Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2044(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0374/2018

Testi mressqa :

A8-0374/2018

Dibattiti :

PV 11/12/2018 - 13
CRE 11/12/2018 - 13

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2018 - 12.14
CRE 12/12/2018 - 12.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0512

Testi adottati
PDF 359kWORD 126k
L-Erbgħa, 12 ta' Diċembru 2018 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Il-konstatazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Speċjali dwar it-Terroriżmu
P8_TA-PROV(2018)0512A8-0374/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar il-konstatazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Speċjali dwar it-Terroriżmu (2018/2044(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar it-twaqqif ta' kumitat speċjali dwar it-terroriżmu, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat tiegħu(1), adottata skont l-Artikolu 197 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Speċjali dwar it-Terroriżmu (A8-0374/2018),

Preambolu

A.  billi l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, kif ukoll fuq il-prinċipji tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; billi l-atti ta' terroriżmu jikkostitwixxu waħda mill-ksur l-aktar serju ta' dawn il-valuri u l-prinċipji universali;

B.  billi l-UE għandha tagħmel kulma tista' biex tiggarantixxi l-integrità fiżika u mentali taċ-ċittadini tagħha li jinsabu f'periklu minħabba t-terroristi; billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu tirrikjedi li l-vittmi jitqiegħdu fiċ-ċentru; billi s-soċjetajiet iridu jipproteġu, jirrikonoxxu, jappoġġjaw u jikkumpensaw lill-vittmi tat-terroriżmu; billi l-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi kemm id-dritt għal-libertà kif ukoll id-dritt għas-sigurtà, li jikkomplementaw lil xulxin;

C.  billi r-reazzjoni għat-theddida terroristika għandha dejjem tkun f'konformità sħiħa mal-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 2 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE) u għandha tosserva d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll il-prinċipji rikonoxxuti, b'mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, meta jitqies l-effett possibbli fuq persuni innoċenti li jiffurmaw il-maġġoranza kbira tal-popolazzjoni;

D.  billi t-terroriżmu fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tiegħu, imwettaq minn kull persuna, kull fejn u għal kwalunkwe raġuni, għandu jiġi kkundannat, minħabba li jikkostitwixxi waħda mill-aktar theddidiet serji għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali;

E.  billi t-theddida terroristika kibret u evolviet b'mod rapidu f'dawn l-aħħar snin; billi l-attakki terroristiċi affettwaw lilna lkoll b'mod profond u ħadu l-ħajjiet ta' ħafna nies innoċenti u darbu ħafna oħrajn; billi n-natura transfruntiera tat-terroriżmu tirrikjedi rispons koordinat b'saħħtu u kooperazzjoni fl-Istati Membri u bejniethom, kif ukoll mal-aġenziji u l-korpi kompetenti tal-Unjoni u bejniethom, u ma' pajjiżi terzi rilevanti;

Qafas istituzzjonali

F.  billi s-sigurtà ta' Stat Membru wieħed hija s-sigurtà fl-Unjoni kollha; billi t-theddid ikkawżat mit-terroriżmu jeħtieġ approċċ olistiku li jorbot is-sigurtà interna u esterna u jiżgura koordinazzjoni nazzjonali u Ewropea; billi l-UE u l-Istati Membri għamlu progress fil-ġlieda kontra dan it-theddid, iżda sfortunatament dan il-progress qed isir taħt pressjoni ta' avvenimenti aktar milli permezz ta' miżuri proattivi, u l-istess livell ta' progress mhuwiex qed jinkiseb fl-Istati Membri kollha;

G.  billi s-sigurtà nazzjonali hija r-responsabbiltà unika tal-Istati Membri kif stipulat fl-Artikolu 4(2) tat-TUE u l-Artikolu 73 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), filwaqt li skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 42 tat-TUE, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-Trattati; billi s-sigurtà nazzjonali tiddependi dejjem aktar fuq id-dimensjoni Ewropea aktar wiesgħa tagħha; billi s-sigurtà nazzjonali mhijiex definita fil-livell tal-UE u b'hekk tħalli marġni ta' diskrezzjoni wiesgħa għall-Istati Membri;

H.  billi, fl-istess ħin, l-Artikolu 4(2) tat-TFUE jistabbilixxi l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja bħala qasam ta' kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri; billi l-UE għandha kompetenzi speċifiċi rigward il-faċilitazzjoni u l-inkoraġġiment tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, inkluża l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u tal-prattiki tal-Istati Membri; billi l-mandat għal azzjoni tal-UE huwa previst mill-Artikolu 67 tat-TFUE biex jiġi żgurat "livell għoli ta' sigurtà permezz ta' miżuri ta' prevenzjoni u ta' ġlieda kontra l-kriminalità";

I.  billi l-aġenziji nazzjonali tas-sigurtà u tal-intelligence tal-Istati Membri tal-UE u ta' xi pajjiżi terzi jikkooperaw b'mod effikaċi ħafna permezz tal-Grupp Kontra t-Terroriżmu (CTG), korp informali barra mill-UE, u fuq bażi bilaterali u multilaterali; billi s-CTG għandu pjattaforma għall-iskambju ta' intelligence operattiva li tejbet il-veloċità u l-kwalità ta' intelligence kondiviża; billi l-UE għandha kumpless stabbilit ta' strutturi li jittratta t-terroriżmu kompletament jew parzjalment, b'mod partikolari permezz taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (ECTC) tal-Europol bħala ċ-ċentru għall-iskambju ta' informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-livell tal-UE, u ċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (INTCEN) bħala l-gateway għal intelligence strateġika mis-servizzi ta' intelligence u sigurtà għall-UE li permezz tagħhom, l-informazzjoni dwar is-CTG tilħaq lil dawk li jfasslu l-politika Ewropea, u dan huwa ffaċilitat mill-Koordinatur Ewropew ta' Kontra t-Terroriżmu;

J.  billi l-linja bejn l-UE u l-kompetenzi nazzjonali mhijiex dejjem ċara minħabba karatteristiċi differenti u prerogattivi ġeografiċi, u b'hekk tissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ livelli ta' governanza; billi l-firxa varjata ta' atturi reġjonali, nazzjonali, internazzjonali u tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu b'kompetenzi li jikkoinċidu u b'mandati mhux delineati biżżejjed, l-għadd kbir ta' fora formali u informali għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni, kif ukoll it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-aġenziji reġjonali u nazzjonali differenti, bejn is-servizzi tal-infurzar tal-liġi u s-servizzi tal-intelligence u bejn l-UE u l-Istati Membri, jissottolinjaw il-kumplessità ta' diffikultajiet fir-rigward tal-koordinazzjoni, l-effiċjenza u l-koerenza tar-rispons għat-theddida terroristika u jistgħu jwasslu għal dawn id-diffikultajiet;

K.  billi l-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà huwa attur siewi biex jgħaqqad flimkien l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politika tal-Kummissjoni; billi l-istabbiliment tal-pożizzjoni ta' Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà huwa sinjal tal-impenn tal-UE li jinkoraġġixxi u jappoġġja l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar kwistjonijiet ta' sigurtà interna, kif ukoll jarmonizza l-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu u jiżgura kooperazzjoni aħjar bejn l-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ l-istatus ta' dawn il-kwistjonijiet bħala kompetenzi nazzjonali kif stabbilit fit-Trattati;

L.  billi l-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu għandu rwol importanti fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu; billi l-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, f'konformità mal-mandat tiegħu jew tagħha kif iddeterminat mill-Kunsill Ewropew jiżgura l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-istrateġija u l-koordinazzjoni tal-ħidma fl-Unjoni, kif ukoll jiffaċilita l-kuntatt bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi; billi l-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu jagħti pariri siewja lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE u lill-Istati Membri, u jżomm kuntatti magħhom u jgħin biex isaħħaħ il-koordinazzjoni bejniethom; billi l-mandat u l-istatus tiegħu jew tagħha xorta waħda mhumiex definiti sew;

M.  billi fis-6 ta' Lulju 2017 il-Parlament waqqaf Kumitat Speċjali dwar it-Terroriżmu (TERR) bil-għan li jipprovdi l-fehma tal-Parlament rigward id-diskrepanzi prattiċi u leġiżlattivi fir-reġim kurrenti kontra t-terroriżmu li ppermettew li jsiru l-attakki terroristiċi riċenti fl-UE u jagħmel rakkomandazzjonijiet li jgħinu biex tiġi indirizzata t-theddida terrorista fil-livell tal-UE;

N.  billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, li għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939, għandu jkollu l-kompitu importanti li jagħmel investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ta' reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; billi l-istabbiliment tiegħu u l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji għal dan il-korp il-ġdid ma għandhomx iħallu impatt negattiv fuq il-kapaċitajiet ta' strutturi eżistenti, bħall-Eurojust, biex jiffaċilitaw l-isforzi tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

O.  billi mit-88 miżura legalment vinkolanti kontra t-terroriżmu li ġew proposti minn Settembru 2001 sas-sajf 2013, kwart biss kienu soġġetti għal valutazzjonijiet tal-impatt u tlieta biss għal konsultazzjoni pubblika(2); billi dan il-proporzjon tjieb f'dawn l-aħħar snin u l-aktar inizjattivi riċenti ppreżentati mill-Kummissjoni fl-2017 u fl-2018 kienu akkumpanjati mill-ġustifikazzjoni meħtieġa; billi bl-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar adottata fl-2015, il-Kummissjoni saħħet ukoll il-politika tagħha dwar il-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati; billi l-miżuri kontra t-terroriżmu jistgħu jkunu aktar effikaċi u koerenti jekk jiġu kkonsultati l-partijiet ikkonċernati xierqa u jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt;

P.  billi l-Valutazzjoni Komprensiva tal-Kummissjoni tal-Politika tas-Sigurtà tal-UE semmiet l-implimentazzjoni inkompleta bħala waħda mill-isfidi tal-Unjoni tas-Sigurtà;

Q.  billi l-evalwazzjoni tal-miżuri kontra t-terroriżmu hija vitali biex tiġi vvalutata l-effikaċja, ir-rilevanza, il-koerenza u l-konformità tagħhom mad-drittijiet fundamentali, u biex jiġi ddeterminat jekk hijiex meħtieġa azzjoni addizzjonali biex in-nuqqasijiet jiġu indirizzati; billi teżisti differenza bejn il-monitoraġġ tal-livell ta' implimentazzjoni u l-effikaċja attwali tal-miżuri implimentati; billi, bejn l-2001 u l-2016, saru 17-il rapport ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni u ta' evalwazzjoni meta mqabbel ma' 10 strateġiji kontra t-terroriżmu u 55 miżura leġiżlattiva u mhux vinkolanti; billi huwa essenzjali li l-Istati Membri jimplimentaw malajr kemm jista' jkun il-liġijiet Ewropej dwar is-sigurtà sabiex jiġi evitat milli tinħoloq kwalunkwe lakuna fil-korp komprensiv ta' miżuri kontra t-terroriżmu tal-UE;

It-theddida terroristika

R.  billi f'dawn l-aħħar snin, l-Istati Membri tal-UE għaddew minn attakki terroristiċi kbar; billi l-attakki l-aktar letali twettqu jew ġew ispirati minn gruppi ġiħadisti bħal Daesh jew Al-Qaeda; billi dawn il-gruppi terroristiċi(3) u l-attivitajiet tagħhom xi kultant huma ffaċilitati minn ċerti pajjiżi; billi l-estremiżmu vjolenti separatista tal-lemin estrem, tax-xellug estrem u dak etnonazzjonalista, immirati biex jegħlbu l-valuri u s-sistema demokratiċi rregolati mill-istat tad-dritt fl-UE permezz tal-użu illeġittimu tal-vjolenza, jibqgħu wkoll kwistjonijiet ta' tħassib;

S.  billi l-Istati Membri tal-UE qed iħabbtu wiċċhom ma' theddidiet li qed jikbru ta' vjolenza mil-lemin estrem, kif ukoll ma' vjolenza neo-Faxxista u neo-Nażista mmirata lejn avversarji politiċi, refuġjati u immigranti, minoranzi etniċi u reliġjużi, persuni LGBTQI, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, attivisti, u membri ta' aġenziji tal-infurzar tal-liġi;

T.  billi, filwaqt li l-maġġoranza tal-attakki terroristiċi mwettqa fl-UE fl-2017 kienu speċifikati bħala attakki separatisti (137 minn 205), ir-Rapport dwar is-Sitwazzjoni u t-Trend (tat-TESAT) tal-2018 tal-Europol jiddikjara b'mod ċar li l-ebda attività rrappurtata fi kwalunkwe kategorija terroristika ma kienet letali u ma kellha impatt daqshekk qawwi fuq is-soċjetà kollha daqs dawk imwettqa mit-terroristi ġiħadisti; billi r-riskju dejjem jikber tat-terroriżmu ta' retribuzzjoni huwa tħassib serju li m'għandux jiġi sottovalutat;

U.  billi, sakemm attakk terroristiku jkun "attakk mifrux jew sistematiku dirett lejn kwalunkwe popolazzjoni ta' ċittadini", il-qtil terroristiku għandu jkun kopert mill-Artikolu 7 tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali tas-17 ta' Lulju 1998 u għandu jaqa' taħtu;

V.  billi l-iżviluppi u l-instabbiltà fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq (MENA) ippermettew lil Daesh u lil gruppi terroristiċi oħra jiksbu preżenza soda f'pajjiżi fil-fruntiera mal-UE u jirreklutaw ġellieda li ġejjin mill-pajjiżi tal-UE fuq skala mingħajr preċedent; billi bħala riżultat, ir-rabta bejn is-sigurtà interna u esterna saret aktar prominenti;

W.  billi eluf ta' ċittadini mwielda jew residenti fl-Ewropa ngħaqdu ma' Daesh f'attivitajiet terroristiċi fis-Sirja u l-Iraq, imma kien hemm bidla fl-istrateġija wara l-kollass militari ta' Daesh, bi tnaqqis fl-għadd ta' persuni li jivvjaġġaw lejn dawn il-pajjiżi għal skopijiet terroristiċi, u bil-ġiħadisti terroristiċi u l-gruppi inattivi ("sleeper cells") ġewwa l-UE li qed jiġu mħeġġa jwettqu attakki fil-pajjiżi ta' oriġini jew fil-pajjiżi ta' residenza tagħhom;

X.  billi l-attakki reċenti wrew li l-armi tan-nar u l-isplussivi għadhom metodi tradizzjonali użati minn gruppi terroristiċi; billi, madankollu, l-individwi qed jużaw dejjem aktar armi u metodi oħrajn li huma ħafna inqas sofistikati u iktar diffiċli biex jiġu identifikati, li jfittxu li jikkawżaw in-numru massimu ta' vittmi każwali fost il-persuni ċivili;

Y.  billi r-ritorn ta' ġellieda terroristiċi barranin (FTFs) u l-familji tagħhom joħloq sfidi partikolari f'termini ta' sigurtà u radikalizzazzjoni, speċjalment it-tfal li jirritornaw li jippreżentaw problemi speċifiċi peress li jeħtieġu protezzjoni bħala vittmi iżda fl-istess ħin jistgħu wkoll ikunu l-awturi potenzjali;

Z.  billi ftit minn dawn il-persuni li jirritornaw ikunu ngħataw indottrinazzjoni ideoloġika prolongata u taħriġ militari fl-użu ta' armi u splussivi, kif ukoll f'diversi tattiki ta' kopertura, attakki u ġlied, u f'xi każijiet ikunu stabbilew rabtiet ma' terroristi oħra, possibbilment ex ġellieda barranin, li mbagħad jiffurmaw netwerks transnazzjonali magħhom(4);

AA.  billi l-awturi ta' attakki terroristiċi fl-UE ħafna drabi jinkludu ċittadini tal-UE, li spiss ikunu migranti tat-tieni jew tat-tielet ġenerazzjoni, li jkunu kibru fl-Istati Membri li jkunu attakkaw, kif ukoll barranin li f'xi każijiet setgħu kienu residenti għal perjodu ta' żmien sinifikanti fl-Istat Membru li attakkaw;

AB.  billi s-soċjetajiet miftuħa u l-fruntieri miftuħa tagħna huma vulnerabbli u huma sfruttati mill-gruppi terroristiċi; billi xi terroristi użaw ir-rotot ta' aċċess tal-migranti u tal-persuni li jfittxu ażil għall-pajjiżi Ewropej, billi jisfruttaw il-libertà tal-moviment fl-Ewropa kollha;

AC.  billi hemm każijiet dokumentati(5) fejn vittmi ta' reati severi mwettqa minn terroristi Daesh fuq territorju Sirjan jew Iraqin – minkejja li jikkunsidraw lilhom infushom sikuri – iltaqgħu għal darb'oħra mat-tormentaturi tagħhom fl-UE fejn it-tnejn li huma talbu protezzjoni;

AD.  billi l-fluss ta' migranti irregolari u rifuġjati jippreżenta sfidi għall-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetajiet Ewropej u jirrikjedi investiment imsaħħaħ u speċifiku dirett lejn l-inklużjoni soċjali u kulturali;

AE.  billi forom ġodda ta' terroriżmu jistgħu jintużaw għal attakk, fosthom it-terroriżmu ċibernetiku u l-użu ta' armi ta' qerda massiva, possibbilment f'konnessjoni ma' tagħmir tekniku ġdid bħal inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (drones); billi jeżisti l-preċedent ta' attakk li twaqqaf fil-ħin u li fih kienet se tintuża r-riċina, sustanza bijoloġika tossika ħafna; billi jeżistu każijiet li fihom gruppi terroristiċi użaw jew ippjanaw li jużaw materjal kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku jew nukleari (CBRN), u kkondividu, permezz tal-media soċjali, tattiki u metodi possibbli għal attakki u miri;

AF.  billi l-Istati Membri għandhom strateġiji differenti biex iwieġbu għal theddid ibridu u dak relatat mas-CBRN u għalhekk għandhom livelli differenti ta' stat ta' tħejjija;

AG.  billi l-Kunsill Ewropew, fit-28 ta' Ġunju 2018, laqa' l-Komunikazzjoni Konġunta dwar ir-reżiljenza tal-Ewropa għal theddid ibridu u dak relatat mas-CBRN, billi jiġu identifikati oqsma fejn għandha tiġi intensifikata l-azzjoni sabiex tkompli tiġi approfondita u msaħħa l-kontribuzzjoni essenzjali tal-UE għall-indirizzar ta' dan it-theddid, kif ukoll sabiex l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiġu mħeġġa jaħdmu flimkien ħalli jimplimentaw b'mod sħiħ il-Pjan ta' Azzjoni tas-CBRN bħala kwistjoni ta' urġenza;

AH.  billi għandha tintuża l-kawtela f'diskors politiku sfruttat minn aġitaturi b'ideoloġiji kemm tax-xellug kif ukoll tal-lemin, fir-rigward tat-theddida terroristika jew li jinvokawha sabiex tiġi evitata l-polarizzazzjoni fis-soċjetajiet u biex ma jiġux imminati d-demokrazija, il-koeżjoni soċjali u d-drittijiet tal-bniedem, li b'hekk iressquhom f'dirgħajn l-organizzazzjonijiet terroristiċi u lejn l-għanijiet tagħhom;

AI.  billi l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà ta' April 2015 enfasizzat il-ħtieġa li tiġi indirizzata r-rabta bejn it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, filwaqt li ssottolinjat li l-kriminalità organizzata talimenta t-terroriżmu b'diversi mezzi differenti, inter alia bil-provvista ta' armi, bil-finanzjament permezz tal-kuntrabandu tad-droga, u bl-infiltrazzjoni tas-swieq finanzjarji;

AJ.  billi organizzazzjonijiet terroristiċi internazzjonali fuq skala kbira bħal Daesh u Al-Qaeda huma awtodipendenti mil-lat finanzjarju, u billi l-kummerċ illeċitu ta' oġġetti, armi tan-nar, materja prima, fjuwils, drogi, sigaretti u oġġetti kulturali, fost affarijiet oħra, kif ukoll it-traffikar tal-bnedmin, l-iskjavitù, l-isfruttament tat-tfal, ir-rikattar organizzat u l-estorsjoni, ġie pprovat li huma mezzi ta' finanzjament għall-gruppi terroristiċi; billi r-rabta bejn il-kriminalità organizzata u l-gruppi terroristiċi tikkostitwixxi theddida kbira għas-sigurtà; billi dawn is-sorsi jistgħu jippermettu l-finanzjament kontinwu tal-attivitajiet kriminali futuri tagħhom;

AK.  billi jinħolqu riskji sinifikanti mill-interazzjonijiet bejn organizzazzjonijiet terroristiċi u gruppi ta' kriminalità organizzata, li permezz tagħhom il-kapaċità li jiġi kkawżat għadd kbir ta' vittmi fil-popolazzjoni ċivili fl-Istati Membri tal-UE hija marbuta mal-kapaċità loġistika li tippermetti dan; billi hemm livell baxx ta' rappurtar ta' infurzar tal-liġi u ta' intelligence u analiżi dwar ir-rabta bejn il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu; billi l-kapaċitajiet investigattivi u ġudizzjarji ffukati fuq il-kriminalità organizzata spiss huma nieqsa f'ħafna Stati Membri u fil-livell tal-UE;

AL.  billi t-terroriżmu jfittex li jdgħajjef u jegħleb id-demokraziji; billi l-politikanti u l-gvernijiet huma atturi kruċjali biex jinkisbu kunsens wiesgħa u reżiljenza soċjali sabiex jiġu difiżi b'mod effikaċi s-sistemi demokratiċi tagħna;

Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti

AM.  billi ċ-Ċentru ta' Eċċellenza tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN) joffri pjattaforma importanti għall-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-operaturi, inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u kkontribwixxa għall-ġbir ta' għarfien importanti fil-qasam tal-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tal-ġlieda kontriha(6);

AN.  billi s-sitwazzjoni f'kull Stat Membru hija differenti u l-istrateġija Ewropea li għadha kif ġiet riveduta għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni tista' tappoġġja strateġiji nazzjonali, li huma importanti f'termini ta' għoti ta' oqfsa ġenerali għal programmi f'livell nazzjonali u lokali; billi dawn l-istrateġiji jridu jkunu koerenti u effikaċi u jridu jiżguraw finanzjament suffiċjenti għall-awtoritajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili sabiex dawn il-programmi jkunu jistgħu jiġu implimentati;

AO.  billi huwa impossibbli li wieħed jidentifika triq waħda biss għar-radikalizzazzjoni; billi, per eżempju, il-koeżjoni soċjali, il-kuntest politiku, il-kundizzjoni ekonomika, l-ideali reliġjużi u ideoloġiċi, it-trawmi personali u l-vulnerabbiltajiet psikoloġiċi, kif ukoll l-inħawi tal-madwar u n-netwerks, jistgħu jikkostitwixxu fatturi u skattaturi; billi d-dimensjoni tal-ġeneru sa dan l-aħħar kienet sottovalutata u hemm kunċett żbaljat dwar ir-rwol li n-nisa jista' jkollhom; billi n-nisa mhux dejjem huma suġġetti passivi u jistgħu jaġixxu wkoll bħala mobilizzaturi, reklutaturi, persuni li jiġbru l-fondi u anke bħala persuni li jikkommettu atti terroristiċi;

AP.  billi xi viċinati b'introjtu baxx fil-bliet Ewropej qed jiffaċċjaw qgħad tal-massa u t-tkissir sistematiku tal-istat tad-dritt, u b'hekk joħolqu r-raġunijiet għat-tkattir tal-estremiżmu reliġjuż u t-terroriżmu; billi l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-promozzjoni attiva ta' valuri demokratiċi li ċ-ċittadini kollha jridu jirrispettaw jistgħu jgħinu biex inaqqsu s-sentimenti ta' marġinalizzazzjoni u jtaffu r-riskju ta' radikalizzazzjoni; billi l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti tirrikjedi kollaborazzjoni mill-qrib u kkoordinata bejn l-atturi kollha kkonċernati, fil-livelli kollha ta' governanza (lokali, reġjonali u nazzjonali) kif ukoll mas-soċjetà ċivili u mas-settur privat;

AQ.  billi l-esperti jenfasizzaw l-esperjenza pożittiva li jagħti approċċ b'diversi aġenziji, li jiffoka fuq il-ħolqien ta' infrastrutturi li jqisu r-rotot varji għar-radikalizzazzjoni u d-demografiċi f'riskju, u li jiżguraw l-għoti ta' appoġġ fl-istadji bikrija lil dawk li huma vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni u l-familji tagħhom minn awtoritajiet u organizzazzjonijiet differenti fuq diversi livelli, u li jenfasizza r-rwol ta' appoġġ tal-pulizija, biex b'hekk tissaħħaħ ir-relazzjoni;

AR.  billi l-pulizija lokali għandha rwol pożittiv f'li ssir taf il-persuni vulnerabbli u tibni relazzjonijiet ta' fiduċja magħhom fuq il-bażi ta' rispett reċiproku mal-gruppi kkonċernati bil-għan li tieħu azzjoni qabel ma sseħħ ir-radikalizzazzjoni u tipprevjeni l-ħolqien ta' sentimenti ta' sfiduċja fl-istat u fl-istituzzjonijiet;

AS.  billi, sal-lum, ma jeżistux metodoloġiji ċari biex titkejjel l-effikaċja tal-proġetti għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-ġlieda kontriha;

AT.  billi diversi fondi u programmi Ewropej jistgħu jintużaw għal proġetti għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-ġlieda kontriha fuq livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali; billi l-baġit tal-UE sal-2020 jalloka EUR 314-il miljun għal proġetti kontra r-radikalizzazzjoni(7); billi hemm il-ħtieġa ta' evalwazzjoni kontinwa tal-effikaċja ta' dawk il-programmi; billi l-kejl tal-effikaċja ta' azzjonijiet preventivi kontra r-radikalizzazzjoni huwa intrinsikament diffiċli u jeħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-partijiet ikkonċernati u r-riċerkaturi individwali;

AU.  billi l-Europol jistma li, sal-2018, kien hemm madwar 30 000 ġiħadist radikalizzat fl-UE;

AV.  billi diskors estremist radikalizzat vjolenti qed isir dejjem aktar preżenti fit-territorju ta' ħafna Stati Membri tal-UE, spiss fil-forma ta' kotba, jew bħala kontenut ta' tagħlim jew awdjoviżiv, inkluż fuq netwerks tal-media soċjali u fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni satellitari; billi dan id-diskors imur kontra d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, jimmina l-pluraliżmu, iħeġġeġ il-vjolenza u l-intolleranza kontra r-reliġjonijiet l-oħra kollha, huwa apertament anti-Semitiku, jirrifjuta l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, u jippromowvi viżjoni retrograda tal-kultura u s-soċjetà;

AW.  billi hemm prevalenza b'mod speċifiku ta' letteratura Wahhabi u Salafista, ispirata mid-diskors ta' mibegħda disponibbli f'ċerti ħwienet tal-kotba u online fl-Ewropa; billi din il-verżjoni tal-Iżlam globalizzata u simplistika tinqata' mill-prattiki tal-komunitajiet Musulmani fl-Ewropa u tikkontribwixxi biex iddgħajjef l-integrazzjoni aktar wiesgħa tagħhom;

AX.  billi l-Fundamentaliżmu Iżlamiku Radikali jaspira biex ir-reliġjon tiddomina l-isferi kollha tal-ħajja - individwali, politika u soċjali - u l-konsegwenza ta' dan tista' tkun forma ta' komunitarjaniżmu sensittiv għall-azzjonijiet tar-reklutaturi ġiħadisti;

