Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 31 ta' Mejju 2018 - StrasburguVerżjoni finali
Is-sitwazzjoni ta' persuni b'ċittadinanza doppja UE-Iran mitfugħa l-ħabs
 Is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fl-Arabja Sawdija
 Is-Sudan, partikolarment is-sitwazzjoni ta' Noura Hussein Hammad
 In-nomina ta' membru għall-bord tal-għażla tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
 Manipulazzjoni tal-odometri fil-vetturi bil-mutur: reviżjoni tal-qafas legali tal-UE
 Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ***I
 Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa wara l-2020
 Is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa
 L-Ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa: nittrasformaw il-ħajjiet tal-bniet u tan-nisa permezz tar-relazzjonijiet esterni tal-UE 2016-2020
 L-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ
 L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn
 Pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet

Is-sitwazzjoni ta' persuni b'ċittadinanza doppja UE-Iran mitfugħa l-ħabs
PDF 131kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni ta' persuni b'ċittadinanza doppja UE-Iran mitfugħa l-ħabs (2018/2717(RSP))
P8_TA(2018)0231RC-B8-0254/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikolari dawk tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar strateġija tal-UE dwar l-Iran wara l-ftehim nukleari(1), tat-3 ta' April 2014 dwar l-istrateġija tal-UE rigward l-Iran(2), tas-17 ta' Novembru 2011 dwar l-Iran – każijiet reċenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem(3) u tal-10 ta' Marzu 2011 dwar l-approċċ tal-UE rigward l-Iran(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Rapporti Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, dwar it-Tortura, dwar il-Libertà ta' Espressjoni u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni l-ġodda tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, li għandhom l-għan li jqiegħdu l-protezzjoni u s-sorveljanza tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-politiki kollha tal-UE,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/568 tat-12 ta' April 2018(5), li testendi l-miżuri restrittivi marbuta ma' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran għal sena, sat-13 ta' April 2019,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta magħmula f'Tehran fis-16 ta' April 2016 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, Javad Zarif, li fiha ġie deċiż li jingħata bidu għal djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem u li jiġu organizzati żjarat ta' skambju bejn l-UE u l-Iran dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u r-rapporti tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli u tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, tat-23 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Iran hu firmatarju tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi hemm bosta ċittadini b'ċittadinanza doppja UE-Iranjana miżmuma f'ħabsijiet Iranjani, inkluż is-Sur Ahmadreza Djalali, riċerkatur Żvediż-Iranjan li ġie akkużat bi spjunaġġ u kkundannat għall-mewt wara proċess inġust, mingħajr aċċess għal avukat jew għall-kura medika neċessarja, u li attwalment jinsab taħt it-theddida imminenti ta' eżekuzzjoni u f'qagħda ta' saħħa deterjorata ferm;

B.  billi s-Sur Kamran Ghaderi, ċittadin Awstrijak-Iranjan, ivvjaġġa fuq xogħol lejn l-Iran fejn ġie arrestat u kkundannat għal għaxar snin ħabs wara li l-prosekuzzjoni użat konfessjoni furzata; billi bħalissa tinsab detenuta fl-Iran ukoll is-Sa Nazanin Zaghari-Ratcliffe, ċittadina Brittanika-Iranjana li kienet taħdem għal organizzazzjoni ta' karità u li ġiet dijanjostikata b'dipressjoni avvanzata; billi s-Sur Abbas Edalat, akkademiku ta' ċittadinanza Brittanika-Iranjana, ġie arrestat f'April 2018 u s'issa għadhom ma ġewx ikkomunikati l-akkużi kontrih;

C.  billi l-prattika kontinwa ta' arresti ta' persuni b'ċittadinanza doppja UE-Iranjana hija segwita minn tendenza ta' reklużjoni u interrogazzjonijiet fit-tul, nuqqas ta' proċess dovut, ċaħda ta' aċċess konsulari jew żjarat min-NU jew organizzazzjonijiet umanitarji, proċessi li jsiru b'segretezza fejn id-detenut jingħata aċċess limitat għal avukat, sentenzi ta' priġunerija twal ibbażati fuq akkużi vagi jew akkużi mhux speċifikati b'rabta mas-"sigurtà nazzjonali" u mal-"ispjunaġġ", u kampanji ta' malafama sponsorjati mill-istat kontra l-individwi mitfugħa l-ħabs;

D.  billi l-Iran, bħala stat parti għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), għandu jirrispetta l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, kif ukoll il-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, f'konformità mal-obbligi tiegħu;

E.  billi l-Iran qed ikompli jitfa' l-ħabs lil attivisti tas-soċjetà ċivili, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, attivisti ambjentali u attivisti politiċi, u dan l-aħħar żied l-arresti ta' tali persuni; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-attivisti politiċi qed jiġu attivament soġġetti għal proċedura kriminali għall-azzjonijiet paċifiċi tagħhom;

F.  billi persuni b'ċittadinanza doppja miżmuma fl-Iran mhux dejjem ingħataw aċċess għal avukat u proċess ġust; billi, fil-prattika, l-Iran jittratta lil persuni b'ċittadinanza doppja bħala Iranjani biss, u dan jillimita l-aċċess tal-ambaxxati barranin għaċ-ċittadini tagħhom miżmuma fil-pajjiż, u l-aċċess tad-detenuti għal protezzjoni konsulari;

G.  billi diversi priġunieri politiċi u individwi akkużati b'reati kontra s-sigurtà nazzjonali batew minn nuqqas ta' aċċess adegwat għal kura medika matul id-detenzjoni, b'konsegwenzi serji;

1.  Jikkundanna l-prattika kontinwa ta' detenzjoni ta' persuni b'ċittadinanza doppja UE-Iranjana min-naħa tal-awtoritajiet Iranjani wara proċessi inġusti; jitlob li tali persuni jinħelsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet, jew li jgħaddu mill-ġdid minn proċess f'konformità mal-istandards internazzjonali, u li l-uffiċjali responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tagħhom jinżammu responsabbli;

2.  Jesprimi tħassib kbir dwar l-arresti ta' persuni b'ċittadinanza doppja UE-Iranjana mad-dħul tagħhom fl-Iran, mingħajr evidenza prima facie li jkunu wettqu reat; jisħaq fuq il-punt li dawn l-arresti jxekklu l-possibilitajiet ta' kuntatti interpersonali;

3.  Jiddeplora l-fatt li persuni b'ċittadinanza doppja UE-Iranjana huma detenuti fil-ħabsijiet tal-Iran f'kundizzjonijiet ħżiena, u li spiss jiġu mġiegħla jagħmlu konfessjonijiet wara li jkunu ġew torturati u trattati b'mod inuman;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jiggarantixxu lis-Sur Djalali aċċess sħiħ għall-avukat tiegħu u għal kull trattament mediku f'każ li jitlob dan; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jħassru l-piena tal-mewt li ngħatatlu u jeħilsuh minnufih, kif mitlub mill-komunità internazzjonali;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw li Kamran Ghaderi jingħata proċess ieħor, bil-għan li jiġi ggarantit li d-dritt tiegħu għal proċess ġust jiġi rrispettat, jeħilsu minnufih lil Nazanin Zaghari-Ratcliffe, li diġà hija eliġibbli għal rilaxx bikri, u b'mod urġenti jikkomunikaw l-akkużi kontra Abbas Edalat;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jirrispettaw id-dritt fundamentali tal-imputati għal aċċess għal avukat tal-għażla tagħhom u d-dritt għal proċess ġust, fid-dawl tal-obbligi internazzjonali tal-Iran kif stipulat fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

7.  Jikkundanna, wara rapporti kredibbli, l-atti ta' tortura u trattament krudili ieħor mwettqa, b'mod partikolari waqt l-interrogazzjonijiet, u jitlob lill-awtoritajiet Iranjani jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem tal-priġunieri; jikkundanna l-kundizzjonijiet krudili u inumani ta' detenzjoni u jistieden lill-Iran jiżgura li l-priġunieri kollha jirċievu kura medika adegwati;

8.  Jistieden lill-ġudikatura tirrispetta l-prinċipji ta' proċess ġust u proċess dovut u tagħti lill-persuni suspettati aċċess għal avukat, żjarat konsulari u żjarat min-NU u mill-organizzazzjonijiet umanitarji, kif ukoll aċċess sħiħ għall-kura medika u s-servizzi tal-kura tas-saħħa f'konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Iran; jistieden lill-Iran biex jieħu l-passi neċessarji bil-għan li ssir reviżjoni tal-liġi, b'tali mod li jiġu żgurati proċessi ġusti u aċċess għas-servizzi ta' avukat tul il-fażijiet investigattivi, u biex iwaqqaf il-prattika tal-konfessjonijiet furzati li jsiru bħala riżultat ta' tortura;

9.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni jistabbilixxu task force interna bħala appoġġ għaċ-ċittadini tal-UE li jkunu qed jiffaċċjaw il-piena tal-mewt jew proċessi manifestament inġusti f'pajjiżi terzi, sabiex jissaħħaħ l-appoġġ disponibbli mis-servizzi konsulari jew diplomatiċi nazzjonali tagħhom;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex jikkooperaw mal-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE f'Tehran, bil-għan li jistabbilixxu lista ta' persuni b'ċittadinanza doppja li bħalissa jinsabu miżmuma fil-ħabsijiet Iranjani, u biex jissorveljaw kull każ individwali mill-qrib, peress li s-sigurtà taċ-ċittadini u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom huma tal-ogħla importanza għall-UE;

11.  Jappella għall-ħelsien tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu maqfula l-ħabs fl-Iran u għall-waqfien tal-atti kollha ta' intimidazzjoni kontrihom;

12.  Jilqa' l-fatt li l-istandards b'rabta mal-kundanni għal reati relatati mad-drogi kastigabbli bil-mewt għolew b'mod sinifikanti bħala l-ewwel pass lejn l-implimentazzjoni ta' moratorju fuq il-piena tal-mewt fl-Iran;

13.  Jistieden lill-Iran japprofondixxi l-involviment tiegħu f'mekkaniżmi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem billi jikkoopera mar-Rapporteurs Speċjali u mekkaniżmi speċjali, fosthom billi japprova talbiet għall-aċċess għall-pajjiż min-naħa ta' detenturi ta' mandat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw b'mod partikolari li r-Rapporteur Speċjali tan-NU futur dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran jitħalla jidħol fil-pajjiż;

14.  Jappoġġja d-diskussjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem li qed isiru fil-kuntest tad-Djalogu ta' Livell Għoli UE-Iran li beda wara l-konklużjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt; jisħaq fuq il-punt li l-UE għandha tibqa' determinata li tkompli taqsam it-tħassib tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Iran kemm b'mod bilaterali kif ukoll f'fora multilaterali;

15.  Itenni l-involviment tal-Iran fi djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem u jilqa' r-rieda min-naħa tal-awtoritajiet Iranjani li jimpenjaw ruħhom favur dan id-djalogu;

16.  Jistieden lill-VP/RGħ tqajjem il-kwistjonijiet tal-kundizzjonijiet fil-ħabs u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet, b'mod partikolari l-każijiet ta' persuni b'ċittadinanza doppja UE-Iranjana mitfugħa l-ħabs fl-Iran, bil-għan li jintemm it-trattament krudili u inuman fil-ħabsijiet Iranjani; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex b'mod sistematiku jqajmu tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Iranjani, fosthom is-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Iran.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0402.
(2) ĠU C 408, 30.11.2017, p. 39.
(3) ĠU C 153E, 31.5.2013, p. 157.
(4) ĠU C 199E, 7.7.2012, p. 163.
(5) ĠU L 95, 13.4.2018, p. 14.


Is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fl-Arabja Sawdija
PDF 137kWORD 55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fl-Arabja Sawdija (2018/2712(RSP))
P8_TA(2018)0232RC-B8-0259/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Arabja Sawdija, b'mod partikolari dawk tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u r-rwol tagħha fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq(1), tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-każ ta' Raif Badawi(2) u tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-każ ta' Ali Mohammed al-Nimr(3),

–  wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb u tal-Espressjoni lill-blogger Sawdi Raif Badawi fl-2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Mejju 2018 tal-Kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-aħħar arresti fl-Arabja Sawdija, fosthom id-detenzjoni arbitrarja u l-għajbien, mingħajr proċess ġust, ta' Nawaf Talal Rasheed, prinċep mid-dinastija ta' Al-Rashid, u iben il-mejjet poeta Nawaf Talal bin Abdul Aziz Al-Rashid,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Mejju 2018 tal-Presidenza tas-Sigurtà Statali tal-Arabja Sawdija dwar l-arrest ta' seba' persuni suspettati,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' leġiżlazzjoni ġdida li tipprojbixxi l-fastidju, approvat mill-Kunsill Shura tal-Arabja Sawdija fit-28 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem, kemm fil-livell domestiku u kemm fil-livell reġjonali, tas-sanzjonijiet imposti mill-Arabja Sawdija u minn pajjiżi oħra fuq il-Qatar u r-rapport dwar l-impatt tal-Kriżi tal-Golf fuq id-drittijiet tal-bniedem ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) f'Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra s-sħubija tal-Arabja Sawdija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u fil-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa, kif ukoll is-sħubija futura tagħha fil-Kunsill Eżekuttiv tas-CSW minn Jannar 2019,

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-Kummissarju Christos Stylianides, f'isem il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), fid-dibattitu tal-4 ta' Lulju 2017 fil-Parlament Ewropew dwar l-elezzjoni tal-Arabja Sawdija bħala membru tas-CSW,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tad-9 ta' Marzu 2018 tal-Kumitat dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa rigward it-tielet u r-raba' rapporti perjodiċi dwar l-Arabja Sawdija, ippreżentati flimkien(4),

–  wara li kkunsidra l-preżentazzjoni konġunta dwar l-Arabja Sawdija f'isem l-ALQST, iċ-Ċentru tal-Golf għad-Drittijiet tal-Bniedem (GCHR) u l-Federazzjoni Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (FIDH) waqt id-69 sessjoni tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tas-7 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-15 ta' Mejju 2018 l-awtoritajiet Sawdin arrestaw seba' nisa – Loujain al-Hathloul, Aisha al-Mana, Madeha al-Ajroush, Eman al-Nafjan, Aziza al-Youssef, Hessah al-Sheikh, Walaa al-Shubbar – u erba' rġiel – Ibrahim Fahad Al-Nafjan, Ibrahim al-Modeimigh, Mohammed al-Rabiah u Abdulaziz al-Meshaal – għall-attiviżmu tagħhom favur id-drittijiet tan-nisa; billi, minn dakinhar 'l hawn, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem arrestati ġew mixlija li appoġġjaw l-attivitajiet ta' gruppi barranin, li rreklutaw persuni responsabbli minn karigi governattivi sensittivi u li ffinanzjaw gruppi barranin bil-ħsieb li jiddestabbilizzaw ir-Renju; billi dawn l-attivisti huma magħrufa għall-kampanja tagħhom kontra l-projbizzjoni tan-nisa mis-sewqan u favur it-tneħħija tas-sistema ta' tutela mill-irġiel; billi dawn ġew arrestati qabel it-tneħħija tal-projbizzjoni tan-nisa mis-sewqan, prevista għall-24 ta' Ġunju 2018;

B.  billi ġie rrappurtat li Madeha al-Ajroush, Walaa al-Shubbar, Aisha al-Mana u Hessah al-Sheikh inħelsu fl-24 ta' Mejju 2018;

C.  billi l-każ ta' Loujain al-Hathloul hu partikolarment allarmanti, peress li ttieħdet minn Abu Dhabi lejn l-Arabja Sawdija kontra l-volontà tagħha f'Marzu 2018 wara li pparteċipat f'sessjoni tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa li eżaminat is-sitwazzjoni fl-Arabja Sawdija; billi hi ma tħallietx tivvjaġġa aktar – sakemm ġiet arrestata reċentement – u bħalissa, x'aktarx flimkien ma' attivisti oħrajn, qed tinżamm f'iżolament;

D.  billi l-Arabja Sawdija għandha wħud mill-aktar restrizzjonijiet ibsin imposti fuq in-nisa, minkejja r-riformi governattivi li saru dan l-aħħar biex jissaħħu d-drittijiet tan-nisa fis-settur tal-impjiegi; billi s-sistema politika u soċjali Sawdija għadha antidemokratika u diskriminatorja, lin-nisa tqishom ċittadini tat-tieni klassi, ma tippermetti l-ebda libertà ta' reliġjon u ta' twemmin, tiddiskrimina serjament kontra l-ħafna ħaddiema barranin fil-pajjiż u trażżan severament kwalunkwe vuċi dissidenti;

E.  billi l-ħidma u l-investigazzjoni fuq il-każ għadhom għaddejjin u huwa diffiċli tinkiseb informazzjoni dwar l-arresti minħabba l-informazzjoni limitata rilaxxata mill-awtoritajiet Sawdin;

F.  billi, fil-25 ta' Mejju 2018, l-awtoritajiet Sawdin arrestaw lil Mohammed al-Bajadi, difensur prominenti tad-drittijiet tal-bniedem u membru fundatur tal-Assoċjazzjoni tad-Drittijiet Ċivili u Politiċi Sawdija – issa interdetta – li akkużat lill-forzi tas-sigurtà b'abbużi;

G.  billi ftit jiem wara l-arresti tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-mezzi tax-xandir u l-pjattaformi tal-media soċjali li jappoġġjaw lill-gvern nedew kampanja ta' malafama kontrihom, u akkużawhom li kienu "tradituri" u li kienu ta' theddida għas-sigurtà tal-Istat; billi l-esperti jemmnu li l-kampanja ta' malafama li għaddejja bħalissa kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tindika l-intenzjoni li jingħataw pieni ħorox ħafna;

H.  billi s-soċjetà Sawdija qed tinbidel bil-mod il-mod iżda l-ħin kollu, u billi l-awtoritajiet Sawdin adottaw għadd ta' miżuri biex jitjieb ir-rikonoxximent dovut tan-nisa bħala ċittadini ugwali, pereżempju billi ngħatalhom id-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali, ingħatalhom aċċess għall-Kunsill Shura konsultattiv u għall-Kunsill Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, se jibdew jitħallew isuqu, u ngħatalhom aċċess għal avvenimenti sportivi pubbliċi;

I.  billi l-aġenda ta' riforma "Vision 2030", li għandha tittrasforma lill-pajjiż ekonomikament u soċjalment abbażi tal-awtonomizzazzjoni tan-nisa, għandha tkun opportunità reali għan-nisa Sawdin biex jiżguraw l-emanċipazzjoni legali tagħhom, li hi assolutament kruċjali għat-tgawdija sħiħa ta' drittijiethom fil-qafas tas-CEDAW; billi, madankollu, il-mewġa reċenti ta' arresti ta' attivisti tad-drittijiet tan-nisa jidher li tmur kontra dan l-objettiv u tista' tfixkel l-aġenda ta' riforma;

J.  billi l-Prinċep Eredi Sawdi Mohammed bin Salman Al Saud offra appoġġ retoriku għar-riformi tad-drittijiet tan-nisa, speċjalment matul iż-żjara tiegħu fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, iżda s'issa dawn ir-riformi kienu limitati, u s-sistema ta' tutela mill-irġiel, l-aktar xkiel serju għad-drittijiet tan-nisa, għadha fil-biċċa l-kbira intatta; billi, barra minn hekk, bil-barka tiegħu seħħet repressjoni estensiva fil-konfront ta' attivisti, avukati u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem prominenti, li żdiedet mindu beda jikkonsolida l-kontroll fuq l-istituzzjonijiet tas-sigurtà tal-pajjiż;

K.  billi l-Arabja Sawdija għandha sensiela ta' liġijiet diskriminatorji, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet ġuridiċi marbuta mal-istatus personali, is-sitwazzjoni tal-ħaddiema migranti nisa, il-Kodiċi tal-Istatus Ċivili, il-Kodiċi tax-Xogħol, l-Att dwar in-Nazzjonalità u s-sistema ta' tutela mill-irġiel, li tissuġġetta t-tgawdija ta' ħafna mid-drittijiet tan-nisa skont is-CEDAW għall-awtorizzazzjoni ta' tutur raġel;

L.  billi l-Arabja Sawdija għandha komunità attiva ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem online kif ukoll l-ogħla numru ta' utenti ta' Twitter fil-Lvant Nofsani; billi l-Arabja Sawdija qiegħda fil-lista tal-"Għedewwa tal-Internet" ta' Reporters Without Borders minħabba ċ-ċensura tal-media Sawdija u tal-internet u l-ikkastigar ta' dawk li jikkritikaw il-gvern jew ir-reliġjon; billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa u tal-media, kemm online kif ukoll offline, huma prekundizzjonijiet kruċjali u katalizzaturi għad-demokratizzazzjoni u għar-riforma u huma kontrolli essenzjali fuq il-poter; billi r-Rebbieħ tal-2015 tal-Premju Sakharov, Raif Badawi, għadu l-ħabs għall-unika raġuni li esprima l-fehmiet tiegħu b'mod paċifiku;

M.  billi l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-NU għall-Arabja Sawdija għall-2015 huwa ta' 0,847, u għalhekk hija kklassifikata fit-38 post minn 188 pajjiż u territorju; billi l-Arabja Sawdija għandha Indiċi tal-Inugwaljanza bejn is-Sessi tan-NU ta' 0,257, u għalhekk hija kklassifikata fil-50 post minn 159 pajjiż fl-indiċi tal-2015; billi l-Arabja Sawdija kienet ikklassifikata fil-138 post minn 144 pajjiż fir-Rapport Globali tal-2017 dwar id-Disparità bejn is-Sessi ppubblikat mill-Forum Ekonomiku Dinji;

N.  billi r-riżerva ġenerali tal-Arabja Sawdija għas-CEDAW, skont il-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, hija inkompatibbli mal-objettiv u l-iskop tal-Konvenzjoni u mhijiex permessa skont l-Artikolu 28 tagħha; billi l-Arabja Sawdija wiegħdet li "tosserva l-ogħla standards fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem" meta applikat b'suċċess għal sħubija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2013;

1.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin iwaqqfu kull forma ta' fastidju, anke fil-livell ġudizzjarju, kontra Eman al-Nafjan, Aziza al-Youssef, Loujain al-Hathloul, Aisha al-Mana, Madeha al-Ajroush, Hessah al-Sheikh, Walaa al-Shubbar, Mohammed al-Rabiah, u Ibrahim al-Modeimigh u kontra d-difensuri l-oħra kollha tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, sabiex ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom mingħajr xkiel mhux ġustifikat u mingħajr biża' ta' tpattija;

2.  Jikkundanna r-repressjoni li għaddejja bħalissa fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, li tikkomprometti l-kredibbiltà tal-proċess ta' riforma fil-pajjiż; jistieden lill-Gvern tal-Arabja Sawdija jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem u lil priġunieri oħra minħabba twemmin li ġew arrestati u kkundannati sempliċement talli eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà ta' espressjoni u talli wettqu xogħolhom b'mod paċifiku favur id-drittijiet tal-bniedem; jiddenunzja d-diskriminazzjoni kontinwa u sistematika kontra n-nisa u l-bniet fl-Arabja Sawdija;

3.  Jesprimi l-ammirazzjoni tiegħu lejn in-nisa u d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa Sawdin li qed jippruvaw jegħlbu kwalunkwe trattament inġust u diskriminatorju u lejn dawk li ddefendew id-drittijiet tal-bniedem minkejja d-diffikultajiet li jridu jħabbtu wiċċhom magħhom;

4.  Jilqa' l-wiegħda li titneħħa l-projbizzjoni tan-nisa mis-sewqan fir-Renju bħala parti mill-aġenda ta' "Vision 2030";

5.  Jenfasizza li t-trattament tad-detenuti kollha, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, waqt li jkunu detenuti, irid ikun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Korp tal-Prinċipji għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha taħt Kwalunkwe Forma ta' Detenzjoni jew Priġunerija adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU permezz tar-Riżoluzzjoni 43/173 tad-9 ta' Diċembru 1988;

6.  Jinnota li l-kumpaniji awtomobilistiċi internazzjonali, b'mod partikolari dawk ibbażati fl-UE, diġà bdew joħorġu riklami mmirati għan-nisa qabel ma tneħħiet il-projbizzjoni tan-nisa mis-sewqan;

7.  Huwa mħasseb ferm dwar il-prevalenza ta' vjolenza sessista fl-Arabja Sawdija, li fil-biċċa l-kbira tagħha għadha mhijiex irrappurtata u ddokumentata biżżejjed u hija ġustifikata b'raġunijiet bħall-ħtieġa li n-nisa taħt it-tutela tal-irġiel jiġu dixxiplinati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sawdin jadottaw leġiżlazzjoni komprensiva biex jiddefinixxu u jikkriminalizzaw b'mod speċifiku kull forma ta' vjolenza sessista kontra n-nisa, b'mod partikolari l-istupru, inkluż l-istupru fiż-żwieġ, l-attakki sesswali u l-fastidju sesswali, u jneħħu l-ostakli kollha għall-aċċess tan-nisa għall-ġustizzja;

8.  Huwa diżappuntat ferm dwar l-eżistenza tas-sistema ta' tutela mill-irġiel, li tipprevedi l-awtorizzazzjoni ta' tutur raġel f'numru ta' oqsma, inklużi l-vjaġġi internazzjonali, l-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, l-għażla tar-residenza, iż-żwieġ, it-tressiq ta' lmenti fis-sistema ġudizzjarja, it-tluq minn ċentri ta' akkoljenza tal-istat għan-nisa abbużati, u t-tluq minn ċentri ta' detenzjoni; jissottolinja li din is-sistema hija riflessjoni tas-sistema patrijarkali b'għeruq b'saħħithom li tiddomina fil-pajjiż;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin jirrevedu l-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Fondazzjonijiet ta' Diċembru 2015 sabiex jippermettu lill-attivisti nisa jorganizzaw ruħhom u jaħdmu b'mod liberu u indipendenti mingħajr indħil indebitu min-naħa tal-awtoritajiet; iħeġġeġ ukoll ir-reviżjoni tal-Liġi Kontra t-Terroriżmu, tal-Liġi Kontra l-Kriminalità Ċibernetika u l-Liġi dwar l-Istampa u l-Pubblikazzjonijiet, li qed jintużaw ripetutament biex difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jittellgħu l-qorti, kif ukoll ir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet diskriminatorji kollha li jinsabu fis-sistema ġuridika;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin biex jirratifikaw il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, jirtiraw ir-riżervi li għamlu għas-CEDAW u jirratifikaw il-Protokoll Fakultattiv tas-CEDAW, sabiex in-nisa Sawdin ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet minquxa fil-Konvenzjoni, u biex itemmu ż-żwiġijiet prekoċi, iż-żwiġijiet furzati u l-kodiċi ta' lbies obbligatorju għan-nisa; iħeġġeġ lill-Arabja Sawdija toħroġ stedina permanenti biex il-Proċeduri Speċjali kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jkunu jistgħu jżuru l-pajjiż;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin jippermettu l-indipendenza tal-istampa u tal-media u jiżguraw il-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika għall-abitanti kollha tal-Arabja Sawdija; jikkundanna r-repressjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dimostranti meta jipprotestaw b'mod paċifiku; jenfasizza li kampanji paċifiċi favur id-drittijiet ġuridiċi bażiċi jew l-użu ta' kummenti kritiċi permezz tal-media soċjali huma espressjonijiet ta' dritt indispensabbli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sawdin ineħħu r-restrizzjonijiet imqiegħda fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jipprojbuhom milli jitkellmu fil-media soċjali u mal-media internazzjonali;

12.  Ifakkar li l-Arabja Sawdija ġiet eletta fil-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa bl-appoġġ ta' xi Stati Membri tal-UE;

13.  Jistieden lill-VP/RGħ, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jestendu l-protezzjoni u l-appoġġ tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem;

14.  Jitlob lill-UE biex, fis-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, tressaq riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija; jitlob lill-UE biex, fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem li jmiss u fil-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa, tqajjem il-kwistjoni tas-sħubija tal-istati b'rekords dubjużi rigward id-drittijiet tal-bniedem, anke fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi; jitlob lill-UE biex, fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, tipproponi l-ħatra ta' Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija;

15.  Jitlob lill-UE tinkludi diskussjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem, bħala punt permanenti fl-aġenda tas-summit annwali bejn l-UE u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, kif ukoll f'fora bilaterali u multilaterali oħra; jistieden lill-Kunsill tikkunsidra l-introduzzjoni ta' miżuri mmirati kontra individwi responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; jinnota li r-regoli għall-għoti tal-Premju Chaillot għall-Promozzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Reġjun tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf jillimitaw l-applikazzjonijiet għal dawk li huma legalment irreġistrati u attivi "fi djalogu kostruttiv mal-awtoritajiet";

16.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jappoġġjaw attivament lil gruppi tas-soċjetà ċivili u lil individwi li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija, anke permezz tal-arranġament ta' żjarat fil-ħabs, ta' monitoraġġ tal-proċessi kriminali u ta' dikjarazzjonijiet pubbliċi;

17.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Istati Membri jkomplu jinvolvu ruħhom fi djalogu mal-Arabja Sawdija dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u r-rwol inkwetanti tal-pajjiż fir-reġjun; jesprimi d-disponibbiltà tiegħu li jkollu djalogu kostruttiv u miftuħ mal-awtoritajiet Sawdin, inklużi d-deputati parlamentari, dwar l-implimentazzjoni tal-impenji internazzjonali tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem; jappella għal skambju ta' għarfien espert dwar il-ġustizzja u kwistjonijiet ġuridiċi sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi fl-Arabja Sawdija;

18.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jwaqqfu aktar flaġellazzjonijiet fil-konfront ta' Raif Badawi, u jeħilsuh minnufih u mingħajr kundizzjonijiet, peress li huwa meqjus bħala priġunier minħabba t-twemmin tiegħu, li ġie arrestat u kkundannat għall-unika raġuni li eżerċita d-dritt tiegħu tal-libertà ta' espressjoni; jitlob lill-UE tkompli tqajjem il-każ tiegħu fi kwalunkwe kuntatt ta' livell għoli li jista' jkollha;

19.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin jintroduċu moratorju immedjat fuq l-użu tal-piena tal-mewt bħala pass lejn l-abolizzjoni tagħha; jappella għal rieżami tas-sentenzi tal-mewt kollha biex ikun żgurat li dawn il-proċessi kriminali kienu konformi mal-istandards internazzjonali;

20.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin itemmu l-inċitament għall-mibegħda u d-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi, u kontra l-individwi u l-gruppi l-oħra kollha soġġetti għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom mill-Arabja Sawdija, inklużi ċ-ċittadini barranin minn pajjiżi ta' reġjuni oħra;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Maestà Tiegħu, ir-Re Salman bin Abdulaziz Al Saud u lill-Prinċep Eredi Mohammad bin Salman Al Saud, lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija, u lis-Segretarju Ġenerali taċ-Ċentru għad-Djalogu Nazzjonali tar-Renju tal-Arabja Sawdija.

(1) ĠU C 378, 9.11.2017, p. 64.
(2) ĠU C 310, 25.8.2016, p. 29.
(3) ĠU C 349, 17.10.2017, p. 34.
(4) CEDAW/C/SAU/CO/3-4.


Is-Sudan, partikolarment is-sitwazzjoni ta' Noura Hussein Hammad
PDF 131kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2018 dwar is-Sudan, partikolarment is-sitwazzjoni ta' Noura Hussein Hammad (2018/2713(RSP))
P8_TA(2018)0233RC-B8-0265/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li r-Repubblika tas-Sudan ilha Stat parti tiegħu mill-1986,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li s-Sudan ilu Stat parti tagħha mill-1990,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-19 ta' Diċembru 2016 dwar iż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1979, u d-Dikjarazzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa (DEVAW) adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1993,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, tat-18 ta' Diċembru 2007, ippreżentata mill-UE u mtennija fl-2008, fl-2010, fl-2012, fl-2014 u fl-2016, li tagħmel appell għal moratorju fuq il-piena tal-mewt,

–  wara li kkunsidra l-ewwel Protokoll għall-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli adottata fl-1981 dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 16 u 21 tal-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet u l-Benesseri tat-Tfal, li daħlet fis-seħħ fid-29 ta' Novembru 1999,

–  wara li kkunsidra l-ittra ta' appell urġenti rigward il-każ ta' Noura Hussein Hammad mibgħuta fis-17 ta' Mejju 2018 mill-Kumitat Afrikan ta' Esperti dwar id-Drittijiet u l-Benesseri tat-Tfal (ACERWC) lir-Repubblika tas-Sudan,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tas-Sudan tal-2005,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 96 (klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem) tal-Ftehim ta' Cotonou, iffirmat mill-Gvern Sudaniż fl-2005,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Noura Hussein Hammad kienet imġiegħla minn familtha tiżżewweġ lil Abdulrahman Hammad meta kienet tifla ta' 16-il sena; billi Noura stqarret li kienet l-ewwel stuprata minn żewġha bl-assistenza tal-membri ta' familtu; billi, skont dak li xehdet, fit-2 ta' Mejju 2017, tlett irġiel żammew lil Noura waqt li Abdulrahman stupraha; billi Noura, bħala awtodifiża, tat daqqiet b'arma ppuntata lil żewġha, u qatlitu, meta dan reġa' pprova jistupraha l-għada; billi eżami mediku suċċessiv indika li Noura ġiet ukoll feruta meta kienet qiegħda tissara ma' żewġha;

B.  billi Noura Hussein Hammad inżammet fil-ħabs ta' Omdurman sad-29 ta' April 2018, meta nstabet ħatja ta' omiċidju premeditat; billi Noura Hussein Hammad, li issa għandha 19-il sena, ġiet ikkundannata għall-mewt mill-Qorti Kriminali Ċentrali ta' Omdurman talli qatlet lir-raġel li missierha ġegħilha tiżżewweġ; billi waqt il-kundanna, il-familja tar-raġel għażlet il-piena tal-mewt bħal "kastig" adatt għal Hussein; billi sar rikors għal appell kontra l-kundanna tagħha;

C.  billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem ġabar informazzjoni skont liema ż-żwieġ furzat u l-istupru ta' Hussein kif ukoll il-forom l-oħra ta' vjolenza sessista kontriha, ma tqisux mill-Qorti bħala attenwanti tas-sentenza; billi l-espert tan-NU dwar l-Eżekuzzjonijiet Sommarji sostna li l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt, fil-każ li jkun hemm provi ċari ta' awtodifiża, tikkostitwixxi qtil arbitarju;

D.  billi s-Sudan jikklassifika fil-165 post minn 188 pajjiż kemm fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem (HDI) kif ukoll fl-Indiċi ta' Inugwaljanza tal-Ġeneru tan-NU; billi l-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC) u l-Kumitat tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem esprimew tħassib gravi dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa fis-Sudan; billi l-ordinament ġuridiku fis-Sudan huwa bbażat fuq il-liġi tax-Xarija Iżlamika; billi l-evidenza turi li meta n-nisa ma jkunux ugwali għall-irġiel f'termini politiċi, kulturali u ekonomiċi, se jkunu suġġetti għall-vjolenza sessista, indipendentement mill-fidi, mir-razza jew min-nazzjonalità tagħhom;

E.  billi l-Kostituzzjoni Sudaniża tipprevedi li l-Istat għandu jipproteġi lin-nisa mill-inġustizzja u jippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; billi Pramila Patten, ir-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, osservat li fis-Sudan, wara li żaret il-pajjiż mit-18 sal-25 ta' Frar 2018, hemm kultura profonda ta' ċaħda tal-vjolenza sesswali; billi ż-żwieġ furzat, l-istupru fiż-żwieġ u l-vjolenza sessista jitqiesu ħaġa normali fis-Sudan, u dawn il-forom kollha ta' vjolenza huma ġġustifikati fuq il-bażi tat-tradizzjoni, tal-kultura u tar-reliġjon; billi sal-lum l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali għadu ma investigax każ wieħed ta' vjolenza sesswali relatata ma' kunflitt;

F.  billi l-mandat tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) biex tindirizza l-impunità għad-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju jinkludi wkoll l-atroċitajiet li jgħaddu abitwalment minnhom in-nisa, fosthom firxa wiesgħa ta' delitti sesswali u bbażati fuq il-ġeneru; billi fl-4 ta' Marzu 2009 l-QKI ħarġet mandat ta' arrest fil-konfront tal-President tar-Repubblika tas-Sudan, Omar al Bashir, fuq ħames kapijiet ta' akkuża minħabba delitti kontra l-umanità: omiċidju, sterminju, trasferiment furzat, tortura u stupru;

G.  billi ġiet varata kampanja globali bl-isem "Ġustizzja għal Noura Hussein Hammad" li timmira li tirrevoka l-piena tal-mewt; billi, minn Mejju 2018, kważi miljun ruħ iffirmaw petizzjoni intitolata "Ġustizzja għal Noura Hussein Hammad"; billi l-intimidazzjoni tal-avukati difensuri tirrappreżenta attakk kontra l-proċedura ta' proċess ġust; billi Noura Hussein Hammad, peress li ġiet stuprata, għandha bżonn appoġġ psikoloġiku;

H.  billi l-każ ta' Noura Hussein Hammad ġibed attenzjoni internazzjonali lejn id-drittijiet tan-nisa u ħareġ fid-dieher il-kwistjonijiet taż-żwieġ furzat u l-istupru fiż-żwieġ fis-Sudan, fejn l-età legali għaż-żwieġ hija biss 10 snin; billi kien biss fl-2015 li l-istupru fiż-żwieġ ġie rikonoxxut mid-dritt Sudaniż; billi, madankollu, l-awtoritajiet ġudizzjarji jirrifjutaw li jirrikonoxxuh bħala delitt;

I.  billi l-attivisti tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfal kulma jmur żiedu l-kampanji kontra ż-żwieġ furzat tal-bniet u kontra ż-żwieġ ta' bniet taħt l-età, fenomenu mifrux fis-Sudan; billi l-prevenzjoni u r-risposta għall-forom kollha ta' vjolenza kontra l-bniet u n-nisa, inkluż iż-żwieġ prekoċi u ż-żwieġ furzat, jikkostitwixxu wieħed mill-għanijiet tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020;

J.  billi kemm Human Rights Watch (HRW) kif ukoll l-Espert Indipendenti tan-NU dwar is-Sudan fir-Rapport Dinji tiegħu tal-2017 iddikjaraw li l-forzi tas-sigurtà Sudaniżi użaw il-vjolenza sesswali, l-intimidazzjoni u forom oħra ta' abbuż biex isikktu lid-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; billi l-avukat ta' Noura Hussein Hammad ġie pprojbit mis-Servizzi Nazzjonali tas-Sigurtà u l-Intelligence (NISSs) milli jagħmel konferenza stampa fost kampanja ta' intimidazzjoni li qed tintensifika; billi Nahid Gabralla, direttur ta' SEEMA, organizzazzjoni mhux governattiva li taħdem mal-vittmi u s-superstiti tal-vjolenza sessista f'Khartoum, il-belt kapitali tas-Sudan, ġiet detenuta bosta drabi waqt il-kampanja ta' appoġġ favur Noura Hussein Hammad, minħabba li s-Sudan qed jagħmel restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni;

K.  billi s-Sudan huwa wieħed mis-seba' pajjiżi li mhumiex parti tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW);

L.  billi l-UE attwalment tagħti finanzjament ta' EUR 275 miljun għal proġetti fis-Sudan, prinċipalment permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) u l-Istrument li jikkontribwixxi għas-Sigurtà u l-Paċi (IcSP); billi s-Sudan ma rratifikax il-verżjoni riveduta tal-Ftehim ta' Cotonou;

M.  billi n-nisa fis-Sudan iġarrbu diskriminazzjoni, arresti arbitrarji u kastigi umiljanti; billi, skont l-Espert Indipendenti tan-NU dwar is-Sudan, delitti magħrufa bħala delitti kontra l-morali pubbliċi, bħal dawk użati kontra n-nisa meqjusa li kienu lebsin "b'mod indeċenti", flimkien mal-umiljazzjoni tal-kastigi korporali, jikkostitwixxu ksur tal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Artikoli 151, 152, 154 u 156 tal-Att Kriminali tas-Sudan jirrinfurzaw ir-restrizzjonijiet fuq in-nisa u l-mod kif jilbsu u jġibu ruħhom fil-pubbliku; billi l-ksur ta' dawn il-liġijiet hu punibbli b'multi u saħansitra, f'ċerti każijiet, bi swat bil-frosta;

N.  billi l-UE tappoġġa lis-Sudan b'taħlita ta' assistenza għall-iżvilupp u għajnuna umanitarja, iżda tipprovdi wkoll appoġġ, fost l-oħrajn permezz tal-hekk imsejjaħ proġett ROCK, għall-operazzjonijiet ta' kontroll tal-fruntieri u kontra t-traffikar u l-kuntrabandu, li huma kontroversjali ħafna;

1.  Jiddeplora u jikkundanna s-sentenza għall-mewt ta' Noura Hussein Hammad; jistieden lill-awtoritajiet Sudaniżi jibdlu s-sentenza għall-mewt f'waħda inqas ħarxa u jqisu għalkollox il-fatt li Hussein kienet qed taġixxi biex tiddefendi lilha nnifisha kontra t-tentattiv ta' raġel u l-kompliċi tiegħu li jistuprawha;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Sudaniżi jikkonformaw mad-dritt nazzjonali u mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Protokoll tal-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika, kif ukoll il-Protokoll tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Afrikana, adottat fil-11 ta' Lulju 2003; ifakkar li, skont l-istandards internazzjonali, l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt meta jkun hemm provi ċari ta' awtodifiża tikkostitwixxi qtil arbitrarju, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet li fihom in-nisa ġew akkużati bi qtil meta ddefendew lilhom infushom;

3.  Ifakkar lill-awtoritajiet Sudaniżi fl-obbligu tagħhom li jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt ta' proċess ġust; jinsisti li jeħtieġ jittieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex ikun żgurat li l-proċess ta' Noura Hussein Hammad jilħaq l-ogħla standards ta' imparzjalità u proċess ġust;

4.  Itenni li huwa imperattiv li l-liġijiet ewlenin fis-Sudan, inkluż l-Att dwar is-Sigurtà Nazzjonali tal-2010 u l-liġijiet li jirregolaw il-media u s-soċjetà ċivili, jiġu riveduti u riformati, sabiex jinġiebu f'konformità mal-istandards internazzjonali li jħarsu l-libertajiet tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni; jesprimi tħassib dwar il-poteri wesgħin ta' arrest u ta' detenzjoni kkonferiti lill-NISS, li jarrestaw u jżommu detenuti b'mod arbitrarju lil persuni li, f'ħafna każijiet, jiġu ttorturati u suġġetti għal trattament ħażin ieħor, waqt li l-uffiċjali tal-NISS igawdu minn immunità mill-prosekuzzjoni;

5.  Jinnota li waqt li l-każ għaddej mill-proċess ġudizzjarju, l-awtoritajiet Sudaniżi xorta għandhom l-obbligu li juru li ma jiskużawx l-istupru jew il-vjolenza sessista, u għaldaqstant, li jsalvaw il-ħajja ta' żagħżugħa li l-eżistenza tagħha diġà rvinata għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tagħha; jistieden lill-awtoritajiet Sudaniżi jiżguraw li l-każijiet kollha ta' vjolenza sessista u sesswali, inkluż l-istupru fiż-żwieġ u l-vjolenza domestika, jiġu proċessati u li l-awturi jinżammu responsabbli għal għemilhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sudaniżi jindirizzaw iż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ furzat u l-istupru fiż-żwieġ;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sudaniżi jwettqu investigazzjoni immedjata, indipendenti u imparzjali dwar l-allegazzjonijiet kontra l-forzi tas-sigurtà tas-Sudan għall-użu tal-vjolenza, l-intimidazzjoni u forom oħra ta' abbuż kontra n-nisa;

7.  Jiddispjaċih bil-projbizzjoni, min-naħa tal-NISSs, tal-konferenza stampa organizzata mit-tim ta' difiża ta' Noura Hussein Hammad wara l-kundanna tagħha; jikkundanna bil-qawwa l-fastidju ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u avukati fir-rigward tal-każ ta' Noura Hussein Hammad;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sudaniżi jiżguraw il-protezzjoni sħiħa tal-integrità fiżika u psikoloġika ta' Noura Hussein Hammad matul id-detenzjoni tagħha, kif ukoll tal-avukati u tal-familja tagħha;

9.  Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt fi kwalunkwe każ u f'kull ċirkostanza; jikkunsidra li l-piena tal-mewt tmur kontra d-dinjità tal-bniedem u tikkostitwixxi trattament krudili, diżuman u degradanti; jappella lill-awtoritajiet Sudaniżi jikkonformaw mal-moratorju fuq il-piena tal-mewt tan-NU; jistieden lis-Sudan jirratifika l-Konvenzjoni kontra t-Tortura (CAT) u s-CEDAW;

10.  Jirrimarka li l-awtoritajiet Sudaniżi li protezzjoni aħjar tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-kriminalizzazzjoni tal-istupru fiż-żwieġ jistgħu jgħinu biex jiġu salvati ħafna ħajjiet u jipprevjeni eżiti bħal dak tal-każ ta' Noura Hussein Hammad;

11.  Jikkundanna bil-qawwa ż-żwieġ prekoċi u furzat u l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fis-Sudan u f'postijiet oħra; jindika li l-appell attwali kontra s-sentenza ta' Hussein, li hu limitat għall-aspetti formali u legali tas-sentenza mingħajr ebda kunsiderazzjoni tal-fatti, mhuwiex biżżejjed skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li s-Sudan irratifika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal u jemendaw il-liġi dwar l-istatus personali sabiex jgħolli l-età li fiha ż-żwieġ huwa legalment permissibbli;

12.  Jitlob bil-qawwa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-proġetti flimkien mal-awtoritajiet Sudaniżi tosserva l-prinċipju "non nocere", li jeskludi l-kooperazzjoni ma' atturi responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-President tas-Sudan, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari tal-AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan.


