru;

11.  Jissottolinja r-riskji tar-regolamentazzjoni żejda fil-livell nazzjonali u reġjonali u l-livell għoli ta' inċertezza għall-bdiewa minħabba l-possibbiltà li l-Istati Membri jkollhom jiddefinixxu l-pjanijiet nazzjonali tagħhom b'mod independenti u jirrevedu d-deċiżjonijiet tagħhom kull sena, skont il-pożizzjonijiet meħuda mill-gvernijiet inkarigati; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tippreżenta lill-koleġiżlaturi, flimkien mal-proposti leġiżlattivi tagħha, mudell ċar u sempliċi ta' pjan strateġiku nazzjonali sabiex il-koleġiżlaturi jkunu jistgħu jivvalutaw il-kamp ta' applikazzjoni, il-livell ta' dettall u l-kontenut ta' dawn il-pjanijiet, li huma elementi essenzjali tal-proposta imminenti tal-Kummissjoni, u tiċċara l-kriterji li dawn l-istrateġiji nazzjonali se jiġu evalwati bihom;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għodod maħsuba biex iżidu l-użu ta' sinerġiji bejn il-PAK u l-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-PAK tal-futur tirrispetta bis-sħiħ id-distribuzzjoni tal-poteri fi ħdan kull Stat Membru, li ta' spiss hija stabbilita fil-kostituzzjonijiet tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tar-rispett għall-kompetenzi legali tar-reġjuni tal-UE, fit-tfassil, fil-ġestjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki, bħall-FAEŻR; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-bdiewa u benefiċjarji oħra jkunu involuti kif suppost fl-istadji kollha tal-iżvilupp tal-politika;

14.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi tfassil ta' programm, implimentazzjoni u kontroll ta' approċċ ibbażat fuq ir-riżultati sabiex titrawwem prestazzjoni pjuttost milli konformità, filwaqt li tiżgura monitoraġġ adegwat ibbażat fuq ir-riskji permezz ta' indikaturi definiti b'mod ċar, aktar sempliċi, inqas burokratiċi (inkluża l-prevenzjoni ta' regolamentazzjoni żejda), solidi, trasparenti u li jistgħu jitkejlu fil-livell tal-UE, inklużi l-kontrolli xierqa tal-miżuri, tat-tfassil tal-programm, tal-implimentazzjoni u tas-sanzjonijiet tal-Istati Membri; iqis il-ħtieġa li jiġu introdotti kriterji uniformi bażiċi għall-istabbiliment ta' penali simili għal nuqqasijiet ta' konformità ekwivalenti li jinstabu fl-implimentazzjoni tad-diversi miżuri użati mill-Istati Membri jew mir-reġjuni biex jilħqu l-objettivi ġenerali komuni stabbiliti mill-UE;

15.  Jenfasizza li approċċ ibbażat purament fuq ir-riżultati jista' jġib miegħu riskju għall-Istati Membri, li, minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom, jistgħu ma jkunux kapaċi jiksbu r-riżultati kollha stabbiliti fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom, u li jistgħu jkunu soġġetti għal tnaqqis ex post tal-pakketti nazzjonali tagħhom u għal sospensjoni tal-finanzjamenti;

16.  Jirrikonoxxi li l-mudell ta' implimentazzjoni l-ġdid jeħtieġ irfinar u emendi matul diversi snin, biex b'hekk jiġi żgurat li l-bdiewa ma jkunux penalizzati bħala konsegwenza tal-bidla lejn mudell ibbażat fuq ir-riżultati;

17.  Jinnota, madankollu, li dewmien potenzjali fl-adozzjoni ta' pjanijiet strateġiċi tal-PAK jista' jwassal għal pagamenti tard, xenarju li jrid jiġi evitat;

18.  Jinnota li fil-Pilastru I, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu programmi minn katalgu prijoritarju stabbilit mill-UE;

19.  Jitlob li tiġi żviluppata sistema ta' aġġustamenti istituzzjonali u legali xierqa li għandha twassal biex jinbidel il-mudell ta' implimentazzjoni sabiex jiġi evitat li jkun hemm spejjeż addizzjonali u li jitnaqqas l-assorbiment tal-fondi fl-Istati Membri;

20.  Iqis li l-ġbir ta' informazzjoni għandu jiddependi fuq l-immaġni bis-satellita u fuq bażijiet tad-data tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u ta' kontroll u mhux fuq data individwali mressqa mill-bdiewa;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sinerġiji rilevanti bejn il-programmi ewlenin tal-UE għas-settur spazjali u l-PAK, u b'mod partikolari mal-programm Copernicus li jippreżenta interess speċifiku għall-komunità tal-biedja f'termini tat-tibdil fil-klima u l-monitoraġġ tal-ambjent;

22.  Jitlob miżuri li jżidu r-riċiklaġġ tan-nutrijenti; jitlob li l-politika strutturali agrikola tiġi allinjata mal-iskema ta' appoġġ ambjentali, pereżempju billi t-tkabbir tal-għelejjel u t-trobbija tal-bhejjem jingħaqdu flimkien b'mod aħjar;

23.  Jitlob li l-Iskema simplifikata għall-Bdiewa Żgħar (SFS) tiġi ppreservata;

24.  Jemmen li l-bdiewa b'inqas minn ħames ettari ta' art għandu jkollhom l-opportunità li b'mod volontarju jidħlu fl-SFS;

25.  Jappella lill-Kummissjoni twettaq il-kontrolli u l-awditi finanzjarji u tal-prestazzjoni bil-għan li tiggarantixxi li l-funzjonijiet jitwettqu bl-istess standards għolja u skont l-istess kriterji fost l-Istati Membri kollha, irrispettivament mit-titjib tal-flessibbiltà għall-Istati Membri fit-tfassil u l-ġestjoni tal-programmi, u bil-għan, b'mod partikolari, li tiżgura l-iżborż fil-ħin tal-fondi fl-Istati Membri għall-bdiewa u għall-komunitajiet rurali eliġibbli kollha, filwaqt li jiġi minimizzat il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji;

26.  Ifakkar li fir-riforma preċedenti, kien diffiċli li jintlaħaq qbil fuq id-definizzjoni ta' 'bidwi attiv'; iqis, għalhekk, li l-produzzjoni agrikola (pereżempju li l-art tinżamm fi stat agrikolu tajjeb, l-implimentazzjoni ta' trobbija tajba tal-annimali, u l-kontribuzzjoni għall-ekonomija ċirkolari) tista' tkun soluzzjoni mmirata aħjar u kwantifikabbli għal tali definizzjoni;

27.  Jirrifjuta t-tnaqqis ta’ 25 % fil-baġit għall-iżvilupp rurali kif deskritt fil-proposta reċenti tal-QFP 2021-2027 tal-2 ta' Mejju 2018; jinsisti li kwalunkwe tnaqqis fil-baġit fl-agrikoltura u l-iżvilupp rurali jrid iwassal għal tnaqqis tal-ambizzjoni meta mqabbel tal-PAK attwali;

28.  Iqis li l-atturi kollha involuti fil-proċess tal-kontroll tal-finanzi tal-UE, inkluża l-QEA, irid ikollhom l-istess fehim tas-sistema ta' kontroll ibbażata fuq il-prestazzjoni, biex ikun evitat li l-Istati Membri jew benefiċjarji jiffaċċjaw korrezzjonijiet finanzjarji mhux mistennija;

29.  Jisħaq fuq il-fatt li l-bdiewa huma intraprendituri u bħala tali għandhom jingħataw il-libertajiet korrispondenti sabiex ikunu jistgħu jiksbu prezzijiet ġusti tas-suq għall-prodotti tagħhom;

30.  Jenfasizza li l-bdiewa part-time u l-bdiewa b'introjtu mħallat ma għandhomx jiġu esklużi;

31.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tingħata aktar flessibbiltà lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-bdiewa fi ħdan il-qafas ta' livell limitu finanzjarju ogħla għar-regoli de minimis tal-agrikoltura, filwaqt li tiġi ppreservata l-integrità tas-suq intern;

32.  Barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri aktar flessibbiltà fil-qafas tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu sabiex il-bdiewa jiġu mħeġġa jipprevedu b'mod volontarju tfaddil ta' prekawzjoni bil-għan li jindirizzaw aħjar iż-żieda f'daqqa tar-riskji kkawżati mill-klima u r-riskji għas-saħħa, kif ukoll il-kriżijiet ekonomiċi;

33.  Jitlob madankollu li jiġu ppremjati b'mod ġust il-beni pubbliċi pprovduti minn intrapriżi agrikoli żgħar u mikro, inkluż il-parteċipazzjoni tagħhom fl-isforzi kooperattivi u tal-komunità;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jistinkaw għal sinerġiji aħjar bejn il-PAK u politiki u fondi oħra bħall-fondi ta' koeżjoni, fondi strutturali u fondi oħra ta' investiment, sabiex joħolqu effett multiplikatur għaż-żoni rurali;

35.  Jitlob koordinament ta' politika aħjar bejn il-PAK u politiki u azzjonijiet oħra tal-UE – b'mod partikolari mad-Direttiva 2000/60/KE, mad-Direttiva 91/676/KEE u mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 – bħala mezz biex tinkiseb protezzjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma li l-kwantità u l-kwalità tagħhom qed jiġu affettwati b'mod negattiv mill-agrikoltura; jitlob inċentivi li jappoġġjaw proġetti ta' kooperazzjoni lokali bejn il-bdiewa u l-fornituri tal-ilma sabiex tittejjeb il-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma;

36.  Jinnota li, għal raġunijiet amministrattivi, numru kbir ta' villaġġi u reġjuni, minkejja n-natura rurali tagħhom, għadhom barra mill-ambitu tal-programmi tal-iżvilupp rurali f'xi Stati Membri, li jpoġġihom fi żvantaġġ;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu approċċi aktar flessibbli sabiex ma ssirx ħsara fir-reġjuni u lill-produtturi tagħhom;

PAK intelliġenti, effiċjenti, sostenibbli u ġusta – naħdmu għall-bdiewa, għaċ-ċittadini, għaż-żoni rurali u għall-ambjent

38.  Iqis li huwa meħtieġ li tinżamm l-arkitettura attwali b'żewġ pilastri u jenfasizza li l-pilastri jridu jkunu koerenti u komplementari, bil-Pilastru I iffinanzjat kompletament permezz tal-finanzjament mill-UE u jikkostitwixxi mezz effiċjenti ta' appoġġ għall-introjtu, għall-miżuri ambjentali ta' bażi u għall-kontinwità ta' miżuri eżistenti tas-suq, u l-Pilastru II jissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istati Membri; iqis li huwa meħtieġ fl-istess ħin, madankollu, li l-bdiewa u benefiċjarji oħra jingħataw l-inċentiv li jwettqu azzjonijiet li jwasslu beni pubbliċi ambjentali u soċjali li mhumiex rimunerati mis-suq, u li jirrispettaw il-prattiki kemm ġodda kif ukoll stabbiliti tal-biedja fuq il-bażi ta' kriterji komuni, uniformi u oġġettivi, filwaqt li jippreservaw il-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu approċċi speċifiċi biex jirriflettu l-kundizzjonijiet lokali u settorjali; iqis li t-tranżizzjoni tal-azjendi agrikoli Ewropej kollha lejn is-sostenibbiltà, l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fl-ekonomija ċirkolari, u li l-istandards tal-prestazzjoni ekonomika jingħaqdu ma' dawk ambjentali u mingħajr l-ebda tnaqqis fl-istandards soċjali jew tal-impjiegi, għandhom ikunu prijorità ewlenija;

39.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-objettivi tal-PAK kif stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-TFUE huma li tiżdied il-produttività agrikola, li jiġi żgurat standard ta' għajxien ġust għall-komunità agrikola, li jiġu stabbilizzati s-swieq, li tiġi ggarantita d-disponibbiltà tal-provvisti u jiġi żgurat li l-provvisti jaslu għand il-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli;

40.  Jissottolinja l-potenzjal ta' innovazzjonijiet teknoloġiċi għal settur intelliġenti u effiċjenti li jagħti riżultati sostenibbli, partikolarment fir-rigward tal-użu effiċjenti tar-riżorsi, u l-monitoraġġ tas-saħħa tal-għelejjel u tal-annimali, kif ukoll tal-ambjent;

41.  Jappella sabiex il-PAK tiffaċilita u tappoġġja l-applikazzjoni ta' innovazzjonijiet bħal dawn;

42.  Iqis li l-arkitettura tal-PAK tal-futur tista' twettaq l-objettivi tagħha biss jekk tkun iffinanzjata biżżejjed; jitlob, għalhekk, li l-baġit tal-PAK jiżdied jew jinżamm f'euro kostanti fil-QFP li jmiss sabiex jintlaħqu l-ambizzjonijiet ta' PAK riveduta u effiċjenti wara l-2020;

43.  Iqis li l-liberalizzazzjoni ulterjuri tas-suq li ġġib magħha tnaqqis tal-protezzjonijiet għall-bdiewa, ikun hemm bżonn il-ħtieġa ta' kumpens għas-settur agrikolu u, b'mod partikolari, għal dawk l-azjendi agrikoli li qed jiffaċċjaw żvantaġġi kompetittivi – b'mod partikolari diffikultajiet relatati mal-użu tal-art agrikola jew li jkunu jinsabu f'żoni muntanjużi – u huma biss dawn il-miżuri ta' kumpens li jistgħu jiżguraw il-ġestjoni tal-art agrikola estensiva u l-preservazzjoni tal-pajsaġġ kulturali;

44.  Jenfasizza li l-baġit tal-PAK għandu jiġi adattat għall-ħtiġijiet u l-isfidi futuri, bħal dawk li jirriżultaw mill-impatti ta' Brexit u mill-ftehimiet ta' kummerċ ħieles adottati mill-UE mas-sħab kummerċjali ewlenin tagħha;

45.  Jirrimarka d-differenzi persistenti fl-iżvilupp bejn iż-żoni rurali f'reġjuni differenti u bejn l-Istati Membri u għalhekk iqis li l-kriterji ta' koeżjoni għandu jibqa' jkollhom rwol importanti fit-tqassim tal-fondi tat-tieni pilastru bejn l-Istati Membri;

46.  Jissottolinja l-importanza li jiġi allokat baġit b'saħħtu għall-Pilastru II (il-politika tal-iżvilupp rurali), fi ħdan il-baġit ġenerali tal-PAK;

47.  Iqis li l-bdiewa jeħtieġ li jiġu appoġġjati fit-tranżizzjoni lejn sostenibbiltà sħiħa;

48.  Iqis li l-iżvilupp ta' politiki u objettivi ġodda tal-UE ma jridux ikunu ta' detriment għas-suċċess tal-PAK u r-riżorsi tagħha;

49.  Jirrikonoxxi l-inċertezza attwali dwar il-baġit futur tal-PAK;

50.  Jenfasizza li r-riżorsi tal-PAK huma l-flus tal-kontribwenti minn kull Stat Membru u li l-kontribwenti madwar l-UE għandhom id-dritt li jiġu rassigurati li dawn il-fondi huma użati esklussivament b'mod immirat u trasparenti;

51.  Jikkunsidra li għandhom jiġu evitati linji ta' żvilupp rurali ġodda li mhumiex akkumpanjati b'finanzjament addizzjonali;

52.  Jemmen li huwa meħtieġ appoġġ aktar immirat għal sistemi agrikoli differenti, b'mod speċjali azjendi agrikoli tal-familja żgħar u medji u bdiewa żgħażagħ, sabiex jissaħħu l-ekonomiji reġjonali permezz ta' settur agrikolu produttiv f'termini ekonomiċi, ambjentali u soċjali; iqis li dan jista' jinkiseb permezz ta' rata ta' appoġġ ridistributtiva ogħla obbligatorja għall-ewwel ettari ta' azjenda, marbuta mad-daqs medju tal-azjenda fl-Istati Membri, fid-dawl tal-firxa wiesgħa tad-daqsijiet tal-azjendi agrikoli fl-UE kollha; jenfasizza li l-appoġġ għall-azjendi agrikoli akbar għandu jkun digressiv, biex jirrifletti l-ekonomiji ta' skala, bl-iffissar ta' limitu massimu obbligatorju li għandu jiġi deċiż fil-livell Ewropew, u kriterji flessibbli biex iqisu l-kapaċità tal-azjendi agrikoli u tal-kooperattivi biex jipprovdu impjiegi stabbli li jżommu n-nies fit-territorji rurali; jemmen li l-fondi disponibbli bl-iffissar ta' limitu massimu u bid-digressjoni għandhom jinżammu fl-Istat Membru jew fir-reġjun li jiġu minnhom;

53.  Jemmen li huwa essenzjali li jkun żgurat li l-appoġġ hu mmirat lejn bdiewa ġenwini, b'enfasi fuq dawk li huma attivi fil-biedja sabiex jaqilgħu l-għajxien tagħhom;

54.  Iqis li huwa neċessarju li tinżamm skema simplifikata għal produtturi żgħar biex tiffaċilita l-aċċess tagħhom u l-ġestjoni ta' pagamenti diretti tal-PAK;

55.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu identifikati l-elementi ewlenin ta' sistema bbilanċjata tajjeb, trasparenti, sempliċi u oġġettiva ta' penali u inċentivi, ikkombinata ma' sistema trasparenti u f'waqtha għad-determinazzjoni tal-eliġibbiltà tal-benefiċjarji li jirċievu flus pubbliċi għat-twettiq ta' beni pubbliċi, sistema li għandha tikkonsisti f'miżuri sempliċi, volontarji u obbligatorji u li jkunu orjentati lejn ir-riżultati, biex b'hekk jiċċaqlaq l-enfasi minn fuq il-konformità għal fuq il-prestazzjoni attwali;

56.  Jisħaq fuq il-fatt li l-bdiewa part-time u l-individwi li jmexxu l-ażjendi agrikoli b'introjtu mħallat – li jagħtu ħajja lill-kampanja f'ħafna modi – jinvolvu ruħhom fil-biedja sabiex jaqilgħu l-għajxien tagħhom u huma bdiewa ġenwini, kif definit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni;

57.  Jitlob li s-sistema kurrenti għall-kalkolu tal-pagamenti diretti taħt il-Pilastru I, b'mod partikolari fl-Istati Membri fejn il-valur tal-intitolamenti għadu jiġi kkalkulat parzjalment fuq il-bażi ta' referenzi storiċi, għandha tiġi mmodernizzata u mibdula b'metodu tal-kalkolu tal-pagamenti tal-UE, li l-komponent bażiku tiegħu jkun l-appoġġ għall-introjtu għall-bdiewa f'ċerti limiti u li jista' jiżdied f'biċċiet mal-kontribuzzjoni għat-twettiq tal-beni pubbliċi skont l-objettivi u l-miri tal-UE sal-2030, sabiex is-sistema tkun aktar sempliċi u aktar trasparenti;

58.  Jilqa' l-Iskema ta' Pagament Uniku skont l-Erja (SPUE) li hija sempliċi, trasparenti u faċli biex tiġi implimentata, li ġiet applikata b'suċċess f'ħafna Stati Membri; jitlob, għalhekk, li l-SPUE għandha tinżamm wara l-2020 u jissuġġerixxi li għandha tintuża fi kwalunkwe Stat Membru jew minn kwalunkwe bidwi fl-UE;

59.  Jenfasizza li din l-iskema tista' tbiddel is-sistema amministrattiva kumplessa ta' intitolamenti għal pagament, li twassal għal tnaqqis konsiderevoli fil-burokrazija;

60.  Jemmen li, bil-għan li tiġi żgurata l-effettività tagħhom fuq medda twila ta' żmien, dawn il-pagamenti l-ġodda ma għandhomx isiru kummerċjabbli;

61.  Jitlob li l-Kummissjoni teżamina l-ħtieġa ta' talbiet għal pagament fir-rigward tal-kompatibbiltà mar-regoli tad-WTO;

62.  Jissottolinja l-fatt li l-fondi pubbliċi tal-PAK attwali, li qed jintefqu fuq attivitajiet attwali tal-bdiewa, huma suġġetti għal kontrolli preċiżi ħafna u fuq skala żgħira;

63.  Iqis li l-pagamenti għandhom jinkludu wkoll kundizzjonalità komuni b'saħħitha inklużi riżultati ambjentali u beni pubbliċi oħra bħall-impjiegi ta' kwalità;

64.  Ifakkar li r-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar is-sitwazzjoni attwali tal-konċentrazzjoni tal-art agrikola fl-UE: kif niffaċilitaw l-aċċess tal-bdiewa għall-art tirrikonoxxi li l-pagamenti tal-art mingħajr kundizzjonalità ċara twassal għal distorsjonijiet tas-suq tal-artijiet, u b'hekk jinfluwenzaw il-konċentrazzjoni ta' aktar u aktar art agrikola f'idejn ftit proprjetarji;

65.  Jiċċara li l-beni pubbliċi huma dawk is-servizzi li huma ogħla mil-leġiżlazzjoni statutorja dwar l-ambjent, il-klima u l-benessri tal-annimali, inkluż b'mod partikolari l-konservazzjoni tal-ilma, il-protezzjoni tal-bijodiversità, tal-fertilità tal-ħamrija, tad-dakkara, tas-saff tal-ħumus u tal-benessri tal-annimali;

66.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għal distribuzzjoni ġusta tal-pagamenti diretti bejn l-Istati Membri, li hija essenzjali għall-funzjonament tas-suq uniku, u li trid tqis il-kriterji oġġettivi bħall-ammonti rċevuti mill-Istati Membri taħt il-Pilastri I u II u l-fatt li l-kundizzjonijiet naturali, l-impjiegi u ċ-ċirkostanzi soċjoekonomiċi, l-istandards tal-għajxien ġenerali, l-ispejjeż tal-produzzjoni, b'mod speċjali l-ispejjeż tal-art, u l-kapaċità tal-akkwist mhumiex l-istess fl-UE kollha;

67.  Jenfasizza li konverġenza akbar tal-ammont ta' pagamenti diretti bejn l-Istati Membri tista' tinkiseb biss jekk il-baġit jiżdied b'mod adegwat;

68.  Jisħaq fuq il-fatt li l-pagamenti diretti qegħdin hemm biex jappoġġjaw il-bdiewa fil-produzzjoni tal-ikel u fil-protezzjoni tal-ambjent kif ukoll tal-istandards relatati mal-benessri tal-annimali;

69.  Jemmen li, taħt il-kundizzjonijiet stretti li jkunu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku, tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, b'mod speċjali fir-rigward tal-komoditajiet, tiġi żgurata l-konsistenza mar-regoli tad-WTO, u biex ma tiġix kompromessa l-kisba tal-għanijiet ambjentali u klimatiċi, il-pagamenti ta' appoġġ akkopjat volontarju (VCS) għandhom jinżammu, iżda jiġu attivati biss wara l-valutazzjoni mill-Kummissjoni; jemmen li l-VCS iservi bħala għodda biex jindirizza l-ħtiġijiet tas-setturi sensittivi u l-objettivi speċifiċi relatati mal-ambjent, il-klima jew il-kwalità u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli, biex jinċentiva l-prattiki tal-biedja li jissodisfaw standards għolja tal-benessri tal-annimali u ambjentali, biex jegħleb diffikultajiet speċifiċi, b'mod partikolari dawk li jinħolqu mill-iżvantaġġ kompetittiv strutturali ta' reġjuni żvantaġġati u muntanjużi, kif ukoll diffikultajiet li huma aktar ta' natura temporanja u li jinħolqu mill-abbandun tal-iskema l-antika tal-intitolamenti, pereżempju; jemmen, barra minn hekk, li l-VCS huwa wkoll għodda li tippromwovi l-produzzjoni importanti b'mod strateġiku, bħall-għelejjel li fihom il-proteini, fil-futur, jew li tikkumpensa għall-effetti tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles; jenfasizza, barra minn hekk, li l-pagamenti tal-VCS huma importanti għaż-żamma tad-diversità tal-UE tal-produzzjoni agrikola, tal-impjiegi agrikoli u tas-sistemi tal-produzzjoni sostenibbli;

70.  Jitlob li l-pagamenti mill-Pilastru I, inkluż l-appoġġ akkoppjat, ikunu limitati għal kull ettaru u kull benefiċjarju għall-ekwivalenti ta' darbtejn il-medja tal-pagamenti diretti tal-UE kull ettaru, biex ma jitħalliex li jkun hemm tagħwiġ tal-kompetizzjoni;

71.  Ifakkar li l-iżgurar tat-tiġdid ġenerazzjonali u ta' min jidħol ġdid huma sfida għall-biedja f'ħafna Stati Membri u li kull strateġija nazzjonali jew reġjonali trid għalhekk tindirizza din il-kwistjoni permezz ta' approċċ komprensiv, li jimmobilizza r-riżorsi finanzjarji kollha tal-PAK, inkluż il-pagament addizzjonali għall-bdiewa żgħażagħ taħt il-Pilastru I, u miżuri li jgħinu lill-bdiewa żgħażagħ jistabbilixxu ruħhom taħt il-Pilastru II, li t-tnejn li huma għandhom isiru obbligatorji għall-Istati Membri, flimkien mal-appoġġ minn strumenti finanzjarji ġodda, bħall-għodda li tagħti aċċess għall-kapital fil-kuntest ta' riżorsi limitati; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza ta' miżuri nazzjonali fit-tneħħija ta' ostakoli regolatorji u ekonomiċi filwaqt li jippromwovu l-ippjanar tas-suċċessjoni, il-pakketti tal-irtirar u l-aċċess għall-art, u fl-iffaċilitar u l-inkoraġġiment ta' arranġamenti kollaborattivi, bħal sħubiji, biedja kondiviża, trobbija b'kuntratt u kiri bejn il-bdiewa anzjani u żgħażagħ; iqis li r-regoli tal-għajnuna mill-Istat għandhom jqisu wkoll l-importanza tat-tiġdid ġenerazzjonali u jipprevjenu t-tmiem tal-biedja tal-familja;

72.  Jemmen li l-leġiżlazzjoni l-ġdida teħtieġ li tagħmel distinzjoni aktar ċara bejn il-kriterji li jiffurmaw il-bażi ta' inċentivi għal "bdiewa żgħażagħ" u għal "min jidħol ġdid fil-biedja" (bdiewa żgħażagħ qed jiġu definiti skont l-età, u min jidħol ġdid skont in-numru ta' snin minn meta stabbilew l-azjendi agrikoli tagħhom) sabiex issaħħaħ il-potenzjal għaż-żewġ gruppi biex iġġib magħha tiġdid ġenerazzjonali u ttejjeb il-ħajja fiż-żoni rurali;

73.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu li l-bidliet soċjetali, teknoloġiċi u ekonomiċi l-ġodda, bħall-enerġija nadifa, id-diġitalizzazzjoni u s-soluzzjonijiet intelliġenti għandhom impatt fuq il-ħajja rurali;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja fiz-zoni rurali sabiex tinkoraġġixxi lill-persuni – u b'mod speċjali ż-żgħażagħ – jibqgħu jew jirritornaw lejn ż-żoni rurali, u jħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri jappoġġjaw l-iżvilupp ta' servizzi ġodda minn intraprendituri, prinċipalment min-nisa u ż-żgħażagħ;

75.  Jinnota bi tħassib li n-nuqqas ta' ħaddiema f'diversi setturi agrikoli qed iwassal għall-waqfien tal-attivitajiet tal-biedja; jitlob li jingħata appoġġ sabiex jiġu attirati aktar ħaddiema lejn l-agrikoltura;

76.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm skambju tal-mudelli li għamlu suċċess fl-Istati Membri u li jiġbru flimkien bdiewa żgħażagħ u anzjani għal tiġdid ġenerazzjonali;

77.  Jirrakkomanda li l-aċċess għall-finanzjament għandu jitjieb permezz ta' rati tal-imgħax issussidjati fuq self għal min jidħol ġdid;

78.  Ifakkar li ż-żoni rurali u l-insedjamenti jirrikjedu attenzjoni speċjali u sforzi integrati biex jiżviluppaw irħula intelliġenti;

79.  Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni mtejba mal-BEI u mal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) sabiex jitrawwem il-ħolqien ta' strumenti finanzjarji ddedikati għall-bdiewa żgħażagħ fl-Istati Membri kollha;

80.  Jappella għal kundizzjonijiet ekwi għal titjib teknoloġiku speċjali għaċ-ċentri u l-grilji rurali;

81.  Jissottolinja l-importanza tal-iżvilupp rurali, inkluża l-inizjattiva LEADER, għat-titjib tas-sinerġiji bejn politiki differenti u għat-tisħiħ tal-kompetittività, għall-promozzjoni ta' ekonomiji effettivi u sostenibbli, għall-appoġġ ta' agrikoltura u forestrija sostenibbli u multifunzjonali, u għall-produzzjoni ta' ikel u prodotti u servizzi mhux tal-ikel, li jiġġeneraw valur miżjud u impjiegi; jisħaq fuq l-importanza tal-iżvilupp rurali fil-promozzjoni ta' sħubiji bejn il-bdiewa, il-komunitajiet lokali u s-soċjetà ċivili u fit-trawwim ta' attivitajiet u opportunitajiet imprenditorjali addizzjonali, li spiss ma jistgħux jiġu rilokati, fin-negozju agrikolu, fl-agrituriżmu, fil-kummerċjalizzazzjoni diretta, fl-agrikoltura appoġġjata mill-komunità, fil-bijoekonomija u fil-produzzjoni sostenibbli tal-bijoenerġija u tal-enerġija rinnovabbli, li lkoll jgħinu biex jiżguraw il-preservazzjoni tal-attività ekonomika fir-reġjuni; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tat-tisħiħ finanzjarju tal-Pilastru II, biex b'hekk jiżdied il-potenzjal tal-ġenerazzjoni tal-introjtu, biex jgħin fl-indirizzar tad-depopolazzjoni, il-qgħad, il-faqar u biex jippromwovi l-inklużjoni soċjali, il-provvista tas-servizzi soċjali u t-tisħiħ tan-nisġa soċjoekonomika fiż-żoni rurali, bl-objettiv ġenerali ta' titjib fil-kwalità tal-ħajja fihom;

82.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi approċċ ta' investiment iffinanzjat minn diversi sorsi fil-perjodu leġiżlattiv ta' wara l-2020 sabiex tiżgura l-implimentazzjoni bla xkiel tal-għodod integrati ta' żvilupp rurali, bħall-inizjattiva tal-irħula intelliġenti;

83.  Jitlob li jinħoloq fond ġdid għal żvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD), imsejjes fuq l-inizjattiva LEADER u fuq l-esperjenza fil-qasam, li għandu jiġi allokat f'livell ta' 10 % fil-fondi kollha strutturali għall-objettivi stabbiliti mill-istrateġiji mmexxija mill-komunità lokali, mingħajr ebda demarkazzjoni bejn il-fondi strutturali li għandhom jintużaw fuq bażi deċentralizzata;

84.  Jenfasizza li l-programmi ta' żvilupp rurali għandu jkollhom valur miżjud għall-azjendi agrikoli u jżommu r-rwol importanti tagħhom fl-iffaċilitar ta' azzjoni fit-tul rigward prattiki innovattivi u miżuri agroambjentali;

85.  Jemmen li għandha tingħata attenzjoni addizzjonali fl-inizjattiva LEADER għall-ħtiġijiet u l-proġetti tal-azjendi agrikoli tal-familja fuq skala mikro, minbarra li tingħata l-assistenza finanzjarja meħtieġa;

86.  Jemmen li ġie ppruvat li ż-żoni rurali jeħtieġu nisa u rġiel li jinvolvu ruħhom fil-biedja fuq skala żgħira u medja;

87.  Jisħaq fuq l-importanza li jinżamm l-appoġġ kompensatorju speċifiku għall-azjendi agrikoli f'żoni żvantaġġati, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri fid-dawl taċ-ċirkostanzi lokali partikolari tagħhom;

88.  Jenfasizza, barra minn hekk, li l-implimentazzjoni ta' strumenti finanzjarji fl-iżvilupp rurali għandha ssir fuq bażi volontarja, filwaqt li l-investimenti f'żoni rurali għandhom jissaħħu;

89.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi miżuri għall-inizjattiva tal-irħula intelliġenti biex l-irħula intelliġenti jkunu prijorità fil-politika ta' żvilupp rurali li jmiss;

90.  Jemmen li l-finanzjament tal-Pilastru II għat-trobbija tan-naħal għandu jiġi mmirat aħjar u jsir aktar effettiv u li l-qafas leġiżlattiv il-ġdid għandu jipprovdi skema ġdida ta' appoġġ tal-Pilastru I għal min irabbi n-naħal, inkluż appoġġ dirett għal kull xehda tad-duqqajs;

91.  Jenfasizza li għandha tiġi applikata rata ogħla ta' kofinanzjament għall-miżuri li huma inqas relatati mal-biedja;

92.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi reġim ta' kundizzjonalità ġdid, koerenti, rinfurzat u simplifikat fil-Pilastru I, li jippermetti l-integrazzjoni u l-implimentazzjoni tat-tipi differenti ta' azzjonijiet ambjentali eżistenti, bħall-miżuri attwali ta' kundizzjonalità u ta' ekoloġizzazzjoni; jenfasizza li l-linja bażi tal-Pilastru I biex jinkiseb l-iżvilupp agrikolu sostenibbli għandha tkun obbligatorja u tistipula b'mod ċar il-miżuri u r-riżultati mistennija mill-bdiewa sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, filwaqt li tiġi żgurata burokrazija minima fil-livell tal-azjenda agrikola u, billi jitqiesu l-kundizzjonijiet lokali, il-kontroll adegwat mill-Istati Membri; jitlob, barra minn hekk, skema ġdida u sempliċi, li għandha tkun obbligatorja għall-Istati Membri u fakultattiva għall-azjendi agrikoli, ibbażata fuq ir-regoli tal-UE li jmorru lil hinn mil-linja bażi biex tinċentiva t-tranżizzjoni tal-bdiewa lejn tekniki u prattiki sostenibbli għall-klima u għall-ambjent u li huma kompatibbli mal-miżuri agroambjentali klimatiċi (AECMs) fil-Pilastru II; jemmen li l-implimentazzjoni ta' din l-iskema għandha tkun iddeterminata fil-pjanijiet strateġiċi nazzjonali f'qafas tal-UE;

93.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-AECMs tal-Pilastru II għall-iżvilupp rurali jkomplu jikkumpensaw l-ispejjeż addizzjonali u n-nuqqasijiet assoċjati mal-istabbiliment volontarju mill-bdiewa ta' prattiki ambjentali u li ma jagħmlux ħsara lill-klima, bil-possibbiltà ta' żieda ta' inċentiv għall-investiment fil-protezzjoni ambjentali, fil-bijodiversità u fl-effiċjenza fir-riżorsi; iqis li dawn il-programmi għandhom ikunu simplifikati, immirati aħjar u aktar effiċjenti, sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu jwettqu b'mod effettiv l-għanijiet ambizzjużi tal-politika fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali, il-bijodiversità, il-ġestjoni tal-ilma u l-azzjoni klimatika u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, filwaqt li jiżguraw burokrazija minima fil-livell tal-azjenda agrikola u, billi jitqiesu l-kundizzjonijiet lokali, kontroll adegwat mill-Istati Membri;

94.  Jitlob, barra minn hekk, li l-azjendi agrikoli jipproduċu biss agrikola organika f'konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 u huma eżentati mir-rekwiżiti tal-ekoloġizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, u li l-azjendi agrikoli li jwettqu miżuri agroambjentali fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandhom ukoll ikunu eżentati;

95.  Jenfasizza li r-reġjuni Mediterranji tal-UE huma aktar vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima, bħan-nixfa, in-nirien u d-deżertifikazzjoni, u li l-bdiewa jeħtieġu jagħmlu sforzi akbar f'dawn iż-żoni biex jadattaw l-attivitajiet tagħhom għat-tibdil fl-ambjent;

96.  Iqis li l-proposti leġiżlattivi futuri tal-Kummissjoni għandhom jippermettu appoġġ lill-akbar numru possibbli ta' bdiewa fl-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw lejn aktar żvilupp agrikolu sostenibbli;

97.  Jitlob li, fl-interessi tas-simplifikazzjoni tal-PAK, jinżammu l-eżenzjonijiet eżistenti u mhux jintefa piż fuq l-iżgħar azjendi agrikoli taħt 15-il ettaru b'aktar miżuri ambjentali u klimatiċi skont il-PAK;

98.  Jipproponi li din il-forma ġdida ta' ekoloġizzazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn mezzi sinifikanti, ikkoordinati u aktar effiċjenti fil-Pilastru II permezz ta' investimenti mmirati tanġibbli u mhux tanġibbli (trasferiment ta' għarfien, taħriġ, pariri, skambju tal-għarfien, netwerking u innovazzjoni permezz tas-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni (EIPs)), u hija forma oħra li tixpruna bidla;

99.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proposti leġiżlattivi tagħha għar-riforma tal-PAK ikunu jinkludu miżuri u strumenti adatti biex jintegraw il-produzzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteina fis-sistemi mtejba tan-newba tal-għelejjel, bil-għan li jingħeleb id-defiċit li hemm bħalissa tal-proteini, jittejjeb l-introjtu tal-bdiewa u jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja l-agrikoltura, bħalma huma t-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u tal-fertilità tal-ħamrija u l-protezzjoni u l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma;

100.  Jemmen li ammont minimu mill-baġit totali disponibbli fil-Pilastru II għandu jiġi allokat għall-AECMs, inklużi l-agrikoltura organika, is-sekwestru tal-karbonju, is-saħħa tal-ħamrija, il-miżuri ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti, l-ippjanar tal-ġestjoni tan-nutrijenti għall-protezzjoni tal-bijodiversità, u d-dakkir u d-diversità ġenetika fl-annimali u fil-pjanti; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza taż-żamma tal-pagamenti ta' Natura 2000 u li jiġi żgurat li jkunu suffiċjenti biex iservu ta' inċentiv ġenwin għall-bdiewa;

101.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għal pagamenti skont l-iżvilupp rurali lill-bdiewa f'żoni b'restrizzjonijiet naturali, kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli, għoljiet weqfin jew limitazzjonijiet f'termini ta' kwalità tal-ħamrija; jitlob simplifikazzjoni u titjib fl-approċċ tal-pjan ANC wara l-2020;

102.  Ifakkar li l-Parlament diġà enfasizza li l-"Kontroll tal-Idoneità" tad-Direttiva Natura jenfasizza l-bżonn li tittejjeb il-koerenza mal-PAK, u jenfasizza t-tnaqqis inkwetanti fl-ispeċijiet u fil-ħabitats marbuta mal-agrikoltura; jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tal-impatt tal-PAK fuq il-bijodiversità; jerġa' jitlob pagamenti ogħla għan-Natura 2000 biex tiġi inċentivata aktar il-protezzjoni tas-siti agrikoli tan-Natura 2000, li jinsabu fi stat ħażin ħafna;

103.  Jitlob li jiġu implimentati u msaħħa l-miżuri agrikoli intelliġenti fil-livell klimatiku billi se jiżdiedu impatti futuri tal-bidla fil-klima fuq l-agrikoltura fl-Ewropa;

104.  Iqis li r-riskji assoċjati mat-tibdil fil-klima u mad-degradazzjoni tal-art fil-pajsaġġ maħdum kollu jeħtieġ li jiġu ġestiti fil-PAK, permezz ta' investiment sabiex l-agroekosistemi jsiru reżiljenti u robusti, u investiment fl-infrastruttura ekoloġika biex tibni ħamrija tal-wiċċ, treġġa' l-erożjoni tal-ħamrija, tintroduċi/ittawwal in-newba tal-uċuħ tar-raba', iżżid aktar siġar fil-pajsaġġ u ttejjeb id-diversità bijoloġika u strutturali fl-azjendi agrikoli;

105.  Iqis li għandu jingħata appoġġ u jiġi promoss l-użu akbar ta' skart agrikolu bħala sors rinnovabbli, effiċjenti u sostenibbli tal-enerġija għal żoni rurali;

106.  Jistieden lill-Kummissjoni trawwem l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-immodernizzar fil-biedja, fl-agroforestrija u fis-settur tal-ikel billi tappoġġja sistema ta' konsulenza b'saħħitha u taħriġ li huwa adattat aħjar għall-ħtiġijiet tal-benefiċjarji tal-PAK fl-iżvilupp tal-prattiki tagħhom lejn aktar sostenibbiltà u protezzjoni tar-riżorsi, u billi tappoġġja l-applikazzjoni ta' teknoloġiji intelliġenti sabiex iwieġbu b'mod aktar effettiv għall-isfidi fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent u l-kompetittività; jenfasizza li t-taħriġ u l-estensjoni jridu jkunu prekundizzjoni fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programm fl-Istati Membri kollha u li huwa essenzjali li jitrawwem it-trasferiment tal-għarfien espert, il-mudelli tal-aħjar prattika u l-iskambji fost il-kooperattivi u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi madwar l-Istati Membri, ngħidu aħna permezz tas-sistema tal-għarfien u tal-innovazzjoni agrikoli (AKIS); jemmen li l-metodi agroekoloġiċi, u l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-biedja ta' preċiżjoni, jistgħu jiġġeneraw benefiċċji sinifikanti għall-ambjent, iżidu l-introjtu tal-bdiewa, jirrazzjonalizzaw l-użu ta' makkinarju agrikolu u jżidu b'mod sinifikanti l-effiċjenza tar-riżorsi;

107.  Jenfasizza l-ħtieġa importanti li l-PAK, Orizzont 2020 u skemi oħra ta' finanzjament ta' appoġġ jinkoraġġixxu lill-bdiewa biex jinvestu f'teknoloġiji ġodda li jkunu adattati għad-daqs tal-azjendi agrikoli tagħhom, bħal għodod tal-biedja ta' preċiżjoni u diġitali li jtejbu r-reżiljenza u l-impatt ambjentali tal-agrikoltura;

108.  Jistieden lill-Kummissjoni tistimola l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji innovattivi għall-azjendi agrikoli ta' kull tip, irrispettivament mid-daqs tagħhom u mill-produzzjoni, sew jekk konvenzjonali jew organiċi, trobbija tal-bhejjem jew uċuħ tar-raba', fuq skala żgħira jew kbira;

109.  Jitlob li l-Kummissjoni twettaq PAK li tikseb aktar innovazzjoni, tikkontribwixxi għal progress fil-bijoekonomija u tipprovdi soluzzjonijiet għall-bijodiversità, il-klima u l-ambjent;

110.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq il-kwalità tal-ħajja f'żoni rurali, biex tagħmilha attraenti għan-nies kollha, b'mod speċjali għall-ġenerazzjoni żagħżugħa;

111.  Jemmen li d-diġitalizzazzjoni tal-agrikoltura u l-agrikoltura ta' preċiżjoni promossi fil-PAK ma għandhomx jagħmlu lill-bdiewa aktar dipendenti fuq kontribuzzjonijiet addizzjonali jew finanzjament estern, u lanqas ma għandhom jipprevjenu l-aċċess tagħhom għar-riżorsi, iżda għandhom ikunu pubbliċi, miftuħa u żviluppati b'mod inklużiv bl-involviment tal-bdiewa;

112.  Jitlob li, mingħajr preġudizzju għal definizzjoni mill-ġdid tal-ammont totali ta' appoġġ mill-UE għall-iżvilupp rurali, il-programmi attwali tal-iżvilupp rurali, approvati skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, jibqgħu japplikaw sal-2024 jew sakemm tiġi adottata riforma ġdida;

113.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tippromwovi l-kunċett ta' "irħula intelliġenti" fl-UE, li permezz ta' żvilupp aktar ikkoordinat tal-politiki differenti, se jkun possibbli li tiġi indirizzata b'mod komprensiv l-insuffiċjenza tal-konnessjonijiet broadband, tal-opportunitajiet ta' impjiegi u tal-forniment ta' servizzi f'żoni rurali;

114.  Jitlob li tittieħed azzjoni biex tiġi indirizzata l-problema serja ta' inċidenti fl-azjendi agrikoli, li jirriżultaw f'korrimenti u fatalitajiet f'dawn l-azjendi tal-UE, permezz ta' miżuri tal-Pilastru II li jappoġġjaw investiment f'miżuri ta' sikurezza u taħriġ;

115.  Jitlob li, fil-kuntest tal-iżvilupp ta' strateġija tal-UE dwar l-għelejjel tal-proteini, ikun hemm applikazzjoni unika tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti matul il-perjodu minn qabel sa ftit żmien biss wara ż-żrigħ, u li għandha tiġi awtorizzata għall-artijiet kollha fosthom l-għelejjel tal-proteini;

116.  Jemmen li l-investimenti fl-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ huma vitali għall-futur tal-agrikoltura Ewropea;

117.  Jenfasizza li approċċ ibbażat fuq ir-riżultati fil-livell tal-Istati Membri u dak reġjonali u soluzzjonijiet innovattivi pprovduti minn skemi ta' ċertifikazzjoni għandhom ikomplu jiġu investigati fil-qafas tal-PAK tal-futur, mingħajr ma tiżdied il-burokrazija u il-kontrolli fuq il-post;

118.  Jitlob l-introduzzjoni ta' modernizzazzjoni mmirata u miżuri ta' titjib strutturali taħt il-Pilastru II, bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi prijoritarji bħal "Digital Farming 4.0";

119.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissalvagwardjaw u jippromwovu l-aċċess għaż-żrieragħ u għall-produzzjoni agrikola lill-bdiewa żgħar u lill-gruppi emarġinati, u jippromwovu u jissalvagwardjaw l-iskambju taż-żrieragħ u s-sjieda pubblika tagħhom, flimkien mat-tekniki tradizzjonali sostenibbli li jiggarantixxu d-dritt tal-bniedem għall-ikel u n-nutrizzjoni xierqa;

120.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu aktar enfasi fuq l-opportunitajiet imprenditorjali għal servizzi lejn l-irħula u servizzi li joriġinaw minnhom;

121.  Jinnota li kull azjenda agrikola hija differenti u li għalhekk hemm bżonn ta' soluzzjonijiet individwali;

Pożizzjoni b'saħħitha għall-bdiewa fis-sistema alimentari globali

122.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm il-qafas attwali tal-organizzazzjoni komuni tas-suq unika (OKS unika) fi ħdan il-Pilastru I, inklużi l-istrumenti speċifiċi ta' politika u l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, u ttejjeb l-iskema tal-UE ta' frott, ħxejjex u ħalib għall-iskejjel; jenfasizza l-importanza tas-sistemi tal-ġestjoni tal-produzzjoni eżistenti għal prodotti speċifiċi u ż-żamma ta' programmi ta' setturi individwali obbligatorji (inbid, frott u ħxejjex, żejt taż-żebbuġa u apikultura) għall-pajjiżi produtturi, bl-għan aħħari tat-tisħiħ tas-sostenibbiltà u tal-kompetittività ta' kull settur u ż-żamma ta' kundizzjonijiet ekwi filwaqt li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-bdiewa kollha;

123.  Jemmen li l-esperjenza pożittiva u "orjentata lejn is-suq" tal-programmi operazzjonali tal-OKS unika fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, implimentati mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u ffinanzjati fuq il-bażi tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata, uriet l-effikaċja tagħhom fit-tisħiħ tal-kompetittività u fl-istrutturar tas-setturi mmirati u fit-titjib tas-sostenibbiltà tagħhom; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tqis l-introduzzjoni ta' programmi operazzjonali simili għal setturi oħra; jemmen li dan jista' jkun ta' benefiċċju partikolari għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jirrappreżentaw lill-bdiewa fis-settur tal-ħalib fir-reġjuni muntanjużi u fiż-żoni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni, li jipproċessaw u jikkummerċjalizzaw prodotti ta' kwalità għolja u jżommu l-produzzjoni tal-ħalib f'dawn iż-żoni diffiċli għall-biedja;