AY.  billi ġie ddokumentat numru sinifikanti ta' każijiet ta' predikaturi radikali tal-mibegħda fl-Ewropa kollha; billi l-predikaturi tal-mibegħda spiss joriġinaw minn barra l-UE, filwaqt li ċerti postijiet tal-kult reliġjuż jirċievu fondi mhux trasparenti minn pajjiżi terzi, li ħafna minnhom għandhom reġimi awtoritarji jew reliġjużi li ma jiggvernawx bid-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

AZ.  billi jeżistu ċentri tat-tagħlim reliġjuż awtoproklamati li qed ixerrdu ideat estremisti fl-UE, li fihom, il-minorenni, inklużi tfal żgħar, jistgħu jkunu esposti għal kontenut ta' tagħlim li jmur kontra d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u jinkludi kontenut vjolenti; billi l-organizzazzjonijiet estremisti li jwittu t-triq għar-reklutaġġ tat-terroristi spiss jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet taż-żgħażagħ billi jattirawhom b'offerti soċjali u kulturali;

BA.  billi l-istrateġija sofistikata ta' komunikazzjoni bl-internet li tippromwovi t-terroriżmu billi tigglorifikah, użata b'mod speċjali minn Daesh, imma wkoll minn gruppi terroristiċi internazzjonali fuq skala kbira oħrajn, toffri diżinn ikkupjat mill-"kultura żagħżugħa" globali, bħal-logħob tal-azzard online, u għalhekk hija attraenti ferm għat-tfal u ż-żgħażagħ; billi dan il-mudell qed jattirahom b'opportunitajiet soċjali u kulturali;

BB.  billi ħafna investigazzjonijiet riċenti wrew li l-internet u b'mod partikolari l-media soċjali jista' jkollhom rwol bħala mutur tar-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti, kif ukoll bħala għodda għal gruppi ksenofobiċi biex ixerrdu d-diskors ta' mibegħda u l-kontenut illeċitu b'mod speċjali fost iż-żgħażagħ;

BC.  billi, wara l-appelli ripetuti għal impenn aħjar fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kumpaniji tal-internet il-kbar qed jieħdu r-responsabbiltajiet tagħhom; billi fil-Forum Ewropew tal-Internet varat fl-2015, il-kumpaniji jikkooperaw fuq bażi volontarja biex ineħħu kontenut marbut mat-terroriżmu mis-siti web tagħhom jekk jemmnu li dan qed jikser it-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom; billi f'Mejju tal-2016 ġie stabbilit kodiċi ta' kondotta għal kumpaniji kbar tat-teknoloġija tal-informatika, bil-għan li jiġġieldu d-diskors ta' mibegħda illegali online; billi din il-kooperazzjoni volontarja hija madankollu insuffiċjenti;

BD.  billi sa tmiem it-tieni kwart tal-2018 l-Unità Ewropea ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet (EU IRU) tal-Europol kienet diġà vvalutat 54 752 biċċa ta' kontenut prodotti f'10 lingwi differenti minn 170 pjattaforma online, li wasslu għal 52 716-il deċiżjoni għal indikazzjoni b'rata ta' suċċess ta' tneħħija ta' 89,5 % abbażi ta' kunsiderazzjoni volontarja ta' OSPs abbużati(8);

BE.  billi, għalkemm sar xi progress fir-rigward tat-tneħħija ta' kontenut online marbut mat-terroriżmu, jeħtieġ li l-involviment tal-kumpaniji jiżdied sew; billi t-tneħħija ta' spiss la tkun kompluta u lanqas f'waqtha jew permanenti, bil-kontenut li jitneħħa minn sit web wieħed iżda jitħalla fuq sit ieħor li jkun proprjetà tal-istess kumpanija, jew il-kont jitħalla attiv u/jew jidher mill-ġdid wara li jkun ġie ppostjat kontenut bi ksur tat-termini tas-servizz ta' kumpanija; billi jeħtieġ li jittejbu r-rappurtar effikaċi, komprensiv u trasparenti mill-kumpaniji u l-infurzar tal-liġi; billi l-kumpaniji u l-utenti kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jfittxu rimedju ġudizzjarju;

BF.  billi, b'reazzjoni għat-tneħħija ta' aktar kontenut minn kumpaniji akbar, il-gruppi terroristiċi qed jużaw dejjem aktar pjattaformi ġodda u/jew iżgħar li huma anqas adatti għat-tneħħija ta' malajr ta' materjal marbut mat-terroriżmu; billi din id-diversifikazzjoni lejn pjattaformi iżgħar tagħmel l-appoġġ tekniku addizzjonali essenzjali biex tkun permessa, pereżempju, l-introduzzjoni ta' għodod awtomatizzati indipendenti mill-pjattaforma, bħat-teknoloġija "hashing" li tista' tidentifika bil-quddiem kontenut online marbut mat-terroriżmu b'livell għoli ta' preċiżjoni u tipprevjeni l-pubblikazzjoni;

BG.  billi l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda u l-aċċess għall-intelliġenza artifiċjali u l-algoritmi jistgħu jgħinu biex kontenut terroristiku online jiġi identifikat u nnotifikat malajr; billi l-użu ta' għodod awtomatizzati iġib miegħu wkoll riskji ta' hits foloz;

BH.  billi studji u rapporti juru kif il-ħabsijiet jistgħu jevolvu faċilment f'mikrokożmi tar-rabta bejn il-kriminalità u t-terroriżmu, fejn iseħħu r-reklutaġġ u n-netwerking; billi s-sitwazzjoni interna f'ħafna ħabsijiet taċċellera t-theddida tar-radikalizzazzjoni tat-trasgressuri, filwaqt li tinkuba u tippermetti t-terroriżmu; billi ħafna minn dawk li qed jiskontaw sentenzi ta' ħabs dalwaqt se jirritornaw fil-komunitajiet tagħhom, li joħolqu sfidi ta' riintegrazzjoni partikolari u riskju għoli ta' reċedività; billi l-monitoraġġ ta' tali trasgressuri b'riskju għoli huwa estremament intensiv fir-rigward ta' riżorsi għas-servizzi tas-sigurtà tal-Istati Membri; billi r-reġimi u l-ġestjoni tar-riskju tal-ħabsijiet jista' jkollhom rwol sinifikati fil-mitigazzjoni ta' dak it-theddid; billi, għalkemm l-Istati Membri jirrikonoxxu l-bżonn li jiffaċċjaw iż-żieda fir-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet, hemm bżonn ta' miżuri aktar effikaċi;

Kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni

Kwistjonijiet orizzontali

BI.  billi ż-żamma tad-data, filwaqt li titqies il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija parti essenzjali mill-proċess investigattiv; billi l-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji u s-servizzi tal-intelligence normalment jiddependu ħafna fuq id-data tal-komunikazzjonijiet biex iwettqu l-ħidma tagħhom b'suċċess; billi l-ħtieġa ta' sistema xierqa ta' żamma tad-data għall-ġlieda kontra t-terroriżmu tqajmet b'mod konsistenti matul il-ħidma tal-Kumitat TERR;

BJ.  billi l-użu tal-kriptaġġ min-naħa waħda jagħmel kontribuzzjoni sinifikanti għas-sigurtà fil-qasam tal-IT, iżda min-naħa l-oħra jintuża wkoll mit-terroristi biex jipproteġu l-komunikazzjonijiet jew id-data maħżuna tagħhom, li jirrappreżenta sfida konsiderevoli għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, is-sigurtà u s-servizzi tal-intelligence, peress li jistgħu jiġu miċħuda l-aċċess għal intelligence u evidenza essenzjali; billi l-kriptaġġ isir partikolarment kritiku meta anke l-fornituri responsabbli tas-servizzi online ma jkunux iridu jew ma jkunux jistgħu jiddekriptaw il-komunikazzjoni;

Sistemi ta' informazzjoni

BK.  billi jeżisti qafas frammentat ta' sistemi eżistenti, sistemi ġodda qed jiġu żviluppati, proposti għal sistemi futuri u proposti għal riformi biex jiġu indirizzati diskrepanzi u ostakli li għadhom qed jiġu nnegozjati; billi dan il-qafas frammentat huwa r-riżultat ta' fatturi storiċi u ta' approċċ reattiv fil-proposta u fl-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida;

BL.  billi hemm żieda sinifikanti ta' skambji ta' informazzjoni mill-attakki ta' Pariġi fl-2015, iżda data dwar l-iskambji ta' informazzjoni turi li numru żgħir ta' Stati Membri huma responsabbli għal proporzjon kbir ta' kontenut disponibbli fil-bażijiet tad-data tal-UE u ta' tiftix fihom;

BM.  billi jeżistu numru ta' ostakli għall-funzjonament xieraq tas-sistemi ta' informazzjoni, bħan-nuqqas komplet ta' implimentazzjoni jew implimentazzjoni inkompleta, nuqqas ta' għarfien tas-sistemi eżistenti u/jew ta' taħriġ suffiċjenti f'dawn is-sistemi, nuqqas ta' riżorsi suffiċjenti, inklużi riżorsi umani, jew ta' bażi materjali adegwata u data ta' kwalità fqira fis-sistemi ta' informazzjoni;

BN.  billi s-sistemi ta' informazzjoni jistgħu jinqasmu f'sistemi ċentralizzati u sistemi deċentralizzati, tal-ewwel ġestiti mill-UE u l-aġenziji tagħha u tal-aħħar ġestiti mill-Istati Membri; billi s-sistemi ta' informazzjoni ċentralizzati jinkludu s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS), is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), il-Eurodac, is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES), is-Sistema Ewropea proposta ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u s-Sistema Ewropea proposta ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali għal Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi (ECRIS-TCN);

BO.  billi s-sistemi u l-mekkaniżmi deċentralizzati għall-iskambju ta' informazzjoni huma ġestiti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u jinkludu: is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS) għall-iskambju ta' informazzjoni nazzjonali dwar rekords kriminali; is-sistema tal-UE tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) li tirrikjedi li l-linji tal-ajru jikkondividu d-data tal-passiġġieri mal-awtoritajiet nazzjonali għat-titjiriet kollha bejn pajjiżi terzi u l-UE; is-sistema ta' Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri (API) li tiġbor informazzjoni dwar il-passiġġieri qabel titjiriet diretti lejn l-UE; u l-qafas Prüm għall-iskambju tan-DNA, tal-marki tas-swaba' u tad-data ta' reġistrazzjoni tal-vetturi;

BP.  billi s-SIS hija l-akbar sistema tal-IT, dik l-aktar użata u l-aktar effiċjenti tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, u hija appoġġjata min-netwerk ta' Uffiċċji SIRENE, u dan jipprovdi valur miżjud sinifikanti fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija u tal-kontroll tal-fruntieri u b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu,

BQ.  billi l-evalwazzjoni tal-2016 tal-VIS sabet li l-aċċess għall-VIS għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi ġie limitat u frammentat fl-Istati Membri kollha;

BR.  billi minkejja appelli ripetuti għall-implimentazzjoni ta' sistema tal-UE PNR, kull Stat Membru ma weriex impenn għal din u l-maġġoranza tagħhom ma rrispettawx l-iskadenza tal-implimentazzjoni ta' din il-liġi; billi l-Istati Membri li jaqbżu din l-iskadenza għandhom jieħdu l-azzjoni kollha meħtieġa mingħajr aktar dewmien biex jimplimentaw din id-direttiva b'mod sħiħ u immedjat;

BS.  billi qed jiġu implimentati diversi proġetti pilota bil-għan li jingħelbu l-iżvantaġġi ta' sistema deċentralizzata tal-PNR tal-UE; billi teżisti l-ħtieġa ta' tweġiba ta' malajr għal talbiet minn unitajiet tal-informazzjoni dwar il-passiġġieri (PIUs) ta' Stati Membri oħra, li tista' tkun diffiċli billi dawn jiġu pproċessati manwalment;

BT.  billi – fil-kuntest tal-Istrateġija għall-Ġestjoni tal-Informazzjoni (IMS), is-6 Lista ta' Azzjoni – attwalment hemm żewġ proġetti pilota għaddejjin, li għandhom l-għan li jiżguraw l-interkonnessjoni ma' sistemi deċentralizzati, jiġifieri l-proġett ADEP (Awtomizzazzjoni ta' proċessi tal-iskambju tad-data dwar rekords tal-pulizija) u l-proġett QUEST (Sistemi ta' Tfittxija tal-Europol); billi sitt Stati Membri diġà huma involuti fi proġett pilota magħruf bħala ADEP għat-trażmissjoni awtomatizzata tar-rekords tal-pulizija bejn pajjiżi differenti u dan il-proġett qed jaħdem sew; billi dawn il-proġetti jgħinu biex jipprovdu soluzzjonijiet reali u fattibbli għall-problemi li jirriżultaw min-nuqqas ta' interkonnettività ta' sistemi ta' informazzjoni deċentralizzati u jgħinu biex titrawwem il-fiduċja u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri;

Interoperabbiltà

BU.  billi l-Kummissjoni ressqet żewġ proposti għal regolament li jistabbilixxi qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ċentralizzati ta' informazzjoni eżistenti u proposti fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, l-ażil u l-migrazzjoni, il-fruntieri u l-viżi, b'mod partikolari l-VIS, is-SIS, l-EES u l-Eurodac, kif ukoll l-ETIAS u l-ECRIS-TCN ladarba jiġu adottati l-bażijiet ġuridiċi rispettivi;

BV.  billi llum il-ġurnata l-kriminali għadhom jistgħu jiġu reġistrati f'bażijiet tad-data differenti li mhumiex konnessi bi psewdonimi differenti; billi, għaldaqstant, l-arkitettura kurrenti tal-UE għall-ġestjoni tad-data trid titjieb permezz tal-interoperabbiltà biex jiġu eliminati punti moħbija u identitajiet foloz multipli u tiġi pprovduta l-informazzjoni t-tajba fil-ħin opportun;

BW.  billi fit-territorju ta' Stat Membru wieħed jista' jkun hemm diversi bażijiet tad-data deċentralizzati separati fil-livelli federali, reġjonali u lokali, b'inputs ta' data differenti f'sistemi differenti u fi proċeduri kumplessi – jew lanqas waħda – għall-kondiviżjoni jew il-verifika tad-data mill-awtoritajiet rilevanti fil-livelli differenti;

BX.  billi l-użu ta' format komuni biex jintbagħtu l-messaġġi fil-livell tal-UE, bħal format universali ta' messaġġi (UMF), jiffaċilita l-iskambju aktar bla xkiel ta' data u informazzjoni bejn il-partijiet u s-sistemi ta' interoperabbiltà; billi l-istabbiliment tal-ħtieġa li jintużaw ċerti oqsma tal-UMF għal skambji partikolari jista' jikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tad-data fis-sistemi kollha li permezz tagħhom qed jiġu skambjati l-messaġġi; billi l-użu ta' dan il-format komuni ta' messaġġi mill-Europol u l-Interpol għandu jitħeġġeġ ukoll;

BY.  billi l-eu-LISA għandha tistabbilixxi mekkaniżmi u proċeduri awtomatizzati ta' kontroll tal-kwalità tad-data, kif ukoll indikaturi komuni tal-kwalità tad-data u standards minimi tal-kwalità għal data maħżuna fis-sistemi ta' informazzjoni; billi l-għan ikun li s-sistemi ta' informazzjoni tal-UE u l-komponenti tal-interoperabbiltà jidentifikaw b'mod awtomatiku s-sottomissjonijiet tad-data apparentement skorretti jew inkonsistenti biex l-Istat Membru ta' oriġini jkun jista' jivverifika d-data u jwettaq kwalunkwe azzjoni korrettiva meħtieġa;

Kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni fl-Istati Membri u bejniethom

BZ.  billi l-ostakli għal kooperazzjoni aktar fluwida spiss jirriżultaw minn diffikultajiet organizzattivi u ġuridiċi bejn l-istrutturi nazzjonali, reġjonali u lokali differenti fl-Istati Membri nfushom, bħal; kompetenzi li jikkoinċidu u mandati mhux delineati biżżejjed; riluttanza biex l-informazzjoni tiġi kondiviża peress li din tista' twassal għal telf ta' responsabbiltà jew għal telf ta' flussi ta' informazzjoni importanti; ostakli ġuridiċi fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn servizzi differenti; servizzi li jkunu obbligati jikkompetu ma' xulxin għar-riżorsi; u ostakli tekniċi għall-iskambju ta' informazzjoni;

CA.  billi l-prinċipju ta' sjieda tad-data huwa kruċjali biex tiġi żgurata l-fiduċja tal-awtoritajiet responsabbli għall-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni permezz tal-bażijiet tad-data tal-UE bejn l-Istati Membri u mal-Europol;

CB.  billi t-tħallit tal-informazzjoni dwar l-intelligence u l-infurzar tal-liġi jinvolvi sfidi u riskji legali kbar minħabba r-regoli differenti dwar l-obbligu ta' rendikont li japplikaw għaż-żewġ tipi ta' informazzjoni, inklużi riskji għad-dritt fundamentali li l-persuni suspettati jkollhom proċess ġust meta l-informazzjoni dwar l-intelligence tintuża bħala evidenza fi proċeduri tal-qorti; billi jrid jiġi stabbilit qafas legali għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-intelligence u tal-infurzar tal-liġi, speċjalment peress li l-intelligence ħafna drabi tikkonċerna informazzjoni dwar persuni li għadhom mhumiex suspettati fi ħdan il-qafas ta' investigazzjonijiet kriminali iżda li jistgħu jkunu ta' netwerks terroristiċi jew li jistgħu jkunu FTFs li jirritornaw; billi, madankollu, dan ma jistax iwassal għal xi tnaqqis tal-istandards legali;

CC.  billi s-servizzi tal-pulizija u tal-intelligence jirċievu, jipproċessaw u jibagħtu kemm informazzjoni kklassifikata kif ukoll mhux ikklassifikata, li tinvolvi reġimi differenti fl-istadji kollha tal-użu tal-informazzjoni; billi jeħtieġ ukoll li ssir distinzjoni bejn informazzjoni użata bħala intelligence, jiġifieri informazzjoni li hija pproċessata minn professjonisti għal skop speċifiku, u informazzjoni regolari; billi jeħtieġ li tal-inqas ssir distinzjoni bejn l-intelligence kriminali, li hija relatata ma' kawża kriminali tal-pulizija, u l-intelligence tas-sigurtà, li hija pproċessata f'qafas amministrattiv;

CD.  billi l-informazzjoni tal-intelligence għandha tingħata livell ta' protezzjoni speċjali u saħansitra ogħla mill-informazzjoni tal-pulizija minħabba l-metodi operazzjonali differenti involuti, bħall-ġbir ta' informazzjoni kunfidenzjali mingħand sorsi u informaturi li jeħtiġilhom jinżammu anonimi, kif ukoll l-objettivi differenti li jeħtieġu aktar sensittività;

CE.  billi soluzzjoni possibbli tista' tiġi offruta wkoll bil-ħolqien ta' ċentri jew unitajiet kontra t-terroriżmu fit-territorju nazzjonali; billi tali ċentri jippermettu lir-rappreżentanti tas-servizzi differenti jikkomunikaw ma' xulxin fuq bażi regolari u jiddiskutu l-aħjar mod kif jikkooperaw u jiskambjaw l-informazzjoni; billi dan jgħin biex tinbena l-fiduċja bejn is-servizzi u jitrawwem fehim aħjar tal-metodi ta' ħidma u l-isfidi rispettivi tagħhom;

CF.  billi s-servizzi tas-sigurtà għandhom it-tendenza jikkooperaw u jiskambjaw l-informazzjoni b'mod bilaterali jew multilaterali – permezz tal-Grupp Kontra t-Terroriżmu (CTG) u mal-korpi tal-UE permezz tal-INTCEN tal-UE, billi tiġi kondiviża intelligence strateġika; billi jeħtieġ li tinstab soluzzjoni prattika biex jitneħħew id-diskrepanzi eżistenti bejn il-binarji paralleli tal-komunità tal-infurzar tal-liġi u l-komunità tal-intelligence, pereżempju billi jiġu identifikati oqsma speċifiċi ta' kooperazzjoni, sabiex tiġi permessa kooperazzjoni aktar effiċjenti, filwaqt li xorta jinżammu separati;

CG.  billi hu possibbli li tiżdied l-effikaċja fl-użu tal-istrutturi tal-Grupp Kontra t-Terroriżmu (CTG) u taċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (INTCEN tal-UE) għall-iskambju ta' informazzjoni;

CH.  billi l-aġenziji tas-sigurtà u tal-intelligence ċivili u militari tal-Istati Membri jikkondividu b'mod sistematiku l-intelligence tagħhom, inkluża dik relatata mat-terroriżmu, maċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (INTCEN tal-UE) fi ħdan is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) li jipprovdi analiżi tal-intelligence, twissija bikrija u għarfien tas-sitwazzjoni lid-diversi korpi deċiżjonali tal-UE;

CI.  billi l-komunikazzjoni tal-informazzjoni wara l-hit, li ssir biss lill-Uffiċċju SIRENE tal-Istat Membru li joħroġ it-twissija skont l-Artikolu 36 u mhux lil Stati Membri oħra, kultant ma tkunx biżżejjed għall-finijiet ta' għoti ta' segwitu għall-movimenti tal-individwi relatati mat-terroriżmu jew għall-mili tal-informazzjoni rilevanti fir-rigward tat-tali individwi; billi t-twissija bikrija lil Stati Membri oħra li jistgħu jkunu kkonċernati tista' tkun neċessarja, pereżempju, f'każijiet fejn il-persuna ma tirritornax b'mod dirett fl-Istat Membru ta' oriġini jew meta hi tkun akkumpanjata minn ċittadini ta' Stat(i) Membru/i ieħor/oħra li fir-rigward tagħhom ma tkun inħarġet ebda twissija peress li baqgħu mhux magħrufa mal-awtoritajiet kompetenti ta' dak/dawk imsemmi(ja) l-aħħar;

CJ.  billi l-Gvern tar-Renju Unit innotifika lill-UE bl-intenzjoni tiegħu li jitlaq fid-29 ta' Marzu 2019; billi, madankollu, esprima x-xewqa tiegħu li jkompli l-kooperazzjoni tiegħu mal-UE fil-qasam tas-sigurtà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; billi l-UE u r-Renju Unit huma interdipendenti ħafna fil-qasam tas-sigurtà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, fejn ir-Renju Unit jipparteċipa f'ħafna strumenti legali ewlenin tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u billi jkollu aċċess għal ħafna sistemi u bażijiet tad-data tal-UE għall-iskambju ta' informazzjoni; billi għandhom jinstabu arranġamenti mal-UE fir-rigward tal-proċedimenti pendenti kollha; billi kwalunkwe ftehim futur għandu jfittex li jipprevedi għar-Renju Unit u l-UE biex ikunu jistgħu jkomplu jikkondividu, jiġbru u janalizzaw informazzjoni vitali fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja; billi l-ftehim dwar il-ħruġ għandu jiżgura reġim ta' tranżizzjoni bla xkiel u jevita, sa fejn ikun possibbli, lakuni operazzjonali jew ostakli li jnaqqsu l-kapaċità tal-UE li tiġġieled b'mod effikaċi kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu;

Kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni mal-aġenziji tal-UE

CK.  billi kooperazzjoni effiċjenti u sistematika bejn l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE, skont il-mandati legali tagħhom, kif ukoll bejn l-aġenziji fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu hija imperattiva, speċjalment il-kooperazzjoni bejn l-Europol u l-Eurojust sabiex jiġu appoġġjati b'mod effikaċi l-isforzi mwettqa sabiex l-awturi ta' attakk terroristiku jiġu identifikati, imwaqqfa, investigati u mtellgħa l-qorti; billi l-Eurojust ħatret prosekutur speċjalizzat fil-ġlieda kontra t-terroriżmu biex toħloq pont mal-ECTC fil-Europol ħalli żżid il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn iż-żewġ aġenziji;

CL.  billi l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-aġenziji tal-UE mhuwiex ideali minħabba l-użu ta' mezzi siguri ta' komunikazzjoni differenti; iqis li t-twaqqif ta' mezz sigur ta' komunikazzjoni interistituzzjonali jista' jiffaċilita u jtejjeb l-iskambju ta' informazzjoni bejn aġenziji bħall-INTCEN tal-UE, l-Europol u l-Frontex;

CM.  billi l-Uffiċjali ta' Kollegament ta' Kontra t-Terroriżmu maħtura jistgħu jkunu valur miżjud kemm għall-ħidma tal-aġenziji kif ukoll għall-Istati Membri tagħhom stess;

CN.  billi jeżistu differenzi fl-Istati Membri fir-rigward tan-numru ta' awtoritajiet kompetenti li jistgħu jikkonsultaw il-bażijiet tad-data tal-Europol jew ikunu f'kuntatt mal-Europol mingħajr ma jinvolvu lill-uffiċjali nazzjonali ta' kollegament; billi xi Stati Membri għandhom nuqqas ta' netwerks ta' komunikazzjoni tal-pulizija nazzjonali ristretti u sikuri, li jxekklu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom mill-aċċess deċentralizzat, b'mod partikolari għall-Applikazzjoni ta' Netwerk Sikur għall-Iskambju ta' Informazzjoni CT-SIENA;

CO.  billi diversi strumenti tal-UE bħad-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI, id-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u r-Regolament Europol jirrikjedu lill-Istati Membri jikkondividu informazzjoni dwar it-terroriżmu mal-aġenziji rilevanti; billi żieda fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni mal-Europol u l-Eurojust fuq bażi regolari u b'mod sistematiku u f'waqtu, inkluża informazzjoni kuntestwali, skont il-mandati legali tagħhom, tiffaċilita l-ħidma tagħhom ta' identifikazzjoni ta' konnessjonijiet bejn każijiet u ta' għoti ta' ħarsa ġenerali lejn l-isfidi u l-aħjar prattiki relatati mal-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni għal reati terroristiċi; billi fil-qafas tad-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI, l-Istati Membri xorta waħda għadhom ma jiskambjawx b'mod spontanju informazzjoni rilevanti ma' Stati Membri oħrajn meta t-tali informazzjoni tkun tista' tintuża fil-prevenzjoni, fid-detezzjoni, fl-investigazzjoni jew fil-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi; billi l-informazzjoni kondiviża mal-Eurojust żdiedet tul l-aħħar snin, iżda jkomplu jeżistu differenzi bejn l-Istati Membri b'rabta mal-ammont, mat-tip u mal-ambitu tal-informazzjoni kondiviża, li jistgħu jirriżultaw fil-frammentazzjoni tal-informazzjoni disponibbli;

CP.  billi s-CEPOL tikkontribwixxi b'mod sostanzjali għat-taħriġ dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u f'pajjiżi terzi ta' prijorità;

Rikonoxximent reċiproku u assistenza legali reċiproka

CQ.  billi l-mekkaniżmi ta' assistenza legali reċiproka (MLA) qed jiġu sostitwiti progressivament bi strumenti ta' rikonoxximent reċiproku, peress li dawn tal-aħħar jgħinu fit-titjib tal-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-UE billi jħaffu u jissimplifikaw il-proċeduri; billi d-Deċiżjoni dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew (MAE) u d-Direttiva dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea (OIE) huma eżempji ta' strumenti ta' rikonoxximent reċiproku li l-operaturi sabu utli;

