Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2099(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0375/2018

Testi mressqa :

A8-0375/2018

Dibattiti :

PV 11/12/2018 - 16
CRE 11/12/2018 - 16

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2018 - 12.16

Testi adottati :

P8_TA(2018)0514

Testi adottati
PDF 193kWORD 64k
L-Erbgħa, 12 ta' Diċembru 2018 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni
P8_TA-PROV(2018)0514A8-0375/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (2018/2099(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjoni ta' teknoloġija u tagħmir militari(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015, tal-15 ta' Diċembru 2016, tat-22 ta' Ġunju 2017, u tat-28 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-12 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-25 ta' Novembru 2013, tat-18 ta' Novembru 2014, tat-18 ta' Mejju 2015, tas-27 ta' Ġunju 2016, tal-14 ta' Novembru 2016, tat-18 ta' Mejju 2017, tas-17 ta' Lulju 2017 u tal-25 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titlu "Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea", ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tat-8 ta' Lulju 2016 u tal-10 ta' Lulju 2018 tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO,

–  wara li kkunsidra s-sett komuni ta' 42 proposta approvati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana fis-6 ta' Diċembru 2016 u r-rapporti ta' progress tal-14 ta' Ġunju u l-5 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tagħhom, u s-sett il-ġdid ta' 32 proposta approvati miż-żewġ Kunsilli fil-5 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tad-Difiża Ewropea tas-7 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar "L-istrutturi militari tal-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti futuri"(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar Strateġija Spazjali għall-Ewropa(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (ibbażat fuq ir-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni)(6) u tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar l-implikazzjonijiet kostituzzjonali, legali u istituzzjonali ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni: possibilitajiet offruti mit-Trattat ta' Lisbona(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-abbozz ta' baġit 2018(9),

–  wara li kkunsidra l-Kunċett dwar it-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet ta' Medjazzjoni u Djalogu tal-UE adottat fl-10 ta' Novembru 2009,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titlu "Implementation Plan on Security and Defence" (Pjan ta' Implimentazzjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża) ippreżentat mill-VP/RGħ fl-14 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar ir-relazzjonijiet UE-NATO(10),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża (COM(2016)0950),

–  wara li kkunsidra l-pakkett tad-difiża l-ġdid ippreżentat mill-Kummissjoni fis-7 ta' Ġunju 2017 fl-istqarrija għall-istampa "A Europe that defends: Commission opens debate on moving towards a Security and Defence Union" (Ewropa li tiddefendi: Il-Kummissjoni tiftaħ dibattitu dwar il-mixja lejn Unjoni ta' Sigurtà u Difiża),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE – it-tieni sena,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(11) u tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(12),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Mobbiltà Militari ppubblikat fit-28 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Tisħiħ tas-Sħubija Strateġika NU-UE dwar l-Operazzjonijiet ta' Paċi u l-Ġestjoni ta' Kriżijiet: Prijoritajiet 2019-2021, adottati fit-18 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Premju Nobel għall-Paċi li ngħata lill-UE fl-2012 minħabba l-fatt li għal aktar minn sittin sena kkontribwiet għall-progress fil-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0375/2018),

A.  billi l-Istati Membri ddeċidew li jiddefinixxu progressivament politika ta' difiża komuni, li tista' twassal għal difiża komuni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42 tat-TUE, u b'hekk tissaħħaħ l-identità Ewropea u l-indipendenza tagħha sabiex jiġu promossi l-paċi, is-sigurtà u l-progress fl-Ewropa u fid-dinja;

L-ambjent strateġiku tal-Unjoni

1.  Jinnota li l-ordni dinji bbażat fuq ir-regoli qed ikun dejjem aktar ikkontestat, fil-viċinat tal-UE u lil hinn minnu, kemm fil-livell politiko-militari kif ukoll, aktar reċentement, fil-livell kummerċjali u ekonomiku; jinnota li dawn l-isfidi sistemiċi qed ikunu akkumpanjati mid-deterjorament kontinwu tal-ambjent internazzjonali strateġiku, li huwa kkonfrontat minn kunflitti u vjolenza interstatali u intrastatali, terroriżmu, falliment tal-Istat u attakki ċibernetiċi u ibridi fuq il-pilastri fundamentali tas-soċjetajiet tagħna, l-effetti tat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali; jirrikonoxxi li d-difiża tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, il-liġi internazzjonali u l-valuri difiżi mid-demokraziji liberali għandhom ikunu ta' prijorità assoluta u għandhom jiġu indirizzati mingħajr kompromess;

2.  Jisħaq li dawn l-isfidi huma kbar wisq biex jintlaħqu b'suċċess minn xi pajjiż wieħed; jenfasizza li huwa essenzjali għall-UE li twieġeb għal dawn l-isfidi, b'mod rapidu, konsistenti, effikaċi, b'vuċi waħda u flimkien mal-alleati, is-sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn; jinnota li l-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) hija waħda mill-għodod utli biex tindirizza bosta minn dawn l-isfidi, iżda li għandha tintuża b'mod aktar effiċjenti u b'koerenza ma' strumenti esterni u interni oħra sabiex tippermetti lill-UE tikkontribwixxi b'mod deċiżiv għall-ġestjoni ta' kriżijiet internazzjonali u teżerċita l-awtonomija strateġika tagħha; jirrimarka li l-istituzzjonijiet tal-PSDK jinsabu fis-seħħ, l-istess bħall-ħafna strumenti tagħha, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu minnhom mingħajr dewmien;