124.  Ifakkar li l-inugwaljanza tas-saħħa fis-suq tirrappreżenta ostaklu partikolari għall-produzzjoni li tkopri l-ispejjeż fis-settur tal-ħalib;

125.  Jiġbed l-attenzjoni għall-possibbiltà li tiġi introdotta Skema Volontarja għat-Tnaqqis tal-Provvista tal-Ħalib fl-ambitu tal-OKS;

126.  Jappella għall-introduzzjoni ta' strument ġdid għall-ġestjoni tal-awtoassistenza għaż-żejt taż-żebbuġa, li jippermetti li ż-żejt jinħażen fis-snin meta jkun hemm eċċess tal-produzzjoni, u biex jiġi rilaxxat fis-suq meta l-produzzjoni tkun inqas mid-domanda;

127.  Jinsisti fuq il-ħtieġa kritika li l-PAK tal-futur tappoġġja lill-bdiewa b'mod aktar effiċjenti, ġust u fil-pront sabiex ilaħħqu mal-volatilità tal-prezzijiet u tal-introjtu minħabba l-klima, il-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, u riskji sanitarji u tas-suq, billi jinħolqu inċentivi addizzjonali u kundizzjonijiet tas-suq li jistimolaw l-iżvilupp u l-użu volontarju tal-ġestjoni tar-riskju u tal-għodod għall-istabbilizzazzjoni (skemi ta' assigurazzjoni, għodod għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu, mekkaniżmi ta' forniment individwali u fondi mutwi) filwaqt li tiżgura l-aċċessibbiltà għall-bdiewa kollha u l-kompatibbiltà mal-iskemi nazzjonali eżistenti;

128.  Jappella biex jingħata appoġġ aħjar biex tiżdied il-produzzjoni tal-pjanti leguminużi fl-UE u biex jingħataw għajnuniet speċifiċi lil dawk li jrabbu n-ngħaġ u l-mogħoż b'mod estensiv, fid-dawl tal-benefiċċji li dawn is-setturi għandhom fuq l-ambjent u l-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni ta' proteini għall-għalf;

129.  Jenfasizza li l-PAK orjentata lejn il-futur għandha tkun imfassla biex tindirizza aħjar kwistjonijiet tas-saħħa kritiċi, bħal dawk relatati mar-reżistenza għall-antimikrobiċi, mal-kwalità tal-arja, u man-nutrizzjoni aktar tajba għas-saħħa;

130.  Jissottolinja l-isfidi imposti fuq is-saħħa tal-annimali u tal-bnedmin mir-reżistenza għall-antimikrobiċi; jemmen li l-qafas ġuridiku ġdid għandu jippromwovi b'mod attiv livell ogħla ta' saħħa u benessri tal-annimali bħala mezz sabiex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antibijotiċi, u b'hekk jipproteġi aħjar is-saħħa pubblika u s-settur tal-biedja kollu kemm hu;

131.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-riskji tas-suq jistgħu wkoll jiġu ġestiti permezz ta' titjib fl-aċċess tas-suq għall-prodotti agrikoli u alimentari tal-UE fis-swieq tal-esportazzjoni;

132.  Jinsisti fuq l-importanza tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-produtturi primarji fil-katina tal-provvista tal-ikel, b'mod partikolari billi tiġi ggarantita distribuzzjoni ġusta tal-valur miżjud bejn il-produtturi, il-proċessuri u s-settur tal-bejgħ bl-imnut, billi jiġu introdotti r-riżorsi u l-inċentivi finanzjarji meħtieġa biex jappoġġjaw il-ħolqien u l-iżvilupp ta' organizzazzjonijiet ekonomiċi, kemm vertikali kif ukoll orizzontali, bħal organizzazzjonijiet tal-produtturi, inklużi kooperattivi, u l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali tagħhom, billi jistabbilixxu standards minimi armonizzati biex jiġġieldu prattiki kummerċjali inġusti u abbużivi tul il-katina tal-provvista tal-ikel u billi jsaħħu t-trasparenza fis-swieq u permezz ta' għodod ta' prevenzjoni tal-kriżijiet;

133.  Jenfasizza li, skont l-objettivi tal-Artikolu 39 tat-TFUE u l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 42 tat-TFUE, ir-regolament omnibus iċċara r-relazzjoni legali bejn id-dispożizzjonijiet tal-OKS unika u r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u introduċa possibbiltajiet kollettivi ġodda għall-bdiewa biex isaħħu s-setgħa ta' negozjar tagħhom fil-katina tal-provvista tal-ikel; jemmen li dawn id-dispożizzjonijiet huma essenzjali fil-qafas tal-PAK tal-futur u għandhom jittejbu aktar;

134.  Iqis li billi nitgħallmu mill-esperjenzi tal-passat tal-funzjonament tal-Osservatorji differenti tas-Suq tal-UE (Ħalib, Laħam, Zokkor u Għelejjel), dawn l-għodod għandhom jiġu estiżi għas-setturi li għadhom mhumiex koperti u żviluppati aktar biex joffru data u tbassir affidabbli lill-operaturi tas-suq sabiex titwassal twissija bikrija u jkunu jistgħu jittieħdu azzjonijiet fil-pront u preventivi fil-każ ta' disturbi fis-suq bil-għan li jiġu evitati l-kriżijiet;

135.  Jappella għal appoġġ imsaħħaħ għas-swieq lokali u għall-ktajjen qosra tal-provvista alimentari, u għall-promozzjoni tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati servizzi lokali marbuta mal-ktajjen qosra tal-provvista;

136.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika aktar u taġġorna, fejn meħtieġ, ir-regoli għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-politika tal-kompetizzjoni, bl-għan li l-organizzazzjonijiet interprofessjonali jadottaw miżuri u jikkonkludu ftehimiet sabiex jissodisfaw l-esiġenzi tas-soċjetà;

137.  Jenfasizza li l-għodod storiċi tal-ġestjoni tas-suq tal-PAK (jiġifieri l-intervent pubbliku u l-ħżin privat) għandhom effett iżgħar u insuffiċjenti fil-kuntest ta' ekonomiji globalizzati u li l-għodod tal-ġestjoni tar-riskju mhumiex dejjem suffiċjenti biex ilaħħqu mal-volatilità sinifikanti tal-prezzijiet u ma' disturbi severi fis-suq;

138.  Jenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, li l-OKS unika tkompli taqdi rwol importanti fil-PAK tal-futur bħala xibka ta' sikurezza fi swieq agrikoli li qed jistabbilizzaw malajr u fl-antiċipazzjoni ta' kriżijiet, u jissottolinja l-importanza tar-regolament omnibus biex jippermetti u jinkoraġġixxi – mit-tagħlimiet meħuda mill-aħħar kriżijiet tas-suq, b'mod partikolari fis-settur tal-ħalib – l-użu komplementari ta' strumenti innovattivi tas-suq u tal-ġestjoni ta' kriżijiet, bħall-ftehimiet tas-settur volontarji, biex jimmaniġġjaw u, fejn xieraq, inaqqsu l-provvista f'termini kwantitattivi fost il-produtturi, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali u l-proċessuri (eż. l-Iskema tat-Tnaqqis tal-Produzzjoni tal-Ħalib tal-UE);

139.  Jilqa' l-ħidma li qiegħda ssir fuq l-istrateġija sostenibbli tal-UE dwar il-proteini;

140.  Jinnota n-neċessità li jinħolqu swieq lokali u reġjonali għall-għelejjel tal-legumi madwar l-UE, għat-titjib fil-prestazzjoni ambjentali bl-użu tas-sistema tan-newba tal-għelejjel, filwaqt li titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-għalf, tal-fertilizzanti u tal-pestiċidi, u jiżdiedu l-vijabbiltà u l-inċentivi ekonomiċi biex issir bidla għal prattiki agrikoli aktar sostenibbli;

141.  Iqis li l-miżuri għall-ġestjoni tal-provvista ta' ġobnijiet u prieżet b'denominazzjonijiet ta' oriġini protetta jew b'indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, jew ta' nbejjed, urew l-effiċjenza tagħhom fit-titjib tas-sostenibbiltà, tal-kompetittività u tal-kwalità tal-prodotti fil-mira, u għandhom għalhekk jinżammu u, jekk meħtieġ, estiżi sabiex ikopru kwalunkwe prodott b'tikketta ta' kwalità skont l-objettivi tal-PAK;

142.  Jitlob li jsir rieżami fil-fond tal-mekkaniżmu ta' riżerva għall-kriżijiet attwali sabiex jinħoloq fond tal-UE indipendenti u li jista' jitħaddem għall-kriżijiet agrikoli, li jkun eżentat mill-prinċipju tal-annwalità tal-baġit, sabiex jippermetti trasferimenti baġitarji minn sena għall-oħra, b'mod speċjali meta l-prezzijiet tas-suq ikunu għoljin biżżejjed, filwaqt li r-riżerva tal-kriżijiet tinżamm f'livell kostanti tul il-perjodu kollu tal-QFP, biex b'hekk ikunu permessi azzjonijiet u reazzjonijiet ta' prevenzjoni aktar rapidi, aktar koerenti u effettivi li jkunu komplementari għall-użu tal-għodod tas-suq u tal-ġestjoni tar-riskju fil-każ ta' sitwazzjonijiet ta' kriżijiet severi, inklużi dawk li jinvolvu konsegwenzi ekonomiċi għall-bdiewa minħabba kwistjonijiet marbuta mas-saħħa tal-annimali, il-mard tal-pjanti u s-sikurezza tal-ikel, kif ukoll dawk li jirriżultaw minn xokkijiet esterni b'impatt fuq l-agrikoltura;

143.  Jemmen li l-ftehimiet kummerċjali, filwaqt li huma ta' benefiċċju għal xi setturi agrikoli tal-UE, u huma meħtieġa biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Unjoni fis-suq agrikolu globali u tibbenefika minnhom l-ekonomija tal-UE inġenerali, jippreżentaw ukoll għadd ta' sfidi, b'mod partikolari għall-biedja fuq skala żgħira u medja u għal setturi sensittivi li jridu jitqiesu, bħar-rispett għall-istandards sanitarji, fitosanitarji, tal-benessri tal-annimali, ambjentali u soċjali, b'hekk jeħtieġ li jkun hemm koerenza bejn il-politika kummerċjali u ċerti objettivi tal-PAK u li ma jirriżultawx fid-dgħufija tal-istandards għolja tal-Ewropa jew li t-territorji rurali jitqiegħdu f'riskju;

144.  Jenfasizza li l-applikazzjoni ta' standards differenti żżid ir-riskju tal-esportazzjoni tal-produzzjoni domestika tal-UE lejn pajjiżi oħra, għad-detriment tal-iżvilupp rurali, tal-ambjent u, f'ċerti każijiet, tal-kwalità tal-ikel;

145.  Jissottolinja li l-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' salvagwardja msaħħa għandha wkoll tkun parti mid-dibattiti dwar il-ftehimiet kummerċjali futuri (Mercosur, New Zealand, l-Awstralja eċċ.) u l-impatt tagħhom fuq l-agrikoltura fl-Ewropa;

146.  Jenfasizza li, filwaqt li huwa importanti li titkompla l-ħidma għal żieda fl-aċċess għas-suq għall-prodotti agrikoli Ewropej, hemm bżonn miżuri adegwati għall-protezzjoni tal-agrikoltura Ewropea li jqisu t-tħassib speċifiku tas-settur, bħal mekkaniżmi ta' salvagwardja biex jiġu evitati impatti soċjoekonomiċi negattivi fuq bdiewa fuq skala żgħira u fuq skala medja fl-UE u f'pajjiżi terzi, jew l-esklużjoni potenzjali min-negozjati tas-setturi l-aktar sensittivi u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' reċiproċità fil-kundizzjonijiet tal-produzzjoni, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn il-bdiewa fl-UE u l-kompetituri barranin tagħhom; jinsisti li l-produzzjoni Ewropea ma tridx tiġi mminata minn importazzjonijiet inferjuri u li mhumiex konformi mal-istandards;

147.  Jistieden lill-Kummissjoni tibda tqis l-agrikoltura bħala attività strateġika u tadotta approċċ għall-ftehimiet ta' kummerċ ħieles b'tali mod li l-agrikoltura ma titqiesx bħala varjabbli ta' aġġustament tas-setturi l-oħra involuti fil-kummerċ u tipproteġi setturi ewlenin bħall-produzzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat;

148.  Huwa tal-fehma li r-rekwiżiti tal-kummerċ internazzjonali u tad-WTO kellhom impatt sinifikanti kbir fuq is-serje ta' reviżjonijiet tal-PAK li twettqu sa mid-disgħinijiet; iqis li dawn ir-reviżjonijiet wasslu biex il-prodotti agrikoli Ewropej u s-settur agroalimentari Ewropew ikunu aktar kompetittivi, iżda imminaw ukoll partijiet kbar tas-settur agrikolu billi esponuhom għall-instabbiltà tas-swieq dinjija; huwa tal-fehma li issa huwa ż-żmien, kif tissuġġerixxi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Futur tal-Biedja u tal-Ikel fl-Ewropa, li jkun hemm aktar enfasi fuq l-objettivi l-oħra tal-PAK, bħall-istandards ta' għajxien tal-bdiewa u kwistjonijiet dwar is-saħħa, l-impjiegi, l-ambjent u l-klima;

149.  Jissottolinja li l-politika kummerċjali tal-UE għandha tkun koerenti ma' politiki oħra tal-UE, bħall-politika tal-iżvilupp u l-politika ambjentali, u għandha tappoġġja l-kisba tal-SDGs, u li tista' tikkontribwixxi biex jinkisbu l-objettivi tal-PAK, b'mod partikolari biex jiġi żgurat standard ġust ta' għajxien għall-komunità agrikola u li l-provvisti jaslu għand il-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli; jisħaq fuq il-fatt li s-settur agroalimentari tal-UE għandu jieħu vantaġġ mill-opportunitajiet għat-tkabbir offruti mill-esportazzjonijiet, peress li madwar 90 % tad-domanda globali addizzjonali għall-prodotti agroalimentari matul l-għaxar snin li ġejjin se tiġi minn barra l-Ewropa; jenfasizza li l-PAK trid tissodisfa l-ħtiġijiet relatati mal-ikel, l-ambjent u l-klima tas-soċjetà Ewropea qabel ma tiffoka fuq il-produzzjoni għall-bejgħ fis-suq agrikolu internazzjonali; jenfasizza li l-hekk imsejħa pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jkollhom biżżejjed opportunitajiet biex jistabbilixxu u jżommu settur agroalimentari b'saħħtu waħedhom;

150.  Iqis, barra minn hekk, li prodotti manifatturati b'rabta mad-deforestazzjoni, il-ħtif tal-art jew tar-riżorsi u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem ma għandhomx jingħataw aċċess fis-suq tal-UE;

151.  Ifakkar fil-Kunsens Ewropew il-Ġdid għall-Iżvilupp li fih l-UE u l-Istati Membri tagħha jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom u jirrikonoxxu l-importanza fundamentali tar-rispett effettiv tal-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD) stabbilit fl-Artikolu 208 tat-TFUE, li jimplika li jitqiesu l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki kollha tal-UE, inklużi l-politika u l-finanzjament agrikoli, li x'aktarx jaffettwaw lill-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp b'mod negattiv; iqis, f'dan il-kuntest, li r-riforma tal-PAK għandha tirrispetta d-dritt tal-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp li jfasslu l-politiki agrikoli u l-politiki tal-ikel tagħhom mingħajr ma jdgħajfu l-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel fit-tul, b'mod partikolari dawk tal-pajjiżi l-inqas żviluppati;

152.  Ifakkar fl-impenn tal-UE u tal-Istati Membri tagħha għall-SDGs u jissottolinja li l-koerenza tal-PAK mal-SDGs hija kruċjali, speċjalment fil-każ tal-SDG 2 (xejn ġuħ), 5 (ugwaljanza bejn is-sessi), 12 (konsum u produzzjoni responsabbli) 13 (azzjoni klimatika) u 15 (il-ħajja fuq l-art), li l-PAK tal-futur trid tkun allinjata magħhom;

153.  Jitlob, skont il-prinċipju tal-effiċjenza baġitarja, li jkun hemm koerenza u sinerġiji aħjar bejn il-PAK u l-politiki u l-impenji internazzjonali l-oħra kollha tal-UE, b'mod partikolari fl-oqsma tal-enerġija, tal-provvista tal-ilma, tal-użu tal-art, tal-bijodiversità u l-ekosistemi, u fl-iżvilupp ta' żoni remoti u muntanjużi;

154.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni tal-impatt sistematika tad-dispożizzjonijiet rigward is-settur agrikolu fil-ftehimiet kummerċjali kollha, u tipproponi strateġiji speċifiċi ħalli tiżgura li l-ebda settur agrikolu ma jsofri minħabba xi ftehim kummerċjali konkluż ma' pajjiż terz;

155.  Jinsisti li l-proċessi u l-metodi ta' produzzjoni huma parti essenzjali mill-istandards soċjali, ekonomiċi u ambjentali fil-kummerċ agrikolu globali, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tħeġġeġ lid-WTO tirrikonoxxi l-proċessi u l-metodi ta' produzzjoni bħala tali;

156.  Jissottolinja li t-twettiq tal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u l-kisba tal-SDGs irid ikun wieħed mill-prinċipji li jirregolaw kwalunkwe politika kummerċjali fir-rigward tal-prodotti agrikoli; jinnota li l-Kummissjoni, fid-dokument ta' riflessjoni tagħha dwar l-isfruttar tal-globalizzazzjoni, ġustament indikat it-talba għal aktar kummerċ ġust u sostenibbli u prodotti lokali bħala xejra li qiegħda tinbidel fil-globalizzazzjoni; jenfasizza li l-politika kummerċjali tal-UE tista' tikkontribwixxi b'mod estensiv għall-kisba tal-SDGs u tal-objettivi fil-qasam tal-klima kif stabbiliti fil-Ftehim ta' Pariġi;

157.  Ifakkar li l-UE eliminat is-sussidji għall-esportazzjoni min-naħa tagħha u li ma għad baqa' l-ebda linja baġitarja għas-sussidji għall-esportazzjoni fil-baġit attwali tal-UE; jistieden lis-sħab kummerċjali tal-UE, f'dan ir-rigward, biex jieħdu impenji biex jitnaqqas l-appoġġ domestiku li jfixkel il-kummerċ; jappella lill-membri tad-WTO jkomplu jagħtu sussidji għall-esportazzjoni biex jimplimentaw id-Deċiżjoni Ministerjali dwar il-Kompetizzjoni tal-Esportazzjoni adottata f'Nairobi fid-19 ta' Diċembru 2015;

158.  Jitlob li l-Kummissjoni żżomm għajnejha miftuħin u tintensifika l-azzjoni difensiva tal-Unjoni sabiex telimina l-ostakli eżistenti u futuri għall-aċċess għas-suq fil-pajjiżi terzi, li qed jiżdiedu, filwaqt li jitħarsu l-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-ikel; jissottolinja li l-maġġoranza ta' dawn l-ostakli jaffettwaw il-prodotti agrikoli (27 % skont il-Bażi tad-Data tal-Aċċess għas-Suq tal-Kummissjoni), li jirrigwardaw l-aktar il-miżuri sanitarji u fitosanitarji tal-aċċess għas-suq;

159.  Jistieden lill-Kummissjoni tantiċipa u tqis l-implikazzjonijiet tal-Brexit meta tħejji l-iskambji tal-offerti u l-kalkolu tal-kwoti;

160.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi inizjattivi ċari u trasparenti biex issaħħaħ aktar il-promozzjoni tal-istandards tal-UE dwar il-produzzjoni, is-sikurezza, il-benessri tal-annimali u l-ambjent u tal-ktajjen ta' provvista qosra u tappoġġja l-iskemi tal-produzzjoni ta' ikel ta' kwalità, li jistgħu jinkisbu fost l-oħrajn permezz ta' skemi tat-tikkettar tal-oriġini Ewropej, u attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni u promozzjoni dwar swieq interni u ta' pajjiżi terzi għal dawk is-setturi li jibbenefikaw minn strumenti ta' politika speċifiċi fl-ambitu tal-PAK; jinsisti fuq il-ħtieġa li titnaqqas il-burokrazija żejda u l-kundizzjonijiet bla bżonn biex il-produtturi iżgħar ikun jistgħu jieħdu sehem f'dawn l-iskemi; jilqa' ż-żieda stabbli fil-baġit disponibbli għall-programmi promozzjonali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni żżomm il-pass taż-żieda fl-approprjazzjonijiet fid-dawl tal-interess dejjem akbar mill-produtturi;

161.  Jisħaq fuq l-importanza tal-ktajjen tal-provvista qosra lokali u reġjonali, li huma aktar ambjentalment sostenibbli – peress li jikkawżaw inqas tniġġis minħabba li jeħtieġu inqas trasport – b'hekk ifisser li l-prodotti jkunu aktar friski u faċli biex jiġu traċċati;

162.  Ifakkar fl-importanza li l-bdiewa lokali jingħataw is-setgħa li javvanzaw fil-katina tal-valur billi dawn jingħataw għajnuna u appoġġ fir-rigward ta' prodotti organiċi u prodotti b'valur miżjud u għarfien u teknoloġiji ġodda, peress li l-kisba tas-sostenibbiltà tirrikjedi azzjoni diretta sabiex ir-riżorsi naturali jiġu kkonservati, protetti u msaħħa;

163.  Jirrimarka li l-produzzjoni lokali tappoġġja l-kultura tal-ikel lokali u l-ekonomiji lokali;

164.  Jenfasizza li l-enfasi tal-futur tal-biedja għandha ssir fuq il-produzzjoni ta' ikel ta' kwalità għolja, peress li dan huwa l-vantaġġ kompetittiv tal-Ewropa; jisħaq li l-istandards tal-UE jridu jinżammu u jissaħħu kemm jista' jkun; jitlob li jittieħdu miżuri biex ikun hemm aktar tkabbir fil-produttività u l-kompetittività fit-tul tas-settur tal-produzzjoni tal-ikel, u li jiġu introdotti teknoloġiji ġodda u użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, biex b'hekk jissaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala mexxejja dinjija;

165.  Jikkunsidra li huwa inaċċettabbli li jkun hemm differenzi fil-kwalità bejn prodotti tal-ikel li huma rreklamati u ddistribwiti fis-suq uniku taħt l-istess marka kummerċjali u bl-istess imballaġġ; jilqa' l-inċentivi tal-Kummissjoni biex tindirizza l-kwistjoni tal-kwalità dupliċi tal-ikel fis-suq uniku, inkluża l-ħidma tiegħu fuq metodoloġija komuni tal-ittestjar;

166.  Jilqa' l-progress li sar fil-promozzjoni tal-interessi agrikoli tal-UE fin-negozjati kummerċjali bilaterali reċenti, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għas-suq għall-prodotti agroalimentari ta' kwalità għolja tal-UE u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi f'pajjiżi terzi; huwa fiduċjuż li din ix-xejra tista' titkompla u titjieb;

Proċess deċiżjonali trasparent għal proposta solida 2021-2028 dwar il-PAK

167.  Jenfasizza li l-Parlament u l-Kunsill għandhom, permezz ta' proċedura ta' kodeċiżjoni, jistabbilixxu l-objettivi ġenerali komuni, l-istandards bażiċi, il-miżuri u l-allokazzjonijiet finanzjarji, u jiddeterminaw il-livell xieraq ta' flessibbiltà meħtieġa sabiex l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom ikunu jistgħu jilqgħu għall-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet tagħhom f'konformità mas-suq uniku sabiex jevitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jinħolqu mill-għażliet nazzjonali;

168.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-proċess kollu tal-eżerċizzju ta' programmazzjoni tal-PAK ta' wara l-2020 – konsultazzjoni, komunikazzjoni, valutazzjoni tal-impatt u proposti leġiżlattivi – qed jibda għal darb'oħra b'dewmien sinifikanti hekk kif qed joqrob it-tmiem tat-tmien leġiżlatura, li jirrappreżenta riskju li d-dibattitu dwar il-PAK tal-futur ikun imtappan b'dibattiti elettorali u jxekkel il-possibbiltà li jintlaħaq ftehim finali qabel l-elezzjonijiet Ewropej;

169.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi regolament tranżitorju li, fl-eventwalità ta' dewmien fl-adozzjoni tal-PAK, jippermetti lill-bdiewa jkomplu jkollhom aċċess għall-miżuri tal-programm tal-iżvilupp rurali, b'mod partikolari l-miżuri ambjentali u ta' investiment;

170.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw, meta jimplimentaw ir-riforma l-ġdida, li ma jkun hemm l-ebda dewmien fit-tqassim tal-pagamenti lill-bdiewa u jieħdu responsabbiltà u jikkumpensaw b'mod korrett lill-bdiewa jekk ikun hemm dewmien bħal dan;

171.  Jenfasizza, madankollu, li jrid isir progress kemm jista' jkun qabel it-tmiem tal-leġiżlatura attwali, u li din il-kwistjoni trid tkun tema li tiġi promossa matul il-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew;

172.  Jirrikonoxxi l-importanza li fil-proċess deċiżjonali dwar il-PAK jiġu involuti istituzzjonijiet u esperti responsabbli għall-politiki tas-saħħa u dawk ambjentali li jaffettwaw il-bijodiversità, it-tibdil fil-klima, it-tniġġis tal-arja, tal-ħamrija u tal-ilma;

173.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, qabel l-introduzzjoni ta' tibdil sostanzjali fit-tfassil u/jew fl-implimentazzjoni tal-PAK, perjodu tranżitorju twil biżżejjed sabiex jiġi żgurat soft-landing u żmien għall-Istati Membri biex jimplimentaw kif xieraq il-politika l-ġdida b'mod ordnat sabiex jiġi evitat kwalunkwe dewmien fil-pagamenti annwali tal-bdiewa u fl-implimentazzjoni ta' miżuri għall-iżvilupp rurali;

174.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu d-djalogu mal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u jipprovdu l-għarfien espert u l-appoġġ finanzjarju tagħhom biex jippromwovu agrikoltura ekoloġikament sostenibbli abbażi tal-biedja fuq skala żgħira u l-biedja tal-familja, li jkollha fil-mira tagħha, b'mod partikolari, lin-nisa u ż-żgħażagħ, impenn li sar fid-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit bejn l-Unjoni Afrikana u l-UE tal-2017 bit-titolu "Investing in Youth for Accelerated Inclusive Growth and Sustainable Development" ("Ninvestu fiż-Żgħażagħ għal Tkabbir Inklużiv Aċċellerat u Żvilupp Sostenibbli"); ifakkar fil-kontribut tan-nisa fiż-żoni rurali bħala intraprendituri u promoturi tal-iżvilupp sostenibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati l-potenzjal tagħhom fl-agrikoltura sostenibbli u r-reżiljenza tagħhom fiż-żoni rurali;

175.  Ifakkar li l-ġuħ u l-malnutrizzjoni fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp huma relatati l-aktar man-nuqqas ta' kapaċità tal-akkwist u/jew man-nuqqas ta' kapaċità min-naħa tal-foqra f'żoni rurali li jkunu awtosuffiċjenti; iħeġġeġ lill-UE, għalhekk, tgħin b'mod attiv lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jegħlbu l-ostakoli (bħalma huma l-infrastruttura ta' kwalità baxxa u l-loġistika dgħajfa) għall-produzzjoni agrikola tagħhom;

176.  Jirrimarka li, fl-2050, aktar minn nofs il-popolazzjoni tal-pajjiżi l-inqas żviluppati se tkun għadha tgħix f'żoni rurali u li l-iżvilupp ta' agrikoltura sostenibbli fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp se jgħin biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-komunitajiet rurali tagħhom, jiġu sostnuti l-popolazzjonijiet rurali, u jitnaqqsu s-sottoimpjieg, il-faqar u l-insigurtà tal-ikel, li min-naħa l-oħra jgħin sabiex jiġu indirizzati b'mod determinat il-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni sfurzata;

177.  Jirrikonoxxi r-rwol kritiku li t-teknoloġiji tal-ispazju, bħalma huma dawk żviluppati fil-programmi tal-UE tal-ispazju u s-satelliti ġestiti mill-Aġenzija tas-Sistemi Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita Ewropea (Galileo, EGNOS u Copernicus), jistgħu jaqdu biex jintlaħqu l-SDGs tan-NU billi jipprovdu soluzzjonijiet affordabbli sabiex tiġi ffaċilitata l-bidla lejn agrikoltura ta' preċiżjoni, u b'hekk jeliminaw il-ħela, jiffrankaw il-ħin, inaqqsu l-eżawriment u jottimizzaw l-użu tal-apparat;

178.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora t-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet tax-xjenza spazjali u s-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp bħala mekkaniżmi biex jassistu l-monitoraġġ tal-għelejjel, tat-trobbija tal-bhejjem, tal-forestrija, tas-sajd u tal-akwakultura, jappoġġjaw lill-bdiewa, lis-sajjieda, lill-forestiera u lil dawk li jfasslu l-politika fl-isforzi tagħhom biex jintużaw metodi differenti għal produzzjoni alimentari sostenibbli, u jirrispondu għall-isfidi relatati;

179.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri, fil-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom, jiggarantixxu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fiż-żoni rurali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw ir-rappreżentanza ugwali tan-nisa fl-istrutturi tal-istituzzjonijiet għad-djalogu mas-settur u anke fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet, kooperattivi u assoċjazzjonijiet professjonali tas-settur; iqis li l-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE għandha ttejjeb b'mod sostanzjali s-sottoprogrammi tematiċi għan-nisa fiż-żoni rurali;

180.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tkompli tiżgura l-infurzar strett tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali fil-ħin kollu fl-Istati Membri kollha b'mod ugwali, b'kontroll u sanzjonijiet xierqa; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tirrapporta dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali, inkluż it-trasport tal-annimali; ifakkar li l-prodotti li jidħlu fl-UE jridu jirrispettaw l-istandards Ewropej dwar il-benessri tal-annimali, l-istandards ambjentali u dawk soċjali; jitlob li jkun hemm inċentivi finanzjarji għall-adozzjoni volontarja ta' miżuri għall-benessri tal-annimali li jmorru lil hinn mill-istandards minimi leġiżlattivi;

181.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta u tinforza l-liġi rilevanti tal-UE, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1/2005 tal-Kunsill tad-22 ta' Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport; iqis li huwa neċessarju, f'dan il-kuntest, li tiġi rispettata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li ddeċidiet li l-protezzjoni tal-benessri tal-annimali ma tiqafx mal-fruntieri esterni tal-UE u li t-trasportaturi tal-annimali li jiġu esportati mill-Unjoni Ewropea jeħtiġilhom għalhekk jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar il-benessri tal-annimali, inkluż barra mill-UE;

182.  Jinsisti li għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-bdiewa li jiffaċċjaw spejjeż żejda minħabba r-restrizzjonijiet speċifiċi marbuta ma' żoni naturali ta' valur għoli bħal żoni muntanjużi, gżejjer, reġjuni ultraperiferiċi, u żoni oħra żvantaġġati; jemmen li minħabba r-restrizzjonijiet speċifiċi tagħhom, il-finanzjament tal-PAK huwa importanti ħafna għal dawn ir-reġjuni u li kwalunkwe tnaqqis ikollu impatt ta' ħsara kbira fuq ħafna prodotti agrikoli; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw skemi ta' kwalità sabiex jagħtu lill-produtturi interessati l-opportunità li jintroduċuhom malajr;

183.  Iqis li l-baġit tal-POSEI għandu jinżamm f'livelli suffiċjenti biex jindirizza l-isfidi tal-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi, bħalma talab bosta drabi l-Parlament; jilqa' r-riżultati tal-aktar rapport reċenti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-POSEI u jqis li l-programmi għar-reġjuni ultraperiferiċi u għall-gżejjer minuri tal-Eġew għandhom jinżammu separati mill-iskema ġenerali tal-pagamenti diretti tal-UE, sabiex jiġi żgurat żvilupp territorjali bilanċjat billi jiġi evitat ir-riskju tal-abbandun tal-produzzjoni b'riżultat ta' sfidi relatati mal-periferiċità, l-insularità, id-daqs żgħir, it-topografija u l-klima diffiċli, u d-dipendenza ekonomika fuq numru żgħir ta' prodotti;

184.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fl-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib taqsima awtonoma biex tistudja l-prezzijiet fir-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex tirreaġixxi b'mod immedjat għal kriżi fis-settur; jemmen li d-definizzjoni ta' "kriżi" u l-intervent sussegwenti tal-Kummissjoni għandhom jiġu adattati għar-reġjuni ultraperiferiċi, billi jitqies id-daqs tas-suq, id-dipendenza fuq għadd limitat ta' attivitajiet ekonomiċi u anqas kapaċità għad-diversifikazzjoni;

185.  Jitlob li jkun hemm integrazzjoni aħjar tal-"ekonomija ċirkolari" biex jiġi żgurat l-aħjar użu u l-aktar użu effiċjenti tal-materjal primarju u tal-prodotti sekondarji fil-bijoekonomija emerġenti filwaqt li jiġu rrispettati l-limiti tad-disponibbiltà tal-bijomassa u tal-art u ta' servizzi oħra tal-ekosistema, u jemmen li l-iżvilupp tal-industrija b'bażi bijoloġika fiż-żoni rurali jista' jipprovdi mudelli kummerċjali ġodda li jistgħu jgħinu lill-bdiewa u lis-sidien tal-foresti biex isibu swieq ġodda għall-prodotti tagħhom u joħolqu impjiegi ġodda; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, jipprovdu l-appoġġ meħtieġ lis-settur agrikolu u tal-forestrija bil-għan li jingħata kontribut akbar għall-iżvilupp ulterjuri tal-bijoekonomija fl-UE; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi promossa l-agroforestrija, li tista' tipprovdi ekosistemi b'diversi skopijiet, rikreattivi u produttivi u mikroklimi, u li jitnaqqsu d-differenzi li jistgħu jfixklu l-iżvilupp tagħha;

186.  Jemmen li l-appoġġ tal-AECM, ikkomplementat minn ekoskemi fil-livell tal-Istati Membri, għandu jkopri l-ispejjeż tal-bdiewa għat-tranżizzjoni lejn prattiki sostenibbli ġodda, bħal permezz tal-promozzjoni u l-appoġġ għall-agroforestrija u miżuri oħra tal-forestrija sostenibbli li jappoġġjaw il-bijodiversità u d-diversità ġenetika fl-ispeċijiet tal-annimali u tal-pjanti, u għall-adattament għat-tibdil fil-kundizzjonijiet klimatiċi;

187.  Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-modernizzazzjoni fl-agroforestrija u fil-forestrija billi tappoġġja sistema ta' konsulenza b'saħħitha u mfassla apposta, taħriġ immirat u soluzzjonijiet imfassla apposta biex jixprunaw l-innovazzjoni u l-iskambju tal-għarfien espert u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, b'enfasi ġenerali fuq it-teknoloġiji ġodda rilevanti u d-diġitalizzazzjoni; jissottolinja, fl-istess ħin, ir-rwol kruċjali tal-assoċjazzjonijiet tas-sidien tal-foresti fit-trasferiment ta' informazzjoni u innovazzjoni, fit-taħriġ u fl-edukazzjoni avvanzata għas-sidien tal-foresti fuq skala żgħira u fl-implimentazzjoni ta' ġestjoni tal-foresti multifunzjonali attiva;

o
o   o

188.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 350, 29.12.2017, p. 15.
(2) ĠU L 221, 8.8.1998, p. 23.
(3) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.
(4) Testi adottati, P8_TA(2018)0022.
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0203.
(6) Testi adottati, P8_TA(2018)0095.
(7) Testi adottati, P8_TA(2018)0075.
(8) Testi adottati, P8_TA(2018)0057.
(9) Testi adottati, P8_TA(2017)0197.
(10) Testi adottati, P8_TA(2017)0099.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0504.
(12) Testi adottati, P8_TA(2016)0427.
(13) ĠU C 86, 6.3.2018, p. 62.
(14) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 7.
(15) ĠU C 288, 31.8.2017, p. 10.
(16) ĠU C 342, 12.10.2017, p. 10.


L-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet
PDF 223kWORD 78k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (2016/2018(INI))
P8_TA(2018)0225A8-0170/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(1) ("il-FII l-ġdid"),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(2) ("il-Ftehim Qafas tal-2010"),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2003 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(3) ("il-FII tal-2003"),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar metodu ta' ħidma aċċellerat għall-kodifikazzjoni uffiċjali tat-testi leġiżlattivi(4),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-22 ta' Diċembru 1998 dwar linji gwida komuni għall-kwalità tal-abbozzar tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità(5),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 dwar l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali(6),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-13 ta' Ġunju 2007 dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta' kodeċiżjoni(7),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tas-27 ta' Ottubru 2011 tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni(8),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017(9),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2018-2019(10),

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta' Marzu 2014 ("il-kawża dwar il-bijoċidi"), tas-16 ta' Lulju 2015 ("il-kawża dwar il-mekkaniżmu ta' reċiproċità tal-viża"), tas-17 ta' Marzu 2016 ("il-kawża dwar l-att delegat dwar is-CEF"), tal-14 ta' Ġunju 2016 ("il-kawża dwar it-Tanzanija") u tal-24 ta' Ġunju 2014 ("il-kawża dwar Mauritius")(11),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar ir-reviżjoni ġenerali tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): Is-Sitwazzjoni Attwali u l-Perspettivi(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar il-prijoritajiet strateġiċi għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2017(14),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni u r-rwol tat-test tal-SMEs(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 dwar segwitu dwar id-delega ta' setgħat leġiżlattivi u l-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar l-idoneità Regolatorja tal-UE, Sussidjarjetà u Proporzjonalità – id-19-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2011(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2012 dwar it-18-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet – Applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità (2010)(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, is-Sussidjarjetà u l-Proporzjonalità u r-Regolamentazzjoni Intelliġenti(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar l-iżgurar ta' valutazzjonijiet tal-impatt indipendenti(21),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mil-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 bit-titolu "Kompletar tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar: Soluzzjonijiet aħjar għal riżultati aħjar" (COM(2017)0651),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294 tat-TFUE dwar il-proċedura ta' kodeċiżjoni,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 bit-titolu "Overview of the Union's Efforts to Simplify and to Reduce Regulatory Burdens" (Ħarsa Ġenerali tal-Isforzi tal-Unjoni Favur is-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Piżijiet Regolatorji" (SWD(2017)0675),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2016, bit-titolu "Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar"(22),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016, bit-titolu "Ir-Regolamentazzjoni Aħjar: Inwasslu riżultati aħjar għal Unjoni iktar b'saħħitha" (COM(2016)0615),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar - Aġenda tal-UE" (COM(2015)0215),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2017 intitolat "Better regulation guidelines" (Linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar) (SWD(2017)0350),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0170/2018),

A.  billi l-FII l-ġdid daħal fis-seħħ fil-jum li fih ġie ffirmat, jiġifieri fit-13 ta' April 2016;

B.  billi, fl-okkażjoni tal-adozzjoni tal-FII l-ġdid, il-Parlament u l-Kummissjoni għamlu dikjarazzjoni fejn affermaw li l-ftehim il-ġdid "jirrifletti l-bilanċ bejn u l-kompetenzi rispettivi tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni kif stipulati fit-Trattati" u "huwa mingħajr preġudizzju għall-Ftehim Qafas tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea"(23);

C.  billi, sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tal-FII l-ġdid dwar il-programmazzjoni interistituzzjonali, il-Parlament irreveda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu, fost affarijiet oħra, sabiex jistabbilixxi l-proċessi interni għan-negozjar u l-adozzjoni ta' konklużjonijiet konġunti dwar programmazzjoni pluriennali u dikjarazzjonijiet konġunti dwar programmazzjoni interistituzzjonali annwali;

D.  billi, fil-kuntest tal-programmazzjoni interistituzzjonali annwali, it-tliet Istituzzjonijiet qablu dwar żewġ dikjarazzjonijiet konġunti dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għas-snin 2017 u 2018-2019 rispettivament;

E.  billi, għall-kuntrarju tal-FII tal-2003, il-FII l-ġdid m'għadux jinkludi qafas legali għall-użu ta' metodi alternattivi ta' regolamentazzjoni, bħalma huma l-koregolamentazzjoni u l-awtoregolamentazzjoni, u konsegwentement ma fih l-ebda referenza għal dawn il-metodi;

F.  billi l-paragrafu 13 tal-FII l-ġdid jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjoni kemm jista' jkun wiesgħa fil-proċess ta' valutazzjoni tal-impatt tagħha; billi, bl-istess mod, il-paragrafu 19 tal-FII l-ġdid jirrikjedi li l-Kummissjoni, qabel ma tadotta proposta u mhux wara, twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi b'mod miftuħ u trasparenti, filwaqt li tiżgura li l-modalitajiet u l-iskadenzi ta' dawk il-konsultazzjonijiet pubbliċi jkunu jippermettu l-aktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli, li ma tkunx limitata għall-interessi partikolari u l-lobbisti relatati;

G.  billi, f'Lulju tal-2017, il-Kummissjoni rrivediet il-linji gwida tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar bl-għan li tispjega u tisfrutta aħjar ir-rabtiet bejn id-diversi stadji tat-tfassil tal-politika fi ħdan il-Kummissjoni, billi ssostitwiet il-linji gwida awtonomi preċedenti, li kienu jindirizzaw b'mod separat il-valutazzjoni tal-impatt, l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni, filwaqt li inkludiet gwida ġdida dwar l-ippjanar u l-konsultazzjoni tal-partijiet interessati;

H.  billi skont il-paragrafu 16 tal-FII l-ġdid, il-Kummissjoni tista', fuq inizjattiva proprja jew fuq stedina mill-Parlament jew mill-Kunsill, tikkomplementa l-valutazzjoni tal-impatt tagħha stess jew twettaq ħidma analitika oħra li tkun tqis meħtieġa.

