Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2283(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0369/2018

Testi mressqa :

A8-0369/2018

Dibattiti :

PV 11/12/2018 - 18
CRE 11/12/2018 - 18

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2018 - 19.3
CRE 12/12/2018 - 19.3

Testi adottati :

P8_TA(2018)0518

Testi adottati
PDF 204kWORD 68k
L-Erbgħa, 12 ta' Diċembru 2018 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tal-UE mal-Ukrajna
P8_TA-PROV(2018)0518A8-0369/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Ukrajna (2017/2283(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22, 36 u 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Parti Ħamsa tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (AA), u għall-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni relatata,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar ir-Rapport rigward l-Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni dwar l-Ukrajna tal-14 ta' Novembru 2017 (SWD(2018)0376),

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-missjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin fl-Ukrajna bejn l-4 u s-6 ta' April 2018,

–  wara li kkunsidra l-istudji esperti mfassla mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, inkluż l-istudju dwar "The electoral reforms in three association countries of the Eastern Neighbourhood – Ukraine, Georgia and Moldova and their impact on political developments in these countries" (Ir-riformi elettorali fi tliet pajjiżi assoċjati tal-Viċinat tal-Lvant – l-Ukrajna, il-Georgia u l-Moldova u l-impatt tagħhom fuq l-iżviluppi politiċi f'dawn il-pajjiżi), ippubblikat fis-26 ta' Ottubru 2017, l-istudju intitolat "Institutional Architecture for the Implementation Agreements in Georgia, Moldova and Ukraine" (Arkitettura Istituzzjonali għall-Ftehimiet ta’ Implimentazzjoni fil-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna) ippubblikat f’Ġunju 2018, u l-istudju komparattiv bit-titolu "The Development of an Institutional Framework for the Implementation of the Association Agreements in Georgia, Moldova and Ukraine" (L-Iżvilupp ta' Qafas Istituzzjonali għall-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni fil-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna), ippubblikat f'Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0369/2018),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar ir-Rapport rigward l-Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni dwar l-Ukrajna tas-7 ta' Novembru 2018 (SWD(2018)0462),

Ambjent ġenerali ta' riforma – gwerra, theddid għas-sigurtà u sfidi domestiċi

A.  billi l-Ukrajna ilha tagħmel progress fit-triq lejn l-integrazzjoni Ewropea, u rreġistrat kisbiet importanti fl-ewwel perjodu elettorali wara r-Rivoluzzjoni tad-Dinjità, għad fadal aktar kompiti diffiċli li jridu jiġu indirizzati, u l-appoġġ pubbliku għall-modernizzazzjoni u r-riforma qed isofri minħabba d-diżappunt tan-nies dwar il-kundizzjonijiet soċjali li qed ikomplu jmorru għall-agħar, l-inċertezza dwar il-futur, in-nuqqas ta' sodisfazzjon bil-politika ta' riforma tal-gvern, is-setgħa kontinwa tal-oligarki u l-persistenza ta' korruzzjoni endemika fl-istituzzjonijiet tal-istat; billi għad hemm kunsens qawwi mill-poplu Ukren favur relazzjonijiet aktar mill-qrib mal-UE, parti kbira mill-popolazzjoni madankollu mhijiex sodisfatta bl-iżvilupp ġenerali tal-pajjiż;

B.  billi madwar ħames miljun Ukren issa qed jaħdmu barra minn pajjiżhom, kemm bħala migranti fit-tul, kif ukoll bħala ħaddiema għall-perjodu qasir ta' żmien u bħala ħaddiema staġjonali, prinċipalment fir-Russja u issa dejjem aktar, fil-Polonja, u billi r-rimessi tagħhom huma fattur importanti għall-istabbiltà ekonomika;

C.  billi, f'dan il-kuntest, għandhom jintlaqgħu bi pjaċir il-kisbiet ewlenin fir-relazzjonijiet UE-Ukrajna, bħad-dħul fis-seħħ tar-reġim mingħajr viża fil-11 ta' Ġunju 2017 u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-1 ta' Settembru 2017;

D.  billi l-Ukrajna jistħoqqilha tifħir partikolari għal riformi fl-oqsma tal-enerġija, is-saħħa, il-pensjonijiet, l-edukazzjoni, l-amministrazzjoni pubblika, id-deċentralizzazzjoni, l-akkwist pubbliku, id-difiża u s-sigurtà, u fis-settur bankarju, u fl-iżgurar tal-istabbilizzazzjoni makroekonomika; billi dawn ir-riformi kienu akkumpanjati minn żidiet drastiċi fil-prezzijiet, minn tnaqqis fil-benefiċċji soċjali u mit-tħassir tal-aċċess għas-sistemi tas-sigurtà soċjali; billi għad fadal sfidi sinifikanti, b'mod partikolari f'oqsma bħall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-privatizzazzjoni u r-riforma ġudizzjarja; billi l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA), li jifforma parti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna, u li ilu jopera uffiċjalment sa mill-1 ta' Jannar 2016, jipprovdi bażi solida għall-iżvilupp ekonomiku u għall-modernizzazzjoni tal-Ukrajna; billi għall-aħħar erba' snin l-ekonomija tal-Ukrajna mhux biss stabbilizzat iżda wriet ukoll xi sinjali ta' titjib; billi sa mill-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fl-2014, l-Ukrajna għamlet aktar riformi favur l-Ewropa milli matul is-snin preċedenti kollha mill-indipendenza tal-Ukrajna;

E.  billi l-wirt tal-passat, partikolarment l-inċertezza legali u l-għadd kbir ta' liġijiet parzjalment kontradittorji, ir-reżistenza minn interessi oligarkiċi u interessi personali oħra, il-korruzzjoni, in-nepotiżmu, l-istituzzjonijiet pubbliċi dgħajfa, u n-nuqqas ta' proċessi ċari u ta' istituzzjonijiet ta' koordinazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni qed ixekklu r-riformi istituzzjonali fl-Ukrajna; billi l-aġenda ta' riforma tal-Ukrajna għandha tiffoka fuq it-temi trasversali tad-deċentralizzazzjoni, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, id-deregolamentazzjoni u deoligarkizzazzjoni;

F.  billi t-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi tal-istituzzjonijiet statali huwa kruċjali fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/DCFTA u fl-iżgurar tal-effikaċja tar-riformi;

G.  billi l-isforzi ta' komunikazzjoni dwar in-natura dinamika u li qed tevolvi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u n-natura, il-kontenut u l-benefiċċji tar-riformi relatati għaċ-ċittadini jridu jittejbu u jiġu intensifikati sabiex tiġi żgurata l-aċċettazzjoni u l-fiduċja tal-pubbliku fil-passi meħtieġa għall-perkors Ewropew tal-Ukrajna;

H.  billi l-Unjoni Ewropea ssostni bis-sħiħ l-appoġġ u l-impenn sod tagħha għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha li huma rikonoxxuti internazzjonalment, u l-appoġġ tagħha għas-sanzjonar ikkoordinat fil-livell internazzjonali tal-gvernijiet u tal-aġenti li jimmina l-integrità territorjali tal-pajjiż;

I.  billi, filwaqt li jikkundanna l-aggressjoni kontinwa mir-Russja fil-Lvant tal-Ukrajna, l-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta' Sevastopol, u l-okkupazzjoni tar-Russja f'xi reġjuni tal-oblasti ta' Donetsk u Luhansk, li kollha kemm huma jiksru d-dritt internazzjonali u l-impenji u l-obbligi tar-Russja bħala parti mis-sħubija tagħha f'organizzazzjonijiet internazzjonali, u l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehimiet Ewropej li kemm hi, kif ukoll l-Ukrajna, huma firmatarji tagħhom, b'mod partikolari l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Ħelsinki u l-Memorandum ta' Budapest u t-Trattat ta' Ħbiberija, Kooperazzjoni u Sħubija bejn l-Ukrajna u l-Federazzjoni Russa tal-1997, għandu jiġi rikonoxxut li l-Ukrajna qed tiffaċċja sfidi ta' natura trasformattiva f'ambjent ta' gwerra u fost tentattivi ta' destabbilizzazzjoni;