CR.  billi l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, minn naħa waħda jiddependi mill-eżistenza ta' livell għoli ta' fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, jgħin biex tiżdied il-fiduċja reċiproka billi jippermetti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri differenti jaħdmu flimkien b'mod effiċjenti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

CS.  billi l-iskwadri ta' investigazzjoni konġunta (SIK) jiffaċilitaw il-koordinazzjoni tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet f'każijiet b'dimensjoni transfruntiera u jippermettu l-iskambju ta' informazzjoni/evidenza f'ħin reali; billi l-benefiċċji prattiċi li jirriżultaw mill-użu tas-SIK jinkludu l-iskambju aħjar ta' informazzjoni, l-iskambju tal-aħjar prattiki, il-ġbir aħjar tal-evidenza u r-rikonoxximent reċiproku tal-azzjonijiet imwettqa mill-partijiet; billi s-SIK jeħtieġu finanzjament xieraq biex jaħdmu b'mod effikaċi;

CT.  billi kooperazzjoni mill-qrib mal-fornituri tas-servizzi online (OSPs) hija meħtieġa fir-rigward tal-iżgurar u l-kisba ta' evidenza elettronika fuq it-talba tal-awtorità responsabbli tal-infurzar tal-liġi u fuq il-bażi tal-proċess legali dovut, meta titqies l-importanza tagħha għall-investigazzjoni ta' reati terroristiċi;

CU.  billi ż-żona Schengen mingħajr fruntieri interni hija kisba fundamentali tal-UE, li tkun sostenibbli biss jekk il-fruntieri esterni jiġu żgurati u protetti b'mod effikaċi, il-qsim illegali tal-fruntieri jieqaf u l-miżuri ta' sigurtà interna jiġu adottati biex jiffaċċjaw ir-riskju ta' reati serji; billi ġew adottati bosta proposti biex jissaħħu l-kontrolli tas-sigurtà fil-fruntieri esterni; billi xi Stati Membri talbu għal aktar flessibbiltà fir-rigward tar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri interni f'każ ta' theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, kif propost mill-Kummissjoni;

CV.  billi mis-7 ta' April 2017, ir-Regolament 2017/458(9) il-ġdid li jemenda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen daħal fis-seħħ bħala tweġiba, b'mod partikolari, għad-deterjorament tat-theddida terroristika biex jipprevedi kontrolli sistematiċi fuq kull persuna li taqsam il-fruntieri esterni, inklużi individwi li jgawdu mid-dritt ta' moviment liberu, skont il-bażijiet tad-data rilevanti;

CW.  billi ċerti oqsma tar-regolamentazzjoni li tirregola ċerti oqsma tal-kontroll tal-fruntieri, bħall-konsultazzjoni sistematika tal-bażijiet tad-data waqt il-kontrolli mal-fruntieri u l-verifika bir-reqqa tal-kundizzjonijiet tad-dħul rikjesti, ma ġewx implimentati;

CX.  billi l-attakk li ġie mfixkel fuq il-ferrovija Thalys tal-21 ta' Awwissu 2015, l-attakki ta' Pariġi tat-13 ta' Novembru 2015 u l-attakki fi Brussell tat-22 ta' Marzu 2016 urew li f'numru limitat ta' każijiet, it-terroristi abbużaw minn nuqqasijiet fil-politiki tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-UE u ta' diversi Stati Membri, li ma kinux lesti għal influss bil-massa; billi ġie rrappurtat mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li mill-inqas tmienja minn dawn l-awturi tal-attakki daħlu fl-UE permezz ta' flussi irregolari f'Lulju, Awwissu u Ottubru 2015; billi f'każijiet oħra, l-awturi futuri kienu baqgħu fl-Istati Membri minkejja li suppost kellhom jitilqu jew jiġu rritornati; billi dan juri ċerti nuqqasijiet fil-politiki tal-UE dwar il-ġestjoni tal-fruntieri u l-implimentazzjoni tagħhom fil-livell tal-Istati Membri;

CY.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill 10152/17 jirrakkomandaw lill-Istati Membri li, meta jiffaċċjaw il-migranti irregolari, dawn għandhom iwettqu kontrolli, fejn rilevanti, fil-livell nazzjonali ma' bażijiet tad-data li l-informazzjoni fihom tiddaħħal u jiġu intużati mill-awtoritajiet kompetenti u s-Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba' (AFIS), fil-livell Ewropew u internazzjonali u mqabbla mal-bażijiet tad-data tal-SIS, tal-Europol, tal-VIS, tal-Eurodac u tal-Interpol (in-netwerk I-24/7) u b'mod aktar speċifiku d-data nominali, id-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin (SLTD), FTFs u d-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Assoċjati ma' Avviżi (TDAWN);

CZ.  billi, abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1168/2011 u l-opinjoni pożittiva tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCGA) tista' tipproċessa d-data personali; billi, madankollu, l-EBCGA qed tesperjenza diffikultajiet fil-monitoraġġ tat-terroriżmu minħabba l-perjodu qasir ta' żamma tad-data personali stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2016/1624, li huwa biss ta' 90 ġurnata; billi bejn il-Eurojust u l-EBCGA jeżisti biss memorandum ta' qbil li jinkludi l-iskambju ta' informazzjoni ġenerali, strateġika u teknika iżda mhux l-iskambju ta' informazzjoni personali; billi teżisti l-ħtieġa ta' qafas ġuridiku speċifiku biex l-EBCGA tipproċessa d-data personali sabiex twettaq il-kompiti tagħha;

DA.  billi teżisti l-ħtieġa li l-uffiċjali tal-EBCGA jaċċessaw ukoll il-bażijiet tad-data tal-Eurodac, tal-SIS, tal-EES u tal-VIS fil-punti ta' qsim fil-fruntieri sabiex iwettqu kontrolli;

DB.  billi bħalissa ma hemm ebda standard minimu jew regola komuni għas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta' residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu;

DC.  billi tliet kwarti mid-dokumenti frodulenti identifikati fil-fruntieri esterni u fl-UE jimitaw id-dokumenti ta' identità maħruġa mill-Istati Membri u mill-pajjiżi assoċjati maż-żona Schengen; billi l-karti ta' identità nazzjonali bi grad aktar baxx ta' sigurtà huma dawk id-dokumenti li jiġu identifikati l-aktar ta' spiss bħala foloz;

DD.  billi ċerti Stati Membri ma jobbligawx lit-trasportaturi tal-ajru fit-territorju tagħhom iwettqu kontrolli tal-konformità tad-data personali tal-passiġġieri fuq il-biljett u l-karta tal-identità jew il-passaport tagħhom, u dan jagħmilha diffiċli li jiġi żgurat jekk l-identità murija taqbilx mal-identità vera tal-persuna; billi din għandha importanza kruċjali għat-titjiriet ġewwa l-UE; billi, madankollu, il-kontrolli xierqa tal-identità u l-awtentikazzjoni tad-dokumenti tal-ivvjaġġar għandhom jibqgħu kompiti għall-awtoritajiet tal-pulizija;

DE.  billi l-evidenza miksuba mill-kamp tal-battalja spiss tkun essenzjali biex jiġu identifikati ġellieda terroristi barranin potenzjali, u jeħtieġ li tiġi inkluża fil-bażijiet tad-data rilevanti sabiex tasal għand il-gwardji tal-fruntieri f'ħin reali u li tinqasam mal-investigaturi u mal-prosekuturi għall-investigazzjonijiet u għall-prosekuzzjonijiet;

Il-finanzjament tat-terroriżmu

DF.  billi diversi Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, il-Qabda u l-Konfiska ta' Profitti minn Attività Kriminali u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu tas-16 ta' Mejju 2005, magħrufa wkoll bħala l-"Konvenzjoni ta' Varsavja", li tikkostitwixxi l-aktar konvenzjoni internazzjonali komprensiva dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; billi l-konfiska tal-assi ġġenerati mill-attivitajiet kriminali hi għodda effiċjenti ħafna biex jiġu miġġielda l-kriminalità u t-terroriżmu, peress li ċċaħħad lill-kriminali mir-rikavat mill-attivitajiet illegali tagħhom u tevita li t-terroristi jorganizzaw attakk; billi t-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) tistabbilixxi l-istandards globali għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u tidentifika l-ġurisdizzjonijiet b'miżuri dgħajfa għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

DG.  billi l-UE adottat żewġ strumenti leġiżlattivi biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-FATF, jiġifieri r-4 u l-5 Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD), sabiex jiġu indirizzati l-lakuni identifikati fid-dawl ta' attakki terroristiċi; billi l-Istati Membri kellhom sas-26 ta' Ġunju 2017 biex jittrasponu d-Direttiva AML fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, imma mhux kollha għamlu dan; billi diversi Stati Membri jkomplu jippermettu li sidien benefiċjarji aħħarin ta' trusts, fondazzjonijiet u kumpaniji inkorporati jibqgħu anonimi kif ukoll jippermettu ishma tal-portaturi li jiffaċilitaw il-ħabi tal-oriġini u tad-destinazzjoni tal-flussi finanzjarji u s-sjieda ta' attivitajiet ekonomiċi li jipprovdu kopertura għall-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; billi l-5 AMLD se żżid it-trasparenza dwar dawn il-kwistjonijiet;

DH.  billi l-Kumitat ta' Inkjesta tal-Parlament Ewropew biex jiġu investigati l-konvenzjonijiet allegati u l-amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (PANA) ivverifika kif l-evażuri tat-taxxa jiddependu mill-għajnuna attiva ta' intermedjarji professjonali, li milli jidher jissodisfaw l-obbligi legali rilevanti;

DI.  billi f'Lulju 2017 il-Kummissjoni u l-Europol kisbu l-istatus ta' osservaturi fil-Grupp Egmont, korp magħqud internazzjonali kompost minn 156 unità tal-intelligence finanzjarja (UIF), bl-għan li jżidu l-kooperazzjoni mhux biss bejn l-UIFs, iżda wkoll fost awtoritajiet kompetenti oħra;

DJ.  billi l-abbuż u l-użu ħażin ta' ġbir ta' fondi mill-media soċjali, l-iffinanzjar permezz ta' organizzazzjonijiet ta' karità u dawk mingħajr skop ta' qligħ, it-trasferimenti żgħar ta' flus u l-kards imħallsa minn qabel huma fost il-metodi ta' finanzjament għal Daesh u għal organizzazzjonijiet terroristiċi oħra; billi l-pjattaformi tal-mikroself jintużaw biex jiffaċilitaw dawn it-tipoloġiji kollha;

DK.  billi flimkien mal-metodi tradizzjonali ta' finanzjament tat-terroriżmu bħad-donazzjonijiet privati, l-estorsjoni, il-ħtif għal rikatti, l-abbuż u l-użu ħażin ta' organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, sistemi formali u informali ta' rimessi, l-użu tar-rikavati minn attivitajiet kriminali, it-trasferiment ta' flus kontanti jew ta' fondi bil-banek, l-attakki terroristiċi riċenti wrew li metodi ta' finanzjament emerġenti permezz ta' metodi elettroniċi u online bħall-muniti virtwali jew il-kards anonimi mħallsa minn qabel u s-sistemi informali ta' trasferiment ta' valur (IVTS) ukoll jirrappreżentaw riskju li jintużaw ħażin minn organizzazzjonijiet terroristiċi biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom; billi l-anonimità ta' ċerti kriptovaluti qed twassal għal żieda fl-użu tagħhom għal attivitajiet illeġittimi; billi l-użu tagħhom minn gruppi tal-kriminalità organizzata biex jiffinanzjaw attivitajiet kriminali u t-terroriżmu, u biex jaħslu r-rikavati kriminali, żdied tul l-aħħar ftit snin; billi l-Europol ikkollaborat mal-awtoritajiet nazzjonali fit-tkissir ta' diversi operazzjonijiet kriminali li kienu jinvolvu n-negozjar fi kriptovaluti;

DL.  billi f'ċerti pajjiżi b'sistemi bankarji inqas żviluppati l-użu prevalenti ta' servizzi bankarji mobbli spiss jagħmilha diffiċli li jiġu identifikati l-benefiċjarji ta' trasferimenti ta' flus; billi tali trasferimenti ta' fondi permezz tal-banking mobbli jippreżentaw riskji kbar għall-finanzjament tat-terroriżmu u li, min-naħa l-oħra, is-servizzi rilevanti jridu jkunu jistgħu jintraċċaw ċertu finanzjament tat-terroriżmu mingħajr ma jkollhom jiffaċċjaw is-segretezza bankarja fil-biċċa l-kbira tal-każijiet; billi l-użu u t-trasferiment ta' fondi permezz ta' sistemi alternattivi ta' rimessa jippreżentaw ukoll riskju għall-finanzjament tat-terroriżmu;

DM.  billi l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-entitajiet obbligati, l-FUIs u l-awtoritajiet kompetenti huma kruċjali għall-ġlieda effettiva kontra l-finanzjament tat-terroriżmu; billi l-FUIs, fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom, għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni u jkunu f'qagħda li jiskambjawha, inkluż permezz ta' kooperazzjoni xierqa mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; billi huwa essenzjali li tissaħħaħ aktar l-effikaċja u l-effiċjenza tal-FUIs billi l-Istati Membri jkollhom jiċċaraw is-setgħat tagħhom u l-kooperazzjoni ta' bejniethom;

DN.  billi l-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP) huwa għodda utli għall-finanzjament tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; billi ma jippermettix ir-rintraċċar ta' attivitajiet ta' finanzjament tat-terroriżmu li jużaw tranżazzjonijiet SEPA, u dan iwassal għal distakk sinifikanti fir-rigward tal-informazzjoni; billi sistema TFTS li tkun komplementari għall-Ftehim TFTP eżistenti ssaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tipprevjeni u tinvestiga l-attakki terroristiċi billi tipprovdi informazzjoni addizzjonali essenzjali dwar l-attivitajiet ta' finanzjament tat-terroriżmu u tkun aktar effiċjenti u effikaċi mit-tiftix ta' informazzjoni finanzjarja rigward tranżazzjonijiet suspettużi permezz ta' talbiet għal informazzjoni u/jew assistenza legali bilaterali jew multilaterali; billi l-Parlament appella diversi drabi għat-twaqqif ta' sistema bħal din, b'mod partikolari fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi(10);

Il-ħarsien tal-infrastruttura kritika

DO.  billi inċidenti li jinvolvu infrastruttura kritika, b'mod partikolari dawk relatati ma' attakki terroristiċi jew attentati ta' attakki, jista' jkollhom konsegwenzi severi u transfruntieri għas-sigurtà taċ-ċittadini u l-istati Ewropej;

DP.  billi s-servizzi qed jiġu pprovduti permezz ta' sistemi dejjem aktar kumplessi, li jagħmlu l-approċċ settorjali kurrenti għall-infrastrutturi kritiċi Ewropej (ECIs) antikwat;

DQ.  billi l-attakki ċibernetiċi fuq servizzi elettroniċi jew sistemi interkonnessi huma komponent fundamentali tat-theddid ibridu; billi numru dejjem akbar ta' ċiberattakki għandhom, jew kellhom, effetti fiżiċi fuq infrastruttura kritika u l-utenti tagħha; billi hemm bżonn li tittejjeb ir-reattività għall-ġlieda kontra theddidiet terroristiċi ċibernetiċi;

DR.  billi l-Valutazzjoni Komprensiva tal-Kummissjoni tal-Politika tas-Sigurtà tal-UE, u l-istudju ta' evalwazzjoni tad-Direttiva 2008/114/KE jindikaw: li t-theddida għall-infrastrutturi kritiċi x'aktarx li se tkompli tiżdied, li hemm ħtieġa għal żieda fil-kapaċitajiet ta' tħejjija u rispons u li tiġi riveduta d-Direttiva 2088/114/KE, u li jeżisti interess biex l-infrastrutturi tat-trasport ikunu fil-mira; billi hemm bżonn ta' qafas aħjar biex tittejjeb is-sigurtà ferrovjarja u biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-protezzjoni taż-żoni pubbliċi tal-infrastrutturi tat-trasport, bħall-ajruporti, il-portijiet u l-faċilitajiet tat-trasport marittimu, kif ukoll l-istazzjonijiet tal-ferrovija u anki faċilitajiet tal-produzzjoni tal-enerġija, b'attenzjoni partikolari għall-impjanti tal-enerġija nukleari;

DS.  billi l-attakki fuq infrastruttura kritika jista' jkollhom konsegwenzi katastrofiċi; billi l-Istati Membri jeħtieġu jiżguraw li dawn il-faċilitajiet ikunu protetti b'mod adegwat u bla difetti;

DT.  billi r-rappurtar tal-inċidenti huwa essenzjali biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet, tittejjeb l-effikaċja tal-miżuri eżistenti, tiġi vvalutata l-prestazzjoni ta' infrastrutturi kritiċi f'sitwazzjoni ta' tfixkil, tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa li l-pjanijiet tas-sigurtà eżistenti jiġu riveduti, u jiġi identifikat l-iżvilupp ta' theddid ġdid;

DU.  billi l-Istati Membri jeħtieġu jorganizzaw aktar eżerċizzji fir-rispons għall-kriżijiet, inkluż f'pajjiżi terzi li jfittxu l-kooperazzjoni tagħhom u t-titjib tal-kapaċitajiet;

DV.  billi l-protezzjoni u l-assigurazzjoni tal-infrastruttura kritika u tal-miri faċli jeħtieġu kooperazzjoni pubblika-privata, inkluż fil-qasam ċibernetiku;

DW.  billi s-servizzi tas-sigurtà privati jaqdu rwol fl-iżgurar tal-ktajjen ta' sigurtà reżiljienti, għalhekk l-akkwist pubbliku tas-servizzi tagħhom għandu jkun soġġett għal kriterji tal-kwalità speċifiċi, fir-rigward ta' aspetti bħat-taħriġ, l-investigazzjoni u l-iskrinjar tal-persunal, il-kontroll tal-kwalità u l-garanzija tal-konformità, u l-implimentazzjoni tal-iżviluppi teknoloġiċi u l-ġestjoni tal-kuntratti;

DX.  billi, wara l-evalwazzjoni tal-2012 tad-Direttiva 2008/114/KE, il-Kummissjoni varat fażi pilota li tinvolvi erba' infrastrutturi kritiċi ta' dimensjoni Ewropea (Eurocontrol, Galileo, il-grid ta' trażmissjoni tal-elettriku u n-netwerk ta' trażmissjoni tal-gass);

DY.  billi l-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid, tipproponi li jiżdiedu b'mod sinifikanti l-fondi tal-UE għas-sigurtà u d-difiża, inkluża s-sigurtà interna tal-UE;

DZ.  billi diversi attakki terroristiċi fl-UE twettqu minn individwi magħrufa mill-awtoritajiet; billi l-kumpaniji tal-kiri tal-vetturi huma nieqsa mill-kapaċità li jiskambjaw informazzjoni, bħal data dwar il-prenotazzjoni jew ir-riżervi, mal-aġenziji ta' infurzar tal-liġi għall-fini ta' kontroverifiki f'listi ta' sorveljanza uffiċjali u f'bażijiet tad-data tal-pulizija;

Il-prekursuri tal-isplussivi

EA.  billi fl-2015 u l-2016, l-isplussivi ntużaw f'40 % tal-attakki terroristiċi mwettqa fl-UE(11);

EB.  billi l-isplussiv użat fil-biċċa l-kbira tal-attakki kien it-triperossidu tat-triaċetun (TATP)(12), splussiv artiġjanali li għadu l-isplussiv l-aktar użat mit-terroristi; billi t-TATP jista' jiġi mmanifatturat faċilment bl-użu ta' ftit sustanzi biss; billi ħafna fabbriki u faċilitajiet ċivili li jużaw dawk is-sustanzi għadhom aċċessibbli għall-kriminali, inklużi terroristi, peress li ma ġiet infurzata ebda miżura eżekuttiva ta' kontroll mill-Istati Membri, minkejja l-Pjan ta' Azzjoni CBRN tal-UE;

EC.  billi, minkejja r-Regolament(UE) Nru  98/2013, xi terroristi għadhom qed jirnexxilhom isibu l-prekursuri tal-isplussivi, speċjalment għat-TATP; billi għadu possibbli li jinxtraw is-sustanzi taħt l-Anness I; billi r-Regolament (UE) Nru  98/2013 ma jipprovdix restrizzjonijiet u kontrolli suffiċjenti, pereżempju billi jirrikjedi biss reġistrazzjoni ta' tranżazzjonijiet; billi l-iżgurar ta' kontrolli aktar stretti huwa prijorità ewlenija;

ED.  billi l-akbar problemi fir-rigward tal-implimentazzjoni jinkludu nuqqas ta' għarfien dwar il-leġiżlazzjoni eżistenti fil-katina ta' provvista minħabba n-numru kbir ta' operaturi ekonomiċi (bejjiegħa bl-imnut ta' prodotti tad-dar), u l-infurzar tar-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ bl-internet, l-importazzjonijiet u l-movimenti intra-UE;

EE.  billi l-proposta tal-Kummissjoni tas-17 ta' April 2018 għal regolament ġdid dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' prekursuri tal-isplussivi (COM(2018)0209) tipprevedi regoli aktar stretti u aktar armonizzati li jikkonċernaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni, l-introduzzjoni, il-pussess u l-użu ta' sustanzi jew ta' taħlitiet li jistgħu jintużaw ħażin għall-manifattura illeċita ta' splussivi, bl-għan li tiġi limitata d-disponibbiltà tagħhom għall-pubbliku ġenerali, u jiġi żgurat ir-rapportar xieraq ta' tranżazzjonijiet suspettużi fil-katina ta' provvista;

EF.  billi fis-swieq online, is-sustanzi kimiċi jistgħu jinstabu bl-isem miktub, bil-formula jew bin-numru ta' identifikazzjoni tal-Chemical Abstracts Service (CAS), iżda f'ħafna każijiet jiġu elenkati biss bl-isem ġeneriku tagħhom; billi tant hemm varjazzjonijiet tal-ismijiet li jkun aktar faċli li jiġu identifikati listi għal sustanzi speċifiċi jekk tkun meħtieġa wkoll l-inklużjoni ta' numru CAS li jista' jitfittex;

EG.  billi r-Regolament ikopri biss il-bejgħ lill-pubbliku ġenerali, u mhux lill-utenti professjonali, li mhumiex iddefiniti fir-Regolament; billi l-kriterji biex jiġi ddefinit min hu utent professjonali jvarjaw fis-suq intern;

EH.  billi skont il-valutazzjoni tal-impatt tas-17 ta' April 2018 (SWD(2018)0104) u l-proposta assoċjata għal regolament (COM(2018)0209), għandu jiġi estiż it-taħriġ għall-awtoritajiet doganali biex jgħarfu l-isplussivi u l-prekursuri tal-isplussivi waqt it-twettiq ta' dmirijiethom fil-fruntiera esterna;

L-armi tan-nar illeċiti

EI.  billi l-aċċess għall-armi tan-nar u għall-komponenti ta' tagħmir splussiv għandu rwol importanti ħafna għat-twettiq ta' attakki terroristiċi; billi fl-UE, il-gruppi estremisti vjolenti spiss ikollhom jirrikorru għal netwerks kriminali biex jixtru l-armi; billi, skont ir-rapport TE-SAT 2018 tal-Europol, l-armi tan-nar intużaw f'41 % tal-attakki kollha, żieda żgħira ħafna meta mqabbel mal-2016 (38 %)(13);

EJ.  billi f'dawn l-aħħar snin ġiet osservata żieda fl-armi li jisparaw munizzjon inbjank ikkonvertiti u fl-armi tan-nar riattivati; billi diversi attakki riċenti twettqu b'tipi differenti ta' skieken;

EK.  billi r-rabta bejn il-kriminalità u t-terroriżmu tiffaċilita wkoll l-aċċess tat-terroristi għall-armi tan-nar;

EL.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ottubru 2015 jistiednu lill-Istati Membri jipprovdu b'mod sistematiku informazzjoni rilevanti lill-Interpol u lill-Europol;

Dimensjoni esterna

EM.  billi għadd ta' reġjuni fil-viċinat tal-UE, bħall-MENA kif ukoll il-Balkani, qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' sfidi kbar bħal dawk relatati mal-FTF u l-amministrazzjoni tal-persuni li jirritornaw, kif ukoll rigward il-gruppi radikali domestiċi;

EN.  billi l-Balkani għadhom reġjun fundamentali għall-istabbiltà Ewropea; billi l-isfidi relatati mat-terroriżmu u mal-estremiżmu Iżlamiku jiffurmaw kuntest reġjonali diġà mdgħajjef mill-polarizzazzjoni etnika, politika u soċjali kif ukoll min-netwerks kriminali; billi l-pajjiżi tar-reġjun diġà kienu miri għat-terroriżmu (l-attakki xxejnu), u diġà jintużaw bħala pajjiżi ta' tranżitu għan-nies u għall-armi;

EO.  billi l-pajjiżi kollha tal-MENA ħabbtu wiċċhom ma' azzjonijiet terroristiċi kbar u għadhom miri prinċipali; billi dawn il-pajjiżi, minbarra sitwazzjonijiet soċjali u ekonomiċi kritiċi, jistgħu wkoll jiffaċċjaw diversi sfidi fir-rigward tar-ritorn ta' FTFs minn Daesh u Al-Qaeda meta jitqies l-għadd kbir ta' ġiħadisti minn dan ir-reġjun; billi l-iskambju ta' informazzjoni u sħubijiet b'saħħithom ma' dawn il-pajjiżi terzi ewlenin permezz ta' approċċ ikkoordinat mill-UE, fejn jiġu offerti kooperazzjoni u assistenza fil-forma ta' tisħiħ tal-kapaċità, jagħmluha possibbli li jiġu evitati attakki u jiżżarmaw netwerks terroristiċi;

EP.  billi reġjuni, bħall-MENA, is-Saħel, il-Qarn tal-Afrika, l-Afrika tal-Punent, il-Golf u l-Asja Ċentrali, esperjenzaw ukoll l-iżvilupp ta' netwerks terroristiċi marbuta ma' Daesh u Al-Qaeda; billi li l-estremiżmu reliġjuż u l-vjolenza settarji jibbenefikaw minn finanzjament huwa preokkupazzjoni serja, peress li jippermetti biex in-netwerks terroristiċi jinfirxu, jingħaqdu ma' intrapriżi kriminali oħra u joperaw f'dawk ir-reġjuni mmirati lejn l-interessi tal-Ewropa u Ewropej;

EQ.  billi l-finanzjament ta' Daesh u ta' gruppi terroristiċi oħrajn sar possibbli permezz tal-involviment attiv jew passiv ta' ċerti stati, fosthom stati li suppost huma alleati tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, kif ukoll ta' atturi privati;

ER.  billi huwa kruċjali li l-Unjoni Ewropea żżomm kooperazzjoni qawwija mal-pajjiżi terzi kollha sħab fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; billi jenħtieġ li d-djalogu rigward il-miżuri u l-azzjonijiet meħuda biex jikkumbattu t-terroriżmu, inkluża l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force għall-Azzjoni Finanzjarja, il-finanzjament tiegħu u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni jkompli, b'mod partikolari mal-pajjiżi tal-Golf; billi l-kooperazzjoni interparlamentari ma' dawn il-pajjiżi terzi ewlenin hija waħda mill-għodod li għandhom jissaħħu;