I.  billi l-FII l-ġdid jirrikonoxxi s-sostituzzjoni tal-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt preċedenti bil-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni; billi l-kompitu ta' dan tal-aħħar, inter alia, huwa li jwettaq kontroll oġġettiv tal-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni; billi sabiex inizjattiva, akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt, tiġi ppreżentata għall-adozzjoni mill-Kummissjoni, hemm bżonn tal-opinjoni pożittiva tal-Bord; billi, fil-każ ta' opinjoni negattiva, l-abbozz tar-rapport irid jiġi rieżaminat u ppreżentat mill-ġdid lill-Bord, u, fil-każ ta' opinjoni negattiva sussegwenti, ikun hemm bżonn ta' deċiżjoni politika sabiex l-inizjattiva tkun tista' tkompli tipproċedi; billi l-opinjoni tal-Bord tiġi ppubblikata fis-sit web tal-Kummissjoni fl-istess ħin bħar-rapport relatat mal-inizjattiva kkonċernata u, fil-każ tal-valutazzjonijiet tal-impatt, ladarba l-Kummissjoni tkun adottat l-inizjattiva ta' politika relatata(24);

J.  billi fil-bidu tal-2017, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju kkompleta l-proċess ta' reklutaġġ tal-persunal tiegħu, fosthom tliet Membri minn barra l-Istituzzjonijiet tal-UE; billi fl-2016 il-Bord eżamina 60 valutazzjoni tal-impatt separata, li minnhom 25 (42 %) irċevew valutazzjoni inizjali negattiva, u dan wassal għal reviżjoni u preżentazzjoni mill-ġdid lill-Bord; billi, sussegwentement, il-Bord ta valutazzjonijiet ġeneralment pożittivi fir-rigward tal-valutazzjonijiet tal-impatt riveduti kollha li waslulu ħlief waħda; billi l-Bord kellu skambju ta' informazzjoni mas-servizzi tal-Parlament dwar l-aħjar prattiki u metodoloġiji relatati mal-valutazzjonijiet tal-impatt;

K.  billi skont il-paragrafu 25 tal-FII l-ġdid, jekk tiġi prevista modifika tal-bażi ġuridika li tkun tinvolvi bidla mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja għal proċedura leġiżlattiva speċjali jew għal proċedura mhux leġiżlattiva, it-tliet Istituzzjonijiet se jkollhom skambju ta' fehmiet dwar dan. billi l-Parlament irreveda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu sabiex jimplimenta din id-dispożizzjoni; billi s'issa ma kienx neċessarju li din id-dispożizzjoni tiġi applikata;

L.  billi skont il-paragrafu 27 tal-FII l-ġdid, it-tliet Istituzzjonijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni eżistenti kollha tiġi allinjata mal-qafas legali li ġie introdott mit-Trattat ta' Lisbona, u b'mod partikolari l-ħtieġa li tingħata prijorità għolja lill-allinjament fil-pront tal-atti bażiċi kollha li għadhom jirreferu għall-proċedura regolatorja bi skrutinju (RPS). billi l-Kummissjoni pproponiet dak it-tali allinjament f'Diċembru 2016(25); billi l-Parlament u l-Kunsill attwalment qed jeżaminaw f'dettall kbir din il-proposta;

M.  billi hemm verżjoni ġdida tal-Fehim Komuni dwar l-Atti Delegati u dwar il-klawżoli standard relatati annessa mal-FII l-ġdid; billi skont il-paragrafu 28 tal-FII l-ġdid, it-tliet Istituzzjonijiet se jidħlu f'negozjati mingħajr dewmien żejjed wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-ftehim, bil-ħsieb li jissupplementaw dan il-Fehim Komuni billi jipprevedu kriterji mhux vinkolanti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE. billi, wara ħidma ta' tħejjija twila, finalment dawn in-negozjati bdew f'Settembru tal-2017;

N.  billi fil-paragrafu 29 tal-FII l-ġdid it-tliet Istituzzjonijiet impenjaw ruħhom li jistabbilixxu, sa mhux aktar tard minn tmiem l-2017, reġistru funzjonali konġunt ta' atti delegati, li jipprovdi informazzjoni b'mod strutturat tajjeb u faċli għall-utent, sabiex tiżdied it-trasparenza, jiġi ffaċilitat l-ippjanar u tkun tista' ssir traċċabbiltà tal-istadji differenti kollha fiċ-ċiklu tal-ħajja ta' att delegat. billi r-reġistru issa ġie stabbilit u beda jitħaddem f'Diċembru tal-2017;

O.  billi l-punt 32 tal-FII jipprevedi li "l-Kummissjoni għandha taqdi r-rwol tagħha bħala faċilitatur bit-trattament ugwali taż-żewġ fergħat tal-awtorità leġiżlattiva, b'rispett sħiħ għar-rwoli assenjati mit-Trattati lit-tliet Istituzzjonijiet";

P.  ifakkar li skont il-paragrafu 34 tal-FII l-ġdid, il-Parlament u l-Kunsill, fil-kapaċità tagħhom ta' leġiżlaturi, enfasizzaw l-importanza li jinżammu kuntatti mill-qrib diġà minn qabel in-negozjati interistituzzjonali, sabiex ikun hemm fehim reċiproku aħjar tal-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom, u qablu, għal dak il-għan, li jiffaċilitaw skambju reċiproku ta' fehmiet u informazzjoni, inkluż billi jistiednu lir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet l-oħra għal skambji informali ta' fehmiet fuq bażi regolari; billi dawn id-dispożizzjonijiet ma wasslu għall-ebda proċedura jew struttura speċifika ġdida; billi, filwaqt li l-kuntatt bejn l-Istituzzjonijiet ġie intensifikat fi ħdan il-qafas tad-dikjarazzjoni konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi, l-esperjenza tal-kumitati tagħti x'wieħed jifhem li ma hemm l-ebda approċċ sistematiku biex jiġi ffaċilitat tali skambju reċiproku ta' fehmiet u li għadu diffiċli biex wieħed jikseb informazzjoni u feedback mill-Kunsill dwar kwistjonijiet li jitqajmu fi ħdanu mill-Istati Membri; billi l-Parlament iħoss li din is-sitwazzjoni xejn ma hija sodisfaċenti;

Q.  billi, sabiex ikompli jsaħħaħ it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv, il-Parlament irreveda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu sabiex jadatta r-regoli tiegħu dwar in-negozjati interistituzzjonali matul il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, filwaqt li kompla jibni fuq id-dispożizzjonijiet li ddaħħlu fl-2012; billi, filwaqt li l-mandati ta' negozjar kollha tal-Parlament huma pubbliċi, dan ma japplikax għall-mandati tal-Kunsill; billi l-Parlament iħoss li din is-sitwazzjoni xejn ma hija sodisfaċenti;

R.  billi fil-paragrafu 39 tal-FII l-ġdid, sabiex tiġi ffaċilitata t-traċċabbiltà tad-diversi passi fil-proċess leġiżlattiv, it-tliet Istituzzjonijiet impenjaw ruħhom li jidentifikaw, sal-31 ta' Diċembru 2016, modi ta' kif jiżviluppaw aktar pjattaformi u għodod għal dak l-għan, bil-ħsieb li tiġi stabbilita bażi tad-data konġunta apposta dwar l-istat attwali tal-fajls leġiżlattivi; billi, sal-lum, ma nħolqot l-ebda bażi tad-data konġunta ta' dan it-tip;

S.  billi fil-paragrafu 40 tal-FII l-ġdid, rigward in-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali, it-tliet Istituzzjonijiet impenjaw ruħhom li jiltaqgħu fi żmien sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-FII l-ġdid sabiex jinnegozjaw arranġamenti prattiċi mtejba għall-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni fil-qafas tat-Trattati, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; billi dawn in-negozjati bdew f'Novembru tal-2016 u għadhom għaddejjin;

T.  billi l-kooperazzjoni regolatorja ħarġet bħala strument ewlieni fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali fit-triq lejn id-djalogu regolatorju u l-koerenza bejn is-sħab kummerċjali; billi f'dak il-proċess il-Kummissjoni għandha tibqa' impenjata favur il-prinċipji ta' kundizzjonijiet ġusti u ekwi għall-partijiet interessati kollha filwaqt li tiggarantixxi l-ogħla livell ta' trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

U.  billi fil-paragrafu 46 tal-FII l-ġdid, it-tliet Istituzzjonijiet ikkonfermaw l-impenn tagħhom li jużaw it-teknika leġiżlattiva ta' riformulazzjoni għall-modifika tal-leġiżlazzjoni eżistenti b'mod aktar frekwenti u b'rispett sħiħ tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 dwar użu aktar strutturat tat-teknika tar-riformulazzjoni ta' atti legali;

V.  billi skont il-paragrafu 28 tal-FII l-ġdid, bħala kontribut għall-programm tagħha dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT), il-Kummissjoni timpenja ruħha li kull sena tippreżenta ħarsa ġenerali, inkluż stħarriġ annwali dwar il-piżijiet, tar-riżultati tal-isforzi tal-Unjoni biex tissimplifika l-leġiżlazzjoni u tevita r-regolamentazzjoni eċċessiva u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi; billi r-riżultati tal-ewwel stħarriġ annwali dwar il-piżijiet ġew ippreżentati fl-24 ta' Ottubru 2017 bħala parti mill-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018;

W.  billi l-istħarriġ annwali dwar il-piżijiet joffri opportunità unika għall-identifikazzjoni u l-monitoraġġ tar-riżultati tal-isforzi tal-UE biex tiġi evitata regolamentazzjoni żejda u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi; billi dan l-istħarriġ jipprovdi opportunità eċċellenti biex jintwera l-valur miżjud tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tiġi pprovduta trasparenza liċ-ċittadini tal-UE;

X.  billi l-FII l-ġdid jitlob kooperazzjoni interistituzzjonali bl-għan li tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u jiġu evitati piżijiet amministrattivi u regolamentazzjoni żejda għaċ-ċittadini, l-amministrazzjonijiet u n-negozji; billi l-Parlament jenfasizza li fir-rigward tal-ftehimiet kummerċjali internazzjonali dawn l-objettivi ma għandhomx iwasslu għal standards aktar baxxi għall-protezzjoni tal-ambjent, is-saħħa pubblika, is-saħħa tal-ħaddiema, is-sikurezza, l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol jew id-drittijiet tal-konsumaturi;

Y.  billi skont il-paragrafu 50 tal-FII l-ġdid, it-tliet Istituzzjonijiet se jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-FFI l-ġdid b'mod konġunt u regolari, kemm fil-livell politiku permezz ta' diskussjonijiet annwali, kif ukoll fil-livell tekniku fil-Grupp ta' Koordinazzjoni Interistituzzjonali; billi l-monitoraġġ fil-livell politiku jinkludi diskussjonijiet regolari fil-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati u l-laqgħa ta' rendikont annwali ta' livell għoli; billi, barra minn hekk, ġew stabbiliti arranġamenti speċifiċi ta' monitoraġġ fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet konġunti dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017 u l-2018-2019 rispettivament; billi, barra minn hekk, l-esperjenza miksuba s'issa mill-kumitati hija għodda imprezzabbli għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-FII l-ġdid; billi l-Kumitat għall-Affarijiet Legali għandu kompetenza speċifika fir-rigward tat-tfassil aħjar tal-liġijiet u s-simplifikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni;

Impenji u objettivi komuni

1.  Iqis il-FII l-ġdid bħala eżerċizzju interistituzzjonali li jaspira li jtejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni; ifakkar li, f'ħafna każijiet, il-leġiżlazzjoni tal-UE tarmonizza jew tissostitwixxi regoli differenti fi 28 Stat Membru, u b'hekk tagħmel is-swieq nazzjonali aċċessibbli b'mod reċiproku u ugwali u tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi b'mod ġenerali biex jinħoloq suq intern li jiffunzjona għalkollox;

2.  Jilqa' l-progress u l-esperjenza miksuba fl-ewwel sena u nofs mill-applikazzjoni tal-FII l-ġdid u jinkoraġġixxi lill-Istituzzjonijiet jagħmlu sforzi ulterjuri sabiex jimplimentaw bis-sħiħ il-ftehim, b'mod partikolari fir-rigward tan-negozjati interistituzzjonali dwar kriterji mhux vinkolanti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE, l-allinjament tal-atti bażiċi kollha li għadhom jirreferu għall-RPS, in-negozjati interistituzzjonali dwar l-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni u l-qsim tal-informazzjoni dwar in-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali, u l-istabbiliment ta' bażi tad-data konġunta apposta dwar l-istat attwali tal-fajls leġiżlattivi;

3.  Ifakkar li l-FII l-ġdid għandu l-għan li jiżviluppa relazzjoni aktar miftuħa u trasparenti bejn it-tliet Istituzzjonijiet bil-ħsieb li titwassal leġiżlazzjoni ta' kwalità għolja fl-interess taċ-ċittadini tal-UE; iqis li, għalkemm il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet jissemma biss fil-paragrafi 9 u 32 fir-rigward ta' oqsma speċifiċi koperti mill-FII l-ġdid, dan jinħtieġ li jiġi osservat matul iċ-ċiklu leġiżlattiv kollu bħala wieħed mill-prinċipji minquxa fl-Artikolu 13 tat-TUE;

Programmazzjoni

4.  Jilqa' l-ftehim tat-tliet Istituzzjonijiet li jsaħħu l-programmazzjoni annwali u pluriennali tal-Unjoni skont l-Artikolu 17(1) tat-TUE permezz ta' proċedura aktar strutturata bi skeda ta' żmien preċiża; jinnota b'sodisfazzjon li t-tliet Istituzzjonijiet ipparteċipaw b'mod attiv fl-ewwel eżerċizzju ta' programmazzjoni interistituzzjonali annwali skont il-FII l-ġdid, u din il-parteċipazzjoni wasslet għal dikjarazzjoni konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017, fejn ġew identifikati 59 proposta leġiżlattiva ewlenija bħala prijoritajiet għall-2017 u, b'segwitu għal dikjarazzjoni konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi għall-2018-2019, ġew identifikati 31 proposta leġiżlattiva ewlenija bħala prijoritajiet sal-aħħar tal-leġiżlatura attwali; jilqa' b'mod partikolari, f'dan il-kuntest, l-involviment attiv tal-Kunsill u għandu fiduċja li tali involviment se jkompli fil-futur, inkluż fir-rigward tal-programmazzjoni pluriennali għall-mandat il-ġdid; iqis, madankollu, li t-trattament prijoritarju għal ċerti fajls leġiżlattivi maqbula f'dikjarazzjonijiet konġunti m'għandux jintuża biex titqiegħed pressjoni żejda fuq il-koleġiżlaturi, u li ż-żieda fil-veloċità m'għandhiex tkun prijoritizzata għad-detriment tal-kwalità leġiżlattiva; iqis li huwa importanti li tiġi evalwata l-applikazzjoni tal-prattika u r-regoli attwali għall-approvazzjoni tad-dikjarazzjonijiet konġunti u jiġi evalwat ukoll jekk jistax isir ċertu titjib fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament fir-rigward tan-negozjati dwar il-programmazzjoni interistituzzjonali, pereżempju biex jissaħħaħ il-mandat mogħti lill-President mill-gruppi politiċi;

5.  Iqis li huwa ta' importanza assoluta li l-kumitati parlamentari jiġu kkonsultati b'mod sħiħ matul il-proċess ta' tħejjija u implimentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet konġunti;

6.  Jinnota li l-FII l-ġdid huwa mingħajr preġudizzju għall-impriżi mutwi maqbula bejn il-Parlament u l-Kummissjoni fil-Ftehim Qafas tal-2010; ifakkar, b'mod partikolari, li l-arranġamenti relatati mal-iskeda ta' żmien tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni stabbiliti fl-Anness 4 tal-Ftehim Qafas tal-2010 jridu jiġu rispettati fl-implimentazzjoni tal-paragrafi 6-11 tal-FII l-ġdid;

7.  Iqis li l-Kummissjoni jinħtieġ li, meta tkun qed tippreżenta l-Programm ta' Ħidma tagħha, minbarra l-elementi msemmija fil-paragrafu 8 tal-FII l-ġdid, tindika kif il-leġiżlazzjoni prevista hija ġustifikabbli fid-dawl tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità u tispeċifika l-valur miżjud Ewropew tagħha;

8.  Jilqa' t-twaqqif tat-Task Force tal-Kummissjoni dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u li "Nagħmlu Anqas b'Aktar Effiċjenza", li trid taħdem id f'id mal-FII l-ġdid biex tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini li jqisu l-prinċipju tas-sussidjarjetà bħala aspett fundamentali tal-proċess demokratiku;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta Programmi ta' Ħidma iktar inklużivi, iktar dettaljati u iktar affidabbli; jitlob, b'mod partikolari, li l-Programmi ta' Ħidma tal-Kummissjoni jindikaw b'mod ċar in-natura legali ta' kull proposta b'perjodi ta' żmien preċiżi u realistiċi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proposti leġiżlattivi li ġejjin – speċjalment il-pakketti leġiżlattivi ewlenin – jaslu sew qabel tmiem din il-leġiżlatura, biex b'hekk il-koleġiżlaturi jingħataw biżżejjed ħin biex jeżerċitaw il-prerogattivi tagħhom b'mod sħiħ;

10.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni effiċjenti orjentata lejn l-iżvilupp tal-protezzjoni tal-impjiegi u l-kompetittività Ewropea b'enfasi partikolari fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, fis-setturi kollha tal-ekonomija;

11.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni wieġbet għat-talbiet tal-Parlament għal proposti għal atti tal-Unjoni skont l-Artikolu 225 tat-TFUE, fil-parti l-kbira fi żmien l-iskadenza ta' tliet xhur imsemmija fil-paragrafu 10 tal-FII l-ġdid; jirrimarka, madankollu, li l-Kummissjoni naqset milli tadotta komunikazzjonijiet speċifiċi kif previst f'dik id-dispożizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tadotta komunikazzjonijiet bħal dawn bil-ħsieb li tiġi żgurata trasparenza sħiħa u tingħata reazzjoni politika għat-talbiet li jagħmel il-Parlament fir-riżoluzzjonijiet tiegħu, u bil-kunsiderazzjoni dovuta fir-rigward tal-analiżi rilevanti tal-Parlament dwar il-Valur Miżjud Ewropew u l-Kost tan-Non-Ewropa;

12.  Jissottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni trasparenti u leali bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, li fil-prattika għandha tfisser impenn ġenwin min-naħa tal-Kummissjoni biex tinvolvi lill-Parlament u lill-Kunsill, fl-istess livell, fl-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta' programmazzjoni tagħha u jfakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu tagħha li tirrispondi minnufih għar-rapporti fuq inizjattiva proprja, kemm leġiżlattivi u kemm mhux leġiżlattivi; jiddeplora l-fatt li diversi rapporti fuq inizjattiva proprja baqgħu bla tweġiba, u jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-koleġiżlaturi – fi żmien tliet xhur – ir-raġunijiet għalfejn tkun irtirat test u tagħti wkoll risposta motivata għat-talbiet għal proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi;

13.  Iqis li t-tħassir ta' kwalunkwe referenza għall-użu ta' metodi alternattivi ta' regolamentazzjoni fil-FII l-ġdid huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Parlament li l-istrumenti legali nonvinkolanti jinħtieġ li jkunu applikati b'attenzjoni kbira u fuq bażi ġustifikata b'mod xieraq biss, mingħajr ħsara għaċ-ċertezza legali u ċ-ċarezza tal-leġiżlazzjoni eżistenti, u wara konsultazzjoni mal-Parlament(26); jinsab imħasseb, barra minn hekk, li n-nuqqas ta' limiti ċari dwar l-użu ta' strumenti legali nonvinkolanti jista' saħansitra jħeġġeġ ir-rikors għalihom, mingħajr ebda garanzija li l-Parlament ikun jista' jwettaq skrutinju;

14.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaqblu li l-metodi alternattivi ta' regolamentazzjoni, sakemm dawn ikunu strettament meħtieġa, għandhom jiġu inklużi fid-dokumenti ta' programmazzjoni pluriennali u annwali, sabiex jingħata lok għall-identifikazzjoni korretta u l-iskrutinju mil-leġiżlaturi;

Għodod għal tfassil aħjar tal-liġijiet

15.  Jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt jistgħu jinfurmaw iżda qatt ma għandhom jieħdu post id-deċiżjonijiet politiċi jew jikkawżaw dewmien żejjed fil-proċess leġiżlattiv; jenfasizza li, tul il-proċess leġiżlattiv u fil-valutazzjonijiet tal-impatt kollha tal-leġiżlazzjoni proposta, trid tingħata attenzjoni partikolari fir-rigward tal-impatti potenzjali fuq dawk il-partijiet interessati li għandhom l-inqas possibbiltà li jippreżentaw it-tħassib tagħhom lil dawk responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet, inklużi l-SMEs u oħrajn li ma għandhomx il-vantaġġ ta' aċċess faċli għall-Istituzzjonijiet; jemmen li l-valutazzjonijiet tal-impatt iridu jagħtu attenzjoni ugwali b'mod partikolari lill-evalwazzjoni tal-konsegwenzi soċjali, tas-saħħa u dawk ambjentali, u li jrid jiġi vvalutat l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi;

16.  Ifakkar li l-SMEs jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha fl-UE, jiġġeneraw 58 % tal-fatturat tal-UE u huma responsabbli għal żewġ terzi tal-impjiegi privati kollha; ifakkar li l-Kummissjoni, fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, impenjat ruħha li timplimenta l-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" fit-tfassil tal-politika tagħha, u li dan jinkludi t-test tal-SMEs biex jiġi vvalutat l-impatt tal-leġiżlazzjoni u l-inizjattivi amministrattivi futuri fuq l-SMEs(27); ifakkar li fid-deċiżjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-FII l-ġdid il-Parlament iddikjara li l-formulazzjoni tal-FII l-ġdid ma timpenjax biżżejjed lit-tliet Istituzzjonijiet biex jinkludu testijiet tal-SMEs u tal-kompetittività fil-valutazzjonijiet tal-impatt tagħhom(28); jenfasizza kemm hu importanti li l-impatt kemm fuq il-kompetittività u l-innovazzjoni kif ukoll fuq il-ħtiġijiet tal-SMEs jiġi kkunsidrat u jingħata l-attenzjoni dovuta fl-istadji kollha taċ-ċiklu leġiżlattiv u jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar jipprevedu li l-impatti potenzjali fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività jridu jiġu kkunsidrati u rrapportati b'mod sistematiku fil-valutazzjonijiet tal-impatt kollha; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-test tal-SMEs ħafna drabi jkun ikkaratterizzat minn nuqqas ta' kwalità u implimentazzjoni koerenti; jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra kif l-impatt fuq l-SMEs jista' jiġi kkunsidrat aħjar, u biħsiebu jsegwi din il-kwistjoni mill-qrib fis-snin li ġejjin;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tat-tfassil aħjar tal-liġijiet, tivvaluta aħjar il-konsegwenzi soċjali u ambjentali tal-politiki tagħha, kif ukoll l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, billi tikkunsidra wkoll l-ispiża tan-nuqqas ta' leġiżlazzjoni fil-livell Ewropew u l-fatt li l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tikkostitwixxi biss wieħed minn bosta kriterji;

18.  Itenni l-appell tiegħu għall-inklużjoni obbligatorja fil-valutazzjonijiet tal-impatt kollha ta' analiżi bbilanċjata tal-impatti ekonomiċi, soċjali ambjentali u fuq is-saħħa fuq perjodu medju sa twil ta' żmien;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-valutazzjonijiet tal-impatt u l-evalwazzjonijiet ex post biex teżamina l-kompatibbiltà ta' inizjattivi, proposti jew biċċiet ta' leġiżlazzjoni eżistenti mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, kif ukoll l-impatt tagħhom, rispettivament, fuq il-progress u l-implimentazzjoni ta' dawn l-Għanijiet;

20.  Ifakkar li l-idea ta' panel ad hoc indipendenti tekniku supplimentari fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni għall-FII l-ġdid ma ġietx segwita ulterjorment matul in-negozjati; jinnota li l-għan tal-ħolqien ta' tali panel kien it-tisħiħ tal-indipendenza, it-trasparenza u l-oġġettività tal-valutazzjonijiet tal-impatt; ifakkar li ġie miftiehem, fil-paragrafu 15 tal-FII l-ġdid, li l-Parlament u l-Kunsill, fejn u meta jqisu li dan ikun adatt u neċessarju, iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tal-emendi sostanzjali tagħhom għall-proposta tal-Kummissjoni, li huma assolutament meħtieġa sabiex jieħdu deċiżjoni infurmata u fuq bażi soda; ifakkar lill-kumitati tiegħu dwar l-importanza li jagħmlu użu minn din l-għodda kull fejn ikun meħtieġ;

21.  Jilqa' r-referenza fil-FII l-ġdid għall-inklużjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità fil-kamp ta' applikazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom dejjem jinkludu analiżi bir-reqqa u rigoruża tal-konformità ta' proposta mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità u jispeċifikaw il-valur miżjud Ewropew tagħha;

22.  Jinnota li għadd sinifikanti ta' proposti tal-Kummissjoni ma kinux akkumpanjati minn valutazzjonijiet tal-impatt u li l-kumitati esprimew tħassib minħabba li l-kwalità u l-livell ta' dettall ivarja minn valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi għal valutazzjonijiet tal-impatt pjuttost superfiċjali; jinnota li fl-ewwel fażi ta' applikazzjoni tal-FII l-ġdid, 20 minn 59 proposta tal-Kummissjoni inklużi fid-dikjarazzjoni konġunta tal-2017 ma kinux akkumpanjati minn valutazzjonijiet tal-impatt; ifakkar, f'dan ir-rigward, li, filwaqt li huwa, fi kwalunkwe każ, previst li l-inizjattivi li mistennija li jkollhom impatt soċjali, ekonomiku jew ambjentali sinifikanti għandhom ikunu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt, il-paragrafu 13 tal-FII l-ġdid jiddikjara wkoll li l-inizjattivi inklużi fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni jew fid-dikjarazzjoni konġunta għandhom, bħala regola ġenerali, ikunu akkompanjati minn valutazzjoni tal-impatt;

23.  Jilqa' l-fatt li l-FII jistipula li għandhom jitqiesu l-"valur miżjud Ewropew" ta' kwalunkwe azzjoni proposta min-naħa tal-Unjoni kif ukoll il-"kost tan-non-Ewropa" fin-nuqqas ta' azzjoni fil-livell tal-Unjoni meta tiġi stabbilita l-aġenda leġiżlattiva; jenfasizza li l-kost tan-non-Ewropa jista' jiġi stmat f'EUR 1, 75 triljun fis-sena, ekwivalenti għal 12 % tal-PDG tal-UE (2016); ifaħħar il-ħidma tad-Direttorat għall-Valutazzjoni tal-Impatt u l-Valur Miżjud Ewropew tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (ERPS) f'dan il-kuntest;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tikkjarifika kif għandha l-ħsieb li tivvaluta l-kost tan-non-Ewropa – inter alia l-kost għall-produtturi, il-konsumaturi, il-ħaddiema, l-amministraturi u l-ambjent minħabba n-nuqqas ta' leġiżlazzjoni armonizzata fil-livell tal-UE u meta regoli nazzjonali diverġenti jikkawżaw kostijiet żejda u jnaqqsu l-effettività tal-politiki – kif imsemmi fil-paragrafi 10 u 12 tal-FII l-ġdid; jirrimarka li tali valutazzjoni jeħtieġ li ma ssirx biss f'każ ta' klawżoli ta' estinzjoni, lejn tmiem il-programm, jew meta jkun previst tħassir, iżda jinħtieġ li titqies ukoll f'każijiet fejn l-azzjoni jew il-leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE tkun għadha mhux fis-seħħ jew tkun taħt rieżami;

25.  Ifakkar li l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt preċedenti ġie sostitwit b'Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ġdid, biex b'hekk tissaħħaħ l-indipendenza tal-Bord; ifakkar li l-indipendenza, it-trasparenza u l-oġġettività tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju u l-ħidma tiegħu jridu jiġu mħarsa u li l-membri tal-Bord ma għandhom jiġu soġġetti għall-ebda kontroll politiku(29); jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-opinjonijiet kollha tal-Bord, inklużi dawk negattivi, isiru pubbliċi u aċċessibbli fl-istess waqt meta jiġu ppubblikati l-valutazzjonijiet tal-impatt rilevanti; jitlob evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fit-twettiq tar-rwol tiegħu fis-superviżjoni u fl-għoti ta' pariri oġġettivi dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt;

26.  Jirrimarka li d-Direttorat għall-Valutazzjoni tal-Impatt u l-Valur Miżjud Ewropew tal-Parlament, stabbilit fi ħdan l-amministrazzjoni tiegħu, jassisti lill-kumitati parlamentari u joffrilhom varjetà ta' servizzi, li fir-rigward tagħhom għandu jkun hemm disponibbli riżorsi suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li l-Membri u l-kumitati jirċievu l-aħjar appoġġ possibbli disponibbli; jinnota b'apprezzament il-fatt li l-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati adottat verżjoni aġġornata tal-"Impact Assessment Handbook – Guidelines for Committees" (Manwal għall-Valutazzjoni tal-Impatt - Linji Gwida għall-Kumitati) fit-12 ta' Settembru 2017;

27.  Jistieden lill-kumitati kollha jeżaminaw il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni u jeżaminaw l-analiżi tal-valutazzjoni tal-impatt ex ante tal-Parlament kmieni kemm jista' jkun fil-proċess leġiżlattiv;

28.  Ifakkar li skont il-paragrafu 14 tal-FII l-ġdid, il-Parlament Ewropew, waqt li jkun qed jikkunsidra l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni, se jieħu kont sħiħ tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-kumitati parlamentari jistgħu jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta l-valutazzjoni tal-impatt tagħha u l-opzjoni ta' politika magħżula f'laqgħa tal-kumitat sħiħ u jistieden lill-kumitati tiegħu jagħmlu użu minn din l-opportunità b'mod aktar regolari, kif ukoll mill-possibbiltà li jaraw preżentazzjoni tal-evalwazzjoni inizjali tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni mis-servizzi proprja tal-Parlament; jindika, madankollu, li dan ma jridx iwassal għar-restrizzjoni tal-ispazju ta' manuvra tal-koleġiżlaturi;

29.  Jilqa' l-possibbiltà li l-Kummissjoni tikkomplementa l-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha stess matul il-proċess leġiżlattiv; iqis li l-paragrafu 16 tal-FII l-ġdid għandu jiġi interpretat fis-sens li, fuq talba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha, bħala regola ġenerali, tipprovdi minnufih tali valutazzjonijiet tal-impatt komplementari;

30.  Jisħaq fuq l-importanza li l-partijiet ikkonċernati jiġu involuti u kkonsultati pubblikament, b'mod trasparenti u f'waqtu, u li jingħataw biżżejjed żmien għal risposti sinifikanti; isostni li hu essenzjali li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi bil-lingwi uffiċjali kollha matul il-fażi ta' tħejjija;

31.  Jinnota li, kif speċifikat fil-paragrafu 17 tal-FII l-ġdid dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, "kull waħda mit-tliet Istituzzjonijiet hija responsabbli li tiddeċiedi kif torganizza l-ħidma tal-valutazzjoni tal-impatt tagħha, inklużi r-riżorsi interni tal-organizzazzjoni u l-kontroll tal-kwalità";

32.  Jilqa' l-fatt li fil-paragrafu 17 tal-FII l-ġdid, it-tliet Istituzzjonijiet impenjaw ruħhom li jiskambjaw informazzjoni dwar l-aħjar prattiki u metodoloġiji b'rabta mal-valutazzjonijiet tal-impatt; huwa tal-opinjoni li dan għandu jinkludi l-kondiviżjoni tad-data mhux ipproċessata li tirfed il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni kull fejn ikun possibbli, u b'mod partikolari meta l-Parlament jiddeċiedi li jikkomplementa l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni bil-ħidma ulterjuri tiegħu stess; iħeġġeġ, għal dak il-għan, is-servizzi tat-tliet Istituzzjonijiet biex jikkooperaw kemm jista' jkun possibbli, inkluż fir-rigward ta' sessjonijiet ta' taħriġ konġunti dwar il-metodoloġiji tal-valutazzjoni ta' l-impatt, bil-ħsieb, barra minn hekk, li tinkiseb metodoloġija interistituzzjonali komuni futura;

33.  Isostni li, bħalma jgħid il-paragrafu 18 tal-FII, huwa essenzjali li "l-valutazzjoni tal-impatt inizjali tal-Kummissjoni u kwalunkwe ħidma addizzjonali fuq il-valutazzjoni tal-impatt imwettqa matul il-proċess leġiżlattiv" mill-Istituzzjonijiet ser isiru pubbliċi sa tmiem il-proċess leġiżlattiv fl-interess tat-trasparenza fil-konfront taċ-ċittadini u tal-partijiet interessati;

34.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-partijiet interessati, fosthom it-trade unions u s-soċjetà ċivili, għandhom ikunu jistgħu jagħtu kontribut effettiv għall-proċess ta' valutazzjoni tal-impatt kmieni kemm jista' jkun fil-fażi ta' konsultazzjoni, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, għal dak il-għan, biex tagħmel użu aktar sistematiku mill-pjanijiet direzzjonali u l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu u tippubblikahom fi żmien debitu fil-bidu tal-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt;

35.  Jilqa' l-impenn magħmul mill-Kummissjoni li, qabel ma tadotta proposta, twettaq konsultazzjoni wiesgħa u tħeġġeġ, b'mod partikolari, il-parteċipazzjoni diretta tal-SMEs, tas-soċjetà ċivili u ta' utenti finali oħrajn fil-konsultazzjonijiet; jinnota b'sodisfazzjon li l-Linji Gwida riveduti tal-Kummissjoni dwar Regolamentazzjoni Aħjar ħadu din id-direzzjoni;

36.  Jissottolinja d-dispożizzjonijiet il-ġodda għall-konsultazzjonijiet pubbliċi u mal-partijiet interessati, li għandhom iservu ta' għodda importanti kemm fil-fażi ta' tħejjija kif ukoll matul il-proċess leġiżlattiv kollu;

37.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrispetta l-iskadenzi obbligatorji stabbiliti għar-rapporti ta' implimentazzjoni u għar-rieżami tad-direttivi u r-regolamenti;

38.  Jenfasizza l-importanza ta' evalwazzjoni ex post tal-leġiżlazzjoni eżistenti, f'konformità mal-prinċipju "l-ewwel evalwa", u jirrakkomanda li, kull meta jkun possibbli, din tieħu l-forma ta' valutazzjonijiet tal-impatt ex post bl-applikazzjoni tal-istess metodoloġija bħall-valutazzjoni tal-impatt ex ante relatata mal-istess biċċa leġiżlazzjoni, biex b'hekk tkun tista' ssir valutazzjoni aħjar tal-prestazzjoni ta' tali leġiżlazzjoni;

39.  Jilqa' l-paragrafu 22 tal-FII l-ġdid, fejn, sabiex jappoġġaw dawn il-proċessi, it-tliet Istituzzjonijiet jaqblu li jistabbilixxu, kif xieraq, rekwiżiti ta' rapportar, monitoraġġ u evalwazzjoni fil-leġiżlazzjoni, filwaqt li jevitaw ir-regolamentazzjoni eċċessiva u l-piżijiet amministrattivi, b'mod partikolari għall-Istati Membri; jinnota l-isfidi marbutin mal-ġbir tad-data fl-Istati Membri dwar il-prestazzjoni tal-leġiżlazzjoni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom f'dan ir-rigward;

40.  Jilqa' l-paragrafu 23 tal-FII l-ġdid, fejn it-tliet Istituzzjonijiet jaqblu li b'mod sistematiku jqisu l-użu tal-klawżoli ta' rieżami fil-leġiżlazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi klawżoli ta' rieżami fil-proposti tagħha kull meta jkun xieraq u, jekk le, biex tiddikjara r-raġunijiet tagħha għalfejn ma tkunx żammet ma' din ir-regola ġenerali;

Strumenti leġiżlattivi

41.  Jilqa' l-impenji magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tal-memorandum ta' spjegazzjoni li jakkumpanja kull waħda mill-proposti tagħha; jesprimi sodisfazzjon partikolari għall-fatt li l-Kummissjoni se tispjega wkoll kif il-miżuri proposti huma ġustifikati fid-dawl tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' valutazzjoni u ġustifikazzjoni msaħħa u komprensivi rigward il-konformità ma' dawn il-prinċipji kif ukoll il-valur miżjud Ewropew tal-miżura proposta;

42.  Iqis li hemm bżonn ta' konsistenza bejn il-memorandum ta' spjegazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt relatata mal-istess proposta; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tiżgura tali konsistenza u biex tispjega l-għażla magħmula meta titbiegħed mill-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tal-impatt;

43.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fil-paragrafu 25 tal-FII l-ġdid, il-Kummissjoni impenjat ruħha biss li "tieħu kont dovut tad-differenzi fin-natura u l-effetti bejn ir-regolamenti u d-direttivi"; itenni t-talba tiegħu li, fuq l-istess approċċ bħal dak deskritt fir-rapport Monti, għandu jsir użu akbar mir-regolamenti fil-proposti leġiżlattivi(30), f'konformità mar-rekwiżiti legali stabbiliti bit-Trattati fir-rigward tal-użu tagħhom, sabiex jiġu żgurati konsistenza, sempliċità u ċertezza legali madwar l-Unjoni;

44.  Jilqa' l-impenn tat-tliet Istituzzjonijiet li jkollhom skambju ta' fehmiet dwar il-modifiki tal-bażi ġuridika, kif imsemmi fil-paragrafu 25 tal-FII l-ġdid; jenfasizza r-rwol u l-kompetenza esperta tal-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Legali fil-verifika tal-bażijiet ġuridiċi(31); ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament li se jirreżisti kwalunkwe tentattiv li jdgħajjef is-setgħat leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew permezz ta' modifika mhux meħtieġa tal-bażi ġuridika; jistieden lill-Kunsill biex jirrispetta bis-sħiħ l-impenn tiegħu li jkollu djalogu mal-Parlament f'każ ta' nuqqas ta' qbil dwar il-bażi ġuridika proposta, speċjalment f'fajls li jkunu politikament sensittivi;

45.  Jenfasizza l-fatt li l-għażla tal-bażi ġuridika għall-proposta tal-Kummissjoni għandha ssir abbażi ta' raġunijiet oġġettivi soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju; jenfasizza, madankollu, id-dritt tal-Parlament, bħala koleġiżlatur, li jipproponi modifiki għall-bażi ġuridika, abbażi tal-interpretazzjoni li jagħti lit-Trattati;

Atti delegati u ta' implimentazzjoni

46.  Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju minqux fil-paragrafu 26 tal-FII l-ġdid, u jtenni li hija l-kompetenza tal-leġiżlatur li jiddeċiedi, fil-limiti tat-Trattati u fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE, jekk u sa liema punt għandhomx jintużaw atti delegati jew atti ta' implimentazzjoni(32);

47.  Jinnota li d-delega tas-setgħa lill-Kummissjoni mhijiex sempliċement kwistjoni teknika iżda tista' tinvolvi wkoll kwistjonijiet ta' sensittività politika li huma ta' importanza konsiderevoli għaċ-ċittadini, għall-konsumaturi u għan-negozji tal-UE;

48.  Jilqa' l-isforz tal-Kummissjoni biex tirrispetta l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 27 tal-FII l-ġdid biex tipproponi l-allinjament tal-atti bażiċi kollha li għadhom jirreferu għall-RPS; jikkunsidra wkoll li, bħala regola, il-każijiet kollha li ġew trattati qabel taħt l-RPS issa għandhom ikunu allinjati mal-Artikolu 290 tat-TFUE u għalhekk jiġu konvertiti f'atti delegati(33);

49.  Iwissi li l-inklużjoni tal-obbligu għall-Kummissjoni ta' rikors sistematiku għall-esperti tal-Istati Membri b'rabta mat-tħejjija tal-atti delegati m'għandux iwassal biex il-proċedura rilevanti ssir simili ħafna, jekk mhux għal kollox identika, għal dik stabbilita għat-tħejjija tal-atti ta' implimentazzjoni, speċjalment fir-rigward tal-prerogattivi proċedurali mogħtija lil dawk l-esperti; iqis li dan ukoll jista' jċajpar id-differenzi bejn iż-żewġ tipi ta' atti sal-punt li dan jista' jimplika qawmien mill-ġdid de facto tal-mekkaniżmu ta' komitoloġija ta' qabel it-Trattat ta' Lisbona;

50.  jesprimi nuqqas ta' sodisfazzjon dwar il-fatt li, minkejja l-konċessjonijiet magħmula mill-Parlament, il-Kunsill għadu jsibha bi tqila li jaċċetta atti delegati meta l-kriterji tal-Artikolu 290 tat-TFUE jkunu ssodisfati; ifakkar li, kif stipulat fil-premessa 7 tiegħu, il-FII l-ġdid għandu jiffaċilita n-negozjati fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u jtejjeb l-applikazzjoni tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li f'diversi fajls leġiżlattivi l-Kunsill, madankollu, insista fuq l-għoti ta' setgħat ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-TFUE jew fuq l-inklużjoni tal-elementi kollha eliġibbli in abstracto għad-delega tas-setgħat jew tal-għoti tas-setgħat ta' implimentazzjoni fl-att bażiku nnifsu; jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar il-fatt li, f'dawk il-każijiet, il-Kummissjoni ma ddefendietx il-proposti oriġinali tagħha stess;

51.  Huwa preokkupat ħafna li l-Kunsill qed jipprova, kważi b'mod sistematiku, jissostitwixxi l-atti delegati b'atti ta' implimentazzjoni; iqis li huwa partikolarment inaċċettabbli li l-Kunsill qed jipprova juża l-allinjament ta' wara Lisbona biex jissostitwixxi l-RPS b'atti ta' implimentazzjoni, minflok b'atti delegati;

52.  Jilqa' l-bidu tan-negozjati interistituzzjonali msemmija fil-paragrafu 28 tal-FII l-ġdid; jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu dwar kriterji mhux vinkolanti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE, kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014(34); iqis li dawn għandhom ikunu l-bażi għal dawk in-negozjati;

53.  Ifakkar li elementi sinifikanti politikament, bħal-listi jew ir-reġistri tal-Unjoni ta' prodotti jew sustanzi, għandhom jibqgħu parti integrali minn att bażiku – meta jkun xieraq fil-forma ta' annessi – u għalhekk għandhom jiġu emendati biss permezz ta' atti delegati; jenfasizza li l-ħolqien ta' listi indipendenti għandu jiġi evitat fl-interess taċ-ċertezza tad-dritt;

54.  Iqis li l-kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE jridu jieħdu kont tas-sentenzi tal-QtĠ-UE, bħal dawk maħruġa fil-każ tal-Bijoċidi, fil-każ l-att delegat tas-CEF u fil-każ tal-Mekkaniżmu ta' Reċiproċità tal-Viża(35);

55.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li jekk tkun meħtieġa kompetenza akbar fit-tħejjija bikrija tal-abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni, tagħmel użu mill-gruppi ta' esperti, tikkonsulta lill-partijiet interessati fil-mira u twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi, kif xieraq; iqis li, kull meta jinbeda tali proċess ta' konsultazzjoni, il-Parlament għandu jiġi infurmat debitament;

56.  Jinnota b'apprezzament il-fatt li l-Kummissjoni, fil-paragrafu 28 tal-FII l-ġdid, qablet li tiżgura li l-Parlament u l-Kunsill ikollhom aċċess ugwali għall-informazzjoni kollha dwar l-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni, b'tali mod li huma jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri; jilqa' l-fatt li l-esperti tal-Parlament u tal-Kunsill se jkollhom aċċess b'mod sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li għalihom ikunu mistiedna l-esperti tal-Istati Membri u li jikkonċernaw it-tħejjija ta' atti delegati; jistieden lill-Kummissjoni biex tosserva dan l-impenn b'mod ġenwin u konsistenti; jinnota li tali aċċess diġà ttejjeb;

57.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni informali aħjar matul il-fażi ta' tħejjija tal-atti delegati u tal-atti ta' implimentazzjoni; iwissi kontra r-riskju li tintesa l-intenzjoni tal-koleġiżlaturi, kif espressa f'att leġiżlattiv u bħala parti mill-għan tiegħu, fit-tħejjija tal-atti delegati u tal-atti ta' implimentazzjoni; jenfasizza l-importanza tar-Reġistru tal-Atti Delegati, li issa sar operattiv;

58.  Jiddispjaċih minħabba l-fatt li f'ħafna okkażjonijiet il-Kummissjoni tqis li l-miżuri ta' livell 2 proposti mit-tliet awtoritajiet tas-servizzi finanzjarji (l-ESAME, l-EBA u l-EIOPA) jiġu adottati mingħajr tibdil, u dan inaqqas il-ħin ta' skrutinju disponibbli għall-Parlament meta jiġu introdotti tibdiliet importanti jew numru sostanzjali ta' tibdiliet;

59.  Ifaħħar il-progress rapidu li sar fil-livell interistituzzjonali fl-istabbiliment ta' reġistru funzjonali konġunt ta' atti delegati u jilqa' b'sodisfazzjon it-tnedija uffiċjali tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2017;

60.  Jistenna bil-ħerqa li juża reġistru strutturat sew u faċli għall-utent ta' atti delegati, li ġie ppubblikat fit-12 ta' Diċembru 2017 u li kien ġie mitlub mill-Parlament;

61.  Jinnota li proċeduri leġiżlattivi mtejba fil-livell tal-UE, b'kooperazzjoni interistituzzjonali f'waqtha u aktar profonda, jistgħu jwasslu għal applikazzjoni aktar konsistenti u armonizzata tad-dritt tal-UE;

Trasparenza u koordinazzjoni tal-proċess leġiżlattiv

62.  Jilqa' l-fatt li skont il-paragrafu 32 tal-FII l-ġdid, il-Parlament u l-Kunsill, bħala l-koleġiżlaturi, se jeżerċitaw is-setgħat tagħhom fuq l-istess livell, u l-Kummissjoni għandha twettaq ir-rwol tagħha bħala faċilitatur billi tittratta ż-żewġ fergħat tal-awtorità leġiżlattiva bl-istess mod; ifakkar li dan il-prinċipju diġà huwa minqux fit-Trattat ta' Lisbona; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħmel id-dokumenti rilevanti kollha relatati mal-proposti leġiżlattivi, inklużi d-dokumenti informali, disponibbli għaż-żewġ leġiżlaturi fl-istess ħin u, meta jkun fattibbli, tippubblikahom;

63.  Jiddeplora l-fatt li l-paragrafi 33 u 34 tal-FII l-ġdid għadhom ma wasslux għal titjib fil-fluss tal-informazzjoni mill-Kunsill, partikolarment peress li jidher li hemm nuqqas ġenerali ta' informazzjoni dwar il-kwistjonijiet imqajma mill-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill u ma hemm l-ebda approċċ sistematiku li jiffaċilita l-iskambju reċiproku tal-fehmiet u l-informazzjoni; jinnota bi tħassib li l-fluss ta' informazzjoni normalment ivarja ħafna bejn Presidenza u oħra u bejn is-servizzi tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill; jenfasizza l-aċċess asimmetriku għal informazzjoni bejn il-koleġiżlaturi, peress li l-Kunsill jista' jattendi laqgħat tal-kumitati parlamentari iżda r-rappreżentanti tal-Parlament ma jkunux mistednin biex jattendu l-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill; iqis, għalhekk, li huwa mixtieq approċċ li jkun trasparenti b'mod koerenti; jissuġġerixxi li l-Kunsill, bħala regola, għandu jmexxi l-laqgħat kollha tiegħu fil-pubbliku kif jagħmel il-Parlament;

64.  Jitlob li l-paragrafi 33 u 34 tal-FII l-ġdid jiġu implimentati bis-sħiħ; jitlob lill-Kunsill, b'mod partikolari, li l-aġendi, id-dokumenti ta' ħidma u l-proposti tal-gruppi ta' ħidma u tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (Coreper) jintbagħtu lill-Parlament b'mod regolari u strutturat sabiex jingħata lok għal livell ekwu ta' informazzjoni bejn il-koleġiżlaturi; iqis li l-paragrafi 33 u 34 tal-FII l-ġdid jinħtieġ li jiġu interpretat fis-sens li, minnbarra l-iskambji informali ta' fehmiet, il-Parlament jista' jkun mistieden jibgħat rappreżentant għal-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill u l-Coreper;

65.  Jenfasizza li, fi ħdan it-tifsir tal-paragrafi 35 u 36 rispettivament tal-FII l-ġdid, is-sinkronizzazzjoni u l-aċċellerazzjoni tal-proċess leġiżlattiv jistgħu jsiru biss jekk ikun żgurat li l-prerogattivi ta' kull Istituzzjoni jiġu ppriżervati kompletament; iqis, għalhekk, li s-sinkronizzazzjoni jew l-aċċellerazzjoni bl-ebda mod ma tista' twassal għall-impożizzjoni ta' skeda ta' żmien fuq il-Parlament minn Istituzzjonijiet oħra;

66.  Iħeġġeġ sabiex jiżdiedu l-isforzi biex tiġi stabbilita l-bażi tad-data konġunta apposta dwar l-istat attwali tal-fajls leġiżlattivi msemmija fil-paragrafu 39 tal-FII l-ġdid; ifakkar li din il-bażi tad-data għandha tinkludi informazzjoni dwar il-passi kollha tal-proċedura leġiżlattiva biex tiffaċilita t-traċċabilità tagħha; jissuġġerixxi li tali informazzjoni għandha tinkludi wkoll informazzjoni dwar il-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt;

67.  Ifakkar lit-tliet istituzzjonijiet tal-UE li jeħtieġ isir aktar progress fl-istabbiliment ta' bażi tad-data konġunta apposta dwar l-istat attwali tal-fajls leġiżlattivi;

68.  Jipproponi li l-Kunsill jiltaqa' mill-inqas darba mal-Parlament fil-qafas tal-proċedura ta' konsultazzjoni sabiex il-Parlament ikun jista' jippreżenta u jiġġustifika r-raġunijiet għall-emendi approvati, filwaqt li l-Kunsill ikun jista' jesprimi l-pożizzjoni tiegħu dwar kull waħda minnhom; jipproponi, fi kwalunkwe każ, li l-Kunsill jipprovdi tweġiba bil-miktub;

69.  Jissuġġerixxi li l-Parlament iwettaq studju kwantitattiv dwar l-effettività tal-proċedura ta' konsultazzjoni;

70.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrispetta l-qafas ta' żmien stabbilit fir-Regolament tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej biex tiddeċiedi jekk tapprovax, temendax jew ma tapprovax l-istandards tekniċi abbozzati u, bħala minimu, tinforma uffiċjalment lill-koleġiżlaturi bil-quddiem sew jekk, fuq bażi straordinarja, ikollha l-ħsieb li ma tirrispettax dan iż-żmien, filwaqt li tagħti wkoll ir-raġunijiet tagħha għal dan; jenfasizza l-fatt li dan l-aħħar il-Kummissjoni naqset milli tagħmel dan f'bosta każijiet; ifakkar lill-Kummissjoni li l-proċeduri li permezz tagħhom il-Parlament jiddikjara li m'għandux oġġezzjonijiet għal att mhumiex maħsuba biex jikkumpensaw għal dewmien li joriġina min-naħa tal-Kummissjoni u li dawn il-proċeduri għandhom impatt sinifikanti fuq iż-żmien disponibbli għall-Parlament biex jeżerċita d-drittijiet ta' skrutinju tiegħu;

71.  Jilqa' l-fatt li n-negozjati interistituzzjonali msemmija fil-paragrafu 40 tal-FII l-ġdid bdew f'Novembru tal-2016; jinnota b'diżappunt li wara aktar minn sena ta' diskussjonijiet, tliet sessjonijiet ta' negozjati fil-livell politiku u għadd ta' laqgħat fil-livell tekniku, għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim minkejja ġurisprudenza ċara u stabbilita; jinnota l-progress li sar s’issa u jinsisti bil-qawwa li dawn in-negozjati għandhom jiġu konklużi taħt il-presidenza Bulgara;

72.  Jilqa' t-tgħarrif bil-miktub mogħti mill-Kummissjoni qabel il-konferenzi internazzjonali u t-tgħarrif orali ta' kuljum mogħti mill-Presidenza tal-Kunsill u mill-Kummissjoni matul dawn il-konferenzi;

73.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-Parlament ma jitħalliex jattendi, bħala osservatur, il-laqgħat ta' koordinazzjoni tal-UE matul il-konferenzi internazzjonali;

74.  Ifakkar lill-Kunsill u l-Kummissjoni li l-arranġamenti prattiċi fir-rigward tal-ftehimiet internazzjonali jridu jkunu konformi mat-Trattati, b'mod partikolari l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, u jieħdu kont tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħal dawk maħruġa fil-każ tat-Tanzanija u fil-każ ta' Mauritius(36);

75.  Jistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra jikkonformaw mat-Trattati u mar-regolamenti u josservaw il-ġurisprudenza rilevanti sabiex jiżguraw li l-Parlament:

   (a) ikun informat minnufih, bis-sħiħ u b'mod preċiż dwar iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-ftehimiet internazzjonali b'mod proattiv, strutturat u simplifikat, mingħajr ma tiġi mminata l-pożizzjoni ta' negozjar tal-UE u filwaqt li jingħata biżżejjed żmien biex jesprimi l-fehmiet tiegħu fl-istadji kollha u jara li tali fehmiet jiġu kkunsidrati kemm jista' jkun;
   (b) ikun informat b'mod preċiż u jkun involut fl-istadju ta' implimentazzjoni tal-ftehimiet u, speċjalment fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda mill-korpi stabbiliti mill-ftehimiet, jitħalla jeżerċita bis-sħiħ id-drittijiet tiegħu bħala koleġiżlatur meta dawn id-deċiżjonijiet ikollhom impatt fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE;
   (c) ikun informat b'mod proattiv dwar il-pożizzjoni tal-Kummissjoni f'fora internazzjonali bħalma huma d-WTO, l-UNCTAD, l-OECD, l-UNDP, l-FAO u l-UNHCR;

76.  Jemmen li huwa essenzjali li tiġi rispettata b'mod orizzontali l-prattika dejjiema li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu qabel ma jiġu applikati b'mod proviżorju d-dispożizzjonijiet kummerċjali u ta' investiment ta' ftehimiet politikament importanti, bi qbil ukoll mal-impenn li ħadet il-Kummissarju Malmström fis-smigħ tagħha fid-29 ta' Settembru 2014; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jkomplu jestendu din il-prattika għall-ftehimiet internazzjonali kollha;

77.  Jinnota li l-Parlament jinsab lest li jressaq kawża quddiem il-QtĠ-UE għal darb' oħra sabiex jiżgura li d-drittijiet tal-Parlament jiġu rispettati jekk ma jsir l-ebda progress konklużiv fil-futur qarib fin-negozjati dwar il-paragrafu 40 tal-FII l-ġdid;

78.  Jinnota li kull istituzzjoni għandha tkun konxja li r-responsabilità tagħha bħala leġiżlatur ma tiqafx ladarba jiġu konklużi l-ftehimiet internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa ta' monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni u l-isforzi li għaddejjin sabiex jiġi żgurat li l-ftehimiet qed jilħqu l-għanijiet tagħhom; jitlob li l-istituzzjonijiet jestendu l-aħjar prattiki u approċċ kollaborattiv għall-fażijiet ta' implimentazzjoni u ta' evalwazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali;

79.  Jinnota li l-valutazzjonijiet tal-impatt, inkluża analiżi tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, jaf ikunu għodda importanti fin-negozjar tal-ftehimiet kummerċjali u dwar l-investiment u jistgħu jgħinu lill-partijiet jikkonformaw mal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, u jfakkar fin-natura vinkolanti ta' ftehimiet bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrispettaw bis-sħiħ id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, kif jista' jiġi dedott mill-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE tas-16 ta' Mejju 2017, għall-adozzjoni ta' direttivi ta' negozjar, negozjati u l-bażi ġuridika tal-proposti li jridu jiġu ffirmati u konklużi, u b'mod partikolari għall-firma tal-Kunsill u l-konklużjoni tal-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali;

81.  Jistieden lir-rappreżentanti Ewropej jagħtu attenzjoni partikolari għall-konsistenza bejn l-istandards/ir-rekwiżiti internazzjonali u l-leġiżlazzjoni adottata u vinkolanti tal-UE;

82.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżvela d-dokumenti li jiddeskrivu l-pożizzjoni tagħha f'organizzazzjonijiet internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards fl-oqsma finanzjarji, monetarji u regolatorji, b'mod partikolari l-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja; jitlob li l-Parlament ikun infurmat bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-iżvilupp tal-istandards internazzjonali li jista' jkollhom impatt fuq id-dritt tal-UE;

83.  Jitlob l-istabbiliment u l-formalizzazzjoni ta' djalogu finanzjarju dwar l-adozzjoni u l-koerenza tal-pożizzjonijiet Ewropej fit-tħejjija għal negozjati internazzjonali ewlenin, skont ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ April 2016 dwar ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji(37); jenfasizza li, abbażi ta' linji gwida dettaljati, li potenzjalment jistgħu jiġu kkomplementati b'riżoluzzjonijiet ta' gwida proattivi, dawn il-pożizzjonijiet jenħtieġ li jiġu diskussi u jkunu magħrufa ex ante, filwaqt li jiġi żgurat segwitu, fejn il-Kummissjoni tirrapporta lura b'mod regolari dwar l-applikazzjoni ta' dawn il-linji gwida;

84.  Ifakkar fid-dikjarazzjoni tiegħu adottata fil-15 ta' Marzu 2018 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini(38), fejn il-Parlament wera d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li r-rwol u d-drittijiet tiegħu bħala koleġiżlatur ugwali mal-Kunsill, ma ġewx ikkunsidrati debitament;

85.  Jirrikonoxxi l-mandat approvat mill-Coreper fis-6 ta' Diċembru 2017 li jaqbel dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward il-proposta tal-Kummissjoni għal reġistru ta' trasparenza obbligatorju; jistieden lill-partijiet kollha jiffinalizzaw in-negozjati fi spirtu ta' kooperazzjoni tajba biex titjieb it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv;

86.  Jieħu inkunsiderazzjoni dovuta s-sentenza De Capitani(39) li tafferma li l-prinċipji ta’ pubbliċita' u ta’ trasparenza huma inerenti għall-proċess leġislattiv tal-UE u li l-ebda preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar ma tista’ tiġi aċċettata fir-rigward tad-dokumenti leġislattivi, inkluż dokumenti tat-trilogi;

Implimentazzjoni u applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

87.  Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju stipulat fil-paragrafu 43 tal-FII l-ġdid, li meta, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-direttivi fil-liġi nazzjonali, l-Istati Membri jagħżlu li jżidu elementi li bl-ebda mod ma jkunu relatati ma' dik il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, tali żidiet għandhom ikunu identifikabbli permezz tal-att(i) ta' traspożizzjoni, jew permezz ta' dokumenti assoċjati; jinnota li din l-informazzjoni għadha tkun nieqsa ta' spiss; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaġixxu b'mod konġunt u konsistenti biex jindirizzaw in-nuqqas ta' trasparenza u problemi oħra relatati ma' regolamentazzjoni żejda(40);

88.  Huwa tal-fehma li fl-implimentazzjoni u t-traspożizzjoni ta' atti tal-UE, trid issir distinzjoni ċara bejn każijiet ta' "regolamentazzjoni żejda", fejn l-Istati Membri jintroduċu rekwiżiti amministrattivi addizzjonali mhux relatati mal-leġiżlazzjoni tal-UE, u l-istabbiliment ta' standards ogħla li jmorru lil hinn mill-istandards minimi fl-UE kollha għall-protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur, il-kura tas-saħħa u s-sikurezza tal-ikel;

89.  Iqis li, sabiex jitnaqqsu l-problemi relatati mar-regolamentazzjoni żejda, it-tliet Istituzzjonijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li jadottaw leġiżlazzjoni tal-UE li tkun ċara u tista' tiġi trasposta faċilment, u li jkollha valur miżjud Ewropew speċifiku; ifakkar li, filwaqt li għandhom jiġu evitati piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, dan ma għandux iwaqqaf lill-Istati Membri milli jkollhom jew jieħdu miżuri aktar ambizzjużi u jadottaw standards soċjali, ambjentali u ta' protezzjoni tal-konsumatur ogħla f'każijiet fejn ikunu definiti biss standards minimi mid-dritt tal-Unjoni;

90.  Jistieden lill-Istati Membri jevitaw kemm jista' jkun li joħolqu rekwiżiti amministrattivi addizzjonali meta jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE, u f'konformità mal-paragrafu 43 tal-Ftehim Interistituzzjonali, jagħmlu dawn iż-żidiet identifikabbli fl-att ta' traspożizzjoni jew fid-dokumenti assoċjati;

91.  Ifakkar li skont il-paragrafu 44 tal-FII l-ġdid, l-Istati Membri mistiedna jikkooperaw mal-Kummissjoni fil-kisba tal-informazzjoni u d-data meħtieġa biex l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tiġi mmonitorjata u evalwata; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jirrispettaw l-impenji tagħhom, inkluż billi jipprovdu tabelli ta' korrelazzjoni li jkun fihom informazzjoni ċara u preċiża dwar il-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-direttivi fl-ordni ġuridiku domestiku tagħhom, kif miftiehem fid-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni u fid-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tas-27 ta' Ottubru 2011 tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni;

92.  Iqis li l-impenn meħud mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 45 tal-FII l-ġdid għandu jiġi interpretat fis-sens li, bir-rispett dovut għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità, l-aċċess tal-Parlament għal informazzjoni relatata ma' proċeduri ta' qabel il-ksur u ta' ksur se jissaħħaħ b'mod konsiderevoli; itenni, għal dan il-għan, it-talbiet li ilu jagħmel lill-Kummissjoni fir-rigward tad-data li l-Parlament huwa intitolat jaċċessa(41);

93.  Itenni l-apprezzament tiegħu fir-rigward tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tal-problemi EU Pilot bħala mod aktar informali, iżda xorta waħda effettiv, biex tiġi żgurata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni min-naħa tal-Istati Membri(42); ma japprovax it-tħabbira tal-Kummissjoni li, bħala regola ġenerali, se tniedi proċeduri ta' ksur mingħajr ma tibqa' tibbaża ruħha fuq dan il-mekkaniżmu(43);

94.  Jirrimarka li l-Membri tal-Kummissjoni huma obbligati jirrispettaw il-prerogattivi leġiżlattivi tal-Membri tal-Parlament Ewropew; huwa tal-fehma li dawn għandhom jipprovdu lill-Parlament l-istudji kollha mwettqa b'mod indipendenti li abbażi tagħhom ikunu ħadu d-deċiżjonijiet tagħhom, filwaqt li fl-istess ħin jiżvelaw dawk li jikkontradixxu l-konklużjonijiet tagħhom;

95.  Jiddispjaċih li mhux it-traduzzjonijiet kollha tal-proposti leġiżlattivi jsiru disponibbli fl-istess ħin, u dan iwassal għal dewmien fil-proċess leġiżlattiv;

96.  Jisħaq fuq il-punt li f'dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tagħha, leġiżlazzjoni tal-UE effikaċi għandha timmira li tiżgura li l-proċeduri stabbiliti fiha jkunu jaqblu mal-iskop sottostanti tal-att leġiżlattiv innifsu, u partikolarment mal-mira aħħarija tal-ħarsien tal-ambjent f'dak li jikkonċerna l-iżgurar ta' grad għoli ta' protezzjoni ambjentali.

97.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-ħidma li qed issir fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-valutazzjoni tal-kwalità tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE f'dak li jikkonċerna l-implimentazzjoni proprja, u bħala bażi għat-titjib tat-testi u l-proċeduri leġiżlattivi; jinnota, f'dan ir-rigward, kemm hu importanti li jkun hemm kooperazzjoni interistituzzjonali ġenwina mal-Kummissjoni bil-għan li jiġi żgurat li l-petizzjonijiet jiġu eżaminati kif suppost;

Simplifikazzjoni

98.  Jilqa' l-impenn meħud fil-paragrafu 46 tal-FII l-ġdid favur użu aktar frekwenti tat-teknika leġiżlattiva ta' riformulazzjoni; itenni li din it-teknika għandha tikkostitwixxi t-teknika leġiżlattiva ordinarja bħala għodda imprezzabbli biex tinkiseb is-simplifikazzjoni(44); iqis, madankollu, li fil-każ ta' riforma politika sħiħa, il-Kummissjoni għandha, minflok tuża riformulazzjoni teknika, tressaq proposta għal att legali ġdid għal kollox li jħassar il-leġiżlazzjoni eżistenti, sabiex il-koleġiżlaturi jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom f'diskussjonijiet politiċi wiesgħa u jaraw li l-prerogattivi tagħhom kif minquxa fit-Trattati jkunu ppreżervati għal kollox;

99.  Ifakkar li, fil-valutazzjoni tal-piżijiet amministrattivi u regolatorji mhux meħtieġa, skont il-ftehim milħuq bejn it-tliet Istituzzjonijiet fil-paragrafi 47 u 48 tal-FII l-ġdid, u meta jiġu eżaminati l-objettivi ta' tnaqqis ta' piż possibbli sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-amministrazzjonijiet u n-negozji, inklużi l-SMEs, it-tfassil aħjar tal-liġijiet, fejn xieraq, jista' jfisser ukoll iktar leġiżlazzjoni tal-UE, inkluża l-armonizzazzjoni tad-differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, b'kont meħud tal-benefiċċji tal-miżuri leġiżlattivi u l-konsegwenzi f'każ ta' nuqqas ta' azzjoni fil-livell tal-UE fir-rigward tal-istandards ta' protezzjoni soċjali, ambjentali u tal-konsumatur, u filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li l-Istati Membri huma ħielsa li japplikaw standards ogħla jekk ikunu definiti biss standards minimi mid-dritt tal-Unjoni; ifakkar, barra minn hekk, li l-klawsola soċjali orizzontali minquxa fl-Artikolu 9 tat-TFUE tirrikjedi li l-Unjoni tikkunsidra bir-reqqa l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq l-istandards soċjali u l-impjiegi, b'konsultazzjoni xierqa tal-partijiet soċjali interessati, b'mod partikolari t-trade unions, il-konsumaturi u r-rappreżentanti tal-interessi tal-gruppi vulnerabbli, u b'rispett għall-awtonomija tas-sħab soċjali u l-ftehimiet li jistgħu jikkonkludu f'konformità mal-Artikolu 155 tat-TFUE; jenfasizza, għalhekk, li t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi mhux bilfors ifisser deregolamentazzjoni u li, fi kwalunkwe każ, dan m'għandux jikkomprometti d-drittijiet fundamentali u l-istandards ambjentali, soċjali, tax-xogħol, tas-saħħa u s-sikurezza, ta' protezzjoni tal-konsumatur, ta' ugwaljanza bejn is-sessi jew ta' benesseri tal-annimali, inklużi r-rekwiżiti ta' informazzjoni relatati magħhom, u għalhekk ma għandux ikun ta' detriment għad-drittijiet tal-ħaddiema – irrispettivament mid-daqs tal-kumpanija –, jew iwassal għal żieda fil-kuntratti ta' impjieg prekarju;

100.  Jilqa' l-ewwel stħarriġ annwali tal-Kummissjoni dwar il-piżijiet imwettaq fil-kuntest tas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, li fir-rigward tiegħu wettqet stħarriġ Flash tal-Ewrobarometru dwar il-perċezzjonijiet tan-negozju dwar ir-regolament, fejn intervistat aktar minn 10 000 negozju fit-28 Stat Membru, b'mod partikolari l-SMEs, u tat stampa tad-distribuzzjoni tan-negozju fl-UE; jiġbed l-attenzjoni għas-sejbiet tal-istħarriġ, li jikkonfermaw li l-enfasi fuq il-qtugħ tal-ispejjeż żejda għadha xierqa u jissuġġerixxu li hemm interazzjoni kumplessa ta' fatturi differenti li jinfluwenzaw il-perċezzjoni tan-negozji, li tista' tkun ikkawżata wkoll minn varjazzjonijiet fil-konfigurazzjonijiet amministrattivi u legali nazzjonali li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni; jirrimarka li r-regolamentazzjoni żejda u anki l-kopertura mhux eżatta min-naħa tal-midja jistgħu jaffettwaw ukoll din il-perċezzjoni; iqis li l-kunċett ta' stħarriġ annwali dwar il-piżijiet, filwaqt li huwa għodda importanti għall-identifikazzjoni ta' problemi rigward l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, ma jistax iwassal biex wieħed jassumi li r-regolamentazzjoni tirriżulta, min-natura tagħha stess, f'piżijiet amministrattivi eċċessivi; jaqbel mal-Kummissjoni li l-uniku mezz sabiex jiġi identifikat b'mod konkret dak kollu li tassew jista' jiġi ssimplifikat, imħaffef jew eliminat huwa li jinkisbu l-fehmiet tal-partijiet interessati kollha, inklużi dawk b'rappreżentanza inqas b'saħħitha, dwar biċċiet ta' leġiżlazzjoni speċifiċi jew diversi biċċiet ta' leġiżlazzjoni li japplikaw għal settur partikolari; jistieden lill-Kummissjoni biex tirfina l-istħarriġ annwali dwar il-piżijiet, abbażi tal-lezzjonijiet misluta mill-ewwel edizzjoni, biex tapplika metodi ta' ġbir ta' data trasparenti u verifikabbli, biex tagħti attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-SMEs, u biex tinkludi kemm il-piżijiet reali kif ukoll dawk perċepiti;

101.  barra minn hekk, jinnota l-eżitu tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-fattibbiltà, mingħajr detriment għall-għan tal-leġiżlazzjoni, tal-istabbiliment ta' objettivi għat-tnaqqis tal-piżijiet f'setturi speċifiċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi objettivi ta' tnaqqis tal-piżijiet għal kull inizjattiva b'mod flessibbli iżda b'mod affidabbli u bbażat fuq l-evidenza, u f'konsultazzjoni sħiħa mal-partijiet interessati, kif tagħmel diġà fir-REFIT;

102.  Jenfasizza li standard tal-UE fil-prinċipju jissostitwixxi 28 standard nazzjonali, u dan isaħħaħ is-suq intern u jwassal għal inqas burokrazija;

103.  Jenfasizza l-importanza li tiġi evitata burokrazija żejda u li titqies il-korrelazzjoni bejn id-daqs tal-kumpanija u r-riżorsi meħtieġa biex l-obbligi jiġu implimentati;

Implimentazzjoni u monitoraġġ tal-FII l-ġdid

104.  Jinnota li l-Konferenza tal-Presidenti se tirċievi rapport regolari, imfassal mill-President, li jiddeskrivi s-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni kemm internament kif ukoll interistituzzjonalment; iqis li dan ir-rapport jinħtieġ li jieħu kont dovut tal-valutazzjoni magħmula mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati abbażi tal-esperjenzi tal-kumitati differenti, b'mod partikulari l-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli għat-tfassil aħjar tal-liġijiet u s-semplifikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni(45);

105.  Jilqa' l-ewwel laqgħa ta' eżami interistituzzjonali annwali dwar is-sitwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-FII, li saret fit-12 ta' Diċembru 2017; iħeġġeġ lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati biex tipprovdi lill-Konferenza tal-Presidenti kwalunkwe rakkomandazzjoni li tqis xierqa dwar l-implimentazzjoni tal-FII l-ġdid;

o
o   o

106.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(2) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
(3) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
(4) ĠU C 102, 4.4.1996, p. 2.
(5) ĠU C 73, 17.3.1999, p. 1.
(6) ĠU C 77, 28.3.2002, p. 1.
(7) ĠU C 145, 30.6.2007, p. 5.
(8) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 15.
(9) ĠU C 484, 24.12.2016, p. 7.
(10) ĠU C 446, 29.12.2017, p. 1.
(11) Sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tat-18 ta' Marzu 2014, Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Kawża C-427/12, ECLI:EU:C:2014:170; sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tas-16 ta' Lulju 2015, Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Kawża C-88/14, ECLI:EU:C:2015:499; sentenza tal-Qorti tas-17 ta' Marzu 2016, Il-Parlament Ewropew vs Il-Kummissjoni Ewropea, Kawża C-286/14, ECLI:EU:C:2016:183; sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tal-14 ta' Ġunju 2016, Il-Parlament vs Il-Kunsill, Kawża C-263/14, ECLI:EU:C:2016:435; sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tal-24 ta' Ġunju 2014, Il-Parlament vs Il-Kunsill, Kawża C-658/11, ECLI:EU:C:2014:2025.
(12) Testi adottati, P8_TA(2016)0484.
(13) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 39.
(14) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 116.
(15) ĠU C 50, 9.2.2018, p. 91.
(16) ĠU C 289, 9.8.2016, p. 53.
(17) ĠU C 285, 29.8.2017, p. 11.
(18) ĠU C 93, 24.3.2017, p. 14.
(19) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 117.
(20) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 87.
(21) ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 31.
(22) ĠU C 50, 9.2.2018, p. 91.
(23) Ara l-Anness II għad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea.
(24)1 L-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tad-19 ta' Mejju 2015 dwar l-istabbilment ta' Bord tal-Iskrutinju Regolatorju indipendenti (C(2015)3263).
(25) Ara COM(2016)0798 u COM(2016)0799.
(26) Ara l-paragrafu 47 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Settembru 2010 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet – il-15-il rapport annwali mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 66).
(27) Ara l-paragrafu 16 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Novembru 2014 dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni u r-rwol tat-test tal-SMEs.
(28) Ara l-paragrafu 4 tad-deċiżjoni tal-Parlament tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea.
(29) Ara l-paragrafu 12 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Novembru 2014, imsemmija hawn fuq, u l-paragrafu 6 tad-deċiżjoni tal-Parlament tad-9 ta' Marzu 2016, imsemmija hawn fuq.
(30) Ara l-paragrafu 5 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Settembru 2011 dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u r-regolamentazzjoni intelliġenti.
(31) Ara r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, l-Anness V, punt XVI.1.
(32) Ara l-premessa D tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Frar 2014 dwar segwitu dwar id-delega ta' setgħat leġiżlattivi u l-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, imsemmija hawn fuq.
(33) Ara l-paragrafu 6 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Frar 2014 dwar segwitu dwar id-delega ta' setgħat leġiżlattivi u l-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, imsemmija hawn fuq.
(34) Ibid., paragrafu 1.
(35) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta' Marzu 2014, Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, imsemmija hawn fuq; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Marzu 2016, Il-Parlament Ewropew vs Il-Kummissjoni Ewropea, imsemmija hawn fuq; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta' Ġunju 2016, Il-Parlament vs Il-Kunsill, imsemmija hawn fuq.
(36) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta' Ġunju 2016, Il-Parlament vs Il-Kunsill, imsemmija hawn fuq; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-24 ta' Ġunju 2014, Il-Parlament vs Il-Kunsill, imsemmija hawn fuq.
(37) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 76.
(38) Ara t-Testi adottati, P8_TA(2018)0086.
(39) Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Seba’Awla Estiża) tat-22 ta’ Marzu 2018, De Capitani v Il-Parlament Ewropew, Kawża T-540/15, ECLI:EU:T:2018:167.
(40) Ara l-paragrafu 7 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-21 ta' Novembru 2012 dwar it-28 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE (2010) (ĠU C 419, 16.12.2015, p. 73).
(41) Ara l-paragrafi 21 u 22 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta' Frar 2014 dwar id-29 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE (2011).
(42) Ara l-paragrafu 16 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE: Rapport Annwali 2014 (Testi adottati, P8_TA(2016)0385).
(43) Ara l-punt 2 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "EU law: Better results through better application" (Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar), imsemmija hawn fuq (ara l-paġna 12 fil-ĠU C 18, 19.1.2017).
(44) Ara l-paragrafu 41 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Settembru 2011, imsemmija hawn fuq.
(45) Ara r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, l-Anness V, punt XVI.3.


Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji
PDF 128kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji (2018/2714(RSP))
P8_TA(2018)0226B8-0239/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 311, 312 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2018 intitolata "Baġit modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tagħti s-Setgħa u Tiddefendi – Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027" (COM(2018)0321),

–  wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għas-snin 2021sal-2027 u s-sistema ta' Riżorsi Proprji tal-Unjoni Ewropea (riżorsi proprji),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2018 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-Baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri (COM(2018)0324),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-QFP li jmiss: Tħejjija tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-QFP wara l-2020(1) u dwar riforma tas-sistema ta' riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2018 il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jieħu nota tal-proposti tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2018 dwar il-QFP 2021-2027 u s-sistema ta' riżorsi proprji tal-UE, li stabbilew il-bażi għan-negozjati li ġejjin; ifakkar li l-pożizzjoni tal-Parlament hija esposta b'mod ċar f'żewġ riżoluzzjonijiet li ġew adottati b'maġġoranzi kbar ħafna fl-14 ta' Marzu 2018, li jikkostitwixxu l-mandat tiegħu għan-negozjati;

2.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jiżgura li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss jirrifletti viżjoni ċara u pożittiva tal-ġejjieni tal-Unjoni u jirrispondi għall-ħtiġijiet, il-preokkupazzjonijiet u l-istennijiet taċ-ċittadini Ewropej; jenfasizza li d-deċiżjoni dwar il-QFP se jeħtiġilha tipprovdi lill-Unjoni l-mezzi finanzjarji meħtieġa biex tkun tista' tilqa' għal sfidi importanti u twettaq il-prijoritajiet u l-objettivi politiċi tagħha matul il-perjodu ta' seba' snin li jmiss; jistenna, għalhekk, li l-Kunsill jaġixxi b'mod konsistenti mal-impenji politiċi li diġà assuma u li jkun kuraġġuż fl-approċċ tiegħu; huwa mħasseb li l-proposta tal-Kummissjoni ddgħajjef il-politiki ewlenin tal-UE dwar is-solidarjetà, u biħsiebu jinnegozja mal-Kunsill bil-għan li jibni QFP aktar ambizzjuż għall-ġid taċ-ċittadini;

3.  Jesprimi l-istagħġib u t-tħassib tiegħu għall-fatt li d-data komparattiva li l-Kummissjoni rrilaxxat uffiċjalment fit-18 ta' Mejju 2018, wara t-talba qawwija mill-Parlament, tikxef ċerti diskrepanzi fil-mod kif dawn iċ-ċifri ġew ippreżentati u kkomunikati mal-proposti għall-QFP; jinnota, b'mod partikolari, li ż-żidiet għal bosta programmi tal-UE fil-fatt huma sostanzjalment aktar baxxi, filwaqt li t-tnaqqisiet għal programmi oħra huma sostanzjalment akbar milli kif kienu ppreżentati oriġinarjament mill-Kummissjoni; jissottolinja l-ħtieġa li l-Parlament u l-Kunsill jaqblu mill-bidu fuq metodoloġija ċara fir-rigward taċ-ċifri; jiddikjara li sejjer juża l-kalkoli proprji tiegħu, ibbażati fuq prezzijiet kostanti u fil-qies tal-ħruġ tar-Renju Unit, għall-finijiet ta' din ir-riżoluzzjoni;

4.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar il-livell globali propost għall-QFP li jmiss, stabbilit fil-livell ta' EUR 1,1 triljun, li jirrappreżenta 1,08 % tal-ING tal-UE-27, wara t-tnaqqis tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (bħalissa 0,03 % tal-ING tal-UE barra l-baġit tal-UE); jissottolinja li dan il-livell globali f'termini ta' perċentwal tal-ING huwa aktar baxx, f'termini reali, mil-livell tal-QFP kurrenti, minkejja l-finanzjament addizzjonali meħtieġ għall-prijoritajiet politiċi ġodda u għall-isfidi li qed ifeġġu quddiem l-Unjoni; ifakkar li l-QFP kurrenti huwa anqas minn dak ta' qablu (il-QFP 2007-2013) u li rriżulta li ma kienx adegwat biex jiffinanzja l-ħtiġijiet urġenti tal-Unjoni;

5.  Jiddeplora l-fatt li din il-proposta twassal direttament għal tnaqqis sew fil-Politika Agrikola Komuni (PAK) u sew fil-Politika ta' Koeżjoni, bi 15 % u b'10 % rispettivament; huwa partikolarment kontra kwalunkwe tnaqqis radikali li se jkollu impatt negattiv fuq l-istess natura u fuq l-objettivi ta' dawn il-politiki, bħat-tnaqqis propost għall-Fond ta' Koeżjoni (b'45 %), jew għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (b'aktar minn 25 %); jikkontesta, f'dan il-kuntest, il-proposta li l-Fond Soċjali Ewropew jitnaqqas b'6 %, minkejja l-ambitu mwessa' tiegħu u l-integrazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

6.  Jerġa' jikkonferma l-pożizzjoni soda tiegħu dwar il-livell ta' finanzjament meħtieġ għal politiki ewlenin tal-UE fil-QFP 20121-2027, biex ikunu jistgħu jaqdu l-missjoni tagħhom u jilħqu l-objettivi tagħhom; jenfasizza, b'mod partikolari, is-sejħa biex il-finanzjament tal-PAK u tal-Politika ta' Koeżjoni għall-UE-27 jinżamm tal-anqas fil-livell tal-baġit 2014-2020 f'termini reali, filwaqt li jirrispetta l-arkitettura kumplessiva ta' dawn il-politiki, biex il-baġit kurrenti għall-programm Erasmus+ jiġi ttripplikat, biex il-finanzjament speċifiku għall-SMEs u għall-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ jiġi rduppjat, biex il-baġit kurrenti għar-riċerka u l-innovazzjoni jiżdied b'tal-anqas 50 % ħalli jilħaq il-livell ta' EUR 120 biljun, biex il-programm Life+ jiġi rduppjat, li l-investiment permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jiżdied b'mod sostanzjali, u biex jiġi żgurat finanzjament addizzjonali għas-siġurtà, għall-migrazzjoni u għar-relazzjonijiet esterni; jissottolinja, konsegwentement, il-pożizzjoni tiegħu li l-livell tal-QFP 2021-2017 għandu jkun stabbilit fil-livell ta' 1,3 % tal-ING tal-UE-27;

7.  Jissottolinja l-importanza tal-prinċipji orizzontali li għandhom jirfdu l-QFP u l-politiki tal-UE kollha relatati; jerġa' jsostni, f'dan il-kuntest, il-pożizzjoni tiegħu li l-UE jeħtiġilha twettaq l-impenn tagħha li tkun minn ta' quddiem fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, u jiddeplora l-fatt li l-proposti għall-QFP ma fihomx impenn ċar u viżibbli f'dak is-sens; jitlob, għaldaqstant, li l-SDGs jiġu integrati fil-politiki u fl-inizjattivi kollha tal-UE fil-QFP li jmiss; jenfasizza, barra minn hekk, li l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni hija vitali għat-twettiq tal-impenji tal-UE favur Ewropa inklussiva, u jiddeplora n-nuqqas tal-integrazzjoni tal-ġeneri u tal-impenji dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki tal-UE, kif ippreżentati mal-proposti għall-QFP; jissottolinja wkoll il-pożizzjoni tiegħu li, wara l-Ftehim ta' Pariġi, l-infiq relatat mal-klima għandu jiżdied b'mod sinifikanti meta mqabbel mal-QFP kurrenti u jilħaq 30 % mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-2027;

8.  Jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni dwar riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, li tirrappreżenta parti pożittiva ħafna mill-introjtu fil-pakkett tal-QFP 2021-2027; jilqa', għalhekk, l-introduzzjoni proposta ta' tliet riżorsi proprji ġodda tal-UE, kif ukoll is-semplifikazzjoni tar-riżorsa proprja kurrenti bbażata fuq il-VAT; jissottolinja li dawn il-proposti, li huma mnebbħa direttament mix-xogħol tal-Grupp interistituzzjonali ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji, kienu wkoll parti mill-pakkett imressaq mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018; jinnota b'sodisfazzjoni li dawn ir-riżorsi l-ġodda jikkorrispondu għal żewġ objettivi strateġiċi tal-Unjoni, jiġifieri l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-ħarsien tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jistenna l-appoġġ tal-Kunsill u tal-Kummissjoni biex isaħħu r-rwol tal-Parlament fil-proċedura għall-adozzjoni ta' riżorsi proprji; ifakkar għal darb'oħra fil-pożizzjoni tiegħu li kemm in-naħa tan-nefqa kif ukoll dik tad-dħul fil-QFP li jmiss għandhom jiġu ttrattati bħala pakkett wieħed fin-negozjati li ġejjin, u li ma jista' jintlaħaq l-ebda qbil dwar il-QFP mingħajr ma jsir progress korrispondenti dwar ir-riżorsi proprji;

9.  Jilqa', barra minn hekk, il-prinċipju li d-dħul futur li jirriżulta minn politiki tal-UE għandu jmur fil-baġit tal-UE, u jappoġġja bis-sħiħ l-eliminazzjoni ta' kull ribass u korrezzjoni; jistaqsi b'liema ritmu se jiddaħħlu dawn ir-riżorsi proprji ġodda ħalli jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali; jikkontesta, madankollu, l-assenza ta' proposti tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta' riserva speċjali fil-baġit tal-UE li fiha jmorru t-tipi kollha ta' dħul ieħor mhux previst, inklużi multi tal-kompetizzjoni imposti fuq kumpaniji, kif ukoll taxxa fuq kumpaniji kbar fis-settur diġitali u t-Taxxa fuq it-Tranżazzjonjiet Finanzjarji bħala riżorsi proprji ġodda tal-UE;

10.  Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu favur li jitwaqqaf mekkaniżmu li, permezz tiegħu, l-Istati Membri li ma jirrispettawx il-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistgħu jkunu soġġetti għal konsegwenzi finanzjarji; jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni dwar "Il-protezzjoni tal-Baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri", li ġiet imressqa bħala parti mill-pakket kumplessiv tal-QFP; biħsiebu jeżamina bir-reqqa l-elementi kollha ta' din il-proposta, u jdaħħal id-dispożizzjonijiet meħtieġa li jiggarantixxu li l-benefiċjarji aħħarin tal-baġit tal-Unjoni bl-ebda mod ma jkunu jistgħu jiġu affettwati minn ksur tar-regoli li ma jkunux responsabbli għalih;

11.  Huwa konvint mill-ħtieġa li jkun hemm rieżami obbligatorju u vinkolanti f'nofs it-terminu tal-QFP, liema rieżami għadu jiġi propost u deċiż f'waqtu biex il-Parlament u l-Kummissjoni li jmiss ikunu jistgħu jagħmlu aġġustament sinifikattiv tal-qafas għall-2021-2017; biħsiebu jtejjeb il-formulazzjoni tal-Artikolu propost fir-Regolament dwar il-QFP;

12.  Iqis li l-proposti tal-Kummissjoni dwar il-flessibbiltà jirrappreżentaw bażi tajba għan-negozjati; jilqa', b'mod partikolari, diversi proposti li jtejbu d-dispożizzjonijiet kurrenti, speċifikament l-użu mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet diżimpenjati għar-riserva tal-Unjoni, iż-żieda fl-allokazzjonijiet ta' strumenti speċjali, it-tneħħija ta' kwalunkwe restrizzjoni għall-Marġni Globali għall-Pagamenti, bi qbil mat-talbiet tal-Parlament f'dan il-qasam; biħsiebu jinnegozja titjibiet addizzjonali, kull fejn ikunu meħtieġa;

13.  Jieħu nota li l-proposta tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu Ewropew għall-istabilizzazzjoni tal-investiment, li se jikkomplementa l-funzjoni ta' stabilizzazzjoni tal-baġits nazzjonali f'każijiet ta' xokkijiet asimetriċi maġġuri; biħsiebu jeżamina din il-proposta bir-reqqa, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-objettivi u l-volum tagħha;

14.  Jenfasizza li l-proposti tal-Kummissjoni jvaraw uffiċjalment perjodu ta' negozjati intensi fi ħdan il-Kunsill, iżda wkoll bejn il-Kunsill u l-Parlament bil-għan li l-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu għar-Regolament dwar il-QFP; jissottolinja li l-elementi kollha tal-pakkett dwar il-QFP/riżorsi proprji, inklużi ċ-ċifri tal-QFP, għandhom jibqgħu fuq il-mejda tan-negozjati sa ma jintlaħaq qbil finali; jesprimi r-rieda tiegħu li minnufih jibda djalogu strutturat mal-Kunsill, biex l-istennijiet tal-Parlament ikunu mifhuma aktar u biex jiffaċilita qbil f'waqtu; iqis, għaldaqstant, li l-varar reċenti ta' laqgħat regolari bejn il-presidenzi suċċessivi tal-Kunsill u t-tim tan-negozjaturi tal-Parlament huwa punt ta' tluq essenzjali fil-proċedura li sejra twassal għall-adozzjoni tal-QFP li jmiss;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħrajn ikkonċernati, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0075.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0076.


Il-Libja
PDF 172kWORD 67k
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Libja (2018/2017(INI))
P8_TA(2018)0227A8-0159/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2259 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u r-riżoluzzjonijiet sussegwenti,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Politiku Libjan,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali dwar il-Missjoni ta' Appoġġ tan-NU fil-Libja, tat-22 ta' Awwissu 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1973 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u r-riżoluzzjonijiet sussegwenti kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Libja, fosthom ir-riżoluzzjoni 2380 (2017),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU skont ir-riżoluzzjoni 2312 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-14 ta' Novembru 2017 dwar it-tbatija tal-migranti fil-Libja li hija insult għall-kuxjenza tal-umanità,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem ta' April 2018 bit-titolu "Abuse Behind Bars: Arbitrary and unlawful detention in Libya" (L-abbuż fil-ħabsijiet: Detenzjoni arbitrarji u illegali fil-Libja),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta' Settembru 2014(1), tal-15 ta' Jannar 2015(2) u tal-4 ta' Frar 2016(3) dwar is-sitwazzjoni fil-Libja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunt AKP-UE dwar is-sitwazzjoni tal-migranti fil-Libja, tal-20 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar,

–  wara li kkunsidra l-Approċċ Globali tal-UE għall-Migrazzjoni u l-Mobilità,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tal-25 ta' Jannar 2017, bit-titolu "Il-migrazzjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali – Niġġestixxu l-flussi, insalvaw il-ħajjiet" (JOIN(2017)0004),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Malta tat-3 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika u l-pjan ta' azzjoni tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar is-Sitwazzjoni tal-Migranti fil-Libja, miftiehma waqt is-Summit Unjoni Afrikana - Unjoni Ewropea 2017 u l-ħolqien tat-Task Force trilaterali ta' livell għoli UA-UE-NU,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Libja tas-17 ta' Lulju 2017,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0159/2018),

A.  billi s-sitwazzjoni fil-Libja hija fraġli ħafna u l-pajjiż qiegħed iħabbat wiċċu ma' għadd ta' sfidi kumplessi u li għandhom rabta bejniethom fir-rigward tal-istabbiltà politika, tal-iżvilupp ekonomiku u tas-sigurtà;

B.  billi l-kriżi fil-Libja għandha impatt enormi fuq il-poplu tal-Libja kif ukoll tolqot ir-reġjun kollu tal-madwar u l-UE, u għalhekk huwa kruċjali, għall-ġid tal-popolazzjoni Libjana kif ukoll tal-pajjiżi ġirien u tar-reġjun sub-Saħarjan u dak tal-Mediterran, li l-istabbiltà politika fil-Libja tiġi żgurata, bħala rekwiżit preliminari fundamentali għat-titjib tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tal-pajjiż;

C.  billi l-istabbiltà fin-Nofsinhar tal-Libja qiegħda tqajjem tħassib partikolari fid-dawl tal-qagħda fraġli tal-pajjiżi ġirien, fejn għall-gvernijiet imdgħajfa tar-reġjun Saħelo-Saħarjan hemm ir-riskju ta' rvell ġiħadista potenzjali;

D.  billi l-UE għandha tikkomunika b'mod aktar proattiv l-isforzi diplomatiċi tagħha u l-kontribut finanzjarju kbir tagħha għall-konsolidament tas-sigurtà u tas-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-Libja;

E.  billi l-kunflitt fil-Libja jista' jissolva biss permezz ta' approċċ koerenti, komprensiv u inklużiv, li jinvolvi l-atturi internazzjonali kollha u l-partijiet interessati kollha, inklużi r-rappreżentanti tad-diversi komunitajiet lokali, il-kapijiet tribali u l-attivisti tas-soċjetà ċivili, kif ukoll li jiżgura li l-Libja jkollha s-sjieda tal-proċess ta' paċi u li tieħu sehem fih;

F.  billi l-Ftehim Politiku Libjan u l-Pjan ta' Azzjoni tan-NU għal-Libja jikkostitwixxu attwalment l-uniku qafas fattibbli għal soluzzjoni tal-kriżi;

G.  billi, permezz tal-azzjoni diplomatika u l-appoġġ konkret, l-UE qiegħda tassisti fit-tranżizzjoni politika tal-Libja lejn pajjiż stabbli u funzjonanti u qiegħda tagħti l-kontribut tagħha għall-isforzi ta' medjazzjoni mmexxija min-NU f'dan ir-rigward;

H.  billi huwa tal-akbar importanza li l-Istati Membri kollha jitkellmu b'vuċi waħda, isaħħu l-isforzi ta' medjazzjoni tal-UE u jenfasizzaw ir-rwol ċentrali tan-NU u tal-pjan ta' azzjoni tan-NU; billi inizjattivi individwali mill-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jiġu milqugħa biss jekk jittieħdu fi ħdan il-qafas Ewropew u jkunu konformi għalkollox mal-politika barranija tal-UE;

I.  billi l-azzjoni tal-UE qiegħda turi riżultati fil-front tal-migrazzjoni, peress li fi tmiem l-2017 iċ-ċifri naqsu b'terz meta mqabbla ma' dawk tal-2016 u li fl-ewwel xhur tal-2018 niżlu b'50 % meta mqabbla ma' dawk tal-istess żmien tas-sena preċedenti;

J.  billi l-Libja tirrappreżenta punt ta' tranżitu u ta' tluq importanti għall-migranti li jippruvaw jaslu l-Ewropa, partikolarment għal dawk li ġejjin mill-Afrika sub-Saħarjana, billi eluf ta' migranti u rifuġjati li qegħdin jaħarbu mill-vjolenzi fil-Libja tilfu ħajjithom huma u jippruvaw jaqsmu l-Mediterran biex jaslu l-Ewropa;

K.  billi l-migranti huma fost dawk li l-aktar isofru minħabba l-problemi ta' sigurtà fil-Libja, peress li spiss jisfaw vittmi ta' vjolenza, arrest u detenzjoni arbitrarji minn atturi mhux statali, estorsjoni, ħtif ta' persuni bil-ħsieb li jintalab rikatt, u sfruttament;

L.  billi ħafna migranti, partikolarment dawk mill-Afrika sub-Saħarjana, ġew suġġetti għal detenzjoni arbitrarja minn diversi gruppi armati fil-pajjiż;

M.  billi r-ritorn sfurzat lejn il-Libja min-Niġer ta' mill-inqas 132 Sudaniż li kienu qed jirċievu assistenza mill-UNHCR huwa sors ta' tħassib kbir;

N.  billi għadha attwali l-problema tal-persuni spostati internament, billi tali persuni jsibu ruħhom quddiem theddid kritiku bħall-qsim ta' żoni ta' kunflitt, il-preżenza ta' mini tal-art u ta' mezzi mhux sploduti, kif ukoll il-vjolenza tad-diversi milizji;

O.  billi l-Libja saret pajjiż ta' tranżitu għat-traffikar tal-bnedmin; billi l-Libja għadha tospita mijiet ta' eluf ta' rifuġjati u persuni li jfittxu l-asil ta' nazzjonalitajiet differenti, li ħafna minnhom qed jgħixu f'kundizzjonijiet traġiċi u għaldaqstant jikkostitwixxu bersall għall-faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' bnedmin; billi kien hemm allegazzjonijiet ta' skjavitù fil-Libja;

P.  billi l-ħajja ta' kuljum tal-Libjani ordinarji hija kkaratterizzata minn ċirkostanzi ta' ħajja saħansitra aktar ibsin, ikkumplikati ulterjorment minn kriżi tal-flus, qtugħ tal-ilma u tal-provvista tal-enerġija frekwenti, u l-qagħda ġeneralment katastrofika tas-sistema tal-assistenza fil-qasam tas-saħħa fil-pajjiż;

Q.  billi l-klima politika fil-Libja hija kkaratterizzata minn sfiduċja profonda bejn l-atturi politiċi u militari ewlenin tar-reġjuni differenti;

R.  billi l-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali (GNA) rikonoxxut internazzjonalment qed jiddependi dejjem aktar fuq il-milizzji għas-sigurtà tiegħu; billi dawn il-milizzji kisbu livell mingħajr preċedent ta' influwenza fuq l-istituzzjonijiet tal-istat fi Tripli, u b'hekk qed jheddu t-tentattivi kontinwi tan-NU għall-ħolqien ta' qafas politiku aktar vijabbli fil-pajjiż;

S.  billi l-pajjiżi bħat-Turkija, il-Qatar, l-Eġittu u l-Emirati Għarab Magħquda għandhom influwenza notevoli fuq id-diversi gruppi tal-fazzjonijiet involuti fil-kunflitt;

T.  billi l-identitajiet subnazzjonali tad-diversi komunitajiet, tribujiet u gruppi etniċi Libjani dejjem ikkostitwew in-nisġa soċjokulturali sottostanti tal-Libja u jiżvolġu rwol fundamentali fid-dinamika soċjali u politika u fil-kwistjonijiet ta' sigurtà tal-pajjiż; billi s-soċjetà Libjana għandha tradizzjonijiet qawwijin ta' proċessi informali ta' riżoluzzjoni tat-tilwim bejn il-bliet, it-tribujiet u l-komunitajiet etniċi;

U.  billi bħalissa fil-pajjiż jonqos qafas leġiżlattiv ċar u kondiviż fuq bażi wiesgħa għal dak li għandu x'jaqsam mas-sistema elettorali; billi ebda kostituzzjoni ma ġiet adottata, u b'hekk il-pajjiż tħalla mingħajr il-qafas legali meħtieġ biex jiġu organizzati elezzjonijiet ġodda; billi l-prevalenza tal-klima attwali ta' impunità, tal-illegalità mifruxa, tal-korruzzjoni kif ukoll ir-rwol tal-gruppi armati u tat-tensjonijiet tribali u reġjonali Libjani, jikkontribwixxu biex tkompli tonqos il-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi u governattiv li diġà huma dgħajfa;

V.  billi fil-Libja qegħdin jiżdiedu kontinwament l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, it-torturi, id-detenzjonijiet arbitrarji u l-attakki indiskriminati fuq żoni residenzjali u infrastrutturi, kif ukoll qegħdin jiżdiedu d-diskors ta' mibegħda u l-inċitament għall-vjolenza;

W.  billi l-grupp estremista Salafista Madkhalista qed isir aktar b'saħħtu u aktar rilevanti fil-Lvant kif ukoll fil-Punent tal-Libja; billi l-Madkhalisti jopponu l-elezzjonijiet, huma ħerqana li l-istatus quo jinżamm, jiċħdu kompletament kwalunkwe mudell ta' demokrazija u huma armati ħafna, u b'hekk jirrappreżentaw riskju konkret ta' aktar estremiżmu u vjolenza fil-pajjiż;

X.  billi l-kollass tas-sistema tal-ġustizzja kriminali jsaħħaħ l-impunità fil-pajjiż, inaqqas il-possibbiltajiet għall-vittmi li jiksbu protezzjoni u mezzi ta' rimedju; billi f'bosta reġjuni, anki fil-każijiet li fihom sar rapport lill-pulizija wara reat, ftit li xejn sar biex jinbdew investigazzjonijiet fil-pront, bir-reqqa, effikaċi, imparzjali u indipendenti u biex min hu responsabbli jittella' quddiem il-ġustizzja; billi l-ebda awtur ta' reati li jagħmel parti minn grupp armat ma ġie kkundannat fil-Libja mill-2011;

Y.  billi ċ-ċirku ta' vjolenza fil-Libja huwa kontinwament alimentat mill-impunità ġenerali għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem; billi, sakemm ma jkunx hemm soluzzjoni adegwata, l-assenza kostanti tal-istat tad-dritt se jneħħi s-sinifikat għall-popolazzjoni tal-idea ta' koeżistenza paċifika u tal-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti;

Z.  billi għexieren ta' attivisti politiċi u tad-drittijiet tal-bniedem, professjonisti tal-mezzi tal-komunikazzjoni u personalitajiet pubbliċi oħra nħatfu jew ġew mhedda; billi n-NU rċevew rapporti ta' detenzjoni arbitrarja u tortura u maltrattament kommessi miż-żewġ naħat;

