Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2097(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0392/2018

Testi mressqa :

A8-0392/2018

Dibattiti :

PV 11/12/2018 - 16
CRE 11/12/2018 - 16

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2018 - 12.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0513

Testi adottati
PDF 153kWORD 60k
L-Erbgħa, 12 ta' Diċembru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni
P8_TA(2018)0513A8-0392/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar ir-Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (2018/2097(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Att Finali ta' Helsinki tal-1975, ippubblikat mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE),

–  wara li kkunsidra t-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO tal-10 ta' Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar ir-responsabbiltà politika(1),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-7 ta' Ġunju 2017 intitolata "Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE" (JOIN(2017)0021),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0392/2018),

A.  billi l-kuntest ta' sigurtà tal-UE llum huwa aktar volatili, imprevedibbli, kumpless u ambigwu milli qatt kien mit-tmiem tal-Gwerra Bierda 'l hawn, fi żmien meta qed nikkonfrontaw kunflitti bejn stati, diżastri naturali, terroriżmu, stati falluti, attakki ċibernetiċi u l-gwerra ibrida; billi jista' jkun li l-politiki kurrenti tal-UE ma għadhomx suffiċjenti għall-promozzjoni ta' viċinat stabbli u prosperu; billi l-UE għandha responsabbiltà tikber li tiżgura s-sigurtà tagħha stess, filwaqt li tiddefendi l-interessi u l-valuri tagħha;

B.  billi l-azzjoni esterna tal-UE għandha impatt dirett fuq il-ħajja taċ-ċittadini tagħna, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha, kemm billi tappoġġa l-paċi, il-kooperazzjoni ekonomika, is-sigurtà u l-istabbiltà fi ħdan il-fruntieri tagħna u lil hinn minnhom, tipprevjeni l-kriżijiet qabel ma jseħħu, iġġestihom biex tevita effetti konsegwenzjali negattivi jew billi tiffaċilita r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti;

C.  billi l-popolazzjoni tal-UE qiegħda tonqos u, skont it-tbassir, għall-ħabta tas-sena 2050 se tirrappreżenta biss 5 % tal-popolazzjoni dinjija, meta mqabbla ma' 13 % fl-1960;

D.  billi, sal-2050, aktar minn nofs it-tkabbir demografiku tad-dinja mistenni li jsir fl-Afrika, li mistennija tirrappreżenta 1,3 biljun miż-2,4 biljun ruħ addizzjonali fuq il-pjaneta; billi l-konċentrazzjoni ta' dan it-tkabbir f'xi wħud mill-ifqar pajjiżi se twassal għal sensiela ta' sfidi ġodda li, jekk ma jiġux indirizzati minnufih, se jkollhom effetti qerrieda kemm għall-pajjiżi kkonċernati kif ukoll għall-Unjoni Ewropea;

E.  billi, sal-2050, iċ-Ċina, l-Istati Uniti u l-Indja jistgħu jkunu saru l-potenzi ekonomiċi ewlenin tad-dinja, b'saħansitra aktar saħħa politika milli għandhom illum, filwaqt li, f'ridistribuzzjoni fit-tul tal-importanza ekonomika u politika, l-ebda waħda mill-akbar ekonomiji tad-dinja mhi se tkun dik ta' Stat Membru tal-UE, u l-Unjoni Ewropea għalhekk se tiffaċċja bilanċ radikalment differenti tal-poter dinji li se jirrikjedi sforzi mġedda biex l-istituzzjonijiet ta' governanza globali eżistenti jissaħħu;

F.  billi l-ordni dinji l-ġdid qed isir dejjem aktar ikkaratterizzat minn asimmetrija, fejn bosta atturi mhux statali qawwew l-influwenza tagħhom tul dawn l-aħħar għaxar snin, minn NGOs li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, il-kummerċ ġust u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, sa korporazzjonijiet transnazzjonali li jinfluwenzaw il-politika tal-gvernijiet u attivisti tal-midja soċjali li jitolbu bidla demokratika; billi l-gruppi tal-kriminalità organizzata internazzjonali u l-organizzazzjonijiet terroristiċi qed jippruvaw jimminaw il-prinċipji demokratiċi; billi, madankollu, il-multilateraliżmu li huwa wisq għal qalb l-Ewropa qed jiġi kkontestat dejjem aktar, iżda l-ebda stat emerġenti jew attur mhux statali ma jista' jimponi viżjoni dinjija inkontestabbli;

G.  billi l-globalizzazzjoni qawwiet l-interdipendenza, għax id-deċiżjonijiet li jittieħdu f'Beijing jew f'Washington iħallu impatt dirett fuq ħajjitna; billi, min-naħa l-oħra, l-interdipendenza wasslet biex l-opinjoni pubblika globali tagħraf il-ħtieġa ta' soluzzjonijiet transnazzjonali biex jiġu indirizzati problemi transnazzjonali u biex l-organizzazzjonijiet multilaterali jtejbu l-governanza globali;