ES.  billi l-UE qiegħda tikkoopera f'ħafna modi ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; billi għadd ta' strumenti tal-UE jistgħu jintużaw biex jiġu ffinanzjati programmi kontra t-terroriżmu f'pajjiżi terzi; billi l-UE stabbiliet netwerk ta' esperti kontra t-terroriżmu fid-delegazzjonijiet tal-UE; billi aġenziji tal-UE, bħall-Europol, il-Eurojust u s-CEPOL qegħdin jikkooperaw ukoll ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, pereżempju permezz ta' ftehimiet strateġiċi u operattivi;

ET.  billi teżisti sistema ta' sanzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, bi tliet tipi ta' miżuri, li hija implimentata mis-SEAE; billi din is-sistema hija inkompluta u mhijiex użata biżżejjed minħabba restrizzjonijiet proċedurali u riluttanza min-naħa tal-Istati Membri;

EU.  billi l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Azzjoni Esterna tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu adottati fid-19 ta' Ġunju 2017 ifakkru r-rwol tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, permezz tat-tisħiħ tas-sigurtà, tal-istabbiltà, tal-kontroll tal-fruntieri u tar-riforma fis-settur tas-sigurtà u fit-tisħiħ tal-kapaċità ta' ġlieda kontra t-terroriżmu u fil-kondiviżjoni ta' informazzjoni;

Vittmi tat-terroriżmu

EV.  billi wisq nies sfaw vittmi diretti tat-terroriżmu fl-UE kollha, b'eluf ta' familji jsibu ruħhom b'kundizzjonijiet post-trawmatiċi li jaffettwaw il-benesseri fit-tul tagħhom; billi hemm nuqqas ta' ċifri armonizzati dwar iċ-ċifra eżatta ta' vittmi; billi, qabel l-2001, il-biċċa l-kbira tal-vittmi tat-terroriżmu kienu prinċipalment attribwibbli lill-IRA u l-ETA, filwaqt li minn dak iż-żmien 'l hawn il-maġġoranza l-kbira tal-imwiet kienu kaġun ta' azzjonijiet terroristiċi organizzati jew ispirati minn Al-Qaeda u minn Daesh;

EW.  billi l-imwiet ikkawżati minn attakki terroristiċi jkissru l-familji u ħafna mis-sopravissuti li ndarbu f'attakki terroristiċi jbatu minn diżabilitajiet, minn sfigurazzjoni u minn telf ta' dirgħajn u riġlejn u minn problemi psikoloġiċi li jibdluhom ħajjithom, u s-sitwazzjoni diffiċli tagħhom ikollha impatt kbir ħafna fuq il-familja u l-komunità tagħhom, filwaqt li ħafna drabi, meta l-attenzjoni tal-media tonqos, il-ħtiġijiet fit-tul tal-vittmi jiġu injorati; billi s-sindromu ta' stress postrawmatiku huwa kwistjoni ewlenija tas-saħħa pubblika fl-Ewropa; billi ma hemm ebda ċifra Ewropea komprensiva dwar l-impatt tat-terroriżmu fuq is-saħħa mentali tal-popolazzjoni wara d-diversi attakki;

EX.  billi l-vittmi tat-terroriżmu għandhom status speċifiku ħafna, u l-issodisfar tal-ħtiġijiet tagħhom mhuwiex biss obbligu ġuridiku skont id-dritt nazzjonali, internazzjonali u tal-UE, iżda huwa wkoll responsabbiltà għas-soċjetajiet tagħna b'mod ġenerali; billi l-attakki reċenti fl-UE raw vittmi li kienu ġejjin minn għadd kbir ta' Stati Membri differenti;

EY.  billi fil-livell Ewropew m'hemm ebda statut legali definit għall-vittmi tat-terroriżmu għall-finijiet ta' aċċess għal servizzi tal-komunità jew għal drittijiet ta' kumpens; billi l-vittmi tal-attakki terroristiċi rieenti fl-Ewropa għadhom neqsin minn ġustizzja, minn trattament xieraq, minn servizzi ta' appoġġ għall-vittmi u minn assistenza finanzjarja; billi l-vittmi tat-terroriżmu jinsabu f'riskju ta' vittimizzazzjoni sekondarja li taffettwahom mhux biss fil-proċeduri ġudizzjarji, iżda anki fil-ħafna interazzjonijiet li jkollhom ma' entitajiet Statali u mhux Statali oħra;

EZ.  billi għad hemm diskrepanzi fil-mod kif id-dispożizzjonijiet minquxa fid-Direttiva 2012/29/UE(14) issarrfu fi proċeduri fil-livell nazzjonali; billi l-Kummissjoni għadha ma ppubblikatx ir-rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva; billi fit-30 ta' Mejju 2018 il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-direttiva(15);

FA.  billi l-kumpens lill-vittmi tat-terroriżmu jservi kemm bħala forma ta' rikonoxximent mis-soċjetà tad-dannu kkawżat mill-attakk kif ukoll bħala mezz ta' appoġġ finanzjarju u restituzzjoni; billi l-livelli ta' kumpens u l-proċeduri jvarjaw konsiderevolment bejn Stat Membru u ieħor u li b'hekk jaggravaw l-inġustizzja perċepita mill-vittmi u t-tbatija li huma jesperjenzaw;

FB.  billi s-sistemi ta' appoġġ jenħtieġ li jiġu stabbiliti b'mod li jiżgura li l-vittmi transfruntiera wkoll ikunu rappreżentati b'mod kontinwu u sistematiku u pprovduti b'appoġġ f'pajjiżhom filwaqt li jibqgħu f'kuntatt mal-fornituri ta' appoġġ fil-pajjiż fejn seħħ l-attakk;

FC.  billi l-Eurojust kienet qiegħda tiffaċilita l-eżekuzzjoni tat-talbiet għal MLA għall-koordinazzjoni u għall-għoti ta' assistenza fl-eżerċizzju ta' drittijiet tal-vittmi ta' terroriżmu, b'kunsiderazzjoni tad-drittijiet u tar-rwoli differenti tal-vittmi barranin fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom;

FD.  billi n-negozji, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, ukoll jistgħu jġarrbu ħsara mit-terroriżmu bħal ħsara fil-proprjetà u interruzzjoni tan-negozju;

FE.  billi l-Parlament ippropona proġett pilota biex jiġi stabbilit "Ċentru Ewropew ta' Koordinazzjoni għall-vittmi tat-terroriżmu" billi jlaqqa' lil esperti operattivi ewlenin, avukati tal-vittmi u organizzazzjonijiet rilevanti mill-Ewropa kollha bil-għan li jiġu identifikati l-prijoritajiet u l-kwistjonijiet ewlenin għall-vittmi tat-terroriżmu u li jingħata appoġġ ikkoordinat bejn il-fruntieri;

Drittijiet fundamentali

FF.  billi l-Unjoni Ewropea għandha rwol neċessarju fil-promozzjoni tar-rispett tal-valuri demokratiċi, inkluż l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; billi, madankollu, hemm fehmiet u prattiki reliġjużi u politiċi estremi fi ħdan l-UE li jopponu b'mod fundamentali dawn il-valuri;

FG.  billi miżuri kontra t-terroriżmu u l-ħarsien tal-libertajiet mhumiex għanijiet konfliġġenti, iżda huma komplementari u jirrinforzaw lil xulxin; billi d-drittijiet fundamentali għandhom jiġu żgurati u protetti għal kull individwu u billi l-miżuri kollha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom jaffettwaw mill-inqas possibbli lill-popolazzjoni ġenerali innoċenti u mhux involuta;

FH.  billi kwalunkwe miżura kontra t-terroriżmu dejjem għandha tiggarantixxi bis-sħiħ id-drittijiet u l-prinċipji fundamentali kollha, inklużi dawk fir-rigward tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data, id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, kif ukoll is-salvagwardji proċedurali bħall-preżunzjoni ta' innoċenza, id-dritt għal proċess ġust u d-dritt għall-informazzjoni, biex b'hekk jiġi żgurat li l-individwi jkollhom rimedji effettivi għad-dispożizzjoni tagħhom biex jikkontestaw kwalunkwe ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom, inkluża l-possibbiltà ta' rimedju ġudizzjarju, u li jiġi rispettat l-acquis tal-Unjoni dwar id-drittijiet proċedurali; billi tali miżuri għandhom iqisu l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

FI.  billi huwa kruċjali li l-investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu jaderixxu ma' standards għoljin ta' professjonaliżmu filwaqt li l-miżuri kollha applikati jkunu mmirati, proporzjonati u neċessarji; billi l-politiki kontra t-terroriżmu m'għandhomx iwasslu għal esklużjoni soċjali u stigmatizzazzjoni; billi l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tista' tintalab tipprovdi opinjoni dwar leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu fi ħdan il-kuntest tal-Qafas Pluriennali tagħha;

FJ.  billi l-persunal tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarju jinsabu minn ta' quddiem nett tal-operazzjonijiet kontra t-terroriżmu; billi hemm diversi każijiet dokumentati fejn pulizija u uffiċjali ġudizzjarji, flimkien mal-familji tagħhom, sabu ruħhom taħt mira partikolari u ġew mhedda minn estremisti vjolenti u f'każijiet minnhom dawn sarrfu f'attakki fiżiċi vjolenti u saħansitra anke omiċidji; billi l-appoġġ politiku u pubbliku tal-persunal tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarju li jissalvagwardja d-drittijiet fundamentali fl-investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu billi jirriskjaw ħajjithom u l-persuna tagħhom, huwa ta' importanza kruċjali;

FK.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba diżabbiltà u tirrikonoxxi d-dritt tal-persuni b'diżabbiltà li jibbenefikaw minn miżuri biex jiġu żgurati l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u okkupazzjonali u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità; billi d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fl-UE huma protetti wkoll mill-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità;

Rakkomandazzjonijiet

Qafas istituzzjonali

1.  Iqis li filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu l-ewwel sabiex jipprevjenu u jirreaġixxu għat-theddid minħabba s-setgħat sovrani tagħhom, teżisti ħtieġa ċara li jiġi rikonoxxut bis-sħiħ ir-rwol tal-Unjoni Ewropea u tal-miżuri kontra t-terroriżmu adottati fil-qafas tal-“Unjoni tas-Sigurtà” fl-appoġġ tagħhom, fil-koordinazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, fil-provvediment ta' soluzzjonijiet komuni u fiż-żieda tal-valur sabiex jippermettulhom jiġġieldu aħjar il-fenomeni ta' radikalizzazzjoni, estremiżmu u terroriżmu; jemmen li f'żona mingħajr fruntieri interni, l-azzjoni Ewropea hija vitali biex tiġi żgurat livell għoli ta' sigurtà madwar it-territorju Ewropew u li l-approfondiment tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-Unjoni Ewropea huwa kruċjali biex jiġi indirizzat b'mod effikaċi u jiġi evitat it-theddid terroristiku u biex jiġu protetti ċ-ċittadini; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jaħdmu għal kultura strateġika komuni;

2.  Jemmen li l-UE u l-Istati Membri għandhom itejbu l-kooperazzjoni tagħhom billi jsaħħu l-korpi eżistenti tal-UE, l-aġenziji speċjalizzati tal-UE u s-servizzi kif ukoll il-mezzi ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-istituzzjonijiet tal-ġustizzja tal-Istati Membri; jemmen li għandhom jingħataw mezzi adegwati lil dawn l-aġenziji tal-UE li jippermettulhom jindirizzaw il-volum dejjem akbar ta' xogħol tagħhom;

3.  Jenfasizza l-importanza tal-iskambju ta' prattiki tajba bejn l-Istati Membri fi ħdan l-Unjoni Ewropea, kif ukoll ma' pajjiżi terzi; jilqa' l-inizjattivi meħuda minn xi Stati Membri, iżda wkoll fil-livell lokali minn ċerti bliet, jew minn atturi privati, sabiex jidentifikaw strumenti effettivi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

4.  Jistieden lill-President li jmiss tal-Kummissjoni jżomm portafoll awtonomu għall-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà;

5.  Jappella lill-Kunsill biex iżomm il-kariga ta' Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu; Jikkunsidra li l-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu jenħtieġ li jkompli jkollu rwol proattiv biex isaħħaħ ir-rispons tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jappella għal kjarifika dwar l-istatus u r-rwol tal-Koordinatur għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, bħala konnessjoni bejn l-istituzzjonijiet kompetenti tal-UE u l-aġenziji tal-Istati Membri;

6.  iqis li l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja huma tliet aspetti li ma jistgħux jiġu analizzati separatament; iqis li r-rispett għad-drittijiet fundamentali għandu jkun parti essenzjali mill-inizjattivi leġiżlattivi kollha fir-rigward tat-terroriżmu; iħeġġeġ biex il-kompetenza tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tkompli tinkludi l-ġlieda kontra t-terroriżmu sabiex tiżgura konsistenza ma' kwistjonijiet leġiżlattivi oħra fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja;

7.  Jappella lill-Kunsill jestendi s-setgħat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew sabiex dawn jinkludu l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu;

8.  Jappella lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex ikomplu jsaħħu u jsostnu n-Netwerk ATLAS ta' unitajiet tal-operazzjonijiet speċjali antiterroristiċi ċivili tal-Istati Membri tal-UE;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twettaq, b'mod sistematiku, valutazzjonijiet tal-impatt u konsultazzjonijiet taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati esperti dwar proposti leġiżlattivi futuri rigward il-ġlieda kontra t-terroriżmu;

It-theddida terroristika

10.  Jappella lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri favur aktar trasparenza u fehim komuni tal-livelli ta' theddid; jappella lill-Istati Membri jittrażmettu malajr l-informazzjoni dwar bidla fil-livell tat-theddid u r-raġuni għal din il-bidla; jappella wkoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ma jillimitawx il-viżjoni tagħhom tat-terroriżmu għall-ġiħadiżmu, iżda biex jibqgħu viġilanti bl-istess mod fir-rigward tat-theddid terroristiku abbażi ta' motivazzjonijiet oħra bħal, pereżempju, dawk imsemmija fir-rapporti TE-SAT tal-Europol;

11.  Jappella lill-Kummissjoni biex tippromwovi, fil-fora internazzjonali rilevanti, il-kategorizzazzjoni espliċita tat-terroriżmu bħala "Reat kontra l-umanità", stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Istatut ta' Ruma li wassal għall-ħolqien tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

12.  Jappella lill-Istati Membri kollha biex, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa(16), jirrikonoxxu li Daesh ikkommetta ġenoċidju, b'mod partikolari kontra l-poplu Yazidi, Kristjani u minoritajiet Musulmani mhux Sunni u jitlob lill-Istati Membri kollha biex jieħdu azzjoni immedjata u effettiva skont l-obbligu tagħhom skont il-Konvenzjoni dwar il-Ġenoċidju tal-1948 biex jipprevjenu u jikkastigaw atti ta' ġenoċidju, kif ukoll ir-responsabbiltà ġenerali tagħhom li jaġixxu kontra reati taħt id-dritt internazzjonali;

13.  Jappella lill-Istati Membri u lill-aġenziji xierqa tal-UE biex jimmonitorjaw il-ġellieda terroristi barranin kollha u biex jiżguraw sigurtà armonizzata u segwitu ġudizzjarju ta' dawk ġellieda li jirritornaw lejn l-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri fl-istabbiliment ta' sistemi ta' klassifikazzjoni allinjati sabiex issir distinzjoni bejn il-ġellieda li jirritornaw li jkunu ta' riskju għoli, medju jew baxx;

14.  Jirrakkomanda lill-Istati Membri biex jipprovdu strutturi xierqa biex jirrispondu għall-ġellieda tfal li jirritornaw, u b'mod partikolari jiżviluppaw għodda speċjalizzata ta' valutazzjoni tar-riskji u tal-ħtiġijiet fuq il-bażi tal-istadji tal-iżvilupp tat-tfal u tal-grad tagħhom ta' involviment f'attivitajiet kriminali barra l-pajjiż; jissottolinja li l-programmi ta' riabilitazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq approċċ multidixxiplinari li jqarreb flimkien tipi differenti ta' għarfien espert, inkluż dak ta' professjonisti b'esperjenza fl-oqsma tat-trawma, l-estremiżmu, l-iżvilupp tat-tfal, l-edukazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskju u mfassla għall-kuntest lokali u għal dak nazzjonali, kif ukoll strutturi ġuridiċi u organizzattivi ċari biex jindirizzaw dan il-fenomenu allarmanti; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkooperaw mal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar billi dan għandu aċċess u għarfien espert partikolari f'dan il-qasam;

15.  Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva li tipprekludi lil trasgressuri terroristi kkundannati, kif ukoll lil persuni li dwarhom ikun hemm evidenza ċara li jirrappreżentaw theddida serja għas-sigurtà pubblika, milli jingħataw l-ażil jew forom oħra ta' protezzjoni internazzjonali madwar l-Unjoni Ewropea kollha;

16.  Jappella lill-Kummissjoni tirrevedi u taġġorna l-Pjan ta' Azzjoni CBRN, u lill-Istati Membri jistabbilixxu jew isaħħu u jżommu miżuri xierqa ta' "difiża ċivili" għat-tħejjija kontra attakki CBRN billi jirreklutaw persunal ikkwalifikat u mħarreġ regolarment, kemm persunal full-time kif ukoll voluntiera, kif ukoll infrastruttura teknika xierqa inklużi riżorsi għar-rispons bħal sistemi ta' detezzjoni mobbli speċjalizzati, ħażna ta' mediċini essenzjali, kura għall-vittmi u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki; jenfasizza li dawn il-miżuri jridu jkunu konformi ma' strateġija multidixxiplinari li tinkludi metodi ta' koordinazzjoni, proċeduri ta' notifika, protokolli standard, ippjanar ta' evakwazzjonijiet, sistemi ta' allarm pubbliku u rappurtar ta' inċidenti; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jarmonizzaw dawn l-istrateġiji gradwalment; jappella lill-Istati Membri biex joħolqu jew isaħħu laboratorji speċjalizzati; jitlob lill-Kummissjoni biex flimkien mal-Parlament jappoġġjaw l-attivitajiet transfruntiera rilevanti ta' riċerka; jinkoraġġixxi kooperazzjoni msaħħa maċ-Ċentru ta' Eċċellenza tan-NATO dwar is-CBRN biex jiġi żgurat it-trasferiment tal-aħjar prattiki bejn persuni li jirrispondu għal emerġenza fl-Istati Membri tal-UE u tan-NATO;

17.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkooperaw mas-settur privat sabiex jistabbilixxu mekkaniżmi li jiżguraw provvista affidabbli, konsistenti u adegwata ta' kontromiżuri mediċi inkluż l-użu potenzjali tal-Mekkaniżmu ta' Akkwist Konġunt tal-UE stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1082/2013/EU tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa(17);

18.  Iħeġġeġ, sabiex tiġi ffaċilitata l-aċċessibbiltà, l-aġġornament u l-estensjoni tas-Sistema Ewropea ta' Data dwar il-Bombi tal-Europol għall-proġett Ewropew ta' analiżi – li jservi bħala ċentru ta' informazzjoni u koordinazzjoni rigward l-inċidenti kollha relatati mas-CBRN fl-Ewropa kollha – li għandu jiġi kkomplementat b'tim ta' analiżi multidixxiplinari b'numru adegwat ta' persunal;

19.  Jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni biex issaħħaħ it-tħejjija u r-rispons CBRN tal-UE permezz ta' eżerċizzji transettorjali għall-infurzar tal-liġi, għall-istrutturi tas-saħħa tal-protezzjoni ċivili u, fejn rilevanti, il-fruntieri u d-dwana fi ħdan l-istrumenti finanzjarji u l-għodod operazzjonali eżistenti, b'mod partikolari l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, is-CEPOL u l-Fond għas-Sigurtà Interna tal-Pulizija;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu standards komuni għall-proċeduri tal-ivverifikar f'istituzzjonijiet vulnerabbli bħal impjanti nukleari jew laboratorji speċjalizzati;

21.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jagħmlu aktar użu mis-sistemi ta' identifikazzjoni teknika għal sustanzi CBRN partikolarment f'avvenimenti pubbliċi fuq skala kbira u jappella lill-Kummissjoni biex flimkien mal-Parlament Ewropew jagħmlu aktar fondi Ewropej disponibbli għal akkwiżizzjonijiet komprensivi ta' sistemi bħal dawn;

22.  Jilqa' l-ħolqien fi ħdan l-ECTC ta' ċentru tal-għarfien dwar is-suġġett tas-CBRN u attivitajiet relatati dwar splussivi, li ser jaħdem b'mod parallel għaċ-Ċentru Ewropew ta' Taħriġ dwar is-Sigurtà Nukleari (EUSECTRA); jappella għal proċedura standard li fiha kull Stat Membru jikkondividi informazzjoni b'mod effettiv maċ-Ċentru ta' ġbir tal-għarfien;

23.  Jilqa' l-approvazzjoni ta' Regolament dwar regoli komuni fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili u l-mandat tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 216/2008(18); jappella lill-Kummissjoni biex tqis l-aspetti tas-sigurtà għar-regoli delegati u ta' implimentazzjoni futuri dwar id-droni u l-operazzjonijiet tad-droni, inkluż il-valutazzjonijiet tar-riskju aġġornati b'mod regolari, ir-reġistrazzjoni obbligatorja, l-identifikazzjoni elettronika u l-geofencing fil-kategoriji kollha tad-droni, u liċenzji tas-sigurtà u korsijiet ta' taħriġ obbligatorji għal operaturi tal-missjonijiet ta' sigurtà u spezzjoni;

24.  Jinnota li huwa magħruf li bosta persuni li wettqu attivitajiet terroristiċi fl-UE bdew billi wettqu reati żgħar u wara ġew indottrinati fl-estremiżmu vjolenti waqt li jkunu l-ħabs; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li s-sistemi tal-liġi kriminali tagħhom jikkastigaw b'mod xieraq lill-kriminali u jippermettu kunsiderazzjoni bir-reqqa tar-riskju ta' reat ieħor qabel jawtorizzaw rilaxx bikri; jisħaq li ż-żmien fil-ħabs għandu jippermetti riabilitazzjoni, riintegrazzjoni u prevenzjoni ta' reati ripetuti u mhux irawwem l-estremiżmu vjolenti;

25.  Jissottolinja t-theddida kontinwa tal-interazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet terroristiċi u l-kriminalità organizzata, b'mod partikolari fir-rigward tal-kapaċitajiet loġistiċi u t-traffikar tal-armi li jistgħu jippermettu attakki fuq skala kbira;

26.  Jinnota ż-żieda fit-theddid ċibernetiku u jissottolinja l-importanza li l-isforzi taċ-ċibersigurtà jiżdiedu wkoll fil-qasam kontra t-terroriżmu;

27.  Jappella lill-Istati Membri biex jipprovdu riżorsi adegwati lill-korpi pubbliċi tagħhom involuti f'operazzjonijiet antiterroristiċi bil-mezzi tekniċi, finanzjarji, edukattivi u legali kollha meħtieġa biex jipproteġu lilhom infushom kontra estremisti vjolenti fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom;

Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti

Strutturi għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni

28.  Jappella għall-ħolqien ta' "Ċentru ta' Eċċellenza għall-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni (CoE PR)" tal-UE, bħala s-suċċessur għan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), li għandu jiġi integrat fil-Kummissjoni b'riżorsi finanzjarji u umani adegwati; jemmen li l-kompiti tiegħu għandhom jinkludu koordinazzjoni, faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-għarfien, proġetti ewlenin u prattiki tajba fost l-Istati Membri, dawk li jfasslu l-politiki, il-prattikanti (bl-involviment ta' strutturi li kienu jaqgħu taħt RAN u ESCN) kif ukoll bl-involviment ta' mexxejja jew komunitajiet reliġjużi u akkademiċi u esperti, inklużi speċjalisti tal-ITm fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni; jindika li l-attivitajiet tiegħu għandhom jinkludu t-taħriġ ta' kategoriji differenti ta' professjonisti, inkluż imħallfin u prosekuturi, permezz ukoll ta' sħubijiet ma' pajjiżi terzi strateġiċi ewlenin; iqis li dan iċ-ċentru għandu jistabbilixxi wkoll metodoloġiji xjentifiċi biex tiġi evalwata u mkejla l-effikaċja tal-programmi u l-proġetti sabiex il-politiki rilevanti jkunu jistgħu jiġu aġġustati hekk kif meħtieġ;

29.  Jinnota li r-rapport tal-2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar id-deradikalizzazzjoni kkonstata li l-Kummissjoni ma żżommx sommarju komplet tal-miżuri ffinanzjati mill-UE, u li ma jintużawx indikaturi jew miri għall-fondi tal-UE biex jitkejjel kemm fil-fatt l-approċċ ikun irnexxa; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm biżżejjed finanzjament taħt il-Fond għas-Sigurtà Interna allokat għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-ġlieda kontriha, li jissemplifika r-riżorsi attwalment frammentati f'fondi u fi programmi differenti u jippermetti koordinazzjoni u viżibilità aħjar kif ukoll aktar effikaċja fl-użu tagħhom abbażi ta' kriterji li jistgħu jiġu żviluppati mill-CoE PR;

30.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw strateġiji nazzjonali u reġjonali komprensivi għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-ġlieda kontriha, b'riżorsi finanzjarji adegwati għall-komunitajiet u l-imsieħba f'livell lokali involuti fil-ħolqien u fl-implimentazzjoni ta' programmi bbażati fuq dawn l-istrateġiji, u jappella għal approċċ b'diversi aġenziji; jisħaq fuq li l-aħjar riżultati jinkisbu id f'id mal-komunitajiet lokali; jisħaq ukoll fuq li l-indikaturi oġġettivi kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi jistgħu jiġu żviluppati mill-CoE PR u jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jidentifikaw l-ispeċifiċitajiet lokali tar-radikalizzazzjoni u jfasslu aħjar programmi għall-qasam speċifiku;

31.  Jappella lill-Istati Membri biex jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni b'mod olistiku, anke f'kollaborazzjoni mal-amministrazzjonijiet lokali, u biex jikkomplementaw l-approċċi tas-sigurtà bi strateġiji dwar l-inklużjoni soċjali, l-integrazzjoni ekonomika u kulturali u b'politiki u investimenti fit-tul fis-servizzi pubbliċi u fl-infrastruttura; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu kampanji kontra d-diskriminazzjoni;

32.  Jaċċentwa l-importanza li titwettaq riċerka speċifika dwar ir-rwol tan-nisa f'reġjuni, pajjiżi u komunitajiet immirati biex jinftiehem r-rwol tagħhom u jiġu identifikati oqsma fejn l-organizzazzjonijiet tan-nisa jistgħu jikkontribwixxu biex tinbena aktar reżiljenza għar-radikalizzazzjoni;

33.  Jappella għall-ħolqien ta' Premju Ewropew għar-Reżiljenza, li jingħata kull sena mill-Parlament Ewropew u possibbilment f'konsultazzjoni mill-qrib mal-CoE PR, lill-aħjar proġett soċjali u kulturali fil-livell lokali fl-UE sabiex b'hekk jiġi promoss l-involviment soċjali f'konformità mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u bil-ħsieb li jinħolqu soċjetajiet li jkunu reżiljenti għar-radikalizzazzjoni;