J.  billi fil-kuntest tal-aggressjoni mmexxija mir-Russja kontra l-Ukrajna, ġew introdotti miżuri restrittivi tal-UE kontra l-Federazzjoni Russa li ġew estiżi regolarment; billi hemm xewqa ta' involviment usa' mill-UE fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt, pereżempju billi jinħatar rappreżentant speċjali tal-UE għall-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna u l-Krimea; itenni t-talba tiegħu għal format internazzjonali ta' negozjati dwar id-deokkupazzjoni tal-peniżola tal-Krimea, bil-parteċipazzjoni tal-UE; billi s-sanzjonijiet kontra r-Russja għandhom jiġu riportati u mwessgħa, b'mod partikolari għal individwi u intrapriżi li japprofittaw minn sitwazzjonijiet illegali, sakemm il-Federazzjoni Russa tagħmilha possibbli li l-Ukrajna terġa' tistabbilixxi bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tagħha;

K.  billi fil-25 ta' Novembru 2018 tliet bastimenti militari tal-flotta tal-Ukrajna li wettqu trasferiment ta' rutina minn Odessa għal Mariupol ġew ibblukkati, intlaqtu minn sparar u ġew maqbuda f'ilmijiet internazzjonali mill-Gwardja Kostali Russa; billi għadd ta' baħrin Ukrajni ndarbu u 24 ġew arrestati u, bħala riżultat ta' dan l-att mir-Russja, fis-26 ta' Novembru 2018ġie introdott stat limitat ta' liġi marzjali limitat f'10 reġjuni tal-Ukrajna għal 30 jum; billi l-bini tal-pont fuq l-Istrett ta' Kerch li jgħaqqad il-peniżola tal-Krimea, annessa illegalment, mar-Russja kontinentali, li sar mingħajr il-kunsens tal-Ukrajna u bi ksur ċar tas-sovranità u tal-integrità territorjali tagħha, għandu jiġi kkundannat; billi jiddeplora l-attivitajiet eċċessivi tal-Federazzjoni Russa fil-Baħar ta' Azov, safejn dawn jiksru d-dritt marittimu internazzjonali u l-impenji internazzjonali proprji tar-Russja; billi jikkundanna l-waqfien u l-ispezzjonijiet eċċessivi ta' bastimenti kummerċjali, inklużi kemm vapuri Ukreni kif ukoll dawk bi bnadar ta' stati terzi, inklużi vapuri taħt bnadar ta' diversi Stati Membri tal-UE;

L.  billi l-Verkhovna Rada jistħoqqlu l-kreditu għall-għerf tiegħu fl-istabbiliment ta' bilanċ delikat bejn difiża aħjar u l-garanzija ta' standards demokratiċi u l-istat tad-dritt, kif ukoll is-separazzjoni tas-setgħat kostituzzjonali, meta jadotta liġi dwar l-impożizzjoni tal-liġi marzjali; billi l-liġi marzjali ġiet imposta biss f'dawk ir-reġjuni tal-Ukrajna li jmissu mar-Russja, il-Baħar ta' Azov, il-Baħar l-Iswed u r-reġjun tal-Moldova ta' Transnistrija fejn hemm stazzjonati t-truppi Russi; billi limitazzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet ċivili f'dawk ir-reġjuni se jidħlu fis-seħħ biss jekk u meta jkun hemm attakk mill-forzi tal-art Russi fuq l-Ukrajna; billi l-liġi marzjali se tintemm fis-26 ta' Diċembru 2018;

Qafas istituzzjonali fis-seħħ għall-implimentazzjoni tar-riformi

1.  Jenfasizza l-ħames oqsma li l-Ukrajna trid tiffoka fuqhom sabiex issaħħaħ il-proċess ta' implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni: il-koordinament, is-sjieda, il-prijoritizzazzjoni, il-monitoraġġ u l-komunikazzjoni; jilqa' bi pjaċir, f'dan il-kuntest, l-istrateġija ta' komunikazzjoni tal-gvern adottata dan l-aħħar u d-Delegazzjoni tal-UE għall-kampanja ta' komunikazzjoni tal-Ukrajna intitolata "Nimxu 'l Quddiem Flimkien"; ifakkar fil-proposta ta' politika għal Sħubija tal-Lvant Plus (SL+) kif rakkomandata mill-Parlament sabiex jiskattaw perspettivi addizzjonali;

2.  Jenfasizza l-konvinzjoni tiegħu li progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u r-riformi se jkun possibbli biss jekk jiġi segwit il-proċess ta' deoligarkizzazzjoni u jekk titwarrab darba għal dejjem is-sistema stabbilita li fiha s-setgħa ekonomika, politika u tal-mezzi ta' komunikazzjoni tiġi kkonċentrata f'idejn xi ftit individwi li jalimentaw lil xulxin, problema li qed tkompli tinfluwenza b'mod qawwi u xxekkel dejjem aktar il-progress tar-riformi; huwa kritiku tal-fatt li d-deoligarkizzazzjoni s'issa ntużat l-aktar bħala għodda biex jiġi ssimplifikat is-suq u biex jerġa' jiġi stabbilit il-bilanċ bejn il-gruppi differenti ta' oligarki, li ġie mfixkel b'mod fundamentali fl-2014; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kunflitti ta' interess persistenti min-naħa tal-awtoritajiet regolatorji u superviżorji, li eskalaw f'battalji miftuħa bejn l-awtoritajiet;

3.  Jindika l-bżonn urġenti għal sorveljanza, sinerġija u koordinament politiku akbar tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropew fl-ogħla livell politiku, u wkoll għal enfasi akbar fuq ir-riformi li jwasslu għal benefiċċi tanġibbli għaċ-ċittadini;

4.  Jilqa' bi pjaċir il-pjan direzzjonali leġiżlattiv imfassal biex jindirizza l-kamp ta' applikazzjoni ambizzjuż tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jenfasizza li kemm il-leġiżlazzjoni ta' kwalità kif ukoll ir-rieda kontinwa u l-kapaċità għal implimentazzjoni xierqa jibqgħu essenzjali biex jagħmlu differenza reali għaċ-ċittadini;

5.  Jenfasizza l-fatt li l-progress fl-implimentazzjoni jiddependi fuq l-impenn tat-tmexxija politika favur ir-riforma, l-impenn lejn u l-prijoritizzazzjoni tal-integrazzjoni Ewropea mill-ogħla karigi politiċi u fuq il-ħiliet tal-ministeri, l-aġenziji eżekuttivi u r-regolaturi indipendenti;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb it-teħid ta' deċiżjonijiet intern tal-Verkhovna Rada bil-għan li jiġi ssimplifikat, u tingħata prijorità lill-adozzjoni tal-abbozz ta' liġijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; jemmen, f'dan ir-rigward, li r-rwol tal-Kumitat għall-Integrazzjoni Ewropea għandu jissaħħaħ u li l-kumitat għandu jkun jista' jimblokka leġiżlazzjoni li tmur kontra l-impenji li saru taħt il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; jenfasizza li dawn ir-riformi għandhom isiru qabel it-tmiem tal-leġiżlatura attwali;

