Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2098(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0373/2018

Testi mressqa :

A8-0373/2018

Dibattiti :

PV 11/12/2018 - 17
CRE 11/12/2018 - 17

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2018 - 12.17
CRE 12/12/2018 - 12.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0515

Testi adottati
PDF 220kWORD 76k
L-Erbgħa, 12 ta' Diċembru 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja 2017 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni
P8_TA(2018)0515A8-0373/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar ir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja 2017 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni (2018/2098(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u trattati u strumenti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), adottati fi New York fis-16 ta' Diċembru 1966 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 8, 21 u 23 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019, adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015, u l-Evalwazzjoni ta' Nofs it-Terminu tiegħu ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs) u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, adottati fl-1976 u riveduti fl-2011,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika tal-11 ta' Mejju 2011 (Konvenzjoni ta' Istanbul), li l-UE ffirmat fit-13 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u dwar il-Bejgħ tat-Tfal, il-Prostituzzjoni tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal, li daħal fis-seħħ fit-18 ta' Jannar 2002,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà bit-titolu "Gender Equality and Women's Empowerment: Transforming the Lives of Girls and Women through EU External Relations 2016-2020" (L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: it-Trasformazzjoni tal-Ħajjiet ta' Bniet u Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020), adottat fl-2015 (SWD(2015)0182),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità (CRPD),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1325 (2000), 1820 (2008), 1888 (2009), 1889 (2009), 1960 (2010), 2106 (2013), 2122 (2013) u 2242 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2250 (2015) u 2419 (2018) dwar iż-żgħażagħ, il-paċi u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1820 (2008) dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li tindirizza l-vjolenza sesswali f'termini ta' delitt tal-gwerra,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppreżentata mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini fit-28 ta' Ġunju 2016, kif ukoll l-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha bit-titolu "Minn Viżjoni Kondiviża għal Azzjoni Komuni: L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali", ippubblikat fl-2017,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Popli Indiġeni, adottati fil-15 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK tal-21 ta' Marzu 2011 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2003/444/PESK(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u d-dokument ta' eżitu tal-25 ta' Settembru 2014 tal-laqgħa plenarja ta' livell għoli tal-Assemblea Ġenerali magħrufa bħala l-Konferenza Dinjija dwar il-Popli Indiġeni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Refuġjati u l-Migranti, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 69/167 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, tat-18 ta' Diċembru 2014, li ttenni l-ħtieġa għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali tal-migranti kollha, ikun xi jkun l-istatus tal-migranti, u tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom tal-1990;

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 67/139 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-20 ta' Diċembru 2012, li stabbiliet il-Grupp ta' Ħidma Miftuħ dwar it-Tixjiħ b'mandat biex jikkunsidra proposti għal strument legali internazzjonali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet u d-dinjità ta' persuni anzjani;

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Espert Indipendenti dwar it-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha minn Persuni Anzjani fit-33 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-8 ta' Lulju 2016,(2)

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU dwar it-Tixjiħ fit-tmien sessjoni ta' ħidma tiegħu tat-28 ta' Lulju 2017,(3)

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Lisbona tal-2017 bit-titolu "Soċjetà Sostenibbli għall-etajiet kollha: It-twettiq tal-potenzjal ta’ ħajja itwal", adottata fir-raba' Konferenza Ministerjali dwar it-Tixjiħ tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) fit-22 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni tat-13 ta' Mejju 2015 (COM(2015)0240) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar it-twaqqif ta' Qafas ta' Sħubija ġdid ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM(2016)0385),

–  wara li kkunsidra s-sett ta' linji gwida tematiċi tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline, adottati mill-Kunsill fl-2014,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni ta' Konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali (IHL), adottati fl-2005 u riveduti fl-2009(4),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, adottati fl-2007 u riveduti fl-2017, kif ukoll is-"Sett ta' Għodod tal-UE u l-UNICEF għad-Drittijiet tat-Tfal: L-Integrazzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp";

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill fl-2013,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Yogyakarta ("Il-Prinċipji u l-Obbligi tal-Istat dwar l-Applikazzjoni tad-Dritt Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem b'rabta mal-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess"), adottati f'Novembru 2006, u l-10 prinċipji komplementari tagħhom ("plus 10") adottati fl-10 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, adottati mill-Kunsill fl-2013,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu "Il-Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp: "Id-Dinja Tagħna, id-Dinjità Tagħna, il-Futur Tagħna"", adottata mill-Kunsill, mill-Parlament u mill-Kummissjoni fis-7 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, adottati mill-Kunsill fl-2013,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-politika tal-UE lejn pajjiżi terzi dwar it-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, adottati fl-2001 u riveduti fl-2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2018 bit-titolu "Lejn strateġija esterna tal-UE kontra ż-żwiġijiet prekoċi u furzati - il-passi li jmiss"(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Diċembru 2017 dwar is-segwitu tal-Istrateġija tal-UE dwar it-Traffikar tal-Bnedmin (COM(2017)0728),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti(6),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt u r-Responsabbiltà ta’ Individwi, Gruppi u Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jħarsu d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali Universalment Rikonoxxuti (Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem) ta' Diċembru 1998,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli(7),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 169 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Popli Indiġeni u Tribali, adottata fis-27 ta' Ġunju 1989,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar "L-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK"(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta(9), u r-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar il-Kwistjonijiet tal-Minoranzi tat-28 ta' Jannar 2016 dwar il-minoranzi u d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta, u l-Istrument ta' Gwida tan-NU dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq id-dixxendenza,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2016 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(10), u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar rapporti annwali preċedenti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fl-2017,

–  wara li kkunsidra l-Premju Sakharov tiegħu għal-Libertà tal-Ħsieb, li fl-2017 ingħata lill-Oppożizzjoni Demokratika fil-Venezwela: l-Assemblea Nazzjonali (Julio Borges) u l-priġunieri politiċi kollha kif elenkati mill-Foro Penal Venezolano, irrappreżentati minn Leopoldo López, Antonio Ledezma, Daniel Ceballos, Yon Goicoechea, Lorent Saleh, Alfredo Ramos u Andrea González,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u tħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(11),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI(12), wara li kkunsidra l-ħidma tal-Kumitat Speċjali dwar it-Terroriżmu (TERR), li l-Parlament Ewropew iddeċieda li jistabbilixxi fis-6 ta' Lulju 2017, u li nħatar fl-14 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0373/2018),

A.  billi r-rispett, il-promozzjoni, l-indiviżibbiltà u s-salvagwardja tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-promozzjoni tal-prinċipji u valuri demokratiċi inkluż l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u l-prinċipji tal-ugwaljanza u tas-solidarjetà, huma l-pedamenti tal-acquis etiku u legali tal-UE u tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) tagħha, kif ukoll tal-azzjoni esterna kollha tagħha; billi l-UE għandha tkompli tistinka biex tkun l-attur globali ewlieni fil-promozzjoni u l-protezzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fil-livell ta' kooperazzjoni multilaterali, b'mod partikolari permezz ta' rwol attiv u kostruttiv f'diversi korpi tan-NU u f'konformità mal-Karta tan-NU, mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mad-dritt internazzjonali, kif ukoll mal-obbligi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u mal-impenji li ttieħdu fl-ambitu tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli;

B.  billi s-soċjetà ċivili tiżvolġi rwol importanti fil-bini u t-tisħiħ tad-demokrazija, fl-iskrutinju tas-setgħa tal-istat u fil-promozzjoni tal-governanza tajba, it-trasparenza u r-responsabbiltà; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiżvolgu rwol kruċjali bħala forza vitali fis-soċjetà; billi hemm rabta bejn soċjetà ċivili dgħajfa, spazju politiku u ċiviku ristrett, livell ogħla ta' korruzzjoni, inugwaljanzi soċjali u bejn is-sessi, livelli baxxi ta' żvilupp tal-bniedem, soċjali u ekonomiċi, kif ukoll kunflitti soċjali; billi jridu jsiru disponibbli riżorsi adegwati u jintużaw bl-aktar mod effiċjenti sabiex tissaħħaħ il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fil-pajjiżi terzi, u s-soċjetà ċivili ma għandhiex tiġi mxekkla minn liġijiet restrittivi, limiti fuq il-finanzjament, proċeduri ta' liċenzjar restrittivi jew taxxi projbittivi;

C.  billi bosta pajjiżi fid-dinja qegħdin jaffaċċjaw impunità u inġustizzja, u joffru livell mhux adegwat ta' trattament effettiv, ta' servizzi ta' appoġġ għall-vittmi u assistenza finanzjarja għall-vittmi tat-terroriżmu, b'mod partikolari f'dawk il-pajjiżi li parti kbira mill-popolazzjoni tagħhom ħabbtet wiċċha mat-terroriżmu;

D.  billi fl-2017, għadd kbir ħafna ta' atturi tas-soċjetà ċivili, fosthom avukati, intellettwali, ġurnalisti, personalitajiet reliġjużi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż attivisti ambjentali, madwar id-dinja ħabbtu wiċċhom ma' tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili u kienu soġġetti għal żieda ta' attakki, persekuzzjoni, fastidju, arresti jew detenzjonijiet arbitrarji u saħansitra qtil; billi ProtectDefenders.eu, il-mekkaniżmu ta' appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE, ipprovda assistenza effettiva lil mijiet ta' attivisti, iżda qiegħed jaffaċċja ħtiġijiet li dejjem qed jikbru; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiddedikaw aktar riżorsi għal parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili u jżidu l-isforzi tagħhom fil-protezzjoni u l-appoġġ tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

E.  billi l-politiki ta' appoġġ favur id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija għandhom jiġu integrati fil-politiki kollha tal-UE li għandhom dimensjoni esterna, bħall-iżvilupp, il-migrazzjoni, is-sigurtà, l-ġlieda kontra t-terroriżmu, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tkabbir u l-kummerċ, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonalitajiet tad-drittijiet tal-bniedem; billi ż-żieda fil-koerenza bejn il-politiki interni u esterni tal-UE, kif ukoll fost il-politiki esterni minnhom infushom, hija rekwiżit fundamentali għal politika effikaċi u ta' suċċess tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