H.  billi kważi kwart tal-popolazzjoni dinjija jgħix fi stati jew f'soċjetajiet fraġli; billi dawn kulma jmur qed isiru mixtla tal-inugwaljanza soċjoekonomika li, flimkien mat-tibdil fil-klima, hija sfida immedjata għall-istabbiltà, id-demokrazija u l-paċi;

I.  billi l-aspirazzjonijiet tal-UE għal tmexxija u influwenza globali ġew imminati minħabba l-kriżi finanzjarja, il-mod kif immaniġġjat il-kriżi bla preċedent tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati, Ewroxettiċiżmu dejjem jikber, il-proliferazzjoni ta' kriżijiet fuq l-għatba tagħna, nuqqas ta' konsistenza fil-politika barranija, xettiċiżmu dejjem akbar fl-opinjoni pubblika Ewropea rigward il-projezzjoni tal-forza fuq livell dinji u n-nuqqas ta' awtonomija strateġika effikaċi tal-UE, li tat lok għal tendenza li nirreaġixxu għall-ġrajjiet pjuttost milli nsawruhom; billi l-UE xorta waħda tibqa' fuq quddiem nett fid-dinja f'dak li jirrigwarda l-istandards regolatorji;

J.  billi xi demokraziji tal-Punent saru aktar vulnerabbli, protezzjonisti u introspettivi, u qegħdin jaqilbu lejn l-estremi f'mument meta l-kooperazzjoni multilaterali tirrappreżenta l-uniku mod kif nistgħu nagħtu risposta effikaċi għall-isfidi globali; billi setgħat bħaċ-Ċina jew ir-Russja qed jippruvaw jimlew dan il-vojt u qed ifittxu li jisfidaw il-governanza globali eżistenti bbażata fuq id-dritt internazzjonali, aktar milli jħaddnuha; billi l-istati tal-aħħar għandhom approċċ differenti rigward il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, li mhuwiex marbut ma' titjib fl-istat tad-dritt jew ma' riformi demokratiċi oħra;

K.  billi l-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) mal-Iran huwa kisba multilaterali sinifikanti fit-triq lejn Lvant Nofsani stabbli u paċifiku; billi d-deċiżjoni tal-President Trump li jirtira mill-PAKK u jimponi sanzjonijiet sekondarji fuq il-kumpaniji Ewropej li jagħmlu negozju leġittimu mal-Iran huwa ta' dispjaċir kbir u jdgħajjef is-sovranità ekonomika Ewropea, u b'hekk jirrileva d-dipendenza problematika tal-UE fuq is-sistema ta' tranżazzjonijiet bid-dollaru Amerikan; billi l-UE u l-Istati Membri affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom favur il-PAKK u ħadu miżuri biex jipproteġu l-interessi ekonomiċi leġittimi Ewropej;

L.  billi l-ISIS, Al Qaeda, u organizzazzjonijiet terroristiċi internazzjonali oħra għadhom jirrappreżentaw theddida sinifikanti għall-Ewropa u għan-nazzjonijiet tad-dinja;

M.  billi s-sigurtà Ewropea hija bbażata fuq l-ambizzjoni ta' awtonomija strateġika komuni, kif tissottolinja l-Istrateġija Globali tal-Unjoni; billi politika barranija komuni ambizzjuża, kredibbli u effikaċi trid tkun appoġġata b'riżorsi finanzjarji u b'mezzi adegwati, u trid tkun ibbażata fuq approċċ koerenti, f'waqtu u konsistenti min-naħa tal-Istati Membri;

1.  Jenfasizza li wasal il-waqt li l-Unjoni Ewropea tieħu f'idejha d-destin tagħha; huwa tal-fehma li l-UE għandha tħaddan ir-rwol tagħha bħala potenza politika u ekonomika tassew sovrana fir-relazzjonijiet internazzjonali, li tikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti fid-dinja u ssawwar il-governanza globali; jenfasizza, għalhekk, li politika estera u ta' sigurtà komuni tal-Ewropa, ibbażata fuq awtonomija strateġika u fuq l-integrazzjoni tagħha, inkluż f'termini ta' kapaċitajiet, fl-oqsma tal-industrija u tal-operazzjonijiet, hija meħtieġa biex tippromwovi l-interessi komuni tagħna flimkien mal-prinċipji u l-valuri tagħna;