In-nomina ta' membru għall-bord tal-għażla tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
PDF 114kWORD 47k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2018 dwar il-ħatra tas-Sur Antonio Mura fil-bord tal-għażla stabbilit skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE") (2018/2071(INS))
P8_TA(2018)0234B8-0237/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE")(1),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (B8-0237/2018),

–  wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Antonio Mura jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939;

1.  Jipproponi li Antonio Mura jinħatar fil-bord tal-għażla;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.


Manipulazzjoni tal-odometri fil-vetturi bil-mutur: reviżjoni tal-qafas legali tal-UE
PDF 187kWORD 62k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2018 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-manipulazzjoni tal-odometri fil-vetturi bil-mutur: reviżjoni tal-qafas legali tal-UE (2017/2064(INL))
P8_TA(2018)0235A8-0155/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 91(1) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/47/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151(3), ir-Regolament(KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008(5) u r-Regolament Nru 39 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar CARS 2020: lejn industrija tal-karozzi Ewropea b'saħħitha, kompetittiva u sostenibbli(7),

–  wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) ta' Novembru 2017 intitolat "It-tbagħbis tal-odometri - miżuri għall-prevenzjoni"(8) u l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew korrispondenti tiegħu, "Il-manipulazzjoni tal-odometri fil-vetturi bil-mutur fl-UE(9)",

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Assoċjazzjoni tal-Awtoritajiet tar-Reġistrazzjoni Ewropej tal-Vetturi u s-Sewwieqa bl-isem "Reġistrazzjoni tal-Kilometraġġ tal-Vetturi"(10),

–  wara li kkunsidra l-"Istudju tas-Suq tal-Konsumaturi dwar il-funzjonament tas-suq tal-karozzi użati minn perspettiva tal-konsumatur" tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub 0030/2016 tal-11 ta' April 2016 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-kilometraġġ fis-suq tal-karozzi użati,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0155/2018),

Is-sitwazzjoni attwali

A.  billi t-tbagħbis tal-odometri, jiġifieri l-prattika ħażina ta' alterazzjoni intenzjonata jew mhux awtorizzata tal-kilometraġġ reali ta' vettura muri fuq l-odometru tagħha, huwa problema serja u mifruxa madwar l-Unjoni, speċjalment fil-kuntest tal-kummerċ transfruntier u tagħmel ħsara lill-pajjiżi terzi li jimportaw karozzi użati mill-Unjoni;

B.  billi l-profitt ekonomiku tat-tbagħbis tal-odometri jista' jkun sinifikanti meta jitqiesu l-prezzijiet baxxi tat-tagħmir meħtieġ u ż-żieda artifiċjali fil-valur tal-karozzi użati; billi studji jistmaw li s-sehem tal-vetturi mbagħbsa jilħaq bejn 5  u 12 % tal-bejgħ tal-karozzi użati fil-livell nazzjonali, u bejn 30  u 50 % tal-bejgħ transfruntier, li jakkumula għal totali ta' bejn EUR 5,6 u 9,6 biljun fi ħsara ekonomika fl-Unjoni;

C.  billi l-għadd ta' kilometri misjuqa huwa wieħed mill-aktar parametri importanti li abbażi tiegħu xerrej jista’ jivvaluta l-kundizzjoni teknika ta' vettura, u billi l-qari tal-kilometraġġ għandu impatt sinifikanti fuq il-valur tas-suq ta' vettura;

D.  billi l-qari tal-odometru huwa maħżun u muri b'mod diġitali, filwaqt li l-aċċess estern għal fini ta’ rikonfigurazzjoni huwa faċli, billi l-livell ta' protezzjoni tal-odometri huwa inqas milli dak ta' komponenti oħra fil-vettura;

E.  billi t-tbagħbis tal-odometri jagħmel ħsara lill-konsumaturi, lin-negozjanti tal-karozzi użati, lill-assiguraturi u lill-kumpaniji tal-kiri, filwaqt li joffri benefiċċju finanzjarju lil dawk li jwettqu din il-frodi, u jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet bil-għan li jsir aktar diffiċli għan-nonprofessjonisti biex ibagħbsu l-odometri;

F.  billi l-livell ogħla ta' tkagħbir minħabba l-użu tal-karozzi b'odometri li kienu ġew imbagħbsa, jolqot b'mod negattiv is-sikurezza fit-toroq, billi min jixtri tali karozzi jista' jġarrab spejjeż ogħla ta' manutenzjoni u tiswija milli dawk mistennija minħabba li l-karozzi ma jiġux spezzjonati abbażi tal-kilometraġġ veru tagħhom;

G.  billi karozzi b'odometri li kienu ġew imbagħbsa, jistgħu juru konsum ogħla u iktar emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu milli mistenni, u b'hekk jiksru r-rekwiżiti tad-durabilità tal-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip;

H.  billi s-suq tal-karozzi użati fl-Unjoni, li huwa minn darbtejn sa tlett darbiet akbar mis-suq għaall-karozzi l-ġodda, għandu l-inqas fiduċja tal-konsumatur fost is-swieq tal-oġġetti skont it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kummissjoni tas-Swieq tal-Konsumatur - 2014(11) u t-tbagħbis tal-odometri jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-telf ta' fiduċja tal-konsumaturi fin-negozjanti ta' karozzi użati, u għalhekk ifixkel il-funzjonament tas-suq intern u l-kompetizzjoni ġusta;

I.  billi l-konsumaturi mhumiex infurmati biżżejjed dwar il-modi possibbli ta' prevenzjoni tal-manipulazzjoni tal-qari tal-odometri fil-karozzi użati u dwar it-tekniki eżistenti għall-monitoraġġ tal-kilometraġġ u l-prevenzjoni tal-frodi f'dan il-qasam, u modi ta' ksib ta' aċċess għal dawk it-tekniki;

J.  billi bosta Stati Membri għadhom qed jonqsu milli jipprovdu lill-konsumaturi bl-għodod meħtieġa li jippermettulhom jivverifikaw il-passat ta' vettura użata;

K.  billi l-frodi tal-kilometraġġ taffettwa b'mod sproporzjonat lill-gruppi soċjali u ż-żoni ġeografiċi b'introjtu aktar baxx, u jesponi lill-konsumaturi fl-Istati Membri li daħlu fl-Unjoni fi jew wara l-2004 u fil-pajjiżi ġirien tal-Unjoni (b'mod partikolari il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fejn il-karozzi użati mill-Unjoni jiġu importati mingħajr ebda dazju jew soġġetti għal ammont insinifikanti ta' dazju ) għal riskju ogħla li tinxtara karozza b'odometru manipulat u għaldaqstant spiss huma milquta minn dik il-prattika ħażina;

L.  billi fl-assenza ta' sistema integrata komuni għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri, hemm riskju akbar li jiġi legalizzat qari ta' kilometraġġ li diġà ġie manipulat qabel l-ivverifikar inizjali fil-pajjiż fejn eventwalment tiġi reġistrata l-karozza u fejn diġà hemm miżuri għar-reġistrazzjoni tal-vettura u l-ivverifikar tal-kilometraġġ tagħha;

M.  billi l-ġlieda kontra l-frodi tal-odometri permezz tal-istabbiliment ta' regoli uniformi għall-prevenzjoni tal-manipulazzjoni fundamentalment issaħħaħ is-sigurtà u ċ-ċertezza fix-xiri transfruntier tal-vetturi, u għaldaqstant tnaqqas l-iskala ta' prattiki inġusti u toffri benefiċċji sostanzjali għal miljuni ta' konsumaturi fl-Unjoni;

Miżuri eżistenti li jindirizzaw il-frodi tal-odometri

N.  billi xi Stati Membri diġà introduċew strumenti biex jimminimizzaw il-manipulazzjoni tal-odometri, bħal "Car-Pass" fil-Belġju u "Nationale AutoPas" (NAP) fin-Netherlands; billi ż-żewġ Stati Membri jużaw bażi tad-data li tiġbor fiha l-qari tal-odometru f'kull manutenzjoni, servizz, tiswija jew spezzjoni perjodika tal-vettura, mingħajr ma tinġabar ebda data personali, u t-tnejn li huma kważi qerdu l-frodi tal-odometri fid-dominji rispettivi tagħhom fi żmien qasir;

O.  billi s-sistema Belġjana titħaddem fuq bażi ta’ liġi minn organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ u s-sistema fin-Netherlands titħaddem minn aġenzija governattiva; billi ż-żewġ sistemi joperaw bi spiża raġonevoli u s-suċċess tagħhom huwa akkumpanjat u mrawwem minn kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni kif ukoll minn qafas legali b'saħħtu li jistabbilixxi regoli ċari u penali dissważivi;

P.  billi l-għadd ta' karozzi manipulati sostanzjalment ogħla f'pajjiżi mingħajr aċċess għal dawk il-bażijiet tad-data juri li l-iskambju transfruntier tad-data u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri huma kruċjali għas-suċċess tagħhom;

Q.  billi is-Sistema ta' Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan (Eucaris), diġà tipprovdi infrastruttura u organizzazzjoni għall-iskambju ta' data armonizzata relatata mat-trasport bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, u tintuża mill-Istati Membri kollha biex jissodisfaw l-obbligi taħt id-Direttiva 2011/82/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12) filwaqt li l-funzjonalitajiet tagħha diġà jinkludu reġistrazzjonijiet tal-kilometraġġ;

R.  billi jeżistu wkoll soluzzjonijiet tekniċi, kemm fir-rigward tal-hardware kif ukoll tas-software, li jistgħu jiġu integrati f'vetturi mill-manifatturi u b'hekk tiġi evitata l-manipulazzjoni tal-odometru mill-bidu, billi "Moduli tas-Sigurtà tal-Hardware" u "Estensjonijiet Siguri tal-Hardware" diġà qed jintużaw biex jipproteġu unitajiet ta' kontroll elettroniċi (ECU) fil-vetturi kontra l-aċċess mhux awtorizzat, il-manipulazzjoni jew is-serq tal-karozzi, u l-ispiża tagħhom għal kull vettura hija stmata li tammonta għal EUR 1;

S.  billi, sabiex tinkiseb l-approvazzjoni tat-tip għal vettura, ir-Regolament (UE) 2017/1151 jobbliga lill-manifatturi jimplimentaw strateġiji sistematiċi ta' protezzjoni kontra t-tbagħbis u karatteristiċi "write-protect" li jiskoraġġixxu r-riprogrammazzjoni tal-odometri, filwaqt li jqis ukoll karatteristiċi għall-iskambju mill-bogħod ta' data; billi din tirrikjedi biss informazzjoni u spjegazzjonijiet ipprovduti mill-manifattur u ma tipprevedi ebda ttestjar biex jiġi vverifikat jekk l-odometru huwiex sigur kontra t-tbagħbis meta jeżistu proċessi ċertifikati u rikonoxxuti fil-livell internazzjonali, bħall-Kriterji Komuni għall-Evalwazzjoni tas-Sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni; billi proċessi rikonoxxuti fil-livell internazzjonali, bħall-Kriterji Komuni (ISO/IEC 15408) jistgħu jikkontribwixxu għall-protezzjoni kontra t-tbagħbis;

Leġiżlazzjoni u lakuni

T.  billi filwaqt li l-manipulazzjoni tal-odometru hija projbita f'26 Stat Membru iżda huma biss għaxar Stati Membri li għandhom miżuri addizzjonali biex jivverifikaw il-kilometraġġ disponibbli għall-klijenti u sitta biss jirrikonoxxu l-manipulazzjoni tal-odometru bħala reat kriminali(13); billi l-hardware u s-software użati għat-tbagħbis tal-odometri huma liberament disponibbli fl-Unjoni u mhumiex ikklassifikati bħala reat kriminali, u billi aktar Stati Membri qed jikkriminalizzaw attivitajiet marbuta mal-manipulazzjoni illegali tal-qari tal-miter;

U.  billi l-frodi tal-odometru tirrappreżenta theddida għall-affidabilità stradali, kif indikat fid-Direttiva 2014/45/UE, li tirrikjedi li l-Istati Membri huma mistednin jimponu penali effikaċi, proporzjonati u dissważivi għal manipulazzjonijiet bħal dawn; billi l-Kummissjoni għandha teżamina ulterjorment il-fattibilità li jiġu konnessi l-pjattaformi nazzjonali bil-għan li jkun jista' jsir skambju transfruntier tal-informazzjoni dwar l-affidabilità stradali, li tinkludi l-qari tal-odometri;

V.  billi d-Direttiva 2014/45/UE fiha obbligu ta' reġistrazzjoni tal-kilometraġġ matul l-ispezzjoni teknika perjodika (PTI - periodical technical inspection) u tagħmel dawn ir-reġistrazzjonijiet disponibbli għal PTIs sussegwenti, iżda tindirizza biss reġistrazzjonijiet tal-kilometraġġ matul it-testijiet tal-affidabilità stradali mill-ewwel spezzjoni tal-affidabilità stradali 'l quddiem; billi l-ewwel PTI jista' jseħħ sa erba' snin wara l-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura, li jħalli biżżejjed ħin għal manipulazzjoni tal-odometru qabel l-ewwel spezzjoni kif ukoll bejn l-ispezzjonijiet, u jista' wkoll jirriżulta f'reġistrazzjoni uffiċjali ta' kilometraġġ żbaljat;

W.  billi la d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(14) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 dwar l-approvazzjoni tat-tip, u lanqas ir-Regolament Nru 39 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE Regolament Nru 39) ma jirreferu għall-frodi tal-kilometraġġ jew għall-odometri siguri kontra t-tbagħbis; billi Regolament (KE) Nru 661/2009 jirreferi għar-Regolament 39 tal-UNECE dwar ir-rekwiżiti ta' approvazzjoni għall-ispidometru, iżda ma jipprovdix għar-rekwiżiti fir-rigward ta’, jew il-karatteristiċi essenzjali tal-odometri;

Żvilupp futur fis-settur awtomobilistiku

X.  billi l-industrija awtomobilistika għamlet progress kbir fl-iżvilupp u fil-produzzjoni ta' vetturi li huma konnessi, jużaw l-ITS u jikkomunikaw mal-ambjent tagħhom, biex b'hekk ħafna mill-karozzi li jidħlu fis-suq diġà huma mogħnija b'funzjonijiet ta' konnettività u għaldaqstant fit-toroq tal-Unjoni qed issir tranżizzjoni lejn flotta ta' vetturi konnessi;

Y.  billi, skont diversi sondaġġi, l-età medja tal-karozzi fit-toroq fl-Unjoni hija ta' bejn 7 sa 11-il sena u qed tiżdied b'mod kostanti, filwaqt li fl-Istati Membri li aderew mal-Unjoni fi jew wara l-2004, il-karozzi qabżu sew l-età medja, u dan jirriżulta fi flotta li tikkonsisti f'karozzi ġodda u konnessi ħafna u karozzi relattivament qodma mingħajr ebda funzjoni ta' konnettività;

Z.  billi vetturi moderni diġà jibagħtu regolarment is-settijiet ta' data lill-manifatturi inkluż il-kilometraġġ attwali u l-ħin totali ta' tħaddim, u b'hekk titwassal data ewlenija għall-verifika tal-plawżibilità tar-rekord tal-kilometraġġ;

AA.  billi t-teknoloġija tal-blockchain tista' tkun soluzzjoni waħda għall-ħżin ta' data mill-odometri;

AB.  billi CarTrustChain huwa proġett ta' suċċess dwar kif tista' tintuża t-teknoloġija blockchain biex telimina l-frodi tal-odometri, li kien kofinanzjat mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali;

1.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, abbażi tal-Artikoli 91(1) u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), tissottometti qafas leġiżlattiv li jirrikjedi li l-Istati Membri joħolqu ostakli legali, tekniċi u operattivi biex ma jippermettux li ssir manipulazzjoni tal-odometri, wara r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti f'din ir-riżoluzzjoni u fl-Anness tagħhom, fi żmien 12-il xahar wara l-adozzjoni mill-Parlament ta' din ir-riżoluzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina r-rekwiżiti statutorji tar-Regolament (UE) 2017/1151;

2.  Jistieden lil Kummissjoni tiżgura li l-istess ostakli legali u tekniċi jiġu applikati wkoll għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi;

3.  Jilqa' soluzzjonijiet tekniċi bħal HSM u SHE, li diġà jintużaw b'mod wiesa' biex jipproteġu data sensittiva fil-karozzi, u jissottolinja l-fatt li l-qari tal-odometri għandu jibbenefika mill-istess livell ta' protezzjoni bil-għan li tiġi impedita l-manipulazzjoni tal-odometri;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-approvazzjoni tat-tip għas-sigurtà fil-karozza stess, speċjalment għal miżuri tekniċi kontra l-frodi tal-odometri iżda wkoll fid-dawl taż-żieda fil-karozzi konnessi;

5.  Jilqa' li l-Kummissjoni inkludiet rekwiżiti b'rabta mas-sigurtà teknoloġika għall-odometri fir-Regolament (UE) 2017/1151; josserva, madankollu, li m'hemm l-ebda dispożizzjoni dwar kif għandu jsir monitoraġġ ta' dawn ir-rekwiżiti, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji ċari biex is-sigurtà tal-odometri tiġi kkontrollata b'mod effikaċi, tirranġa dawk il-kriterji jekk meħtieġ, fl-iqsar żmien possibbli, u tinforma lill-Parlament dwar l-effikaċja ta’ dak ir-Regolament;

6.  Jinnota li soluzzjonijiet nazzjonali li jużaw bażijiet tad-data ta' qari frekwenti tal-odometri mill-PTI, żjarat fil-garaxxijiet u spezzjonijiet oħra tal-vetturi kisbu suċċess kbir fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-odometri fl-Istati Membri rispettivi, u għaldaqstant jipproponi li dawk l-Istati Membru li s'issa naqsu milli jaġixxu kif jitolbu ċ-ċirkostanzi biex jistabbilixxu soluzzjonijiet xierqa mill-aktar fis possibbli;

7.  Jenfasizza f'dan ir-rigward li l-Istati Membri kollha għandu jkollhom reġistri nazzjonali u jipparteċipaw fl-iskambju transfruntier tad-data minn dawk ir-reġistri, peress li dan huwa l-uniku mod ta' kif il-frodi tal-kilometraġġ tista' tiġi miġġielda b'mod effikaċi fl-Unjoni ; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, li tipproponi qafas leġiżlattiv għall-Istati Membri biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta' ġbir ta' data nazzjonali komparabbli u reċiprokament kompatibbli, abbażi tal-aqwa prattiki eżistenti, li jipprovdu ġbir ta' data dwar il-kilometraġġ frekwenti u affidabbli minn meta tiġi reġistrata għall-ewwel darba vettura, u li tippermetti l-iskambji internazzjonali;

8.  Jisħaq fuq il-punt li l-aċċess transfruntier għall-qari tal-odometri għandu jkun possibbli u li l-aċċess faċli għal dik l-informazzjoni min-naħa ta' xerrej ta' vettura użata jkun kontribut kbir għall-protezzjoni tal-konsumaturi; jissottolinja l-fattli xerrej ta' vettura użata għandu jkun jista' jivverifika l-eżattezza tal-qari tal-odometru tal-karozza, indipendentement mill-Istat Membru fejn kienet reġistrata qabel; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurmaw lill-konsumaturi u lill-partijiet ikkonċernati, b’mod proattiv, dwar il-miżuri eżistenti kontra l-frodi tal-odometri u dwar mezzi biex tiġi identifikata u impedita l-manipulazzjoni tal-odometru;

9.  Jisħaq li l-Eucaris toffri infrastruttura eżistenti għal skambju kosteffikaċi tal-qari tal-odometri madwar l-Unjoni fuq il-bażi ta' soluzzjoni ta' bażi tad-data; jiddispjaċih li fl-2017 kienu biss il-Belġju, in-Netherlands u s-Slovakkja li għamlu użu mill-pjattaforma Eucaris biex jiskambjaw informazzjoni dwar il-qari tal-odometri, u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Istati Membri japprofittaw mill-opportunitajiet ipprovduti minn din is-sistema;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel parteċipazzjoni fl-Eucaris obbligatorja u timplimentaha bħala pjattaforma ta' informazzjoni tal-vetturi u b'hekk tiffaċilita l-verifika tal-kilometraġġ fl-Unjoni bil-ħsieb li jitnaqqsu l-possibilitajiet li jiġu manipulati l-odometri;

11.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li r-reġistru elettroniku pprovdut fid-Direttiva 2014/45/UE għadu ma ġiex stabbilit u li l-penali tal-Istati Membri mhumiex dissważivi biżżejjed, u b'konsegwenza ta' dan ma ntlaħqux l-objettivi f'dak li jikkonċerna l-iskambju tad-data;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi qafas ġuridiku li jippermetti lill-Istati Membri jirreġistraw qari tal-odometri obbligatorju mill-PTI, minn kull ispezzjoni, servizz, operazzjoni ta' manutenzjoni u tiswija li jsiru, u minn żjarat fil-garaxxijiet oħra, ibda mill-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura;

13.  Jenfasizza li soluzzjoni bbażata fuq il-blockchain tista' tkun aktar kosteffikaċi u jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi kost-benefiċċji għal din is-soluzzjoni fi żmien 12-il xahar mill-adozzjoni mill-Parlament ta' din ir-riżoluzzjoni, inklużi s-sigurtà, it-trasparenza u l-protezzjoni tad-data; jisħaq li, sakemm ma ssir l-applikazzjoni potenzjali ta' din it-teknoloġija għandhom jiġu implimentati mingħajr dewmien soluzzjonijiet effikaċi, li jistgħu jintużaw faċilment u jitħaddmu malajr, b’mod partikolari l-bażijiet tad-data;

14.  Jisħaq li applikazzjoni usa' ta' teknoloġiji kriptografiċi avvanzati, bħal soluzzjonijiet ibbażati fuq l-HSM jew l-SHE tista' tipprovdi protezzjoni addizzjonali kontra l-manipulazzjonijiet tal-odometri, u tipproteġi l-odometri minn aċċess mhux awtorizzat permezz ta' ċipep ta' sigurtà;

15.  Jenfasizza li l-vetturi qed isiru dejjem aktar kapaċi li jkunu konnessi u li dan l-iżvilupp ser ikompli u b'hekk se jippermetti li d-data tal-odometru tiddaħħal awtomatikament f'bażi tad-data jew f'netwerk tal-blockchain; jilqa' l-isforzi tal-industrija tal-karozzi biex jiżviluppaw varjetà ta' salvagwardji tekniċi kontra t-tbagħbis tal-odometru fosthom il-kriptaġġ tad-data, il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà iżda wkoll jitlob lill-manifatturi biex itejbu aktar l-effikaċja tas-soluzzjonijiet tekniċi tagħhom;

16.  Jenfasizza li l-miżuri kollha li jinvolvu t-trażmissjoni u l-ħżin tad-data għandhom isegwu l-acquis Ewropew għall-protezzjoni tad-data, u jiġu prattikati biss għall-prevenzjoni tat-tbagħbis tal-odometru u bl-ogħla livell ta' protezzjoni ċibernetika;

17.  Jistieden lill-Istati Membri biex joħolqu jew jemendaw il-leġiżlazzjoni dwar it-tbagħbis tal-odometru sabiex jagħmluh reat kriminali – inkluż il-forniment ta' hardware, software u s-servizzi relatati meħtieġa għal manipulazzjoni mhux awtorizzata – minħabba li t-tbagħbis iwassal għall-valutazzjoni mhux korretta tal-kundizzjoni tal-vettura, u b'hekk għandu impatt negattiv fuq is-sikurezza tat-toroq; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji għall-infurzar effikaċi, mhux diskriminatorju u proporzjonat ta' tali leġiżlazzjoni;

18.  Jemmen li t-tibdil ta' odometru ta' vettura b'wieħed li juri qari ta' kilometraġġ aktar baxx, jekk l-għan huwa li jinħeba l-kilometraġġ reali u għaldaqstant isir profitt, jenħtieġ li jitqies bħala frodi tal-kilometraġġ ta' vettura;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, fuq il-bażi tal-Artikoli 91(1) u 114 tat-TFUE, tissottometti proposta għal att dwar miżuri li jindirizzaw il-manipulazzjoni tal-odometri, skont ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta' hawn taħt;

o
o   o

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet fl-anness lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

It-trawwim ta' soluzzjonijiet tekniċi u tal-approvazzjoni tat-tip

Sabiex il-manipulazzjoni tal-qari tal-odometru ssir aktar diffiċli, għandu jiġi stabbilit livell ogħla ta' sigurtà fil-vettura stess għad-data tal-odometru. Dan għandu jinkiseb billi jiġu inklużi fil-proposta dawn li ġejjin:

—  Is-sorveljar tal-implimentazzjoni tal-punt (f) tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) 2017/1151 u l-preżentazzjoni ta’ rapport bir-riżultati lill-Parlament malajr kemm jista' jkun;

—  L-istabbiliment ta' rekwiżiti ċari biex jiżguraw il-qari tal-odometru kontra l-manipulazzjoni fosthom – jekk jiġu vvalutati pożittivament – protezzjoni kriptografika tal-manipulazzjoni, sistemi ta' rikonoxximent tal-manipulazzjoni, detezzjoni u reġistrazzjoni separati tal-kilometraġġ u sigurtà tal-hardware;

—  L-introduzzjoni ta' metodu ta' ttestjar jew applikazzjoni tal-Kriterji Komuni għall-Evalwazzjoni tas-Sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni għas-soluzzjonijiet preventivi provduti mir-Regolament (UE) 2017/1151 dwar il-frodi tal-odometri;

Sistemi ta' bażijiet tad-data

Il-bażijiet tad-data bil-qari tal-odometri jnaqqsu b'mod sinifikanti l-għadd ta' vetturi manipulati. Huwa importanti li tinkiseb soluzzjoni għall-Unjoni kollha, għax l-inizjattivi nazzjonali iżolati ma jistgħux jipprevjenu l-frodi tal-odometri fil-kummerċ transfruntier ta' vetturi użati. Għaldaqstant, il-proposta jenħtieġ li tipprovdi l-miżuri li ġejjin:

—  ir-reġistrazzjonijiet obbligatorji tal-qari tal-odometru pprovduti fid-Direttiva 2014/45/UE għandhom ikunu magħmula disponibbli għal skambju transfruntier, u jekk jintalbu, għall-klijenti wkoll;

—  jinħoloq qafas legali biex jitwaqqfu bażijiet tad-data kumparabbli tar-reġistrazzjonijiet tal-kilometraġġ fl-Istati Membri, filwaqt li jiġu żgurati l-iskambju internazzjonali u l-aċċess għall-informazzjoni, abbażi tal-aqwa prattika eżistenti li tipprovdi reġistrazzjoni frekwenti u affidabbli tad-data tal-kilometraġġ;

—  il-bażijiet tad-data tal-qari tal-odometri li jeżistu diġà fil-livell tal-Istati Membri għandhom ikunu interkonnessi, kompatibbli u interoperabbli fil-livell tal-UE u jippermettu skambju internazzjonali tad-data, filwaqt li l-infrastruttura eżistenti bħall-Eucaris għandha tintuża għal implimentazzjoni kosteffikaċi u f'waqtha;

—  ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data għandhom jiġu rispettati u, fejn ikun meħtieġ, għandhom jiġu adatti b'mod li jippermetti l-ħżin u l-iskambju tad-data rilevanti u l-protezzjoni tal-privatezza filwaqt li jipprevjenu b'mod effikaċi l-użu frawdolenti tad-data miġbura;

—  ix-xerrejja ta' vetturi użati għandhom jiġu provduti b'mezzi biex jivverifikaw, qabel ix-xiri, l-eżattezza tal-qari tal-odometru tal-karozza, abbażi tad-data tal-kilometraġġ miġbura minn dik il-vettura indipendentement mill-Istat Membru fejn kienet reġistrata qabel;

Il-blockchain u l-konnettività bħala soluzzjonijiet fit-tul potenzjali u kumplimentari

Il-vetturi qed isiru dejjem aktar konnessi u s-sehem ta' vetturi konnessi fil-flotta tal-Unjoni qed jikber b'mod kostanti. Dawn diġà jittrażmettu data bħall-qari tal-kilometraġġ attwali lis-servers tal-manifatturi. Dik id-data diġà tista' tintuża biex tinkixef il-frodi tal-kilometraġġ.

Teknoloġija blockchain tista', biż-żmien, toffri għodda affidabbli li permezz tagħha data tiġi mdaħħla f'netwerk u li tgħin il-prevenzjoni tal-manipulazzjoni tad-data li tiddaħħal. L-ikkombinar ta' dawk l-iżviluppi u tat-teknoloġija jista' jiġi esplorat bħala soluzzjoni fit-tul kontra l-frodi tal-odometri.

Għalhekk, għandhom jiġu proposti l-miżuri li ġejjin:

—  il-kosti u l-benefiċċji potenzjali tal-istabbiliment ta' netwerk Ewropew tal-blockchain għall-qari tal-odometru jenħtieġ li jiġu vvalutati;

—  jekk il-valutazzjoni tkun pożittiva: il-qafas legali u regolatorju għal trasmissjoni awtomatizzata tal-qari tal-odometru ta' karozzi li huma mgħammra b'funzjonijiet ta' konnettività u – irrispettivament mill-valutazzjoni tal-blockchain– għall-aċċessar tad-data tal-odometru maħżuna u miġbura mill-manifattur li tikkumplimenta r-reġistrazzjonijiet tal-kilomettraġġ minn entrati manwali fil-PTI u minn sorsi oħra jenħtieġ li jinħoloq;

—  it-trażmissjoni tal-qari tal-odometru mill-PTI, miż-żjarat u l-ispezzjonijiet fil-garaxxijiet jenħtieġ li tkun rikjesta, b'hekk il-bażi tad-data tiġi integrata u żviluppata ulterjorment;

Leġiżlazzjoni u infurzar

Il-frodi tal-odometru mhijiex reat kriminali fl-Istati Membri kollha, għalkemm id-Direttiva 2014/45/UE tipprovdi b'mod espliċitu biex dan iseħħ. L-infurzar ta' miżuri legali effettivi, inklużi penali, huwa kruċjali biex tinqered il-frodi tal-odometri. Il-miżuri li ġejjin għandhom għalhekk jiġu proposti:

—  il-frodi tal-odometri għandha titqies bħala reat imwettaq kemm mill-persuna li tordna l-modifikazzjoni tal-qari tal-miter (sid il-karozza) kif ukoll mill-persuna li timmodifika l-qari tal-miter, u għandu jkun punibbli b'penali effettivi, proporzjonati, dissważivi u mhux diskriminatorji li jsegwu standard ferm komparabbli fl-Unjoni kollha.

(1) Id-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u li tħassar id-Direttiva 2009/40/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 51).
(2) Id-Direttiva 2014/47/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-ispezzjonijiet tekniċi waqt it-traġitt tal-affidabilità stradali ta' vetturi kummerċjali li jiċċirkolaw fl-Unjoni u li jirrevoka d-Direttiva 2000/30/KE, (ĠU L 127, 29.4.2007, p. 134).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal-1 ta' Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 692/2008 (ĠU L 175, 7.7.2017, p. 1).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (ĠU L 200, 31.7.2009, p. 1).
(5) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tal-18 ta’ Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l- 20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1).
(6) Ir-Regolament Nru 39 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UN/ECE) – Id-dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni tal-vetturi fir-rigward tat-tagħmir tal-ispeedometer inkluża l-installazzjoni tiegħu (ĠU L 120, 13.5.2010, p. 40).
(7) ĠU C 468, 15.12.2016, p. 57.
(8) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/602012/IPOL_STU%282017%29602012_EN.pdf
(9) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2018/615637/EPRS_STU%282018%29615637_EN.pdf
(10) https://www.ereg-association.eu/media/1122/final-report-ereg-topic-group-xiii-vehicle-mileage-registration.pdf
(11) https://ec.europa.eu/info/files/consumer-markets-scoreboard-2014-edition_en
(12) Id-Direttiva 2011/82/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinarju ta' informazzjoni fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq, (ĠU L 288, 5.11.2011, p. 1).
(13) Ara Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net, 2015), Xiri transfruntier ta' karozzi: minn xiex għandek toqgħod attent meta tkun qed tfittex karozza bi prezz irħis, p. 236.
(14) Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi ("Direttiva Kwadru") (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).


Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ***I
PDF 235kWORD 74k
Emendi adottati mil-Parlament Ewropew fil-31 ta' Mejju 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (COM(2017)0772/2 – C8-0409/2017 – 2017/0309(COD))(1)
P8_TA(2018)0236A8-0180/2018

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 1
(1)  Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ("il-Mekkaniżmu tal-Unjoni"), irregolat mid-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill12, isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u jiffaċilita l-koordinazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili sabiex ir-rispons tal-Unjoni għal diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem jittejjeb.
(1)  Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ("il-Mekkaniżmu tal-Unjoni"), irregolat mid-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill12, isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom u jiffaċilita l-koordinazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili sabiex ir-rispons tal-Unjoni għal diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem jittejjeb.
_________________
_________________
12 Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).
12 Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).
Emenda 2
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 3
(3)  Id-diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem jistgħu jolqtu kwalunkwe post fid-dinja, spiss mingħajr twissija. Kemm jekk ikunu naturali kif ukoll jekk ikkawżati mill-bniedem, dawn qed isiru dejjem aktar frekwenti, estremi u kumplessi, u ggravati mill-impatti tat-tibdil fil-klima, irrispettivament mill-fruntieri nazzjonali. Il-konsegwenzi umani, ambjentali u ekonomiċi li ġejjin minn dawn id-diżastri huma enormi.
(3)  Id-diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem jistgħu jolqtu kwalunkwe post fid-dinja, spiss mingħajr twissija. Kemm jekk ikunu naturali kif ukoll jekk ikkawżati mill-bniedem, dawn qed isiru dejjem aktar frekwenti, estremi u kumplessi, u ggravati mill-impatti tat-tibdil fil-klima, irrispettivament mill-fruntieri nazzjonali. Il-konsegwenzi umani, ambjentali, soċjali u ekonomiċi li ġejjin minn dawn id-diżastri jistgħu jkunu ta' daqs mhux magħruf. Sfortunatament, dawk id-diżastri huma xi kultant intenzjonali, pereżempju fil-każ ta' attakki terroristiċi.
Emenda 3
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 4
(4)  Reċentement ġie osservat li d-dipendenza fuq l-offerti volontarji tal-assistenza reċiproka, ikkoordinata u ffaċilitata mill-Mekkaniżmu tal-Unjoni, mhux dejjem tiżgura li jkun hemm biżżejjed kapaċitajiet disponibbli biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet bażiċi tan-nies affettwati mid-diżastri b'mod sodisfaċenti, u lanqas li l-ambjent u l-proprjetà jkunu ssalvagwardjati kif xieraq. Dan ikun partikolarment il-każ meta l-Istati Membri jiġu affettwati simultanjament minn diżastri rikorrenti u l-kapaċità kollettiva ma tkunx biżżejjed.
(4)  Reċentement ġie osservat li d-dipendenza fuq l-offerti volontarji tal-assistenza reċiproka, ikkoordinata u ffaċilitata mill-Mekkaniżmu tal-Unjoni, mhux dejjem tiżgura li jkun hemm biżżejjed kapaċitajiet disponibbli biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet bażiċi tan-nies affettwati mid-diżastri b'mod sodisfaċenti, u lanqas li l-ambjent u l-proprjetà jkunu ssalvagwardjati kif xieraq. Dan ikun partikolarment il-każ meta l-Istati Membri jiġu affettwati simultanjament minn diżastri li jkunu kemm rikorrenti u mhux mistennija, kemm naturali u kkawżati mill-bniedem, u l-kapaċità kollettiva ma tkunx biżżejjed. Sabiex jingħelbu dawk l-insuffiċjenzi u l-perikli emerġenti, l-istrumenti kollha tal-Unjoni jenħtieġ li jintużaw b'mod kompletament flessibbli, inkluża permezz tal-promozzjoni ta' parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili. Madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu azzjonijiet preventivi adegwati f'termini tal-preservazzjoni ta' ammont ta' kapaċitajiet nazzjonali li huwa suffiċjenti sabiex jindirizzaw id-diżastri kif xieraq.
Emenda 4
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 4a (ġdida)
(4a)  Il-prevenzjoni tan-nirien tal-foresti hija fundamentali fil-kuntest tal-impenn globali għall-emissjonijiet tal-karbonju. Il-kombustjoni tas-siġar u tal-ħamrija li jkollha livell għoli ta' pit fin-nirien tal-foresti, fil-fatt tikkawża l-emissjonijiet tal-karbonju. B'mod aktar speċifiku, l-istudji wrew kif in-nirien jikkawżaw 20 % tal-emissjonijiet kollha ta' CO2 madwar id-dinja, jiġifieri aktar mill-emissjonijiet flimkien tas-sistemi tat-trasport kollha fid-dinja (vetturi, bastimenti u inġenji tal-ajru).
Emenda 5
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 5
(5)  Il-prevenzjoni hija ta' importanza ewlenija għall-protezzjoni kontra d-diżastri u teħtieġ azzjoni ulterjuri. Għal dan il-għan, jeħtieġ li, fuq bażi regolari, l-Istati Membri jikkondividu kemm il-valutazzjonijiet tar-riskju kif ukoll is-sommarji tal-ippjanar tal-ġesjoni tar-riskju ta' diżastru tagħhom. Dan biex jiżguraw approċċ integrat tal-ġestjoni tar-riskju, li jorbot flimkien azzjonijiet ta' prevenzjoni u tħejjija tar-riskju, u r-rispons għalih. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jeħtieġ li tkun kapaċi titlob lill-Istati Membri jipprovdu pjanijiet ta' prevenzjoni u tħejjija speċifiċi fir-rigward ta' diżastri speċifiċi, b'mod partikolari bil-għan li jimmassimizzaw l-appoġġ globali tal-Unjoni għall-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri. Jeħtieġ li jitnaqqas il-piż amministrattiv u jissaħħu l-politiki ta' prevenzjoni, inkluż billi jiġu żgurati rabtiet neċessarji ma' politiki u strumenti ewlenin oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej kif elenkati fil-premessa 2 tar-Regolament (UE) Nru 1303/201313.
(5)  Il-prevenzjoni hija ta' importanza ewlenija għall-protezzjoni kontra d-diżastri u teħtieġ azzjoni ulterjuri. Għal dan il-għan, jeħtieġ li, fuq bażi regolari, l-Istati Membri jikkondividu kemm il-valutazzjonijiet tar-riskju, dwar ir-riskji nazzjonali tas-sikurezza u s-sigurtà tagħhom, kif ukoll is-sommarji tal-ippjanar tal-ġestjoni tar-riskju ta' diżastru tagħhom. Dan biex jiżguraw approċċ integrat tal-ġestjoni ta' diżastri kemm naturali kif ukoll ikkawżati mill-bniedem, li jorbot flimkien azzjonijiet ta' prevenzjoni u tħejjija tar-riskju, u r-rispons għalih. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jeħtieġ li tkun kapaċi titlob lill-Istati Membri jipprovdu pjanijiet ta' prevenzjoni u tħejjija speċifiċi fir-rigward ta' diżastri speċifiċi, inklużi dawk ikkawżati mill-bniedem, b'mod partikolari bil-għan li jimmassimizzaw l-appoġġ globali tal-Unjoni, b'mod partikolari mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), għall-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri. Huwa essenzjali li jitnaqqas il-piż amministrattiv u jissaħħu l-politiki ta' prevenzjoni, inkluż billi jissaħħu r-rabtiet u l-kooperazzjoni ma' politiki u strumenti ewlenin oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej kif elenkati fil-premessa 2 tar-Regolament (UE) Nru 1303/201313.
Emenda 6
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 5a (ġdida)
(5a)   Ir-riskju jikkostitwixxi stimolu negattiv għall-iżvilupp tar-reġjuni. Il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju jimplikaw ir-riformulazzjoni ta' politiki u oqfsa istituzzjonali, u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet lokali, nazzjonali u reġjonali sabiex jitfasslu u jiġu implimentati miżuri ta' ġestjoni tar-riskju, filwaqt li tiġi kkoordinata firxa wiesgħa ta' atturi. It-tħejjija ta' mapep tar-riskju mir-reġjuni u/jew mill-Istati Membri, it-tisħiħ tal-kapaċità ta' rispons u r-rinfurzar tal-azzjonijiet ta' prevenzjoni, b'enfasi speċjali fuq ir-riskji klimatiċi, huma kruċjali. Huwa essenzjali li l-mapep tar-riskju jqisu kemm ir-riskji kkawżati mill-varjabbiltà fil-klima attwali kif ukoll tat-trajettorji projettati tat-tibdil fil-klima.
Emenda 7
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 5b (ġdida)
(5b)   Meta l-Istati Membri jħejju l-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom u l-ippjanar tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom, jenħtieġ li jqisu r-riskji speċifiċi għall-benessri tal-ħajja selvaġġa u tal-annimali. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tħeġġeġ it-tixrid ta' informazzjoni dwar l-annimali affettwati mid-diżastri madwar l-Ewropa. Il-programmi u l-korsijiet ta' taħriġ jenħtieġ li jiġu żviluppati aktar f'dan ir-rigward.
Emenda 8
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 5c (ġdida)
(5c)   L-istaġun tan-nirien tal-foresti tal-2017 kien partikolarment twil u intensiv f'ħafna Stati Membri, li rriżulta fil-mewt ta' 100 persuna fi Stat Membru wieħed biss. In-nuqqas ta' assi disponibbli, deskritti fir-Rapport dwar in-Nuqqasijiet fil-Kapaċità1a, u l-inabbiltà tal-Kapaċità Ewropea għal Reazzjoni f'każ ta' Emerġenza ("EERC" jew "konsorzju volontarju") li tirrispondi għal kull waħda mis-17-il talba għall-assistenza f'każ ta' nirien tal-foresti fi żmien xieraq, taw prova li n-natura volontarja tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri hija insuffiċjenti waqt emerġenzi fuq skala kbira li jaffettwaw diversi Stati Membri fl-istess ħin.
_________________
1a Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li sar u n-nuqqasijiet li fadal fil-Kapaċità Ewropea għal Rispons f'każ ta' Emerġenza, 17.02.2017.
Emenda 9
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 5d (ġdida)
(5d)   L-aktar sħab naturali għall-approfondiment tal-kooperazzjoni huma l-Istati Membri tal-viċinat li jikkondividu l-istess għarfien espert u strutturi u li x'aktarx jiġu affettwati mill-istess diżastri u riskji.
Emenda 68
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 5e (ġdida)
(5e)  Is-sigurtà tar-riżorsi tal-ilma hija essenzjali għar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima. L-Istati Membri jenħtieġ li jimmappjaw ir-riżorsi tal-ilma eżistenti biex jiffaċilitaw l-adattament għat-tibdil fil-klima u biex iżidu r-reżiljenza tal-popolazzjoni fil-konfront tat-theddid klimatiku bħal nixfiet, nirien jew għarar. L-għan tal-immappjar jenħtieġ li jappoġġja l-iżvilupp tal-azzjonijiet sabiex titnaqqas il-vulnerabbiltà tal-popolazzjoni.
Emenda 10
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 6
(6)  Hemm bżonn li tiġi rinforzata l-abbiltà kollettiva għat-tħejjija u r-rispons għal diżastri, b'mod partikolari permezz tal-appoġġ reċiproku fl-Ewropa. Barra milli ssaħħaħ il-possibbiltajiet offruti diġà mill-Kapaċità Ewropea għal Rispons f'każ ta' Emerġenza (l-"EERC" jew il-"konsorzju volontarju"), minn hawn 'il quddiem ir-"Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili", il-Kummissjoni jeħtieġ ukoll li tistabbilixxi r-rescEU. Il-kapaċità rescEU jeħtieġ li tkun magħmula minn kapaċitajiet ta' rispons għall-emerġenza għal rispons f'każ ta' nirien tal-foresti, għargħar fuq skala kbira u terremoti, kif ukoll sptar fuq il-post u timijiet mediċi f'konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li jistgħu jiġu mobilizzati b'mod rapidu.
(6)  Hemm bżonn li tiġi rinforzata l-abbiltà kollettiva għat-tħejjija u r-rispons għal diżastri, b'mod partikolari permezz tal-appoġġ reċiproku fl-Ewropa. Barra milli ssaħħaħ il-possibbiltajiet offruti diġà mill-Kapaċità Ewropea għal Rispons f'każ ta' Emerġenza (l-"EERC" jew il-"konsorzju volontarju"), minn hawn 'il quddiem ir-"Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili", il-Kummissjoni jeħtieġ ukoll li tistabbilixxi r-rescEU. Il-kapaċità rescEU jeħtieġ li tkun magħmula minn kapaċitajiet ta' rispons għall-emerġenza għal rispons f'każ ta' nirien tal-foresti, għargħar fuq skala kbira u terremoti, attakki terroristiċi u attakki kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari, kif ukoll sptar fuq il-post u timijiet mediċi f'konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li jistgħu jiġu mobbilizzati b'mod rapidu. F'dan il-kuntest tiġi enfasizzata l-importanza tat-tisħiħ u li jiġu inklużi l-kapaċitajiet speċifiċi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, peress li huma l-ewwel li jintervjenu wara li jseħħ diżastru. Dawk l-awtoritajiet għandhom jiżviluppaw mudelli ta' kooperazzjoni fejn il-komunitajiet jistgħu jaqsmu l-aħjar prattiki, fejn jingħataw l-opportunità li jgħinu fl-iżvilupp tar-reżiljenza tagħhom għad-diżastri naturali.
Emenda 11
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 6a (ġdida)
(6a)   Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri huwa ta' importanza kbira u l-kapaċitajiet ta' rispons tagħhom jeħtieġ li jkunu involuti b'mod xieraq fi kwalunkwe attività ta' koordinazzjoni u mobilizzazzjoni li jsiru fl-ambitu ta' din id-Deċiżjoni, f'konformità mal-oqfsa istituzzjonali u legali tal-Istati Membri, bil-għan li jiġu mminimizzati s-sovrapożizzjonijiet u titrawwem l-interoperabbiltà. Tali awtoritajiet jistgħu jaqdu rwol preventiv importanti u huma wkoll l-ewwel li jirreaġixxu wara diżastru, flimkien mal-kapaċitajiet tal-voluntiera tagħhom. Għaldaqstant, teżisti ħtieġa għal kooperazzjoni kontinwa fil-livell lokali, reġjonali u transfruntier bil-għan li jiġu stabbiliti sistemi ta' twissija komuni biex isir intervent rapidu qabel il-mobilizzazzjoni ta' rescEU, kif ukoll kampanji ta' informazzjoni regolari għall-pubbliku dwar il-miżuri ta' rispons inizjali.
Emenda 12
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 7
(7)  L-Unjoni jeħtieġ li tkun tista' tappoġġa lill-Istati Membri meta l-kapaċitajiet disponibbli ma jkunux biżżejjed biex dawn jippermettu rispons effettiv għal diżastri, billi tikkontribwixxi għall-finanzjament ta' arranġamenti ta' lokazzjoni jew kiri sabiex jiġi żgurat aċċess rapidu għal tali kapaċitajiet jew billi tiffinanzja l-akkwiżizzjoni tagħhom. Dan iżid sostanzjalment l-effettività tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni, billi jiżgura d-disponibbiltà tal-kapaċitajiet f'każijiet fejn ir-rispons effettiv għad-diżastri ma kienx se jiġi żgurat, b'mod partikolari għal diżastri b'impatti wiesa' li jaffettwaw għadd sinifikanti ta' Stati Membri. L-akkwist ta' kapaċitajiet tal-Unjoni jeħtieġ li jippermetti ekonomiji ta' skala u koordinazzjoni aħjar fir-rispons għal diżastri.
(7)  L-Unjoni jeħtieġ li tkun tista' tappoġġa lill-Istati Membri meta l-kapaċitajiet materjali u tekniċi disponibbli ma jkunux biżżejjed biex dawn jippermettu rispons effettiv għal diżastri, anki fil-każ ta' avvenimenti transfruntiera, billi tikkontribwixxi għall-finanzjament ta' arranġamenti ta' lokazzjoni jew kiri sabiex jiġi żgurat aċċess rapidu għal tali kapaċitajiet jew billi tiffinanzja l-akkwiżizzjoni tagħhom. Dan iżid sostanzjalment l-effettività u l-abbiltà ta' tħejjija għall-użu tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni, billi jiżgura d-disponibbiltà rapida tal-kapaċitajiet materjali u tekniċi, inkluż għas-salvataġġ ta' persuni anzjani jew persuni b'diżabilità, f'każijiet fejn ir-rispons effettiv għad-diżastri ma kienx se jiġi żgurat, b'mod partikolari għal diżastri b'impatti wiesa' li jaffettwaw għadd sinifikanti ta' Stati Membri, bħall-epidemiji transfruntieri. It-tagħmir adatt impenjat minn qabel u l-akkwist ta' kapaċitajiet tal-Unjoni jenħtieġ li jippermetti ekonomiji ta' skala u koordinazzjoni aħjar fir-rispons għal diżastri. Jenħtieġ li jiġi żgurat l-użu ottimali u trasparenti tar-riżorsi finanzjarji.
Emenda 13
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 7a (ġdida)
(7a)   Ħafna Stati Membri jiffaċċjaw nuqqas ta' materjal u tagħmir tekniku meta jinqalgħu diżastri mhux mistennija. Għalhekk jenħtieġ li l-Mekkaniżmu tal-Unjoni jagħmilha possibbli li, fejn ikun meħtieġ, titwessa' l-bażi materjali u teknika, b'mod partikolari għall-finijiet ta' salvataġġ tal-persuni b'diżabilità, tal-persuni anzjani jew tal-persuni morda.
Emenda 14
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 9
(9)  Sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza u l-effettività tat-taħriġ u l-eżerċizzji u tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u s-servizzi tal-protezzjoni ċivili nazzjonali tal-Istati Membri, jenħtieġ li jiġi stabbilit Netwerk tal-Għarfien tal-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni li jkun ibbażat fuq strutturi eżistenti.
(9)  It-taħriġ, ir-riċerka u l-innovazzjoni huma aspetti essenzjali tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili. L-effiċjenza u l-effettività tat-taħriġ u l-eżerċizzji, il-promozzjoni tal-innovazzjoni, u d-djalogu kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u s-servizzi tal-protezzjoni ċivili nazzjonali tal-Istati Membri jenħtieġ li jissaħħu abbażi tal-istrutturi eżistenti bl-involviment u l-iskambju ta' informazzjoni ma' ċentri ta' eċċellenza, universitajiet, riċerkaturi u għarfien espert ieħor disponibbli fl-Istati Membri.
Emenda 15
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 9a (ġdida)
(9a)   Filwaqt li t-tisħiħ tal-protezzjoni ċivili fid-dawl tax-xejriet ta' diżastri, kemm dawk relatati mat-temp kif ukoll dawk relatati mas-sigurtà interna, huwa wieħed mill-aktar prijoritajiet importanti fl-Unjoni kollha, huwa essenzjali li l-għodod tal-Unjoni jiġu kkomplementati b'dimensjoni territorjali u mmexxija mill-komunità aktar b'saħħitha, peress li l-azzjoni tal-komunità lokali hija l-aktar mod rapidu u effettiv biex tiġi limitata l-ħsara kkawżata minn diżastru.
Emenda 16
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 10
(10)  Sabiex jinkiseb il-funzjonament tal-kapaċità rescEU, jeħtieġ li jkunu disponibbli approprjazzjonijiet finanzjarji addizzjonali għall-finanzjament ta' azzjonijiet taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni.
(10)  Sabiex jinkiseb il-funzjonament tal-kapaċità rescEU, jeħtieġ li jkunu disponibbli approprjazzjonijiet finanzjarji addizzjonali għall-finanzjament ta' azzjonijiet taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni, iżda mhux għad-detriment tal-pakketti finanzjarji allokati għal politiki ewlenin oħra tal-Unjoni.
Emenda 17
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 10a (ġdida)
(10a)  Jenħtieġ li jiġu ggarantiti finanzjamenti u allokazzjonijiet baġitarji separati għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni rivedut. Meta titqies il-ħtieġa li jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv fuq il-finanzjament tal-programmi pluriennali eżistenti, iż-żieda fil-finanzjament għar-reviżjoni mmirata tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni fis-snin 2018, 2019 u 2020 jenħtieġ li tittieħed b'mod esklussiv mill-mezzi kollha disponibbli skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/20131a, b'rikors partikolari għall-Istrument ta' Flessibbiltà.
___________________
1a Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
Emenda 18
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 11
(11)  Hemm bżonn li l-proċeduri tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni jiġu ssimplifikati sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaċċessaw l-assistenza u l-kapaċitajiet meħtieġa sabiex jirrispondu għal diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem malajr kemm jista' jkun.
(11)  Hemm bżonn li l-proċeduri tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni jiġu ssimplifikati, u l-flessibbiltà tagħhom għandha tiżdied, sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaċċessaw malajr l-assistenza u l-kapaċitajiet meħtieġa sabiex jirrispondu għal diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem malajr kemm jista' jkun u bl-aktar mod effiċjenti.
Emenda 19
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 12
(12)  Sabiex jiġi massimizzat l-użu ta' strumenti ta' finanzjament eżistenti u l-Istati Membri jiġu appoġġati fl-għoti tal-assistenza, b'mod partikolari fir-rispons għal diżastri barra mill-Unjoni, jeħtieġ li tkun prevista deroga għall-Artikolu 129(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill14 għal meta jingħata finanzjament skont l-Artikoli 21, 22 u 23 tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE.
(12)  Sabiex jiġi massimizzat l-użu ta' strumenti ta' finanzjament eżistenti u l-Istati Membri jiġu appoġġati fl-għoti tal-assistenza, inkluż fir-rispons għal diżastri barra mill-Unjoni, jeħtieġ li tkun prevista deroga għall-Artikolu 129(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill14 għal meta jingħata finanzjament skont l-Artikoli 21, 22 u 23 tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE. Minkejja din id-deroga, il-finanzjament għall-attivitajiet ta' protezzjoni ċivili u għall-għajnuna umanitarja, b'mod partikolari, jenħtieġ li jibqa' separat b'mod ċar fi kwalunkwe struttura ta' finanzjament futura tal-Unjoni u jkun konformi bis-sħiħ mal-objettivi u r-rekwiżiti legali differenti ta' dik l-istruttura.
__________________
__________________
14 Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
14 Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
Emenda 20
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 13
(13)  Huwa importanti li jiġi żgurat li l-Istati Membri jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jipprevjenu b'mod effettiv id-diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem u jimmitigaw l-effetti tagħhom. Id-dispożizzjonijiet jeħtieġ li jirrinforzaw ir-rabtiet bejn l-azzjonijiet ta' prevenzjoni, preparazzjoni u rispons taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni. Jeħtieġ ukoll li tiġi żgurata l-koerenza mal-leġiżlazzjoni l-oħra rilevanti tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri, inkluż għall-azzjoni ta' prevenzjoni transfruntiera u r-rispons għal theddid bħal theddid transfruntier serju għas-saħħa15. Bl-istess mod, jeħtieġ li tiġi żgurata koerenza fl-impenji internazzjonali bħall-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030, il-Ftehim ta' Pariġi u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.
(13)  Huwa importanti li jiġi żgurat li l-Istati Membri jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jipprevjenu b'mod effettiv id-diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem u jimmitigaw l-effetti tagħhom. Id-dispożizzjonijiet jeħtieġ li jirrinforzaw ir-rabtiet bejn l-azzjonijiet ta' prevenzjoni, preparazzjoni u rispons taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni. Jeħtieġ ukoll li tiġi żgurata l-koerenza mal-leġiżlazzjoni l-oħra rilevanti tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri, inkluż għall-azzjoni ta' prevenzjoni transfruntiera u r-rispons għal theddid bħal theddid transfruntier serju għas-saħħa15. Il-programmi ta' kooperazzjoni territorjali bbażati fuq il-politika ta' koeżjoni jipprovdu għal azzjonijiet speċifiċi bil-għan li tiġi kkunsidrata r-reżiljenza għad-diżastri, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju u sforzi ulterjuri għal integrazzjoni aktar b'saħħitha, u ta' akbar sinerġiji. Barra minn hekk, l-azzjonijiet kollha jenħtieġ li jkunu koerenti mal-impenji internazzjonali bħall-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015 – 2030, il-Ftehim ta' Pariġi u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, u jikkontribwixxu b'mod attiv sabiex dawn jiġu onorati.
__________________
__________________
15 Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).
15 Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).
Emenda 21
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 13a (ġdida)
(13a)   Huwa essenzjali li l-moduli rreġistrati preċedentement fis-CECIS (Sistema Komuni ta' Komunikazzjoni u Informazzjoni ta' Emerġenza) jinżammu, sabiex ikun hemm rispons għat-talbiet għall-assistenza kif ukoll parteċipazzjoni fis-sistema ta' taħriġ bil-mod tas-soltu.
Emenda 22
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 13b (ġdida)
(13b)   Huwa daqstant importanti li l-Mekkaniżmu tal-Unjoni, li huwa limitat għall-perjodu li jiġi eżatt wara l-katastrofi, jingħaqad ma' strumenti oħra tal-Unjoni li l-fokus tagħhom huwa li jreġġgħu lura l-ħsara li tkun saret, bħall-Fond ta' Solidarjetà.
Emenda 23
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 13c (ġdida)
(13c)   Huwa essenzjali li l-Fond ta' Solidarjetà jiġi mmodifikat billi jiġi introdott l-obbligu li tissewwa l-ħsara lill-ambjent u billi l-PDG per capita tar-reġjun jew tal-Istat Membru jintuża minflok il-PDG globali bħala indikatur għall-approvazzjoni tiegħu, sabiex jiġi evitat li r-reġjuni b'popolazzjoni kbira u b'livelli baxxi ta' ġid ma jkunux ineliġibbli biex jibbenefikaw mill-Fond. Huwa importanti ħafna li l-ambjent affettwat minn katastrofi jiġi vvalutat ekonomikament, speċjalment iż-żoni li għandhom valur naturali għoli bħalma huma ż-żoni protetti jew dawk koperti min-netwerk Natura 2000, sabiex dawn ikunu jistgħu jissewwew.
Emenda 24
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 13d (ġdida)
(13d)   Hemm bżonn li l-azzjoni tal-Unjoni tiffoka wkoll fuq il-provvediment ta' assistenza għal taħriġ tekniku bil-għan li l-kapaċità tal-komunitajiet li jgħinu lilhom infushom ikunu jistgħu jiġu msaħħa, u b'hekk il-komunitajiet ikunu aktar ippreparati biex jipprovdu rispons inizjali u jrażżnu diżastru. It-taħriġ u l-edukazzjoni immirati għall-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili, bħall-mexxejja tal-komunità, u għal prattikanti tal-kura soċjali jew medika, għas-servizzi tas-salvataġġ u tat-tifi tan-nar, kif ukoll għall-gruppi ta' intervent volontarju li għandu jkollhom tagħmir ta' intervent disponibbli malajr, jistgħu jgħinu fit-trażżin ta' diżastru u jnaqqsu l-imwiet kemm matul kif ukoll wara l-kriżi.
Emenda 25
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt a
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt e
(e)  li jiżdiedu d-disponibbiltà u l-użu tal-għarfien xjentifiku dwar id-diżastri.
(e)  li jiżdiedu d-disponibbiltà u l-użu tal-għarfien xjentifiku dwar id-diżastri, inkluż fir-reġjuni ultraperiferiċi u l-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej (PTEE);
Emenda 26
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt aa (ġdid)
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt ea (ġdid)
(aa)  fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt li ġej:
"(ea) li jiġu mmitigati l-konsegwenzi immedjati li l-katastrofi jista' jkollhom fuq il-ħajjiet tal-bnedmin u fuq il-wirt kulturali u naturali;"
Emenda 27
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt ab (ġdid)
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt eb (ġdid)
(ab)  fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt li ġej:
"(eb) it-tisħiħ tal-attivitajiet ta' kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-livell transfruntier."
Emenda 28
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt a
(a)  tieħu azzjoni biex ittejjeb il-bażi ta' għarfien fuq riskji ta' diżastru u tiffaċilita l-kondiviżjoni ta' għarfien, ir-riżultati tar-riċerka xjentifika, l-aħjar prattiki u l-informazzjoni, inkluż fost l-Istati Membri li jikkondividu riskji komuni.
(a)  tieħu azzjoni biex ittejjeb il-bażi ta' għarfien fuq riskji ta' diżastru u biex tiffaċilita aħjar u tippromwovi l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni ta' għarfien, ir-riżultati tar-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni, l-aħjar prattiki u l-informazzjoni, inkluż fost l-Istati Membri li jikkondividu riskji komuni;
Emenda 29
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3a (ġdid)
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt aa (ġdid)
(3a)  Fl-Artikolu 5(1), jiddaħħal il-punt li ġej:
"(aa) il-koordinazzjoni tal-armonizzazzjoni tal-informazzjoni u l-gwida dwar is-sistemi ta' twissija, anki fil-livell transfruntier;"
Emenda 30
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3b (ġdid)
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt f
(3b)   Il-punt (f) tal-Artikolu 5(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:
(f)  tikkompila u xxerred l-informazzjoni magħmula disponibbli mill-Istati Membri; torganizza skambju tal-esperjenzi dwar il-valutazzjoni tal-kapaċità ta' ġestjoni tar-riskju; tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri u sa tat-22 ta' Diċembru 2014, linji gwida dwar il-kontenut, il-metodoloġija u l-istruttura ta' dawk il-valutazzjonijiet; u tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-ippjanar tal-prevenzjoni u l-istat ta' tħejjija, inkluż permezz ta' evalwazzjonijiet volontarji bejn il-pari;
"(f) tikkompila u xxerred l-informazzjoni magħmula disponibbli mill-Istati Membri; torganizza skambju tal-esperjenzi dwar il-valutazzjoni tal-kapaċità ta' ġestjoni tar-riskju; tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri u sat-22 ta' Diċembru 2019, linji gwida ġodda dwar il-kontenut, il-metodoloġija u l-istruttura ta' dawk il-valutazzjonijiet; u tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-ippjanar tal-prevenzjoni u l-istat ta' tħejjija, inkluż permezz ta' evalwazzjonijiet volontarji bejn il-pari;"
Emenda 31
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4 – punt a
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 6 – paragrafu 1 – punt a
(a)  jiżviluppaw valutazzjonijiet tar-riskju f'livell nazzjonali jew livell subnazzjonali adatt u jqegħduhom għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sat-22 ta' Diċembru 2018 u kull tliet snin wara dan;
(a)  jiżviluppaw valutazzjonijiet tar-riskju f'livell nazzjonali jew livell subnazzjonali adatt f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali rilevanti u allinjati mal-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri u jqegħduhom għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sat-22 ta' Diċembru 2018 u kull tliet snin wara dan, fuq il-bażi ta' mudell miftiehem mal-Kummissjoni, u, f'dan il-kuntest, għandhom jintużaw sistemi eżistenti ta' informazzjoni nazzjonali;
Emenda 32
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4 – punt aa (ġdid)
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 6 – paragrafu 1 – punt d
(aa)  il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:
(d)  jipparteċipaw, fuq bażi volontarja, f'evalwazzjonijiet bejn il-pari dwar il-valutazzjoni tal-kapaċità ta' ġestjoni tar-riskju.
"(d) jipparteċipaw, fuq bażi volontarja, f'evalwazzjonijiet bejn il-pari dwar il-kapaċità ta' ġestjoni tar-riskju bil-għan li jiġu identifikati azzjonijiet li jnaqqsu d-distakki."
Emenda 33
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4 – punt b
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 6 – paragrafu 2
Il-Kummissjoni għandha tingħata sommarju tal-elementi rilevanti tal-ippjanar tal-ġestjoni tar-riskju, inkluż informazzjoni dwar il-miżuri ta' prevenzjoni u tħejjija magħżula, sal-31 ta' Jannar 2019 u kull tliet snin wara dan. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri jipprovdu pjanijiet ta' prevenzjoni u tħejjija speċifiċi, li għandhom ikopru kemm l-isforzi ta' terminu qasir kif ukoll dawk ta' terminu twil. L-Unjoni għandha tqis kif xieraq il-progress li jkunu għamlu l-Istati Membri fir-rigward tal-prevenzjoni u t-tħejjija tad-diżastri bħala parti minn kwalunkwe mekkaniżmu futur ta' kondizzjonalità ex ante taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej.
Il-Kummissjoni għandha tingħata sommarju tal-elementi rilevanti tal-ippjanar tal-ġestjoni tar-riskju, inkluż informazzjoni dwar il-miżuri ta' prevenzjoni u tħejjija magħżula, skont mudell li għandu jiġi stabbilit permezz ta' att ta' implimentazzjoni, sal-31 ta' Jannar 2019 u kull tliet snin wara dan. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 33(2). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri jipprovdu pjanijiet ta' prevenzjoni u tħejjija speċifiċi, li għandhom ikopru kemm l-isforzi ta' terminu qasir kif ukoll dawk ta' terminu twil. F'dan ir-rigward, dawn l-isforzi jistgħu jinkludu l-impenn tal-Istati Membri li jinkoraġġixxu investimenti bbażati fuq valutazzjonijiet tar-riskji u għall-bini mill-ġdid aħjar wara d-diżastri. Il-piżijiet amministrattivi addizzjonali fil-livelli nazzjonali u subnazzjonali għandhom jinżammu kemm jista' jkun baxxi.
Emenda 34
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4 – punt b
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 6 – paragrafu 3
Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi wkoll mekkaniżmi ta' konsultazzjoni speċifiċi biex ittejjeb l-ippjanar u ta' prevenzjoni u tħejjija xieraq u l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri esposti għal diżastri simili.
B'kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi wkoll mekkaniżmi ta' konsultazzjoni speċifiċi biex ittejjeb l-ippjanar ta' prevenzjoni u tħejjija xieraq u l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri esposti għal diżastri simili. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, fejn huwa possibbli, jiffavorixxu wkoll il-koerenza bejn il-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri u l-istrateġiji ta' adattament għat-tibdil fil-klima.
Emenda 36
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4a (ġdid)
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 8 – paragrafu 1 – punt k
(4a)  Il-punt (k) tal-Artikolu 8(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:
(k)  f'konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tieħu aktar azzjoni ta' tħejjija komplementari u ta' appoġġ meħtieġa sabiex jinkiseb l-objettiv speċifikat fil-punt (b) tal-Artikolu 3(1).
"(k) f'konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tieħu aktar azzjoni ta' tħejjija komplementari u ta' appoġġ addizzjonali meħtieġa, anki permezz tal-koordinazzjoni ma' strumenti oħra tal-Unjoni, sabiex jinkiseb l-objettiv speċifikat fil-punt (b) tal-Artikolu 3(1).
Emenda 37
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4b (ġdid)
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 9 – paragrafu 1 a (ġdid)
(4b)   Fl-Artikolu 9, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:
"1a. L-Istati Membri għandhom isaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi rilevanti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali kompetenti, b'mod konformi mal-qafas istituzzjonali u legali tagħhom."
Emenda 38
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 5
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 10 – paragrafu 1
1.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien biex itejbu l-ippjanar ta' operazzjonijiet ta' reazzjoni għad-diżastri taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni, inkluż permezz tat-tħejjija ta' xenarji għar-reazzjoni bbażati fuq il-valutazzjonijiet tar-riskju msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6 u l-perspettiva ġenerali tar-riskji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 5(1), l-immappjar tal-assi u l-iżvilupp ta' pjani għall-mobilizzazzjoni tal-kapaċitajiet ta' reazzjoni.
1.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien biex itejbu l-ippjanar ta' operazzjonijiet ta' reazzjoni għad-diżastri, kemm għad-diżastri naturali kif ukoll dawk ikkawżati mill-bniedem, taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni, inkluż permezz tat-tħejjija ta' xenarji għar-reazzjoni bbażati fuq il-valutazzjonijiet tar-riskju msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6 u l-perspettiva ġenerali tar-riskji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 5(1), l-immappjar tal-assi inkluż makkinarju li jwarrab il-materjal, ġeneraturi mobbli tal-elettriku u tagħmir mobbli tat-tifi tan-nar fost dawk l-assi, u l-iżvilupp ta' pjani għall-mobilizzazzjoni tal-kapaċitajiet ta' reazzjoni.
Emenda 39
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 6 – punt b
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 11 – paragrafu 1
1.  Għandha tiġi stabbilita Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili. Dan għandu jikkonsisti minn konsorzju ta' kapaċitajiet ta' reazzjoni impenjati minn qabel mill-Istati Membri u jinkludi moduli, kapaċitajiet oħra ta' reazzjoni u esperti.
1.  Għandha tiġi stabbilita Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili. Dan għandu jikkonsisti minn konsorzju volontarju ta' kapaċitajiet ta' reazzjoni impenjati minn qabel mill-Istati Membri u jinkludi moduli, kapaċitajiet oħra ta' reazzjoni u esperti.
Emenda 40
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 6 – punt b
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 11 – paragrafu 1a (ġdid)
1a.   Peress li l-prevenzjoni nazzjonali jenħtieġ li tkun l-ewwel prijorità tal-Istati Membri biex jitnaqqsu r-riskji għas-sikurezza u s-sigurtà, ir-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili għandha tkun komplementari għall-kapaċitajiet nazzjonali eżistenti.
Emenda 41
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 6 – punt b
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 11 – paragrafu 2
2.  Abbażi tar-riskji identifikati, il-Kummissjoni għandha tidentifika t-tipi u l-għadd ta' kapaċitajiet ta' reazzjoni ewlenin meħtieġa għar-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili ("miri tal-kapaċità"). Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-progress lejn il-miri tal-kapaċità u n-nuqqasijiet li jkun għad fadal u għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw tali nuqqasijiet. Il-Kummissjoni għandha tappoġġa lill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 20, il-punt (i) tal-Artikolu 21(1) u l-Artikolu 21(2).
2.  Abbażi tar-riskji u tal-ħtiġijiet identifikati fuq il-post, il-Kummissjoni għandha, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, tidentifika t-tipi u l-għadd ta' kapaċitajiet ta' reazzjoni ewlenin meħtieġa għar-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili ("miri tal-kapaċità"). Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-progress lejn il-miri tal-kapaċità u n-nuqqasijiet li jkun għad fadal u għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw tali nuqqasijiet. Il-Kummissjoni għandha tappoġġa lill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 20, il-punt (i) tal-Artikolu 21(1) u l-Artikolu 21(2).
Emenda 42
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 6 – punt c
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 11 – paragrafu 7
7.  Il-kapaċitajiet ta' reazzjoni li l-Istati Membri jqiegħdu għad-dispożizzjoni tar-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili għandhom ikunu disponibbli għall-operazzjonijiet ta' reazzjoni taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni wara talba għal assistenza permezz tal-ERCC, sakemm l-Istati Membri ma jkunux qed jaffaċċjaw xi sitwazzjoni eċċezzjonali li taffettwa b'mod sostanzjali t-twettiq tal-kompiti nazzjonali.
7.  Il-kapaċitajiet ta' reazzjoni li l-Istati Membri jqiegħdu għad-dispożizzjoni tar-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili għandhom ikunu disponibbli għall-operazzjonijiet ta' reazzjoni taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni wara talba għal assistenza permezz tal-ERCC, sakemm fil-każ ta' emerġenzi domestiċi, force majeure jew meta l-Istati Membri ma jkunux qed jaffaċċjaw xi sitwazzjoni eċċezzjonali li taffettwa b'mod sostanzjali t-twettiq tal-kompiti nazzjonali. Id-deċiżjoni aħħarija dwar il-mobilizzazzjoni tagħhom għandha tittieħed mill-Istati Membri li rreġistraw il-kapaċità ta' reazzjoni kkonċernata.
Emenda 43
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 6 – punt c
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 11 – paragrafu 8 – subparagrafu 1
Fil-każ tal-mobilizzazzjoni ta' tali reazzjoni, dawn għandhom jibqgħu taħt il-kmand u l-kontroll tal-Istati Membri li jagħmluhom disponibbli u jistgħu jiġu rtirati meta l-Istati membri jiġu ffaċċati b'sitwazzjonijiet eċċezzjonali li jaffettwaw b'mod sostanzjali t-twettiq tal-kompiti nazzjonali li jimpedixxuhom milli jżommu dawn il-kapaċitajiet ta' reazzjoni disponibbli. F'tali każijiet, il-Kummissjoni għandha tiġi kkonsultata.
Fil-każ tal-mobilizzazzjoni ta' tali reazzjoni, dawn għandhom jibqgħu taħt il-kmand u l-kontroll tal-Istati Membri li jagħmluhom disponibbli u jistgħu jiġu rtirati jekk dawk l-Istati Membri jiġu ffaċċati b'emerġenzi domestiċi, force majeure jew jekk sitwazzjoni eċċezzjonali timpedixxihom milli jżommu dawn il-kapaċitajiet ta' reazzjoni disponibbli. F'tali każijiet, il-Kummissjoni għandha tiġi kkonsultata.
Emenda 44
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 7
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 12 – paragrafu 1
1.  Ir-rescEU għandha tiġi stabbilita biex tipprovdi għajnuna fejn il-kapaċitajiet eżistenti ma jkunux qed jippermettu reazzjoni effettiva għal diżastri."
1.  Ir-rescEU għandha tiġi stabbilita biex tipprovdi għajnuna f'ċirkustanzi eċċezzjonali meta kapaċitajiet fil-livell nazzjonali ma jkunux disponibbli u fejn il-kapaċitajiet eżistenti ma jkunux qed jippermettu reazzjoni effettiva għal diżastri. Il-kapaċitajiet ta' rescEU m'għandhomx jintużaw biex jissostitwixxu l-kapaċitajiet proprji u r-responsabbiltajiet rilevanti tal-Istati Membri.
Emenda 45
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 7
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 12 – paragrafu 2
2.  Ir-rescEU għandha tkun tikkonsisti mill-kapaċitajiet li ġejjin:
2.  Ir-rescEU għandha tkun tikkonsisti minn kapaċitajiet addizzjonali għal dawk li diġà jeżistu fl-Istati Membri, bil-għan li jkunu ssupplimentati u msaħħa, u għandha tfittex li tindirizza r-riskji preżenti u futuri. Il-kapaċitajiet għandhom jiġu identifikati fuq il-bażi ta' kwalunkwe lakuna fil-kapaċitajiet ta' reazzjoni relatati mal-emerġenzi tas-saħħa, ma' diżastri industrijali, ambjentali, sismiċi jew vulkaniċi, għargħar u nirien inklużi nirien tal-foresti, kif ukoll attakki terroristiċi u theddid kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari.
Abbażi tal-lakuni identifikati, ir-rescEU għandu jkun fiha mill-inqas il-kapaċitajiet li ġejjin:
(a)  tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru;
(a)  tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru;
(b)  ippumpjar b'kapaċità qawwija;
(b)  ippumpjar b'kapaċità qawwija;
(c)  tfittxija u salvataġġ urban;
(c)  tfittxija u salvataġġ urban;
(d)  sptar fuq il-post u timijiet mediċi ta' emerġenza.
(d)  sptar fuq il-post u timijiet mediċi ta' emerġenza.
Emenda 46
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 7
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 12 – paragrafu 2a (ġdid)
2a.   In-natura ta' dawn il-kapaċitajiet għandha tibqa' flessibbli u tista' tevolvi sabiex tilqa' għal żviluppi ġodda u għall-isfidi futuri, bħall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima.
Emenda 47
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 7
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 12 – paragrafu 4
4.  Abbażi tar-riskji identifikati u billi tqis l-approċċ ta' periklu multiplu, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30 biex tiddefinixxi t-tipi ta' kapaċitajiet ta' reazzjoni meħtieġa minbarra dawk identifikati fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u tirrevedi l-kompożizzjoni tar-rescEU skont dan. Għandha tiġi żgurata l-konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni.
4.  Abbażi tar-riskji identifikati u kapaċitajiet u l-ippjanar tal-ġestjoni tar-riskju skont l-Artikolu 6 u billi tqis l-approċċ ta' periklu multiplu, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30 biex tiddefinixxi t-tipi ta' kapaċitajiet ta' reazzjoni meħtieġa minbarra dawk identifikati fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u tirrevedi l-kompożizzjoni tar-rescEU skont dan. Għandha tiġi żgurata l-konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni.
Fejn, f'każ ta' diżastru jew diżastru imminenti, raġunijiet imperattivi ta' urġenza jkunu jirrikjedu dan, għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 31 għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.
Fejn, f'każ ta' diżastru jew diżastru imminenti, raġunijiet imperattivi ta' urġenza jkunu jirrikjedu dan, għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 31 għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.
Emenda 48
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 7
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 12 – paragrafu 5
5.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rekwiżiti ta' kwalità għall-kapaċitajiet ta' reazzjoni li jiffurmaw parti mir-rescEU. Ir-rekwiżiti ta' kwalità għandhom ikunu bbażati fuq standards internazzjonali stabbiliti, meta tali standards ikunu diġà jeżistu.
5.  Il-Kummissjoni għandha, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tistabbilixxi rekwiżiti ta' kwalità għall-kapaċitajiet ta' reazzjoni li jiffurmaw parti mir-rescEU. Ir-rekwiżiti ta' kwalità għandhom ikunu bbażati fuq standards internazzjonali stabbiliti, meta tali standards ikunu diġà jeżistu.
Emenda 49
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 7
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 12 – paragrafu 7
7.  Il-kapaċitajiet tar-rescEU għandhom ikunu disponibbli għal operazzjonijiet ta' reazzjoni taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni wara talba għall-assistenza permezz tal-ERCC. Id-deċiżjoni dwar l-istazzjonar tagħhom għandha tittieħed mill-Kummissjoni, li għandha żżomm il-kmand u l-kontroll tal-kapaċitajiet tar-rescEU.
7.  Il-kapaċitajiet tar-rescEU għandhom ikunu disponibbli għal operazzjonijiet ta' reazzjoni taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni wara talba għall-assistenza permezz tal-ERCC. Id-deċiżjoni dwar l-istazzjonar tagħhom għandha tittieħed mill-Kummissjoni, li għandha żżomm il-koordinazzjoni strateġika tal-kapaċitajiet tar-rescEU u tkun l-awtorità fuq il-mobilizzazzjoni filwaqt li l-kmand u l-kontroll operattiv jibqa' taħt ir-responsabbiltà tal-uffiċjali responsabbli fl-Istati Membri destinatarji.
Emenda 50
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 7
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 12 – paragrafu 8
8.  F'każ ta' mobilizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha taqbel mal-Istat Membru rikjedenti dwar il-mobilizzazzjoni operazzjonali tal-kapaċitajiet tar-rescEU. L-Istat Membru rikjedenti għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni operazzjonali tal-kapaċitajiet tiegħu u l-attivitajiet tar-rescEU matul l-operazzjonijiet.
8.  F'każ ta' mobilizzazzjoni, permezz tal-ERCC, il-Kummissjoni għandha taqbel mal-Istat Membru rikjedenti dwar il-mobilizzazzjoni operazzjonali tal-kapaċitajiet tar-rescEU. L-Istat Membru rikjedenti għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni operazzjonali tal-kapaċitajiet tiegħu u l-attivitajiet tar-rescEU matul l-operazzjonijiet.
Emenda 51
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 7
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 12 – paragrafu 10
10.  Meta l-Kummissjoni takkwista tagħmir bħal tagħmir tat-tifi tan-nar fil-foresti, permezz ta' akkwiżizzjoni, lokazzjoni jew kiri, għandu jiġi żgurat dan li ġej:
10.  Meta l-Kummissjoni takkwista tagħmir bħal tagħmir tat-tifi tan-nar fil-foresti, permezz ta' akkwiżizzjoni, lokazzjoni jew kiri, għandu jiġi żgurat dan li ġej:
(a)  f'każ ta' akkwiżizzjoni ta' tagħmir, ftehim bejn il-Kummissjoni u Stat Membru jipprevedi r-reġistrazzjoni ta' dan f'dak l-Istat Membru.
(a)  f'każ ta' akkwiżizzjoni ta' tagħmir, ftehim bejn il-Kummissjoni u Stat Membru jipprevedi r-reġistrazzjoni ta' dan f'dak l-Istat Membru.
(b)  f'każ ta' lokazzjoni u kera, ir-reġistrazzjoni tat-tagħmir fi Stat Membru.
(b)  f'każ ta' lokazzjoni u kera, ir-reġistrazzjoni tat-tagħmir fi Stat Membru m'għandhiex tkun obbligatorja.
(ba)  il-ġestjoni ta' inġenji tal-ajru kummerċjali hija assenjata lill-operaturi ċċertifikati EASA.
Emenda 52
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 8
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 12a – paragrafu 1
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-operazzjonijiet u l-progress li jkun sar skont l-Artikoli 11 u 12 kull sentejn.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-operazzjonijiet u l-progress li jkun sar skont l-Artikoli 11 u 12 kull sena.
Emenda 53
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 8
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 12a – paragrafu 1a (ġdid)
Din l-informazzjoni għandha tinkludi ħarsa ġenerali tal-iżviluppi baġitarji u tal-ispejjeż flimkien ma' valutazzjoni teknika u finanzjarja ddettaljata, informazzjoni preċiża dwar iż-żidiet fl-ispejjeż u bidliet fit-tipi ta' kapaċitajiet ta' rispons meħtieġa u r-rekwiżiti ta' kwalità ta' dawk il-kapaċitajiet, jekk ikun hemm, kif ukoll ir-raġunijiet għal dawn iż-żidiet jew bidliet.
Emenda 54
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 9
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 13 – paragrafu 1 – subparagrafu 1
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi netwerk ta' atturi u istituzzjonijiet tal-protezzjoni ċivili u tal-ġestjoni tad-diżastri rilevanti, li flimkien mal-Kummissjoni jiffurmaw Netwerk tal-Unjoni ta' Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili.
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi netwerk ta' atturi u istituzzjonijiet tal-protezzjoni ċivili u tal-ġestjoni tad-diżastri rilevanti, inklużi ċentri ta' eċċellenza, universitajiet u riċerkaturi, li flimkien mal-Kummissjoni jiffurmaw Netwerk tal-Unjoni ta' Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili. Il-Kummissjoni għandha tqis b'mod dovut l-għarfien espert disponibbli fl-Istati Membri u tal-organizzazzjonijiet operazzjonali fil-post.
Emenda 55
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 9
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 13 – paragrafu 1 – subparagrafu 2 – parti introduttorja
In-Netwerk għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin fil-qasam tat-taħriġ, l-eżerċizzji, il-tagħlimiet meħuda u t-tixrid tal-għarfien b'koordinazzjoni mill-qrib maċ-ċentri ta' għarfien rilevanti, fejn xieraq.
In-Netwerk għandu jwettaq, filwaqt li jimmira għal kompożizzjoni bbilanċjata bejn is-sessi, il-kompiti li ġejjin fil-qasam tat-taħriġ, l-eżerċizzji, it-tagħlimiet meħuda u t-tixrid tal-għarfien b'koordinazzjoni mill-qrib maċ-ċentri ta' għarfien rilevanti, fejn xieraq:
Emenda 56
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 9a (ġdid)
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 13 – paragrafu 1 – subparagrafu 2 – punt a
(9a)  Il-punt (a) tal-Artikolu 13(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:
(a)  tistabbilixxi u tmexxi programm ta' taħriġ għall-persunal tal-protezzjoni ċivili u tal-ġestjoni tal-emerġenzi dwar il-prevenzjoni tad-diżastri, u t-tħejjija, u r-rispons għalihom. Il-programm għandu jinkludi korsijiet konġunti u sistema għall-iskambju ta' esperti, li biha individwi jistgħu jiġu ssekondati fi Stati Membri oħra.
"(a) tistabbilixxi u tmexxi programm ta' taħriġ għall-persunal tal-protezzjoni ċivili u tal-ġestjoni tal-emerġenzi dwar il-prevenzjoni tad-diżastri, u t-tħejjija, u r-rispons għalihom. Il-programm għandu jinkludi korsijiet konġunti u sistema għall-iskambju ta' esperti, li biha individwi jistgħu jiġu ssekondati fi Stati Membri oħra. Għandu jiġi introdott programm ġdid Erasmus tal-protezzjoni ċivili , skont ir-regoli u l-prinċipji tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013*.
Il-programm ta' taħriġ għandu jkollu l-għan li jsaħħaħ il-koordinazzjoni, il-kompatibbiltà u l-komplementarjetà bejn il-kapaċitajiet imsemmija fl-Artikoli 9 u 11, u li jtejjeb il-kompetenza tal-esperti msemmija fil-punti (d) u (f) tal-Artikolu 8;
Il-programm Erasmus tal-protezzjoni ċivili għandu wkoll ikollu l-għan li jsaħħaħ il-koordinazzjoni, il-kompatibbiltà u l-komplementarjetà bejn il-kapaċitajiet imsemmija fl-Artikoli 9, 11 u 12, u li jtejjeb il-kompetenza tal-esperti msemmija fil-punti (d) u (f) tal-Artikolu 8.
Il-Programm Erasmus tal-protezzjoni ċivili għandu jinkludi dimensjoni internazzjonali mmirata li tappoġġa l-azzjoni esterna tal-Unjoni, inklużi l-objettivi tagħha għall-iżvilupp, permezz tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn il-pajjiżi sħab.
_______________
* Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-"Erasmus+": il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50)."
Emenda 57
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 9b (ġdid)
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 13 – paragrafu 1 – subparagrafu 2 – punt f
(9b)   Il-punt (f) tal-Artikolu 13(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:
(f)  tistimola u tinkoraġġixxi l-introduzzjoni u l-użu ta' teknoloġiji ġodda rilevanti għall-fini tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni.
"(f) tistimola r-riċerka u l-innovazzjoni u tinkoraġġixxi l-introduzzjoni u l-użu ta' teknoloġiji ġodda rilevanti għall-fini tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni."
Emenda 58
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 9c (ġdid)
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 13 – paragrafu 3a (ġdid)
(9c)  fl-Artikolu 13, jiżdied il-paragrafu li ġej:
"3a. Il-Kummissjoni għandha testendi l-kapaċitajiet ta' taħriġ, u żżid il-kondiviżjoni ta' għarfien u esperjenza, bejn in-Netwerk tal-Unjoni ta' Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjoni u l-pajjiżi terzi, biex tikkontribwixxi sabiex jiġu onorati l-impenji internazzjonali fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, b'mod partikolari dawk fi ħdan il-Qafas ta' Sendai."
Emenda 59
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 11a (ġdid)
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 16 – paragrafu 2
(11a)  il-paragrafu 2 tal-Artikolu 16 huwa sostitwit b'dan li ġej:
2.   L-interventi skont dan l-Artikolu jistgħu jitmexxew jew bħala intervent awtonomu ta' assistenza jew inkella bħala kontribut għal intervent immexxi minn organizzazzjoni internazzjonali. Il-koordinazzjoni mill-Unjoni għandha tkun integrata b'mod sħiħ mal-koordinazzjoni globali pprovduta mill-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (OCHA), u għandha tirrispetta r-rwol ta' tmexxija ta' din tal-aħħar.
‘2. L-interventi skont dan l-Artikolu jistgħu jitmexxew jew bħala intervent awtonomu ta' assistenza jew inkella bħala kontribut għal intervent immexxi minn organizzazzjoni internazzjonali. Il-koordinazzjoni mill-Unjoni għandha tkun integrata b'mod sħiħ mal-koordinazzjoni globali pprovduta mill-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (OCHA), u għandha tirrispetta r-rwol ta' tmexxija ta' din tal-aħħar. F'każ ta' diżastri kkawżati mill-bniedem jew emerġenzi kumplessi, il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi b'mod ċar, b'konsultazzjoni ma' atturi umanitarji, l-ambitu tal-intervent u r-relazzjoni tiegħu mal-partijiet involuti fir-rispons umanitarju usa', filwaqt li tiżgura konsistenza mal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja u tirrispetta l-prinċipji umanitarji.
Emenda 60
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu – punt 12
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 19 – paragrafu 1 – subparagrafu 2a (ġdid)
L-approprjazzjonijiet neċessarji għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni għandhom jiġu awtorizzati b'mod gradwali mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali, filwaqt li jitqiesu b'mod xieraq il-mezzi kollha disponibbli skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013*, b'rikors partikolari għall-Istrument ta' Flessibbiltà, kif stabbilit fl-Anness I.
____________________
* Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
Emenda 61
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 13
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 20 a – paragrafu 1
Kwalunkwe assistenza jew finanzjament mogħtija taħt din id-Deċiżjoni għandhom jagħtu viżibbiltà xierqa lill-Unjoni, inkluż prominenza lill-emblema tal-Unjoni għal dawk il-kapaċitajiet imsemmija taħt l-Artikoli 11, 12 u 21(2)(c).
Kwalunkwe assistenza jew finanzjament mogħtija taħt din id-Deċiżjoni għandhom jagħtu viżibbiltà xierqa lill-Unjoni, inkluż prominenza lill-emblema tal-Unjoni għal dawk il-kapaċitajiet imsemmija taħt l-Artikoli 11, 12 u 21(2)(c). Għandha tiġi żviluppata strateġija ta' komunikazzjoni sabiex trendi r-riżultati tanġibbli tal-azzjonijiet meħuda taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni viżibbli għaċ-ċittadini.
Emenda 62
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 15 – punt b
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 23 – paragrafu 2a (ġdid)
2a.  Għall-kapaċitajiet tal-Istati Membri li mhumiex impenjati minn qabel fir-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili, l-ammont ta' appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għar-riżorsi tat-trasport ma għandux jaqbeż il-55 % tal-ispiża totali eliġibbli. Biex ikunu eliġibbli għal finanzjament bħal dan, l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jipproduċu reġistru tal-kapaċitajiet kollha għad-dispożizzjoni tagħhom, flimkien mal-istrutturi ta' ġestjoni rilevanti, lil hinn minn dawk kommessi minn qabel mill-Grupp Ewropew tal-Protezzjoni Ċivili, li jippermettilhom li jirreaġixxu għal diżastri tas-saħħa, industrijali, sismiċi jew vulkaniċi, għall-għargħar u għan-nirien tal-foresti, għal attakki terroristiċi u għal attakki kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari.
Emenda 63
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 16
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 26 – paragrafu 2
2.  Għandhom jitfittxu sinerġiji u kumplimentarjetà ma' strumenti oħrajn tal-Unjoni bħal dawk li jappoġġaw politiki ta' koeżjoni, tal-iżvilupp rurali, tar-riċerka, tas-saħħa, kif ukoll tal-migrazzjoni u tas-sigurtà. Fil-każ ta' reazzjoni għal kriżijiet umanitarji f'pajjiżi terzi, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-kumplimentarjetà u l-koerenza ta' azzjonijiet iffinanzjati skont din id-Deċiżjoni u azzjonijiet iffinanzjati skont ir-Regolament (KE) Nru 1257/96."
2.  Għandhom jiġu żviluppati sinerġiji, komplementarjetà u aktar koordinazzjoni ma' strumenti oħrajn tal-Unjoni bħal dawk li jappoġġaw politiki ta' koeżjoni, inkluż il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, tal-iżvilupp rurali, tar-riċerka, tas-saħħa, kif ukoll tal-migrazzjoni u tas-sigurtà, mingħajr ma jkollha ssir rilokazzjoni tal-fondi minn dawk l-oqsma. Fil-każ ta' reazzjoni għal kriżijiet umanitarji f'pajjiżi terzi, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-komplementarjetà u l-koerenza ta' azzjonijiet iffinanzjati skont din id-Deċiżjoni u azzjonijiet iffinanzjati skont ir-Regolament (KE) Nru 1257/96, filwaqt li tirrispetta n-natura distinta u indipendenti ta' dawk l-azzjonijiet u l-finanzjament tagħhom, u billi tiżgura li jkunu konformi mal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja.
Emenda 64
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 18
Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE
Artikolu 32 – paragrafu 1 – punt g
(g)  l-istabbiliment, il-ġestjoni u l-manteniment tar-rescEU, kif previst fl-Artikolu 12, inkluż kriterji għal deċiżjonijiet ta' mobilizzazzjoni u proċeduri operattivi;
(g)  l-istabbiliment, il-ġestjoni u l-manteniment tar-rescEU, kif previst fl-Artikolu 12, inkluż kriterji għal deċiżjonijiet ta' mobilizzazzjoni u proċeduri operattivi u l-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-kapaċitajiet tar-rescEU fil-livell nazzjonali minn Stat Membru u arranġamenti finanzjarji u arranġamenti oħra relatati magħha;
Emenda 65
Proposta għal deċiżjoni
Anness I (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