F.  billi l-okkupazzjoni illegali ta' territorju jew parti minnu hija ksur kontinwu tad-dritt internazzjonali, li tiskatta r-responsabbiltà tas-setgħa okkupanti lejn il-popolazzjoni ċivili skont id-dritt umanitarju internazzjonali;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jesprimi tħassib profond dwar r-reazzjoni negattiva kontra d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt madwar id-dinja fl-2017, u jħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha jsegwu l-integrazzjoni tal-istandards Ewropej u internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi li huma marbutin bihom, u jiżguraw aktar koerenza bejn il-politiki interni u esterni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u aktar koordinazzjoni bejn il-politiki esterni tal-Istati Membri, fl-oqsma tal-migrazzjoni, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u tal-kummerċ, minħabba li l-influwenza tal-UE bħala attur internazzjonali kredibbli u leġittimu hija ffurmata fil-parti l-kbira tagħha mill-kapaċità tagħha li tippromwovi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija kemm internament kif ukoll esternament;

2.  Jafferma mill-ġdid li l-Istati għandhom ir-responsabbiltà aħħarija li jissalvagwardjaw id-drittijiet kollha tal-bniedem permezz tal-adozzjoni u tal-implimentazzjoni ta' trattati u konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, il-monitoraġġ tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-garanzija ta' rimedju effettiv għall-vittmi; jirrimarka li l-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp isaħħu lil xulxin u jiddependu mill-kapaċità li jiġu indirizzati l-abbuż, id-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u l-ġenoċidju; iwissi kontra restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment, il-libertà ta' għaqda u l-libertà ta' espressjoni;

3.  Ifakkar li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fundamentali tal-UE u tal-Istati Membri, kif imsemmi fl-Artikolu 3(3) tat-TUE, u li l-promozzjoni tagħha permezz tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, inkluż f'pajjiżi oħra madwar id-dinja permezz ta' politiki esterni, hija wieħed mill-objettivi prinċipali tal-UE;

4.  Jenfasizza li l-UE hija impenjata li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u tiżgura l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-azzjonijiet kollha tagħha, li hija obbligu stabbilit fit-Trattati, sabiex l-ugwaljanza bejn is-sessi ssir prijorità ewlenija fil-linji gwida, fir-relazzjonijiet ta' ħidma, fil-politiki u fl-azzjonijiet kollha tal-UE, inklużi l-azzjonijiet esterni; jappoġġja, għaldaqstant, l-isforzi kkoordinati relatati mad-djalogi u l-attivitajiet multilaterali tad-delegazzjonijiet tal-UE bħall-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-ħidma tal-Konsulent Prinċipali tas-SEAE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-pajjiżi terzi, bl-għan li jippromwovi l-paċi, is-sigurtà u l-libertajiet fundamentali, billi jiżgura baġit speċifikament iddedikat għall-qasam tal-kompetenzi tiegħu;

5.  Iqis li soċjetà ċivili verament indipendenti, pluralistika u dinamika tikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-istabbiltà, tiżgura l-konsolidazzjoni demokratika, inklużi s-separazzjoni tas-setgħat, il-ġustizzja soċjali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u tippromwovi t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-governanza tajba, b'mod partikolari permezz ta' miżuri biex jiġu miġġielda l-korruzzjoni u l-estremiżmu; jenfasizza r-rwol vitali u ċentrali tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-NGOs fil-promozzjoni u l-appoġġ tal-applikazzjoni tad-drittijiet minquxa fit-trattati internazzjonali prinċipali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz ta' programmi edukattivi u kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet internazzjonali; jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-kapaċità tal-UE li tkompli tagħti appoġġ adegwat, permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-NGOs f'sitwazzjonijiet fejn huma l-aktar f'riskju, b'mod partikolari billi tiżgura t-tisħiħ tal-kapaċità tal-mekkaniżmu ProtectDefenders.eu;

6.  Jinnota l-importanza li jingħata appoġġ ta' emerġenza lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u li t-trattament tal-priġunieri kollha jrid jissodisfa l-istandards internazzjonali; jissottolinja t-tħassib tiegħu dwar is-sikurezza tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u li l-awturi jridu jitressqu quddiem il-ġustizzja; jilqa' l-isforzi konsistenti tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija biex jippromwovi d-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE; jirrikonoxxi r-riskji li jħabbtu wiċċhom magħhom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem nisa li jħabbtu wiċċhom ma' riskji u theddid speċifiċi minħabba l-ġeneru tagħhom, kif ukoll attivisti ambjentali, u jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jagħtuhom attenzjoni speċjali fil-Linji Gwida tal-UE swar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem; jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni b'saħħitha tal-UE dwar l-involviment mal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi rigward id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili, u jfaħħar l-inizjattivi individwali tal-Istati Membri flimkien mal-azzjoni tal-UE;

7.  Jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tal-UE fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), fejn hija sponsorjat u kosponsorjat riżoluzzjonijiet, ħarġet dikjarazzjonijiet, intervjeniet fi djalogi u dibattiti interattivi, u talbet sessjonijiet speċjali dwar is-sitwazzjoni rigward id-drittijiet tal-bniedem; jirrikonoxxi l-impenji tal-UE biex fil-UNHRC tindirizza sitwazzjonijiet li jkunu jinsabu fihom il-pajjiżi; jenfasizza l-importanza tal-involviment tal-UE fid-djalogi u l-kooperazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem f'livell multilaterali; jappoġġa b'mod sħiħ l-attivitajiet u l-involviment tal-UNHRC fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja; ifaħħar il-ħidma tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) taħt it-tmexxija ta' Zeid al-Hussein; jinsab ħerqan għal djalogu mill-qrib u kooperazzjoni attiva mal-Kummissarju Għoli li għadu kif inħatar, Michelle Bachelet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom għall-funzjonament tal-OHCHR u tal-Proċeduri Speċjali;

8.  Jesprimi l-apprezzament tiegħu lejn il-ħidma mwettqa mis-servizzi tad-drittijiet tal-bniedem tal-Kummissjoni u tas-SEAE fil-kwartieri ġenerali u fid-Delegazzjonijiet tal-UE, kif ukoll tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem (RSUE), Stavros Lambrinidis, fiż-żieda fl-effikaċja, il-koeżjoni u l-viżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem fil-politika estera tal-UE, u jerġa' jfakkar it-talba tiegħu biex il-mandat tiegħu jsir permanenti u jsir aktar responsabbli; jilqa' l-approċċ reċenti rrappreżentat mill-Inizjattiva "Good Human Rights Stories" (Stejjer Tajbin dwar id-Drittijiet tal-Bniedem) tal-UE, li jiffoka fuq l-aħjar prattiki użati minn diversi pajjiżi; jitlob għal darb'oħra li jkun hemm reviżjoni tal-mandat sabiex r-RSUE jingħata setgħat ta' inizjattiva proprja, riżorsi adegwati u l-kapaċità li jitkellem pubblikament sabiex jirrapporta dwar il-kisbiet ta' żjarat f'pajjiżi terzi u jikkomunika l-pożizzjonijiet tal-UE dwar suġġetti relatati mad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Jilqa' r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2017 u jinnota li dan ġie adottat ħafna aktar kmieni din is-sena, f'konformità tat-talbiet tal-Parlament espressi fir-rapporti preċedenti tiegħu; jitlob lill-Kunsill ikompli bl-isforzi tiegħu biex jiffinalizza dawn ir-rapporti annwali aktar kmieni matul is-sena; jinkoraġġixxi lill-Kunsill jiżgura li l-adozzjoni tar-rapport annwali li jmiss tkun ibbażata fuq proċess ta' konsultazzjoni adegwat; iqis li r-rapport annwali għandu jkun għodda indispensabbli għall-iskrutinju, il-komunikazzjoni u d-dibattitu dwar il-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja, u jitlob sabiex ir-rapport annwali jiġi promoss pubblikament fil-livell globali;

10.  Jirrikonoxxi l-progress li sar f'termini tal-proċedura u l-format tar-rapport, madankollu, jistenna li l-Kunsill u l-VP/RGħ iqisu aktar il-pożizzjonijiet tar-riżoluzzjonijiet u/jew ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Parlament sabiex tiġi żgurata interazzjoni aktar profonda u aktar effikaċi bejn l-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem;

11.  Itenni l-importanza ta' ħarsa ġenerali lejn xejriet pożittivi u negattivi ewlenin sabiex tiġi evalwata l-effiċjenza tal-azzjonijiet tal-UE; iqis, f'dan is-sens, li rapportar pubbliku aktar bir-reqqa, fejn xieraq ibbażat b'mod partikolari fuq il-prijoritajiet u l-indikaturi identifikati fl-istrateġiji tal-pajjiż tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, fost oħrajn, iħeġġeġ konsistenza akbar fl-implimentazzjoni tal-klawżoli ta' kundizzjonalità tad-drittijiet tal-bniedem u fil-valutazzjoni u l-aġġustament tal-impatt tal-politiki tal-UE fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mmonitorjati u implimentati bis-sħiħ il-Linji Gwida eżistenti tal-UE;

12.  Jirrikonoxxi li d-Djalogi tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jikkostitwixxu għodda ta' diplomazija siewja u mħallta għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija f'relazzjonijiet bilaterali ma' pajjiżi terzi; jinnota, madankollu, l-ostakoli persistenti għall-kisba ta' riżultati konkreti permezz ta' djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, bħall-prevalenza ta' standards doppji, u jappella f'dan ir-rigward għal pożizzjoni aktar unifikata fost l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jfittxu modi biex jagħmlu d-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem aktar effikaċi u sinifikanti u biex jirreaġixxu malajr u jikkomplementawhom meta ma jkunux kostruttivi, billi jużaw id-djalogu politiku jew id-diplomazija pubblika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jżidu t-trasparenza fid-djalogi, anke permezz tal-parteċipazzjoni msaħħa tal-atturi tas-soċjetà ċivili, u jużaw punti ta' riferiment ċari għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-suċċess ta' kull djalogu; jenfasizza l-importanza li l-UE tqajjem fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem il-każijiet ta' difensuri individwali tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f’riskju, filwaqt li ssir pressjoni għall-ħelsien tad-difensuri li qegħdin il-ħabs u l-protezzjoni ta' dawk li huma mhedda; jagħti parir lill-istituzzjonijiet tal-UE, barra minn hekk, biex jipprovdu riżorsi u taħriġ adegwati dwar id-drittijiet tal-bniedem għal uffiċjali u persunal tad-delegazzjoni tal-UE fil-livelli kollha;