3.  Ifakkar li s-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE hija interkonnessa profondament; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu determinati r-riskji identifikati mill-Istati Membri kollha; jirrikonoxxi li n-natura kumplessa ta' dawn l-isfidi, b'theddidiet differenti li jaffettwaw lil Stati Membri differenti f'livelli differenti, tipprovdi lok għal ftehim dwar kif għandhom jiġu ttrattati dawn l-isfidi b'mod kollettiv, fi spirtu ta' solidarjetà;

4.  Jissottolinja li t-terroriżmu ġiħadista li diġà qed jaffettwa l-Lvant Nofsani, is-Saħel u l-Qarn tal-Afrika qed jinfirex lejn l-Afrika tal-Punent, l-Asja Ċentrali u x-Xlokk tal-Asja; jisħaq li din it-theddida dejjiema tirrikjedi strateġija sostnuta u kkoordinata tajjeb fil-livell tal-UE sabiex tipproteġi liċ-ċittadini u l-interessi tal-UE u biex tappoġġja lir-reġjuni milquta;

5.  Jinnota li l-attivitajiet u l-politiki reċenti mir-Russja naqqsu l-istabbiltà u biddlu l-ambjent tas-sigurtà, u jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri għandhom bżonn jersqu lejn approċċ aktar komuni u strateġiku fir-rigward tar-Russja;

6.  Jinnota bi tħassib li l-użu tal-aġent nervin Novichok f'Salisbury f'Marzu 2018 kien l-ewwel attakk ta' dan it-tip fuq art Ewropea mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn u sussegwentement wassal għall-mewt ta' ċittadin tal-UE; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jadotta miżuri restrittivi kontra dawk responsabbli għall-użu u l-proliferazzjoni ta' armi kimiċi;

7.  Jisħaq li l-okkupazzjoni tar-Russja fl-Ukrajna għadha għaddejja, il-ftehimiet ta' Minsk – li mingħajrhom ma jistax ikun hemm soluzzjoni għall-kunflitt – ma ġewx implimentati u l-annessjoni illegali u l-militarizzazzjoni tal-Krimea għadhom għaddejjin; jinsab ferm imħasseb li l-eżerċizzji u l-attivitajiet militari eċċessivi tar-Russja u t-tattiċi ibridi tagħha, inkluż iċ-ċiberterroriżmu, l-aħbarijiet foloz u l-kampanji ta' diżinformazzjoni, u r-rikatti ekonomiċi u tal-enerġija qegħdin jiddestabbilizzaw il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u l-Balkani tal-Punent, u qegħdin jintlaqtu wkoll id-demokraziji tal-Punent, u jiżdiedu t-tensjonijiet fi ħdanhom; jinsab imħasseb dwar il-fatt li fis-snin li ġejjin l-ambjent tas-sigurtà madwar l-UE se jibqa' volatili ħafna; itenni l-importanza strateġika tal-Balkani tal-Punent għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-UE, kif ukoll il-bżonn li l-impenn politiku tal-UE lejn ir-reġjun jiġi ffokat u msaħħaħ, inkluż bit-tisħiħ tal-mandat tal-missjonijiet tal-PSDK tal-UE; jinsab fermament konvint li sabiex tingħeleb il-vulnerabbiltà tal-UE, hemm bżonn ta' aktar integrazzjoni u koordinazzjoni;

8.  Jinnota li din il-ħtieġa għal kooperazzjoni kienet dejjem aktar rikonoxxuta fl-aħħar snin u jilqa' l-progress li sar f'din id-direzzjoni, bħat-twaqqif ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), minkejja li għad iridu jiġu evalwati kif jixraq ir-regoli konkreti; iqis li l-UE għandha ssaħħaħ ukoll id-djalogu u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fir-reġjun tagħha u ma' organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali;

9.  Jenfasizza, madankollu, li sal-lum il-ġurnata l-kooperazzjoni għadha fi stadju ta' żvilupp u għad hemm ħafna aktar xi jsir biex jiġi żgurat li l-UE u l-Istati Membri jibbenefikaw mill-kooperazzjoni profonda, sostnuta u fit-tul dwar id-difiża;

10.  Jenfasizza l-benefiċċji prattiċi u finanzjarji ta' aktar integrazzjoni tal-kapaċitajiet ta' difiża Ewropej; jissottolinja li permezz ta' ħidma komprensiva u affidabbli min-naħa tal-partijiet interessati kollha huwa possibbli li jiżdiedu l-kamp ta' applikazzjoni u l-effiċjenza tal-infiq fuq id-difiża mingħajr ma jiżdied l-infiq fuq id-difiża nnifisha;

11.  Jinnota li d-difiża tal-Istati Membri tal-UE tiddependi l-ewwel nett mir-rieda politika tagħhom u mill-kapaċità militari tagħhom li jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom f'ambjent strateġiku inċert; jissottolinja kemm hi importanti r-rabta transatlantika għas-sigurtà u d-difiża tad-demokraziji Ewropej u tal-Amerka ta' Fuq; jesprimi tħassib, madankollu, dwar l-istat attwali ta' din ir-relazzjoni u jistieden lill-forzi politiċi u soċjetali responsabbli kollha fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku biex ikomplu jsaħħu aktar milli jimminaw din ir-relazzjoni kruċjali; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi evitat li d-diffikultajiet reċenti fir-relazzjoni kummerċjali jkollhom effetti sekondarji fuq ir-relazzjoni transatlantika fir-rigward tas-sigurtà; jenfasizza li awtonomija strateġika definita tajjeb se trawwem is-sigurtà Ewropea kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-UE u n-NATO; itenni f'dan l-isfond li hemm ħtieġa akbar għal kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża fil-livell Ewropew u biex ir-riżorsi jkunu ffukati fuq prijoritajiet ewlenin;