ANNESS I

ALLOKAZZJONIJIET FINANZJARJI ADDIZZJONALI INDIKATTIVI GĦALL-PERJODU 2018-2020

 

 

2018

2019

2020

TOTAL

Approprjazzjonijiet addizzjonali totali taħt l-Intestatura 3*

CA

19,157

115,2

122,497

256,854

 

PA

11

56,56

115,395

182,955

Approprjazzjonijiet addizzjonali totali taħt l-Intestatura 4*

CA

2

2

2,284

6,284

 

PA

0,8

1,8

2,014

4,614

Approprjazzjonijiet addizzjonali totali taħt l-Intestaturi 3 u 4 flimkien*

CA

21,157

117,2

124,781

263,138

 

PA

11,8

58,36

117,409

187,569

(ċifri f'miljuni ta' EUR)

* L-ammonti sħaħ għandhom jiġu pprovduti permezz tal-Istrument ta' Flessibbiltà.

(1) Il-każ ġie mgħoddi lura għan-negozjati interistituzzjonali lill-kumitat/kumitati responsabbli skont l-Artikolu 59(4), ir-raba' subparagrafu (A8-0180/2018).


Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa wara l-2020
PDF 137kWORD 55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2018 dwar il-Pilastru tat-Trasport tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa wara l-2020 (2018/2718(RSP))
P8_TA(2018)0237RC-B8-0242/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 311, 312 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1) u l-emenda sussegwenti tiegħu bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2017/1123 tal-20 ta' Ġunju 2017(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: l-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni(4),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2017 dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE (COM(2017)0358),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar id-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE(5),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (COM(2016)0604) komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2016)0603) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD(2016)0299),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 għal emenda tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u fuq ġestjoni finanzjarja soda (COM(2016)0606),

–  wara li kkunsidra r-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi mill-Parlament Ewropew fl-4 ta' Ottubru 2016 u mill-Kunsill fil-5 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP 2014-2020(6),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-15 ta' Ġunju 2016 bl-isem "Reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP)"(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2018 bl-isem "Baġit modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tagħti s-Setgħa u Tiddefendi – Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027" (COM(2018)0321),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-28 ta' Marzu 2018 dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari (JOIN(2018)0005),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-14 ta' Frar 2018 bl-isem "L-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF)" (COM(2018)0066),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-iżvilupp u r-riabilitazzjoni tal-infrastruttura tat-trasport fl-UE għadhom pjuttost frammentati u jirrappreżentaw sfida kbira f'termini ta' kapaċità u finanzjament, iżda huma essenzjali biex jiġu żgurati kemm it-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi u l-kompetittività kif ukoll il-koeżjoni soċjali u territorjali fl-Unjoni, u b'hekk ipattu għall-iżbilanċi bejn ir-reġjuni;

B.  billi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) hija programm ta' finanzjament komuni, immaniġġjat ċentralment u maħsub biex jippromwovi l-iżvilupp ta' netwerk trans-Ewropew (TEN) bi prestazzjoni għolja, sostenibbli u interkonness fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija u l-infrastruttura tas-servizzi diġitali;

C.  billi t-tlestija bikrija tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) se tikkontribwixxi b'mod sostanzjali biex l-UE tilħaq il-miri tagħha ta' tnaqqis tal-emissjonijiet skont il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, biex l-ekonomija Ewropea tkun dekarbonizzata u biex jintlaħqu l-objettivi 20-20-20 tal-UE fil-qasam tal-politika tal-enerġija u l-klima; billi n-netwerk ewlieni għandu jitlesta sal-2030 u n-netwerk komprensiv sal-2050;

D.  billi wieħed minn kull 10 Ewropej jaħdem fis-settur usa' tat-trasport, u billi l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport se jwassal għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda, peress li huwa stmat li għal kull biljun euro investiti fin-netwerk ewlieni tat-TEN-T se jinħolqu sa 20 000 impjieg ġdid;

E.  billi l-FNE tiffoka fuq l-iffaċilitar tal-konnessjonijiet transfruntiera, l-istabbiliment ta' nodi multimodali u urbani, l-indirizzar tal-falliment tas-suq u t-tneħħija tal-punti ta' konġestjoni; billi l-FNE kisbet it-twettiq ta' proġetti li mingħajrha ma kinux se jiġu implimentati, u b'hekk ipprovdiet valur miżjud ċar għall-UE fl-iffaċilitar ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni transnazzjonali;

F.  billi s-settur tat-trasport irrappreżenta l-akbar sehem tal-baġit tal-FNE fil-perjodu 2014-2020; billi s-sehem tat-trasport ġie distribwit f'pakkett ġenerali għall-Istati Membri kollha u f'pakkett ta' koeżjoni disponibbli għall-Istati Membri ta' koeżjoni u trasferit direttament mill-Fond ta' Koeżjoni;

G.  billi l-FNE hija wieħed mill-aktar programmi ta' suċċess tal-UE tant li ma kienx possibbli li jintlaqgħu t-talbiet kollha; billi, sa tmiem l-2017, il-pilastru tat-trasport tal-FNE kien diġà alloka EUR 21,3 biljun f'għotjiet għal proġetti tat-TEN-T, u b'hekk iġġenera EUR 41,6 biljun ta' investimenti totali; billi, tul l-2018, se jiġu ffirmati ftehimiet ta' għotja addizzjonali għal sejħa għal finanzjament imħallat li tikkombina għotjiet mill-FNE ma' finanzjamenti privati, inkluż mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS); billi f'Novembru 2017 il-baġit inizjali ta' EUR 1 biljun għal din is-sejħa żdied bl-ammont ta' EUR 350 miljun bħala sostenn għall-prijorità "Innovazzjoni u teknoloġiji ġodda", f'konformità mal-objettivi tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Fjuwils Alternattivi;

H.  billi l-introduzzjoni tal-prinċipju "użah jew titilfu" ikkontribwiet b'mod sinifikanti għas-suċċess tal-FNE; billi, madankollu, l-irkupru tal-baġit ta' proġetti mhux implimentati għandu jkun aċċelerat;

I.  billi l-FNE hija mmirata biex taċċelera l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport u fl-innovazzjoni u biex tattira l-finanzjament kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat, filwaqt li żżid iċ-ċertezza legali u r-rispett tal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika;

J.  billi l-Kummissjoni hija mistennija tippubblika l-proposti leġiżlattivi tagħha dwar l-Investiment Strateġiku Ewropew, inkluża Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) aġġornata, f'Ġunju 2018;

1.  Jenfasizza li l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport ifisser investiment fit-tkabbir sostenibbli fit-tul, il-koeżjoni, il-kompetittività u l-impjiegi; jissottolinja, għalhekk, l-importanza strateġika tal-programm FNE fir-rigward tal-integrazzjoni tas-suq intern, il-mobbiltà intelliġenti u l-opportunità għall-UE li tipprovdi valur miżjud tanġibbli liċ-ċittadini permezz ta' dan il-programm;

2.  Jenfasizza li l-FNE kienet, hija u trid tibqa' strument effikaċi u mmirat lejn l-investiment fl-infrastruttura trans-Ewropea (TEN) fis-setturi tat-trasport u l-enerġija u f'dak tas-servizzi diġitali, bil-għan li tikkontribwixxi għall-prijoritajiet tal-UE f'dak li jikkonċerna l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment, is-suq intern, l-Unjoni tal-Enerġija, il-klima u s-suq uniku diġitali;

3.  Jenfasizza s-suċċess tal-programm FNE 2014-2020 f'li jġib miegħu valur miżjud Ewropew għoli billi jappoġġa proġetti ta' konnettività b'dimensjoni transfruntiera, interoperabbli u multimodali u proġetti li jtejbu l-konnettività fil-modi kollha tat-trasport, inkluż fuq il-baħar, fil-portijiet interni u fil-passaġġi tal-ilma interni, filwaqt li jagħti prijorità lil proġetti li jindirizzaw il-lakuni f'termini ta' konnessjonijiet, u jneħħi l-punti ta' konġestjoni bil-ħsieb li jinkisbu żona unika Ewropea tat-trasport aċċessibbli għal kulħadd u settur tat-trasport innovattiv; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-valur miżjud transfruntier ta' nodi bħall-portijiet tal-baħar u tappoġġa proġetti li jtejbu l-konnettività ma' pajjiżi terzi sħab;

4.  Jirrikonoxxi li l-benefiċċju kollu u l-potenzjal sħiħ tal-investiment tal-UE fin-netwerk tat-TEN-T jistgħu jintlaħqu biss wara t-tlestija tan-netwerk ewlieni u dak komprensiv; jistieden lill-Kummissjoni żżomm f'moħħha li t-tlestija ta' dawn in-netwerks se tirrikjedi investimenti sinifikanti, li parti minnhom se tiddependi mit-tkomplija tal-appoġġ tal-UE, jew inkella hemm ir-riskju li t-tali netwerks jiġu fix-xejn; jinsisti li trid tinżamm pressjoni sabiex dawn in-netwerks jitlestew sa mhux aktar tard mill-2030 u l-2050 rispettivament, u skont l-istandards tas-seklu 21 tul il-proċess kollu;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-programm FNE taħt il-proposta tal-QFP 2021-2027 jsegwi l-programm attwali, saħansitra b'ambizzjoni usa' f'termini ta' objettivi ta' politika u riżorsi finanzjarji; jenfasizza li l-investimenti fi proġetti tal-infrastruttura diġitali, innovattivi u sostenibbli tat-trasport għandhom jiġu aċċelerati sabiex nimxu lejn sistema tat-trasport aktar ekoloġika, tassew integrata, moderna, accessibbli għal kulħadd, sikura u effiċjenti;

6.  Jirrikonoxxi li intervent mill-FNE kien determinanti għall-varar ta' ħafna mill-proġetti, speċjalment għal proġetti ta' konnettività fil-livell transfruntier, nazzjonali, reġjonali u lokali; jenfasizza li l-FNE wriet li hija katalizzatur importanti għall-investiment pubbliku u privat; jemmen, madankollu, li għandha tittieħed aktar azzjoni sabiex jiġi rilaxxat il-potenzjal sħiħ tagħha;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra aktar modi biex tippromwovi l-FNE bħala strument immexxi mill-politika b'objettivi settorjali speċifiċi, li jindirizza proġetti kumplessi b'dimensjoni ta' interoperabbiltà transfruntiera jew fuq skala tal-UE;

8.  Jemmen li, fil-QFP li jmiss, abbażi ta' reviżjoni bir-reqqa tal-perjodu 2014-2020 u l-konsegwenzi tar-relazzjoni kumplessa bejn il-FNE u programmi u strumenti finanzjarji oħrajn, bħal Orizzont 2020, il-Fondi SIE u l-FEIS, u b'mod partikolari l-effett ta' sostituzzjoni osservat bejn il-FNE u l-FEIS, il-Kummissjoni għandha tkompli ssaħħaħ u tiżgura l-komplementarjetà bejn il-FNE u programmi oħra bħal Orizzont tal-Ewropa u l-Fond InvestEU, sabiex iżżomm u tippromwovi l-objettivi ċari tal-programm, tevita x-xogħol doppju u tottimizza r-riżorsi baġitarji;

9.  Jenfasizza li kwalunkwe tnaqqis fil-FNE li jmiss favur programmi oħra, kif ġara fl-ambitu tal-FNE 2014-2020 favur il-FEIS u l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP), jitqies bħala inaċċettabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreserva l-integrità tal-kapaċità finanzjarja tal-FNE, peress li maġġoranza kbira ta' finanzjament tal-FNE hija marbuta ma' proġetti b'benefiċċji usa' fil-livell reġjonali u f'dak tal-UE, iżda li għalihom m'hemmx biżżejjed finanzjament nazzjonali jew finanzjament ibbażat fuq is-suq;

10.  Jirrikonoxxi s-suċċess inkoraġġanti tal-ewwel riżultati tas-sejħa għal proposti għal finanzjament imħallat li tnediet taħt il-programm FNE attwali; jinkoraġġixxi għalhekk b'mod qawwi lill-Kummissjoni tirrepeti sejħiet bħal dawn fil-futur u tkompli tuża FNE aktar b'saħħitha fil-forma ta' għotjiet, li jiġu kkombinati ma' strumenti finanzjarji tal-UE u dawk mhux tal-UE, fejn possibbli; jistieden ukoll lill-Kummissjoni ssib modi kif tinkoraġġixxi b'mod aktar effettiv il-parteċipazzjoni ta' koinvestituri privati, u jistieden lill-Istati Membri jneħħu l-ostakoli leġiżlattivi u amministrattivi għal tali proċess;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinkoraġġixxi sinerġiji fil-livell tal-proġetti bejn it-tliet setturi, li attwalment huma limitati minħabba r-riġidità tal-qafas baġitarju fir-rigward tal-eliġibilità tal-proġetti u l-eliġibilità tal-ispejjeż; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadatta l-infrastruttura għall-ħtiġijiet futuri ta' mobbiltà nadifa u intelliġenti; jistenna li l-linji gwida tal-politika settorjali futuri u l-istrument tal-FNE jsiru aktar flessibbli sabiex jiffaċilitaw is-sinerġiji u jkunu aktar reattivi għall-prijoritajiet u l-iżviluppi teknoloġiċi l-ġodda bħad-diġitalizzazzjoni, filwaqt li jiġu aċċelerati d-dekarbonizzazzjoni u indirizzati l-isfidi komuni tas-soċjetà bħalma hija s-sigurtà ċibernetika;

12.  Jenfasizza l-importanza tal-ġestjoni diretta għall-finijiet tal-iżgurar ta' proċeduri komuni għat-tliet setturi, allokazzjoni b'ħeffa tal-fondi u eżekuzzjoni baġitarja tajba ħafna; jirrimarka li l-ġestjoni diretta ta' għotjiet tal-FNE wriet li hija effiċjenti ħafna, b'riżerva b'saħħitha ta' proġetti u proċess ta' għażla kompetittiv, enfasi fuq l-objettivi tal-politika tal-UE, implimentazzjoni kkoordinata u l-involviment sħiħ tal-Istati Membri; jirrikonoxxi r-rwol kruċjali li taqdi l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA) fis-suċċess tal-FNE billi tottimizza l-baġit, b'mod partikolari permezz tal-flessibilità tagħha biex il-flus mhux minfuqa għal ċerti azzjonijiet tallokahom mill-ġdid malajr għall-finanzjament ta' azzjonijiet ġodda; jinsisti fuq it-tisħiħ tal-INEA biex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE jintefqu b'mod xieraq;

13.  Jappoġġa l-applikazzjoni tal-prinċipju "użah jew titilfu" fil-ġestjoni diretta tal-FNE; jinsisti, fl-istess waqt, li tinżamm il-possibilità li jiġu riċiklati impenji f'każijiet fejn il-proġetti ma jitwettqux kif ippjanat sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-FNE;

14.  Jirrikonoxxi l-kumplessità biex jitressaq proġett, speċjalment għall-infrastrutturi kbar tat-trasport, u r-rilevanza tal-assistenza teknika mogħtija, pereżempju permezz tal-Azzjoni ta' Appoġġ tal-Programm tal-FNE, b'mod partikolari lill-Istati Membri ta' koeżjoni, sabiex tiġi promossa l-eliġibilità ta' proġetti maturi u ta' kwalità għolja; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tipprovdi dan it-tip ta' assistenza u teżamina mill-ġdid il-kriterji ta' evalwazzjoni li jiffavorixxu identifikazzjoni aktar ċara tal-valur miżjud tal-proġetti; jappella lill-Kummissjoni biex, barra minn hekk, tieħu passi ulterjuri sabiex tissimplifika b'mod sinifikanti r-rekwiżiti amministrattivi, mhux biss għal għotjiet żgħar, u tadatta l-assistenza teknika għall-applikanti ta' proġetti żgħar;

15.  Jilqa' l-fatt li fil-programm 2014-2020, EUR 11,3 biljun ġew ittrasferiti mill-Fond ta' Koeżjoni għall-pakkett ta' koeżjoni tal-pilastru tat-trasport tal-FNE, u jenfasizza s-suċċess eċċezzjonali tas-sejħiet għal proposti fil-qasam tal-koeżjoni;

16.  Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li talloka EUR 42 265 miljun lill-FNE għall-perjodu 2021-2027, inklużi EUR 7 675 miljun għal proġetti dwar l-enerġija u EUR 2 662 miljun (it-tnejn li huma fi prezzijiet kostanti) għal proġetti tat-telekomunikazzjoni u diġitali; jiddispjaċih, madankollu, li fi prezzijiet kostanti, l-allokazzjoni għall-pilastru tat-trasport tal-FNE tammonta għal EUR 11 384 miljun u l-kontribuzzjoni mill-Fond ta' Koeżjoni tammonta għal EUR 10 000 miljun, ammonti li jirrappreżentaw tnaqqis ta' 12 % u 13 % rispettivament; jinnota u ma jistax jaċċetta li l-fondi allokati għall-pilastru tat-trasport huma l-uniċi li tnaqqsu; jissottolinja li l-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom is-settur tat-trasport fis-suq intern u s-suċċess tal-FNE jmorru kontra t-tnaqqis tal-ammont tal-pakkett tat-trasport u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid l-ammont propost;

17.  Jemmen li sabiex jinżamm livell għoli tal-kredibilità u tal-attrattiva tal-programm FNE għall-investituri, il-kapaċità finanzjarja tiegħu matul il-perjodu tal-QFP li jmiss għandha tiżdied; jenfasizza li baġit insuffiċjenti għat-trasport iqiegħed f'riskju t-tlestija tan-netwerk TEN-T, u li dan fil-fatt jiżvaluta l-investimenti mill-finanzi pubbliċi li diġà saru;

18.  Jissottolinja, barra minn hekk, li dan il-pakkett ta' koeżjoni għandu dimensjoni reġjonali qawwija li twieġeb għal domanda lokali u huwa element ewlieni għat-tlestija tal-partijiet tan-netwerk ewlieni fl-Istati Membri ta' koeżjoni, u għalhekk għall-koeżjoni territorjali tal-UE; jinnota li l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport tal-UE, meta implimentat bil-kontribuzzjoni tal-Fond ta' Koeżjoni, għandu jibqa' jikkostitwixxi sistema bbilanċjata sew ta' sorsi b'ġestjoni ċentrali u b'ġestjoni kondiviża; jenfasizza li l-ammont allokat taħt il-ġestjoni diretta fil-qafas tal-FNE mill-Fond ta' Koeżjoni fil-QFP li jmiss 2021-2027 irid tal-anqas jibqa' fl-istess livell bħal dak tal-QFP preċedenti 2014-2020, u li dan l-ammont irid ikun biżżejjed biex matul il-QFP li jmiss 2021-2027 jitlestew dawk il-proġetti ffinanzjati mill-ammonti allokati tal-Fond ta' Koeżjoni taħt il-FNE attwali;

19.  Ifakkar li t-tlestija tan-netwerk ewlieni tat-trasport fl-UE u t-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika se jkomplu jirrikjedu l-parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet taċ-ċittadini u tal-partijiet interessati kkonċernati, it-trasparenza fl-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ambjentali u finanzjarja tal-proġetti, it-titjib tal-integrazzjoni modali u l-promozzjoni ta' operazzjonijiet komodali;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibqgħu impenjati biex jilħqu l-objettivi ta' politika ewlenin tal-FNE fis-settur tat-trasport: sal-2030 – it-tlestija tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T, inkluża l-implimentazzjoni tar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), l-awtostradi tal-baħar (MoS) u s-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS), u t-tranżizzjoni lejn mobbiltà nadifa, kompetittiva, innovattiva u konnessa, inkluża bażi tat-tariffi infrastrutturali tal-fjuwils alternattivi tal-UE sal-2025; progress lejn it-tlestija tan-netwerk komprensiv tat-TEN-T sal-2050;

21.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' enfasi aktar qawwija fuq proġetti orizzontali intelliġenti; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tikkunsidra li tistabbilixxi inizjattivi speċifiċi, iddedikati u tranżnazzjonali biex tiġi aċċelerata u żgurata l-implimentazzjoni korretta ta' prijoritajiet orizzontali bħall-ERTMS permezz tal-mobilizzazzjoni ta' investimenti privati, parzjalment billi jinġabru flimkien għotjiet u strumenti finanzjarji;

22.  Ifakkar, fir-rigward tas-settur tat-trasport, fl-importanza li ssir enfasi fuq konnessjonijiet transfruntiera u multimodali, soluzzjonijiet diġitali, bidla modali u trasport aktar sostenibbli; jemmen li FNE aġġornata għandha wkoll tagħti prijorità lil rabtiet aktar diretti bejn in-netwerk ewlieni u dak komprensiv; jemmen li dawn l-objettivi għandhom jiġu riflessi fil-listi ta' proġetti identifikati minn qabel inklużi fir-Regolament dwar il-FNE li jmiss;

23.  Jirrikonoxxi li s-settur tat-trasport għandu jieħu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji diġitali u innovattivi, u jirrikonoxxi li infrastrutturi tat-trasport ġodda u innovattivi huma dejjem aktar attraenti għall-investiment, speċjalment mis-settur privat; jirrimarka, madanakollu, li l-infrastruttura eżistenti tibqa' s-sinsla tan-netwerk tal-UE u jenfasizza l-urġenza li jsir ħafna aktar investiment fil-manutenzjoni tal-infrastruttura eżistenti; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiżgura l-attrattiva tal-modifika retroattiva jew it-titjib tal-infrastruttura eżistenti b'ambizzjoni għolja fl-innovazzjoni;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lir-reġjuni ultraperiferiċi, kif minqux fl-Artikolu 349 TFUE, billi testendi n-netwerk ewlieni ta' portijiet biex ittejjeb il-konnettività fi ħdan il-baċiri ġeografiċi tagħhom, bejn ir-reġjuni nnifishom, mal-art kontinentali u ma' pajjiżi terzi; iqis li r-reġjuni ultraperiferiċi għandu jkollhom sa 85 % tal-kofinanzjament fil-modi kollha tat-trasport sabiex jittejjeb l-aċċess tagħhom għas-sejħiet u biex jinħolqu konnessjonijiet marittimi regolari bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u ż-żoni kontinentali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħolqien ta' sejħa speċifika għar-reġjuni ultraperiferiċi u tikkunsidra, barra minn hekk, l-allokazzjoni ta' finanzjament għal teknoloġija innovattiva għal ajruporti reġjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex jiġu garantiti s-sikurezza u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tal-ajruporti;

25.  Jilqa' l-objettivi stabbiliti fil-komunikazzjoni konġunta dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari f'termini kemm ta' titjib fl-infrastruttura kif ukoll ta' ħolqien ta' sinerġiji; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-FNE biex tappoġġa l-iżvilupp ta' infrastruttura b'użu doppju għal skopijiet ċivili jew ta' difiża tul in-netwerk TEN-T;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(2) ĠU L 163, 24.6.2017, p. 1.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 64.
(5) Test adottati, P8_TA(2017)0401.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0412.
(7) ĠU C 17, 18.1.2017, p. 20.


Is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa
PDF 136kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (2018/2711(RSP))
P8_TA(2018)0238RC-B8-0244/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikulari dawk tat-18 ta' Diċembru 2008(1), tas-26 ta' Novembru 2009(2) u tas-16 ta' Frar 2017(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali tal-2012,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija tal-UE dwar il-Pajjiż u l-Programm Pluriennali Indikattiv 2014-2020 dwar in-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Ġunju 2004,

–   wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tad-19 ta' Novembru 2016 dwar ir-riżultati finali tal-elezzjonijiet fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tal-VP/RGħ tat-22 ta' April 2018 u tal-15 ta' Mejju 2018 dwar in-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tas-27 ta' April 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra ż-żjara tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) bejn is-17 u l-21 ta' Mejju 2018 biex tinvestiga s-sitwazzjoni fin-Nikaragwa u d-dikjarazzjoni preliminari tagħha tal-21 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliema tal-Uffiċċju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Liz Throssell tal-20 ta' April 2018 dwar il-vjolenza relatata mal-protesti fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) tal-14 ta' Mejju 2018 dwar iż-żjara għal investigazzjoni tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarjat Ġenerali tal-OAS tal-20 ta' Jannar 2017 dwar in-Nikaragwa, u d-dikjarazzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2018 li tikkundanna l-vjolenza fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-communiques maħruġa mill-Konferenza Episkopali tan-Nikaragwa, u b'mod partikolari dik l-aktar reċenti, tat-23 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont xi rapporti, tal-anqas 84 ruħ inqatlu, aktar minn 860 indarbu u 400 ġew arrestati b'riżultat tal-protesti paċifiċi mmexxija mill-istudenti li bdew fit-18 ta' April 2018 b'oppożizzjoni għar-riformi fis-sigurtà soċjali mħabbra mill-President Daniel Ortega; billi l-maġġoranza tal-vittmi ġarrbu ġrieħi minn tiri fir-ras, l-għonq, is-sider jew iż-żaqq, li jindikaw bil-qawwa eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji; billi l-awtoritajiet tan-Nikaragwa stigmatizzaw lid-dimostranti apertament bħala "vandali" filwaqt li akkużawhom b'"manipulazzjoni politika";

B.  billi, fit-23 ta' April 2018, is-Sur Ortega ħabbar il-kanċellazzjoni tar-riforma tas-sigurtà soċjali, iżda d-dimostrazzjonijiet inbidlu f'disturbi usa' u f'sejħiet għal gvern interim u għar-restawr tal-ordni demokratiku; billi sors ieħor ta' skuntentizza u ta' kunflitt apert huwa l-qabża kbira f'attivitajiet "estrattivisti" orjentati lejn l-esportazzjoni;

C.  billi, fl-20 ta' April 2018, 600 student sfaw attakkati fil-Katidral Metropolitan ta' Managua minn forzi ta' kontra l-irvelli u minn grupp ta' membri tal-Front Sandinista ta' Liberazzjoni Nazzjonali li aġixxew b'impunità totali u bil-kompliċità u l-kunsens tal-pulizija; billi l-IACHR iddokumentat attakki fuq erba' siti universitarji (UCA, UPOLL, UNA u UNAN);

D.   billi l-għadd kbir ta' mwiet juri r-repressjoni brutali mħaddma mill-awtoritajiet tal-istat, bi ksur tal-prinċipji ta' neċessità u ta' proporzjonalità li jirrikjedu d-dritt u l-istandards internazzjonali li jistabbilixxu limitazzjonijiet fuq l-użu tal-forza; billi l-kap tal-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa, Aminta Granera, irriżenjat minħabba l-użu eċċessiv ta' vjolenza;

E.  billi l-istabbilimenti tal-media li rrapportaw il-protesti ngħalqu mill-gvern b'mod arbitrarju u l-ġurnalisti li esprimew kwalunkwe forma ta' oppożizzjoni ġew intimidati u detenuti; billi r-repressjoni mill-awtoritajiet tan-Nikaragwa fuq il-libertà tal-espressjoni u l-fastidju lill-mexxejja tal-oppożizzjoni ġew ikkundannati bħala attakk fuq il-libertajiet ċivili; billi l-ġurnalist Angel Gahona nqatel b'arma tan-nar waqt li kien qed jagħmel xandira diretta;

F.   billi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem irreġistraw bosta allegazzjonijiet dwar nuqqas ta' assistenza u ta' trattament lil dimostranti midruba fl-isptarijiet pubbliċi;

G.  billi, fis-27 ta' April 2018, il-President tal-Assemblea Nazzjonali, Gustavo Porras, ħabbar li kienet se tinħoloq Kummissjoni għall-Verità biex tinvestiga dak li ġara waqt il-protesti; billi, fis-6 ta' Mejju 2018, bord ta' seba' leġiżlaturi – li ħamsa minnhom jappartjenu għall-partit tal-President Ortega – għażlu l-ħames membri tal-Kummissjoni, u billi l-Assemblea Nazzjonali rratifikat il-ħatra tagħhom;

H.  billi l-IACHR żaret in-Nikaragwa mis-17 sal-21 ta' Mejju; billi ddokumentat arresti illegali u arbitrarji, prattiki ta' tortura, trattament krudil, inuman u degradanti, ċensura tal-istampa u attakki kontriha u forom oħra ta' intimidazzjoni bħal theddidiet, fastidju u persekuzzjoni maħsuba biex ixejnu l-protesti u jinibixxu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini;

I.  billi d-djalogu nazzjonali bejn is-Sur Ortega u l-oppożizzjoni u gruppi ċiviċi fin-Nikaragwa, li ġie varat fis-16 ta' Mejju 2018 u sar bil-medjazzjoni tal-Knisja Kattolika, ma rnexxilux isib soluzzjoni għall-kriżi u ġie sospiż, minħabba li n-negozjaturi tal-gvern irrifjutaw li jiddiskutu aġenda ta' 40 punt imressqa mill-medjaturi, li kienet tinkludi rotta direzzjonali lejn elezzjonijiet demokratiċi, inklużi riformi għal-liġi elettorali, antiċipazzjoni tal-elezzjonijiet u projbizzjoni li l-President jerġa' jiġi elett; billi ġie propost li jinħoloq kumitat konġunt magħmul minn sitta min-nies – tlieta mill-gvern u tlieta mill-pjattaforma "Alianza Cívica por la Justicia y la Democracia";