13.  Itenni li l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019 u r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-2017 tiegħu jridu jkunu l-istrumenti ta' gwida għal azzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu ppjanati riżorsi u għarfien espert suffiċjenti sabiex jiġu implimentati kif suppost il-prijoritajiet ewlenin tal-UE; jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw l-implimentazzjoni effiċjenti u koerenti tal-Pjan ta' Azzjoni attwali, anke permezz ta' kollaborazzjoni ġenwina mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

14.  Jistieden lill-UE ssaħħaħ l-istrumenti u l-politiki tagħha fir-rigward tal-iżvilupp istituzzjonali u l-istat tad-dritt, u tinkludi punti ta' riferiment għall-iżgurar tar-responsabbiltà u tfittex li tipprevjeni l-impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob l-użu effettiv ta' riżorsi adegwati biex jiġu promossi ulterjorment id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

15.  Ifakkar, f'dan ir-rigward, l-appoġġ kruċjali pprovdut mill-EIDHR fl-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-UE u l-Linji Gwida u l-istrateġiji tal-pajjiżi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tagħha, li ppermetta lill-UE taġixxi b'mod aktar strateġiku f'dan il-qasam u żgura r-responsabbiltà, il-viżibbiltà u l-effikaċja; jappella b'mod qawwi li l-EIDHR tkun inkluża bħala strument separat u indipendenti fl-arkitettura tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, sabiex id-diversità ċara tagħha ma tiġix dilwita f'fond ta' azzjoni esterna ikbar; jħeġġeġ bil-qawwa l-kooperazzjoni bejn l-istrumenti ta' finanzjament estern tal-UE, biex jiġu evitati d-duplikazzjoni u t-trikkib u jkunu jistgħu jiġu identifikati l-lakuni potenzjali u l-ħtiġijiet ta' finanzjament;

16.  Ifakkar li l-esperjenza miksuba u t-tagħlimiet meħuda mit-tranżizzjoni għal demokrazija fil-qafas tal-politika ta' tkabbir u tal-viċinat jistgħu jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki li jistgħu jintużaw għall-appoġġ u l-konsolidament ta' proċessi oħrajn ta' demokratizzazzjoni mad-dinja kollha; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-politika Ewropea tal-viċinat riveduta għandha tappoġġa riforma ekonomika, soċjali u politika, tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, u tgħin biex jiġi stabbilit l-istat tad-dritt filwaqt li jinżammu l-impenji tal-UE meħuda fil-konfront tas-sħab tagħha; itenni li l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija huma fl-interess tal-pajjiżi sħab kif ukoll tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar relazzjonijiet interparlamentari bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab tagħha f'qafas ta' djalogu onest msejjes fuq il-fehim u fiduċja reċiproċi, bl-għan li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem b'mod effettiv;

17.  Jenfasizza l-ħidma tas-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem (DROI), li jżomm relazzjonijiet ta' ħidma mill-qrib ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE, l-RSUE, is-SEAE, is-soċjetà ċivili inkluż l-NGOs, u istituzzjonijiet multilaterali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinnota li fl-2017, is-Sottokumitat DROI abbozza tliet rapporti li ġew adottati bħala riżoluzzjonijiet minn seduta plenarja dwar l-apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja(13), dwar l-indirizzar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità, inkluż il-ġenoċidju(14), u dwar korruzzjoni u drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(15);

18.  Jipproponi li, fl-ewwel trimestru tal-2019, tiġi varata task force interna biex twettaq rieżami tal-promozzjoni u l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem mill-kumitati tagħha b'mandat estern u mid-delegazzjonijiet tagħha għar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi matul il-perjodu 2014–2019; biħsiebu jislet rakkomandazzjonijiet minn dan ir-rieżami għal azzjoni parlamentari msaħħa fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-leġiżlatura li jmiss, inkluż f'termini ta' skrutinju tal-attività tas-SEAE u tal-Kummissjoni, l-istruttura istituzzjonali interna, u l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-korpi tiegħu;

19.  Jemmen li r-rwol tar-riżoluzzjonijiet ta' urġenza bbażati fuq l-Artikolu 135 tar-Regoli ta' Proċedura, jista' jiġi żviluppat aktar biex isaħħaħ id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija permezz ta' aktar riflessjoni, azzjoni mmirata u effiċjenza f'waqthom;

L-isfidi speċifiċi tad-drittijiet tal-bniedem

20.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward it-tnaqqis gradwali tal-ispazju tas-soċjetà ċivili fl-2017, u jiddeplora l-fatt li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-NGOs huma ħafna drabi l-mira tal-fastidju, l-intimidazzjoni u l-vjolenza, inkluż qtil; jinsab imħasseb dwar l-impożizzjoni kontinwa ta' projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-konfront ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem li jixtiequ jattendu sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġinevra u istituzzjonijiet internazzjonali oħra, u jikkundanna bil-qawwa dawn il-projbizzjonijiet, filwaqt li jitlob lill-gvernijiet involuti jneħħuhom; jenfasizza li mhuwiex aċċettabbli li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-midja jinżammu milli jipparteċipaw fil-ħidma ta' korpi internazzjonali, u jinsisti li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u politiċi tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; jinsab imħasseb dwar il-fatt li xi attivisti tad-drittijiet tal-bniedem ġew miżmuma mar-ritorn tagħhom f'pajjiżhom wara li ġew mismugħa f'istituzzjonijiet internazzjonali;

21.  Jiddeplora l-fatt li l-fenomenu globali dejjem jikber tat-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili jista' jseħħ ukoll f'demokraziji stabbiliti u f'pajjiżi bi dħul medju u għoli; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jmexxu bl-eżempju; jikkundanna l-leġiżlazzjoni li tillimita l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili, pereżempju l-għeluq tal-NGOs jew l-iffriżar tal-assi tagħhom; jappella għar-revoka tal-leġiżlazzjoni li timponi rekwiżiti arbitrarji jew intrużivi fuq l-operazzjonijiet tal-NGOs, inklużi dispożizzjonijiet dwar restrizzjonijiet fuq il-finanzjament barrani; jikkundanna t-tixrid ta' narrattivi pubbliċi li jimminaw dejjem aktar ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-UE u lir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istat Membri jkomplu jimmonitorjaw u jqajmu każijiet ta' ksur tal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, inkluż permezz ta' forom differenti ta' projbizzjonijiet u limitazzjonijiet fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-attivitajiet tagħhom jew il-promozzjoni ta' NGOs foloz sponsorjati minn xi gvernijiet; iħeġġiġhom ikomplu jappoġġaw b'mod attiv lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem billi jimmonitorjaw b'mod sistematiku l-proċessi, iżuru lill-attivisti miżmuma l-ħabs u joħorġu dikjarazzjonijiet dwar każijiet individwali, meta jkun meħtieġ;

22.  Jikkundanna l-fatt li l-libertà tal-midja kienet mhedda bil-kbir fl-2017, fejn, skont l-indiċi annwali ta' Reporters mingħajr fruntieri, attakki kontra l-istampa laħqu livelli mingħajr preċedent fl-2017; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rispettati l-prinċipji tal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; itenni l-importanza tal-libertà tal-espressjoni, online u offline, bħala element kruċjali għall-funzjonament tajjeb tal-komunitajiet demokratiċi, billi trawwem kultura ta' pluraliżmu li tagħti s-setgħa lis-soċjetà ċivili u liċ-ċittadini li jżommu responsabbli lill-gvernijiet tagħhom u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għal għemilhom, u ssaħħaħ ir-rispett tal-istat tad-dritt; jikkundanna b'mod qawwi t-theddid, l-intimidazzjoni u l-attakki kontra ġurnalisti, midja indipendenti, bloggers u informaturi, kif ukoll id-diskors ta' mibegħda, il-liġijiet dwar il-malafama u inċitamenti għal vjolenza, billi dawn jikkostitwixxu theddida għall-istat tad-dritt u l-valuri rrappreżentati mid-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja li fl-2017 mijiet ta' demostranti paċifiċi u ġurnalisti ġew arrestati, ħafna minnhom maltrattati, miżmuma b'mod arbitrarju u mġiegħla jħallsu multi ħorox fi proċessi fejn l-istandards minimi proċedurali ma kinux garantiti; iħeġġeġ lill-UE żżid l-isforzi tagħha biex tipproteġi d-dritt għal-libertà ta' opinjoni u espressjoni fir-relazzjonijiet kollha tagħha ma' pajjiżi terzi; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata implimentazzjoni effikaċi u sistematika tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline u li jsir monitoraġġ regolari tal-impatt tagħhom;

23.  Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-libertà akkademika, bħala dritt tal-bniedem imħares minn trattati internazzjonali; jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe attakk fuq il-libertà akkademika bħal qtil, għajbien sfurzat, vjolenza, priġunerija, waqfien mix-xogħol, attakk fuq ir-reputazzjoni u prosekuzzjoni mhux ġustifikata; jenfasizza l-gravità tal-attakki kollha fuq il-libertà akkademika, peress li hija essenzjali għall-ħolqien ta' soċjetà pluralistika u demokratika;

24.  Jikkundanna b'mod qawwi l-fatt li bosta difensuri tad-drittijiet tal-bniedem iffaċċjaw theddid diġitali fl-2017, inkluż data kompromessa permezz tal-konfiska tat-tagħmir, is-sorveljanza mill-bogħod u l-iżvelar tad-data; jikkundanna l-prattika ta' sorveljanza u hacking online għall-finijiet ta' ġbir ta' informazzjoni li tista' tintuża f'każijiet legali jew kampanji ta' malafama; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-użu dejjem akbar ta' ċerti teknoloġiji ta' ċibersorveljanza b'użu doppju fil-konfront ta' politikanti, attivisti, bloggers u ġurnalisti; f'dan ir-rigward, jistieden bil-qawwa lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jaġġornaw b'mod urġenti u effikaċi r-regolament dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju;