2.  Huwa konvint li l-ebda Stat Membru individwali tal-UE ma jista', waħdu, jirrispondi għall-isfidi globali tal-lum b'mod effikaċi; jemmen li, jekk l-Istati Membri jiġbdu ħabel wieħed fl-UE, jistgħu jeżerċitaw influwenza fix-xena dinjija li, għajr hekk, ma jkollhomx; huwa konvint li 28 Stat Membru li jaħdmu flimkien favur pożizzjonijiet koerenti u unifikati u li jirrappreżentaw 500 miljun ċittadin, jipprovdu aktar piż fin-negozjati internazzjonali, fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tar-responsabbiltà, u fl-istabbiliment ta' regolamenti internazzjonali u ta' standards politiċi, demokratiċi, ambjentali, soċjali u ekonomiċi; jemmen, barra minn hekk, li taħt il-protezzjoni tal-mudell soċjali tal-UE, il-globalizzazzjoni tista' tirrappreżenta opportunità għaċ-ċittadini tal-UE u mhux theddida, opportunità li jeħtieġ li l-mexxejja Ewropej u nazzjonali jikkomunikawha b'mod ċar u pożittiv;

3.  Jiddispjaċih għall-fatt li, spiss wisq, l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-interessi nazzjonali tagħhom, indipendentement mill-konsegwenzi possibbli fil-livell Ewropew, u b'hekk jimminaw l-għaqda fi ħdan l-UE, il-konsistenza u l-effikaċja tagħha, u konsegwentement il-kredibbiltà tagħha bħala attur globali; jitlob tqassim aħjar tar-responsabbiltajiet, aktar solidarjetà u koordinament imtejjeb bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha; ifakkar fil-ħtieġa li l-politiki esterni tal-UE jkunu konsistenti bejniethom kif ukoll ma' politiki oħrajn li għandhom dimensjoni esterna, u li jkunu kkoordinati mas-sħab internazzjonali; jemmen li kooperazzjoni tajba fost l-Istati Membri hija fundamentali biex nissalvagwardjaw id-demokrazija, il-libertà u l-istandards soċjali u ambjentali tagħna; jissottolinja l-ħtieġa li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-pajjiżi sħab u l-organizzazzjonijiet internazzjonali tiġi estiża;

4.  Ifakkar li, meta t-28 Stat Membru jitqiesu lkoll flimkien, l-UE hija l-akbar ekonomija tad-dinja b'aktar minn nofs biljun ruħ, u li l-ewro huwa t-tieni l-aktar munita ta' riserva importanti; jenfasizza li, abbażi tal-kontribuzzjonijiet kollettivi tal-istituzzjonijiet tal-UE u dawk tal-Istati Membri individwali, l-UE hija wkoll l-akbar donatur ta' għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja;

5.  Jenfasizza li l-approċċ Ewropew fir-rigward tar-relazzjonijiet esterni huwa kkaratterizzat minn dawn li ġejjin:

   promozzjoni u salvagwardja tal-valuri universali, bħall-paċi, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi;
   impenn favur il-multilateraliżmu u ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, bis-sostenn tas-sistema tan-NU u ta' organizzazzjonijiet reġjonali bħall-OSKE;
   enfasi fuq il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti, il-medjazzjoni, ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti, il-konsolidazzjoni tal-paċi u l-bini tal-istituzzjonijiet;
   promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, l-għajnuna u l-kooperazzjoni ekonomika, il-kummerċ ġust, il-ftehimiet favur il-klima u sorsi alternattivi ta' enerġija;

6.  Jenfasizza li l-UE għandha tibqa' leali lejn il-prinċipji tagħha ta' demokrazija, drittijiet tal-bniedem u stat tad-dritt, kif minquxa fit-Trattati; jisħaq fuq l-importanza li jiġi vvalutat jekk il-promozzjoni ta' dawn il-prinċipji fil-pajjiżi terzi rnexxietx, u li ssir evalwazzjoni tal-ispazju għal titjib ulterjuri; jenfasizza li r-reputazzjoni tal-UE bħala promotur ta' dawn il-prinċipji tista' tiġi sostnuta biss jekk tiżgura li dawn il-prinċipji preċiżi jkunu protetti u mħarsa fl-Istati Membri kollha tagħha;

7.  Iħeġġeġ, barra minn hekk, li tiġi kkunsidrata politika ta' "anqas għal anqas" fir-rigward ta' dawk il-pajjiżi li jmorru lura f'termini ta' governanza, demokrazija u drittijiet tal-bniedem; iqis li l-UE għandha tuża l-istrumenti tal-politika barranija tagħha b'mod aktar effikaċi, inklużi l-istrumenti kummerċjali u tal-iżvilupp bħal ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi meta jkun qed iseħħ ksur tal-istandards demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li tiżgura b'mod partikolari li l-ebda ftehim ma jiġi ratifikat sakemm jiġu ssodisfati l-parametri referenzjarji tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li l-UE u l-Istati Membri jadottaw mandati ta' ġid mhux ġustifikat biex jindirizzaw il-korruzzjoni fil-pajjiżi terzi; ifakkar li s-sanzjonijiet ekonomiċi huma għodda b'saħħitha tad-diplomazija koerċittiva; jinnota li, f'ċerti każijiet, il-pożizzjonijiet tal-politika barranija adottati mill-Parlament ma jiġux segwiti fil-livell tal-Unjoni, u jinsisti li l-Kunsill u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) iqisuhom aktar bir-reqqa;