J.  billi, mill-2007 'l hawn, is-Sur Ortega ġie elett fil-kariga ta' President tliet darbiet konsekuttivi, minkejja l-fatt li l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa kienet tipprojbixxi rielezzjonijiet konsekuttivi, b'mod li juri biċ-ċar il-korruzzjoni u l-awtoritarjaniżmu li ħakmu l-istat; billi l-elezzjonijiet fl-2011 u fl-2016 ġew ikkritikati ferm għall-irregolaritajiet tagħhom mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-OAS, minħabba li saru mingħajr il-preżenza ta' osservaturi minn waħda jew oħra minn dawn l-organizzazzjonijiet jew ta' kwalunkwe osservatur internazzjonali ieħor kredibbli;

K.  billi l-korruzzjoni fis-settur pubbliku, inkluża l-korruzzjoni li tinvolvi lill-qraba tas-Sur Ortega, għadha waħda mill-akbar sfidi; billi t-tixħim ta' uffiċjali pubbliċi, is-sekwestri illegali u l-valutazzjonijiet arbitrarji mill-awtoritajiet tad-dwana u tat-taxxa huma komuni ħafna; billi ġew espressi preokkupazzjonijiet leġittimi dwar nepotiżmu fi ħdan il-Gvern tan-Nikaragwa; billi gruppi tad-drittijiet tal-bniedem ikkundannaw il-konċentrazzjoni gradwali tal-poter ikkawżata mill-ħakma ta' partit wieħed u t-tidgħif tal-istituzzjonijiet;

L.  billi l-istat tan-Nikaragwa ġarrab tnaqqis tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt f'dan l-aħħar deċennju; billi l-iżvilupp u l-konsolidament tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jridu jkunu parti integrali mill-politiki esterni tal-UE, inkluż il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali tal-2012;

1.  Jikkundanna l-fatt li dimostranti paċifiċi fin-Nikaragwa li qed jopponu r-riforma tas-sigurtà soċjali ġarrbu repressjoni brutali u intimidazzjoni, li wasslu għal ħafna każijiet ta' mewt, għajbien u arrest arbitrarju mwettqa mill-awtoritajiet tan-Nikaragwa, il-forzi armati, il-pulizija u gruppi vjolenti li jappoġġjaw lill-gvern; ifakkar lill-forzi tas-sigurtà tan-Nikaragwa li dmirhom, qabel kollox, huwa li jiddefendu liċ-ċittadini minn kull ħsara;

2.  Jesprimi l-kondoljanzi u s-simpatija tiegħu lill-familji tal-vittmi kollha maqtula u midruba matul id-dimostrazzjonijiet;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa biex iwaqqfu kull att ta' vjolenza kontra persuni li jeżerċitaw id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u d-dritt tal-għaqda; jappella wkoll biex id-dimostranti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jmexxu l-protesti joqogħdu lura milli jużaw il-vjolenza huma u jeżerċitaw drittijiethom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jeħilsu lill-persuni kollha detenuti b'mod arbitrarju, jikkumpensaw lill-familjari kollha affettwati u jipprovdu garanziji li mhu se jsir l-ebda proċediment kriminali kontrihom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-istat joqogħdu lura milli jagħmlu dikjarazzjonijiet pubbliċi li jistigmatizzaw lid-dimostranti, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti, u milli jużaw il-media statali biex jagħmlu kampanji pubbliċi li jistgħu jinkoraġġixxu l-vjolenza;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jippermettu minnufih investigazzjoni internazzjonali, indipendenti u trasparenti biex issir prosekuzzjoni kriminali ta' dawk responsabbli għar-repressjoni u għall-imwiet matul il-protesti; jilqa', f'dan ir-rigward, iż-żjara tal-IACHR fin-Nikaragwa u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-konklużjonijiet tar-rapport preliminari; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali taqdi rwol attiv biex dawk responsabbli jagħtu rendikont ta' għemilhom;

5.  Jitlob li l-Gvern tan-Nikaragwa jirrikonoxxi u jsaħħaħ l-awtorità tal-kumitat għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet imressqa mill-IACHR, u jistabbilixxi kalendarju għal żjarat oħra tagħha; jitlob li jinħoloq reġistru pubbliku tal-attendenza fl-isptarijiet, kif talbet l-IACHR;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jipprovdu lill-atturi kollha fis-soċjetà, inklużi l-forzi tal-oppożizzjoni, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-attivisti ambjentali u s-soċjetà ċivili, spazju adegwat li fih ikunu jistgħu joperaw liberament, taħt id-dritt internazzjonali, biex b'hekk titwitta t-triq ħalli n-naħat kollha opposti jiddiskutu s-sitwazzjoni fin-Nikaragwa u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; ifakkar li l-parteċipazzjoni sħiħa tal-oppożizzjoni, id-depolarizzazzjoni tal-ġudikatura, it-tmiem tal-impunità u l-pluralità tal-media huma fatturi essenzjali għar-restawr tal-ordni demokratiku fil-pajjiż;

7.  Jiddeplora l-vjolazzjoni tal-libertà tal-media fin-Nikaragwa, sew qabel u sew wara l-protesti; iqis li s-sekwestru ta' stabbilimenti tal-media mill-awtoritajiet matul il-protesti mhuwiex aċċettabbli; jistieden lill-Gvern ireġġa' lura fil-pajjiż il-libertà sħiħa tal-media u l-libertà tal-kelma, u jtemm il-fastidju lill-ġurnalisti;

8.   Jieħu nota tal-varar reċenti ta' djalogu nazzjonali u l-istabbiliment ta' Kummissjoni għall-Verità, li jeħtiġilha tinkludi l-parteċipazzjoni ta' atturi nazzjonali indipendenti mis-setturi kollha, kif ukoll atturi internazzjonali; jiddispjaċih għall-falliment tal-ewwel fażi tad-djalogu nazzjonali kkawżat mir-restrizzjonijiet imposti mill-Gvern tan-Nikaragwa, u jesprimi t-tama li l-issuktar reċenti tad-djalogu jagħti l-opportunità biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi u l-vjolenza tintemm; jenfasizza li kwalunkwe djalogu għandu jsir mingħajr vjolenza u repressjoni, bir-rispett tad-dritt u tal-kostituzzjoni, u tal-prinċipju li kwalunkwe bidla fil-liġijiet għandha ssir bi qbil mal-proċeduri stabbiliti f'dawn tal-aħħar;

9.  Jiddenunzja l-passi illegali meħuda bi ksur tas-sistema ġudizzjarja li wasslu għal bidliet kostituzzjonali li warrbu l-limiti tal-mandat presidenzjali u b'hekk ippermettew il-presidenza kontinwa tas-Sur Ortega, bi ksur ċar tad-dritt għal elezzjonijiet demokratiċi; jisħaq fuq il-bżonn ta' istituzzjonijiet demokratiċi b'saħħithom, tal-libertà tal-għaqda u tal-pluralità politika; jappella, f'dan ir-rigward, għal riforma elettorali li twassal għal elezzjonijiet ġusti, trasparenti u kredibbli li jirrispettaw l-istandards internazzjonali, bħala l-mod biex tissolva l-kriżi politika;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet jiġġieldu kontra l-korruzzjoni bla rażan fi ħdan iċ-ċrieki politiċi tan-Nikaragwa, li xxekkel il-ħidma tal-istituzzjonijiet kollha tal-istat u tillimita l-investiment barrani; jappella għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tan-Nikaragwa kontra l-korruzzjoni, inkluża dik dwar it-tixħim, l-abbuż tal-kariga u l-pagamenti ta' faċilitazzjoni; huwa mħasseb dwar ir-rabtiet bejn il-President Ortega u kunflitti oħra fir-reġjun; jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jiffirmaw u jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

11.  Jirrimarka li, fid-dawl tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa trid tiġi mfakkra fil-ħtieġa li tirrispetta l-prinċipji tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, kif stabbiliti fil-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Ftehim; iħeġġeġ lill-UE tissorvelja s-sitwazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, tivvaluta l-miżuri potenzjali li jkun għandhom jittieħdu; iwissi dwar il-konsegwenzi gravi mil-lat politiku, ekonomiku u ta' investiment li jistgħu jsegwu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp ta' Lima, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

(1) ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 89.
(2) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 74.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0043.


L-Ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa: nittrasformaw il-ħajjiet tal-bniet u tan-nisa permezz tar-relazzjonijiet esterni tal-UE 2016-2020
PDF 200kWORD 68k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2018 dwar l-implimentazzjoni tad-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal (SWD(2015)0182) – L-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw il-Ħajjiet tal-Bniet u tan-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020 (2017/2012(INI))
P8_TA(2018)0239A8-0167/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (CETS Nru 197) u l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali (CETS Nru. 201),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-11 ta' Mejju 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar il-Fond tal-Popolazzjoni tan-NU (UNFPA) tal-2012 intitolat ''Marrying Too Young – End Child Marriage'' (Żwieġ Kmieni Wisq - Inwaqqfu ż-Żwieġ tat-Tfal),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tal-1995 mir-Raba' Konferenza Dinjija, u l-eżiti tal-konferenzi ta' reviżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u l-eżiti tal-konferenzi ta' reviżjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà Nri 1325 (2000), 1820 (2009), 1888 (2009), 1889 (2010), 1960 (2011), 2106 (2013), 2122 (2013) u 2242 (2015),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa tat-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata f'Settembru 2015 u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016, u b'mod partikolari, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 1, 5, 8 u 10 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva Spotlight UE-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2010-2015 (GAP I),

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill fis-7 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 intitolata ‘L-istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015’ (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tat-28 ta' April 2015 tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019), Inżommu d-Drittijiet tal-Bniedem fiċ-Ċentru tal-Aġenda tal-UE tat-28 ta' April 2015" (JOIN(2015)(0016),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sessi fl-Iżvilupp tas-26 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020 (GAP II), adottat mill-Kunsill fis-26 ta' Ottubru 2015, u r-rapport Annwali ta' Implimentazzjoni tal-2016 tiegħu, ippubblikat fid-29 ta' Awwissu 2017 mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli,

–  wara li kkunsidra l-Impenn Strateġiku tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-2016-2019 tat-3 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-TFUE li jistabbilixxi l-Prinċipju ta' Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, li jirrikjedi li l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jitqiesu fil-politiki li x'aktarx jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

–  wara li kkunsidra l-Konsensus Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar it-tiġdid tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-Reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp(2),

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020, ippubblikata f'Ottubru 2017 mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-COC Nederland dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar l-LGBTI(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijet konġunti tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżivlupp u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0167/2018),

A.  billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huwa valur bażiku tal-UE u huwa minqux fit-Trattati tal-UE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi trid għalhekk tiġi implimentata u integrata fl-attivitajiet u l-politiki kollha tal-UE bil-għan li tintlaħaq fil-prattika l-ugwaljanza u jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli; billi l-ugwaljanza u l-emanċipazzjoni tan-nisa jiffurmaw prekundizzjoni għall-ilħiq tal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli wara l-2015, kif ukoll huma kwistjoni awtonoma tad-drittijiet tal-bniedem li għandha tkun segwita b'mod indipendenti mill-benefiċċji tagħha għall-iżvilupp u t-tkabbir;

B.  billi l-ħames Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG5) huwa li tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi u sabiex in-nisa u l-bniet kollha madwar id-dinja jiġu emanċipati, u billi l-SDG5 jrid ikun integrat fl-aġenda sħiħa tal-2030 sabiex jikseb il-progress fl-għanijiet u l-miri kollha tal-Iżvilupp Sostenibbli;

C.  billi l-ebda strateġija ta' żvilupp ma tista' tkun effettiva sakemm in-nisa u l-bniet ma jkollhomx rwol ċentrali;

D.  billi minkejja li l-Pjan ta' Azzjoni oriġinali dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi I (2010-2015) (GAP I) ġab miegħu xi progress, imma kien fih ukoll għadd ta' nuqqasijiet: kamp ta' applikazzjoni limitat, nuqqas ta' bbaġittjar li jkun sensittiv fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi, fehim batut tal-qafas ta' ugwaljanza bejn is-sessi min-naħa tad-delegazzjonijiet tal-UE, nuqqas ta' impenn min-naħa tal-mexxejja tal-UE, u nuqqas ta' arkitettura istituzzjonali u inċentivi biex jiġi mmotivat u appoġġat il-persunal b'mod adegwat;

E.  billi l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015, talab biex dawn in-nuqqasijiet jiġu kkoreġuti u biex għadd ta' bidliet oħra jiġu adottati, inkluż it-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tal-GAP u ż-żieda fir-responsabilità fil-livell ta' ġestjoni għall-ugwaljanza bejn is-sessi;

F.  billi fl-2018 jiġi ċċelebrat is-70 anniversarju mill-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u billi l-prinċipju tal-ugwaljanza jifforma l-qalba tal-viżjoni tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1945 dwar id-drittijiet tal-bniedem, li tgħid li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għandhom ikunu disponibbli għall-bnedmin kollha "mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta' razza, sess, ilsien jew reliġjon";

G.  billi l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi II il-ġdid 2016-2020 (GAP II) beda mir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament b'enfasi fuq il-bdil tal-kultura istituzzjonali tal-UE fil-livell tal-kwartieri ġenerali kif ukoll fil-livell tad-delegazzjoni biex tinħoloq bidla sistematika fil-mod ta' kif l-UE tindirizza l-kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza bejn is-sessi u fuq it-trasformazzjoni tal-ħajjiet tan-nisa u tal-bniet permezz ta' erba' oqsma kruċjali;

H.  billi l-erba' oqsma kruċjali maħluqa fi ħdan il-GAP II huma: l-iżgurar tal-integrità fiżika u psikoloġika tal-bniet u n-nisa; il-promozzjoni tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali u l-emanċipazzjoni tal-bniet u n-nisa; it-tisħiħ tal-vuċi u l-parteċipazzjoni tal-bniet u n-nisa; u pilastru orizzontali li jikkonsisti mill-bidla tal-kultura istituzzjonali tas-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE sabiex jitwettqu b'mod aktar effettiv l-impenji tal-UE;

I.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar l-indirizzar tat-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(4), il-Parlament jenfasizza l-importanza kbira tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa permezz tar-relazzjonijiet esterni tal-UE;

J.  billi huwa diffiċli li jiġi ddeterminat il-baġit allokat għall-azzjonijiet li jħaddnu l-ugwaljanza bejn is-sessi, peress li l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għadha mhix internalizzata fl-allokazzjonijiet kollha tal-baġit u d-deċiżjonijiet dwar l-infiq bħala parti minn metodoloġija ta' bbaġitjar li tqis l-ugwaljanza bejn is-sessi; billi skont il-Kummissjoni l-impenji finanzjarji tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi żdiedu iżda l-kapaċità ta' riżorsi tal-Kummissjoni u tas-SEAE għall-ġestjoni ta' dan il-volum ta' xogħol li qed jiżdied, ma żdiditx;

K.  billi li l-parteċipazzjoni tan-nisa f'attivitajiet ekonomiċi hija kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir ekonomiku;

L.  billi hemm it-tendenza li l-ugwaljanza bejn is-sessi tkun assenti fil-programmi u fis-sistemi ta' monitoraġġ tal-proġetti u fil-proċessi ta' evalwazzjoni u billi l-analiżi tal-ugwaljanza bejn is-sessi ftit li xejn hija użata sabiex tinforma dwar objettivi, programmi, proġetti u djalogu tal-istrateġija tal-pajjiżi;

M.  billi sena wara l-adozzjoni tal-GAP II għadu kmieni wisq biex issir valutazzjoni sħiħa tal-impatt tiegħu; billi huwa rakkomandat intervall ta' mill-inqas tliet snin ta' intervent ta' politika jew ta' implimentazzjoni qabel ma ssir evalwazzjoni ta' azzjoni tal-UE; billi l-objettiv ta' dan ir-riżoluzzjoni, għaldaqstant, mhuwiex li jiġu diskussi l-objettivi tal-GAP II iżda li jitqies kif ġew implimentati l-objettivi msemmija fl-ewwel sena tiegħu u li jiġu rrakomandati azzjonijiet biex tittejjeb l-implimentazzjoni fis-snin li ġejjin;

N.  billi l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC) ġiet iffirmata minn 195 pajjiż, hi legalment vinkolanti u tirrappreżenta strument essenzjali biex tiġi indirizzata l-vulnerabbiltà tal-bniet u l-ħtieġa tagħhom għal protezzjoni u kura speċjali;

O.  billi l-istabbiliment mill-ġdid u l-estensjoni tal-Politika tal-Belt tal-Messiku jew l-hekk imsejħa regola "Global Gag", it-tneħħija tal-assistenza globali tas-saħħa tal-Istati Uniti mill-organizzazzjonijiet li jipprovdu lill-bniet u lin-nisa b'servizzi ta' ppjanar tal-familja u ta' saħħa sesswali u riproduttiva, huma ta' tħassib serju; billi programmi li jindirizzaw l-HIV/AIDS, is-saħħa materna u tat-tfal, l-isforzi għar-rispons taz-Zika u oqsma oħra ta' saħħa u mard ser ikunu affettwati, inklużi organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi ta' abort, jagħtu pariri dwarhom, jirreferu għalihom jew jimmilitaw favurihom - anki jekk qed jagħmlu dan bil-fondi tagħhom stess, mhux provenjenti mill-Istati Uniti u anki jekk l-abort huwa legali f'pajjiżhom;

P.  billi d-delegazzjonijiet u l-missjonijiet tal-UE huma f'kuntatt dirett fl-implimentazzjoni tal-GAP II f'pajjiżi sħab, u t-tmexxija u l-għarfien tal-kapijiet u tal-istaff tad-delegazzjonijiet u tal-missjonijiet għandhom rwol sinifikanti li jiżgura l-implimentazzjoni b'suċċess tal-GAP II; billi għad hemm ostaklu bbażat fuq is-sessi li jfixkel lin-nisa milli jkollhom aċċess għal kariġi ta' tmexxija u ta' ġestjoni fid-delegazzjonijiet tal-UE;

Q.  billi terz biss mid-delegazzjonijiet kollha tal-UE jaħdmu fuq id-drittijiet tal-bniedem LGBTI; billi l-Linji Gwida tal-UE dwar l-LGBTI mhux qed jiġu applikati b'mod regolari; billi l-implimentazzjoni tagħhom tiddependi b'mod qawwi fuq l-għarfien u l-interess ta' ambaxxaturi individwali, minflok approċċ strutturat;

R.  billi l-irġiel u n-nisa huma affettwati b'mod differenti f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt, wara l-kunflitt u f'sitwazzjonijiet fraġli; billi n-nisa mhumiex biss vittmi iżda wkoll mezzi ta' bidla pożittiva, li jistgħu jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt, tal-bini tal-paċi, tan-negozjati tal-paċi u ta' rikostruzzjoni wara l-kunflitt; billi n-nisa u l-bniet jistgħu jesperjenzaw forom differenti ta' diskriminazzjoni u jkunu iktar esposti għall-faqar; billi fid-dinja, mara minn kull tlieta, x'aktarx tesperjenza vjolenza fiżika u sesswali f'xi mument matul ħajjitha; billi kull sena, 14-il miljun tifla jiġu mġiegħla jiżżewġu;

1.  Jinnota l-pubblikazzjoni, f'Awwisu 2017, tal-ewwel rapport ta' implimentazzjoni annwali għas-sena 2016, li juri momentum ċar lejn l-implimentazzjoni tal-GAP II;

2.  Jisħaq fuq il-punt li, sena wara l-adozzjoni tal-GAP II, għadu kmieni wisq, iżda d-direzzjoni ġenerali li ttieħdet qed tintlaqa' tajjeb u ġie nnotat numru ta' tendenzi pożittivi; jinnota wkoll, madankollu, numru ta' sfidi fir-rigward tar-rapportar u l-implimentazzjoni ta' prijoritajiet ewlenin u SDGs relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi, u l-monitoraġġ tal-progress għall-objettivi kollha, kif ukoll f'dak li jirrigwarda l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fi djalogu tal-politika tas-settur;

3.  Jinnota li l-GAP II ġie prodott fil-forma ta' Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal; jistieden lill-Kummissjoni turi l-impenn kbir tagħha billi taġġornah f'komunikazzjoni futura dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi;

4.  Jinnota li l-użu ta' riċerka politika avvanzata u l-użu ta' evidenza b'saħħitha huma mezzi kritiċi ta' bini ta' għarfien dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa sabiex jiġu żviluppati politiki u strateġiji li jsaħħu l-kapaċità tal-Unjoni biex l-ugwaljanza bejn is-sessi ssir realtà ta' kuljum; jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni, għalhekk biex jagħtu attenzjoni speċjali lill-għan tagħhom li jiżguraw li titwettaq evalwazzjoni indipendenti tal-implimentazzjoni tal-miżuri stipulati fl-Anness 1 tal-GAP II;

5.  Jinnota li l-GAP II jipprovdi aġenda komprensiva li tkopri l-aġenda tal-UE kollha dwar il-politika estera, u jilqa', f'dan ir-rigward, l-għażla ta' erba' pilastri tematiċi, prinċipalment l-iżgurar tal-integrità fiżika u psikoloġika tal-bniet u tan-nisa, il-promozzjoni tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali kif ukoll l-emanċipazzjoni tal-bniet u tan-nisa, u t-tisħiħ tal-vuċijiet tal-bniet u tan-nisa u tal-parteċipazzjoni tagħhom; jenfasizza li dawn il-pilastri huma maħsuba biex jindirizzaw il-fatturi u l-kawżi prinċipali involuti fid-diskriminazzjoni u l-marġinalizzazzjoni; jinnota wkoll il-pilastru orizzontali li jikkonsisti mill-bidla tal-kultura istituzzjonali tas-servizzi tal-Kummissjoni u tas-SEAE sabiex iwettaq b'mod aktar effettiv l-impenji tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa permezz tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni;

6.  Jinnota li l-fatturi u l-kawżi kontributorji ewlenin li jwasslu għad-diskriminazzjoni u l-marġinalizzazzjoni jinkludu: il-vjolenza sesswali u dik ibbażata fuq is-sessi kontra n-nisa u l-bniet, inklużi t-tradizzjonijiet dannużi bħaż-żwieġ tat-tfal u l-mutilazzjoni ġenitali femminili; l-aċċess inadegwat għal setturi u servizzi soċjali bażiċi, pereżempju s-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma, is-sanità u n-nutrizzjoni; id-diffikultajiet fil-ksib ta' aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva; u l-parteċipazzjoni mhux ugwali f'istituzzjonijiet pubbliċi u privati, kif ukoll fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u fil-proċessi ta' paċi;

7.  Jinnota li l-inugwaljanza bejn is-sessi tinkroċja ma' forom oħra ta' inugwaljanza, u tiggravahom, u li fehim ta' dak il-punt għandu jiggwida l-għażla tal-prijoritajiet u l-impenji għal azzjoni;

8.  Jitlob għal attenzjoni akbar fl-implimentazzjoni tal-GAP II, fuq il-bniet u n-nisa li jsofru diskriminazzjoni addizzjonali minħabba etniċità, sesswalità, diżabilità, kasta, jew età, u sabiex id-data tinqasam skont il-każ;

9.  Isostni li inklużjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol, appoġġ aħjar għal intraprenditorija tan-nisa, ħarsien tal-opportunitajiet indaqs u paga ugwali għal irġiel u nisa, u promozzjoni tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huma fatturi ewlenin fil-kisba tat-tkabbir ekonomiku inklussiv fit-tul, fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, u fil-promozzjoni tal-indipendenza finanzjarja tan-nisa;

10.  Jilqa' l-qafas b'saħħtu ta' monitoraġġ u responsabilità stabbilit biex jitkejjel u jiġi intraċċat il-progress tal-GAP II u jirrikonoxxi li ż-żieda fl-ambizzjoni tiegħu tipprovdi opportunità reali għall-UE biex tagħmel progress f'dak li jikkonċerna l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll l-emanċipazzjoni tal-bniet u tan-nisa fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni; jirrikonoxxi madankollu l-bżonn għal fehim aktar profond u armonizzazzjoni ta' dan il-qafas sabiex jiġu evalwati b'mod xieraq l-impatti tal-azzjonijiet tal-UE;

11.  Jirrikonoxxi l-importanza tat-tisħiħ tal-politiki u tal-miżuri li jippromwovu l-edukazzjoni għall-bniet, u l-implikazzjonijiet tiegħu f'dak li jikkonċerna s-saħħa tagħhom u l-għoti ta' setgħa ekonomika; jirrimarka li l-bniet u t-tfajliet huma partikolarment vulnerabbli u li huwa meħtieġ iffukar speċifiku sabiex jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għal-livelli kollha ta' edukazzjoni; jitlob, f'dan ir-rigward li tiġi kkunsidrata firxa ta' opportunitajiet fil-qasam tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika (suġġetti STEM);

12.  Jirrimarka li involviment akbar mis-settur kemm pubbliku kif ukoll privat huwa kruċjali għall-avvanz tad-drittijiet tan-nisa u l-għoti tas-setgħa ekonomika tagħhom f'setturi ekonomiċi differenti; jenfasizza l-ħtieġa għall-inklużjoni u r-rappreżentanza tan-nisa f'oqsma ekonomiċi emerġenti li huma importanti għall-iżvilupp sostenibbli, inkluż l-ICT; jenfasizza li n-negozju għandu rwol importanti fit-tisħiħ tad-drittijiet tan-nisa; jistieden, f'dan il-kuntest li jingħata appoġġ akbar lill-SMEs lokali, b'mod partikolari lil imprendituri nisa, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tkabbir immexxi mis-settur privat;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li n-nisa li jgħixu fiż-żoni rurali jiġu emanċipati billi jittejjeb l-aċċess tagħhom għall-art, l-ilma, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-swieq u s-servizzi finanzjarji;

14.  Jistieden lill-UE biex tippromwovi l-parteċipazzjoni miżjuda tan-nisa fiż-żamma tal-paċi u fil-proċessi tal-bini tal-paċi u fil-missjonijiet militari u tal-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili tal-UE;

Il-kisbiet tal-GAP II

15.  Jilqa' l-espansjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi għas-servizzi esterni kollha tal-UE u għall-Istati Membri, u jinnota l-progress fil-bidla tal-kultura istituzzjonali tal-UE fil-livell tal-kwartieri ġenerali u tad-delegazzjonijiet, li huwa fundamentali għat-tisħiħ tal-effettività tal-inizjattivi tal-UE u l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi; jilqa' wkoll ir-rekwiżit obbligatorju introdott mill-GAP II biex l-atturi kollha tal-UE jirrappurtaw kull sena dwar il-progress li jkun sar f'tal-inqas qasam tematiku wieħed; itenni madankollu l-ħtieġa għal tmexxija msaħħa u għal titjib kontinwu fil-koerenza u l-koordinazzjoni fost l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, filwaqt li jintużaw l-istrutturi u l-baġit eżistenti;

16.  Jilqa' l-fatt li s-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE kif ukoll 81 % tad-delegazzjonijiet tal-UE u 22 Stat Membru ppreżentaw rapporti dwar is-sessi għall-2016; filwaqt li jagħraf li jista' jkun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jirriżultaw f'delegazzjonijiet li ma jirrapportawx, jistenna li d-delegazzjonijiet u l-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom, u jixtieq jara progress kontinwu, sena wara l-oħra, dwar ir-rapporti kollha li qed jiġu sottomessi; josserva li għad hemm disparitajiet sinifikanti bejn l-Istati Membri; ifakkar li konformità sħiħa fir-rappurtar u l-implimentazzjoni tal-GAP se tkun fundamentali għall-kisba tal-mira tal-GAP II li hija l-integrazzjoni ta' azzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-85 % tal-inizjattivi kollha ġodda sal-2020;

17.  Jilqa' l-passi prattiċi lejn bidla kulturali u l-introduzzjoni ta' analiżi tas-sessi obbligatorja għall-azzjonijiet esterni ġodda kollha li jkunu saru, u b'hekk it-tqegħid tar-responsabbiltà ġenerali għar-rappurtar dwar il-GAP fuq il-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-UE (EUDs), kif ukoll iż-żieda fl-għadd ta' persunal ta' livell għoli involut fl-implimentazzjoni tal-GAP II u l-ħatra ta' numru dejjem akbar ta' promoturi ta' livell għoli tal-kwistjonijiet dwar is-sessi u punti fokali fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi fid-delegazzjonijiet tal-UE, għalkemm kif jinsabu bħalissa l-affarijiet, il-punt fokali fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi jinsab biss f'nofs id-delegazzjonijiet tal-UE; jitlob li jiġi ddedikat aktar ħin fil-livell ġestjonali għall-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u biex dawk id-delegazzjonijiet li għadhom m'għamlux dan, jaħtru l-punti fokali tagħhom fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jisħaq li l-punti fokali kollha fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandhom jingħataw biżżejjed żmien u kapaċità biex iwettqu l-kompiti tagħhom;

18.  Jiddispjaċih li skont ir-rapport tas-SEAE ta' Novembru 2016, huma biss ftit il-missjonijiet tal-PSDK tal-UE li jipprovdu taħriġ dwar il-fastidju sesswali jew dak ibbażat fuq is-sessi, u jinnota li fl-2015, waqt il-missjonijiet tal-PSDK, ma kien irrapportat l-ebda każ ta' fastidju sesswali jew ta' dak ibbażat fuq is-sessi, ta' abbuż jew ta' vjolenza; jisħaq fuq l-importanza li tiġi applikata politika ta' tolleranza żero fir-rigward ta' każijiet ta' fastidju sesswali jew dak ibbażat fuq is-sessi, kif ukoll li jiġu appoġġati l-istrutturi istituzzjonali ffukati fuq il-prevenzjoni tal-vjolenza sesswali jew abbażi tas-sessi; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jappoġġaw l-isforzi kollha biex jiġġieldu l-vjolenza sesswali u dik abbażi tas-sessi f'operazzjonijiet internazzjonali għaż-żamma tal-paċi u jiżguraw li l-informaturi u l-vittmi jiġu protetti b'mod effikaċi;

19.  Jilqa' n-numru akbar ta' azzjonijiet b'enfasi fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi (indikaturi G1 & G2), u r-rekwiżit għad-delegazzjonijiet biex jiġġustifikaw proġetti li m'għandhomx tali enfasi; jissottolinja li ż-żidiet ġenerali fi proġetti bħal dawn m'għandhomx isiru għad-detriment ta' proġetti speċifiċi mmirati lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi (indikatur G2), jirrakkomanda, għalhekk, mira speċifika għal proġetti tal-G2; jinnota li mhux ċar kif azzjonijiet immirati (G2) u integrati (G1) għandhom jikkumplimentaw lil xulxin; jitlob għal aktar sforzi li jiċċaraw l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u jżidu azzjonijiet immirati;

20.  Jinnota li huma biss ftit komponenti rikorrenti ta' ugwaljanza bejn is-sessi li huma applikati fl-għażla tal-programmi u tal-proġetti; jistieden lill-atturi tal-implimentazzjoni jużaw il-firxa sħiħa tal-oqsma tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

21.  Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, u kull forma ta' vjolenza bbażata fuq is-sessi inkluż it-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament sesswali, iż-żwieġ furzat, id-delitti għall-unur, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u l-użu ta' vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri kollha biex jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, bħala l-ewwel strument legalment vinkolanti li għandu fil-mira tiegħu l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa;

22.  Jiddispjaċih li n-nisa li jkunu esperjenzaw vjolenza jew li jkunu qed jesperjenzaw vjolenza mhumiex appoġġati b'mod ugwali kontra l-vjolenza mill-irġiel, f'termini ta' informazzjoni dwar, l-aċċess għal u l-għoti ta' kenn, servizzi ta' appoġġ u drittijiet, linji telefoniċi għall-għajnuna, ċentri ta' kriżi f'każ ta' stupru, eċċ; jenfasizza li l-Konvenzjoni ta' Istanbul għandha titfa' l-attenzjoni ewlenija tagħha fuq il-vjolenza tal-irġiel fuq in-nisa, filwaqt li tindirizza wkoll il-vjolenza kollha bbażata fuq is-sessi billi tindirizza il-vjolenza mmotivata mill-intersezzjoni ta' diversi raġunijiet, inklużi l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru; jenfasizza l-importanza ta' miżuri strateġiċi biex jiġu miġġielda b'mod proattiv l-isterjotipi tas-sessi u jiġu miġġielda tendenzi ta' patrijarkiżmu, razziżmu, sessiżmu, omofobija u transfobija, kif ukoll normattività bejn is-sessi u l-eteronormattività;

23.  Jiddispjaċih ħafna li l-ipprogrammar kurrenti, jidher li jwarrab id-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'sitwazzjonijiet ta' kriżi jew ta' kunflitti diffiċli, li fost riżultati oħra, fisser li l-bniet u n-nisa li huma vittmi ta' stupru fil-gwerra m'għandhomx aċċess għall-kura mhux diskriminatorja, u speċifikament għal kura medika komprensiva; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta b'mod sistematiku l-GAP II f'kuntesti umanitarji fejn irid jipprovdi aċċess mhux diskriminatorju għal servizzi mediċi, u tinforma b'mod attiv lis-sħab umanitarji tagħha li l-politika tal-Kummissjoni tipprevedi li, f'każijiet fejn it-tqala thedded il-ħajja tal-mara jew ta' tifla jew tikkawża sofferenza, id-dritt umanitarju internazzjonali jista' jiġġustifika l-offerta ta' abort sikur; jisħaq fuq il-fatt li l-provvista tal-għajnuna umanitarja min-naħa tal-UE u l-Istati Membri m'għandhiex tkun soġġetta għal restrizzjonijiet imposti minn donaturi sħab oħra fir-rigward ta' trattament mediku neċessarju, inkluż l-aċċess għal abort sikur għal nisa u bniet li huma vittmi ta' stupru f'kunflitti armati. jilqa' l-fatt li ħafna delegazzjonijiet tal-UE ffokaw fuq il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa; jinsisti f'dan il-kuntest fuq il-bżonn li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja u d-dinjità tan-nisa u l-bniet kollha billi jiġu miġġielda b'mod attiv il-prattiki dannużi bħall-ġeneruċidju; jenfasizza l-fatt li l-użu tal-istupru bħala arma tal-gwerra u oppressjoni jrid jiġi eliminat, u li l-UE trid tpoġġi pressjoni fuq il-gvernijiet ta' pajjiżi terzi u fuq il-partijiet interessati kollha implikati fir-reġjuni fejn tkun qed issir tali vjolenza bbażata fuq is-sessi, sabiex tintemm il-prattika, jitressqu l-awturi quddiem il-ġustizzja u ssir ħidma mas-sopravissuti, in-nisa affettwati u l-komunitajiet biex jgħinuhom ifiequ u jirkupraw;

24.  Jenfasizza li r-rispett universali u l-aċċess għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi jikkontribwixxu għall-ksib tal-għanijiet kollha tal-iżvilupp sostennibbli relatati mas-saħħa, bħall-kura prenatali u l-miżuri biex jiġi evitat ħlas b'riskju għoli u titnaqqas il-mortalità tat-trabi u tat-tfal; josserva li l-aċċess għall-ippjanar tal-familja, is-servizzi tas-saħħa materna u s-servizzi ta' abort sikuri u legali huma elementi importanti li jsalvaw il-ħajjiet tan-nisa; jiddispjaċih, madankollu, li l-prijoritajiet relatati mal-ippjanar tal-familja jew mas-saħħa riproduttiva huma injorati f'termini kemm ta' finanzjament kif ukoll ta' programmi; jinsab imħasseb li l-ebda delegazzjoni tal-UE fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq u fir-reġjuni tal-Ewropa u tal-Asja Ċentrali ma għażlet xi indikatur relatat mas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi minkejja l-bżonnijiet importanti fir-rigward tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi f'dawk ir-reġjuni; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE f'dawk ir-reġjuni jevalwaw mill-ġdid dawn iċ-ċifri inkwetanti sabiex jiddeterminaw jekk jistgħux jintrabtu ma' kwistjonijiet ta' rappurtar ħażin jew jekk hemmx bżonn li l-programmi kurrenti jiġu kkomplementati b'azzjonijiet immirati dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, u b'hekk jieħdu vantaġġ mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-ipprogrammar; jissottolinja l-fatt li l-kapitlu ddedikat dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi jrid jinżamm fir-rapport annwali sabiex jiżgura li l-impatt transformattiv tal-GAP II jiġi vvalutat kif suppost u li l-progress fil-qasam tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi jiġi identifikat b'mod xieraq mill-approċċ metodoloġiku tar-rapport;

25.  Jinnota li r-rapport juri l-ħtieġa għal azzjoni aktar b'saħħitha rigward l-SRHR bħala prekundizzjoni għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa kif ukoll in-neċessità għal għodda xierqa biex jitkejjel il-progress rigward l-iżgurar tal-aċċess universali għall-SRHR, kif miftiehem skont l-impenn tal-UE għall-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u d-dokument riżultanti tal-konferenzi ta' reviżjoni tagħhom skont l-SDG 5.6; ifakkar ukoll, f'dan ir-rigward, l-SDGs 3.7 u 5.3;

26.  Jiddispjaċih li f'kuntest ta' spazju tas-soċjetà ċivili li qed jonqos, l-Objettiv 18 li jiffoka fuq l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa qed jirċievi ftit attenzjoni; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-prijorità tematika dwar id-drittijiet politiċi u ċivili, u speċifikament il-parteċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fid-drittijiet politiċi u ċivili, ma ġietx enfasizzata fl-implimentazzjoni tal-GAP II;

Rakkomandazzjonijiet ewlenin għall-Kummissjoni/SEAE

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jieħdu passi ulterjuri biex jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn id-delegazzjonijiet u l-unitajiet fit-titjib fl-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi, bħall-istabbiliment u l-promozzjoni ta' netwerk ta' punti fokali tas-sessi u l-kondiviżjoni ta' eżempji aktar pożittivi ta' prattika ta' suċċess, li jinkludu iżda li mhumiex limitati għal formulazzjoni ta' programm, implimentazzjoni u analiżi sistemika tas-sessi, u sabiex jiġi żgurat li l-analiżi tas-sessi jkollha impatt effettiv fuq il-programmi implimentati mid-delegazzjonijiet tal-UE;

28.  Jirrimarka li sar progress sinifikanti f'oqsma differenti ta' prijorità, madankollu ġie nnutat li xi wħud għamlu avvanz aktar kajman minn kif seta' kien mistenni; jistieden lill-Kummissjoni teżamina permezz ta' studju r-raġunijiet għaliex ċerti objettivi tematiċi u oqsma ta' prijorità jiġu ta' spiss ikkunsidrati mid-delegazzjonijiet tal-UE u b'kisba ta' progress akbar;

29.  Jappella għat-tisħiħ tal-kapaċità tar-riżorsi umani ddedikati għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fi ħdan is-servizzi tal-Kummissjoni, permezz ta' taħriġ imfassal apposta u riorganizzazzjoni tal-istrutturi eżistenti u persunal addizzjonali; jissuġġerixxi li taħriġ tal-persunal imtejjeb, immirat speċjalment lejn uffiċjali għolja fir-rwoli maniġerjali u li jinkludi taħriġ speċifiku dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza bejn is-sessi fi gruppi aktar vulnerabbli, kif ukoll l-eżistenza ta' punt fokali fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi għal kull unità u grupp ta' koordinazzjoni għal kwistjonijiet b'rabta mas-sessi fost l-unitajiet f'DĠ DEVCO, DĠ NEAR u s-SEAE, jgħinu aktar biex tiġi integrata l-perspettiva tas-sessi fost l-unitajiet tal-politika esterna; iqis li t-titjib u l-ispeċjalizzazzjoni ulterjuri fit-taħriġ dwar kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandhom isiru disponibbli wkoll għas-sħab lokali fil-livell tal-gvern u fost l-atturi mhux statali, inklużi l-NGOs;

30.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati l-koerenza u l-komplementarjetà fost l-istrumenti u l-politiki esterni kollha eżistenti tal-UE fir-rigward tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż il-Kunsens il-ġdid dwar l-Iżvilupp, il-pakkett tar-riżorsi tal-UE dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-kooperezzjoni għall-iżvilupp u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;

31.  Jilqa' n-nota ta' gwida tat-8 ta' Marzu 2016 li tiddeskrivi r-riżorsi u l-għodod għall-implimentazzjoni tal-GAP II li tapplika għal DĠ DEVCO u s-SEAE u jappella għall-għoti ta' nota ta' gwida lis-servizzi Ewropej kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-GAP II;

32.  Jilqa' t-tnedija tal-inizjattiva globali konġunta bejn l-UE u n-NU dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi ("l-Inizjattiva Spotlight"), f'konformità mal-objettiv tal-GAP II li jindirizza l-vjolenza sesswali u sessista u prattiki dannużi bħall-MĠF, żwieġ prekoċi u furzat, jew traffikar tal-bnedmin; jinnota, madankollu, li l-Inizjattiva Spotlight tindirizza prinċipalment l-elementi tal-aġenda li diġà jirrappreżentaw tħassib kondiviż madwar id-dinja, kif jidher fir-rapport ta' implimentazzjoni u għalhekk jissottolinja l-ħtieġa li l-ugwaljanza bejn is-sessi titjieb b'mod aktar komprensiv, permezz ta' taħlita adegwata ta' programmi u modalitajiet; jitlob biex l-Inizjattiva Spotlight tingħata fondi addizzjonali li mhumiex diġà allokati għall-ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-Kummissjoni tuża r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi ta' kooperazzjoni internazzjonali tagħha biex iżżid il-finanzjament għall-Pakkett ta' Riżorsi għal kwistjonijiet dwar is-Sessi sabiex twettaq l-għanijiet ambizzjużi tal-GAP II, inkluża l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-kooperazzjoni bilaterali u permezz ta' programmi tematiċi;

33.  Jenfasizza li l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel irid jiġi promoss u integrat mill-UE fir-relazzjonijiet esterni tagħha; jinnota, madankollu, li r-rabta bejn il-kummerċ u s-sessi mhijiex indirizzata biżżejjed fil-GAP II u b'mod aktar ġenerali l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi tibqa' sfida multidimensjonali; ifakkar, f'dan ir-rigward, li n-negozjati ta' ftehimiet kummerċjali, u speċjalment tal-kapitoli tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp Sostenibbli li jkopru d-drittijiet tal-ħaddiema, jirrappreżentaw għodda importanti għall-avvanz tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u għall-emanċipazzjoni f'pajjiżi terzi; jistieden, għaldaqstant, lil DĠ Kummerċ jieħu passi biex jimplimenta l-GAP II f'ħidmietu u biex il-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE jinkludu d-drittijiet tal-bniet u n-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, bħala muturi tat-tkabbir ekonomiku, u jirrispetta l-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO dwar id-drittijet tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tal-ħaddiema, anke dwar ix-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal; ifakkar fil-ħtieġa li jiġi mmonitorjat l-impatt tal-politiki kummerċjali tal-UE dwar l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi matul l-implimentazzjoni tagħhom;