25.  Jafferma mill-ġdid li l-indipendenza tal-ġudikatura u t-trasparenza assoluta tas-sistema għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja li fiha l-operaturi kollha huma mitluba jwettqu r-rwoli tagħhom b'mod indipendenti u rigoruż huma prerekwiżiti għall-iżvilupp ta' stat demokratiku u għall-protezzjoni ġuridika tad-drittijiet tal-bniedem; jikkundanna bis-sħiħ it-tentattivi kollha biex jitpoġġew restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-imħallfin, tal-prosekuturi pubbliċi u tal-avukati, u kull forma ta' vjolenza diretta u indiretta fil-konfront tagħhom; jistieden lill-UE tagħti l-akbar attenzjoni lil dan il-punt fil-kuntest tar-relazzjonijiet diplomatiċi tagħha ma' pajjiżi mhux membri tal-Unjoni;

26.  Jirrikonoxxi li l-internet miftuħ u avvanzi teknoloġiċi ppermettew li l-abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem jiġu rrapportati b'mod aktar mgħaġġel; jikkritika t-tentattivi minn xi gvernijiet biex jiġu kkontrollati għodod ta' komunikazzjoni bil-massa, inkluż permezz tal-internet; jinsab imħasseb dwar il-prevalenza ta' aħbarijiet foloz u diżinformazzjoni ġġenerati minn atturi statali u mhux statali fl-2017, li kkontribwixxew għat-tixrid ta' narrattivi kontra d-drittijiet tal-bniedem, l-aċċess limitat għal informazzjoni b'xejn, preċiża u imparzjali, l-inċitament tal-vjolenza, il-mibegħda jew id-diskriminazzjoni kontra ċerti gruppi jew individwi, u affettwaw ir-riżultati ta' elezzjonijiet, b'hekk imminaw id-demokraziji; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-UE tiżviluppa narrattiva pożittiva aktar b'saħħitha dwar id-drittijiet tal-bniedem, iżżomm soda fil-konfront ta' gvernijiet li jisponsorjaw id-diżinformazzjoni jew li jisfidaw l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, u żżid l-isforzi tagħha biex tappoġġa l-midja ħielsa u indipendenti madwar id-dinja; jenfasizza ċ-ċentralità tal-edukazzjoni, il-kultura, l-għarfien u l-ħsieb kritiku fil-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz u l-propagazzjoni tagħhom;

27.  Jappella lill-VP/RGħ taħtar rappreżentant tal-UE għaċ-ċibersigurtà li għandu jikkoordina l-isforzi diplomatiċi tal-UE biex tippromwovi, fil-politiki esterni tagħha, internet miftuħ, interoperabbli, sigur u affidabbli, li fih jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem u jiġu promossi normi dwar l-imġiba responsabbli online min-naħa tal-Istati;

28.  Jafferma mill-ġdid li l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon u tat-twemmin, inkluża l-libertà li dak li jkun jemmen jew ma jemminx, u li jipprattika jew li ma jipprattikax ir-reliġjon li jagħżel, li jabbanduna jew ibiddel reliġjon, u d-drittijiet ta' apostasija u li wieħed iħaddan fehmiet ateistiċi, iridu jissaħħu mingħajr kundizzjonijiet, partikolarment bis-saħħa tad-djalogu interreliġjuż u interkulturali; jikkundanna d-diskriminazzjoni abbażi tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin, u l-persekuzzjoni u l-attakki kontra l-gruppi etniċi u reliġjużi kollha fl-2017; jappella biex tiġi evitata l-istrumentalizzazzjoni tar-reliġjon għal finijiet politiċi; jiddeplora t-tentattivi minn atturi statali u mhux statali biex jillimitaw il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon u tat-twemmin u l-libertà ta' għaqda u l-libertà tal-espressjoni billi jadottaw u jimplimentaw liġijiet dwar il-blasfemija, fost mezzi oħra; jitlob li tittieħed aktar azzjoni biex jiġu mħarsa l-minoranzi reliġjużi, il-persuni li ma jemmnux u l-atei, inkluż il-vittmi tal-liġijiet dwar il-blasfemija; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-involviment tagħhom fid-diskussjonijiet politiċi dwar it-tħassir ta' tali liġijiet, iżidu l-isforzi tagħhom biex itejbu r-rispett tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon u tat-twemmin, u jippromwovu d-djalogu interreliġjuż u interkonfessjonali fl-impenn tagħhom ma' pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jaqdu rwol attiv biex jgħinu r-ritorn b'mod sikur u fuq bażi volontarja ta' persuni li ġew sfurzati jaħarbu minn djarhom b'riżultat tal-persekuzzjoni għal raġunijiet ta' reliġjon jew twemmin; jitlob li tittieħed azzjoni konkreta lejn l-implimentazzjoni effikaċi tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; jappoġġa l-prattika tal-UE li tieħu l-inizjattiva dwar riżoluzzjonijiet tematiċi dwar il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon u t-twemmin fl-UNHRC u fl-Assemblea Ġenerali tan-NU (AĠNU); jappoġġa l-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-promozzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin barra mill-UE, is-Sur Ján Figel;

29.  Iqis li huwa ta' dispjaċir kbir li t-tortura, it-trattament inuman jew degradanti u l-piena tal-mewt jibqgħu jiġu applikati f'ħafna pajjiżi tad-dinja kollha, u jappella lill-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex teqred dawn il-prattiki; iqis li l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni, inkluż l-aċċess għall-kura u għall-mediċini, u l-istat tal-ħabsijiet f'għadd ta' pajjiżi huma kwistjonijiet ta' tħassib serju; jilqa' t-tnedija formali tal-Alleanza għall-Kummerċ Ħieles mit-Tortura fit-18 ta' Settembru 2017 u l-istabbiliment tal-Grupp ta' Koordinament Kontra t-Tortura tal-UE, li ngħata l-kompitu li jsegwi l-implimentazzjoni tagħha; jilqa', f'dan ir-rigward, aġġornamenti għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kummerċ f'ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament inuman jew kastig ieħor; jinnota li fl-2017, in-numru ta' eżekuzzjonijiet imwettqa madwar id-dinja naqas b'4 % meta mqabbel mas-sena preċedenti; jistieden lill-pajjiżi li għadhom m'għamlux dan biex jistabbilixxu moratorju immedjat fuq il-piena tal-mewt bħala pass lejn l-abolizzjoni tagħha; iqis li huwa essenzjali li jiġu miġġielda l-forom kollha ta' tortura u trattament ħażin tad-detenuti, inkluża t-tortura psikoloġika, u biex jiżdiedu l-isforzi biex tiġi żgurata l-konformità mad-dritt internazzjonali rilevanti u jiġi żgurat il-kumpens għall-vittmi;

30.  Jikkundanna bil-qawwa d-delitti faħxin kollha u l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem kommessi minn atturi statali u mhux statali, inkluż kontra ċittadini li kienu qegħdin jeżerċitaw id-drittijiet tal-bniedem tagħhom b'mod paċifiku; jinsab imwaħħax quddiem il-firxa wiesgħa ta' delitti mwettqa, fosthom qtil, tortura, stupru, tjassir u skjavitù sesswali, ir-reklutaġġ ta' suldati tfal, konverżjonijiet reliġjużi furzati u qtil sistematiku fil-konfront tal-minoranzi reliġjużi u etniċi; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiġġieldu kontra delitti ta' ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra, u biex jiżguraw li l-awturi tagħhom jitressqu quddiem il-ġustizzja; jappella lill-UE tipprovdi appoġġ lill-organizzazzjonijiet u lill-iskwadri investigattivi tan-NU li jiġbru, iżommu u jipproteġu evidenza – diġitali jew mod ieħor – tad-delitti mwettqa minn kwalunkwe parti f'dawn il-kunflitti, sabiex tiġi ffaċilitata l-prosekuzzjoni tagħhom f'livell internazzjonali; jinnota li l-pjattaformi tal-internet ħassru filmati relatati ma' delitti tal-gwerra potenzjali bħala parti mill-ħidma tagħhom li jneħħu kontenut u propoganda terroristiċi;

31.  Jappoġġa r-rwol ewlieni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) f'każijiet fejn l-Istati kkonċernati ma jkunux jistgħu jew ma jkunux lesti jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu appoġġ diplomatiku u finanzjarju lill-QKI; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jħeġġu lill-Istati Membri kollha tan-NU jirratifikaw u jimplimentaw l-Istatut ta' Ruma tal-QKI, u jinsab diżappunt dwar l-irtirar mill-Istatut u t-theddid li partijiet jagħmlu dan; jistieden ukoll lill-firmatarji kollha tal-Istatut ta' Ruma biex jikkoordinaw u jikkooperaw mal-QKI; jistieden lill-Istati Membri kollha jirratifikaw l-emendi ta' Kampala dwar id-delitt ta' aggressjoni u jżidu d-"delitti atroċi" fil-lista tar-reati li għalihom hija kompetenti l-UE; itenni l-importanza ta' mekkaniżmi ewlenin oħra li għandhom l-għan li jtemmu l-impunità, inkluż l-użu tal-ġurisdizzjoni universali, u jistieden lill-Istati Membri jadottaw il-leġiżlazzjoni meħtieġa; ifakkar, f'dan ir-rigward, li d-drittijiet tal-vittmi jridu jkunu fil-qalba ta' kwalunkwe azzjoni; itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ biex taħtar Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Dritt Umanitarju Internazzjonali u l-Ġustizzja Internazzjonali bil-mandat li jippromwovi, jintegra u jirrappreżenta l-impenn tal-UE fil-ġlieda kontra l-impunità;

32.  Jilqa' pożittivament l-isforzi tal-UE maħsuba biex isostnu l-Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti (MIII) stabbilit min-NU fis-Sirja biex jassisti fl-investigazzjoni dwar id-delitti l-aktar serji; jenfasizza l-ħtieġa li jitwaqqaf mekkaniżmu indipendenti simili f'pajjiżi oħra; jappella lill-UE u lill-Istati Membri li għadhom ma kkontribwewx finanzjarjament għall-MIII biex jagħmlu dan;