AA.  billi l-attakki dejjem aktar numerużi kontra esponenti tal-ġudikatura, l-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-professjonisti tal-midja, kif ukoll ir-rifuġjati u l-migranti, aċċeleraw id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċivili kollha preżenti fit-territorju Libjan; billi l-assenza tal-istat tad-dritt u l-impunità għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi t-tortura, id-detenzjonijiet arbitrarji, l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji u l-attakki indiskriminati kontra ċ-ċivili u l-infrastrutturi, għadhom jalimentaw ċ-ċirku ta' vjolenza fil-pajjiż;

AB.  billi l-porożità tal-konfini Libjani jħeġġeġ it-traffikar illeċitu transfruntier; billi l-proliferazzjoni tal-gruppi armati fiż-żoni tal-konfini kompliet ħarrxet il-kunflitt bejn it-traffikanti rivali għall-kontroll tar-riżorsi transfruntieri u għall-aċċess għalihom; billi l-hekk imsejħa "foreign fighters" (ġellieda barranin) li jaslu fil-pajjiż u d-diversi xbieki kriminali għadhom jibbenefikaw mill-proliferazzjoni inkontrollata tal-armi;

AC.  billi l-insigurtà u l-instabbiltà politika għamlu lil-Libja territorju fertili għall-attivitajiet tal-gruppi estremisti; billi r-reġjun tal-Fezzan huwa strutturalment instabbli u post storiku ta' tranżitu lejn l-Ewropa għal rifuġjati u migranti u għall-kuntrabandu ta' żejt, deheb, armi, drogi u t-traffikar tal-bnedmin; billi l-istess reġjun huwa kkaratterizzat minn tensjonijiet etniċi u tribali li żdiedu minn mindu waqa' l-Kurunell Gaddafi u mill-ġlieda għall-kontroll tar-riżorsi tal-pajjiż; billi l-istabbilizzazzjoni tal-Fezzan hija fundamentali għall-istabbilizzazzjoni tal-pajjiż kollu kemm hu;

AD.  billi l-awtoritajiet lokali Libjani jiżvolġu rwol importanti fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fil-provvista ta' servizzi pubbliċi essenzjali għall-popolazzjoni;

AE.  billi l-belt ta' Derna kienet soġġetta għal attakki mill-art, mill-ajru u tal-artillerija mis-7 ta' Mejju 2018; billi bosta persuni ċivili ġew maqtula, filwaqt li l-għajnuna u l-aċċess mediku kienu limitati ħafna u s-sitwazzjoni umanitarja hija drammatika;

AF.  billi delegazzjoni uffiċjali tal-Parlament wettqet missjoni fil-Libja bejn l-20 u t-23 ta' Mejju 2018;

1.  Jirrakkomanda lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

   (a) li jiżguraw l-appoġġ l-aktar qawwi għall-Pjan ta' Azzjoni tan-NU għal-Libja, ippreżentat f'Settembru 2017 mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU, Ghassan Salamé, għall-istabbilizzazzjoni tal-Libja u għal proċess politiku inklużiv ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali li se jippermetti lill-atturi Libjani kollha, inklużi l-entitajiet tribali, jilħqu ftehim politiku stabbili u dejjiemi u fl-istess ħin jagħti attenzjoni xierqa lill-involviment tan-nisa u tal-minoranzi; li jqisu r-riżultati tal-proċessi konsultattivi inklużivi ppreżentati lill-KSNU fil-21 ta' Mejju 2018; li jikkundannaw bis-saħħa kwalunkwe tentattiv li jikkomprometti l-proċess ta' paċi mmexxi min-NU; li jkomplu jikkooperaw mill-qrib mal-Missjoni ta' Appoġġ tan-NU fil-Libja (UNSMIL);
   (b) li jintensifikaw l-isforzi diplomatiċi tagħhom biex jappoġġjaw l-Pjan tan-NU u jgħinu l-konsolidament ta' Gvern Libjan fl-isforzi tiegħu biex joħloq kunsens politiku, jiggarantixxi s-sigurtà u jestendi l-awtorità tiegħu fit-territorju kollu tal-Libja, lil hinn mill-kontroll territorjali limitat tal-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali (GNA) rikonoxxut fuq livell internazzjonali, bħala l-prekundizzjoni neċessarja għal soluzzjoni politika li tippromwovi l-istabbilizzazzjoni, ir-rikostruzzjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-pajjiż, għall-bini tal-Istat u għal kwalunkwe operazzjoni għaż-żamma tal-paċi bbażata fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; li jiżguraw is-sjieda Libjana tal-proċess ta' stabbilizzazzjoni u d-deċiżjoni dwar il-forma futura tal-Istat; li jsostnu t-tisħiħ tal-mekkaniżmi lokali u tal-kapaċitajiet fil-pajjiż fir-rigward tal-medjazzjoni, tar-riżoluzzjoni tat-tilwim u tal-waqfien mill-ġlied u li jiġu kollegati mal-Pjan ta' Azzjoni tan-NU bħala parti minn approċċ koerenti u integrat li se jwassal għal riżultati konkreti u dejjiema;
   (c) li jappoġġaw l-hekk imsejħa "laqgħat fil-livell lokali" li qed isiru f'diversi muniċipalitajiet taħt l-umbrella tan-NU, bħala inizjattiva ta' rikonċiljazzjoni effettiva minn isfel għal fuq bl-għan li tħeġġeġ id-djalogu bejn il-komunitajiet differenti, u b'hekk tikkontribwixxi b'mod konkret għall-iżvilupp ta' soluzzjoni sostenibbli u vijabbli għall-kriżi Libjana u tgħin biex tinħoloq kultura nazzjonali ta' sens ċiviku;
   (d) li jħabirku biex isibu l-mezzi biex jitrawmu t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, il-ħolqien ta' soċjetà ċivili vera u proprja u l-istimolu tal-ekonomija, kif ukoll li jitbiegħdu minn servizz pubbliku li jippreżenta diffikultajiet enormi u jrawmu l-iżvilupp ta' settur privat sostenibbli, li huma neċessarji biex ikunu garantiti l-istabbiltà u l-prosperità fit-tul fil-pajjiż;
   (e) li jsostnu l-isforzi Libjani maħsuba biex joħolqu ordni kostituzzjonali ġdid li għandu jinkludi formula għat-tqassim ġust tal-ġid li jiġi miż-żejt kif ukoll diviżjoni ċara tal-kompiti u tal-obbligi bejn ir-reġjuni storiċi, minn naħa, u kwalunkwe gvern nazzjonali, min-naħa l-oħra; li jfakkru li din il-kostituzzjoni l-ġdida, li tista' tkun ispirata minn elementi tal-kostituzzjoni emendata tal-1963, tista' tikkontribwixxi għall-isforzi biex ikunu organizzati elezzjonijiet nazzjonali li jsiru biss wara li tkun ġiet adottata l-kostituzzjoni ġdida u jkunu ġew issodisfati b'mod adegwat il-kundizzjonijiet neċessarji biex ikun żgurat li perċentwal għoli ta' eletturi joħorġu jivvutaw, kif ukoll aċċettazzjoni mill-pubbliku u leġittimità;
   (f) li jkomplu jagħtu prijorità lix-xogħol, fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE, dwar il-mod kif jiġu indirizzati aħjar l-aspetti kollha tal-kunflitt Libjan, u liema strumenti u setturi jiġu involuti, anki billi tingħata aktar attenzjoni lid-dinamiki lokali, bil-għan li jinħoloq approċċ komprensiv u effikaċi fil-konfront tal-pajjiż u ħalli l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri juru unità fl-intenzjonijiet u fl-inizjattivi, bil-għan li tkun żgurata l-koerenza tal-miżuri min-naħa tal-atturi kollha involuti, bħala parti minn strateġija reġjonali usa';
   (g) li jsaħħu l-preżenza u l-viżibbiltà tagħha kif ukoll il-fehim tagħha tal-kumplessità tas-sitwazzjoni fil-pajjiż billi tkun stabbilita mill-ġdid id-delegazzjoni tal-UE fi Tripli u jerġa' jintbagħat il-persunal permanenti tal-UE fid-delegazzjoni;
   (h) li jkomplu jenfasizzaw il-fatt li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kriżi Libjana u li jtennu l-ħtieġa li l-partijiet u l-gruppi armati kollha fil-Libja jimpenjaw ruħhom favur l-Artikolu 42 tal-Ftehim Politiku Libjan, jirrispettaw il-prinċipji tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u joqogħdu lura milli jużaw retorika vjolenti u jirrikorru għall-vjolenza, u li jiddemobilizzaw u jimpenjaw ruħhom għal soluzzjoni paċifika tal-kunflitt, u b'hekk jiġi evitat li ssir iktar ħsara u li jintilfu aktar ħajjiet; iqis li n-negozjati għandhom iservu biex jgħaqqdu l-forzi tas-sigurtà Libjani tar-reġjuni kollha tal-pajjiż, bil-għan li tinbena arkitettura ta' sigurtà nazzjonali taħt il-kontroll ċivili, taħt il-kappa tal-gvern inklużiv Libjan rikonoxxut fuq livell internazzjonali, b'garanziji ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont fir-rispett tal-obbligi internazzjonali tal-Libja fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u għandhom iwasslu għall-iffirmar ta' protokoll li bis-saħħa tiegħu l-gruppi armati kollha jintrabtu li jirrinunzjaw għall-użu tal-forza u tal-vjolenza, fi ħdan il-qafas ta' proċess koerenti u komprensiv ta' diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni (DDR) immirat li jintegra mill-ġdid fis-soċjetà lill-membri tal-gruppi armati kif ukoll proċess ta' riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR), fuq il-bażi tal-prinċipji ta' Skhirat ta' nondiskriminazzjoni u trasparenza; jemmen li l-iffirmar ta' protokoll bħal dan għandu jippermetti l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' paċi li jwitti t-triq għal elezzjonijiet liberi u ġusti u għandu jġib miegħu inċentivi ekonomiċi u finanzjarji u jġiegħel lill-firmatarji jaħdmu favur il-ħolqien ta' istituzzjonijiet tal-Istat ġodda;
   (i) li jżommu quddiem għajnejhom il-ħtieġa li jiġu żviluppati programmi mfassla apposta biex jintegraw mill-ġdid lill-individwi, mhux gruppi, mill-milizzji lejn l-apparat tas-sigurtà regolari, u b'hekk jiġu limitati l-lealtajiet maqsuma;
   (j) li jsostnu l-isforzi tan-NU mmirati lejn l-organizzazzoni ta' elezzjonijiet fil-Libja sa tmiem l-2018, u biss ladarba tkun ġiet adottata kostituzzjoni ġdida; li jsostnu b'mod partikolari l-isforzi biex ikunu rreġistrati l-votanti, billi sal-lum madwar 50 % biss tal-votanti eleġibbli ġie rreġistrat; li jiżguraw li jkun adottat ftehim dwar qbil tranżitorju qabel l-elezzjonijiet, bil-għan li terġa' tinbena l-fiduċja u b'hekk tissaħħaħ il-leġittimità internazzjonali u nazzjonal tal-gvern il-ġdid; li jsostnu, anki b'mezzi tekniċi, il-proċess għall-istabbiliment ta' qafas kostituzzjonali validu u l-proċess elettorali kollu kemm hu, billi l-kontributi finanzjarji Ewropej jintrabtu mal-adozzjoni ta' liġi elettorali li tirrispetta, kemm jista' jkun, il-prinċipji internazzjonali stabbiliti mill-Kummissjoni ta' Venezja;
   (k) li jeżerċitaw pressjoni fuq dawk li qegħdin jostakolaw it-taħditiet politiċi ta' paċi u li japplikaw b'mod effikaċi l-embargo tan-NU fuq l-armi fil-konfront tal-Libja; li jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet ġodda kontra min isostni akkordji illegali fiż-żejt;
   (l) li jintensifikaw il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha u ma' atturi oħra fuq il-post sabiex isaħħu l-koerenza u l-konverġenza tal-azzjoni internazzjonali; li jżidu l-isforzi diplomatiċi mal-atturi reġjonali kollha u mal-pajjiżi ġirien, biex jiżguraw li jikkontribwixxu għal soluzzjoni pożittiva tal-kriżi fil-Libja f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tan-NU – l-uniku qafas possibbli għal soluzzjoni tal-kriżi; li jappoġġjaw il-proċess li għaddej tal-Konferenza Nazzjonali fil-Libja bl-objettiv li tilħaq qbil bejn il-partijiet differenti tal-pajjiż rigward il-passi li jmiss li għandhom isiru biex titlesta t-tranżizzjoni; li jiskoraġġixxi lill-atturi reġjonali milli jikkunsidraw kwalunkwe intervent militari unilaterali jew multilaterali nieqes minn kwalunkwe bażi ġuridika jew kunsens politiku tal-gvern Libjan;
   (m) li jsostnu r-rikors għal leġiżlaturi, imħallfin u prosekuturi speċjalizzati fil-Libja li jista' jagħtu assistenza fir-reviżjoni tal-liġijiet kontra t-terroriżmu tal-Libja u jiżguraw li jkunu ppreparati adegwatament biex jippresjedu u jmexxu 'l quddiem kawżi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fir-rispett tal-istat tad-dritt;
   (n) li jirriflettu dwar il-kriżi fil-Libja f'kuntest usa', reġjonali u pan-Afrikan, filwaqt li jżommu quddiem għajnejhom li l-Libja hija fundamentali għall-istabbiltà tal-Afrika ta' Fuq, tas-Saħel u tal-Mediterran; li jippromwovu u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tal-Libja mal-ġirien tagħha fis-Saħel; li jikkunsidraw, bħala parti minn din ir-riflessjoni, l-impatt tas-sitwazzjoni fil-Libja fuq id-dinamika u l-isfidi li magħhom tħabbat wiċċha l-UE; li jiżviluppaw, fil-konfront tal-Libja, politika komprensiva li tqis il-perspettiva reġjonali u pan-Afrikana u li tkopri politiki tal-iżvilupp, tas-sigurtà u tal-migrazzjoni usa' kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u dik kontra l-iskjavitù u l-isfruttament; li jiżguraw li din il-politika tkun appoġġjata minn finanzjament adegwat u suffiċjenti għall-implimentazzjoni tagħha fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, sabiex tagħti riżultati konkreti; li jkomplu u jintensifikaw, meta possibbli, il-kooperazzjoni bejn l-Operation Sea Guardian tan-NATO u EUNAVFOR Med Operazzjoni Sophia;
   (o) li jiżguraw involviment permanenti u attiv fl-isforzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra t-traffikar tal-bnedmin, mhux biss permezz tal-integrazzjoni tas-servizzi tal-intelligence, tal-kooperazzjoni finanzjarja u tas-sostenn tattiku, iżda wkoll bi programmi soċjali u edukattivi għall-assistenza fil-qasam tas-saħħa u l-edukazzjoni li jappoġġjaw it-taħriġ u l-użu ta' atturi soċjali u opinjonisti influwenti biex jingħeleb l-estremiżmu vjolenti u jinfirex messaġġ ta' koeżistenza u kooperazzjoni paċifika;
   (p) li jżommu quddiem għajnejhom li, filwaqt li d-Daesh/IS x'aktax iddgħajjef b'mod sinifikanti fil-Libja, hemm forom ġodda ta' estremiżmu li qed jikbru fil-pajjiż, bħal dik rappreżentata mill-Madkhalisti; li jiftakru li r-risposta l-aktar effikaċi għall-preżenza radikali militanti fil-pajjiż tinsab, fl-aħħar mill-aħħar, fil-ħolqien ta' istituzzjonijiet nazzjonali inklużivi li jistgħu japplikaw l-istat tad-dritt, jagħtu servizzi pubbliċi, jiżguraw is-sigurtà lokali u jiġġieldu b'mod effikaċi kontra l-gruppi li qegħdin jheddu l-istabbiltà tal-pajjiż u tar-reġjun tal-madwar;
   (q) li jiżguraw li, konformement mad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-25 ta' Lulju 2017, il-finanzjamenti tal-UE jintużaw b'mod effikaċi biex jiggarantixxu l-koordinament intergovernattiv fl-istabbiliment mill-ġdid tal-infrastrutturi pubbliċi permezz ta' faċilitajiet ta' stabbilizzazzjoni tal-UE; li jagħtu prijorità, b'mod partikolari, lill-finanzjamenti għal proġetti u inizjattivi li jsostnu l-atturi li jippromwovu l-obbligu ta' rendikont u l-bidla demokratika u li jrawmu mekkaniżmi ta' djalogu, rikonċiljazzjoni u riżoluzzjoni tat-tilwim integrati f'livell lokali, bl-involviment tan-nisa u b'ħidma maż-żgħażagħ biex ikun evitat li jipparteċipaw f'attivitajiet kriminali bħad-dħul f'milizji involuti fil-kuntrabandu u fit-traffikar; li jkomplu jsaħħu s-soċjetà ċivili, speċjalment id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jsostnu l-proċess politiku, is-sigurtà u l-attivitajiet ta' medjazzjoni speċjalment permezz tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (IcSP); li jippromwovu l-implimentazzjoni ta' governanza rappreżentattiva f'livell lokali u nazzjonali biex tingħata tweġiba aħjar lill-isfidi marbuta mar-rikonċiljazzjoni, mal-istabbilizzazzjoni u mal-istabbiliment mill-ġdid tas-sigurtà; li jiżguraw li l-flus fl-ambitu tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE jingħataw biss meta jirrispettaw l-objettivi oriġinali tiegħu u jkunu akkumpanjati minn analiżi soda tal-awtoritajiet lokali u tal-benefiċjarji u minn evalwazzjoni sussegwenti;
   (r) li jsostnu l-muniċipalitajiet huma u jagħtu servizzi essenzjali u jibnu l-governanza lokali; li jiżguraw lill-popolazzjoni livelli ta' għajxien bażiċi, billi jżommu quddiem għajnejhom il-fatt li għarfien aktar fil-fond tas-sistema politika u ekonomika lokali huwa fundamentali biex iqarreb lill-persuni lejn il-proċess ta' rikonċiljazzjoni u biex ikun miġġieled it-traffikar illegali; li jiżguraw li l-finanzjamenti tal-UE jintużaw b'mod effikaċi għal proġetti li jgħinu lill-popolazzjoni u lis-soċjetà ċivili Libjani; li jippromwovu l-komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet governattivi lokali;
   (s) li jappoġġaw inizjattivi bħal dik promossa mill-Kumitat ta' Rikonċiljazzjoni Misrata-Tawergha, li fih iż-żewġ bliet ta' Misrata u Tawergha laħqu ftehim ibbażat fuq duttrina ta' koeżistenza paċifika, li jiftaħ it-triq għar-ritorn lejn Tawergha tal-popolazzjoni spostata minn beltha;
   (t) li jkomplu jinkoraġġixxu lill-istituzzjonijiet Libjani jaħdmu b'mod aktar effikaċi u trasparenti għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta' ħajja tal-Libjani kollha billi, fost oħrajn, jiġu stabbiliti mill-ġdid is-servizzi pubbliċi prijoritarji u jinbnew mill-ġdid l-infrastrutturi pubbliċi, biex iqawwu l-governanza ekonomika tal-pajjiż, tissolva l-problema tal-kriżi tal-likwidità u jkunu implimentati r-riformi finanzjarji u ekonomiċi neċessarji, rikjesti mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali biex ikunu sostnuti l-irkupru ekonomiku u l-istabbilizzazzjoni; li jassistu lill-pajjiż fl-istabbiliment ta' ekonomija bbażata fuq is-suq kapaċi tagħti vantaġġi lil-Libjani kollha; li jħeġġu lill-awtoritajiet Libjani jiżguraw li d-dħul mir-riżorsi naturali u li ġej mill-benefiċċji jintuża għall-ġid tal-popolazzjoni kollha, inkluż fil-livell lokali; li jistiednu lill-awtoritajiet Libjani jimpenjaw ruħhom favur standards għoljin ta' trasparenza fis-settur estrattiv nazzjonali, u, b'mod partikolari, jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi (EITI) kemm jista' jkun malajr; li jgħinu lill-awtoritajiet Libjani jiġġieldu kontra kwalunkwe attività illegali li xxekkel l-ekonomija nazzjonali, kif irrapportat dan l-aħħar fir-rapport interim tal-Grupp ta' Esperti stabbilit skont ir-riżoluzzjoni 1973 (2011) dwar il-Libja;
   (u) li jkomplu jikkundannaw b'mod riżolut l-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u li jintensifikaw l-isforzi biex tingħata assistenza umanitarja lill-popolazzjoni li tinsab fil-bżonn kif ukoll lill-partijiet kollha tal-pajjiż, partikolarment fl-assistenza fil-qasam tas-saħħa u fil-faċilitajiet tal-enerġija; li jżidu l-effikaċja tal-assistenza finanzjarja umanitarja u li jsaħħu l-appoġġ lill-organizzazzjonijiet umanitarji li jinsabu fil-post u jikkooperaw magħhom; li jikkundannaw il-bosta tentattivi, li maż-żmien qegħdin jiżdiedu, biex jiċċekken l-ispazju għad-dispożizzjoni tas-soċjetà ċivili, speċjalment permezz ta' qafas ġuridiku repressiv u attakki kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġudikatura; li jappellaw lill-UA, lin-NU u lill-UE jkomplu jaħdmu flimkien u jieħdu miżuri b'saħħithom biex immedjatament jintemm dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; li jsaħħu s-soċjetà ċivili u jsostnu l-iżvilupp u l-indipendenza tal-midja lokali;
   (v) li jħaffu l-isforzi rigward il-mekkaniżmu ta' evakwazzjoni ta' emerġenza tal-UNHCR iffinanzjat mill-UE, li ppermetta li jkunu evakwati mil-Libja madwar 1 000 minn fost l-aktar rifuġjati vulnerabbli u fil-bżonn ta' protezzjoni; li jinkoraġġixxu lill-kontropartijiet Libjani jżidu n-numru ta' nazzjonalitajiet li l-Libja attwalment tippermetti lill-UNHCR taħdem magħhom;
   (w) li jindirizzaw il-kwistjoni tal-migrazzjoni irregolari fi tranżitu mil-Libja u li ġejja minn tali pajjiż, billi jżommu quddiem għajnejhom il-bżonn li jinstabu soluzzjonijiet effikaċi u sostenibbli fit-tul li għandhom jindirizzaw il-kawżi profondi tal-migrazzjoni fl-Afrika, fil-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu u jiddefinixxu l-bażi ġuridika għall-proċessi tal-migrazzjoni internazzjonali, attwalment ibbażati fuq ir-risistemazzjonijiet permezz tal-Mekkaniżu tat-Tranżitu ta' Emerġenza jew ir-risistemazzjonijiet diretti; li jikkonċentraw l-isforsi tal-UE fuq il-protezzjoni tal-migranti fil-Libja; li jassistu lill-awtoritajiet Libjani jiżguraw ir-ritorn tal-persuni spostati internament (IDPs) fi djarhom u li jsostnu lill-komunitajiet lokali jilqgħu l-isfidi, filwaqt li jiżguraw li r-ritorn tal-IDPs ma jikkostitwix sempliċement skambju bejn kumpens monetarju li jiffavorixxi d-diversi milizji u d-dritt għar-ritorn; li jwissu lill-komunità internazzjonali bil-ħtieġa ta' miżuri biex ikunu indirizzati l-isfidi fil-qasam tal-iżvilupp, tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà fil-Libja u fir-reġjun Saħelo-Saħarjan, inklużi mezzi biex jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali; li jiżguraw li l-miżuri maħsuba għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin mhumiex qegħdin jostakolaw il-libertà ta' moviment fid-dawl tal-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun;
   (x) li jintensifikaw l-isforzi konġunti li jsiru mill-UE, mill-Unjoni Afrikana u min-NU biex titjieb il-protezzjoni tal-migranti u tar-rifuġjati fil-Libja, u tingħata attenzjoni partikolari lill-individwi vulnerabbli; li jinvestigaw bir-reqqa u minnufih l-allegazzjonijiet dwar l-abbużi u t-trattament diżuman tal-migranti u tar-rifuġjati fil-Libja min-naħa ta' gruppi kriminali, kif ukoll l-allegazzjonijiet ta' skjavitù; li jelaboraw inizjattivi li jimpedixxu li jerġgħu jseħħu episodji simili fil-ġejjieni; li jtejbu l-kundizzjonijiet tar-rifuġjati u tal-migranti fiċ-ċentri ta' detenzjoni u li jħeġġu lill-awtoritajiet Libjani jagħlqu mill-aktar fis dawk il-faċilitajiet li jirriżultaw mhux konformi mal-istandards internazzjonali; li jkompu u jintensifikaw ir-ritorni volontarji assistiti u l-isforzi ta' risistemazzjoni li saru f'kooperazzjoni man-NU u mal-Unjoni Afrikana, b'hekk f'dan il-kuntest tkun sottolinjata l-importanza tal-abolizzjoni tar-rekwiżit Libjan tal-"viżi tal-ħruġ"; li jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Libjani jwaqqfu d-detenzjonijiet arbitrarji u jevitaw id-detenzjoni ta' persuni vulnerabbli, partikolarment it-tfal; li jiżguraw li l-migranti jkunu ttrattati fir-rispett sħiħ tal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u li jallokaw il-finanzjamenti neċessarji mill-baġit tal-UE għal dan l-għan; li jistiednu lil-Libja tiffirma u tirratifika l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha; li jiżguraw li l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri (EUBAM) fil-Libja, EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA u l-Operazzjoni Themis ta' Frontex ikunu ċċentrati konġuntament fuq il-ġlieda kontra l-attivitajiet illeċiti, fosthom il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, it-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu fil-Mediterran ċentrali; li jiżguraw li l-EUBAM, konformement mal-mandat tagħha, tibqa' tassisti u tikkollabora attivament mal-awtoritajiet Libjani f'oqsma prijoritarji relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri, mal-eżekuzzjoni tal-liġi u mas-sistema tal-ġustizzja kriminali f'sens usa';
   (y) li jkomplu jiżviluppaw l-isforzi tagħha kontra l-forom kollha ta' faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u ta' traffikar tal-bnedmin fit-territorju Libjan, fi tranżitu mil-Libja u minn tali pajjiż kif ukoll barra mix-xtut tal-Libja, fatt li jikkomprometti l-proċess ta' stabbilizzazzjoni tal-Libja u jipperikola l-ħajja ta' eluf ta' nies; li jiżguraw, f'dan is-sens, il-kontinwità tal-kontribut tal-UE fil-ġlieda kontra tali problemi, billi tagħti assistenza lill-kontropartijiet Libjani fit-tisħiħ tal-kapaċità indispensabbli li tkun garantita s-sigurtà tal-konfini tal-art u tal-baħar tal-pajjiż, u tikkollabora mal-awtoritajiet Libjani fl-attwazzjoni ta' strateġija komprensiva ta' ġestjoni tal-fruntieri;
   (z) li jappoġġjaw soluzzjoni sostenibbli għall-aktar minn 180 000 persuna spostata internament fil-Libja, inklużi, skont stimi, l-40 000 ex abitant ta' Tawargha, permezz tal-possibbiltà ta' risistemazzjoni jew l-aġevolazzjoni ta' ritorni sikuri fi djarhom u b'aktar sostenn lill-UNHCR u lill-IOM għal dan l-għan;
   (aa) li jindirizzaw il-fenomenu tal-ibridazzjoni bejn l-attivitajiet tal-gruppi kriminali internazzjonali u dawk tal-gruppi terroristiċi, billi jsiru investigazzjonijiet bir-reqqa rigward, b'mod partikolari, it-traffikar tal-bnedmin u l-vjolenzi sesswali li saru matul il-kunflitt;
   (ab) li jsostnu l-kollaborazzjoni mal-gwardja tal-kosta Libjana li ppermettiet li ssalvaw kważi 19 000 migrant fl-ilmijiet territorjali Libjani bejn Jannar u l-aħħar ta' Ottubru 2017; li jassistu lill-awtoritajiet Libjani fil-komunikazzjoni formali taż-żona ta' Tiftix u Salvataġġ (SAR) tagħhom, li jinħolqu sensiela ta' proċeduri operattivi standard ċari għall-iżbark u li tiġi garantita sistema ta' monitoraġġ funzjonanti tal-gwardja tal-kosta Libjana sabiex jiġi stabbilit reġistru ċar u trasparenti tal-persuni kollha żbarkati fuq ix-xtut tal-Libja, u jkun żgurat li jittieħed ħsieb tagħhom kif jixraq, b'konformità mal-istandards umanitarji internazzjonali; li jikkollaboraw aktar mal-awtoritajiet Libjani biex tkun intensifikata l-ħidma preparatorja għal ċentru ta' koordinament tas-salvataġġ marittimu fil-Libja bl-iskop li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom ta' tiftix u salvataġġ; li jiżguraw it-tkomplija tat-taħriġ speċjalizzat mogħti mill-IOM u mill-UNHCR lill-gwardja tal-kosta Libjana fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, id-dritt fil-qasam tar-rifuġjati u tad-drittijiet tal-bniedem;
   (ac) li jintensifikaw l-għajnuna umanitarja u ċivili tagħhom bil-għan li jtaffu s-sitwazzjoni kritika tal-popolazzjoni Libjana u jwieġbu għall-bżonnijiet l-aktar urġenti tal-persuni li ntlaqtu b'mod gravi mill-kunflitt fil-Libja, b'mod partikolari fl-inħawi l-aktar milquta, u jlestu ruħhom ħalli jwieġbu għal kwalunkwe deterjorament tas-sitwazzjoni; li jħeġġu lill-UE tappoġġja r-responsabbilizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari lill-gruppi tan-nisa, li jippruvaw isibu soluzzjonijiet mhux vjolenti għad-diversi kriżijiet tal-pajjiż;
   (ad) li jagħmlu disponibbli r-riżorsi finanzjarji u umani kollha neċessarji biex ikunu megħjuna r-rifuġjati u li jagħtu għajnuna umanitarja adegwata lill-persuni li ġew spostati biex tkun indirizzata l-kriżi umanitarja fil-Libja, li ġiegħlet lil eluf ta' persuni jaħarbu mill-pajjiż;
   (ae) li jiżdiedu l-isforzi internazzjonali biex jiżżarmaw ix-xbieki tal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u tat-traffikar tal-bnedmin u jintensifikaw l-isforzi biex tali reat jiġi miġġieled u dawk responsabbli jittellgħu quddiem il-ġustizzja; li jkomplu u jintensifikaw il-ħidma tal-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA biex ifixklu l-mudell ta' negozju tat-traffikanti u tal-faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' bnedmin, jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-gwardja tal-kosta Libjana u tkun sostnuta l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-embargo fuq l-armi u t-traffikar illegali taż-żejt; li jkomplu jagħtu sostenn lil-Libja permezz tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK; li jżidu l-kapaċitajiet relatati mat-tiftix u salvataġġ ta' persuni f'diffikultà u l-kapaċitajiet li għandhom jintużaw mill-Istati kollha, u li jirrikonoxxu s-sostenn mogħti mill-atturi privati u mill-NGOs fit-twettiq tal-operazzjonijiet ta' salvataġġ fil-baħar u fuq l-art, billi jżommu quddiem għajnejhom il-qafas ġuridiku internazzjonali eżistenti u t-tħassib marbuta mas-sigurtà;
   (af) li jtennu s-sostenn sħiħ tagħhom lill-mandat tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) rigward il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li qiegħed isir fil-Libja, filwaqt li jitfakkar li l-mekkaniżmi internazzjonali ta' obbligu ta' rendikont bħall-QKI u l-ġurisdizzjoni universali jiżvolġu rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' paċi, fl-ambitu ta' qafas li jipprevedi dispożizzjonijiet fil-qasam tal-obbligu ta' rendikont u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja; li jappoġġjaw lill-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-isforzi tagħha biex l-awturi tal-atroċitajiet jittellgħu quddiem il-ġustizzja; li jsostnu lir-Rappreżentant Speċjali tan-NU għal-Libja fl-appell tiegħu lill-komunità internazzjonali, ta' Novembru 2017, biex il-Libja tkun megħjuna fil-ġlieda kontra l-impunità tad-delitti tal-gwerra u tkun ikkunsidrata l-possibbiltà li jinħolqu tribunali konġunti; li jistiednu lill-UE u lill-Istati Membri jsostnu l-mekkaniżmi internazzjonali li lis-sistema tal-ġustizzja nazzjonali jagħtuha l-mezzi kollha neċessarji biex jinfetħu investigazzjonijiet dwar ksur gravi tal-imgħoddi u preżenti u biex ikunu appoġġjati l-awtoritajiet futuri leġittimi tal-Libja fil-qadi awtonomu ta' din il-missjoni; li jqisu li proċessi ġusti jkunu jiggarantixxu l-ġustizzja lill-vittmi kollha tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorju Libjan u dan se jwitti t-triq għal rikonċiljazzjoni u paċi sostenibbli;
   (ag) li jesprimu tħassib bil-preżenza dejjem akbar tad-Daesh u gruppi terroristiċi oħra fil-Libja, li qiegħda tiddestabbilizza l-pajjiż u thedded il-pajjiżi ġirien u l-UE;
   (ah) li jistiednu, b'mod partikolari, lill-awtoritajiet u lill-milizji Libjani jiżguraw aċċess estern għall-faċilitajiet ta' detenzjoni, b'mod partikolari dawk għall-migranti;
   (ai) li jiċċaraw is-sitwazzjoni rigward il-ħlas ta' dividendi fi stokks, l-introjtu mill-bonds u l-pagament tal-imgħax tal-Libyan Investment Authority iffriżati fl-UE; li jfornu rapport dettaljat dwar l-ammont totali tal-imgħax prodott mill-assi ta' Gaddafi minn mindu ġew iffriżati fl-2011 u lista tal-individwi u tal-entitajiet li bbenefikaw li dawn il-pagamenti tal-imgħax; li jindirzzaw bi prijorità l-problema ta' lakuna possibbli rigward dan l-aspett fir-reġim ta' sanzjonijiet tal-UE;
   (aj) li jippromwovu proġetti maħsuba għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun tal-Fezzan u tal-ekonomija legali bis-saħħa tal-kooperazzjoni mill-qrib mad-diversi muniċipalitajiet, partikolarment dawk li jinsabu tul ir-rotot migratorji, biex jiġu miġġielda l-attivitajiet illegali tax-xbieki kriminali u l-estremiżmu vjolenti tal-gruppi terroristiċi permezz tal-ħolqien ta' għejun alternattivi ta' introjtu, partikolarment għaż-żgħażagħ;
   (ak) li jkomplu l-embargo fuq l-esportazzjoni tal-armi fil-Libja, b'hekk ikun evitat li dawn jaslu f'idejn l-estremisti u l-gruppi armati, fattur li jalimenta ulterjorment l-insigurtà u l-instabbiltà fil-Libja kollha hemm hi;
   (al) li jieħdu azzjoni diplomatika urġenti sabiex jipproteġu lill-popolazzjoni ċivili u jindirizzaw is-sitwazzjoni umanitarja f'Derna;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Gvern Libjan ta' Kunsens Nazzjonali.

(1) ĠU C 234, 28.6.2016, p. 30.
(2) ĠU C 300, 18.8.2016, p. 21.
(3) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 66.


Rapport annwali dwar il-Funzjonament taż-Żona Schengen
PDF 177kWORD 58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar ir-rapport annwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen (2017/2256(INI))
P8_TA(2018)0228A8-0160/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Settembru 2017 dwar l-ippreservar u t-tisħiħ ta' Schengen (COM(2017)0570),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2016 bit-titolu "Lura lejn Schengen – Pjan ta' direzzjoni" (COM(2016)0120),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta(1) (‘ir-Regolament EBCG’),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, u b'mod partikolari l-Artikoli 14 u 17 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol)(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur)(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0160/2018),

A.  billi ż-żona Schengen hija arranġament uniku u waħda mill-akbar kisbiet tal-Unjoni Ewropea li tippermetti l-moviment ħieles tal-persuni fiż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni; billi dan sar possibbli permezz ta' diversi miżuri ta' kumpens bħat-tisħiħ tal-iskambju ta' informazzjoni permezz tal-istabbiliment tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) u permezz tal-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' evalwazzjoni biex tiġi verifikata l-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen mill-Istati Membri u titrawwem fiduċja reċiproka fil-funzjonament taż-żona Schengen; billi l-fiduċja reċiproka titlob ukoll is-solidarjetà, is-sigurtà, il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fi kwistjonijiet kriminali, il-protezzjoni konġunta tal-fruntieri esterni tal-UE, fehim komuni u politiki komuni dwar il-migrazzjoni, il-viżi u l-asil, u r-rispett tad-dritt internazzjonali u tad-dritt Ewropew f'dan il-qasam;

B.  billi f'dawn l-aħħar snin bosta fatturi kellhom impatt fuq il-funzjonament taż-żona Schengen; billi dawn il-fatturi jinkludu l-impatt tal-movimenti internazzjonali u tal-flussi turistiċi li inizjalment kienu dawk li mmotivaw il-leġiżlazzjoni hekk imsejħa tal-"fruntieri intelliġenti" kif ukoll l-għadd sinifikanti ta' persuni li jfittxu asil u migranti irregolari b'movimenti sekondarji relatati u l-introduzzjoni mill-ġdid u t-titwil sussegwenti tal-kontrolli tal-fruntieri interni minn xi Stati Membri mill-2014; billi l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni jidher li hija relatata ma' perċezzjoni ta' theddid għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna b'rabta mal-moviment tal-persuni u t-terroriżmu, l-għadd ta' persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali u migranti irregolari li jaslu aktar milli evidenza soda tal-eżistenza reali ta' theddid serju jew l-għadd reali ta' dawk li qed jaslu; billi dawn il-fatturi jinkludu wkoll it-terroriżmu u theddida ogħla għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà interna tal-Istati Membri;

C.  billi t-tisħiħ tal-fruntieri esterni tal-UE u l-introduzzjoni ta' verifiki sistematiċi ma' bażijiet ta' data rilevanti, inkluż għaċ-ċittadini Ewropej, kienu parti mill-miżuri implimentati biex jipproteġu ż-żona Schengen;

D.  billi xi Stati Membri rreaġixxew għall-wasliet ta' persuni li jfittxu asil u tar-rifuġjati billi introduċew mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni tagħhom, sabiex "jirregolaw" il-moviment ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jfittxu protezzjoni internazzjonali, minkejja li l-Artikolu 14(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jistipula li l-"proċedura tal-fruntieri normali" ma tapplikax għall-persuni li jfittxu asil; billi għandha tiġi implimentata sistema ġusta ta' responsabilità kondiviża għall-valutazzjoni tat-talbiet għall-asil;

E.  billi, minn Marzu 2016, il-Kummissjoni pproponiet sensiela ta' miżuri bl-għan li tirkupra l-funzjonament normali taż-żona Schengen; billi l-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen għadu ma ġiex lura għan-normal u jiddependi primarjament fuq l-Istati Membri, il-fiduċja li għandhom f'xulxin, is-solidarjetà li juru b'appoġġ tal-pajjiżi tal-ewwel wasla, l-adozzjoni ta' miżuri adegwati u l-implimentazzjoni ta' tali miżuri, b'mod partikolari mill-Istati Membri;

F.  billi l-inċentivi biex l-Istati Membri jadottaw miżuri biex iż-żona Schengen terġa' tibda tiffunzjona tajjeb jiddependu l-aktar fuq in-nonrinnovabilità tat-talbiet ta' kontrolli fil-fruntieri;

G.  billi ż-żamma tal-kontrolli fil-fruntieri interni fl-Unjoni jew l-introduzzjoni mill-ġdid ta' tali kontrolli fiż-żona Schengen għandha impatt serju fuq il-ħajjiet taċ-ċittadini Ewropej u ta' dawk kollha li jgawdu mill-prinċipju tal-moviment liberu ġewwa l-UE u timmina serjament il-fiduċja fl-istituzzjonijiet Ewropej u l-integrazzjoni; billi ż-żamma jew l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni tinvolvi spejjeż operattivi u ta' investiment diretti għall-ħaddiema, it-turisti, it-trasportaturi tal-merkanzija bit-triq u l-amministrazzjonijiet pubbliċi transfruntieri, b'effetti debilitanti fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri; billi l-istimi tal-ispejjeż marbuta mal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri jistgħu jvarjaw bejn EUR 0,05 biljun u EUR 20 biljun fi spejjeż ta' darba u EUR 2 biljun fi spejjeż operattivi annwali(4); billi r-reġjuni transfruntieri huma partikolarment affettwati;

H.  billi l-bini ta' ħitan u ċnut fil-fruntieri esterni u interni tal-UE minn diversi Stati Membri qed jiżdied u billi dan qed jintuża bħala deterrent għad-dħul u t-tranżitu ta' persuni li jfittxu asil, inter alia, fit-territorju tal-UE; ifakkar li, skont it-Transnational Institute (TNI), huwa stmat li l-pajjiżi Ewropej bnew aktar minn 1 200 kilometru ta' ħitan u fruntieri bi spiża ta' mill-anqas EUR 500 miljun u li mill-2007 sal-2010, il-fondi tal-UE kkontribwew għall-iskjerament ta' 545 sistema ta' sorveljanza fuq il-fruntieri li jkopru 8 279 kilometru ta' fruntieri esterni tal-UE u 22 347 apparat ta' sorveljanza;

I.  billi ż-żona Schengen tinsab f'salib it-toroq u teħtieġ azzjonijiet deċiżivi u konġunti biex iġġib lura l-benefiċċji kollha li tipprovdi liċ-ċittadini; billi teħtieġ ukoll fiduċja reċiproka, kooperazzjoni u solidarjetà fost l-Istati Membri; billi ma għandux ikun hemm diskors politiku li jkollu l-għan li jitfa' l-ħtija fuq Schengen;

J.  billi t-tkabbir taż-żona Schengen għadu strument ewlieni biex jiġu estiżi l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw mid-dritt għall-moviment liberu ta' persuni, servizzi, oġġetti u kapital, għall-Istati Membri l-ġodda, filwaqt li titrawwem il-koeżjoni u jitnaqqsu d-diskrepanzi bejn il-pajjiżi u r-reġjuni; billi l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen fl-Istati Membri kollha li ssodisfaw il-kriterji għall-konklużjoni b'suċċess tal-proċess ta' evalwazzjoni ta' Schengen, hija essenzjali għall-ħolqien ta' qafas ta' sigurtà legali kkoordinat u robust; billi r-rieda tar-Rumanija u l-Bulgarija biex jissieħbu fiż-Żona Schengen ġiet imħabbra f'diversi okkażjonijiet mill-President tal-Kummissjoni u ġiet enfasizzata wkoll mill-Parlament fil-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija(5) u mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu;

K.  billi l-Grupp ta' Ħidma dwar l-Iskrutinju ta' Schengen segwa mill-qrib l-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen permezz tas-sejbiet tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni, tal-metodoloġija ta' valutazzjoni tal-vulnerabilità, tas-seduti tas-smigħ tal-kumitati u tal-missjonijiet lejn Stati Membri u pajjiżi terzi; billi huwa identifika l-miżuri li ġew implimentati jew li waslu biex jiġu implimentati, in-nuqqasijiet ewlenin fil-funzjonament taż-żona Schengen u l-azzjonijiet meħtieġa li se jittieħdu fil-futur;

Kwistjonijiet Ewlenin

Il-progress li sar fl-indirizzar tan-nuqqasijiet identifikati

1.  Jirrimarka li l-leġiżlatur tal-UE adotta għadd ta' miżuri f'dawn l-aħħar tliet snin li ġew imfassla biex isaħħu l-integrità taż-Żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni; jilqa' l-effikaċja tal-miżuri li ttieħdu fil-fruntieri esterni u l-ħolqien tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCGA); jinnota l-isforzi tal-Aġenzija fl-implimentazzjoni tar-regolament il-ġdid, speċjalment permezz ta' operazzjonijiet konġunti fil-qasam tas-sorveljanza tal-fruntieri u r-ritorn, u billi tappoġġa lill-Istati Membri soġġetti għal livelli ogħla ta' migrazzjoni filwaqt li fl-istess ħin jinżamm rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali kif stipulat fir-Regolament EBCG; jagħraf l-importanza tal-mekkaniżmu ta' valutazzjoni tal-vulnerabilità li għadu kif ġie introdott li kixef dgħufijiet fil-fruntieri esterni komuni u pprevjena kriżijiet; jenfasizza l-isforzi konġunti u l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u partijiet interessati oħra fl-organizzazzjoni tal-approċċ 'hotspot' fil-qasam tat-taħriġ;

2.  Jinnota l-passi meħuda permezz tal-emenda tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u l-introduzzjoni ta' kontrolli obbligatorji sistematiċi mal-bażijiet ta' data rilevanti fil-fruntieri esterni mad-dħul u l-ħruġ għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u għaċ-ċittadini tal-UE filwaqt li tinżamm il-viġilanza dwar l-effetti, in-neċessità u l-proporzjonalità ta' dawn il-miżuri fuq il-qsim tal-fruntieri miċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li f'xi każijiet verifiki sistematiċi mandatorji fil-fruntieri esterni ta' Schengen ġew sostitwiti minn kontrolli mmirati minħabba l-impatt sproporzjonat tagħhom fuq il-fluss tat-traffiku; ifakkar li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra dawn il-konsegwenzi meta twettaq l-evalwazzjoni prevista fir-Regolament (UE) 2017/458;

3.  Jilqa' r-riforma li għaddejja tas-SIS u t-tnedija fil-5 ta' Marzu 2018, mill-eu-LISA, tal-pjattaforma tas-Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba' tas-SIS II (AFIS), li tintroduċi kapaċità ta' tiftix bijometriku fis-sistema, li se tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir użu aħjar mill-għodod eżistenti, jiġifieri biex jiġu mmassimizzati l-benefiċċji tas-sistemi eżistenti u biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi strutturali fl-informazzjoni f'konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data u r-rispett tal-prinċipji tad-dritt għall-privatezza, tan-nondiskriminazzjoni, tan-neċessità u tal-proporzjonalità;

5.  Jilqa' l-ħidma li saret fil-qasam tal-kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija u dik ġudizzjarja u l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-ħidma tal-Eurojust u tal-Europol, biex tiġġieled il-kriminalità transfruntiera u l-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu permezz tal-intelligence, l-iskambju tal-informazzjoni u l-investigazzjonijiet konġunti;

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżviluppa l-kunċett u l-istrateġija tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea (IBM) fuq il-bażi ta' dak li ġie ppubblikat fl-14 ta' Marzu 2018 sabiex tikkonforma mad-dispożizzjonijiet fir-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta; jesprimi dubji rigward l-effikaċja tagħha fl-iffissar tal-objettivi u l-għanijiet mixtieqa fil-qasam tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea, u b'mod partikolari fir-rigward tat-tisħiħ u l-implimentazzjoni tad-drittijiet fundamentali u komponenti oħra tal-istrateġija;

7.  Jara valur kbir fil-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen imġedded peress li jippromwovi t-trasparenza, il-fiduċja reċiproka u r-responsabilità bejn l-Istati Membri billi jiskrutinizza l-mod kif jimplimentaw l-oqsma differenti tal-acquis ta' Schengen;

Nuqqasijiet kritiċi li ġew identifikati

8.  Jesprimi tħassib rigward in-nuqqasijiet kritiċi u d-defiċjenzi skoperti permezz tal-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni ta' Schengen u l-valutazzjoni tal-vulnerabilità;