12.  Jenfasizza li l-multilateraliżmu, li miegħu l-Ewropa hija tant marbuta, qiegħed jiġi kkontestat mill-attitudnijiet tal-Istati Uniti u ta' potenzi dinjija oħra; itenni l-importanza tal-multilateraliżmu fiż-żamma tal-paċi u l-istabbiltà, bħala mezz għall-promozzjoni tal-valuri tal-istat tad-dritt u l-indirizzar ta' kwistjonijiet globali;

PSDK – it-triq 'il quddiem

13.  Iqis li aktar investiment fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża huwa kwistjoni ta' urġenza għall-Istati Membri u l-UE u li s-solidarjetà u l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża għandhom isiru n-norma, kif deskritt fl-Istrateġija Globali tal-UE; jilqa' l-progress li sar s'issa fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet għas-sigurtà u d-difiża tal-Istrateġija Globali tal-UE; jemmen li dawn il-kisbiet iwittu t-triq għal bidliet strutturali importanti fil-ġejjieni;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jimmiraw lejn il-mira ta' 2 % tal-PDG għall-infiq fuq id-difiża, u biex jonfqu 20 % tal-baġits tad-difiża tagħhom fuq tagħmir identifikat bħala meħtieġ mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), inklużi r-riċerka u l-iżvilupp relatati;

15.  Jilqa' l-ħolqien ta' intestatura dedikata għad-difiża fil-proposta tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tal-Kummissjoni, u b'mod partikolari l-istabbiliment ta' linja baġitarja li minnha se jiġu ffinanzjati l-proġetti tal-Fond Ewropew għad-Difiża u l-Mobbiltà Militari; huwa tal-fehma li dawn id-deċiżjonijiet, wisq probabbli, se jitolbu l-ġestjoni ċentralizzata tad-difiża fil-livell tal-Kummissjoni; jissottolinja li l-finanzjament minn dik il-linja baġitarja għandu jintefaq esklużivament għal skopijiet ta' difiża mingħajr politiċizzazzjoni peress li s-sigurtà hija indiviżibbli u għandha tkun koerenti mal-ħtiġijiet ta' kapaċità u infrastruttura tal-Istati Membri u f'konformità mal-aspirazzjonijiet tal-UE għal awtonomija strateġika;

16.  Jinnota l-prominenza li qed tiżdied tal-mobbiltà militari fuq l-aġenda Ewropea tad-difiża; jissottolinja li l-mobbiltà militari hija għodda strateġika ċentrali fl-ambjent attwali ta' theddida, essenzjali għal obbligi multilaterali oħrajn kemm tal-PSDK kif ukoll tal-Istati Membri, inkluż tan-NATO; jissottolinja l-importanza li n-netwerks eżistenti jiġu adattati għall-ħtiġijiet ta' mobbiltà militari; jilqa', għaldaqstant, l-inklużjoni tal-mobbiltà militari mhux biss fil-proposta għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa l-ġdida iżda saħansitra fil-PESCO u r-rwol prominenti tagħha fil-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO; jenfasizza li dawn il-proġetti differenti jeħtieġu jkunu kkoordinati b'mod xieraq, inkluż mal-alleati, biex jiġi żgurat li jrendu r-riżultati mixtieqa; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li talloka EUR 6,5 biljun għal proġetti ta' mobbiltà militari permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fil-QFP li jmiss (2021-2027);

17.  Jinnota, madankollu, li biex dawn l-elementi differenti kollha jingħaqdu flimkien, se jkun essenzjali li jiġi żviluppat approċċ strateġiku ġenerali definit tajjeb għad-difiża Ewropea li jista' jiġi definit l-aħjar permezz ta' Ktieb Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża;

18.  Jappella għall-istabbiliment ta' linji gwida preċiżi li jipprovdu qafas definit tajjeb għall-attivazzjoni u l-implimentazzjoni futura tal-Artikolu 42(7) tat-TUE; jitlob li jiġi elaborat u adottat Ktieb Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża li se jiggarantixxi li l-proċessi attwali u futuri għall-bini tal-kapaċità jkunu bbażati fuq l-interessi tas-sigurtà tal-UE;

19.  Jilqa' wkoll il-proposta mill-VP/RGħ, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, għal Faċilità Ewropea għall-Paċi, li se tiffinanzja parti mill-ispejjeż tal-attivitajiet tad-difiża tal-UE bħall-missjonijiet għaż-żamma tal-paċi tal-Unjoni Afrikana, l-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet militari proprji tal-PSDK u l-bini tal-kapaċità militari għal sħab li huma esklużi mill-finanzjament baġitarju mill-Artikolu 41(2) tat-TUE; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li tiġi evitata d-duplikazzjoni ma' strumenti eżistenti oħra; jinnota b'mod partikolari l-inklużjoni ambizzjuża, u l-espansjoni, tal-mekkaniżmu Athena għall-finanzjament komuni tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, li hija talba antika tal-Parlament; jappella għal kontroll finanzjarju mtejjeb tal-missjonijiet futuri kollha u għal valutazzjonijiet tal-impatt f'waqthom;