34.  Jistieden lill-Eurojust biex ikompli l-ħidma tiegħu fil-monitoraġġ tal-ġurisprudenza fl-Istati Membri fir-rigward tar-radikalizzazzjoni li twassal għal terroriżmu, inkluż l-użu ta' alternattivi għall-prosekuzzjoni u d-detenzjoni, u biex jirrapporta regolarment fil-Moniter tal-Kundanni Kontra t-Terroriżmu (TCM); jappella lill-Istati Membri, għal dan il-għan, biex jibagħtu lill-Eurojust l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni għal reati terroristiċi li jaffettwaw jew jistgħu jaffettwaw żewġ Stati Membri jew aktar;

Estremiżmu reliġjuż

35.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiggarantixxu l-libertà tar-reliġjon u d-dritt li tiġi eżerċitata liberament, kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u f'dan il-kuntest b'mod partikolari wkoll jinkoraġġixxu u jittolleraw biss prattiki reliġjużi li jkunu konformi għalkollox mad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-liġijiet fis-seħħ tal-Istati Membri; jilqa' l-inizjattivi ta' komunitajiet reliġjużi fl-Ewropa kollha biex jikkontrobattu n-narrattivi perikolużi minn ġewwa l-komunitajiet tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitħeġġeġ id-djalogu bejn ir-reliġjonijiet u bejn il-kulturi u ta' kooperazzjoni mal-komunitajiet reliġjużi u l-awtoritajiet lokali biex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni;

36.  Jappella lill-Istati Membri jwettqu verifiki minn qabel tal-predikaturi u jniżżlu, skont il-każ, konsistentement f'lista lil kwalunkwe persuna suspettata bħala predikatur tal-mibegħda; jappella lill-Kummissjoni tintroduċi lista ta' sorveljanza tal-UE sabiex informazzjoni dwar predikaturi estremisti tista' tiġi skambjata aħjar fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni permissibbli f'konformità mal-liġi; jinkoraġġixxi l-Istati Membri jsibu fehim komuni u jiżviluppaw linji gwida li skonthom jistgħu jiġu skrinjati dawn il-predikaturi;

37.  Jappella lill-Istati Membri joffru aktar opportunitajiet ta' edukazzjoni għolja lill-predikaturi fl-UE flimkien ma' skrutinju trasparenti u akkreditazzjoni ta' kurrikula teoloġiċi biss li jirrispettaw bis-sħiħ id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u n-newtralità u l-lajċiżmu demokratiku tal-pajjiżi Ewropej, filwaqt li jirrevokaw il-liċenzji ta' tagħlim f'każ ta' mġiba ħażina;

Azzjoni kontra d-diskors ta' mibegħda u l-gruppi estremisti

38.  Jappella lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u d-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija skont liema l-inċitament għat-twettiq ta' att ta' terroriżmu jew reat ta' mibegħda huwa reat kriminali, sabiex il-predikaturi tal-mibegħda jiġu esklużi mill-attività pubblika bl-użu tal-mezzi ġuridiċi kollha, inklużi r-rifjut tal-viża jew it-tkeċċija mit-territorju tal-UE, u jibdew proċedimenti ġudizzjarji kontra dawn il-predikaturi u kwalunkwe aġent ta' proselitiżmu estremist u terroristiku;

39.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħlqu mingħajr dewmien il-postijiet ta' qima u jipprojbixxu l-assoċjazzjonijiet li ma jikkonformawx bis-sħiħ mad-dritt tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali applikabbli, mad-demokrazija, mal-istat tad-dritt u mad-drittijiet tal-bniedem u li jinċitaw reati terroristiċi, mibegħda, diskriminazzjoni jew vjolenza;

40.  Jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw kif jiżguraw li l-postijiet ta' qima, l-edukazzjoni u t-tagħlim reliġjuż, l-organizzazzjonijiet tal-karità, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet kulturali u entitajiet simili jipprovdu dettalji rigward il-provenjenza tal-fondi tagħhom u d-distribuzzjoni tagħhom, kemm fl-UE kif ukoll barra l-UE, u kif id-data li tikkonċerna lil dawn l-entitajiet, meta jeżistu suspetti jew raġunijiet motivati biex jiġu ssuspettati konnessjonijiet ma' gruppi terroristiċi, jistgħu jiġu ddokumentati u analizzati minn awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-qafas legali tal-UE u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data; jappella lill-Istati Membri jipprojbixxu l-finanzjament minn pajjiżi terzi li jopponu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

41.  Jitlob lill-Istati Membri jieħdu azzjoni legali rapida biex jipprojbixxu u jneħħu, kemm jista' jkun fit-territorji tagħhom, il-propaganda kollha stampata u online li tinċita b'mod espliċitu l-estremiżmu vjolenti u l-atti terroristiċi, inkluż il-kontenut kollu prodott jew mifrux minn gruppi u individwi sanzjonati mill-UE jew min-NU; jitlob sabiex tali propaganda titneħħa mill-ħwienet u mill-pjattaformi online bħala parti mill-indikazzjonijiet tal-EU IRU, li jekk meħtieġ tista' tiġi rinforzata f'termini ta' riżorsi umani u kapaċitajiet; jappella li jsiru l-isforzi kollha biex jiġu traċċati u/jew identifikati s-sorsi ta' din il-propaganda;

42.  Jappella lill-Istati Membri jieħdu azzjoni kontra l-istazzjonijiet tat-televiżjoni satellitari li jxerrdu l-vjolenza, diskors ta' mibegħda u inċitament għat-terroriżmu, b'konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva; jappella lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ u malajr id-Direttiva biex jiżguraw li l-Artikolu 6 dwar il-prevenzjoni tal-inċitament għall-vjolenza u l-mibegħda jkun fis-seħħ madwar l-UE; jitlob lill-Kummissjoni tħejji analiżi ta' bidliet leġiżlattivi possibbli fid-Direttiva sabiex tittejjeb l-effikaċja tal-imblukkar ta' tali stazzjonijiet li jxandru minn pajjiżi terzi;

L-edukazzjoni

43.  Jirrileva li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet edukattivi kollha jipprovdu edukazzjoni b'konformità mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, permezz ta' kontrolli tal-kurrikuli, spezzjonijiet regolari u sanzjonijiet għan-nonkonformità, u li jeħtieġ li l-fanatiċi reliġjużi ma jitħallewx ikollhom aċċess għall-iskejjel;

44.  Jemmen li l-edukazzjoni, bħala proċess ta' skoperta, esplorazzjoni, involviment u konfront mal-istorja, iċ-ċiviltajiet, il-kulturi, l-ideoloġiji u r-reliġjonijiet, għandha ssir għodda kompluta fil-ġlieda kontra l-vjolenza kollha estremista u l-proċessi ta' radikalizzazzjoni vjolenti; jenfasizza l-importanza tat-tagħlim dwar in-nondiskriminazzjoni u r-rispett għat-twemmin ta' nies oħra u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali tat-tfal kollha, f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, kif ukoll il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

45.  Jappella lill-Istati Membri jistabbilixxu politiki għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, kemm speċifiċi (gruppi vulnerabbli) kif ukoll mhux speċifiċi (ġenerali); jemmen li l-laqgħat fl-iskejjel mal-vittmi, persuni li jirritornaw u l-familji tagħhom flimkien man-nies li għelbu r-radikalizzazzjoni jistgħu jkunu għodda effettiva għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni; jinkoraġġixxi t-taħriġ ta' sensibilizzazzjoni għal prattikanti li jistgħu jinteraġixxu ma' tfal li jirritornaw; jinnota li l-aħjar riżultati ħafna drabi jinkisbu id f'id mal-komunitajiet lokali filwaqt li jiġu indirizzati l-komunikazzjonijiet ewlenin tal-gruppi terroristiċi b'kontronarrattivi;

46.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jintegraw il-midja u l-litteriżmu tal-informazzjoni u l-użu tal-internet fis-sistemi edukattivi nazzjonali sabiex iċ-ċittadini żgħażagħ jingħataw is-saħħa permezz ta' għodda biex jifhmu u jivvalutaw l-informazzjoni ta' spiss mhux filtrata li tiċċirkola online u biex jużaw l-internet b'mod responsabbli bil-ħsieb li jiġu evitati riskji possibbli ta' radikalizzazzjoni;

47.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jistabbilixxu linji gwida għall-iskejjel biex jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni possibbli tal-istudenti u jiżviluppaw proċeduri sempliċi u ċari dwar kif għandhom jittrattawhom; jisħaq fuq il-ħtieġa tal-involviment tal-awtoritajiet għall-protezzjoni tat-tfal u s-servizzi soċjali, b'kooperazzjoni aħjar mal-unitajiet rilevanti tal-infurzar tal-liġi u tal-ġustizzja fil-proċess tal-indirizzar tal-aktar każijiet serji ta' radikalizzazzjoni;

L-internet

48.  Jissottolinja l-ħtieġa li tinkiseb detezzjoni awtomatika u tneħħija sistematika, rapida, permanenti u sħiħa tal-kontenut terroristiku online abbażi ta' dispożizzjonijiet legali ċari inklużi salvagwardji u rieżami minn bnedmin; jirrimarka, barra minn hekk, dwar il-ħtieġa li jiġi evitat li l-kontenut mneħħi jerġa' jittella'; jilqa' l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni dwar il-prevenzjoni tat-tixrid ta' kontenut terroristiku online billi l-pjattaformi jiġu obbligati jneħħuh kompletament; jappella lill-koleġiżlaturi biex jibdew jaħdmu b'urġenza fuq din il-proposta; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri nazzjonali jekk ikun hemm dewmien fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni;

49.  Iqis li r-rapportar għandu jinkludi deskrizzjonijiet u statistika dwar liema kontenut tneħħa u għala, kemm il-żjara dak il-kontenut kellu qabel ma tneħħa, kemm il-kontenut dam online qabel tneħħa u jekk il-kont assoċjat mal-kontenut offensiv tneħħiex u meta; jisħaq fuq li hemm bżonn ta' trasparenza xierqa biex jiġi valutat jekk l-awtoritajiet statali humiex qegħdin jaqdu rwol xieraq fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta' reati meta jiġi rrapportat il-kontenut illegali;

50.  Jilqa' l-ħidma tal-Forum Globali dwar l-Internet għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (GIFCT) u jistieden lill-kumpaniji fundaturi tal-GIFCT biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom fil-bażi tad-data hash komuni tal-industrija wkoll billi jikkondividu l-għarfien ma' kumpaniji tat-teknoloġija iżgħar; jappella lill-kumpaniji tat-teknoloġija biex iżidu l-isforzi u l-finanzjament tagħhom għall-iżvilupp ta' metodi biex ineħħu l-kontenut terroristiku malajr, iżda mingħajr ma jipperikolaw il-libertà tal-espressjoni;

51.  Jilqa' l-ħidma mwettqa mill-EU IRU tal-Europol; jappella lil kull Stat Membru jistabbilixxi unità speċjali inkarigata biex tirrapporta l-kontenut illeċitu fuq l-internet li tkun tista' tikkoopera mal-unità EU IRU sabiex tiġi żgurata l-komplementarjetà u jiġi evitat irduppjar bla bżonn fir-riferiment ta' kontenut online lill-kumpaniji tal-IT; jappella sabiex l-EU IRU tissaħħaħ sabiex tiffaċilita u tikkoordina l-isforzi tal-Istati Membri biex jinterċettaw, jindikaw u jħassru kontenut terroristiku online; jemmen, barra minn hekk, li huwa kruċjali li tinġabar l-informazzjoni dwar il-kontenut terroristiku online mħassar u dwar il-kontijiet imħassra fil-Europol, sabiex ma jitħallewx jerġgħu jittellgħu u tkun iffaċilitata l-analiżi u l-investigazzjonijiet kriminali;

52.  Jappella lill-Kummissjoni biex toħloq pjattaforma Ewropea online li ċ-ċittadini jistgħu jużaw biex jindikaw kontenut terroristiku online u jitlob lill-kumpaniji biex ikollhom kapaċità li jirċievu, jirrieżaminaw, jipproċessaw u jirrispondu għall-kontenut indikat;

53.  Jappella għal approċċ ta' sħubija effettiva bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet ġudizzjarji, l-industrija tal-IT, il-fornituri tas-servizz tal-internet (ISPs), l-ospiti tas-servizz tal-internet (IHPs), il-kumpaniji tal-media soċjali u l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, fl-iżvilupp u d-disseminazzjoni ta' kontronarrattivi effikaċi, anke fejn adegwat bl-inklużjoni tal-vittmi u ta' persuni kienu estremisti vjolenti, u biex jiġi żgurat li l-magni tat-tiftix jagħtu prominenza lill-kontronarrattivi; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jibnu kontronarrattivi effettivi u għodod strateġiċi oħrajn tal-komunikazzjoni;

Il-ħabsijiet

54.  Jappella lill-Istati Membri jiżguraw kundizzjonijiet siguri u sikuri fil-ħabsijiet kemm għall-ħabsin kif ukoll għall-persunal, u joħolqu proċeduri speċifiċi u indikaturi biex jidentifikaw u jittrattaw ma' ħabsin radikalizzati, sabiex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni ta' ħabsin oħra, kif ukoll jiżguraw monitoraġġ immirat u miżuri ta' diżimpenn immirati, u jħarrġu l-persunal tal-ħabsijiet skont dan;

55.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiggarantixxu s-sikurezza u l-integrità fiżika u psikoloġika tal-persunal fil-ħabsijiet u jipprovdulhom konsulenza psikoloġika; jappella lill-Istati Membri jipprovdu riżorsi adegwati, taħriġ immirat, u superviżjoni lill-awtoritajiet tal-ħabsijiet fil-livelli kollha u b'mod speċjali lill-persunal l-aktar espost li jaħdem mill-qrib mad-delinkwenti minorenni u mad-detenuti radikalizzati; jisħaq, b'mod partikolari, fuq li l-persunal għandu jkun imħarreġ b'mod adegwat biex jidentifika sinjali ta' radikalizzazzjoni fi stadju bikri; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħrfu l-korsijiet ta' taħriġ żviluppati bl-użu ta' fondi tal-UE mill-Konfederazzjoni Ewropea tal-Probation (CEP), EuroPris u l-Akkademji Ewropej għat-Taħriġ fil-Ħabsijiet (EPTA); jappella għal aktar kontribut tal-UE biex jittejjeb it-taħriġ għall-uffiċjali tal-ħabsijiet dwar kwistjonijiet relatati mar-radikalizzazzjoni u t-theddid terroristiku potenzjali;

56.  Jisħaq fuq li l-awtoritajiet tal-ħabsijiet jeħtiġilhom jiżviluppaw għodod u metodi speċifiċi biex jidentifikaw u jimmonitorjaw ħabsin radikalizzati skont il-livell tar-radikalizzazzjoni tagħhom u għall-valutazzjoni obbligatorja tagħhom qabel jiġu rilaxxati; jappella lill-Kummissjoni tippromwovi l-aħjar prattiki dwar il-metodoloġiji tal-valutazzjoni tar-riskju ta' priġunieri radikalizzati żviluppati minn Stati Membri differenti; iqis li l-ħabsin li ġew ikklassifikati bħala l-aktar perikolużi għandhom jiġu mmarkati u indikati lill-awtoritajiet ġudizzjarji u/jew lill-awtoritajiet nazzjonali u esterni responsabbli mill-ġlieda kontra t-terroriżmu flimkien mar-rekwiżiti effettivi dwar il-libertà ta' wara r-rilaxx għal dawk li x'aktarx huma ta' theddida għas-sigurtà pubblika; iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-ġbir tal-intelligence dwar priġunieri radikalizzati u s-segwitu tagħhom, billi jibnu fuq l-aħjar prattiki fl-Istati Membri, bħall-istabbiliment ta' proċeduri tal-intelligence dwar il-ħabsijiet; jaċċentwa li jista' jkun utli li tinħatar persuna ta' kuntatt responsabbli mill-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni fis-sistema tal-ħabsijiet;

57.  Jisħaq fuq li ż-żmien fil-ħabs għandu jippermetti riabilitazzjoni u riintegrazzjoni minflok irawwem l-estremiżmu vjolenti; jappella lill-Istati Membri biex jistabbilixxu programmi ta' diżimpenn multidixxiplinari fil-ħabsijiet; iqis li l-miżuri ta' riintegrazzjoni għandhom isiru parti integrali mid-detenzjoni sabiex jitħejja r-rilaxx ta' dawn il-priġunieri; iqis li l-CoE PR jista' jwettaq segwitu tal-pjanijiet ta' azzjoni kontra r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet u fit-tranżizzjoni ta' wara l-ħabs;

58.  Jisħaq fuq li kundizzjonijiet inumani ta' detenzjoni, affollament eċċessiv u trattament ħażin huma kontroproduttivi fir-rigward tal-objettiv tal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti; jindika li sabiex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet huwa essenzjali li jiġu stabbiliti sistemi ta' detenzjoni separati skont il-perikolożità tal-priġunieri; jissottolinja f'dan ir-rigward li kwalunkwe programm speċifiku ddedikat lil ċertu grupp ta' ħabsin għandu jirrispetta l-istess drittijiet tal-bniedem u obbligi internazzjonali bħal għal kwalunkwe ħabsi;

59.  Jappella lill-Kummissjoni tniedi Forum Ewropew dwar il-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet sabiex tinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn esperti u prattikanti minn madwar l-Istati Membri kollha;

60.  Jiġbed l-attenzjoni dwar it-traffikar varju ta' merkanzija illegali fil-ħabs, inkluż it-traffikar tat-telefons ċellulari, li jippermetti lill-ħabsin jibqgħu f'kuntatt ma' netwerks terroristiċi fuq barra;

61.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għall-predikaturi ġenwini għaliex dan inaqqas ir-riskji tal-organizzazzjoni awtonoma ta' ċelluli reliġjużi radikali; jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta' sistema ta' liċenzji bbażata fuq verifiki tal-preċedenti personali tal-predikaturi li jkollhom aċċess għall-ħabsijiet sabiex jiġi evitat it-tixrid ta' fehmiet estremisti fost il-popolazzjonijiet li jinsabu f'riskju għoli, u jappella lill-Kunsill biex bl-appoġġ tal-Kummissjoni ifasslu linji gwida dwar dan abbażi tal-aħjar prattiki; jappella lill-Istati Membri jevalwaw u jimmonitorjaw regolarment lill-predikaturi li għandhom aċċess għall-ħabsijiet; jappella lill-Istati Membri biex jirrikjedu taħriġ standard għall-predikaturi li jaħdmu fil-ħabsijiet ibbażat fuq l-aħjar prattiki żviluppati mill-awtoritajiet penitenzjarji tal-Istati Membri, anke b'kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi;

Kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni

Kwistjonijiet orizzontali

62.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni eżistenti b'mod sħiħ u fil-ħin, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi l-appoġġ meħtieġ; jappella lill-Kummissjoni tanalizza n-nuqqasijiet fit-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, u tuża s-setgħa li tiftaħ proċedimenti ta' ksur meta l-Istati Membri jonqsu milli jimplimentaw il-leġiżlazzjoni kif suppost;

63.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li jkollhom it-tagħmir tekniku, is-software, is-sistemi tas-sigurtà u r-riżorsi umani kwalifikati li jkollhom bżonn biex jagħmlu użu sħiħ mis-sistemi ta' informazzjoni u l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni eżistenti; itenni l-importanza li jiġi żgurat li l-persunal b'aċċess għal dan it-tagħmir ikun irċieva taħriġ xieraq fir-rigward tad-data;

64.  Jinnota bi tħassib li l-istituzzjonijiet pubbliċi mhumiex qegħdin jagħmlu biżżejjed riċerka dwar is-sigurtà; jappella biex ikun hemm definizzjoni aktar proattiva tal-ħtiġijiet (pereżempju t-tisħiħ tan-Netwerk Ewropew għas-Servizzi Teknoloġiċi tal-Infurzar tal-Liġi (ENLETS), li qiegħed jiddefinixxi l-ħtiġijiet teknoloġiċi għall-infurzar tal-liġi); jappella biex jingħata appoġġ lil proġetti pilota dwar l-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġija blockchain (rimessi); jappella għal involviment attiv tal-aġenziji tal-UE bħall-Europol u s-CEPOL fi proġetti ta' riċerka tal-UE dwar is-sigurtà; jappella lill-Istati Membri biex jorganizzaw regolarment eżerċizzji ta' prospettiva li jħarsu lejn xenarji futuri ta' theddid; jappoġġja l-finanzjament kontinwu min-naħa tal-Kummissjoni għall-ħolqien ta' bażijiet tad-data modernizzati u l-forniment ta' tagħmir tekniku aġġornat u t-taħriġ għall-persunal, u jappella għal jitlob approċċ aktar ambizzjuż f'dan ir-rigward;

65.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw l-istandardizzazzjoni teknika meħtieġa, it-titjib fir-rigward tal-kwalità tad-data u l-qafas legali għal approċċ futur ta' “skambju ta' informazzjoni b'mod awtomatiku” fir-rigward tal-kondiviżjoni ta' informazzjoni kontra t-terroriżmu ma' Stati Membri oħra u aġenziji u korpi rilevanti tal-UE abbażi tar-regolamenti legali sottostanti applikabbli li jirregolaw kull sistema ta' informazzjoni; b'hekk l-iskambju ta' tali informazzjoni jsir b'mod awtomatiku u dan ma jsirx biss f'każijiet speċifiċi fejn iċ-ċirkostanzi jeħtieġu li d-data tinżamm, jiġifieri meta l-kondiviżjoni tal-informazzjoni tkun tipperikola l-investigazzjonijiet attwali jew is-sikurezza ta' individwu jew tkun tmur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat; jappella lill-Kummissjoni tiġbor id-data fuq l-implimentazzjoni tal-obbligi eżistenti rigward il-kondiviżjoni awtomatika ta' informazzjoni;

66.  Jappella lill-Istati Membri biex ikunu konformi mal-obbligi tagħhom skont id-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu u d-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI biex jikkondividu informazzjoni rilevanti b'rabta ma' reati terroristiċi malajr kemm jista' jkun mal-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra; huwa tal-opinjoni li l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi jenħtieġ li, mingħajr ma tkun meħtieġa xi talba minn qabel, jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi ta' Stati Membri oħra informazzjoni u intelligence f'każijiet fejn hemm raġunijiet fattwali biex jemmnu li din l-informazzjoni u intelligence jistgħu jgħinu fil-kxif, il-prevenzjoni jew l-investigazzjoni ta' reati;

67.  Jirrimarka li l-għażla ta' xi Stati Membri li ma jipparteċipawx f'miżuri ta' kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija għall-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u l-finanzjament tat-terroriżmu tista' tipperikola r-rapidità u l-effiċjenza tal-investigazzjonijiet marbuta mat-terroriżmu u jista' jkollha effetti negattivi; jappella lill-Istati Membri jżommu dan f'moħħhom u jiżnu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tan-nonparteċipazzjoni f'dan il-qasam kruċjali;

68.  Jinnota li fil-preżent jeżistu 28 reġim legali differenti għaż-żamma tad-data, li jista' jkun kontroproduttiv għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa proposta leġiżlattiva dwar iż-żamma tad-data li tirrispetta l-prinċipji ta' limitu fuq l-ambitu, il-proporzjonalità u n-neċessità, filwaqt li tqis il-ħtiġijiet tal-awtoritajiet kompetenti u l-ispeċifiċitajiet tal-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu billi, fost miżuri oħra, tindirizza l-forom ġodda ta' komunikazzjoni, tistabbilixxi salvagwardji qawwija fuq il-ħażna tad-data mill-fornituri ta' servizz u fuq l-aspett tal-aċċess għad-data għal investigazzjonijiet kriminali, opportunitajiet ta' psewdonimizzazzjoni, tiddetermina kategoriji ta' data li huma partikolarment rilevanti għal ġlieda effettiva kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja, tipprovdi għal persunal speċifikament imħarreġ u sorveljat li jittratta l-aċċess għad-data jew tintroduċi valutazzjonijiet perjodiċi tat-theddid bħala l-bażi għall-perjodi taż-żamma;

Sistemi ta' informazzjoni

69.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni sħiħa u jikkontrollaw b'mod sistematiku l-bażijiet tad-data u s-sistemi ta' informazzjoni rilevanti f'konformità sħiħa mad-drittijiet ta' aċċess tagħhom stabbiliti fil-bażijiet legali sottostanti u jintroduċu d-data utli kollha mingħajr dewmien filwaqt li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-kwalità tas-sistemi ta' informazzjoni rispettivi;

70.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jaraw li, kemm jista' jkun, l-informazzjoni rilevanti disponibbli fil-livell lokali jew reġjonali u fil-bażijiet tad-data tagħhom tittella' awtomatikament permezz ta' soluzzjonijiet tekniċi intelliġenti fis-sistemi nazzjonali u, jekk ikun il-każ, fil-bażijiet tad-data biex jiġi evitat li tintilef informazzjoni bħala riżultat tal-frammentazzjoni tal-ġurisdizzjonijiet, filwaqt li jiġi żgurat li jintlaħqu l-istandards tal-UE dwar il-kwalità, is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data;

71.  Jappella lill-Istati Membri jużaw kemm jista' jkun kull kategorija ta' kollegamenti u jimplimentaw il-kombinazzjonijiet kollha għat-tiftix previsti mis-SIS, minbarra li jiżguraw livelli ta' persunal u appoġġ tekniku suffiċjenti għall-Uffiċċji SIRENE;

72.  Jilqa' r-reviżjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen II (SIS II), li tirrikjedi li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jirreġistraw ukoll il-kontrolli mwettqa fuq mira rreġistrata fis-SIS II u li jistabbilixxu użu uniformi tas-SIS II fir-rigward tat-terroriżmu; jappella lill-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni relatata ma' reati terroristiċi tittella' b'mod konsistenti u sistematiku fuq sistemi u pjattaformi Ewropej, b'mod partikolari fil-każ ta' allert skont l-Artikolu 36 tar-Regolament SIS II u tiġi sinkronizzata fejn possibbli bl-implimentazzjoni ta' approċċ konsistenti ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni fuq tliet livelli billi jsir użu ottimali u konsistenti tad-data tas-SIS u tal-Europol; jilqa' t-tip il-ġdid ta' allert: “kontroll ta' investigazzjoni” skont l-Artikolu 36 tar-Regolament SIS II, u l-obbligu l-ġdid għal tweġiba immedjata mill-Uffiċċju SIRENE f'każ ta' allert marbut mat-terroriżmu; jappella, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex tiddetermina, bil-parteċipazzjoni attiva u l-qbil ta' esperti mill-Istati Membri, prattiki tajba f'termini ta' proċeduri ta' segwitu għal hits dwar persuni involuti fit-terroriżmu jew f'attivitajiet relatati mat-terroriżmu skont l-Artikolu 36;

73.  Jappella lill-Kummissjoni biex timplimenta mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni "wara l-hit" li jkun jippermetti lill-Istati Membri kollha jew tal-anqas lil dawk ikkonċernati biex jiġu informati dwar il-hits ġenerati mill-movimenti tal-persuni involuti fit-terroriżmu jew f'attivitajiet relatati mat-terroriżmu; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' mmappjar tal-movimenti ta' vvjaġġar tal-FTFs, tal-persuni li jirritornaw u tal-persuni involuti f'attivitajiet terroristiċi abbażi tal-hits tas-SIS biex tinkiseb stampa ċara u komprensiva li tista' tipprovdi bażi għat-teħid ta' miżuri ulterjuri;