33.  Itenni li Stati jistgħu jressqu Stati oħra quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja għal ksur ta' trattati internazzjonali, bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat bħala mezz indirett għal determinazzjoni ġudizzjarja ta' responsabbiltà kriminali individwali fi stadju aktar tard;

34.  Jesprimi dispjaċir profond dwar in-nuqqas ta' rispett għall-IHL, u jesprimi l-kundanna qawwija tiegħu għall-attakki fatali li twettqu bi frekwenza tant allarmanti kontra sptarijiet, skejjel u persuni ċivili oħra fil-mira f'kunflitti armati madwar id-dinja fl-2017; jemmen li l-kundanna internazzjonali tal-attakki trid tiġi appoġġata minn investigazzjonijiet indipendenti u responsabbiltà ġenwina; ifaħħar il-ħidma li saret minn ħaddiema ta' assistenza waqt l-għoti ta' għajnuna umanitarja; jappella lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-VP/RGħ jiżguraw li l-politiki u l-azzjonijiet tal-UE relatati mal-IHL jiġu żviluppati b'mod koerenti u effettiv, u biex jużaw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jindirizzaw din il-kwistjoni; jikkonkludi li kellu jsir disponibbli rapportar aktar dettaljat mill-UE u mill-Istati Membri tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar il-Promozzjoni ta' Konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali f'sitwazzjonijiet speċifiċi ta' kunflitti, mhux l-inqas ir-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija; jistieden lill-komunità internazzjonali toħloq strumenti li jimminimizzaw l-intervall bejn it-twissija u r-reazzjoni, bħas-sistema ta' twissija bikrija tal-UE, sabiex jiġi evitat li l-kunflitti vjolenti jfeġġu, ifeġġu mill-ġdid u jeskalaw; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom lill-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp; jinnota t-tnaqqis ta' 2,4 % fl-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) minn 2016 sal-2017 u li l-ODA ma laħqitx il-mira ta' 0,7 % tal-ING;

35.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati(16), jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-użu ta' drones armati barra l-qafas ġuridiku internazzjonali; jappella għal darb'oħra lill-UE biex tiżviluppa b'mod urġenti qafas ġuridikament vinkolanti dwar l-użu ta' drones armati sabiex tiżgura li l-Istati Membri, f'konformità mal-obbligi ġuridiċi tagħhom, ma jwettqux qtil immirat illegali jew jiffaċilitaw tali qtil minn Stati oħra; jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat sew dwar l-użu tal-fondi tal-UE għall-proġetti kollha ta' riċerka u żvilupp assoċjati mal-kostruzzjoni ta' drones; jitlob li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem rigward proġetti ulterjuri ta' żvilupp ta' drones;

36.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jespandu r-reġim tal-UE ta' miżuri restrittivi biex jinkludi reġim ta' sanzjonijiet tal-UE marbuta mad-drittijiet tal-bniedem li abbażi tiegħu id-deċiżjonijiet ta' sanzjonijiet tal-PESK ikunu jistgħu jiġu bbażati fuq ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, fl-istess spirtu tal-Att Magnitsky;

37.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien favur il-projbizzjoni internazzjonali tas-sistemi ta' armi li huma nieqsa mill-kontroll tal-bniedem fuq l-użu tal-forza, kif kien mitlub mill-Parlament f'għadd ta' okkażjonijiet, u, bi tħejjija għal-laqgħat rilevanti fil-livell tan-NU, jiżviluppaw u jadottaw b'urġenza pożizzjoni komuni dwar is-sistemi ta' armi awtonomi, u jitkellmu b'vuċi waħda u jaġixxu kif xieraq fil-fora rilevanti;

38.  Jenfasizza li l-korruzzjoni timmina l-istat tad-dritt, id-demokrazija u l-kompetittività tal-ekonomiji, u tpoġġi f'riskju d-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li jingħata appoġġ lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-informaturi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jitlob titjib għall-mekkaniżmi u l-prattiki kontra l-korruzzjoni, bħall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet fuq dawk l-individwi u l-pajjiżi li jikkommettu reati serji ta' korruzzjoni; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni joħolqu programmazzjoni konġunta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, partikolarment inizjattivi dwar it-titjib tat-trasparenza, il-ġlieda kontra l-impunità u t-tisħiħ tal-aġenziji kontra l-korruzzjoni, u jiżguraw trasparenza u traċċabbiltà akbar fl-użu tal-fondi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tinnegozja dispożizzjonijiet għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-ftehimiet kummerċjali futuri; ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem li saru fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(17), u jitlob għal segwitu mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri;

39.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-qerda, is-sakkeġġi illeċiti u l-vandaliżmu ta' siti ta' patrimonju kulturali, u jappoġġa bis-sħiħ inizjattivi ta' ġbir ta' informazzjoni u ta' protezzjoni u salvataġġ tal-patrimonju;

40.  Jenfasizza s-sinifikat ta' elezzjonijiet liberi u ġusti għall-proċessi demokratiċi u jinsab imħasseb dwar l-għadd dejjem jikber ta' elezzjonijiet illeġittimi madwar id-dinja; ifakkar li l-midja indipendenti u d-diversità tal-opinjoni huma essenzjali biex jiġu ggarantiti elezzjonijiet liberi u ġusti; jappella lill-UE ma tirrikonoxxix ir-riżultati ta elezzjonijiet imbagħbsa jew iffalsifikati u tuża l-għodod diplomatiċi, ekonomiċi u ta' politika kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-kredibbiltà tal-elezzjonijiet madwar id-dinja u ġġiegħel lill-pajjiżi jissodisfaw il-kriterji ta' elezzjonijiet liberi u ġusti; iqis li l-appoġġ li l-UE tipprovdi għal proċessi elettorali u d-demokrazija madwar id-dinja – il-missjonijiet elettorali tagħha u s-segwitu sussegwenti, l-assistenza elettorali tagħha u, b'mod partikolari, ir-rwol attiv tal-Parlament f'dan ir-rigward – huwa tal-akbar importanza; jenfasizza l-importanza tal-osservazzjoni elettorali fil-kuntest ta' tranżizzjonijiet demokratiċi paċifiċi, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt, il-pluraliżmu politiku u ż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fi proċessi elettorali, u t-trasparenza u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar fl-importanza tal-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali fil-proċess tal-osservazzjoni elettorali u fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali; iqis li l-indħil fl-elezzjonijiet ta' pajjiżi oħra permezz ta' operazzjonijiet ċibernetiċi jikser id-dritt tal-poplu li jeleġġi b'mod liberu r-rappreżentanti tiegħu;

41.  Jilqa' l-firma mill-UE tal-Konvenzjoni ta' Istanbul u jenfasizza l-ħtieġa tal-prevenzjoni u l-ġlieda b'kull mezz possibbli tal-vjolenza kontra n-nisa, inkluża l-vjolenza domestika; jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx u implimentawx din il-Konvenzjoni sabiex jagħmlu dan mill-aktar fis; jappoġġja, f'dan ir-rigward, l-Inizjattiva konġunta Spotlight tal-UE u n-NU; iħeġġeġ lill-pajjiżi jsaħħu l-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex jindirizzaw, fl-istadju l-aktar kmieni possibbli, il-vjolenza sessista, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u l-vjolenza sesswali; ifakkar li l-vjolenza kontra n-nisa għandha għeruq profondi fl-inugwaljanza bejn il-ġeneri, u għalhekk jeħtieġ li tiġi indirizzata b'mod komprensiv, u jenfasizza l-importanza tas-servizzi u l-protezzjoni soċjali; jenfasizza li statistika affidabbli dwar il-prevalenza, il-kawżi u l-konsegwenzi tat-tipi kollha ta' vjolenza kontra n-nisa hija essenzjali sabiex jiġu żviluppati leġiżlazzjonijiet u strateġiji effettivi biex tiġi miġġielda l-vjolenza minħabba differenza ta' sess; jappella, għalhekk, lill-UE biex tgħin lill-pajjiżi jtejbu l-ġbir ta' data f'dan il-qasam u jissodisfaw l-obbligi legali internazzjonali; jitlob lill-UE taħdem ma' pajjiżi oħra biex iżżid il-finanzjament u l-ipprogrammar biex tipprevjeni u tirrispondi għall-vjolenza sesswali u l-vjolenza minħabba differenza ta' sess madwar id-dinja; jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza fiżika, sesswali u psikoloġika u l-isfruttament, l-istupru tal-massa, it-traffikar u l-ksur tad-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa; jenfasizza li l-kura tas-saħħa xierqa u affordabbli u r-rispett universali u l-aċċess għal drittijiet sesswali u riproduttivi u l-edukazzjoni sesswali għandhom ikunu ggarantiti għan-nisa kollha, u li n-nisa għandhom ikunu jistgħu jagħmlu deċiżjonijiet liberi u responsabbli dwar saħħithom, ġisimhom u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom; jirrimarka li l-edukazzjoni hija strument essenzjali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal; jikkundanna l-impożizzjoni mill-ġdid tar-regola "global gag";

42.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tibqa' impenjata favur l-implimentazzjoni bis-sħiħ tal-obbligi u l-impenji fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa, magħmula fis-CEDAW, il-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, u li tirrispetta l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħhom;