Kapaċitajiet għas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni

20.  Jissottolinja li l-UE teħtieġ tapplika s-sett sħiħ ta' għodod ta' strumenti ta' politika disponibbli, mis-setgħa ta' persważjoni għas-setgħa ta' koerċizzjoni u minn miżuri għal żmien qasir għal politiki fit-tul; jafferma mill-ġdid l-importanza li jiġu żviluppati l-kapaċitajiet ċivili u militari meħtieġa, inkluż permezz tal-akkomunament u l-kondiviżjoni, biex jindirizzaw l-isfidi ta' sigurtà komprensivi fl-Ewropa u fil-periferija tagħha, kif deskritti fl-Istrateġija Globali tal-UE; ifakkar li l-Istrateġija Globali tal-UE tħeġġeġ kooperazzjoni profonda fid-difiża fi ħdan l-Unjoni;

21.  Iqis li l-Istati Membri tal-UE jeħtiġilhom jagħmlu ħilithom biex itejbu l-kapaċitajiet militari biex ikopru l-ispettru sħiħ tal-kapaċitajiet tal-art, tal-ajru, tal-ispazju u dawk marittimi u ċibernetiċi, li jinkludu faċilitaturi strateġiċi biex il-PSDK tal-UE ssir forza kredibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir investiment fl-Intelligence, fis-Sorveljanza u fir-Rikonjizzjoni, fil-komunikazzjoni bis-satellita, u fl-aċċess awtonomu għall-ispazju u fl-osservazzjoni permanenti tad-dinja biex jiġi vvalutat aħjar it-theddid intern u estern;

22.  Jafferma mill-ġdid ir-rwol tal-UE bħala fornitur tas-sigurtà marittima globali u jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati kapaċitajiet militari u ċivili rilevanti; jilqa' f'dan ir-rigward l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni rivedut tal-Istrateġija ta' Sigurtà Marittima tal-UE f'Ġunju 2018;

23.  Iqis li huwa essenzjali li l-UE u n-NATO jintensifikaw il-kondiviżjoni tal-intelligence sabiex jippermettu l-attribuzzjoni formali tal-attakki ċibernetiċi u konsegwentement jippermettu li jiġu imposti sanzjonijiet restrittivi fuq dawk responsabbli għall-attakki ċibernetiċi;

24.  Jirrikonoxxi d-dimensjoni strateġika tas-settur spazjali għall-Ewropa u l-ħtieġa li jittejbu s-sinerġiji bejn l-aspetti ċivili u ta' sigurtà/difiża tiegħu; jissottolinja l-ħtieġa li jsir użu mill-kapaċitajiet spazjali, filwaqt li jitqiesu wkoll kemm l-ambjent ġeopolitiku usa' u l-PSDK, filwaqt li jisħaq li l-programmi spazjali tal-UE huma ta' natura ċivili;

25.  Jilqa' l-passi tal-UE biex tikkonsolida r-reżiljenza ċibernetika tagħha billi tistabbilixxi qafas komuni taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, billi ssaħħaħ l-aġenzija taċ-ċibersigurtà tal-UE u billi timplimenta malajr id-Direttiva (UE) 2016/1148 dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni(13) (id-Direttiva NIS);

26.  Iqis li l-interferenza fl-elezzjonijiet ta' pajjiżi oħra permezz ta' operazzjonijiet ċibernetiċi tfixkel jew tikser id-dritt tal-poplu li jieħu sehem fil-gvern ta' pajjiżhom, direttament jew permezz ta' rappreżentanti magħżula b'mod ħieles, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u li din l-interferenza minn stati oħra tikkostitwixxi ksur tad-dritt internazzjonali, anke meta ma jkun hemm l-ebda użu ta' forza militari, theddida għall-integrità territorjali jew theddida għall-indipendenza politika;

27.  Iqis li l-kapaċitajiet għas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni jistgħu jittejbu billi jsir użu aħjar mill-oqfsa eżistenti tal-kooperazzjoni militari u ta' difiża bħalma huma l-kwartieri ġenerali tal-korpi multinazzjonali Ewropej ta' intervent rapidu u l-gruppi tattiċi tal-UE, li jsaħħu u mhux jidduplikaw inizjattivi simili fi ħdan in-NATO; jemmen li dan se jikkontribwixxi għat-trasformazzjoni kontinwa tal-forzi armati nazzjonali u biex jintlaħaq l-għan li jkun aktar interoperabbli, aktar sostenibbli, aktar flessibbli u aktar utilizzabbli;

28.  Jilqa' l-istabbiliment tal-Programm Ewropew għall-Iżvilupp Industrijali fil-Qasam tad-Difiża (EDIDP) bil-għan li jappoġġja l-kompetittività u l-kapaċità innovattiva tal-industrija tad-difiża tal-UE b'EUR 500 miljun sal-2020; jappella biex jiġi implimentat malajr;

29.  Jemmen li l-EDIDP se jgħin irawwem il-kapaċità tal-kompetittività, l-effiċjenza u l-innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-UE li se jinvolvi, fost l-oħrajn, id-disinn, il-ħolqien ta' prototipi, l-ittestjar, il-kwalifika u ċ-ċertifikazzjoni ta' prodotti tad-difiża kif ukoll l-iżvilupp ta' teknoloġiji f'konsorzju li jinkludi intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja (mid-caps), ċentri ta' riċerka u universitajiet, u kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri, li kollha se jikkontribwixxu għall-awtonomija strateġika tal-UE u se jsaħħu l-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB); jirrimarka li kemm id-dimensjoni interna kif ukoll id-dimensjoni esterna tal-PSDK tal-Unjoni jistgħu jibbenefikaw mill-iżvilupp ta' suq uniku tad-difiża;