8.  Jitlob li s-SEAE, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri individwali jaġixxu b'mod strateġiku billi jħaddmu approċċ integrat u billi jużaw il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom, inklużi l-għodod tal-kummerċ, tal-iżvilupp, tad-diplomazija, dawk ċivili u militari tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), kif ukoll il-komunikazzjoni strateġika u d-diplomazija pubblika biex isaħħu l-influwenza ġeopolitika u l-immaġni ġenerali tal-UE fid-dinja u jipproteġu l-interessi tagħha, inkluż billi jqawwu s-sovranità ekonomika u l-awtonomija strateġika tal-UE; jirrileva r-rwol komplementari li jista' jkollhom f'dan il-proċess id-diplomazija ambjentali, kulturali, akkademika u forom oħra ta' diplomazija "alternattiva";

9.  Jitlob li biżżejjed riżorsi finanzjarji jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-azzjoni esterna tal-UE fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss għall-perjodu mill-2021 sal-2027, u li l-UE tiffoka r-riżorsi tagħha fuq prijoritajiet strateġiċi; ifakkar fir-rwol importanti tal-istrumenti finanzjarji esterni biex jinġiebu 'l quddiem l-interessi tal-politika barranija tal-UE; jissottolinja l-importanza li jissaħħu l-koerenza, l-effikaċja, il-kapaċità ta' rispons u l-flessibilità tal-istrumenti ta' finanzjament estern; jenfasizza l-ħtieġa li l-Parlament jiġi involut b'mod adegwat fl-iskrutinju u fit-tmexxija strateġika tal-istrumenti; huwa tal-fehma li l-isfidi dejjem akbar preżenti fil-viċinat tal-UE u lil hinn minnu jirrikjedu approprjazzjonijiet konsiderevolment ogħla għall-azzjoni esterna u tisħiħ sinifikanti tagħha;

10.  Jitlob li s-SEAE jinvesti "koalizzjonijiet abbażi ta' kwistjonijiet" ma' pajjiżi li jaħsbuha bħalna, bil-għan li jsostnu ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, il-multilateraliżmu u l-kummerċ ħieles, u jaħdmu favur soluzzjonijiet kooperattivi għall-isfidi globali, fosthom bilanċ tal-potenzi li qed jinbidel; jitlob li s-SEAE jaħdem mal-potenzi emerġenti biex jipprovdu beni pubbliċi globali bħall-paċi u s-sigurtà, anke billi jikkollaboraw f'operazzjonijiet tal-prevenzjoni u tal-ġestjoni tal-kriżijiet fid-dinja, fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, inklużi l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, arja u ilma nodfa u art ħielsa mit-tniġġis, kif ukoll fid-difiża u fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istabbiltà finanzjarja; ifakkar fl-importanza tar-relazzjonijiet interparlamentari biex dawn l-għanijiet ikunu sostnuti;

11.  Jikkundanna l-użu ripetut mir-Russja tas-setgħa tal-veto tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jqis li dan jimmina l-isforzi internazzjonali għall-paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti; jinnota li l-istaġnar fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU qiegħed jimpedixxi l-azzjoni mill-komunità internazzjonali u jipprevjeni r-riżoluzzjoni tal-kriżijiet; jitlob għal darb' oħra li l-Istati Membri jappoġġaw riformi fil-kompożizzjoni u fil-funzjonament tal-Kunsill tas-Sigurtà; Jenfasizza li l-UE hija impenjata li ssaħħaħ ir-rwol internazzjonali tan-NU ;

12.  Jinnota li l-UE qdiet rwol importanti biex ittaffi u ssolvi l-kriżijiet tal-politika barranija, partikolarment meta ċerti Stati Membri ħadu r-riedni f'idejhom, taħt l-awspiċji tal-Unjoni kollha kemm hi, bħal fil-każ tal-Format ta' Normandija jew tan-negozjati UE3+3 mal-Iran; huwa tal-fehma li, filwaqt li tiġi segwita kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża fit-tul, l-istabbiliment, fejn jitqies li jkun f'loku, ta' koalizzjonijiet ad hoc ta' Stati Membri li jistgħu jintervjenu malajr b'reazzjoni għal kriżijiet internazzjonali jista' jagħmel l-azzjoni esterna tal-UE aktar flessibbli u kapaċi tirrispondi bla dewmien biex tindirizza sitwazzjonijiet li qed jinbidlu, billi jnaqqas il-pressjoni li jkun irid jintlaħaq kunsens universali fost l-Istati Membri;