43.  Ifakkar fil-pubblikazzjoni ta' Awwissu 2017 tal-ewwel Rapport ta' Implimentazzjoni Annwali għas-sena 2016 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020 (GAP II), li juri għadd ta' xejriet pożittivi fit-trasformazzjoni tal-ħajja ta' bniet u nisa billi tiġi żgurata l-integrità fiżika u psikoloġika tagħhom, jiġu promossi d-drittijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom u t-tisħiħ tal-vuċi u l-parteċipazzjoni tagħhom; jemmen li l-UE għandha tkompli tintegra l-appoġġ lin-nisa fl-operazzjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK), fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fir-rikostruzzjoni wara kunflitt; itenni l-importanza tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2000) tal-31 ta’ Ottubru 2000 dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jenfasizza li involviment akbar tas-settur pubbliku u privat huwa essenzjali għar-rispett tad-drittijiet tan-nisa u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-istituzzjonijiet pubbliċi u privati, fit-tfassil tal-politika, fil-ħajja ekonomika u fil-proċessi ta' paċi; jenfasizza li s-settur tan-negozju għandu rwol importanti fit-tisħiħ tad-drittijiet tan-nisa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun minn ta' quddiem fl-indirizzar tal-isfruttament u l-abbuż sesswali fis-setturi tal-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp, peress li dawn is-setturi għandu jkollhom l-ogħla standards ta' responsabbiltà u obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-ħidma tagħhom; jenfasizza l-importanza li jiġu rieżaminati u msaħħa l-proċeduri ta' salvagwardja u r-regoli tal-parteċipazzjoni;

44.  Jistieden lis-SEAE jiżgura li l-eżiti tat-62 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa (CSW) jiġu inklużi fil-politiki tiegħu u jipprovdu impetu ġdid biex jinkisbu l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet fiż-żoni rurali;

45.  Jenfasizza l-importanza li l-edukazzjoni u t-taħriġ fis-suġġetti xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika (STEM), kif ukoll fl-istudji umanistiċi jkunu aċċessibbli għan-nisa u l-bniet, b'enfasi partikolari fuq l-iżvilupp tat-talenti u l-kompetenzi tagħhom u ż-żieda fil-parteċipazzjoni tagħhom fis-setturi STEM;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora modi u mezzi kif l-UE taderixxi b'mod unilaterali għall-Konvenzjoni tal-UNCRC, fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri kollha rratifikawha u li d-dritt primarju u sekondarju tal-UE jinkludi dispożizzjonijiet sostantivi dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal; jistieden lill-pajjiżi li għadhom ma rratifikawx il-UNCRC biex jagħmlu dan b'mod urġenti; jilqa' l-adozzjoni tal-Linji Gwida riveduti tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li jintlaħqu t-tfal kollha, inkluż dawk l-aktar marġinalizzati u dawk li jinsabu f'sitwazzjonijiet vulnerabbli; jissottolinja l-fatt li t-tfal ħafna drabi huma esposti għal forom speċifiċi ta' abbuż, bħal żwieġ tat-tfal, prostituzzjoni ta' tfal, l-użu ta' tfal suldati, mutilazzjoni ġenitali, tħaddim tat-tfal u traffikar tat-tfal, speċjalment fi kriżijiet umanitarji u kunflitti armati, u għalhekk jirrikjedu protezzjoni msaħħa; jappella lill-UE tikkoopera ma' pajjiżi terzi sabiex jintemmu ż-żwiġijiet prekoċi, tat-tfal u furzati billi jiġi stabbilit li l-età ta' 18-il sena tkun l-età legali minima għal żwieġ, tintalab il-verifika tal-età taż-żewġ konjuġi u tal-kunsens sħiħ u liberu tagħhom, jiġu introdotti reġistri taż-żwieġ obbligatorji, u tiġi żgurata l-konformità ma' dawn ir-regoli; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-involviment tal-UE f'dak li jirrigwardja l-indirizzar tal-protezzjoni tat-tfal, speċjalment minorenni mhux akkumpanjati, u biex tiġi ddedikata attenzjoni partikolari għall-edukazzjoni u l-appoġġ psikosoċjali; jitlob l-implimentazzjoni xierqa tal-linji gwida għall-Protezzjoni tal-Iskejjel u l-Universitajiet minn Użu Militari waqt Kunflitt Armat; jitlob li tinstab soluzzjoni urġenti għall-kwistjoni tat-tfal apolidi fi ħdan l-UE u barra minnha, b'mod partikolari dawk li twieldu barra mill-pajjiż tal-oriġini tal-ġenituri tagħhom, kif ukoll tfal migranti, f'konformità mad-dritt internazzjonali; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw pjan ta' azzjoni biex iwaqqfu d-detenzjoni ta' tfal bħala riżultat tal-istatus migratorju tagħhom, f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Refuġjati u l-Migranti; ifakkar fid-dritt għal protezzjoni speċjali fl-aħjar interessi tat-tfal;

47.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jistabbilixxu trasparenza u monitoraġġ totali fir-rigward il-fondi allokati lil pajjiżi terzi għal kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni, u jiżguraw li din il-kooperazzjoni ma tkunx ta' benefiċċju, la direttament u lanqas indirettament, għas-sistemi ta' sigurtà, tal-ġustizzja u tal-pulizija involuti fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'dan il-kuntest; jenfasizza l-possibbiltà li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tiġi sseparata mill-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni u l-ġestjoni tal-migrazzjoni; jinsab imħasseb dwar l-istrumentalizzazzjoni possibbli tal-politika estera tal-UE bħala "ġestjoni tal-migrazzjoni", u jenfasizza li t-tentattivi kollha għal ħidma ma' pajjiżi terzi, inkluż pajjiżi ta' oriġini u tranżitu, fir-rigward tal-migrazzjoni jridu jimxu id f'id mat-titjib tal-kundizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-pajjiżi u l-konformità mad-dritt internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt dwar ir-refuġjati; jesprimi t-tħassib profond u s-solidarjetà tiegħu mal-għadd kbir ta' refuġjati, migranti u persuna spostati f'pajjiżhom, li jsofru ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem bħala vittmi ta' kunflitti, persekuzzjoni, nuqqasijiet fil-governanza, u ta' netwerks ta' traffikar u faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-flussi migratorji biex b'hekk tiġi indirizzata d-dimensjoni esterna tal-fenomenu tal-migrazzjoni, inkluż billi jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli għall-kunflitti u s-sottożvilupp ekonomiku, fil-viċinat tagħna u madwar id-dinja, billi jiġu żviluppati kooperazzjoni u sħubijiet ma' pajjiżi terzi kkonċernati li jikkonformaw mad-dritt internazzjonali, jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tinżamm il-kredibilità tal-UE kemm fi ħdanha kif ukoll barra minnha; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu assistenza umanitarja fl-oqsma tal-edukazzjoni, tal-akkomodazzjoni, tas-saħħa u oqsma oħrajn li fihom l-migranti u r-refuġjati jeħtieġu appoġġ, u jimplimentaw adegwatament il-politiki ta' ritorn; jirrimarka li l-UE jeħtieġ li tinkoraġġixxi lill-pajjiżi kkonċernati jiffirmaw il-Protokoll kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru; jinnota li n-NU rreġistrat li fl-2017 madwar 258 miljun persuna jgħixu f'pajjiż li mhuwiex il-pajjiż tat-twelid tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tittratta l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-migranti u r-refuġjati bħala prijorità fil-politiki tagħha; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati u implimentati b'mod aħjar l-oqsfa ta' protezzjoni għall-migranti u r-refuġjati, b'mod partikolari permezz ta' rotot ta' migrant sikuri u legali u bl-għoti ta' viżi umanitarji; jitlob li l-Parlament jissorvelja l-ftehimiet dwar il-migrazzjoni; jiddispjaċih dwar kwalunkwe tentattiv li jfixkel, iħammeġ jew saħansitra jikkriminalizza l-assistenza umanitarja, u jinsisti dwar il-ħtieġa li jkun hemm kapaċitajiet akbar ta' tiftix u salvataġġ għal persuni li jinsabu f'diffikultà fuq il-baħar u fuq l-art sabiex jiġu ssodisfati l-obbli primarji tad-dritti internazzjonali; jissottolinja li fl-1 ta' Jannar 2017, l-għadd ta' persuni li jirrisjedu fi Stat Membru li għandhom ċittadinanza ta' pajjiż mhux membru kien ta' 21,6 miljun, li jirrappreżenta 4,2 % tal-popolazzjoni tal-UE-28; jistieden lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom fi djalogu serju biex jistabbilixxu fehim komuni u inklużiv, responsabilitajiet kondiviżi u unità fl-intenzjonijiet fir-rigward tal-migrazzjoni; jilqa' l-inizjattiva tan-NU dwar il-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari, il-Patt Globali tal-UNHCR dwar ir-Refuġjati u r-rwol essenzjali li hija tat lid-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-Patti;

48.  Jiddeplora l-persistenza tat-traffikar ta' bnedmin; jissottolinja l-fatt li t-traffikar ta' bnedmin jittrasforma l-persuni f'oġġetti u jikkostitwixxi waħda mill-agħar forom ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' approċċ konsistenti għad-dimensjonijiet interni u esterni tal-politiki tal-UE intiżi biex jiġġieldu t-traffikar ta' bnedmin fil-livelli kollha; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi sabiex jinvestigaw l-istadji kollha tat-traffikar tal-bnedmin, inkluż il-forom kollha ta' sfruttament ta' persuni, speċjalment in-nisa u t-tfal, bħat-traffikar tal-organi, ix-xogħol furzat u l-isfruttament sesswali, u jikkooperaw man-NU u mas-soċjetà ċivili f'dawn l-oqsma; jitlob li jkun hemm prinċipji u strument legali ċari li jindirizzaw l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-maternita' surrogata; jesprimi tħassib profond tiegħu għall-vulnerabbiltà estrema tal-migranti u tar-refuġjati, speċjalment in-nisa u t-tfal, għall-isfruttament, għat-traffikar u għall-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin, inkluż fil-hotspots tal-migrazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu promossi politiki ffukati fuq il-vittmi, li jipprevjenu u jnaqqsu din it-tip ta' kriminalità, u li jittieħdu passi kontra l-profitti li jirriżultaw mit-traffikar ta' bnedmin;