30.  Jilqa' l-proposta għal regolament li jistabbilixxi Fond Ewropew għad-Difiża u l-finanzjament sostanzjali propost mill-Kummissjoni Ewropea għall-QFP li jmiss; jitlob li jitqiesu l-lezzjonijiet inizjali misluta mill-implimentazzjoni tal-EDIDP, il-Proġett Pilota u l-Azzjoni Preparatorja għar-Riċerka dwar id-Difiża; jenfasizza li r-riżultati tal-EDIDP għandhom jiġu kkunsidrati kif xieraq u jesprimi t-tama li l-proposta tista' tiġi miftiehma kemm jista' jkun malajr bil-għan li tittejjeb l-industrija tad-difiża tal-Ewropa u l-kapaċità tagħha li tikkoopera mas-sħab tagħha;

31.  Jisħaq li l-objettivi ta' sigurtà u difiża strateġiċi tal-UE jistgħu jinkisbu biss permezz tal-eqreb koordinazzjoni tal-ħtiġijiet u tar-rekwiżiti għall-bini ta' kapaċità fuq medda twila ta' żmien kemm tal-forzi armati kif ukoll tal-industriji tad-difiża tal-Istati Membri; jinnota li kemm il-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) kif ukoll ir-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD) jistgħu jagħtu kontributi importanti għall-kisba ta' dan l-għan;

32.  Jenfasizza għal darb'oħra li l-EDA għandha tkun l-aġenzija ta' implimentazzjoni għall-azzjonijiet tal-Unjoni skont il-politika Ewropea dwar il-Kapaċitajiet u l-Armamenti, fejn previst mit-Trattat ta' Lisbona; jisħaq li n-nefqa amministrattiva u operazzjonali tal-EDA għandha tiġi ffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni; jilqa' l-aġġustamenti minuri li saru fil-baġit tal-EDA, iżda jenfasizza li ż-żieda fir-responsabbiltajiet tal-EDA fil-kuntest ta', fost affarijiet oħra, il-PESCO, il-CARD u l-Fond Ewropew għad-Difiża tirrikjedi finanzjament adegwat;

33.  Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi ffaċilitata l-organizzazzjoni ta' aktar taħriġ u eżerċizzji konġunti bejn il-forzi armati Ewropej, li jippromwovu l-interoperabbiltà, l-istandardizzazzjoni u t-tħejjija biex jiffaċċjaw firxa wiesgħa ta' theddidiet, kemm dawk konvenzjonali kif ukoll dawk mhux konvenzjonali;

34.  Jilqa' l-miżuri reċenti biex isaħħu l-PSDK ċivili bħala parti essenzjali mill-approċċ konġunt tal-UE, b'mod partikolari l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u r-rispons tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK u l-enfasi fuq it-tisħiħ tal-effikaċja fl-indirizzar tal-isfidi matul ir-rabta bejn id-dimensjoni interna u dik esterna; jisħaq li, fil-QFP li jmiss, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom iżidu l-investimenti fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitt ċivili, li jikkontribwixxi għaż-żieda fir-rwol tal-UE bħala attur internazzjonali; jitlob li jiġu aġġustati l-istrutturi u l-proċeduri tal-PSDK sabiex missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari jiġu skjerati u diretti b'mod aktar mgħaġġel, aktar effikaċi u integrat;

35.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex dejjem jagħtu prijorità lill-medjazzjoni bħala l-ewwel għodda ta' rispons għal kriżijiet emerġenti u jappoġġjaw l-isforzi ta' medjazzjoni ta' sħab oħra; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tippromwovi b'mod attiv in-negozjati paċifiċi u l-prevenzjoni tal-kunflitti fost is-sħab internazzjonali tagħha;

Kooperazzjoni Strutturata Permanenti

36.  Jilqa' l-implimentazzjoni ta' PESCO inklużiva bħala pass fundamentali lejn kooperazzjoni aktar mill-qrib fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża fost l-Istati Membri; jirrikonoxxi l-karattru tal-PESCO bħala proġett fit-tul legalment vinkolanti, inkluż sett ta' impenji ambizzjużi ħafna kif ukoll firxa ta' proġetti kooperattivi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm allinjament sħiħ bejn l-attivitajiet tal-PESCO, attivitajiet oħra tal-PSDK, b'mod partikolari l-objettivi tal-PSDK kif definiti mit-TUE, u l-attivitajiet man-NATO; iqis li l-PESCO għandha tkun xprun tal-kapaċitajiet tal-bini għaż-żewġ organizzazzjonijiet;

37.  Jistieden lill-Istati Membri parteċipanti jippreżentaw proġetti b'dimensjoni Ewropea strateġika, li jwieġbu għal nuqqasijiet ta' kapaċità identifikati mill-UE u li jsaħħu l-EDTIB; jistieden lill-Istati Membri li jipparteċipaw fil-PESCO juru aktar ambizzjoni u jqisu bis-sħiħ il-livell tal-valur miżjud Ewropew meta jippreżentaw proposti għal aktar proġetti tal-PESCO;

38.  Jenfasizza l-konnessjoni mill-qrib tal-PESCO mal-CARD u l-Fond Ewropew għad-Difiża sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' difiża tal-Istati Membri;

39.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jiġi stabbilit sett komuni ta' regoli ta' governanza għall-proġetti PESCO, filwaqt li jiċċara bosta mill-mistoqsijiet miftuħa li għadhom jippersistu dwar id-dettalji tal-implimentazzjoni tal-PESCO; jinnota, madankollu, li approprjazzjonijiet baġitarji addizzjonali possibbli se jkunu meħtieġa biex ikopru n-nefqa amministrattiva tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-EDA biex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom bħala s-segretarjat tal-PESCO;

Missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK

40.  Jinnota l-kontribut tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK għall-paċi u l-istabbiltà internazzjonali iżda jiddispjaċih li l-effiċjenza ta' dawn il-missjonijiet xorta tista' tiġi pperikolata minn dgħufijiet strutturali, kontribuzzjonijiet mhux uniformi mill-Istati Membri u l-inadegwatezza tal-ambjent operattiv; jinnota li l-iżvilupp tal-PSDK jirrikjedi, fuq kollox, rieda politika mill-Istati Membri, ibbażata fuq interessi u prijoritajiet komuni, kif ukoll it-twaqqif ta' strutturi ta' kooperazzjoni istituzzjonali; jemmen li l-missjoni tal-PSDK tal-UE li l-aktar ilha teżisti, l-EUFOR BiH / Operazzjoni Althea, għadha tiżvolġi rwol ta' deterrenza bħala sinjal viżibbli ta' impenn tal-UE lejn il-pajjiż u r-reġjun tal-madwar tal-Balkani tal-Punent; iqis li huwa għalhekk essenzjali li jkompli l-mandat eżekuttiv tiegħu u jsostni s-saħħa attwali tiegħu (b'persunal ta' 600) minħabba li l-ambjent attwali, sigur u mingħajr periklu għad għandu l-potenzjal li jiġi destabilizzat minħabba ż-żieda fit-tensjonijiet u l-politika etnonazzjonalista ċċentrata;

41.  Jafferma mill-ġdid l-importanza strateġika tas-sħubija bejn l-UE u l-Afrika, ibbażata fuq ir-rabtiet storiċi, kulturali u ġeografiċi tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni, inkluż fil-qasam tas-sigurtà; jissottolinja b'mod partikolari l-importanza tal-proċess ta' reġjonalizzazzjoni tal-azzjoni tal-PSDK fis-Saħel, li jikkombina l-attivitajiet ċivili u militari tal-UE sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet għall-kooperazzjoni tal-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel;

42.  Jinnota li s-sitwazzjoni ġeopolitika fil-Qarn tal-Afrika hija dejjem aktar immarkata mill-kompetizzjoni fid-dawl tal-importanza tagħha għall-kummerċ globali u l-istabbiltà reġjonali; jilqa', għaldaqstant, il-preżenza kontinwa tal-Operazzjoni Atalanta, EUCAP Somalia u EUTM Somalia bħala kontributuri għall-istabbilizzazzjoni tar-reġjun; jenfasizza, madankollu, li l-PSDK tista' tkun biss parti minn kwalunkwe soluzzjoni għall-isfidi varji li r-reġjun qed jiffaċċja u jinnota l-importanza kontinwa ta' approċċ komprensiv;

43.  Jilqa' wkoll l-attivitajiet tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE fir-reġjun tas-Saħel, – EUCAP Sahel Mali, EUCAP Sahel Niger u EUTM Mali – u l-kontribuzzjonijiet li qed jagħmlu għall-istabbiltà reġjonali, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-traffikar tal-bnedmin, u s-sigurtà tal-popolazzjoni lokali;

44.  Jinnota r-riżultati tar-rapport reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar EUCAP Sahel Niger u EUCAP Sahel Mali, li indikaw problemi fit-taħriġ tal-persunal, il-postijiet tax-xogħol battala, is-sostenibbiltà u l-indikaturi tal-prestazzjoni, problemi li x'aktarx jaffettwaw ukoll missjonijiet ċivili oħra; jilqa' r-rispons f'waqtu tas-SEAE, li indirizza l-kwistjonijiet imqajma sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tal-PSDK ċivili; jilqa' l-involviment tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fl-awditjar tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u jħeġġeġ il-produzzjoni ta' aktar rapporti speċjali dwar missjonijiet u operazzjonijiet oħra;

45.  Jisħaq fuq il-kontribut kontinwu tal-operazzjoni Sophia tal-EUNAVFOR MED għall-isforzi aktar ġenerali tal-UE biex tfixkel il-mudell tan-negozju tat-traffikar tal-bnedmin u t-traffikar fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali u tipprevjeni aktar telf ta' ħajja fuq il-baħar;

46.  Jilqa' l-istabbiliment u l-kapaċità operazzjonali sħiħa tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) għal missjonijiet u operazzjonijiet mhux eżekuttivi tal-UE (missjonijiet ta' taħriġ); jissottolinja l-ħtieġa li l-MPCC dalwaqt tingħata l-mandat li tippjana u twettaq l-operazzjonijiet militari kollha tal-PSDK fil-futur, u l-ħtieġa li jitneħħew xi ostakli għall-iskjerament tal-Gruppi Tattiċi tal-UE; jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-MPCC u l-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija, anke fil-kuntest taċ-Ċellula Konġunta ta' Koordinazzjoni fil-qasam tal-Appoġġ, sabiex tiġi mmassimizzata l-koordinazzjoni ta' sinerġiji ċivili u militari u l-kondiviżjoni tal-għarfien espert bħala parti minn approċċ aktar integrat u komprensiv għall-kriżijiet u l-kunflitti; jitlob li tissaħħaħ l-MPCC, bil-għan li jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' kmand u kontroll tagħha għall-operazzjonijiet eżekuttivi u jiżdiedu s-sinerġiji mal-missjonijiet ċivili;

47.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi applikata perspettiva tal-ġeneru fl-azzjoni tal-PSDK tal-UE, filwaqt li jitqies ir-rwol li n-nisa għandhom fil-gwerer, fl-istabbilizzazzjoni ta' wara kunflitt u fil-proċessi tal-bini tal-paċi; jenfasizza l-ħtieġa li l-vjolenza sessista tiġi indirizzata bħala strument ta' gwerra f'reġjuni ta' kunflitt; jissottolinja li n-nisa huma affettwati b'mod aktar negattiv mill-gwerer mill-irġiel; jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali tagħha jinvolvu lin-nisa b'mod attiv fil-proċessi ta' paċi u stabbilizzazzjoni, u jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tas-sigurtà tagħhom;