7.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' għodod u riżorsi disponibbli fil-Bureau tal-Gvern għall-Integrazzjoni Ewropea u fl-Uffiċċju tal-Gvern għall-Integrazzjoni Ewropea u Ewro-Atlantika, inkluż l-istatus formali, il-persunal u l-baġit meħtieġ biex jiġi ġestit mandat ta' dan id-daqs u b'din il-kumplessità; jenfasizza n-nuqqas ta' kriterji għall-evalwazzjoni tal-grad ta' konformità bejn l-atti legali domestiċi u d-dritt tal-UE;

8.  Jilqa' bi pjaċir l-isforzi tal-Ukrajna biex tistabbilixxi sistema istituzzjonali u ta' monitoraġġ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż il-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern;

9.  Jenfasizza l-bżonn urġenti li tingħata assistenza teknika, esperta u finanzjarja prattika, li tiffoka fuq il-bini tal-ħiliet tal-Verhovna Rada u ta' ministeri ewlenin; jilqa' bi pjaċir il-kooperazzjoni tal-Parlament Ewropew mal-Verkhovna Rada dwar il-bini tal-kapaċità u l-proċess ta' Djalogu Jean Monnet;

10.  Jirrimarka li fi ħdan ċerti ministeri għadhom jippersistu "mentalitalitajiet kompartimentalizzati" li qed iwaqqfu t-teħid ta' pożizzjoni koerenti dwar il-kwistjonijiet ta' integrazzjoni Ewropea; jitlob, f'dan ir-rigward, kooperazzjoni akbar fi ħdan il-gvern u fil-Verkhovna Rada dwar kwistjonijiet relatati mal-UE;

11.  Jinsab imħasseb li l-interazzjoni bejn il-kabinett u l-parlament għadha ma ġietx irregolarizzata permezz ta' mekkaniżmu speċifiku fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/DCFTA;

12.  Jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni ġdid għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/DCFTA u l-isforzi mwettqa biex jiġu kkonsolidati l-pożizzjonijiet u l-kooperazzjoni bejn il-kabinett u l-parlament abbażi tal-pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; jenfasizza l-fatt li l-effikaċja tal-implimentazzjoni tar-riforma għandha rabta diretta mal-istadji preliminari tat-tfassil tal-politika u tal-leġiżlazzjoni; jisħaq li l-proċess ta' approssimazzjoni leġiżlattiva u regolatorja skedat fl-Ukrajna jeħtieġ li jitħaffef u jiġi mtejjeb, b'enfasi fuq il-kwalità tal-leġiżlazzjoni; jinnota madankollu li ċ-ċiklu tat-tfassil tal-politika huwa nieqes mill-istrument essenzjali ta' konsultazzjoni pubblika u ta' teħid ta' deċiżjonijiet ibbażati fuq ir-riċerka u l-kontrolli ta' kwalità tal-leġiżlazzjoni; jisħaq li l-kampanja elettorali m'għandhiex tkun ta' ħsara għall-proċess ta' riforma li għaddej bħalissa;

13.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rakkomandazzjonijiet deskritti fir-rapport tal-Missjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Riforma Interna u l-Bini ta' Kapaċità għall-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna mal-acquis tal-UE, li l-biċċa l-kbira tagħhom għad iridu jiġu promulgati;

14.  Iħeġġeġ lill-Ukrajna biex fl-aġenda ta' riforma tagħha tiffoka fuq it-tliet prijoritajiet ewlenin li ġejjin: i) l-istabbiliment ta' qafas ġuridiku effiċjenti biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni, li jinkludi l-istituzzjonijiet, it-trasparenza finanzjarja u l-verifika; ii) ir-riforma ta' deċentralizzazzjoni; iii) id-deoligarkizzazzjoni u l-privatizzazzjoni;

15.  Jissottolinja l-fatt li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mhuwiex l-għan aħħari tar-relazzjonijiet UE-Ukrajna u jilqa' bi pjaċir l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukrajna; jappoġġja l-iżvilupp ta' forom ġodda ta' kooperazzjoni msaħħa mal-UE, bħall-approssimazzjoni gradwali tal-Ukrajna mal-Unjoni Doganali, l-Unjoni tal-Enerġija u s-Suq Uniku Diġitali;

16.  Jirrimarka li, skont l-Artikolu 49 TUE, l-Ukrajna għandha perspettiva Ewropea, u tista' tapplika biex isir membru tal-Unjoni Ewropea, dment li taderixxi mal-kriterji ta' Kopenħagen u mal-prinċipji tad-demokrazija, u li tirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi u li tiżgura l-istat tad-dritt;

Djalogu politiku

17.  Jilqa' bi pjaċir u jappoġġja d-djalogu intens ħafna li sar bejn l-UE u l-Ukrajna f'ħafna livelli, mhux l-anqas bejn il-Parlament Ewropew u l-Verkhovna Rada, inkluz inter alia, tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni Parlamentari UE-Ukrajna, li jinkludi bosta kwistjonijiet kontroversjali;

18.  Jilqa' bi pjaċir l-ewwel riżultati tad-Djalogu Jean Monnet bejn il-Parlament Ewropew u l-Verkhovna Rada fl-istabbiliment ta' Grupp ta' Ħidma dwar ir-Riformi, l-implimentazzjoni tal-bini tal-kapaċità istituzzjonali u l-adozzjoni tal-ewwel leġiżlazzjoni istituzzjonali orjentata lejn ir-riforma;

19.  Jilqa' bi pjaċir l-istabbiliment tal-Assemblea Interparlamentari tal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna u l-ewwel laqgħa tagħha li saret fit-8 u d-9 ta' Ġunju fi Kiev; iħeġġeġ lil din l-assemblea tiskrutinizza wkoll l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni;

20.  Jilqa' bi pjaċir l-implimentazzjoni effettiva u sigura tar-reġim mingħajr viża mal-Ukrajna u l-benefiċċji li dan kellu fuq il-kuntatti interpersonali Ukrajna-UE;

21.  Jissottolinja l-importanza li jitwettaq aktar progress u approfondiment tal-kultura tad-djalogu parlamentari bħala pass kruċjali biex il-Verkhovna Rada ssir leġiżlatur aktar effettiv, trasparenti u effiċjenti;

L-istat tad-dritt u l-governanza tajba

22.  Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għandha tibqa' kwistjoni ta' prijorità, u għandha titwettaq b'mod konsistenti u kredibbli, sabiex mhux biss jiġi implimentat il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, iżda wkoll biex jinġieb investiment ġdid u tingħata vitalità ġdida lill-ekonomija tal-Ukrajna, bħala prerekwiżit għall-ħolqien tal-impjiegi u tad-dħul tal-familji;

23.  Jilqa' bi pjaċir il-miżuri u l-passi kollha ta' suċċess biex jingħalaq l-ispazju għall-korruzzjoni u l-arrikkiment illeċitu, pereżempju fil-qasam tal-akkwist pubbliku u l-kummerċ tal-gass;

24.  Jilqa' bi pjaċir ir-riforma ġudizzjarja komprensiva li għadha għaddejja, iżda jilmenta għall-fatt is-sistema ġudizzjarja attwali tal-Ukrajna għadha ineffikaċi, korrotta u dipendenti politikament; jissottolinja l-importanza li jitwettaq proċess ta' skrutinju għall-imħallfin f'konformità mal-ogħla standards internazzjonali, u li jiġi stabbilit proċess ta' għażla trasparenti u affidabbli ħafna li se jtejjeb l-integrità u l-professjonalità tal-imħallfin u l-prosekuturi u li jżid il-fiduċja taċ-ċittadini fis-sistema ġudizzjarja; jitlob li l-Qorti indipendenti Għolja Kontra l-Korruzzjoni tiġi stabbilita fil-pront u b'mod trasparenti u affidabbli; jilqa' bi pjaċir l-istabbiliment tal-Qorti Suprema l-ġdida;