13.  Jilqa' r-rwol dejjem jikber tal-UE, inkluż dak tal-missjonijiet ċivili u militari tagħha tal-PSDK fiż-żamma tal-paċi, fil-prevenzjoni tal-kunflitti, fit-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u fir-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti bħala mezz għall-ksib ta' paċi fit-tul; ifakkar li r-riżoluzzjoni tal-kunflitti tirnexxi aktar meta n-nisa jkollhom rwol formali fil-proċess u jitlob li jipparteċipaw aktar f'tali missjonijiet;

14.  Jifhem li l-qrubija għat-theddid tiddetermina l-prijoritajiet politiċi; jitlob, madankollu, li l-Istati Membri kollha jirrispettaw il-prinċipju ta' solidarjetà stabbilit fit-Trattati (l-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) u jieħdu l-passi neċessarji biex jirrispondu għall-kriżi tal-migrazzjoni, bħalma l-Istati Membri kollha rrispondew bi spirtu ta' solidarjetà għall-isfidi maħluqa mir-Russja assertiva u miċ-Ċina f'kuntest ekonomiku u ta' sigurtà; jemmen ukoll li l-kriżijiet kurrenti qegħdin ipoġġu taħt prova r-rieda tal-Istati Membri li jikkooperaw b'mod aktar effikaċi biex jindirizzaw sfidi komuni; jitlob li l-popolazzjonijiet milquta mill-kunflitti jingħataw aktar għajnuna u assistenza umanitarja;

15.  Josserva li s-sigurtà interna u esterna huma dejjem aktar marbutin mill-qrib ma' xulxin; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza interna tal-UE għall-interferenza esterna u li tiġi stabbilita strateġija komuni mas-sħab internazzjonali, kemm fir-rigward tal-protezzjoni tal-infrastruttura kritika kif ukoll tal-istituzzjonijiet bażiċi u l-karatteristiċi tad-demokraziji tagħna; jappoġġa lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ biex itejbu aktar ir-reżiljenza tal-UE, bħala parti minn strateġija għat-tnaqqis tar-riskju, għall-attakki terroristiċi, b'mod partikolari t-terroriżmu ġiħadista bħala waħda mill-isfidi ewlenin li qed tħabbat wiċċha magħhom is-sikurezza pubblika fl-UE llum, ir-radikalizzazzjoni, il-migrazzjoni illegali, l-użu ripetut tal-armi kimiċi, il-propaganda, il-kampanji ta' diżinformazzjoni online u offline, it-tentattivi min-naħa tar-Russi ta' attakki ċibernetiċi u interferenzi matul l-elezzjonijiet u l-kampanji ta' referendum u theddid ibridu ieħor li kollha jeħtieġu azzjoni rapida, assertiva u kkoordinata; jissottolinja li għandhom jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex tiġi evitata kwalunkwe interferenza fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019;

16.  Jenfasizza l-fatt li s-sħubija transatlantika qed tħabbat wiċċha ma' għadd sinifikanti ta' sfidi u tfixkil fuq medda qasira ta' żmien, iżda għadha indispensabbli għas-sigurtà u l-prosperità fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku; jiddispjaċih li l-Istati Uniti rtiraw progressivament mill-ordni dinji multilaterali bbażat fuq ir-regoli, jiġifieri mill-Ftehim ta' Pariġi, il-Ftehim tal-PAKK, il-Ftehim tas-Sħubija Trans-Paċifika (TPP) u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li interrompew il-finanzjament għall-UNRWA u diversi aġenziji tan-NU u fora multilaterali, kif ukoll għall-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi, u li attakkaw lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); jistieden lill-UE turi unità, fermezza u proporzjonalità fir-reazzjonijiet tagħha għal dawn id-deċiżjonijiet, tafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tagħha għall-PAKK, tiżgura riżultati ekonomiċi tanġibbli mal-Iran u tipproteġi lill-kumpaniji Ewropej li jinvestu fl-Iran kontra s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti; jistieden, barra minn hekk, lill-UE żżid l-isforzi tagħha fir-rigward tad-diplomazija dwar it-tibdil fil-klima u tinkludi l-adeżjoni mal-Ftehim ta' Pariġi fi kwalunkwe ftehim kummerċjali u ta' investiment;

17.  Jisħaq fuq il-fatt li l-investiment fl-istabbiltà u fil-prosperità tal-Balkani tal-Punent irid ikompli jkun prijorità ewlenija għall-Unjoni Ewropea; itenni li l-perspettiva Ewropea għall-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent trid twassal għal sħubija sħiħa tal-pajjiżi kkonċernati, dment li jintlaħqu l-kriterji kollha; jenfasizza li l-proċess ta' tkabbir huwa bbażat fuq il-mertu, fuq kundizzjonalitajiet stretti u ġusti skont l-applikazzjoni stretta tal-kriterji ta' Copenhagen, u jrid jiddependi fuq xejn għajr ir-riżultati konkreti miksuba minn kull pajjiż individwali dwar kwistjonijiet bħall-korruzzjoni, il-prattiki tal-ħasil tal-flus, it-trasparenza u l-indipendenza ġudizzjarja; itenni l-importanza, matul dan il-proċess, li jiġu promossi r-riformi meħtieġa għal ordni internazzjonali ekonomiku, kooperattiv u bbażat fuq ir-regoli, b'enfasi fuq l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet tal-minoranzi, ir-rikonċiljazzjoni u r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat, is-sigurtà u l-migrazzjoni, l-iżvilupp soċjoekonomiku u sostenibbli, it-trasport u l-konnettività tal-enerġija, il-protezzjoni ambjentali u l-aġenda diġitali;