48.  Jappella li tiġi implimentata malajr l-inizjattiva magħrufa bħala Tisħiħ tal-Kapaċitajiet għas-Sigurtà u l-Iżvilupp (CBSD) biex jitjiebu l-effikaċja u s-sostenibbiltà tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u sabiex l-UE tkun tista' ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' sigurtà u difiża tal-pajjiżi sħab tagħha;

49.  Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kunsill isaħħu l-isforzi kontinwi tagħhom biex itejbu ċ-ċibersigurtà, b'mod partikolari għal missjonijiet tal-PSDK, fost l-oħrajn billi jieħdu miżuri fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri biex jittaffa t-theddid għall-PSDK, pereżempju bit-tisħiħ tar-reżiljenza permezz ta' edukazzjoni, taħriġ u eżerċizzji u bl-allinjament tax-xenarju edukattiv u ta' taħriġ taċ-ċiberdifiża tal-UE;

50.  Jemmen li l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jiffaċċjaw theddid mingħajr preċedent fil-forma ta' attakki sponsorizzati mill-Istat u ċibernetiċi, kif ukoll iċ-ċiberkriminalità u t-terroriżmu; jemmen li n-natura tal-attakki ċibernetiċi tagħmilhom theddida li tirrikjedi rispons fil-livell tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu assistenza reċiproka f'każ ta' attakk ċibernetiku kontra kwalunkwe wieħed minnhom;

Ir-Relazzjoni bejn l-UE u n-NATO

51.  Jissottolinja li s-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO hija fundamentali biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sigurtà li jiffaċċjaw l-UE u l-viċinat tagħha; filwaqt li jżomm f'moħħu li 22 mit-28 Stat Membru tal-UE huma wkoll membri tan-NATO, jissottolinja li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għandha tkun komplementari u tirrispetta l-ispeċifiċitajiet u r-rwoli ta' xulxin; jisħaq li ż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom karatteristiċi distinti b'mod ċar u li għandhom jikkooperaw b'rispett sħiħ lejn l-awtonomija u l-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet ta' xulxin, abbażi tal-prinċipji ta' reċiproċità, mingħajr preġudizzju għall-karatteristiċi speċifiċi tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' kwalunkwe Stat Membru; jinsab konvint li UE u NATO aktar b'saħħithom isaħħu lil xulxin, u b'hekk joħolqu aktar sinerġiji u effikaċja għas-sigurtà u d-difiża tas-sħab kollha; jisħaq li s-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO hija fundamentali wkoll għall-PSDK tal-UE li qed tevolvi u għall-ġejjieni tal-Alleanza, kif ukoll għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-Brexit;

52.  Jilqa' l-pilastri ewlenin tad-dikjarazzjoni l-ġdida bejn l-UE u n-NATO adottata waqt is-Summit tan-NATO fi Brussell fit-12 ta' Lulju 2018 u jenfasizza li l-implimentazzjoni b'suċċess tad-Dikjarazzjoni Konġunta tiddependi mir-rieda politika tal-Istati Membri kollha matul il-proċess kollu; filwaqt li jirrikonoxxi r-riżultati tanġibbli fl-implimentazzjoni tal-74 azzjoni komuni, jemmen li huma meħtieġa aktar sforzi fir-rigward tal-implimentazzjoni prattika tal-bosta impenji li diġà saru, speċjalment fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu, iċ-ċibersigurtà u l-eżerċizzji konġunti; jinnota b'mod partikolari l-involviment tal-EDA fl-implimentazzjoni tat-30 azzjoni;

53.  Jisħaq li l-isforzi fir-rigward tal-mobbiltà militari għandhom ikunu prijorità u kontribut għall-implimentazzjoni effikaċi tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u għall-pożizzjoni ta' difiża tal-Alleanza; għaldaqstant iħeġġeġ liż-żewġ organizzazzjonijiet ikomplu jaħdmu flimkien fuq il-mobbiltà militari bl-eqreb mod possibbli, inkluż billi jiżviluppaw rekwiżiti komuni biex jiffaċilitaw il-moviment rapidu ta' forzi u tagħmir madwar l-Ewropa, filwaqt li jżommu f'moħħhom l-isfidi multidirezzjonali li joriġinaw l-aktar min-Nofsinhar u mil-Lvant; jistieden lill-Kummissjoni ssostni dawn l-isforzi bl-investimenti meħtieġa u, fejn xieraq, bil-leġiżlazzjoni; jisħaq li hemm bżonn li jitħaffew il-proċeduri amministrattivi għall-moviment transfruntier ta' forzi ta' reazzjoni rapida ġewwa l-UE;

54.  Jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-komplementarjetà bejn l-UE u n-NATO u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-inizjattivi multinazzjonali fl-iżvilupp tal-kapaċità kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO jkunu komplementari u jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku;

55.  Jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni u integrazzjoni fiċ-ċibersigurtà, mhux biss bejn l-Istati Membri, is-sħab ewlenin u n-NATO, iżda anke bejn l-atturi differenti fis-soċjetà;

Sħubiji tal-PSDK

56.  Jisħaq li s-sħubijiet u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi u organizzazzjonijiet li għandhom l-istess valuri tal-UE jikkontribwixxu għal PSDK aktar effikaċi; jilqa' l-kontribuzzjonijiet li għamlu s-sħab tal-PSDK għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet li għaddejjin tal-UE li jikkontribwixxu biex jissaħħu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali;