74.  Jappella lill-Kummissjoni biex tevalwa taħt liema ċirkostanzi s-servizzi nazzjonali tal-intelligence jistgħu jkomplu jkollhom aċċess dirett għas-sistemi ta' informazzjoni rilevanti tal-UE, b'mod partikolari għas-SIS fl-ambitu tar-reġim legali riformat tiegħu, biex jiġu evitati nuqqasijiet ġodda fis-sigurtà u fl-iskambju tal-informazzjoni;

75.  Jilqa' l-adozzjoni ta' sistema awtomatizzata għall-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba' (AFIS) ċentrali fl-ambitu tas-SIS li tippermetti lill-utenti finali jfittxu fis-SIS abbażi tad-data tal-marki tas-swaba'; jitlob li s-sistema tiġi introdotta sal-2019; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jimplimentaw il-funzjonalità tal-AFIS tas-SIS immedjatament; jinnota li għalkemm il-bażi legali tas-SIS II tippermetti l-ħżin tal-marki tas-swaba', din id-data bijometrika s'issa ntużat biss biex tiġi kkonfermata l-identità ta' persuna wara verifika dwar l-isem jew id-data tat-twelid tal-persuna; jemmen li l-identifikazzjoni bbażata biss fuq il-marki tas-swaba' jkollha valur miżjud sinifikanti;

76.  Jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom kontra t-terroriżmu jkollhom aċċess għall-VIS u biex il-proċedura għal dan l-aċċess tkun waħda sempliċi;

77.  Jilqa' l-ħolqien tas-sistema Ewropea ta' informazzjoni u awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar (ETIAS) li ser tkun applikata għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi mingħajr viża;

78.  Jappella lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni li tistabbilixxi sistema ECRIS ċentralizzata waħda, li tippermetti l-iskambju ta' informazzjoni dwar rekords kriminali rigward kemm iċ-ċittadini tal-UE kif ukoll iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi;

79.  Jappella biex l-inġenji tal-ajru privati, koperti mid-Direttiva tal-UE dwar il-PNR, kif ukoll it-trasportaturi bl-ajru, ikunu obbligati jiġbru data tal-PNR; jappella lill-Kummissjoni tevalwa l-proċeduri ta' sigurtà promulgati f'ajrudromi u f'ajruporti iżgħar fl-Istati Membri kollha;

80.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-PNR mingħajr dewmien u jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi malajr bi proċeduri ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan; jappella lill-Istati Membri biex il-PIUs ikunu interkonnessjoni sabiex jiffaċilitaw l-iskambju tad-data tal-PNR; jappella lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet teknoloġiċi biex, bl-awtomatizzazzjoni tal-ipproċessar tat-talbiet minn PIU għal oħra, l-iskambju tad-data tal-PNR u l-integrazzjoni tagħhom f'sistemi differenti jieħu inqas ħin u jkun inqas impenjattiv f'termini ta' riżorsi umani; jinkoraġġixxi, għaldaqstant, proġetti bħall-ISF immexxi min-Netherlands biex tiġi żviluppata PIU.net ibbażata fuq il-FIU.net eżistenti; jitlob lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Europol, tappoġġja l-iżvilupp tar-regoli mmirati u l-valutazzjonijiet tar-riskju li jridu jiġu applikati b'mod konġunt mill-Istati Membri;

81.  Jappella lill-Istati Membri biex il-PIUs tagħhom ikunu unitajiet multidixxiplinari, inkluż b'persunal mill-awtoritajiet tad-dwana, tal-infurzar tal-liġi u tal-intelligence, sabiex l-awtoritajiet kompetenti jikkondividu l-informazzjoni aħjar;

82.  Jinnota li l-iskadenza għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet Prüm(19) tat-23 ta' Ġunju 2008 skadiet fis-26 ta' Awwissu 2011 u anke s'issa mhux l-Istati Membri kollha implimentaw id-deċiżjonijiet bis-sħiħ; jappella għaldaqstant lil dawn l-Istati Membri biex fl-aħħar mill-aħħar jissodisfaw l-obbligi tagħhom fl-ambitu tal-liġi tal-UE u jimplimentaw bis-sħiħ id-Deċiżjonijiet Prüm u jsaħħu n-Netwerk Prüm billi jaġġornaw is-sistemi ta' pproċessar nazzjonali tagħhom biex jadattaw għat-teknoloġija tal-informazzjoni moderna; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jimmodernizzaw u jaġġornaw id-Deċiżjonijiet Prüm tal-2008 sabiex is-sistemi nazzjonali jkunu konnessi b'mod aktar effiċjenti;

L-interoperabilità

83.  Jilqa' r-Regolamenti li ġew proposti dwar l-interoperabilità; jappella lill-Kummissjoni tevalwa l-potenzjal u l-valur miżjud possibbli ta' sistemi ta' informazzjoni addizzjonali li għandhom jiġu inklużi fil-futur u tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew; jemmen li l-interoperabilità tgħin biex twaħħad l-informazzjoni rilevanti u dik neċessarja; jenfasizza li soluzzjoni bħal din għandha ssib il-bilanċ tajjeb bejn il-ħtiġijiet leġittimi għal informazzjoni puntwali, effiċjenti u rilevanti għall-awtoritajiet f'konformità sħiħa mad-drittijiet ta' aċċess tagħhom u l-limitazzjoni tal-iskop skont il-bażijiet ġuridiċi sottostanti u d-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data;

84.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi introdott servizz ta' tqabbil bijometriku biex ikunu jistgħu jsiru domandi permezz ta' data bijometrika fuq diversi sistemi ta' informazzjoni tal-UE bl-għan li jiġi kkontribwit għall-ġlieda kontra l-frodi tal-identità u biex jiġi evitat li l-persuni jużaw aktar minn identità waħda; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiddaħħal data bijometrika fil-bażijiet tad-data rilevanti; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tittejjeb b'mod kontinwu l-kapaċità li jiġu identifikati abbużi ta' dokumenti ġenwini għall-identifikazzjoni tal-persuni li jiġu ffalsifikati parzjalment jew kompletament;

85.  Iħeġġeġ biex il-ħidma fuq evoluzzjoni ulterjuri tal-istandard tal-UMF jinbeda immedjatament, bl-involviment mill-qrib tal-eu-LISA, sabiex jiġi żgurat li l-istandard jaqdi l-ħtiġijiet tas-sistemi interoperabbli tal-IT tal-futur u jkun jista' jagħmel parti minn ħidma koordinata biex titjieb il-kwalità tad-data fis-sistemi tal-IT fuq skala kbira;

86.  Jitlob id-delineazzjoni armonizzata tal-istandards minimi tal-kwalità tad-data għal finijiet ta' input, li għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE, skont il-kriterji tal-acquis tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u applikati fis-sistemi kollha tal-IT sabiex tkun żgurata l-kwalità konsistenti tad-data; iħeġġeġ lil eu-LISA tistabbilixxi indikaturi u kontrolli komuni u tiżviluppa kapaċità ta' monitoraġġ ċentrali għall-kwalità tad-data għas-sistemi kollha li għandha fil-kompetenza tagħha; jirrakkomanda wkoll li meta l-eu-LISA tinnota irregolaritajiet fir-rapporti li tibgħat lill-Istati Membri dwar il-kwalità, l-Istat Membru kkonċernat ikun obbligat jikkoreġi d-data jew jiġġustifika n-nuqqas ta' korrezzjoni;

87.  Jikkritika n-nuqqas ta' finanzjament u persunal xieraq għal eu-LISA, meta jitqies li r-responsabbiltajiet tagħha qegħdin jiżdiedu kontinwament; jappella biex eu-LISA tissaħħaħ bil-kapaċità u r-riżorsi addizzjonali meħtieġa biex twettaq il-kompiti l-ġodda b'mod effiċjenti, u li dan jiġi rifless fil-QFP il-ġdid;

Kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni fl-Istati Membri u bejniethom

88.  Jappella lill-Istati Membri joħolqu "ċentri ta' fużjoni" jew unitajiet ta' koordinament nazzjonali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, kif ukoll bażijiet tad-data kkoordinati, biex tiġi ċentralizzata u jiġi ffaċilitat it-tiftix, l-identifikazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence relatati mat-terroriżmu mingħand l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kollha; jikkunsidra barra minn hekk li politika lokali u, fejn ikun xieraq, reġjonali proattiva hija prerekwiżit għal politika ta' sigurtà nazzjonali integrali; jappella lill-Istati Membri biex jikkondividu l-aħjar prattiki f'dan ir-rigward, bħall-inizjattiva Belġjana "Lokale integrale veiligheidscellen", li tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili bħas-servizzi soċjali, l-amministrazzjoni lokali u l-politiċi lokali fid-diskussjoni dwar l-indikazzjonijiet kollha tar-radikalizzazzjoni u b'segretezza professjonali kondiviża sabiex il-partijiet ikkonċernati li jkollhom dmir professjonali ta' segretezza jkunu jistgħu jikkontribwixxu wkoll;

89.  Jappella lill-Istati Membri jesploraw approċċi ġodda li jtejbu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn is-servizzi tal-infurzar tal-liġi u s-servizzi ta' intelligence fil-livell nazzjonali u jippreservaw is-separazzjoni neċessarja bejn l-infurzar tal-liġi u l-ħidma tal-intelligence u l-prinċipji meħtieġa tas-sjieda tal-informazzjoni u tal-protezzjoni tas-sors u dawk relatati mal-ammissibilità tal-evidenza fi proċedimenti kriminali;

90.  Jappella lill-Istati Membri biex jibnu fuq l-aħjar prattiki billi jsaħħu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni fuq il-bażi ta' każ b'każ bejn il-prosekutur pubbliċi u s-servizzi tal-intelligence f'investigazzjonijiet kriminali relatati mat-terroriżmu;

91.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jindikaw f'linji gwida jew permezz ta' azzjoni leġiżlattiva meta jkun permissibbli li jsir skambju ta' informazzjoni bejn il-pulizija u s-servizzi tal-intelligence ma' awtoritajiet kompetenti oħra ta' Stati Membri u l-aġenziji tal-UE, u jemmen li l-allinjament tal-istandards nazzjonali dwar din il-kwistjoni jikkontribwixxi għal rispons madwar l-UE kollha għall-kwistjoni ta' meta tali informazzjoni tista' tintuża u tiġi kondiviża;

92.  Jappella lill-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe evalwazzjoni, verifika, proċedura jew kawża legali jew politika tipprovdi informazzjoni tal-intelligence tagħmel dan bi grad speċjali ta' protezzjoni u jiżguraw li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità u l-integrità tas-sorsi tal-intelligence u tal-uffiċjali jinżammu biex ma jiġux ipperikolati l-ħidma u s-sigurtà tas-sorsi, tal-kollaboraturi u tal-impjegati tas-servizzi tal-intelligence;

93.  Jappella li tiġi stabbilita Akkademja tal-Intelligence Konġunta tal-UE bi standards komuni, biex jiġu kombinati r-riżorsi u jiġu żviluppati sinerġiji, fiduċja u kultura tal-intelligence komuni;

94.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jeżaminaw il-possibbiltà ta' koordinament u kooperazzjoni aħjar bejn is-servizzi tal-intelligence u tal-infurzar tal-liġi fil-livell tal-UE, pereżempju billi jibagħtu aktar esperti tal-intelligence flimkien ma' persunal tal-infurzar tal-liġi għal-laqgħat tal-Grupp ta' Kollegament Konġunt Kontra t-Terroriżmu (CTJLT) tal-Europol; jappella lill-Kummissjoni iżżid l-appoġġ għas-CTJLT, anki permezz ta' fondi adegwati;

95.  Jappella lill-Istati Membri jottimizzaw il-kollaborazzjoni fil-Grupp ta' Kontra t-Terroriżmu, biex b'hekk ikomplu jinforzaw bħala l-pjattaforma konġunta ta' kooperazzjoni u komunikazzjoni bejn is-servizzi tal-intelligence nazzjonali, u sabiex jiġi pprovdut finanzjament adegwat; jilqa' l-istabbiliment ta' Bord Konsultattiv għas-CTG biex iżid il-viżibilità u t-trasparenza u biex jitkellem b'mod pubbliku fir-relazzjonijiet bejn is-CTG u l-istituzzjonijiet u l-korpi rilevanti tal-UE u biex jiggarantixxi li l-Parlament Ewropew ikun kontinwament informat;

96.  Jitlob lill-Istati Membri sabiex jiskedaw laqgħat ta' skambju regolari bejn l-imħallfin u r-rappreżentanti mill-komunità tal-intelligence u tal-infurzar tal-liġi sabiex jaqsmu għarfien dwar żviluppi sitwazzjonali, investigatorji jew tekniċi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, sabiex il-ġudikatura jkollha l-istampa sħiħa dwar il-ġurisdizzjoni tagħhom u jirċievu aktar taħriġ;

97.  Jappella lill-Istati Membri jiżviluppaw aktar il-kooperazzjoni reċiproka transfruntiera tal-pulizija permezz tal-valutazzjoni tat-theddid, l-analiżi tar-riskji u l-pattulji konġunti;

98.  Jappella lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati jkomplu jipprovdu kapaċità operazzjonali suffiċjenti u jsaħħu l-kooperazzjoni massima effettiva fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-sigurtà interna, inkluż permezz ta' bbaġitjar adegwat, sabiex tinżamm kultura ta' sigurtà nazzjonali li tkun mgħammra biex tindirizza t-theddida fuq perjodu ta' żmien medju;

99.  Jilqa' l-Linji Gwida (fl-Artikolu 50) tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit li fih esprima "determinazzjoni li jkollu sħubija mill-qrib kemm jista' jkun mar-Renju Unit fil-ġejjieni [...] b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali"; jemmen li huwa kruċjali li tiġi żgurata kontinwazzjoni tal-kooperazzjoni fis-sigurtà reċiproka u tal-iskambju tal-informazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-Brexit;

100.  Jirrikonoxxi l-kollaborazzjoni professjonali mill-qrib kontra t-terroriżmu bejn il-pajjiżi Ewropej u, kif xieraq, ma' awtoritajiet kontra t-terroriżmu barranin, u jitlob titjib kontinwu permezz ta' missjonijiet operattivi, analiżi tad-data, skambju aktar rapidu tal-intelligence, u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki;

Kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni mal-aġenziji tal-UE

101.  Jappella għal kooperazzjoni aktar sistematika fost l-aġenziji tal-ĠAI li jaħdmu fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu sabiex jiżviluppaw approċċi konġunti u sinerġiji fid-dawl tar-rwol dejjem akbar tal-aġenziji f'dan il-qasam; jemmen li laqgħat konġunti regolari tal-aġenziji ewlenin kollha jistgħu jkomplu jiżviluppaw il-ħidma konġunta f'dan il-qasam u jżidu s-sinerġiji mal-uffiċjali ta' kollegament fid-delegazzjonijiet tagħhom;

102.  Jappella lill-Istati Membri jżidu n-numru ta' Esperti Nazzjonali Sekondati bi sfond relatat mal-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-aġenziji bl-għan li tiġi żgurata rappreżentazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Istati Membri u bl-għan li l-aġenziji jingħataw l-għarfien espert neċessarju f'dan il-qasam, fi ħdan il-kuntest tal-mandati tagħhom;

103.  Jappella biex l-Europol issir ċentru veru u proprju għall-iskambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-UE; jappella lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib dan il-proċess u tevalwa l-ħtieġa ta' aġġustament leġiżlattiv possibbli;

104.  Jistieden lill-Europol tagħmel użu sħiħ mid-drittijiet attwali tagħha ta' aċċess għas-SIS, il-VIS u l-Eurodac, bl-għan li tittejjeb l-interoperabilità, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data;

105.  Jappella lill-Europol tiggarantixxi lill-Istati Membri d-disponibbiltà f'waqtha tal-QUEST, bl-għan li tittejjeb l-interoperabilità;

106.  Jappella għal finanzjament u persunal xieraq għall-Europol u l-Eurojust, fid-dawl tar-responsabbiltajiet dejjem akbar tagħhom u r-rwol essenzjali li għandha fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u ġudizzjarja fl-Ewropa u fl-appoġġ tal-ġlieda kontra t-terroriżmu;

107.  Iħeġġeġ l-Istati Membri jiżguraw użu sħiħ tal-kuntatti bejn l-Europol u l-awtoritajiet rilevanti f'dak li għandu x'jaqsam ma' reati terroristiċi, peress li fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu r-rapidità spiss tkun essenzjali; jinkoraġġixxi l-Istati Membri jagħmlu użu minn "stazzjonamenti fuq il-post" fir-rigward ta' speċjalisti tal-Europol, peress li dan iżid il-fiduċja u jnaqqas il-piżijiet amministrattivi; jappella lill-Istati Membri jiżguraw aċċess dirett tas-servizzi tal-ġlieda kontra t-terroriżmu tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri (lil hinn mil-livell federali/ċentrali) għas-servizzi tal-Europol;

108.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu l-infrastruttura sigura meħtieġa fil-qasam tal-komunikazzjoni tal-infurzar tal-liġi nazzjonali u jippromwovu l-konnettività diretta u deċentralizzata ta' servizzi antiterroristiċi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, SIENA u l-EIS, peress li dan isaħħaħ it-tfittxijiet u l-korrispondenzi trasversali;

109.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu aktar riżorsi finanzjarji u umani, fosthom xjenzati tad-data u analisti tal-big data, biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet tekniċi li jindirizzaw il-volum għoli ta' data li tkun trid tiġi analizzata; jitlob li l-Europol tkun inkarigata b'aktar proġetti ta' riċerka u żvilupp f'dan il-qasam fil-kuntest tal-mandat tagħha għall-benefiċċju tal-Istati Membri;

110.  Jikkundanna politiki li jwasslu għas-sorveljanza tal-massa; jitlob minflok li ssir "sorveljanza mmirata" abbażi ta' suspett eżistenti minn qabel dwar individwu, peress li b'hekk is-servizzi tal-infurzar tal-liġi u tal-intelligence jitħallew ikollhom aċċess għall-informazzjoni speċifika meħtieġa, u dan il-mezz għalhekk ikun orħos u aktar effiċjenti; ifakkar li s-sorveljanza mmirata trid tiġi kkombinata ma' salvagwardji adegwati għall-protezzjon tad-drittijiet fundamentali, inkluż tad-dritt għall-privatezza, filwaqt li taqdi s-sigurtà;

111.  Jappella lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ minn soluzzjonijiet tekniċi biex jitjieb il-qsim ta' informazzjoni mal-Europol, b'mod partikolari bl-awtomatizzazzjoni tal-proċess biex id-data tittella' fis-sistema ta' informazzjoni tal-Europol għal finijiet ta' kontroverifika, pereżempju billi jintużaw id-"data loaders" żviluppati mill-Europol;

112.  Jilqa' d-dispożizzjoni l-ġdida fis-SIS II futura li tippermetti li, sakemm raġunijiet legali jew operazzjonali ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, il-Europol tiġi informata dwar kwalunkwe twissija ġdida jew kwalunkwe hit marbuta ma' terroriżmu fis-SIS; jinnota li dan ser jippermetti kontroverifiki u, jekk jitqies xieraq, analiżijiet operattivi u/jew tematiċi, sabiex jitkompla l-immappjar tax-xejriet tal-ivvjaġġar u/jew l-analiżi tal-konnessjonijiet possibbli tal-individwu/i llokalizzat(i); jappella lill-Kummissjoni timplimenta malajr din il-possibbiltà l-ġdida;

113.  Jappella lill-Europol tippubblika rapport annwali dwar l-ammont u t-tip ta' informazzjoni kondiviża mill-Istati Membri fis-sistemi ta' informazzjoni rilevanti tal-UE u mal-Europol, biex jiġu identifikati lakuni u jiġi promoss l-iskambju ta' informazzjoni;

114.  Jistieden lill-Europol tiżviluppa bis-sħiħ kapaċità bijometrika mill-aktar fis possibbli, peress li jkun importanti għall-Istati Membri li jaqsmu dejjem aktar informazzjoni bijometrika mal-Europol;

115.  Jaċċentwa li l-kriptaġġ tal-komunikazzjonijiet minn tarf sa tarf bl-ogħla livell ta' żvilupp tekniku huwa għodda essenzjali sabiex tiġi ssalvagwardjata l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u jiġu żgurati tranżazzjonijiet leġittimi bejn il-klijenti; jappella lill-Istati Membri jiżguraw kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha bil-ħsieb li jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' dekriptaġġ tal-awtoritajiet kompetenti u li l-kapaċitajiet ta' dekriptaġġ tal-awtoritajiet kompetenti jilħqu l-istandards bil-ħsieb ta' prosekuzzjoni legali; jilqa’ l-fatt li l-Europol qiegħda tiżviluppa għodod ta’ dekriptaġġ u għarfien espert sabiex issir ċentru għad-dekriptaġġ ta' informazzjoni miksuba b’mod legali f’investigazzjonijiet kriminali u biex tappoġġja aħjar lill-Istati Membri; jinnota, barra minn hekk, li l-Kummissjoni emendat il-baġit tal-2018 tal-Europol b'EUR 5 miljun addizzjonali biex issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha ta' dekriptaġġ ta' din l-informazzjoni miksuba u biex tiżviluppa sett ta' tekniki ta' investigazzjoni alternattivi li jkunu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri;

116.  Jilqa' d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-5 ta' Novembru 2018 dwar il-ħolqien ta' Reġistru Ġudizzjarju Ewropew Kontra t-Terroriżmu fi ħdan l-Eurojust; jitlob il-ħolqien minnufih ta' tali reġistru fi ħdan l-Eurojust abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI, emendata bid-Direttiva (UE) 2017/541 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu(20), b'riżorsi finanzjarji u umani adegwati;

117.  Jistieden lill-Istati Membri jinvolvu b'mod sistematiku lill-Euorjust fl-investigazzjonijiet u fil-prosekuzzjonijiet tagħhom li jikkonċernaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li jkollhom dimensjoni transfruntiera u jagħmlu użu effiċjenti mill-istrumenti ta' koordinament tal-Eurojust;

118.  Jemmen li l-ftehimiet operattivi ma' pajjiżi terzi jistgħu jkunu ta' għajnuna fil-ħidma tal-Europol, u jinnota l-fatt li l-Kummissjoni bħalissa qiegħda tinnegozja ftehimiet operattivi ma' tmien pajjiżi mir-reġjun MENA; jitlob li l-ftehimiet operattivi ma' sħab li huma partikolarment qrib, bħall-pajjiżi tal-EFTA, jiġu negozjati mill-ġdid;

119.  Jistieden lill-Eurojust tkompli tkabbar in-netwerk tal-punti ta' kuntatt tagħha f'pajjiżi terzi, u jinkoraġġixxi l-kollokament ta' aktar prosekuturi ta' kollegament fil-Eurojust, pereżempju mill-Balkani tal-Punent;

120.  Huwa mħasseb dwar l-użu tal-avviżi tal-Interpol, u b'mod partikolari tal-avviżi l-ħomor, maħruġa minn ċerti pajjiżi terzi li jużawhom għal finijiet politiċi u b'hekk jimpedixxu l-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

121.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament tas-CEPOL u li jissaħħu l-iżvilupp u l-għoti ta' taħriġ innovattiv relatat mal-qasam ċibernetiku;

122.  Jistieden lis-CEPOL tkompli tiżviluppa programmi ta' taħriġ għall-utenti finali tas-SIS, abbażi tal-Manwal SIRENE u l-Katalgu tal-Aħjar Prattiki, dwar is-suġġett ta' persuni involuti fit-terroriżmu jew f'attivitajiet relatati mat-terroriżmu, inkluż il-ġellieda terroristi barranin, li huma suġġetti għal allerti SIS;

123.  Jitlob li jkun hemm skambju kontinwu ta' informazzjoni strateġika dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu mis-servizzi tas-sigurtà nazzjonali mal-istituzzjonijiet tal-UE permezz ta' INTCEN tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jsostnu l-kondiviżjoni tal-intelligence permezz ta' INTCEN tal-UE u jottimizzaw xogħlu biex tiżdied l-effikaċja tiegħu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

Rikonoxximent reċiproku u assistenza legali reċiproka

124.  Jistenna li l-Istati Membri jkomplu jedukaw u jħarrġu l-persunal ġudizzjarju dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea (EIO) sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni komprensiva tagħha;

125.  Jitlob l-użu ta' skwadri ta' investigazzjoni konġunta (SIK) f'każ ta' attakki terroristiċi; jemmen li s-SIK iżidu l-effikaċja tal-kooperazzjoni u l-investigazzjoni ta' reati transfruntiera; jitlob ukoll li l-Europol u l-Eurojust jipparteċipaw f'dawn is-SIK, peress li dan ifisser użu aħjar tar-riżorsi u l-kapaċitajiet offruti mill-aġenziji tal-UE; jitlob l-għoti ta' finanzjamenti mtejba u faċilment aċċessibbli lill dawn is-SIK; jitlob ukoll it-twaqqif ta' programm speċjali "Erasmus għall-uffiċjali tal-pulizija" fil-prattika, idealment għal uffiċjali subordinati u ta' grad baxx, sabiex dawn jiġu mħeġġa jieħdu sehem fis-SIK fi Stati Membri oħra tal-UE tal-anqas darba matul il-karrieri tagħhom, u b'hekk dawk li mhux bilfors ikollhom esperjenza ta' kollaborazzjoni mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra jkunu jistgħu jiksbu esperjenza addizzjonali u josservaw l-aħjar prattiki ta' kif jiġġieldu l-kriminalità transfruntiera b'mod aktar effikaċi; iħeġġeġ l-estensjoni ta' dan il-programm għal uffiċjali tas-sigurtà u tal-faċilitajiet korrettivi oħra fil-futur;

126.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-għarfien espert u mill-istrumenti offruti mill-Eurojust u n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (NĠE), b'mod partikolari fl-għoti ta' informazzjoni u appoġġ mil-lat prattiku u ġuridiku fir-rigward ta' talbiet għal assistenza legali reċiproka u assistenza f'talbiet ta' rikonoxximent reċiproku, koordinament tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet, deċiżjonijiet fuq l-aktar ġurisdizzjoni idonea għall-prosekuzzjoni, u koordinament tas-sekwestri u tal-konfiski tal-assi;

127.  Jistieden lill-fornituri tas-servizzi online u lill-pjattaformi tal-komunikazzjoni jimplimentaw id-deċiżjonijiet fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu b'mod effikaċi; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà ta' proposta leġiżlattiva li tobbliga lill-pjattaformi tal-komunikazzjoni preżenti fis-suq tal-UE jikkooperaw f'dak li għandu x'jaqsam ma' komunikazzjoni kriptata jekk ikun hemm deċiżjoni ġudizzjarja f'dan is-sens; jenfasizza li jenħtieġ li tali kooperazzjoni ma ddgħajjifx is-sigurtà tan-netwerks u tas-servizzi tagħhom, pereżempju billi toħloq jew tiffaċilita "backdoors";