18.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-istabbiltà tal-Viċinat tal-Lvant għall-istabbiltà tal-Unjoni stess u jħeġġeġ l-iżvilupp ta' relazzjonijiet dejjem aktar mill-qrib mas-Sħubija tal-Lvant; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jkomplu jużaw il-poter ta' trasformazzjoni tal-UE fil-fruntieri tal-Lvant tagħha, biex b'hekk isaħħu r-rabtiet ekonomiċi u ta' konnettività, bl-użu ta' ftehimiet kummerċjali, l-aċċess għas-suq uniku u kuntatti aktar profondi bejn il-persuni, fosthom permezz tal-faċilitazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-viżi meta jkunu ġew issodisfati r-rekwiżiti kollha, bħala inċentivi biex jitrawmu r-riformi demokratiċi u jiġu adottati r-regoli u l-istandards Ewropej; jistieden ukoll lis-SEAE jimmonitorja l-proċessi demokratiċi fil-viċinat dirett tiegħu u jiżgura li l-progress demokratiku ma jitwaqqafx jew jitreġġa' lura;

19.  Itenni l-impenn tal-UE biex tappoġġa s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tas-sħab tagħha; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kunflitti ffriżati kollha skont id-dritt, in-normi u l-prinċipji internazzjonali, jiżdied l-appoġġ għar-residenti affettwati mill-kunflitti, il-persuni spustati internament u r-rifuġjati, u li jiġu miġġielda l-attentati ta' destabbilizzazzjoni minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari r-Russja; itenni l-kundanna tiegħu tal-annessjoni illegali tal-Krimea u l-intervent militari fil-Lvant tal-Ukrajna min-naħa tar-Russja; jitlob li jsiru sforzi kontinwati biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' Minsk u jitlob li s-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja jiġu estiżi sakemm ir-Russja tikkonforma ma' dawn il-ftehimiet; jikkundanna, barra minn hekk, il-militarizzazzjoni kontinwa u d-deterjorament tas-sigurtà u s-sitwazzjoni umanitarja fit-territorji okkupati Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, u jistieden lir-Russja tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-Ftehim ta' Waqfien mill-Ġlied tal-2008 bil-medjazzjoni tal-UE;

20.  Ifakkar li l-Mediterran huwa l-fruntiera bejn l-aktar reġjuni inugwali fid-dinja; itenni l-ħtieġa urġenti li jiġi stimulat l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ġust tal-baċir tan-Nofsinhar tal-Mediterran u tal-Afrika sub-Saħarjana, u li tingħata assistenza lill-pajjiżi biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-instabbiltà, bħall-kunflitti armati, il-governanza mhux demokratika u ineffiċjenti, il-korruzzjoni u t-tibdil fil-klima, u dan billi jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi lokali, speċjalment għaż-żgħażagħ u n-nisa, b'mod partikolari fil-pajjiżi ta' oriġini tal-migranti, billi jiġu involuti l-atturi rilevanti fuq il-post u l-komunitajiet lokali; jieħu nota tal-proposta tal-President tal-Kummissjoni Juncker biex tinbena Alleanza ġdida għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli bejn l-Ewropa u l-Afrika, kif ukoll l-inizjattiva tiegħu biex id-diversi ftehimiet kummerċjali bejn l-Ewropa u l-Afrika jkunu żviluppati fi ftehim ta' kummerċ ħieles interkontinentali wieħed, li jista' jkun ta' suċċess biss jekk jiġi ppreżentat bħala sħubija ekonomija bejn pari u jekk ikun jista' jinħoloq ambjent li jiffavorixxi negozju u investiment effikaċi; iħeġġeġ lill-UE tuża mekkaniżmi oħra tal-PEV biex tkompli żżid il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni, il-pajjiżi sħab tal-viċinat tan-Nofsinhar u l-atturi reġjonali ewlenin, dwar kwistjonijiet reġjonali bħall-governanza tajba, is-sigurtà, l-enerġija u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; itenni l-appoġġ tiegħu għaż-żona ta' stabbilizzazzjoni tal-PSDK tal-UE u jitlob li dan jissaħħaħ;