57.  Iqis li huwa essenzjali li tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni ma' sħab istituzzjonali, inklużi n-NU, in-NATO, l-Unjoni Afrikana u l-OSKE, kif ukoll ma' sħab bilaterali strateġiċi, bħall-Istati Uniti; jirrakkomanda li jsir progress fis-sħubijiet tal-PSDK fl-oqsma tat-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sħab u r-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (RSS);

58.  Jisħaq fuq l-importanza tas-sħubija bejn l-UE u n-NU fir-riżoluzzjoni ta' kunflitti internazzjonali u attivitajiet ta' bini tal-paċi; jistieden kemm lill-UE kif ukoll lin-NU jsaħħu l-mekkaniżmu konsultattiv konġunt tal-Kumitat ta' Tmexxija UE/NU dwar l-Immaniġġjar ta' Kriżijiet u jużaw il-potenzjal sħiħ tas-sħubija tagħhom billi jiġbru flimkien il-leġittimità politika u l-kapaċitajiet operattivi tagħhom;

59.  Jemmen bil-qawwa li, wara l-Brexit, l-UE għandha żżomm l-eqreb sħubija possibbli fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża mar-Renju Unit;

Dimensjoni parlamentari

60.  Jissottolinja l-akbar importanza tas-sorveljanza parlamentari ta' kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża fil-livell nazzjonali u Ewropew bħala element kostituttiv għal kwalunkwe progress ulterjuri f'dan il-qasam ta' politika, u f'dan il-kuntest iħeġġeġ lill-atturi parlamentari jikkooperaw aktar mill-qrib, possibilment ifittxu forom ġodda jew imtejba ta' kooperazzjoni, sabiex tiġi żgurata sorveljanza parlamentari mingħajr xkiel fil-livelli kollha; ifakkar fl-importanza li s-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini jiġu involuti fid-dibattiti futuri dwar is-sigurtà Ewropea;

61.  Jinnota, huwa u jilqa' l-progress ġenerali li sar fir-rigward tal-PSDK wara l-preżentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE, li l-istrutturi parlamentari fil-livell tal-UE, li ġew stabbiliti fi żmien meta l-livell ta' ambizzjoni u l-livell ta' attività tal-UE fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża kienu pjuttost limitati, ma għadhomx adegwati biex jipprovdu s-sorveljanza parlamentari meħtieġa fuq qasam ta' politika li qed jevolvi b'mod rapidu u li jitlob kapaċità għal rispons rapidu; itenni għaldaqstant l-appell preċedenti tiegħu biex is-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża jsir kumitat veru u proprju u jingħata l-kompetenzi meħtieġa sabiex jikkontribwixxi għal sorveljanza parlamentari komprensiva tal-PSDK, inklużi l-PESCO, l-EDA u kwalunkwe azzjoni oħra tal-PSDK kif previst mit-Trattati; jemmen li l-aġġornament minn sottokumitat għal kumitat għandu jkun konsegwenza tal-fatt li l-ġestjoni ad hoc tad-difiża u s-sigurtà fil-livell tal-Kummissjoni tiġi sostitwita b'mudell aktar speċjalizzat li jqis il-kumplessità dejjem akbar tal-isforz li għandu jiġi ġestit;

62.  Jinnota li, dan l-aħħar, diversi Stati Membri talbu li jinħoloq Kunsill tas-Sigurtà tal-UE, u jemmen li dan il-kunċett jeħtieġ jiġi definit f'aktar dettall qabel ma tkun tista' ssir valutazzjoni tal-valur miżjud li jista' jkollu;

63.  Itenni l-appell tiegħu biex jinħoloq format ta' laqgħat għall-ministri tad-difiża fil-Kunsill preseduti mill-VP/RGħ; jirrikonoxxi li aktar integrazzjoni Ewropea għandha tfisser ukoll aktar skrutinju demokratiku permezz tal-kontroll parlamentari; jissottolinja l-ħtieġa, għaldaqstant, li jissaħħaħ ir-rwol tal-Parlament Ewropew f'dan il-qasam, jiġifieri permezz ta' kumitat sħiħ responsabbli mis-sigurtà u d-difiża, ikkomplementat minn laqgħat interparlamentari konġunti bejn rappreżentanti mill-parlamenti nazzjonali u Membri tal-Parlament Ewropew;

64.  Jisħaq li kwalunkwe konvenzjoni jew konferenza intergovernattiva futura inkarigata mit-tħejjija ta' xi bidla fit-Trattati tal-UE għandha tikkunsidra l-possibbiltà li titwaqqaf forza Ewropea li jkollha l-kapaċitajiet difensivi effikaċi biex tintervjeni fiż-żamma tal-paċi, fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fit-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u f'konformità mal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 43(1) tat-TUE;

o
o   o

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-aġenziji tal-UE fl-oqsma tal-ispazju, tas-sigurtà u tad-difiża, lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.
(2) Testi adottati, P8_TA-PROV(2018)0513.
(3) ĠU C 93, 9.3.2016, p. 144.
(4) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 11.
(5) ĠU C 224, 27.6.2018, p. 18.
(6) ĠU C 224, 27.6.2018, p. 50.
(7) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 36.
(8) ĠU C 263, 25.7.2018, p. 125.
(9) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 253.
(10) Testi adottati, P8_TA(2018)0257.
(11) ĠU C 238, 6.7.2018, p. 89.
(12) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 47.
(13) ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Diċembru 2018Avviż legali