Fruntieri esterni

128.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu f'tagħmir tal-ICT ta' kwalità superjuri fil-punti ta' qsim tal-fruntieri kollha biex ikunu jistgħu jsiru verifiki adegwati bl-użu tal-bażijiet tad-data rilevanti kollha; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi parametru ta' riferiment għall-istandards tekniċi ta' dan it-tagħmir tal-ICT, wara konsultazzjoni ma' eu-LISA; iqis li l-ħidma fuq il-proposti ta' interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni għandha sservi ta' opportunità biex jittejbu u jiġu armonizzati parzjalment is-sistemi tal-IT nazzjonali u l-infrastrutturi nazzjonali fil-punti ta' qsim tal-fruntieri; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li ssaħħaħ l-appoġġ għall-Istati Membri biex tkun garantita s-sigurtà tal-fruntieri esterni komuni tal-UE billi tal-anqas jiġi triplikat il-baġit għall-Fond Integrat għall-Ġestjoni tal-Fruntieri fil-QFP 2021-2027 li jmiss;

129.  Jilqa' l-adozzjoni tar-riformi reċenti li saret biex jissaħħu l-fruntieri esterni tal-UE fil-livell tal-UE, inkluża l-adozzjoni tas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) u tas-sistema ETIAS kif ukoll ir-riforma tas-sistema SIS; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ dawn il-miżuri u, f'kooperazzjoni mal-Europol, isostnu l-lista ta' sorveljanza għas-sistemi ETIAS u VIS u jagħtu kontribut fihom; jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/458 il-ġdid, li jipprevedi verifiki sistematiċi fuq il-persuni kollha li jaqsmu l-fruntieri esterni u b'mod partikolari għall-użu tad-deroga fil-verifiki sistematiċi;

130.  Jistieden lill-Istati Membri jallinjaw il-ġestjoni tal-fruntieri tagħhom mal-kunċett tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri (IBM); jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri fil-livell Ewropew u fil-livell nazzjonali u għaldaqstant tissaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri esterni;

131.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tgħid li l-informazzjoni dwar viżi għal soġġorn twil u permessi ta' residenza għal ċittadini ta' pajjiżi terzi, inkluża d-data bijometrika tagħhom, għandha tiddaħħal fis-sistema VIS;

132.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jabbandunaw il-bejgħ ta' permessi ta' residenza u ta' ċittadinanza permezz tal-iskemi tal-viżi tad-deheb u ta' programmi ta' investiment fid-dawl tar-riskju kbir ta' korruzzjoni, ta' abbuż u ta' użu ħażin taż-żona Schengen għal finijiet kriminali; jitlob lill-Kummissjoni taġixxi b'mod strett u veloċi filwaqt li titlob mingħand l-Istati Membri d-data u l-kontrolli rilevanti kollha bil-għan li jiġu żgurati l-integrità u s-sigurtà tas-sistema Schengen;

133.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli n-negozjati ma' pajjiżi terzi dwar ir-ritorn u r-riammissjoni u tevalwa jekk id-Direttiva dwar ir-Ritorn (id-Direttiva 2008/115/KE) tipprovdix qafas legali adegwat għar-ritorn ta' estremisti vjolenti li jisfruttaw il-liġijiet nazzjonali għal finijiet terroristiċi u li huma riskju ċar għas-sigurtà pubblika;

134.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-mekkaniżmu rivedut ta' sospensjoni tal-eżenzjoni ta' viża u jinnotifikaw effettivament iċ-ċirkostanzi li jistgħu jwasslu għas-sospensjoni tal-eżenzjoni ta' viża ta' pajjiż terz, bħal żieda sostanzjali fir-riskju għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna;

135.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji evalwazzjoni ta' alternattivi u l-impatti relatati ta' proposta leġiżlattiva li tagħmilha obbligatorja li t-trasportaturi tal-ajru, l-operaturi tal-ajruporti, ta' karozzi tal-linja internazzjonali jew ta' ferroviji b'veloċità għolja jwettqu verifiki tal-konformità meta l-passiġġieri jitilgħu abbord, sabiex jiġi żgurat li l-identità indikata fuq il-biljett tkun taqbel mal-karta tal-identità jew mal-passaport fil-pussess tal-passiġġier; jisħaq fuq il-bżonn li jiġi żgurat li l-operaturi tat-trasport ma jingħataw l-ebda kompitu li huma responsabbli għalih l-awtoritajiet tal-pulizija biss, bħall-kontrolli tal-identità adegwati jew il-verifika tal-awtentiċità tad-dokumenti tal-identità jew tal-vjaġġ;

Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCGA)

136.  Jistieden lill-koleġiżlaturi jikkunsidraw il-possibbiltà li jagħtu mandat speċifiku lill-EBCGA għall-ipproċessar ta' data personali adatt għar-rwol operattiv tagħha, inkluż fil-prevenzjoni u l-kxif tal-kriminalità transfruntiera u t-terroriżmu fil-fruntieri esterni tal-UE; jemmen li mandat bħal dan għandu jippermetti is-salvagwardji neċessarji, ma' pajjiżi terzi;

137.  Jinnota li l-persuni suspetti li d-data personali tagħhom tkun ġiet ipproċessata mill-EBCGA tisparixxi mis-sistema analitika wara 90 jum u b'hekk isiru persuni mhux magħrufa jew persuni suspettati ġodda; jitlob, għalhekk, il-proroga ta' tliet snin tal-perjodu ta' żamma tad-data personali ġestita mill-EBCGA għall-persuni suspettati ta' reati transfruntiera u terroriżmu, konformement mal-perjodu ta' żamma tal-Europol u tal-Eurojust;

138.  Iqis li huwa importanti li l-EBCGA jkollha aċċess għal-bażijiet tad-data u għas-sistemi ta' informazzjoni rilevanti kollha, speċjalment is-sistema SIS, iżda anki s-sistemi EES, VIS, Eurodac u s-sistema ta' informazzjoni tal-Europol, mhux biss għall-ħidma tal-iskwadri tal-ġestjoni tal-fruntieri, iżda anki għal finijiet analitiċi relatati ma' fenomeni ġodda fil-fruntieri esterni jew bidliet fil-movimenti fil-fruntieri jew fil-modus operandi;

139.  Jistieden lill-koleġiżlaturi jagħmluha obbligatorja li l-EBCGA taqsam informazzjoni urġenti mal-Istati Membri;

140.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-korpi tal-UE bħall-Europol u l-INTCEN jgħaddu perjodikament lill-EBCGA informazzjoni strateġika fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu relatata mad-dimensjoni tal-fruntieri, u jinvestigaw jekk kwalunkwe skambju awtomatizzat mal-EBCGA ta' informazzjoni (ġenerali) importanti li tkun ġejja minn investigazzjonijiet nazzjonali b'rabta ma' episodji u attivitajiet illegali fil-punti ta' qsim tal-fruntieri u movimenti ta' dħul/ħruġ irregolari, kif ukoll l-użu ta' sistemi intelliġenti tal-ICT, jistgħux iġibu valur miżjud meta tkun qed tiġi stabbilita stampa sħiħa tas-sitwazzjoni, filwaqt li titqies ukoll il-manodopera li l-analiżi tad-data tkun tirrikjedi; jemmen li tali informazzjoni għandha tinkludi wkoll feedback wara l-kontrolli tas-sigurtà tat-tieni linja u informazzjoni relatata mal-frodi tad-dokumenti;

141.  Jistieden lill-EBCGA tiżviluppa programmi ta' taħriġ u tagħti korsijiet ta' taħriġ lill-gwardji tal-fruntieri li jiffokaw fuq it-tisħiħ tal-verifiki mal-bażijiet tad-data rilevanti fil-fruntieri esterni u l-appoġġ għall-implimentazzjoni ta' indikaturi komuni tar-riskju;

Informazzjoni mill-kamp tal-battalja

142.  Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Europol fiċ-ċellula tal-infurzar tal-liġi tal-Operazzjoni Gallant Phoenix (OGP) immexxija mill-Istati Uniti fil-Ġordan, li permezz tagħha jipproċessa l-informazzjoni li jikseb mill-kamp tal-battalja (u, jekk ikun possibbli, jgħin fl-identifikazzjoni tal-vittmi) u jaqsamha permezz ta' mezzi u proċeduri stabbiliti mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri permezz tal-Unitajiet Nazzjonali tal-Europol; jitlob aċċess sħiħ tal-Europol fl-operazzjoni OGP;

143.  Jinkoraġġixxi lill-atturi rilevanti kollha jiżviluppaw approċċi li jagħmlu possibbli t-trażmissjoni u l-qsim tal-informazzjoni mill-kamp tal-battalja, fi ħdan il-limiti li tippermetti l-liġi u bis-salvagwardji neċessarji bħall-protezzjoni tas-sors bi sfera ċivili, u jdaħħlu din l-informazzjoni fil-bażijiet tad-data rilevanti bil-għan li l-informazzjoni tilħaq f'ħin utli l-kontroll fil-fruntieri esterni tal-UE; jitlob ukoll il-qsim ta' din l-informazzjoni għal finijiet ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni;

Operazzjoni Sophia

144.  Jilqa' l-ħolqien ta' proġett pilota ta' ċellula ta' informazzjoni dwar il-kriminalità f'EUNAVFOR MED Operazzjoni Sophia, magħmula minn membri tal-persunal mill-awtoritajiet rilevanti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, il-Frontex u l-Europol, sabiex jitjieb il-qsim ta' informazzjoni bejniethom;

Finanzjament tat-terroriżmu

145.  Jilqa' l-miżuri leġiżlattivi adottati dan l-aħħar fil-livell Ewropew fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ id-direttivi Ewropej kollha kontra l-ħasil tal-flus u l-istrumenti Ewropej kollha relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li dawn l-istrumenti jkunu trasposti u jiffunzjonaw korrettament;

146.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-pajjiżi terzi jimplimentaw b'mod effikaċi u sħiħ u mill-aktar fis possibbli, il-konklużjonijiet tal-konferenza "No money for terror" li saret f'Pariġi f'April 2018, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-FATF u l-Istandards Internazzjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Proliferazzjoni adottati mill-FATF fi Frar 2012 (l-hekk imsejħa "Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FATF"); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-pajjiżi terzi fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet billi jfornu assistenza teknika u skambju tal-aħjar prattiki;

147.  Jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw u jittrasponu l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, il-Qbid u l-Konfiska ta' Profitti minn Attività Kriminali u l-Finanzjament tat-Terroriżmu jekk għadhom m'għamlux hekk;

148.  Jilqa' l-metodoloġija, ippreżentata mill-Kummissjoni rigward il-pajjiżi terzi b'riskju għoli, li jirrappreżentaw theddida għas-sistema finanzjarja tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tapplika din il-metodoloġija, u b'mod partikolari tistabbilixxi lista tal-UE tal-pajjiżi terzi b'riskju għoli skont l-AMLD permezz ta' valutazzjoni indipendenti, oġġettiva u trasparenti, u twettaq tali valutazzjoni mill-aktar fis possibbli;

149.  Jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw il-monitoraġġ tal-organizzazzjonijiet suspettati b'involviment f'kummerċ illeċitu, kuntrabandu, falsifikazzjoni u prattiki frawdolenti bil-ħolqien ta' SIK mal-Europol;

150.  Huwa mħasseb ħafna bil-kobor tas-swieq tat-tabakk illeċitu fl-UE, li r-rikavat tagħhom jista' jintuża għall-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż permezz ta' frodi tas-sisa; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw il-possibbiltà li jirratifikaw u jimplimentaw il-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk tal-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO FCTC);

151.  Jilqa' l-proposta għal regolament dwar l-importazzjoni ta' beni kulturali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni għal sistema robusta ta' traċċar għall-opri tal-arti u l-antikitajiet li jidħlu fis-suq tal-UE, speċjalment l-oġġetti li joriġinaw mill-pajjiżi f'riskju kbir u milquta mill-kunflitti elenkati mill-Kummissjoni, kif ukoll minn organizzazzjonijiet, gruppi jew individwi preżenti fil-lista ta' organizzazzjonijiet terroristiċi mfassla mill-UE; jemmen li din l-inizjattiva għandha tkun sostnuta bil-ħolqien ta' permess standardizzat, li mingħajru l-kummerċ f'dawn l-oġġetti jkun illeċitu, u ta' passaport għall-esportazzjoni ta' kull oġġett; jemmen li għandhom jiġu żviluppati strumenti diġitali li jikkontrollaw l-awtentiċità tad-dokumenti kkonċernati; iqis li għandu jinżamm, sistematikament aġġornat, reġistru komprensiv tal-antikitajiet għall-bejgħ mill-kummerċjanti tal-opri tal-arti;

152.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmluha obbligatorja li l-kumpaniji involuti fil-kummerċ tal-opri tal-arti u fil-ħażna tal-antikitajiet (jiġifieri l-hekk msejħa "portijiet ħielsa") jiddikjaraw kwalunkwe tranżazzjoni suspettuża, u jimponu penali effikaċi, proporzjonati u dissważivi, inklużi pieni kriminali meta jkun hemm bżonn, fuq is-sidien tal-kumpaniji li jagħmlu kummerċ fl-opri tal-arti u li jaħżnu l-antikitajiet u li jinvolvu ruħhom fit-traffikar ta' oġġetti bħal dawn;

153.  Jilqa' l-adozzjoni tar-regoli l-ġodda rigward il-kontroll tal-flus kontanti deħlin fl-Unjoni Ewropea u ħerġin mill-Unjoni Ewropea,(21) u jitlob l-implimentazzjoni veloċi ta' dawn; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa jekk assi oħra għandhomx jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-regolament, jekk il-proċedura ta' divulgazzjoni ta' flus kontanti mhux akkumpanjati hijiex adattata għall-fini, u jekk il-limitu għal flus kontanti mhux akkumpanjati jenħtieġx jiġi rivedut fil-futur;

154.  Jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw aktar mal-AP FURTUM tal-Europol, kif mitlub mir-Riżoluzzjoni 2347 (2017) tal-24 ta’ Marzu 2017 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, jgħammru lill-awtoritajiet tad-dwana u tal-infurzar tal-liġi u lill-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi b'persunal iddedikati, kif ukoll bi strumenti effikaċi u taħriġ adegwat, permezz tal-kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwani (WCO) u mal-Interpol;

155.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri u mas-sħab internazzjonali, il-monitoraġġ tal-flussi finanzjarji b'mod immirat, kif ukoll modi kif jiġu identifikati l-utenti ta' kartieri elettroniċi, muniti virtwali u karti bi ħlas antiċipat, pjattaformi ta' finanzjament kollettiv (crowdfunding) u sistemi ta' pagament online u mobbli fl-investigazzjonijiet tal-pulizija jew ġudizzjarji; jistieden lill-Istati Membri jirregolaw l-IVTS, billi jenfasizzaw li l-objettiv mhuwiex ir-repressjoni tat-trasferimenti tradizzjonali informali ta' flus, iżda t-traffikar relatat mal-kriminalità organizzata, it-terroriżmu jew il-profitti industrijali/kummerċjali li ġejjin min "flus maħmuġin"; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-muniti virtwali u lit-teknoloġija finanzjarja (FinTech) u li tiġi eżaminata l-possibbiltà li s-sanzjonijiet jiġu estiżi lil dawk li jabbużaw jew jużaw ħażin il-ġbir ta' fondi fuq il-midja soċjali għal finijiet terroristiċi; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-kumpaniji tal-kriptovaluti jużaw l-istrumenti ta' analiżi biex jivvalutaw l-attività kriminali potenzjali assoċjata mad-destinazzjoni u mal-indirizzi tad-destinatarji u jiżguraw li japplikaw b'mod sħiħ il-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus meta l-utenti jsarrfu l-kriptovaluti f'valuta reali;

156.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva li teħtieġ ir-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni obbligatorji meta jsiru tranżazzjonijiet finanzjarji permezz ta' kumpaniji li jittrasferixxu l-flus;

157.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tirregola s-sistemi ta' rimessa alternattivi billi, pereżempju, tintroduċi reġistrazzjoni obbligatorja jew reġim ta' liċenzji għas-sensara u obbligu għal żamma ta' provi dokumentarji ċari u preċiżi;

158.  Huwa mħasseb dwar il-konklużjonijiet reċenti li jikkonċernaw żieda fl-attivitajiet ta' ħasil tal-flus fuq skala kbira bħala għajn ta' finanzjament tat-terroriżmu(22) permezz ta' ċerti istituzzjonijiet bankarji fiż-żona tal-euro; jitlob li tinħoloq Sistema ta' Traċċar ta' Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTS) fl-Unjoni Ewropea mmirata lejn it-tranżazzjonijiet li jsiru minn individwi fiż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro, li tkun tiżgura li jinstab bilanċ bejn is-sigurtà u l-libertajiet individwali; ifakkar li l-istandards Ewropej tal-privatezza tad-data jkunu applikabbli għal din is-sistema intra-Ewropea;

159.  Iħeġġeġ li jkun hemm kooperazzjoni u skambju tal-informazzjoni aħjar bejn l-entitajiet marbuta b'obbligu, l-UIF u l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-attivitajiet tal-finanzjament tat-terroriżmu; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-UIF tagħhom, indipendentement mit-tip tagħhom, ikollhom aċċess mingħajr xkiel għall-informazzjoni finanzjarja fid-dawl tal-ġlieda effikaċi kontra l-finanzjament tat-terroriżmu; jitlob armonizzazzjoni akbar tal-istatus u tal-funzjonament tal-UIF Ewropej; jilqa' l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta' informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' ċerti reati kriminali(23); jitlob skambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni aħjar u aktar komplut bejn l-Europol, l-Eurojust u l-pajjiżi terzi rigward il-finanzjament tat-terroriżmu; jitlob l-adozzjoni veloċi tal-abbozz tad-direttiva dwar l-aċċess mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għal informazzjoni finanzjarja u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-UIF;

160.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jallokaw aktar riżorsi lill-UIF nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar min-netwerk informali tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (FIU.net) u jkomplu jiżviluppaw il-kapaċitajiet ta' dan in-netwerk bis-saħħa tal-Europol, biex ikun jista' jintuża l-potenzjal sħiħ tiegħu u biex jingħelbu d-diffikultajiet fil-kooperazzjoni ta' bħalissa u jiġi ffaċilitat l-ipproċessar manwali tat-talbiet bilaterali, filwaqt li jkunu żgurati l-awtonomija u l-indipendenza tal-UIF; jemmen li UIF tal-UE jista' jkun neċessarju biex tikkoordina, tassisti u ssostni lill-UIF tal-Istati Membri fil-każijiet transfruntieri jekk it-tisħiħ tal-FIU.net ma jidhirx biżżejjed;

161.  Jisħaq fuq l-importanza tat-tisħiħ tal-interazzjoni u tal-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet investigattivi u s-settur privat, b'mod partikolari, l-entitajiet marbuta b'obbligu fl-ambitu tad-direttiva kontra l-ħasil tal-fluss u dwar il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (Direttiva AML/CFT), biex jingħelbu n-nuqqasijiet tal-informazzjoni segregata u inkompluta ppreżentata mir-rapporti dwar it-tranżazzjonijiet suspettużi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw fora dedikati għall-qsim ta' informazzjoni finanzjarja, inkluż dwar l-użu ta' muniti virtwali, inkluż is-settur privat, fi ħdan kanali sikuri u soġġetti għall-istandards tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data; jinnota r-rwol importanti li l-Europol tista' taqdi f'dan ir-rigward;

162.  Jitlob l-organizzazzjoni ta' korsijiet ta' taħriġ speċjalizzati għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji tal-Istati Membri dwar il-metodi u l-iżviluppi fil-finanzjament tat-terroriżmu, bil-għan li titqawwa l-kapaċità tal-Istati Membri fl-investigazzjoni ta' attività illeċita, anki rigward il-muniti virtwali; jisħaq fuq il-fatt li dan it-taħriġ għandu jiżgura livell standard ta' kompetenza fl-infurzar tal-liġi fl-UE kollha, biex ċerti Stati Membri ma jaqgħux lura; jisħaq fuq l-importanza li jsiru valutazzjonijiet tar-riskju fl-UE kollha tal-attivitajiet tal-muniti virtwali u li jiġu koordinati inizjattivi investigattivi għall-użu tal-konklużjonijiet minn dawk il-valutazzjonijiet bil-għan li jiġu żviluppati strateġiji għal approċċi regolatorji u tal-infurzar tal-liġi fuq it-terminu qasir, medju u twil;

163.  Jenfasizza l-importanza kruċjali tal-intelligence finanzjarja u tal-informazzjoni dwar it-taxxa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jiddeplora l-fatt li f'ħafna Stati Membri l-aġenziji ta' kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu huma fost dawk is-servizzi tal-intelligence l-inqas iffinanzjati; jistieden lill-Istati Membri jqawwu r-riżorsi umani u finanzjarji tagħhom b'mod konsiderevoli fil-qasam tal-investigazzjoni u tal-infurzar tal-liġi biex jiġġieldu kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa li x'aktarx qegħdin jiffinanzjaw l-attivitajiet kriminali jew terroristiċi;

Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika (CIP)

164.  Jistieden lill-Istati Membri joħolqu programmi nazzjonali dwar is-CIP – jekk għadhom m'għamlux hekk – biex jindirizzaw il-kwistjonijiet identifikati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tal-2006 dwar Programm Ewropew għall-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika (EPCIP), speċjalment fir-rigward tal-vulnerabbiltajiet potenzjali; jemmen li l-EPCIP għandu jiġi rivedut u aġġornat;

165.  Ifakkar li d-data sensittiva u s-sistemi li tirfed ukoll huma parti mill-infrastruttura kritika fl-Istati Membri u għaldaqstant għandhom jiġu salvagwardjati kif suppost minn attakki informatiċi(24);

166.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni sabiex issostni l-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki u jistabbilixxu netwerks kollaborattivi bejn l-atturi tas-settur pubbliku u privat jekk ikun hemm bżonn;

167.  Iħeġġeġ lill-koleġiżlaturi joħolqu suċċessur għall-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet fil-QFP il-ġdid, tal-anqas b'livelli ta' finanzjament simili;

168.  Jitlob li jissaħħaħ ir-rwol tan-Network Informattiv ta' Twissija dwar l-Infrastruttura Kritika (CIWIN);

169.  Jesiġi li l-għażla tal-Infrastrutturi Kritiċi Ewropej (IKE) li għandhom impatt fuq aktar minn Stat Membru wieħed issegwi proċess multilaterali li jinvolvi l-Istati Membri kollha li jistgħu jiġu affettwati;

170.  Jistieden lill-Istati Membri joħolqu ċentri nazzjonali multidixxiplinari ta' rispons għall-kriżijiet għall-koordinament u r-risposta ta' emerġenza f'każ ta' attakk jew inċident; jitlob li dawn iċ-ċentri jagħmlu użu tal-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi (IPCR) b'hekk jikkontribwixxu fi tliet strumenti ewlenin, u jibbażaw ruħhom fuq dawn tal-aħħar, jiġifieri il-punt ta' kuntatt ċentrali 24/7 tal-IPCR, il-pjattaforma web tal-IPCR u r-rapport dwar l-Għarfien u ta' Analiżi Integrati tas-Sitwazzjoni (ISAA);

171.  Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-immappjar taċ-ċentri ta' kriżi jew tal-mekkaniżmi nazzjonali ta' rispons f'każ ta' kriżi;

172.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli telabora u xxerred il-gwida għall-Istati Membri bil-għan li tiżdied il-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi, kif imħabbar fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha biex issostni l-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi;

173.  Jitlob li d-Direttiva 2008/114 tiġi riveduta, sabiex: ikun hemm regoli u proċeduri simili għall-"operaturi ta' servizzi essenzjali" bħal fid-Direttiva NIS; jiġi żgurat li l-għażla tal-IKE ssir abbażi ta' analiżi tas-sistemi li jappoġġjaw is-servizzi essenzjali u transfruntiera, aktar milli approċċ settur b'settur, filwaqt li titqies l-importanza taċ-ċibersigurtà; il-Kummissjoni titħalla tagħżel bħala IKE l-istrutturi tas-servizzi pan-Ewropej; jitqiesu l-interdipendenzi eżistenti; jinħoloq obbligu għall-operaturi pubbliċi u privati tal-infrastrutturi kritiċi biex jirrapportaw inċidenti, iwettqu testijiet tal-istress, joffru taħriġ adegwat fil-punti ta' kuntatt magħżula, u jistabbilixxu rekwiżiti ta' kwalità fir-rigward tal-pjan għall-kontinwità operattiva, fosthom pjanijiet operattivi, fil-każ ta' inċident jew attakk;

174.  Jirrakkomanda li s-settur privat ikun involut fit-tfassil ta' programmi għall-protezzjoni tal-infrastruttura kritika u miri faċli, inkluż fil-kuntest taċ-ċibersigurtà; jenfasizza l-bżonn li jiġu żviluppati d-djalogi bejn is-settur pubbliku u dak privat għal dan l-għan u tiġi żviluppata r-reżiljenza nazzjonali u lokali;

175.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Inizjattiva ta' Ċertifikazzjoni Ewropea għall-kumpaniji tas-sigurtà privata, bl-għan li jiġu speċifikati r-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu joperaw fi ħdan il-kuntest tal-infrastruttura kritika;

176.  Jissottolinja l-bżonn li jiġu stabbiliti strateġiji ta' rispons effikaċi inklużi linji ċari ta' komunikazzjoni fil-każ ta' attakk, partikolarment fir-rigward tal-iskwadri ta' reazzjoni immedjata, bil-għan li jonqsu r-rati ta' mortalità u titjieb il-ġestjoni tas-sitwazzjoni ħalli jkun minimizzat l-impatt fuq il-pubbliku; iħeġġeġ lill-Istati Membri jintensifikaw l-involviment tagħhom fil-mekkaniżmi li diġà ġew implimentati fil-livell Ewropew;

177.  Jitlob li tiġi adottata b'mod rapidu r-reviżjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni dwar il-Protezzjoni Ċivili biex jissaħħu l-prevenzjoni u t-tħejjija, l-iskambju ta' informazzjoni fil-livell tal-UE u l-kapaċità tal-Istati Membri biex jaffrontaw tipi differenti ta' diżastri;

178.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tal-għażliet u tal-impatti relatati għall-ħolqien ta' sistema li tippermetti l-verifika tal-identità tal-persuni li jikru vetturi, inġenji tal-ajru jew opri tal-baħar;

179.  Jilqa' l-eżerċizzju transfruntier biex titjieb il-protezzjoni ta' miri faċli minn attakki terroristiċi, li sar f'Ġunju 2017 bl-involviment tal-Belġju u n-Netherlands; jinnota li l-eżerċizzju ġie ffinanzjat mill-Kummissjoni u bil-għan li jkejjel l-istat ta' tħejjija u l-funzjonijiet tal-ġestjoni tal-kriżijiet f'sitwazzjoni meta jseħħu żewġ attakki fl-istess ħin f'pajjiżi differenti; jitlob li jitwettqu eżerċizzji simili li jinvolvu lill-Istati Membri; jemmen li l-UE tista' toffri qafas ta' appoġġ għal dik il-kooperazzjoni, b'mod partikolari f'setturi bħall-assistenza medika (il-Korp Mediku Ewropew), is-sikurezza pubblika (il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa), jew il-protokolli ta' dekontaminazzjoni, kif ukoll tikkoordina unitajiet ta' intervent speċjali mill-forzi tal-pulizija nazzjonali u tal-protezzjoni ċivili;

180.  Jitlob leġiżlazzjoni fil-qasam tat-terroriżmu u strateġiji ta' risposta nazzjonali, reġjonali u lokali għall-protezzjoni, ir-reżiljenza u r-rispons f'każ ta' attakk biex jitqiesu l-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-persuni vulnerabbli bħall-persuni b'diżabbiltà u l-minorenni; jitlob ukoll l-involviment tal-persuni b'diżabbiltà u tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom fit-teħid ta' deċiżjonijiet li jaffettwawhom;