9.  Jesprimi tħassib profond dwar in-nuqqasijiet serji ħafna fl-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen misjuba matul l-evalwazzjoni tal-użu proviżorju tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen mir-Renju Unit u, fl-interess tal-integrità ta' din is-sistema, jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom f'diskussjonijiet mal-Parlament dwar segwitu xieraq għal dawn is-sejbiet;

10.  Jikkundanna t-tkomplija tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-verifiki fil-fruntieri interni peress li din timmina l-prinċipji bażiċi taż-żona Schengen; huwa tal-fehma li ħafna mill-prorogi mhumiex konformi mar-regoli attwali dwar l-estensjonijiet, in-neċessità jew il-proporzjonalità tagħhom u għalhekk huma illegali; jiddispjaċih li l-Istati Membri ma ħadux il-miżuri xierqa biex jiżguraw il-kooperazzjoni ma' Stati Membri affettwati oħra biex jimminimizzaw l-effetti ta' dawn il-miżuri, u li lanqas ma ġġustifikaw biżżejjed ir-raġunijiet ta' dawn il-kontrolli u lanqas ma pprovdew biżżejjed informazzjoni dwar ir-riżultati tagħhom, u għalhekk xekklu l-analiżi mill-Kummissjoni u l-iskrutinju mill-Parlament; jiddispjaċih ukoll li teżisti l-prattika mill-Istati Membri li jibdlu b'mod artifiċjali l-bażi legali għall-introduzzjoni mill-ġdid biex jestenduha lil hinn mill-perjodu massimu possibbli fl-istess ċirkostanzi fattwali; iqis li l-impatti ekonomiċi, politiċi u soċjali ta' din il-prattika huma ta' detriment għall-unità taż-żona Schengen u ta' ħsara għall-prosperità taċ-ċittadini Ewropej u għall-prinċipju tal-libertà ta' moviment; itenni li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta ħafna miżuri f'dawn l-aħħar tliet snin biex isaħħaħ il-fruntieri esterni u l-kontroll fil-fruntieri esterni; jissottolinja li ma kien hemm l-ebda reazzjoni korrispondenti f'termini tat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni;

11.  Jenfasizza li rriżulta li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni hija ħafna aktar faċli mit-tneħħija ta' dawk il-kontrolli fil-fruntieri interni ladarba jkunu ġew introdotti mill-ġdid;

12.  Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni f'għadd ta' oqsma tar-regolamentazzjoni li jirregolaw ċerti oqsma tal-kontroll tal-fruntieri esterni bħall-konsultazzjoni sistematika tal-bażijiet tad-data waqt il-verifiki fil-fruntieri u l-verifika bir-reqqa tal-kundizzjonijiet tad-dħul rikjesti; huwa mħasseb ukoll dwar in-nuqqas ta' disponibilità okkażjonali ta' ċerti bażijiet tad-data bħas-SIS u l-VIS f'ċerti punti ta' qsim tal-fruntieri; jinnota li hija prevalenti f'ħafna Stati Membri nonkonformità ċara fl-istabbiliment taċ-Ċentri Nazzjonali ta' Koordinazzjoni f'konformità mar-Regolament li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur); jenfasizza għal darb'oħra li, sabiex il-leġiżlazzjoni dwar il-fruntieri interni u esterni tkun effettiva, huwa essenzjali li l-miżuri miftiehma fil-livell tal-Unjoni jiġu implimentati kif xieraq mill-Istati Membri;

13.  Ifakkar li l-Istati Membri għandhom għodod oħra għad-dispożizzjoni tagħhom għajr il-kontroll fil-fruntieri interni, inkluż – kif rakkomandat mill-Kummissjoni – kontrolli tal-pulizija mmirati dment li dawn il-kontrolli ma jkollhomx il-kontroll fil-fruntieri bħala objettiv, ikunu bbażati fuq informazzjoni ġenerali tal-pulizija jew esperjenza rigward theddid possibbli għas-sigurtà pubblika, u jkollhom l-għan, b'mod partikolari, li jiġġieldu l-kriminalità transfruntiera, u jkunu mfassla u eżegwiti b'mod li jkun distint b'mod ċar minn kontrolli sistematiċi fuq persuni fil-fruntieri esterni; ifakkar li tali kontrolli jistgħu jkunu aktar effettivi mill-kontrolli tal-fruntieri interni, speċjalment peress li huma aktar flessibbli u jistgħu jkunu adattati aktar faċilment għall-iżvilupp tar-riskji;

14.  Ifakkar li żjarat Schengen fuq il-post għal għarrieda jistgħu isiru fil-fruntieri interni mingħajr notifika minn qabel tal-Istat Membru kkonċernat;

15.  Jikkundanna l-kostruzzjonijiet ta' ostakoli fiżiċi, inklużi reċinti, bejn l-Istati Membri u jfakkar id-dubji tiegħu dwar il-kompatibilità ta' dawn l-azzjonijiet mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-kostruzzjonijiet eżistenti u futuri u tirrapporta lill-Parlament;

16.  Jirrikonoxxi, bħala parti mill-isforzi biex il-funzjonament ta' Schengen jitreġġa' għan-normal, il-proposta għall-emenda tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli ċari u li dawn il-bidliet għandhom sempliċement jirriflettu sfidi ġodda u jxejnu theddidiet għas-sigurtà interna mingħajr ma titħeġġeġ l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni; ifakkar li kwalunkwe bidla ma għandhiex tkun mezz ulterjuri biex jiġu estiżi l-kontrolli fil-fruntieri interni; huwa mħasseb li l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni hija bbażata fuq valutazzjoni tar-"riskju perċepit" minflok fuq evidenza rigoruża u soda u l-eżistenza ta' theddida serja u li l-hekk imsejħa "valutazzjoni tar-riskji" proposta għandha tiġi fdata kompletament lill-Istat li jerġa' jintroduċi l-kontrolli fil-fruntieri; iqis li dawn il-passi għandhom isiru b'attenzjoni sabiex ma jikkawżawx ħsara irriversibbli lill-idea bażika tal-moviment liberu, speċjalment billi jiġu stabbiliti garanziji proċedurali sostanzjali, b'mod partikolari sabiex jinżamm limitu strett ta' żmien għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri interni;

17.  Jissottolinja li estensjoni ulterjuri tal-kontrolli fil-fruntieri interni eżistenti – jew l-introduzzjoni mill-ġdid ta' oħrajn ġodda – timponi spejjeż ekonomiċi kbar fuq l-UE kollha kemm hi billi tagħmel ħsara kbira lis-Suq Uniku;

Azzjonijiet li għandhom jittieħdu

18.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati mingħajr dewmien in-nuqqasijiet kritiċi identifikati sabiex ikun hemm ritorn lejn il-funzjonament normali taż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni;

19.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jimplimentaw b'mod sħiħ ir-regolamenti eżistenti u jistieden lill-Kummissjoni taġixxi b'mod deċiżiv fi kwistjonijiet relatati mal-ksur ta' regoli maqbula b'mod komuni billi timponi miżuri proporzjonati u meħtieġa fuq l-Istati Membri inkwistjoni sabiex tissalvagwardja l-interessi tal-Istati Membri l-oħrajn u tal-Unjoni kollha kemm hi, inklużi l-proċeduri ta' ksur;

20.  Jenfasizza l-importanza tar-riforma u tal-adattament tas-SIS biex tiffaċċja sfidi ġodda rapidament, jiġifieri fir-rigward tal-protezzjoni tat-tfal f'riskju jew tfal nieqsa, l-iskambju immedjat u obbligatorju ta' informazzjoni dwar it-terroriżmu f'konformità mad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u ċittadini ta' pajjiżi terzi u l-ħarsien tas-salvagwardji fuq il-protezzjoni tad-data u l-privatezza u l-iskambju ta' informazzjoni obbligatorju dwar id-deċiżjonijiet ta' ritorn; jenfasizza li tali riforma ma tridx timmina l-prinċipji tan-neċessità u l-proporzjonalità; jissottolinja li jekk is-sistema trid tiffunzjona kif xieraq, it-twissijiet iridu jirrikjedu azzjoni u għandhom jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħhom fis-sistema; jirrileva ż-żieda sostanzjali mistennija fl-attività tal-Bureau tat-Talba għal Informazzjoni Supplimentari fil-Punti ta' Dħul Nazzjonali (SIRENE) u jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-mezzi għad-dispożizzjoni tiegħu billi jiżguraw li jkollu riżorsi finanzjarji u umani adegwati sabiex iwettaq il-funzjonijiet il-ġodda tiegħu;

21.  Jenfasizza n-natura kritika tas-sejbiet tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom; jenfasizza wkoll il-valutazzjoni tal-vulnerabilità u jistieden lill-Istati Membri jaġixxu b'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport komprensiv annwali lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjonijiet imwettqa skont ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013;

23.  Jinsisti b'determinazzjoni biex il-Kummissjoni ma ġġeddidx aktar it-talbiet ta' deroga minn Schengen jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx implimenta r-rakkomandazzjonijiet magħmula lilu bħala parti mill-mekkaniżmu ta' valutazzjoni ta' Schengen;

24.  Jenfasizza li l-Istati Membri kollha, inklużi dawk mingħajr fruntiera tal-art esterna, għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw livell għoli ta' kontroll fil-fruntieri esterni tagħhom billi jallokaw riżorsi suffiċjenti permezz tal-persunal, l-apparat u l-għarfien espert filwaqt li jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali – inkluż fil-kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni internazzjonali u man-non-refoulement – jistabbilixxu l-istrutturi ta' kmand u kontroll meħtieġa u jifformulaw analiżi tar-riskju aġġornata f'konformità mar-Regolament EBCG għal-livelli kollha ta' kmand biex jiffaċilitaw operazzjonijiet effettivi u jipprovdu infrastrutturi adegwati għall-qsim tal-fruntieri sikur, ordnat u mexxej;

25.  Huwa tal-fehma li kieku jiġi rivedut il-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen, kwalunkwe proposta għandha tindirizza d-dewmien kbir bejn iż-żjara fuq il-post u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u tal-pjanijiet ta' azzjoni u għandha tiffaċilita azzjoni ta' rimedju rapida min-naħa tal-Istati Membri; huwa tal-fehma li l-valur taż-żjarat fuq il-post għal għarrieda fil-kuntest tal-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni ta' Schengen jista' jissaħħaħ kieku dawn iż-żjarat isiru verament għal għarrieda (mingħajr avviż minn 24 siegħa qabel);

26.  Ifakkar li l-Parlament għandu jiġi infurmat minnufih u bis-sħiħ dwar kwalunkwe proposta biex jiġi emendat jew sostitwit il-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen; jinnota li l-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-operat tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni tar-rapporti kollha ta' evalwazzjoni li jirrigwardaw l-evalwazzjonijiet koperti mill-ewwel programm ta' evalwazzjoni pluriennali u tgħaddi dan kollu lill-Parlament;

27.  Jinsisti fuq l-iżvilupp tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen flimkien mal-għodda tal-valutazzjoni tal-vulnerabilità b'mod li jipprevjeni rikaduti imprevisti fil-ġestjoni ġenerali tal-fruntieri esterni u jtejjibha, isaħħaħ ir-rispett tal-acquis ta' Schengen u d-drittijiet fundamentali, inkluża l-konformità mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra li ġiet iffirmata mill-Istati Membri kollha u jiffaċilita skrutinju bir-reqqa u trasparenza bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej, b'mod partikolari l-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw biżżejjed riżorsi għall-implimentazzjoni u s-segwitu tal-evalwazzjonijiet ta' Schengen u l-valutazzjonijiet ta' vulnerabilità; jistieden lill-Kummissjoni torganizza żjarat fuq il-post fil-fruntieri interni li jkunu ġenwinament għal għarrieda u biex tivvaluta n-natura u l-impatt tal-miżuri fis-seħħ;

28.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jtejbu l-ġbir tal-informazzjoni u d-data statistika dwar il-ġestjoni nazzjonali tar-riżorsi u l-kapaċitajiet relatati mal-kontroll tal-fruntieri; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli fi żmien xieraq l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-mekkaniżmu tal-valutazzjoni tal-vulnerabilità;

29.  Jistieden lill-Istati Membri, b'mod partikolari dawk affettwati direttament, jippreparaw u jittestjaw biżżejjed il-pjanijiet ta' kontinġenza meħtieġa biex jimmitigaw sitwazzjonijiet ta' żieda fil-livell tal-migrazzjoni, kif ukoll biex isaħħu l-kapaċità ta' reġistrazzjoni u akkomodazzjoni tagħhom fl-eventwalità li jiġru tali sitwazzjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kapaċitajiet tagħhom biex jindividwaw il-frodi tad-dokumenti u d-dħul irregolari filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tan-non-refoulement u d-drittijiet fundamentali b'mod sħiħ; jitlob biex isiru sforzi miftiehma fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu b'mod partikolari sabiex jiġu identifikati l-organizzazzjonijiet kriminali u l-finanzjament tagħhom b'aktar preċiżjoni;

30.  Jenfasizza li aċċess sikur u legali għall-UE, inkluż fil-fruntieri esterni taż-żona Schengen, se jikkontribwixxi għall-istabilità ġenerali taż-żona Schengen;

31.  Iqis l-istat attwali ta' implimentazzjoni tal-istrateġija tal-IBM bħala inadegwata; jirrikjedi li l-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta jappoġġaw lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom li jissodisfaw ir-rekwiżiti kif stipulati fir-Regolament EBCG u jibdew l-evalwazzjonijiet tematiċi tal-IBM fl-Istati Membri fi żmien debitu; jistieden lill-Istati Membri jġibu l-ġestjoni tal-fruntieri tagħhom f'konformità mal-kunċett tal-IBM billi japplikaw approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-fruntieri fuq il-bażi tal-prinċipji fundamentali sottostanti tiegħu u b'mod partikolari billi jiggarantixxu r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, b'attenzjoni speċifika fuq gruppi vulnerabbli u l-minorenni fl-attivitajiet kollha tal-ġestjoni tal-fruntieri u ta' ritorn, inkluż ir-rispett għall-prinċipju ta' non-refoulement; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija IBM fil-livell Ewropew u fil-livell nazzjonali u l-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali, u għaldaqstant tissaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri esterni filwaqt li jitħarsu d-drittijiet fundamentali;

32.  Jinsisti fuq il-ħtieġa tal-introduzzjoni fil-pront tal-istrateġija IBM implimentata b'mod sħiħ, kif maqbul bejn l-istituzzjonijiet, l-istrateġija teknika u operazzjonali mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-istrateġiji nazzjonali sussegwenti tal-Istati Membri; huwa konxju bis-sħiħ tal-inkonsistenzi fl-implimentazzjoni tal-istrateġija IBM fl-Istati Membri u jenfasizza li l-eżekuzzjoni sħiħa tal-istrateġija IBM fl-Istati Membri kollha hija essenzjali għall-funzjonament adegwat taż-żona Schengen;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta proposta leġiżlattiva biex temenda r-Regolament Eurosur fid-dawl tal-akbar nuqqasijiet li tfaċċaw fl-implimentazzjoni tar-regolament attwali, u jikkunsidra li tali proposta għandha tinkoraġġixxi użu akbar tal-Eurosur biex tinvolvi ruħha u tgħin fl-iskambju tal-informazzjoni, l-analiżi tar-riskju u f'operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ;

34.  Itenni l-appoġġ tal-Parlament għall-adeżjoni immedjata tal-Bulgarija u r-Rumanija maż-żona ta' Schengen, u l-adeżjoni tal-Kroazja malli tissodisfa l-kriterji għas-sħubija; jistieden lill-Kunsill japprova l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija bħala membri sħaħ taż-żona Schengen;

Kwistjonijiet oħra b’impatt fuq Schengen

35.  Jenfasizza li l-istat attwali ta' Schengen u l-persistenza ta' kontrolli fil-fruntieri interni mhumiex ikkawżati, primarjament, minn problemi fl-istruttura u fir-regoli taż-żona Schengen innifisha imma pjuttost mill-oqsma relatati tal-acquis, bħan-nuqqasijiet fil-qasam tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, inkluż nuqqas ta' rieda politika, il-kondiviżjoni tas-solidarjetà u r-responsabilità, ir-Regolament ta' Dublin u l-ġestjoni tal-fruntieri esterni;

Il-progress li sar fl-indirizzar tan-nuqqasijiet identifikati

36.  Jenfasizza l-miżuri ta' appoġġ u ta' bini tal-kapaċità meħudin sabiex jiġu indirizzati l-kawżi ta' oriġini tal-migrazzjoni irregolari u sabiex jiġu mtejba l-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-pajjiżi ta' oriġini;

37.  Iqis li l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi hija element wieħed biex jittaffew iċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-migrazzjoni furzata u irregolari; jenfasizza n-natura komprensiva tal-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa;

Nuqqasijiet kritiċi li ġew identifikati

38.  Jiddispjaċih li ħafna persuni ġew irrapportati mejta jew nieqsa fil-Baħar Mediterran f'dawn l-aħħar snin; jenfasizza wkoll li t-tfittix u s-salvataġġ huwa komponent individwali tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea kif stabbilit fir-Regolament EBCG; huwa tal-fehma li rispons tal-Unjoni permanenti, robust u effikaċi fl-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ fuq il-baħar huwa kruċjali għall-prevenzjoni tat-telf ta' ħajjiet fuq il-baħar; iqis li huwa essenzjali li l-aspetti u l-kapaċitajiet adegwati ta' tiftix u salvataġġ marittimi jiġu inkorporati fl-ippjanar operazzjonali kollu tas-sorveljanza tal-fruntieri fuq il-baħar u fl-implimentazzjoni ta' tali operazzjonijiet mill-EBCGA, kif previst mir-Regolament (UE) Nru 656/2014;

39.  Jesprimi tħassib kbir rigward l-implimentazzjoni tar-Regolament EBCG u jissottolinja l-ħtieġa li l-Istati Membri jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fir-regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-impenji għall-kontribut ta' riżorsi umani u tagħmir tekniku suffiċjenti kemm għal operazzjonijiet konġunti kif ukoll għar-riżerva ta' tagħmir tar-reazzjoni rapida u li jallokaw riżorsi adegwati għall-implimentazzjoni tal-valutazzjoni ta' vulnerabilità; huwa mħasseb dwar ir-riżorsi u l-ippjanar finanzjarju tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-istimi li fuqhom huma bbażati l-finanzjament tal-operazzjonijiet u l-kontribuzzjonijiet rikjesti mill-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu taħriġ xieraq dwar id-drittijiet fundamentali għall-gwardji tal-fruntieri nazzjonali;

40.  Iqis li l-kooperazzjoni fil-livell nazzjonali bejn servizzi tal-infurzar tal-liġi differenti, il-militar, il-gwardji tal-fruntieri, id-dwana u l-awtoritajiet ta' tiftix u salvataġġ marittimi hija ta' spiss inadegwata u twassal għal għarfien tas-sitwazzjoni frammentat u effikaċja baxxa; jinnota li n-nuqqas ta' strutturi ta' kooperazzjoni jista' jwassal għal miżuri mhux effettivi u/jew sproporzjonati; ifakkar li l-ebda ammont ta' miżuri b'intenzjoni tajba fil-livell tal-Unjoni ma jistgħu jpattu għal nuqqas ta' kooperazzjoni interna bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri;

41.  Jinnota l-istabbiliment ta' sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira oħrajn kif ukoll l-objettiv tat-titjib tal-interoperabilità tagħhom filwaqt li jinżammu s-salvagwardji neċessarji, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni u l-privatezza tad-data;

42.  Iqis li l-ħidma fuq il-proposti ta' interoperabilità tas-sistemi ta' informazzjoni għandha tkun opportunità biex jittejbu u jiġu armonizzati parzjalment is-sistemi tal-IT nazzjonali u l-infrastrutturi nazzjonali fil-punti ta' qsim tal-fruntieri;

Azzjonijiet li għandhom jittieħdu

43.  Jinkoraġġixxi lill-Aġenziji u lill-Istati Membri jkomplu jimplimentaw l-operazzjonijiet b'diversi għanijiet u jiżguraw li jittieħdu l-passi xierqa sabiex jinkludu t-tiftix u s-salvataġġ marittimu fl-operazzjonijiet permezz ta' assi u riżorsi umani xierqa; iħeġġeġ lill-Aġenzija tiżgura l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-ilmenti u r-riżorsi relatati għall-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u l-persunal b'appoġġ tiegħu;

44.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw proċeduri ta' ritorn rapidi u effikaċi, b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u f'kundizzjonijiet umani u dinjitużi, ladarba tinħareġ deċiżjoni ta' ritorn;

45.  Jinnota li l-Istati Membri għandhom l-opportunità offruta mid-Direttiva 2001/40/KE li jirrikonoxxu u jimplimentaw deċiżjoni ta' ritorn meħuda minn Stat Membru ieħor minflok ma joqogħdu jieħdu deċiżjoni ta' ritorn ġdida jew jibgħatu lill-migrant irregolari lura lejn l-ewwel Stat Membru emittenti;

46.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu passi speċifiċi biex jiżguraw infrastruttura, akkomodazzjoni u kundizzjonijiet tal-għajxien adegwati għall-persuni kollha li qed ifittxu asil, speċjalment billi jqisu l-ħtiġijiet tal-minuri mhux akkumpanjati u l-familji b'minuri kif ukoll tan-nisa f'sitwazzjonijiet vulnerabbli; jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw il-faċilitajiet ta' detenzjoni tagħhom mar-rekwiżiti tal-aħjar prattiki internazzjonali u man-normi u l-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, biex jilħqu l-kapaċità li jissodisfaw id-domanda, filwaqt li jżommu f'moħħhom li d-detenzjoni tikkostitwixxi miżura ta' meta ma jkun hemm l-ebda għażla oħra, u ma hijiex fl-aħjar interess tat-tfal, u biex iżidu l-użu ta' miżuri alternattivi għad-detenzjoni; jistieden lill-Istati Membri jonoraw l-impenji ta' rilokazzjoni tagħhom, kif miftiehma mill-Kunsill tal-Ewropa f'Settembru 2015 u kkonfermati mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja f'Settembru 2017, sabiex tiġi rkuprata l-ordni fil-ġestjoni tal-migrazzjoni u jitrawmu s-solidarjetà u l-kooperazzjoni fi ħdan l-UE;

47.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw in-natura indipendenti tal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari billi jipprovdu riżorsi finanzjarji u persunal suffiċjenti biex jissodisfaw il-kompiti tagħhom li dejjem jiżdiedu; jistieden lill-awtoritajiet ta' kontroll indipendenti tal-Istati Membri jiżguraw l-awditi meħtieġa u l-użu tas-sistemi ta' informazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw strumenti biex jabilitaw id-drittijiet tas-suġġetti tad-data li jagħmlu lmenti u jirrikjedu l-informazzjoni personali tagħhom u jqajmu l-kuxjenza pubblika dwar is-sistemi ta' informazzjoni;

48.  Jinsisti li l-operazzjonijiet bi skopijiet multipli għandhom jitmexxew mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta bl-għan li jwieġbu għall-ħtieġa li jkunu preżenti l-assi marittimi ta' tiftix u salvataġġ (kif previst mir-Regolament (UE) Nru 656/2014) fiż-żoni rilevanti; ifakkar li l-awtoritajiet nazzjonali tal-gwardja tal-fruntiera għandhom ukoll jipprovdu riżorsi adegwati għall-operazzjonijiet tagħha, b'mod partikolari għat-tiftix u s-salvataġġ; jissottolinja li l-kontroll tal-fruntiera għandu jsir minn uffiċjal gwardjan tal-fruntiera mħarreġ jew taħt superviżjoni stretta tal-awtorità kompetenti;

49.  Jinnota li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ngħatat mandat akbar li tista' tuża biex ikollha rwol fl-appoġġ tal-Istati Membri fl-operazzjonijiet ta' ritorn koordinati;

50.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw aktar il-kooperazzjoni reċiproka tranfruntiera tal-pulizija permezz tal-valutazzjoni tat-theddid, l-analiżi tar-riskji u l-pattulji konġunti; jitlob li ssir l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Prüm u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI, u l-adeżjoni mal-Mudell Ewropew għall-Iskambju ta' Informazzjoni u l-Inizjattiva Żvediża; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-istrutturi tal-kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi nazzjonali tagħhom u tal-istrutturi ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni u jtejbu l-kooperazzjoni prattika, b'mod partikolari mal-Istati Membri ġirien;

51.  Ifakkar fil-prijorità għolja mogħtija lir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) bħala parti minn approċċ olistiku li jindirizza l-isfidi li jaffettwaw il-politiki dwar ir-rifuġjati, persuni li jkunu qed ifittxu asil u l-migranti u l-Aġenda tal-Kummissjoni dwar il-Migrazzjoni; jinnota li l-Parlament Ewropew ripetutament enfasizza li l-ftuħ ta' kanali legali għall-migranti u r-rifuġjati huwa l-aħjar mod biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin u b'hekk anki l-migrazzjoni irregolari; jistieden lill-Kunsill isegwi lill-Parlament rapidament fl-adozzjoni ta' mandat għan-negozjati dwar kull proposta f'dan ir-rigward, b'mod partikolari fir-rigward tar-Regolament ta' Dublin; jirrileva li l-Aġenzija l-ġdida tal-Unjoni Ewropea għall-Asil għad trid tiġi approvata u jħeġġeġ lill-Kunsill jiżblokka dan il-fajl bħala kwistjoni ta' urġenza;

52.  Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb is-sigurtà tal-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tal-UE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tipproponi standards għall-elementi ta' sigurtà u l-elementi bijometriċi integrati fil-karta tal-identità bħal fil-każ tal-passaporti;

o
o   o

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali u lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

(1) ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1.
(2) ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53.
(3) ĠU L 295, 6.11.2013, p. 11.
(4) Wouter van Ballegooij, The Cost of Non-Schengen: Civil Liberties, Justice and Home Affairs aspects’ (Il-prezz tan-Non-Schengen), Cost of Non-Europe Report (Ir-rapport dwar il-Prezz tan-Non-Ewropa), Unità tal-Valur Miżjud Ewropew, 2016, paġna 32.
(5) ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 160.


Standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità
PDF 208kWORD 71k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità (2016/2328(INI))
P8_TA(2018)0229A8-0168/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 10, 18, 19, 21, 79 u 82 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 6, 20, 21, 23, 24, 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji Bażiċi tal-Ġustizzja għall-Vittmi tal-Kriminalità u l-Abbuż tal-Poter, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-29 ta' Novembru 1985,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul) u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2017/865(1) u (UE) 2017/866(2) tal-11 ta' Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa CM/Rec(2006)8 tal-Kumitat tal-Ministri lill-istati membri tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar assistenza għall-vittmi tal-kriminalità,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa CM/Rec(2010)5 tal-Kumitat tal-Ministri lill-istati membri tal-31 ta' Marzu 2010 dwar miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/ĠAI tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fi proċedimenti kriminali(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2013 dwar il-ġlieda kontra r-reati ta' mibegħda fl-UE u tal-5 ta' Ġunju 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI(9),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Diċembru 2011, dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija(11),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta' April 2014, dwar l-iffriżar u l-konfiska ta' mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea(12),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta' April 2004 li għandha x'taqsam ma' kumpens għal vittmi ta' delitti(13),

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "How can the EU and the Member States better help victims of terrorism?" (Kif tista' l-UE u l-Istati Membri jgħinu aħjar il-vittmi tat-terroriżmu?), ippubblikat mid-Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali f'Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-istudju mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) bit-titolu "Second European Union minorities and discrimination survey" (It-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-minoranzi u d-diskriminazzjoni), ippubblikat f'Diċembru 2017,

–   wara li kkunsidra l-istudju mill-FRA bit-titolu "Child-friendly justice -Perspectives and experiences of children involved in judicial proceedings as victims, witnesses or parties in nine EU Member States" (Il-ġustizzja li tqis l-interessi tat-tfal - Perspettivi u esperjenzi ta' tfal involuti fi proċedimenti ġudizzjarji bħala vittmi, xhieda jew partijiet f'disa' Stati Membri tal-UE), ippubblikat fi Frar 2017,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-FRA dwar id-Drittijiet Fundamentali għall-2017, ippubblikat f'Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-FRA dwar id-Drittijiet Fundamentali għall-2016, ippubblikat f'Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-FRA bit-titolu "Victims of crime in the EU:the extent and nature of support for victims" (Il-vittmi tal-kriminalità fl-UE: il-livell u n-natura tal-appoġġ għall-vittmi), ippubblikat f'Jannar 2015,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-FRA bit-titolu "Severe labour exploitation: workers moving within or into the European Union" (L-isfruttament sever tal-ħaddiema: il-ħaddiema li jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni Ewropea jew li jidħlu fiha), ippubblikat f'Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-FRA bit-titolu "Severe labour exploitation: an EU-wide survey" (L-isfruttament sever tal-ħaddiema, stħarriġ madwar l-UE), ippubblikat f'Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar il-Proġett IVOR bit-titolu "Implementing Victim-Oriented Reform of the criminal justice system in the EU" (Nimplimentaw ir-Riforma orjentata lejn il-vittmi tas-sistema tal-ġustizzja kriminali fl-UE), ippubblikat fis-6 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) bit-titolu "An analysis of the Victims’ Rights Directive from a gender perspective" (Analiżi tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi mill-perspettiva tas-sessi),

–  wara li kkunsidra l-"Yogyakarta Principles plus 10" adottati fl-10 ta' Novembru 2017 ("Il-Prinċipji u l-Obbligi tal-Istat dwar l-Applikazzjoni tad-Dritt Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem Rigward l-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess"),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika(14),

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tad-Direttiva 2012/29/UE tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, magħmula mill-Unità ta' Evalwazzjoni Ex-Post,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0168/2018),

A.  billi d-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità ("id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi") tfittex li tpoġġi lill-vittma tar-reat fiċ-ċentru tas-sistema tal-ġustizzja kriminali, u għandha l-għan li ssaħħaħ id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità sabiex kwalunkwe vittma tkun tista' tiddependi fuq l-istess livell ta' drittijiet, irrispettivament minn fejn twettaq ir-reat, min-nazzjonalità tagħha jew mill-istatus ta' residenza tagħha;

B.  billi 23 mis-27 Stat Membru ttrasponew id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sa Settembru 2017; billi l-Kummissjoni bdiet 16-il proċedura ta' ksur kontra Stati Membri li għadhom mhumiex kompletament konformi fil-prattika; billi d-Direttiva għamlitha possibbli li jibda l-progress lejn it-trattament tal-vittmi tal-kriminalità fi Stat Membru ieħor; billi għad fadal nuqqasijiet fil-każ tas-sitwazzjonijiet transfruntiera;

C.  billi jeżistu fis-seħħ standards u strumenti magħquda fil-livell ta' UE biex itejbu l-ħajjiet taċ-ċittadini tal-UE, iżda l-vittmi tal-kriminalità għadhom jiġu ttrattati b'mod differenti bejn pajjiż u ieħor;

D.  billi minkejja ħafna bidliet introdotti fl-Istati Membri, il-vittmi xorta spiss huma nieqsa mis-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom, dan jimmina l-effikaċja fil-prattika tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi u b'mod partikolari l-aċċess għar-rekwiżi tal-informazzjoni;

E.  billi, apparti l-għajnuna legali, il-gruppi ta' appoġġ għall-vittmi jikklassifikaw il-ħtiġijiet tal-vittmi f'erba' kategoriji: id-dritt għall-ġustizzja, id-dinjità, il-verità u l-memorja, fejn din tal-aħħar tfisser diżapprovazzjoni mhux kundizzjonata tat-terroriżmu;

F.  billi xi Stati Membri juru nuqqas ta' servizzi ta' appoġġ għall-vittmi u nuqqas ta' koordinazzjoni bejniethom fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali, u dan jagħmilha diffiċli għall-vittmi biex jaċċessaw servizzi ta' appoġġ eżistenti;

G.  billi d-djar ta' kenn, iċ-ċentri u l-linji telefoniċi ta' għajnuna għan-nisa, huma aġenziji ewlenin għall-appoġġ tal-vittmi nisa tal-vjolenza u t-tfal tagħhom; billi hemm nuqqas ta' provvediment għal djar ta' kenn u ċentri għan-nisa fl-Ewropa; billi huma meħtieġa b'mod urġenti aktar djar ta' kenn għan-nisa peress li jipprovdu sikurezza, akkomodazzjoni, konsulenza u appoġġ għal nisa li jesperjenzaw il-vjolenza domestika u għat-tfal tagħhom; billi n-nuqqas ta' djar ta' kenn għan-nisa jista' jikkostitwixxi riskju għal ħajja;

H.   billi f'każijiet meta jseħħ attakk terroristiku fi Stat Membru partikolari u l-vittma tkun residenti fi Stat Membru ieħor, iż-żewġ Stati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jiffaċilitaw l-assistenza għall-vittma;

I.  billi jekk l-entitajiet governattivi u l-istituzzjonijiet nazzjonali jieħdu azzjoni effikaċi u protettiva biex jgħinu lill-vittmi, iċ-ċittadini jappoġġjaw u jafdaw lill-istituzzjonijiet, u dan jista' jagħti spinta lir-reputazzjoni tagħhom;

J.  billi firxa wiesgħa ta' professjonisti tas-saħħa huma aktarx li jiġu f'kuntatt mal-vittmi, b'mod speċjali l-vittmi tal-vjolenza sessista, u spiss jiġu inizjalment ikkuntattjati mill-vittma biex jirrapportaw reat; billi l-evidenza turi li l-professjonisti tas-saħħa, bħat-tobba u professjonisti kliniċi oħra, jirċievu taħriġ limitat fir-rispons effikaċi għall-vjolenza sessista;

K.  billi l-vittmi nisa ta' vjolenza sessista dejjem jirrikjedu appoġġ u protezzjoni speċjali, minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tagħhom għal vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta;

L.  billi għad hemm sottorapportar sistematiku tal-inċidenti jew tal-awturi tal-vjolenza fl-UE, b'mod partikolari fil-każijiet li jinvolvu l-minoranzi, il-migranti, persuni bi status ta' residenza dipendenti jew prekarju, il-persuni LGBTI, ir-reati anti-Semitiċi, l-abbuż sesswali tat-tfal, il-vjolenza domestika u sessista, u t-traffikar u l-vittmi ta' xogħol furzat; billi kważi żewġ terzi mill-vittmi nisa ta' vjolenza sessista ma jirrapportawx lil awtorità, minħabba li jibżgħu mir-ritaljazzjoni, l-imbarazzament u l-istigma soċjali;

M.  billi r-reati ta' mibegħda kontra l-persuni LGBTI huma realtà fl-UE kollha; billi dawn id-delitti mhumiex irrapportati biżżejjed u d-drittijiet tal-vittmi huma għaldaqstant mhux rispettati;

N.  billi l-istudju tal-FRA bit-titolu "Making hate crime visible in the European Union: acknowledging victims' rights" (Nagħmlu r-reat ta' mibegħda viżibbli fl-Unjoni Ewropea: nirrikonoxxu d-drittijiet tal-vittmi) jiddikjara li status ta' immigrant iżid ir-riskju li wieħed jiġi vittimizzat kriminalment, indipendentement minn fatturi ta' riskju magħrufa oħra;

O.  billi r-reati ta' mibegħda razzisti kontra l-migranti u l-persuni li jfittxu asil żdiedu madwar l-Istati Membri; billi l-għadd tal-awturi ta' dawn ir-reati ta' mibegħda li jitressqu quddiem il-ġustizzja huwa wieħed żgħir ħafna;

P.  billi minkejja li l-vittmi tal-kriminalità kollha jingħataw drittijiet ugwali mingħajr diskriminazzjoni skont l-Artikolu 1, fir-realtà l-parti l-kbira tal-Istati Membri ma daħħlux fis-seħħ politiki jew proċessi biex jiżguraw li l-vittmi mhux iddokumentati jistgħu jirrapportaw b'mod sigur l-isfruttament sever tal-ħaddiema, il-vjolenza sessista, u forom oħra ta' abbuż mingħajr ir-riskju ta' penalitajiet tal-immigrazzjoni; billi dan jaffettwa b'mod sproporzjonat lin-nisa u l-bniet, li huma anke aktar esposti għat-traffikar u l-isfruttament sesswali; billi l-istħarriġ tal-FRA "Second European Union Minorities and Discrimination Survey" (It-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-minoranzi u d-diskriminazzjoni) jiddikjara li wieħed biss minn kull tmien rispondenti rrapporta jew ressaq ilment dwar l-inċident l-aktar riċenti tad-diskriminazzjoni li esperjenza minħabba l-isfond etniku jew ta' immigrant tiegħu;

Q.  billi l-Artikolu 1 tad-Direttiva jiddikjara li d-drittijiet stabbiliti fiha għandhom japplikaw għall-vittmi b'mod mhux diskriminatorju, inkluż fir-rigward tal-istatus ta' residenza tagħhom;

R.  billi l-kampanja #MeToo enfasizzat li s-sistema ġudizzjarja ma tipprovdix ġustizzja u protezzjoni adegwati lin-nisa u l-bniet u li, bħala konsegwenza, il-vittmi tal-vjolenza sessista ma jirċevux l-appoġġ meħtieġ;

S.  billi r-ratifika u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Istanbul jipprovdu qafas legali Ewropew koerenti biex tiġi pprevenuta u miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa u biex jiġu mħarsa l-vittmi tagħha; billi d-definizzjoni tal-vjolenza sessista għandha li tkun ibbażata fuq il-Konvenzjoni ta' Istanbul, u għandha tirrikonoxxi n-natura strutturali tal-vjolenza kontra n-nisa u forom oħra ta' vjolenza sessista u r-rabtiet tagħhom mal-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, li tibqa' prevalenti fis-soċjetà; billi l-vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib trid titqies minn perspettiva tas-sessi, peress li taffettwa lin-nisa b'mod sproporzjonat;

T.  billi n-nisa huma l-aktar esposti għall-istalking, li huwa forma komuni ta' vjolenza sessista, u billi l-istalking bħala reat speċifiku ma ġiex meqjus fil-kodiċijiet kriminali ta' seba' Stati Membri;

U.  billi trid tingħata attenzjoni speċifika għas-sikurezza u l-protezzjoni tat-tfal ta' vittmi nisa ta' vjolenza sessista u vjolenza domestika;

V.  billi l-vittmi ta' spiss mhumiex infurmati sew dwar il-proċess u l-eżiti tiegħu; billi l-vittmi ta' spiss jiġu infurmati b'mod mhux mistenni dwar ir-rilaxx tal-awtur tar-reat mill-midja jew minn fatturi esterni oħra, minflok mill-awtoritajiet kompetenti;

W.  billi l-vittmi u l-membri tal-familja ma jingħatawx biżżejjed informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom meta jkun seħħ reat fi Stat Membru ieħor għajr fejn tkun qed tirrisjedi l-vittma; billi l-Istati Membri għandhom definizzjonijiet differenti tal-kunċett ta' "vittma"; billi, bħala konsegwenza ta' dan, il-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jvarja (xi kultant jestendi biex ikopri l-membri tal-familja, pereżempju);

X.  billi n-numri ta' linji telefoniċi għall-għajnuna faċilment aċċessibbli u pubbliċizzati b'mod wiesgħa huma għal ħafna nisa l-ewwel pass lejn il-kisba tal-għajnuna u l-appoġġ li jeħtieġu meta jkunu qed jesperjenzaw il-vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib;

Y.  billi huma biss 27 % tal-Ewropej li huma familjari man-numru tat-telefon ta' emerġenza uniku Ewropew 112; billi mhux kulħadd għandu aċċess għalih;

Z.  billi f'numru konsiderevoli ta' każijiet, il-vittma hija l-aktar xhud importanti fil-proċess u teħtieġ tkun protetta minn imġiba possibbilment ritaljatorja jew ta' theddid mill-awtur tar-reat, inkluż billi tiġi pprevenuta vittimizzazzjoni ripetuta jew sekondarja; billi d-dikjarazzjoni tax-xhieda hija kruċjali għall-funzjonament tajjeb u l-fiduċja fis-sistema tal-ġustizzja kriminali u essenzjali għall-investigazzjoni effikaċi u l-prosekuzzjoni tal-kriminalità organizzata u gruppi terroristiċi, li tista' twassal għaż-żarmar tagħhom; billi l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jipproteġu b'mod effikaċi lix-xhieda u jżidu l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam;

AA.  billi ġew irrapportati nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, b'mod partikolari fir-rigward ta':

   l-għoti ta' servizzi xierqa lill-vittmi skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom,
   l-implimentazzjoni xierqa tar-rekwiżiti biex tiġi ggarantita valutazzjoni individwali tal-vittmi,
   l-istabbiliment xieraq tal-mekkaniżmi li jippermettu lill-allegat awtur tar-reat li jkollu kopja tal-ilment,
   l-iżgurar ta' aċċessibbiltà ugwali għall-vittmi u s-servizzi ta' appoġġ speċjalizzat għall-vittmi kollha, inklużi l-persuni b'diżabilità, il-persuni LGBTI, il-vittmi tfal, il-vittmi ta' vjolenza sessista, inkluża l-vjolenza sesswali, u l-vittmi ta' reati ta' mibegħda u unur, irrispettivament mill-istatus ta' residenza tagħhom,
   il-garanzija ta' proċeduri rapidi, effiċjenti u sensittivi għall-vittmi fil-każijiet fil-qorti kriminali, li jikkunsidraw il-bżonnijiet speċifiċi tal-gruppi ta' persuni l-aktar vulnerabbli,
   il-ġbir ta' data dwar u l-analiżi tal-kultura tal-vjolenza, il-misoġenija u l-istereotipi tas-sessi, u r-rabta tagħhom mal-inċidenza tar-reati ta' mibegħda,
   tingħata informazzjoni lill-vittmi dwar is-sitwazzjoni penali u proċedurali tat-trasgressuri tagħhom,

AB.  billi l-vittmi tal-kriminalità jirrapportaw b'mod regolari li t-tbatija tal-proċess tal-ġustizzja nnifsu huwa tip ta' vittimizzazzjoni – vittimizzazzjoni sekondarja jew rivittimizzazzjoni; billi l-fatturi li għandhom impatt fuq kif il-vittmi jesperjenzaw is-sistema jinkludu kif jiġu ttrattati matul il-proċess, u l-ammont ta' kontroll u aċċess parteċipatorju li jingħatalhom;

AC.  billi l-vittmi tat-terroriżmu kienu soġġetti għal attakki li huma maħsuba fl-aħħar mill-aħħar biex jagħmlu ħsara lis-soċjetà jew grupp ikbar li jirrappreżentaw; billi dawn għalhekk jeħtieġu attenzjoni speċjali, appoġġ u rikonoxximent soċjali minħabba n-natura partikolari tar-reat kommess kontrihom;

AD.  billi ċerti drittijiet, bħad-dritt għal għajnuna u kumpens finanzjarju, ma kinux implimentati jew mogħtija kif xieraq lill-vittmi tal-attakki terroristiċi tal-2016 fi Brussell skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi;

Valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva

1.  Jikkritika n-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li tissottometti rapport lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi sa Novembru 2017, skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw u jibagħtu d-data u l-istatistika rilevanti kollha lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita l-valutazzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva;

2.  Jikkritika l-fatt li li sentejn wara li t-traspożizzjoni kienet dovuta, kienu biss 23 mis-27 Stat Membru li uffiċjalment ittrasponew id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi sa Settembru 2017, u fost dawn, xi wħud huma biss parzjalment konformi u ma' xi dispożizzjonijiet biss;

3.  Jinnota l-implimentazzjoni b'suċċess minn xi Stati Membri ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, jiġifieri:

   id-dritt għal interpretar u traduzzjoni,
   id-dritt għal smigħ,
   il-protezzjoni ta' vittmi li huma tfal,
   id-drittijiet tal-vittmi meta jagħmlu lment,
   id-dritt li tingħata informazzjoni mal-ewwel kuntatt li jsir ma' awtorità kompetenti;

4.  Jiddeplora, madankollu, in-nuqqasijiet importanti li jifdal fit-traspożizzjoni u fl-implimentazzjoni tad-Direttiva f'ħafna Stati Membri, b'mod partikolari fir-rigward ta':

   il-kumplessità ta' proċeduri għall-aċċess tas-servizzi ta' appoġġ u nuqqasijiet fis-sistema ta' appoġġ għall-vittmi, inkluż nuqqas ta' aċċess għall-għajnuna legali u kumpens, nuqqas ta' appoġġ finanzjarju u koordinazzjoni bejn is-servizzi ta' appoġġ, u mekkaniżmi inkonsistenti ta' referenza,
   il-fatt li spiss ma tingħatax informazzjoni ċara f'aktar minn lingwa waħda, li jagħmilha diffiċli de facto għall-vittmi li jfittxu l-protezzjoni barra mill-pajjiż fi Stat Membru ieħor,
   in-nuqqas ta' preżenza leġiżlattiva f'każijiet transfruntiera u d-drittijiet tal-vittmi residenti fi Stati Membri oħra, u n-nuqqas li jieħdu miżuri biex jiżguraw li n-nuqqas ta' status ta' residenza jew status inċert ma joħolqux ostaklu għall-kapaċità tal-vittmi li jasserixxu d-drittijiet tagħhom taħt din id-Direttiva;

5.  Jenfasizza kemm huwa essenzjali li l-ewwel kuntatt mal-vittma jsir kif xieraq, b'mod speċjali fil-każ ta' vittmi ta' vjolenza sessista; jinnota, madankollu, li uħud mill-vittmi l-aktar vulnerabbli – bħal minorenni u vittmi bla edukazzjoni, b'diżabilità jew anzjani, kif ukoll (għal raġunijiet ta' lingwa) migranti u vittmi ta' traffikar tal-bnedmin – jista' jkollhom diffikultajiet biex jifhmu l-informazzjoni li tiġi kkomunikata lilhom u, bħala riżultat, id-dritt tagħhom għall-informazzjoni stipulat fl-Artikolu 4 tad-Direttiva ma jiġix eżerċitat bis-sħiħ, u għalhekk huwa neċessarju li tiġi żgurata l-preżenza ta' espert ikkwalifikat biex jgħin lill-vittmi; jinnota li l-Artikolu 4 huwa wieħed mill-punti b'saħħithom tad-Direttiva, peress li jgħin lill-vittmi jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-appoġġ disponibbli kif stabbilit fid-Direttiva;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-aċċess faċli għall-ġustizzja u għajnuna legali adegwata bla ħlas, għaliex dan jikkontribwixxi bil-kbir biex jinkiser is-silenzju u biex iżid il-fiduċja tal-vittma fis-sistema tal-ġustizzja kriminali, inaqqas il-possibbiltà tal-impunità u jippermetti lill-vittma li tibda l-proċess tal-irkupru psikoloġiku;

7.  Jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effikaċi d-dritt garantit mill-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi għall-vittmi u l-vittmi potenzjali kollha għall-informazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-mekkaniżmi ta' informazzjoni fi ħdan l-Istati Membri sabiex il-vittmi mhux biss ikunu jafu bid-drittijiet tagħhom, iżda jkunu jafu wkoll fejn għandhom imorru biex jeżerċitawhom; ifakkar li l-professjonisti li jagħtu l-ewwel għajnuna lill-vittmi għandhom ikunu l-ewwel punt ta' kuntatt għall-informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-programmi mfassla biex jindirizzaw sitwazzjonijiet li jwasslu għal vittimizzazzjoni; jissottolinja li n-nuqqas ta' provvista ta' informazzjoni lill-vittmi qabel, matul u wara l-proċedimenti kriminali jirriżulta fi tgawdija fqira tad-drittijiet tal-vittmi u n-nuqqas ta' sodisfazzjoni lejn is-sistema ġudizzjarja u jiskoraġġixxi lill-vittmi milli jipparteċipaw b'mod attiv fil-proċedimenti kriminali;