49.  Jinkoraġġixxi lill-pajjiżi kollha, inklużi l-Istati Membri, u lill-UE jinvolvu ruħhom fin-negozjati biex jadottaw strument internazzjonali ġuridikament vinkolanti għad-drittijiet tal-bnieden fir-rigward ta' korporazzjonijiet transnazzjonali u kumpaniji oħra, permezz ta' parteċipazzjoni attiva fil-grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ stabbilit fi ħdan in-NU; jinsisti għal darb'oħra dwar il-ħtieġa ta' implimentazzjoni rapida tal-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs), b'mod partikolari fir-rigward tat-tielet pilastru dwar l-aċċess għal rimedju; jirrikonoxxi l-importanza kbira tal-Patt Globali tan-NU u l-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jenfasizza l-importanza ta' Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef l-iżvilupp tiegħu bl-għan li tinkiseb l-implimentazzjoni sħiħa tal-UNGPs; jinkoraġġixxi lill-kumpaniji kollha, inkluż il-kumpaniji bbażati fl-UE, jeżerċitaw id-diliġenza dovuta, u jafferma mill-ġdid l-importanza tal-promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u li l-intrapriżi Ewropej jkollhom rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-istandards internazzjonali dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-pajjiżi kollha jimplimentaw b'mod effikaċi u rapidu l-UNGPs u jiggarantixxu li n-negozji fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom jikkonformaw ma' standards tad-drittijiet tal-bniedem u normi soċjali dwar ix-xogħol; jinkoraġġixxi lill-pajjiżi kollha jindirizzaw kumpaniji li jużaw materja prima jew komoditajiet oħra li joriġinaw minn żoni ta' kunflitti; itenni l-appell tiegħu għall-inklużjoni ta' regoli dwar responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fi ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi terzi; jenfasizza li l-vittmi ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju għandhom jiġu ggarantiti aċċess xieraq u effettiv għal rimedji; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-korruzzjoni minn korporazzjonijiet meta dawn iseħħu u li jiġi żgurat li l-korporazzjonijiet ikunu jistgħu jinżammu responsabbli; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx azzjoni skont l-appelli li saru fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabilità tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(18); jappella biex jittieħdu miżuri li jorbtu lill-industrija biex teqred it-tħaddim tat-tfal u tipprevjeni ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi task force interistituzzjonali dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem u tesplora inizjattiva dwar l-obbligu ta' diliġenza fil-livell tal-UE;

50.  Ifakkar fl-impenn tal-UE li tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi; jenfasizza, għaldaqstant, li l-progress tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi, inkluż l-implimentazzjoni tal-klawżoli ta' kundizzjonalità marbuta mad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali, irid jiġi appoġġat fil-politiki kollha tal-UE b'dimensjoni esterna, inkluża l-politika kummerċjali; jenfasizza r-rwol li r-relazzjonijiet kummerċjali jista' jkollhom fit-trawwim tat-tkabbir fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u fil-preservazzjoni tas-swieq lokali tagħhom; jinnota li l-appoġġ għas-sistemi demokratiċi u l-aspirazzjonijiet għal-libertà tal-popli għandhom ikomplu jkunu prinċipji ta' gwida għall-interessi ekonomiċi tal-UE; ifakkar li l-koerenza tal-politika hija essenzjali għall-iżvilupp, u jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki kummerċjali u tal-iżvilupp fil-fażijiet kollha tagħhom; jappella lill-UE tiżgura li l-oġġetti ċċirkolati fit-territorju tagħha taħt skemi ta' ċertifikazzjoni etika ma jkunux ġejjin minn xogħol tat-tfal jew furzat; jappella għall-introduzzjoni ta' strument imfassal speċifikament għall-monitoraġġ u t-tisħiħ tal-politika dwar il-ġeneru fil-ftehimiet kummerċjali; jilqa' l-programmi, il-proġetti u l-finanzjament tal-UE f'pajjiżi terzi, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi vvalutat u evitat kwalunkwe ksur billi jinħoloq mekkaniżmu ta' lmenti għall-individwi u l-gruppi;

51.  Iqis l-iskemi ta' kummerċ ta’ żvilupp sostenibbli u l-governanza tajba (SĠP+) bħala wieħed mill-istrumenti ta' politika kummerċjali ewlenin tal-UE għall-promozzjoni tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u l-istandards ambjentali ma' pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi u timmonitorja aħjar skemi ta' SĠP+ sabiex jiġi żgurat li l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem jiġu rrispettati minn pajjiżi benefiċjarji; jenfasizza li, fi ħdan il-qafas ta' SĠP+ rivedut, il-Kummissjoni għandha timmira li żżid it-trasparenza u r-responsabbiltà ta' dan il-mekkaniżmu, tistabbilixxi proċeduri ċari għall-parteċipazzjoni sinifikanti u msaħħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u twettaq valutazzjonijiet tal-impatt effettivi dwar id-drittijiet tal-bniedem qabel ma tagħti preferenzi kumerċjali u waqt l-implimentazzjoni tagħhom; jappella għall-inklużjoni possibbli tal-Istatut ta' Ruma tal-QKI fil-lista ta' konvenzjonijiet li huma meħtieġa għall-istatus SĠP+; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tiffinanzja l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili li jissorveljaw l-implimentazzjoni ta' dawn l-iskemi; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni ta' forom ta' kooperazzjoni li jiffaċilitaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' pajjiżi terzi, b'enfasi speċjali fuq il-ħtiġijiet tal-poplu tagħhom;

52.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jirrispettaw b'mod strett il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi, u b'mod partikolari sabiex iwaqqfu t-trasferimenti kollha tal-armi, tat-tagħmir ta' sorveljanza u intelligence u materjal li jista' jintuża mill-gvernijiet fir-repressjoni tad-drittijiet tal-bniedem u fl-attakki kontra persuni ċivili; jirrimarka li l-kummerċ globali tal-armi u materjali tal-gwerra jikkontribwixxi għall-użu tagħhom f'bosta kunflitti f'pajjiżi terzi; jinnota li l-Istati Membri tal-UE huma fost l-akbar esportaturi tal-armi fil-livell globali, u jqis li huwa essenzjali li l-istandards internazzjonali li jirregolaw il-bejgħ tal-armi jiġu infurzati u msaħħa fuq livell globali;

53.  Jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, inkluż għal raġunijiet ta' razza, reliġjon, kasta jew sistemi simili tal-istatus inerenti, orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, id-diżabbilità u kwalunkwe status ieħor; jinsab allarmat dwar il-ħafna manifestazzjonijiet ta' razziżmu, ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza u nuqqas ta' rappreżentanza politika għall-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħall-minoranzi etniċi, lingwistiċi u reliġjużi, persuni b'diżabbiltà, il-komunità LGBTI, in-nisa u t-tfal; jitlob lill-UE ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex teqred, mingħajr distinzjoni, il-forom kollha ta' diskriminazzjoni u biex tippromwovi s-sensibilizzazzjoni, kultura ta' tolleranza u inklużjoni, u protezzjoni speċjali għall-gruppi l-aktar vulnerabbli permezz ta' drittijiet tal-bniedem u djalogi politiċi, il-ħidma tad-delegazzjonijiet tal-UE u d-diplomazija pubblika; jistieden lill-pajjiżi kollha jiżguraw li l-istituzzjonijiet rispettivi tagħhom jipprovdu protezzjoni legali effettiva fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom; jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati strateġiji edukattivi fl-iskejjel sabiex titqajjem kuxjenza fost it-tfal u biex dawn jingħataw l-għodod li jeħtieġu biex jidentifikaw l-forom kollha ta' diskriminazzjoni;

54.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu integrati b'mod kredibbli l-prinċipju ta' aċċessibbiltà universali u d-drittijiet kollha ta' persuni b'diżabbiltà fil-politiki rilevanti kollha tal-UE, inkluż fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u jissottolinja n-natura preskrittiva u orizzontali ta' din il-kwistjoni; jappella lill-UE tinkorpora l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' diżabilità fl-azzjoni esterna tagħha u fil-politiki dwar l-għajnuna għall-iżvilupp; jistieden lill-gvernijiet ta' pajjiżi terzi jirrieżaminaw il-leġiżlazzjoni kollha tagħhom bl-għan li jkun hemm armonizzazzjoni f'konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà (CRPD); jappella lill-pajjiżi kollha jirratifikaw is-CRPD u jtenni l-importanza tal-implimentazzjoni effiċjenti tagħha;

55.  Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fit-tmien sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU dwar it-Tixjiħ, u b'mod partikolari s-sottomissjonijiet u d-dikjarazzjonijiet konġunti tagħhom dwar l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni, il-vjolenza, l-abbuż u n-negliġenza fil-konfront ta' persuni anzjani; jibqa' mħasseb dwar il-prevalenza tax-xjuħija u ostakli oħra għall-issodisfar tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni anzjani; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jappoġġaw bis-sħiħ il-proċess tal-Grupp ta' Ħidma, inkluż billi jallokaw u/jew jappoġġaw l-allokazzjoni tal-kapaċità ta' riżorsi adegwati għall-funzjonament tiegħu, kif ukoll billi jirrispondu għal sejħiet li jmiss għal sottomissjonijiet, jikkonsultaw u jinvolvu lill-persuni anzjani fit-tħejjija tas-sottomissjonijiet, u jinkludu persuni anzjani fid-delegazzjonijiet rispettivi tagħhom;

56.  Jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tal-UE fil-laqgħa dwar ir-rieżami tal-Istrateġija ta' Implimentazzjoni Reġjonali għall-Ewropa tal-Pjan ta' Azzjoni Internazzjonali ta' Madrid dwar it-Tixjiħ (MIPAA) li saret f'Lisbona fl-2017; jenfasizza li l-MIPAA tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għar-realizzazzjoni aħjar tad-drittijiet ta' persuni persuni anzjani;

57.  Jikkundanna d-detenzjoni, it-tortura, il-persekuzzjoni u l-qtil arbitrarji tal-persuni LGBTI; jirrikonoxxi li l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru jistgħu jżidu r-riskju tad-diskriminazzjoni, vjolenza u persekuzzjoni; jinnota li f'numru ta' pajjiżi madwar id-dinja, il-persuni LGBTI għadhom jaffaċċjaw persekuzzjoni u vjolenza abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom; jikkundanna l-vjolazzjonijiet kontra n-nisa u gruppi ta' minoranza li huma fi ksur tad-dritt fundamentali għall-integrità fiżika u l-identità, bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili u l-mutilazzjonijiet ġenitali intersesswali; jinnota li 72 pajjiż għadhom jikkriminalizzaw relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess, u li fi 13 minn dawn il-pajjiżi dawn ir-relazzjonijiet huma meqjusa bħala reati kapitali; iħeġġeġ lil dawn l-istati jbiddlu immedjatament il-leġiżlazzjoni tagħhom; jilqa' l-isforzi tal-UE biex ittejjeb id-drittijiet u l-protezzjoni legali ta' persuni LGBTI; iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar l-LGBTI; jistieden lill-Kummissjoni twettaq rappurtar annwali dwar l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill għal dan l-għan; jinnota li, skont il-valutazzjoni tal-ewwel sena tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016–2020 (GAP II), terz tad-delegazzjonijiet ippromwovew id-drittijiet ta' persuni LGBTI;