25.  Jilqa' bi pjaċir il-ħidma li diġà twettqet mill-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni (NABU), iżda jindika l-indħil problematiku min-naħa tal-prosekutur ġenerali u l-isforzi mwettqa biex jiġi imminat il-qafas legali kontra l-korruzzjoni; jisħaq dwar il-ħtieġa kritika li tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza tan-NABU; jissottolinja l-importanza tal-indipendenza tal-prosekutur speċjali ta' kontra l-korruzzjoni u li l-uffiċċju tiegħu/tagħha jingħata l-mezzi neċessarji u b'riżorsi suffiċjenti biex ikun jista' jopera; jitlob li ssir investigazzjoni effettiva dwar l-allegazzjonijiet fir-rigward tal-prosekutur ewlieni kontra l-korruzzjoni b'rabta mal-interruzzjoni tal-investigazzjonijiet tan-NABU; jitlob lill-awtoritajiet Ukreni jżidu l-isforzi tagħhom biex jinvestigaw, iħarrku u jiġġieldu b'mod effettiv kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha, u jipprovdu rekord sod f'dan ir-rigward; jitlob li ssir riforma komprensiva tal-prosekuzzjoni pubblika sabiex jissaħħu l-kapaċità, l-effiċjenza, l-imparzjalità, l-oġġettività u l-indipendenza mis-superjuri tal-prosekuturi;

26.  Ifakkar li l-gvern impenja ruħu li jkompli għaddej bl-emenda tal-kostituzzjoni bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, inkluż ir-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi eżistenti; iħeġġeġ l-adozzjoni rapida tal-kodiċi elettorali l-ġdid, li għandu jiżgura possibbiltajiet indaqs għar-rappreżentazzjoni u t-tħaddim ta' mandat ta' kandidati ta' kull nazzjonalità li jgħixu fl-Ukrajna, u tal-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti; jilqa' bi pjaċir it-tiġdid tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Ukrajna, li hija vitali għall-kredibbiltà tal-proċess elettorali tal-Ukrajna u tal-elezzjonijiet kruċjali li se jsiru fl-2019; jappella lill-gvern jistabbilixxi arranġamenti fit-tħejjija għall-elezzjonijiet bil-għan li tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni politika u tal-manipulazzjoni permezz tal-konċentrazzjoni f'idejn ftit individwi ta' poter politiku, ekonomiku u tal-mezzi ta' komunikazzjoni;

27.  Itenni, bi prijorità kbira, l-appell tiegħu biex jitneħħew ir-rekwiżiti tad-dikjarazzjoni elettronika għall-attivisti tal-NGOs u biex jiġi żgurat skrutinju effettiv u trasparenti tad-dikjarazzjonijiet minn uffiċjali politiċi u minn ħaddiema taċ-ċivil; jikkundanna bil-qawwa l-għadd dejjem jikber ta' attakki fiżiċi kontra attivisti tad-drittijiet ċivili u ġurnalisti;

28.  Jinnota bi tħassib li l-gvern s'issa ma għamilx sforzi adegwati ta' diżarm tal-unitajiet tas-Settur tal-Lemin u ta' gruppi estremisti tal-lemin oħrajn, li għadhom armati bħal qabel; iħeġġeġ lill-gvern itemm il-klima ta' impunità dwar l-attakki vjolenti minn forzi radikali tal-lemin fuq minoranzi u dissidenti u l-intimidazzjoni tal-imħallfin jew l-influwenza fuq l-elezzjonijiet, u biex b'mod konsistenti jħarrek lit-trasgressuri li jikkommettu tali atti kriminali; jistenna li l-ġudikatura u l-prosekuturi pubbliċi jaġixxu b'mod ċar u awtonomu;

29.  Jirrimarka li l-"Manifest Nazzjonali" li ġie adottat dan l-aħħar mill-Partit Svoboda, mis-Settur tal-Lemin u minn bosta gruppi tal-lemin oħrajn, jesprimi oppożizzjoni ċara dwar l-assoċjazzjoni tal-Ukrajna mal-UE u jitlob għal "approċċ ġeopolitiku ġdid lejn il-Lvant u l-Punent"; jissottolinja l-fatt li l-pożizzjoni mhux solvuta tal-gvern dwar dawn l-iżviluppi qiegħda f'periklu li titfa' piż żejjed fuq ir-relazzjonijiet mal-ġirien rilevanti tal-UE u mal-UE kollha kemm hi u timmina l-kamp ta' applikazzjoni politiku biex jingħeleb id-distakk politiku fil-pajjiż u jissolva l-kunflitt f'Donbas;

30.  Jitlob li tingħata attenzjoni akbar liż-żoni li jaffettwaw l-ispazju tas-soċjetà ċivili għall-finijiet tal-abbozzar u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, sabiex jiġi żgurat li ma jitpoġġewx piżijiet sproporzjonati jew impatt diskriminatorju fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ma jitnaqqasx l-ispazju għas-soċjetà ċivili; jissottolinja l-bżonn ta' finanzjament pubbliku li jsir disponibbli għall-OSĊ li joperaw fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, inklużi l-organizzazzjonijiet ta' viġilanza u ta' difiża kif ukoll tal-organizzazzjonijiet ta' bażi ż-żgħar u dawk li jaħdmu mal-gruppi ta' minoranza u marġinalizzati; jikkunsidra li l-OSĊs għandhom ikunu ħielsa li jirċievu finanzjamenti minn donaturi oħrajn, bħad-donaturi privati u l-organizzazzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji internazzjonali;

31.  Jitlob li jitwettqu sforzi determinati biex titkompla r-riforma ta' deċentralizzazzjoni u biex titħaffef l-amalgamazzjoni tal-komunitajiet territorjali fid-dawl tal-elezzjonijiet ġenerali u lokali li jmiss;

32.  Huwa tal-fehma li l-muniċipalitajiet il-ġodda għandhom ikunu jistgħu igawdu minn stabbiltà finanzjarja u minn status ġuridiku b'bażi tajba, u li l-bliet il-kbar għandhom ukoll ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċess ta' amalgamazzjoni; iqis li huwa importanti li l-politika tal-Ukrajna kontra l-korruzzjoni tkopri r-reġjuni u l-istituzzjonijiet lokali; jiddispjaċih għall-abolizzjoni tal-proċess ta' għażla miftuħ u kompetittiv biex jiġu reklutati l-kapijiet tal-amministrazzjonijiet tad-distretti (rayons) u r-reġjuni (oblasts) u d-deputati tagħhom bħala ħaddiema taċ-ċivil, u l-poter mogħti lill-President biex jaħtarhom u jkeċċihom, peress li dan jimmina b'mod serju l-kisbiet li diġà twettqu permezz tad-deċentralizzazzjoni politika u tar-riforma ta' deċentralizzazzjoni b'mod ġenerali;

33.  Josserva li l-Gvern tal-Ukrajna, fil-Kapitolu 13 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, impenja lilu nnifsu li japplika b'mod effettiv l-istandards tax-xogħol ewlenin tal-ILO u l-approssimazzjoni mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE; jitlob li dawn l-impenji jiġu onorati u jissottolinja l-fatt li mhuwiex kompatibbli mal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni 87 tal-ILO (l-Artikolu 3(2)) li l-impjegatur ikun jeħtieġlu jirrapporta strajks jew azzjoni kollettiva oħra lis-servizz tas-sigurtà tal-istat jew li l-mexxejja u l-attivisti tat-tradeunions jitqiegħdu taħt is-superviżjoni tas-servizz tas-sigurtà tal-Istat; jitlob li l-bażi legali tittejjeb sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jisfurzaw b'mod effettiv lill-impjegaturi tagħhom b'mezzi ġudizzjarji li jirrispettaw id-dritt tagħhom li jħallsu pagi għax-xogħol li jkunu għamlu;