8.  Jiddeplora l-fatt li wisq Stati Membri naqsu milli jimplimentaw, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, valutazzjonijiet individwali tal-vittmi, li jwassal għal ineffiċjenza fid-detezzjoni u fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, fit-trattament tagħhom b'rispett u dinjità u, bħala konsegwenza, biex jingħataw protezzjoni skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom;

9.  Jinnota li n-nuqqas ta' traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva f'ċerti Stati Membri jfisser li ċ-ċittadini ta' dawk l-Istati Membri jsofru diskriminazzjoni f'dak li jirrigwarda r-rispett tad-drittijiet tagħhom bħala ċittadini Ewropej;

10.  Jiddeplora l-fatt li d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tillimita l-eżerċizzju tad-dritt tal-vittmi għal għajnuna legali minħabba d-dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-Istati Membri jipprovdu l-għajnuna legali biss meta l-vittma jkollha l-istatus ta' parti għall-proċedimenti kriminali u jistipulaw li l-kundizzjonijiet jew ir-regoli proċedurali li taħthom il-vittmi jkollhom aċċess għal għajnuna legali għandhom jiġu determinati mil-liġi nazzjonali; jenfasizza li dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu partikolarment onerużi għall-vittmi ta' vjolenza sessista li ma jagħmlux ilmenti u li l-każijiet tagħhom qatt ma jiġu trattati bħala parti mis-sistema tal-ġustizzja kriminali;

11.  Jinnota li strumenti oħra li jindirizzaw żidiet suċċessivi simili għad-drittijiet tal-vittmi jikkomplikaw il-koerenza mad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi;

12.  Ifakkar li ċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini ta' pajjiż terz li sfaw vittmi tal-kriminalità fi Stat Membru ieħor jistgħu jgawdu wkoll id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni offruta minn din id-Direttiva irrispettivament mill-istatus ta' residenza tagħhom, u li vittmi ta' reati kriminali kommessi fi Stat Membru għajr dak fejn il-vittima tirrisjedi jistgħu jressqu l-ilment tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' residenza; jinnota, madankollu, li dan id-dritt spiss jiġi mminat mill-inċertezza tad-dispożizzjonijiet tal-Istat Membru dwar l-extraterritorjalità; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-istatus ta' residenza tagħhom mhuwiex kriterju għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-vittmi u biex jiċċaraw id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-extraterritorjalità; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu l-aċċess għal servizzi ta' appoġġ għall-vittmi mhux residenti ta' reati u informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom, u biex jadottaw miżuri speċifiċi li jiffukaw b'mod partikolari fuq id-drittijiet tal-vittmi kollha għal kumpens u fi proċedimenti kriminali; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni adatta biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jew l-entitajiet li jipprovdu appoġġ speċjalizzat biex jiġi żgurat l-aċċess effikaċi tal-vittmi għal din l-informazzjoni u għal dawn is-servizzi;

13.  Ifakkar lill-Istati Membri li l-vittmi f'sitwazzjoni ta' residenza irregolari għandu jkollhom ukoll aċċess għal drittijiet u servizzi, inklużi djar ta' kenn u servizzi speċjalizzati skont din id-Direttiva, bħal protezzjoni legali u appoġġ psikosoċjali u finanzjarju mill-Istati Membri, mingħajr il-biża' li jiġu deportati; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu miżuri biex jiżguraw li dawn id-drittijiet u s-servizzi jsiru disponibbli mingħajr diskriminazzjoni; jilqa' l-passi meħuda minn xi Stati Membri li jagħtu lill-vittmi mhux iddokumentati permess ta' residenza għal raġunijiet umanitarji jew sakemm il-proċedimenti kriminali, li jistgħu jinkoraġġixxu lill-vittmi jirrapportaw ir-reati u jiġġieldu l-klima ta' impunità; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromulgaw leġiżlazzjoni li tipprovdi toroq għal vittmi bi status ta' residenza dipendenti biex jaħarbu minn sitwazzjonijiet ta' abbuż billi jagħmluha possibbli li jinkiseb status ta' residenza indipendenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-iskambju u l-evalwazzjoni ta' prattiki tajba eżistenti fost l-Istati Membri, li jintegraw il-perspettivi tal-vittmi u s-soċjetà ċivili;

Rakkomandazzjonijiet

Valutazzjoni individwali

14.  Ifakkar li wieħed mill-għanijiet l-aktar importanti tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi huwa li tittejjeb il-pożizzjoni tal-vittmi tal-kriminalità madwar l-UE u biex il-vittma titpoġġa fiċ-ċentru tas-sistema tal-ġustizzja kriminali;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu d-drittijiet tal-vittmi ta' reati ta' mibegħda, inklużi dawk kontra l-persuni LGBTI jew b'raġunijiet razzisti;

16.  Jenfasizza l-fatt li l-valutazzjonijiet individwali huma kruċjali fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-vittmi billi jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom, u d-dritt li jagħmlu deċiżjonijiet fil-proċedimenti li huma involuti fihom u, jekk il-vittma tkun tifel jew tifla, id-dritt li jkollha aċċess għas-salvagwardji proċedurali speċifika li japplika għalihom mill-bidu nett tal-proċedimenti legali; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod xieraq fil-leġiżlazzjoni tagħhom valutazzjonijiet individwali fil-ħin tal-vittmi, inkluż waqt l-ewwel kuntatt ma' awtorità kompetenti jekk ikun meħtieġ, bħala pass proċedurali essenzjali biex jiġu rikonoxxuti u identifikati l-ħtiġijiet tal-vittma, biex wara tingħata protezzjoni speċifika skont dawk il-ħtiġijiet, u tiġi pprevenuta vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, intimidazzjoni u ritaljazzjoni; jenfasizza li l-valutazzjonijiet individwali jeħtieġ li jiġu rieżaminati fuq bażi regolari biex jiġu ddeterminati l-ħtiġijiet ta' appoġġ kontinwu, u li l-vittmi għandhom jiġu pprovduti b'analiżi ta' segwitu f'perjodu ta' żmien xieraq wara li jkun seħħ ir-reat, abbażi tal-għarfien eżistenti ta' reazzjonijiet trawmatiċi; ifakkar li l-valutazzjonijiet individwali huma partikolarment meħtieġa għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u l-vittmi tfal li sofrew minn abbuż sesswali, minħabba r-riperkussjonijiet soċjali, fiżiċi u psikoloġiċi ta' dawn ir-reati; ifakkar li l-valutazzjonijiet individwali kollha għandhom ikunu sensittivi għall-ġeneru, ladarba n-nisa u l-vittmi LGBTQI ta' vjolenza sessista jirrikjedu attenzjoni u protezzjoni speċjali minħabba riskju għoli ta' vittimizzazzjoni ripetuta, u għalhekk għandhom ikunu żgurati miżuri speċifiċi u appoġġ speċjalizzat;

Is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi

17.  Jiddispjaċih għad-diffikultajiet esperjenzati mill-vittmi biex jiksbu aċċess għas-servizzi ta' appoġġ; jiddeplora l-fatt li f'xi Stati Membri, is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi għadhom ma twaqqfux; jenfasizza li s-servizzi u d-drittijiet ta' appoġġ għall-vittmi għandhom jingħataw lill-vittmi kollha madwar l-UE u għandhom ikunu aċċessibbli anke meta persuna tkun għadha ma ppruvatx jekk hijiex vittma tal-kriminalità, jew qabel ma jkunu seħħew kwalunkwe proċedura jew att uffiċjali; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu għal, u jżidu n-numru u jtejbu l-aċċessibbiltà tan-nisa, is-servizzi ta' djar ta' kenn u ċentri għan-nisa, l-appoġġ għall-vittmi nisa tal-forom kollha ta' vjolenza sessista, u jiżguraw li s-superstiti nisa ta' vjolenza qatt ma jiġu mċaħħda minn post; jinsisti li s-servizzi jeħtieġ jiġu estiżi biex b'mod aktar adegwat jissodisfaw il-ħtiġijiet tan-nisa kollha, b'mod partikolari nisa b'abbiltajiet differenti u nisa migranti, inklużi nisa migranti mhux iddokumentati; jenfasizza li dawn is-servizzi għandhom jinkludu wkoll appoġġ speċjalizzat mhux residenzjali, bħal informazzjoni u konsulenza, akkumpanjament il-qorti u servizzi ta' komunikazzjoni; iqis li d-djar ta' kenn għan-nisa għandhom jgħinu lin-nisa kollha li qed jaffaċċjaw vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib, u għandhom ikunu disponibbli 24/7 u bla ħlas għan-nisa u t-tfal tagħhom, b'tali mod li n-nisa jkunu jistgħu jħossuhom sikuri u kapaċi jirrapporta vjolenza sessista;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-valutazzjoni individwali tat-tfal u tal-vittmi li huma tfal ta' kwalunkwe tip ta' kriminalità, b'mod partikolari t-traffikar tal-bnedmin, inkluż l-isfruttament sesswali, il-vjolenza sessista u l-abbuż u l-isfruttament sesswali; ifakkar li l-vittmi li huma tfal għandhom dejjem jiġu kkunsidrati li għandhom ħtiġijiet ta' protezzjoni speċifiċi minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom kif previst fl-Artikolu 22(4) tad-Direttiva; jenfasizza l-ħtieġa li l-vittmi li huma tfal u żgħażagħ jiġu trattati b'mod li jqis b'mod xieraq il-vulnerabbiltà tagħhom;

Taħriġ

19.  Jenfasizza li l-iżgurar ta' aktar programmi ta' taħriġ fil-livell tal-UE huwa ta' importanza kbira għall-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri madwar l-Istati Membri u l-iżgurar tat-trattament ugwali għaċ-ċittadini Ewropej;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ speċifiku għal dawk responsabbli biex jgħinu lill-vittmi ta' atti terroristiċi, kif ukoll jagħtuhom ir-riżorsi meħtieġa għal dan il-għan;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu programmi ta' taħriġ li huma sensittivi għall-ġeneru u linji gwida għall-professjonisti kollha involuti fit-trattament tal-vittmi tal-kriminalità, bħal dawk li jipprattikaw il-liġi, l-uffiċjali tal-pulizija, il-prosekuturi, l-imħallfin, il-professjonisti tas-saħħa, il-ħaddiema soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw l-fondi tal-UE b'mod adegwat għal dawn l-iskopijiet ta' taħriġ; jistieden lill-Istati Membri biex b'mod speċifiku jiżguraw li huma jikkonformaw mal-obbligi kollha dwar it-taħriġ għall-uffiċjali tal-pulizija, sabiex ikunu jistgħu jwettqu valutazzjonijiet individwali aħjar u fil-ħin ladarba r-reat ikun sar; jistieden lill-Istati Membri jipprevjenu vittimizzazzjoni ulterjuri jew vittimizzazzjoni sekondarja esperjenzata mill-vittmi tal-kriminalità, biex jipprovdu lill-vittmi b'informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u s-servizzi li jistgħu jaċċessaw, u li jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom, bħala mezz biex jitnaqqas l-istress postrawmatiku; jenfasizza li dan it-taħriġ għandu jkun inkluż ukoll fi programmi edukattivi, f'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-NGOs, u li taħriġ obbligatorju u speċifiku għandu jkun regolarment disponibbli kollha għall-professjonisti kollha involuti fit-trattament tal-vittmi tal-kriminalità, bil-għan li tiġi żviluppata attitudni xierqa biex tittratta l-karatteristiċi u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull tip ta' vittma, tgħin lill-professjonisti jipprevjenu l-vjolenza u tipprovdi appoġġ adegwat għal gruppi vulnerabbli, bħat-tfal, in-nisa vittmi ta' vjolenza sessista, il-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin, il-persuni LGBTI u l-persuni b'diżabilità; ifakkar li t-taħriġ personali huwa element neċessarju biex l-objettivi tad-Direttiva jiġu implimentati b'mod effikaċi; iqis li dan it-taħriġ għandu jinkludi gwida dwar kif għandu jiġi żgurat li l-vittmi jkunu protetti minn koerċizzjoni, abbuż u vjolenza u li l-integrità fiżika u mentali tagħhom tiġi rispettata; jemmen, barra minn hekk, li kull sessjoni ta' taħriġ għandha tenfasizza l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni – pedament tad-Direttiva;

22.  Ifakkar li t-tfal vittmi tal-kriminalità huma partikolarment vulnerabbli, u li għandha tingħata attenzjoni partikolari għat-taħriġ tal-professjonisti li jittrattaw mal-vittmi tal-kriminalità relatata mat-tfal, speċjalment f'każijiet ta' abbuż sesswali u sfruttament sesswali, b'kunsiderazzjoniet tal-ħtiġijiet assoċjati mal-gruppi ta' etajiet differenti; jenfasizza li dawn il-professjonisti għandhom jikkomunikaw b'mod adatt għat-tfal;

23.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tipprovdi kontenut prattiku għall-jum internazzjonali tal-vittmi tat-terroriżmu billi torganizza, mill-inqas darbtejn fis-sena, laqgħa internazzjonali mmirata speċifikament lejn l-iskambju ta' esperjenzi u prattiki tajbin bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali u statali tal-Istati Membri u l-ġbir ta' xiehda mill-vittmi; jikkunsidra li dan għandu jgħin biex tiġi żgurata traspożizzjoni rapida, uniformi u sħiħa tad-Direttiva, l-identifikazzjoni bikrija ta' problemi komuni ta' applikazzjoni, u proċess għall-valutazzjoni għaddejja ta' din il-kapaċità li titqajjem sensibilizzazzjoni, u tiżdied dimensjoni operattiva għal wirjiet ta' solidarjetà u appoġġ istituzzjonali u soċjali għall-vittmi;

24.  Jissottolinja l-fatt li l-professjonisti tal-kura tas-saħħa huma essenzjali biex jidentifikaw vittmi ta' vjolenza domestika, ladarba l-vjolenza fuq in-nisa f'relazzjonijiet mill-qrib taffettwa kemm is-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali fuq terminu twil; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi u d-drittijiet tal-vittmi hija aċċessibbli għal professjonisti tas-saħħa, u li jiġi pprovdut taħriġ immirat għal firxa wiesgħa ta' professjonisti tal-kura tas-saħħa, inklużi t-tobba tal-familja, it-tobba speċjalizzati f'assistenza f'emerġenza, l-infermiera, l-assistenti mediċi, il-ħaddiema soċjali kliniċi u l-persunal tal-akkoljenza, bil-ħsieb li tiġi pprovduta tweġiba effikaċi għall-vittma, b'mod partikolari f'każijiet ta' vjolenza sessista, b'tali mod li tippermetti lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa jidentifikaw każijiet ta' abbuż potenzjali, u jinkoraġġixxu lill-vittmi nisa jikkuntattjaw awtorità kompetenti;

Dimensjoni transfruntiera

25.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu għajnuna finanzjarja u legali lill-membri tal-familja f'każijiet fejn ikun seħħ reat serju – eż., fejn il-vittma tkun mietet jew imweġġa' serjament – fi Stat Membru għajr dak li fih huma residenti, b'mod partikolari f'każijiet fejn il-familja ma jkollhiex riżorsi finanzjarji biex tivvjaġġa lejn dak l-Istat Membru biex tattendi l-qorti, biex tiffinanzja appoġġ psikoloġiku jew biex tirripatrija lill-vittmi;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-proċeduri aktar flessibbli u jgħaġġlu l-proċess ta' trażmissjoni tas-sentenzi għall-vjolenza sessista mogħtija f'pajjiż, b'mod speċjali fil-każijiet ta' koppji internazzjonali, sabiex l-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-konjugi jkunu jistgħu jaġixxu kif meħtieġ kemm jista' jkun malajr u jipprevjenu li l-kustodja tat-tfal tingħata lil ġenitur akkużat bi vjolenza sessista f'pajjiż ieħor;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ikomplu jiżviluppaw id-drittijiet tal-vittmi sabiex l-UE jkun jista' jkollha rwol ewlieni fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi;

Id-drittijiet proċedurali

28.  Jenfasizza l-importanza li tingħata għajnuna legali mingħajr ħlas filwaqt li jiġi żgurat li l-piż burokratiku għall-vittma jkun kemm jista' jkun baxx;

29.  Jistieden, b'mod partikolari, lill-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri kunfidenzjali u anonimi biex jirrapportaw ir-reati, partikolarment f'każijiet ta' abbuż sesswali u l-abbuż ta' persuni b'diżabilità u minorenni, bil-għan li jiġu mmonitorjati u evalwati l-għadd ta' rapporti u jiġi żgurat li l-vittmi mhux iddokumentati jistgħu jressqu lment mingħajr ir-riskju ta' konsegwenzi relatati ma' immigrazzjoni;

30.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-miżuri legali fi proċeduri kriminali li jiggarantixxu l-protezzjoni tal-vittmi tfal, inklużi l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi tfal ta' vjolenza sessista, partikolarment f'każijiet fejn l-omm tat-tifel jew tifla tinqatel mis-sieħeb tagħha, matul il-proċedimenti kriminali kollha, u biex jiġi żgurat li huma jirċievu assistenza u appoġġ soċjali u psikoloġiku minn hemm 'il quddiem, sabiex jiġi evitat li l-vittmi tfal jiġu esposti għal vittimizzazzjoni sekondarja; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-miżuri speċifiċi biex itejbu r-rwol tal-linji telefoniċi nazzjonali fil-kuntest tal-vittmi tfal, meta jitqies li l-awtorapportar tat-tfal huwa limitat;

31.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-inċidenti sinifikanti ta' vjolenza sessista, inkluż il-vjolenza domestika, meta jiddeterminaw id-drittijiet ta' kustodja u ta' żjara, u jqis li d-drittijiet u l-ħtiġijiet tax-xhieda tfal għandhom jitqiesu wkoll meta l-vittmi jiġu pprovduti b'servizzi ta' protezzjoni u ta' appoġġ;

32.  Ifakkar lill-Istati Membri dwar ir-rekwiżit li jipprovdu servizzi ta' traduzzjoni u interpretar mingħajr ħlas, u jinnota li nuqqas ta' informazzjoni f'lingwi oħra jista' jikkostitwixxi ostakolu għall-protezzjoni effikaċi tal-vittmi u forma ta' diskriminazzjoni kontrihom;

33.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom b'mod attiv u jikkooperaw mill-qrib f'kampanji ta' informazzjoni biex iżidu s-sensibilizzazzjoni ġenerali pubblika dwar id-drittijiet tal-vittmi kif stabbilit mid-dritt tal-UE, inklużi l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi li huma tfal; jenfasizza li dawn il-kampanji ta' sensibilizzazzjoni għandhom jiġu organizzati wkoll fl-iskejjel sabiex it-tfal jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom u jiġu pprovduti bl-għodda biex jirrikonoxxu kwalunkwe forma tal-kriminalità li huma setgħu sofrew jew kienu xhieda tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwaqqfu kampanji biex iħeġġu n-nisa u l-persuni LGBTQI jirrapportaw kwalunkwe forma ta' vjolenza sessista sabiex ikunu jistgħu jiġu protetti u jirċievu l-appoġġ li jeħtieġu;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki għal approċċ orjentat lejn il-vittmi għall-uffiċjali tal-pulizja fil-ħidma ta' kuljum tagħhom;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'mod attiv, kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f'dak nazzjonali, f'kampanji ta' prevenzjoni kontra l-vjolenza sessista u l-vittimizzazzjoni mill-ġdid fis-sistema ġudizzjarja u fil-midja, u biex jippromwovu bidla kulturali fl-opinjoni pubblika sabiex jipprevjenu attitudnijiet jew imġiba li jagħtu tort lill-vittma, li jistgħu jirriżultaw fi trawma addizzjonali għall-vittmi ta' reati speċifiċi bħal vjolenza sessista jew abbuż sesswali; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lis-settur privat, is-settur tal-IT u lill-midja biex jagħmlu użu mill-potenzjal tagħhom u jipparteċipaw fil-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika;

36.  Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmi biex jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw il-proċess biex il-vittmi jirrapportaw ir-reati li jkunu sofrew;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri speċifiċi fil-każ ta' attakki li jirriżultaw f'għadd kbir ta' vittmi, sabiex fil-proċedimenti kriminali jkunu jistgħu jipparteċipaw għadd kbir ta' vittmi;

38.   Ifakkar lill-Istati Membri li għandha tingħata attenzjoni partikolari għar-riskju ta' intimidazzjoni u ta' ritaljazzjoni u għall-ħtieġa li tiġi mħarsa d-dinjità u l-integrità fiżika tal-vittmi, inkluż waqt is-smigħ u x-xhieda tagħhom biex jiġu ddeterminati l-ammont u l-limitu ta' protezzjoni meħtieġa għal dawn il-persuni waqt il-proċedimenti kriminali;

39.  Jenfasizza l-importanza tal-obbligu li l-vittmi jinżammu infurmati dwar il-progress tal-proċedimenti kriminali miġjuba kontra l-atturi tar-reati kontrihom, b'mod partikolari meta jkunu ngħataw sentenzi ta' priġunerijajew meta dawn ikunu qed jiġu skontati;

Perspettiva istituzzjonali

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tissodisfa l-obbligi ta' rapportar tagħha kif stabbilit fid-Direttiva;

41.  Jenfasizza l-importanza ta' data komparabbli diżaggregata rilevanti dwar ir-reati kollha, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-vjolenza fuq in-nisa u t-traffikar tal-bnedmin, sabiex jiġi żgurat fehim aħjar tal-problema, u biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u tiġi vvalutata u mtejba l-azzjoni tal-Istati Membri għall-appoġġ tal-vittmi;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni kontra n-nuqqasijiet ġudizzjarji u prattiċi fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva permezz ta' interazzjoni xierqa tad-diversi strumenti tal-UE għall-protezzjoni tal-vittmi, bħad-Direttiva 2011/99/UE dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni, id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, id-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u d-Direttiva 2014/42/UE dwar l-iffriżar u l-konfiska ta' mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali; jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jirratifikaw u jinfurzaw b'mod sħiħ il-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa(15), biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u jimplimentaw dawn l-istrumenti importanti b'mod koerenti sabiex jiżguraw li l-vittmi fl-Ewropa jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi eżamijiet settorjali fil-monitoraġġ u r-rapportar tagħha, u tiżgura applikazzjoni uniformi tad-Direttiva biex il-vittmi kollha jiġu protetti irrispettivament mir-raġunijiet tal-vittimizzazzjoni jew karatteristiċi speċifiċi, bħar-razza, il-kulur, ir-reliġjon, is-sess, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, il-karatteristiċi tas-sess, id-diżabilità, l-istatus ta' migrazzjoni jew kwalunkwe status ieħor;

44.  Ifakkar li l-membri tal-familja tal-vittmi huma inklużi fid-definizzjoni ta' "vittma", u jistieden lill-Istati Membri jinterpretaw it-terminu "membri tal-familja" – u termini ewlenin oħra, bħal "partikolarment vulnerabbli" – b'mod wiesa', sabiex ma jirrestrinġux il-lista ta' detenturi tad-drittijiet potenzjali bla bżonn;

45.  Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ miżuri li jiżguraw li l-komunikazzjonijiet bil-miktub u orali jikkonformaw ma' standards tal-lingwa sempliċi, u huma adattati għall-minorenni u l-persuni b'diżabilità, b'lingwa li l-vittma tista' tifhem, sabiex il-vittmi jkunu jistgħu jinżammu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom b'mod komprensibbli, adegwat u mmirat qabel, matul u wara l-proċedimenti kriminali;

46.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li fejn l-eżerċizzju tad-drittijiet ikun limitat minn perjodi ta' preskrizzjoni, għandu jitqies id-dewmien li jirriżulta minn diffikultajiet ta' traduzzjoni u interpretazzjoni;

47.  Sforz il-fatt li huwa forma komuni ta' vjolenza sessista li jeħtieġ miżuri ta' prevenzjoni speċifiċi, jistieden lis-seba' Stati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jilleġiżlaw ħalli jagħmlu l-istalking reat kriminali, kif mitlub mill-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi dwar id-dritt għall-protezzjoni tal-privatezza, id-dritt għall-protezzjoni u, b'mod partikolari, id-dritt li jiġi evitat kuntatt mal-awtur tar-reat jew, fejn ikun il-każ, ma' awturi jew kompliċi potenzjali oħra tar-reat;

48.  Jitlob lill-Istati biex jipprevjenu vittimizzazzjoni ulterjuri permezz ta' umiljazzjonijiet u attakki kontra l-unur tal-vittma min-naħa tas-setturi soċjali relatati mal-attakkant; ifakkar li dawn l-espressjonijiet jikkostitwixxu vittimizzazzjoni oħra u mhumiex protetti mil-libertà ta' espressjoni skont l-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem(16);

49.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li tkun qed titħaddem linja telefonika ta' informazzjoni ta' emerġenza wara l-attakk jew preferibbilment, li jinkludu dan is-servizz fil-lista ta' servizzi tan-numru ta' emerġenza Ewropew 112, u li jsiru dispożizzjonijiet biex jipprovdu assistenza f'lingwa barranija; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri kollha biex immedjatament jimplimentaw l-Artikolu 22 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi fil-leġiżlazzjoni tagħhom;

50.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li, f'każ li vittma ta' terroriżmu ma tirrisjedix fl-Istat Membru fejn l-att seħħ, dan l-Istat Membru għandu jikkoopera mal-Istat Membru ta' residenza sabiex jiffaċilita l-assistenza għall-vittma;

51.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu linja telefonika nazzjonali, miftuħa 24/7 u bla ħlas, għan-nisa u persuni LGBTQI li jkunu vittmi ta' vjolenza sessista;

52.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu l-assistenza lill-vittmi mis-servizzi tal-appoġġ għall-vittmi qabel, matul u wara l-proċedimenti kriminali, inkluż appoġġ psikoloġiku; jissottolinja r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili fl-appoġġ tal-vittmi; iqis, madankollu, li l-gvernijiet m'għandhomx joqogħdu biss fuq l-NGOs biex jipprovdu s-servizzi ta' appoġġ ewlenin lill-vittmi ("il-volontarjat"); jinsisti li l-Istati Membri jiżguraw li jiżdiedu l-fondi u r-riżorsi għal NGOs li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tal-vittma u jridu jibnu l-kapaċità biex jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' appoġġ għall-vittmi, li jinvolvu l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, is-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali u s-soċjetà ċivili;

53.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ speċjalizzat għall-vittmi tat-terroriżmu fl-ippjanar tar-rispons għal emerġenza biex tkun żgurata l-provvista ta' servizzi ta' appoġġ xierqa, kemm immedjatament wara attakk kif ukoll fuq terminu twil;

54.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri speċifiċi biex jiżguraw il-provvista ta' informazzjoni lil vittmi mhux residenti fit-territorju ta' Stat Membru fejn ikun seħħ l-attakk terroristiku; jemmen li dawn il-miżuri għandhom, b'mod partikolari, jiffokaw fuq id-drittijiet ta' vittmi mhux residenti fi proċedimenti kriminali u fuq kumpens;

55.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jiġġieldu l-impunità dejjem u jiżguraw li l-awturi tar-reat jitressqu quddiem il-ġustizzja, sabiex il-vittmi jkunu jistgħu jħosshom protetti; jistieden lill-Istati Membri kollha, barra minn hekk, jaħdmu b'mod transsettorjali biex jidentifikaw u jindirizzaw fatturi sistemiċi li jikkontribwixxu għall-vittimizzazzjoni ripetuta ta' persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli u/jew li jiffaċċjaw livelli għoljin ta' diskriminazzjoni, għaliex jekk ma jsirx dan jista' jkollha impatt serju fuq il-proċess ta' rkupru psikoloġiku tal-vittma;

56.  Jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu mekkaniżmi legali li jikkriminalizzaw il-glorifikazzjoni ta' att speċifiku ta' terroriżmu fil-każ li dan jumilja lill-vittmi u jikkawża vittimizzazzjoni sekondarja billi jagħmel ħsara lid-dinjità u l-irkupru tal-vittmi;

57.  Jikkunsidra li l-vittmi tat-terroriżmu għandu jkollhom post ċentrali fis-soċjetà Ewropea, bħala simbolu tad-difiża tal-pluraliżmu demokratiku; jistieden, f'dan ir-rigward, li jitħejjew kungressi, imfakar, materjal awdjoviżiv biex tinħoloq sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini Ewropej u reġistru tal-vittmi Ewropej għal użu amministrattiv;

58.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw protezzjoni aktar b'saħħitha għall-vittmi ta' vjolenza sessista, inkluża l-vjolenza sesswali, bħala mezz ta' titjib tal-aċċess għall-ġustizzja u l-effiċjenza tal-proċedimenti kriminali;

59.  Ifakkar in-natura speċifika tal-vittmi ta' attakki terroristiċi, li jaqgħu f'kategorija separata u għandhom ħtiġijiet speċifiċi; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tabbozza direttiva speċifika dwar il-protezzjoni tal-vittmi tat-terroriżmu;

60.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu s-servizzi ta' appoġġ, bħal appoġġ għat-trawma u konsulenza, u aċċess għall-kura tas-saħħa meħtieġa, inkluża s-saħħa sesswali u riproduttiva, bħala parti mill-appoġġ immirat għall-vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi, bħat-tfal, il-vittmi nisa ta' vjolenza sessista, il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, il-persuni LGBTI, u l-persuni b'diżabilità;

61.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi ta' kontroll tal-kwalità adegwati biex jivvalutaw jekk laħqux ir-rekwiżiti għall-istandards sensittivi għall-ġeneru u li jqisu l-interessi tan-nisa u t-tfal fir-rigward tad-dispożizzjonijiet magħmula mis-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi biex jinkoraġġixxu r-rapportar tar-reati u biex il-vittma tiġi protetta b'mod effikaċi;

62.  Jistieden lill-Istati Membri jgħinu lill-vittmi jittrattaw il-kwistjonijiet legali, finanzjarji u prattiċi kif ukoll ir-riskju ta' aktar vittimizzazzjoni;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza l-użu potenzjali tal-proġett iffinanzjat mill-UE "Infovictims", bħala għodda biex tinforma u tikkomunika mal-vittmi dwar proċessi kriminali permezz ta' metodi ta' komunikazzjoni differenti, bħal fuljetti u kartelluni; iqis li dan il-proġett isaħħaħ il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki biex jiġu infurmati l-vittmi tal-kriminalità;

64.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi kkoordinati għall-ġbir tal-informazzjoni dwar il-vittmi ta' attakki terroristiċi li jseħħu fit-territorju tagħhom, u, permezz tal-ħolqien u l-iżvilupp ta' one-stop shop, jipprovdu lill-vittmi b'portal tal-internet u linja telefonika ta' emerġenza jew b'mezzi oħra ta' komunikazzjoni, bħall-email jew għodda ta' messaġġi multimedjali, li jagħtu aċċess għal informazzjoni sikura, personalizzata, speċifika u rilevanti skont il-ħtiġijiet tal-utent, b'servizz ta' appoġġ kunfidenzjali, bla ħlas u faċilment aċċessibbli; jenfasizza li dan is-servizz ta' appoġġ irid ikun kapaċi jipprovdi assistenza u appoġġ lill-vittmi tat-terroriżmu f'konformità mal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, bħal appoġġ emozzjonali u psikoloġiku, u pariri u informazzjoni dwar kwalunkwe kwistjoni legali, prattika jew finanzjarja, irid ikun kapaċi jassisti lill-vittmi li qed jikkomunikaw ma' diversi dipartimenti amministrattivi u, jekk meħtieġ, jirrappreżentahom f'dan ir-rigward immedjatament wara l-attakk u waqt kwalunkwe proċediment kriminali, kif ukoll assistenza għal proċeduri nazzjonali għal talba ta' kumpens;

65.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri xierqa biex kemm jista' jkun jipprevjenu, attakki fuq il-ħajja privata tal-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward ta' attivitajiet investigattivi u matul il-proċeduri legali;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tibdel il-portal tal-Ġustizzja elettronika attwali fi pjattaforma aktar faċli għall-utent li tipprovdi lill-vittmi b'informazzjoni konċiża u faċli li tinftiehem dwar id-drittijiet tagħhom u l-proċeduri li huma jeħtieġ isegwu;

67.  Jistieden lill-Istati Membri, fir-rispett sħiħ tal-libertà tal-espressjoni, jinvolvu ruħhom mal-midja u l-ġurnalisti biex jadottaw miżuri ta' awtoregolazzjoni wara attakk terroristiku sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tal-ħajja privata tal-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom u, barra minn hekk jirrikonoxxu l-valur tal-kooperazzjoni ma' servizzi speċjalizzati għal assistenza u appoġġ tal-vittmi biex jgħinu lill-vittmi jittrattaw l-attenzjoni tal-midja li jirċievu;

68.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi ta' koordinazzjoni biex jiżguraw it-tranżizzjoni effikaċi tal-appoġġ għall-vittmi minn kura sensittiva għall-ġeneru immedjata wara r-reat, għall-assistenza li huma jeħtieġu fuq medda itwal ta' żmien; jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jipprovdu l-maġġoranza tas-servizzi ta' assistenza għall-vittmi għandhom ikunu inklużi fl-istadji kollha tal-ippjanar, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni; jenfasizza li mekkaniżmi bħal dawn għandhom, b'mod partikolari, jiżguraw li l-vittmi jiġu riferiti servizzi fuq terminu twil, b'organizzazzjonijiet differenti jipprovdu appoġġ matul il-fażijiet diversi; iqis li dawn il-mekkaniżmi għandhom jaqdu wkoll funzjoni transfruntiera sabiex jipprovdu servizzi ta' appoġġ għall-vittmi, u jiggarantixxu d-dritt tal-vittma li tkun infurmata, megħjuna u kkumpensata fil-post tar-residenza tagħha, meta r-reat ikun seħħ fi Stat Membru għajr dak li fih tirrisjedi l-vittma;

69.  Jistieden lill-Istati Membri, f'każ ta' attakk terroristiku, biex jistabbilixxu ċentru ta' koordinazzjoni li jgħaqqad flimkien organizzazzjonijiet u esperti bl-għarfien espert meħtieġ biex jipprovdu informazzjoni, appoġġ u servizzi prattiċi lill-vittmi u lill-familji u l-qraba tagħhom; jenfasizza li dawn is-servizzi għandhom ikunu kunfidenzjali, bla ħlas u aċċessibbli faċilment għall-vittmi kollha tat-terroriżmu, u għandhom jinkludu, b'mod partikolari:

   (a) Appoġġ emozzjonali u psikoloġiku speċjalizzat, bħall-appoġġ tat-trawma u l-konsulenza speċifikament adatti għall-ħtiġijiet tal-vittmi tat-terroriżmu;
   (b) Servizzi ta' rijabilitazzjoni vokazzjonali biex jgħinu lill-vittmi li jsofru minn korrimenti u ħsara biex isibu impjiegi ġodda jew jibdlu l-karrieri;
   (c) Iffaċilitar ta' konnessjonijiet virtwali sikuri għall-vittmi ma' vittmi oħra u ma' gruppi ta' appoġġ immexxija mill-vittmi;
   (d) Servizzi ta' appoġġ ibbażati fuq il-komunita;
   (e) Servizzi li jinfurmaw lill-membri tal-familja dwar l-identifikazzjoni tal-vittmi u l-fdalijiet tagħhom u biex jintbagħtu lura l-fdalijiet tagħhom lejn pajjiżhom;

70.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li, meta mqabbel mal-Konvenzjoni ta' Istanbul, il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi huwa aktar limitat fir-rigward tal-protezzjoni tal-vittmi ta' vjolenza sessista (inklużi persuni affettwati mill-FGM); jilqa, madankollu, il-mekkaniżmu ta' obbligu ta' rendikont aktar b'saħħtu tad-Direttiva u jenfasizza li ż-żewġ strumenti għandhom jiġu promossi flimkien sabiex tiġi mmasimizzata l-protezzjoni offruta lill-vittmi ta' vjolenza sessista;

71.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipprovdu materjal ta' informazzjoni adegwat u għajnuna legali bla ħlas lill-vittmi tat-terroriżmu li jkunu wkoll partijiet fi proċedimenti kriminali, biex ikunu jistgħu jiksbu deċiżjoni dwar kumpens;

72.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien ta' fond Ewropew ta' għajnuna lill-vittmi ta' atti terroristiċi;

73.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu:

   a) Sit web dedikat permanenti li minnu tkun tista' tiġi aċċessata l-informazzjoni pubblika kollha dwar is-servizzi ta' appoġġ stabbiliti wara li jkun seħħ attakk terroristiku f'dak l-Istat Membru, u li għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja, li għandha ssir disponibbli bħala kwistjoni ta' urġenza: id-dettalji ta' kuntatt ta' kwalunkwe organizzazzjoni responsabbli biex tipprovdi appoġġ u informazzjoni lill-vittmi, il-membri tal-familja u l-membri tal-pubbliku wara attakk terroristiku, u informazzjoni dwar l-attakk u miżuri stabbiliti bħala reazzjoni għalih, inkluża informazzjoni dwar is-sejbien jew il-kuntatt ma' vittmi nieqsa u miżuri biex jgħinu lill-vittmi jirritornaw lejn djarhom, li għandhom jinkludu:
   i. Kif terġa' tinkiseb kwalunkwe proprjetà mitlufa bħala riżultat ta' attakk;
   ii. Reazzjonijiet psikoloġiċi normali ta' vittmi ta' attakk u gwida lill-vittmi dwar modi kif tiġi mmitigata kwalunkwe reazzjoni negattiva, u informazzjoni dwar korrimenti mhux viżibbli possibbli, bħal pereżempju t-telf tas-smigħ;
   iii. Informazzjoni dwar kif jiġu ssostitwiti dokumenti ta' identifikazzjoni;
   iv. Informazzjoni dwar kif tikseb assistenza finanzjarja, kumpens jew benefiċċji tal-gvern;
   v. Informazzjoni dwar id-drittijiet speċifiċi tal-vittmi tat-terroriżmu u l-membri tal-familja, inklużi d-drittijiet fi proċedimenti kriminali kif preskritt fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi;
   vi. Kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa meħtieġa sabiex tiżgura li l-vittmi jkunu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom, is-sikurezza tagħhom, jew is-servizzi disponibbli għalihom;
   b) Sit web b'aċċess privat, disponibbli għall-vittmi ta' attakki terroristiċi u l-membri tal-familja tagħhom, li jipprovdi informazzjoni lill-vittmi li mhix pubblikament disponibbli;
   c) Ippjanar dwar kif il-membri tal-familja jiġu infurmati dwar is-sitwazzjonijiet tal-vittmi;
   d) Il-ġbir uniformi tal-informazzjoni dwar il-vittmi mill-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet kollha responsabbli għall-akkoljenza, it-trattament u l-assistenza tal-vittmi; l-informazzjoni għandha tinġabar b'mod konformi mal-ħtiġijiet tal-organizzazzjonijiet kollha involuti fir-rispons għal attakk terroristiku u b'appoġġ għall-vittmi u l-familji tagħhom;

74.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu netwerk nazzjonali ta' servizzi ta' appoġġ għall-vittmi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn dawn l-organizzazzjonijiet u għall-varar ta' gruppi ta' ħidma biex jiġu kkondiviżi l-aħjar prattiki, jiġi żviluppat it-taħriġ u tittejjeb il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-vittmi tal-kriminalità;

75.  Jistieden lill-Kummissjoni tidħol fi djalogu mal-Istati Membri sabiex jonqsu d-diskrepanzi kbar(17) fil-kumpens finanzjarju nazzjonali mogħti minn kull Stat Membru lill-vittmi ta' attakki terroristiċi;

76.  Jenfasizza li huwa essenzjali li l-Istati Membri jirreaġixxu mal-vittmi tal-kriminalità b'mod rispettuż, sensittiv u professjonali sabiex jinkoraġġixxu lill-vittmi tal-kriminalità jirrapportaw lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew lill-persunal mediku;

77.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-hotline ta' emerġenza 112 ikun għalkollox aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità u li jiġu varati kampanji biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwaru;

78.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta, malajr kemm jista' jkun, strateġija Ewropea għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull vjolenza sessista, inkluż att legali biex jappoġġja lill-Istati Membri fil-prevenzjoni u t-trażżin tal-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u ta' vjolenza sessista; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill jattiva l-klawżola "passerelle" billi jadotta deċiżjoni unanima li tidentifika l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet kif ukoll forom oħrajn ta' vjolenza sessista bħala reat kriminali skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE;

79.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi għall-irkupru ta' ħlasijiet ta' kumpens adegwati mingħand l-awturi tar-reat;

80.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod effiċjenti, b'riżorsi ekonomiċi u finanzjarji biżżejjed u b'kooperazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni u atturi rilevanti oħra, inkluża s-soċjetà ċivili, id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi;

81.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-prijorità tas-salvagwardja tas-sigurtà personali u l-protezzjoni tal-individwi kollha mill-vjolenza sessista u interpersonali fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà;

o
o   o

82.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 131, 20.5.2017, p. 11.
(2) ĠU L 131, 20.5.2017, p. 13.
(3) ĠU L 82, 22.3.2001, p. 1.
(4) ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6.
(5) ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1.
(6) ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4.
(7) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(8) ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.
(9) ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
(10) ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.
(11) Testi Adottati, P8_TA(2017)0501.
(12) ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39.
(13) ĠU L 261, 6.8.2004, p. 15.
(14) Testi adottati, P8_TA(2017)0329.
(15) Ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul.
(16) Sentenza tal-Awla tas-16 ta' Lulju 2009, Féret vs il-Belġju, C-573.
(17) Il-kumpens finanzjarju nazzjonali jvarja minn euro simboliku f'ċerti Stati Membri għal EUR 250 000 u aktar f'oħrajn.


Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni
PDF 194kWORD 69k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni (2017/2070(INI))
P8_TA(2018)0230A8-0166/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-politika kummerċjali "Kummerċ għal Kulħadd" (COM(2017)0491),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2017 dwar ‘L-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2016’ (COM(2017)0654),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" ("Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli"),

–  wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President tal-Kummissjoni, Jean‑Claude Juncker, tat-13 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar in-negozjati multilaterali fid-dawl tal-11-il Konferenza Ministerjali tad-WTO fi Buenos Aires, fl-10-13 ta' Diċembru 2017(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni dwar in-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA)(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar l-impatt tal-kummerċ internazzjonali u l-politiki kummerċjali tal-UE fuq il-katini ta' valur mondjali(5),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tal-15 ta' Novembru 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2017 bit-titolu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali"(7),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tas-16 ta' Marzu 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi tal-Unjoni tal-landa, it-tantalju u t-tungstenu, il-minerali tagħhom, u d-deheb li joriġina f'żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli(8),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tal-4 ta' Ottubru 2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-politika tal-kummerċ internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima(11),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Mejju 2006 bit-titolu "Promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd: Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-aġenda tax-xogħol deċenti għal kulħadd" (COM(2006)0249, SEC(2006)0643),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea(12),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) tas-16 ta' Mejju 2017 dwar il-kompetenza tal-Unjoni biex tiffirma u tikkonkludi l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles ma' Singapore,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2016 dwar l-effetti kumulattivi ta' ftehimiet kummerċjali futuri dwar l-agrikoltura tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2015 bit-titolu "L-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem – Is-Sitwazzjoni Attwali" (SWD(2015)0144),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (ECHR) u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha li jipprojbixxi l-iskjavitù u s-servitù,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 207, 208 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0166/2018),

A.  billi l-Politika Kummerċjali Komuni hija magħmula minn ftehimiet kummerċjali u miżuri leġiżlattivi biex jissalvagwardjaw l-interessi kummerċjali offensivi u difensivi tal-Unjoni, jikkontribwixxu għat-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi deċenti, jiżguraw ir-rispett tar-regoli u l-istandards Ewropej, jissalvagwardjaw id-dritt tal-istati biex jirregolaw u taċ-ċittadini għall-benessri, u jippromwovu l-valuri tal-Unjoni; u billi l-konformità ma' dawn l-għanijiet teħtieġ orjentazzjoni tajba tal-politika kummerċjali tal-Unjoni u implimentazzjoni u monitoraġġ effiċjenti u sħaħ tagħha b'mod aktar ġust u trasparenti;

B.  billi l-Unjoni impenjat ruħha li tiggarantixxi koerenza tal-politika għall-iżvilupp skont il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp tal-2017 tagħha, li jfittex li jiżgura żvilupp sostenibbli u jaċċellera t-trasformazzjoni billi jagħmel enfasi fuq l-elementi trażversali tal-politika tal-iżvilupp bħall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, iż-żgħażagħ, l-investiment u l-kummerċ, l-enerġija sostenibbli u l-azzjoni klimatika, il-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, il-migrazzjoni u l-mobilità, sabiex tikkontribwixxi mat-totalità tal-politiki esterni tagħha, inkluż il-Politika Kummerċjali Komuni, għall-għanijiet definiti fl-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli;

C.  billi l-Unjoni hija impenjata li tippromwovi xogħol deċenti għal kulħadd, kif stabbilit fl-Eżitu tas-Summit Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2005 u fid-Dikjarazzjoni Ministerjali tat-Taqsima ta' Livell Għoli tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2006, inkluż permezz tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħha; billi l-Kunsill Ewropew issottolinja b'mod ripetut l-importanza li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni u li titqies f'diversi linji politiċi interni u esterni u fil-kooperazzjoni internazzjonali;

D.  billi l-Unjoni hija l-akbar forza kummerċjali fid-dinja u l-akbar suq uniku fid-dinja, u billi hija l-akbar esportatur fid-dinja ta' oġġetti u servizzi, b'tali mod li ssostni 31 miljun impjieg fl-Ewropa, 67 % aktar mill-ammont ta' nofs id-disgħinijiet;

E.  billi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) hija l-unika organizzazzjoni internazzjonali fid-dinja kollha li tittratta r-regoli globali tal-kummerċ bejn pajjiżi jew żoni ekonomiċi differenti;

F.  billi l-fażi ta' implimentazzjoni u ta' infurzar hija kruċjali u fundamentali sabiex tiggarantixxi l-effikaċja tal-politika kummerċjali tal-Unjoni;

G.  billi ċ-ċittadini tal-Unjoni qegħdin dejjem jeżiġu li l-politika kummerċjali tal-Unjoni tiżgura li l-oġġetti li jidħlu fis-suq tal-UE jkunu ġew prodotti skont kundizzjonijiet deċenti u sostenibbli;

H.  billi l-kumpaniji Ewropej jużaw it-tnaqqis fid-dazji doganali disponibbli fil-kuntest tal-ftehimiet kummerċjali għal madwar 70 % tal-esportazzjonijiet tagħhom li jistgħu jibbenefikaw minnhom, filwaqt li s-sħab tagħna jużawhom f'madwar 90 % tal-każijiet u billi huwa fundamentali li l-kumpaniji Ewropej jużaw bis-sħiħ dawn il-benefiċċji biex l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment jingħataw spinta;

I.  billi l-SMEs huma l-mutur tal-ekonomija Ewropea fejn jirrappreżentaw 30 % tal-esportazzjonijiet tal-Unjoni u 90 % tal-impjiegi fl-UE, u billi huwa fundamentali li dawn ikunu parti integrali mill-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali tal-Unjoni, b'tali mod li jsaħħu r-rwol tagħha fl-esportazzjoni, l-innovazzjoni u l-internalizzazzjoni;

J.  billi l-Unjoni hija l-akbar esportatur dinji ta' servizzi u li s-surplus kummerċjali tal-Unjoni f'dan is-settur żdied b'għaxar darbiet mill-2000 u laħaq aktar minn EUR 120 biljun fl-2016;

K.  billi għandhom jingħataw tweġibiet ċari u preċiżi għall-kwistjonijiet li qamu fil-kuntest tad-dibattitu pubbliku dwar il-Politika Kummerċjali Komuni u l-implimentazzjoni tagħha;

L.  billi l-Politika Kummerċjali Komuni, kif issuġġerita mill-istrateġija Kummerċ għal Kulħadd, hija politika bbażata fuq il-valur maħsuba biex tippromwovi, fost affarijiet oħra, it-trasparenza, il-governanza tajba, l-iżvilupp sostenibbli u prattiki ta' kummerċ ġust;

M.  billi l-politika kummerċjali tal-Unjoni trid tkun konsistenti mal-politiki oħra tagħha esterni u interni u f'konformità mal-prinċipju ta' koerenza politika għall-iżvilupp biex tiżgura trasparenza, stabbiltà u kundizzjonijiet aktar ġusti għall-kompetizzjoni, bil-kunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

Il-kuntest attwali tal-politika kummerċjali

1.  Ifakkar li l-kuntest internazzjonali għadda minn tibdil profond wara l-pubblikazzjoni tal-istrateġija "Kummerċ għal Kulħadd", u li issa jridu jiġu indirizzati sfidi ġodda u kompiti konkreti dwar il-kummerċ; huwa mħasseb dwar il-fatt li qed jara lok ta' xi prattiki protezzjonisti li huma inkompatibbli mar-regoli tad-WTO madwar id-dinja u jtenni l-appoġġ tiegħu għal sistema kummerċjali bbażata fuq ir-regoli li hija miftuħa, ġusta, ibbilanċjata, sostenibbli u bbażata fuq ir-regoli;

2.  Jieħu nota tal-importanza ekonomika dejjem tikber tal-Asja kif ukoll tal-fatt li b'mod gradwali, l-Istati Uniti tal-Amerka qed jitbiegħdu mir-relazzjonijiet kummerċjali u l-inċertezza li tirriżulta għall-kummerċ internazzjonali, kif ukoll kritiki domestiċi tal-politika kummerċjali internazzjonali u d-domanda għal kummerċ ġust; jistieden lill-Kummissjoni tadatta l-politika kummerċjali tagħha biex tindirizza dawn l-iżviluppi u tkun aktar responsiva u responsabbli, filwaqt li fl-istess ħin tistabbilixxi strateġija fuq terminu twil, b'kunsiderazzjoni ta' dawn il-bidliet fil-kuntest internazzjonali; jissottolinja li, f'dan il-kuntest globali li qed jinbidel, ir-rwol tal-UE fil-promozzjoni ta' aġenda kummerċjali bbażata fuq il-valur huwa dejjem aktar importanti għaċ-ċittadini Ewropej;

3.  Jenfasizza l-importanza dejjem akbar tas-servizzi, speċjalment is-servizzi diġitali, inkluż is-servitizzazzjoni tal-kummerċ fl-oġġetti (Modalità 5), tal-fluss tad-data u tal-kummerċ elettroniku fil-kummerċ internazzjonali; jenfasizza l-bżonn li jissaħħu r-regoli internazzjonali rilevanti sabiex jiġu żgurati benefiċċji konkreti għall-konsumaturi, aċċess aħjar għas-swieq barranin għall-kumpaniji Ewropej u r-rispett tad-drittijiet fundamentali madwar id-dinja kollha, inkluża l-protezzjoni tad-data u l-privatezza; jirrimarka li l-protezzjoni tad-data personali mhijiex negozjabbli fi ftehimiet kummerċjali, jemmen li d-drittijiet diġitali taċ-ċittadini għandhom jiġu avvanzati permezz ta' ftehimiet kummerċjali u jfakkar il-pożizzjoni tiegħu dwar il-protezzjoni tad-data u l-kummerċ diġitali kif espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu "Lejn strateġija għall-kummerċ diġitali"; jissottolinja li l-politika kummerċjali tal-UE jista' jkollha rwol sinifikanti sabiex jitnaqqas id-distakk diġitali; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tavvanza l-aġenda kummerċjali diġitali fin-negozjati attwali u futuri tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (FTA) u fid-WTO; jitlob li l-kapitoli dwar il-kummerċ diġitali jiġu inklużi fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha, inklużi dawk li bħalissa qed jiġu nnegozjati u jfakkar l-importanza li jiġu evitati rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni tad-data mhux ġustifikati; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi strateġija għall-kummerċ diġitali li tqis l-opportunitajiet li toffri lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju billi tiffaċilita l-aċċess għas-swieq globali;

4.  Jenfasizza li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni se jkollu konsegwenzi fuq il-kummerċ intern u estern; jistieden lill-Kummissjoni biex tantiċipa l-impatt tal-Brexit fuq il-politika kummerċjali tal-Unjoni u biex tiżgura l-kontinwità fl-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali tal-UE u r-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u wkoll modi kif issib soluzzjoni rigward l-impenji komuni fid-WTO;

5.  Jieħu nota tal-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE tas-16 ta' Mejju 2017 dwar l-FTA UE-Singapore li jistipula li minbarra l-kwistjoni tal-investimenti ta' portafoll u r-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn investituri u Stati, il-FTA ma' Singapore jaqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiċċaraw malajr kemm jista' jkun id-deċiżjoni tagħhom dwar l-istruttura tal-FTA fil-futur u biex jirrispettaw bis-sħiħ din id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha għall-adozzjoni ta' direttivi ta' negozjati, il-bażi legali tal-proposti li għandhom jiġu ffirmati u konklużi, u b'mod partikolari l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Kunsill ta' ftehimiet kummerċjali internazzjonali, sabiex ma jkunx hemm aktar dewmien ta' kwalunkwe negozjati kummerċjali mas-sħab kummerċjali maqbula iżda mhux ratifikati; ifakkar li l-Parlament irid ikun involut u infurmat bis-sħiħ mill-bidu tal-negozjati kummerċjali kollha, qabel l-adozzjoni ta' linji gwida tan-negozjati, fil-ħin, fl-istadji kollha tal-għoti tal-mandat, u tan-negozjati u fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali; jitlob li l-arranġamenti meħtieġa jsiru permezz ta' ftehim interistituzzjonali, fil-kuntest ta' ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet;

6.  Jinnota li, minkejja l-irtirar tal-Istati Uniti min-negozjati, il-11-il pajjiż li jifdal irnexxielhom jilħqu qbil dwar Ftehim ta' Sħubija Trans-Paċifika fit-23 ta' Jannar 2018 f'Tokyo;

L-istat attwali tal-programm ta' negozjati kummerċjali tal-Unjoni

7.  Jiddeplora l-fatt li l-ebda ftehim ma ntlaħaq matul il-laqgħa Ministerjali tad-WTO fi Buenos Aires; jenfasizza l-importanza politika u ekonomika ewlenija tas-sistema multilaterali u jtenni l-appoġġ tiegħu għas-sistema; jistieden lill-Unjoni biex tmexxi 'l quddiem b'mod attiv il-proposti għal regoli aġġornati u multilaterali, filwaqt li tqis l-isfidi ġodda li ħerġin minn katini tal-valur mondjali, u biex tippromwovi r-rwol ċentrali tad-WTO fis-sistema globali tal-kummerċ; jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ; jilqa' pożittivament l-estensjoni sal-2033 tad-deroga tad-WTO għall-prodotti farmaċewtiċi għall-pajjiżi l-anqas żviluppati; jiddispjaċih li ċerti ftehimiet multilaterali mhumiex rispettati u jappella lill-Kummissjoni biex taħdem aktar fi ħdan id-WTO dwar l-implimentazzjoni effikaċi tar-regoli u l-ftehimiet multilaterali; ifakkar fit-talba preċedenti tiegħu lill-Kummissjoni biex timpenja ruħha fit-tfassil tal-aġenda tad-WTO, b'mod partikolari fir-rigward tar-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpaniji u l-Kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-ostakli tal-Istati Uniti ta' ħatriet ġodda fil-korp tal-appell tad-WTO u jenfasizza l-importanza ta' sistema li tiffunzjona tajjeb għas-soluzzjoni ta' tilwim fid-WTO; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-kooperazzjoni mas-sħab ewlenin tagħna f'li tindirizza kompetizzjoni mhux ġusta u prattiki protezzjonisti minn pajjiżi terzi;

8.  Jinnota l-fatt li n-negozjati plurilaterali tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA) u tal-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali ġew imblukkati; jappella lill-Unjoni tieħu l-inizjattiva biex terġa' tmexxi ż-żewġ proċessi tan-negozjati mill-ġdid, u fil-każ tan-negozjati TiSA, f'konformità mal-pożizzjoni tal-Parlament dwar it-TiSA;

9.  Jenfasizza li diversi FTA, eż. il-ftehimiet ta' kummerċ mal-Kanada u l-Ekwador, id-dispożizzjonijiet tad-DCFTA fil-ftehim ta' assoċjazzjoni UE-Ukrajna u d-diversi Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE) mal-pajjiżi Afrikani, daħlu fis-seħħ bis-sħiħ jew proviżorjament u li l-ftehimiet kummerċjali ma' Singapore, il-Vjetnam u l-Ġappun ġew konklużi minn mindu ġiet ippubblikata l-istrateġija Kummerċ għal Kulħadd; jenfasizza l-bżonn li jingħata biżżejjed appoġġ politiku u amministrattiv biex jiġi żgurat li n-negozjati kummerċjali jkunu jistgħu jiġu maqbula u ratifikati fi ħdan skedi ta' żmien xierqa; jappoġġja l-proċess attwali ta' modernizzazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali maċ-Ċilì u l-Messiku; ifakkar fit-talba tiegħu biex jinbdew negozjati mal-Awstralja u New Zealand, b'kunsiderazzjoni tal-pożizzjonijiet tiegħu;

10.  Jenfasizza li relazzjonijiet kummerċjali u ta' investimenti ta' benefiċċju reċiproku mas-sħab strateġiċi tal-UE għandhom jiġu promossi u msaħħa aktar; jappella għal sforzi mġedda biex jitmexxew 'il quddiem in-negozjati dwar il-Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment maċ-Ċina, b'mod partikolari rigward ir-reċiproċità fit-trattament tal-aċċess għas-suq u l-progress dwar l-iżvilupp sostenibbli;

11.  Jenfasizza l-fatt li l-ftehimiet konklużi u n-negozjati bilaterali kurrenti u futuri tal-Unjoni jirrappreżentaw opportunitajiet għal tkabbir permezz ta' aċċess għas-swieq u ta' tneħħija tal-ostakli kummerċjali; jitlob lill-Kummissjoni biex kontinwament timpenja ruħha mal-partijiet ikkonċernati biex tivvaluta l-prijoritajiet fin-negozjati li għaddejjin; ifakkar li trid tingħata prijorità lis-sustanza tan-negozjati minflok lill-pass tagħhom, li n-negozjati jridu jsiru fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju reċiproku, li r-regoli tal-UE u l-istandards iridu jiġu assigurati, bi prevenzjoni ta' theddid tal-mudell soċjali tal-UE u l-ambjent, u li s-servizzi pubbliċi, inklużi s-servizzi ta' interess ġenerali u s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, f'konformità mal-Artikoli 14 u 106 tat-TFUE u l-Protokoll Nru 26, kif ukoll is-servizzi awdjoviżivi, iridu jiġu esklużi; jenfasizza li l-Kummissjoni trid tiżgura fin-negozjati kummerċjali kollha li l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jżommu d-dritt sħiħ li jintroduċu, jadottaw, iżommu jew jirrevokaw kwalunkwe miżura fir-rigward tal-ikkummissjonar, l-organizzazzjoni, il-finanzjament u l-provvista ta' servizzi pubbliċi kif kien il-każ bi ftehimiet kummerċjali preċedenti;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrieżaminaw u, jekk meħtieġ, jaġġornaw il-mandati ta' negozjar għan-negozjati kummerċjali għaddejja kull ħames snin sabiex jirriflettu l-isfidi u l-kuntesti li potenzjalment jinbidlu, u li jinkludu klawżoli ta' rieżami fi ftehimiet kummerċjali biex jiżguraw li huma implimentati kemm jista' jkun b'mod effikaċi u li huma adattabbli sabiex jirriflettu u jadattaw għall-kuntesti attwali, dment li l-iskrutinju u t-trasparenza parlamentari huma ggarantiti;

13.  Ifakkar li l-Kummissjoni ħabbret diversi drabi t-tnedija ta' negozjati dwar l-investiment ma' Hong Kong u t-Tajwan u jistieden lill-Kummissjoni tispiċċa l-ħidma preparatorja sabiex tibda uffiċjalment in-negozjati dwar il-ftehimiet ta' investiment kemm jista' jkun malajr;

14.  Jenfasizza l-importanza ta' investiment intern u barrani għall-ekonomija Ewropea, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata protezzjoni għall-investituri Ewropej barra minn pajjiżhom; jistieden lill-Kummissjoni tkompli x-xogħol tagħha dwar is-sistema multilaterali l-ġdida ta' Qorti tal-Investiment li, fost affarijiet oħra, trid tiffoka fuq it-trasparenza u fuq il-garanzija tad-dritt għal regolamentazzjoni tal-Istati, u tipprovdi mekkaniżmu ta' appell, regoli stretti dwar il-kunflitt ta' interess u kodiċi ta' kondotta; iqis li din is-sistema ġdida għandha tindirizza l-obbligi tal-investituri, tevita l-litigazzjoni frivola, iżżomm d-dritt li tirregola fl-interess pubbliku u tevita l-iffriżar regolatorju, tiggarantixxi ugwaljanza ġuridika fost l-investituri (b'attenzjoni partikolari għall-mikrointrapriżi u l-SMEs), l-indipendenza, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont; jesplora l-possibbiltà ta' inklużjoni ta' dispożizzjonijiet proċedurali dwar, inter alia, kontrotalbiet fejn l-investimenti soġġetti għal talba saru bi ksur tal-liġijiet applikabbli, u jiġu evitati talbiet paralleli f'toroq differenti għall-ġustizzja, b'hekk tiġi ċċarata r-relazzjoni tagħha mal-qrati domestiċi;

15.  Jistieden lill-Istati Membri biex fl-aħħar jiżblukkaw il-proċedura rigward il-Konvenzjoni ta' Mauritius dwar it-Trasparenza f'Arbitraġġ ibbażat fuq Trattat bejn l-Investituri u l-Istat issa li ċċarat kwistjonijiet dwar kompetenza, u lill-Kummissjoni biex tirdoppja l-isforzi tagħha f'dan ir-rigward; jitlob ukoll li r-rieżami tar-regolament tal-anterjorità għal trattati bilaterali internazzjonali miżmuma mill-Istati Membri jitressqu 'l quddiem mill-2020;

16.  Jistenna impenn imsaħħaħ tal-UE u l-Istati Membri tagħha f'deliberazzjonijiet fi ħdan in-NU rigward Trattat Vinkolanti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

17.  Jinnota bi tħassib li r-riforma tar-regoli ta' oriġini mħabbra fl-istrateġija ta' Kummerċ għal Kulħadd għadha mhix implimentata; jenfasizza l-kumplessità tar-regoli ta' oriġini u jtenni t-talba tiegħu għal regoli ta' oriġini aġġornati, applikabbli faċilment u aktar ċari; jenfasizza l-impenn li sar waqt l-10 Konferenza Ministerjali tal-Euromed biex tiġi ffinalizzata r-reviżjoni tal-Konvenzjoni Pan-Euromed sal-aħħar tal-2018; itenni mill-ġdid it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tipprepara rapport li jagħti ħarsa lejn is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tar-regoli ta' oriġini, b'kunsiderazzjoni tal-effetti kumulattivi tar-regoli ta' oriġini permezz tal-FTAs bilaterali;

18.  Ifakkar li trid tingħata attenzjoni speċjali lill-prodotti agrikoli kif ukoll lill-interessi tal-produtturi u l-konsumaturi Ewropej fl-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali tal-Unjoni, b'mod partikolari fid-dawl tal-impatt kumulattiv tal-FTAs fis-settur; jissottolinja l-fatt li l-ftehimiet kummerċjali jistgħu joffru opportunitajiet ekonomiċi għas-settur agroalimentari, b'mod partikolari fil-kuntest tal-ftehim konkluż mal-Ġappun; jinnota li l-Unjoni hija l-akbar esportatur tal-prodotti agroalimentari fid-dinja; jisħaq fuq l-importanza li jintlaħaq bilanċ ġust bejn il-ħarsien tal-prodotti agrikoli sensittivi u l-promozzjoni tal-interessi offensivi tal-Unjoni f'termini ta' esportazzjonijiet agroalimentari, billi jitqiesu, inter alia, il-perjodi ta' tranżizzjoni u l-kwoti xierqa, kif ukoll f'ċerti każijiet, l-esklużjoni possibbli tal-prodotti l-aktar sensittivi; jenfasizza li huwa fundamentali li jiġi żgurat livell għoli ta' standards sanitarji u fitosanitarji f'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni tal-UE filwaqt li tkompli l-ġlieda kontra kwalunkwe trattament diskriminatorju f'dan il-qasam;

Il-prinċipju ta' reċiproċità bħala pilastru tal-politika kummerċjali tal-Unjoni u l-iżgurar tal-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusti u xierqa

19.  Jemmen ħafna li waħda mill-miri ewlenin tal-politika kummerċjali tal-Unjoni għandha tkun li tiġi promossa kompetizzjoni ġusta u tiżgura kundizzjonijiet ekwi; jilqa' r-referenzi għall-prinċipju ta' reċiproċità fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija kummerċjali tal-Unjoni; itenni li r-reċiproċità trid tkun pilastru tal-politika kummerċjali tal-Unjoni filwaqt li titqies il-ħtieġa għal asimetriji ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw meta jkunu rilevanti u dispożizzjonijiet għal trattament preferenzjali lill-pajjiżi l-inqas żviluppati; jinnota l-proposta emendata tal-Kummissjoni għal regolament dwar l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq intern tal-Unjoni tal-akkwist pubbliku, li tista' tkun għodda importanti biex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs fl-aċċess għas-swieq ta' pajjiżi terzi; huwa tal-fehma li l-inizjattiva dwar l-iskrinjar ta' investiment barrani dirett lejn l-Unjoni Ewropea għandu l-għan li jipproteġi s-sigurtà u l-ordni pubblika tal-Unjoni u tal-Istati Membri u tista' twassal għal aktar reċiproċità fil-qasam tal-aċċess għas-swieq filwaqt li jiġi żgurat ftuħ kontinwu għall-investiment dirett barrani;

20.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali trid tikkontribwixxi biex tiżgura kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusti u ekwi għall-kumpaniji; jilqa' l-adozzjoni tal-metodoloġija l-ġdida dwar l-antidumping f'każ ta' distorsjoni fi Stat terz; jieħu nota tal-ftehim interistituzzjonali li ntlaħaq dwar il-modernizzazzjoni tal-istrumenti għad-difiża kummerċjali; jenfasizza l-possibbiltà l-ġdida li huma joffru, b'mod partikolari fir-rigward tal-impożizzjoni ta' dazji 'l fuq mill-marġni tal-ħsara; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-implimentazzjoni t-tajba ta' dawn l-istrumenti l-ġodda billi jintervjenu u jikkoreġu immedjatament kwalunkwe funzjonament ħażin jew abbuż, proporzjonali u f'konformità sħiħa mal-liġi tad-WTO u l-obbligi legali oħra tal-Unjoni; jilqa' l-pożizzjoni proattiva tal-Kummissjoni fl-iskjerament tal-istrumenti tad-difiża kummerċjali fl-2016, u riżoluzzjoni u reattività simili meta dawn l-istrumenti jintużaw b'mod mhux dovut kontra l-esportazzjonijiet tal-UE minn xi wħud mis-sħab kummerċjali tagħna;

21.  Jiddispjaċih li fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Politika Kummerċjali ma tissemma kważi xejn il-ħidma ta' koordinazzjoni li trid issir mad-dwana; jiġbed l-attenzjoni li l-politika kummerċjali trid taħdem biex tiġġieled il-kummerċ illegali sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tan-negozji tagħna u sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' sikurezza tal-konsumaturi; jiġbed l-attenzjoni wkoll għar-rwol importanti tal-politika tal-kompetizzjoni f'dan ir-rigward u l-ħtieġa għal negozjati bilaterali u multilaterali għal dan il-għan;

L-użu ta' strumenti effikaċi trażversali għall-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali għall-benefiċċju ta' kulħadd

22.  Jitlob li l-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali ssir parti integrali tal-istrateġija kummerċjali tal-Unjoni;

23.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża immedjatament l-istrumenti għad-dispożizzjoni tagħha fil-każ ta' funzjonament ħażin, ostaklu jew nuqqas ta' konformità ta' impenn minn sieħeb, b'mod partikolari bl-użu tal-proċedura ta' riżoluzzjoni tat-tilwim kif ukoll il-proċessi eżistenti u ad hoc maħsuba għal dispożizzjonijiet kummerċjali u tal-iżvilupp sostenibbli fl-FTAs tal-Unjoni;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli bħalissa, bil-għan li ttejjeb il-preparazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali għall-adozzjoni mill-koleġiżlaturi tagħna u l-mod kif il-politika ta' kummerċ hi implimentata, u jitlob li servizz speċjali ta' monitoraġġ u evalwazzjoni kontinwi tal-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali jiġu stabbiliti fi ħdan il-Kummissjoni, b'rapportar ukoll lill-Parlament;

25.  Iħeġġeġ minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu aktar, b'mod partikolari permezz ta' strumenti diġitali, biex ineħħu kull ostaklu u piżijiet bla bżonn, biex jissimplifikaw il-proċeduri tekniċi kif ukoll biex jgħinu lill-kumpaniji fl-azzjonijiet tagħhom biex jibbenefikaw minn ftehimiet u strumenti kummerċjali;

26.  Jenfasizza l-ħidma kruċjali tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, flimkien mal-ambaxxati tal-Istati Membri u s-sħab soċjali, li tippermetti azzjoni rapida u diretta biex tiżgura li d-dispożizzjonijiet kummerċjali jiġu implimentati kif xieraq u jkunu identifikati malajr u indirizzati b'mod effikaċi l-problemi u l-ostakli li jinqalgħu; jemmen li d-delegazzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jibbenefikaw minn sistema integrata bbażata fuq sett uniku ta' regoli u gwida sabiex tiġi żgurata aktar koerenza; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tinvolvi delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi b'mod aktar mill-qrib fit-traspożizzjoni tal-ftehimiet eżistenti u ġodda ta' kummerċ ħieles, b'attenzjoni partikolari għax-xena lokali tan-negozji ġodda; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lis-SEAE ikomplu l-ħidma tagħhom fuq id-diplomazija ekonomika, bl-involviment ta', fost l-oħrajn, il-kmamar tal-kummerċ Ewropej;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-effetti kumulattivi tal-ftehimiet kummerċjali, settur b'settur u pajjiż b'pajjiż, sabiex tikkontribwixxi fil-valutazzjoni tal-politika kummerċjali tagħna u tantiċipa u tadatta l-effetti tagħhom;

28.  Jisħaq li ċerti setturi jistgħu jiltaqgħu ma' diffikultajiet ekonomiċi relatati man-negozju kummerċjali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki ta' appoġġ b'kunsiderazzjoni ta' perspettiva soċjali, sabiex jimmassimizzaw il-benefiċċji u jnaqqsu l-effetti negattivi li jistgħu jirriżultaw mil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex iżżid l-effikaċja tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u tagħmlu aktar proattiv;

29.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli u ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha ma' organizzazzjonijiet u fora internazzjonali bħall-G20, in-Nazzjonijiet Uniti, l-OECD, l-ILO, il-Bank Dinji, l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, dwar l-iżvilupp ta' standards internazzjonali, l-implimentazzjoni tagħhom u l-monitoraġġ tal-kummerċ inkluż dwar aspetti soċjali u ambjentali;

Analiżi tal-ewwel Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' FTAs

30.  Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni tal-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tal-FTAs; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tippubblika rapport kull sena; jinsisti, madankollu, li l-Kummissjoni għandha tagħmel studji komprensivi aktar fil-fond dwar l-implimentazzjoni tal-FTAs tal-Unjoni, tkopri s-suġġett aktar fil-fond u tiżgura li l-istudji jinkludu analiżi ekonometrika u kwalitattiva rilevanti u xierqa u interpretazzjonijiet tad-data, rakkomandazzjonijiet konkreti, tqiegħed fil-kuntest iċ-ċifri ppubblikati u tipprovdi informazzjoni addizzjonali kwalitattiva, inklużi – għall-implimentazzjoni tar-regoli – partijiet mill-FTAs bħall-Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli (TSD) u l-akkwisti pubbliċi; jissottolinja li dan se jagħmilha possibbli li jkun hemm valutazzjoni aħjar u komprensiva tal-impatt reali tal-ftehimiet fuq il-post bil-għan li r-rapport isir effikaċi f'li jiggwida l-istituzzjonijiet tal-UE dwar id-definizzjoni u l-kondotta tal-istrateġija kummerċjali tal-Unjoni; jemmen, f'dan ir-rigward, li għandha tiġi identifikata u użata metodoloġija komuni għal dawn l-istudji;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar id-dispożizzjonijiet tat-trattament ta’ l-aktar nazzjon favorit (MFN) f'FTAs bilaterali tal-UE eżistenti u dwar l-effett prattiku tagħhom f'li jiggarantixxu aċċess addizzjonali għas-suq tal-UE f'pajjiżi terzi permezz tal-FTAs innegozjati mis-sħab tal-FTA tal-UE;

32.  Jenfasizza l-fatt li fir-rapport hemm xi informazzjoni u ċifri neqsin; jistieden lill-Kummissjoni taħdem aktar mal-Istati Membri u mal-pajjiżi sħab biex jiksbu aktar data u informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar, fost affarijiet oħra, l-impatt fuq it-tkabbir u l-impjiegi tal-FTAs kollha, il-kontribut tal-FTAs fl-evoluzzjoni tal-flussi tal-kummerċ u l-impatt tal-ftehimiet kummerċjali u tal-investiment dwar il-flussi tal-investiment u l-kummerċ fis-servizzi;

33.  Jinsab imħasseb dwar l-użu ħażin tal-preferenza kummerċjali fl-FTAs tal-Unjoni, b'mod partikolari għall-fatt li l-esportaturi Ewropej jużawhom inqas mill-esportaturi tal-pajjiżi sħab; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika malajr kemm jista' jkun il-kawżi ta' dan l-iżbilanċ u tindirizzahom; jitlob lill-Kummissjoni tanalizza r-relazzjoni bejn regoli ta' oriġini kumplessi u l-adozzjoni tal-ftehimiet kummerċjali preferenzjali minn operaturi ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw minnufih azzjonijiet sabiex jinfurmaw aħjar lill-partijiet ikkonċernati ekonomiċi rigward il-preferenzi kummerċjali previsti mill-ftehimiet; jemmen li informazzjoni dettaljata, inkluż fil-livell mikro, hija meħtieġa sabiex tiġi vvalutata kif xieraq l-implimentazzjoni tal-FTAs tal-UE;

34.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tagħti l-attenzjoni lejn l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-FTAs bħal kif tagħti lill-fażi tan-negozjati; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-problemi ta' implimentazzjoni mas-sħab kummerċjali tal-UE rilevanti sabiex issib soluzzjonijiet u skambji sistematiċi mal-operaturi Ewropej;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddiversifika l-approċċ tagħha fis-setturi li tanalizza u tippreżenta l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali għas-setturi li huma meqjusa bħala sensittivi;

36.  Jilqa' l-aħbar ta' introduzzjoni ta' pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni ta' kull ftehim kummerċjali u jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi l-partijiet ikkonċernati kollha fit-tfassil tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika objettivi li għandhom jintlaħqu kif ukoll kriterji konkreti li jippermettu valutazzjoni ċara, bħal pereżempju s-sitwazzjoni attwali tat-tneħħija tal-ostakli nontariffarji, ir-rata ta' użu tal-preferenzi u tal-kwoti, jew is-sitwazzjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni regolatorja u l-progress f'termini ta' kummerċ u żvilupp sostenibbli; jistenna l-implimentazzjoni ta' pjanijiet direzzjonali li għandhom jiġu trażmessi lill-Parlament b'mod parallel mal-konsultazzjoni uffiċjali u jitlob li l-istat ta' progress tal-pjanijiet direzzjonali jiġi inkorporat fir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-FTAs;

37.  Ifakkar li l-ftehimiet kummerċjali ma jistgħux jidħlu fis-seħħ qabel ir-ratifika tagħhom mill-Parlament Ewropew, inklużi l-kapitoli kummerċjali tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni; jemmen li l-prattika ta' stennija tal-kunsens tal-Parlament qabel ma jiġu applikati b'mod proviżorju ftehimiet ta' importanza politika trid tiġi rispettati b'mod orizzontali, kif impenjat mill-Kummissarju Malmström fis-seduta tagħha tad-29 ta' Settembru 2014;

Id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Politika Kummerċjali Komuni għall-SMEs

38.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta s-sett kollu tal-għodda għall-SMEs sabiex tiżviluppa approċċ globali aktar integrat kif ukoll strateġija proprja ta' internazzjonalizzazzjoni u ta' assistenza għall-SMEs fil-qasam tal-esportazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi dan l-approċċ f'fora internazzjonali; jappoġġja l-involviment f'kampanji ta' informazzjoni effiċjenti għall-SMEs fi sforz biex jiġu mtejba r-rati ta' użu ta' preferenza fl-FTAs tal-UE; jenfasizza l-importanza tal-multilingwiżmu f'li jiġu indirizzati l-SMEs mill-Istati Membri kollha; jitlob għal aktar appoġġ legali u amministrattiv li għandu jkun disponibbli għall-SMEs li għandhom l-intenzjoni li jesportaw lejn swieq barranin, mhux biss billi jaġġornaw is-siti web tagħhom iżda wkoll billi jikkunsidraw jużaw għodda ġodda bħaċ-chats tekniċi online li jistgħu jipprovdu appoġġ bażiku u aktar faċilment aċċessibbli; jitlob lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni jikkontribwixxu fl-informazzjoni dwar l-esportazzjoni lejn is-swieq barranin rispettivi, bil-għan li jiġu mgħejjuna l-SMEs;

39.  Jiddispjaċih li hemm ftit informazzjoni rigward l-SMEs fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-FTAs; jitlob lill-Kummissjoni tiddedika parti speċifika mir-rapport tagħha għall-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali għall-SMEs u għall-użu ta' dispożizzjonijiet speċifiċi għall-SMEs;

40.  Jilqa' l-introduzzjoni ta' kapitoli speċifiċi ddedikati lill-SMEs fl-FTAs li qed jiġu nnegozjati bħalissa u jitlob lill-Kummissjoni tkompli l-isforzi tagħha fin-negozjati u tinkludi kapitoli u dispożizzjonijiet speċifiċi għall-SMEs fil-ftehimiet kummerċjali li hi tinnegozja u fil-proposti leġiżlattivi tagħha sabiex ittejjeb il-kapaċità ta' intrapriżi żgħar u medji biex jinvolvu ruħhom fil-kummerċ u l-investiment; jenfasizza li l-fehim tal-komplessità tar-regoli ta' oriġini, li jiġu aġġornati u li jsiru faċilment applikabbli u aktar ċari hija kwistjoni ta' importanza kbira għall-SMEs u li dispożizzjonijiet speċifiċi għall-SMEs għandhom jiġu nnegozjati fir-rigward tal-aċċess tagħhom għas-swieq barranin tal-akkwist pubbliku; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tipprovdi kalkolatur tar-regoli ta' oriġini magħmula apposta għall-SMEs li għandu speċifikament jippermettilhom jużaw il-preferenzi disponibbli taħt ftehimiet eżistenti bl-għan li tiżdied ir-rata ta' użu ta' preferenzi;

L-importanza tal-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi

41.  Jenfasizza li l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi hija punt offensiv tal-Unjoni fin-negozjati ta' ftehimiet; jissottolinja s-sejba tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-FTAs li ċerti sħab mhumiex qed jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, u jistieden lill-Kummissjoni taġixxi malajr biex dawn is-sħab ikunu konformi ma' dawn id-dispożizzjonijiet;

42.  Ifakkar li s-swieq tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni huma l-aktar miftuħa fid-dinja; jinsab imħasseb dwar in-nonkonformità ta' ċerti sħab mad-dispożizzjonijiet tal-FTAs tal-UE dwar id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-akkwist pubbliku, għad-detriment tal-kumpaniji tal-UE, u għall-aċċess limitat ħafna għas-swieq tal-akkwist pubbliku f'ċerti pajjiżi terzi; jitlob lill-Kummissjoni taħdem biex tikseb aktar aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi u tikkunsidra miżuri, f'konformità mar-regoli tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA), li għandhom jintużaw ma' pajjiżi terzi li jagħtu lill-kumpaniji domestiċi tagħhom aċċess prijoritarju lis-swieq tagħhom tal-akkwist pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni tiġbor u tippubblika data fuq livell ta' kumpanija dwar l-użu tad-dispożizzjonijiet tal-akkwist pubbliku fl-FTAs sabiex jinftiehmu aħjar id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom in-negozji tal-UE;

43.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi aktar informazzjoni u statistika dwar kif l-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku żviluppa fuq bosta snin, kif ukoll tagħti informazzjoni konkreta dwar il-benefiċċji li rriżultaw mill-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi;

L-implimentazzjoni effikaċi tal-politika kummerċjali tikkontribwixxi għall-promozzjoni u l-ħarsien tal-valuri tal-Unjoni

44.  Ifakkar li l-Politika Kummerċjali Komuni trid tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-valuri difiżi mill-UE, kif definiti fl-Artikolu 2 tat-TUE, kif ukoll għall-ksib tal-objettivi elenkati fl-Artikolu 21 bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza, ir-rispett tad-dinjità umana kif ukoll il-ħarsien tal-ambjent u d-drittijiet soċjali; jemmen li l-kisba ta' dawn l-objettivi teħtieġ azzjonijiet riżoluti u sostnuti mill-Kummissjoni; jissottolinja li l-Aġenda 2030 tan-NU u l-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima jipprovdu valuri referenzjarji primarji li magħhom jitkejjel il-kontribut tal-politika kummerċjali tal-UE għall-miri globali maqbula tal-iżvilupp sostenibbli;

45.  Jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja b'mod sistematiku s-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ), b'mod partikolari l-SPĠ+, u tkompli l-pubblikazzjoni tar-rapporti biennali; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-ħidma tagħha mal-pajjiżi benefiċjarji, mas-SEAE, mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, mal-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, mal-kumpaniji, mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili sabiex tiżgura ġbir aħjar tal-informazzjoni u tapprofondixxi l-analiżi ta' monitoraġġ biex tasal għal valutazzjoni ċara tal-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tas-sistema; jenfasizza li l-effikaċja tal-SPĠ tiddependi fuq il-kapaċità tal-Kummissjoni li timmonitorja u timplimenta d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni f'każijiet ta' nuqqas ta' implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol u ambjentali;

46.  Ifakkar li l-ftehimiet ta' ġenerazzjoni ġdida jinkludu klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli, li l-implementazzjoni sħiħa tagħhom għandha l-għan li tiżgura u tippromwovi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-valuri tal-Unjoni u tal-istandards soċjali u ambjentali ta' livell għoli; jinnota l-evalwazzjoni tal-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli inklużi fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-FTAs u jitlob li jkun hemm implementazzjoni fil-ħin tad-dispożizzjonijiet eżistenti tat-TSD; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġija preċiża u speċifika fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta' dawn il-kapitoli, minħabba l-fatt li tali evalwazzjoni ma tistax issir abbażi ta' data kwantitattiva biss; ifakkar li hemm diffikultajiet fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-TSD f'ċerti każijiet, pereżempju fil-każ tal-FTA UE-Korea, u għalhekk itenni l-appell tiegħu biex jissaħħu l-infurzar u l-monitoraġġ tal-kapitoli tat-TSD, permezz ta' involviment akbar tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż is-sħab soċjali, fil-ftehimiet kummerċjali kollha; jiddispjaċih li l-Kummissjoni kkonkludiet b'mod prematur id-dibattitu dwar kif se ssaħħaħ l-infurzar tal-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali, inkluż il-kunsiderazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq is-sanzjonijiet fost għażliet oħra;

47.  Ifakkar, f'dan il-kuntest, ir-rwol importanti ta' Gruppi Konsultattivi Domestiċi; (DAGs) jenfasizza l-valur miżjud potenzjali ta' relazzjoni aktar strutturata u trasparenti mal-(DAGs) fis-sħab kummerċjali, filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol fundamentali tagħhom f'fehim aħjar tal-imperattivi lokali u l-ambizzjonijiet lokali; iqis li d-DAGs huma essenzjali fil-kontribut lill-proċessi meħtieġa għal monitoraġġ u implimentazzjoni aħjar tal-kapitoli tat-TSD;

48.  Jilqa' r-rieżami tal-Istrateġija tal-Għajnuna għall-Kummerċ u jappoġġja l-objettiv li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw aktar mill-opportunitajiet offruti mill-ftehimiet kummerċjali tal-Unjoni; jenfasizza wkoll li l-istrateġija trid tikkontribwixxi biex tippromwovi kummerċ ġust u etiku u għandha ssir għodda ewlenija fil-ġlieda kontra l-inugwaljanza globali u tappoġġja l-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiżi sħab tal-UE; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex, fost l-oħrajn, iżżomm aċċess għas-suq Ewropew għall-esportazzjonijiet tagħhom u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

49.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet ambizzjużi dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha fi ħdan il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni; jilqa' l-inklużjoni tad-dispożizzjonijiet kontra l-korruzzjoni fin-negozjati li għaddejin bħalissa dwar l-aġġornar tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni UE‑Messiku u UE-Ċilì; ifakkar li l-FTAs joffru opportunità tajba biex tiżdied il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa;

50.  Jilqa' l-fatt li fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija kummerċjali ġiet ikkunsidrata l-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jenfasizza l-għan li jiġi żgurat li n-nisa jibbenefikaw mill-kummerċ bl-istess mod bħall-irġiel, inkluż permezz tal-Għajnuna mill-istrateġija kummerċjali; jenfasizza li dan jirrikjedi approċċ proattiv mill-Kummissjoni, promozzjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġenerifil-politika kummerċjali tal-UE, u jitlob lill-Kummissjoni tinkludi dan l-aspett fir-rapporti annwali ta' implimentazzjoni tagħha futuri;

51.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tiżgura li n-negozjati kummerċjali għall-immodernizzar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni attwali UE-Ċilì jkun jinkludi, għall-ewwel darba fl-UE, kapitolu speċifiku dwar il-ġeneru u l-kummerċ; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jippromwovu u jappoġġjaw l-inklużjoni ta' kapitolu speċifiku dwar il-ġeneru fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment tal-UE;

52.  Jilqa' l-adozzjoni tar-Regolament kontra t-Tortura u jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba tiegħu u li s-sħab kummerċjali tagħna jikkonformaw miegħu; jappoġġja t-tnedija tal-alleanza kontra t-tortura fuq livell internazzjonali;

53.  Jilqa' l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt ((UE) 2017/821) li għandu l-għan li jikkontribwixxi għal ġestjoni aktar responsabbli tal-katina tal-valur mondjali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati biex ikomplu x-xogħol preparatorju fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-miżuri ta' akkumpanjament huma mfassla b'mod effiċjenti u li l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati nazzjonali involuti jingħataw l-għarfien u l-assistenza meħtieġa, b'enfasi speċjali fuq l-akkumpanjament tal-SMEs biex isaħħu l-kapaċità tagħhom li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta tagħhom, kif stipulat mir-regolament;

54.  Jirrikonoxxi l-proliferazzjoni tal-ktajjen tal-provvista globali integrati fix-xejriet kummerċjali internazzjonali; itenni l-appell tiegħu biex jinstabu modi kif jiġu żviluppati l-istrateġiji u r-regoli dwar l-obbligu ta' rendikont u t-trasparenza tal-katina tal-valur mondjali, u jenfasizza li l-Politika Kummerċjali Komuni trid tkun implimentata b'tali mod li tiżgura li l-katina tal-valur mondjali hija ġestita b'mod responsabbli; jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi u ssaħħaħ ir-responsabbiltà soċjali korporattiva bħala parti mill-politika kummerċjali tagħha, inklużi azzjonijiet ulterjuri lejn l-iżvilupp ta' regoli u prattiki speċifiċi, b'kunsiderazzjoni tal-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tas-CSR; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tinkludi s-CSR fil-ftehimiet kummerċjali kollha u biex timmonitorja b'mod effikaċi dawn id-dispożizzjonijiet, fi ħdan il-monitoraġġ indipendenti mtejjeb tal-kapitolu TSD mitlub mill-Parlament, li jinvolvi s-soċjetà ċivili; itenni l-appoġġ tiegħu għal inizjattivi internazzjonali bħal pereżempju l-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladesh, u jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq l-implimentazzjoni tiegħu;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-atturi internazzjonali kollha jaderixxu mal-linji gwida l-ġodda tal-OECD dwar id-diliġenza dovuta għal ktajjen tal-provvista responsabbli fis-settur tal-ħwejjeġ u tax-xedd tas-saqajn;

56.  Ifakkar li l-politika kummerċjali u ta' żvilupp tal-UE trid tikkontribwixxi globalment għall-iżvilupp sostenibbli, għall-integrazzjoni reġjonali u għall-inkorporazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ktajjen tal-valur reġjonali u, fl-aħħar mill-aħħar, globali permezz tad-diversifikazzjoni ekonomika, fatt li jeħtieġ regoli kummerċjali globali ġusti u favorevoli għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssostni l-iżvilupp ta' żona kontinentali ta' kummerċ ħieles fl-Afrika, bis-saħħa ta' assistenza politika u teknika;

57.  Ifakkar li l-UE hija impenjata biex teqred l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal fil-livell globali, peress li dan joħroġ mill-valuri tagħna, kif minquxa fl-Artikolu 21 tat-TUE; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tipprojbixxi l-importazzjoni ta' merkanzija prodotta bl-użu tat-tħaddim tat-tfal jew għal kwalunkwe forma ta' xogħol furzat jew skjavitù moderna; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li l-pajjiżi li għadhom ma għamlux dan li jirratifikaw il-Konvenzjonijiet tal-ILO Nru 182 dwar l-agħar forom tat-tħaddim tat-tfal u Nru 138 dwar l-età minima għall-ammissjoni għall-impjieg u x-xogħol;

58.  Josserva l-progress li sar fil-konklużjoni u fl-implimentazzjoni tal-FSE; iqis li hemm bżonn analiżi fil-fond tal-impatt tagħhom fuq l-ekonomiji Afrikani u s-sottosetturi tagħhom, is-swieq tax-xogħol rispettivi u l-promozzjoni tal-kummerċ interreġjonali fl-Afrika; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika d-djalogu fi spirtu ta' sħubija ġenwina bil-għan li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet pendenti; ifakkar li l-FSE huma ftehimiet asimetriċi li għandhom jagħtu importanza ndaqs lill-aspetti marbuta mal-iżvilupp u mal-kummerċ; jitlob f'dan ir-rigward l-implimentazzjoni fil-pront tal-miżuri ta' akkumpanjament, inkluż l-iżborż tar-riżorsi tal-FEŻ;

59.  Jilqa' pożittivament, barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-FSE Cariforum; josserva li hemm bżonn sensibilizzazzjoni akbar biex ikun żgurat li l-pajjiżi CARICOM ikunu jistgħu jisfruttaw l-opportunitajiet offruti mill-Ftehim; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-istituzzjonijiet futuri tas-soċjetà ċivili jkunu kkonvokati fil-ħin;

60.  Itenni l-appell tiegħu lill-UE biex taħdem favur soluzzjonijiet adegwati u effiċjenti għall-introduzzjoni ta' sistema ta' tikkettar soċjalment u ambjentalment traċċabbli tul il-katina ta' produzzjoni kollha, f'konformità mal-Ftehim TBT tad-WTO, filwaqt li tiġi promossa azzjoni simili fuq livell internazzjonali;

It-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni għandhom jimxu id f'id mal-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali tal-Unjoni

61.  Jieħu nota tal-ħidma tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza u jistieden lill-Kummissjoni biex tmexxi negozjati bl-iktar mod trasparenti possibbli, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ l-aħjar prattiki kif stabbilit f'negozjati oħra; jemmen li l-kisba tat-trasparenza trid tkun parti mill-objettivi ewlenin tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippubblikaw id-dokumenti dwar in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet filwaqt li ma jdgħajfux il-pożizzjoni ta' negozjati tal-Unjoni;

62.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija proprja ta' komunikazzjoni għall-politika kummerċjali kif ukoll għal kull ftehim kummerċjali sabiex tiġi massimizzata t-trażmissjoni tal-informazzjoni u biex tiġi adattata għall-partijiet ikkonċernati kollha biex b'hekk ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-ftehimiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati ekonomiċi dwar il-ftehimiet konklużi billi jinżamm djalogu regolari mal-federazzjonijiet professjonali, mal-kumpaniji u mas-soċjetà ċivili;

63.  Jilqa' l-pubblikazzjoni mill-Kunsill tal-mandati ta' negozjar għas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP), is-CETA, it-TiSA, il-ftehimiet mal-Ġappun, it-Tuneżija u ċ-Ċilì, u l-Konvenzjoni MIC, kif ukoll il-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tal-proposti tagħha tal-mandati ta' negozjar għall-ftehimiet mal-Awstralja u man-New Zealand kif ukoll għall-ħolqien ta' MIC f'konformità mad-domanda li l-Parlament ilu jagħmel dwar it-trasparenza; jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri jippubblikaw il-mandati kollha ta' negozjati u jistieden lill-Kummissjoni tippubblika l-proposti kollha ta' mandat għall-ftuħ ta' negozjati futuri; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinkludu r-rakkomandazzjonijiet mill-Parlament waqt l-abbozzar u l-adozzjoni tal-mandati ta' negozjar;

64.  Itenni t-talba tiegħu li l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali, l-operaturi ekonomiċi u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali għandhom ikunu involuti aktar mill-qrib fil-monitoraġġ tal-politika kummerċjali, inklużi, iżda mhux limitati għalihom, id-dispożizzjonijiet tat-TSD; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ pjan ta' azzjoni u deskrizzjoni ta' "Sħubija Msaħħa" għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali;

65.  Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt li saru għal kull ftehim kummerċjali u tinkludi fihom analiżi settorjali u ġeografika; jenfasizza li komunikazzjoni aħjar u aktar fil-ħin dwar l-informazzjoni li tinsab fl-istudji tal-impatt ex ante u ex post tal-ftehimiet kummerċjali hija essenzjali;

66.  Jilqa' l-aħbar tat-twaqqif tal-grupp konsultattiv għall-monitoraġġ tal-politika kummerċjali; jenfasizza l-importanza li dan il-korp il-ġdid jidħol fis-seħħ malajr, b'mod miftuħ u inklużiv; jitlob li b'mod regolari, il-Kummissjoni tippubblika d-dokumenti tal-laqgħat u l-ħidma ta' dan il-grupp konsultattiv; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiddefinixxi l-proċessi biex tiżgura li tingħata tweġiba xierqa dwar kwistjonijiet mqajma mill-grupp konsultattiv;

o
o   o

67.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali, kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

(1) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 30.
(2) Testi Adottati, P8_TA(2017)0439.
(3) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 19.
(4) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 21.
(5) Testi Adottati, P8_TA(2017)0330.
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0437.
(7) Testi Adottati, P8_TA(2017)0488.
(8) Testi Adottati, P8_TA(2017)0090.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0369.
(10) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.
(11) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 94.
(12) Testi Adottati, P8_TA(2017)0225.

Avviż legali