21.  Jisħaq fuq il-punt li l-UE għandu jkollha rwol ewlieni fil-Lvant Nofsani u fil-Golf Persjan, permezz tal-persważjoni deċiżiva tagħha u l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni kollha eżistenti; jiddispjaċih ħafna dwar id-deċiżjoni meħuda mill-Gvern tal-Istati Uniti li jirriloka l-ambaxxata Amerikana fl-Iżrael minn Tel Aviv għal Ġerusalemm; jistieden lill-UE tkun forza mexxejja għall-istabbiliment mill-ġdid ta' proċess ta' paċi reali fil-Lvant Nofsani li għandu l-għan li jilħaq soluzzjoni ta' żewġ stati; jafferma mill-ġdid il-primat tal-proċess ta' Ġinevra mmexxi min-NU fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt Sirjan, f'konformità mar-Riżoluzzjoni 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jikkundanna l-appoġġ tar-Russja u tal-Iran għar-reġim ta' Assad, id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità, u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom biex itemmu r-reati kontra l-poplu Sirjan u fuq kollox l-użu tal-armi kimiċi kontrih;

22.  Jikkundanna l-ksur gravi tad-dritt internazzjonali umanitarju u tad-drittijiet tal-bniedem min-naħat kollha fil-Jemen, inklużi l-attakki bl-addoċċ fuq il-popolazzjoni ċivili min-naħa tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u r-ribelli Houthi; jesiġi t-tneħħija immedjata tal-imblokk fil-Jemen u jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt jerġgħu jibdew id-djalogu taħt l-awspiċji tan-NU u jaħdmu lejn waqfien mill-ġlied sostenibbli; jilqa' d-deċiżjoni tal-gvernijiet tal-Ġermanja, id-Danimarka u l-Finlandja li jwaqqfu l-bejgħ tal-armi lill-Arabja Sawdija; jitlob sanzjonijiet fl-Unjoni kollha kontra dawk responsabbli mill-qtil tal-ġurnalist Sawdi Jamal Khashoggi;

23.  Jenfasizza li t-tisħiħ tas-sigurtà reġjonali fir-reġjun tal-Indo-Paċifiku huwa ta' importanza kritika għall-UE u għall-Istati Membri tagħha; jistieden lill-partijiet kkonċernati kollha biex isolvu d-differenzi permezz ta' mezzi paċifiċi u jżommu lura milli jieħdu azzjoni unilaterali biex ibiddlu l-istatus quo, inkluż fl-Ibħra tal-Lvant u tan-Nofsinhar taċ-Ċina, bil-għan li tiġi salvagwardjata s-sigurtà reġjonali; iħeġġeġ it-tkomplija rapida tat-taħditiet bilaterali bejn iċ-Ċina u t-Tajwan, u jtenni l-appoġġ tiegħu għall-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan fl-organizzazzjonijiet, il-mekkaniżmi u l-attivitajiet internazzjonali; jappoġġa miżuri li jiffavorixxu t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u s-sħab fl-Asja, u jħeġġeġ il-kooperazzjoni ekonomika, diplomatika u ta' sigurtà;

24.  Wara l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari reċenti fir-reġjun, jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jkompli jsawwar relazzjonijiet b'saħħithom mal-pajjiżi tal-Amerika Latina (ALK), li jippromwovi d-difiża tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem bħala l-pedament għal integrazzjoni u kooperazzjoni aktar profondi; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-nuqqas ta' rispett lejn id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt f'Kuba, in-Nikaragwa u l-Venezwela; jinnota bi tħassib l-iżviluppi elettorali fil-Brażil u jesprimi t-tama li l-gvern il-ġdid se jibqa' leali lejn it-triq tad-demokrazija u l-istat tad-dritt; ifaħħar l-isforzi tal-partijiet kollha kkonċernati fil-Proċess ta' Paċi fil-Kolombja; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għal dan il-Proċess ta' Paċi u l-implimentazzjoni effikaċi tiegħu;

25.  Jemmen li, minkejja l-importanza tagħhom, is-setgħa ta' persważjoni u l-bini tal-istituzzjonijiet biss ma jistgħux ikunu biżżejjed biex tiġi eżerċitata influwenza f'dinja li fiha l-politika tal-forza u s-setgħa ta' koerċizzjoni huma dejjem aktar sinifikanti; jemmen li l-effikaċja tal-politika barranija tal-UE fl-aħħar mill-aħħar se tiddependi, fil-parti l-kbira tagħha, minn taħlita effikaċi ta' għodod ta' setgħa ta' koerċizzjoni u setgħa ta' persważjoni, inklużi d-djalogu miftuħ, mill-kapaċità tagħha li tkun ta' eżempju u mir-riżorsi u l-kapaċitajiet li jservuha ta' appoġġ, inklużi riżorsi finanzjarji adegwati, multilateraliżmu effikaċi, taħlita ta' setgħa ta' persważjoni u setgħa ta' koerċizzjoni kredibbli, l-akkomunament tal-kapaċitajiet militari, u rieda tal-Istati Membri li f'dan il-kuntest iċedu t-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll li jaħdmu man-NATO u pajjiżi oħra li jaħsbuha bl-istess mod;