34.  Jirrakkomanda li titkompla l-ħidma fuq il-liġi dwar l-ispettorati tax-xogħol, li nġiebet fi tmiemha fl-2017, bil-għan li jiżdiedu b'mod sostanzjali l-istandards tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li jitneħħa r-rekwiżit li l-ispettorati tax-xogħol ifittxu l-approvazzjoni mill-intraprendituri, u jingħataw riżorsi suffiċjenti u setgħat ta' infurzar b'saħħithom; jenfasizza l-ħtieġa ta' involviment attiv tas-sħab soċjali f'dan;

Rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali

35.  Jibqa' mħasseb ħafna dwar l-għadd dejjem akbar ta' ċittadini Ukreni detenuti illegalment minn territorji okkupati temporanjament li ġew arrestati, sentenzjati u mibgħuta l-ħabs mill-awtoritajiet Russi, u jitlob li l-Federazzjoni Russa teħles immedjatament u inkondizzjonalment ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov 2018 Oleg Sentsov u ċ-ċittadini Ukreni kollha li ġew detenuti illegalment, inklużi persuni minn minoranzi reliġjużi u etniċi, atturi tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-awtoritajiet Ukreni u lill-komunità internazzjonali biex jużaw il-mezzi kollha disponibbli biex jeħilsuhom;

36.  Ifakkar li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola tal-Krimea marret lura b'mod sinifikanti, li l-ksur tal-libertà ta' espressjoni, l-abbuż tal-mezzi ta' komunikazzjoni u l-impożizzjoni furzata taċ-ċittadinanza Russa saru sistematiċi, u li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali mhuwiex garantit fil-Krimea;

37.  Jiddeplora n-nuqqas ta' investigazzjonijiet effettivi f'każijiet ta' attakki brutali kontra attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti, kif evidenzjat mill-qtil tal-attivista kontra l-korruzzjoni Kateryna Handziuk, li mietet fl-4 ta' Novembru 2018 wara attakk bl-aċidu; jitlob lill-awtoritajiet iressqu quddiem il-ġustizzja lill-istigaturi u lill-awturi ta' tali attakki u jtemmu l-impunità għal dawn id-delitti;

38.  Jitlob għal sforzi konġunti akbar biex tiġi implimentata l-Istrateġija tal-Ukrajna dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi politiki għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-minoranza Rom u ta' gruppi oħra ta' minoranza;

39.  Jiddispjaċih mill-fatt li l-investigazzjoni dwar l-imwiet li seħħew waqt id-dimostrazzjonijiet f'Maidan u f'Odessa u fl-assassinju tal-ġurnalisti hija miexja bil-mod wisq u ma tat l-ebda riżultat tanġibbli;

40.  jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni finali ta' liġi dwar l-istatus ġuridiku ta' persuni neqsin;

41.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd dejjem jikber ta' każijiet kriminali li qed jitressqu kontra ġurnalisti li żvelaw każijiet ta' korruzzjoni fl-apparat tal-Istat jew li kkritikaw il-politika ta' riforma tal-gvern jew il-politika diretta lejn il-Lvant tal-Ukrajna; ifakkar lill-gvern dwar l-impenn tiegħu li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti internazzjonalment, bħad-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni u t-tixrid pubbliku ta' fehmiet;

42.  Jitlob li l-Istatut ta' Ruma dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali jiġi ratifikat u li jitwettqu l-miżuri ta' implimentazzjoni rikjesti kollha;

43.  Jitlob li tiġi ratifikata l-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-vjolenza kontra n-nisa; iqis, f'dan ir-rigward, l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza Domestika; jilqa' bi pjaċir il-pożizzjoni maħluqa reċentement tal-Kummissarju tal-Gvern għall-Politika dwar il-Ġeneri;

44.  Filwaqt li jissottolinja b'mod ċar li r-responsabbiltà ewlenija hija mal-Federazzjoni Russa u r-rappreżentanti tagħha, jitlob lill-awtoritajiet Ukreni jwettqu sforzi addizzjonali biex tittaffa t-tbatija tal-poplu affettwat mill-kunflitt, inkluż l-appoġġ għall-persuni spustati internament (IDPs) u l-veterani tal-gwerra, u permezz ta' aċċess faċli għall-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali u s-servizzi għal dawk li jgħixu fit-territorji li bħalissa mhumiex fil-kontroll tal-gvern;

45.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' mezzi ta' komunikazzjoni indipendenti u ta' pluraliżmu tal-mezzi ta' komunikazzjoni sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ħaddiema tal-mezzi ta' komunikazzjoni u tal-ġurnalisti; jitlob li ma jkun hemm l-ebda limitu fuq l-opportunitajiet għal sorsi tal-mezzi ta' komunikazzjoni ta' lingwa ta' minoranza sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-etniċitajiet kollha jkunu jistgħu jgawdu aċċess ugwali għall-informazzjoni;

46.  Jitlob li l-Istrateġija għall-Ħarsien u l-Integrazzjoni fis-Soċjetà tal-Ukrajna tal-Minoranza Nazzjonali tar-Rom tiġi riveduta biex tinkludi l-monitoraġġ tas-sikurezza bħala prijorità ewlenija u biex din tiġi implimentata b'mod xieraq fil-livelli kollha; jitlob li jiġu stabbiliti programmi statali mmirati lejn il-prevenzjoni ta' reati ta' mibegħda u forom oħra ta' diskriminazzjoni bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jikkundanna l-istigmatizzazzjoni u l-esklużjoni soċjali b'għeruq fondi tar-Rom li jirriżultaw mill-anti-Żingariżmu; jinsab imħasseb ħafna dwar il-każijiet riċenti ta' vjolenza kontra r-Rom u l-komunità LGBTI u jitlob għal investigazzjonijiet immedjati u effikaċi mill-awtoritajiet u l-kundanna vokali u pubblika ta' dawn l-atti u tal-awturi tagħhom mill-gvern;

47.  Jieħu nota tal-intenzjoni tal-Ukrajna li temenda l-liġi dwar l-edukazzjoni skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u jitlob li din tiġi tradotta malajr f'azzjoni konkreta; jitlob li l-liġi tiġi implimentata bis-sħiħ abbażi ta' djalogu sostantiv mar-rappreżentanti ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali, inkluża l-leġiżlazzjoni li testendi l-perjodu ta' tranżizzjoni sal-2023 u tirregola l-eżenzjoni għall-iskejjel privati;

48.  Jesprimi tħassib dwar id-deċiżjoni riċenti minn qorti Ukrajna li tipprovdi aċċess għad-data tal-mowbajl ta' korrispondent investigattiv minn Radio Free Europe/Radio Liberty (RFE/RL) u jenfasizza l-importanza fundamentali tal-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni u l-protezzjoni tas-sorsi tal-ġurnalisti, speċjalment fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

49.  Jitlob sforzi konsistenti u immedjati għall-iżvilupp ta' mezzi ta' komunikazzjoni tas-servizz pubbliku li huma politikament u ekonomikament indipendenti u li huma impenjati għall-formazzjoni libera ta' opinjonijiet mingħajr kontroll mill-istat bħala kontrobilanċ għad-dominanza ta' monopolji privati oligarkiċi;