34.  Jinnota li l-emanċipazzjoni tal-bniet u n-nisa hi waħda mill-għanijiet iddikjarati tal-azzjoni esterna tal-UE permezz tal-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà; jinnota li r-rwol tan-nisa fin-negozjati għall-paċi u fil-medjazzjoni kif intiż fil-GAP II mhuwiex biżżejjed; jenfasizza r-rwol importanti tan-nisa fil-promozzjoni tad-djalogu u l-bini tal-fiduċja, fil-bini ta' koalizzjonijiet favur il-paċi u biex jiġu introdotti perspettivi differenti dwar it-tifsira tal-paċi u s-sigurtà, partikolarment fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt u r-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti; jinnota li l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa f'pajjiżi fi kriżi jew mifnija minn kunflitti tippromwovi komunitajiet aktar b'saħħithom u aktar reżiljenti; jilqa' l-ħatra fi ħdan is-SEAE ta' Konsulent Prinċipali dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, kif ukoll l-Implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 1325 dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà; iħeġġeġ it-tisħiħ tal-azzjoni mill-Istati Membri tal-UE u dik internazzjonali permezz tan-NU, sabiex jiġi indirizzat b'aktar effikaċja l-impatt ta' sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitt fuq in-nisa u l-bniet; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa n-Netwerk il-ġdid ta' Punti Fokali globali dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà; jinnota l-importanza tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2250 dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà kif ukoll l-importanza li jinstabu l-aħjar modi possibbli biex l-UE timplimenta din ir-riżoluzzjoni;

35.  Ifakkar fit-talba tiegħu, fir-rigward tan-negozjati kummerċjali maċ-Ċilì, biex jiġi inkluż kapitolu speċifiku dwar il-kummerċ, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa; jenfasizza li l-proposta biex jiġi inkluż tali kapitolu ddedikat fi ftehim kummerċjali issa qed issir realtà għall-ewwel darba; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun magħruf il-kontenut ta' dan il-kapitolu u ssir evalwazzjoni tiegħu bil-għan li sussegwentement jittieħdu deċiżjonijiet f'livell aktar ġenerali; iħeġġeġ lill-UE tintroduċi miżuri trasversali fi ftehimiet kummerċjali sabiex tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-iskambju tal-aħjar prattiki u biex in-nisa jkollhom benefiċċji akbar mill-ftehimiet kummerċjali;

36.  Jappella sabiex id-data diżaggregata skont is-sess tinġabar fis-setturi ewlenin l-aktar milquta minn ftehimiet kummerċjali sabiex tipprovdi għodda utli biex tipprevedi kemm jista' jkun b'mod preċiż kif il-ħajjiet tan-nisa jistgħu jkunu affettwati u tiġġieled kull impatt negattiv; jappella wkoll biex jitwaqqaf mekkaniżmu apposta għall-iskop ta' monitoraġġ u tisħiħ tal-politika dwar is-sessi skont il-ftehimiet kummerċjali;

37.  Jilqa' l-prijorità tematika dwar l-għoti tas-setgħa ekonomika u soċjali u l-analiżi tal-ostakli fl-aċċess tar-riżorsi produttivi inklużi l-attivitajiet tal-art u l-attivitajiet korrispondenti; itenni li filwaqt li l-UE impenjat ruħha biex tinvesti fl-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tal-agrikoltura, il-bdiewa nisa mhumiex il-mira primarja tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp tal-agrikoltura (ODA) u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jallokaw aktar riżorsi lill-bdiewa nisa, skont l-Objettiv 5 tal-GAP II;

38.  Jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-istituzzjonijiet biex itejbu b'mod sostanzjali l-proporzjon tan-nisa fi ħdan delegazzjonijiet tal-UE, b'mod partikolari f'pożizzjonijiet ta' tmexxija ta' delegazzjoni, peress li bħalissa hemm 28 kap mara ta' delegazzjoni minn 138, kif ukoll nisa li huma kapijiet ta' missjoni (bħalissa hemm 5 minn 17); Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jimplimentaw b'mod effiċjenti l-politiki mmirati biex jiffaċilitaw l-aċċess tan-nisa għall-karigi ta' tmexxija u karigi maniġerjali; jirrimarka l-preżenza baxxa tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet, fatt li jindika l-eżistenza ta' ostakoli inviżibbli li jipprevenuhom milli jokkupaw pożizzjonijiet ta' responsabbiltà akbar;

39.  Jenfasizza li s-suċċess tal-GAP II fl-aħħar mill-aħħar se jiddependi fuq impenn fit-tul u konsistenti ta' atturi tal-UE anzjani u politiċi ta' livell għoli kif ukoll fuq id-disponibbiltà ta' biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji għall-implimentazzjoni tiegħu u fuq l-adattament tal-isforzi tal-UE għar-realtajiet lokali fil-pajjiżi reċipjenti; jilqa', f'dan ir-rigward, l-impenn pożittiv mill-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp u jħeġġeġ aktar impenn minn Kummissarji oħra; jinnota li hija meħtieġa aktar tmexxija politika mir-Rappreżentant Għoli u mill-maniġers sabiex jiżdiedu r-riżorsi u l-obbligu ta' rendikont u biex jikkoordinaw u jsaħħu dan l-involviment fis-snin li ġejjin; jappella lill-atturi kollha tal-UE jużaw il-Pakkett ta' Riżorsi għal kwistjonijiet dwar is-sessi sabiex jiżguraw li l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi tkun applikata b'mod konsistenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi tal-GAP II;

40.  Jikkundanna bil-qawwa l-integrazzjoni mill-ġdid u l-espansjoni tal-politika tal-Belt tal-Messiku (l-hekk imsejħa "Global Gag Rule") mill-Istati Uniti f'Jannar tal-2017 u l-impatt tagħha fuq d-drittijiet tal-kura tas-saħħa globali tan-nisa u l-bniet u tad-drittijiet tagħhom; itenni l-appell tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw b'mod proattiv id-drittijiet tan-nisa u l-bniet fid-dinja kollha u biex iżidu b'mod sinifikanti l-finanzjament għall-iżvilupp, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, b'mod partikolari għall-aċċess għall-kontraċezzjoni u għall-abort sigur u legali, bil-għan li jimtela l-vojt li ħallew l-Istati Uniti f'dan il-qasam fejn jidħol il-finanzjament;

41.  Jistieden lis-SEAE jtejjeb l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar l-LGBTI u jiżgura li d-delegazzjonijiet tal-UE jikkonsultaw regolarment mal-organizzazzjonijiet tal-LGBTI u jinfurmawhom dwar x'inhu jsir fir-rigward tad-drittijiet tal-LGBTI, jiżgura li l-livell ta' impenn u l-azzjonijiet meħuda jiddependu mill-ħtiġijiet tal-komunità tal-LGBTI f'pajjiż u mhux mill-impenn personali tal-persunal tad-Delegazzjoni u jikkoordina strateġiji u azzjonijiet mhux biss mal-Ambaxxati Nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE, iżda saħansitra mal-Ambaxxati ta' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU;

42.  Jinnota li se jkun meħtieġ finanzjament adegwat għall-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet esterni sabiex isostni l-impenn politiku għal dan il-għan; jenfasizza li l-finanzjament kurrenti għall-ugwaljanza bejn is-sessi u għall-azzjonijiet tal-emanċipazzjoni tan-nisa għadu inadegwat u jħeġġeġ biex din is-sitwazzjoni titranġa fil-QFP li jmiss;

Rakkomandazzjonijiet ewlenin għad-delegazzjonijiet tal-UE

43.  Jilqa' l-flessibbiltà li l-GAP II jagħti lid-delegazzjonijiet biex jagħżlu l-prijoritajiet skont il-kuntest ta' pajjiżhom, peress li dan jippermetti analiżi ta' każ b'każ u valutazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull pajjiż jew reġjun, u b'hekk tiġi indirizzata l-isfida partikolari tat-tisħiħ tad-drittijiet tan-nisa u l-emanċipazzjoni ekonomika tagħhom; jirrakkomanda, madankollu, li d-delegazzjonijiet għandhom jitħeġġew juru progress mill-inqas fi prijorità waħda għal kull pilastru tematiku sal-aħħar tal-GAP II, biex tiġi żgurata kopertura aktar uniformi tal-oqsma tematiċi differenti bħat-tisħiħ tal-politiki u miżuri li jippromwovu l-edukazzjoni għall-bniet u l-implikazzjonijiet tagħhom f'termini ta' għoti tas-setgħa ekonomika u tas-saħħa; iħeġġeġ li jkun hemm enfasi fuq is-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet f'żoni milquta mill-kunflitti, kif ukoll fuq il-vjolenza sessista, u bl-aktar mod partikolari l-użu tal-istupru bħala arma tal-gwerra; ikompli jfakkar li l-azzjonijiet u l-proġetti ffinanzjati mill-UE għandu sistematikament ikollhom l-għan li jindirizzaw l-inugwaljanzi bejn is-sessi u d-diskriminazzjoni;

44.  Ifakkar fl-obbligu skont it-Trattati li tiġi applikata l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet kollha tal-UE, fosthom id-djalogi politiċi u d-djalogi ta' politika settorjali kollha, u f'oqsma bħall-enerġija, l-agrikoltura, it-trasport, l-edukazzjoni u l-amministrazzjoni pubblika li s'issa rċevew inqas attenzjoni; jinsisti li l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi għandha tiġi integrata fil-pjanijiet nazzjonali u fl-oqfsa tal-politika sabiex tiżgura s-sjieda u r-responsabbiltà tal-pajjiżi sħab, għalhekk ifakkar fl-importanza tal-appoġġ tal-proġetti ta' żvilupp promossi min-nisa mill-pajjiżi kkonċernati; jirrimarka l-importanza li ssir ħidma ma' pajjiżi sħab dwar l-ibbaġittjar nazzjonali sensittiv għall-kwistjonijiet bejn is-sessi;

45.  Jappella li tiġi stabbilita linja baġitarja ddedikata dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi sabiex jiġi indirizzat b'mod aktar prominenti l-livell ta' parteċipazzjoni politika u ta' rappreżentanza tan-nisa fil-pajjiżi ġirien tal-UE u fi ħdan l-UE nnifisha; jenfasizza li dawn il-programmi għandhom jiġu integrati bis-sħiħ fil-miri u l-programmi ta' UN Women u għandhom jistipulaw miri li jistgħu jitkejlu sabiex ikun jista' jiġi segwit b'mod regolari l-progress dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, biex tissaħħaħ il-koperazzjoni u biex ikun hemm parteċipazzjoni akbar mal-gvernijiet tal-pajjiżi sħab, bl-għan li jinkisbu riżultati aħjar aktar malajr, fil-kuntest ta' ftehimiet bilaterali ta' sħubija u ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni;

46.  Jinnota li t-taħriġ tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi qed isir biss f'xi delegazzjonijiet u li proporzjon kbir mill-persunal imħarreġ kellu status kuntrattwali b'postijiet temporanji; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jirranġaw din is-sitwazzjoni;

47.  Jenfasizza l-importanza, matul id-djalogu politiku, li titjieb il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-edukazzjoni, fl-attivitajiet ekonomiċi, fl-impjieg u fin-negozju bħala mezz prijoritarju biex titjieb il-pożizzjoni tal-mara fis-soċjetà;

48.  Jissottolinja l-importanza li titwettaq analiżi sistematika b'rabta mas-sessi, billi tintuża, meta jkun possibbli, data diżaggregata skont is-sess u l-età, bil-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u gruppi tan-nisa, organizzazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u awtoritajiet lokali u reġjonali għall-għażla u l-valutazzjoni tal-għażla tal-objettivi, il-mezzi ta' implimentazzjoni u s-sorsi ta' disponibbiltà, u l-effikaċja u s-sostenibbiltà tal-eżiti; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li tlestew 42 analiżi tal-pajjiżi b'rabta mas-sessi, u jħeġġeġ finalizzazzjoni rapida għall-pajjiżi l-oħrajn kollha u użu ferm akbar ta' kriterji għall-ugwaljanza bejn is-sessi fis-sistemi ta' monitoraġġ u l-proċessi ta' evalwazzjoni tal-programmi u l-proġetti, u jappella biex l-analiżi b'rabta mas-sessi tiżvolġi rwol fid-definizzjoni ta' objettivi, programmi, proġetti u djalogu għall-istrateġija tal-pajjiż; iħeġġeġ lill-UE tesplora l-possibbiltajiet għal kondiviżjoni, ġestjoni u aġġornament tal-analiżi tas-sessi b'mod aktar sistematiku, biex b'hekk titjieb il-koordinazzjoni u biex ma tillimitax l-analiżi b'rabta mas-sessi għal oqsma tal-politika bħall-edukazzjoni u s-saħħa materna, iżda biex tqis ukoll oqsma tal-politika, li attwalment huma meqjusa b'mod żbaljat bħala newtrali fir-rigward tas-sessi, partikolarment l-agrikoltura, il-klima jew l-enerġija;

49.  Jinnota li l-Kummissjoni, fid-Dokument Konġunt ta' Ħidma tal-Persunal dwar il-qafas 2016-2020, irrikonoxxiet li l-investiment finanzjarju tal-UE fl-ugwaljanza bejn is-sessi ma kienx imkejjel b'mod sistematiku; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ ċar, immexxi mir-riżultati, li jistabbilixxi standards għoljin għall-mekkaniżmi ta' rappurtar, ta' evalwazzjoni u ta' responsabbiltà, kif ukoll tippromwovi t-teħid tad-deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza sabiex ir-riżorsi finanzjarji jintużaw b'mod aktar effiċjenti u effikaċi; jitlob rapport li jistabblixxi b'mod eżatt kemm finanzjament kien impenjat b'mod speċifiku għall-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll biex jiġu identifikati l-aktar għanijiet notevoli li nkisbu;

50.  Jenfasizza l-bżonn li jkompli jitjieb il-ġbir tad-data fil-livell nazzjonali u jiġu żviluppati indikaturi speċifiċi b'miri bbażati fuq dawk l-indikaturi kif ukoll l-importanza tal-monitoraġġ tagħhom allinjat mal-qafas tal-SDGs;

51.  Ifakkar li d-drittijiet tan-nisa huma drittijiet tal-bniedem u jinkoraġġixxi biex issir ħidma ulterjuri fir-rigward tal-indirizzar ta' normi soċjali u kulturali u sterjotipi marbutin mas-sessi fis-soċjetajiet, permezz ta' aktar kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet ta' bażi favur id-drittijiet tan-nisa u l-għoti tas-setgħat, partikolarment fil-kuntest ta' stat fraġli u f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' emerġenza; Jemmen li l-ħolqien ta' netwerks ġodda jew l-iżvilupp ta' dawk eżistenti u l-involviment tal-atturi kollha, inkluż is-settur privat, huma essenzjali, hekk kif inhu l-iżvilupp ta' sħubiji pubbliċi-privati, jekk ikun possibbli; jenfasizza l-bżonn li jkun hemm rwol dejjem akbar ta' nisa fil-komunitajiet lokali u fl-NGOs biex jimmonitorjaw lill-awtoritajiet u jżommuhom responsabbli; jistqarr li aktar milli nirrappreżentaw lin-nisa u lill-bniet bħala "vulnerabbli", għandu jsir enfasi fuq ir-rwol tagħhom bħala aġenti tal-bidla u l-iżvilupp u bħala aġenti għall-paċi fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti; jenfasizza li l-inklużjoni u l-involviment attiv tas-subien u l-irġiel huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata ugwaljanza reali bejn in-nisa u l-irġiel; iħeġġeġ, għaldaqstant, edukazzjoni mifruxa għal bidla fl-imġiba fir-rigward ta' vjolenza sessista, bl-involviment tal-irġiel u s-subien u l-komunitajiet kollha; jenfasizza li n-normi soċjali fir-rigward tar-rwoli tan-nisa u tal-irġiel ipoġġu lin-nisa f'sitwazzjoni ta' vulnerabbiltà akbar, partikolarment rigward is-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom, li tikkonċerna prattiki dannużi bħall-MĠF, jew żwieġ fit-tfulija, żwieġ prekoċi u furzat;

52.  Jistieden lill-UE tippromwovi oqfsa u strateġiji ġuridiċi li jħeġġu parteċipazzjoni akbar u aktar effikaċi tan-nisa fiż-żamma tal-paċi, fil-bini tal-paċi u fil-proċessi ta' medjazzjoni, fil-militar tal-UE u fil-missjonijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet ċivili, skont il-UNSCR 1325 dwar in-Nisa u l-Paċi u s-Sigurtà, b'enfasi partikolari fuq il-vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti; għal dan il-għan, iqis li l-analiżi tal-kunflitt sensittiv għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi, f'konsultazzjoni ma' atturi mill-komunità u organizzazzjonijiet tan-nisa, tista' tippermetti fehim aħjar tar-rwol tan-nisa fil-kunflitt;

53.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' allokazzjonijiet baġitarji għal programmi ta' prevenzjoni taż-żwieġ tat-tfal, li jimmiraw li joħolqu ambjent fejn il-bniet jistgħu jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom, inkluż permezz ta' programmi edukattivi, soċjali u ekonomiċi għall-bniet li ma jmorrux skola, skemi ta' protezzjoni tat-tfal, tan-nisa u tal-bniet u postijiet ta' kenn, konsulenza legali u appoġġ psikoloġiku;

54.  Jisħaq fuq l-importanza li jiżdied l-involviment, permezz ta' djalogu regolari u koordinazzjoni, tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u partijiet interessati oħrajn bħall-atturi tad-drittijiet tal-bniedem, tas-saħħa jew ambjentali mad-Delegazzjonijiet tal-UE, peress li din il-kooperazzjoni se tikkontribwixxi biex ittejjeb il-viżibbiltà u l-implimentazzjoni tal-GAP II, u b'hekk jiżdied l-obbligu ta' rendikont pubbliku sabiex titjieb l-ugwaljanza bejn is-sessi;

55.  Jinsab imħasseb li mhix tingħata biżżejjed attenzjoni lill-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa, meta wieħed iqis li bħalissa jinsabu taħt pressjoni enormi minħabba l-ispazju ċiviku li qed jiċkien f'bosta reġjuni; jinsab ugwalment imħasseb li l-prijorità tematika dwar drittijiet politiċi u ċivili, u speċifikament il-parteċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fid-drittijiet politiċi u ċivili, ma ġietx enfasizzata fl-implimentazzjoni tal-GAP II;

56.  Jistieden lid-Delegazzjonijiet tal-UE jiżguraw ġbir tad-data effettiv u regolari dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, jelaboraw rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u jippromwovu t-twaqqif ta' mekkaniżmi protettivi u strutturi ta' appoġġ adegwati għall-vittmi;

Rakkomandazzjonijiet ewlenin għall-Parlament Ewropew

57.  Iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-Parlament, biex fil-ħidma tagħhom mal-pajjiżi sħab tagħhom, jistaqsu b'mod sistematiku dwar l-ipprogrammar fir-rigward tas-sessi, ir-riżultati tal-analiżi dwar l-ugwaljanza b'rabta mas-sessi, u l-ħidma dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll dwar l-emanċipazzjoni tan-nisa fil-programmi tagħhom tal-missjonijiet; jistieden lill-Parlament jiżgura bilanċ aħjar bejn is-sessi fis-sħubija tad-delegazzjonijiet tiegħu;

58.  Jappella biex il-Kummissjoni tagħmel disponibbli r-rapporti ta' analiżi tal-pajjiżi b'rabta mas-sessi u biex dawn ir-rapporti jiġu inklużi fil-laqgħat ta' informazzjoni għad-delegazzjonijiet kollha tal-Parlament għall-pajjiżi terzi;

59.  Jirrakkomanda li l-Parlament għandu jeżamina r-rapporti ta' implimentazzjoni futuri tal-GAP II perjodikament u possibbilment kull sentejn;

Rakkomandazzjonijiet ewlenin għal rappurtar futur

60.  Jissottolinja l-ħtieġa għal metodu ssimplifikat ta' rappurtar li jnaqqas kemm jista' jkun il-burokrazija; jappella biex rapporti futuri dwar l-implimentazzjoni jiġu finalizzati u rilaxxati fi żmien iqsar; jitlob li jiġu żviluppati rappurtar online u mudelli ċari kif ukoll li jinħareġ ktieb ta' gwida li jiffaċilita x-xogħol tad-delegazzjonijiet;

61.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-inklużjoni u r-rappreżentanza tan-nisa f'oqsma ekonomiċi li huma importanti għall-iżvilupp sostenibbli; jisħaq li n-negozju għandu rwol importanti x'jaqdi fit-tisħiħ tad-drittijiet tan-nisa; jappella, f'dan il-kuntest, li jingħata appoġġ akbar lill-SMEs lokali, b'mod partikolari lil imprendituri nisa, permezz ta' mikrokreditu, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tkabbir immexxi mis-settur privat;

62.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi appoġġat it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-mekkaniżmi nazzjonali statistiċi f'pajjiżi sħab, billi tiġi kkoordinata b'mod effikaċi l-assistenza finanzjarja u teknika sabiex tippermetti l-kejl, il-monitoraġġ u l-ġestjoni aħjar tar-riżultati miksuba fil-qasam tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor data diżaggregata skont is-sess fl-implimentazzjoni ta' programmi ffinanzjati mill-UE dwar l-emanċipazzjoni tan-nisa;

64.  Jirrimarka l-bżonn mhux biss għal politiki sodi ta' integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, iżda anke għal rapporti dwar azzjonijiet prattiċi speċifiċi - partikolarment f'oqsma sensittivi bħas-saħħa sesswali u riproduttiva - li bihom jista' jitkejjel l-impatt veru fuq il-ħajjiet tan-nisa u l-bniet, u tal-irġiel u tas-subien ukoll;

65.  Ifakkar madankollu li l-inklużjoni tas-sess fid-data tmur lil hinn mill-ġbir tad-data diżaggregata skont is-sess u jappella biex jitjieb il-ġbir tad-data sabiex tkun tista' ssir analiżi kwalitattiva tas-sitwazzjoni tan-nisa, pereżempju, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

66.  Jenfasizza l-bżonn li titjieb l-affidabbiltà tal-analiżi b'rabta mas-sessi billi d-data miġbura mid-delegazzjonijiet tal-UE tiġi armonizzata b'mod li tkun komparabbli;

67.  Jirrimarka li huwa meħtieġ mhux biss li jiġu kkonsultati s-sħab internazzjonali u nazzjonali, l-akkademja, it-think tanks, u l-organizzazzjonijiet tan-nisa, iżda wkoll li jiġi żgurat li l-input u l-għarfien tagħhom jintużaw fil-monitoraġġ tal-attivitajiet u l-programmi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi ffinanzjati mill-UE;

68.  Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniet u n-nisa bħala migranti, rifuġjati u bħala dawk li jfittxu asil, meta jimplimentaw u jiżviluppaw il-politika tal-migrazzjoni tal-UE; jappella, f'dan il-kuntest, għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-parteċipazzjoni fl-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA flimkien mal-gwardji tal-kosta Libjani, fid-dawl ta' rapporti ta' vjolenza sesswali sistematika kontra n-nisa fiċ-ċentri ta' detenzjoni fuq it-territorju Libjan.

69.  Jinnota li l-kunċett tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi għadu mhuwiex mifhum sew, u li hemm bżonn ta' rappurtar kwalitattiv aħjar li jkun jippermetti evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-GAP fi ħdan politiki u proġetti eżistenti; Jirrimarka l-bżonn ta' għanijiet tanġibbli u attivitajiet marbuta ma' punti ta' referenza ċari u speċifiċi u skeda stretta, u l-bżonn ta' valutazzjoni kwalitattiva ta' data li turi l-impatt veru li kellhom miżuri implimentati fuq pajjiżi benefiċjarji, b'tali mod li jiġi żgurat li l-GAP II iservi ta' mekkaniżmu ġenwin ta' prijoritizzazzjoni u ta' implimentazzjoni tal-politika u mhux biss bħala għodda interna ta' rappurtar;

o
o   o

70.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 349, 17.10.2017, p. 50.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0026.
(3) https://www.ilga-europe.org/sites/default/files/Attachments/report_on_the_implementation_of_the_eu_lgbti_guidelines_2016.pdf
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0365.


L-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ
PDF 192kWORD 70k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ (2017/2259(INI))
P8_TA(2018)0240A8-0162/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 14, 15, 21, 24 u 32 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, irratifikata mill-UE fl-2010,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi 'Erasmus+': il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar Pjan ta' Ħidma għall-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-2016-2018(2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7-8 ta' Frar 2013 biex tinħoloq Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018)(5),

–  wara li kkunsidra l-Evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("ET 2020")(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 dwar il-futur tal-programm Erasmus+(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi 'Erasmus+': il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE(9),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni, adottata fil-laqgħa informali tal-ministri għall-edukazzjoni tal-UE fis-17 ta' Marzu 2015 f'Pariġi,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (mill-2010 sal-2018), adottat mill-Kunsill fit-23 ta' Novembru 2015(10),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali(11),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Awwissu 2015 bit-titolu "Abbozz tar-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ (ET2020) - Prijoritajiet Ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ" (COM(2015)0408),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "EWROPA 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Jannar 2018, bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali" (COM(2018) 0022),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar il-valutazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ 2013-2015(12),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2014 dwar Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships(13),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-25 ta' Novembru 2008 dwar il-politika taż-żgħażagħ tal-Kunsill tal-Ewropa (CM/Res(2008)23),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-31 ta' Mejju 2017 dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ (CM/Rec(2017)4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar it-tagħlim tal-UE fl-iskejjel(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ(15),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018)(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE(17),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Parallel dwar il-Politika dwar iż-Żgħażagħ ippubblikat mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ dwar l-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ(18),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' pożizzjoni bit-titolu "Engage. Inform. Empower" (Involvi. Informa. Agħti s-setgħa) tal-Aġenzija Ewropea għall-Informazzjoni u l-Konsulenza taż-Żgħażagħ (ERYICA),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) ta', u l-Anness 3 għad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0162/2018),

A.  billi l-impatt negattiv tar-reċessjoni fuq il-prospetti taż-żgħażagħ biex jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom għadu jinħass madwar l-Unjoni Ewropea;

B.  billi bosta Stati Membri, b'mod partikolari dawk fin-Nofsinhar tal-Ewropa, għad fadlilhom ftit biex jilħqu l-livelli tagħhom ta' qabel il-kriżi f'numru ta' indikaturi taż-żgħażagħ, bħall-impjiegi, il-benesseri u l-protezzjoni soċjali;

C.  billi t-tnaqqis tad-disparitajiet huwa evidenti fil-livell reġjonali madwar l-UE; billi bosta reġjuni għad għandhom rati ta' impjieg aktar baxxi mil-livelli tagħhom ta' qabel il-kriżi;

D.  billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ kien qiegħed jonqos gradwalment f'dawn l-aħħar snin, għalkemm, skont il-Eurostat, ir-rata kienet ta' 16,1 % f'Jannar 2018, u saħansitra aktar minn 34 % f'xi Stati Membri; billi, jekk inqabblu ċ-ċifri mill-2008 (15,6 %), nistgħu nikkonstataw li r-rata żdiedet; billi dawn iċ-ċifri jipprevjenu li jkun hemm soluzzjoni waħda li tgħodd għal kulħadd jekk irridu nilħqu l-potenzjal sħiħ taż-żgħażagħ; billi hemm rati għolja b'mod preokkupanti ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fir-reġjuni ultraperiferiċi, b'uħud minn dawk ir-reġjuni jirreġistraw rati ta' aktar minn 50 %, bħalma huwa l-każ ta' Mayotte;

E.  billi l-gruppi żvantaġġati, bħal minoranzi etniċi, persuni bi bżonnijiet speċjali, nisa, LGBTIQ, migranti u rifuġjati – li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' ostakli biex jidħlu fis-suq tax-xogħol, u jaċċessaw il-kultura, is-servizzi soċjali u l-edukazzjoni – huma dawk li jiġu affettwati l-aktar mill-kriżi soċjoekonomika;

F.  billi l-edukazzjoni tgħin fit-tnaqqis tal-effett ta' inugwaljanzi soċjoekonomiċi, filwaqt li tipprovdi l-ħiliet u l-kompetenzi li huma meħtieġa sabiex titnaqqas it-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-iżvantaġġi;

G.  billi n-nuqqas ġenerali ta' investiment fiż-żgħażagħ u d-drittijiet taż-żgħażagħ se jipprevjeni liż-żgħażagħ milli jitolbu, jeżerċitaw u jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u se jikkontribwixxi biex jiggravaw fenomeni bħal popolazzjonijiet li qegħdin jonqsu, it-tluq bikri mill-iskola, in-nuqqas ta' kwalifiki professjonali u vokazzjonali, id-dħul tardiv fis-suq tax-xogħol, in-nuqqas ta' indipendenza finanzjarja, il-funzjonament potenzjalment ħażin tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, il-prekarjetà u l-esklużjoni soċjali;

H.  billi l-problemi li jaffaċċjaw iż-żgħażagħ fl-impjieg, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, kif ukoll fl-involviment soċjali u politiku mhumiex uniformi, filwaqt li xi gruppi huma affettwati b'mod aktar sproporzjonat minn oħrajn; billi huwa meħtieġ aktar sforz biex jiġu appoġġati dawk li huma l-aktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol jew kompletament separati minnu;

I.  billi l-konservazzjoni tal-iskejjel lokali u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni fir-reġjuni kollha Ewropej hija essenzjali għat-titjib tal-edukazzjoni taż-żgħażagħ u jekk l-UE trid toffri lir-reġjuni l-appoġġ sħiħ tagħha f'din l-isfida;

J.  billi l-edukazzjoni, id-djalogu interkulturali, il-komunikazzjoni strateġika u kooperazzjoni eqreb bejn l-Istati Membri b'mod partikolari, għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fil-prevenzjoni tal-emarġinazzjoni u tar-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ u fit-tiżjid tar-reżiljenza tagħhom;

K.  billi ż-żgħażagħ għandhom jiġu involuti b'mod attiv fl-ippjanar, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-politiki kollha li għandhom impatt fuq iż-żgħażagħ; billi 57 % tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-UE jqisu li l-kompetenzi tagħhom ma jitqisux fil-proċess tat-tfassil tal-politiki dwar iż-żgħażagħ(19);

L.   billi huwa importanti li l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jiggarantixxu livell adegwat ta' rappreżentanza u inklużività taż-żgħażagħ sabiex ikunu kompletament leġittimi;

M.  billi l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ hija strateġija ta' kontinwità, fi stat kontinwu ta' perfezzjonament, bl-objettivi tagħha għadhom vasti u ambizzjużi ħafna; billi jirriżulta li hemm nuqqas ta' parametri ta' referenza debitament stabbiliti;

N.  billi l-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ (EYS) 2010-2018 tenfasizza l-ħtieġa għal djalogu strutturat bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet;

O.  billi l-EYS għandha bħala objettiv massimu li żżid in-numru ta' opportunitajiet u tiżgura l-ugwaljanza tal-opportunitajiet għaż-żgħażagħ Ewropej kollha;

P.  billi ż-żgħażagħ għandhom jiġu megħjuna u mogħtija s-setgħa sabiex jindirizzaw il-problemi tassew serji li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom bħalissa u biex jindirizzaw l-isfidi li se jħabbtu wiċċhom magħhom fil-futur permezz ta' politiki dwar iż-żgħażagħ iktar rilevanti, effettivi u kkoordinati aħjar, edukazzjoni mtejba u aċċessibbli u l-użu mmirat tal-politiki ekonomiċi, tal-impjieg u soċjali fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE;

Q.  billi fis-snin reċenti l-UE nediet għadd ta' inizjattivi bħall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-qafas tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ bil-għan li jinħolqu aktar opportunitajiet u opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ kollha fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol u jiġu promossi l-inklużjoni, l-emanċipazzjoni u l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fis-soċjetà;

R.  billi hemm ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-azzjoni tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ permezz tal-inklużjoni ta' dimensjoni taż-żgħażagħ fil-politiki u programmi ta' finanzjament attwali u futuri u li din tiġi stabbilita fl-oqsma ta' politika kollha essenzjali, bħall-ekonomija, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, il-koeżjoni, is-saħħa, in-nisa, il-parteċipazzjoni, il-migrazzjoni, il-kultura, il-midja u l-edukazzjoni;

S.  billi hemm ħtieġa għal koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-EYS futura fis-setturi ta' politiki u l-istituzzjonijiet differenti;

T.  billi perspettiva tas-sessi trid tiġi inkluża fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar politiki dwar iż-żgħażagħ li tqis l-isfidi u ċ-ċirkostanzi speċifiċi li b'mod partikolari jħabbtu wiċċhom magħhom it-tfajliet u l-bniet li ġejjin minn sfondi kulturali u reliġjużi differenti; billi l-miżuri speċifiċi marbuta mal-ugwaljanza bejn is-sessi għandhom jiġu inklużi fil-politika dwar iż-żgħażagħ bħall-prevenzjoni ta' vjolenza kontra n-nisa u t-tfajliet, l-edukazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-edukazzjoni sesswali; billi l-probabilità li n-nisa jkunu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) hija 1.4 darbiet ogħla meta mqabbla ma' dik tal-irġiel(20), u huma meħtieġa sforzi kontinwi sabiex jiżdiedu l-livelli ta' parteċipazzjoni fis-swieq tax-xogħol fost iż-żgħażagħ nisa – b'mod partikolari wara l-liv tal-maternità u fil-każ ta' ommijiet waħedhom – u żgħażagħ li jitilqu mill-iskola kmieni, żgħażagħ b'livell baxx ta' kwalifiki, żgħażagħ b'diżabilità u dawk iż-żgħażagħ kollha f'riskju ta' diskriminazzjoni;

U.  billi huma meħtieġa sforzi sostenibbli li jżidu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà, b'mod partikolari għall-persuni b'diżabilità, il-migranti, ir-rifuġjati, NEET u dawk f'riskju ta' esklużjoni soċjali;

V.  billi l-edukazzjoni hija fattur ewlieni fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u l-investiment fil-ħiliet u l-kompetenzi huwa kruċjali biex tiġi indirizzata r-rata għolja ta' qgħad, speċjalment fost l-NEET;

W.  billi l-Artikolu 9 tat-TFUE jistabbilixxi li meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tqis ir-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli tal-impjiegi, protezzjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;

X.  billi l-EYS stabbiliet bażi tajba għal kooperazzjoni utli u sinifikanti fil-qasam taż-żgħażagħ;

Y.  billi l-ilħuq tal-objettivi tal-aħħar ċiklu ta' tliet snin tal-EYS (2010-2018) ma jistax jiġi vvalutat b'mod xieraq u preċiż u huwa diffiċli ħafna li jiġi evalwat it-tqabbil tas-sitwazzjonijiet rispettivi tal-Istati Membri differenti minħabba nuqqas ta' valuri komparattivi u indikaturi, u minħabba strumenti ta' implimentazzjoni mrikkba;

Z.  billi l-orjentazzjoni tal-karriera u l-aċċess kemm għall-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' impjiegi kif ukoll dwar il-perkorsi edukattivi huma essenzjali għall-iżvilupp edukattiv futur u t-tranżizzjoni għas-suq tax-xogħol;

AA.  billi l-Unjoni Ewropea, fid-definizzjoni tal-għanijiet ta' din l-istrateġija u fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tagħha, trid taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

Sfidi u tagħlimiet għaż-żgħażagħ mill-proċess attwali ta' tfassil ta' politika tal-UE relatata maż-żgħażagħ

1.  Jinnota b'dispjaċir li miżuri ta' awsterità fit-tul, b'mod partikolari tnaqqis fil-finanzjament għal politiki dwar l-edukazzjoni, il-kultura, u ż-żgħażagħ, kellhom impatt negattiv fuq iż-żgħażagħ u l-kondizzjonijiet ta' ħajja tagħhom; iwissi li ż-żgħażagħ, speċjalment l-aktar żvantaġġati, bħal żgħażagħ b'diżabilità, żgħażagħ nisa, minoranzi, dawk bi bżonnijiet speċjali, jiġu affettwati ħafna minn inugwaljanza li dejjem tiżdied, ir-riskju ta' esklużjoni, insigurtà u diskriminazzjoni;

2.  Jilqa' l-kisbiet tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, li wriet il-ħila tagħha li tindirizza l-problemi li jaffaċċjaw ħafna mill-Ewropej u li tappoġġa dawk li jfasslu l-politika fil-livell nazzjonali, li tipprovdilhom għarfien espert, rakkomandazzjonijiet u leġittimità, u li timmobilizza b'suċċess aktar finanzjament mill-UE;

3.  Iqis il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni bħala mezz xieraq iżda insuffiċjenti bħala mezz ta' qafas għall-politiki dwar iż-żgħażagħ li jeħtieġ li jiġi kkomplementat b'miżuri oħra; itenni s-sejħa tiegħu għal kooperazzjoni eqreb u skambju tal-aħjar prattiki dwar il-kwistjonijiet taż-żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaqblu dwar indikaturi u parametri referenzjarji ċari sabiex ikun jista' jiġi mmonitorjat il-progress miksub;

4.  Jirrikonoxxi l-kisbiet pożittivi tal-EYS permezz tal-iżvilupp ta' xogħol transsettorjali u l-implimentazzjoni ta' djalogu strutturat sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, jemmen li l-livell ġenerali ta' sensibilizzazzjoni dwar l-objettivi u l-istrumenti tal-EYS min-naħa tal-atturi u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti jeħtieġ li jittejjeb; jinnota, b'mod partikolari, li l-approċċ minn isfel għal fuq li ntuża għad-djalogu strutturat huwa valur miżjud u għandu jiġi ppreservat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, iqisu r-riżultati taċ-Ċiklu VI tad-djalogu strutturat li jiffoka fuq il-futur tal-EYS meta jiżviluppaw l-istrateġija l-ġdida;

5.  Jissuġġerixxi l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qasam tal-politika dwar iż-żgħażagħ, speċjalment f'dawk l-Istati Membri fejn għandhom kompetenza f'dan il-qasam;

6.  Jilqa' l-inizjattivi tal-politika mmirati lejn l-appoġġ għaż-żgħażagħ tal-UE, b'mod partikolari Ninvestu fiż-żgħażagħ tal-Ewropa, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI); jemmen, madankollu, li dawn l-istrumenti għandhom jiġu marbuta aħjar mal-EYS u li jsegwu approċċ minn isfel għal fuq; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex torbot b'mod sistematiku l-proposti ta' politika kollha rilevanti għaż-żgħażagħ mal-istrateġija globali u li tinvolvi l-partijiet ikkonċernati kollha, bħas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, billi ssegwi approċċ olistiku fit-tul b'objettivi speċifikati sew fil-pjan orizzontali;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta' ħidma transsettorjali għal koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-EYS futura bil-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż il-Parlament, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili, b'mod partikolari t-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi għodod ta' koordinazzjoni bejn is-servizzi effettivi u tassenja r-responsabilità għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ bħala grupp lil viċi president tal-Kummissjoni;

9.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jużaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala bażi għall-abbozzar tal-leġiżlazzjoni għaż-żgħażagħ;

10.  Jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni ta' stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa għall-prevenzjoni tal-mard, u jqis li jeħtieġ li ż-żgħażagħ jingħataw informazzjoni korretta u assistenza fir-rigward ta' problemi serji fil-qasam tas-saħħa mentali, bħall-użu u d-dipendenza fuq it-tabakk, l-alkoħol u d-droga;

11.  Jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni tal-EYS fl-Istati Membri bil-ħsieb li tippermetti aktar kontrolli u monitoraġġ fuq il-post; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi objettivi tal-EYS li jistgħu jiġu vvalutati b'mod kwalitattiv u kwantitattiv, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' kull Stat Membru jew reġjun; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament għal programmi u azzjonijiet li jħejju liż-żgħażagħ għad-dinja tax-xogħol;

Nagħtu leħen liż-żgħażagħ fl-EYS

12.  Jirrakkomanda li l-EYS futura għandha tkun parteċipattiva u ċċentrata madwar iż-żgħażagħ, ittejjeb il-benesseri, tirrifletti l-ħtiġijiet, l-ambizzjonijiet u d-diversità taż-żgħażagħ kollha fl-Ewropa, filwaqt li twessa' l-aċċess tagħhom għal għodod kreattivi li jinvolvu teknoloġiji ġodda;

13.  Jemmen li l-UE għandha tesprimi solidarjetà maż-żgħażagħ u tkompli tagħtihom is-setgħa biex jipparteċipaw fis-soċjetà billi tiżviluppa miżuri speċifiċi, bħas-simplifikazzjoni tal-volontarjat, l-għoti ta' sostenn lill-ħidma fost iż-żgħażagħ, l-iżvilupp ta' għodod ġodda – speċjalment dawk li jinvolvu teknoloġiji ġodda – u l-promozzjoni ta' skambji bbażata fuq is-solidarjetà, l-involviment tal-komunità, l-ispazju ħieles u d-djalogu demokratiku; jirrikonoxxi, għalhekk, l-importanza tal-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ bħala spazju ta' trawwim tal-karattru u ta' żvilupp tas-sens ta' ċittadinanza attiva; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-involviment attiv taż-żgħażagħ fl-organizzazzjonijiet volontarji; jisħaq fuq il-punt li ż-żieda fil-parteċipazzjoni soċjali taż-żgħażagħ, minbarra li hija kisba importanti fiha nnifisha, taġixxi bħala pass 'il quddiem lejn żieda fil-parteċipazzjoni politika;