26.  Jilqa' ż-żieda fil-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża bejn l-Istati Membri tal-UE u l-azzjonijiet li ttieħdu biex tiżdied l-awtonomija militari tal-UE, jiġifieri l-ħolqien ta' ċentru ta' kmand uniku Ewropew fi Brussell għall-missjonijiet ta' taħriġ militari tal-UE, u t-tneħħija tal-ostakli għall-iskjerament tal-Gruppi tattiċi tal-UE; jemmen li l-ħolqien tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) għall-proġetti fil-qasam tad-difiża u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD) se jgħinu lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża u jonfqu l-baġits tagħhom iddedikati għad-difiża b'mod aktar effikaċi; jilqa' l-proposta tal-VP/RGħ għal Faċilità Ewropea għall-Paċi u l-qafas il-ġdid għal missjonijiet ċivili tal-PSDK, kif ukoll l-impenn lejn progress fil-mobilità militari sabiex isiru passi 'l quddiem fl-awtonomija strateġika Ewropea, fosthom permezz tal-Inizjattiva Ewropea ta' Intervent; iqis li l-iżvilupp ta' industrija tad-difiża b'saħħitha jsaħħaħ l-indipendenza teknoloġika tal-UE, fosthom permezz tal-promozzjoni ta’ suq uniku għall-prodotti taċ-ċibersigurtà, li għaliha jeħtieġ li jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-UE;

27.  Jemmen li l-kapaċità ta' dispaċċ tal-esperti ċivili u tal-forzi militari lejn kunflitti madwar id-dinja bil-għan li jiġu promossi l-paċi u l-istabbiltà hija prekundizzjoni essenzjali biex ikun hemm setgħa politika kredibbli li kapaċi toħloq struttura ta' prevenzjoni tal-kunflitti armati, issaħħaħ il-ftehimiet ta' paċi u tistabbilizza s-sitwazzjonijiet li jinħolqu wara kunflitt; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jiżviluppaw biżżejjed kapaċitajiet ċivili u militari, li jkopru l-ispettru sħiħ tal-kapaċitajiet fuq l-art, fl-ajru, fl-ispazju, fuq il-baħar u fid-dimensjoni ċibernetika, u biex jaħdmu lejn strument legalment vinkolanti dwar sistemi tal-armi kompletament awtonomi sabiex jiġu difiżi l-objettivi tat-Trattat; jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni li għaddejja bejn l-Unjoni Ewropea u n-NATO, kif enfasizzat fl-Istrateġija Globali tal-UE u d-dikjarazzjoni konġunta UE-NATO; jisħaq fuq il-punt li l-iżvilupp ulterjuri tal-unjoni tad-difiża għandu jikkomplementa l-objettivi tar-relazzjonijiet esterni tal-UE;

28.  Jisħaq fuq il-punt li l-iżvilupp ta' formati ġodda, bħall-Kunsill tas-Sigurtà tal-UE, kif rakkomandat mill-Kanċillier Merkel u l-President Macron, u modi ġodda ta' koordinament aktar mill-qrib fl-UE u mal-awtoritajiet internazzjonali, jista' potenzjalment jiffaċilita proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet aktar effikaċi għall-PESK; huwa tal-fehma li, flimkien mal-ħolqien ta' dawn l-istrutturi, għandhom jiġu żviluppati mekkaniżmi li jiżguraw l-iskrutinju demokratiku tagħhom;

29.  Isostni dibattitu fl-UE dwar formati ġodda, inkluża l-proposta li għamel il-President tal-Kummissjoni Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tat-12 ta' Settembru 2018 biex jiġi adottat il-vot b'maġġoranza kwalifikata (VMK) f'setturi speċifiċi tal-PESK meta t-Trattati attwalment jirrikjedu l-unanimità, b'mod partikolari fil-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, fis-sanzjonijiet u fil-missjonijiet ċivili; iħeġġeġ lill-Istati Membri jeżaminaw modi li bihom jistgħu jaġixxu b'mod aktar effikaċi fil-kuntest tal-PESK u tal-PSDK; jemmen li l-użu tal-VMK ikun jippermetti lill-UE taġixxi b'aktar riżolutezza, ħeffa u effikaċja; jistieden lill-Kunsill Ewropew jadotta din l-inizjattiva billi jirrikorri għall-klawsola "passerelle" (Artikolu 31(3) tat-TUE); iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jikkunsidra li jestendi l-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata f'oqsma oħra tal-PESK bħala parti minn dibattitu usa' dwar l-użu tal-votazzjoni b'maġġoranza għall-politiki tal-UE; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet kreattivi għal kooperazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit fil-qasam tal-PESK u l-PSDK, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji stipulati fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Istati Membri.

(1) ĠU C 210, 3.8.2010, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Ottubru 2019Avviż legali