50.  Jikkundanna bil-qawwa s-sekwestru u l-estradizzjoni riċenti ta' ċittadini Torok minħabba l-allegazzjonijiet dwar ir-rabtiet tagħhom mal-moviment Gülen, bi ksur tal-prinċipju tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem bażiċi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukreni jiżguraw li kwalunkwe talba għal estradizzjoni minn pajjiżi terzi tiġi pproċessata b'mod trasparenti u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-proċeduri ġudizzjarji mwettqa skont il-prinċipji u l-istandards Ewropej, u li l-azzjonijiet kollha meħuda mill-awtoritajiet lokali jirrispettaw bis-sħiħ l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jisħaq li l-proċeduri arbitrarji li jinvolvu arresti, detenzjoni jew estradizzjoni huma bi ksur ta' dawn il-prinċipji; jitlob lill-awtoritajiet Ukreni jipproteġu lil dawk kollha li jfittxu asil u jeżaminaw it-talbiet tagħhom f'konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali; iħeġġeġ lill-UE tappoġġja u tgħin lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant biex jirreżistu l-pressjoni li saret mit-Turkija;

51.  Jesprimi tħassib dwar it-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili fil-Krimea, mhux l-inqas għall-għeluq tal-organizzazzjonijiet tal-mezzi ta' komunikazzjoni, mossa li affettwat b'mod sproporzjonat il-komunità tat-Tartari tal-Krimea, inkluż id-dritt tagħhom għall-informazzjoni u d-dritt tagħhom li jżommu l-kultura u l-identità tagħhom;

52.  Jenfasizza li l-libertà tal-espressjoni u tal-istampa fl-Ukrajna għandhom ikunu ggarantiti, u jesprimi tħassib dwar rapporti ta' fastidju ġudizzjarju u s-sorveljanza ta' ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

53.  Jesprimi tħassib dwar in-numru għoli ta' tfal u adulti infettati bil-ħosba fl-Ukrajna; jilqa' bi pjaċir il-miżuri ta' rispons li ttieħdu iżda jenfasizza li għad hemm ħafna tfal u adulti vulnerabbli fil-pajjiż; itenni, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' sforzi madwar l-Ewropa kollha biex jiżdied l-għadd ta' tfal u adulti mlaqqma;

Kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali

54.  Jilqa' bi pjaċir l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Ukrajna u l-progress miksub fl-implimentazzjoni tad-DCFTA; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Ukrajna ħalli jiġu identifikati l-oqsma li jistgħu jkomplu jrawmu d-diversifikazzjoni ekonomika u li dawn jingħataw prijorità fil-proċess tal-implimentazzjoni tad-DCFTA;

55.  Jilqa' bi pjaċir iż-żieda fil-volum ta' kummerċ bejn l-UE u l-Ukrajna u d-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-Ukrajna lejn l-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Ukrajna ħalli jiġu identifikati l-oqsma li jistgħu jkomplu jrawmu d-diversifikazzjoni ekonomika u li dawn jingħataw prijorità fil-proċess tal-implimentazzjoni tad-DCFTA; jindika li l-esportazzjonijiet lejn ir-Russja naqsu matul l-istess perjodu;

56.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li d-DCFTA jiġi implimentat kif suppost u li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tiegħu; jitlob lill-Kummissjoni biex f'każ ta' nuqqas ta' konformità ma' dispożizzjoni, mingħajr dewmien tagħmel kuntatt mal-parti inkwistjoni, u tuża l-istrumenti li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tegħleb kwalunkwe problema;

57.  Jappella lill-Ukrajna taħtar, bħala kwistjoni urġenti, lill-grupp konsultattiv domestiku tagħha sabiex tiżgura li l-implimentazzjoni tal-ftehim tkun immonitorjata mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif xieraq;

58.  Jirrikonoxxi t-tkabbir ekonomiku tal-Ukrajna u l-introduzzjoni ta' noti ta' riforma, madankollu, it-tħassib dejjem jikber ta' partijiet kbar tal-popolazzjoni fir-rigward taż-żieda fil-prezzijiet tal-konsumatur u tas-servizzi ewlenin u jinkoraġġixxi l-prijoritizzazzjoni tal-aġenda ta' riforma f'oqsma li huma aktar relatati mill-qrib mal-istruttura tal-produzzjoni u l-opportunitajiet ta' esportazzjoni tal-pajjiż, bil-għan li jiġi ġġenerat tkabbir ekonomiku u jinħolqu l-impjiegi u d-dħul; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-ridistribuzzjoni kontinwa tal-ġid f'idejn l-istrutturi jew il-familji oligarkiċi u l-faqar dejjem jikber ta' partijiet kbar tal-popolazzjoni; jitlob, għalhekk, li tingħata aktar attenzjoni lis-sitwazzjoni soċjali tal-pajjiż;

59.  Jemmen li l-konsolidazzjoni tal-ekonomija tal-Ukrajna u l-indirizzar tal-isfidi soċjali urġenti, bħall-qgħad, in-nuqqas ta' impjiegi, u l-ekonomija klandestina se jeħtieġu żieda sinifikanti fl-investiment; jitlob lill-awtoritajiet Ukreni jwettqu r-riformi meħtieġa biex jattiraw investimenti ġodda, b'mod partikolari l-investiment dirett barrani (IDB); jilqa' bi pjaċir, f'dan il-kuntest, il-Kuntratt ta' Riforma għall-Investiment miftiehem reċentement u jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha biex tnaqqas ir-riskji għas-settur privat biex dan jinvesti fl-Ukrajna; jistieden lill-Istati Membri jingħaqdu mal-Kummissjoni f'dan ir-rigward u jippromwovu l-Ukrajna bħala destinazzjoni ta' investiment fost il-komunitajiet tan-negozju tagħhom;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament valutazzjoni dettaljata tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni abbażi tal-progress li sar s'issa, peress li ġraw diversi avvenimenti mindu saret il-valutazzjoni tal-impatt tal-2007; iqis li din għandha tkopri l-punti li ġejjin b'mod partikolari:

   preżentazzjoni approfondita tal-bilanċ kummerċjali tal-Ukrajna kategorizzata skont is-settur u r-reġjun;
   l-iżvilupp ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u preżentazzjoni tal-faċilità ta' self DCFTA għall-SMEs, li fl-2015 ġiet stabbilita b'EUR 200 miljun sabiex tgħin lill-SMEs fil-Viċinat tal-Lvant;
   preżentazzjoni tas-sehem mis-suq;
   preżentazzjoni tas-sitwazzjoni soċjoekonomika;
   preżentazzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol, l-ekonomija li ma tidhirx u l-impjieg informali;
   analiżi aġġornata tas-sitwazzjoni makrofinanzjarja tal-Ukrajna, inklużi id-dħul u n-nefqa tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa;

61.  Ifakkar li r-Regolament (UE) 2017/1566 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi temporanji għall-Ukrajna li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali disponibbli taħt il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jinkludi rekwiżit legali li r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-DCFTA jinkludi valutazzjoni dettaljata tal-miżuri kummerċjali awtonomi, inkluż l-impatt soċjali tagħhom;

62.  Iqis li l-approssimazzjoni regolatorja bejn l-UE u l-Ukrajna fl-ambitu tad-DCFTA hija strument fundamentali biex l-Ukrajna titqarreb lejn l-UE u dan jikkontribwixxi għall-iffaċilitar tal-kummerċ, għal klima aħjar tan-negozju u investiment, u għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli tal-Ukrajna; iqis li l-aspett tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ għandha tiġi amministrata b'attenzjoni bil-ħsieb li jiġu minimizzati l-ispejjeż filwaqt li jiġu massimizzati l-benefiċċji għall-impriżi u s-soċjetà tal-Ukrajna u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tikkunsidra aktar preferenzi kummerċjali awtonomi u mezzi oħra; jinkoraġġixxi lill-Ukrajna tagħti prijorità lill-implimentazzjoni tal-aġenda ta' riforma f'oqsma li huma relatati aktar mill-qrib mal-istruttura tal-produzzjoni tagħha u mal-opportunitajiet ta' esportazzjoni lejn l-UE bl-għan li jiġu minimizzati l-ispejjeż ta' tranżizzjoni u jiġu massimizzati l-benefiċċji potenzjali; jappella lill-Ukrajna taħtar, bħala kwistjoni urġenti, lill-grupp konsultattiv domestiku tagħha biex jiżgura il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehim mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-faqar fost il-popolazzjoni;