14.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti tat-tagħlim mhux formali u informali, kif ukoll tal-parteċipazzjoni f'attivitajiet sportivi u ta' volontarjat, fl-istimulazzjoni tal-iżvilupp tal-kompetenzi u l-ħiliet ċiviċi, soċjali u interkulturali fost iż-żgħażagħ Ewropej;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jipprevedu oqfsa legali nazzjonali u riżorsi finanzjarji adegwati għall-volontarjat;

16.  Iħeġġeġ ħafna lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ, partikolarment dawk li għandhom inqas opportunitajiet u dawk li jinsabu barra mill-istrutturi organizzazzjonali formali, ikollhom rwol attiv u kritiku fil-ħajja pubblika, u jadottaw approċċ parteċipatorju fit-tfassil tal-politika bil-għan li jippermettu liż-żgħażagħ jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet li jkollhom impatt fuq ħajjithom billi joffrulhom għodod ta' demokrazija online u offline filwaqt li jqisu l-limiti u r-riskji relatati mal-midja soċjali sabiex jinvolvu ruħhom maż-żgħażagħ, u billi jinvolvu l-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħas-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-politiki dwar iż-żgħażagħ;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu liż-żgħażagħ sabiex jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċess elettorali;

18.  Jesprimi l-ħtieġa li jitkompla d-djalogu strutturat bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet skont il-qafas Ewropew ta' kooperazzjoni li jmiss fil-qasam taż-żgħażagħ; jemmen li l-proċess ta' djalogu strutturat għandu jżid b'mod sistematiku n-numru u d-diversità ta' gruppi ta' żgħażagħ li jindirizza, u jenħtieġ li jingħata appoġġ finanzjarju suffiċjenti lil gruppi ta' ħidma nazzjonali u Ewropej sabiex dan jiġi żgurat; jistieden lill-Istati Membri jħeġġu l-parteċipazzjoni ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali fid-djalogu strutturat maż-żgħażagħ;

19.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu b'mod trasparenti meta jagħtu rendikont u japplikaw il-fondi maħsuba għall-promozzjoni ta' opportunitajiet sostenibbli ta' impjieg għaż-żgħażagħ; jisħaq fuq l-importanza, konsegwentement, li l-Istati Membri jippreżentaw data ddettaljata dwar is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ tagħhom, meta din tkun mitluba;

20.  Jenfasizza li hemm nuqqas ta' komunikazzjoni ta' informazzjoni sistematika u ta' data affidabbli dwar l-eżekuzzjoni tal-EYS; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu kooperazzjoni akbar tas-servizzi nazzjonali u reġjonali tal-istatistika, bil-preżentazzjoni ta' data statistika rilevanti u aġġornata dwar iż-żgħażagħ, li hija importanti sabiex jiġi vvalutat il-livell ta' suċċess tal-istrateġija implimentata; iqis li r-rapporti ta' kull tliet snin ippreżentati għandhom ikunu akkumpanjati minn dik id-data statistika;

21.  Ifakkar li hemm tendenza ta' tnaqqis fil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-elezzjonijiet nazzjonali u lokali u li ż-żgħażagħ jeħtieġu impenn politiku u jeħtieġ li jkunu kapaċi jaraw ir-riżultat tal-kontribut tagħhom; ifakkar li l-opportunitajiet sabiex jesperjenzaw parteċipazzjoni politika fl-ambjent u fil-komunitajiet lokali tagħhom stess minn età bikrija huma pass kruċjali lejn it-tisħiħ ta' sentiment ta' ċittadinanza Ewropea u biex iż-żgħażagħ isiru ċittadini attivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, iħeġġu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jiżguraw li ż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ u b'mod effikaċi u jiġu involuti fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fil-proċess ta' segwitu;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jinkorporaw lill-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ fil-kumitati ta' monitoraġġ u ta' implimentazzjoni tal-EYS;

23.  Jenfasizza l-potenzjal tat-teknoloġija għall-konnessjoni maż-żgħażagħ u jistieden lill-UE ssaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fis-soċjetà permezz ta' pjattaformi elettroniċi;

24.  Jinnota b'dispjaċir li minkejja l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex tikkomunika l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ appoġġati mid-diversi programmi tal-Unjoni, bosta żgħażagħ jemmnu li għandhom aċċess limitat għal dawn l-opportunitajiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb l-għodod ta' komunikazzjoni tagħha;

Opportunitajiet indaqs għall-iżgurar ta' inklużjoni sostenibbli fis-suq tax-xogħol

25.  Hu mħasseb ħafna bir-rati għoljin persistenti ta' qgħad fost iż-żgħażagħ madwar l-UE, speċjalment fin-Nofsinhar tal-Ewropa; jiftakar li l-ħolqien ta' xogħlijiet ta' kwalità u l-impjieg għandhom jiġu ggarantiti u jibqgħu impenji ewlenin lejn iż-żgħażagħ u jitlob li, f'dan ir-rigward, il-miżuri jiffaċilitaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għax-xogħol billi jiżguraw internships u apprendistati ta' kwalità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu r-riformi strutturali tas-suq tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol u remunerazzjoni ġusti bil-għan li jiżguraw li ż-żgħażagħ ma jiġux diskriminati fir-rigward tal-aċċess tagħhom għad-dinja tax-xogħol; jenfasizza l-importanza li jiġu definiti d-drittijiet soċjali għal forom ġodda ta' impjiegi u traineeships professjonali ġusti u li jiġi żgurat id-djalogu soċjali;

26.  Jissottolinja l-importanza tal-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jadottaw miżuri mfassla apposta u jipprovdu appoġġ personalizzat sabiex jilħqu lill-NEET kollha; ifakkar il-ħtieġa li jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati lokali bħalma huma s-sħab soċjali, it-trejdjunjins, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

27.  Jargumenta li għandhom jittieħdu miżuri speċjali biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni prekarja taż-żgħażagħ nisa fis-suq tax-xogħol, b'attenzjoni speċjali għad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u r-rappreżentazzjoni żejda tagħhom f'forom atipiċi ta' impjieg li huma nieqsa mill-protezzjoni soċjali;

28.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu promossi kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni soċjali adegwata għall-ħaddiema fl-hekk imsejħa forom ġodda ta' impjieg fejn iż-żgħażagħ huma rrappreżentanti żżejjed;

29.  Jemmen li għandhom jittieħdu miżuri sabiex il-migranti żgħażagħ jiġu integrati fis-suq tax-xogħol b'rispett sħiħ tal-prinċipju ta' trattament indaqs;

30.  Jisħaq fuq il-punt li politika inklużiva favur iż-żgħażagħ għandha tiddefendi u tippromwovi programmi soċjali li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni politika u kulturali; jemmen, barra minn hekk, li x-xogħol diċenti u regolat, ibbażat fuq ftehimiet kollettivi tax-xogħol, relazzjonijiet tax-xogħol mhux prekarji, pagi u salarji adegwati, u servizzi pubbliċi universali u ta' kwalità għolja huwa importanti għall-benessri soċjetali taż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni soċjali adegwata, inkluż fir-rigward ta' forom ġodda ta' impjiegi;

31.  Ifakkar li l-impjiegi u l-intraprenditorija jikkostitwixxu waħda mit-tmien prijoritajiet identifikati fl-EYS (2010-2018); jisħaq fuq il-punt li l-ħidma fost iż-żgħażagħ u t-tagħlim mhux formali, b'mod partikolari kif żviluppati fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-potenzjal taż-żgħażagħ, inklużi ħiliet intraprenditorjali, u jippermettulhom jiżviluppaw sett wiesa' ta' kompetenzi li jistgħu jkabbru l-opportunitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu l-opportunitajiet professjonali u vokazzjonali transfruntiera, jespandu u jżidu l-investiment fis-settur tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV) u jippreżentawh bħala għażla edukattiva attraenti;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-awtoritajiet reġjonali u lokali u biex jinvestu f'opportunitajiet tal-ħajja ġodda għaż-żgħażagħ, sabiex jiżviluppaw il-kreattività u l-potenzjal sħiħ tagħhom, jappoġġaw l-intraprenditorija taż-żgħażagħ u jrawmu l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ għall-benefiċċju tal-komunitajiet tagħhom;

34.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għaż-żgħażagħ u għall-impjiegi; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess għal impjiegi u internships ta' kwalità li jsostnu d-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt għal impjieg stabbli li joffri paga li tiggarantixxi l-għajxien, il-protezzjoni soċjali u tiżgura ħajja ta' dinjità u awtonomija;

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissorveljaw lill-entitajiet li jippromwovu ripetutament apprendistati suċċessivi, mhux akkumpanjati minn integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, bil-ħsieb li tiġi evitata s-sostituzzjoni ta' kuntratti ta' impjiegi mill-hekk imsejħa internships;

36.  Jilqa' l-fatt li l-miżuri tal-YEI pprovdew appoġġ għal aktar minn 1.6 miljun żagħżugħ(21); jisħaq fuq il-punt li huma meħtieġa aktar sforzi u impenji finanzjarji; jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu kemm l-attivitajiet ta' komunikazzjoni maż-żgħażagħ fis-sitwazzjonijiet NEET li jħabbtu wiċċhom ma' diversi ostakli kif ukoll il-kwalità tal-offerti fl-ambitu tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, billi jiġu ddefiniti kriterji u standards ta' kwalità ċari li jinkludu l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, id-dħul minimu u d-drittijiet tal-impjieg; jistieden lill-Istati Membri biex b'mod effikaċi jtejbu s-sistemi ta' monitoraġġ, rappurtar u prestazzjoni u jiġi żgurat li l-fondi YEI jintużaw bħala suppliment għall-fond nazzjonali u mhux bħala sostituzzjoni;

37.  Jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kwalità f'termini ta' mentoraġġ u ta' kkowċjar, il-kwalità u l-adegwatezza tat-taħriġ, it-traineeships jew l-impjiegi individwali attwali, kif ukoll il-kwalità tal-eżitu skont l-objettivi stabbiliti; jissottolinja f'dan ir-rigward il-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-oqfsa ta' kwalità eżistenti, bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalità, skont il-YEI; huwa tal-fehma li ż-żgħażagħ għandhom ikunu involuti wkoll fil-monitoraġġ tal-kwalità tal-offerti;

38.  Jiftakar li miżuri li jrawmu l-integrazzjoni ta' żgħażagħ barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ fis-suq tax-xogħol, inklużi internships, traineeships jew apprendistati mħallsa ta' kwalità, iridu jkunu appoġġati finanzjarjament mill-YEI jew minn għodod Ewropej futuri, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe forma ta' sostituzzjoni tal-imġjieg jew abbuż ta' ħaddiema żgħażagħ;

39.  Jinnota li t-trawwim ta' mentalità intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ huwa prijorità u li s-sistemi ta' edukazzjoni formali u mhux formali huma l-aktar interventi effettivi li jippromwovu l-intraprenditorija taż-żgħażagħ; jissottolinja li l-intraprenditorija hija għodda li tiġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-esklużjoni soċjali u tistimola l-innovazzjoni; jemmen, għaldaqstant, li l-EYS għandha tappoġġa l-ħolqien ta' ambjent sostenibbli għall-intraprenditorija taż-żgħażagħ;

40.  Ifakkar li l-objettiv ewlieni tal-YEI huwa li tilħaq lill-NEET, u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jinvestu sforz akbar fl-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-popolazzjoni kollha ta' NEET, speċjalment l-aktar żgħażagħ vulnerabbli, bħal dawk b'diżabilità filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom;

41.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistabbilixxu għotjiet innovattivi u flessibbli għat-trawwim tal-ħiliet artistiċi u sportivi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ; jappoġġa lill-Istati Membri li qed jistinkaw biex jintroduċu skemi ta' boroż ta' studju għall-istudenti b'ħiliet edukattivi, sportivi u artistiċi ppruvati;

42.  Jissottolinja li 38 % taż-żgħażagħ isibu diffikultà biex jaċċessaw l-informazzjoni; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat approċċ kollettiv li jiggwida, jappoġġa u jinforma liż-żgħażagħ dwar id-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom;

43.  Ikompli jisħaq fuq il-ħtieġa li l-YEI mhux biss tiffoka fuq NEET żgħażagħ b'livell ta' edukazzjoni għoli ħafna, iżda wkoll fuq dawk b'livell baxx ta' kwalifiki, inattivi u mhux irreġistrati mas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi;

44.  Jisħaq fuq il-punt li l-mobilità tax-xogħol fi ħdan l-UE għadha limitata minkejja r-rati għoljin ta' qgħad; jiġbed l-attenzjoni, għalhekk, għall-importanza tal-mobilità tal-ħaddiema għal suq tax-xogħol kompetittiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu opportunitajiet professjonali u vokazzjonali transfruntiera għal dan il-għan;

45.  Itenni l-importanza li għandhom l-adulti ta' 'l fuq minn 55 sena fit-taħriġ taż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol; jargumenta, flimkien mal-Kummissjoni, favur il-ħolqien ta' programmi li jippermettu ħruġ gradwali mis-suq tax-xogħol sal-età tal-irtirar, b'mod partikolari billi jgħaddu għal xogħol part-time, fejn jagħtu taħriġ u jakkumpanjaw ukoll id-dħul gradwali taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

46.  Jindika r-rwol importanti tal-intrapriżi fi kwistjonijiet relatati mal-akkwist tal-ħiliet u l-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ; jinnota li l-edukazzjoni u t-taħriġ f'oqsma relatati mal-promozzjoni tal-intraprenditorija jistgħu jikkontribwixxu biex jinkiseb żvilupp fit-tul, tiġi promossa l-kompetittività Ewropea u jiġi miġġieled il-qgħad;

47.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippreżentaw, fil-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom, l-impatti mistennija tal-miżuri li għandhom jiġu adottati; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza li l-Istati Membri jagħtu garanziji li l-miżuri tagħhom effettivament jippromwovu l-impjieg sostnut; jisħaq dwar il-ħtieġa li titkejjel is-sostenibilità tal-politiki li għandhom jiġu implimentati;

Żvilupp sostenibbli: il-futur għaż-żgħażagħ

48.  Jemmen ħafna li edukazzjoni formali, mhux formali u informali ta' kwalità u taħriġ ta' kwalità huma dritt fundamentali; jikkunsidra, għaldaqstant, li l-aċċess għal-livelli kollha ta' edukazzjoni ta' kwalità għandu jiġi ggarantit għall-Ewropej kollha, irrispettivament mill-istatus soċjoekonomiku, l-etniċità, il-ġeneru u d-diżabilità fiżika jew konjittiva tagħhom; jenfasizza r-rwol importanti li għandha l-edukazzjoni formali, mhux formali u informali biex tipprovdi liż-żgħażagħ l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi biex isiru ċittadini impenjati u jieħdu sehem fil-proġett Ewropew; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki speċifiċi u f'dan ir-rigward iħeġġeġ li l-edukazzjoni artistika u kreattiva titqies bl-istess mod li jitqiesu s-suġġetti xjentifiċi u teknoloġiċi (STEM) fil-kurrikula tal-iskejjel;

49.  Jenfasizza l-importanza tal-immodernizzar tal-edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistimulaw l-inklużjoni ta' ħiliet u kompetenzi ġodda fl-edukazzjoni, bħaċ-ċittadinanza, il ħsieb kritiku u l-ispirtu intraprenditorjali, u jippromwovu l-iżvilupp ta' għodod edukattivi ġodda li jżidu l-parteċipazzjoni u l-aċċessibilità tal-edukazzjoni;

50.  Hu mħasseb ħafna dwar il-problema partikolarment akuta ta' faqar fost it-tfal, li jolqot sa 25 miljun tifel u tifla fl-UE (aktar minn 26.4 % tal-Ewropej kollha taħt it-tmintax-il sena) minn familji li qegħdin ibatu kuljum minn nuqqas ta' introjtu u servizzi bażiċi suffiċjenti; jemmen li l-politiki dwar iż-żgħażagħ jistgħu jikkontribwixxu f'oqsma bħall-politika dwar it-tfal u l-familja;

51.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fenomenu ta' tluq bikri mill-iskola u jitlob għalhekk li jinstabu soluzzjonijet xierqa sabiex jindirizzawh fid-dawl tal-ilħuq tal-miri tal-Ewropa 2020;

52.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġa inizjattivi bil-għan li jrawmu ċittadinanza attiva u kritika, ir-rispett, it-tolleranza, il-valuri u t-tagħlim interkulturali u jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol kruċjali tal-programmi tal-UE bħal Erasmus+, Ewropa Kreattiva u Ewropa għaċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu spazji għal djalogu maż-żgħażagħ dwar firxa ta' temi, bħal sess, ġeneru, politika, solidarjetà u l-ambjent kif ukoll il-liġi, l-istorja u l-kultura;

53.  Jemmen ħafna li l-litteriżmu, inkluż il-litteriżmu diġitali u tal-midja, in-numeriżmu, kif ukoll il-ħiliet bażiċi li jaġixxu bħala strumenti ewlenin biex jiżguraw l-awtonomija u futur promettenti għaż-żgħażagħ, irid ikun prijorità fil-livelli Ewropew, nazzjonali u lokali; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-isforzi tagħhom fl-għoti ta' ħiliet ta' tagħlim u kompetenzi bażiċi għal kulħadd;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ inizjattivi b'edukazzjoni formali u tagħlim informali sabiex jiġu appoġġati l-innovazzjoni, il-kreattività u l-intraprenditorija taż-żgħażagħ u jiġu promossi l-koeżjoni u l-fehim bejn iż-żgħażagħ ta' gruppi differenti;

55.  Jinnota bi tħassib kbir, f'dan ir-rigward, in-numru persistentement għoli ta' ċittadini Ewropej li għandhom ħiliet baxxi fil-litteriżmu jew diffikultajiet ta' litteriżmu, inkluż illitteriżmu funzjonali, diġitali u tal-midja, li joħolqu tħassib serju f'dak li jikkonċerna parteċipazzjoni adegwata fil-ħajja pubblika u fis-suq tax-xogħol;

56.  Ifakkar li l-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni ta' kwalità u inklużiva, għal taħriġ u għal tagħlim tul il-ħajja sabiex wieħed iżomm u jakkwista ħiliet li jippermettulu jipparteċipa bis-sħiħ fis-soċjetà u jiġġestixxi b'suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza li fil-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid tal-QFP għall-2021-2027, jingħata prijorità u jiġi żgurat l-investiment soċjali fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

57.  Jemmen ħafna li t-tabella ta' valutazzjoni soċjali, li ġiet introdotta fi ħdan il-qafas tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għandha tintuża biex tissorvelja l-EYS; jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta sett speċifiku ta' indikaturi biex tissorvelja l-EYS, bħall-edukazzjoni, il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja, l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, l-aċċess diġitali, il-kondizzjonijiet tal-ħajja u l-faqar;

58.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-familja u l-għalliema fl-appoġġ għaż-żgħażagħ li jesperjenzaw bullying fl-iskola u bullying fuq l-internet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħu azzjoni biex jindirizzaw dawn it-tipi ta' mġiba, li jaffettwaw il-benesseri mentali taż-żgħażagħ, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali adegwati mill-edukazzjoni primarja, kif previst fil-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali;

59.  Jargumenta li sabiex tiżdied l-effettività tal-azzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport, iridu jiġu żviluppati għanijiet u strumenti konġunti sabiex jitkejjel l-impatt tal-politika, abbażi ta' studji internazzjonali;

60.  Jissottolinja l-impatt ta' ħsara li għandu l-istress fuq il-benesseri taż-żgħażagħ, kemm fis-suq tax-xogħol u fil-ħajjiet personali kif ukoll fl-iskejjel u fit-tagħlim tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvestu fi programmi tas-saħħa mentali u biex iħeġġu lill-atturi rilevanti biex jgħinu liż-żgħażagħ f'dan ir-rigward;

61.  Jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat il-benesseri mentali u fiżiku taż-żgħażagħ Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu attivitajiet sportivi extrakurrikulari u jipprovdu tagħrif permezz ta' kampanji dwar in-nutrizzjoni;

62.  Jissottolinja l-importanza li jiġi promoss djalogu interkulturali fl-isport, fosthom billi jinħolqu pjattaformi li jinvolvu liż-żgħażagħ, lir-rifuġjati u lill-migranti;

63.  Jemmen li fid-dawl tal-kumplessità tal-politiki taż-żgħażagħ u l-impatt tagħhom, trid tiġi stimulata l-kollaborazzjoni tar-riċerka bil-ħsieb li jiġu żviluppati reazzjonijiet ġustifikati b'mod empiriku u soluzzjonijiet ta' intervent u preventivi li se jżidu l-benessri u r-reżiljenza taż-żgħażagħ;

64.  Jenfasizza l-importanza tal-kultura mhux biss fil-ġlieda kontra l-vjolenza, ir-razziżmu, ir-radikalizzazzjoni u l-intolleranza, iżda wkoll fl-iżvilupp ta' identità Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu u jinvestu fil-kultura u biex jiżguraw aċċess ugwali;

65.  Jenfasizza li l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għandhom rwol kruċjali għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri biex jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u jirrikonoxxu r-rwol tagħhom fl-iżvilupp ta' kompetenzi u fl-inklużjoni soċjali, u jappoġġaw it-twaqqif ta' kunsilli taż-żgħażagħ fil-livelli kollha, li jaħdmu flimkien maż-żgħażagħ;

66.  Jinsisti fuq l-importanza li jiġi vvalidat it-tagħlim mhux formali u informali biex min ikun qed jitgħallem jiġi awtonomizzat, peress li dan huwa essenzjali għall-iżvilupp ta' soċjetà bbażata fuq il-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs, u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' ħiliet taċ-ċittadinanza u r-realizzazzjoni personali; jiddispjaċih li l-impjegaturi u l-fornituri tal-edukazzjoni formali ma jirrikonoxxux biżżejjed il-valur u r-rilevanza tal-ħiliet, il-kompetenzi u l-għarfien miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u informali; jinnota li n-nuqqas ta' komparabilità u koerenza bejn l-approċċi ta' validazzjoni tal-pajjiżi tal-UE jirrappreżenta ostaklu addizzjonali; jistieden lill-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom sabiex jimplimentaw sistema nazzjonali ta' rikonoxximent u ta' validazzjoni, u jiżguraw finanzjament adegwat għal kompetenzi akkwistati permezz tal-edukazzjoni mhux formali, filwaqt li jfakkar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali;

Allinjament u approċċ aktar b'saħħtu minn strumenti ta' finanzjament għall-EYS

67.  Jemmen li l-EYS għandha ssegwi l-QFP u tikkonforma mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-inizjattivi, il-programmi u l-istrateġiji ta' politika ewlenin rilevanti kollha, billi jiġi stabbilit djalogu sistematiku bejn il-korpi rispettivi, jiġu ddefiniti għanijiet u miri ċari u jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' koordinazzjoni rilevanti;

68.  Ifakkar li fil-qasam taż-żgħażagħ, l-UE tista' twettaq biss azzjonijiet ta' appoġġ, tikkoordina u tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jinnota l-importanza tal-koerenza tal-finanzjament tal-UE u nazzjonali u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilità sinerġiji mal-inizjattivi nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jiġu evitati d-duplikazzjoni, s-sovrappożizzjoni u r-ripetizzjoni tal-attivitajiet;

69.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżidu l-investiment pubbliku fl-edukazzjoni u fi kwistjonijiet relatati maż-żgħażagħ;

70.  Jemmen ħafna li l-fondi disponibbli għall-appoġġ ta' diversi inizjattivi u politiki relatati maż-żgħażagħ bħall-programm Erasmus+, il-YEI u l-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini" għandhom jiżdiedu konsiderevolment fil-QFP li jmiss sabiex iż-żgħażagħ jingħataw aktar opportunitajiet u sabiex tiġi evitata l-esklużjoni;

71.  Jilqa' l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà – programm biex irawwem is-solidarjetà fost żgħażagħ Ewropej, il-volontarjat u l-iżvilupp ta' ċittadinanza solidali; ifakkar il-pożizzjoni tal-Parlament favur il-finanzjament xieraq tal-inizjattiva l-ġdida permezz ta' riżorsi ġodda u kontra l-użu tal-programm bħala opzjoni għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

72.  Jemmen ħafna li l-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini" għandu jkompli jistimula ċittadinanza attiva, edukazzjoni u djalogu ċiviku u joħloq sens ta' identità Ewropea; jinnota r-rata baxxa ta' suċċess tal-programm minħabba nuqqas ta' finanzjament; jitlob li jkun hemm żieda sostanzjali fl-allokazzjoni ta' finanzjament tiegħu;

73.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm il-Programm Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffokaw fuq il-promozzjoni ta' dan il-programm b'mod konġunt mal-kmamar tal-kummerċ, l-impriżi u ż-żgħażagħ, filwaqt li ma jittraskurawx l-oqsma ewlenin tal-attività tagħhom;

74.  Itenni l-appoġġ tiegħu għat-tisħiħ tal-programm Ewropa Kreattiva, li jipprovdi skemi ta' mobilità speċifiċi għal artisti żgħażagħ u professjonisti li jaħdmu fis-setturi tal-kultura u dawk kreattivi;

75.  Jenfasizza l-importanza ta' Erasmus+: għodda essenzjali għall-ħolqien ta' ċittadini żgħażagħ attivi u impenjati; jemmen ħafna li l-Erasmus+ għandu jkollu fil-mira tiegħu ż-żgħażagħ kollha, inklużi dawk b'inqas opportunitajiet, u li aspirazzjonijiet ikbar għall-perjodu ta' programmazzjoni ta' Erasmus+ li jmiss iridu jitqabblu ma' finanzjament addizzjonali konsiderevoli sabiex jinfetaħ il-potenzjal sħiħ tal-programm, li tiġi prevista simplifikazzjoni tal-proċeduri permezz tal-ħolqien ta' sistemi elettroniċi għall-aċċess għal servizzi transfruntiera u għad-data dwar l-istudenti, bħall-proġett "e-card";

76.  Jitlob li jkun hemm allinjament aħjar bejn l-EYS u l-Erasmus+, li jallinja l-iskedi ta' żmien mal-implimentazzjoni, jemenda r-Regolament tal-Erasmus+ sabiex jappoġġa b'mod ċar l-objettivi tal-Istrateġija permezz ta' "għanijiet taż-żgħażagħ" komuni u jiddefinixxi l-Azzjoni Ewlenija 3 bħala l-għodod ewlenin ta' implimentazzjoni tal-Istrateġija;

77.  Jenfasizza li l-baġit tal-YEI mhuwiex biżżejjed biex jiżgura li l-programm jilħaq il-miri tiegħu; jitlob, għalhekk, li, ikun hemm żieda konsiderevoli fl-allokazzjoni tal-YEI taħt il-QFP li jmiss u li l-Istati Membri jagħmlu provvedimenti għal skemi favur l-impjieg taż-żgħażagħ fil-baġits nazzjonali tagħhom; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-limitu tal-età eleġibbli jiġi estiż minn 25 sena għal 29 sena sabiex jirrifletti aħjar ir-realtà li bosta persuni li ggradwaw reċentement u persuni deħlin għall-ewwel darba fis-suq tax-xogħol għandhom ftit inqas minn tletin sena;

78.  Jargumenta favur l-uniformità, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, tal-kunċett ta' żgħażagħ f'termini tal-limiti tal-età fl-UE kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jikkontribwixxu għal din l-uniformità, billi jeliminaw l-ostakli għall-kejl tar-riżultati u għad-definizzjoni tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu;

79.  Iħeġġeġ il-promozzjoni tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE futur għall-iżvilupp ta' tweġibiet integrati u bbażati fuq l-evidenza, u soluzzjonijiet ta' intervent u ta' prevenzjoni li jippromwovu l-benesseri u r-reżiljenza taż-żgħażagħ;

80.  Jieħu nota tas-sejbiet u r-riskji li jissuġġerixxu li l-azzjonijiet ġestiti mill-Kummissjoni (inklużi l-programmi ta' skambju ta' studenti) jitqiesu mill-awtoritajiet nazzjonali bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ, u jinnota l-fatt li xi Stati Membri qed jirtiraw ir-riżorsi tagħhom minn oqsma ta' politika li huma sostnuti mill-baġit tal-UE(22);

o
o   o

81.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.
(2) ĠU C 417, 15.12.2015, p. 1.
(3) ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.
(4) EUCO 37/13
(5) ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.
(6) http://ec.europa.eu/assets/eac/dgs/education_culture/more_info/evaluations/docs/youth/youth-strategy-2016_en.pdf
(7) ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0359.
(9) Testi adottati P8_TA(2017)0018.
(10) ĠU C 417, 15.12.2015, p.17.
(11) ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
(12) Testi adottati, P8_TA(2016)0426.
(13) ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1.
(14) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 57
(15) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 76.
(16) ĠU C 120, 5.4.2016, p. 22.
(17) ĠU C 11, 12.1.2018, p. 16.
(18) https://www.youthforum.org/resolution-eu-youth-strategy-0
(19) Rapport Parallel dwar il-Politika dwar iż-Żgħażagħ ippubblikat mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ.
(20) Society at a Glance 2016 – OECD Social Indicators (Daqqa t'Għajn lejn is-Soċjetà 2016 – Indikaturi Soċjali tal-OECD).
(21) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Jannar 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-Istati Membri (P8_TA(2018)0018).
(22) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2018/615645/EPRS_STU(2018)615645_EN.pdf


L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn
PDF 170kWORD 58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2018 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn (2009/125/KE) (2017/2087(INI))
P8_TA(2018)0241A8-0165/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija(1) (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva dwar l-Ekodisinn") u r-regolamenti ta' implimentazzjoni u l-ftehimiet volontarji adottati skont din id-Direttiva,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Ħidma tal-Kummissjoni dwar l-Ekodisinn 2016-2019 (COM(2016)0773) adottat f'konformità mad-Direttiva 2009/125/KE,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE(2) (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija),

–  wara li kkunsidra l-objettivi tal-Unjoni dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u l-effiċjenza fl-enerġija,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) għall-UNFCCC,

–  wara li kkunsidra r-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi mill-UE u mill-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra l-objettiv fit-tul stabbilit f'dan il-Ftehim, jiġifieri li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm sew taħt 2°C 'il fuq mil-livelli preindustrijali u li jissoktaw l-isforzi biex tiġi llimitata għal 1,5°C,

–  wara li kkunsidra l-Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 (Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013(3)),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Diċembru 2015 bit-titolu "Pjan ta' azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari" (COM(2015)0614),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 dwar Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari (COM(2018)0028),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll id-dokument ta' ħidma tal-persunal tas-16 ta' Jannar 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari; alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart (COM(2018)0032 – SWD(2018)0020));

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-lista tal-2017 tal-materja prima kritika għall-UE (COM(2017)0490),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ekoinnovazzjoni: biex tkun tista' ssir it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, adottati fit-18 ta' Diċembru 2017(4),

–  wara li kkunsidra l-Emissions Gap Report (ir-Rapport dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet) maħruġ mill-Programm Ambjentali tan-NU f'Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari(5),

–  wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji(6),

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni Ewropea (EIA) imfassla mid-Direttorat Ġenerali tal-Parlament għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari biex takkumpanja l-iskrutinju tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0165/2018),

A.  billi l-objettiv tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn huwa li jiżdiedu l-effiċjenza fl-enerġija u l-livell ta' protezzjoni tal-ambjent permezz ta' rekwiżiti armonizzati li jiżguraw il-funzjonament tas-suq intern u jippromwovu t-tnaqqis kontinwu tal-impatt ambjentali ġenerali ta' prodotti relatati mal-enerġija; billi dawn il-miżuri għandhom ukoll impatt pożittiv fuq is-sigurtà tal-enerġija billi jnaqqsu l-konsum tal-enerġija;

B.  billi d-Direttiva dwar l-Ekodisinn tipprovdi miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jitnaqqas l-impatt ambjentali fuq iċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodotti relatati mal-enerġija; billi, s'issa, id-deċiżjonijiet fl-ambitu tad-Direttiva fil-parti l-kbira kkonċentraw fuq it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija matul il-fażi tal-użu;

C.  billi l-implimentazzjoni tad-Direttiva tista' tikkontribwixxi aktar għall-isforzi tal-UE biex titjieb l-effiċjenza fl-enerġija u għat-twettiq tal-għanijiet tal-azzjoni klimatika;

D.  billi t-tnaqqis tal-impatt ambjentali tal-prodotti tal-enerġija fil-fażi tal-ekodisinn, permezz tal-provvediment ta' kriterji minimi dwar it-tul ta' ħajja tagħhom u dwar il-potenzjal ta' titjib fil-kwalità, tiswija, riċiklaġġ u użu mill-ġdid tagħhom, jista' jiġġenera opportunitajiet konsiderevoli f'termini ta' ħolqien ta' postijiet tax-xogħol;

E.  billi, sal-bidu tal-2018, kien hemm fis-seħħ 29 regolament speċifiku dwar l-Ekodisinn li jkopru gruppi ta' prodotti differenti u, flimkien ma' dawn, kienu ġew adottati tliet ftehimiet volontarji rikonoxxuti skont id-direttiva;

F.  billi d-Direttiva dwar l-Ekodisinn tirrikonoxxi ftehimiet volontarji jew miżuri ta' awtoregolamentazzjoni oħra bħala alternattivi għall-miżuri ta' implimentazzjoni ġaladarba jiġu ssodisfati ċerti kriterji; billi mhux il-ftehimiet volontarji kollha li hemm fis-seħħ bħalissa wrew li kienu aktar effiċjenti minn miżuri regolatorji;

G.  billi l-ekodisinn iġib benefiċċji ekonomiċi għall-industrija u għall-konsumaturi u jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-politiki tal-Unjoni dwar il-klima, l-enerġija u l-ekonomija ċirkolari;

H.  billi l-leġiżlazzjoni dwar l-Ekodisinn hija marbuta mill-qrib mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tikkettar tal-enerġija u l-miżuri li ttieħdu fl-ambitu ta' dawn iż-żewġ direttivi huma mistennija li sal-2020 jiġġeneraw EUR 55 biljun fi dħul addizzjonali fis-sena għas-setturi industrijali, tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, u huwa stmat li sal-2020 iġibu 175 Mtoe f'iffrankar tal-enerġija primarja fis-sena, li b'hekk jikkontribwixxu għal daqs nofs l-objettiv tal-Unjoni għall-iffrankar tal-enerġija u għat-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija għall-2020; billi l-leġiżlazzjoni tikkontribwixxi b'mod sinifikanti wkoll għall-objettivi klimatiċi tal-UE bit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ekwivalenti għal madwar 320 miljun tunnellata ta' emissjonijiet ta' CO2 fis-sena; billi l-potenzjal għall-iffrankar tal-enerġija huwa akbar fit-tul;

I.  billi, skont ir-Rapport dwar il-Kontabbiltà tal-Impatt tal-Ekodisinn (Kummissjoni Ewropea, 2016), huwa stmat li sal-2020, il-konsumaturi tal-UE se jiffrankaw sa total ta' EUR 112-il biljun, jew madwar EUR 490 fis-sena għal kull unità domestika;

J.  billi aktar minn 80 % tal-impatt ambjentali tal-prodotti relatati mal-enerġija huwa identifikat fil-fażi tad-disinn;

K.  billi għal maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati, jistgħu jiġu identifikati tliet ostakli ewlenin għall-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni: in-nuqqas ta' appoġġ u direzzjoni politiċi ċari, il-pass kajman tal-proċessi regolatorji u l-inadegwatezza tas-sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri;

L.  billi huwa stmat li 10-25 % tal-prodotti fis-suq mhumiex konformi mad-Direttivi dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija, li jwassal għal telf ta' madwar 10 % tal-iffrankar tal-enerġija previst u għal kompetizzjoni inġusta;

M.  billi l-eżenzjoni eżistenti għal tidwil fit-teatri mir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 244/2009(7) u (UE) Nru 1194/2012(8) kienet mezz adegwat u effettiv għar-rispett tal-ħtiġijiet speċjali u ċ-ċirkostanzi tat-teatri u l-industrija tad-divertiment sħiħa u għandha tkompli;

N.  billi, filwaqt li fl-2009 il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn twessa' biex ikopri l-prodotti kollha relatati mal-enerġija (esklużi l-mezzi tat-trasport), l-ebda prodott li ma jużax l-enerġija s'issa ma ġie kopert mir-rekwiżiti għall-ekodisinn;

O.  billi l-prodotti kollha fl-UE għandhom ikunu ddisinjati, immanifatturati, u mibjugħa bl-inqas użu possibbli ta' sustanzi perikolużi, filwaqt li tiġi żgurata s-sikurezza tal-prodott sabiex jiġi ffaċilitat ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tiegħu u fl-istess ħin jinżammu livelli għolja ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent;

P.  billi d-Direttiva dwar l-Ekodisinn tiddikjara li l-komplementarjetà tagħha mar-Regolament REACH dwar sustanzi kimiċi għandha tikkontribwixxi għal żieda fl-impatti rispettivi tagħhom u għall-bini ta' rekwiżiti koerenti li għandhom japplikaw il-manifatturi; billi r-rekwiżiti li huma relatati mal-użu ta' sustanzi kimiċi perikolużi u r-riċiklaġġ tagħhom s'issa kien limitat;

Q.  billi qiegħda tiġi żviluppata bażi ta' data ġdida skont ir-Regolament il-ġdid dwar it-Tikkettar tal-Enerġija u l-bażi ta' data għas-sorveljanza tas-suq ICSMS qiegħda tintuża f'xi Stati Membri, iżda mhux fl-Istati Membri kollha;

R.  billi wieħed mill-objettivi prijoritarji tal-Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 (is-seba' EAP) huwa li l-Unjoni tinbidel f'ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, ekoloġika u kompetittiva b'livell baxx ta' karbonju; billi l-EAP jiddikjara li l-qafas tal-politika tal-Unjoni għandu jiżgura li prodotti prijoritarji mqiegħda fis-suq tal-Unjoni jkunu "imfassla b'mod ekoloġiku" bl-għan li tiġi ottimizzata l-effiċjenza fir-riżorsi u l-effiċjenza tal-materjali;

S.  billi l-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari jinkludi l-impenn li jiġu enfasizzati l-aspetti tal-ekonomija ċirkolari fir-rekwiżiti futuri tad-disinn tal-prodott skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn billi jiġu analizzati sistematikament kwistjonijiet bħalma huma t-tiswija, id-durabbiltà, it-titjib fil-kwalità, ir-riċiklabbiltà, jew l-identifikazzjoni ta' ċerti materjali jew sustanzi;

T.  billi l-Ftehim ta' Pariġi jistabbilixxi għan fit-tul f'konformità mal-objettiv li ż-żieda fit-temperatura globali tinżamm sew taħt 2°C ogħla mil-livelli preindustrijali u biex jitkomplew l-isforzi biex tinżamm sal-1,5°C ogħla mil-livelli preindustrijali; billi l-UE hija impenjata li tikkontribwixxi s-sehem ġust tagħha lejn dawn l-għanijiet permezz ta' tnaqqis fl-emissjonijiet fis-setturi kollha;

U.  billi l-miżuri tal-ekodisinn għandhom ikopru ċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodotti sabiex itejbu l-effiċjenza fir-riżorsi fl-Unjoni, billi jqisu l-fatt li aktar minn 80 % tal-impatt ambjentali tal-prodott huwa ddeterminat fil-fażi tad-disinn, li għalhekk għandu rwol importanti ħafna fil-promozzjoni tal-aspetti tal-ekonomija ċirkolari, id-durabbiltà, it-titjib fil-kwalità, il-possibbiltà ta' tiswija, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta' prodott;

V.  billi, minbarra li jagħmlu prodotti aktar sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi, il-prinċipji tal-ekonomija kollaborattiva u l-ekonomija tas-servizzi jeħtieġ li jissaħħu, filwaqt li l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-unitajiet domestiċi bi dħul baxx, inklużi dawk f'riskju ta' faqar enerġetiku, meta jippreżentaw programmi li jinkoraġġixxu l-adozzjoni tal-aktar prodotti u servizzi effiċjenti fir-riżorsi;

W.  billi l-Unjoni hija parti mill-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (POPs), u għalhekk hija meħtieġa tieħu azzjoni fir-rigward tal-eliminazzjoni gradwali ta' dawk is-sustanzi perikolużi, inkluż billi tillimita l-użu tagħhom fl-istadju tad-disinn tal-prodott;

Għodda effettiva għal iffrankar tal-enerġija kosteffiċjenti.