Prekursuri tal-isplussivi

181.  Josserva li t-terroristi qegħdin jiksbu aċċess għal sustanzi u taħlitiet tal-prekursuri tal-isplussivi regolati; jilqa', għalhekk, il-proposta ta' April 2018 għal regolament dwar il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu tal-prekursuri tal-isplussivi;

182.  Jitlob li tiġi stabbilita sistema Ewropea ta' liċenzji għal xerrejja speċjalizzati, differenti mill-pubbliku ġenerali, li tobbliga lill-operaturi ekonomiċi jiġu reġistrati sabiex ikunu jistgħu jimmanifatturaw, jiddistribwixxu jew ibigħu s-sustanzi elenkati fl-Annessi jew li jinvolvu taħlitiet jew sustanzi li jkun fihom minnhom; jistieden lill-Istati Membri joħolqu sistemi ta' spezzjoni biex tiġi identifikata kwalunkwe nonkonformità mar-regolament min-naħa tal-operaturi ekonomiċi;

183.  Jilqa' l-valutazzjoni tal-impatt tar-Regolament(UE) Nru  98/2013 dwar il-prekursuri tal-isplussivi, u jinkoraġġixxi lill-koleġiżlaturi, fir-rigward tal-proposta għal regolament 2018/0103/COD, jevalwaw il-proċess tal-iskambju tal-informazzjoni obbligatorju; jistieden lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq isaħħu l-attivitajiet ta' sorveljanza għall-prekursuri tal-isplussivi, peress li huwa ċar li dawn għandhom il-potenzjal li jaffettwaw negattivament is-sigurtà pubblika;

184.  Jistieden lill-awtoritajiet tad-dwana, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u abbażi ta' informazzjoni mill-Europol u minn sistemi oħra ta' analiżi tad-data, itejbu l-individwazzjoni tax-xiri illeċitu ta' prekursuri tal-isplussivi online permezz ta' analiżi dettaljata abbażi tal-informazzjoni dwar il-merkanzija ppreżentata mill-kummerċjanti qabel ma l-merkanzija tasal jew titlaq mill-UE, anki bl-użu tas-sistema ta' ġestjoni tar-riskji doganali (CRMS);

185.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkollabora mal-impriżi fil-promozzjoni ta' linji gwida għas-swieq online dwar is-sigurtà tal-bejgħ tal-prekursuri tal-isplussivi, b'restrizzjonijiet għax-xiri ta' ċerti sustanzi għall-utenti professjonali, u jelenkaw fid-dettall ukoll il-politiki dwar il-prodotti ristretti billi jiddeterminaw il-livell permess ta' kwantità u purità;

186.  Jitlob użu uniformi ta' ċerti konvenzjonijiet standardizzati fl-għażla tal-ismijiet biex l-operaturi ekonomiċi u s-swieq online jkunu jistgħu jidentifikaw is-sustanzi kimiċi li jittellgħu fis-siti tagħhom; jistieden sussegwentement lis-swieq online janalizzaw u jqabblu dawk li jittellgħu ma' dawn il-listi ta' keywords standardizzati b'hekk isir monitoraġġ tal-listi tal-oġġetti regolati;

187.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li tistabbilixxi kriterji komuni għal-liċenzji billi tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-għoti u r-rifjut ta' talbiet u tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku bejn Stat Membru u ieħor;

Armi illeċiti

188.  Jitlob l-implimentazzjoni veloċi u effikaċi tad-direttiva dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi tan-nar sabiex l-użu u l-bejgħ tagħhom jiġi kkontrollat b'mod kemm jista' jkun effikaċi u jiġi evitat it-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar u ta' tagħmir u strumenti relatati kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE; jitlob li jiġu indirizzati l-lakuni fil-qafas regolatorju eżistenti, pereżempju billi jittieħdu miżuri biex titwaqqaf iċ-ċirkolazzjoni ta' pistoli li jisparaw inbjank faċli li jiġu konvertiti, pistoli Flobert, pistoli tal-allarm u armi simili;

189.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw programmi ta' ċediment tal-munizzjon u tal-armi tan-nar imfassla apposta għall-kuntest speċifiku tas-swieq tal-armi tan-nar illeċiti; jitlob penalizzazzjoni effikaċi għall-pussess u t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar; jitlob implimentazzjoni stretta u diliġenti mill-Istati Membri tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u ta' tagħmir militari;

190.  Jappoġġja r-reviżjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda Kontra l-Akkumulazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SALW) b'kunsiderazzjoni tal-kuntest tas-sigurtà u tal-politika tas-sigurtà l-ġodda u tal-iżviluppi fid-disinn/fit-teknoloġija tal-SALW li jaffettwaw il-kapaċità li tiġi indirizzata t-theddida;

191.  Jemmen li l-Istati Membri għandhom jadottaw approċċ ta' "investigazzjoni tal-arma", bl-użu ta' ċelluli speċjalizzati tal-infurzar tal-liġi u mfassla biex jiġu identifikati l-partijiet u n-netwerks involuti f'dan it-tip ta' traffikar, flimkien mal-verifika tad-diversi bażijiet tad-data ballistiċi nazzjonali;

192.  Ifakkar li l-Kummissjoni adottat rapport dwar l-evalwazzjoni tar-Regolament 258/2012 li jistabbilixxi regoli għall-esportazzjoni, għall-importazzjoni u għat-tranżitu awtorizzati għal armi tan-nar mhux militari, li wasal għall-konklużjoni li r-regolament għadu neċessarju iżda li l-effikaċja tiegħu hija limitata min-nuqqas ta' preċiżjoni ta' wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu u mill-kumplessità tal-interazzjoni ma' strumenti leġiżlattivi oħra tal-UE; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri jistabbilixxu skwadri tal-pulizija speċjalizzati biex jindirizzaw it-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar, mgħammra b'biżżejjed persunal, għarfien espert u tagħmir;

193.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jevalwaw restrizzjonijiet possibbli għall-ġarr ta' skieken mingħajr raġuni valida, il-projbizzjoni ta' skieken partikolarment dannużi bħal zombie knives jew butterfly knives, u l-infurzar ta' dawn il-miżuri online;

Dimensjoni esterna

194.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jfittxu azzjonijiet globali fix-xena internazzjonali sabiex jindirizzaw il-kunflitti fit-tul li jiddestabbilizzaw reġjuni sħaħ, jikkontribwixxu għaċ-ċiklu ta' vjolenza u ta' tbatija, u b'xorti ħażina jalimentaw ħafna diskorsi terroristiċi;

195.  Jitlob li tiżdied il-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi ġirien, u b'mod partikolari mal-pajjiżi ta' tranżitu u ta' destinazzjoni għall-ġellieda barranin, fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; iqis li l-UE għandha żżomm approċċ globali kontra t-terroriżmu, b'attenzjoni speċifika fuq il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi ewlenin abbażi ta' prijoritajiet definiti b'mod ċar;

196.  Iqis li l-ġlieda kontra t-terroriżmu huwa qasam li jirrikjedi għarfien espert konkret; jitlob, għalhekk, l-approfondiment tal-professjonalizzazzjoni tan-netwerk tal-UE f'dan il-qasam, partikolarment billi l-persunal operattiv kontra t-terroriżmu li jkun ġej mill-Istati Membri jiġi integrat aħjar u b'mod aktar fit-tul fl-istruttura tal-UE, lil hinn minn biċċa xogħol waħda bħala parti minn delegazzjoni tal-UE; iqis li l-kollokament fl-istituzzjonijiet tal-UE jimmassimizza l-għarfien espert u l-użu tal-kompetenzi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu;

197.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-appoġġ favur il-pajjiżi terzi, speċjalment il-pajjiżi ġirien, fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-kriminalità u t-traffikar bħala għajn ta' finanzjament tat-terroriżmu, u ssaħħaħ ir-rabtiet magħhom biex l-iffriżar tal-assi jsir fi żmien iqsar; huwa mħasseb, madankollu, li l-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu f'xi wħud mill-pajjiżi sħab tal-UE għandha kamp ta' applikazzjoni wiesa' wisq u hija abbużata biex trażżan id-dissidenza paċifika; iwissi li l-kriminalizzazzjoni tal-espressjoni paċifika ta' lmenti leġittimi tista' twassal għar-radikalizzazzjoni; jemmen li l-UE għandha tinvesti ħafna f'azzjonijiet li jindirizzaw il-kawżi li jwasslu għat-terroriżmu f'pajjiżi terzi; jappoġġja bis-saħħa l-programmi esterni tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-ħabsijiet, programmi kooperattivi ma' mexxejja u ma' komunitajiet reliġjużi, djalogi u fora interreliġjużi, u b'mod ġenerali kull tip ta' programmi ta' rikonċiljazzjoni li jnaqqas it-tensjonijiet interkomunitarji u jipprevjeni politiki settarji b'mezzi ekonomiċi, soċjali u edukattivi b'mod partikolari;

198.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-analiżi tal-intelligence kontra t-terroriżmu taċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (INTCEN tal-UE); jistieden lill-Kummissjoni tafda mandat ċar biex INTCEN jagħmel kuntatt dirett mal-analisti fi ħdan id-delegazzjonijiet tal-UE sabiex jiżdied il-fluss tal-informazzjoni rilevanti għas-sistema ċentrali tal-intelligence tal-UE;

199.  Jitlob kooperazzjoni msaħħa u identifikazzjoni ta' sinerġiji bejn il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u l-azzjonijiet tal-Kunsill tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI);

200.  Jitlob li s-sistema ta' miżuri restrittivi tal-UE tiġi ssimplifikata sabiex issir għodda effikaċi kontra t-terroriżmu;

Vittmi tat-terroriżmu

201.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi Ċentru ta' Koordinament tal-UE għall-vittmi tat-terroriżmu (CCVT) li joffri appoġġ f'waqtu u adegwat għall-kriżijiet f'każ ta' attakki fi Stat Membru wieħed jew aktar; iqis li r-rwol tas-CCVT, fost affarijiet oħra, għandu jkun dak li jiżgura assistenza urġenti lill-vittmi minn Stat Membru ieħor kif ukoll għarfien espert fil-livell tal-UE billi jippromwovi l-iskambju tal-għarfien, tal-protokolli u tal-aħjar prattiki; jenfasizza l-bżonn li jiġu estiżi l-miżuri ta' appoġġ u protezzjoni għall-vittmi indiretti, bħall-qraba tal-vittmi, ix-xhieda okulari u l-persunal tal-ewwel intervent;

202.  Iqis li, ladarba jiġi stabbilit, is-CCVT ikun jista' jiġbor l-istatistika, u jassisti u jikkoordina l-ħolqien ta' reġistri tal-vittmi tat-terroriżmu fl-Istati Membri u fil-livell Ewropew, fuq il-bażi ta' konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġett tad-data u tal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop; iqis li jkun jista' wkoll jinvestiga u jippromwovi l-aħjar prattiki - għall-ħolqien ta' protokolli - sabiex:

   1) jiggarantixxi l-attenzjoni emozzjonali tal-bidu lill-vittmi tat-terroriżmu;
   2) jagħtihom l-appoġġ psikoloġiku u emozzjonali sussegwenti;
   3) jevita l-vittimizzazzjoni sekondarja matul il-proċess ġudizzjarju jew l-interazzjonijiet burokratiċi;
   4) jiggarantixxi l-aċċess effettiv għall-ġustizzja, speċjalment fil-każ ta' attakki li jinvolvu vittmi transnazzjonali;
   5) irawwem prattiki tajbin għall-midja f'temi sensittivi għall-vittmi tat-terroriżmu u għall-familji tagħhom;

iqis li s-CCVT jista' wkoll jistabbilixxi reġistru pubbliku tal-organizzazzjonijiet akkreditati li jagħtu appoġġ lill-vittmi, li jkunu disponibbli għall-konsultazzjoni u għat-titjib tal-protokolli li jiġu elaborati; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaħtru awtorità waħda responsabbli biex taġixxi bħala punt ta' kuntatt nazzjonali għas-CCVT, ladarba jiġi stabbilit;

203.  Jistieden lill-Kummissjoni toħloq pjattaforma online unika bil-lingwi kollha tal-UE li tkopri d-drittijiet tal-vittmi tat-terroriżmu u għall-appoġġ fil-konfront tagħhom, li tkun tista' tiġi ġestita mis-CCVT, b'punt ta' kuntatt uniku f'kull Stat Membru, inkluż helpline;

204.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar il-vittmi tat-terroriżmu li twieġeb b'mod effikaċi għall-ħtiġijiet tal-vittmi fuq perjodu qasir u twil, li tinkludi definizzjoni komuni tal-istatus tal-vittmi tat-terroriżmu u ta' drittijiethom, u formola standardizzata biex jintalab kumpens, li tispjega dmirijiet ċari u l-iskadenzi għall-assiguraturi; iqis li għandu jkun hemm proċedura semplifikata fil-livell nazzjonali biex jingħata kumpens awtomatiku lill-vittmi tat-terroriżmu ftit ta' żmien wara attakk biex il-bżonnijiet tagħhom jiġi indirizzati, u li l-kwistjoni ta' kumpens ulterjuri għandha tiġi eżaminata mill-ġdid f'intervalli regolari abbażi ta' valutazzjoni tas-sitwazzjoni tal-vittma;

205.  Jemmen li l-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni komuni ta' "vittma tat-terroriżmu" għandu jkopri tal-anqas: 1) il-persuni mejta; 2) il-persuni li sofrew dannu fiżiku u/jew psikoloġiku; 3) il-persuni li sofrew ħtif jew theddid; 4) il-konjuġi tal-persuna mejta jew il-persuna marbuta miegħu bl-istess relazzjoni ta' affezzjoni, inklużi ġenituri u tfal, nanniet u aħwa;

206.  Jistieden lill-Istati Membri jinkarigaw liċ-ċentri multidixxiplinari ta' rispons għall-kriżijiet li jipprovdu l-koordinament u r-rispons f'każ ta' emerġenza bl-implimentazzjoni tal-protokolli nazzjonali u lokali relatati mal-identifikazzjoni rapida u prijoritizzata tal-vittmi kif ukoll il-ġestjoni immedjata u r-riferiment tagħhom lis-servizzi kompetenti;

207.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li fi ħdan l-infrastruttura nazzjonali ta' rispons għall-emerġenzi jingħata rispons komprensiv għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' vittmi tat-terroriżmu immedjatament wara attakk terroristiku u dment li jkun meħtieġ; iqis li għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sit web uniku u aġġornat bl-informazzjoni rilevanti kollha u ċentru ta' appoġġ f'emerġenza għall-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom li jipprovdi l-ewwel għajnuna psikoloġika u appoġġ emozzjonali kif imsemmi fid-Direttiva (UE) 2017/541;

208.  Jenfasizza li n-notifika lill-l-familji tal-vittma għandha tingħata minn professjonisti mħarrġa apposta b'mod dinjituż, uman u xieraq, u għandu jiġi żgurat li l-midja ma tiżvelax l-identitajiet tagħhom mingħajr il-kunsens preliminari tagħhom, u li tingħata attenzjoni, rispett u prijorità partikolari lit-trattament tat-tfal;

209.  Jitlob l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tad-Direttiva (UE) 2015/637(25) sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni konsulari għaċ-ċittadini tal-UE f'pajjiżi terzi fejn l-Istat Membru tagħhom mhuwiex rappreżentat; jenfasizza li għadd dejjem akbar ta' ċittadini Ewropej sofrew attakki terroristiċi f'pajjiż li mhuwiex pajjiżhom, u għalhekk jitlob b'urġenza li jiġu stabbiliti protokolli fl-Istati Membri sabiex, f'każ ta' attakk terroristiku, ċittadini Ewropej ta' pajjiż ieħor jiġu megħjuna, f'konformità mad-Direttiva (UE) 2017/541;

210.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-assistenza neċessarja li jagħtu lill-vittmi tat-terroriżmu tinkorpora wkoll miżuri li jinkludu l-ewwel għajnuna, appoġġ psikoloġiku, protezzjoni minn vittimizzazzjoni sekondarja, assistenza legali, aċċess effettiv għall-ġustizzja, flus kontanti bil-quddiem biex jgħinu lill-vittmi jkopru l-ispejjeż immedjati, assistenza lit-tfal u fid-dar iċċertifikata, skemi ta' ħelsien mit-taxxa, u għajnuna fit-trasport fil-każ ta' diżabbiltà temporanja jew permanenti;

211.  Jistieden lill-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, jiżguraw li l-professjonisti tas-servizzi nazzjonali rilevanti kollha – speċjalment dawk li tal-ewwel intervent – ikunu mħarrġa b'mod adegwat fil-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi tat-terroriżmu; jirrimarka li s-CCVT se jgħin fil-kompiti ta' taħriġ professjonali, inkluż għall-uffiċjali tal-pulizija, għall-avukati u għall-professjonisti oħra li jkollhom x'jaqsmu mal-vittmi, u mal-kumpaniji tal-assigurazzjoni jew mal-awtoritajiet tal-kumpens;

212.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi ġuridiċi li jikkriminalizzaw il-glorifikazzjoni ta' att speċifiku ta' terroriżmu peress li jumilja lill-vittmi u jikkawża vittimizzazzjoni sekondarja billi jagħmel ħsara lid-dinjità u l-irkupru tal-vittmi;

213.  Jistieden lill-istituzzjonijiet ikkonċernati joffru salvagwardji biex tkun evitata kwalunkwe forma ta' vittimizzazzjoni sussegwenti li tkun ġejja minn umiljazzjoni u attakki fuq l-immaġni tal-vittmi li jkunu ġejjin minn setturi soċjali relatati mal-awtur tal-attakki;

214.  Jitlob lill-Istati Membri jipprojbixxu li jingħata ġieħ lil dawk li jinstabu ħatja ta' attivitajiet terroristiċi minn sentenza li tkun saret definittiva;

215.  Jitlob lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali lill-vittmi meta jistgħu jsofru fastidju jew jibżgħu li jerġgħu jkunu attakkati mill-ambjent soċjali tal-aggressuri;

216.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi tal-vjolenza sesswali u ta' forom ta' vjolenza severa oħra mwettqa minn terroristi Daesh barra mill-UE jkunu sikuri u mingħajr biża' fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jressqu dawn il-każijiet quddiem il-qorti, anke jekk ir-reati jkunu ġew kommessi barra mill-UE u jinvolvu lill-vittmi bħala xhieda siewja fil-proċeduri tal-qorti;

217.  Jistieden lill-Kummissjoni temenda d-dispożizzjonijiet dwar il-Fond Ewropew ta' Solidarjetà biex jinkludu l-kumpens tal-vittmi f'każ ta' attakki terroristiċi fuq skala kbira, sabiex jingħata appoġġ lill-Istati Membri meta jkun hemm bżonn u f'każijiet transfruntiera;

218.  Jistieden lill-Kummissjoni tibda djalogu mal-Istati Membri sabiex jonqsu d-disparitajiet kbar li jeżistu fil-livelli ta' kumpens finanzjarju nazzjonali mogħti fil-livell nazzjonali minn kull Stat Membru lill-vittmi ta' attakki terroristiċi;

219.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi kollha tat-terroriżmu jkollhom id-dritt ikunu parti fi proċedimenti ġudizzjarji relatati ma' attakk terroristiku li jikkonċernahom u jqisu s-sitwazzjoni speċifika tal-vittmi transfruntiera; jitlob lill-Istati Membri jiggarantixxu li kuntatti degradanti jew umiljanti bejn il-vittmi u l-aggressur jew l-ambjent tal-aggressur ma jseħħux fil-proċeduri kriminali;

220.  Jitlob promozzjoni msaħħa lill-Jum Ewropew b'Tifkira tal-Vittmi tat-Terroriżmu (11 ta' Marzu);

Drittijiet fundamentali

221.  Jisħaq fuq il-fatt li jrid ikun hemm impenn, permezz tal-istat tad-dritt, favur il-miżuri ta' sigurtà, fosthom dawk kontra t-terroriżmu, u li dawn iridu jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u jridu jiġu adottati f'qafas ġuridiku ċar; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri u lill-istituzzjoni tal-UE, huma u jadottaw u japplikaw il-miżuri kontra t-terroriżmu, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, inklużi dawk relatati mal-privatezza u mal-protezzjoni tad-data, il-libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni u n-nondiskriminazzjoni, kif ukoll il-garanziji proċedurali, fosthom il-preżunzjoni ta' innoċenza, id-dritt għal proċess ġust, id-dritt għall-informazzjoni u l-kontroll minn awtorità ġudizzjarja, kif ukoll jiżguraw li l-individwi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom rimedji effikaċi biex jikkontestaw il-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom, inkluża l-possibbiltà ta' rimedju ġudizzjarju;

222.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE, huma u jadottaw u japplikaw il-miżuri kontra t-terroriżmu, isibu bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali involuti u l-ħtiġijiet tas-sigurtà; iqis, f'dan ir-rigward, li l-ewwel prijorità għandha tkun li jitħarsu d-dritt fundamentali tal-persuni għall-ħajja u d-dritt għas-sigurtà;

223.  itenni li d-dritt internazzjonali u reġjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem jagħmilha ċara li l-Istati għandhom kemm id-dritt kif ukoll id-dmir li jipproteġu lill-individwi fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tagħhom minn attakki terroristiċi biex jiżguraw ir-rispett għad-dritt għall-ħajja u għad-dritt għas-sigurtà; ifakkar li l-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu trid tissejjes fuq ir-rispett tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluża l-projbizzjoni tat-tortura;

224.  Jitlob li l-Istati Membri jwaqqfu b'mod strett, bil-mezzi legali kollha disponibbli, kwalunkwe prattika reliġjuża jew politika li timponi restrizzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali, twassal għal oppressjoni, tinċita l-vjolenza sesswali u delitti vjolenti serji oħra jew tippromwovi l-estremiżmu, peress li prattiki bħal dawn mhumiex koperti mil-libertà reliġjuża jew mil-libertà ta' opinjoni; jistenna li l-Istati Membri jadottaw oqfsa legali inekwivokabbli li jipprekludu lill-imħallfin milli jagħtu "ribassi kulturali" għas-sentenzi meta jittrattaw atti serji ta' vjolenza u saħansitra tortura u qtil;

225.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) jeżaminaw l-isfidi li jeżistu fil-qasam tal-politiki tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u jidentifikaw l-aħjar prattiki fi ħdan l-Istati Membri, inklużi l-prattiki li jqisu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-persuni vulnerabbli bħall-persuni b'diżabbiltà u l-minorenni; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki u tiżviluppa gwida f'dan ir-rigward; ifakkar ukoll li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom l-għażla li jitolbu l-opinjonijiet tal-FRA, fi ħdan il-kuntest tal-Qafas Pluriennali tagħha, dwar il-miżuri kontra t-terroriżmu;

226.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm il-garanziji meħtieġa dwar il-protezzjoni tad-data, f'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE, inklużi miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati biex jitħarsu s-sigurtà u l-kunfidenzjalità tad-data personali; iħeġġiġhom jintroduċu regoli ċari dwar min jista' jkollu aċċess għal liema data fis-sistemi u min jista' jikkonsultaha, iżommu reġistri ta' konsultazzjoni u divulgazzjoni, u jiżguraw drittijiet ta' aċċess, rettifika, tħassir u restrizzjoni, kif ukoll drittijiet għal kumpens u rimedju ġudizzjarju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jiżviluppaw aktar soluzzjonijiet innovattivi tal-privatezza mid-disinn;

227.  Jemmen li l-politiki sodi tal-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom bżonn mandati robusti għall-korpi pubbliċi involuti f'din il-ġlieda, kif ukoll livell għoli ta' appoġġ pubbliku għal dawk l-awtoritajiet; josserva r-rwol importanti li s-sorveljanza tiżvolġi fit-trawwim tal-fiduċja u tal-appoġġ tal-pubbliku; jistieden lill-Istati Membri jfornu mekkaniżmi ta' sorveljanza għall-miżuri kontra t-terroriżmu bil-għan li l-impatt tagħhom ikun sottopost għal valutazzjoni; jistieden ukoll lill-Istati Membri jiżguraw sorveljanza demokratika u obbligu ta' rendikont pubbliku għas-servizzi kollha tas-sigurtà u tal-intelligence, filwaqt li jippreservaw il-livell neċessarju ta' segretezza;

o
o   o

228.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 189.
(2) Studju dwar Il-Politiki tal-Unjoni Ewropea Kontra t-Terroriżmu: Rilevanza, Koerenza u Effikaċja, ikkummissjonat mid-Dipartiment Tematiku għall-Politiki tad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament Ewropew, http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/583124/IPOL_STU(2017)583124_EN.pdf
(3) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/?uri=CELEX:32018D1084
(4) Ir-rapport TE-SAT tal-Europol tal-2017 (paġna 14).
(5) https://www.dw.com/de/jesidin-trifft-in-deutschland-auf-is-peiniger/a-45119776
(6) Ir-radikalizzazzjoni hija mifhuma li tfisser proċess kumpless li permezz tiegħu individwu jew grupp jadottaw ideat/opinjonijiet reliġjużi u/jew politiċi dejjem aktar estremi li potenzjalment iwasslu għal azzjonijiet vjolenti, inkluż it-twettiq ta' atti terroristiċi. F'konformità mad-dokumenti ta' politika tal-Kummissjoni, kwalunkwe referenza għar-"radikalizzazzjoni" għandha tinftiehem bħala "radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti u terroriżmu".
(7) Diskors mill-Kummissarju Jourová, responsabbli għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, fil-Konferenza dwar ir-Radikalizzazzjoni fil-Ħabsijiet tas-27 ta' Frar 2018 fi Brussell, http://europa.eu/rapid/press-release_SPEECH-18-1221_en.htm
(8) Europol, 6 ta' Settembru 2018.
(9) Ir-Regolament (UE) 2017/458 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar it-tisħiħ tal-verifiki fuq il-fruntieri esterni ma' bażijiet tad-data rilevanti, ĠU L 74, 18.3.2017, p. 1.
(10) ĠU C 366, 27.10.2017, p. 101.
(11) Europol TE-SAT 2017, p. 10.
(12) Europol TE-SAT 2017, p. 15.
(13) Europol TE-SAT 2018, p. 9.
(14) Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).
(15) Testi adottati, P8_TA(2018)0229.
(16) Rapport tal-Kunsill tal-Ewropa tat-22 ta' Settembru 2017 dwar "Prosecuting and punishing the crimes against humanity or even possible genocide committed by Daesh" (Il-prosekuzzjoni u l-ikkastigar tad-delitti kontra l-umanità jew saħansitra l-ġenoċidju possibbli kommess minn Daesh).
(17) ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1.
(18) ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.
(19) Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/JHA tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).
(20) ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6.
(21) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kontrolli fir-rigward tal-flus kontanti deħlin fl-Unjoni u ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 - ĠU L 284, 12.11.2018, p.6.
(22) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/IDAN/2018/614496/IPOL_IDA(2018)614496_EN.pdf
(23) COM(2018)0213.
(24) Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni - ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.
(25) Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/637 tal-20 ta' April 2015 dwar il-miżuri ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni f'pajjiżi terzi u li tħassar id-Deċiżjoni 95/553/KE (ĠU L 106, 24.4.2015, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Diċembru 2018Avviż legali