63.  Iqis li l-approssimazzjoni regolatorja mal-acquis tal-UE hija d-dimensjoni ewlenija tad-DCFTA minħabba l-aċċess reali għas-suq tal-UE u r-riforma tiddependi ħafna fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni rilevanti; huwa konxju mill-isfida kbira li dan jirrappreżenta għall-governanza, l-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika fl-Ukrajna u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ tekniku u finanzjarju adegwat; ifaħħar l-attivitajiet tal-Grupp ta' Appoġġ għall-Ukrajna u jappella lill-grupp biex jipprovdi aktar rapportar lill-Parlament dwar it-tip ta' assistenza pprovduta, b'mod partikolari fir-rigward tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis;

64.  Iqis li l-involviment tal-awtoritajiet tal-Ukrajna mill-mument tal-abbozzar tal-leġiżlazzjoni rilevanti huwa utli sabiex il-proċess ikun aktar inklużiv u jitnaqqsu l-ispejjeż ta' tranżizzjoni għall-Ukrajna, u jappella lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-mekkaniżmi ta' skambju ta' informazzjoniex ante;

65.  Jilqa' bi pjaċir l-adattament tal-Istrateġija Nazzjonali għat-Trasport u jitlob li r-riformi legali u istituzzjonali meħtieġa jiġu approvati biex jimplimentawha b'mod effettiv;

66.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' progress fl-approssimazzjoni mal-istandards tal-UE dwar il-benessri tal-annimali, u jappella lill-Ukrajna tadotta b'mod urġenti strateġija biex tissodisfa dan l-impenn;

67.  Jinnota r-rata preferenzjarja ta' utilizzazzjoni għolja, u jilqa' ż-żieda kontinwa fil-linji tariffarji fejn jintużaw il-preferenzi;

68.  Jinnota li l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-DCFTA hija ffokata ħafna fuq il-flussi kummerċjali u l-ostakli għall-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni biex tosserva u tivvaluta l-implimentazzjoni tad-DCFTA, b'attenzjoni partikolari mogħtija lit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis, kif ukoll lill-impatt fuq is-soċjetà tal-Ukrajna, u biex tipprovdi rapportar annwali pubbliku u komprensiv, inkluż dwar l-appoġġ tekniku u finanzjarju pprovdut mill-UE;

69.  Jistenna li l-Ukrajna taħtar arbitri għas-sistema ta' riżoluzzjoni tat-tilwim u għall-istabbiliment tal-korpi u taħtar rappreżentanti fl-ambitu tal-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli;

70.  Jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni mill-Verkhovna Rada tal-Liġi Nru 5495 dwar il-preservazzjoni tal-foresti tal-Ukrajna u l-prevenzjoni tal-esportazzjoni illegali ta' injam mhux proċessat waqt l-ewwel qari tal-20 ta' Marzu 2018; iqis li kwalunkwe liberalizzazzjoni ta' kummerċ tal-injam għandha tkun kundizzjonali fuq l-istabbiliment ta' qafas legali dwar il-prevenzjoni u l-projbizzjoni tal-esportazzjoni illegali;

71.  Jinnota l-impenn tal-Ukrajna skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni biex tiġġieled u tipprevjeni l-kummerċ illeċitu, u jappella lill-pajjiż jieħu passi biex dan jiġi kkriminalizzat;

72.  Jinnota li s-Sħubija tal-Lvant s'issa kien prinċipalment iffokata fuq il-kummerċ u l-investiment bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi l-oħra involuti; jitlob l-iżvilupp ta' approċċ aktar għall-pajjiżi kollha fis-Sħubija tal-Lvant u aktar kooperazzjoni mal-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika fir-rigward tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ, il-libertà tal-viża u l-istandards tekniċi.

Kooperazzjoni fl-enerġija, is-sigurtà u d-difiża

73.  Ifaħħar lill-Ukrajna għall-kooperazzjoni tajba li kisbet fis-settur tal-enerġija, mhux l-anqas il-progress li wettqet fl-effiċjenza enerġetika; jenfasizza r-rwol ewlieni tat-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija u l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli, anke bħala vetturi tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi; jirrimarka l-bżonn li jitkomplew ir-riformi, b'mod partikolari li titwettaq ir-riforma tas-swieq tal-gass u tal-elettriku, bil-għan li dawn jiġu integrati bis-sħiħ fis-suq tal-enerġija tal-UE u li jintemmu l-monopolji eżistenti u li jiġi evitat il-ħolqien ta' oħrajn ġodda, li għandhom iwasslu għal benefiċċji ekonomiċi fuq il-perjodu ta' żmien twil għall-industrija u l-konsumaturi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-proġetti kollha tal-pipelines jikkonformaw mar-regolamenti tal-UE; jitlob li l-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija tissaħħaħ fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant bil-għan li jiġi implimentat il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2015; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' awtorità nazzjonali, indipendenti mill-interessi politiċi u privati, biex tirregola s-suq tal-gass u tal-elettriku, li għandha tkun impenjata biex tikseb bilanċ soċjalment ġust bejn l-interessi tal-fornituri u l-konsumaturi finali meta jipprezzaw u għandha tiżgura ż-żieda ġustifikata tal-prezzijiet;

74.  Jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni ta' għadd kbir ta' liġijiet fil-qasam tal-ambjent, speċjalment dawk dwar il-valutazzjoni ambjentali strateġika u l-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, u jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' implimentazzjoni u ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubbliċi essenzjali; jilqa' bi pjaċir il-progress fil-politika dwar il-klima, bl-adozzjoni u s-sottomissjoni għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima tal-istrateġija ta' żvilupp bl-użu ta' livell baxx ta' karbonju; iħeġġeġ l-adozzjoni bikrija tal-istrateġija tal-politika ambjentali tal-istat u ta' leġiżlazzjoni ġdida dwar il-ġestjoni tal-iskart u politika dwar il-klima f'konformità mal-acquis tal-UE;

75.  Ifakkar li l-governanza ambjentali hija karatteristika ewlenija tar-rekwiżiti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; jappella lill-awtoritajiet jikkunsidraw mill-ġdid il-ftehim u kwalunkwe pjan futur dwar il-Kumpless ta' Idroenerġija ta' Dniester, biex iġibuhom konformi mal-konvenzjonijiet internazzjonali u l-istandards tal-UE, filwaqt li jiżguraw li l-partijiet kollha kkonċernati mill-Moldova u l-Ukrajna jiġu kkonsultati b'mod pubbliku, bl-inklużjoni tas-soċjetà ċivili, u biex l-ekosistema u l-ambjent tax-Xmara Dniester jiġu protetti;

76.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar it-tħassir tas-sitwazzjoni ekoloġika fil-Lvant tal-Ukrajna u l-Krimea bħala konsegwenza tal-kunflitt, u b'mod partikolari l-problemi relatati mal-provvista tal-ilma, li jista' jkollhom konsegwenzi devastanti għar-reġjun kollu u jwasslu għal diżastru irriversibbli; iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha biex jevitaw tali xenarju u jaħdmu bil-mezzi kollha disponibbli għalihom biex jiżguraw il-manutenzjoni xierqa u l-ippumpjar tal-ilma, inkluż fil-minjieri;