1.  Jikkunsidra li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn kienet għodda ta' suċċess għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija, irriżultat fi tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra u f'benefiċċji ekonomiċi għall-konsumaturi;

2.   Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tkompli tinkludi aktar gruppi ta' prodotti magħżula abbażi tal-potenzjal tal-ekodisinn tagħhom, inkluż kemm il-potenzjal tal-effiċjenza tal-enerġija u tal-effiċjenza materjali kif ukoll aspetti ambjentali oħra, billi tuża l-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 15 tad-Direttiva, u żżomm l-istandards eżistenti aġġornati, sabiex tisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-kamp ta' applikazzjoni u tal-objettivi tad-Direttiva;

3.   Jissottolinja li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn ittejjeb il-funzjonament tas-suq intern tal-UE permezz tad-definizzjoni ta' standards tal-prodotti komuni; jenfasizza li l-adozzjoni kontinwa ta' rekwiżiti tal-prodott armonizzati fil-livell tal-UE tappoġġa l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-kompetittività tal-manifatturi tal-UE u tiżgura l-kompetizzjoni ġusta, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn;

4.  Ifakkar li d-Direttiva tirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta miżuri ta' implimentazzjoni fejn prodott jissodisfa l-kriterji, jiġifieri volumi sinifikanti ta' prodotti mibjugħa, impatt ambjentali sinifikanti u potenzjal ta' titjib; jenfasizza r-responsabbiltà imposta fuq il-Kummissjoni biex tirrispetta dan il-mandat u tiżgura li l-benefiċċji għall-konsumaturi, għall-ekonomija ċirkolari u għall-ambjent jinkisbu b'mod effikaċi, filwaqt li tirrikonoxxi li tali standards tal-prodott jistgħu jiġu applikati biss fil-livell tal-UE u li l-Istati Membri għalhekk jiddependu fuq il-Kummissjoni biex tieħu l-azzjoni meħtieġa;

5.  Jemmen li l-koordinazzjoni ma' inizjattivi marbuta mal-ekonomija ċirkolari tkompli ttejjeb l-effettività tad-Direttiva; jitlob, għaldaqstant, għal pjan ambizzjuż dwar l-ekodisinn u l-ekonomija ċirkolari, li jipprovdi kemm benefiċċji ambjentali u opportunitajiet għat-tkabbir sostenibbli u għall-impjiegi, anke fis-settur tal-SMEs, kif ukoll għal vantaġġi għall-konsumaturi; jinnota li effiċjenza ogħla tar-riżorsi u l-użu tal-materja prima sekondarja fil-manifattura tal-prodotti joffru potenzjal konsiderevoli, f'termini ta' tnaqqis tal-iskart u ta' ekonomija fir-riżorsi;

6.  Jissottolinja li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn hija parti minn sett akbar ta' għodod u li l-effikaċja tagħha tiddependi fuq sinerġiji ma' strumenti oħrajn, b'mod partikolari dwar it-tikkettar tal-enerġija; jikkunsidra li għandhom jiġu evitati regolamenti sovrapposti;

Tisħiħ tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet

7.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-Forum Konsultattiv sabiex ilaqqa' flimkien l-industrija, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u jikkunsidra li din l-entità qiegħda taħdem sew;

8.  Huwa mħasseb bid-dewmien xi drabi sinifikanti fl-iżvilupp u fl-adozzjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni, li joħloq inċertezza għall-operaturi ekonomiċi, irriżulta f'opportunitajiet mitlufa sinifikanti għall-iffrankar tal-enerġija għall-konsumaturi u t-tnaqqis assoċjat tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u jista' jwassal biex miżuri adottati jibqgħu lura mill-iżviluppi teknoloġiċi;

9.  Jinnota li d-dewmien fl-implimentazzjoni huwa attribbwibbli għar-riżorsi limitati disponibbli fi ħdan il-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tuża biżżejjed riżorsi għall-proċess tal-ekodisinn minħabba l-valur miżjud tal-UE sinifikanti tal-leġiżlazzjoni;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevita dewmien fl-adozzjoni u fil-pubblikazzjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni u jirrakkomanda d-definizzjoni ta' skadenzi u stadji importanti ċari għall-finalizzazzjoni tagħhom u għar-reviżjoni tar-regolamenti eżistenti; jikkunsidra li l-miżuri tal-ekodisinn għandhom jiġu adottati b'mod individwali u ppubblikati eżatt kif jitlestew;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi osservat il-perjodu ta' żmien previst fil-Programm ta' Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa li r-rekwiżiti tal-ekodisinn ikunu bbażati fuq analiżi teknika solida u valutazzjonijiet tal-impatt, li jqisu l-prodotti jew it-teknoloġiji li jagħtu l-aħjar prestazzjoni fis-suq u l-iżvilupp teknoloġiku f'kull settur bħala referenza; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-implimentazzjoni u r-rieżami tal-miżuri għall-prodotti li għandhom l-akbar potenzjal f'termini ta' ffrankar tal-enerġija primarja u tal-ekonomija ċirkolari;

13.  Jirrikonoxxi li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn tippermetti l-użu ta' ftehimiet volontarji; jissottolinja li l-ftehimiet volontarji jistgħu jintużaw minflok il-miżuri ta' implimentazzjoni fejn dawn ikopru l-maġġoranza kbira tas-suq u huma kkunsidrati bħala kapaċi li jiggarantixxu minn tal-inqas l-istess livell ta' prestazzjoni ambjentali, u li dawn għandhom jiggarantixxu proċess iktar mgħaġġel ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jikkunsidra li għandha tissaħħaħ l-effikaċja tas-sorveljanza ta' ftehimiet volontarji u jiġi żgurat l-involviment xieraq tas-soċjetà ċivili; jilqa', f'dan ir-rigward, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2125 dwar il-linji gwida għall-miżuri ta' awtoregolamentazzjoni konklużi mill-industrija, u jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja b'mod strett kwalunkwe ftehim volontarju rikonoxxut skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn;

14.  Iħeġġeġ l-integrazzjoni tal-kurvi tat-tagħlim tat-teknoloġija fil-Metodoloġija għall-Ekodisinn tal-Prodotti relatati mal-Enerġija (MEERP) sabiex it-titjib fit-teknoloġija jiġi antiċipat sa meta r-regolamenti jidħlu fis-seħħ u jiġi żgurat li r-regolamenti jibqgħu aġġornati;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi valutazzjonijiet dwar ir-rilaxx ta' mikroplastiċi fl-ambjent akkwatiku fil-miżuri tal-ekodisinn fejn xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi rekwiżiti obbligatorji għall-filtri tal-mikroplastik fir-rieżami tal-miżuri tal-ekodisinn għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u l-magni li jaħslu u jnixxfu l-ħwejjeġ tal-unitajiet domestiċi;

Minn iffrankar tal-enerġija għal effiċjenza fir-riżorsi

16.  Itenni s-sejħa tiegħu għal impetu ġdid fuq l-aspetti tal-ekonomija ċirkolari tal-prodotti u jikkunsidra li d-Direttiva dwar l-Ekosidinn tipprovdi potenzjal sinifikanti biex tittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi li s'issa għadu ma ġiex sfruttat;

17.  Jemmen, għalhekk, li l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn – flimkien mal-isforzi kontinwi sabiex tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija – issa trid tindirizza b'mod sistematiku ċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta' kull grupp ta' prodotti fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tagħha, bl-istabbiliment ta' kriterji minimi tal-effiċenzja tar-riżorsi li jkopru, fost oħrajn, id-durabbiltà, ir-robustezza, il-possibbiltà li jissewwew u li jiġu aġġornati, iżda anke l-potenzjal ta' kondiviżjoni, użu mill-ġdid, skalabbiltà, possibbiltà ta' riċiklaġġ, il-possibbiltà ta' manifattura mill-ġdid, il-kontenut ta' materjal riċiklat jew materja prima sekondarja, u l-użu ta' materja prima kritika;

18.  Iqis li l-għażla tal-kriterji tal-ekonomija ċirkolari għal kull grupp ta' prodotti trid tiġi speċifikata sew u definita b'mod ċar u oġġettiv, filwaqt li fl-istess ħin il-kriterji jkunu jistgħu jitkejlu faċilment u jiġu implimentati bi spejjeż proporzjonati, sabiex jiġi żgurat li d-Direttiva tibqa' implimentabbli;

19.  Jitlob li jsiru analiżijiet fil-fond b'mod sistematiku tal-potenzjal tal-aspetti relatati mal-ekonomija ċirkolari fil-fażi tal-istudji preparatorji tal-miżuri speċifiċi tal-ekodisinn għal kull kategorija ta' prodotti;

20.  Jinsisti fuq l-importanza li l-manifatturi għandhom jipprovdu struzzjonijiet ċari u oġġettivi li jippermettu lill-utenti u lill-persuni li jsewwu li jaħdmu għal rashom biex isewwu l-prodotti b'mod aktar faċli, mingħajr materjal speċifiku; jenfasizza wkoll l-importanza li tiġi pprovduta informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta' parts tal-bdil u dwar it-tul tal-ħajja tal-prodotti, meta dan ikun possibbli;

21.  Jenfasizza l-benefiċċji potenzjali li wieħed jikkonċentra fuq aspetti ambjentali oħra lil hinn mill-użu tal-enerġija, bħall-użu ta' sustanzi kimiċi perikolużi, ir-rilaxx ta' mikroplastiċi, il-ġenerazzjoni ta' skart u l-input ta' materjal, u jappella biex jintużaw l-għodod skont id-Direttiva sabiex tissaħħaħ it-trasparenza għall-konsumaturi;

22.  Iqis li peress li aktar minn 80 % tal-impatt ambjentali ta' prodott huwa ddeterminat fil-fażi tad-disinn, huwa f'dik il-fażi li, fil-biċċa l-kbira, sustanzi ta' tħassib jistgħu jiġu evitati, sostitwiti jew limitati; jenfasizza li l-użu ta' materjali u sustanzi ta' importanza kritika, bħall-elementi terrestri rari (REE), jew sustanzi ta' natura tossika jew sustanzi ta' tħassib, bħal POPs u interferenti endokrinali, irid jitqies speċifikament skont il-kriterji tal-ekodisinn imwessgħin sabiex jirrestrinġu l-użu tagħhom jew jiġu sostitwiti, fejn xieraq, jew tal-inqas tiġi żgurata l-possibbiltà li jiġu estratti/separati fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti legali armonizzati oħra dwar dawn is-sustanzi stabbiliti fil-livell tal-Unjoni;

23.  Jitlob li r-rekwiżiti tal-ekodisinn, fil-każ ta' prodotti relatati mal-enerġija, ma joħolqux objettivi li diffiċli jintlaħqu mill-produtturi tal-UE, b'mod partikolari mill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, li l-kapaċità tagħhom b'rabta mat-teknoloġiji protetti bi privattivi hija konsiderevolment iżgħar minn dik ta' kumpaniji ewlenin tas-suq;

24.  Jilqa', f'dan ir-rigward, il-programm ta' ħidma tal-Ekodisinn 2016-2019, li jinkludi impenji għall-iżvilupp ta' rekwiżiti u standards għall-effiċjenza tal-materjali, filwaqt li jiġi appoġġat l-użu tal-materja prima sekondarja, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tlesti din il-ħidma bħala kwistjoni ta' prijorità; jikkunsidra li dawn il-kriterji għandhom ikunu speċifiċi għall-prodott, ibbażati fuq analiżijiet robusti, li jiffukaw fuq oqsma li għandhom potenzjal ċar għal titjib u jkunu jistgħu jiġu infurzati u verifikati minn awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq; iqis li, meta jiġu ddefiniti l-aħjar prattiki, għandu jiġi promoss l-użu tar-riżultati ta' attivitajiet ta' riċerka tal-imgħoddi u li għaddejjin bħalissa, ta' innovazzjonijiet l-aktar avvanzati fir-riċiklaġġ tal-iskart ta' tagħmir elettriku u elettroniku;

25.  Jemmen li l-iżvilupp ta' "approċċ ta' sistema" sabiex ma jitqiesx biss il-prodott iżda s-sistema kollha meħtieġa għall-funzjonament tiegħu fil-proċess tal-Ekodisinn qiegħed isir dejjem aktar fattur kritiku għas-suċċess lejn l-effiċjenza fir-riżorsi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi aktar minn dawn l-opportunitajiet fil-livell ta' sistema fil-Programm ta' Ħidma tal-Ekodisinn li jmiss;

26.  Jemmen li trid tingħata attenzjoni partikolari għall-prodotti li jużaw l-ilma fejn jistgħu jintlaħqu benefiċċji ambjentali sinifikanti u ffrankar importanti għall-konsumaturi;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-irkupru ta' materja prima kritika anke mill-iskart tal-minjieri;

28.  Jinnota li l-Kummissjoni pposponiet azzjoni fuq teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), bħal mowbajls u smartphones, peress li qiegħda tistenna valutazzjonijiet ulterjuri u minħabba l-bidliet teknoloġiċi rapidi f'dan il-grupp ta' prodotti; jikkunsidra, madankollu, li dawn il-prodotti, li jinbiegħu f'ammonti kbar u jinbidlu ta' spiss, għandhom potenzjal ċar għal titjib, b'mod partikolari f'termini ta' effiċjenza fir-riżorsi, u għandhom għalhekk jiġu applikati kriterji tal-ekodisinn għalihom u jsiru sforzi biex il-proċess regolatorju jiġi ssimplifikat; jenfasizza l-ħtieġa li ssir valutazzjoni bir-reqqa dwar kif jista' jitjieb l-ekodisinn għall-gruppi ta' prodotti li għalihom il-possibbiltà ta' tiswija u s-sostituzzjoni ta' parts tal-bdil huma parametri ewlenin tal-ekodisinn;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-possibbiltà ta' tiswija tkun iffaċilitata bid-disponibbiltà ta' parts tal-bdil bi prezz diċenti meta mqabbel mal-prezz totali tal-prodott tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-oġġett,

30.  Ifakkar fl-appell tiegħu għal rieżami wiesa' tal-qafas tal-politika tal-Unjoni dwar il-prodotti sabiex jiġu indirizzati aspetti fir-rigward tal-effiċjenza fir-riżorsi; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tivvaluta jekk il-metodoloġija tal-ekodisinn attwali tistax tintuża għal kategoriji ta' prodotti oħrajn minbarra prodotti relatati mal-enerġija, u tippreżenta proposti għal leġiżlazzjoni ġdida fejn meħtieġ;

31.  Jenfasizza li, sabiex jiġi żgurat l-użu ta' materjali riċiklati/sekondarji, id-disponibbiltà ta' materjali sekondarji ta' kwalità għolja hija importanti ħafna, u għandu jiġi stabbilit suq organizzat tajjeb għal dawk il-materjali sekondarji;

32.  Jenfasizza l-importanza li tiġi attribwita r-responsabbiltà fuq il-produtturi u li jiġu estiżi l-perjodi u l-kundizzjonijiet tal-garanzija, li l-manifatturijiġu obbligati jerfgħu r-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-fażi tal-iskart tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodott skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevantili tingħata spinta lill-possibbiltà ta' tiswija, lit-titjib fil-kwalità, lill-modularità u l-possibbiltà ta' riċiklaġġ, u li jiġi żgurat li l-immaniġġjar tal-materja prima u tal-iskart jibqa' fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

33.  Jappella biex jiġu estiżi l-garanziji minimi għall-oġġetti tal-konsum durabbli;

Titjib fis-sorveljanza tas-suq

34.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sorveljanza tal-prodotti li jitqiegħdu fis-suq intern permezz ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri u bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali, u billi jiġu pprovduti riżorsi finanzjarji xierqa lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-potenzjal li tiġi stabbilita skeda informattiva diġitali dwar il-prodott ("passaport tal-prodott"), kif issuġġerit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2017 dwar l-ekoinnovazzjoni, bħala għodda biex jiġu divulgati l-materjali u s-sustanzi li jkunu jinsabu fil-prodott, li tiffaċilita wkoll is-sorveljanza tas-suq;

36.  Jappella għal sistema ta' sorveljanza tas-suq aktar koerenti u kosteffiċjenti fl-Unjoni sabiex tiġi żgurata konformità mad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

   li l-awtoritajiet nazzjonali jintalbu jużaw il-bażi ta' data tal-ICSMS biex jikkondividu r-riżultati kollha tal-kontrolli tal-konformità u tal-ittestjar tal-prodotti mwettqa għall-prodotti kollha koperti mir-regolamenti dwar l-Ekodisinn; din il-bażi ta' data għandha tinkludi l-informazzjoni kollha relevanti għal prodotti konformi u mhux konformi sabiex jiġi evitat l-ittestjar mhux meħtieġ fi Stat Membru ieħor u għandha tkun faċli għall-utent u faċilment aċċessibbli;
   li l-bażi ta' data ġenerali għar-reġistrazzjoni tal-prodotti għal prodotti b'tikketta tal-enerġija tiġi estiża għall-prodotti kollha koperti mir-regolamenti dwar l-Ekodisinn;
   li l-awtoritajiet nazzjonali jintalbu jfasslu pjanijiet speċifiċi għall-attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq tagħhom fil-qasam tal-ekodisinn, li għandhom jiġu nnotifikati lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni kif previst fir-Regolament (KE) Nru 765/2008(9); L-Istati Membri għandhom jinkludu spezzjonijiet għal għarrieda f'dawn il-pjanijiet;
   li jiġu applikati metodi ta' skrinjar rapidi sabiex jiġu identifikati prodotti li ma jikkonformawx mar-regolamenti, u li dawn jiġu elaborati f'kooperazzjoni ma' esperti tal-industrija u kondiviżi mal-korpi pubbliċi;
   li l-Kummissjoni tikkunsidra li tiddefinixxi perċentwal minimu ta' prodotti fis-suq biex jiġu ttestjati, kif ukoll, tiżviluppa mandat għat-twettiq tas-suq indipendenti tagħha stess u tagħmel proposti, kif meħtieġ;
   li jiġu adottati miżuri repressivi, inklużi: sanzjonijiet għal manifatturi mhux konformi proporzjonati mal-impatt tan-nuqqas ta' konformità fuq is-suq Ewropew kollu u kumpens għall-konsumaturi li jkunu xtraw prodotti mhux konformi, anki lil hinn mill-perjodu tal-garanzija legali, inkluż permezz tar-rimedju kollettiv;
   li tingħata attenzjoni partikolari lill-importazzjonijiet minn barra l-UE u lill-prodotti mibjugħa online;
   li tiġi żgurata konformità mal-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi regoli u proċeduri għall-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni fuq il-prodotti u għall-infurzar tagħha (COM(2017)0795), il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu jinkludi prodotti regolati mid-Direttiva dwar l-Ekodisinn; jappoġġa, f'dan il-kuntest, l-iffaċilitar fil-livell tal-UE ta' ttestjar konġunt;

37.  Jenfasizza l-importanza ta' standards ta' ttestjar armonizzati, xierqa u ddefiniti b'mod ċar, u jenfasizza li għandhom jiġu żviluppati protokolli ta' ttestjar li jkunu qrib kemm jista' jkun tal-kundizzjonijiet reali; jissottolinja li l-metodi ta' ttestjar għandhom ikunu robusti u ddisinnjati u mwettqa b'tali mod li jeskludu l-manipulazzjoni u t-titjib intenzjonat jew mhux intenzjonat tar-riżultati; iqis li t-testijiet ma għandhomx jagħtu lok għal piż oneruż fuq in-negozji, b'mod partikolari għall-SMEs, li ma għandhomx l-istess kapaċità bħal kompetituri kbar tagħhom; jilqa' r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/2282 dwar l-użu tat-tolleranzi fil-proċeduri ta' verifika;

38.  Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fil-ħidma ta' infurzar tagħhom u għal kooperazzjoni msaħħa meta prodott jinstab li ma jkunx konformi; jenfasizza l-ħtieġa għal gwida għall-manifatturi u l-importaturi dwar ir-rekwiżiti ddettaljati tad-dokumenti meħtieġa għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq;

Rakkomandazzjonijiet oħra

39.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata konsistenza u konverġenza bejn regolamenti dwar l-ekodisinn u regolamenti orizzontali bħal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi u l-iskart, inklużi d-Direttivi dwar REACH, WEEE u RoHS, u jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu s-sinerġiji mal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku u mal-Ekotikketta tal-UE;

40.  Jissottolinja r-rabta bejn id-Direttiva dwar l-Ekodisinn u d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija; jistieden lill-Istati Membri jinċentivaw l-adozzjoni ta' prodotti u servizzi effiċjenti fis-suq u jintensifikaw l-attivitajiet ta' spezzjoni u ta' konsulenza tagħhom; jemmen li t-titjib tal-ekodisinn tal-prodotti relatati mal-enerġija jista' mbagħad jaffettwa b'mod pożittiv ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija;

41.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-pubbliku ġenerali u b'mod partikolari l-midja jingħataw informazzjoni ċara dwar il-benefiċċji tal-ekodisinn qabel it-tnedija ta' miżura, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkomunikaw b'mod proattiv dwar il-benefiċċji tal-miżuri tal-ekodisinn bħala parti integrali tal-proċess ta' adozzjoni ta' dawn il-miżuri tal-ekodisinn u jikkomunikaw aktar mal-partijiet ikkonċernati sabiex in-nies jifhmu aħjar il-leġiżlazzjoni;

42.  Jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u ċirkolari se tippreżenta mhux biss bosta opportunitajiet iżda wkoll sfidi soċjali; iqis, peress li ħadd ma għandu jitħalla barra, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-familji b'introjtu baxx li jinsabu f'riskju ta' faqar enerġetiku meta jippreżentaw programmi li jħeġġu l-użu tal-aktar prodotti effiċjenti fir-riżorsi; jemmen li tali programmi ma għandhomx jostakolaw l-innovazzjoni iżda għandhom ikomplu jippermettu lill-manifatturi joffru lill-konsumaturi firxa wiesgħa ta' prodotti ta' kwalità għolja, u li huma għandhom jiffavorixxu wkoll id-dħul fis-suq ta' prodotti relatati mal-enerġija u li jużaw l-ilma li jkunu kapaċi jiksbu effiċjenza ikbar fir-riżorsi u aktar iffrankar għall-konsumaturi;

43.  Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE jagħtu eżempju tajjeb billi jistabbilixxu u jagħmlu użu sħiħ mill-ekonomija ċirkolari u mill-istrateġiji tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku sabiex jipprijoritizzaw prodotti li wrew li huma sostenibbli, bħall-prodotti bl-Ekotikketta, u l-ogħla standards dwar l-effiċjenza fir-riżorsi fl-investimenti kollha, u jippromwovu użu mifrux ta' akkwist ekoloġiku, inkluż fis-settur privat;

o
o   o

44.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.
(2) ĠU L 198, 28.7.2017, p. 1.
(3) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.
(4) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-15811-2017-INIT/mt/pdf
(5) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 65.
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0287.
(7) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 244/2009 tat-18 ta' Marzu 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodiżinn għal bozoz tad-dar li ma jitfgħux id-dawl f’direzzjoni waħda (ĠU L 76, 24.3.2009, p. 3).
(8) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1194/2012 tat-12 ta’ Diċembru 2012 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar- rekwiżiti tal-ekodisinn għal lampi direzzjonali, lampi b'dajowd li jemetti d-dawl u t-tagħmir relatat (ĠU L 342, 14.12.2012, p. 1).
(9) Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).


Pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet
PDF 140kWORD 57k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2018 dwar reazzjoni għall-petizzjonijiet dwar l-indirizzar tal-prekarjetà u l-użu abbużiv tal-kuntratti b'terminu fiss (2018/2600(RSP))
P8_TA(2018)0242B8-0238/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 153(1)(a) u (b), 155(1) u 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 4 u 30 tal-Karta Soċjali Ewropea u l-Artikoli 31 u 32 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-miżuri antidiskriminazzjoni u kontra l-abbuż tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, mis-CEEP u mill-ETUC – Anness: Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time(1) (id-Direttiva dwar ix-Xogħol Part-time),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP(2) (id-Direttiva dwar Xogħol għal Żmien Fiss),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol(3) (id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura f'impriżi ta' skala Komunitarja u fi gruppi ta' skala Komunitarja ta' impriżi għall-iskopijiet ta' tagħrif u konsultazzjoni tal-impjegati(5) (id-Direttiva tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħol),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 98 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji tad-Dritt ta' Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, u l-Konvenzjoni 175 dwar Xogħol Part-time,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju(6),

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Kuntratti temporanji, impjieg prekarju, id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u tal-liġi dwar l-impjieg tal-UE", ippubblikata mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu f'Novembru 2017(7),

–  wara li kkunsidra l-bosta petizzjonijiet dwar il-ksur tad-Direttiva dwar ix-Xogħol għal Żmien Fiss fis-settur pubbliku(8), dwar il-kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol ta' ħaddiema impjegati fuq kuntratti ta' żero sigħat fis-settur privat(9), dwar ir-rappreżentazzjoni trejdjunjonistika u dwar id-diskrepanzi fis-sistemi tas-sigurtà soċjali(10) u li jopponi l-użu li qed jiżdied ta' kuntratti temporanji(11);

–  wara li kkunsidra l-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol (COM(2018)0131) u għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom (COM(2018)0132),

–  wara li kkunsidra l-eżitu tas-seduta ta' smigħ organizzata mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fit-22 ta' Novembru 2017 dwar "Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema f'impjiegi temporanji jew prekarji, abbażi tal-petizzjonijiet riċevuti",

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta' Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta' min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg(12),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea, li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE (COM(2017)0797),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar "Risposti għal petizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-prekarjetà u l-użu abbużiv ta' kuntratti għal żmien determinat" (O-000054/2018 – B8-0022/2018),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-għadd ta' ħaddiema b'kuntratti b'terminu fiss jew part-time żdied fl-UE matul l-aħħar 15-il sena, bħala riżultat tal-politiki ta' awsterità u tnaqqis tad-drittijiet tax-xogħol li ġew implimentati, li wasslu għal żieda fil-prekarjetà u l-instabbiltà tax-xogħol; billi hemm bżonn ta' politiki effiċjenti li jkopru d-diversi forom ta' impjieg u jħarsu b'mod adegwat lill-ħaddiema;

B.  billi l-kundizzjonijiet ta' xogħol prekarji huma mnissla mill-eżistenza ta' nuqqasijiet kbar fil-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-ħaddiema f'livelli differenti ta' regolamentazzjoni, inklużi l-liġi primarja u sekondarja tal-UE u l-liġi tal-Istati Membri; billi l-petizzjonijiet li jikkonċernaw tipi differenti ta' impjieg għandhom jiġu kkunsidrati f'konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru rispettiv minn fejn joriġinaw u mil-liġi rilevanti tal-UE; billi l-politika soċjali u tax-xogħol tal-UE hija bbażata fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

C.  billi hemm bżonn li r-reazzjonijiet ta' politika jiġu adattati biex jirriflettu l-fatt li l-prekarjetà hija aspett dinamiku li jaffettwa r-relazzjonijiet kollha ta' impjieg personali; billi l-ġlieda kontra l-impjieg prekarju jeħtieġ li titwettaq permezz ta' pakkett ta' politika f'diversi livelli integrat li jippromwovi standards tax-xogħol inklużivi u effikaċi flimkien ma' miżuri effikaċi biex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta' ugwaljanza;

D.  billi l-għan li jiġu indirizzati b'mod effikaċi l-prattiki inġusti tal-impjieg li jwasslu għall-prekarjetà għandu wkoll jiġi segwit fuq il-bażi tal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO, li tħares lejn il-ħolqien tax-xogħol, id-drittijiet fuq il-post ix-xogħol, il-protezzjoni soċjali u d-djalogu soċjali, bl-ugwaljanza bejn is-sessi bħala objettiv trasversali;

E.  billi d-data tal-Eurostat u tal-Eurofound dwar l-impjieg temporanju involontarju, dwar id-diskrepanzi fis-sessi u fl-età fl-impjieg temporanju u dwar is-sottoimpjieg ta' proporzjon notevoli ta' ħaddiema part-time turi emerġenza dejjem tikber ta' forom mhux standard u atipiċi ta' impjieg; billi d-data dwar is-sottoimpjieg skont is-sessi u l-età turi li r-rati tiegħu huma fl-aktar livell baxx mill-2009;

F.  billi diversi Stati Membri, matul is-snin, esperjenzaw żieda sinifikanti f'kuntratti ta' impjieg atipiċi u temporanji kemm fis-setturi pubbliċi kif ukoll dawk privati, f'qafas legali fejn l-użu abbużiv ta' kuntratti b'terminu fiss ma setgħu jiġu la adegwatament evitati u lanqas issanzjonati minħabba n-nuqqas ta' rimedji effikaċi u proporzjonati; billi dan dgħajjef l-integrità tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-impjiegi u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

G.  billi hemm qafas komprensiv tal-leġiżlazzjoni tal-UE fis-seħħ li jenħtieġ li tnaqqas ir-riskju tal-prekarjetà ta' ċerti tipi ta' relazzjonijiet tal-impjieg, bħad-Direttiva dwar Kuntratti b'Terminu Fiss, id-Direttiva dwar ix-Xogħol Part-time, id-Direttiva dwar Xogħol Temporanju, id-Direttiva dwr il-Ħin tax-Xogħol, id-Direttiva dwar Ugwaljanza fit-Trattament fl-Impjieg u fix-Xogħol, id-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali bejn Persuni u d-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali u l-Opportunitajiet Indaqs;

H.  billi l-Kummissjoni akkumulat dewmien twil fl-immaniġġjar ta' proċedimenti ta' ksur dwar il-ksur tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol tal-UE minn xi Stati Membri, li ppermetta l-użu abbużiv ta' kuntratti b'terminu fiss u l-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema għal snin sħaħ;

I.  billi informazzjoni reċenti relatata ma' petizzjonijiet dwar l-abbuż ta' kuntratti b'terminu fiss fis-settur pubbliku enfasizzat is-sitwazzjoni ta' xi ħaddiema temporanji li tkeċċew mill-korp pubbliku fejn kienu qed jaħdmu wara deċiżjonijiet li ddikjaraw li dawk il-ħaddiema kienu sofrew minn użu abbużiv ta' kuntratti b'terminu fiss, bi ksur tad-Direttiva 1999/70/KE dwar il-ftehim qafas dwar xogħol b'terminu fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP;

J.  billi l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma differenti minn Stat Membru għal ieħor, peress li kull wieħed minnhom għandu l-leġiżlazzjoni speċifika tiegħu relatata mal-kuntratti ta' impjieg;

K.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet sema' evidenza qawwija dwar it-tkabbir ta' xogħol prekarju;

L.  billi l-ħaddiema fuq kuntratti ta' żero sigħat jeħtiġilhom jitqiesu bħala ħaddiema skont il-liġi tal-UE, minħabba li huma jaħdmu taħt id-direzzjoni ta' ħaddieħor u jirċievu remunerazzjoni għal dak ix-xogħol, u għalhekk trid tapplika l-leġiżlazzjoni soċjali tal-UE;

M.  billi l-impjieg prekarju, inklużi kuntratti ta' żero sigħat, jirriżulta f'aċċess mhux adegwat għal protezzjoni soċjali u jdgħajjef id-dritt għal negozjar kollettiv, b'mod partikolari f'termini ta' benefiċċji u protezzjoni minn tkeċċija inġusta, filwaqt li jħalli effett fuq l-iżvilupp tal-karriera u t-taħriġ; billi l-impjieg prekarju jwassal għall-prekarjetà tal-ħajja b'mod ġenerali;

N.  billi huwa aktar probabbli li n-nisa jaħdmu part-time jew b'kuntratti ta' żmien limitat jew b'pagi baxxi u għalhekk huma f'riskju akbar ta' prekarjetà bħala riżultat ta' diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, u dan qed inaqqas il-pass tal-progress fil-ġlieda kontra u l-eliminazzjoni tad-differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa;

1.  Jifhem li l-impjieg prekarju jfisser impjieg li jirriżulta minn, fost affarijiet oħra, l-użu abbużiv ta' kuntratti ta' impjieg temporanju bi ksur tal-istandards internazzjonali dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet tax-xogħol u l-liġi tal-UE; jissottolinja li l-impjieg prekarju jimplika esponiment akbar għal vulnerabbiltà soċjoekonomika, nuqqas ta' riżorsi għal ħajja deċenti u protezzjoni soċjali mhux adegwata;

2.  Jenfasizza li huwa importanti li ssir distinzjoni bejn ix-xogħol atipiku u l-eżistenza ta' impjieg prekarju; jenfasizza li t-termini "atipiċi" u "xogħol prekarju" ma jistgħux jintużaw b'mod sinonimu;

3.  Jieħu nota tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta’ Lulju 2017 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjieg prekarju u tal-petizzjonijiet riċevuti, u jissottolinja li r-riskju tal-prekarjetà jiddependi fuq it-tip ta' kuntratt iżda wkoll fuq il-fatturi li ġejjin:

   ftit li xejn jew kważi l-ebda sigurtà tax-xogħol minħabba n-natura tax-xogħol mhux permanenti, bħal f'kuntratti part-time involontarji u ta' sikwit marġinali, u, f'xi Stati Membri, sigħat tax-xogħol mhux ċari u dmirijiet li jinbidlu minħabba xogħol fuq talba;
   protezzjoni rudimentarja mit-tkeċċija u nuqqas ta' protezzjoni soċjali suffiċjenti f'każ ta' tkeċċija;
   remunerazzjoni insuffiċjenti għal standard ta' ħajja deċenti;
   ftit li xejn jew l-ebda drittijiet għal protezzjoni jew benefiċċji soċjali;
   ftit li xejn jew l-ebda protezzjoni minn kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni;
   prospetti limitati jew l-ebda prospetti għall-avvanz fis-suq tax-xogħol jew fir-rigward tal-iżvilupp tal-karriera u tat-taħriġ;
   livell baxx ta' drittijiet kollettivi u drittijiet limitati għal rappreżentanza kollettiva;
   ambjent tax-xogħol li ma jissodisfax l-istandards minimi tas-saħħa u s-sigurtà;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-impjieg prekarju, bħal kuntratti ta' żero sigħat, billi jiżguraw l-iżvilupp ta' strumenti ġodda u r-rispett koerenti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-infurzar konkret tal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali fil-livell nazzjonali bil-ħsieb li jissolva d-defiċit għal xogħol deċenti u li jiġi implimentat approċċ ibbażat fuq id-drittijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw mas-sħab soċjali – b'mod partikolari t-trejdjunjins – u l-partijiet interessati rilevanti, filwaqt li jippromwovu impjiegi kwalitattivi, siguri u mħallsin tajjeb, sabiex, fost l-oħrajn, isaħħu l-ispettorati tax-xogħol;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni immedjata fil-leġiżlazzjoni tagħha biex tindirizza b'mod effikaċi l-prattiki ta' impjieg li jwasslu għall-prekarjetà;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha sabiex ittemm termini inġusti fil-kuntratti ta' impjieg billi tindirizza l-abbużi u l-lakuni kollha; jirrikonoxxi l-proposta l-ġdida għal direttiva dwar Kundizzjonijiet tax-Xogħol Trasparenti u Prevedibbli, li għandha l-għan li tistabbilixxi drittijiet ġodda għall-ħaddiema kollha, b'mod partikolari sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema f'forom ġodda ta' impjiegi u impjiegi mhux standard, filwaqt li tnaqqas il-piżijiet fuq min iħaddem u żżomm l-adattabbiltà tas-suq tax-xogħol;

7.  Jilqa' speċifikament id-dispożizzjonijiet dwar id-dritt li wieħed ifittex impjieg addizzjonali, bi projbizzjoni fuq il-klawsoli ta' esklużività u l-klawsoli dwar il-limiti fuq l-inkompatibbiltà, u d-dritt li wieħed jiġi infurmat dwar id-data tal-bidu tax-xogħol fi żmien raġonevoli qabel dik id-data;

8.  Jenfasizza li d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tista' u trid tiġi applikata għall-ħaddiema fuq kuntratti ta' żero sigħat u li għalhekk dawn huma koperti mir-regoli dwar perjodi minimi ta' mistrieħ u ħinijiet massimi ta' xogħol;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-indikaturi tal-ILO huma u jiddeterminaw l-eżistenza ta' relazzjoni ta' impjieg bħala mezz ta' kif jista' jiġi indirizzat in-nuqqas ta' protezzjoni offruta minn impjieg prekarju;

10.  Jinnota li l-aċċess għall-protezzjoni soċjali huwa kruċjali għas-sikurezza ekonomika u soċjali tal-forza tax-xogħol u t-tħaddim kif jixraq tas-swieq tax-xogħol li joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli;

11.  Jissottolinja li l-ispezzjonijiet iridu jiġu żgurati sabiex ħaddiema soġġetti għal ftehimiet kuntrattwali temporanji jew flessibbli jibbenefikaw, tal-inqas, mill-istess protezzjoni bħall-ħaddiema l-oħra kollha; jinnota li huwa meħtieġ sforz immirat biex jintużaw l-istrumenti eżistenti tal-ILO f'kampanja speċifika kontra l-impjieg prekarju, u li għandha tingħata kunsiderazzjoni serja dwar il-ħtieġa ta' strumenti vinkolanti u miżuri legali ġodda li jillimitaw u jnaqqsu l-impjieg prekarju u jagħmlu kuntratti ta' impjieg prekarju inqas attraenti lil min iħaddem;

12.  Jemmen bil-qawwa li trid issir valutazzjoni globali taċ-ċirkustanzi tat-tiġdid tal-kuntratti ta' impjieg b'terminu fiss, peress li s-servizzi mitluba mill-ħaddiem ma kinux kapaċi jissodisfaw ħtiġijiet ta' natura sempliċement temporanja, b'tali mod li nkixef abbuż bi ksur tal-Klawsola 5 tal-Ftehim Qafas tad-Direttiva 1999/70/KE;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post tax-xogħol;

14.  Jinsisti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol prekarju fir-rigward tal-impatt tagħha fuq is-sessi; iqis li huwa meħtieġ li jkun hemm enfasi fuq miżuri eżistenti differenti li jikkonċernaw il-ħtiġijiet tan-nisa f'impjieg prekarju, bħala grupp li diġà jinsab irrappreżentat iżżejjed u li se jkompli jiġi affettwat b'mod eċċessiv;

15.  Ifakkar li l-premessa li fuqha hija msejsa d-Direttiva 1999/70/KE dwar il-Ftehim Qafas għal kuntratti b'terminu fiss hija l-fatt li l-kuntratti ta' impjieg ta' żmien indeterminat huma l-forma ġenerali tar-relazzjoni ta' impjieg, filwaqt li l-kuntratti ta' impjieg b'terminu fiss huma biss forma ta' impjieg speċifika għal ċerti setturi jew għal ċerti okkupazzjonijiet u attivitajiet;

16.  Jiddenunzja t-tiġdid ta' kuntratti ta' impjieg b'terminu fiss bil-għan li jiġu koperti l-ħtiġijiet li mhumiex ta' natura temporanja iżda li huma fissi u permanenti, peress li dan jirrappreżenta ksur tad-Direttiva 1999/70/KE;

17.  Jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stabbiliet li t-trasformazzjoni ta' kuntratt b'terminu fiss f'kuntratt għal żmien indeterminat tikkostitwixxi miżura li hija konsistenti mar-rekwiżiti li jirriżultaw mil-liġi tal-UE billi tipprevjeni l-użu abbużiv ta' kuntratti b'terminu fiss u twassal għall-eliminazzjoni definittiva tal-konsegwenzi ta' użu abbużiv(13);

18.  Jenfasizza li t-trasformazzjoni ta' kuntratt b'terminu fiss f'kuntratt għal żmien indeterminat trid titqies bħala miżura biex b'mod effikaċi jiġi pprevenut u sanzjonat l-abbuż ta' kuntratti b'terminu fiss kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat, u trid tkun inkluża b'mod ċar u konsistenti mill-Istati Membri kollha fl-oqfsa legali rilevanti tagħhom dwar il-liġi tax-xogħol;

19.  Jenfasizza li t-trasformazzjoni ta' kuntratt b'terminu fiss f'kuntratt għal żmien indeterminat għal ħaddiem li jkun sofra minn abbuż ta' kuntratti b'terminu fiss, bi ksur tad-Direttiva 1999/70/KE, ma teżonerax Stat Membru mill-obbligu li jippenalizza dak l-abbuż, inkluża, barra minn hekk, il-possibbiltà li l-ħaddiem affettwat jikseb kumpens għal kwalunkwe ħsara mġarrba fil-passat;

20.  Jissottolinja li jekk Stat Membru jagħżel li jippenalizza diskriminazzjoni jew abbuż kontra ħaddiem temporanju bi ksur tal-liġi tal-UE billi joffri kumpens lill-ħaddiem affettwat, dak il-kumpens irid, fi kwalunkwe każ, ikun adegwat u effikaċi u jrid jikkumpensa bis-sħiħ id-danni kollha mġarrba;

21.  Jenfasizza li l-kunsiderazzjonijiet baġitarji li fuqhom hija msejsa l-għażla ta' Stat Membru rigward il-politika soċjali ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta' miżuri effikaċi bil-għan li jiġi pprevenut u ppenalizzat l-użu abbużiv ta' kuntratti suċċessivi ta' impjieg b'terminu fiss; jenfasizza, fil-fatt, li l-adozzjoni ta' tali miżuri effikaċi, f'konformità sħiħa mal-liġi tal-UE, hija meħtieġa biex tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema;

22.  Jikkundanna l-fatt li l-ħaddiema li kienu ġew rikonoxxuti mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti bħala vittmi ta' użu abbużiv ta' kuntratti b'terminu fiss, bi ksur tad-Direttiva 1999/70/KE, ingħataw is-sensja; jemmen bis-sħiħ li fejn twettqu abbużi ta' kuntratti suċċessivi ta' impjieg b'terminu fiss, tista' tiġi applikata miżura li toffri garanzija effikaċi u ekwivalenti għall-protezzjoni tal-ħaddiema sabiex tippenalizza b'mod dovut l-abbuż u tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tal-liġi tal-UE, kif ukoll tissalvagwarda l-pożizzjoni tal-impjieg tal-ħaddiema affettwati;

23.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-istandards tal-impjiegi fl-impjiegi mhux konvenzjonali billi jipprovdu, tal-inqas, sett ta' standards minimi għall-protezzjoni soċjali, livell minimu tal-pagi u aċċess għat-taħriġ u l-iżvilupp;

24.  Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex jirrispettaw, jippromwovu u jikkonkretizzaw il-prinċipji fundamentali u drittijiet fuq il-post tax-xogħol li jikkonċernaw lil dawk li jaħdmu fl-ekonomija informali, u biex joħolqu mekkaniżmi xierqa jew jirrieżaminaw dawk li diġà jeżistu bil-għan li jiżguraw il-konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti nazzjonali u jirrikonoxxu u jinfurzaw ir-relazzjonijiet tal-impjieg b'tali mod li jiffaċiltaw it-tranżizzjoni tal-ħaddiema lejn l-ekonomija formali.

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 14, 20.1.1998, p. 9
(2) ĠU L 175, 10.7.1999, p. 43.
(3) ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9
(4) ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9
(5) ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28.
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0290.
(7) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/596823/IPOL_STU(2017)596823_EN.pdf
(8) 0389/2015, 1328/2015, 0044/2016, 0988/2016, 1108/2016, 1202/2016, 1310/2016, 0188/2017, 0268/2017, 0283/2017, 0640/2017, 0701/2017
(9) 0019/2016, 0020/2016, 0021/2016, 0099/2017, 1162/2017
(10) 0019/2016, 0442/2017
(11) 1043/2017
(12) ĠU L 288, 18.10.1991, p. 32.
(13) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Novembru 2014, Mascolo, C-22/13, ECLI:EU:C:2014:2401, paragrafu 55.

Avviż legali