58.  Jikkundanna l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem li jitwettaq kontra persuni li jsofru minħabba ġerarkiji tal-kasti u diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasti, segregazzjoni u ostakli indotti mill-kasti, inkluż iċ-ċaħda tal-aċċess għall-impjiegi u s-sistema legali u drittijiet tal-bniedem bażiċi oħra; jinsab imħasseb bil-kbir dwar id-diskriminazzjoni istituzzjonalizzata sussegwenti u l-frekwenza allarmanti ta' attakki vjolenti bbażati fuq il-kasta; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jintensifikaw l-isforzi u jappoġġaw inizjattivi fil-livell tan-NU u ta' delegazzjoni biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta;

59.  Jenfasizza l-importanza li jiġu segwiti politiki ta' ugwaljanza li jippermettu lill-minoranzi nazzjonali jew etniċi, reliġjużi u lingwistiċi kollha, kif ukoll popli indiġeni, igawdu d-drittijiet fundamentali tagħhom; jilqa' r-Riżoluzzjoni 71/178 tad-19 ta’ Diċembru 2016 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni li pproklamat is-sena 2019 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Lingwi Indiġeni; ifakkar li skont ir-Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni, dawn l-aħħar snin raw żieda inkwetanti ta' diskriminazzjoni, attakki u theddid kontra popli indiġeni, u l-kriminalizzazzjoni u l-qtil ta' dawk li jiddefendu l-art, it-territorji u r-riżorsi tagħhom, u b'mod partikolari kontra n-nisa; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tiżgura l-protezzjoni ta' dawn id-difensuri, u li kwalunkwe delitt jiġi investigat u l-awturi ta' dawn id-delitti jinżamm responsabbli; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaġixxu b'mod attiv favur ir-rikonoxximent, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-popli indiġeni; jistieden lill-pajjiżi jirratifikaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO dwar il-Popli Indiġeni u Tribali;

60.  Jinnota d-diversi benefiċċji li jipprovdi l-internet; jinsab imħasseb, madankollu, dwar il-ġbir bil-massa minn operaturi kummerċjali għal finijiet ta' kummerċjalizzazzjoni, tad-data personali tal-utenti, mingħajr l-għarfien u/jew il-kunsens sħiħ tagħhom, li tista' tintuża b'modi potenzjalment ta' ħsara, bħal pereżempju biex jitrażżnu l-attivitajiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, jimminaw il-libertà ta' espressjoni tagħhom, u jaffettwaw ir-riżultati elettorali u t-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi; jistieden lill-kumpaniji tad-data jwettqu valutazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; jiddeplora mudelli ta' negozji li huma bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jitlob li d-data personali tinġabar b'mod konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-komunità internazzjonali, inkluż l-UE u l-Istati Membri tagħha, isaħħu u jimplimentaw leġiżlazzjoni effikaċi f'dan il-qasam bħala kwistjoni ta' urġenza;

61.  Jirrikonoxxi li t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni joħolqu theddid akut għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u b'hekk jagħmlu ħsara lis-soċjetà, u jiddispjaċih dwar il-fatt li l-attakki mwettqa fl-2017 ħafna drabi kellhom fil-mira tagħhom lill-individwi jew lill-gruppi li jħaddnu dawn il-valuri; jikkundanna bil-qawwa l-fatt li fl-2017 seħħew aktar minn 1 000 attakk terroristiku madwar id-dinja u rriżultaw għal madwar 6 123 telf ta' ħajjiet; jappoġġa l-isforzi tal-UE biex tipprevjeni u tiġġieled it-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni, inklużi l-inizjattivi u n-netwerks madwar l-UE, bħan-Netwerk dwar Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni, iżda jtenni li l-isforzi kollha jridu jikkonformaw mad-drittijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jirrimarka li l-edukazzjoni hija l-aħjar strument biex tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li l-vittmi tat-terroriżmu jingħataw attenzjoni u appoġġ speċjali, inkluż appoġġ psikoloġiku, valutazzjonijiet individwali għal kull vittma, appoġġ legali, aċċess għall-ġustizzja, servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni, u servizzi ta' appoġġ effettiv lill-vittmi b'mod ġenerali; jenfasizza l-ħtieġa li l-istrateġiji kontra t-terroriżmu jirrispettaw l-istat tad-dritt u jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jirrakkomanda li l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet kontra t-terroriżmu jinkludu l-valutazzjoni bir-reqqa tar-riskji għal-libertajiet fundamentali u għad-drittijiet tal-bniedem, u salvagwardji f'każ ta' ksur; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-iskambju u l-koordinazzjoni ta' informazzjoni permezz tal-mezzi u l-aġenziji tagħha sabiex tipprevjeni, tidentifika u tressaq quddiem il-ġustizzja b'mod rapidu it-theddid terroristiku;

62.  Ifakkar li s-sanzjonijiet huma strument essenzjali tal-PESK; iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta s-sanzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni tal-UE kull meta jitqiesu neċessarji biex jintlaħqu l-objettivi tal-PESK, b'mod partikolari bl-għan li jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem u tiġi konsolidata u appoġġata d-demokrazija, filwaqt li jkun żgurat li ma jkollhomx impatt fuq il-popolazzjoni ċivili; jitlob li dawn is-sanzjonijiet ikunu mmirati lejn uffiċjali identifikati bħala responsabbli mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem bl-għan li jkunu kkastigati għad-delitti u għall-abbuż li wettqu;

63.  Huwa tal-fehma li l-isport jista' jkollu rwol pożittiv fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jiddispjaċih dwar il-fatt, madankollu, li hemm korrelazzjoni speċifika bejn ċerti abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u avvenimenti sportivi kbar fil-pajjiżi li jospitaw tali avvenimenti jew li huma kandidati biex jospitawhom; ifakkar li dawn l-abbużi jinkludu l-iżgumbramenti, it-trażżin tal-ilħna tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u l-isfruttament tal-ħaddiema għall-kostruzzjoni ta' faċilitajiet sportivi kbar; jitlob lill-UE tiżviluppa qafas ta' politika fil-livell tal-Unjoni dwar l-isport u d-drittijiet tal-bniedem u biex tinvolvi l-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, l-atturi korporattivi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħhom f'tali avvenimenti; jistieden lill-korpi u lill-organizzazzjonijiet sportivi internazzjonali u nazzjonali u lill-pajjiżi ospitanti ta' avvenimenti kbar jimpenjaw ruħhom favur il-governanza tajba u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-ħaddiema, il-libertà tal-midja u l-protezzjoni ambjentali, biex jimplimentaw miżuri kontra l-korruzzjoni fit-tħejjija u matul l-avvenimenti sportivi kbar, u jipprovdu rimedji għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' d-deċiżjoni li ttieħdet f'Novembru 2017 mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol li tagħlaq każ dwar it-trattament ta' ħaddiema migranti fi ħdan il-qafas tat-tħejjijiet għat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tal-2022; jinnota l-ftehim ta' riformi li, jekk jiġi implimentat b'mod effikaċi, se jagħti protezzjoni aħjar lill-ħaddiema;

64.  Iħeġġeġ lill-UE tintroduċi politiki effettivi u sostenibbli biex tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima; jenfasizza li t-tibdil fil-klima hija waħda mill-kawżi ewlenin taż-żieda fl-ispostament intern u l-migrazzjoni furzata; jistieden lill-komunità internazzjonali tiżviluppa miżuri li jiġġiedu kontra t-tibdil fil-klima u jipproteġu lil dawk affettwati; jinnota li l-politika barranija tal-UE għandha tiżviluppa kapaċitajiet biex tissorvelja riskji relatati mat-tibdil fil-klima, inklużi prevenzjoni tal-kriżijiet u sensittività għall-kunflitti; jemmen li azzjoni konsegwenzjali u rapida dwar il-klima essenzjalment tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tar-riskji soċjali u ekonomiċi, iżda wkoll riskji għas-sigurtà, għall-prevenzjoni ta' kunflitti u għall-instabbilità, u finalment sabiex ma jitħallas prezz politiku, soċjali u ekonomiku kbir; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-integrazzjoni tad-diplomazija dwar il-klima fil-politiki tal-UE għall-prevenzjoni tal-kunflitti, it-twessigħ u l-adattament tal-ambitu tal-missjonijiet u l-programmi tal-UE f'pajjiżi terzi u fiż-żoni ta' kunflitt; jenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, li jiġu implimentati b'mod rapidu politiki li jnaqqsu l-impatt tat-tibdil fil-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi;

o
o   o

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tas-70 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-UE.

(1) ĠU L 76, 22.3.2011, p. 56.
(2) A/HRC/33/44.
(3) A/AC.278/2017/2.
(4) ĠU C 303, 15.12.2009, p. 12.
(5) Testi Adottati, P8_TA(2018)0292.
(6) Testi Adottati, P8_TA(2018)0201.
(7) ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1.
(8) ĠU C 75, 26.2.2016, p. 111.
(9) ĠU C 181, 19.5.2016, p. 69.
(10) Testi adottati, P8_TA(2017)0494.
(11) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(12) ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6.
(13) Testi adottati, P8_TA(2017)0247.
(14) Testi adottati, P8_TA(2017)0288;
(15) Testi adottati, P8_TA(2017)0346;
(16) ĠU C 285, 29.8.2017, p. 110.
(17) Testi adottati, P8_TA(2017)0346;
(18) Testi adottati, P8_TA(2016)0405.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Ottubru 2019Avviż legali