77.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Ukrajna biex tibni ekonomija tas-suq diġitali ġenwina, inkluż il-progress fl-iżvilupp ta' data miftuħa, billi twessa' l-aċċess għal sistemi ta' aċċess kundizzjonali għas-servizzi tat-televiżjoni diġitali u tan-netwerk virtwali, filwaqt li żżid in-numru ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika għaċ-ċittadini u r-reġistri pubbliċi bħal ProZorro; jenfasizza li jrid isir aktar xogħol biex jiġi żgurat li d-drittijiet u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini Ukraini li jużaw l-internet ikunu protetti u biex jiġu implimentati bis-sħiħ ir-rekwiżiti tas-Suq Uniku Diġitali;

78.  Jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni tal-liġi dwar is-servizzi fiduċjarji elettroniċi u l-prijoritajiet definiti fil-Kunċett għall-Iżvilupp tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali fl-Ukrajna għall-2018-2020, li jikkostitwixxu passi importanti fit-triq tal-integrazzjoni tal-Ukrajna fis-Suq Uniku Diġitali tal-UE;

79.  Itenni r-rwol kruċjali tal-Ukrajna fin-netwerk Ewropew tal-provvista tal-enerġija; jikkundanna l-kostruzzjoni tal-pipeline Nord Stream 2, peress li huwa proġett politiku li jhedded is-sigurtà tal-enerġija Ewropea u l-isforzi biex tiġi diversifikata l-provvista tal-enerġija; jitlob li l-proġett jiġi kkanċellat;

80.  Jinsab mħasseb dwar l-iskemi li jisfruttaw b'mod illegali r-riżorsi naturali, bħalma huma l-ambra, il-faħam, ir-ramel u l-injam li, f'ħafna każijiet, huma protetti u organizzati bl-għajnuna ta' amministrazzjonijiet lokali jew reġjonali u ta' korpi tal-infurzar tal-liġi, li jagħmlu ħsara u jipperikolaw il-pajsaġġi u l-ħabitats, bħall-foresti u x-xmajjar, u jipprevjenu l-ġestjoni ekoloġikament u ekonomikament sostenibbli tar-riżorsi tal-pajjiż għall-benefiċċju taċ-ċittadini tiegħu;

81.  Jiddeplora l-qerda tal-foresti Ukraini, kwistjoni marbuta ma' skemi ta' korruzzjoni li għall-benefiċċju tal-interessi personali fl-Ukrajna u l-kumpaniji fl-UE; jitlob li jitfasslu regolamenti effettivi, u li jiġu implimentati u infurzati malajr sabiex jiġi evitat it-tqaċċit illegali tas-siġar u l-korruzzjoni fl-injam fl-Ukrajna u ħalli tiġi stabbilita ġestjoni sostenibbli tal-forestrija sabiex jiġu protetti u ppreservati l-foresti u r-riżorsi tal-Ukrajna;

82.  Jilqa' bi pjaċir il-passi meħuda biex jiġu modernizzati l-armata u l-Forzi Navali tal-Ukrajna fil-Baħar l-Iswed u fil-Baħar ta' Azov bħala garanziji sodi dwar l-istabbiltà u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, filwaqt li, madankollu, jinkoraġġixxi r-riforma tal-industrija tad-difiża bħala kwistjoni ta' ħtieġa urġenti;

83.  Jikkundanna bil-qawwa l-att intenzjonat ta' aggressjoni mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna fil-25 ta' Novembru 2018 fl-Istrett ta' Kerch; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-bastimenti u l-baħrin Ukrajni kollha, li sadanittant għandhom jiġu ttrattati bħala priġunieri tal-gwerra; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jintroduċu sanzjonijiet immirati jekk il-persuni tas-servizz tal-Ukrajna ma jinħelsux u jekk ikun hemm kwalunkwe eskalazzjoni militari ulterjuri; jenfasizza li m'hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal tali użu militari min-naħa tar-Russja; jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li dan jista' jikkostitwixxi tentattiv minn taħt biex jiġu inklużi d-drittijiet sovrani tal-Ukrajna fil-Baħar ta' Azov bil-għan li dan jiġi ttrasformat f'"lag intern" Russu u żona militari esklussiva, u biex tiġi kkontrollata l-ekonomija tax-Xlokk tal-Ukrajna; jitlob li r-Russja tiggarantixxi l-libertà tan-navigazzjoni fl-Istrett ta' Kerch u fil-Baħar ta' Azov, li hija żgurata mil-liġi internazzjonali; iħeġġeġ lill-OSKE u lill-Membri tagħha biex jestendu l-mandat tal-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE fil-Baħar ta' Azov; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħlqu l-aċċess għall-portijiet tal-UE għal bastimenti Russi li ġejjin mill-Baħar ta' Azov jekk ir-Russja ma terġax tistabbilixxi l-libertà tan-navigazzjoni fl-Istrett ta' Kerch u fil-Baħar ta' Azov; jitlob li l-mezzi diplomatiċi kollha jintużaw biex jikkalmaw is-sitwazzjoni u jilqa' l-offerta ta' medjazzjoni bejn Kiev u Moska;

84.  Ifakkar fl-importanza tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-Ukrajna f'livelli differenti, inklużi s-sigurtà u d-difiża; jilqa' bi pjaċir, f'dan ir-rigward, l-interess tal-Ukrajna li tinvolvi lilha nnifisha aktar fi proġetti tad-difiża, inklużi l-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), dwar is-sigurtà u d-difiża;

85.  Iħeġġeġ lill-Ukrajna u lill-UE jkomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni tagħhom fl-oqsma tal-ġustizzja, il-libertà u l-affarijiet interni;

Dispożizzjonijiet istituzzjonali

86.  Jenfasizza l-importanza li ċ-ċittadini tal-Ukrajna jiġu mgħarrfa b'mod proattiv dwar il-benefiċċji u l-għanijiet konkreti tas-Sħubija tal-Lvant;

87.  Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz u l-propaganda tar-Russja, inkluż l-indħil antiċipat tagħha fl-elezzjonijiet fl-Ukrajna u fl-Unjoni Ewropea kollha; jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ukrajna-UE dwar din il-kwistjoni;

88.  Jitlob għal monitoraġġ aħjar u segwitu tal-implimentazzjoni tar-riformi kemm min-naħa tal-Ukrajna kif ukoll min-naħa tal-UE, abbażi ta' indikaturi koerenti u li jistgħu jitkejlu; jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni u lis-SEAE jippreżentaw lill-Parlament u lill-Kunsill rapporti bil-miktub, aktar spissi u dettaljati dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-ftehimiet;

89.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tosserva u tivvaluta l-implimentazzjoni tad-DCFTA, b'attenzjoni partikolari mogħtija lit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis, u lill-impatt fuq is-soċjetà tal-Ukrajna, u biex tipprovdi rapportar annwali pubbliku u komprensiv, inkluż dwar l-appoġġ tekniku u finanzjarju pprovdut mill-UE;

90.  Jemmen u jenfasizza li sakemm timpenja ruħha biex timplimenta l-FA u tirrispetta l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali, l-Ukrajna (u stati assoċjati oħra - il-Moldova u l-Georgia) għandhom jingħataw mekkaniżmi ta' appoġġ speċifiċi mill-UE, inkluż fil-qafas tal-qafas finanzjarju pluriennali ta' wara l-2020 f'konformità mal-mudell tas-Sħubija tal-Lvant Plus, kif rakkomandat mill-Parlament;

91.  Jiddeċiedi li jfassal rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni;

o
o   o

92.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Diċembru 2018Avviż legali